Language of document : ECLI:EU:F:2013:89

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(Imħallef uniku)

25 ta’ Ġunju 2013

Kawża F‑115/12

Luigi Marcuccio

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Rikors għad-danni — Eċċezzjoni ta’ rikors parallel — Inammissibbiltà manifesta”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu L. Marcuccio jitlob b’mod partikolari l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea ta’ ċaħda tan-nota tiegħu tad‑19 ta’ Lulju 2011 kif ukoll il-ħlas tal-ammont ta’ EUR 5 500, flimkien mal-interessi, bi ħlas għal dannu allegatament subit.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud bħala manifestament inammissibbli. L. Marcuccio għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u huwa kkundannat ibati l-ispejjeż esposti mill-Kummissjoni Ewropea.

Sommarju

Proċedura ġudizzjarja — Spejjeż — Taxxa — Preżentata ta’ rikors li għandu l-istess għan ta’ talba għal intaxxar — Inammissibbiltà

(Artikolu 270 TFUE; Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 92(1); Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91)

Il-proċedura speċifika, prevista fl-Artikolu 92(1) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, għall-intaxxar tal-ispejjeż, hija esklużiva għal talba tal-istess ammonti, jew ammonti esposti għall-istess finijiet, fil-kuntest ta’ azzjoni mressqa konformement għall-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal. B’hekk, ma huwiex ammissibbli li, abbażi tal-Artikolu 270 TFUE u tal-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, rikorrent jippreżenta rikors għal kumpens li fil-verità jkollu l-istess għan bħal talba għall-intaxxar tal-ispejjeż. Dan huwa validu anki meta d-dejn tal-konvenut ma huwiex identiku għas-somma mitluba mir-rikorrent għad-dannu allegatament subit.

(ara l-punti 21 u 26)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 16 ta’ Lulju 2009, Il‑Kummissjoni vs Schneider Electric, C-440/07 P

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 11 ta’ Lulju 2007, Schneider Electric vs Il‑Kummissjoni, T-351/03, punt 297

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 10 ta’ Novembru 2009, Marcuccio vs Il‑Kummissjoni, F-70/07, punt 17