Language of document : ECLI:EU:T:2009:194

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tmien Awla Estiża)

11 ta’ Ġunju 2009 (*)

“Għajnuna mill-Istat – Skema ta’ għajnuna mogħtija mill-awtoritajiet Taljani lil ċerti impriżi tas-servizz pubbliku fil-forma ta’ eżenzjonijiet fiskali u ta’ self b’rata preferenzjali – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni – Għajnuna eżistenti jew għajnuna ġdida – Artikolu 86(2) KE”

Fil-Kawża T‑222/04,

Ir-Repubblika Taljana, irrappreżentata inizjalment minn I. Braguglia, sussegwentement minn R. Adam u I. Bruni, bħala aġenti, assistiti minn M. Fiorilli, avvocato dello Stato,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn V. Di Bucci, bħala aġent,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/193/KE, tal-5 ta’ Ġunju 2002, dwar għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ eżenzjonijiet fiskali u ta’ self b’kundizzjonijiet preferenzjali mogħtija mill-Italja lil impriżi tas-servizz pubbliku b’kapital azzjonarju, fil-parti l-kbira, pubbliku (ĠU 2003, L 77, p. 21),

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tmien Awla Estiża),

komposta minn E. Martins Ribeiro, President tal-Awla, D. Šváby, S. Papasavvas, N. Wahl (Relatur) u A. Dittrich, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-16 ta’ April 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1.     Il-kuntest ġuridiku nazzjonali

1        Il-legge n° 142 ordinamento delle autonomie locali (Liġi Nru 142 li torganizza l-awtoritajiet awtonomi lokali, tat-8 ta’ Ġunju 1990, GURI Nru 135, tat-12 ta’ Ġunju 1990, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 142/90”) introduċiet fl-Italja riforma tal-istrumenti legali ta’ organizzazzjoni għad-dispożizzjoni tal-komuni għall-amministrazzjoni tas-servizzi pubbliċi, b’mod partikolari fis-setturi tat-tqassim tal-ilma, tal-gass, tal-elettriku u tat-trasport. L-Artikolu 22 tal-imsemmija liġi, kif emendat, ipprovda l-possibbiltà għall-komuni li joħolqu kumpanniji f’diversi forom ġuridiċi sabiex jiġu pprovduti servizzi pubbliċi, fosthom kumpanniji kummerċjali jew kumpanniji b’responsabbiltà limitata b’kapital azzjonarju, fil-parti l-kbira, pubbliku (iktar ’il quddiem il-“kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90”).

2        F’dan il-kuntest, skont l-Artikolu 9 bis tal-legge n° 488 di conversione in legge, con modificazioni, del decreto-legge 1° luglio 1986, n° 318, recante provvedimenti urgenti per la finanza locale (Liġi Nru 488 li tikkonverti f’liġi, b’ċerti emendi, id-Digriet Leġiżlattiv Nru 318 tal-1 ta’ Lulju 1986, li jintroduċi miżuri urġenti favur il-finanzi lokali, tad-9 ta’ Awwissu 1986, GURI Nru 190, tat-18 ta’ Awwissu 1986), ingħata self b’rata speċjali ta’ interessi mill-Cassa Depositi e Prestiti (iktar ’il quddiem iċ-“CDDPP”) bejn l-1994 u l-1998 lil ċerti kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90 li kienu jipprovdu servizzi pubbliċi (iktar ’il quddiem is-“self taċ-CDDPP”).

3        Barra minn hekk, skont id-dispożizzjonijiet, moqrija flimkien, tal-Artikolu 3(69) u (70) tal-legge Nru 549 (su) misure di razionalizzazione della finanza pubblica (Liġi Nru 549 dwar miżuri ta’ razzjonalizzazzjoni tal-finanzi pubbliċi, tat-28 ta’ Diċembru 1995, suppliment ordinarju għall-GURI Nru 302, tad-29 ta’ Diċembru 1995, iktar ’il quddiem il-Liġi Nru 549/95”) u tad-decreto-legge n° 331 (su) armonizzazione delle disposizioni in materia di imposte sugli oli minerali, sull’alcole, sulle bevande alcoliche, sui tabacchi lavorati e in materia di IVA con quelle recate da direttive CEE e modificazioni conseguenti a detta armonizzazione, nonché disposizioni concernenti la disciplina dei centri autorizzati di assistenza fiscale, le procedure dei rimborsi di imposta, l’esclusione dall’ILOR dei redditi di impresa fino all’ammontare corrispondente al contributo diretto lavorativo, l’istituzione per il 1993 di un’imposta erariale straordinaria su taluni beni ed altre disposizioni tributarie (Digriet Leġiżlattiv Nru 331 fuq l-armonizzazzjoni tad-dispożizzjoniiet dwar taxxi f’diversi oqsma, tat-30 ta’ Awwissu 1993, GURI Nru 203, tat-30 ta’ Awwissu 1993, iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 331/93”), iddaħħlu l-miżuri li ġejjin favur l-impriżi tal-Liġi Nru 142/90:

–        l-eżenzjoni mit-taxxi kollha fuq it-trasferimenti tal-attiv li jsiru mat-trasformazzjoni ta’ impriżi speċjali u impriżi muniċipali f’kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90 (iktar ’il quddiem l-“eżenzjoni mit-taxxi fuq it-trasferimenti”);

–        l-eżenzjoni totali mit-taxxa fuq il-kumpanniji, jiġifieri t-taxxa fuq il-profitti tal-persuni ġuridiċi u t-taxxa lokali fuq id-dħul, matul tliet snin, u sa mhux aktar tard mis-sena finanzjarja 1999 (iktar ’il quddiem l-“eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin”).

2.     Il-proċeduri amministrattivi

4        Wara li sar ilment fir-rigward tal-imsemmija miżuri, il-Kummissjoni talbet, permezz ta’ ittri tat-12 ta’ Mejju, tas-16 ta’ Ġunju u tal-21 ta’ Novembru 1997, informazzjoni f’dan ir-rigward mingħand l-awtoritajiet Taljani.

5        B’ittra tas-17 ta’ Diċembru 1997, l-awtoritajiet Taljani pprovdew parti mill-informazzjoni mitluba. Barra minn hekk, saret laqgħa fid-19 ta’ Jannar 1998, fuq talba tal-awtoritajiet Taljani.

6        B’ittra tas-17 ta’ Mejju 1999, il-Kummissjoni nnotifikat lill-awtoritajiet Taljani bid-deċiżjoni tagħha li tibda l-proċedura prevista mill-Artikolu 88(2) KE. Din id-deċiżjoni ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej tal-31 ta’ Lulju 1999 (ĠU C 220, p. 14).

7        Wara li rċeviet osservazzjonijiet minn terzi interessati u mill-awtoritajiet Taljani, il-Kummissjoni talbet, diversi drabi, informazzjoni addizzjonali mingħand dawn tal-aħħar. Saru wkoll laqgħat bejn, minn naħa, il-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, l-awtoritajiet Taljani kif ukoll it-terzi interessati li intervjenew.

8        Ċerti kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90, bħal ACEA SpA, AEM SpA u Azienda Mediterranea Gas e Acqua SpA (AMGA), li ppreżentaw ukoll rikors għall-annullament tad-deċiżjoni li hija s-suġġett ta’ din il-kawża (rispettivament Kawżi T‑297/02, T‑301/02 u T‑300/2), sostnew, b’mod partikolari, li t-tliet tipi ta’ miżuri inkwistjoni ma kinux jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat.

9        L-awtoritajiet Taljani u l-Confederazione Nazionale dei Servizi (Confservizi), konfederazzjoni li tiġbor fiha b’mod partikolari kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90 u impriżi speċjali tal-komuni fl-Italja, adottaw, essenzjalment, din il-pożizzjoni.

10      Min-naħa l-oħra, il-Bundesverband der deutschen Industrie eV (BDI), assoċjazzjoni Ġermaniża tal-industrija u tal-fornituri ta’ servizzi marbutin magħha, ikkunsidrat li l-miżuri inkwistjoni setgħu jikkawżaw distorsjonijiet tal-kompetizzjoni mhux biss fl-Italja iżda wkoll fil-Ġermanja.

11      Bl-istess mod, Gas-it, assoċjazzjoni Taljana ta’ operaturi privati fis-settur tat-tqassim tal-gass, iddikjarat li l-miżuri inkwistjoni, b’mod partikolari l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin, kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat.

12      Fil-5 ta’ Ġunju 2002, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2003/193/KE dwar għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ eżenzjonijiet fiskali u ta’ self b’kundizzjonijiet preferenzjali mogħtija mill-Italja lil kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90 (ĠU 2003, L 77, p. 21, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

3.     Id-deċiżjoni kkontestata

13      Il-Kummissjoni tenfasizza qabel kollox li l-eżami tagħha jirrigwarda biss l-iskemi ta’ għajnuna ta’ portata ġenerali stabbiliti mill-miżuri inkwistjoni u mhux l-għajnuna individwali mogħtija lil diversi impriżi, u għalhekk, l-eżami tagħha fid-deċiżjoni kkontestata huwa ġenerali u astratt. F’dan ir-rigward, hija tiddikjara li r-Repubblika Taljana “ma tatx vantaġġi fiskali fuq bażi individwali u ma nnotifikat[ha] […] b’ebda każ individwali ta’ għajnuna meta bagħtitilha l-informazzjoni kollha neċessarja għall-evalwazzjoni tagħha”. Il-Kummissjoni tindika li hija tqis, konsegwentement, li għandha twettaq eżami ġenerali u astratt tal-iskemi inkwistjoni kemm mill-aspett tal-klassifikazzjoni tagħhom kif ukoll mill-aspett tal-kompatibbiltà tagħhom mas-suq komuni (premessi 42 sa 45 tad-deċiżjoni kkontestata).

14      Skont il-Kummissjoni, is-self taċ-CDDPP u l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin (iktar ’il quddiem, meqjusin flimkien, il-“miżuri inkwistjoni”) huma għajnuna mill-Istat. Fil-fatt, l-għoti, permezz ta’ riżorsi tal-Istat, ta’ tali vantaġġi lill-kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90 għandu bħala effett li jsaħħaħ il-pożizzjoni kompetittiva tagħhom fil-konfront tal-impriżi l-oħra kollha li jixtiequ jipprovdu l-istess servizzi (premessi 48 sa 75 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-miżuri inkwistjoni huma inkompatibbli mas-suq komuni peress li la jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 87(2) u (3) KE u lanqas il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 86(2) KE u, barra minn hekk, jiksru l-Artikolu 43 KE (premessi 94 sa 122 tad-deċiżjoni kkontestata).

15      Min-naħa l-oħra, skont il-Kummissjoni, l-eżenzjoni mit-taxxi fuq it-trasferimenti ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, peress li dawn it-taxxi huma dovuti meta tiġi kkostitwita entità ekonomika ġdida jew meta jsir trasferiment tal-attiv bejn diversi entitajiet ekonomiċi. Mill-aspett sostantiv, l-impriżi muniċipali, minn naħa, u l-kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90, min-naħa l-oħra, jikkostitwixxu l-istess entità ekonomika. Għaldaqstant, l-eżenzjoni mill-imsemmija taxxi favurihom hija ġġustifikata min-natura jew l-istruttura ġenerali tas-sistema (premessi 76 sa 81 tad-deċiżjoni kkontestata).

16      Il-parti operattiva tad-deċiżjoni kkontestata tistipula kif ġej:

“Artikolu 1

L-eżenzjoni mit-taxxi fuq it-trasferimenti […] ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) [KE].

Artikolu 2

L-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin […] u l-vantaġġi li jirriżultaw mis-self [taċ-CDDPP …] jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) [KE].

Din l-għajnuna mhijiex kompatibbli mas-suq komuni.

Artikolu 3

L-Italja għandha tieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex titlob lill-benefiċjarji jagħtu lura l-għajnuna deskritta fl-Artikolu 2 li ngħatatilhom b’mod illegali.

L-irkupru tal-għajnuna għandu jsir mingħajr dewmien, skont il-proċeduri nazzjonali, sa fejn dawn jippermettu l-eżekuzzjoni effettiva u immedjata tad-deċiżjoni [kkontestata].

L-għajnuna li għandha tiġi rkuprata għandha tinkludi l-interessi mid-data meta l-għajuna illegali ngħatat lill-benefiċjarji sad-data tal-ħlas lura effettiv tagħha. Dawn l-interessi għandhom jiġu kkalkolati abbażi tar-rata ta’ riferiment użata sabiex jiġi kkalkolat is-sussidju ekwivalenti tal-għajnuna reġjonali.

[…]”

 Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

17      Fit-8 ta’ Awwissu 2002, ir-Repubblika Taljana ppreżentat rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li ġie rreġistrat bir-referenza C‑290/02. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li dan ir-rikors u r-rikorsi fil-Kawżi T‑292/02, T‑297/02, T‑300/02, T‑301/02 u T‑309/02 kellhom l-istess suġġett, jiġifieri l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, u li kienu konnessi, peress li l-motivi ppreżentati f’kull waħda minn dawn il-kawżi kienu simili ħafna. Permezz ta’ digriet tal-10 ta’ Ġunju 2003, il-Qorti tal-Ġustizzja ssospendiet il-proċeduri fil-Kawża C‑290/02 skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 54 tal-Istatut tagħha, sakemm tingħata d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza li taqta’ l-Kawżi T‑292/02, T‑297/02, T‑300/02, T‑301/02 u T‑309/02.

18      Permezz ta’ digriet tat-8 ta’ Ġunju 2004, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tirrinvija l-Kawża C‑290/02 quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, li saret kompetenti sabiex tiddeċiedi r-rikorsi ppreżentati minn Stati Membri kontra l-Kummissjoni, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/407/KE, Euratom, tas-26 ta’ April 2004, li temenda l-Artikoli 51 u 54 tal-Protokoll dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol 5, p. 85). Huwa b’hekk li din il-kawża ġiet irreġistrata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza bir-referenza T‑222/04.

19      B’applikazzjoni tal-Artikolu 14 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza u fuq proposta tat-Tmien Awla, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet, wara li semgħet lill-partijiet b’mod konformi mal-Artikolu 51 tar-regoli msemmija, li tirrinvija l-kawża quddiem kulleġġ ġudikanti estiż.

20      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (it-Tmien Awla Estiża) iddeċidiet li tibda l-proċedura orali.

21      B’digriet tal-President tat-Tmien Awla Estiża tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-13 ta’ Marzu 2008, il-Kawżi T‑292/02, T‑297/02, T‑300/02, T‑301/02, T‑309/02, T‑189/03 u T‑222/04 ingħaqdu għall-finijiet tal-proċedura orali, skont l-Artikolu 50 tar-Regoli tal-Proċedura.

22      It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi tal-Qorti tal-Prim’Istanza nstemgħu fis-seduta li nżammet fis-16 ta’ April 2008.

23      Ir-Repubblika Taljana titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tannulla l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata.

24      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-Repubblika Taljana għall-ispejjeż.

 Id-dritt

25      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-Repubblika Taljana essenzjalment tinvoka diversi motivi li jkun konvenjenti li jiġu eżaminati b’dan il-mod:

–        il-ksur tal-Artikolu 87(1) KE fir-rigward tal-kwalifika kemm tal-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin kif ukoll tas-self taċ-CDDPP bħala għajnuna mill-Istat u nuqqas ta’ motivazzjoni;

–        żball fil-kwalifika tal-miżuri inkwistjoni bħala għajnuna ġdida u ksur f’dan ir-rigward tal-Artikolu 88(1) KE;

–        applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 86(2) KE;

–        il-ksur tar-regoli proċedurali minħabba l-karattru inkomplet tal-investigazzjoni.

1.     Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 87(1) KE fir-rigward tal-klassifikazzjoni kemm tal-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin kif ukoll tas-self taċ-CDDPP bħala għajnuna mill-Istat

26      Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-Repubblika Taljana tosserva li l-miżuri inkwistjoni ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat. Il-motiv jinqasam fi tliet partijiet li jirrigwardaw, rispettivament, in-nuqqas ta’ kompetizzjoni u ta’ impatt fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri, in-nuqqas ta’ karattru selettiv u nuqqas ta’ motivazzjoni.

 L-argumenti tal-partijiet

 Fuq l-ewwel parti, li tirrigwarda n-nuqqas ta’ kompetizzjoni u ta’ impatt fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri

27      Ir-Repubblika Taljana ssostni li, bħala prinċipju, il-kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90 jistgħu biss jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fil-qasam tas-servizzi pubbliċi, qasam li mhuwiex suġġett għall-kompetizzjoni. Fil-fatt, l-impriżi speċjali u l-kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90 għandhom monopolju legali jew ta’ fatt f’dak li jirrigwarda s-servizz pubbliku fil-komun li jappartjenu għalih. Barra minn hekk, dawn is-servizzi pubbliċi għandhom neċessarjament karattru lokali.

28      L-għan tal-kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90 huwa ddeterminat mil-liġi u dawn il-kumpanniji kienu stabbiliti sabiex jipprovdu għall-amministrazzjoni ta’ servizz wieħed jew iktar taħt il-kompetenza tal-organu lokali ta’ riferiment. Għaldaqstant, peress li l-istatus legali tal-imsemmija kumpanniji huwa dak ta’ entitajiet irregolati mid-dritt privat, huma għandhom neċessarjament joperaw abbażi tal-għanijiet istituzzjonali tagħhom u l-għan tagħhom għandu jkun l-amministrazzjoni ta’ servizzi pubbliċi. Isegwi li l-kumpannija b’sehem pubbliku intiżi għall-provvista ta’ servizzi pubbliċi, bħall-kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90, għandhom jillimitaw ruħhom sabiex jipprovdu servizzi pubbliċi.

29      Skont ir-Repubblika Taljana, minn dan jirriżulta li bħala prinċipju, il-kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90 huma suġġetti għal limiti territorjali u materjali. Jistgħu joperaw barra mit-territorju komunali biss taħt żewġ kundizzjonijiet stretti, jiġifieri, minn naħa, l-eżistenza ta’ ftehim jew ta’ kuntratt bil-quddiem bejn il-komuni jew il-provinċji interessati u, min-naħa l-oħra, l-eżistenza ta’ rabta funzjonali bejn l-attività extraterritorjali u l-ħtiġjiet tal-komun li jappartjenu għalih. Għalhekk, l-assenjazzjoni ta’ servizzi pubbliċi lokali f’komuni oħra kif ukoll it-twessigħ tal-attivitajiet tal-kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90 għal setturi oħra jikkostitwixxu sempliċi eventwalitajiet. Issa, fid-deċiżjoni kkontestata, ma ngħata l-ebda eżempju jew l-ebda prova li l-kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90 wessgħu il-kamp tal-attivitajiet tagħhom. Kien biss f’żewġ każijiet li waħda jew iktar mill-kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90 ipparteċipaw f’sejħa għal offerti għall-assenjazzjoni ta’ konċessjoni li tirrigwarda l-provvista ta’ servizzi pubbliċi f’territorji differenti minn dawk tal-muniċipalità minn fejn joriġinaw. Barra minn hekk, dawn huma swieq ta’ importanza żgħira.

30      Ir-Repubblika Taljana tippreċiża li s-servizzi msemmija fil-lista li tidher fl-Artikolu 1 tal-legge n° 103 (sulla) assunzione diretta dei pubblici servizi da parte dei comuni (Liġi Nru 103 fuq l-eżekuzzjoni diretta tas-servizzi pubbliċi mill-komuni, tad-29 ta’ Marzu 1903, GURI tad-29 ta’ Marzu 1903) huma pprovduti taħt sistema ta’ monopolju jew ta’ tmexxija diretta, filwaqt li servizzi oħra għandhom jiġu pprovduti taħt sistema ta’ kompetizzjoni. Din is-sitwazzjoni ma ġietx emendata mil-Liġi Nru 142/90.

31      Wara li fakkret ir-responsabbiltà tal-Kummissjoni li tidentifika u li tevalwa l-punti ta’ fatt li jistgħu juru li l-għajnuna tista’ tinfluwenza lill-kompetizzjoni u lill-kummerċ b’mod negattiv, ir-Repubblika Taljana tosserva li għajnuna finanzjarja tista’ taffettwa l-kummerċ intrakomunitarju jekk l-impriża benefiċjarja topera f’suq ikkaratterizzat minn kompetizzjoni intensiva. Issa, dan mhuwiex il-każ hawnhekk.

32      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-Repubblika Taljana.

 Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ karattru selettiv

33      Ir-Repubblika Taljana ssostni li, mill-miżuri inkwistjoni, ma jirriżulta l-ebda vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE.

34      Fir-rigward tal-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin, ir-Repubblika Taljana ssostni li din il-miżura mhijiex selettiva, għaliex hija rregolata, essenzjalment, mill-istess sistema legali li tapplika għall-impriżi muniċipali.

35      Fir-rigward tas-self taċ-CDDPP, ir-Repubblika Taljana tosserva li ma kien hemm l-ebda vantaġġ f’dan il-każ, peress li r-rata massima ta’ interessi applikata miċ-CDDPP mhijiex inqas mir-rata massima ta’ riferiment. F’kull każ, il-benefiċjarji tas-self taċ-CDDPP, li huma entitajiet li l-kapital azzjonarju tagħhom huwa fil-parti l-kbira miżmum minn istituzzjonijiet pubbliċi u li jeżerċitaw attività ekonomika stabbli ħafna, bħall-provvista ta’ servizzi pubbliċi, huma debituri partikolarment affidabbli. Barra minn hekk, is-self taċ-CDDPP huwa self b’rata fissa u għal perijodu twil, ħaġa li, f’perijodu fejn ir-rati kienu qegħdin jogħlew b’mod kontinwu, kienet x’aktarx twassal għal rati iktar favorevoli mir-rati varjabbli jew għal perijodu qasir. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, huwa normali li għall-kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90 tiġi applikara rata iktar baxxa minn dik applikata għall-impriżi hekk imsejħa “normali”. Minn dan jirriżulta li din hija, essenzjalment, ir-rata tas-suq.

36      Il-Kummissjoni tiċħad l-argument tar-Repubblika Taljana.

 Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq nuqqas ta’ motivazzjoni

37      Ir-Repubblika Taljana ssostni, essenzjalment, li sabiex tissodisfa l-obbligu ta’ motivazzjoni, il-Kummissjoni ma setgħetx toqgħod lura milli twettaq eżami, anki jekk parzjali, tal-attività tal-benefiċjarji tal-miżuri inkwistjoni u tal-importanza tagħhom ġewwa s-suq nazzjonali u ġewwa s-suq Komunitarju. F’dan il-kuntest, hija ssostni wkoll li l-affermazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tan-natura kompetittiva tas-swieq ikkonċernati u l-effett tal-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin fuq il-kummerċ intrakomunitarju ma jikkorrispondux għar-realtà. Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata ma fiha l-ebda riferiment għall-kundizzjonijiet tas-suq eżistenti fl-Istati Membri l-oħra jew fis-swieq li fihom joperaw il-benefiċjarji tal-eżenzjoni msemmija.

38      Il-Kummissjoni tqis li d-deċiżjoni kkontestata hija mmotivata biżżejjed.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

39      B’mod preliminari, għandu jitfakkar li l-klassifikazzjoni bħala għajnuna, fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, tirrikjedi li l-kundizzjonijiet kollha msemmija minn din id-dispożizzjoni jkunu sodisfatti. Fl-ewwel lok, għandu jkun hemm intervent mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat. Fit-tieni lok, dan l-intervent għandu jkollu l-possibbiltà li jolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri. Fit-tielet lok, għandu jingħata vantaġġ selettiv. Fir-raba’ lok, l-intervent għandu jwassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, C‑280/00, Ġabra p. I‑7747, iktar ’il quddiem is-“sentenza Altmark”, punti 74 u 75, u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-3 ta’ Marzu 2005, Heiser, C‑172/03, Ġabra p. I‑1627, punt 27).

40      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li r-Repubblika Taljana ssostni li tlieta mill-erba’ kundizzjonijiet li għandhom jiġu sodisfatti sabiex miżura tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, jiġifieri dawk dwar il-fatt li l-kummerċ intra-Komunitarju għandu jintlaqat, dwar l-effett fuq il-kompetizzjoni u dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ selettiv, mhumiex sodisfatti f’dan il-każ.

 Fuq l-allegat nuqqas ta’ kompetizzjoni u ta’ impatt fuq il-kummerċ bejn Stati Membri

41      Dwar it-tieni u r-raba’ kundizzjonijiet fost dawk imsemmija fil-punt 39 iktar ’il fuq, skont ġurisprudenza kostanti, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha ta’ dawn iż-żewġ kundizzjonijiet, il-Kummissjoni hija marbuta mhux li tistabbilixxi effett reali tal-għajnuna fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u distorsjoni effettiva tal-kompetizzjoni, iżda biss li teżamina jekk l-għajnuna tistax taffettwa dan il-kummerċ u toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Diċembru 2005, Unicredito Italiano, C‑148/04, Ġabra p. I‑11137, punt 54, u l-ġurisprudenza ċċitata).

42      Għandu jitfakkar ukoll li, fil-każ ta’ skema ta’ għajnuna, il-Kummissjoni tista’ tillimita ruħha li teżamina l-karatteristiċi tal-iskema inkwistjoni sabiex tevalwa, fil-motivi tad-deċiżjoni tagħha jekk, minħabba r-regoli dettaljati li dan il-programm jipprovdi , dan tal-aħħar huwiex tali li jagħti vantaġġ essenzjalment lil impriżi li jipparteċipaw fil-kummerċ bejn l-Istati Membri (is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Marzu 2002, L-Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑310/99, Ġabra p. I‑2289).

43      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li kull għajnuna mogħtija lil impriża li teżerċita l-attivitajiet tagħha fis-suq Komunitarju tista’ tikkawża distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Marzu 2002, Diputación Foral de Álava vs Il‑Kummissjoni, T‑92/00 u T‑103/92, Ġabra p. II‑1385, punt 72, u l-ġurisprudenza ċċitata).

44      Minbarra dan, ma jeżisti ebda limitu jew perċentwali li taħthom jista’ jitqies li l-kummerċ bejn l-Istati Membri mhuwiex affettwat. Fil-fatt, l-ammont relativament baxx ta’ għajnuna jew id-daqs relativament żgħir tal-impriża benefiċjarja ma jeskludux, a priori, l-eventwalità li l-kummerċ bejn l-Istati Membri jkun affettwat (is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Marzu 1990, Il-Belġju vs Il‑Kummissjoni, magħrufa bħala “Tubemeuse”, C‑142/87, Ġabra p. I‑959, punt 43; tal-14 ta’ Settembru 1994, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑278/92 sa C‑280/92, Ġabra p. I‑4103, punt 42, u s-sentenza Altmark, punt 39 iktar ’il fuq, punt 81).

45      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li b’ebda mod ma kien eskluż li sussidju pubbliku mogħti lil impriża li tipprovdi biss servizzi ta’ trasport lokali jew reġjonali u ma tipprovdix servizzi ta’ trasport barra mill-Istat ta’ oriġini tagħha jista’ madankollu jkollu effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE. Fil-fatt, meta Stat Membru jagħti sussidju pubbliku lil impriża, il-provvista ta’ servizzi ta’ trasport mill-imsemmija impriża tista’ tibqa’ l-istess jew tiżdied, bil-konsegwenza li l-possibbiltajiet għall-impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħrajn li jipprovdu s-servizzi ta’ trasport tagħhom fis-suq ta’ dan l-Istat jonqsu (ara s-sentenza Altmark, punt 39 iktar ’il fuq, punti 77 u 78).

46      F’dan il-każ, fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kundizzjoni li l-kompetizzjoni tkun milquta, għandu qabel kollox jiġi kkonstatat li l-miżuri inkwistjoni jolqtu biss lil kategorija speċifika ta’ impriżi, jiġifieri lill-kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90.

47      Madankollu, skont ir-Repubblika Taljana, il-miżuri inkwistjoni ma joħolqux distorsjoni tal-kompetizzjoni, peress li l-kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90 jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fil-qasam tas-servizzi pubbliċi, qasam li ma ġiex issuġġettat għall-kompetizzjoni.

48      Fid-dawl tal-kuntest tal-ħolqien tal-kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90, l-oqsma prinċipalment milquta mill-miżuri inkwistjoni huma, hekk kif jirriżulta mill-premessa 32 tad-deċiżjoni kkontestata, is-setturi tas-servizzi pubbliċi lokali, bħat-tqassim u t-trattament tal-ilma, it-trasport pubbliku, it-tqassim tal-gass, tal-elettriku, it-trattament tal-iskart, il-bejgħ bl-imnut tal-prodotti farmaċewtiċi.

49      Issa, għandu jiġi osservat li, hekk kif ġie indikat fil-premessi 73 u 84 tad-deċiżjoni kkontestata, xi wħud mis-setturi kkonċernati, bħal dawk tal-bejgħ bl-imnut tal-prodotti farmaċewtiċi, tal-iskart, tal-gass u tal-ilma, kienu kkaratterizzati minn ċertu livell ta’ kompetizzjoni fil-mument tad-dħul fis-seħħ tal-miżuri inkwistjoni.

50      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat, bħalma għamlet il-Kummisjoni, li fis-setturi ta’ attività tal-kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90, l-impriżi jikkompetu sabiex jiksbu l-konċessjonijiet ta’ servizzi pubbliċi lokali fid-diversi komuni u li s-suq tal-imsemmija konċessjonijiet huwa suq miftuħ għall-kompetizzjoni (premessi 67 u 68 tad-deċiżjoni kkontestata).

51      L-argument tar-Repubblika Taljana li jgħid li ma teżisti l-ebda kompetizzjoni fil-qasam tas-servizzi pubbliċi lokali peress li dawn jiġu assenjati intuitu personae għandu jiġi miċħud. Min-naħa waħda, l-assenjazzjoni intuitu personae ma ġġibx fix-xejn il-konstatazzjoni magħmula fil-punti preċedenti li tgħid li s-suq inkwistjoni kien ikkaratterizzat, mill-inqas, minn ċertu livell ta’ kompetizzjoni. Min-naħa l-oħra, l-argument iktar juri l-effetti restrittivi tal-miżuri inkwistjoni fuq il-kompetizzjoni u mhux in-nuqqas ta’ kompetizzjoni fis-suq ikkonċernat. Fil-fatt, kif enfasizzat il-Kummissjoni fil-premessa 71 tad-deċiżjoni kkontestata, ma jistax jiġi eskluż li l-eżistenza nfisha tal-għajnuna favur kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90 ħeġġet lill-komuni sabiex jafdawlhom direttament is-servizzi minflok ma jagħtu konċessjonijiet fil-kuntest ta’ proċeduri miftuħa.

52      Fir-rigward, preċiżament, tal-kwistjoni jekk il-miżuri kkonċernati ħolqux distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni fil-livell ta’ kompetizzjoni eżistenti fis-suq, għandu jiġi kkonstatat li l-miżuri inkwistjoni saħħew il-pożizzjoni kompetittiva tal-kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90 fil-konfront ta’ kull impriża Taljana jew barranija oħra attiva fis-suq ikkonċernat. Hekk kif tosserva ġustament il-Kummissjoni fil-premessa 62 tad-deċiżjoni kkontestata, l-impriżi li ma għandhomx il-forma ġuridika ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju u li l-parti l-kbira tal-kapital tagħhom mhijiex miżmuma mill-awtoritajiet lokali huma żvantaġġati fil-każ li jkunu jixtiequ jipparteċipaw f’sejħa għal offerti għall-għoti ta’ kuntratt għall-provvista ta’ servizz partikolari f’territorju partikolari.

53      Barra minn hekk, il-miżuri inkwistjoni jistgħu jiffaċilitaw il-firxa tal-kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90 fi swieq oħra miftuħa għall-kompetizzjoni, u b’hekk tinħoloq distorsjoni anki f’setturi differenti mis-servizzi pubbliċi lokali. F’dan ir-rigward, mil-Liġi Nru 142/90, kif interpretata mill-Corte suprema di cassazione (Qorti tal-Kassazzjoni, l-Italja), sentenza Nru 4989 tas-6 ta’ Mejju 1995, u mill-Consiglio di Stato (Kunsill tal-Istat, l-Italja), sentenza Nru 4586 tat-3 ta’ Settembru 2001, jirriżulta li l-kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90 għandhom il-possibbiltà li jaġixxu f’territorji oħrajn kemm fl-Italja kif ukoll f’pajjiżi oħrajn u f’oqsma differenti minn dawk tas-servizzi pubbliċi previsti fl-istatut ta’ assoċjazzjoni tagħhom, ħlief jekk dan inaqqsilhom riżorsi u mezzi b’mod kunsiderevoli u jekk ikun tali li jikkawża preġudizzju lill-awtorità ta’ riferiment. Barra minn hekk, mill-artikoli tal-gazzetti annessi mar-risposta, jirriżulta li ċerti kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90 eżerċitaw attivitajiet differenti minn dawk tas-servizzi pubbliċi previsti fl-istatut ta’ assoċjazzjoni tagħhom, u dan f’territorji differenti minn dak tal-komun ta’ riferiment tagħhom.

54      Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-miżuri inkwistjoni joħolqu distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE.

55      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kundizzjoni li l-kummerċ bejn l-Istati jiġi affetwat, għandu jitfakkar, qabel kollox, li l-fatt li l-kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90 joperaw waħedhom fis-suq nazzjonali tagħhom jew anki fit-territorju tal-oriġini tagħhom mhuwiex determinanti. Fil-fatt, il-kummerċ bejn l-Istati huwa affettwat mill-miżuri inkwistjoni meta jitnaqqsu l-opportunitajiet tal-impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħrajn sabiex jipprovdu s-servizzi tagħhom fis-suq Taljan (ara l-punt 45 iktar ’il fuq).

56      Għalhekk, il-Kummissjoni ġustament ikkonstatat fil-premessa 70 tad-deċiżjoni kkontestata li l-miżuri inkwistjoni setgħu joħolqu ostaklu għall-impriżi barranin li xtaqu jistabbilixxu ruħhom fl-Italja jew joffru s-servizzi tagħhom hemmhekk u għaldaqstant kienu jaffettwaw il-kummerċ intra-Komunitarju fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE.

57      Fil-fatt, minn naħa, il-miżuri inkwistjoni jippreġudikaw lill-impriżi barranin li jressqu offerti għal konċessjonijiet lokali ta’ servizzi pubbliċi fl-Italja peress li l-impriżi pubbliċi li jibbenefikaw mill-iskema inkwistjoni jistgħu joffru prezzijiet iktar kompetittivi mill-kompetituri nazzjonali jew Komunitarji tagħhom, li ma jibbenefikawx minnha. Min-naħa l-oħra, il-miżuri inkwistjoni jirrendu inqas attraenti għall-impriżi ta’ Stati Membri oħrajn l-investiment fis-settur tas-servizzi pubbliċi lokali fl-Italja (pereżempju, permezz tal-akkwist tal-maġġoranza tal-azzjonijiet), peress li l-impriżi mixtrija ma jkunux intitolati għall-għajnuna (jew jistgħu jitilfuha) minħabba n-natura tal-azzjonisti l-ġodda tagħhom (ara l-premessa 69 tad-deċiżjoni kkontestata).

58      Minn dak li ntqal jirriżulta li l-Kummissjoni ma wettqitx żball meta qieset li l-kundizzjonijiet dwar l-impatt fuq il-kummerċ u dwar id-distorsjoni tal-kompetizzjoni kienu ġew sodisfatti f’dan il-każ. Għaldaqstant, l-ewwel parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq il-vantaġġ selettiv tal-miżuri inkwistjoni

59      L-Artikolu 87(1) KE jipprekludi l-għajnuna mill-Istat li “tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi”, jiġifieri l-għajnuna selettiva (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Diċembru 2005, L-Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑66/02, Ġabra p. I‑10901, punt 94).

60      F’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-kundizzjoni ta’ selettività, li tikkostitwixxi parti mill-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-Artikolu 87(1) KE jimponi li jiġi ddeterminat jekk, fil-kuntest ta’ sistema legali partikolari, miżura nazzjonali hijiex ta’ natura li tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi meta mqabbla ma’ oħrajn, li jkunu, fid-dawl tal-għan imfittex mill-imsemmija sistema, f’sitwazzjoni fattwali u ġuridika paragunabbli (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Settembru 2006, Il-Portugall vs Il‑Kummissjoni, C‑88/03, Ġabra p. I‑7115, punt 54, u l-ġurisprudenza ċċitata).

61      Barra minn hekk, il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat jinkludi, skont ġurisprudenza stabbilita, il-miżuri kollha li, taħt forom differenti, itaffu l-ispejjeż li normalment huma ta’ piż għall-baġit ta’ impriża u li, għaldaqstant, mingħajr ma jkunu sussidji fit-tifsira stretta tal-kelma, huma tal-istess natura u għandhom effetti identiċi (is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Marzu 1994, Banco Exterior de España, C‑387/92, Ġabra p. I‑877, punti 13 u 14).

–       a) Fuq l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin

62      F’dan il-każ, waħda mill-miżuri inkwistjoni tikkonsisti f’eżenzjoni totali mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin, u sa mhux iktar tard mis-sena finanzjarja 1999, favur il-kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90 kollha.

63      Ma jistax jiġi miċħud li l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin ittaffi l-ispejjeż li normalment jitħallsu mill-baġit ta’ impriża u minħabba f’hekk tagħti vantaġġ finanzjarju lil min jibbenefika minnha fil-konfront tal-impriżi normalment suġġetti għat-taxxa.

64      F’dan ir-rigward, mis-sistema fiskali Taljana applikabbli għall-kumpanniji jirriżulta li, fil-kuntest tal-applikazzjoni normali ta’ din is-sistema, it-taxxa fuq id-dħul hija dovuta minn kull impriża attiva fis-suq u li l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin tikkostitwixxi deroga mis-sistema msemmija. Peress li huma biss il-kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90 li jgawdu minn dawn l-eżenzjonijiet fiskali, li ma ngħataw la lill-impriżi ta’ setturi oħra jew lil impriżi oħra tal-istess settur u lanqas lill-impriżi li l-kapital azzjonarju tagħhom kien prinċipalment privat, il-karattru selettiv tal-imsemmija eżenzjonijiet huwa stabbilit.

65      Barra minn hekk, jirriżulta b’mod manifest min-natura u mit-tul limitat, sa tliet snin minn meta ssir persuna ġuridika u mhux iktar tard mit-tmiem tas-sena fiskali 1999, tal-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin li din mhijiex iġġustifikata min-natura u mill-istruttura tas-sistema fiskali inkwistjoni.

66      Finalment, l-argument tar-Repubblika Taljana li jgħid li hija l-istess sistema legali li tapplika, essenzjalment, għall-impriżi muniċipali ma jqiegħedx indiskussjoni l-karattru selettiv tal-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin. F’dan ir-rigward, għandu jingħad li l-karattru selettiv ta’ miżura jiġi evalwat fil-konfront tat-totalità tal-impriżi, u mhux fil-konfront tal-impriżi benefiċjarji tal-istess vantaġġ ġewwa l-istess grupp. Fil-fatt, anki jekk jitqies li l-impriżi muniċipali kienu wkoll benefiċjarji tal-miżura inkwistjoni, xorta jibqa’ l-fatt li l-miżura fiskali tkun ta’ benefiċċju biss għal grupp determinat ta’ impriżi u li b’hekk hija selettiva.

–       b) Fuq is-self taċ-CDDPP

67      Fost il-miżuri msemmija fil-punt 61 iktar ’il fuq, hemm is-self mogħti lil impriża mill-Istat jew minn korp ikkontrollat mill-Istat, u li jippermetti lil din l-impriża li tibbenefika minn kundizzjonijiet iktar vantaġġużi minn dawk li kienet tikseb fis-suq tal-kapital. Jekk dan huwa l-każ, dan huwa, bħala self b’rata mnaqqsa, vantaġġ ekonomiku fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE.

68      Ir-Repubblika Taljana tikkontesta li s-self inkwistjoni jagħti vantaġġ lill-impriżi li jibbenefikaw minnu, għaliex ir-rati taċ-CDDPP jikkorrispondu għar-rati tas-suq.

69      Mill-premessi 56 u 57 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li bil-għan li tistabbilixxi jekk is-self mogħti miċ-CDDPP lill-kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90 setax jiffavorihom, il-Kummissjoni pparagunat ir-rati ta’ interessi applikati miċ-CDDPP mar-rati ta’ interessi li dawn l-impriżi kienu jiksbu fl-istess terminu ta’ żmien minn fuq is-suq tal-kapital.

70      Fil-fatt, il-Kummissjoni ħadet bħala rata ta’ riferiment r-rata stabbilita għall-evalwazzjoni tal-iskemi ta’ għajnuna bi skop reġjonali kif ippubblikata perjodikament fil-Ġurnal Uffiċjali. Kif irrilevat il-Kummissjoni, dawn huma rati favorevoli, li japplikaw għal impriżi b’saħħithom, li jkunu ntużaw, fil-każ fejn l-iskema kkontestata tkun ġiet innotifikata, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ elementi ta’ għajnuna. Għandu jitqies li dan il-modus operandi huwa legali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Lulju 2003, Il-Belġju vs Il‑Kummissjoni, C‑457/00, Ġabra p. I‑6931, punt 72, u tad-29 ta’ April 2004, Il-Greċja vs Il‑Kummissjoni, C‑278/00, Ġabra p. I‑3997, punt 62). Barra minn hekk, dan ma ġiex ikkontestat mir-Repubblika Taljana.

71      Għall-istess raġuni, għandu jitqies li r-rati proposti mill-awtoritajiet Taljani ma jistgħux jitqiesu bħala rati ta’ riferiment. Kif indikat ir-Repubblika Taljana, dawn huma rati minimi stabbiliti permezz ta’ Digriet Leġiżlattiv tal-Ministeru tat-Teżor għas-self bankarju lill-organi pubbliċi territorjali. Hekk kif osservat il-Kummissjoni, dawn ir-rati mhumiex stabbiliti b’mod konformi mal-kundizzjonijiet tas-suq, peress li huma ddeterminati abbażi ta’ kriterji oħrajn stabbiliti mill-awtorità pubblika. Barra minn hekk, peress li l-organi territorjali pubbliċi għandhom riskju inqas elevat minn impriża, ma jidhirx li huwa rilevanti li dawn ir-rati jittieħdu bħala rati ta’ riferiment sabiex jiġu pparagunati ma’ dawk taċ-CDDPP.

72      F’kull każ, għandu jiġi rrilevat li, matul parti kbira mill-perijodu kkunsidrat, ir-rati taċ-CDDPP kienu inferjuri għar-rati bankarji massimi applikabbli għall-organi lokali.

73      L-argument tar-Repubblika Taljana li jgħid li, peress li s-self taċ-CDDPP huwa self għal terminu twil, huwa probabbli li, fil-perspettiva ta’ tnaqqis ġenerali fir-rati ta’ interessi, ir-rati applikati mill-banek kienu ser ikunu iktar baxxi mil-livell massimu awtorizzat mil-liġi, għandu jiġi miċħud. F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Taljana ma sostnietx din it-teżi permezz ta’ provi li jirrigwardaw il-perijodu inkwistjoni (1994-1998).

74      Għaldaqstant, il-Kummissjoni setgħet ġustament tikkonkludi li s-self taċ-CDDPP li kien mogħti b’rata mnaqqsa meta mqabbel mar-rata ta’ riferiment, kien jagħti vantaġġ ekonomiku lill-kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90, jiġifieri lil ċerti impriżi, fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE.

75      Minn dak li ntqal jirriżulta li t-tieni parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq ir-rispett tal-obbligu ta’ motivazzjoni

76      Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li l-obbligu ta’ motivazzjoni stabbilit fl-Artikolu 253 KE jikkostitwixxi rekwiżit proċedurali essenzjali li għandu jiġi distint mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivazzjoni, peress li din tirrigwarda l-legalità sostantiva tal-att inkwistjoni. Minn din il-perspettiva, il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 253 KE għandha tkun adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, li minnha joriġina l-att, b’tali mod li l-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jagħrfu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u b’tali mod li l-qorti kompetenti tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha (is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Marzu 2001, Franza vs Il‑Kummissjoni, C‑17/99, Ġabra p. I‑2481, punt 35, u L-Italja vs Il‑Kummissjoni, punt 42 iktar ’il fuq, punt 48).

77      Fit-tieni lok, għandu jiġi speċifikat li l-ħtieġa ta’ motivazzjoni għandha tkun evalwata abbażi taċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari tal-kontenut tal-att, tan-natura tal-motivi invokati u tal-interess li d-destinatarji tal-att jew kull persuna oħra kkonċernata direttament u individwalment mill-att jista’ jkollha li tirċievi spjegazzjonijiet. Mhuwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, peress li l-kwistjoni jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-kliem tagħha, iżda wkoll fid-dawl tal-kuntest tagħha u tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara s-sentenza Franza vs Il‑Kummissjoni, punt 76 iktar ’il fuq, punt 36, u s-sentenza L-Italja vs Il‑Kummissjoni, punt 42 iktar ’il fuq, punt 48).

78      Fl-aħħar lok, għandu jitfakkar li, għalkemm il-Kummissjoni, fil-motivi tad-deċiżjoni tagħha, hija obbligata tagħmel riferiment, minn tal-inqas għaċ-ċirkustanzi li fihom ingħatat għajnuna, meta dawn jippermettulha turi li l-għajnuna hija ta’ natura li taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, (is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Ottubru 1987, Il-Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, 248/84, Ġabra p. 4013, punt 18), din mhijiex obbligata turi l-effett reali ta’ għajnuna li diġà ngħatat. Fil-fatt, kieku dan kien il-każ, dan ir-rekwiżit iwassal sabiex ikunu ffavoriti l-Istati Membri li jagħtu għajnuna bi ksur tal-obbligu ta’ notifika previst fl-Artikolu 88(3) KE għad-detriment ta’ dawk li jinnotifikaw l-għajnuna meta tkun fl-istadju ta’ proposta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Frar 1990, Franza vs Il‑Kummissjoni, magħrufa bħala “Boussac”, C‑301/87, Ġabra p. I‑307, punt 33).

79      F’dan il-każ, biżżejjed jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, li d-deċiżjoni kkontestata tindika b’mod ċar u tapplika għall-każ inkwistjoni l-kriterji li miżura għandha tissodisfa sabiex tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

80      L-ewwel nett, fil-premessi 61 sa 75 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni spjegat f’termini ġenerali r-raġunijiet għalfejn il-miżuri inkwistjoni kienu ta’ natura li joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni u li jolqtu l-kummerċ intra-Komunitarju.

81      B’mod iktar preċiż, fil-premessi 66 sa 68 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni enfasizzat li f’dan il-każ, kienu involuti s-setturi tas-servizzi pubbliċi lokali, spiss ikkaratterizzati mill-possibbiltà li jingħataw id-dritt tal-esklussività, u li b’hekk l-impriżi jikkompetu fuq kollox sabiex jiġu assenjati l-konċessjonijiet fid-diversi komuni.

82      It-tieni nett, wara li fil-premessa 68 tad-deċiżjoni kkontestata rrilevat li s-suq tal-konċessjonijiet tas-servizzi pubbliċi lokali kien suq miftuh għall-kompetizzjoni Komunitarja u suġġett għar-regoli tat-Trattat KE, il-Kummissjoni, fil-premessa 69 tad-deċiżjoni kkontestata, spjegat kif il-miżuri inkwistjoni setgħu jolqtu l-kummerċ intrakomunitarju billi semmiet bħala eżempju li l-impriżi pubbliċi li jibbenefikaw mill-iskema inkwistjoni setgħu joffru prezzijiet iktar kompetittivi mill-kompetituri nazzjonali jew Komunitarji tagħhom li ma kinux ibbenefikaw mill-iskema msemmija. Barra minn hekk, fil-premessi 73 u 74 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li l-miżuri inkwistjoni setgħu ukoll jolqtu l-kummerċ intrakomunitarju għal raġunijiet oħra li spjegat.

83      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-allegat nuqqas ta’ motivazzjoni dwar il-vantaġġ li jirriżulta mill-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin, biżżejjed jiġi osservat li fil-premessi 52 sa 54 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni spjegat b’mod suffiċjenti r-raġunijiet għalfejn din il-miżura tista’ ssaħħaħ il-pożizzjoni tal-benefiċjarji fil-konfront tal-kompetituri tagħhom u l-effett li din l-istess miżura jista’ jkollha fuq is-suq.

84      Għaldaqstant, f’dan il-każ, fid-dawl tal-ħtiġjiet li jirriżultaw mill-ġurisprudenza, ma jidhirx li l-Kummissjoni kisret l-obbligu li timmotiva b’mod suffiċjenti d-deċiżjoni kkontestata f’dak li jirrigwarda l-vantaġġ li jirriżulta mill-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin, l-impatt fuq il-kompetizzjoni u fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

85      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tielet parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda wkoll.

86      Minn dan isegwi li l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

2.     Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żball fil-klassifikazzjoni tal-miżuri inkwistjoni bħala għajnuna ġdida

 L-argumenti tal-partijiet

87      Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-Repubblika Taljana tosserva li l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin hija għajnuna eżistenti, u li għaldaqstant, permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 88(1) KE. Hija ssostni li l-provvista taħt sistema ta’ monopolju tas-servizzi ta’ interess pubbliku min-naħa tal-komuni u l-impriżi muniċipali ġiet eżentata mit-taxxi sa mid-dħul fis-seħħ tal-Liġi Nru 603, tas-6 ta’ Awwissu 1954 (GURI Nru 182, tal-11 ta’ Awwissu 1954), u li l-kontenut tal-iskema inizjali, minkejja xi tibdil li seħħ matul iż-żmien wara l-adozzjoni ta’ diversi testi leġiżlattivi, ma ġiex emendat b’mod sostanzjali. Ir-Repubblika Taljana tikkontesta l-affermazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata li tgħid li, peress li leġiżlazzjoni ġdida estendiet is-suġġett tal-benefiċjarji tal-iskema kif ukoll is-setturi u t-territorji tal-attività tagħhom, il-prinċipju stabbilit mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Awwissu 1994, Namur-Les assurances du crédit (C‑44/93, Ġabra p. I‑3829, iktar ’il quddiem is-“sentenza Namur”), ma japplikax f’dan il-każ.

88      Barra minn hekk, ir-Repubblika Taljana, mingħajr ma tagħmel riferiment espressament għall-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [88 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol 1, p. 339), issostni li l-klassifikazzjoni bħala għajnuna eżistenti tal-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin tirriżulta wkoll mill-fatt li, fi żmien l-introduzzjoni tal-eżenzjoni msemmija, is-swieq kienu magħluqin għall-kompetizzjoni. Barra minn hekk, hija ssostni li l-istess raġunament japplika fir-rigward tas-self taċ-CDDPP.

89      B’riferiment għall-premessi 86 sa 91 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ssostni li l-ebda waħda miż-żewġ kundizzjonijiet imsemmija fis-sentenza Namur, punt 87 iktar ’il fuq, ma ġiet sodisfatta f’dan il-każ.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

90      Fis-sentenza tagħha Namur, punt 87 iktar ’il fuq (punt 13), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li kemm mill-kontenut kif ukoll mill-għanijiet tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 88 KE jirriżulta li għandha titqies bħala għajnuna eżistenti fis-sens tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu l-għajnuna li kienet teżisti qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat KE u dik li setgħet tiġi eżegwita legalment taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 88(3) KE, inklużi dawk li jirriżultaw mill-interpretazzjoni ta’ dan l-Artikolu mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 1973, Lorenz (120/73, Ġabra p. 1471, punti 4 sa 6), filwaqt li għandhom jiġu kkunsidrati bħala għajnuna ġdida suġġetti għall-obbligu ta’ notifika previst mid-dispożizzjoni msemmija l-aħħar il-miżuri li jistabbilixxu jew ibiddlu għajnuna. It-tibdil jista’ jirrigwarda għajnuna eżistenti, jew proġetti inizjali nnotifikati lill-Kummissjoni.

91      Fir-rigward tal-għajnuna eżistenti, l-Artikolu 1(b) tar-Regolament Nru 659/1999 irriproduċa u applika r-regoli stabbiliti mill-ġurisprudenza.

92      Skont din id-dispożizzjoni, dawn li ġejjin jikkostitwixxu għajnuna eżistenti:

i)      kull għajnuna li eżistiet qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat KE fl-Istat Membru kkonċernat;

ii)      kull għajnuna awtorizzata, jiġifieri l-iskemi ta’ għajnuna u l-għajnuna individwali li kienu awtorizzati mill-Kummissjoni jew mill-Kunsill;

iii)      kull għajnuna kkunsidrata awtorizzata meta l-Kummissjoni tonqos li tadotta deċiżjoni f’terminu ta’ xahrejn, li bħala prinċipju jiddekorri mill-ġurnata wara dik meta hija tirċievi n-notifika kompleta tagħha, u li hija għandha sabiex twettaq eżami preliminari;

iv)      kull għajnuna li t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ għaxar snin għall-irkupru tagħha skada;

v)      kull għajnuna kkunsidrata bħala għajnuna eżistenti minħabba li jista’ jiġi stabbilit li meta daħlet fis-seħħ hija ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna, iżda li sussegwentement saret għajnuna minħabba l-evoluzzjoni tas-suq komuni u mingħajr ma ġiet mibdula mill-Istat Membru. Il-miżuri li jsiru għajnuna wara l-liberalizzazzjoni ta’ attività mid-dritt Komunitarju ma għandhomx ikunu kkunsidrati li huma għajnuna eżistenti wara d-data ffissata għal-liberalizzazzjoni.

93      Imbagħad, skont l-Artikolu 1(ċ) tal-imsemmi regolament, kull tibdil ta’ għajnuna eżistenti għandu jiġi kkunsidrat bħala għajnuna ġdida.

94      Essenzjalment, il-miżuri li jistabbilixxu għajnuna jew li jibdlu għajnuna eżistenti jikkostitwixxu għajnuna ġdida. B’mod partikolari, meta t-tibdil jaffettwa l-essenza nfisha tal-iskema inizjali, din l-iskema tinsab mibdula fi skema ta’ għajnuna ġdida. Madankollu, ma jistax ikun hemm tali bidla essenzjali meta l-element il-ġdid jista’ kjarament jinfired mill-iskema inizjali (is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ April 2002, Government of Gibraltar, T‑195/01 u T‑207/01, Ġabra p. II‑2309, punti 109 sa 111).

95      F’dan il-każ, huwa paċifiku li l-miżuri inkwistjoni ma jaqgħux taħt it-tieni, it-tielet u r-raba’ sitwazzjonijiet koperti mill-Artikolu 1(b) tar-Regolament Nru 659/1999 li jippermettu li miżura ta’ għajnuna tiġi kkunsidrata bħala eżistenti. Barra minn hekk, dawn ma ġewx invokati mir-Repubblika Taljana.

96      Għal dak li jikkonċerna l-ewwel waħda mis-sitwazzjonijiet koperti mill-Artikolu 1(b) tar-Regolament Nru 659/1999, qabel kollox għandu jiġi kkonstatat li l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin ġiet stabbilita mid-Digriet Leġiżlattiv Nru 331/93 u mil-Liġi Nru 549/95. Fl-1990, filwaqt li l-Liġi Nru 142/90 irriformat l-istrumenti ta’ organizzazzjoni legali li l-komuni kellhom għad-dispożizzjoni tagħhom sabiex jamministraw is-servizzi pubbliċi lokali, fosthom il-possibbiltà li jistabbilixxu kumpanniji b’responsabbiltà limitata b’kapital, fil-parti l-kbira, pubbliku, ma kienet ġiet prevista ebda eżenzjoni mit-taxxa fuq id-dħul għal dawn il-kumpanniji.

97      Fil-fatt, kull kumpannija tal-Liġi Nru 142/90 stabbilita bejn l-1990 u d-dħul fis-seħħ fit-30 ta’ Awwissu 1993 tal-Artikolu 66 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 331/93 kienet suġġetta għat-taxxa fuq id-dħul.

98      Konsegwentement, kif sostniet ġustament il-Kummissjoni fil-premessa 91 tad-deċiżjoni kkontestata, sabiex is-sistema fiskali applikabbli għall-awtoritajiet lokali tiġi estiża għall-kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90, il-leġiżlatur Taljan kellu jadotta liġi ġdida għexur ta’ snin wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat KE.

99      Barra minn hekk, anki jekk jingħad li l-eżenzjoni mit-taxxi għall-impriżi muniċipali ġiet introdotta qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat KE u baqgħet fis-seħħ sal-1995, jibqa’ l-fatt li l-kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90 huma essenzjalment distinti mill-impriżi muniċipali. L-estensjoni tal-vantaġġi fiskali eżistenti għall-impriżi muniċipali u speċjali għal kategorija ġdida ta’ benefiċjarji, bħal dik tal-kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90, tikkostitwixxi bidla li tista’ tiġi mifruda mill-iskema inizjali. Fil-fatt, hekk kif huwa indikat fis-sentenza tal-Consiglio di Stato Nru 4586, tat-3 ta’ Settembru 2001, jeżistu differenzi legali bejn il-kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90 u l-impriżi muniċipali b’mod partikolari minħabba li dawk imsemmijin l-ewwel mhumiex suġġetti għal-limitu territorjali strett impost fuq dawk imsemmijin l-aħħar u li l-kampijiet ta’ attività ta’ dawk imsemmijin l-ewwel huma ħafna iktar estiżi. B’hekk, kif diġà ġie enfasizzat fil-punt 53 iktar ’il fuq, il-kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90 għandhom il-possibbiltà li jaġixxu barra mit-territorju ta’ riferiment kemm fl-Italja kif ukoll f’pajjiżi oħrajn u f’oqsma differenti minn dak tas-servizz pubbliku previst fl-istatut tagħhom, ħlief jekk dan inaqqsilhom b’mod kunsiderevoli riżorsi u mezzi u jekk ikun tali li jippreġudika lill-awtorità ta’ riferiment.

100    Konsegwentement, hekk kif tispjega l-Kummissjoni fil-premessa 92 tad-deċiżjoni kkontestata, għalkemm il-kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90 daħlu fid-drittijiet u l-obbligi tal-impriżi muniċipali, il-leġiżlazzjoni li tiddetermina l-kampijiet ta’ attività materjali u ġeografika tagħhom inbidlet b’mod kunsiderevoli.

101    Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin, introdotta mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(70) tal-Liġi Nru 549/95 flimkien ma’ dawk tal-Artikolu 66(14) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 331/93 ma taqax taħt l-Artikolu 1(b)(i) tar-Regolament Nru 659/1999.

102    Fir-rigward tas-self taċ-CDDPP, għandu jitfakkar li d-deċiżjoni kkontestata tirrigwarda biss is-self mogħti lill-kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90. Barra minn hekk, għar-raġunijiet li diġà ġew esposti, jekk Stat Membru jestendi għal kategorija ġdida ta’ benefiċjarji vantaġġi li jeżistu diġà għal entitajiet oħra, il-miżura tkun tikkostitwixxi għajnuna ġdida. F’dan il-każ, peress li l-possibbiltà li jittieħed benefiċċju mis-self taċ-CDDPP ġiet estiża għall-kumpanniji tal-Liġi Nru 142/90, vantaġġi li kienu jingħataw qabel lill-komuni, lill-kumpanniji muniċipali u lill-kumpanniji speċjali, din hija għajnuna ġdida.

103    Għal dak li jikkonċerna t-tieni argument tar-Repubblika Taljana, ibbażat fuq l-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament Nru 659/1999, għandu jiġi osservat li din id-dispożizzjoni tista’ tapplika biss għal miżuri li ma kinux jikkostitwixxu għajnuna meta daħlu fis-seħħ. F’dan ir-rigward, biżżejjed jiġi kkonstatat, hekk kif tispjega l-Kummissjoni fil-premessi 83 sa 85 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-miżuri inkwistjoni ġew stabbiliti f’mument meta s-swieq kienu, fi kwalunkwe każ, għalkemm x’aktarx f’livelli differenti, miftuħin għall-kompetizzjoni. Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji għal tliet snin ma taqax taħt l-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament Nru 659/1999.

104    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, għandu jiġi kkunsidrat li l-miżuri inkwistjoni ma jikkostitwixxux għajnuna eżistenti. Għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

3.     Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 86(2) KE

 L-argumenti tal-partijiet

105    Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-Repubblika Taljana essenzjalment tosserva li l-benefiċjarji tal-miżuri inkwistjoni jeżerċitaw attività ta’ interess ekonomiku ġenerali u li, għaldaqstant, id-deroga prevista fl-Artikolu 86(2) KE tapplika fil-konfront tagħhom.

106    Il-Kummissjoni tosserva li l-għoti ta’ għajnuna jista’, abbażi tal-Artikolu 86(2) KE, jevita l-interdizzjoni prevista fl-Artikolu 87 KE, bil-kundizzjoni, b’mod partikolari, li l-għajnuna inkwistjoni tkun intiża unikament sabiex tikkumpensa l-ispejjeż żejda kkaġunati mit-tlestija tal-missjoni ta’ interess ekonomiku ġenerali u li l-għoti tagħha jkun neċessarju sabiex l-impriża msemmija tkun tista’ tassigura l-obbligi tas-servizz pubbliku tagħha f’kundizzjonijiet ta’ bilanċ ekonomiku. Ir-Repubblika Taljana ma pprovatx, la matul il-proċedura amministrattiva u lanqas fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, li dan kien il-każ fir-rigward tal-miżuri inkwistjoni.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

107    Qabel kollox, għandu jiġi enfasizzat li f’dan il-każ, hemm inkwistjoni skema ta’ għajnuna. Minħabba f’hekk, għandu jintwera li din l-iskema, minnha nfisha, tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha jew sabiex tkun tista’ tevita li tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, jew sabiex tkun tista’ tibbenefika mid-deroga prevista fl-Artikolu 86(2) KE.

108    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li intervent mill-Istat, li jikkostitwixxi kumpens li jirrappreżenta l-ħlas tas-servizzi pprovduti mill-impriżi benefiċjarji sabiex jeżegwixxu obbligi ta’ servizz pubbliku, b’tali mod li dawn l-impriżi ma jibbenefikawx, fir-realtà, minn vantaġġ finanzjarju u li l-imsemmi intervent għalhekk ma għandux l-effett li jqiegħed lil dawn l-impriżi f’pożizzjoni kompetittiva iktar favorevoli meta mqabbla mal-impriżi f’kompetizzjoni magħhom, ma jikkostitwixxix, bħala prinċipju, għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Altmark, punt 39 iktar ’il fuq, punt 87).

109    Madankollu, sabiex tali kumpens ikun jista’ jevita l-klassifikazzjoni bħala għajnuna mill-Istat, ċertu numru ta’ kundizzjonijiet għandhom ikunu sodisfatti b’mod kumulattiv. Fost dawn hemm il-kundizzjoni li l-impriża benefiċjarja għandha effettivament tkun inkarigata bl-eżekuzzjoni ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku, obbligi li għandhom ikunu ddefiniti b’mod ċar (is-sentenza Altmark, punt 39 iktar ’il fuq, punt 89), u l-kundizzjoni li l-kumpens ma jaqbiżx dak li huwa neċessarju sabiex ikopri parti mill-ispejjeż jew l-ispejjeż kollha mħallsa għall-eżekuzzjoni tal-obbligi ta’ servizz pubbliku, billi jittieħed inkunsiderazzjoni d-dħul relatat magħhom kif ukoll qligħ raġonevoli għall-eżekuzzjoni ta’ dawn l-obbligi (is-sentenza Altmark, iċċitata iktar ’il fuq, punt 92).

110    Għandu jiġi osservat li l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata tippreċedi d-deċiżjoni fis-sentenza Altmark, punt 39 iktar ’il fuq. Madankollu, il-kriterji msemmija f’din is-sentenza, li jirriżultaw minn interpretazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE, huma applikabbli b’mod sħiħ għas-sitwazzjoni ta’ fatt u ġuridika ta’ din il-kawża kif kienet tinsab quddiem il-Kummissjoni meta din adottat id-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Frar 2008, BUPA et vs Il‑Kummissjoni, T‑289/03, Ġabra p. II‑81, punt 158).

111    L-ewwel kundizzjoni msemmija fis-sentenza Altmark, punt 39 iktar ’il fuq, li tgħid li l-impriża benefiċjarja għandha effettivament tkun inkarigata mill-eżekuzzjoni tal-obbligi ta’ servizz pubbliku, tapplika wkoll fil-każ fejn tkun ġiet invokata d-deroga prevista fl-Artikolu 86(2) KE.

112    Fiż-żewġ każijiet, miżura għandha f’kull każ tissodisfa, minn naħa waħda, il-prinċipji ta’ definizzjoni u ta’ għoti tas-servizz pubbliku, u min-naħa l-oħra, il-prinċipju ta’ proporzjonalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza BUPA et vs Il‑Kummissjoni, punt 110 iktar ’il fuq, punt 160).

113    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li r-Repubblika Taljana ma pprovdiet l-ebda preċiżazzjoni, la f’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet imsemmija fis-sentenza Altmark, punt 39 iktar ’il fuq, u lanqas f’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 86(2) KE. Fil-fatt, l-uniku argument imressaq mir-Repubblika Taljana huwa li l-impriżi kkostitwiti b’applikazzjoni tal-Liġi Nru 142/90 jeżerċitaw attività ta’ interess ekonomiku pubbliku, u għaldaqstant, li r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat ma għandhomx japplikaw għalihom.

114    Għandu jiġi kkonstatat ukoll, fid-dawl tal-istruttura tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, li l-Liġi Nru 142/90 ma tistax tiġi kkwalifikata bħala att ta’ setgħa pubblika li toħloq u tiddefinixxi miżura partikolari li tikkonsisti fil-provvista ta’ servizzi pubbliċi lokali skont l-obbligi speċifikati. Barra minn hekk, din il-liġi ma tiddefinixxix, b’mod ċar u preċiż, l-obbligi ta’ servizz pubbliku li huma involuti.

115    Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li l-kundizzjoni dwar il-prinċipji ta’ definizzjoni u ta’ attribuzzjoni tal-inkarigi ta’ servizz pubbliku ma ġietx sodisfatta.

116    Konsegwentement, it-tielet motiv ma jistax jintlaqa’.

4.     Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tar-regoli proċedurali minħabba li l-investigazzjoni ma kinitx kompluta

 L-argumenti tal-partijiet

117    Ir-Repubblika Taljana ssostni li fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni wettqet evalwazzjoni astratta, li ma tiħux inkunsiderazzjoni l-fatti rilevanti, bi ksur tar-regoli proċedurali fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat. Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni limitat ruħha li tagħmel rifereiment b’mod astratt għal ċerti attivitajiet ekonomiċi, u ma ħadet inkunsiderazzjoni la l-kundizzjonijiet konkreti tas-suq Taljan tas-servizzi pubbliċi, u lanqas l-attivitajiet effettivament eżerċitati mill-benefiċjarji. Peress li l-miżuri inkwistjoni ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat, jew sussidjarjament, jikkostitwixxu għajnuna eżistenti, l-awtoritajiet Taljani kellhom raġun ma jressqu l-ebda każ speċifiku quddiem il-Kummissjoni għall-finijiet ta’ evalwazzjoni individwali. Fil-każ fejn il-Kummissjoni kellha dubju dwar il-kwalifika eżatta ta’ dawn il-miżuri, din kellha l-obbligu li tivverifika l-eżistenza eventwali ta’ każijiet partikolari.

118    Il-Kummissjoni ssostni li dan il-motiv huwa inammissibbli, għalhiex huwa motiv ġdid fis-sens tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura. Fil-każ fejn dan il-motiv jitqies bħala parzjalment ammissibbli, il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza tiegħu.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

119    Fl-ewwel lok, f’dak li jirrigwarda l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni, biżżejjed jingħad li fir-rikors tagħha, ir-Repubblika Taljana indikat li l-Kummissjoni ma setgħetx iżżomm lura milli twettaq eżami tal-attività tal-benefiċjarji tal-miżuri inkwistjoni u tal-importanza tagħhom ġewwa s-suq nazzjonali u ġewwa s-suq Komunitarju, sabiex tkun kapaċi tevalwa jekk dawn il-miżuri kinux ta’ natura li jolqtu l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

120    Għaldaqstant, l-argumentazzjoni li l-ammissibbiltà tagħha hija kkontestata ġiet ippreżentata insostenn tat-talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

121    Għaldaqstant, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà għandha tiġi miċħuda u dan il-motiv għandu jiġi ddikjarat bħala ammissibbli.

122    Fit-tieni lok, f’dak li jirrigwarda l-fondatezza ta’ dan il-motiv, għandu jitfakkar li f’dan il-każ, hemm inkwistjoni l-evalwazzjoni ta’ skema ta’ għajnuna ta’ applikazzjoni ġenerali.

123    Għandu jitfakkar ukoll li, b’mod konformi mar-Regolament Nru 659/1999 u l-ġurisprudenza, il-Kummissjoni mhijiex marbuta tevalwa l-miżuri individwali mogħtija abbażi ta’ skema ta’ għajnuna. Huwa biżżejjed li l-Kummissjoni tillimita ruħha sabiex teżamina l-karatteristiċi tal-iskema inkwistjoni sabiex tevalwa jekk, minħabba l-metodi li tipprevedi din l-iskema, din hijiex tali li tagħti vantaġġ sostanzjali lill-benefiċjarji fil-konfront tal-kompetituri tagħhom u hijiex tali li tagħti vantaġġ essenzjalment lil impriżi li jipparteċipaw fil-kummerċ bejn l-Istati Membri (is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Il-Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, punt 78 iktar ’il fuq, punt 18, u L-Italja vs Il‑Kummissjoni, punt 42 iktar ’il fuq, punt 89).

124    Madankollu, f’dan il-każ, l-evalwazzjoni magħmula mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, anki jekk hija ġenerali fis-sens li tirrigwarda s-setturi kollha milquta mill-miżuri inkwistjoni, tirrigwarda l-effetti li dawn il-miżuri jista’ jkollhom fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn Stati Membri. Id-deċiżjoni kkontestata ma kellhiex tinkludi analiżi tal-għajnuna mogħtija f’każijiet individwali abbażi ta’ dik l-iskema. F’kull każ, mill-atti jirriżulta li l-Kummissjoni qatt ma rċeviet min-naħa tar-Repubblika Taljana jew tal-impriżi intervenjenti quddiemha matul il-proċedura amministrattiva, l-informazzjoni kollha neċessarja li tippermetti li jiġu eżaminati s-sitwazzjonijiet individwali tal-allegati benefiċjarji.

125    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li r-raba’ motiv għandu jiġi miċħud.

126    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

127    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Repubblika Taljana tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż, skont it-talbiet tal-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tmien Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-Repubblika Taljana għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk tal-Kummissjoni.

Martins Ribeiro

Šváby

Papasavvas

Wahl

 

      Dittrich

Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-11 ta’ Ġunju 2009.

Firem


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.