Language of document :

Rikors ippreżentat fid-19 ta' Ottubru 2009 - Dimosia Epicherisi Ilektrismou A.E. (DEI) vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

(Kawża T-421/09)

Lingwa tal-kawża: il-Grieg

Partijiet

Rikorrenti: Dimosia Epicherisi Ilektrismou A.E. (DEI) (Ateni, il-Greċja) (rappreżentant: P. Anestis, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni;

tikkundanna lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Fil-5 ta' Marzu 2008, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C (2008) 824, dwar l-għoti jew iż-żamma fis-seħħ mir-Repubblika Ellenika ta' drittijiet favur Dimosia Epicheirisi Ilektrismou A.E. (iktar 'il quddiem ir-"rikorrenti"), għall-estrazzjoni tal-faħam kannella, li fiha hija qieset li r-Repubblika Ellenika kienet kisret l-Artikolu 86(1) KE, moqri flimkien mal-Artikolu 82 KE, billi tat u żammet fis-seħħ drittijiet privileġġjati favur ir-rikorrenti għall-isfruttament tal-faħam kannella fil-Greċja, u billi b'hekk ħolqot inugwaljanza ta' opportunità bejn l-operaturi ekonomiċi fejn jidħol l-aċċess għal fjuwils primarji għall-produzzjoni tal-elettriku u ppermettiet lir-rikorrenti żżomm jew issaħħah il-prożizzjoni dominanti tagħha fis-suq tal-provvista tal-elettriku bl-ingrossa.

Ir-rikorrenti kkontestat din id-deċiżjoni permezz ta' rikors għal annullament ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza tal-Komunitajiet Ewropej, irreġistrat bin-numru tal-Kawża T-169/08, li tinsab pendenti.

Ir-rikors preżenti huwa intiż għall-annullament, abbażi tar-raba' paragrafu tal-Artikolu 230 KE, tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2009) 6244, tal-4 ta' Awwissu 2009 (iktar 'il quddiem, id-"deċiżjoni kkontestata") "li tistabbilixxi l-miżuri speċifiċi biex jissewwew l-effetti antikompetittivi tal-ksur identifikat fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Marzu 2008 dwar l-għoti jew iż-żamma fis-seħħ mir-Repubblika Ellenika ta' drittijiet favur il-Public Power Corporation S.A. [Dimosia Epicheirisi Ilektrismou A.E] għall-estrazzjoni tal-faħam kannella".

Skont l-ewwel motiv ta' annullament, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball ta' liġi, kif ukoll żball manifest ta' evalwazzjoni tal-fatti peress li, minn naħa, hija ddefiniet b'mod żbaljat is-swieq rilevanti, billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li, sabiex jiġi prodott l-elettriku, fjuwils oħra li jistgħu jissostiwixxu l-faħam kannella, bħalma huwa l-gass naturali, huma f'kompetizzjoni mal-faħam kannella estratt u, konsegwentement, jaqgħu taħt l-istess suq; min-naħa l-oħra, hija evalwat b'mod żbaljat id-dimensjoni ġeografika tas-suq tal-provvista tal-faħam kannella fil-Greċja għall-produzzjoni tal-elettriku u, konsegwentement, is-suq tal-provvista tal-faħam kannella jkopri ż-zona iktar wiesgħa tal-Balkani.

Skont it-tieni motiv ta' annullament, ir-rikorrenti tqis li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żball ta' liġi u bi żball manifest ta' evalwazzjoni tal-fatti fir-rigward tal-ħtieġa li jiġu imposti miżuri korrettivi. L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball peress li ma ħaditx inkunsiderazzjoni, sabiex tiddetermina l-miżuri korrettivi, l-argumenti ġuridiċi u l-fatti li jidhru fil-proċedura amministrattiva u fil-proċedura ta' annullament, rigward id-deċiżjoni ta' Marzu 2008. It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ċaħdet inġustament elementi ġodda importanti ppreżentati minn DEI, dwar il-ftuħ supplimentari tas-suq bl-ingrossa tal-provvista tal-elettriku għar-raġuni li dawn ma kinux jikkostitwixxu fatti sostanzjali ġodda. It-tielet nett, id-deċiżjoni kkontestata hija bbażata, skont ir-rikorrenti, fuq kalkolu żbaljat tal-kwantitajiet ta' faħam kannella li għandhom jiġu pprovduti lill-kompetituri sabiex jiġi rrimedjat il-ksur allegat.

Skont it-tielet motiv ta' annullament, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata ma tissodisfax ir-regoli ta' motivazzjoni iżda tirrepeti sempliċement u b'mod imqassar ċerti argumenti żvillupati mir-rikorrenti waqt il-proċedura amministrattiva, mingħajr madankollu ma tikkontestahom. Bl-istess mod, il-motivi tad-deċiżjoni dwar id-dimensjoni ġeografika tas-suq tal-faħam kannella ma jippermettux lid-destinatarju tad-deċiżjoni jifhem il-konklużjonijiet finali tal-konvenuta fuq dan il-punt. Fl-aħħar, skont l-argumenti tar-rikorrenti, id-deċiżjoni ma timmotivax ir-raġuni għalfejn il-perċentwali ta' 40 % ġiet ikkunsidrata bħala l-perċentwali neċessarja ta' riżervi magħrufa ta' faħam kannella sfruttabbli li għalihom il-kompetituri ta' DEI għandu jkollhom aċċess.

Fl-aħħar, skont ir-raba' motiv ta' annullament, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tippreġudika l-prinċipji ta' libertà kuntrattwali u ta' proporzjonalità. Inkwantu, fir-rigward tal-impriżi privati li jakkwistaw fil-futur, permezz ta' sejħa għal offerti, drittijiet ta' sfruttament fuq id-depożiti ta' faħam ta' Drama, Elassona, Végora u Vévi, id-deċiżjoni timponi projbizzjoni milli jbiegħu lil DEI kwantitajiet ta' faħam kannella estratt, hija tirrestrinġi awtomatikament u b'mod sproporzjonat il-libertà kuntrattwali tar-rikorrenti u ta' terzi. Barra minn hekk, fid-dawl tal-iżviluppi importanti li juru l-ftuħ progressiv tas-suq Grieg tal-elettriku, l-esklużjoni ta' DEI mis-sejħa għal offerti dwar l-għoti tad-drittijiet il-ġodda kollha fuq il-faħam kannella u r-restrizzjoni b'mod mhux ġustifikat tal-attività tagħha bħala impriża jikkostitwixxu miżuri li mhumiex neċessarji u li huma sproporzjonati meta mqabbla mal-ksur allegat.

____________