Language of document : ECLI:EU:T:2007:25

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tieni Awla)

31 ta’ Jannar 2007(*)

“Politika Komuni barranija u ta’ sigurtà – Miżuri restrittivi fir-rigward tal-Liberja – Iffriżar tal-fondi tal-persuni assoċjati ma’ Charles Taylor – Kompetenza tal-Komunità – Drittijiet fundamentali – Rikors għal annullament”

Fil-kawża T‑362/04,

Leonid Minin, residenti f’Tel-Aviv (Iżrael), irrappreżentat minn T. Ballarino u C. Bovio, avocats,

rikorrent

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn E. Montaguti, L. Visaggio u C. Brown, bħala aġenti,

konvenuta

sostnuta minn

Il-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentat minn S. Marquardt u F. Ruggeri Laderchi, wara minn M. Marquardt u A.Vitro, bħala aġenti,

u minn

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta’ l-Irlanda ta’ Fuq, inizjalment irrappreżentat minn R. Caudwell, wara minn E. Jenkinson, bħala aġenti,

intervenjenti

li għandha bħala għan prinċipali, inizjalment, talba għall-annullament tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1149/2004 tat-22 ta’ Ġunju 2004, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 872/2004, dwar iktar miżuri restrittivi li għandhom x’jaqsmu mal-Liberja (ĠU L 222, p. 17), u, ukoll, talba għall-annullament parzjali tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 874/2005, tad-9 ta’ Ġunju 2005, li jemenda r-Regolament Nru 872/2004 (ĠU L 146, p. 5),

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA
TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tieni Awla),

komposta minn J. Pirrung, President, N. J. Forwood u S. Papasavvas, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-13 ta’ Settembru 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1        Taħt l-Artikolu 24(1) tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, iffirmata f’San Francisco (l-Istati Uniti) fis-26 ta’ Ġunju 1945, il-Membri ta’ l-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) "jpoġġu fuq il-Kunsill tas-Sigurtà responsabbiltà primarja għaż-żamma tal-paċi u s-sigurtà internazzjonali, u jaċċetta li waqt li jkun qed jaqdi d-dmirijiet tiegħu skond din ir-responsabbiltà, il-Kunsill tas-Sigurtà jkun qed jaġixxi f’isimhom".

2        Taħt l-Artikolu 25 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti "[i]l-Membri tan-[NU] jintrabtu li jaċċettaw u jwettqu d-deċiżjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà skond il-Karta preżenti".

3        Skond l-Artikolu 41 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti:

"Il-Kunsill tas-Sigurtà jista’ jiddeċiedi x’miżuri li ma jinvolvux l-użu tal-[forza] armata għandhom jiġu użati biex jitwettqu d-deċiżjonijiet tiegħu, u jista’ jitlob lill-membri tan-Nazzjonijiet Uniti biex japplikaw dawn il-miżuri. Dawn jistgħu jinkludu l-qtugħ totali jew parzjali ta’ relazzjonijiet ekonomiċi u tal-mezzi ta’ komunikazzjoni bil-ferrovija, bil-baħar, bl-ajru, tal-posta, telegrafu, radju, jew mezzi oħra, u l-ksur tar-relazzjonijiet diplomatiċi."

4        Skond l-Artikolu 48(2) tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, id-deċiżjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà għaż-żamma tal-paċi u tas-sigurtà internazzjonali "għandhom jiġu eżegwiti mill-Membri tan-Nazzjonijiet Uniti direttament u permezz ta’ l-azzjoni tagħhom fl-aġenziji internazzjonali adatti li tagħhom ikunu membri".

5        Skond l-Artikolu 103 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, "[f’]il-każ ta’ konflitt bejn l-obbligi tal-Membri tan-Nazzjonijiet Uniti skond il-Karta preżenti u l-obbligi tagħhom skond xi ftehim internazzjonali ieħor, l-obbligi tagħhom skond il-Karta preżenti għandhom jegħlbu".

6        Skond l-Artikolu 11(1) UE :

“L-Unjoni għandha tiddifenixxi u timplementa politika komuni barranija u ta’ sigurtà li tkopri l-oqsma tal-politika barranija u ta’ sigurtà, li l-objettivi tagħha għandhom ikunu:

–        li tissalvagwardja l-valuri komuni, l-interessi fundamentali, l-indipendenza u l-integrità ta’ l-Unjoni konformi mal-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti;

–        li ssaħħaħ is-sigurtà ta’ l-Unjoni bil-mezzi kollha;

–        li tippreserva l-paċi u ssaħħaħ is-sigurtà internazzjonali, skond il-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, [...]".

7        Skond l-Artikolu 301 KE :

"Meta jkun hemm, f’posizzjoni komuni jew azzjoni konġunta adottata skond il-provvedimenti tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea li jirrigwardaw il-politika komuni barranija u ta’ sigurtà, provvedimenti għal xi azzjoni mill-Komunità biex tinterrompi jew tnaqqas, parzjalment jew kompletament, ir-relazzjonijiet ekonomiċi ma’ xi pajjiż terz wieħed jew iktar, il-Kunsill għandu jieħu l-miżuri urġenti neċessarji. Il-Kunsill għandu jaġixxi b’maġġoranza kkwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni."

8        L-Artikolu 60 (1) KE jiddisponi:

"1. Jekk, fil-każijiet kontemplati fl-Artikolu 301, azzjoni mill-Komunità tiġi kkunsidrata meħtieġa, il-Kunsill jista’ skond il-proċedura prevista fl-Artikolu 301, jieħu l-miżuri urġenti u neċessarji dwar il-moviment tal-kapital u dwar il-pagamenti għar-rigward tal-pajjiżi terzi in kwistjoni.

2. Mingħajr ħsara għall-Artikolu 297 u sakemm il-Kunsill ma jkunx ħa miżuri skond il-paragrafu 1, Stat Membru jista’, għal raġunijiet politiċi serji u minħabba raġunijiet ta’ urġenza, jieħu miżuri unilaterali kontra pajjiż terz rigward il-movimenti kapitali u r-rimessi ta’ ħlasijiet. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri l-oħra għandhom ikunu informati b’dawk il-miżuri mhux aktar tard mid-data li dawn ikunu daħlu fis-seħħ.

[…] "

9        Fl-aħħar nett, l-Artikolu 295 KE jgħid li "[d]an it-Trattat għandu jkun bla ebda preġudizzju għas-sistema ta’ proprjetà fl-Istati Membri".

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

10      Iffaċċat bil-perikli serji fil-konfront tal-Liberja u fir-rigward tar-rwol li kellu f’dan ir-rigward Charles Taylor, li qabel kien il-president ta’ dan il-pajjiż, il-Kunsill tas-sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (iktar ’il quddiem il-"Kunsill tas-Sigurtà") adotta, sa mill-1992, sensiela ta’ riżoluzzjonijiet li jikkonċernaw dan il-pajjiż, fuq il-bażi tal-Kapitolu VII tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti.

11      L-ewwel waħda minn dawn hija r-riżoluzzjoni 788 (1992), adottata fid-19 ta’ Novembru 1992 u li l-paragrafu 8 tagħha jgħid li, "sabiex jiffaċilita l-istabbiliment tal-paċi u ta’ l-istabbiltà fil-Liberja, l-istati kollha għandhom japplikaw immedjatament embargo ġenerali u komplet fuq il-kunsinni kollha ta’ armi u ta’ materjal militari fil-Liberja sakemm il-Kunsill [tas-Sigurtà] jiddeċiedi mod ieħor".

12      Fis-7 ta’ Marzu 2001, peress li l-kunflitt fil-Liberja kien ġie rregolat, il-Kunsill tas-Sigurtà adotta r-riżoluzzjoni 1343 (2001), li permezz tagħha huwa ddeċieda li jtemm il-projbizzjonijiet imposti mill-paragrafu 8 tar-riżoluzzjoni 788 (1992). Madankollu, il-Kunsill tas-Sigurtà kkonstata wkoll li l-gvern Liberjan kien qed jagħti sostenn attivament lil gruppi armati ribelli fil-pajjiżi ġirien, u b’hekk adotta sensiela ġdida ta’ sanzjonijiet kontra l-Liberja. Skond il-paragrafi 5 sa 7 ta’ din ir-riżoluzzjoni, l-Istati kollha kellhom, b’mod partikolari, jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex iwaqqfu l-bejgħ jew il-provvista lil-Liberja ta’ armamenti u ta’ materjali relatati, l-importazzjoni diretta jew indiretta sa mil-Liberja tad-djamanti kollha mhux maħduma u d-dħul jew il-passaġġ fi tranżitu fit-territorju tagħhom ta’ ċerti persuni li għandhom rabtiet mal-gvern Liberjan jew li jappoġġawh.

13      Il-paragrafu 19 tar-riżoluzzjoni 1343 (2001) jipprevedi l-kreazzjoni ta’ grupp ta’ esperti li huma responsabbli, b’mod partikolari, li jinvestigaw fuq l-osservanza jew il-ksur tal-miżuri imposti mill-imsemmija riżoluzzjoni u li jirrapporta lill-Kunsill tas-Sigurtà b’dan. Dan ir-rapport, bin-numru S/2001/1015, intbagħat lill-president tal-Kunsill tas-Sigurtà fis-26 ta’ Ottubru 2001.

14      Fit-22 ta’ Diċembru 2003, il-Kunsill tas-Sigurtà adotta r-riżoluzzjoni 1521 (2003). Peress li seħħew tibdiliet fil-Liberja, b’mod partikolari t-tluq ta’ Charles Taylor li qabel kien il-president, u l-formazzjoni tal-gvern nazzjonali ta’ tranżizzjoni tal-Liberja, kif ukoll li l-progress imwettaq fil-proċess ta’ paċi fis-Sierra Leone, kien jeħtieġ li huwa jirrevedi l-azzjoni tiegħu skond il-Kapitolu VII tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Kunsill tas-Sigurtà ddeċieda li jneħħi l-projbizzjonijiet imposti, b’mod partikolari, fil-paragrafi 5 sa 7 tar-riżoluzzjoni 1343 (2001) tiegħu. Madankollu, dawn il-miżuri ġew issostitwiti minn miżuri rriveduti. B’hekk, skond il-paragrafi 2, 4, 6 u 10 tar-riżoluzzjoni 1521 (2003), l-Istati kollha kellhom, b’mod partikolari, jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex iwaqqfu l-bejgħ jew il-fornitura lil-Liberja ta’ armamenti u ta’ materjal konness, id-dħul jew il-passaġġ fi tranżitu fit-territorju tagħhom ta’ individwi indikati mill-kumitat tas-sanzjonijiet previsti fil-punt 15 iktar ’il quddiem, l-importazzjoni fit-territorju tagħhom diretta jew indiretta tad-djamanti kollha mhux maħduma provenjenti mil-Liberja u l-importazzjoni fit-territorju tagħhom taz-zkuk kollha u prodotti ta’ l-injam provenjenti mil-Liberja.

15      Fil-paragrafu 21 tar-riżoluzzjoni 1521 (2003), il-Kunsill tas-Sigurtà ddeċieda li joħloq, skond l-Artikolu 28 tar-Regolament intern provviżorju, Kumitat tal-Kunsill tas-Sigurtà, kompost mill-membri kollha tal-Kunsill (iktar ’il quddiem il-"kumitat tas-sanzjonijiet"), responsabbli, b’mod partikolari, li jfassal u li jaġġorna l-lista ta’ persuni li, skond il-paragrafu 4 ta’ din ir-riżoluzzjoni, jipperikolaw il-proċess ta’ paċi fil-Liberja, jew li jwettqu attivitajiet li jipperikolaw l-paċi u l-istabbiltà fil-Liberja u fis-subreġjun, inklużi l-kapijiet tal-gvern ta’ Charles Taylor, li qabel kien il-president, u l-konjuġi tagħhom, il-membri tal-forzi armati Liberjani anzjani li żammew rabtiet ma’ dawn, il-persuni li jaġixxu bi ksur tal-projbizzjonijiet relattivi għat-traffikar ta’ l-armi, kif ukoll il-persuni l-oħra assoċjati ma’ entitajiet li jagħtu appoġġ finanzjarju jew militari lill-gruppi armati ribelli fil-Liberja jew fil-pajjiżi tar-reġjun.

16      Peress li azzjoni tal-Komunità biex timplementa r-riżoluzzjoni fl-10 ta’ Frar 2004 hija neċessarja, il-Kunsill adotta l-pożizzjoni komuni 2004/137/PBSK, dwar il-miżuri restrittivi kontra l-Liberja u li tħassar il-pożizzjoni komuni 2001/357/PBSK (ĠU L 40, p. 35). L-Artikolu 2 ta’ din il-pożizzjoni komuni tiddisponi li, skond il-kundizzjonijiet stabbiliti mir-riżoluzzjoni 1521 (2003) tal-Kunsill tas-Sigurtà, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex iwaqqfu d-dħul jew il-passaġġ fi tranżitu fit-territorju tagħhom ta’ l-individwi kollha indikati mill-kumitat tas-sanzjonijiet.

17      Fl-10 ta’ Frar 2004, il-Kunsill adotta, fuq il-bażi ta’ l-Artikoli 60 KE u 301 KE, ir-Regolament (KE) Nru 234/2004, dwar ċerti miżuri restrittivi fir-rigward tal-Liberja u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1030/2003 (ĠU L 40, p. 1).

18      Fit-12 ta’ Marzu 2004, il-Kunsill tas-Sigurtà adotta r-riżoluzzjoni 1532 (2004), intiża b’mod partikolari li tiffriża l-fondi ta’ Charles Taylor u ta’ ċerti membri tal-familja tiegħu, kif ukoll ta’ l-alleati u l-assoċjati tiegħu. Skond il-paragrafu 1 ta’ din ir-riżoluzzjoni, il-Kunsill tas-Sigurtà "[i]ddeċida li, sabiex iwaqqaf lil dak li qabel kien il-President tal-Liberja, Charles Taylor, il-membri immedjati tal-familja tiegħu, b’mod partikolari Jewell Howard Taylor u Charles Taylor, Jr., uffiċjali anzjani tar-reġim antik ta’ Taylor, jew tal-membri tal-grupp tiegħu, alleati jew assoċjati, identifikati mill-[kumitat tas-sanzjonijiet], milli jużaw il-fondi u l-beni miżapproprjati sabiex ifixklu l-istabilizzar tal-paċi u ta’ l-istabbiltà fil-Liberja u fis-subreġjun, l-Istati kollha kellhom jiffriżaw immedjatament il-fondi, assi finanzjarji oħra u riżorsi ekonomiċi li jinsabu fit-territorju tagħhom fid-data ta’ l-adozzjoni tar-riżoluzzjoni preżenti jew inkella, li jippossjedu jew taħt il-kontroll dirett jew indirett ta’ l-imsemmija persuni jew ta’ persuni oħra identifikati mill-[kumitat tas-sanzjonijiet], inklużi l-fondi, assi finanzjarji oħra u riżorsi ekonomiċi miżmuma minn entitajiet li jappartjenu lil jew huma kkontrollati direttament jew indirettament minn wieħed minnhom jew minn kull persuna li taġixxi għan-nom tagħhom jew fuq ordnijiet tagħhom identifikati mill-[kumitat tas-sanzjonijiet], u li joqogħdu attenti sabiex jipprevjenu li ċ-ċittadini tagħhom jew kwalunkwe persuna fit-territorju tagħhom ipoġġuhom direttament jew indirettament għad-dispożizzjoni ta’ dawn il-persuni, kif ukoll il-fondi l-oħra kollha, assi finanzjarji jew riżorsi ekonomiċi, jew li jippermettu l-użu għal vantaġġ tagħhom".

19      Il-paragrafu 2 tar-riżoluzzjoni 1532 (2004) jipprovdi ċertu numru ta’ derogi għall-miżuri previsti fil-paragrafu 1, b’mod partikolari għal dak li jikkonċerna l-fondi, assi finanzjarji oħra u riżorsi ekonomiċi neċessarji għall-kopertura ta’ l-ispejjeż essenzjali jew straordinarji tal-persuni kkonċernati. Dawn id-derogi jistgħu jiġu konċessi mill-Istati suġġetti, skond il-każ, għan-non oppożizzjoni jew ta’ l-approvazzjoni tal-kumitat tas-sanzjonijiet.

20      Fil-paragrafu 4 tar-riżoluzzjoni 1532 (2004), il-Kunsill tas-Sigurtà poġġa fuq il-kumitat tas-sanzjonijiet ir-responsabbiltà li jidentifika l-persuni u entitajiet previsti fil-paragrafu 1 u sabiex jikkomunika l-lista lill-Istati kollha, li jelabora u jaġġorna regolarment din il-lista u li din terġa tiġi eżaminata kull sitt xhur.

21      Fil-paragrafu 5 tar-riżoluzzjoni 1532 (2004), il-Kunsill tas-Sigurtà ddeċieda li jerġa jeżamina l-miżuri imposti fil-paragrafu 1 għall-inqas darba kull sena, l-ewwel eżami kellu jseħħ mhux iktar tard mit-22 ta’ Diċembru 2004, u li f’dak iż-żmien jikkonkludi l-miżuri ġodda li jridu jittieħdu.

22      Peress li azzjoni tal-Komunità kienet neċessarja sabiex timplementa din ir-riżoluzzjoni, il-Kunsill adotta, fid-29 ta’ April 2004, il-pożizzjoni komuni 2004/487/PBSK, dwar il-miżuri ġodda restrittivi kontra l-Liberja (ĠU L 162, p. 116). Din il-pożizzjoni komuni kienet tippreskrivi l-iffriżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi miżmuma direttament jew indirettament mill-persuni u entitajiet previsti fil-paragrafu 1 tar-riżoluzzjoni 1532 (2004), u dan taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk imsemmija f’din ir-riżoluzzjoni.

23      Fid-29 ta’ April 2004, il-Kunsill adotta, fuq il-bażi ta’ l-Artikoli 60 KE u 301 KE, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 872/2004 li jirrigwarda iktar miżuri restrittivi li għandhom x’jaqsmu mal-Liberja (ĠU L 162, p. 32).

24      Skond il-premessa 4 ta’ dan ir-regolament, l-[iffriżar] tal-fondi ta’ Charles Taylor u ta’ l-assoċjati tiegħu kien neċessarju "[m]inħabba l-impatt negattiv fuq il-Liberja bit-trasferiment ’il barra mill-pajjiż ta’ fondi u [assi] miżapproprjati, u l-użu ta’ dawn il-fondi miżapproprjati minn Charles Taylor u l-assoċjati tiegħu sabiex jimminaw il-paċi u l-istabbiltà fil-Liberja u fir-reġjun".

25      Skond il-premessa 6 ta’ dan ir-Regolament, dawn il-miżuri "jidħlu fl-iskop tat-Trattat" u, " [g]ħalhekk, sabiex jiġi evitat kull tagħwiġ tal-kompetizzjoni, hija meħtieġa leġislazzjoni Komunitarja sabiex timplementahom safejn u sakemm jinteressaw lill-Komunità".

26      L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 872/2004 jiddefinixxi dak li għandu jkun mifhum b’"fondi", "[l-iffriżar] tal-fondi", "riżorsi ekonomiċi" u "[l-iffriżar] tar-riżorsi ekonomiċi".

27      Skond l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 872/2004 :

"1. Għandhom jiġu [iffriżati] l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha possessi jew ikkontrollati, direttament jew indirettament, minn dak li qabel kien il-President Liberjan Charles Taylor, minn Jewell Howard Taylor u minn Charles Taylor Jr u mill-persuni u l-entitajiet li ġejjin, kif innominati mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet u elenkati fl-Anness I:

a)      il-membri immedjati l-oħra tal-familja ta’ dak li qabel kien il-President Liberjan Charles Taylor;

b)      l-uffiċjali anzjani ta’ dak li qabel kien ir-reġim ta’ Taylor, u alleati u assoċjati oħra mill-qrib;

ċ) il-persuni legali, il-korpi jew l-entitajiet ippossjeduti jew ikkontrollati, direttament jew indirettament, mill-persuni riferiti hawn fuq;

d)      kull persuna naturali jew legali li taġixxi f’isem jew fuq id-direzzjoni tal-persuni msemmija hawn fuq.

2.      L-ebda fondi jew riżorsi ekonomiċi ma għandhom jitpoġġew għad-dispożizzjoni, direttament jew indirettament, lill-persuni naturali jew legali, lill-entitajiet jew lill-korpi elenkati fl-Anness jew għall-benefiċċju tagħhom.

3. Għandha tiġi pprojbita l-parteċipazzjoni, konxjament u intenzjonalment, f’attivitajiet li l-għan jew l-effett tagħhom ikun, direttament jew indirettament, sabiex jaħarbu mill-miżuri riferiti fil-paragrafi 1 u 2."

28      L-anness I tar-Regolament Nru 872/2004 għandu l-lista tal-persuni legali jew naturali, tal-korpi jew l-entitajiet previsti fl-Artikolu 2. Fil-verżjoni inizjali tagħha, ma jidhirx l-isem tar-rikorrent.

29      Skond l-Artikolu 11(a), tar-Regolament Nru 872/2004, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li temenda l-Anness I fuq il-bażi tad-determinazzjonijiet magħmula jew mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti jew mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet.

30      Skond l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 872/2004 :

"1. Bħala deroga mill-Artikolu 2, l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri, kif elenkati fl-Anness II, jistgħu jawtorizzaw il-ħelsien ta’ ċerti fondi jew riżorsi finanzjarji [iffriżati] jew jagħmlu disponibbli ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi, jekk l-awtorità kompetenti tkun stabbiliet illi l-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi interessati jkunu:

a)      meġħtieġa għall-ispejjeż bażiċi, inklużi l-ħlasijiet għall-oġġetti ta’ l-ikel, il-kiri u l-ipoteki, il-mediċini u t-trattamenti mediċi, it-taxxi, il-premiums ta’ l-assikurazzjonijiet, u l-imposti fuq utilitajiet pubbliċi;

b)      maħsuba b’mod esklużiv għall-ħlas tal-piżijiet professjonali raġjonevoli u r-rifużjoni ta’ l-ispejjeż assoċjati li jkunu saru mal-provvediment tas-servizzi legali;

ċ)      maħsuba b’mod esklużiv għall-ħlas tal-piżijiet jew ta’ l-imposti fuq is-servizzi għaż-żamma jew il-manutenzjoni [tal-fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati];

basta tkun magħrufa l-intenzjoni li jiġi awtorizzat tali aċċess għal fondi u r-riżorsi eknomiċi lill-Kumitat tas-Sanzjonijet u li ma jkunx irċieva tweġiba negattiva mill-Kumitat fi żmien jumejn tat-tali notifika.

2.      Bħala deroga mill-Artikolu 2, l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri, kif elenkati fl-Anness II, jistgħu jawtorizzaw il-ħelsien ta’ ċerti fondi jew riżorsi finanzjarji [ffriżati] jew jagħmlu disponibbli ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi, jekk l-awtorità kompetenti tkun stabbiliet illi l-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi interessati jkunu meħtieġa għal spejjeż straordinarji, u sakemm din l-awtorità kompetenti tkun innotifikat din id-determinazzjoni lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet u li d-determinazzjoni kienet approvata minn dan il-Kumitat."

31      Fil-15 ta’ Ġunju 2004, il-kumitat tas-sanzjonijiet adotta d-direttivi għall-applikazzjoni tal-paragrafi 1 u 4 tar-riżoluzzjoni 1532 (2004) (iktar ’il quddiem id-"direttivi tal-kumitat tas-sanzjonijiet").

32      Il-punt 2 ta’ l-imsemmija direttivi, intitolati "Attwalizzar u żamma tal-lista tal-persuni previsti mill-[iffriżar] ta’ l-assi", jipprovdi, f’sub b), li l-kumitat tas-sanzjonijiet eżamina debitament it-talbiet ta’ attwalizzar ta’ din il-lista li huwa ppreżenta lill-Istati Membri u, sub d), li l-kumitat tas-sanzjonijiet jerġa jeżamina l-imsemmija lista kull sitt xhur, b’kunsiderazzjoni b’mod partikolari ta’ kull domanda pendenti dwar it-tħassir ta’ l-isem ta’ individwu u/jew ta’ entitajiet (ara l-punt segwenti).

33      Il-punt 4 tad-direttivi tal-kumitat tas-sanzjonijiet, intitolat "Tħassir mil-lista", jipprovdi:

"a) Mingħajr ħsara għall-proċeduri fis-seħħ, rikorrent [persuna(i), gruppi, impriżi u/jew entitajiet li jidhru fuq il-lista sommarja tal-Kumitat] jista’ jressaq quddiem il-gvern tal-pajjiż li fih huwa jirrisjedi u/jew li tiegħu huwa ċittadin talba intiża sabiex jiġi eżaminat mill-ġdid il-każ tiegħu. Meta jagħmel dan, ir-rikorrent għandu jiġġustifika t-talba tiegħu għat-tħassir tiegħu minn fuq il-lista, jipprovdi l-informazzjoni relevanti u jitlob sostenn għal din it-talba;

b)      Il-gvern li quddiemu tressqet din it-talba (il-"gvern mitlub") għandu jeżamina l-elementi ta’ informazzjoni rilevanti kollha mbagħad għandu jikkuntatja bilateralment lill-gvern(ijiet) li ppropona (pproponew) l-inklużjoni fil-lista [il-gvern(ijiet) li jidentifika(w)] sabiex jitlob informazzjoni kumplimentari u jikkonsulta fuq it-talba għat-tħassir minn fuq il-lista;

ċ)      Il-gvern(ijiet) li inizjalment talab/talbu tali inklużjoni jista’ (jistgħu) wkoll jitlob/jitolbu informazzjoni kumplimentari lill-pajjiż ta’ residenza tar-rikkorent jew li tiegħu huwa ċittadin. Il-gvern mitlub u l-gvern(ijiet) li jidentifika(w) jista’/jistgħu, skond kif ikun meħtieġ, jikkonsulta(w) mal-President tal-Kumitat matul dawn il-konsultazzjonijiet bilaterali;

d) jekk, wara li jkun eżamina l-informazzjoni kumplimentari, il-gvern mitlub ikun jixtieq jippermetti li ssir talba għat-tħassir minn fuq il-lista, huwa għandu jipprova jikkonvinċi lill-gvern(ijiet) li jidentifika(w) jippreżenta(w), flimkien jew separatament, talba għal tħassir lill-Kumitat. Il-gvern mitlub jista’, mingħajr ma din ikollha magħha talba tal-gvern(ijiet) li jidentifika(w) jippreżenta talba għal tħassir lill-Kumitat, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kunsens taċitu [deskritt fis-subparagrafi b) u ċ) tal-paragrafu 3 iktar ’il fuq;

e)      Il-president jagħti risposta provviżorja għad-domandi kollha ta’ tħassir mil-lista li mhux eżaminat fit-terminu normali ta’ jumejn jew fil-perijodu tal-prorogar ta’ dan it-terminu."

34      Fl-14 ta’ Ġunju 2004, il-kumitat tas-sanzjonijiet iddeċieda li jemenda l-lista tal-persuni u entitajiet li għaliha huma applikabbli l-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 tar-riżoluzzjoni 1532 (2004) tal-Kunsill tas-Sigurtà. L-isem tar-rikorrent kien jidher f’din il-lista emendata, u kien imsemmi bħala sid tal-kumpannija Exotic Tropical Timber Enterprises u wieħed mill-finanzjaturi prinċipali tal-fondi ta’ Charles Taylor li preċedentement kien president.

35      Permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1149/2004 tat-22 ta’ Ġunju 2004, li jemenda r-Regolament Nru 872/2004 (ĠU L 222, p. 17), l-anness I tar-Regolament Nru 872/2004 ġie ssostitwit mill-anness tar-Regolament Nru 1149/2004. Dan l-anness I ġdid jinkludi, fil-punt 13 tiegħu, l-isem tar-rikorrent, identifikat hekk :

"Leonid Minin [alias (a) Blavstein, (b) Blyuvshtein, (c) Blyafshtein, (d) Bluvshtein, (e) Blyufshtein, (f) Vladimir Abramovich Kerler, (g) Vladimir Abramovich Popiloveski, (h) Vladimir Abramovich Popela, (i) Vladimir Abramovich Popelo, (j) Wulf Breslan, (k) Igor Osols). Data tat-twelid : (a) 14 ta’ Diċembru 1947, (b) 18 ta’ Ottubru 1946, (c) mhux magħruf]. Nazzjonalità : Ukraina. Passaporti Ġermaniżi (isem: Minin) : (a) 5280007248D, (b) 18106739D. Passaporti Iżraeliti : (a) 6019832 (6/11/94-5/11/99), (b) 9001689 (23/1/97-22/1/02), (c) 90109052 (26/11/97). Passaport Russu : KI0861177. Passaport Bolivjan : 65118. Passaport Grieg : l-ebda dettall. Sid ta’ Exotic Tropical Timber Enterprises."

36      Fil-21 ta’ Diċembru 2004, il-Kunsill tas-Sigurtà adotta r-riżoluzzjoni 1579 (2004). Wara li eżamina b’mod partikolari l-miżuri stabbiliti fil-paragrafu 1 tar-riżoluzzjoni 1532 (2004) u kkunsidra li s-sitwazzjoni fil-Liberja kienet qeda tipperikola l-paċi u s-sigurtà internazzjonali fir-reġjun, il-Kunsill tas-Sigurtà nnota li dawn il-miżuri kienu għadhom fis-seħħ sabiex jimpedixxu lil Charles Taylor li qabel kien il-president, lill-membri tal-familja immedjata tiegħu, lill-persuni b’karigi għolja tar-reġim ta’ Taylor jew ta’ oħrajn alleati mill-qrib u assoċjati li jużaw fondi u beni li huma miżapproprijaw sabiex jostakolaw l-istabbiliment tal-paċi u ta’ l-istabbiltà fil-Liberja u fis-subreġjun u kkonferma mill-ġdid l-intenzjoni tiegħu li jirrevedi dawn il-miżuri għall-inqas darba kull sena.

37      Fit-2 ta’ Mejju 2005, il-kumitat tas-sanzjonijiet iddeċieda li jżid informazzjoni personali addizzjonali mal-lista tal-persuni, gruppi u entitajiet previsti fil-paragrafu 1 tar-riżoluzzjoni 1532 (2004) tal-Kunsill tas-Sigurtà.

38      Permezz tar-Regolament (KE) Nru 874/2005 tal-Kumissjoni, tad-9 ta’ Ġunju 2005, li jemenda r-Regolament Nru 872/2004 (ĠU L 146, p. 5, iktar ’il quddiem ir-"regolament ikkontestat"), l-anness I tar-Regolament Nru 872/2004 ġie ssostitwit mill-anness tar-regolament ikkontestat. Dak l-anness I ġdid jinkludi, fil-punt 14 tiegħu, l-isem tar-rikorrent, identifikat hekk :

"Leonid Yukhimovich Minin [alias a) Blavstein, b) Blyuvshtein, c) Blyafshtein, d) Bluvshtein, e) Blyufshtein, f) Vladamir Abramovich Kerler, g) Vladimir Abramovich Kerler, h) Vladimir Abramovich Popilo-Veski, i) Vladimir Abramovich Popiloveski, j) Vladimir Abramovich Popela, k) Vladimir Abramovich Popelo, l) Wulf Breslan, m) Igor Osols]. Dati tat-twelid : a) 14 ta’ Diċembru 1947, b) 18 ta’ Ottubru 1946, f’Odessa, URSS (illum l-Ukraina). Nazzjonalità : Iżraeljana. Passaporti foloz Ġermaniżi (isem : Minin) : a) nru 5280007248D, b) nru 18106739D. Passaporti Iżraeljani : a) nru 6019832 (validità 6.11.1994-5.11.1999), b) nru 9001689 (validità 23.1.1997-22.1.2002), c) nru 90109052 (maħruġ is-26.11.1997). Passaport Russu : nru KI0861177. Passaport Bolivjan : nru 65118. Passaport Grieg : l-ebda dettall. Informazzjoni oħra : sid ta’ l-Exotic Tropical Timber Enterprises."

39      Fl-20 ta’ Diċembru 2005, il-Kunsill tas-Sigurtà adotta r-riżoluzzjoni 1647 (2005). Wara li b’mod partikolari eżamina l-miżuri stabbiliti fil-paragrafu 1 tar-riżoluzzjoni 1532 (2004) u qies li s-sitwazzjoni fil-Liberja tkompli tipperikola l-paċi u s-sigurtà internazzjonali fir-reġjun, il-Kunsill tas-Sigurtà nnota li dawn il-miżuri kienu għadhom fis-seħħ u jikkonfermaw mill-ġdid l-intenzjoni tiegħu li jerġa jirrevedihom għall-inqas darba fis-sena.

 Proċedura

40      Permezz ta’ att li wasal fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-3 ta’ Settembru 2004, irreġistrat taħt in-numru T‑362/04, M. Leonid Minin ressaq ir-rikors preżenti skond l-Artikolu 230, ir-raba’ subparagrafu, KE.

41      Permezz ta’ digrieti tal-president tat-Tieni Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza rispettivament tat-8 ta’ Diċembru 2004 u tal-21 ta’ Frar 2005, il-Kunsill u r-Renju Unit tal-Gran Brettanja u ta’ l-Irlanda ta’ Fuq tħallew jintervjenu sabiex isostnu l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni. Il-Kunsill ippreżenta n-nota ta’ intervent fit-terminu impost. Permezz ta’ ittra li waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fid-19 ta’ April 2005, ir-Renju Unit informa lill-Qorti tal-Prim’Istanza dwar l-irrinunzja tiegħu għall-preżentata tan-nota ta’ intervent tiegħu, u dan kollu billi rriżerva d-dritt li jipparteċipa f’seduta eventwali.

42      Fuq rapport ta’ l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (It-Tieni Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti mill-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, hija għamlet xi mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet u stednithom iwieġbuhom bil-miktub matul is-seduta. Ir-rikorrent u l-konvenuta osservaw dawn it-talbiet.

43      Bl-eċċezzjoni tar-Renju Unit, li kien eżonerat, is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza nstemgħu fis-seduta tat-13 ta’ Settembru 2006.

 It-talbiet tal-partijiet

44      Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tannulla l-punt 13 ta’ l-anness tar-Regolament Nru 1149/2004;

–        tannulla l-imsemmi regolament kollu kemm hu;

–        tikkonstata l-inapplikabbiltà tar-Regolamenti Nri 872/2004 u 1149/2004 skond l-Artikolu 241 KE.

45      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala in parti inammissibbli u in parti infondat;

–        tiċħad bħala inammissibbli jew infondat l-argumenti l-ġodda mressqa fir-replika;

–        tikkundanna lir-rikorrent jbati l-ispejjeż.

46      Fin-nota ta’ intervent tiegħu, il-Kunsill jitlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza tiċħad ir-rikors.

47      Fir-risposta tagħha bil-miktub għad-domandi magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza, ir-rikorrent jgħid li, fid-dawl ta’ l-adozzjoni tar-Regolament Nru 874/2005, huwa għandu l-intenzjoni jimmodifika l-konklużjonijiet inizjali. Huwa b’hekk jitlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha :

–        tannulla l-punt 14 ta’ l-anness tar-regolament ikkontestat;

–        tannulla r-Regolament Nru 872/2004, kif emendat mir-regolament ikkontestat, f’dak li jipprovdi, fl-Artikolu 2 tiegħu, l-iffriżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi tar-rikorrent.

48      Fis-seduta, ir-rikorrent, minn naħa, jirrinunzja għat-tieni kap tat-talbiet b’hekk modifikati u, min-naħa l-oħra, jitlob il-kundanna tal-konvenut għall-ispejjeż, u dan ittieħed nota tiegħu fil-proċess verbali fis-seduta.

 Fuq l-ammissibbiltà tas-suġġett tar-rikors

49      L-ewwel kap tal-konklużjonijiet inizjali tar-rikorrent, ifformulat bil-mod indikat fil-punt 44 iktar ’il fuq, għandu bħala l-għan l-annullament tal-punt 13 ta’ l-anness tar-Regolament Nru 1149/2004, li kien ħa post l-Anness I tar-Regolament Nru 872/2004.

50      L-anness I tar-Regolament Nru 872/2004, b’hekk issostitwit, minn naħa tiegħu ġie ssostitwit, fil-proċedura, mill-Anness tar-regolament ikkontestat, il-partijiet ġew mistiedna jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom bil-miktub fuq il-konsegwenzi bbażati fuq dan l-element ġdid sabiex titkompla l-proċedura preżenti.

51      Konsegwentement, ir-rikorrent ifformula mill-ġdid il-konklużjonijiet tiegħu kif indikat fil-punt 47 iktar ’il fuq. Fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ partikolari, il-Kummissjoni ma qajmitx oġġezzjonijiet fir-rigward tal-prinċipju ta’ formulazzjoni mill-ġdid bħal din. Fil-qofol tagħha, din hija effettivament konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza li tgħid li meta miżura ta’ ffriżar ta’ fondi ta’ individwu tiġi ssostitwita, fil-proċedura, minn miżura li għandha l-istess suġġett, din trid titqies li hija element ġdid li jippermetti lir-rikorrent jadatta t-talbiet, motivi u argumenti tiegħu b’mod li dawn jirrigwardaw il-miżura ulterjuri (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-21 ta’ Settembru 2005, Yusuf u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, T‑306/01, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, attwalment taħt appell, iktar ’il quddiem is-"sentenza Yusuf ", punti 71 sa 74, u Kadi vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, T‑315/01, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, attwalment taħt appell, iktar ’il quddiem is-"sentenza Kadi", punti 52 sa 55, u l-ġurisprudenza ċċitata).

52      Min-naħa l-oħra, peress li r-rikorrent rrinunzja, fis-seduta, għat-tieni kap tat-talbiet tiegħu b’hekk ifformulati mill-ġdid, jeħteġ li jiġi kkonstatat li r-rikors għandu biss bħala suġġett talba għall-annullament tal-punt 14 ta’ l-anness tar-regolament ikkontestat, li jżomm l-isem tar-rikorrent fil-lista tal-persuni li l-fondi tagħhom kellhom jiġu ffriżati skond ir-Regolament Nru 872/2004.

53      F’dan ir-rigward, hemm lok li jingħad li r-regolament ikkontestat huwa verament regolament skond l-Artikolu 249 KE (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza Yusuf, punti 184 sa 188), u mhux ġabra ta’ deċiżjonijiet individwali, kif isostni b’mod ħażin ir-rikorrent. Il-punt 14 ta’ l-anness ta’ l-imsemmi regolament għandu din l-istess natura leġiżlattiva u b’hekk ma jikkostitwixxix deċiżjoni individwali indirizzata lir-rikorrent, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni. Ma joqonsx li r-rikorrent huwa direttament u individwalment ikkonċernat minn dan l-att, fejn huwa msemmi bl-isem fl-imsemmi punt 14 ta’ l-anness tiegħu (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza Yusuf, punt 186, u tat-12 ta’ Lulju 2006, Ayadi vs Il-Kunsill, T‑253/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, attwalment mingħajr appell, iktar ’il quddiem is-"sentenza Ayadi", punt 81). B’dan il-mod, huwa ammissibbli għar-rikorrent li jitlob l-annullament.

 Fuq il-bażi

1.     Allegazzjonijiet fattwali tal-partijiet

54      Ir-rikorrent jiddikjara li huwa jismu Leonid Minin u li huwa ċittadin Iżraeljan iddomiċiljat f’Tel-Aviv (Iżrael), għalkemm kien jirrisjedi fl-Italja fl-epoka tal-fatti fl-oriġini tar-rikors preżenti. Ir-rikorrent iżid li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha tiegħu fil-Komunità ġew iffriżati wara l-adozzjoni tar-Regolament Nru 1149/2004, b’mod li mhuwiex aktar fil-pożizzjoni li jieħu ħsieb uliedu u lanqas li jkompli bl-attivitajiet ta’ amministratur ta’ kumpannija ta’ importazzjoni u esportazzjoni ta’ l-injam. Ir-rikorrent, min-naħa l-oħra, isostni li huwa ma nstabx ħati ta’ akkużi fl-Italja ta’ traffikar ta’ armi.

55      Madankollu, f’dan ir-rigward, il-Kummissjoni u l-Kunsill jirreferu għar-rapport tas-26 ta’ Ottubru 2001 tal-grupp ta’ esperti previst fil-paragrafu 19 tar-riżoluzzjoni 1343 (2001) (ara l-punt 13 iktar ’il fuq). Skond dawn l-istituzzjonijiet, jirriżulta, b’mod partikolari, mill-paragrafi 15 sa 17 u 207 et seq. ta’ dan ir-rapport li, fl-arrest tiegħu mill-awtoritajiet Taljani, fil-5 ta’ Awwissu 2000, ir-rikorrent instab fil-pusses ta’ bosta dokumenti li jimplikawh fi traffiku ta’ armi bid-destinazzjoni tal-Liberja. Interrogat fil-ħabs mill-grupp ta’ esperti, ir-rikorrent kien ammetta r-rwol tiegħu f’bosta tranżazzjonijiet marbuta ma’ dan it-traffiku. Min-naħa l-oħra, il-motivi tal-ħelsien tar-rikorrent fl-Italja kien ġie bbażat fuq l-inkompetenza territorjali tal-qrati Taljani li jisimgħu l-kawża mressqa kontrih f’dan l-Istat Membru.

2.     Id-dritt

56      In sostenn tat-talbiet tiegħu, ir-rikorrent jinvoka żewġ argumenti bbażati, l-ewwel wieħed, fuq l-inkompetenza tal-Komunità li tadotta r-Regolament Nru 872/2004, ir-Regolament Nru 1149/2004 u r-regolament ikkontestat (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, ir-"regolamenti kkontestati") u t-tieni, fuq il-ksur tad-drittijiet fundamentali.

 Fuq l-ewwel argument, ibbażat fuq l-inkompetenza tal-Komunità li tadotta r-regolamenti kkontestati

57      Dan l-argument jerġa jinqasam f’żewġ partijiet, li t-tieni parti ġiet żviluppata fl-istadju tar-replika.

 Fuq l-ewwel parti

–       L-argumenti tal-partijiet

58      Permezz ta’ l-ewwel parti ta’ l-argument, ir-rikorrent, fl-ewwel lok, isostni li r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà jikkonċernaw esklużivament l-Istati li għalihom huma indirizzati u li m'għandhomx bħala suġġett li jkopru direttament l-individi, f’kuntrast mar-regolamenti Komunitarji, li jipproduċu effetti diretti erga omnes fl-Istati Membri. Ir-regolamenti kkontestati kienu b’hekk ikkonferew "valur miżjud" għall-penali previsti fir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà li huma adottaw id-dispożizzjonijiet, jiġifieri l-effett dirett fit-territorju ta’ l-Unjoni, li ma jiġġustifikax il-perspettiva normattiva. Fil-fatt, il-Komunità tiddisponi biss mill-kompetenzi ta’ attribuzzjoni. B’mod partikolari, jirriżulta mill-Artikolu 295 KE li l-Komunità m'għandhiex kompetenzi proprji għal dak li jikkonċerna r-reġim tal-proprjetà. Għalhekk, hija ma tkunx kompetenti li tadotta attivitajiet li jċaħħdu lill-individwi mill-proprjetà tagħhom. Dan ir-rwol jaqa’ fuq l-Istati Membri, li huma biss kompetenti, skond ir-rikorrent, li jikkonferixxu effett dirett u li jsaħħu s-sanzjonijiet ekonomiċi individwali adottati mill-Kunsill tas-Sigurtà.

59      Ir-rikorrent isostni, fit-tieni lok, li d-destinatarji tal-miżuri previsti mill-Artikoli 60 KE u 301 KE huma l-pajjiżi terzi. Konsegwentement, dawn l-Artikoli ma jammontawx għal bażi ġuridika adegwata għall-finijiet ta’ l-adozzjoni tal-miżuri punitivi jew preventivi għall-individwi u jipproduċu effett dirett fuq dan. Miżuri bħal dawn ma jikkonċernawx il-kompetenza tal-Komunità, b’differenza, fl-ewwel lok, mill-miżuri restrittivi ta’ natura kummerċjali adottati kontra l-Liberja mir-Regolament Nru 234/2004 u, fit-tieni lok, miżuri ta’ embargo kummerċjali kontra l-Iraq eżaminati mill-Qorti tal-Prim’Istanza fis-sentenza tat-28 ta’ April 1998, Dorsch Consult vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (T‑184/95, Ġabra p. II‑667).

60      In-natura arbitrarja tar-reġim stabbilit mir-regolamenti kkontestati jirriżulta minn paragun bejn dan u r-reġim implementat mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1294/1999 tal-15 ta’ Ġunju 1999, dwar l-iffriżar tal-kapitali u projbizzjoni ta’ l-investimenti f’konnessjoni mar-Repubblika Federali tal-Jugoslavja (RFJ) u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 1295/98 u (KE) Nru 1607/98 (ĠU L 153, p. 63). Ir-rikorrent isostni li l-persuni indikati minn dan l-aħħar imsemmi regolament, skond l-Artikolu 2 tiegħu, kienu "dawk li jaġixxu jew allegatament jaġixxu akkont jew għan-nom" tal-gvernijiet ikkonċernati. Huwa jżid li r-Regolament Nru 1294/1999 għandu n-normi indirizzati lill-Istati Membri u li jirriformulaw il-miżuri ta’ ffriżar tal-fondi diġà applikati mill-Istati Membri fuq livell nazzjonali.

61      Fis-seduta, ir-rikorrent żviluppa varjanti ta’ dan it-tieni aspett ta’ l-argument tiegħu fejn isostni li, meta Charles Taylor kien ġie mneħħi mill-poter fil-Liberja qabel l-adozzjoni tar-regolamenti kkontestati, dan ma setax ikun aktar ibbażat biss fuq l-Artikoli 60 KE u 301 KE, iżda kien ikollu jkun ibbażat fuq il-bażi ġuridika komplementari ta’ l-Artikolu 308 KE. Huwa invoka, f’dan is-sens, il-punti 125 et seq tas-sentenza Yusuf.

62      Ir-rikorrent isostni, fit-tielet lok, li l-iffriżar ta’ l-assi tiegħu ma għandhom l-ebda relazzjoni ma’ l-għan li "jiġi evitat kull tagħwiġ tal-kompetizzjoni", imsemmi fil-premessa 6 tar-Regolament Nru 872/2004, peress li ma hemm l-ebda ftehim bejn dawn il-kumpanniji. Bl-istess mod, ir-rikorrent iddikjara li ma rax kif il-kapitali miksuba b’mod ħażin, iżda ta’ ammont insinjifikanti meta mqabbel ma’ l-ekonomija ta’ l-Unjoni, seta' jipperikola reġim ta’ moviment ħieles tal-kapitali.

63      Il-Kummissjoni u l-Kunsill jikkontestaw il-bażi tajba ta’ l-argumenti kollha mressqa mir-rikorrenti fil-proċedura miktuba. Argumenti identiċi jew simili kienu min-naħa l-oħra ġew miċħuda mill-Qorti tal-Prim’Istanza fis-sentenzi Yusuf, Kadi u Ayadi.

64      Fir-rigward ta’ l-argumenti żviluppati mir-rikorrent fis-seduta, fuq il-bażi tal-punti 125 et seq tas-sentenza Yusuf (ara l-punt 61 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni tqis li din tammonta għal raġuni ġdida, li l-preżentazzjoni fil-proċedura hija pprojbita mill-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura, peress li din mhijiex ibbażata fuq elementi ta’ dritt u ta’ fatt li ġew żvelati fil-proċedura.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

65      Ir-rikorrent essenzjalment isostni li l-Istati Membri huma biss kompetenti li jimplementaw, permezz ta’ l-adozzjoni ta’ miżuri li għandhom effett dirett u li jimponi fuq individwi, sanzjonijiet ekonomiċi maħruġa kontrihom mill-Kunsill tas-Sigurtà.

66      Jeħtieġ li dan ir-raġunament jiġi miċħud mill-bidu għall-motivi identiċi, essenzjalment, indikati fis-sentenzi Yusuf (punti 107 sa 171), Kadi (punti 87 sa 135) u Ayadi (punti 87 sa 92) (ara, fir-rigward tal-fakultà għall-imħallef Komunitarju li jispjega sentenza b’riferiment għal sentenza preċedenti fuq kwistjonijiet essenzjalment identiċi, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Ottubru 2005, Crailsheimer Volksbank, C‑229/04, Ġabra p. I‑9273, punti 47 sa 49, u s-sentenza Ayadi, punt 90; ara wkoll, f’dan is-sens, id-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Ġunju 2002, Aalborg Portland vs Il-Kummissjoni, C‑204/00 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 29, u, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-1 ta’ Lulju 1999, Alexopoulou vs Il-Kummissjoni, C‑155/98 P, Ġabra p. I‑4069, punti 13 u 15).

67      Fil-fatt, minn naħa, il-Qorti tal-Prim’Istanża ddeċidiet, fis-sentenzi tagħha Yusuf, Kadi u Ayadi, li, f’kull każ fejn, il-Komunità, bis-saħħa tat-Trattat KE, assumiet il-kompetenzi preċedentement eżerċitati mill-Istati Membri fil-qasam ta’ applikazzjoni tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, id-dispożizzjonijiet ta’ din il-Karta għandhom bħala riżultat li jorbtu lill-Komunità (sentenza Yusuf, punt 253), u li din hija marbuta, skond it-Trattat li permezz tagħha hija ġiet stabbilita, kif obbligata li tadotta bis-saħħa ta’ l-istess Karta, fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħha, id-dispożizzjonijiet kollha neċessarji sabiex tippermetti lill-Istat Membri tagħha jikkonformaw ruħhom ma’ dawn l-obbligi (sentenza Yusuf, punt 254).

68      Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet, f’dawn l-istess sentenzi, li l-Komunità hija kompetenti li tadotta miżuri restrittivi li jaffettwaw direttament lill-individwi, fuq il-bażi ta’ l-Artikoli 60 KE u 301 KE, meta pożizzjoni komuni jew azzjoni komuni adottata skond id-dispożizzjonijiet tat-Trattat UE dwar il-PBSK tipprovdi dan, u dan sakemm dawn il-miżuri għandhom il-għan li effettivament jintterrompu jew inaqqsu, kollha jew in parti, ir-relazzjonijiet ekonomiċi ma’ wieħed jew bosta pajjiżi terzi (sentenza Yusuf, punti 112 sa 116). Min-naħa l-oħra, miżuri restrittivi li ma jippreżentaw l-ebda rabta mat-territorju jew mar-reġim li jmexxi f’pajjiż terz ma jistgħux ikunu bbażati fuq dawn id-dispożizzjonijiet biss (sentenza Yusuf, punti 125 sa 157). Madankollu, il-Komunità hija kompetenti li tadotta miżuri bħal dawn fuq il-bażi ta’ l-Artikoli 60 KE, 301 KE u 308 KE (sentenza Yusuf, punti 158 sa 170, u s-sentenza Ayadi, punti 87 sa 89).

69      Issa, f’dan il-każ, il-Kunsill tas-Sigurtà kkonstata, fil-Pożizzjoni Komuni 2004/487, adottata b’applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Titolu V tat-Trattat UE, li azzjoni tal-Komunità kienet neċessarja sabiex jiġu implementati ċerti miżuri restrittivi diretti kontra Charles Taylor u l-persuni assoċjati miegħu, skond ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà 1532 (2004), u l-Komunità implementat dawn il-miżuri bl-adozzjoni tar-regolamenti kkontestati (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-senteza Yusuf, punt 255).

70      F’dawn iċ-ċirkustanzi speċifiċi għal dan il-każ partikolari, jeħtieġ li jingħad li r-regolamenti kkontestati għandhom bħala bażi legali l-Artikoli 60 KE u 301 KE biss. Fi kwalunkwe każ, tkun xi tkun il-kwalifika bħala argument ġdid jew le għall-argumentazzjoni żviluppata f’dan ir-rigward mir-rikorrent fis-seduta, fuq il-bażi tal-punti 125 et seq tas-sentenza Yusuf (ara punt 61 iktar ’il fuq), huwa neċessarju li jiġi vverifikat jekk is-sanzjonijiet jaffettwawx lir-rikorrent, fil-kwalità tiegħu ta’ assoċjat ta’ Charles Taylor li qabel kien il-president tal-Liberja, li għandhom l-għan li effettivament jintterrompu jew inaqqsu, kollha jew in parti, ir-relazzjonijiet ekonomiċi ma’ pajjiżi terz, li jammonta għal verifika dwar jekk hemmx rabta suffiċjenti mat-territorju jew ir-reġim li jmexxi pajjiż bħal dan.

71      Il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li dan huwa l-każ fid-dawl tar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà, tal-pożizzjonijiet komuni PBSK u ta’ l-atti Komunitarji in kwistjoni f’dan il-każ partikolari, u dan anki jekk huwa veru li Charles Taylor tneħħa mill-poter presidenzjali fil-Liberja mix-xahar ta’ Awwissu 2003.

72      Fil-fatt, skond il-fehma stabbilita tal-Kunsill tas-Sigurtà, li m'għandhiex tiġi mqajma mill-Qorti tal-Prim’Istanza, is-sitwazzjoni fil-Liberja tkompli tipperikola l-paċi u s-sigurtà internazzjonali fir-reġjun, u l-miżuri restrittivi meħuda kontra Charles Taylor u l-assoċjati tiegħu jibqgħu neċessarji sabiex jipprevjenu li dawn jużaw fondi u beni li huma miżapproprijaw sabiex jostakolaw l-istabbiliment mill-ġdid tal-paċi u ta’ l-istabbiltà f’dan il-pajjiż u f’dan ir-reġjun (ara, b’mod partikolari, il-punti 12, 14, 15, 18 u 36 iktar ’il fuq, għal dak li jikkonċerna l-perijodu 2001-2005, u l-punt 39 iktar ’il fuq, għal dak li jikkonċerna l-perijodu wara l-20 ta’ Diċembru 2005).

73      Bl-istess mod, skond il-premessa 4 tar-Regolament Nru 872/2004, huwa meħtieġ l-iffriżar ta’ dawn il-fondi ta’ Charles Taylor u ta’ l-assoċjati tiegħu "[m]inħabba l-impatt negattiv fuq il-Liberja bit-trasferiment ’il barra mill-pajjiż ta’ fondi u [assi] miżapproprjati, u l-użu ta’ dawn il-fondi miżapproprjati minn Charles Taylor u l-assoċjati tiegħu sabiex jimminaw il-paċi u l-istabbiltà fil-Liberja u fir-reġjun, huwa meħtieġ l-iffriżar ta’ dawn il-fondi ta’ Charles Taylor u ta’ l-assoċjati tiegħu."

74      Il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li, sa fejn l-organizzazzjoni li għaliha l-Komunità Internazzjonali assenjat ir-rwol prinċipali taż-żamma tal-paċi u tas-sigurtà internationali tqis li Charles Taylor u l-assoċjati tiegħu kien f’pożizzjoni li jikkompromettu l-paċi fil-Liberja u fil-pajjiżi ġirien, il-miżuri restrittivi adottati fir-rigward tagħhom jippreżentaw rabta suffiċjenti mat-territorju fejn ir-reġim li jmexxi ta’ dan il-pajjiż sabiex jitqiesu li huma "bil-għan li tinterrompi jew tnaqqas, kollha jew in parti, ir-relazzjonijiet ekonomiċi ma’ […] pajjiż terz", skond l-Artikoli 60 KE u 301 KE. B’hekk, il-Komunità hija kompetenti li tadotta l-miżuri in kwistjoni fuq il-bażi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

75      L-argumenti l-oħra msemmija aktar speċifikament mir-rikorrent fil-kuntest ta’ l-ewwel parti ta’ l-ewwel argument mhumiex suġġetti li jerġgħu jikkontestaw din l-evalwazzjoni.

76      Fir-rigward ta’ l-argument li jgħid li r-regolamenti kkontestati kienu indebitament ikkonferew "valur miżjud" għar-riżoluzzjonijiet in kwistjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà, minħabba l-effett dirett li huma jipproduċu fit-territorju tal-Komunità, il-Kummissjoni ġustament ma laqgħatux meta osservat, minn naħa, li l-Artikoli 60 KE u 301 KE ma jillimitawx l-għażla ta’ l-atti li jassiguraw l-implementazzjoni tagħhom u, min-naħa l-oħra, li r-riżoluzzjoni 1532 (2004) ma timponix limiti ulterjuri għall-forma li jistgħu jieħdu l-miżuri ta’ eżekuzzjoni li l-Istati Membri tan-NU kellhom jadottaw, direttament jew, bħal f’dan il-każ partikolari, permezz ta’ l-organizzazzjonijiet internazzjonali li jiffurmaw parti minnhom. Għal kuntrarju, din ir-riżoluzzjoni teżiġi l-adozzjoni tal-"miżuri neċessarji "għall-finijiet ta’ l-implementazzjoni tagħha. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni u l-Kunsill ġustament isostnu li l-adozzjoni ta’ regolament Komunitarju hija ġġustifikata minn raġunijiet evidenti ta’ uniformità u ta’ effiċjenza u tippermetti li jiġu evitati li l-fondi tal-partijiet ikkonċernati jiġu ttrasferiti jew moħbija fi żmien li fih l-Istati Membri jimplementaw direttiva jew deċiżjoni fid-dritt nazzjonali.

77      Fir-rigward ta’ l-argument li jgħid li l-Komunità allegatament tikser l-Artikolu 295 KE billi tordna l-iffriżar tal-fondi ta’ l-individwi, anki jekk jiġi ammess li l-miżuri in kwistjoni f’dan il-każ partikolari jindaħlu fir-reġim tal-proprjetà (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Yusuf, punt 299), huwa suffiċjenti li jingħad li, minkejja d-dispożizzjoni in kwistjoni, dispożizzjonijiet oħra tat-Trattat jabilitaw lill-Komunità li tadotta miżuri ta’ sanzjoni jew ta’ difiża li għandhom effett fuq id-dritt tal-proprjetà ta’ l-individwi. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, fil-każ fil-qasam tal-kompetizzjoni (Artikolu 83 KE) u tal-politika kummerċjali (Artikolu 133 KE). Dan huwa wkoll il-każ tal-miżuri meħuda, bħal f’dan il-każ partikolari, abbażi ta’ l-Artikoli 60 KE u 301 KE.

78      Fl-aħħar nett, f’dak li jirrigwarda l-argument li jgħid li l-iffriżar ta’ l-assi tar-rikorrent mhumiex konnessi ma’ l-għan li tiġi stabbilita sistema li tiggarantixxi li "tiġi evitata kull distorsjoni tal-kompetizzjoni", imsemmi fil-premessa 6 tar-Regolament Nru 872/2004, huwa veru li l-affermazzjoni ta’ riskju tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni, li l-imsemmi premessa ta’ dan ir-regolament għandha bħala suġġett li tipprevjeni, mhijiex konvinċenti (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi Yusuf, punti 141 sa150, u Kadi, punti 105 sa 114).

79      Mandankollu, hekk kif osserva l-Kunsill fil-punt 165 tas-sentenza Ayadi, il-motivazzjoni tar-Regolament għandha tiġi eżaminata b’mod globali. Skond il-ġurisprudenza, il-vizzju proċedurali li jikkostwixxi, għal regolament, il-fatt li waħda mill-premessi tar-Regolament fiha żball ta’ fatt ma jistax madankollu jwassal għall-annullament tiegħu jekk il-premessi l-oħra tiegħu jipprovdu motivazzjoni suffiċjenti fihom infushom (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-20 ta’ Ottubru 1987, Spanja vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni 119/86, Ġabra p. 4121, punt 51, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-21 ta’ Jannar 1999, Neue Maxhütte Stahlwerke u Lech-Stahlwerke vs Il-Kummissjoni, T-129/95, T-2/96 u T-97/96, Ġabra p. II‑17, punt 160). Dan huwa l-każ hawnhekk.

80      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi mfakkar li l-osservanza ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 253 KE għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-Kunsill, b’mod li jippermetti lill-partijiet ikkonċernati li jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżuri meħuda u għall-imħallef komunitarju li jeżerċita l-istħarriġ tiegħu. L-osservanza ta’ l-obbligu tal-motivazzjoni għandha barra minn hekk tiġi evalwata mhux biss fir-rigward tal-formulazzjoni ta’ l-att, imma wkoll mill-kuntest tiegħu, kif ukoll mill-ġabra ta’ regoli legali li jirregolaw il-qasam ikkonċernat. Meta tkun kwistjoni, bħalma huwa l-każ fil-kawża prinċipali, ta’ att maħsub għal applikazzjoni ġenerali, il-motivazzjoni tista’ sempliċement tindika, minn naħa, is-sitwazzjoni ġenerali li wasslet għall-adozzjoni tiegħu u, min-naħa l-oħra, l-obbjettivi ġenerali li għandu l-intenzjoni li jilħaq (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-10 ta’ Jannar 2006, International Air Transport Association et, C‑344/04, Ġabra p. I‑403, punti 66 u 67, u l-ġurisprudenza ċċitata).

81      F’dan il-każ partikolari, il-preamboli tar-Regolament Nru 872/2004 kif ukoll il-premessi 1 sa 5 tiegħu, b’mod partikolari, jissodisfaw kollha kemm huma dawn ir-rekwiżiti, b’mod partikolari fejn huma jirreferu, minn naħa, għall-Artikoli 60 KE u 301 KE u, min-naħa l-oħra, għar-riżoluzzjonijiet 1521 (2003) u 1532 (2004) tal-Kunsill tas-Sigurtà kif ukoll għall-pożizzjonijiet komuni 2004/137 u 2004/487.

82      Min-naħa l-oħra, sa fejn ir-regolament ikkontestat isemmi lir-rikorrent, fl-anness tiegħu, bħala li huwa s-suġġett ta’ miżura individwali ta’ ffriżar tal-fondi, huwa suffiċjentement motivat mir-riferiment, magħmul mill-premessa 2 tiegħu, għar-referenza korrispondenti magħmula mill-kumitat tas-sanzjonijiet.

83      Għaldaqstant, jirriżulta minn dak li ntqal li l-ewwel parti ta’ l-ewwel argument għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti

–       L-argumenti tal-partijiet

84      Permezz tat-tieni parti ta’ l-argument żviluppat fl-istadju tar-replika, ir-rikorrent jinvoka ksur tal-prinċipju tas-sussidjarjetà li, skond hu, qiegħed fil-qalba tal-kawża preżenti.

85      Filwaqt li dan l-ilment ġie kkunsidrat inammissibbli bħala argument ġdid invokat għall-ewwel darba fir-replika, il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrent fi kwalunkwe każ ma ssostanzjax l-allegazzjonijiet tiegħu.

86      Skond il-Kummissjoni, l-Artikoli 60 KE u 301 KE ttrasferew il-kompetenza inkundizzjonata u mingħajr riżervi favur il-Komunità. Peress li din il-kompetenza hija ta’ tip esklużiv, b’mod li l-prinċipju tas-sussidjarjetà mhuwiex applikabbli aktar għal dan il-każ partikolari.

87      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni u l-Kunsill isostnu li, anki jekk il-prinċipju tas-sussidjarjetà kellu jkun applikabbli f’dan il-każ partikolari, ir-rwol totalment sekondarju ta’ l-Istati Membri skond l-Artikolu 60 KE jimplika l-għarfien li l-għanijiet ta’ miżura ta’ ffriżar tal-fondi jistgħu jitwettqu b’mod aktar effettiv fuq livell Komunitarju. Dan ikun manifestament il-każ f’din iċ-ċirkustanza.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

88      Preliminarjament jeħtieġ li jiġi mfakkar li l-imħallef Komunitarju għandu d-dritt jevalwa, skond iċ-ċirkustanzi ta’ kull każ partikolari, jekk l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja tiġġustifikax ċaħda ta’ argument fuq il-mertu, mingħajr ma tieħu deċiżjoni qabel fuq l-ammissibbiltà (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-13 ta’ Settembru 2006, Sinaga vs Il-Kummissjoni, T‑217/99, T‑321/99 u T‑222/01, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata).

89       Madankollu, f’dan il-każ partikolari, l-ilment ibbażat fuq l-allegat ksur tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà għandu, f’kull każ, jiġi miċħud bħala bla bażi għall-motivi identiċi, essenzjalment, għal dawk spjegati fil-punti 106 sa 110, 112 u 113 tas-sentenza Ayadi, bħala risposta għal argument essenzjalment identiku invokat mis-Sur Ayadi. Il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis, madankollu, li dan il-prinċipju ġenerali ma jistax jiġi invokat fil-qasam ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 60 KE u 301 KE, anki jekk dan ma jaqax taħt il-kompetenza esklużiva tal-Komunità. F’kull każ, anki jekk il-prinċipju ta’ sussidjarjetà huwa applikabbli f’ċirkustanzi bħal dawk f’dan il-każ, huwa evidenti li l-implementazzjoni uniformi fl-Istati Membri ta’ Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà li hija neċessarja għall-membri kollha tan-NU mingħajr distinzjoni, tista’ tinkiseb aħjar fuq livell Komunitarju milli fuq livell nazzjonali.

90      Jirriżulta minn dak li ntqal li t-tieni parti ta’ l-ewwel argument għandha tiġi miċħuda, u għaldaqstant kollu kemm hu.

 Fuq it-tieni argument, ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet fundamentali

91      Din ir-raġuni hija maqsuma fi tliet partijiet, li t-tielet waħda minnhom ġiet żviluppata fl-istadju tar-replika.

 Fuq l-ewwel u t-tieni partijiet

–       L-argumenti tal-partijiet

92      Permezz ta’ l-ewwel parti ta’ l-argument, ir-rikorrent jinvoka ksur tad-dritt tal-proprjetà li, skond hu, jidher fost id-drittijiet fundamentali li l-Komunità hija marbuta li tirrispetta (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Diċembru 1979, Hauer, 44/79, Ġabra p. 3727), b’mod partikolari billi tieħu in kunsiderazzjoni l-ewwel protokoll addizzjonali tal-Konvenzjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali (KEDB).

93      Ir-rikorrent jirrikonoxxi li, skond il-ġurisprudenza, dan id-dritt jista’ jkun is-suġġett ta’ restrizzjonijiet jekk u fejn dawn għandhom għan ta’ interess ġeneral tal-Komunità. Huwa madankollu jsostni li r-regolamenti kkontestati ma jsemmu l-ebda għan ta’ dan it-tip. Skond hu, ma jistax jiġi kkunsidrat, b’mod partikolari, l-għan li tiġi evitata kull distorsjoni tal-kompetizzjoni, li ma għandha l-ebda rilevanza f’dan il-każ partikolari (ara l-punt 61 iktar ’il fuq). Fir-rigward ta’ l-għan intiż li jissanzjona s-serq imwettaq mid-"dittatur Taylor u s-‛segwaċi’ tiegħu", dan jikkonċerna l-Istati, bħala destinatarji tar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà, u mhux il-Komunità.

94      Fir-replika tiegħu, ir-rikorrent isostni li l-prinċipji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-30 ta’ Lulju 1996, Bosphorus (C‑84/95, Ġabra p. I‑3953), invokati mill-Kummissjoni, mhumiex applikabbli f’dan il-każ partikolari. Fl-ewwel lok, b’kuntrast mal-miżuri in kwistjoni fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, il-proporzjonalità tal-miżuri previsti mir-regolamenti kkontestati ma kinitx ġiet eżaminata qabel l-adozzjoni tagħhom. Fit-tieni lok, is-sitwazzjoni tar-Repubblika Federali tal-Jugoslavija (Serbja u Montenegro), fejn il-gwerra ċivili kienet qalila, skond hu ma tistax titqabbel ma’ dik tal-Liberja, fejn kien ġie implementat proċess ta’ paċi. Fit-tielet lok, skond l-Artikoli 46 u 53 tar-regolament anness mal-Konvenzjoni ta’ The Hague tat-18 ta’ Ottubru 1907 dwar il-liġijiet u l-prattiċi tal-gwerra fuq l-art, mezzi tat-trasport bħall-bċejjeċ ta’ l-ajru maqbuda mill-awtoritajiet Irlandiżi fil-kawża li tat-lok għas-sentenza Bosphorus, iċċitata iktar ’il fuq, igawdu, fi żminijiet ta’ gwerra, minn livell inqas ta’ protezzjoni milli forom oħra ta’ proprjetà privata.

95      Ir-rikorrent isostni wkoll, fir-replika tiegħu, li l-ebda waħda mid-derogi għad-dritt tal-proprjetà awtorizzata mill-Artikolu 1 ta’ l-ewwel protokoll addizzjonali għall-KEDB ma hija applikabbli f’dan il-każ partikolari. F’kull każ, il-Qorti Ewropea għad-drittijiet tal-bniedem kienet iddeċidiet li tmur kontra din id-dispożizzjoni l-imġiba ta’ Stat li jkun ħoloq sitwazzjoni ta’ fatt bħal dik li fiha l-proprjetarju jkun ipprojbit milli jiddisponi mill-proprjetà tiegħu b’mod assolut, mingħajr ebda benefiċċju intiż li jikkumpensa d-dannu subit (Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza Papamichalopoulos vs Il-Greċja ta’ l-24 ta’ Ġunju 1993, serje A. nru 260‑B).

96      Permezz tat-tieni parti ta’ l-argument, ir-rikorrent jinvoka ksur tad-drittijiet tad-difiża, f’li l-Komunità kienet adottat ir-regolamenti kkontestati, li kienu jikkonsistu essenzjalment, f’ġabra ta’ deċiżjonijiet amministrattivi individwali, mingħajr ma kienet wettqet investigazzjoni effettiva fuq il-fondi ffriżati, u fin-nuqqas tal-proċedura kontradittorja kollha. F’dan ir-rigward, ir-rikorrent isostni li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża huwa neċessarju fil-proċeduri amministrattivi kollha (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-10 ta’ Marzu 1992, Shell vs Il-Kummissjoni, T‑11/89, Ġabra p. II‑757).

97      Il-Kummissjoni u l-Kunsill jikkontestaw il-bażi tajba ta’ dawn l-argumenti kollha mressqa mir-rikorrent fil-proċedura bil-miktub. Argumenti identiċi jew simili kienu diġà ġew miċħuda mis-sentenzi Yusuf, Kadi u Ayadi.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

98      F’dan il-każ, ir-Regolament Nru 872/2004, adottat fid-dawl, b’mod partikolari, tal-pożizzjoni Komuni 2004/487, jikkostitwixxi l-implementazzjoni, fuq livell komunitarju, ta’ l-obbligu li l-Istati Membri għandhom, bħala Membri tan-NU, li jimplementaw, skond il-każ permezz ta’ att komunitarju, is-sanzjonijiet kontra Charles Taylor u l-assoċjati tiegħu, li ġew deċiżi u wara msaħħa permezz ta’ diversi riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà adottati taħt il-Kapitolu VII tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti. Il-premessi tar-Regolament Nru 872/2004 jirreferu espressament għar-Riżoluzzjonijiet 1521 (2003) u 1532 (2004).

99      L-istess jingħad kemm dwar ir-Regolament Nru 1149/2004, adottat wara l-inklużjoni tar-rikorrent fil-lista tal-persuni, gruppi u entitajiet li għalihom kellhom ikunu applikabbli s-sanzjonijiet in kwistjoni, deċiżi mill-kumitat tas-sanzjonijiet fl-14 ta’ Ġunju 2004 (ara l-punti 34 u 35 iktar ’il fuq), kif ukoll tar-regolament ikkontestat, adottat wara emenda ta’ l-imsemmija lista, deċiża fit-2 ta’ Mejju 2005 mill-kumitat tas-sanzjonijiet (ara l-punti 37 u 38 iktar ’il fuq).

100    Min-naħa l-oħra, ir-riżoluzzjonijiet in kwistjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà kif ukoll ir-regolamenti kkontestati f’dan il-każ partikolari jipprovdu fil-konfronti tal-partijiet ikkonċernati, miżuri ta’ sanzjonijiet ekonomiċi (iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi oħra ekonomiċi) ta’ tip u ta’ portata sostanzjalment identiċi għal dawk li kienu in kwistjoni fil-kawżi li wasslu għas-sentenzi Yusuf, Kadi u Ayadi. Dawn is-sanzjonijiet kollha, li huma s-suġġett ta’ eżami perijodiku mill-ġdid mill-Kunsill tas-Sigurtà jew mill-kumitat kompetenti tas-sanzjonijiet (ara b’mod partikolari, minn naħa, il-punti 20, 21, 32, 36 u 39 iktar ’il fuq u, min-naħa l-oħra, is-sentenza Yusuf, punti 16, 26 u 37), għandhom magħhom derogi simili (ara b’mod partikolari, minn naħa, il-punti 19 u 30 iktar ’il fuq u, min-naħa l-oħra, is-sentenza Yusuf, punti 36 u 40) kif ukoll il-mekkaniżmi analogi li jippermettu lill-partijiet ikkonċernati li jitolbu eżami mill-ġdid tal-każ tagħhom mill-kumitat kompetenti tas-sanzjonijiet (ara b’mod partikolari, minn naħa, il-punti 31 sa 33 iktar ’il fuq u, min-naħa l-oħra, is-sentenza Yusuf, punti 309 u 311).

101    F’dawn iċ-ċirkustanzi, u skond il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 66 iktar ’il fuq, l-argumenti tar-rikorrent dwar l-allegat ksur ta’ dawn id-drittijiet fundamentali, dritt għall-proprjetà u drittijiet tad-difiża, setgħu jkunu biss miċħuda fid-dawl tas-sentenzi Yusuf (punti 226 sa 283, 285 sa 303 u 304 sa 331), Kadi (punti 176 sa 231, 234 sa 252 u 253 sa 276) u Ayadi (punti 115 sa 157), li fihom ġew miċħuda argumenti sostanzjalment identiċi għal motivi relatati, essenzjalment, għall-preminenza tad-dritt ġuridiku internazzjonali li jirriżulta minn Nazzjonijiet Uniti fuq id-dritt ġuridiku Komunitarju, għal-limitazzjoni korrelattiva ta’ l-istħarriġ tal-legalità li jaqa’ fuq il-Qorti tal-Prim’Istanza li teżerċita fir-rigward ta’ l-atti Komunitarji li jimplementaw id-deċiżjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà jew tal-kumitat tas-sanzjonijiet tiegħu u n-nuqqas ta’ ksur tal-jus cogens permezz ta’ miżuri ta’ ffriżar tal-fondi tat-tip bħal dak in kwistjoni f’dan il-każ.

102    Jirriżulta li l-ewwel u t-tieni partijiet tat-tieni argument għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq it-tielet parti

–       L-argumenti tal-partijiet

103    Permezz tat-tielet parti ta’ l-argument, żviluppat fl-istadju tar-replika, ir-rikorrent jallega ksur tal-prinċipju tat-territorjalità. Huwa jinvoka, f’dan is-sens, ġurisprudenza stabbilita li tgħid li l-eżerċizzju tal-poteri ta’ koerzjoni tal-Komunità fir-rigward ta’ mġiba li l-oriġini tagħha tinsab barra mit-territorju tagħha huwa suġġett għall-kundizzjoni li din l-imġiba tipproduċi effetti fl-imsemmi territorju (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Settembru 1988, Ahlström Osakeyhtiö et vs Il-Kummissjoni, 89/85, 104/85, 114/85, 116/85, 117/85 u 125/85 sa 129/85, Ġabra p. 5193, u ta’ l-24 ta’ Novembru 1992, Poulsen u Diva Navigation, C‑286/90, Ġabra p. I‑6019; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-25 ta’ Marzu 1999, Gencor vs Il-Kummissjoni, T‑102/96, Ġabra p. II‑753).

104    Minbarra dan, ir-regolamenti kkontestati jipprevedu b’mod definittiv li jipproduċu l-effetti tagħhom fit-territorju tal-Liberja, u mhux f’dak tal-Komunità, hekk kif jirriżulta mill-premessi 3 u 4 tar-Regolament Nru 872/2004. Skond ir-rikorrent, dan l-element jiddistingwi l-imsemmi regolament mir-Regolament Nru 1294/1999 (ara l-punt 60 iktar ’il fuq), li l-għan tiegħu kien li "jżid b’mod partikolari l-pressjoni" fuq is-Serbja u li b’hekk kellu "għan ġeneriku kompletament distint minn kull aspett ta’ natura territorjali".

105    Il-Kummissjoni tqis li huwa inammissibbli, bħala argument ġdid, l-ilment tar-rikorrent dwar l-allegata extraterritorjalità ta’ l-effetti tar-regolamenti kkontestati. F’kull każ, dawn ir-regolamenti ma jkollhom l-ebda effett extraterritorjali, peress li huma applikabbli biss għall-fondi u r-riżorsi ekonomiċi li jinsabu fit-territorju tal-Komunità.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

106    Mingħajr ma jkun hemm bżonn li tippronunzja ruħha fuq l-ammissibbiltà (ara, f’dan ir-rigward, il-punt 88 iktar ’il fuq), l-ilment ibbażat fuq allegat ksur tal-prinċipju tat-territorjalità għandu jiġi miċħud bħala bla bażi, peress li r-regolamenti kkontestati huma applikabbli biss għall-fondi u r-riżorsi ekonomiċi li jinsabu fit-territorju tal-Kommunità u li konsegwentement m’għandhom l-ebda effett extraterritorjali.

107    Fir-rigward taċ-ċirkustanzi li fihom l-imġiba li wasslet għall-adozzjoni tar-regolamenti kkontestati jipproduċu esklużivament l-effetti tagħhom barra mill-Komunità, dawn huma mingħajr rilevanza peress li l-miżuri adottati bis-saħħa ta’ l-Artikoli 60 KE u 301 KE għandhom l-għan preċiż li jimplementaw, permezz tal-Komunità, pożizzjonijiet komuni jew azzjonijiet komuni adottati skond dispożizzjonijiet tat-Trattat UE dwar il-PBSK, u jipprevedu azzjoni fir-rigward tal-pajjiżi terzi. Jeħtieġ li jingħad ukoll li, skond l-Artikolu 11(1) UE, wieħed mill-għanijiet tal-PBSK huwa ż-żamma tal-paċi u t-tisħiħ tas-sigurtà internazzjonali, skond il-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti. Għan bħal dan bl-ebda mod ma seta' jintlaħaq jekk il-Komunità kien ikollha tillimita l-azzjoni tagħha għall-każijiet li fihom is-sitwazzjoni fl-oriġini ta’ l-intervent tagħha tipproduċi l-effetti fit-territorju tagħha.

108    L-istess jgħodd għaċ-ċirkustanza li fihom ir-regolamenti kkontestati għandhom l-għan definittiv li jipproduċu l-effetti tagħhom fit-territorju tal-Liberja, peress li l-Artikoli 60 KE u 301 KE jagħtu s-setgħa preċiża lill-Kommunità li tadotta miżuri li jikkawżaw sanzjonijiet ekonomiċi intiżi li jipproduċu l-effetti tagħhom f’pajjiżi terzi.

109    Jirriżulta minn dak li ntqal li t-tielet parti tat-tieni argument għandha tiġi miċħuda bħala parzjalment inammissibbli u, għaldaqstant, kollu kemm hu.

110    Peress li ebda wieħed mill-motivi mqajma mir-rikorrent mhuwa fondat, hemm lok li dan jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

111    Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi r-rikorrent tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat jbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kimmissjoni.

112    Skond l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet intervenjenti fil-kawża, għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (it-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-rikorrent huwa kkundannat jbati, barra l-ispejjeż tiegħu, l-ispejjeż tal-Kumissjoni.

3)      Il-Kunsill u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Pirrung

Forwood

Papasavvas

Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, il-31 ta’ Jannar 2007.

E. Coulon

 

       J. Pirrung

Reġistratur

 

      Aġent President


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.