Language of document : ECLI:EU:T:2021:196

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla Estiża)

14 ta’ April 2021 (*)

“Għajnuna mill-Istat – Suq Finlandiż tat-trasport bl-ajru – Għajnuna mogħtija mill-Finlandja lil Finnair fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID‑19 – Garanzija tal-Istat assoċjata ma’ self – Deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet – Qafas Temporanju Għal Miżuri ta’ Għajnuna mill-Istat – Miżura intiża li tirrimedja disturb serju tal-ekonomija ta’ Stat Membru – Assenza ta’ bbilanċjar tal-effetti ta’ benefiċċju tal-għajnuna mal-effetti negattivi tagħha fuq il-kundizzjonijiet tal-kummerċ u fuq iż-żamma ta’ kompetizzjoni mhux distorta – Ugwaljanza fit-trattament – Libertà ta’ stabbiliment – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Obbligu ta’ motivazzjoni”

Fil-Kawża T‑388/20,

Ryanair DAC, stabbilita fi Swords (l-Irlanda), irrappreżentata minn E. Vahida, F.-C. Laprévote, S. Rating u I.-G. Metaxas-Maranghidis, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn L. Flynn, S. Noë u F. Tomat, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn L. Aguilera Ruiz, bħala aġent,

minn

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn E. de Moustier u P. Dodeller, bħala aġenti,

u minn

Ir-Repubblika tal-Finlandja, irrappreżentata minn H. Leppo, bħala aġent,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2020) 3387 final tat‑18 ta’ Mejju 2020 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.56809 (2020/N) – Il-Finlandja COVID‑19: Garanzija tal-Istat mogħtija lil Finnair,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla Estiża),

komposta minn M. van der Woude, President, A. Kornezov, E. Buttigieg, K. Kowalik-Bańczyk u G. Hesse (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: P. Cullen, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tal‑4 ta’ Diċembru 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fit‑13 ta’ Mejju 2020, ir-Repubblika tal-Finlandja kkomunikat lill-Kummissjoni Ewropea, konformement mal-Artikolu 108(3) TFUE, miżura ta’ għajnuna fil-forma ta’ garanzija tal-Istat favur Finnair, Plc.

2        Il-miżura inkwistjoni hija intiża sabiex tgħin lil Finnair tikseb, minn fond tal-pensjonijiet, self ta’ EUR 600 miljun maħsub biex ikopri l-bżonnijiet tagħha ta’ kapital operatorju. Il-garanzija tal-Istat tkopri 90 % tas-self u hija limitata għal tul massimu ta’ tliet snin. L-10 % li jifdal tas-self huma koperti minn bank kummerċjali suġġett għall-kundizzjonijiet tas-suq. L-imsemmija garanzija għandha l-għan li tiġi skattata biss fl-ipoteżi ta’ nuqqas ta’ pagament min-naħa ta’ Finnair fil-konfront tal-fond tal-pensjonijiet.

3        Il-miżura hija bbażata fuq l-Artikolu 107(3)(b) TFUE, kif interpretat mill-punti 2 u 3.2 tal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tad‑19 ta’ Marzu 2020 intitolata “Qafas Temporanju għal miżuri ta’ għajnuna mill-Istat biex jingħata sostenn lill-ekonomija matul it-tifqigħa preżenti tal-COVID‑19” (ĠU 2020, C 91 I, p. 1) u emendata fit‑3 ta’ April 2020 (ĠU 2020, C 112 I, p. 1) (iktar ’il quddiem il-“Qafas temporanju”).

4        Fit‑18 ta’ Mejju 2020, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C(2020) 3387 final dwar l-għajnuna mill-Istat SA.56809 (2020/N) – Il-Finlandja COVID‑19: Garanzija tal-Istat mogħtija lil Finnair, li permezz tagħha hija ddeċidiet li ma tqajjimx oġġezzjonijiet kontra l-miżura inkwistjoni, minħabba li kienet kompatibbli mas-suq intern, skont l-Artikolu 107(3)(b) TFUE, kif interpretat mill-Qafas temporanju (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

5        F’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni qieset li, fid-dawl tal-Artikolu 107(1) TFUE, il-miżura inkwistjoni kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat (paragrafi 30 sa 35 tad-deċiżjoni kkontestata). Fir-rigward tal-kompatibbiltà ta’ din l-għajnuna mas-suq intern, qabel kollox, il-Kummissjoni qieset li x-xenarju ppreżentat mill-awtoritajiet Finlandiżi, li jikkonċerna n-nuqqas ta’ likwidità li kienet ser taffaċċja Finnair, kien realistiku. Sussegwentement, hija rrilevat li Finnair kienet ippruvat tikseb finanzjament minn swieq tal-kreditu, iżda ma setgħetx tkopri l-bżonnijiet kollha tagħha ta’ likwidità. B’mod partikolari, fid‑29 ta’ April 2020, Finnair ħabbret li l-kunsill ta’ amministrazzjoni tagħha kien iddeċieda li jipprepara rikapitalizzazzjoni (ħruġ ta’ azzjonijiet), minħabba telf dovut minħabba t-tfaċċar tal-COVID‑19 li kien affettwa l-fondi proprji tagħha. B’mod partikolari, il-Kummissjoni nnotat li, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, l-ammont tal-offerta tela’ għal madwar EUR 500 miljun u ma kienx hemm ċertezza li din it-tranżazzjoni kienet ser tirnexxi (paragrafi 40 sa 44 tad-deċiżjoni kkontestata). Finalment, hija kkonkludiet, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-importanza ta’ Finnair għall-ekonomija Finlandiża, li l-miżura inkwistjoni kienet neċessarja, xierqa u proporzjonata sabiex tirrimedja disturb serju tal-ekonomija ta’ dan l-Istat Membru (paragrafi 45 sa 52 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija vverifikat ukoll li l-miżura inkwistjoni kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet rilevanti kollha tal-Qafas temporanju u kkonstatat li dan kien il-każ (paragrafu 53 tad-deċiżjoni kkontestata).

 Fatti li seħħew wara l-preżentata tar-rikors

6        Fid‑29 ta’ Lulju 2020, wara l-preżentata tar-rikors, il-Kummissjoni rrettifikat id-deċiżjoni kkontestata, permezz tad-Deċiżjoni C(2020) 5339 final, intitolata “Rettifika tad-Deċiżjoni C(2020) 3387 final tat‑18 ta’ Mejju 2020 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.56809 (2020/N) – Il-Finlandja COVID‑19: Garanzija tal-Istat mogħtija lil Finnair”. Id-deċiżjoni kkontestata, fil-verżjoni kkorreġuta tagħha, ġiet ippubblikata fis-sit internet tal-Kummissjoni fil‑31 ta’ Lulju 2020.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

7        Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑26 ta’ Ġunju 2020, ir-rikorrenti, Ryanair DAC, ippreżentat dan ir-rikors.

8        Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-istess ġurnata, ir-rikorrenti talbet li dan ir-rikors jiġi deċiż bi proċedura mħaffa, konformement mal-Artikoli 151 u 152 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

9        Fis‑6 ta’ Lulju 2020, il-Kummissjoni talbet is-sospensjoni tal-proċedura sakemm jinqatgħu l-Kawżi T‑238/20 u T‑259/20, talba li għaliha r-rikorrenti oġġezzjonat fid‑9 ta’ Lulju 2020. Permezz ta’ deċiżjoni tal‑10 ta’ Lulju 2020, il-President tal-Għaxar Awla tal-Qorti Ġenerali ċaħad it-talba għal sospensjoni tal-proċedura tal-Kummissjoni.

10      Permezz ta’ deċiżjoni tal‑15 ta’ Lulju 2020, il-Qorti Ġenerali (L-Għaxar Awla) laqgħet it-talba għal proċedura mħaffa.

11      Fuq proposta tal-Għaxar Awla, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, bl-applikazzjoni tal-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura, li tibgħat il-kawża quddiem kulleġġ ġudikanti estiż.

12      Il-Kummissjoni ppreżentat ir-risposta fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑31 ta’ Lulju 2020.

13      Bl-applikazzjoni tal-Artikolu 106(2) tar-Regoli tal-Proċedura, fit‑13 ta’ Awwissu 2020, ir-rikorrenti ppreżentat talba għal seduta għas-sottomissjonijiet orali.

14      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑16 ta’ Settembru 2020, ir-Renju ta’ Spanja talab li jintervjeni f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑25 ta’ Settembru 2020, ir-rikorrenti talbet, konformement mal-Artikolu 144(7) tar-Regoli tal-Proċedura, li ċerta data, li tinsab fir-rikors u fil-verżjoni mqassra tar-rikors, ma tiġix ikkomunikata lir-Renju ta’ Spanja. Hija hemżet verżjoni mhux kunfidenzjali tar-rikors, tal-verżjoni mqassra tar-rikors u tal-annessi tagħhom.

15      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑29 ta’ Settembru 2020, ir-Repubblika tal-Finlandja talbet li tintervjeni f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑6 ta’ Ottubru 2020, ir-rikorrenti talbet, konformement mal-Artikolu 144(7) tar-Regoli tal-Proċedura, li d-data msemmija fil-punt 14 iktar ’il fuq ma tiġix ikkomunikata lir-Repubblika tal-Finlandja.

16      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑29 ta’ Settembru 2020, ir-Repubblika Franċiża talbet li tintervjeni f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑6 ta’ Ottubru 2020, ir-rikorrenti talbet, konformement mal-Artikolu 144(7) tar-Regoli tal-Proċedura, li d-data msemmija fil-punt 14 iktar ’il fuq ma tiġix ikkomunikata lir-Repubblika Franċiża.

17      Permezz ta’ digriet tal‑14 ta’ Ottubru 2020, il-President tal-Għaxar Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali aċċetta l-intervent tar-Renju ta’ Spanja, tar-Repubblika Franċiża u tar-Repubblika tal-Finlandja u llimita provviżorjament il-komunikazzjoni tar-rikors, tal-verżjoni mqassra tar-rikors u tal-annessi tagħhom għall-verżjonijiet mhux kunfidenzjali prodotti mir-rikorrenti, fl-istennija tal-eventwali osservazzjonijiet ta’ dawn tal-aħħar fuq it-talbiet għal trattament kunfidenzjali.

18      Permezz ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tal‑14 ta’ Ottubru 2020, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża u r-Repubblika tal-Finlandja ġew awtorizzati, bl-applikazzjoni tal-Artikolu 154(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jippreżentaw nota ta’ intervent.

19      Fid‑29 ta’ Ottubru 2020, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża u r-Repubblika tal-Finlandja bagħtu lir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali n-nota ta’ intervent tagħhom, mingħajr ma oġġezzjonaw dwar it-talbiet għal trattament kunfidenzjali mressqa mir-rikorrenti.

20      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

21      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

22      Ir-Renju ta’ Spanja jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiċħad ir-rikors kollu kemm hu u tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

23      Ir-Repubblika Franċiża u r-Repubblika tal-Finlandja jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiċħad ir-rikors.

 Fid-dritt

24      Għandu jitfakkar li l-qorti tal-Unjoni Ewropea għandha d-dritt tevalwa, skont iċ-ċirkustanzi ta’ kull każ, jekk amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja tiġġustifikax li rikors jiġi miċħud fil-mertu, mingħajr ma tiddeċiedi minn qabel dwar l-ammissibbiltà tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑26 ta’ Frar 2002, Il‑Kunsill vs Boehringer, C‑23/00 P, EU:C:2002:118, punti 51 u 52, u tal‑14 ta’ Settembru 2016, Trajektna luka Split vs Il‑Kummissjoni, T‑57/15, mhux ippubblikata, EU:T:2016:470, punt 84). Għaldaqstant, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-kunsiderazzjonijiet li wasslu għall-proċedura mħaffa u tal-importanza li tingħata tweġiba rapida fil-mertu kemm għar-rikorrenti kif ukoll għall-Kummissjoni, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża u r-Repubblika tal-Finlandja, għandha tiġi eżaminata qabel kollox il-fondatezza tar-rikors, mingħajr ma tingħata deċiżjoni minn qabel dwar l-ammissibbiltà tiegħu.

25      Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq il-ksur tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE, it-tieni, fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni, tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u tal-libertà ta’ stabbiliment, it-tielet, fuq il-ksur tal-Artikolu 108(2) TFUE u, ir-raba’, fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

26      B’mod preliminari, hemm lok li jitfakkar li, wara l-preżentata tar-rikors, il-Kummissjoni rrettifikat id-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 6 iktar ’il fuq). F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi kkonstatat li r-rettifika tirrigwarda biss żbalji tal-pinna li jikkonċernaw biss tliet data ppreżentati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 9 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punti 117 sa 124 iktar ’il quddiem). Din ir-rettifika ma tinfluwenzax is-suġġett u l-kuntest tat-tilwima kif inhuma stabbiliti mir-rikors u għaldaqstant ma kinux jeħtieġu adattament tar-rikors. Hija l-Qorti Ġenerali, għall-finijiet ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, li għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-imsemmija rettifika matul l-evalwazzjoni tal-motivi mqajma mir-rikorrenti sabiex tagħtihom effett utli.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE

27      Essenzjalment, l-ewwel motiv jinqasam f’żewġ partijiet.

28      Minn naħa, ir-rikorrenti ssostni li miżura individwali favur Finnair ma hijiex xierqa sabiex tirrimedja disturb serju tal-ekonomija Finlandiża. Hija ssostni li, minbarra s-settur bankarju, jeżistu ftit wisq deċiżjonijiet li jawtorizzaw miżura bbażata fuq l-Artikolu 107(3)(b) TFUE li jikkonċernaw impriżi individwali. Ir-rikorrenti tqis ukoll li d-deċiżjoni kkontestata ma turix, b’mod kredibbli, li l-valur miżjud jew l-impjiegi maħluqa minn Finnair jippermettu waħedhom li jiġi konkluż li l-miżura inkwistjoni hija ġġustifikata sabiex tirrimedja disturb serju tal-ekonomija Finlandiża. Għalhekk, meta kkunsidrat li l-miżura inkwistjoni kienet tirrimedja waħedha disturb serju tal-ekonomija Finlandiża, il-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi u żball manifest ta’ evalwazzjoni.

29      Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni hija marbuta tibbilanċja l-effetti ta’ benefiċċju tal-għajnuna fir-rigward tal-ilħuq tal-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 107(3)(b) TFUE mal-effetti sfavorevoli tagħha fuq il-kundizzjonijiet tal-kummerċ u ż-żamma ta’ kompetizzjoni mhux distorta. Il-Kummissjoni ma wettqitx dan l-ibbilanċjar u, għaldaqstant, wettqet żball ta’ liġi u żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-fatti, li jiġġustifikaw l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Skont ir-rikorrenti, il-Qafas temporanju ma jiddispensax lill-Kummissjoni milli twettaq eżerċizzju ta’ bbilanċjar tal-miżura inkwistjoni jew ta’ kwalunkwe miżura oħra ta’ għajnuna individwali li tiġi kkomunikata lilha. Għall-kuntrarju, il-punt 1.2 tal-Qafas temporanju jeżiġi li l-Kummissjoni tipproċedi b’tali bbilanċjar.

30      Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju ta’ Spanja, mir-Repubblika Franċiża u mir-Repubblika tal-Finlandja, tikkontesta l-argument tar-rikorrenti.

 Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq in-natura mhux xierqa tal-miżura inkwistjoni sabiex tirrimedja disturb serju tal-ekonomija Finlandiża

31      L-Artikolu 107(3)(b) TFUE jipprovdi, b’mod partikolari, li l-għajnuna maħsuba sabiex tirrimedja disturb serju tal-ekonomija ta’ Stat Membru tista’ tiġi kkunsidrata bħala kompatibbli mas-suq intern.

32      F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li l-Artikolu 107(3)(b) TFUE huwa deroga mill-prinċipju ġenerali ta’ inkompatibbiltà mas-suq intern tal-għajnuna mill-Istat stabbilit fl-Artikolu 107(1) TFUE. Għalhekk għandu jiġi interpretat b’mod strett (ara s-sentenza tad‑9 ta’ April 2014, Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni, T‑150/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:191, punt 146 u l-ġurisprudenza ċċitata). L-Artikolu 107(1) TFUE jippreċiża li kull għajnuna, “ta’ kwalunkwe forma”, mogħtija mill-Istati jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat hija inkompatibbli mas-suq intern. Għaldaqstant, huwa importanti li jiġi nnotat li l-Artikolu 107(3)(b) TFUE japplika kemm għall-iskemi ta’ għajnuna kif ukoll għall-għajnuna individwali.

33      Skont il-ġurisprudenza, il-Kummissjoni tista’ tiddikjara għajnuna kompatibbli mal-Artikolu 107(3) TFUE biss meta tkun tista’ tikkonstata li din l-għajnuna tikkontribwixxi għat-twettiq ta’ wieħed mill-għanijiet imsemmija, għanijiet li l-impriża benefiċjarja ma tistax tilħaq permezz tal-mezzi tagħha f’kundizzjonijiet normali tas-suq. Fi kliem ieħor, miżura ta’ għajnuna ma tistax tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern jekk twassal għal titjib fis-sitwazzjoni finanzjarja tal-impriża benefiċjarja mingħajr ma tkun neċessarja sabiex jintlaħqu l-għanijiet previsti mill-Artikolu 107(3) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Jannar 2009, Kronoply vs Il‑Kummissjoni, T‑162/06, EU:T:2009:2, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għajnuna individwali, bħal dik fil-każ inkwistjoni, tista’ tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern peress li hija neċessarja, xierqa u proporzjonata sabiex tirrimedja disturb serju tal-ekonomija tal-Istat Membru kkonċernat.

35      F’dan il-każ, kif jirriżulta mill-punt 44 tar-rikors, ir-rikorrenti ma tikkontestax il-fatt li l-pandemija tal-COVID‑19 ħolqot disturb serju tal-ekonomija Finlandiża u lanqas li s-settur tat-trasport bl-ajru kollu kemm hu ntlaqat b’mod partikolari mill-kriżi kkawżata minn din il-pandemija.

36      L-eżistenza kemm ta’ disturb serju tal-ekonomija Finlandiża minħabba l-pandemija tal-COVID‑19 kif ukoll tal-effetti negattivi sinjifikattivi ta’ din tal-aħħar fuq is-settur tat-trasport bl-ajru fil-Finlandja hija barra minn hekk stabbilita b’mod suffiċjenti fid-dritt fil-paragrafi 40 u 41 tad-deċiżjoni kkontestata.

37      F’dan il-kuntest, l-awtoritajiet Finlandiżi kkonstataw li Finnair kienet qiegħda tirriskja l-falliment minħabba l-erożjoni f’daqqa tal-attività tagħha kkawżata mill-pandemija tal-COVID‑19. Huma qiesu li falliment ta’ Finnair jikkontribwixxi, min-naħa tiegħu, sabiex jaffettwa serjament l-ekonomija Finlandiża, inkluża s-sigurtà tal-provvista tagħha. L-eżistenza ta’ network tat-trasport bl-ajru li jaħdem kif suppost huwa essenzjali għall-ekonomija tal-pajjiż kollu kemm hu, u t-tmiem eventwali tiegħu jkollu konsegwenzi serji għal diversi reġjuni. Għalhekk, l-awtoritajiet Finlandiżi kkunsidraw li, bit-teħid inkunsiderazzjoni tal-importanza tagħha għall-ekonomija Finlandiża, il-falliment ta’ Finnair jaggrava d-disturb serju attwali tal-ekonomija tal-pajjiż (paragrafu 4 tad-deċiżjoni kkontestata).

38      L-għan essenzjali tal-miżura inkwistjoni huwa li Finnair tiġi ggarantita biżżejjed likwidità sabiex jinżammu l-vijabbiltà tagħha u s-servizzi tal-arju tagħha fi żmien fejn il-pandemija tal-COVID‑19 ħolqot disturb serju tal-ekonomija Finlandiża kollha u sabiex jiġi evitat li falliment eventwali ta’ Finnair joħloq disturb ikbar tal-ekonomija tal-Istat Membru kkonċernat (paragrafi 3 u 39 tad-deċiżjoni kkontestata).

39      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrilevat li l-kollass fid-domanda, wara t-tixrid tal-COVID‑19 u tar-restrizzjonijiet tat-titjiriet, kellu effett negattiv immedjat u drammatiku fuq il-fluss ta’ likwidità ta’ Finnair. Il-Kummissjoni qieset li x-xenarju pprovdut mill-awtoritajiet Finlandiżi kien jidher realistiku u kien juri li Finnair kienet qiegħda taffaċċja diffikultajiet serji u immedjati sabiex tkompli twettaq l-attività tagħha. Il-Kummissjoni rrilevat ukoll li Finnair kienet ippruvat tikseb finanzjament minn swieq tal-kreditu, iżda li, minħabba s-sitwazzjoni attwali u prospetti inċerti, hija ma setgħetx tkopri l-bżonnijiet kollha tagħha ta’ likwidità (paragrafi 40 sa 43 tad-deċiżjoni kkontestata). Ir-rikorrenti ma tikkontestax dawn il-konstatazzjonijiet.

40      Għall-kuntrarju, ir-rikorrenti ssostni li, meta kkunsidrat li l-miżura inkwistjoni kienet tirrimedja waħedha disturb serju tal-ekonomija Finlandiża, il-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi u żball manifest ta’ evalwazzjoni. Dan l-argument huwa bbażat fuq qari żbaljat tad-deċiżjoni kkontestata. Kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni ma kkunsidratx, f’din id-deċiżjoni, li l-miżura inkwistjoni kienet tirrimedja waħedha disturb serju tal-ekonomija Finlandiża. Il-Kummissjoni fittxet li tistabbilixxi li, minħabba l-importanza ta’ Finnair għall-ekonomija Finlandiża, din il-miżura kienet maħsuba sabiex tirrimedja disturb serju tal-ekonomija Finlandiża kkawżat mill-pandemija tal-COVID‑19.

41      Huwa importanti li jitfakkar li l-Artikolu 107(3)(b) TFUE ma jeżiġix li l-għajnuna inkwistjoni tista’, waħedha, tirrimedja disturb serju tal-ekonomija tal-Istat Membru kkonċernat. Fil-fatt, ladarba l-Kummissjoni tikkonstata r-realtà ta’ disturb serju tal-ekonomija ta’ Stat Membru, dan tal-aħħar jista’ jiġi awtorizzat, jekk ikunu ssodisfatti wkoll il-kundizzjonijiet l-oħra previsti minn dan l-artikolu, jagħti għajnuna mill-Istat, fil-forma ta’ skemi ta’ għajnuna jew għajnuna individwali, li tikkontribwixxi sabiex jiġi rrimedjat l-imsemmi disturb serju. B’hekk dan jista’ jinvolvi diversi miżuri ta’ għajnuna li, kull waħda, tikkontribwixxi għal dan l-għan. Għaldaqstant, ma jistax jiġi meħtieġ li miżura ta’ għajnuna, sabiex tkun ibbażata b’mod validu fuq l-Artikolu 107(3)(b) TFUE tkun tirrimedja fiha nnifisha disturb serju tal-ekonomija ta’ Stat Membru.

42      Sa fejn ir-rikorrenti ssostni li l-għajnuna inkwistjoni ma hijiex xierqa sabiex tirrimedja disturb serju tal-ekonomija Finlandiża, għandu jiġi eżaminat jekk, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni stabbilixxietx biżżejjed li, minħabba l-importanza ta’ Finnair għall-ekonomija Finlandiża, din il-miżura kienet effettivament maħsuba sabiex tirrimedja disturb serju tal-ekonomija Finlandiża kkawżat mill-pandemija tal-COVID‑19.

43      Sabiex tasal għal din il-konklużjoni, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni diversi elementi, b’mod partikolari t-trasport tal-passiġġieri, it-trasport tal-merkanzija, l-impjiegi, ix-xiri mill-fornituri u l-kontribut għall-prodott domestiku gross (PDG).

44      Qabel kollox, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-importanza ta’ Finnair għat-trasport tal-passiġġieri (paragrafu 45 tad-deċiżjoni kkontestata).

45      F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi kkonstatat, bħall-Kummissjoni, li, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, Finnair kienet topera network intern u internazzjonali sinjifikattiv li kien jiżgura l-konnettività tal-Finlandja. Kif irrilevat il-Kummissjoni u mingħajr ma dan ġie kkontestat mir-rikorrenti, Finnair kienet it-trasportatur prinċipali bl-ajru fil-Finlandja, bi kważi 15‑il miljun passiġġier ittrasportati fl‑2019, jiġifieri 67 % tal-passiġġieri kollha ttrasportati lejn, minn u fi ħdan il-Finlandja f’dik is-sena. L-istatus tagħha ta’ trasportatur prinċipali bl-ajru huwa kkonfermat mir-rapport tal-istatistika ta’ Finavia tal‑2019. Finavia hija l-kumpannija li tamministra l-ajruport ta’ Helsinki-Vantaa (il-Finlandja) kif ukoll l-ajruporti reġjonali kollha fil-Finlandja. Skont dan ir-rapport, il-passiġġieri ta’ Finnair kienu jirrappreżentaw iktar minn 60 % tal-passiġġieri ttrasportati f’titjiriet internazzjonali u mill-inqas 80 % tal-passiġġieri ttrasportati f’titjiriet interni. Il-parti tagħha mis-suq totali kienet tirrappreżenta iktar minn 40 % tas-suq tas-servizzi bl-ajru fl-ajruporti ta’ Finavia fl‑2019. Fl-istess sena, iż-żewġ kumpanniji tal-ajru prinċipali l-oħra kienu jirrappreżentaw biss, rispettivament, 12 % u 3.4 % tal-passiġġieri ttrasportati. Għandu jiġi nnotat, barra minn hekk, li Finnair għandha l-partikolarità li hija l-unika kumpannija tal-ajru li sservi l-maġġoranza tal-ajruporti reġjonali Finlandiżi, is-sena kollha u f’intervalli regolari.

46      Sussegwentement, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni r-rwol ta’ Finnair għall-Finlandja fir-rigward tat-trasport tal-merkanzija bl-ajru (paragrafu 46 tad-deċiżjoni kkontestata).

47      F’dan ir-rigward, Finnair hija l-operatur prinċipali tat-trasport tal-merkanzija bl-ajru fil-Finlandja u tissodisfa l-bżonnijiet ta’ diversi impriżi li jinsabu fit-territorju Finlandiż, kemm għall-esportazzjoni kif ukoll għall-importazzjoni ta’ prodotti, u dan lanqas ma huwa kkontestat mir-rikorrenti. Barra minn hekk, Finnair għandha network Asjatiku estiż, kif jirriżulta mill-artiklu tal-istampa meħud mis-sit ta’ informazzjoni online Aviation Business News iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 14 tad-deċiżjoni kkontestata. Għalkemm dan in-network huwa essenzjali għall-kummerċ bejn l-impriżi Finlandiżi u Asjatiċi, huwa b’mod speċjali iktar importanti fil-kuntest tal-kriżi kkawżata mill-pandemija tal-COVID‑19. Fil-fatt, Finnair kuljum topera rotot ta’ merkanzija lejn il-Korea t’Isfel, iċ-Ċina u l-Ġappun sabiex tissodisfa d-domanda Finlandiża għal prodotti, b’mod partikolari prodotti farmaċewtiċi u tagħmir mediku, neċessarji sabiex tiġi affaċċjata l-kriżi tal-COVID‑19. Sa fejn il-miżuri ta’ konfinament, bħar-restrizzjonijiet għaċ-ċaqliq jew l-għeluq provviżorju ta’ kategorija waħda jew iktar ta’ stabbilimenti li jilqgħu lill-pubbliku, għandhom effett immedjat fuq l-ekonomija, is-sigurtà tal-provvista ta’ prodotti farmaċewtiċi u ta’ tagħmir mediku neċessarju sabiex jiġi affaċċjat il-virus hija strateġika sabiex jiġu llimitati l-miżuri ta’ konfinament u b’hekk tirkupra malajr l-ekonomija tal-Istat Membru kkonċernat.

48      Il-Kummissjoni rrilevat ukoll li Finnair kienet timpjega numru sinjifikattiv ta’ nies b’mod dirett jew indirett fil-Finlandja (paragrafu 47 tad-deċiżjoni kkontestata).

49      F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li, sa tmiem is-sena 2019, Finnair kellha madwar 6 800 impjegat, u dan ma huwiex ikkontestat mir-rikorrenti. Kif tindika l-Kummissjoni fil-paragrafu 50 tad-deċiżjoni kkontestata, falliment ta’ Finnair għalhekk ikollu konsegwenzi soċjali li jistgħu jaggravaw id-disturb serju li l-ekonomija Finlandiża qiegħda taffaċċja attwalment.

50      Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkonstatat li x-xiri ta’ Finnair mill-fornituri tagħha tela’ għal EUR 1.9 biljun fl‑2019, fejn 40 % minnu kien ġej minn impriżi Finlandiżi (paragrafu 48 tad-deċiżjoni kkontestata).

51      F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li wieħed mill-fornituri prinċipali lokali ta’ Finnair huwa Finavia. Mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li s-sitwazzjoni ta’ Finavia tiddependi ħafna mis-suċċess jew, fil-kuntest attwali, miż-żamma ta’ Finnair. Għalhekk, fiż-żmien qasir, il-funzjonament tajjeb tal-ajruport ta’ Helsinki-Vantaa kif ukoll tal-ajruporti reġjonali kollha fil-Finlandja, li tamministra Finavia, jiddependi miż-żamma ta’ Finnair.

52      Kontribut ieħor ta’ Finnair għall-ekonomija Finlandiża, meħud inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni, jikkonċerna r-riċerka. Fil-fatt, Finnair hija assoċjata ma’ proġett ta’ riċerka intiż għall-iżvilupp ta’ apparati elettriċi, kif inhu kkonfermat minn artiklu tas-sit internet ta’ aħbarijiet ajrunawtiċi Simple Flying bid-data ta’ Settembru 2019.

53      Finalment, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, fl‑2017, Finnair kienet, skont l-awtoritajiet Finlandiżi, is-sittax‑il kumpannija fil-Finlandja li kkontribwixxiet l-iktar għall-PDG ta’ dan il-pajjiż, b’valur miżjud li jitla’ għal EUR 600 miljun.

54      Minn dawn il-konstatazzjonijiet fattwali jirriżulta li l-Kummissjoni stabbilixxiet b’mod suffiċjenti fid-dritt l-importanza ta’ Finnair għall-ekonomija Finlandiża. Ir-rikorrenti ma tikkontestax il-veraċità ta’ dawn il-konstatazzjonijiet. Madankollu, għalkemm hija tammetti li ċ-ċifri relatati mal-impjieg, max-xiri u mal-kontribut ta’ Finnair għall-PDG tal-Finlandja ma “humiex insinjifikattivi”, hija tqis li dawn tal-aħħar ma humiex sinjifikattivi biżżejjed, fir-rigward tad-daqs tal-popolazzjoni attiva u tal-ekonomija Finlandiża, sabiex l-għajnuna tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern, fid-dawl tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE, filwaqt li l-valur miżjud maħluq minn Finnair ma jisparixxix “kompletament” jekk din tal-aħħar tfalli.

55      L-ewwel, it-tqabbil, kif għamlet ir-rikorrenti, tad-data dwar ix-xiri u l-impjiegi ta’ Finnair, imsemmija fil-paragrafi 47 sa 49 tad-deċiżjoni kkontestata, mal-PDG tal-Finlandja u man-numru ta’ impjegati attivi fil-Finlandja fil-verità jfisser li ssostni li l-Kummissjoni awtorizzat il-miżura inkwistjoni għax it-tkomplija tal-attivitajiet ta’ Finnair setgħet tirrimedja, waħedha, id-disturb serju tal-ekonomija Finlandiża. Għar-rikorrenti, is-somma ta’ EUR 600 miljun li tirrappreżenta l-valur miżjud ta’ Finnair hija biss minima meta mqabbla ma’ dik ta’ EUR 241 biljun tal-PDG Finlandiż. Bl-istess mod, is-6 800 impjegat ta’ Finnair huma biss frazzjoni minima mit-2.5 miljun impjegat attiv fil-Finlandja.

56      Madankollu, il-qari tad-deċiżjoni kkontestata jippermetti li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni kkunsidrat li, bit-teħid inkunsiderazzjoni tal-importanza ta’ Finnair fl-ekonomija Finlandiża, il-falliment ta’ din l-impriża kien ikollu konsegwenzi serji għall-ekonomija Finlandiża f’kuntest ta’ kriżi u li, għaldaqstant, il-miżura inkwistjoni, sa fejn kienet intiża għat-tkomplija tal-attivitajiet ta’ Finnair, kienet xierqa sabiex tikkontribwixxi għar-rimedju tad-disturb serju ta’ din l-ekonomija.

57      F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi kkonstatat li, kif isostnu essenzjalment il-Kummissjoni u r-Repubblika tal-Finlandja, Finnair hija importanti għall-funzjonament tajjeb tan-network tat-trasport bl-ajru tal-Finlandja, li huwa essenzjali għall-ekonomija Finlandiża. Fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, Finnair kienet tinsab f’pożizzjoni unika meta mqabbla mal-kumpanniji tal-ajru kollha li joperaw fil-Finlandja. Għalhekk, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-kumpanniji tal-ajru prinċipali għall-Finlandja, apparti Finnair, kienu Norwegian u SAS, segwiti minn Lufthansa, KLM u Air Baltic. Fl‑2019, Norwegian ittrasportat 12 % tal-passiġġieri, filwaqt li l-passiġġieri ta’ SAS kienu jirrappreżentaw 3.4 % tal-passiġġieri ttrasportati. Għalkemm Norwegian kienet isservi erba’ ajruporti reġjonali li jinsabu fit-Tramuntana tal-pajjiż u għalkemm SAS kienet isservi wkoll tliet ajruporti reġjonali, Finnair kienet l-unika kumpannija tal-ajru li kellha servizzi, f’intervalli regolari, lejn il-parti l-kbira tal-ajruporti reġjonali Finlandiżi. Barra minn hekk, Finnair kellha network internazzjonali vast, ta’ iktar minn 100 rotta, li kienu jagħqdu lill-Finlandja maċ-ċentri prinċipali tan-negozju fl-Ewropa u f’reġjuni oħra tad-dinja, b’mod partikolari l-Asja. Finnair kienet l-unika kumpannija tal-ajru li sservi regolarment in-network intern tal-Finlandja matul is-sena kollha. Kważi 30 % tad-domanda ta’ servizzi tat-trasport bl-ajru pprovduti minn Finnair għat-titjiriet internazzjonali lejn jew mill-Finlandja kienu marbuta mal-vjaġġi tan-negozju u dan in-numru kien jitla’ għal 50 % tat-titjiriet interni.

58      L-importanza ta’ Finnair għall-ekonomija Finlandiża ma kinitx limitata għat-trasport tal-passiġġieri. Finnair kienet ukoll il-kumpannija tal-ajru prinċipali fil-qasam tal-operazzjonijiet ta’ trasport tal-merkanzija bl-ajru u l-falliment tagħha kien ikollu l-effett li jnaqqas b’mod kunsiderevoli l-kummerċ bejn l-impriżi Finlandiżi u Asjatiċi filwaqt li Finnair, ilha mill-bidu tal-kriżi, tikkoopera mal-Huoltovarmuuskeskus (l-Aġenzija Nazzjonali għall-Provvista ta’ Emerġenza, il-Finlandja) u tuża n-network internazzjonali tagħha sabiex tissodisfa d-domanda Finlandiża ta’ tagħmir neċessarju sabiex tiġi affaċċjata l-pandemija tal-COVID‑19.

59      Parti sinjifikattiva tal-impriżi, tal-ħaddiema u taċ-ċittadini Finlandiżi u tal-Unjoni jistrieħu fuq is-servizzi ta’ Finnair u, fil-każ ta’ falliment tagħha, dawn ma jkunux żgurati fiż-żmien qasir u bl-istess mod minn kumpanniji oħra tal-ajru. F’dan ir-rigward jista’ jiżdied li, kif enfasizzat il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, minħabba l-klima u s-sitwazzjoni ġeografika relattivament iżolata tal-Finlandja fl-Ewropa, il-modi l-oħra ta’ trasport ma humiex dejjem alternattiva sodisfaċenti għall-avjazzjoni. Għalhekk, operaturi ekonomiċi oħra ma setgħux jissostitwixxu lil Finnair, fiż-żmien qasir u bl-istess mod.

60      Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm is-somma ta’ EUR 600 miljun li tirrappreżenta l-valur miżjud ta’ Finnair tikkostitwixxi biss parti mill-PDG Finlandiż u s-6 800 impjegat ta’ Finnair huma biss frazzjoni tan-numru ta’ impjegati attivi fil-Finlandja, ma jidhirx li kienet teżisti alternattiva vijabbli għall-kontribut ta’ Finnair għall-bżonnijiet tal-ekonomija u tal-konnettività tal-Finlandja. Għaldaqstant, bit-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dan il-kontribut, il-miżura inkwistjoni intiża għat-tkomplija tal-attivitajiet ta’ Finnair matul u wara l-kriżi, kienet, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, xierqa sabiex tirrimedja d-disturb serju tal-ekonomija Finlandiża.

61      It-tieni, fir-rigward tal-argument li jgħid li l-valur miżjud maħluq minn Finnair ma jisparixxix “kompletament” jekk din tal-aħħar kellha tfalli, hemm lok li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti tillimita ruħha li tagħmel din l-affermazzjoni mingħajr ma tippreżenta spjegazzjonijiet jew provi li jippermettu li din tinftiehem jew tiġi stabbilita b’mod sostanzjat. Minn dan isegwi li dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli fuq il-bażi tal-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura.

62      It-tielet, fir-rigward tal-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq il-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni u fuq il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni intitolata “L-applikazzjoni ta’ regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għal miżuri meħuda fejn jidħlu istituzzjonijiet finanzjarji fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja preżenti” (ĠU 2008, C 270, p. 8), minn naħa, hemm lok li jitfakkar li huwa biss fil-kuntest tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE li għandha tiġi evalwata l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, u mhux fid-dawl tal-allegata prassi preċedenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2013, Nitrogénművek Vegyipari vs Il‑Kummissjoni, T‑387/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:98, punt 126 u l-ġurisprudenza ċċitata). Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li l-miżura inkwistjoni ttieħdet fuq il-bażi tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE, kif interpretat mill-Qafas temporanju. Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni intitolata “L-applikazzjoni ta’ regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għal miżuri meħuda fejn jidħlu istituzzjonijiet finanzjarji fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja preżenti” ma hijiex rilevanti f’dan il-każ u, fi kwalunkwe każ, ma tistax turi li impriża bħal Finnair ma setgħetx tibbenefika minn għajnuna individwali skont l-Artikolu 107(3)(b) TFUE minħabba li ma kinitx bank li jirrappreżenta riskju sistemiku għall-ekonomija fil-każ ta’ falliment.

63      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ma hemmx lok li jitqajjem dubju dwar l-evalwazzjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, tan-natura xierqa tal-miżura inkwistjoni sabiex tirrimedja d-disturb serju tal-ekonomija tal-Istat Membru kkonċernat. Għaldaqstant, l-argumenti kollha tar-rikorrenti li jikkritikaw lill-Kummissjoni li kkunsidrat li għajnuna individwali, bħal dik inkwistjoni, setgħet tirrimedja d-disturb serju tal-ekonomija Finlandiża, fis-sens tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE, għandhom jiġu miċħuda.

64      Konsegwentement, hemm lok li tiġi miċħuda l-ewwel parti tal-ewwel motiv.

 Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq il-ksur tal-allegat obbligu li jiġu bbilanċjati l-effetti ta’ benefiċċju tal-għajnuna fir-rigward tal-ilħuq tal-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 107(3)(b) TFUE mal-effetti sfavorevoli tagħha fuq il-kundizzjonijiet tal-kummerċ u ż-żamma ta’ kompetizzjoni mhux distorta

65      Skont l-Artikolu 107(3)(b) TFUE, “[i]t-tipi ta’ għajnuna li ġejjin jistgħu jkunu kunsidrati bħala kompatibbli mas-suq intern: […] għajnuna maħsuba sabiex […] tirrimedja taħwid serju fl-ekonomija ta’ Stat Membru”. Mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-awturi tagħha kkunsidraw li kien fl-interess sħiħ tal-Unjoni li wieħed jew l-ieħor mill-Istati Membri tagħha jkun f’pożizzjoni li jegħleb kriżi kbira, jew saħansitra eżistenzjali, li seta’ biss ikollu konsegwenzi serji fuq l-ekonomija tal-Istati Membri l-oħra kollha jew parti minnhom, u għalhekk fuq l-Unjoni bħala tali. Din l-interpretazzjoni testwali tal-kliem tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE hija kkonfermata mill-paragun tiegħu mal-Artikolu 107(3)(c) TFUE, li jikkonċerna “għajnuna maħsuba sabiex tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet jew ta’ ċerti reġjuni ekonomiċi, basta dik l-għajnuna ma tfixkilx il-kondizzjonijiet tal-kummerċ sa grad li jkun kuntrarju għall-interess komuni”, sa fejn il-formulazzjoni ta’ din l-aħħar dispożizzjoni tinkludi kundizzjoni, relatata mal-wiri ta’ assenza ta’ bidla fil-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa grad li jmur kontra l-interess komuni, li ma tidhirx fl-Artikolu 107(3)(b) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2020, L‑Awstrija vs Il‑Kummissjoni, C‑594/18 P, EU:C:2020:742, punti 20 u 39).

66      Għalhekk, sakemm il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Artikolu 107(3)(b) TFUE jkunu ssodisfatti, jiġifieri, f’dan il-każ, li l-Istat Membru kkonċernat ikun effettivament ikkonfrontat b’disturb serju tal-ekonomija tiegħu u li l-miżuri ta’ għajnuna adottati sabiex jirrimedjaw id-disturb ikunu, minn naħa, neċessarji għal dan il-għan u, min-naħa l-oħra, xierqa u proporzjonati, l-imsemmija miżuri huma preżunti li jiġu adottati fl-interess tal-Unjoni, b’tali mod li ma huwiex meħtieġ minn din id-dispożizzjoni li l-Kummissjoni tibbilanċja l-effetti ta’ benefiċċju tal-għajnuna mal-effetti negattivi tagħha fuq il-kundizzjonijiet tal-kummerċ u fuq iż-żamma ta’ kompetizzjoni mhux distorta, għall-kuntrarju ta’ dak li huwa stabbilit fl-Artikolu 107(3)(c) TFUE. Fi kliem ieħor, tali bbilanċjar ma jkunx iġġustifikat fil-kuntest tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE, peress li r-riżultat tiegħu huwa preżunt pożittiv. Il-fatt li Stat Membru jirnexxielu jirrimedja disturb serju tal-ekonomija tiegħu jista’ biss jibbenefika lill-Unjoni b’mod ġenerali u b’mod partikolari lis-suq intern.

67      Għandu għalhekk jiġi kkonstatat li ma huwiex meħtieġ mill-Artikolu 107(3)(b) TFUE li l-Kummissjoni tibbilanċja l-effetti ta’ benefiċċju tal-għajnuna mal-effetti negattivi tagħha fuq il-kundizzjonijiet tal-kummerċ u fuq iż-żamma ta’ kompetizzjoni mhux distorta, għall-kuntrarju ta’ dak li huwa stabbilit fl-Artikolu 107(3)(c) TFUE, iżda biss li hija tivverifika jekk il-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni hijiex neċessarja, xierqa u proporzjonata sabiex tirrimedja d-disturb serju tal-ekonomija tal-Istat Membru kkonċernat. Konsegwentement, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-obbligu ta’ bbilanċjar jirriżulta min-natura eċċezzjonali tal-għajnuna kompatibbli, inkluża dik iddikjarata bħala kompatibbli skont l-Artikolu 107(3)(b) TFUE.

68      Ir-rikorrenti lanqas ma tista’ tinvoka n-natura obbligatorja ta’ bbilanċjar fuq il-bażi tal-Qafas temporanju, bl-argument li dan jorbot lill-Kummissjoni u jipprovdi bażi oħra li hija distinta mill-obbligu ta’ din tal-aħħar f’dan ir-rigward, peress li tali obbligu ma jinsabx fil-Qafas temporanju. B’mod partikolari, il-punt 1.2 tal-imsemmi qafas li hija tirreferi għalih, dwar “il-ħtieġa ta’ koordinazzjoni Ewropea eqreb tal-miżuri nazzjonali ta’ għajnuna”, fih paragrafu wieħed biss, il-punt 10, li ma jinkludi l-ebda provvediment f’dan ir-rigward. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma tistax tinvokah.

69      Għall-istess raġunijiet, l-argument tal-Kummissjoni, ippreżentat sussidjarjament, li fih issostni li l-Qafas temporanju nnifsu jinkludi tali bbilanċjar, jista’ biss jiġi miċħud.

70      Is-sentenza tas‑6 ta’ Lulju 1995, AITEC et vs Il‑Kummissjoni (T‑447/93 sa T‑449/93, EU:T:1995:130), invokata mir-rikorrenti, lanqas ma tista’ tissostanzja t-teżi li tgħid li l-Kummissjoni kellha tipproċedi għal ibbilanċjar fid-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, fil-kawża li wasslet għal din is-sentenza, il-Kummissjoni kienet adottat deċiżjoni li kienet tapprova, fuq il-bażi tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE, l-implimentazzjoni ta’ skema ġenerali ta’ għajnuna, iżda ssuġġettatha għal ċerti kundizzjonijiet. F’din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali rrilevat li mill-istabbiliment ta’ dawn il-“kundizzjonijiet” kien jirriżulta li l-Kummissjoni kienet qieset li, għall-każijiet li jeċċedu ċerti limiti stabbiliti mill-imsemmija deċiżjoni, il-konstatazzjoni tad-disturb serju tal-ekonomija tal-Istat Membru kkonċernat ma kinitx biżżejjed, fiha nnifisha, sabiex tiġġustifika l-għajnuna inkwistjoni (sentenza tas‑6 ta’ Lulju 1995, AITEC et vs Il‑Kummissjoni, T‑447/93 sa T‑449/93, EU:T:1995:130, punti 127 sa 129). Sussegwentement, hija kkritikat lill-Kummissjoni li ma eżaminatx sa fejn il-kompetizzjoni setgħet ġiet distorta u l-kummerċ fi ħdan l-Unjoni seta’ jiġi affettwat mill-għajnuna inkwistjoni, filwaqt li, permezz tad-deċiżjoni li tawtorizza l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, hija kienet imponiet fuqha stess l-obbligu li tagħmel dan (sentenza tas‑6 ta’ Lulju 1995, AITEC et vs Il‑Kummissjoni, T‑447/93 sa T‑449/93, EU:T:1995:130, punt 135).

71      Minn dan jirriżulta li l-fatti li wasslu għas-sentenza tas‑6 ta’ Lulju 1995, AITEC et vs Il‑Kummissjoni (T‑447/93 sa T‑449/93, EU:T:1995:130), huma differenti minn dawk tal-kawża ineżami. Għalhekk, din il-ġurisprudenza ma tistax tistabbilixxi li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni kellha tibbilanċja l-effetti ta’ benefiċċju tal-għajnuna fir-rigward tal-ilħuq tal-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 107(3)(b) TFUE mal-effetti sfavorevoli tagħha fuq il-kundizzjonijiet tal-kummerċ u ż-żamma ta’ kompetizzjoni mhux distorta. Għalhekk l-argument tar-rikorrenti f’dan ir-rigward għandu jiġi miċħud.

72      L-argumenti l-oħra mressqa mir-rikorrenti ma jistgħux iqajmu dubju dwar il-konklużjoni li tgħid li l-Kummissjoni ma kellhiex l-obbligu li tipproċedi, fid-deċiżjoni kkontestata, għal ibbilanċjar.

73      Fil-fatt, fir-rigward tal-argument li jgħid li d-deċiżjoni kkontestata hija kontradittorja fir-rigward tal-parti mis-suq li għandha Finnair u tinkludi għalhekk evalwazzjoni żbaljata tal-importanza ta’ Finnair u tal-kumpanniji l-oħra tal-ajru għall-konnettività tal-Finlandja, mill-eżami tal-ewwel parti tal-ewwel motiv jirriżulta li l-Kummissjoni evalwat b’mod korrett l-importanza ta’ Finnair għall-ekonomija u l-konnettività tal-Finlandja. Fir-rigward, b’mod iktar preċiż, tal-inkoerenzi mqajma mir-rikorrenti, dan l-argument ser jiġi ttrattat fil-kuntest tar-raba’ motiv, dwar l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

74      Fir-rigward tal-argument li jgħid li d-deċiżjoni kkontestata ma ssemmix il-konsegwenzi tal-għajnuna għas-suq intern, hemm lok li jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata tirrikonoxxi, bħar-rikorrenti fir-rikors tagħha, li l-miżura inkwistjoni tagħti vantaġġ lil Finnair, sa fejn din tiffrankalha l-ispejjeż li kien ikollha ġġarrab f’kundizzjonijiet normali tas-suq. B’hekk, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li l-miżura inkwistjoni kienet ta’ natura li twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni, peress li kienet issaħħaħ il-pożizzjoni kompetittiva ta’ Finnair u li l-kummerċ bejn l-Istati Membri kien affettwat – billi din l-impriża kienet attiva f’settur fejn jeżisti kummerċ fi ħdan l-Unjoni (paragrafi 30 sa 35 tad-deċiżjoni kkontestata). Madankollu, kif jirriżulta mill-eżami tal-ewwel motiv iktar ’il fuq u mit-tieni motiv iktar ’il quddiem, il-Kummissjoni qieset ġustament li din il-miżura kienet neċessarja, xierqa u proporzjonata sabiex tirrimedja disturb serju tal-ekonomija Finlandiża (paragrafi 36 sa 52 tad-deċiżjoni kkontestata). F’dan il-każ, jidher li l-miżura inkwistjoni kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet tad-deroga prevista fl-Artikolu 107(3)(b) TFUE. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni setgħet tiddikjara l-għajnuna individwali inkwistjoni bħala kompatibbli mas-suq intern.

75      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-argumenti kollha tar-rikorrenti li jikkritikaw lill-Kummissjoni li ma bbilanċjatx l-effetti ta’ benefiċċju tal-għajnuna fir-rigward tal-ilħuq tal-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 107(3)(b) TFUE mal-effetti sfavorevoli tagħha fuq il-kundizzjonijiet tal-kummerċ u ż-żamma ta’ kompetizzjoni mhux distorta għandhom jiġu miċħuda.

76      Konsegwentement, hemm lok li tiġi miċħuda t-tieni parti tal-ewwel motiv, kif ukoll dan tal-aħħar kollu kemm hu.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni, tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u tal-libertà ta’ stabbiliment

77      Hemm lok li jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, jirriżulta mill-istruttura ġenerali tat-Trattat li l-proċedura prevista fl-Artikolu 108 TFUE ma għandha qatt twassal għal riżultat li jkun kuntrarju għad-dispożizzjonjiet speċifiċi tat-Trattat. Għalhekk, għajnuna mill-Istat li, minħabba ċerti modalitajiet tagħha, tikser dispożizzjonijiet oħra tat-Trattat, b’mod partikolari dawk relatati mal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u mal-libertà ta’ stabbiliment, ma tistax tiġi ddikjarata mill-Kummissjoni bħala kompatibbli mas-suq intern. Bl-istess mod, għajnuna mill-Istat li, minħabba ċerti modalitajiet tagħha, tikser il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, bħall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, ma tistax tiġi ddikjarata mill-Kummissjoni bħala kompatibbli mas-suq intern (sentenza tal‑15 ta’ April 2008, Nuova Agricast, C‑390/06, EU:C:2008:224, punti 50 u 51).

78      F’dan il-każ, minn naħa, ir-rikorrenti ssostni li l-awtorizzazzjoni mill-Kummissjoni ta’ miżuri u ta’ deċiżjonijiet fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat qatt ma għandhom jiksru dispożizzjonijiet oħra tat-Trattat FUE bħall-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni. Hija tqis li d-deċiżjoni kkontestata tittratta s-sitwazzjoni komparabbli ta’ kumpanniji tal-ajru li jservu rotot lejn u mill-Finlandja b’mod differenti, billi tagħti vantaġġ lil Finnair mingħajr l-ebda ġustifikazzjoni oġġettiva. Insostenn ta’ dan l-argument, ir-rikorrenti tinvoka b’mod partikolari l-prassi tal-Kummissjoni dwar il-miżuri ta’ għajnuna bbażati fuq l-Artikolu 107(2)(b) TFUE. Ir-rikorrenti ssostni li l-pandemija tal-COVID‑19 kellha riperkussjonijiet serji għall-kumpanniji kollha tal-ajru li joperaw fil-Finlandja. In-neċessità li tiġi salvata biss Finnair, bl-esklużjoni tal-kumpanniji l-oħra tal-ajru li joperaw fil-Finlandja, ma hijiex stabbilita u l-għajnuna inkwistjoni tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan. L-għajnuna inkwistjoni hija miżura ta’ nazzjonaliżmu ekonomiku pur. Ir-rikorrenti żżid li l-miżuri preċedenti ta’ salvataġġ ta’ stabbilimenti finanzjarji fl‑2008 u l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni intitolata “L-applikazzjoni ta’ regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għal miżuri meħuda fejn jidħlu istituzzjonijiet finanzjarji fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja preżenti” juru l-importanza tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni li nkiser f’dan il-każ.

79      Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kellha tiddetermina, matul l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni, jekk il-forma tal-għajnuna mogħtija f’dan il-każ, jiġifieri garanzija tal-Istat fuq self, kinitx tosserva l-prinċipju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u l-libertà ta’ stabbiliment. Billi naqset milli tagħmel dan, il-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi. Ir-rikorrenti tqis li l-fatt li l-għajnuna tiġi rriżervata biss għal Finnair jirrestrinġi d-drittijiet mogħtija lill-kumpanniji l-oħra tal-ajru tal-Unjoni li jipprovdu liberament s-servizzi tagħhom fi ħdan is-suq intern. Għalhekk, id-deċiżjoni kkontestata twassal għal restrizzjoni mhux iġġustifikata għall-prinċipji tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u tal-libertà ta’ stabbiliment.

80      Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju ta’ Spanja, mir-Repubblika Franċiża u mir-Repubblika tal-Finlandja, tikkontesta l-argument tar-rikorrenti.

 Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament

81      Għandu jiġi rrilevat li għajnuna individwali, bħal dik inkwistjoni, tibbenefika minnha, mid-definizzjoni tagħha, impriża waħda biss, bl-esklużjoni tal-impriżi l-oħra kollha, inklużi dawk li jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli għal dik tal-benefiċjarju ta’ din l-għajnuna. B’hekk, min-natura tagħha, tali għajnuna individwali tistabbilixxi differenza fit-trattament, saħansitra diskriminazzjoni, li madankollu hija inerenti għan-natura individwali tal-imsemmija miżura. Issa, il-fatt li jiġi sostnut, kif tagħmel ir-rikorrenti, li l-għajnuna individwali inkwistjoni tmur kontra l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, essenzjalment, iqajjem dubju b’mod sistematiku dwar il-kompatibbiltà mas-suq intern ta’ kull għajnuna individwali minħabba s-sempliċi fatt tan-natura intrinsikament esklużiva u b’hekk diskriminatorja tagħha, filwaqt li d-dritt tal-Unjoni jippermetti lill-Istati Membri jagħtu għajnuna individwali, sakemm jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 107 TFUE.

82      B’segwitu għal din il-preċiżazzjoni, kieku kellu jitqies, kif issostni r-rikorrenti, li d-differenza fit-trattament stabbilita mill-miżura inkwistjoni, sa fejn din tibbenefika minnha biss Finnair, tista’ tiġi assimilata ma’ diskriminazzjoni, għandu jiġi vverifikat jekk din hijiex iġġustifikata minn għan leġittimu u jekk hijiex neċessarja, xierqa u proporzjonata sabiex dan jintlaħaq. Bl-istess mod, sa fejn ir-rikorrenti tirreferi għall-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE, għandu jiġi enfasizzat li, skont din id-dispożizzjoni, kull diskriminazzjoni eżerċitata minħabba ċittadinanza fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattati “u mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet speċjali inklużi hemm” għandha tiġi pprojbita. Għaldaqstant, huwa importanti li jiġi vverifikat jekk din id-differenza fit-trattament hijiex permessa fir-rigward tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE, li jikkostitwixxi l-bażi legali tad-deċiżjoni kkontestata. Dan l-eżami jimplika, minn naħa, li l-għan tal-miżura inkwistjoni jissodisfa r-rekwiżiti ta’ din l-aħħar dispożizzjoni u, min-naħa l-oħra, li l-modalitajiet tal-għoti tal-miżura inkwistjoni, jiġifieri, f’dan il-każ, il-fatt li din tibbenefika minnha biss Finnair, ikunu ta’ natura li jippermettu li jintlaħaq dan l-għan u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq.

83      F’dan il-każ, fir-rigward tal-għan tal-miżura inkwistjoni, kif ġie ppreċiżat fil-punt 38 iktar ’il fuq, din hija intiża li tiggarantixxi lil Finnair biżżejjed likwidità sabiex iżżomm il-vijabbiltà tagħha u s-servizzi tal-ajru tagħha, minkejja li l-pandemija tal-COVID‑19 ħolqot disturb serju tal-ekonomija Finlandiża kollha, u sabiex jiġi evitat li l-falliment possibbli tagħha joħloq disturb ikbar ta’ din l-ekonomija.

84      Peress li l-eżistenza kemm ta’ disturb serju tal-ekonomija Finlandiża minħabba l-pandemija tal-COVID‑19 kif ukoll tal-effetti negattivi sinjifikattivi ta’ din tal-aħħar fuq is-suq Finlandiż tat-trasport bl-ajru hija, kif ġie espost fil-punt 36 iktar ’il fuq, stabbilita b’mod suffiċjenti fid-dritt fid-deċiżjoni kkontestata, hemm lok li jiġi kkunsidrat, bit-teħid inkunsiderazzjoni tal-importanza ta’ Finnair għall-ekonomija Finlandiża, li l-għan tal-miżura inkwistjoni kien jissodisfa l-kundizzjonijiet imposti mill-Artikolu 107(3)(b) TFUE.

85      Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-modalitajiet tal-għoti tal-miżura inkwistjoni humiex ta’ natura li jilħqu dan l-għan u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq, mill-eżami tal-ewwel motiv jirriżulta li l-għoti tal-garanzija tal-Istat lil Finnair biss huwa xieraq sabiex jintlaħaq l-għan intiż mill-miżura inkwistjoni u jissodisfa l-kundizzjonijiet imposti mill-Artikolu 107(3)(b) TFUE.

86      Madankollu, ir-rikorrenti ssostni li t-trattament favorevoli mogħti lil Finnair la huwa neċessarju u lanqas proporzjonat għall-għan li għandu jintlaħaq mir-Repubblika tal-Finlandja.

87      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, hemm lok li jiġi rrilevat li, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, l-għan tal-miżura ma huwiex li “tinżamm il-konnettività tal-ajru interna u internazzjonali tal-Finlandja”. Fid-dawl tal-għan tal-miżura inkwistjoni, imfakkar fil-punt 83 iktar ’il fuq, u bit-teħid inkunsiderazzjoni tal-elementi esposti fil-punti 37 u 39 iktar ’il fuq, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-għoti tal-garanzija tal-Istat lil Finnair biss huwa neċessarju biex jintlaħaq l-imsemmi għan.

88      Barra minn hekk, kif issostni, ġustament, il-Kummissjoni fir-risposta tagħha, ma kien jeżisti l-ebda obbligu, għal din tal-aħħar, li teżamina jekk, minbarra t-tkomplija tal-operat ta’ Finnair, l-Istat Membru kkonċernat kellux iwessa’ ċ-ċirku ta’ benefiċjarji tal-għajnuna peress li d-deċiżjoni kkontestata tistabbilixxi b’mod suffiċjenti fid-dritt in-neċessità li jinżamm il-kontribut ta’ Finnair għall-ekonomija Finlandiża. Għalhekk, hemm lok li jiġu miċħuda l-argumenti tar-rikorrenti dwar dan il-punt.

89      Fit-tieni lok, hemm lok li jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma tikkontestax l-ammont tal-għajnuna. Hija tqis, għall-kuntrarju, li l-fatt li Finnair tirċievi 100 % ta’ din l-għajnuna, filwaqt li l-parti tagħha fil-konnettività tal-Finlandja hija inqas minn 100 %, imur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan intiż mill-imsemmija miżura u għalhekk hija sproporzjonata. Fil-fehma tagħha, bl-allokazzjoni tal-għajnuna lill-kumpanniji kollha tal-ajru li joperaw fil-Finlandja, skont il-parti mis-suq tagħhom, l-għan tal-miżura jintlaħaq mingħajr diskriminazzjoni.

90      Għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jeżiġi li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jeċċedux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet leġittimi li jridu jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni (sentenza tas‑17 ta’ Mejju 1984, Denkavit Nederland, 15/83, EU:C:1984:183, punt 25), premess li, meta jkun hemm għażla bejn numru ta’ miżuri xierqa, għandha tiġi applikata dik li hija l-inqas oneruża, u li l-inkonvenjenti kkawżati ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet imfittxija (sentenza tat‑30 ta’ April 2019, L‑Italja vs Il‑Kunsill (Kwota ta’ qabdiet ta’ pixxispad tal-Mediterran), C‑611/17, EU:C:2019:332, punt 55).

91      F’dan il-każ, hemm lok li jiġi kkunsidrat li, fi kwalunkwe każ, bit-teħid inkunsiderazzjoni tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel parti tal-ewwel motiv, b’mod partikolari dawk esposti fil-punti 57 sa 59 iktar ’il fuq, l-għoti tal-garanzija tal-Istat lil Finnair biss ma kienx jeċċedi l-limiti ta’ dak li kien xieraq u neċessarju biex jintlaħqu l-għanijiet intiżi mir-Repubblika tal-Finlandja u, ma kienx, konsegwentement, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, sproprozjonat. Barra minn hekk, l-allokazzjoni tal-għajnuna lill-kumpanniji kollha tal-ajru li joperaw fil-Finlandja, skont il-parti mis-suq tagħhom, kif tipproponi r-rikorrenti, ikollha l-konsegwenza li tnaqqas l-ammont tal-għajnuna mogħtija lil Finnair, b’tali mod li l-bżonnijiet ta’ likwidità tagħha ma jkunux koperti, u dan, għaldaqstant, jista’ jkollu riperkussjonijiet serji fuq l-ekonomija Finlandiża, fid-dawl tal-importanza ta’ din il-kumpannija għaliha. Għaldaqstant l-argumenti tar-rikorrenti għandhom jiġu miċħuda dwar dan il-punt.

92      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-għoti tal-għajnuna inkwistjoni lil Finnair biss ma jmurx lil hinn minn dak li kien neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan intiż minnha. Għalhekk huwa żbaljat li r-rikorrenti ssostni li, minħabba l-miżura inkwistjoni, Finnair tibbenefika minn trattament vantaġġuż mhux iġġustifikat.

93      L-argumenti l-oħra mressqa mir-rikorrenti fil-kuntest tat-tieni motiv ma jistgħux jirnexxu.

94      Fil-fatt, peress li l-miżura inkwistjoni tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti mill-Artikolu 107(3)(b) TFUE, din ma tistax tiġi kkunsidrata li hija miżura ta’ nazzjonaliżmu ekonomiku pur. L-istqarrija għall-istampa tal-Gvern Finlandiż, invokata mir-rikorrenti u pprodotta fl-Anness A.3.4 għar-rikors, lanqas ma hija ta’ natura li tistabbilixxi li din il-miżura hija l-espressjoni pura ta’ nazzjonaliżmu ekonomiku.

95      Ċertament, skont din l-istqarrija għall-istampa, ir-Repubblika tal-Finlandja għandha sehem ta’ 55.8 % f’Finnair. Madankollu, għajnuna li tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti mill-Artikolu 107(3)(b) TFUE, bħalma huwa l-każ hawnhekk, tista’ tingħata lil impriża miżmuma, fil-parti l-kbira tagħha, mill-Istat Membru kkonċernat. Barra minn hekk, kif irrilevat il-Kummissjoni fir-risposta, l-imsemmija stqarrija għall-istampa tenfasizza l-importanza tar-rotot żgurati minn Finnair għas-sigurtà tal-provvista tal-Finlandja, għat-trasport tal-merkanzija u għat-trasport tal-passiġġieri, kif ukoll l-influwenza ta’ din l-impriża fuq l-ekonomija nazzjonali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, din l-istqarrija ma tistax iċċaħħad mill-plawżibbiltà l-evalwazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni riprodotti fil-punti 39 sa 53 iktar ’il fuq. Għall-kuntrarju, din hija koerenti ma’ dawn l-evalwazzjonijiet.

96      Ir-rikorrenti tinvoka wkoll id-deskrizzjoni ġenerali tar-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat u tal-obbligi ta’ servizz pubbliku applikabbli għas-settur tat-trasport bl-ajru matul il-pandemija tal-COVID‑19 imfassla mill-Kummissjoni, l-allegata prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni relatata mal-Artikolu 107(2)(b) TFUE, l-allegata prassi tal-Kummissjoni dwar il-miżuri preċedenti ta’ salvataġġ tal-istabbilimenti finanzjarji awtorizzati skont l-Artikolu 107(3)(b) TFUE u l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni intitolata “L-applikazzjoni ta’ regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għal miżuri meħuda fejn jidħlu istituzzjonijiet finanzjarji fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja preżenti”.

97      Madankollu, għar-raġunijiet esposti diġà fil-punt 62 iktar ’il fuq, l-allegati prassi tal-Kummissjoni u din il-komunikazzjoni ma humiex rilevanti fil-każ inkwistjoni. Barra minn hekk, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jgħid li d-deskrizzjoni ġenerali tar-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat u tal-obbligi ta’ servizz pubbliku applikabbli għas-settur tat-trasport bl-ajru matul il-pandemija tal-COVID‑19 tenfasizza l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, hemm lok li jsir riferiment għall-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-punti 81 sa 92 iktar ’il fuq.

98      Konsegwentement, hemm lok li tiġi miċħuda l-ewwel parti tat-tieni motiv.

 Fuq il-ksur tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u tal-libertà ta’ stabbiliment

99      Fir-rigward tal-Artikolu 56 TFUE, hemm lok li jiġi kkonstatat li, skont l-Artikolu 58(1) TFUE, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, fil-qasam tat-trasport, hija rregolata mid-dispożizzjonijiet tat-titolu dwar it-trasport, jiġifieri t-Titolu VI tat-Trattat FUE. Il-libertà li jiġu pprovduti servizzi fil-qasam tat-trasport hija għaldaqstant suġġetta, fi ħdan id-dritt primarju, għal sistema ġuridika speċifika (sentenza tat‑18 ta’ Marzu 2014, International Jet Management, C‑628/11, EU:C:2014:171, punt 36). Konsegwentement, l-Artikolu 56 TFUE ma japplikax bħala tali għall-qasam tat-traffiku bl-ajru (sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2011, Neukirchinger, C‑382/08, EU:C:2011:27, punt 22).

100    Għaldaqstant huwa biss abbażi tal-Artikolu 100(2) TFUE li miżuri ta’ liberalizzazzjoni tas-servizzi ta’ trasport bl-ajru jistgħu jiġu adottati (sentenza tat‑18 ta’ Marzu 2014, International Jet Management, C‑628/11, EU:C:2014:171, punt 38). Issa, kif irrilevat ġustament ir-rikorrenti, il-leġiżlatur tal-Unjoni adotta r-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Settembru 2008 dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi ta’ l-ajru fil-Komunità (ĠU 2008, L 293, p. 3), fuq il-bażi ta’ din id-dispożizzjoni, li għandha preċiżament l-għan li tiddefinixxi l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni, fis-settur tat-trasport bl-ajru, tal-prinċipju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑6 ta’ Frar 2003, Stylianakis, C‑92/01, EU:C:2003:72, punti 23 u 24).

101    F’dan il-każ, għalkemm huwa veru li l-miżura inkwistjoni tirrigwarda għajnuna individwali li tibbenefika minnha biss Finnair, ir-rikorrenti ma tistabbilixxix kif din in-natura esklużiva hija ta’ natura li tiskoraġġixxiha milli tipprovdiservizzi mill-Finlandja u lejn il-Finlandja jew milli teżerċita l-libertà ta’ stabbiliment tagħha f’dan l-Istat Membru. Hija b’mod partikolari baqgħet ma identifikatx il-punti ta’ fatt jew ta’ liġi li jwasslu biex l-għajnuna individwali inkwistjoni tipproduċi effetti restrittivi li jmorru lil hinn minn dawk li jagħtu lok għall-projbizzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE, iżda li, kif ġie deċiż fil-punti 42 sa 63 iktar ’il fuq kif ukoll fil-punti 82 sa 92 iktar ’il fuq, huma madankollu neċessarji u proporzjonati sabiex jirrimedjaw id-disturb serju tal-ekonomija Finlandiża kkawżat mill-pandemija tal-COVID‑19, konformement mar-rekwiżiti tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE.

102    Konsegwentement, il-miżura inkwistjoni ma tistax tikkostitwixxi ostakolu għal-libertà ta’ stabbiliment jew għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi tar-rikorrenti. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tistax tikkritika lill-Kummissjoni li ma eżaminatx b’mod espliċitu l-kompatibbiltà ta’ din il-miżura mal-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

103    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandha tiġi miċħuda t-tieni parti tat-tieni motiv.

104    Konsegwentement, għandu jiġi miċħud it-tieni motiv kollu kemm hu.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 108(2) TFUE

105    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret ir-rekwiżit li jirriżulta mill-Artikolu 107(3)(b) TFUE li tibbilanċja l-effetti ta’ benefiċċju tal-għajnuna u l-effetti sfavorevoli tagħha fuq il-kundizzjonijiet tal-kummerċ u ż-żamma ta’ kompetizzjoni mhux distorta u li tivverifika jekk id-deċiżjoni kkontestata kinitx tosserva l-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni, tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u tal-libertà ta’ stabbiliment. Dawn l-iżbalji jkunu, meqjusa separatament, suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li l-għajnuna inkwistjoni hija inkompatibbli mas-suq intern. Għalhekk, id-deċiżjoni kkontestata kienet tkun sostanzjalment differenti kieku l-Kummissjoni kienet kkonstatat l-eżistenza ta’ dubji dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna u fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Billi rrifjutat li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali u li titlob l-osservazzjonijiet tal-partijiet kkonċernati, f’dan il-każ dawk tar-rikorrenti, il-Kummissjoni kisret id-drittijiet li hija tislet mill-Artikolu 108(2) TFUE u mir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat‑13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 TFUE (ĠU 2015, L 248, p. 9) kif ukoll il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

106    Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju ta’ Spanja, mir-Repubblika Franċiża u mir-Repubblika tal-Finlandja, tikkontesta l-argument tar-rikorrenti.

107    It-tielet motiv, dwar il-protezzjoni tad-drittijiet proċedurali tar-rikorrenti minħabba l-assenza ta’ ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali mill-Kummissjoni minkejja l-allegata eżistenza ta’ dubji serji, għandu, fir-realtà, natura sussidjarja, fil-każ fejn il-Qorti Ġenerali ma tkunx eżaminat l-evalwazzjoni tal-għajnuna bħala tali. Fil-fatt, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li tali motiv huwa intiż li jippermetti li parti interessata tiġi kkunsidrata bħala ammissibbli, f’din il-kwalità, li tippreżenta rikors skont l-Artikolu 263 TFUE, li inkella kien ikun irrifjutat lilha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑24 ta’ Mejju 2011, Il‑Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex, C‑83/09 P, EU:C:2011:341, punt 48, u tas‑27 ta’ Ottubru 2011, L‑Awstrija vs Scheucher‑Fleisch et, C‑47/10 P, EU:C:2011:698, punt 44). Issa, il-Qorti Ġenerali eżaminat l-ewwel żewġ motivi tar-rikors, relatati mal-evalwazzjoni tal-għajnuna bħala tali, b’tali mod li tali motiv huwa mċaħħad mill-għan indikat tiegħu.

108    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li dan il-motiv huwa nieqes minn kontenut awtonomu. Fil-fatt, fil-kuntest ta’ tali motiv, ir-rikorrenti tista’ tinvoka biss, għall-finijiet taż-żamma tad-drittijiet proċedurali li hija tibbenefika minnhom fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, motivi ta’ natura li juru li l-evalwazzjoni tal-informazzjoni u tal-elementi li l-Kummissjoni kellha jew seta’ jkollha, matul il-fażi ta’ investigazzjoni preliminari tal-miżura nnotifikata, kellha tqajjem dubji fir-rigward tal-kompatibbiltà ta’ din tal-aħħar mas-suq intern (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Diċembru 2008, Régie Networks, C‑333/07, EU:C:2008:764, punt 81; tad‑9 ta’ Lulju 2009, 3F vs Il‑Kummissjoni, C‑319/07 P, EU:C:2009:435, punt 35, u tal‑24 ta’ Mejju 2011, Il‑Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex, C‑83/09 P, EU:C:2011:341, punt 59), bħan-natura insuffiċjenti jew inkompleta tal-investigazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali jew l-eżistenza ta’ lmenti minn partijiet terzi. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li t-tielet motiv jirriproduċi b’mod iktar konċiż l-argumenti mressqa fil-kuntest tal-ewwel u t-tieni motiv mingħajr ma jenfasizza elementi speċifiċi dwar diffikultajiet serji eventwali.

109    Għal dawn il-motivi, għandu jiġi kkonstatat li, peress li l-Qorti Ġenerali eżaminat il-mertu tal-imsemmija motivi, ma huwiex neċessarju li tiġi eżaminata l-fondatezza ta’ dan il-motiv.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

110    Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li r-raġunament tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata huwa ineżistenti, tawtoloġiku, jew kontradittorju.

111    Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju ta’ Spanja, mir-Repubblika Franċiża u mir-Repubblika tal-Finlandja, tikkontesta l-argument tar-rikorrenti.

112    Hemm lok li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament tal-istituzzjoni, awtur tal-att, b’mod illi jippermetti lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u li jippermetti lill-qorti kompetenti twettaq l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari l-kontenut tal-att, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li d-destinatarji jew persuni oħra li huma direttament u individwalment ikkonċernati mill-att jista’ jkollhom sabiex jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-imsemmi artikolu għandha tiġi evalwata mhux biss fir-rigward tal-formulazzjoni tiegħu, iżda ukoll fil-kuntest tiegħu kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (sentenzi tal‑15 ta’ April 2008, Nuova Agricast, C‑390/06, EU:C:2008:224, punt 79, u tat‑8 ta’ Settembru 2011, Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l‑Baxxi, C‑279/08 P, EU:C:2011:551, punt 125).

113    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma bbilanċjatx l-effetti ta’ benefiċċju tal-għajnuna mal-effetti sfavorevoli tagħha fuq il-kundizzjonijiet tal-kummerċ u ż-żamma ta’ kompetizzjoni mhux distorta.

114    Madankollu, mill-punti 65 sa 67 iktar ’il fuq jirriżulta li l-ibbilanċjar tal-effetti ta’ benefiċċju tal-għajnuna mal-effetti negattivi tagħha fuq il-kundizzjonijiet tal-kummerċ u fuq iż-żamma ta’ kompetizzjoni mhux distorta ma huwiex meħtieġ mill-Artikolu 107(3)(b) TFUE. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma kellhiex tippreżenta motivi f’dan ir-rigward.

115    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni li ma evalwatx jekk l-għajnuna kinitx diskriminatorja jew le u jekk din kinitx tosserva l-prinċipji tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u tal-libertà ta’ stabbiliment.

116    Madankollu, hemm lok li jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata fiha l-elementi, imfakkra fil-punti 39, 44 sa 53 u 56 sa 59 iktar ’il fuq, li jippermettu li jinftiehmu r-raġunijiet għalfejn il-Kummissjoni qieset li r-Repubblika tal-Finlandja setgħet tagħti l-għajnuna inkwistjoni lil Finnair biss.

117    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’inkoerenza fil-mod kif il-partijiet mis-suq ta’ Finnair huma ppreżentati fil-paragrafu 45 u fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 9 tad-deċiżjoni kkontestata. Il-parti mis-suq ta’ 67 % ta’ Finnair fis-suq tas-servizzi tat-trasport bl-ajru fil-Finlandja, kemm fir-rigward tat-titjiriet interni kif ukoll fir-rigward ta’ dawk internazzjonali, ma hijiex koerenti, fid-dawl tad-data ppreżentata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 9 tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, din id-data u dik mill-analiżi indipendenti stabbilita għar-rikorrenti ma jaqblux ma’ xulxin. Din l-inkoerenza hija iktar serja minħabba li l-parti mis-suq ta’ Finnair hija element sinjifikattiv fl-evalwazzjoni tal-Kummissjoni tal-importanza ta’ Finnair għall-ekonomija Finlandiża.

118    F’dan ir-rigward, il-paragrafu 45 tad-deċiżjoni kkontestata jindika dan li ġej:

“Il-Kummissjoni tosserva li Finnair topera network intern u internazzjonali sinjifikattiv li jiżgura l-konnettività fi ħdan u lejn il-Finlandja. Finnair hija t-trasportatur prinċipali bl-ajru fil-Finlandja, bi kważi 15‑il miljun passiġġier ittrasportati fl‑2019 (67 % tal-passiġġieri kollha ttrasportati lejn, minn u fi ħdan il-Finlandja fl‑2019) […]”

119    Fir-rigward tan-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 9 tad-deċiżjoni kkontestata, din inizjalment kienet ippreżentata kif ġej:

“Skont ir-rapport ta’ Finavia tas-sena 2019, Finnair kellha parti mis-suq ta’ 67 % tal-passiġġieri ttrasportati f’titjira internazzjonali u ta’ 80 % fit-titjiriet interni. Il-parti tagħha mis-suq totali titla’ għal 45 % tas-suq Finlandiż tas-servizzi bl-ajru.”

120    Għandu jiġi kkonstatat li l-inkoerenzi bejn il-partijiet mis-suq ta’ Finnair ippreżentati fil-paragrafu 45 u fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 9 tad-deċiżjoni kkontestata huma r-riżultat ta’ sempliċi żball tal-pinna mingħajr influwenza fuq l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni u li ma setax jiżgwida lir-rikorrenti.

121    Fil-fatt, fid‑29 ta’ Lulju 2020, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C(2020) 5339 final, intitolata “Rettifika tad-Deċiżjoni C(2020) 3387 final dwar l-għajnuna mill-Istat SA.56809 (2020/N) – Il-Finlandja COVID‑19: Garanzija tal-Istat mogħtija lil Finnair”. Id-deċiżjoni kkontestata, fil-verżjoni kkorreġuta tagħha, sussegwentement ġiet ippubblikata fis-sit internet tal-Kummissjoni fil‑31 ta’ Lulju 2020, kif hija indikat matul is-seduta. Skont din il-verżjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-passiġġieri ttrasportati minn Finnair kienu jirrappreżentaw 67 % tal-passiġġieri kollha ttrasportati fi ħdan, lejn u mill-Finlandja fl‑2019. Finnair kellha parti mis-suq ta’ 62 % tal-passiġġieri ttrasportati f’titjira internazzjonali u ta’ 83 % fit-titjiriet interni. Il-parti tagħha mis-suq totali titla’ għal 44 % tas-suq Finlandiż tas-servizzi bl-ajru. L-iżball ikkritikat mir-rikorrenti, li kien jikkonċerna biss in-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 9, b’hekk kien ġie kkorreġut mill-Kummissjoni.

122    Huwa importanti li jiġi rrilevat li l-verżjoni inizjali tad-deċiżjoni kkontestata kienet turi b’mod ċar u inekwivoku li Finnair kienet it-trasportatur prinċipali bl-ajru għall-Finlandja fl‑2019, b’parti mis-suq ta’ 67 % tal-passiġġieri ttrasportati fi ħdan, lejn u mill-Finlandja fl‑2019, b’tali mod li din kienet tippermetti lill-partijiet interessati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-imsemmija deċiżjoni u lir-rikorrenti biex tikkontesta l-fondatezza, kif juri l-kontenut tar-rikors tagħha.

123    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-iżball tal-pinna li jinsab fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 9 tad-deċiżjoni kkontestata ma huwiex ta’ natura li jivvizzja bi żball ta’ motivazzjoni li jista’ jiġġustifika l-annullament tagħha f’dan ir-rigward.

124    Fir-rigward tal-argument li jgħid li l-analiżi indipendenti stabbilita għar-rikorrenti fuq il-bażi tad-data tal-Official Airline Guide (il-Gwida Uffiċjali għall-Kumpanniji tal-Ajru), prodotta fl-Anness A.3.2 għar-rikors, tagħti ħarsa differenti tal-partijiet mis-suq ta’ Finnair, għandu jiġi kkonstatat li, ċertament, il-partijiet mis-suq ippreżentati mill-Kummissjoni, fil-paragrafu 45 tad-deċiżjoni kkontestata, u mir-rikorrenti, fl-Anness A.3.2, ma humiex identiċi. Madankollu, dawn id-diverġenzi, li jibqgħu mhux sinjifikattivi, jistgħu jiġu spjegati mis-sorsi differenti minn fejn ħarġu l-partijiet mis-suq inkwistjoni. F’dan ir-rigward, kif issostni ġustament il-Kummissjoni, ma hemmx lok li jiġi kkunsidrat li d-data pprovduta minn Finavia, amministratur prinċipali tal-ajruporti tal-Finlandja, li hija bbażat ruħha fuqha fid-deċiżjoni kkontestata, hija inqas affidabbli minn dik tal-Official Airline Guide.

125    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata hija motivata biżżejjed u li, konsegwentement, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud.

126    Konsegwentement, ir-rikors għandu jiġi miċħud fil-mertu kollu kemm hu, filwaqt li, barra minn hekk, ir-rikorrenti tingħata l-benefiċċju tat-trattament kunfidenzjali mitlub minnha, peress li r-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża u r-Repubblika tal-Finlandja ma fformulaw l-ebda oġġezzjoni f’dan ir-rigward.

 Fuq l-ispejjeż

127    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, għandha tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni, konformement mat-talbiet ta’ din tal-aħħar, inklużi l-ispejjeż sostnuti fil-kuntest tat-talba għal trattament kunfidenzjali.

128    Barra minn hekk, skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li jintervjenu fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża u r-Repubblika tal-Finlandja għandhom għalhekk ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ryanair DAC hija kkundannata tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea, inklużi l-ispejjeż sostnuti fil-kuntest tat-talba għal trattament kunfidenzjali.

3)      Ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża u r-Repubblika tal-Finlandja għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.


Van der Woude

Kornezov

Buttigieg

Kowalik-Bańczyk

 

      Hesse

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl‑14 ta’ April 2021.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.