Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberlandesgericht Bamberg (il-Ġermanja) fil-11 ta’ Ġunju 2021 – Proċeduri kriminali kontra MR

(Kawża C-365/21)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Oberlandesgericht Bamberg

Partijiet fil-kawża prinċipali

MR

Domandi preliminari

L-Artikolu 55 tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen 1 (iktar ’il quddiem il-“KIFS”) huwa kompatibbli mal-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u jibqa’ validu, sa fejn jawtorizza l-eċċezzjoni mill-prinċipju ne bis in idem, li parti kontraenti tista’, fil-mument tar-ratifikazzjoni, tal-aċċettazzjoni jew tal-approvazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni, tiddikjara li ma hijiex marbuta mal-Artikolu 54 tal-KIFS, meta l-fatti msemmija fis-sentenza barranija jikkostitwixxu reat kontra s-sigurtà tal-Istat jew interessi oħra ugwalment essenzjali ta’ din il-parti kontraenti?

Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda:

L-Artikoli 54 u 55 tal-KIFS u l-Artikoli 50 u 52 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jipprekludu interpretazzjoni mill-qrati Ġermaniżi tad-dikjarazzjoni magħmula mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fil-mument tar-ratifikazzjoni tal-KIFS fir-rigward tal-Artikolu 129 tal-iStrafgesetzbuch (il-Kodiċi Kriminali Ġermaniż) (Bundesgesetzblatt 1994 II, 631), li tipprovdi li din id-dikjarazzjoni tkopri wkoll organizzazzjonijiet kriminali – bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali – li jwettqu esklużivament ksur kontra l-patrimonju u li, barra minn hekk, ma jfittxu ebda għan politiku, ideoloġiku, reliġjuż jew filosofiku u lanqas ma jfittxu li jeżerċitaw influwenza fuq il-politika, il-midja, l-amministrazzjoni pubblika, il-ġustizzja jew l-ekonomija permezz ta’ mezzi żleali?

____________

1 Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen tal-14 ta’ Ġunju 1985 bejn il-Gvernijiet ta’ l-Istati ta’ l-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta' kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 2, p. 9)