Language of document : ECLI:EU:T:2015:601





Sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) tat-8 ta’ Settembru 2015 –
Amitié vs Il-Kummissjoni

(Kawża T‑234/12)

“Klawżola ta’ arbitraġġ – Sussidju – Għajnuna finanzjarja – Sospensjoni ta’ ħlas – Talba għar-rimbors tal-ispejjeż iddikjarati – Danni – Interessi moratorji – Nota ta’ debitu – Responsabbiltà kuntrattwali – Kontrotalba”

1.                     Proċedura ġudizzjarja – Kawża mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali abbażi ta’ klawżola ta’ arbitraġġ – Ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali sabiex tieħu konjizzjoni ta’ kontrotalba – Bażi (Artikoli 256(1) TFUE u 272 TFUE) (ara l-punt 71)

2.                     Proċedura ġudizzjarja – Rikors promotur – Suġġett tat-tilwima – Definizzjoni – Modifika fil-mori tal-kawża – Projbizzjoni (Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali (1991), Artikoli 44(1) u 48(2)) (ara l-punti 84‑88, 95-97)

3.                     Proċedura ġudizzjarja – Tressiq ta’ motivi ġodda fil-mori tal-kawża – Talbiet magħmula fl-istadju tar-replika intiżi għaċ-ċaħda parzjali ta’ kontrotalba magħmula fl-istadju tad-difiża – Preżentata tardiva – Assenza (ara l-punti 90, 91)

4.                     Proċedura ġudizzjarja – Suġġett tat-tilwima – Modifika fil-mori tal-kawża – Projbizzjoni – Assenza formali ta’ riproduzzjoni tat-talbiet fl-istadju tar-replika li tirriżulta minn żball materjali mwettaq matul il-modifika tagħhom – Assenza ta’ rieda li ssir rinunzja għat-talbiet – Introduzzjoni mill-ġdid tat-talbiet fin-nota li temendahom intiża sabiex tikkoreġi żball materjali mwettaq fl-istadju tar-replika – Ammissibbiltà (ara l-punti 102-105)

5.                     Proċedura ġudizzjarja – Kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà tar-rikorsi – Talbiet intiżi sabiex jiksbu d-dikjarazzjoni tan-natura eżekuttiva tas-sentenza li għandha tingħata mill-Qorti Ġenerali – Talbiet mingħajr skop – Inammissibbiltà (Artikolu 278 TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 60) (ara l-punti 109, 110)

6.                     Baġit tal-Unjoni Ewropea – Għajnuna finanzjarja tal-Unjoni – Obbligu tal-benefiċjarju li josserva l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-għajnuna – Proċedura mibdija mill-Kummissjoni għall-irkupru tal-ammont imħallas bil-quddiem fil-kuntest tal-għajnuna – Determinazzjoni tal-obbligi kkontestati – Tqassim tal-oneru tal-prova (ara l-punti 115-119, 143-145)

7.                     Baġit tal-Unjoni Ewropea – Għajnuna finanzjarja tal-Unjoni – Obbligu tal-benefiċjarju li josserva l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-għajnuna – Teħid inkunsiderazzjoni tal-konklużjonijiet finali ta’ awditu – Obbligu li jiġu osservati r-regoli dwar il-ġbir tal-provi fil-kuntest tal-awditu – Assenza ta’ ksur tal-ftehimiet suġġetti għall-awditu (ara l-punti 135-140)

8.                     Baġit tal-Unjoni Ewropea – Għajnuna finanzjarja tal-Unjoni – Obbligu tal-benefiċjarju li josserva l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-għajnuna – Finanzjament li jirrigwarda biss l-ispejjeż effettivament magħmula – Ġustifikazzjoni tar-realtà tal-ispejjeż iddikjarati – Assenza – Spejjeż mhux eliġibbli – Eżekuzzjoni teknika tajba tal-proġetti li kienu s-suġġett ta’ għajnuna finanzjarja tal-Unjoni – Assenza ta’ effett (Artikolu 317 TFUE) (ara l-punti 146, 147, 152, 153)

9.                     Baġit tal-Unjoni Ewropea – Għajnuna finanzjarja tal-Unjoni – Obbligu tal-benefiċjarju li josserva l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-għajnuna – Proċedura mibdija mill-Kummissjoni għall-irkupru tal-ammont imħallas bil-quddiem fil-kuntest tal-għajnuna – Obbligu li jiġi osservat il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament – Sitwazzjonijiet mhux komparabbli – Assenza ta’ diskriminazzjoni (ara l-punti 155-158, 210)

10.                     Baġit tal-Unjoni Ewropea – Għajnuna finanzjarja tal-Unjoni – Obbligu tal-benefiċjarju li josserva l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-għajnuna – Finanzjament li jirrigwarda biss l-ispejjeż effettivament magħmula – Ġustifikazzjoni tar-realtà tal-ispejjeż iddikjarati – Parti kontraenti li tibbenefika simultanjament minn diversi istanzi ta’ għajnuna finanzjarja – Nuqqas ta’ osservanza ta’ obbligu li tinżamm kontabbiltà li tippermetti li tintwera rabta diretta bejn l-ispejjeż irrapportati fid-dikjarazzjonijiet finanzjarji relatati ma’ kull ftehim ta’ għajnuna finanzjarja u dawk irreġistrati fil-kontabbiltà ġenerali – Spejjeż mhux eliġibbli (ara l-punti 163‑165, 171-181)

11.                     Baġit tal-Unjoni Ewropea – Għajnuna finanzjarja tal-Unjoni – Obbligu tal-benefiċjarju li josserva l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-għajnuna – Finanzjament li jirrigwarda biss l-ispejjeż effettivament magħmula – Ġustifikazzjoni tar-realtà tal-ispejjeż iddikjarati – Spejjeż ta’ persunal – Nuqqas ta’ osservanza ta’ obbligu li jiġu prodotti rapporti ta’ ħin ta’ ħidma affidabbli sabiex jiġu ġġustifikati l-ispejjeż ta’ persunal iddikjarati għall-eżekuzzjoni tal-ftehimiet – Spejjeż mhux eliġibbli – Konsegwenza – Spejjeż ta’ trasferiment tal-persunal mhux eliġibbli (ara l-punti 194-208, 211, 212, 216-219)

12.                     Proċedura ġudizzjarja – Kawża mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali abbażi ta’ klawżola ta’ arbitraġġ – Talba għar-rimbors tal-ispejjeż tal-proċedura bbażati fuq ir-responsabbiltà kuntrattwali tal-Unjoni – Assenza ta’ rabta kawżali bejn id-dannu u l-aġir tal-istituzzjoni – Ċaħda tat-talba għal rimbors (ara l-punti 303-307)

Suġġett

Rikors, skont l-Artikolu 272 TFUE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, intiż, fl-ewwel lok, sabiex jiġi kkonstatat, qabel kollox, li l-ammonti miġbura mir-rikorrenti b’eżekuzzjoni ta’ ftehim ta’ sussidju u ta’ żewġ ftehimiet ta’ għajnuna finanzjarja konklużi bejn din tal-aħħar u l-Komunità, irrappreżentata mill-Kummissjoni, kif ukoll il-piena finanzjarja u l-interessi moratorji li l-Kummissjoni titlob li r-rikorrenti tirrimborsa jew li tħallas, fid-dawl tal-konklużjonijiet finali tal-awditu finanzjarju, ma humiex dovuti jew, għall-inqas, ma humiex dovuti kollha kemm huma, sussegwentement, li d-dritt tal-Kummissjoni li testendi l-applikazzjoni tal-konklużjonijiet finali tal-awditu għal ftehim ieħor ta’ sussidju huwa preskritt u, fl-aħħar nett, li l-Kummissjoni tat lok għar-responsabbiltà kuntrattwali tal-Unjoni billi ssospendiet, fid-dawl tal-konklużjonijiet preliminari tal-awditu finanzjarju, il-ħlas tal-ammonti dovuti lir-rikorrenti b’eżekuzzjoni ta’ żewġ ftehimiet oħra ta’ sussidju u, fit-tieni lok, sabiex il-Kummissjoni tiġi kkundannata tħallasha, minn naħa, l-ammonti li għadhom dovuti lilha abbażi tal-ftehimiet ta’ sussidju li l-eżekuzzjoni tagħhom ġiet sospiża u abbażi ta’ ftehim ieħor ta’ għajnuna finanzjarja, kif ukoll interessi moratorji u, min-naħa l-oħra, danni intiżi li jikkumpensaw lir-rikorrenti għad-dannu subit minħabba l-eżerċizzju abbużiv, mill-Kummissjoni, tad-drittijiet li hija kellha taħt ftehimiet ta’ għajnuna finanzjarja jew minn sussidji suġġetti għall-awditu finanzjarju u minn ftehimiet ta’ sussidju li l-eżekuzzjoni tagħhom ġiet sospiża, wara dan l-awditu.

Dispożittiv

1)

Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talbiet ta’ Amitié Srl intiżi sabiex tittieħed konjizzjoni tar-rinunzja tal-Kummissjoni Ewropea li tikkontesta l-ammonti li baqa’ dovuti lilha b’eżekuzzjoni tal-ftehimiet ta’ sussidju bir-referenza ECP-2007-DILI-517005, dwar l-azzjoni Athena (Access to cultural heritage networks across Europe), u ECP‑2008‑DILI‑538025, dwar l-azzjoni Judaica Europeana (Jewish urban digital European integrated cultural archive).

2)

Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)

Amitié hija kkundannata tħallas lill-Kummissjoni, l-ewwel nett, ammont ta’ EUR 50 458.23 flimkien mal-interessi moratorji bir-rata ta’ 4.5 % fis-sena b’effett mis-6 ta’ April 2012 u sa meta jitħallas kompletament dan l-ammont, it-tieni nett, ammont ta’ EUR 261 947.36 flimkien mal-interessi moratorji bir-rata ta’ 4.25 % fis-sena b’effett mit-28 ta’ Diċembru 2012 u sa meta jitħallas kompletament dan l-ammont, it-tielet nett, ammont ta’ EUR 358 712.35 flimkien mal-interessi moratorji bir-rata ta’ 4.5 % fis-sena b’effett mit-8 ta’ Mejju 2012 u sa meta jitħallas kompletament dan l-ammont, u, ir-raba’ nett, ammont ta’ EUR 5 045.82 flimkien mal-interessi moratorji bir-rata ta’ 4.5 % fis-sena b’effett mit-23 ta’ Ġunju 2012 sa meta jitħallas kompletament dan l-ammont.

4)

Amitié hija kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha stess, erba’ partijiet minn ħamsa tal-ispejjeż tal-Kummissjoni.

5)

Il-Kummissjoni għandha tbati parti minn ħamsa tal-ispejjeż tagħha stess.