Language of document : ECLI:EU:T:2009:194

Kawża T‑222/04

Ir‑Repubblika Taljana

vs

Il‑Kummissjoni tal‑Komunitajiet Ewropej

“Għajnuna mill-Istat — Skema ta’ għajnuna mogħtija mill-awtoritajiet Taljani lil ċerti impriżi tas-servizz pubbliku fil-forma ta’ eżenzjonijiet fiskali u ta’ self b’rata preferenzjali — Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni — Għajnuna eżistenti jew għajnuna ġdida — Artikolu 86(2) KE”

Sommarju tas-sentenza

1.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri — Effett ħażin fuq il-kompetizzjoni — Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Artikolu 87(1) KE)

2.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Kunċett — Intervent mill-Istat li jtaffi l-ispejjeż li normalment ikunu ta’ piż għall-baġit ta’ impriża

(Artikolu 87(1) KE)

3.      Atti tal-istituzzjonijiet — Motivazzjoni — Obbligu — Portata — Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat — Karatterizzazzjoni tal-effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri

(Artikoli 87(1) KE u 253 KE)

4.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Għajnuna eżistenti u għajnuna ġdida — Klassifikazzjoni bħala għajnuna ġdida

(Artikolu 88 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, Artikolu 1(b)(i) u (v))

5.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Kunċett — Miżuri intiżi sabiex jikkumpensaw għall-ispejjeż tal-funzjonijiet ta’ servizz pubbliku mwettqa minn impriża — Esklużjoni

(Artikolu 86(2) KE u 87(1) KE)

1.      Il-Kummissjoni mhijiex marbuta, meta tivverifika jekk għajnuna tkunx taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u jekk toħloqx distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni, li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ effett reali ta’ din l-għajnuna fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u distorsjoni effettiva tal-kompetizzjoni, iżda biss li teżamina jekk din l-għajnuna tistax taffettwa dan il-kummerċ u toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni.

Fil-każ ta’ skema ta’ għajnuna, il-Kummissjoni tista’ tillimita ruħha li teżamina l-karatteristiċi tal-iskema inkwistjoni sabiex tevalwa fil-motivi tad-deċiżjoni tagħha jekk, minħabba r-regoli dettaljati li dan il-programm jipprovdi, dan tal-aħħar huwiex tali li jagħti vantaġġ essenzjalment lil impriżi li jipparteċipaw fil-kummerċ bejn l-Istati Membri.

Barra minn hekk, kull għajnuna mogħtija lil impriża li teżerċita l-attivitajiet tagħha fis-suq Komunitarju tista’ tikkawża distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. Ma jeżisti l-ebda limitu jew perċentwali li taħthom jista’ jitqies li l-kummerċ bejn l-Istati Membri mhuwiex affettwat. Fil-fatt, l-ammont relativament baxx ta’ għajnuna jew id-daqs relativament żgħir tal-impriża benefiċjarja ma jeskludux, a priori, l-eventwalità li l-kummerċ bejn l-Istati Membri jkun affettwat.

Fir-rigward tal-kundizzjoni li l-kummerċ bejn l-Istati jkun affettwat, il-fatt li impriża benefiċjarja ta’ miżura statali topera waħedha fis-suq nazzjonali tagħha jew fit-territorju tal-oriġini tagħha mhuwiex determinanti. Fil-fatt, il-kummerċ bejn l-Istati huwa affettwat mill-miżura kkonċernata meta jitnaqqsu l-opportunitajiet tal-impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħrajn sabiex jipprovdu s-servizzi tagħhom fis-suq tal-Istat Membru kkonċernat.

(ara l-punti 41-44, 55)

2.      L-Artikolu 87(1) KE jimponi li jiġi ddeterminat jekk, fil-kuntest ta’ sistema legali partikolari, miżura nazzjonali tkunx ta’ natura li tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi meta mqabbla ma’ oħrajn, li jkunu, fid-dawl tal-għan imfittex mill-imsemmija sistema, f’sitwazzjoni fattwali u ġuridika paragunabbli.

Il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat jinkludi l-miżuri kollha li, taħt forom differenti, itaffu l-ispejjeż li normalment huma ta’ piż għall-baġit ta’ impriża u li, għaldaqstant, mingħajr ma jkunu sussidji fit-tifsira stretta tal-kelma, huma tal-istess natura u għandhom effetti identiċi.

F’dan ir-rigward, eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin li ttaffi l-ispejjeż li normalment jitħallsu mill-baġit ta’ impriża u li minħabba f’hekk tagħti vantaġġ finanzjarju lil min jibbenefika minnha fil-konfront tal-impriżi normalment suġġetti għat-taxxa, tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

Barra minn hekk, jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat is-self mogħti lil impriża mill-Istat jew minn korp ikkontrollat mill-Istat, u li jippermetti li din l-impriża tibbenefika minn kundizzjonijiet iktar vantaġġużi minn dawk li kienet tikseb fis-suq tal-kapital. F’dan ir-rigward, huwa leġittimu li l-Kummissjoni tieħu bħala rata ta’ referenza r-rata stabbilita għall-evalwazzjoni tal-iskemi ta’ għajnuna bi skop reġjonali kif ippubblikata perjodikament fil-Ġurnal Uffiċjali. Dawn huma rati favorevoli, li japplikaw għal impriżi b’saħħithom, li jkunu ntużaw, fil-każ fejn l-iskema kkontestata tkun ġiet innotifikata, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ elementi ta’ għajnuna.

(ara l-punti 60, 61, 63, 67, 70)

3.      Fir-rigward ta’ deċiżjoni dwar għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni, fil-motivi tad-deċiżjoni tagħha, hija obbligata li tirreferi, minn tal-inqas, għaċ-ċirkustanzi li fihom ingħatat għajnuna, meta dawn jippermettulha turi li l-għajnuna hija ta’ natura li taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. Min-naħa l-oħra, din mhijiex obbligata li turi l-effett reali ta’ għajnuna li diġà ngħatat. Fil-fatt, kieku dan kien il-każ, dan ir-rekwiżit iwassal sabiex ikunu ffavoriti l-Istati Membri li jagħtu għajnuna bi ksur tal-obbligu ta’ notifika previst fl-Artikolu 88(3) KE għad-detriment ta’ dawk li jinnotifikaw l-għajnuna meta tkun fl-istadju ta’ proposta.

(ara l-punt 78)

4.      Kemm mill-kontenut kif ukoll mill-għanijiet tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 88 KE jirriżulta li għandha titqies bħala għajnuna eżistenti fis-sens tal-Artikolu 88(1) KE l-għajnuna li kienet teżisti qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat KE u dik li setgħet tiġi eżegwita legalment taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 88(3) KE, filwaqt li għandhom jiġu kkunsidrati bħala għajnuna ġdida suġġetta għall-obbligu ta’ notifika previst minn din l-aħħar dispożizzjoni, il-miżuri li jistabbilixxu jew ibiddlu għajnuna, filwaqt li jiġi ppreċiżat li t-tibdil jista’ jirrigwarda għajnuna eżistenti, jew proġetti inizjali nnotifikati lill-Kummissjoni. Meta t-tibdil jaffettwa l-essenza nfisha tal-iskema inizjali, din l-iskema tinbidel fi skema ta’ għajnuna ġdida. Madankollu, ma jistax ikun hemm tali bidla essenzjali meta l-element il-ġdid jista’ kjarament jiġi mifrud mill-iskema inizjali.

(ara l-punti 90, 94)

5.      Intervent mill-Istat li jikkostitwixxi kumpens li jirrappreżenta l-ħlas tas-servizzi pprovduti mill-impriżi benefiċjarji sabiex jeżegwixxu obbligi ta’ servizz pubbliku, b’tali mod li dawn l-impriżi ma jibbenefikawx, fir-realtà, minn vantaġġ finanzjarju u li l-imsemmi intervent għalhekk ma għandux l-effett li jqiegħed lil dawn l-impriżi f’pożizzjoni kompetittiva iktar favorevoli meta mqabbla mal-impriżi f’kompetizzjoni magħhom, ma jikkostitwixxix, bħala prinċipju, għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE. Madankollu, sabiex tali kumpens ikun jista’ jevita l-klassifikazzjoni bħala għajnuna mill-Istat, ċertu numru ta’ kundizzjonijiet, imsemmija fis-sentenza Altmark, għandhom ikunu sodisfatti b’mod kumulattiv. Fost dawn hemm il-kundizzjoni li l-impriża benefiċjarja għandha effettivament tkun inkarigata bl-eżekuzzjoni ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku, obbligi li għandhom jiġu definiti b’mod ċar, u l-kundizzjoni li l-kumpens ma jkunx iktar minn dak meħtieġ sabiex ikopri l-ispejjeż kollha jew parti minnhom riżultanti mill-eżekuzzjoni tal-obbligi ta’ servizz pubbliku, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni d-dħul relatat magħhom kif ukoll qligħ raġonevoli għall-eżekuzzjoni ta’ dawn l-obbligi.

Il-kundizzjoni li l-impriża benefiċjarja għandha effettivament tkun inkarigata bl-eżekuzzjoni ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku tapplika wkoll fil-kuntest tad-deroga prevista fl-Artikolu 86(2) KE, intiża għall-impriżi inkarigati bit-tmexxija ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali jew li għandhom il-karattru ta’ monopolju fiskali. Fiż-żewġ każijiet, miżura għandha, f’kull każ, tissodisfa, minn naħa waħda, il-prinċipji ta’ definizzjoni u ta’ għoti ta’ servizz pubbliku, u min-naħa l-oħra, il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

(ara l-punti 108-112)