Language of document : ECLI:EU:T:2018:927

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla Estiża)

13 ta’ Diċembru 2018 (*)

“Ambjent – Regolament (UE) 2016/646 – Emissjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa tal-vetturi ħfief għall-passiġġieri u minn vetturi kummerċjali (Euro 6) – Iffissar, għall-emissjonijiet ta’ ossidi tan-nitroġenu, ta’ valuri li ma għandhomx jinqabżu (NTE), matul testijiet f’kundizzjonijiet ta’ sewqan reali (RDE) – Rikors għal annullament – Setgħat ta’ awtorità muniċipali dwar il-protezzjoni tal-ambjent li jillimitaw iċ-ċirkulazzjoni ta’ ċerti vetturi – Inċidenza diretta – Ammissibbiltà – Nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni – Rispett tar-regoli ġuridiċi superjuri – Modulazzjoni fiż-żmien tal-effetti ta’ annullament – Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Kumpens għal ħsara allegata ta’ immaġni u ta’ reputazzjoni”

Fil-Kawżi magħquda T‑339/16, T‑352/16 u T‑391/16,

Ville de Paris (Franza), irrappreżentata minn J. Assous, avukat,

rikorrent fil-Kawża T‑339/16,

Ville de Bruxelles (il-Belġju), irrappreżentata minn M. Uyttendaele u S. Kaisergruber, avukati,

rikorrent fil-Kawża T‑352/16,

Ayuntamiento de Madrid (Spanja), irrappreżentat minn F. Zunzunegui Pastor, avukat,

rikorrent fil-Kawża T‑391/16,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. C. Becker, E. Sanfrutos Cano u J.‑F. Brakeland, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandhom bħala suġġett, minn naħa, talbiet ibbażati fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiżi għall-annullament tar-Regolament (UE) 2016/646 tal-Kummissjoni tal‑20 ta’ April 2016 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 692/2008 fir-rigward tal-emissjonijiet minn vetturi ħfief għall-passiġġieri u minn vetturi kummerċjali (Euro 6) (ĠU 2016, L 109, p. 1), u, min-naħa l-oħra, talba bbażata fuq l-Artikolu 268 TFUE u intiża sabiex jinkiseb kumpens għal dannu li l-ville de Paris (il-kunsill lokali ta’ Pariġi) jgħid li sofra bl-adozzjoni tal-istess regolament,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla Estiża),

komposta minn S. Gervasoni, President, L. Madise (Relatur), R. da Silva Passos, K. Kowalik-Bańczyk u C. Mac Eochaidh, Imħallfin,

Reġistratur: M. Marescaux, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tas‑17 ta’ Mejju 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/646 tal‑20 ta’ April 2016 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 692/2008 fir-rigward tal-emissjonijiet minn vetturi ħfief għall-passiġġieri u minn vetturi kummerċjali (Euro 6) (ĠU 2016, L 109, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“regolament ikkontestat”), jikkompleta r-rekwiżiti għat-testijiet f’kundizzjonijiet ta’ sewqan reali (RDE) biex jitkejlu l-emissjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa minn vetturi ħfief għall-passiġġieri u minn vetturi kummerċjali fil-qafas tal-proċeduri ta’ qabel l-awtorizzazzjoni biex jitpoġġew fis-suq vetturi ġodda. Dawn it-testijiet huma intiżi sabiex jiġi rifless aħjar il-livell ta’ emissjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa f’kundizzjonijiet ta’ sewqan reali milli fit-testijiet tal-laboratorju. B’mod partikolari, fir-regolament ikkontestat, il-Kummissjoni ffissat, għall-emissjonijiet ta’ ossidi tan-nitroġenu, valuri li ma għandhomx jinqabżu (NTE), waqt it-testijiet RDE, li jirriżultaw minn fatturi ta’ konformità CF pollutant applikati għal-limiti ta’ emissjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa stabbiliti mill-istandard Euro 6 fir-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Ġunju 2007 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward ta’ l-emissjonijiet ta’ vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta’ vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi (ĠU 2007, L 171, p. 1). Ir-rikorrenti, jiġifieri l-ville de Paris (il-kunsill lokali ta’ Pariġi), il-ville de Bruxelles (il-kunsill lokali ta’ Brussell) u l-ayuntamiento de Madrid (il-kunsill lokali ta’ Madrid), jitolbu l-annullament tar-regolament ikkontestat peress li huma jikkunsidraw li l-Kummissjoni ma setgħetx tadotta l-valuri NTE ta’ emissjonijiet ta’ ossidi tan-nitroġenu kkonstatati, li huma ogħla mil-limiti tal-emissjonijiet stabbiliti mill-istandard Euro 6. Il-Kummissjoni tikkontesta l-ammissibbiltà kif ukoll il-mertu tar-rikors għal annullament tar-rikorrenti. Barra minn hekk, il-ville de Paris jitlob kumpens ta’ euro simboliku għad-dannu li huwa sofra minħabba r-regolament ikkontestat, talba li l-Kummissjoni tikkunsidra wkoll bħala inammissibbli u infondata.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

2        Id-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Settembru 2007 li tistabbilixxi kwadru għall-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi (Direttiva Kwadru) (ĠU 2007, L 263, p. 1), li tirriżulta mill-konsolidament ta’ diversi testi, tipprevedi li r-rekwiżiti tekniċi applikabbli għas-sistemi, il-komponenti, l-unitajiet tekniċi u l-vetturi għandhom ikunu armonizzati u ddefiniti f’“atti regolatorji” li għandhom bħala għan prinċipali li jiżguraw livell għoli ta’ sigurtà fit-toroq, protezzjoni tas-saħħa u tal-ambjent, effiċjenza fl-enerġija u protezzjoni kontra użu mhux awtorizzat. Id-dispożizzjonijiet tagħha jorganizzaw sistema Komunitarja ta’ approvazzjoni tat-tip għall-kategoriji kollha ta’ vetturi. F’dan ir-rigward, kif jirriżulta mill-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, meta Stat Membru jagħti “approvazzjoni tat-tip tal-KE” għal tip ta’ vettura, dan jiċċertifika li din tissodisfa d-dispożizzjonijiet amministrattivi u l-ħtiġijiet tekniċi applikabbli ta’ din id-direttiva u ta’ “atti regolatorji” elenkati f’anness tagħha. Dawn l-“atti regolatorji” jistgħu, fis-sens tal-istess direttiva, jkunu b’mod partikolari direttivi jew regolamenti oħrajn partikolari, b’kull “att regolatorju” jittratta aspett speċifiku.

3        Hekk kif jirriżulta mill-Anness IV tad-direttiva inkwistjoni, l-approvazzjoni tat-tip tal-KE ta’ tip ta’ vettura tippreżumi l-konformità tagħha mad-dispożizzjonijiet ta’ għexieren ta’ “atti regolatorji”, dwar, pereżempju, il-prevenzjoni tar-riskji tan-nar, it-tagħmir tal-isteering, il-brejkijiet jew, għal dak li jirrigwarda dawn il-kawżi, l-emissjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa. L-“att regolatorju” għal dan l-aħħar aspett, fir-rigward ta’ vetturi ħfief tal-passiġġieri u kummerċjali, huwa r-Regolament Nru 715/2007.

4        Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2007/46, Stat Membri ma għandhomx “jipprojbixxu, jirrestrinġu jew jimpedixxu r-reġistrazzjoni, il-bejgħ, id-dħul fis-servizz jew fiċ-ċirkulazzjoni fit-toroq ta’ vetturi, […] għal raġunijiet marbuta ma’ aspetti tal-kostruzzjoni u l-funzjonament tagħhom koperti minn din id-Direttiva, jekk jissodisfaw il-ħtiġijiet ta’ din ta’ l-aħħar”.

5        Il-premessi tar-Regolament Nru 715/2007 jippermettu li jinftiehem il-kuntest tiegħu. Fil-fatt, il-premessa 2 ta’ dan ir-regolament, li ssemmi d-Direttiva tal-Kunsill 70/156/KEE tas‑6 ta’ Frar 1970 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 1, p. 44), issostitwita bid-Direttiva 2007/46, tfakkar li dan ir-regolament huwa wieħed mill-“att[i] regolatorj[i]” skont il-proċedura ta’ approvazzjoni prevista minn din l-aħħar direttiva. Barra minn hekk, skont il-premessa 4 tal-istess regolament, dan jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-programm “Arja Nadifa għall-Ewropa”, imniedi mill-Kummissjoni fl‑2001, fejn l-“istrateġija tematika” tipprevedi li hemm bżonn ta’ tnaqqis ulterjuri tal-emissjonijiet mis-settur tat-trasport (bl-ajru, marittimu u bl-art), mid-djar u mis-setturi tal-enerġija, tal-biedja u tal-industrija sabiex jinkisbu l-għanijiet tal-Unjoni dwar il-kwalità tal-arja, li f’dan ir-rigward l-istandards Euro 5 u Euro 6 għall-vetturi jagħmlu parti mill-miżuri intiżi biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ partikulati u ta’ prekursuri tal-ożonu, bħalma huma l-ossidi tan-nitroġenu u l-idrokarburi. Fl-aħħar nett, fil-premessi 5 u 6 tar-regolament inkwistjoni, huwa ppreċiżat li l-emissjonijiet ta’ ossidi tan-nitroġenu tal-vetturi diesel għandhom ikomplu jitnaqqsu b’mod sinjifikattiv biex jilħqu l-valuri ta’ limitu ambizzjużi tal-fażi Euro 6, mingħajr ma jiġu abbandunati l-vantaġġi tal-magni diesel f’termini ta’ konsum ta’ fjuwil u ta’ emissjonijiet ta’ idrokarburi u tal-monossidu tal-karbonju, imma għandu jiġi ddefinit stadju intermedju għat-tnaqqis ta’ ossidu tan-nitroġenu (fażi Euro 5) li jippermetti lill-manifatturi tal-karozzi jiżguraw sigurtà fl-ippjanar fit-tul.

6        L-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 715/2007, intitolat “Approvazzjoni tat-tip”, jipprevedi b’mod partikolari, għall-vetturi għall-passiġġieri u tat-trasport ta’ persuni, li l-limiti tal-istandard Euro 5 se japplikaw mill‑1 ta’ Settembru 2009 għall-approvazzjoni tat-tip, li mill‑1 ta’ Jannar 2011 il-vetturi ġodda li ma jikkonformawx ma’ dan l-istandard ma jistgħux jiġu rreġistrati, mibjugħa jew imdaħħla fis-servizz, li l-limiti tal-istandard Euro 6 se japplikaw mill‑1 ta’ Settembru 2014 għall-approvazzjoni tat-tip u li mill‑1 ta’ Settembru 2015 il-vetturi ġodda li ma jikkonformawx ma’ din ir-regola ma jistgħux jiġu rreġistrati, mibjugħa jew imdaħħla fis-servizz. L-Anness I, Tabelli 1 u 2, tar-Regolament Nru 715/2007 jistabbilixxi, pereżempju, il-limitu tal-emissjonijiet ta’ ossidi tan-nitroġenu għal vettura diesel tal-passiġġieri jew għat-trasport ta’ persuni fi 180 mg/km għall-istandard Euro 5 u 80 mg/km għal istandard Euro 6.

7        Fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 715/2007, intitolat “Obbligi tal-manifatturi”, il-paragrafu 1 jeħtieġ li l-manifatturi tal-karozzi kollha approvati għal vetturi ġodda jiġu rreġistrati, jinbiegħu u jiddaħħlu fis-servizz fl-Unjoni skont dan ir-regolament u l-miżuri ta’ eżekuzzjoni tiegħu, b’mod partikolari bl-osservanza tal-limiti ta’ emissjoni msemmija fl-Anness I ta’ dan ir-regolament. It-tieni subparagrafu, tal-paragrafu 2 tal-istess artikolu jispeċifika li l-produtturi tal-karozzi għandhom jiżguraw tnaqqis effettiv tal-emissjonijiet mit-tailpipe u l-emissjonijiet tal-evaporazzjoni tul il-ħajja kollha tal-vettura f’kundizzjonijiet normali ta’ użu. F’dan ir-rigward, huwa speċifikat li l-miżuri ta’ konformità waqt is-servizz għandhom jiġu vverifikati sa perijodu ta’ ħames snin jew 100 000 km. It-tielet subparagrafu tal-istess paragrafu jindika li “[l]-konformità waqt is-servizz għandha tkun ikkontrollata b’mod partikulari għall-emissjonijiet mit-tailpipe kif ittestjati mal-limiti ta’ emissjoni stabbiliti fl-Anness [msemmi]” u biex “jitjieb il-kontroll ta’ l-emissjonijiet evaporattivi u l-emissjonijiet f’temperatura ambjentali baxxa, il-proċeduri ta’ ttestjar għandhom ikunu riveduti mill-Kummissjoni”. Il-paragrafu 4 tal-istess artikolu jipprevedi, b’mod partikolari, li proċeduri u rekwiżiti speċifiċi għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet imsemmija hawn fuq għandhom jiġu stabbiliti skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 15(2) tal-istess regolament, li issa jikkorrispondi mal-proċedura ta’ komitoloġija ta’ “eżami” deskritta fl-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU 2011, L 55, p. 13), skont l-Artikolu 13 ta’ dan l-aħħar regolament.

8        Fl-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 715/2007, intitolat “Rekwiżiti u testijiet”, il-paragrafu 1 l-ewwel nett jipprevedi li l-“manifattur għandu jattrezza l-vetturi b’mod […] li jippermett[i] li l-vettura, fl-użu normali, tikkonforma ma’ dan ir-Regolament u l-miżuri ta’ implimentazzjoni tiegħu”. Il-paragrafu 2 ta’ dak l-artikolu jistabbilixxi mbagħad li, ħlief f’sitwazzjonijiet speċifiċi, l-użu ta’ apparat ta’ manipulazzjoni li jnaqqas l-effettività tas-sistemi tal-kontroll tal-emissjonijiet għandu jiġi pprojbit. Fl-aħħar nett, il-paragrafu 3 jindika:

“Il-proċeduri speċifiċi, it-testijiet u r-rekwiżiti għall-approvazzjoni tat-tip stipulati f’dan il-paragrafu, kif ukoll ir-rekwiżiti għall-implimentazzjoni tal-paragrafu 2, li huma mfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament, billi jissuplimentawh, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura […] msemmija fl-Artikolu 15(3). Dan għandu jinkludi l-istabbiliment tar-rekwiżiti fir-rigward ta’:

a)      l-emissjonijiet mit-tailpipe, inklużi ċ-ċikli ta’ test, l-emissjonijiet f’temperatura ambjentali baxxa, waqt modalità ta’ idling, l-opaċità tad-duħħan u l-funzjonament korrett u r-riġenerazzjoni ta’ sistemi ta’ after-treatment;

[…]

c)      is-sistemi ta’ OBD u l-prestazzjoni waqt l-użu tat-tagħmir tal-kontroll tat-tniġġis;

d)      il-perjodu ta’ servizz tat-tagħmir kontra t-tniġġis, tagħmir tal-kontroll tat-tniġġis tal-bdil, konformità waqt s-servizz, konformità tal-produzzjoni u tal-kondizzjoni tajba għat-triq;

[…]”

9        Il-proċedura msemmija, fl-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 715/2007, tikkorrispondi mal-proċedura ta’ komitoloġija msejħa “proċedura regolatorja bi skrutinju” prevista fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat‑28 ta’ Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 124), li l-effetti tagħhom inżammu għall-għanijiet tal-atti li jirreferu għaliha, skont l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 182/2011.

10      L-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 715/2007 jgħid li:

“Il-Kummissjoni għandha tibqa’ tirrevedi l-proċeduri, t-testijiet u r-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 5(3) kif ukoll iċ-ċikli ta’ ttestjar użati biex jitkejjlu l-emissjonijiet. Jekk mir-reviżjoni jirriżulta li dawn m’għadhomx xierqa jew ma jirriflettux aktar is-sitwazzjoni reali ta’ l-emissjonijiet, għandhom ikunu adattati b’tali mod li jirriflettu b’mod xieraq l-emissjonijiet iġġenerati mis-sewqan attwali fit-toroq. Il-miżuri meħtieġa mfassla biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament billi jissuplimentawh, għandhom ikunu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 15(3).”

11      Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 692/2008 tat‑18 ta’ Lulju 2008 li jimplimenta u jemenda r-Regolament Nru 715/2007 (ĠU 2008, L 199, p. 1, rettifika fil-ĠU 2010, L 336, p. 68), ġie adottat, b’mod partikolari, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikoli 4 u 5 ta’ dan tal-aħħar. Il-premessa 2 tar-Regolament Nru 692/2008 tfakkar li l-vetturi l-ġodda light-duty għandhom jikkonformaw ma’ limiti ġodda ta’ emissjonijiet u li dawn ir-rekwiżiti tekniċi jidħlu fis-seħħ f’żewġ stadji, l-Euro 5 li jibda mill‑1 ta’ Settembru 2009, l-Euro 6 mill‑1 ta’ Settembru 2014 u li dan ir-regolament għandu l-għan li jistabbilixxi r-rekwiżiti meħtieġa għall-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi li jirrispettaw l-istandards Euro 5 u Euro 6. Il-premessa 9 tal-istess regolament tistabbilixxi li l-miżuri previsti huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Tekniku – Vetturi bil-Mutur imsemmi fl-Artikolu 40 tad-Direttiva 2007/46.

12      L-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 692/2008 jipprovdi li tingħata approvazzjoni tat-tip KE f’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, l-emissjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa jekk il-manifattur juri li l-vetturi kkonċernati jissodisfaw il-proċeduri tat-test speċifikati fl-Annessi III sa VIII, X sa XII, XIV, XVI u XX. L-Artikolu 3(2) tal-istess regolament jippreċiża, essenzjalment, li skont il-karatteristiċi tagħhom, il-vetturi għandhom ikunu suġġetti għal tipi differenti ta’ testijiet elenkati fil-Figura 1.2.4. tal-Anness I, li huma stess huma deskritti f’annessi differenti. Pereżempju, it-test tat-tip 1 jaqa’ taħt l-Anness III, bit-titolu “Il-verifika ta’ l-emissjonijiet medji ta’ l-egżost f’kundizzjonijiet ambjentali”, u t-test tat-tip 4 tal-Anness VI, intitolat “Id-determinazzjoni ta’ l-emissjonijiet evaporattivi”. L-Artikolu 3(5) ta’ dan ir-regolament ifakkar li l-“manifattur għandu jieħu miżuri tekniċi sabiex jiżgura ruħu li l-emissjonijiet mit-tailpipe u l-emissjonijiet evaporattivi jkunu effettivament limitati, skond dan ir-Regolament, matul il-ħajja normali tal-vettura u f’kundizzjonijiet normali ta’ użu”.

13      Wara bosta studji differenti, kif ukoll avvenimenti ta’ profil għoli medjatiku, li wrew li t-testijiet magħmula tat-tip 1 ma jirriflettux il-livell reali tal-emissjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa f’sewqan reali fit-triq, il-Kummissjoni emendat, billi ssupplimentatu, ir-Regolament Nru 692/2008, abbażi tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 715/2007, jiġifieri skont il-proċedura ta’ komitoloġija msejħa “proċedura regolatorja bi skrutinju” prevista fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468 imsemmija fil-punt 9 iktar ’il fuq. Għalhekk, hija adottat ir-regolament ikkontestat. Il-premessi 3 sa 10 ta’ dan l-aħħar jindikaw b’mod partikolari:

“Il-Kummissjoni wettqet analiżi dettaljata tal-proċeduri, tat-testijiet u tar-rekwiżiti għall-approvazzjoni tat-tip stabbiliti fir-Regolament […] Nru 692/2008 fuq il-bażi tar-riċerka tagħha stess u ta’ informazzjoni esterna u sabet li l-emissjonijiet iġġenerati minn sewqan reali fit-triq ta’ vetturi Euro 5/6 jaqbżu sostanzjalment l-emissjonijiet imkejla fuq iċ-Ċiklu l-Ġdid tas-Sewqan Ewropew (NEDC) regolatorju [applikat għat-testijiet tat-tip 1], b’mod partikolari fir-rigward tal-emissjonijiet tal-[ossidi tan-nitroġenu] minn vetturi diesel.

[…]

‘Tagħmir ta’ riduzzjoni’ kif definit fl-Artikolu 3(10) tar-Regolament […] Nru 715/2007, li tnaqqas il-livell tal-kontroll tal-emissjonijiet huwa projbit. L-avvenimenti reċenti enfasizzaw il-ħtieġa li jissaħħaħ l-infurzar f’dan ir-rigward […]

[…]

F’Jannar 2011, il-Kummissjoni stabbilixxiet grupp ta’ ħidma li jinvolvi l-partijiet ikkonċernati kollha għall-iżvilupp ta’ proċedura għall-ittestjar tal-emissjonijiet f’sewqan reali (RDE) li tkun tirrifletti aħjar l-emissjonijiet imkejla fuq it-triq. Għal dan l-għan, u wara diskussjonijiet tekniċi fil-fond, saret l-għażla kif issuġġerita fir-Regolament […] Nru 715/2007, jiġifieri l-użu ta’ sistemi portabbli għall-kejl tal-emissjonijiet (PEMS) kif ukoll limiti li ma għandhomx jinqabżu (NTE).

[…]

Il-proċeduri tat-testijiet RDE ġew introdotti bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/427 [tal‑10 ta’ Marzu 2016 li jemenda r-Regolament […] Nru 692/2008 fir-rigward tal-emissjonijiet ta’ vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta’ vetturi kummerċjali (Euro 6) (ĠU 2016, L 82, p. 1)]. Issa jeħtieġ li jiġu stabbiliti r-rekwiżiti kwantitattivi tal-RDE sabiex jiġu limitati l-emissjonijiet mill-pajp tal-egżost taħt il-kundizzjonijiet kollha normali ta’ użu skont il-limiti ta’ emissjonijiet stabbiliti fir-Regolament […] Nru 715/2007. Għal dak il-għan għandhom jiġu kkunsidrati l-inċertezzi tekniċi u statistiċi dwar il-proċeduri tal-kejl.

Sabiex il-manifatturi jkunu jistgħu jadattaw gradwalment għar-regoli tal-RDE, ir-rekwiżiti kwantitattivi finali tal-RDE għandhom jiġu introdotti f’żewġ fażijiet sussegwenti. Fl-ewwel fażi, li għandha tibda tapplika erba’ (4) snin wara d-dati tal-applikazzjoni mandatorja tal-istandards Euro 6, għandu japplika fattur ta’ konformità ta’ 2,1. It-tieni fażi għandha ssegwi sena (1) u erba’ (4) xhur wara l-ewwel (1) fażi u għandha teħtieġ konformità sħiħa mal-valur ta’ limitu għall-emissjonijiet tal-[ossidi tan-nitroġenu] ta’ 80 mg/km, stabbilit fir-Regolament […] Nru 715/2007 flimkien ma’ marġini li jqis l-inċertezzi ta’ kejl addizzjonali marbuta mal-applikazzjoni tas-Sistemi Portabbli għall-Kejl tal-Emissjonijiet (PEMS).”

14      Kif jirriżulta mill-premessi 3 sa 10 tar-regolament ikkontestat, l-introduzzjoni ta’ proċedura ta’ test għall-verifika tal-emissjonijiet tal-vetturi f’kundizzjonijiet reali tas-sewqan kienet saret qabel bir-Regolament 2016/427. Għal dan il-għan, mar-Regolament Nru 692/2008 kien żdied l-Anness III A, bit-titolu “Il-verifika ta’ emissjonijiet f’sewqan reali” li jiddeskrivi l-proċess ta’ test addizzjonali, imsejjaħ tat-tip 1 A jew RDE, intiż sabiex jitkejlu l-emissjonijiet tat-tailpipe f’kundizzjonijiet tas-sewqan reali, bl-użu ta’ sistema portabbli għall-kejl tal-emissjonijiet (PEMS). Ir-Regolament 2016/427 jindika, fil-punt 2.1 ta’ dan l-anness, li l-prinċipju li jiġi kkunsidrat ir-riżultat ta’ test RDE huwa konformi mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 715/2007 jekk l-emissjonijiet identifikati matul dan it-test ma jaqbżux il-valuri NTE matul il-ħajja normali tal-vettura, ikkalkolati kif ġej: “NTE pollutant = CF pollutant x Euro 6, fejn l-Euro 6 huwa l-limitu tal-emissjonijiet (rilevanti minħabba n-natura tal-vettura, stabbilita fir-Regolament Nru 715/2007 (fit-Tabella 2 tal-Anness I ta’ dak ir-Regolament, kif espost fil-punt 6 iktar ’il fuq) u fejn) CF huwa fattur ta’ konformità [ikkonstatat] għall-pollutant ikkonċernat”. Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament 2016/427 jipprevedu li sakemm il-valuri tal-fatturi ta’ konformità ma ġewx stabbiliti, it-testijiet RDE jkunu applikati għal approvazzjonijiet tat-tip ġodda, imma biss għal skopijiet ta’ sorveljanza (l-Artikolu 3(10) tar-Regolament Nru 692/2008, kif emendat bir-Regolament 2016/427).

15      L-adozzjoni tar-regolament ikkontestat, f’dan il-kuntest u fir-rigward tal-aspetti marbuta ma’ lmenti mressqa mir-rikorrenti, essenzjalment kienet tikkonsisti, minn naħa, f’li jiġi stabbilit il-perijodu li matulu t-testijiet RDE ma għandhomx jintużaw ħlief għal skopijiet ta’ sorveljanza fid-determinazzjoni tad-dati ta’ applikazzjoni tal-valuri NTE fil-qafas ta’ dawk it-testijiet sabiex tingħata jew tiġi miċħuda l-approvazzjoni tat-tip, imbagħad ir-reġistrazzjoni, il-bejgħ jew id-dħul fis-servizz ta’ vetturi ġodda (pereżempju, mill‑1 ta’ Settembru 2017, l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi privati u tat-trasport ta’ persuni tista’ tingħata biss jekk it-test RDE ikun konklużiv u mill‑1 ta’ Settembru 2019 il-vetturi ġodda ta’ dawn il-kategoriji ma jistgħux jiġu rreġistrati iktar, mibjugħa jew imdaħħla fis-servizz jekk it-tip tagħhom ma jkunx għadda b’suċċess mit-test) u, min-naħa l-oħra, għad-determinazzjoni tal-fattur ta’ konformità CF pollutant għall-ossidi tan-nitroġenu (mhux għal sustanzi niġġiesa oħra f’dan l-istadju). F’dan ir-rigward, il-valur tiegħu għandu jkun ta’ 2.1 bħala għażla miftuħa għall-manifatturi għal perijodu tranżitorju ta’ sentejn u erba’ xhur mid-data li fiha l-konformità għal dawk it-testijiet tkun meħtieġa għall-approvazzjoni tat-tip u għal perijodu tranżitorju ta’ sena u erba’ xhur mid-data li fiha l-istess test tal-konformità huwa meħtieġ għar-reġistrazzjoni, il-bejgħ jew id-dħul fis-servizz ta’ vetturi ġodda. Il-valur normali tal-fattur ta’ konformità CF pollutant għall-ossidi tan-nitroġenu, imsejħa “finali”, huwa stabbilit fi 1.5.

16      Pereżempju, għal vettura diesel tal-passiġġieri jew trasport ta’ persuni, il-valur NTE tal-emissjonijiet ta’ ossidi tan-nitroġenu li ma għandux jinqabeż matul it-testijiet RDE sabiex tkun tista’ tibbenefika minn approvazzjoni tat-tip għandha tkun ta’ 168 mg/km mill‑1 ta’ Settembru 2017 sal‑31 ta’ Diċembru 2019, imbagħad ta’ 120 mg/km mill‑1 ta’ Jannar 2020, għal limitu ta’ emissjonijiet ta’ 80 mg/km fl-istandard Euro 6, kif jirriżulta mill-qari flimkien tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(10), u mill-punti 2.1, 2.1.1 u 2.1.2 tal-Anness III A tar-Regolament Nru 692/2008 kif emendat mir-regolament ikkontestat. Huma d-dispożizzjonijiet tar-regolament ikkontestat li jistabbilixxu, għall-emissjonijiet ta’ ossidi tan-nitroġenu, il-valuri tal-fatturi ta’ konformità CF pollutant u l-valuri NTE konsegwenti li r-rikorrenti jikkontestaw.

17      Għandha tittieħed ukoll inkunsiderazzjoni, fil-kuntest legali settorjali, imma f’livell iktar ġenerali, id-Direttiva 2008/50/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Mejju 2008 dwar il-kwalità tal-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa (ĠU 2008, L 152, p. 1). Kif hemm stabbilit fl-Artikolu 1(5) tagħha, din id-direttiva għandha b’mod partikolari bħala għan il-preservazzjoni tal-kwalità tal-arja ambjentali fejn hija tajba u t-titjib tagħha f’każijiet oħra. Valuri ta’ limitu, il-valuri fil-mira, livelli kritiċi, livelli ta’ twissija, livelli ta’ informazzjoni jew ta’ evalwazzjoni u data oħra huma stabbiliti għas-sustanzi niġġiesa differenti li jistgħu jaffettwaw l-arja ambjentali, b’mod partikolari d-dijossidu tan-nitroġenu. Huwa previst li t-territorji tal-Istati Membri jinqasmu minnhom f’żoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni u l-ġestjoni tal-kwalità tal-arja u li agglomerazzjoni tista’ tikkostitwixxi żona.

18      Fost dispożizzjonijiet oħra dwar il-ġestjoni tal-kwalità tal-arja, l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/50 jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fiż-żoni u l-agglomerazzjonijiet kollha tagħhom, il-valuri ta’ limitu ta’ diversi sustanzi niġġiesa ma jinqabżux, b’mod partikolari fir-rigward tad-dijossidu tan-nitroġenu. L-Artikolu 23 jindika li “[f]ejn, fiż-żoni jew l-agglomerazzjonijiet stipulati, il-livelli ta’ sustanzi li jniġġsu fl-arja ta’ l-ambjent jaqbżu kwalunkwe valur ta’ limitu jew valur immirat […] l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkunu stabbiliti pjanijiet dwar il-kwalità ta’ l-arja għal dawk iż-żoni u agglomerazzjonijiet sabiex jinkiseb il-valur ta’ limitu jew valur immirat […]”. L-istess artikolu jippreċiża li dawn il-pjanijiet jistgħu fihom innifishom ikollhom pjanijiet ta’ azzjoni għal żmien qasir. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 24(2) ta’ din id-direttiva jiddisponi:

“Il-pjanijiet ta’ azzjoni għal perijodu qasir […] jistgħu, skond il-każ individwali, jipprovdu miżuri ta’ kontroll u, fejn meħtieġ, jissospendu attivitajiet li jikkontribwixxu għar-riskju li jinqabżu l-valuri ta’ limitu jew il-valuri immirati jew il-limitu ta’ allert rispettivi. Dawn il-pjanijiet ta’ azzjoni jistgħu jinkludu miżuri fir-rigward tat-traffiku tal-vetturi bil-magni […].”

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

19      Il-ville de Paris, il-ville de Bruxelles, kif ukoll l-ayuntamiento de Madrid, rispettivament ippreżentaw ir-rikorsi tagħhom fis‑26 ta’ Ġunju (Kawża T‑339/16), fid‑29 ta’ Ġunju (Kawża T‑352/16) u fid‑19 ta’ Lulju 2016 (Kawża T‑391/16).

20      Permezz ta’ atti separati ppreżentati fit‑28 ta’ Settembru, it‑23 ta’ Settembru u l‑5 ta’ Ottubru 2016, il-Kummissjoni, abbażi tal-Artikolu 130(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, qajmet eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà kontra r-rikorsi u talbet li l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi mingħajr ma tidħol fil-mertu.

21      Il-ville de Paris, il-ville de Bruxelles, kif ukoll l-ayuntamiento de Madrid, ippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni rispettivament fil‑15 ta’ Novembru, fis‑16 ta’ Novembru u fil‑15 ta’ Novembru 2016.

22      Permezz tad-digrieti tal‑20 ta’ Marzu 2017, il-Qorti Ġenerali għaqqdet flimkien l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni fil-mertu.

23      Il-Kummissjoni ppreżentat ir-risposti fit‑2 ta’ Mejju 2017.

24      Fis‑16 ta’ Mejju 2017, il-Qorti Ġenerali stiednet lill-partijiet jieħdu pożizzjoni, fir-repliki u l-kontrorepliki, dwar l-impatt li jista’ jkollhom id-dispożizzjonijiet tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2007/46 dwar l-ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament.

25      Il-ville de Paris, il-ville de Bruxelles, kif ukoll l-ayuntamiento de Madrid, ippreżentaw ir-repliki, li jinkludu t-teħid ta’ pożizzjoni mitlub mill-Qorti Ġenerali, fit‑28 ta’ Ġunju 2017.

26      Il-Kummissjoni ppreżentat il-kontrorepliki, li jinkludu t-teħid ta’ pożizzjoni mitlub mill-Qorti Ġenerali, fil‑15 ta’ Settembru 2017.

27      Permezz ta’ deċiżjoni tas‑6 ta’ Marzu 2018, il-laqgħa plenarja tal-Qorti Ġenerali rrinvijat il-kawżi quddiem id-Disa’ Awla Estiża.

28      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tad-Disa’ Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali, tal‑10 ta’ April 2018, il-Kawżi T‑339/16, T‑352/16 u T‑391/16 ġew magħquda għall-finijiet tal-fażi orali tal-proċedura u tad-deċiżjoni li tagħlaq l-istanza.

29      Il-ville de Paris, il-ville de Bruxelles u l-Kummissjoni nstemgħu fis-sottomissjonijiet orali tagħhom u fit-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet bil-miktub u orali magħmula mill-Qorti Ġenerali matul is-seduta tas‑17 ta’ Mejju 2018. L-ayuntamiento de Madrid ma pparteċipax f’din is-seduta.

30      Il-ville de Paris jitlob:

–        iċ-ċaħda tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tal-Kummissjoni, sabiex il-Qorti Ġenerali tiddikjara ammissibbli t-talba tiegħu għal annullament u t-talba għad-danni tiegħu u tordna lill-Kummissjoni tikkonkludi fuq il-mertu;

–        l-annullament tar-regolament ikkontestat;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ħlas ta’ euro simboliku bħala kumpens għad-dannu li kkawżatlu minħabba l-adozzjoni ta’ dak ir-regolament;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kollha.

31      Il-ville de Bruxelles jitlob:

–        li l-Qorti Ġenerali tiddikjara r-rikors tiegħu ammissibbli u fondat;

–        l-annullament tar-regolament ikkontestat;

–        il-kundanna tal-Kummissjoni għall-ispejjeż.

32      L-ayuntamiento de Madrid jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni;

–        tiddikjara r-rikors tiegħu ammissibbli, jiġi eżaminat fil-mertu, evalwat u tilqa’ l-motivi ta’ annullament invokati fir-rikors tiegħu;

–        tiddikjara null u mingħajr effett ir-regolament ikkontestat fir-rigward tal-emissjonijiet minn vetturi ħfief għall-passiġġieri u minn vetturi kummerċjali (Euro 6);

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

33      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        ir-rikorsi jiġu miċħuda kollha kemm huma bħala inammissibbli mingħajr ma jsir l-eżami tal-mertu;

–        alternattivament, għal dak li jikkonċerna r-rikorsi tal-ville de Paris u l-ville de Bruxelles, iċ-ċaħda tar-rikors għal annullament u tar-rikors għad-danni tal-ville de Paris bħala infondati;

–        sussidjarjament, għal dak li jirrigwarda r-rikors tal-ayuntamiento de Madrid, li jiġi miċħud bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż ta’ din l-istanza.

 Fid-dritt

 Fuq ir-rikorsi għal annullament

 Fuq l-ammissibbiltà tar-rikorsi għal annullament

34      Skont ir-raba’ paragrafu 263 TFUE “[k]walunkwe persuna fiżika jew ġuridika tista’, taħt il-kondizzjonijiet previsti fl-ewwel u t-tieni subparagrafi, tressaq appell kontra att indirizzat lilha jew li jirrigwardha direttament u individwalment, kif ukoll kontra att regolatorju li jirrigwardha direttament u li ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni.”

35      F’dan il-każ, il-partijiet jaqblu fuq il-fatt li l-ammissibbiltà ta’ rikorsi għal annullament għandha tiġi evalwata fid-dawl tat-tielet ipoteżi msemmija fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, jiġifieri dik dwar rikorsi kontra l-atti regolatorji li jirrigwardaw direttament lir-rikorrent u li ma jinvolvux miżuri ta’ eżekuzzjoni. Il-partijiet jaqblu wkoll li r-regolament ikkontestat jikkostitwixxi att regolatorju li ma jinvolvix miżuri ta’ eżekuzzjoni, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni u fuq kull wieħed miż-żewġ aspetti. In-nuqqas ta’ qbil bejniethom jirrigwarda biss il-kwistjoni dwar jekk ir-rikorrenti humiex direttament ikkonċernati mir-regolament ikkontestat, ħaġa li l-Kummissjoni tikkontesta, filwaqt li r-rikorrenti jsostnu li dan huwa l-każ, peress li dan ir-regolament jillimita s-setgħat tagħhom li jirregolaw iċ-ċirkulazzjoni tal-vetturi fil-qafas ta’ miżuri għall-ġlieda kontra t-tniġġis tal-arja.

36      Madankollu, l-ammissibbiltà tar-rikorsi hija kwistjoni ta’ ordni pubbliku li ma hijiex f’idejn il-partijiet, u għalhekk jeħtieġ, f’dan il-każ, li fl-ewwel lok tiġi deċiża espressament il-kwistjoni dwar jekk ir-regolament ikkontestat jikkostitwixxix att regolatorju li ma jinvolvix miżuri ta’ eżekuzzjoni, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ April 1986, Les Verts vs Il‑Parlament, 294/83, EU:C:1986:166, punt 19).

37      Huwa meqjus li jissodisfaw id-definizzjoni ta’ tali att regolatorju l-atti ta’ portata ġenerali minbarra atti leġiżlattivi, jiġifieri minbarra dawk adottati skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja deskritta fl-Artikolu 294 TFUE jew skont proċedura leġiżlattiva speċjali, iddefinita fl-Artikolu 289(2) TFUE, li jinvolvi l-Parlament Ewropew bil-parteċipazzjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jew viċi versa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punti 51 sa 61).

38      Ir-regolament ikkontestat kien ġie adottat mill-Kummissjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 715/2007, jiġifieri skont il-proċedura ta’ komitoloġija msejħa “proċedura regolatorja bi skrutinju” prevista fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468, kif imsemmi fil-punt 9 iktar ’il fuq. Għalhekk ma jistax jiġi kklassifikat bħala att leġiżlattiv. Barra minn hekk, bħala Regolament, huwa għandu portata ġenerali skont l-Artikolu 288 TFUE. Dan japplika għal sitwazzjonijiet iddefiniti b’mod oġġettiv u jipproduċi effetti ġuridiċi fir-rigward ta’ kategoriji ta’ persuni ddefiniti b’mod ġenerali u astratt (ara f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Frar 1988, Kwekerij van der Kooyet et vs Il‑Kummissjoni, 67/85, 68/85 u 70/85, EU:C:1988:38, punt 15). Huwa għalhekk att regolatorju, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

39      F’dak li jirrigwarda l-eżistenza, jew le, ta’ miżuri ta’ eżekuzzjoni tar-regolament ikkontestat, għandu jitfakkar li, sabiex jiġi ddeterminat jekk att regolatorju ikkontestat fihx, jew le, tali miżuri sabiex tiġi evalwata l-ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament ippreżentat kontra dan l-att fuq il-bażi tat-tielet parti tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, għandu jsir riferiment għall-pożizzjoni tal-persuna li tagħmel ir-rikors u l-għan tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Telefónica vs Il‑Kummissjoni, C‑274/12 P, EU:C:2013:852, punti 30 u 31).

40      Issa, jidher li r-regolament ikkontestat ma jitlob l-ebda miżura ta’ eżekuzzjoni fir-rigward tar-rikorrenti biex jintegra ruħu fis-sistema legali applikabbli għalihom, anki jekk dan jinvolvi fir-rigward ta’ persuni oħra għadd ta’ deċiżjonijiet ta’ implimentazzjoni, pereżempju dwar l-approvazzjonijiet jew reġistrazzjonijiet ta’ vetturi, jew iċ-ċaħda tagħhom, ibbażati fuq id-dispożizzjonijiet tiegħu. Dawn is-sempliċi deċiżjonijiet ta’ implimentazzjoni għal każijiet konkreti ma għandhomx jiġu konfużi ma’ miżuri ta’ eżekuzzjoni skont it-tielet parti tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Fil-fatt, jekk id-deċiżjonijiet ta’ implimentazzjoni kollha, b’mod partikolari dawk li huma “ripressivi” jew “negattivi” intiżi li jissanzjonaw in-nuqqas ta’ osservanza ta’ att regolatorju, għandhom jitqiesu wkoll bħala miżuri ta’ eżekuzzjoni, l-introduzzjoni fit-Trattat FUE tat-tielet ipoteżi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263, hija ta’ spiss mċaħħda minn kull portata meta tkun tat risposta preċiża sabiex jiġi evitat li l-individwi ma jiġux obbligati jqanqlu miżuri “ripressivi” jew “negattivi” fir-rigward tagħhom, sabiex jiksbu kontroll tal-legalità ta’ dan l-att regolatorju permezz ta’ deċiżjoni preliminari, kif huwa enfasizzat b’mod partikolari fis-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Telefónica vs Il‑Kummissjoni (C‑274/12 P, EU:C:2013:852, punt 27).

41      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk ir-rikorrenti humiex direttament ikkonċernati mir-regolament ikkontestat, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li jekk l-att ikkontestat jipproduċi effetti direttament fuq is-sitwazzjoni legali tar-rikorrent u li ma jħalli ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji tiegħu li għandhom jimplimentawh, peress li dan huwa ta’ natura purament awtomatika u jirriżulta biss mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, mingħajr applikazzjoni ta’ regoli oħra intermedji, ir-rikorrent huwa direttament ikkonċernat minn dan l-att, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE (sentenzi tal‑5 ta’ Mejju 1998, Dreyfus vs Il‑Kummissjoni, C‑386/96 P, EU:C:1998:193, punt 43, u tas‑17 ta’ Settembru 2009, Il‑Kummissjoni vs Koninklijke FrieslandCampina, C‑519/07 P, EU:C:2009:556, punt 48; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Mejju 1971, International Fruit Company et vs Il‑Kummissjoni, 41/70 sa 44/70, EU:C:1971:53, punti 23 sa 29). Din il-kunsiderazzjoni ma ġietx emendata bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona fl‑1 ta’ Diċembru 2009 li introduċiet it-tielet ipoteżi li tistabbilixxi il-locus standi tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li hemm riferiment għalihom fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑25 ta’ Ottubru 2011, Microban International u Microban (Europe) vs Il‑Kummissjoni, T‑262/10, EU:T:2011:623, punt 32, u tas‑7 ta’ Lulju 2015, Federcoopesca et vs Il‑Kummissjoni, T‑312/14, EU:T:2015:472, punt 32).

42      F’dan il-każ, il-Kummissjoni ssostni, b’mod partikolari, li l-kompetenzi tar-rikorrenti li jirregolaw iċ-ċirkulazzjoni tal-vetturi sabiex jitnaqqas it-tniġġis tal-arja ma huma bl-ebda mod affettwati mir-regolament ikkontestat li għaldaqstant ma għandux effett fuq is-sitwazzjoni legali tagħhom, bil-kontra ta’ dak li qed isostnu. F’dan ir-rigward, hija ssostni li l-limiti tal-emissjonijiet tal-ossidu tan-nitroġenu tal-istandards Euro li għalihom jirreferu r-rikorrenti fejn xieraq, minħabba regolamenti nazzjonali li jirregolaw il-modalitajiet ta’ restrizzjonijiet tat-traffiku tal-vetturi skont l-emissjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa tagħhom, bl-ebda mod ma huma emendati minn dan ir-regolament, b’mod partikolari dawk li jirriżultaw mill-istandard Euro 6 attwalment applikat għal vetturi ġodda. L-eżistenza ta’ dawn ir-regolamenti nazzjonali u l-assenza ta’ emenda tal-limiti li jirriżultaw minn dan l-istandard jistabbilixxu b’żewġ modi li r-rikorrenti ma humiex ikkonċernati direttament minn dan ir-regolament. Il-Kummissjoni tosserva f’dan ir-rigward li l-ville de Bruxelles jammetti li l-istess regolament ma jipprekludihiex milli jiddeċiedi l-“ġranet mingħajr karozzi”. Id-dispożizzjonijiet ta’ dan tal-aħħar ma jimponux obbligi dwar emissjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa mit-tailpipe waqt it-testijiet RDE ħlief lill-manifatturi tal-karozzi. Peress li l-appellanti ma jkunux involuti fil-proċeduri ta’ dawn it-testijiet, jew b’mod iktar ġenerali fil-proċeduri tal-approvazzjoni tal-vetturi, is-sitwazzjoni legali tagħhom bl-ebda mod ma tkun affettwata minn dan ir-regolament inkwistjoni.

43      Fir-rigward tal-impatt eventwali f’dan ir-rigward tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2007/46, li jipprovdi li “[l-Istati Membri] m’għandhomx jipprojbixxu, jirrestrinġu jew jimpedixxu r-reġistrazzjoni, il-bejgħ, id-dħul fis-servizz jew fiċ-ċirkulazzjoni fit-toroq ta’ vetturi, komponenti jew unitajiet tekniċi separati, għal raġunijiet marbuta ma’ aspetti tal-kostruzzjoni u l-funzjonament tagħhom koperti minn din id-Direttiva, jekk jissodisfaw il-ħtiġijiet ta’ din ta’ l-aħħar”, li dwar dan il-Qorti Ġenerali talbet lill-partijiet jesprimu ruħhom, il-Kummissjoni tosserva dan li ġej.

44      Bl-ewwel analiżi teleoloġika tagħha, il-Kummissjoni ssostni li d-Direttiva 2007/46, kif ukoll il-leġiżlazzjoni kollha Ewropea dwar l-approvazzjoni tal-vetturi bil-mutur, attwali jew preċedenti, hija bbażata fuq il-bażi legali tal-Artikolu 114 TFUE jew ta’ artikoli ekwivalenti tat-trattati li ppreċedew it-Trattat FUE. Dak l-artikolu jirrigwarda l-“miżuri għall-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari jew amministrattivi fi Stati Membri li għandhom bħala l-għan tagħhom l-istabbiliment u l-operazzjoni tas-suq intern”. Din il-bażi legali ma tippermettix li jkun hemm interferenza fil-politika tat-trasport jew dik ambjentali u tad-Direttiva 2007/46, kif ukoll dawk preċedenti, li huma intiżi essenzjalment biex jiġi ffaċilitat it-tqegħid fis-suq, f’kull Stat Membru, ta’ vetturi ġejjin minn Stati Membri oħra, filwaqt li tiġi evitata l-frammentazzjoni tas-suq intern minħabba differenzi fir-rekwiżiti u tal-kontrolli li jinfluwenzaw il-kummerċjalizzazzjoni tal-vetturi li kienu jippersistu fl-assenza ta’ dawn l-istrumenti ta’ armonizzazzjoni. Imma l-portata ta’ dawn tal-aħħar ma tmurx lil hinn minn hekk. B’mod partikolari, huma ma kienu bl-ebda mod maħsuba biex jillimitaw is-setgħat tal-pulizija tal-awtoritajiet tal-Istati Membri fuq iċ-ċirkulazzjoni ta’ vetturi meta dawn jintużaw minn sewwieqa tagħhom.

45      Il-Kummissjoni tirreferi f’dan ir-rigward għal diversi premessi tad-Direttivi 70/156 u 2007/46, kif ukoll għall-proposta tagħha għal direttiva bil-għan li tissostitwixxi d-Direttiva 2007/46. Hija tenfasizza wkoll li dawn l-istrumenti ta’ armonizzazzjoni jikkonċernaw biss l-approvazzjoni ta’ tipi ġodda ta’ vetturi u d-dħul fis-servizz ta’ vetturi ġodda, imma mhux vetturi diġà fis-servizz. Skont il-Kummissjoni, jekk kellu jiġi kkunsidrat li d-Direttiva 2007/46 u “atti regolatorji” derivati jirrestrinġu s-setgħat regolatorji taċ-ċirkulazzjoni tal-awtoritajiet tal-Istati Membri, dawn ma jkollhomx iktar setgħa f’dan il-qasam, peress li l-armonizzazzjoni inkwistjoni tkun totali, u dan juri fl-assurdità n-natura żbaljata ta’ tali interpretazzjoni. Barra minn hekk, anki jekk l-Unjoni tadotta miżuri ta’ portata ġenerali dwar iċ-ċirkulazzjoni fit-toroq, fuq il-bażi tal-Artikoli 91 jew 192 TFUE, biex ittejjeb is-sigurtà fit-trasport jew il-kwalità tal-ambjent u l-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, pereżempju bil-limitazzjoni ta’ veloċità urbana uniformi għat-trakkijiet, tali miżuri jistgħu jkunu inkompatibbli mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà.

46      Imbagħad, f’analiżi li tagħmel li ssejjaħ kuntestwali, il-Kummissjoni ssostni li l-espressjoni “ċirkulazzjoni fit-toroq” li tinsab fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2007/46 ma għandhiex portata awtonoma, imma li din għandha tinftiehem bħala l-“kategorija ‘r-reġistrazzjoni, il-bejgħ, id-dħul fis-servizz’” msemmija f’din id-dispożizzjoni.

47      Il-Kummissjoni tirrileva li, fir-Regolament (UE) Nru 167/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Frar 2013 dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta’ vetturi għall-agrikoltura u għall-forestrija (ĠU 2013, L 60, p. 1), ibbażat wkoll fuq l-Artikolu 114 TFUE, id-dispożizzjoni korrispondenti tindika li “[l]-Istati Membri jipprojbixxu, ifixklu jew jimpedixxu t-tqegħid fis-suq, ir-reġistrazzjoni jew id-dħul fis-servizz ta’ vetturi […] abbażi ta’ raġunijiet relatati mal-aspetti tal-kostruzzjoni u l-funzjonament tagħhom koperti minn dan ir-Regolament, jekk huma jissodisfaw ir-rekwiżiti tiegħu”, mingħajr ma ssemmi xi projbizzjonijiet, restrizzjonijiet jew ostakoli eventwali dwar iċ-ċirkulazzjoni fit-toroq. Hija tenfasizza f’dan ir-rigward li l-premessa 7 tal-istess regolament tindika li dan ir-regolament “huwa bla ħsara għall-miżuri, fil-livell nazzjonali jew tal-Unjoni, li jikkonċernaw l-użu ta’ vetturi għall-agrikoltura u għall-forestrija fit-triq, bħal pereżempju r-rekwiżiti għal-liċenzji tas-sewqan speċifiċi, il-limitazzjonijiet tal-veloċità massima jew il-miżuri li jirregolaw l-aċċess għal ċerti toroq.” Hija tagħmel konstatazzjonijiet simili fir-rigward tar-Regolament (UE) Nru 168/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Jannar 2013 dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta’ vetturi b’żewġ jew tliet roti u kwadriċikli (ĠU 2013, L 60, p. 52, rettifika fil-ĠU 2016, L 77, p. 65), kif ukoll ir-Regolament (UE) 2016/1628 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Settembru 2016 dwar ir-rekwiżiti relatati mal-limiti tal-emissjonijiet ta’ inkwinanti gassużi u partikolati u l-approvazzjoni tat-tip għall-magni b’kombustjoni interna għal makkinarju mobbli mhux tat-triq, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1024/2012 u (UE) Nru 167/2013, u li jemenda u jirrevoka d-Direttiva 97/68/KE (ĠU 2016, L 252, p. 53).

48      Skont il-Kummissjoni, l-oriġini tad-Direttiva 2007/46 tikkonferma l-assenza ta’ portata awtonoma tal-espressjoni “ċirkulazzjoni fit-toroq” li tinsab fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tagħha. Il-verżjoni ta’ din id-dispożizzjoni, fil-proposta inizjali tal-Kummissjoni kienet: “[l-]Istati Membri għandhom jirreġistraw jew jippermettu biss il-bejgħ jew id-dħul fis-servizz ta’ dawk il-vetturi […] li jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ din id-direttiva” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Matul id-diskussjoni leġiżlattiva tat-test, din id-dispożizzjoni kienet evolviet, għar-raġunijiet li ġejjin, fi proposta emendata tal-Kummissjoni: “[s]abiex tiżgura li d-dispożizzjonijiet dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur stabbiliti f’din id-Direttiva u fl-atti regolatorji separati ma jitpoġġewx fil-perikolu minn rekwiżiti nazzjonali dwar il-kostruzzjoni u l-funzjonament tal-vetturi, imposti wara li jkunu mibjugħin, irreġistrati u/jew imdaħħla fis-servizz, iddaħħlet klawżola ta’ moviment liberu fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 4” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Għalhekk, iż-żieda tal-kliem “ċirkulazzjoni fit-toroq” ma kellhiex bħala għan li testendi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni li kienet qed tiġi żviluppata, imma li tiġi evitata evażjoni tal-projbizzjoni, għall-Istati Membri, li jopponu t-tqegħid fis-suq, ir-reġistrazzjoni jew id-dħul fis-servizz ta’ vetturi ġodda li jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet ta’ dik il-leġiżlazzjoni. L-istess tip ta’ dispożizzjoni “kontra l-evażjoni” kien diġà jidher fid-Direttiva 70/156 li pprovdiet għall-“użu” minflok “ċirkulazzjoni fit-toroq”. Il-Kummissjoni tindika li, bħad-dispożizzjonijiet Ġermaniżi u Olandiżi paragunabbli, l-Artikolu 9 tad-décret du Premier ministre français no 2009-497, du 30 avril 2009, relatif aux réceptions et homologations des véhicules et modifiant le code de la route (JORF tat‑3 ta’ Mejju 2009, p. 7 472) (Digriet tal-Prim Ministru Franċiż Nru 2009‑497 tat‑30 ta’ April 2009 dwar l-Approvazzjonijiet u Omologazzjonijiet tal-Vetturi u li jemenda l-Kodiċi tat-Triq), li jittrasponi d-Direttiva 2007/46, ma jirreferixxix għall-“ċirkulazzjoni fit-toroq” tal-vetturi, imma għat-“tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni” tagħhom, terminu li jirrigwarda l-aċċess għas-suq.

49      Barra minn hekk, id-Direttiva 2008/50, dwar il-kwalità tal-arja fl-ambjent, li l-elementi essenzjali tagħha huma mfakkra fil-punt 17 iktar ’il fuq, tħalli diskrezzjoni sħiħa lill-Istati Membri biex jadottaw miżuri għall-ġlieda kontra t-tniġġis tal-arja. B’mod partikolari, il-pjanijiet ta’ azzjoni għal żmien qasir li tipprovdi din id-direttiva jistgħu jinkludu miżuri dwar iċ-ċirkulazzjoni tal-vetturi bil-mutur, li juri li d-Direttiva 2007/46 u “atti regolatorji” tagħha sekondarji ma jillimitaw bl-ebda mod l-azzjoni tal-awtoritajiet tal-Istati Membri f’dan il-qasam.

50      Għandu jitfakkar, l-ewwel nett, li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-fatt li att tal-Unjoni jipprevjeni persuna ġuridika pubblika milli teżerċita kif jidhrilha l-kompetenzi tagħha stess jaffettwa direttament il-pożizzjoni legali tagħha u li, għaldaqstant, dan l-att jikkonċernaha direttament. Dan kien pereżempju deċiż f’każijiet li jirrigwardaw l-għoti ta’ għajnuna pubblika minn entitajiet infrastatali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑8 ta’ Marzu 1988, Exécutif régional wallon u Glaverbel vs Il‑Kummissjoni, 62/87 u 72/87, EU:C:1988:132, punti 6 u 8; tat‑30 ta’ April 1998, Vlaamse Gewest vs Il‑Kummissjoni, T‑214/95, EU:T:1998:77, punt 29, u tas‑26 ta’ Novembru 2015, Comunidad Autónoma del País Vasco u Itelazpi vs Il‑Kummissjoni, T‑462/13, EU:T:2015:902, punt 34). Dan kien ukoll ġie deċiż f’kawża dwar l-obbligi f’materja agrikola u d-drittijiet applikabbli għall-prodotti agrikoli imposti fuq Stat Membru futur qabel l-adeżjoni tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2009, Il‑Polonja vs Il‑Kummissjoni, T‑257/04, EU:T:2009:182, punti 56 sa 58). Issa, att tal-Unjoni jikkonċerna iktar direttament entità infrastatali milli jaffettwa s-setgħat leġiżlattivi tagħha stess (f’dan il-każ fil-qasam tar-regoli taċ-ċirkulazzjoni tal-karozzi) u mhux biss is-setgħa tagħha li tadotta deċiżjonijiet individwali f’qafas prestabbilit.

51      Sussegwentement, jidher f’dan il-każ li ċerti tipi ta’ regoli taċ-ċirkulazzjoni tal-karozzi li jistgħu jiġu adottati minn awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri, b’mod partikolari dawk ta’ entitajiet infrastatali, ma jistgħux fil-fatt jiġu affettwati mir-regolament ikkontestat, mingħajr preġudizzju għall-kwistjoni dwar il-konformità tagħhom ma’ dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni.

52      F’dan ir-rigward, kif ukoll it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2007/46, li fih jidħol ir-regolament ikkontestat, hemm previst li l-Istati Membri “m’għandhomx jipprojbixxu, jirrestrinġu jew jimpedixxu r-reġistrazzjoni, il-bejgħ, id-dħul fis-servizz jew fiċ-ċirkulazzjoni fit-toroq ta’ vetturi, komponenti jew unitajiet tekniċi separati, għal raġunijiet marbuta ma’ aspetti tal-kostruzzjoni u l-funzjonament tagħhom koperti minn din id-Direttiva, jekk jissodisfaw il-ħtiġijiet ta’ din ta’ l-aħħar”. Huma biss ir-regolamenti li għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni, sabiex jiġi ddefinit il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom, l-aspetti tal-kostruzzjoni jew it-tħaddim tal-vetturi li huma suġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva, tal-“atti regolatorji” tagħha, u l-atti derivati tagħhom jistgħu, b’hekk, jikkonfliġġu. Dan ma huwiex il-każ tar-regolamenti taċ-ċirkulazzjoni li jipprovdu għall-vetturi kollha jew kategorija waħda ta’ vetturi kif iddefinit minn kriterji oħra (pereżempju, dawk iktar minn 3.5 tunnellata b’mod ġenerali), peress li dawn ir-regolamenti ma għandhomx kamp ta’ applikazzjoni iddefinit imqabbel ma’ aspetti tal-kostruzzjoni jew tal-funzjonament ta’ vetturi koperti mid-direttiva, l-“atti regolatorji” tagħha u l-atti derivati tagħhom. F’dan ir-rigward, ma jiġux affettwati b’mod partikolari minn dawn l-atti tal-Unjoni l-parti l-kbira tar-regoli tal-“kodiċi tat-triq” jew meħudin fl-applikazzjoni tiegħu, kif ukoll il-miżuri ta’ restrizzjoni ta’ ċirkulazzjoni tagħhom li jqisu l-vetturi kollha bħal dawk li jistabbilixxu żoni pedonali, “ġranet mingħajr karozzi” jew ċirkulazzjoni alternattiva f’każ ta’ żieda fit-tniġġis. Għalhekk, il-Kummissjoni osservat ġustament li l-ville ta’ Bruxelles seta’ liberament, fir-rigward tar-regolament ikkontestat, jistabbilixxi “ġranet mingħajr karozzi”.

53      Bl-istess mod, awtorità pubblika ta’ Stat Membru tista’, mingħajr ma tikser it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2007/46, timponi restrizzjonijiet fuq iċ-ċirkulazzjoni bbażati fuq il-livell ta’ emissjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa għal vetturi ta’ kategorija li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 715/2007 u li jissodisfaw biss l-istandard Euro 5, peress li dan l-istandard u l-istandards preċedenti Euro ma għadhomx fis-seħħ għall-applikazzjoni ta’ din id-direttiva. Fil-fatt, kif indikat fil-punt 6 iktar ’il fuq, skont l-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament, huwa l-istandard Euro 6 li japplika mill‑1 ta’ Settembru 2014 għall-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi privati u tat-trasport ta’ persuni ġodda u mill‑1 ta’ Settembru 2015 għar-reġistrazzjoni jew l-awtorizzazzjoni għall-bejgħ jew id-dħul fis-servizz ta’ dawn il-vetturi, b’dawn id-dati jinżlu b’sena għall-maġġoranza tal-vetturi kummerċjali ħfief, filwaqt li l-vetturi kummerċjali tqal huma suġġetti għal regolament ieħor. Jista’ jiġi mfakkar f’dan ir-rigward li, fis-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija (C‑28/09, EU:C:2011:854), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li Stat Membru li kien diġà pprojbixxa, sabiex jiġi miġġieled it-tniġġis tal-arja tal-ambjent, iċ-ċirkulazzjoni ta’ vetturi tqal li jaqgħu l-iktar taħt il-klassi Euro ta’ qabel seta’, minflok jimponi projbizzjoni settorjali taċ-ċirkulazzjoni applikabbli għall-vetturi ta’ merkanzija tqila indipendentement mill-klassi Euro li kienu jagħmlu parti minnha, li tmur kontra r-regoli tat-Trattat KE dwar il-moviment liberu tal-merkanzija, jillimita, sabiex josserva dawn ir-regoli, li jestendi l-projbizzjoni inizjali għall-vetturi tqal li jaqgħu taħt il-klassi Euro li segwit il-klassi intiża inizjalment.

54      Min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ regolamenti taċ-ċirkulazzjoni adottati minn awtoritajiet pubbliċi ta’ Stati Membri li jimponu xi restrizzjonijiet fuq iċ-ċirkulazzjoni bbażati fuq il-livell ta’ emissjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa għal vetturi ta’ kategorija li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 715/2007 u li jissodisfaw l-istandard Euro 6 jew, matul l-ittestjar tal-RDE, għall-valuri NTE, is-sitwazzjoni hija differenti, sa fejn il-limiti ta’ emissjonijiet li jniġġsu stipulati għal dan l-istandard jew taħt dawk il-valuri huma fis-seħħ għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2007/46.

55      Ċertament, l-introduzzjoni ta’ regolamenti ta’ ċirkulazzjoni tirrigwarda wkoll kompetenzi bbażati fuq id-dritt nazzjonali, kif enfasizzat, essenzjalment, mill-Kummissjoni, anki jekk l-Istati Membri u l-awtoritajiet pubbliċi ta’ dawn l-Istati Membri jistgħu jiġu mħajra jistabbilixxuhom ukoll biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont id-Direttiva 2008/50 sabiex tiġi żgurata l-kwalità tal-arja u anki jekk, skont il-każ, dawn ir-regolamenti għandhom jużaw l-istandards Euro sabiex jiġi ddeterminat il-kamp ta’ applikazzjoni tar-restrizzjonijiet li jimponu.

56      Għalhekk il-kwistjoni hija jekk ir-regolamenti ta’ ċirkulazzjoni adottati minn awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri, sa fejn jirrigwardaw il-vetturi msemmija fil-punt 54 iktar ’il fuq, humiex affettwati, min-naħa tagħhom, mir-rekwiżiti tad-Direttiva 2007/46, b’mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tagħha.

57      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li jiġi kkunsidrat mhux biss il-kliem tagħha imma wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni li din tagħmel parti minnha (sentenzi tas‑17 ta’ Novembru 1983, Merck, 292/82, EU:C:1983:335, punt 12, u tad‑19 ta’ Lulju 2012, ebookers.com Deutschland, C‑112/11, EU:C:2012:487, punt 12). F’dan ir-rigward isir riferiment għal interpretazzjonijiet letterali, kuntestwali (jew sistematika) u teleoloġika.

58      Issa, l-isfera ta’ awtonomija tad-dritt nazzjonali msemmija fil-punt 55 iktar ’il fuq, fid-dawl tal-kliem tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2007/46, tistabbilixxi żona li tipprevjeni lill-awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri li jillimitaw, għal raġunijiet ibbażati fuq livell ta’ emissjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa, iċ-ċirkulazzjoni ta’ vetturi li jissodisfaw ir-rekwiżiti Ewropej fis-seħħ fil-materja, peress li din id-dispożizzjoni tipprovdi li l-Istati Membri ma jistgħux “jipprojbixxu, jirrestrinġu jew jimpedixxu r-reġistrazzjoni, il-bejgħ, id-dħul fis-servizz jew fiċ-ċirkulazzjoni fit-toroq ta’ vetturi […] għal raġunijiet marbuta ma’ aspetti tal-kostruzzjoni u l-funzjonament tagħhom koperti minn din id-Direttiva”.

59      B’mod iktar speċifiku, skont l-interpretazzjoni letterali tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2007/46, awtorità pubblika ta’ Stat Membru, partikolarment entità infrastatali, ma tistax timponi restrizzjonijiet ta’ ċirkulazzjoni bbażati fuq il-livell tal-emissjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa tal-vetturi għal vetturi ta’ kategorija li taqa’ taħt ir-Regolament Nru 715/2007 u li jissodisfaw l-istandard Euro 6, peress li dan l-istandard huwa fis-seħħ u li, konsegwentement, dawn il-vetturi jissodisfaw ir-rekwiżiti li jirriżultaw minn din id-direttiva. Bl-istess mod, sa fejn ir-regolament ikkontestat jistabbilixxi l-valuri ta’ emissjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa ta’ ossidi tan-nitroġenu li ma għandhomx jinqabżu matul testijiet RDE, din l-awtorità ma tistax timponi restrizzjonijiet ta’ ċirkulazzjoni bbażati fuq il-livell ta’ emissjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa minn vetturi għal vetturi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 715/2007 u li jirrispettaw dawn il-valuri NTE matul dawn it-testijiet. Hemm lok li jitfakkar li dawn it-testijiet u l-limiti huma applikati b’effetti vinkolanti mill‑1 ta’ Settembru 2017, kif ġie indikat fil-punt 15 iktar ’il fuq.

60      Madankollu, għandu jiġi eżaminat jekk l-argumenti mressqa mill-Kummissjoni meta tibbaża ruħha fuq interpretazzjonijiet teleoloġiċi u kuntestwali tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2007/46, ipoġġux fid-dubju din l-interpretazzjoni.

61      Essenzjalment, f’dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni teleoloġika tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2007/46, il-Kummissjoni ssostni li din id-direttiva u “atti regolatorji” u l-atti derivati minnhom għandhom biss l-għan li jiġi żgurat li l-vetturi ġodda li jissodisfaw ir-rekwiżiti armonizzati ta’ dawn it-testi, jistgħu jitqiegħdu fis-suq mingħajr xkiel fl-Istati Membri, fil-qafas tal-prinċipji applikabbli għas-suq intern.

62      Fiha nnifisha din l-affermazzjoni hija fondata, imma ma hijiex ta’ natura li tpoġġi fid-dubju l-interpretazzjoni letterali tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2007/46 mogħtija fil-punt 59 iktar ’il fuq.

63      Il-bażi ġuridika tad-Direttiva 2007/46 hija l-Artikolu 95 KE (li d-dispożizzjonijiet essenzjali tiegħu ġew riprodotti fl-Artikolu 114 TFUE). L-Artikolu 95 KE jimmira biex jintlaħqu l-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 14 KE (li d-dispożizzjonijiet tiegħu ġew essenzjalment riprodotti fl-Artikolu 26 TFUE), jiġifieri li jiġi stabbilit is-suq intern (Artikolu 14(1) KE), li “jikkomprendi arja bla fruntieri interni, li fiha l-moviment liberu ta’ merkanzija, persuni, servizzi u kapital huwa żgurat skond id-dispożizzjonijiet tat-[Trattat KE]” (Artikolu 14(2) KE). Barra minn hekk, kif issostni l-Kummissjoni, din il-bażi legali ma tippermettix lill-Unjoni kwalunkwe armonizzazzjoni fir-rigward ta’ prodotti jew ta’ servizzi sabiex jinbena s-suq intern. Fil-fatt, l-Artikolu 95 KE jippermetti li jiġu adottati “il-miżuri għall-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet stipulati bil-liġi, b’regolamenti jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri li għandhom bħala l-għan tagħhom l-istabbiliment u l-operazzjoni tas-suq intern”, u fis-sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2000, Il‑Ġermanja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑376/98, EU:C:2000:544, punt 83), invokata mill-Kummissjoni, ġie deċiż li din id-dispożizzjoni ma tagħtix lil-leġiżlatur tal-Unjoni setgħa ġenerali li jirregola lis-suq intern. Hekk kif ġie espost, essenzjalment, fil-punti 84 u 85 ta’ din is-sentenza, il-ġurisdizzjoni bbażata fuq l-Artikolu 95 KE hija limitata għal sitwazzjonijiet fejn hemm effettivament lok li jiġu indirizzati l-ostakoli għall-moviment ħieles bejn l-Istati Membri tal-prodotti, tas-servizzi jew tal-kapital kkonċernati.

64      F’dan il-każ, il-premessa 2 tad-Direttiva 2007/46 tindika li “[g]ħall-finijiet ta’ l-istabbiliment u t-tħaddim tas-suq intern tal-Komunità, huwa xieraq li s-sistemi ta’ approvazzjoni ta’ l-Istati Membri jiġu sostitwiti bi proċedura ta’ approvazzjoni Komunitarja msejsa fuq il-prinċipju ta’ armonizzazzjoni totali”. L-Artikolu 1 ta’ dik id-direttiva, intitolat “Suġġett” jipprovdi li din “tistabbilixxi qafas armonizzat li fih id-dispożizzjonijiet amministrattivi u l-ħtiġijiet tekniċi ġenerali għall-approvazzjoni tal-vetturi ġodda kollha fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha […] bil-ħsieb li jiġu faċilitati r-reġistrazzjoni, il-bejgħ u d-dħul fis-servizz tagħhom [fl-Unjoni]”. Għaldaqstant huwa korrett li l-għan essenzjali ta’ din id-direttiva huwa t-tqegħid fis-suq ta’ vetturi bil-mutur ġodda, jiġifieri l-moviment liberu ta’ ċerti prodotti bejn l-Istati Membri, li ma tkoprix b’mod ġenerali biex tinkludi r-regolamenti taċ-ċirkulazzjoni fit-toroq intiżi għall-vetturi stabbiliti mill-awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri u li hija ma taqax taħt il-politika tat-trasport jew dik ambjentali tal-Unjoni, anki jekk hija għandha tintegra f’dan ir-rigward il-ħtieġa ta’ livell għoli ta’ protezzjoni msemmi fl-Artikolu 95 KE.

65      Madankollu, dan ma jfissirx li kwalunkwe dispożizzjoni dwar iċ-ċirkulazzjoni fit-triq ta’ vetturi bil-mutur ġodda ma jkollhiex postha fid-Direttiva 2007/46. Jiġri frekwenti li direttiva, jew direttiva oħra li ġejja minn din l-ewwel direttiva, tinkludi dispożizzjonijiet li ma jaqgħux taħt is-suġġett prinċipali, imma li għandhom l-għan li jiżguraw l-effett utli tad-dispożizzjonijiet adottati biex jintlaħaq dan l-għan. Għalhekk, l-għan tad-direttivi fil-qasam tal-għoti tal-kuntratti pubbliċi huwa li jiġi ffaċilitat il-moviment liberu tal-merkanzija u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi fil-kuntest tal-akkwist pubbliku. Madankollu, sabiex jiġi żgurat dan l-għan, jiġifieri l-effett utli tad-direttivi msemmija, ġew adottati dispożizzjonijiet f’direttivi speċifiċi biex jiġi ggarantit li d-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet kontraenti u tal-entitajiet kontraenti jkunu jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikorsi effettivi u, b’mod partikolari, malajr kemm jista’ jkun, filwaqt li l-għan tad-direttivi dwar l-akkwist pubbliku ma kien bl-ebda mod l-armonizzazzjoni tar-rimedji ġudizzjarji fid-diversi Stati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2009, Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑327/08, mhux ippubblikata, EU:C:2009:371, punt 2 sa 9). Bl-istess mod, direttivi intiżi biex jiżguraw l-moviment ħieles tas-servizzi ta’ informazzjoni (stampa miktuba, radju, televiżjoni, internet), ifissru li biex din tiġi żgurata, ikun hemm dispożizzjonijiet li jarmonizzaw projbizzjonijiet fuq reklamar tal-prodotti mit-tabakk li jissodisfaw għan ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2006, Il‑Ġermanja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑380/03, EU:C:2006:772, punti 3 sa 11).

66      Barra minn hekk, dejjem ġie deċiż li, meta dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni jista’ jkollha iktar minn interpretazzjoni waħda, għandha tingħata prijorità lil dik li għandha n-natura li tissalvagwardja l-effett utli tagħha (sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 1970, Grad 9/70, EU:C:1970:78, punti 12 u 13; tat‑22 ta’ Settembru 1988, Land de Sarre et, 187/87, EU:C:1988:439, punt 19, u tal‑24 ta’ Frar 2000, Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑434/97, EU:C:2000:98, punt 21). Ir-riferiment għaċ-ċirkulazzjoni fit-triq ma jkollux effett utli jekk, kif issostni l-Kummissjoni, ikollu l-istess portata jew sinjifikat bħal “reġistrazzjoni, il-bejgħ, id-dħul fis-servizz” tal-vetturi.

67      Għalhekk, id-dispożizzjoni li tinsab fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2007/46 ma tistax, fil-kuntest ta’ approċċ teleoloġiku, tiġi interpretata bħala li hija limitata, essenzjalment, li tfisser li l-proprjetarju l-ġdid ta’ vettura bil-mutur ġdida konformi mar-rekwiżiti ta’ din id-direttiva għandu d-dritt li jixtriha, jirreġistraha, li jdaħħalha fis-servizz u jsuqha, mingħajr preġudizzju ulterjuri. L-effett utli ta’ din id-direttiva jkun intlaħaq, peress li t-tqegħid fis-suq ta’ vetturi potenzjalment rilevanti jiġi mfixkel bil-biża’ li dawn ma jkunux jistgħu jintużaw normalment. Pereżempju, jekk sewwieq li juża vettura biex jivvjaġġa f’Pariġi (Franza), fi Brussell (il-Belġju) u f’Madrid (Spanja) iħoss li r-rikorrenti kienu se jipprojbixxu fit-territorju tagħhom kollu jew parti minnu ċ-ċirkulazzjoni ta’ vetturi li ma josservawx il-valuri tal-istandard Euro 6 waqt testijiet RDE, anki jekk dawn il-vetturi jikkonformaw mal-valuri NTE, sewwieq bħal dan jista’ ma jixtrix vettura bil-mutur petrol jew diesel ġdida, li tkun, f’dan il-każ. Il-problema tispiċċa iktar mifruxa jekk ħafna entitajiet infrastatali jadottaw, f’isem il-ġlieda kontra t-tniġġis tal-arja, approċċ simili fi ħdan l-Unjoni, kif ġie enfasizzat fis-seduta. Barra minn hekk, fl-argumenti kuntestwali tagħha, il-Kummissjoni tesponi li r-riferiment għaċ-ċirkulazzjoni fit-triq f’dan is-subparagrafu jikkorrispondi mad-dħul ta’ dispożizzjoni “kontra l-evażjoni” bl-għan li jiġi żgurat t-tqegħid fis-suq mingħajr xkiel tal-vetturi kkonċernati.

68      Il-Kummissjoni pproponiet ukoll fis-seduta li huwa inkoerenti li jitqies li l-awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri ma jistgħux jirrestrinġu ċ-ċirkulazzjoni ta’ vetturi konformi mar-rekwiżiti l-iktar reċenti fil-ġlieda kontra t-tniġġis tal-arja, għal raġunijiet relatati mal-livell tagħhom ta’ emissjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa u li jistgħu jirrestrinġu ċ-ċirkulazzjoni tal-vetturi fuq il-bażi ta’ kunsiderazzjonijiet mhux meħuda inkunsiderazzjoni fil-kuntest tad-Direttiva 2007/46 jew ir-restrizzjoni taċ-ċirkulazzjoni ta’ vetturi inqas reċenti li kienu kompletament konformi mar-rekwiżiti dwar il-limitazzjoni ta’ emissjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa meta tqiegħdu fis-suq. Hemm lok li tingħata risposta għal dan l-argument li għall-kuntrarju huwa koerenti minn perspettiva teleoloġika, minn naħa, li din id-direttiva ma tkoprix il-kwistjoni tar-restrizzjonijiet ta’ ċirkulazzjoni stabbiliti fuq il-bażi ta’ kriterji indipendenti tal-aspetti tekniċi, li huma s-suġġett tad-dispożizzjonijiet tagħha (ara l-punt 52 iktar ’il fuq) u, min-naħa l-oħra, li din id-direttiva lanqas ma tkopri l-kwistjoni taċ-ċirkulazzjoni ta’ vetturi li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti fis-seħħ skont id-dispożizzjonijiet tagħha, anki għalkemm, jekk ikun il-każ, kienu konformi fiż-żmien tat-tqegħid fis-suq, mar-rekwiżiti tal-istess natura fis-seħħ dak iż-żmien (ara l-punt 53 iktar ’il fuq). Skont id-definizzjoni, dawn il-vetturi huma kemm vetturi ġodda, imma li normalment ma jistgħux jibqgħu jitqiegħdu fis-suq fl-Unjoni, kif ukoll vetturi użati, pereżempju, vetturi ġodda jew użati li jkunu konformi mal-istandard Euro 5, imma mhux mal-istandard Euro 6. It-tnejn li huma joħorġu lil hinn mill-kamp ta’ protezzjoni stabbilit mid-direttiva li tirrigwarda il-vetturi bil-mutur ġodda li għandhom jiġu kkummerċjalizzati fl-Unjoni. L-interpretazzjoni teleoloġika tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2007/46 jaqbel dwar dan il-punt mal-interpretazzjoni letterali ta’ din id-dispożizzjoni.

69      Fir-rigward tal-interpretazzjoni kuntestwali tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2007/46, il-Kummissjoni ssostni li r-riferiment, f’din id-dispożizzjoni, għall-projbizzjoni li tiġi limitata ċ-ċirkulazzjoni fit-triq ma tinsabx fid-dispożizzjonijiet analogi tar-regolamenti dwar kategoriji oħra ta’ vetturi jew makkinarju ħlief dawk koperti minn din id-direttiva u kienet żdiedet biss f’din tal-aħħar matul id-diskussjoni leġiżlattiva tat-test, li juri li dan ir-riferiment għandu biss portata għar-reġistrazzjoni, bejgħ u dħul fis-servizz ta’ vetturi. Madankollu, dan l-argument bilkemm jidher awtonomu meta mqabbel ma’ dak li ġie sostnut mill-Kummissjoni f’dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni teleoloġika ta’ din id-dispożizzjoni. Li f’test, jissemma b’mod espliċitu li, taħt il-kundizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq, iċ-ċirkulazzjoni fit-triq ta’ vetturi konformi mar-rekwiżiti ta’ dan it-test ma għandhiex tkun limitata u li f’test ieħor, kien issemma l-użu minflok iċ-ċirkulazzjoni fit-triq u li f’testi oħra terġa’ xejn ma kien ġie speċifikat ma jbiddilx il-fatt li huwa inerenti f’sitwazzjoni li tirriżulta minn armonizzazzjoni totali, bħal dik li tirriżulta minn din id-direttiva, li l-Istati Membri u l-awtoritajiet pubbliċi ta’ dawn l-Istati Membri ma jistgħux, ħlief f’każijiet partikolari, jopponu l-użu li jkun normalment maħsub ta’ prodott li huwa konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-iskema ta’ armonizzazzjoni, ħlief li jiġi kompromess l-effett utli ta’ din tal-aħħar.

70      Ċertament, dan il-prinċipju huwa bla ħsara għall-possibbiltà għall-Istati Membri li jibbażaw ruħhom fuq id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 4 et seq. tal-Artikolu 114, TFUE, li jippermettu taħt ċerti kundizzjonijiet li jidderogaw minn miżura ta’ armonizzazzjoni, b’mod partikolari għal raġunijiet ta’ ħarsien tas-saħħa u tal-ambjent. Madankollu, din il-possibbiltà eċċezzjonali tista’ tiġi implimentata biss taħt il-kontroll immedjat u ristrett tal-Kummissjoni, tant li ma jistax jiġi kkunsidrat li, minħabba din il-possibbiltà, is-setgħat tal-Istati Membri u tal-awtoritajiet ta’ dawn l-Istati Membri ma humiex affettwati mill-miżura ta’ armonizzazzjoni.

71      Ġew ukoll invokati matul is-seduta l-Artikolu 8(3) u l-Artikolu 29 tad-Direttiva 2007/46 stess, li jipprovdu rispettivament:

“Jekk Stat Membru jiskopri li tip ta’ vettura […], għalkemm konformi mad-dispożizzjonijiet meħtieġa, jippreżenta riskju serju għas-sikurezza stradali jew huwa ta’ dannu gravi għall-ambjent jew għas-saħħa pubblika, huwa jista’ jiċħad l-approvazzjoni tat-tip tal-KE. F’dan il-każ, huwa għandu minnufih jibgħat lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni fajl dettaljat li jispjega r-raġunijiet għad-deċiżjoni tiegħu u jagħti l-evidenza tal-fatti misjuba.”

“1. Jekk Stat Membru jsib li vetturi, sistemi, komponenti jew unitajiet tekniċi separati ġodda, għalkemm konformi mal-ħtiġijiet applikabbli jew immarkati kif suppost, jippreżentaw riskju serju għas-sikurezza stradali, jew huma ta’ dannu gravi għall-ambjent jew għas-saħħa pubblika, dak l-Istat Membru jista’, għal perijodu massimu ta’ sitt xhur, jiċħad ir-reġistrazzjoni ta’ tali vetturi jew il-permess għall-bejgħ jew id-dħul fis-servizz fit-territorju tiegħu ta’ tali vetturi, komponenti jew unitajiet tekniċi separati.

F’dawn il-każijiet, l-Istat Membru konċernat għandu minnufih jinnotifika lill-manifattur, lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni […]:

[Issegwi proċedura li tista’ twassal jew għal emenda tar-regoli, jew inkella miżuri li jiżguraw li dawn jiġu osservati aħjar].”

72      Madankollu, minbarra li jistgħu jiġu fformulati l-osservazzjonijiet tal-istess natura bħal dawk magħmula fir-rigward tal-paragrafi 4 et seq. tal-Artikolu 114, TFUE, l-Artikolu 8(3) u l-Artikolu 29 tad-Direttiva 2007/46 jippermettu, essenzjalment, li dan iwassal biss għal ċaħda ta’ approvazzjoni tat-tip tal-KE, li tipprevjeni kull tqegħid fis-suq tat-tip ta’ vettura kkonċernata, jew dwar reviżjoni tar-regoli, miżuri differenti ħafna mir-restrizzjonijiet ta’ ċirkulazzjoni intiżi mir-rikorrenti fit-territorji tagħhom.

73      L-argumenti l-oħra mressqa mill-Kummissjoni lanqas ma jippermettu li jikkonfutaw il-konklużjonijiet ta’ interpretazzjoni letterali u teleoloġika tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2007/46.

74      Il-fatt li d-Direttiva 2008/50 tipprevedi li l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex jindirizzaw it-tniġġis tal-arja, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ pjanijiet ta’ azzjoni għal perijodu qasir stabbiliti f’din id-direttiva ma jeżentax lill-Istati Membri mill-obbligi tagħhom li jirriżultaw minn regoli oħra tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija, C‑28/09, EU:C:2011:854, punt 111). Għalhekk, huwa biss fil-każ li l-interpretazzjonijiet letterali u teleoloġiċi tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2007/46 jagħmluha impossibbli jew diffiċli ħafna li tiġi adottata, skont id-Direttiva 2008/50, kwalunkwe miżura effettiva ta’ restrizzjoni taċ-ċirkulazzjoni tal-karozzi biex jiġi missielet t-tniġġis tal-arja li tali interpretazzjonijiet jistgħu jitpoġġew fid-dubju b’interpretazzjoni kuntestwali ta’ dik id-dispożizzjoni. Kif ġie spjegat fil-punti 52 u 53 iktar ’il fuq, l-Istati Membri u l-awtoritajiet pubbliċi ta’ dawn l-Istati Membri jżommu s-setgħa li jadottaw miżuri ta’ restrizzjoni taċ-ċirkulazzjoni li jikkonċernaw il-vetturi jew il-kategoriji kollha ta’ vetturi ddeterminati abbażi ta’ kriterji ġenerali ħafna jew immirati lejn vetturi li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet fis-seħħ tad-Direttiva 2007/46, tal-“atti regolatorji” tagħha u tal-atti derivati minnhom. B’mod partikolari, għalkemm l-interpretazzjonijiet letterali u teleoloġiċi ta’ dik id-dispożizzjoni effettivament jillimitaw il-poteri tal-awtoritajiet tal-Istati Membri biex jadottaw miżuri mmirati għal-limitazzjoni taċ-ċirkulazzjoni li jinkludu vetturi li jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ din l-aħħar direttiva, tal-“atti regolatorji” u tal-atti derivati minnhom (pereżempju restrizzjoni fuq vetturi li jaqbżu l-limiti tal-istandard Euro 6 f’testijiet RDE, imma li jibqgħu taħt il-valuri NTE), madankollu tħallilhom marġini ta’ manuvra importanti għall-adozzjoni ta’ miżuri li jikkontribwixxu għat-twettiq tal-għanijiet stabbiliti fid-Direttiva 2008/50, għalkemm, mill-perspettiva ta’ dawn l-awtoritajiet, dawn il-miżuri jistgħu ma jkunux l-iktar xierqa (pereżempju restrizzjoni ġenerali jew restrizzjoni fuq il-vetturi kollha li jissodisfaw bl-aħjar mod biss l-istandard Euro 5).

75      Fl-aħħar nett, il-fatt li l-miżuri ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2007/46 f’ċerti Stati Membri jirreferu għal “tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni” u mhux “iċ-ċirkulazzjoni fit-triq” ma jistax f’dan il-każ jikkostitwixxi fattur li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi interpretat it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) ta’ dik id-direttiva. Fil-fatt, kif kien ġie deċiż diversi drabi, it-termini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma tagħmilx riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġi stabbilit is-sens u l-portata tagħha, għandhom jingħataw, fl-Unjoni kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi li għandha tiġi stabbilita fid-dawl tal-kuntest tad-dispożizzjoni u tal-għan segwit mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Associazione Italia Nostra Onlus, C‑444/15, EU:C:2016:978, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata). Filwaqt li xi kultant ġie deċiż ukoll li, anki fl-assenza ta’ riferiment espress għad-dritt tal-Istati Membri, l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni tista’ timplika riferiment għad-dritt tal-Istati Membri fejn il-qorti tista’ tiskopri fid-dritt tal-Unjoni jew fil-prinċipji ġenerali tagħha l-elementi li jippermettulha tispeċifika l-kontenut u l-portata tad-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni inkwistjoni permezz ta’ interpretazzjoni awtonoma (sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 1992, Díaz García vs Il‑Parlament, T‑43/90, EU:T:1992:120, punt 36), dan ma huwiex il-każ hawnhekk, kif jirriżulta mill-analiżi preċedenti.

76      L-interpretazzjonijiet letterali, teleoloġiċi u kuntestwali tad-Direttiva 2007/46 u b’mod partikolari it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3), jimxu fl-istess direzzjoni, jiġifieri li din effettivament tipprevjeni, mingħajr ma tħallilhom ebda setgħa diskrezzjonali, lill-awtoritajiet pubbliċi ta’ Stat Membru li jipprojbixxu, jirrestrinġu jew ifixklu ċ-ċirkulazzjoni fit-triq ta’ vetturi għal raġunijiet relatati ma’ aspetti tal-kostruzzjoni jew il-funzjonament tagħhom koperti minn din id-direttiva jekk huma jissodisfaw ir-rekwiżiti tagħha, li jimplika li, minħabba l-adozzjoni tar-regolament ikkontestat, ir-rikorrenti ma jistgħux, hekk kif isostnu, fil-fatt jillimitaw, fil-kuntest ta’ miżura mmirata li tqis il-livelli tal-emissjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa tal-vetturi, iċ-ċirkulazzjoni ta’ dawk li ma josservawx, matul it-testijiet RDE, il-limiti tal-emissjonijiet ta’ ossidi tan-nitroġenu stabbiliti mill-istandard Euro 6, imma li madankollu f’din l-okkażjoni josservaw il-valuri NTE ta’ emissjonijiet għall-ossidi tan-nitroġenu ddefiniti f’dak ir-regolament, ogħla minn dawk tal-ewwel.

77      Il-ville de Paris u l-ville de Bruxelles, f’dan ir-rigward, indikaw matul is-seduta li l-qorti amministrattiva nazzjonali li tkun adita, pereżempju permezz ta’ sewwieq li ma jkunx issodisfatt, b’rikors kontra wieħed mill-atti tagħhom li jirrestrinġi, taħt il-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 76 iktar ’il fuq, iċ-ċirkulazzjoni tal-vetturi, ma hijiex se tonqos milli tannulla tali att peress li jikser id-Direttiva 2007/46 u r-regolament ikkontestat.

78      Mingħajr preġudizzju għal deċiżjonijiet eventwali tal-qrati tal-Istati Membri, għandu, fil-fatt, jitfakkar li l-interess li jiġi żgurat l-effett utli tad-direttivi, essenzjali għall-kostruzzjoni Ewropea, ta lok għat-teorija tal-effett dirett tad-dispożizzjonijiet tagħhom intiża sabiex tikkonferixxi drittijiet lill-individwi, li dawn jistgħu jinvokaw fil-konfront tal-awtoritajiet pubbliċi (sentenza tal‑4 ta’ Diċembru 1974, van Duyn, 41/74, EU:C:1974:133, punt 12). Issa, id-dispożizzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2007/46, li tgħid li Stati Membri “m’għandhomx jipprojbixxu, jirrestrinġu jew jimpedixxu r-reġistrazzjoni, il-bejgħ, id-dħul fis-servizz jew fiċ-ċirkulazzjoni fit-toroq ta’ vetturi, […] għal raġunijiet marbuta ma’ aspetti tal-kostruzzjoni u l-funzjonament tagħhom koperti minn din id-Direttiva, jekk jissodisfaw il-ħtiġijiet ta’ din ta’ l-aħħar” hija ta’ natura li tikkonferixxi drittijiet lill-individwi sa fejn hija inkundizzjonata, ċara u preċiża, anki jekk il-Kummissjoni setgħet tikkontesta l-portata tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 1970, Grad, 9/70, EU:C:1970:78, punt 9, u tal‑4 ta’ Diċembru 1974, van Duyn, 41/74, EU:C:1974:133, punt 14). Għandu jitfakkar ukoll li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, ir-regolamenti għandhom portata ġenerali, huma obbligatorji fl-elementi kollha tagħhom kif ukoll direttament applikabbli f’kull Stat Membru, u għalhekk jistgħu jiġu invokati minn individwi.

79      Barra minn hekk, ir-Renju tal-Belġju, ir-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika Franċiża lanqas ma huma protetti minn rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ppreżentat fuq il-bażi tal-Artikoli 258 jew 259 TFUE jekk xi wieħed mir-rikorrenti adotta l-atti msemmija fil-punt 77 iktar ’il fuq. Fil-fatt, l-Istati Membri għandhom iwieġbu għal dan il-ksur tad-dritt tal-Unjoni tal-awtoritajiet pubbliċi ta’ dawn l-Istati Membri (sentenza tal‑5 ta’ Mejju 1970, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju, 77/69, EU:C:1970:34, punt 15). B’mod ġenerali, skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha xierqa sabiex jiżguraw li jitwettqu l-obbligi li joħorġu mit-Trattati jew li jirriżultaw mill-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni u għandhom jastjenu minn kwalunkwe miżura li tista’ tqiegħed f’perikolu l-kisba tal-għanijiet tal-Unjoni. Dan il-prinċipju japplika għall-awtoritajiet kollha ta’ Stat Membru, kemm jekk tkun setgħa ċentrali tal-Istat, ta’ awtoritajiet ta’ Stat federali jew ta’ awtoritajiet territorjali oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Ġunju 1990, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑8/88, EU:C:1990:241, punt 13, u tat‑13 ta’ April 2010, Wall, C‑91/08, EU:C:2010:182, punt 69). Bis-saħħa ta’ dan il-prinċipju, ir-rikorrenti għalhekk għandhom huma stess joqogħdu lura milli jadottaw miżuri li jillimitaw iċ-ċirkulazzjoni deskritti fil-punt 76 iktar ’il fuq.

80      Barra minn hekk, hija reali għar-rikorrenti l-limitazzjoni tas-setgħat imsemmija wkoll fil-punt 76 iktar ’il fuq.

81      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti mhux biss iġġustifikaw li kellhom skont id-dritt nazzjonali kompetenzi biex jipproteġu l-ambjent u s-saħħa, speċjalment fil-ġlieda kontra t-tniġġis tal-arja, inkluża l-kompetenza li jirrestrinġu ċ-ċirkulazzjoni tal-karozzi għal dan il-għan. Il-Kummissjoni dan ma tikkontestahx.

82      Ir-rikorrenti taw ukoll eżempji ta’ miżuri li kienu diġà adottaw. B’hekk, il-ville de Paris introduċa b’mod partikolari, permezz ta’ żewġ deċiżjonijiet suċċessivi tas-sindku u tal-prefett tal-pulizija, żona ta’ ċirkulazzjoni ristretta korrispondenti mat-territorju kollu tagħha “intra muros” b’suċċessivament tiġi pprojbita, fl‑1 ta’ Settembru 2015, imbagħad fl‑1 ta’ Lulju 2017, mit-tmienja ta’ filgħodu sat-tmienja ta’ filgħaxija matul il-ġimgħa, ħlief għal derogi speċifiċi, iċ-ċirkulazzjoni ta’ vetturi mhux konformi ma’ standard Euro partikolari, pereżempju f’ġurnata partikolari l-istandard Euro 3 għal vettura diesel privata. Fl‑2020, l-istandard minimu li għandu jiġi osservat biex wieħed ikun jista’ jsuq huwa l-istandard Euro 5 u l-“pjan klima-arja-enerġija” ta’ din il-belt jipprovdi għall-projbizzjoni ta’ ċirkulazzjoni ta’ vetturi diesel fl‑2024 u vetturi bil-petrol fl‑2030, kif jirriżulta mill-atti tal-proċess. Il-ville de Bruxelles ħoloq żona pedonali mifruxa ħafna fiċ-ċentru tagħha u, kif diġà msemmi, stabbilixxa “ġranet mingħajr karozza”. L-ayuntamiento de Madrid ordna, fl‑2015 u l‑2016, permezz ta’ deċiżjonijiet tad-delegata tas-settur tal-gvern tal-ambjent u tal-mobbiltà, restrizzjonijiet tat-traffiku matul episodji ta’ tniġġis qawwi, kif previst fil-pjan għall-kwalità tal-arja 2011‑2015 u l-protokoll ta’ miżuri li għandhom jittieħdu matul episodji ta’ tniġġis qawwi tad-dijossidu tan-nitroġenu adottati mill-belt imsemmija.

83      Ir-rikorrenti għandhom ukoll, kemm diversi dokumenti jew studji relatati mal-kwalità tal-arja fit-territorji tagħhom, li juru livelli preokkupanti ta’ tniġġis (minkejja tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ ossidi tan-nitroġenu fuq numru ta’ snin f’Pariġi u f’Madrid), kif ukoll juru l-istat tal-proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu mibdija mill-Kummissjoni kontra r-Renju tal-Belġju, ir-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika Franċiża għal nuqqas ta’ osservanza tad-Direttiva 2008/50, inkluż il-livell ta’ ossidi tan-nitroġenu li l-Kummissjoni indikat, fi stqarrija għall-istampa annessa mill-ville de Bruxelles mad-dokumenti tiegħu, li “bosta emissjonijiet jirriżultaw miċ-ċirkulazzjoni fit-toroq inġenerali u l-karozzi diesel b’mod partikolari”. Matul is-seduta għas-sottomissjonijiet orali f’dawn il-kawżi, fis-17 ta’ Mejju 2018, ir-rappreżentant tal-ville de Paris żied jgħid, mingħajr ma ġie kkontradett, li l-Kummissjoni ħabbret permezz ta’ stqarrija għall-istampa fl-istess jum li kienet adixxiet il-Qorti tal-Ġustizzja b’rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra diversi Stati Membri peress li nqabżu l-valuri ta’ limitu stabbiliti f’dik id-direttiva għall-konċentrazzjoni tad-dijossidu tan-nitroġenu fl-arja, b’mod partikolari rikors fil-konfront tar-Repubblika Franċiża, billi ġew irrilevati konċentrazzjonijiet għoljin wisq, b’mod partikolari f’Pariġi (stqarrija għall-istampa IP/18/3450).

84      Jirriżulta mill-elementi legali u miċ-ċirkustanzi analizzati iktar ’il fuq, u b’mod partikolari dwar is-setgħat tar-rikorrenti li jirrestrinġu ċ-ċirkulazzjoni tal-karozzi għall-protezzjoni tal-kwalità tal-arja u l-użu li huma jagħmlu minnha, li l-inċidenza tas-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti mir-regolament ikkontestat hija stabbilita u li, għaldaqstant, dan tal-aħħar jirrigwardahom direttament, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Barra minn hekk, ir-regolament ikkontestat jikkostitwixxi att regolatorju li ma jinvolvix miżuri ta’ eżekuzzjoni, fis-sens tal-istess dispożizzjoni, kif indikat fil-punti 38 u 40 iktar ’il fuq, jirriżulta li r-rikorsi għal annullament ippreżentati mill-ville de Paris u l-ville de Bruxelles, kif ukoll mill-ayuntamiento de Madrid huma ammissibbli u li l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq il-mertu tar-rikors għal annullament

85      Ir-rikorrenti jressqu motivi bbażati fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni biex tadotta d-dispożizzjonijiet tar-regolament ikkontestat li jikkritikaw, kif ukoll motivi bbażati fuq il-ksur, fil-mertu, tad-diversi dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, li jistgħu jinġabru fi tliet kategoriji: id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 715/2007 u, b’mod iktar ġenerali, ta’ atti tad-dritt sekondarju li jiżguraw il-kwalità tal-arja; dispożizzjonijiet tat-Trattati UE u TFUE u tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u, fl-aħħar nett, id-diversi prinċipji legali. Barra minn hekk, huma jsostnu li l-Kummissjoni, bl-adozzjoni tar-regolament ikkontestat, għamlet użu ħażin ta’ poter.

–       Fuq il-motivi ibbażati fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni

86      Kif ġie espost fil-punti 7 u 8 iktar ’il fuq, ir-Regolament Nru 715/2007 jipprovdi li l-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta miżuri ta’ eżekuzzjoni għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tagħha fil-kuntest ta’ proċeduri issa previsti mir-Regolament Nru 182/2011. F’dan il-każ, ir-regolament ikkontestat jirreferi b’mod espliċitu fil-premessi tiegħu, għall-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 715/2007, li jistabbilixxi li l-proċeduri, it-testijiet u r-rekwiżiti speċifiċi għall-approvazzjoni tat-tip dwar għadd ta’ elementi, b’mod partikolari l-emissjonijiet mit-tailpipe, għandhom ikunu speċifikati mill-Kummissjoni skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju, deskritta hija stess fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468 li l-effetti tagħhom inżammu għall-għanijiet tal-atti li għalihom jagħmlu referenza skont l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 182/2011.

87      Ir-rikorrenti jallegaw in-nuqqas li jiġu ssodisfatti, f’dan il-każ, il-kundizzjonijiet li jippermettu lill-Kummissjoni tissupplimenta d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 715/2007 fil-kuntest tal-proċedura regolatorja bi skrutinju. Huma jsostnu b’mod partikolari dan li ġej.

88      Ir-rikorrenti jenfasizzaw li l-premessa 7a tad-Deċiżjoni 1999/468 tindika li, “[i]l-proċedura regolatorja bi skrutinju għandha tiġi segwita fir-rigward ta’ miżuri b’kamp ta’ applikazzjoni ġenerali mfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ strument adottat [b’mod konġunt mill-Parlament u l-Kunsill], inter alia billi jitneħħew uħud minn dawk l-elementi jew billi l-istrument jiġi ssupplementat biż-żieda ta’ elementi ġodda mhux essenzjali[, imma li l]-elementi essenzjali ta’ att leġislattiv ma jistgħux jiġu emendati ħlief mil-leġislatur abbażi tat-Trattat”. Il-ville de Bruxelles iżid jgħid li l-premessa 25 tar-Regolament Nru 715/2007 tesprimi kunsiderazzjoni tal-istess natura meta tindika li “[b]’mod partikolari għandha tingħata s-setgħa lill-Kummissjoni biex tintroduċi fl-Anness I valuri ta’ limitu ta’ partikulati fuq bażi ta’ numri, kif ukoll biex tikkalibra mill-ġdid il-valuri ta’ limitu mniżżla f’dak l-Anness ibbażati fuq il-massa ta’ partikulati” u li “dawk il-miżuri huma ta’ kamp ta’ applikazzjoni ġenerali u huma mfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament, dawn għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju prevista fl-Artikolu 5a ta’ [din id-deċiżjoni].” L-ayuntamiento de Madrid isemmi, min-naħa tiegħu, bl-istess linja ta’ ħsibijiet, il-premessa 26 tal-istess regolament, li jgħid li “[b]’mod partikulari l-Kummissjoni għandha tingħata wkoll is-setgħa biex tistabbilixxi proċeduri speċifiċi, testijiet u rekwiżiti dwar l-approvazzjoni tat-tip, kif ukoll proċedura riveduta għall-kejl ta’ materjal f’partikuli u valur ta’ limitu tan-numru ta’ partikuli, u biex tadotta miżuri dwar l-użu ta’ tagħmir għar-riduzzjoni tal-kontroll, l-aċċess għall-informazzjoni dwar tiswija u manutenzjoni tal-vetturi u ċ-ċikli ta’ testijiet użati biex jitkejlu l-emissjonijiet” u li “dawk il-miżuri huma ta’ kamp ta’ applikazzjoni ġenerali u huma mfassla bħala suppliment għal dan ir-Regolament biż-żieda ta’ elementi ġodda mhux essenzjali, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju prevista fl-Artikolu 5a ta’ [din id-deċiżjoni].”

89      Filwaqt li jenfasizzaw id-differenzi bejn il-proċedura regolatorja bi skrutinju u l-proċedura leġiżlattiva li twassal għal att tal-Parlament u tal-Kunsill, ir-rikorrenti jsostnu li, bl-introduzzjoni għat-testijiet RDE tal-valuri NTE ta’ emissjonijiet ta’ ossidi tan-nitroġenu li jaqbżu l-limiti ta’ dawn l-emissjonijiet iddefiniti għall-istandard Euro 6 fl-Anness I tar-Regolament Nru 715/2007, barra minn hekk, filwaqt li dawn il-limiti kienu sa issa dejjem ġew irriveduti ’l isfel, il-Kummissjoni emendat elementi essenzjali ta’ dan ir-regolament mingħajr ma kellha l-kompetenza. Il-ville de Bruxelles jippreċiża li ma jikkontestax li l-Kummissjoni għandha s-setgħa, fuq il-bażi tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 715/2007, li tiddefinixxi testijiet ġodda. Għaldaqstant, huwa ma jikkontestax ir-Regolamenti Nri 692/2008 u 2016/427 qabel l-inkorporazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-regolament ikkontestat. Min-naħa l-oħra, huwa jikkontesta l-introduzzjoni ta’ limiti kwantitattivi ġodda għall-emissjonijiet ta’ ossidi tan-nitroġenu mir-regolament ikkontestat, li huma iktar tolleranti minn dawk li jinsabu fl-Anness I tar-Regolament Nru 715/2007 deċiż mill-Parlament u l-Kunsill. Dawk il-limiti l-ġodda, li jirriżultaw mid-determinazzjoni tal-fattur ta’ konformità CF pollutant fir-regolament ikkontestat, iċaħħdu mill-effett utli l-limiti stabbiliti fl-istandard Euro 6 li jidher f’dak l-anness. Sa fejn il-Kummissjoni tiddikjara li l-fatturi ta’ konformità CF pollutant ikkunsidrati huma ġġustifikati mid-diskrepanzi li jistgħu jiġu kkonstatati bejn id-data mit-testijiet RDE u d-data mit-testijiet tal-laboratorju, li jiġu mtaffija l-limiti applikati għall-ewwel tip ta’ test jista’ jwassal għar-rinunzja tal-limiti Euro 6 stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament Nru 715/2007.

90      Il-ville de Paris u l-ayuntamiento de Madrid isostnu li l-Kummissjoni wettqet ksur tal-forom proċedurali sostanzjali. Fil-fatt, skont ir-rikorrenti, l-intervent normali ta’ “koleġiżlaturi”, b’mod partikolari tal-Parlament, ġab garanziji proċedurali u kellu neċessarjament influwenza fuq il-kontenut tal-att li għandu jiġi adottat li, minn tal-inqas, kien suġġett għal għadd ta’ emendi.

91      Preliminarjament, il-Kummissjoni tfakkar il-pakkett leġiżlattiv u regolatorju li fih jidħol ir-regolament ikkontestat u tixtieq turi li, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, dan tal-aħħar jikkontribwixxi għal protezzjoni mtejba tas-saħħa taċ-ċittadini Ewropej u tal-ambjent.

92      Il-Kummissjoni tindika li l-approvazzjoni tat-tip għal vettura ġdida topera kif se jingħad. Il-manifattur jippreżenta prototip lill-awtoritajiet kompetenti li għandhom jiżguraw li dan jissodisfa l-kundizzjonijiet elenkati fl-Anness IV tad-Direttiva 2007/46, b’mod partikolari dawk li jirriżultaw mir-Regolament Nru 715/2007 għal dak li jikkonċerna l-emissjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa. Ladarba jiġi approvat it-“tip”, il-manifattur jibda l-produzzjoni industrijali tiegħu u kull vettura li titqiegħed fis-suq għandha tkun konformi mat-tip.

93      Il-Kummissjoni tenfasizza li l-Anness I tar-Regolament Nru 715/2007, fejn jinsabu l-limiti ta’ emissjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa għal Euro 5 u l-istandard Euro 6, speċjalment fir-rigward tal-ossidi tan-nitroġenu, qatt ma ġie emendat u li “għadu jagħmel parti bħala tali mid-dritt tal-Unjoni”.

94      Il-Kummissjoni tindika wkoll li r-Regolament Nru 715/2007 ma jipprovdix spjegazzjoni huwa nnifsu tal-proċedura għall-kontroll tal-osservanza tal-limiti ta’ emissjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa stabbiliti fl-Anness I tiegħu, għalkemm, madankollu, tinsab fl-Artikolu 5(2) ta’ din ir-regola ta’ projbizzjoni, ħlief fil-każ ta’ derogi elenkati, tal-apparat ta’ manipulazzjoni li jista’ jiffalsifika l-kejl ta’ emissjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa.

95      Skont il-Kummissjoni, il-kompetenza sabiex jiġu stabbiliti l-proċeduri, it-testijiet u r-rekwiżiti speċifiċi għall-approvazzjoni, li jissupplimentaw ir-Regolament Nru 715/2007 u li jemendaw l-elementi mhux essenzjali tiegħu, tirrigwarda hija stess il-kuntest tal-proċedura regolatorja bi skrutinju, kif indikat fl-Artikolu 5(3) tal-istess regolament. Hija tqis ukoll li l-Artikolu 14(3) ta’ dan tal-aħħar jinkarigaha wkoll tagħmel verifika ulterjuri ta’ dawn il-proċeduri, it-testijiet u r-rekwiżiti, kif ukoll iċ-ċikli ta’ testijiet użati biex jitkejlu l-emissjonijiet, u jiddelegaha, taħt l-istess kundizzjonijiet, biex tieħu ħsieb tadattahom jekk ma jkunux għadhom xierqa jew ma jirriflettux iktar b’mod korrett ir-realtà tal-emissjonijiet iġġenerati minn sewqan fit-triq.

96      Il-Kummissjoni tindika li, f’dan il-kuntest, hija adottat ir-Regolament Nru 692/2008 b’mod partikolari sabiex jistabbilixxi l-proċeduri ta’ kontroll ta’ emissjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa minn vetturi għall-passiġġieri u minn vetturi kummerċjali ħfief u jsir tip ta’ ttestjar fil-laboratorju msejjaħ bl-Ingliż “New European Driving Cycle” (NEDC), li jikkorrispondi mat-teknoloġija disponibbli dak iż-żmien (test tat-tip 1 imsemmi fil-punt 12 iktar ’il fuq). Hija tikkunsidra li, kif indikat fil-premessa 15 tar-Regolament Nru 715/2007, il-leġiżlatur tal-Unjoni kien konxju tal-inadegwatezza possibbli ta’ dan it-tip ta’ test biex jirrifletti r-realtà tal-emissjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa u inkarigaha b’mod espliċitu biex tivverifika jekk taġġornahx jew tibdlux.

97      Għalhekk il-Kummissjoni ssostni li l-azzjoni tagħha kienet fuq żewġ assi, kif espost fil-punt 10 tal-komunikazzjoni tagħha dwar l-applikazzjoni u l-iżvilupp ġejjieni tal-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar l-emissjonijiet minn vetturi ħfief u l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni (Euro 5 u 6) (ĠU 2008, C 182, p. 17).

98      Minn naħa, il-Kummissjoni kienet ipparteċipat, fil-kuntest tax-xogħlijiet fil-Kunsill Ekonomiku u Soċjali tan-Nazzjonijiet Uniti, fid-disinn ta’ tip ġdid ta’ test fil-laboratorju, imsejjaħ “proċedura ta’ ttestjar armonizzata fuq livell dinji għall-vetturi ħfief”, bl-Ingliż “Worldwide harmonized Light vehicles Test Procedure” (WLTP), li jirrifletti ħafna aħjar ir-realtà tal-emissjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa tat-test NEDC. F’dan ir-rigward, is-sostituzzjoni tal-NEDC bit-test WLTP sar bl-adozzjoni tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/1151 tal‑1 ta’ Ġunju 2017 li jissupplimenta r-Regolament (KE) Nru 715/2007, li jemenda d-Direttiva 2007/46/KE u r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1230/2012 u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 692/2008 (ĠU 2017, L 175, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 56, p. 66).

99      Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni kienet żviluppat proċedura ta’ kejl tal-emissjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa f’kundizzjonijiet ta’ sewqan reali, filwaqt li assoċjat magħha l-partijiet interessati rilevanti kollha, inklużi ċerti organizzazzjonijiet għall-ħarsien tal-ambjent. Din il-proċedura ġiet introdotta fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’Marzu 2016 għal vetturi ħfief għall-passiġġieri u vetturi kummerċjali u bl-adozzjoni mill-Kummissjoni tar-Regolament 2016/427, li jemenda r-Regolament Nru 692/2008. Huwa r-Regolament Nru 2016/427, u mhux ir-regolament ikkontestat, li introduċa l-kunċett ta’ valuri NTE. Approċċ simili kien ġie adottat mill‑2011 għal vetturi tqal.

100    Il-Kummissjoni tgħid li t-testijiet fil-laboratorju u t-testijiet RDE jikkumplimentaw lil xulxin. Tal-ewwel jagħtu iktar informazzjoni, filwaqt li tal-aħħar għandhom il-vantaġġ li jippermettu, b’mod partikolari minħabba t-tul ta’ żmien tagħhom u l-varjetà ta’ kundizzjonijiet għat-twettiq tagħhom, l-iżvelar ta’ diskrepanzi rripetuti mar-riżultati tat-testijiet tal-laboratorju li jistgħu jesponu l-użu, mill-manifatturi tal-karozzi, ta’ apparat ta’ manipulazzjoni għal dawn l-aħħar provi, li jiffalsifikaw ir-riżultati meta mqabbla ma’ dawk li jirriżultaw minn sitwazzjoni ta’ tħaddim normali tal-vettura. Għalhekk kien previst fir-Regolament Nru 2016/427 li, anki għall-perijodu tranżitorju qabel id-determinazzjoni tal-valuri NTE, li jibda mill‑20 ta’ April 2016, it-testijiet RDE għandhom isiru għal “finijiet ta’ superviżjoni”.

101    Il-Kummissjoni tispjega mbagħad, essenzjalment, li l-kundizzjonijiet differenti ta’ vjaġġ fit-triq li jrid isir biex jivvalida test RDE jwasslu, l-istess bħall-użu tal-PEMS, għal inċertezzi tekniċi u statistiċi li jiġġustifikaw l-istabbiliment tal-fatturi ta’ konformità CF pollutant li jiġu applikati għal-limiti ta’ emissjonijiet ta’ ossidi ta’ nitroġenu Euro 6, sabiex jiġu evitati riżultati invalidi fir-rigward tal-osservanza ta’ dawn il-limiti matul dawn it-testijiet, kif ukoll ir-rifjuti ta’ approvazzjoni illegali konsekuttivi. Waqt is-seduta, il-Kummissjoni b’hekk spjegat li test RDE fl-Estonja f’nofstanhar tas-sajf u test RDE fil-Lussemburgu filgħodu kmieni fix-xitwa bl-istess vettura jistgħu jagħtu riżultati differenti b’mod sinjifikattiv minħabba kundizzjonijiet ferm differenti. Bl-istess mod, sa fejn it-testijiet RDE jdumu bejn siegħa u nofs u sagħtejn, it-tul ta’ żmien varjabbli jista’ jinfluwenza r-riżultati. Il-PEMS stess ikejlu tliet elementi ta’ data li jingħaqdu sabiex jiddeterminaw il-massa ta’ ossidi ta’ nitroġenu li joħorġu għal kull kilometru, b’kull waħda minn dawn it-tliet miżuri jkollha l-grad ta’ inċertezza tagħha. Barra minn hekk, il-PEMS jistgħu jirregolaw ruħhom matul it-test. Il-fatturi ta’ konformità CF pollutant kienu previsti fir-Regolament 2016/427, biex jitqiesu dawn l-inċertezzi, anki jekk il-valuri tagħhom ma kinux għadhom iddeterminati. Għal vetturi tqal, dawn il-fatturi kienu diġà ġew previsti f’regoli iktar antiki.

102    L-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat, li daħal fis-seħħ fil‑15 ta’ Mejju 2016, kellha twassal biex tinbidel il-portata legali tat-testijiet RDE, peress li tali test mhux konklużiv fir-rigward tal-valuri NTE issa stabbiliti permezz tad-determinazzjoni ta’ fatturi ta’ konformità CF pollutant iwassal, mid-dati tal-applikazzjoni ta’ dawn il-limiti, għar-rifjut pur u sempliċi tal-approvazzjoni tat-tip ta’ vettura kkonċernata. Il-Kummissjoni tfakkar li, skont dak li jirriżulta minn konsultazzjonijiet li saru għal diversi snin mal-partijiet ikkonċernati u minn dak li jingħad fil-premessa 5 tar-Regolament 2016/427, ġew stabbiliti żewġ stadji suċċessivi għall-valuri NTE u l-fatturi ta’ konformità tas-CF pollutant għal ossidi tan-nitroġenu. Għaldaqstant, f’dak li jikkonċerna l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi tal-passiġġieri, matul il-perijodu mill‑1 ta’ Settembru 2017 sal‑31 ta’ Diċembru 2019, fattur ta’ konformità CF pollutant temporanju li japplika fuq talba tal-manifattur, ġie stabbilit f’2.1. Il-fattur ta’ konformità CF pollutant normali, imsejjaħ “finali”, obbligatorju għal kulħadd mill‑1 ta’ Jannar 2020, kien, min-naħa tiegħu stabbilit f’1.5.

103    Il-Kummissjoni tippreċiża li l-fattur ta’ konformità CF pollutant normali, imsejjaħ “finali” huwa ta’ 1, miżjud b’marġini ta’ inċertezza ta’ 0.5 ġġustifikat minħabba l-livell tal-prestazzjoni tal-PEMS attwali. Fil-fehma tagħha, dan il-marġini ta’ inċertezza għandu jkun suġġett għal reviżjoni annwali u ser jiġi rrivedut fuq il-bażi ta’ titjib fil-kwalità tal-kejl. Hija ssostni li l-fattur ta’ konformità CF pollutant temporanju ta’ 2.1, utilizzabbli fuq talba, huwa ġġustifikat mhux biss minn dan il-marġini ta’ inċertezza teknika, imma wkoll minn inċertezza statistika marbuta ma’ vjaġġi differenti possibbli li jistgħu jiġu segwiti permezz ta’ testijiet RDE. Kien ikkalkolat fil-limiti ta’ 1.6 sa 2.2 identifikati miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC) fuq il-bażi ta’ mmudellar, peress li għad ma kienx hemm biżżejjed feedback fil-mument tal-preparazzjoni tar-regolament ikkontestat. Skont il-Kummissjoni, din l-inċertezza statistika kellha “tonqos sa fejn it-tipi ġodda ta’ vetturi jintegraw il-passaġġ obbligatorju mit-[testijiet] RDE”, kif ukoll l-inċertezza teknika minħabba titjib fil-PEMS. F’dan ir-rigward, abbozz ta’ regolament li jemenda li qed jiġi eżaminat jipprovdi għal marġini ta’ inċertezza teknika sa 0.43 u għalhekk fattur ta’ konformità CF pollutant normali, imsejjaħ “finali” ta’ 1.43.

104    Il-Kummissjoni tiddeduċi miċ-ċirkustanzi legali u storiċi tal-adozzjoni tar-regolament ikkontestat li dan ma jikkostitwixxi bl-ebda mod “permess għat-tniġġis” jew tnaqqis tal-livell ta’ ħarsien ambjentali, imma għall-kuntrarju jsaħħaħ l-għodda legali għall-ġlieda kontra t-tniġġis tal-arja billi jipprekludi l-approvazzjoni ta’ tipi ta’ vetturi mgħammra b’apparati ta’ manipulazzjoni pprojbiti.

105    Sabiex tirrispondi b’mod iktar preċiż għall-motivi mressqa mir-rikorrenti bbażati fuq l-assenza ta’ kompetenza għall-adozzjoni tar-regolament ikkontestat, il-Kummissjoni tissottometti qabelxejn li l-premessi tal-atti ma għandhomx jikkostitwixxu dispożizzjonijiet li fir-rigward tagħhom jista’ jiġi eżerċitat l-istħarriġ tal-legalità ta’ dan ir-regolament.

106    Imbagħad il-Kummissjoni tfakkar li r-regolament ikkontestat kien ġie adottat abbażi tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 715/2007. Hija tiddeskrivi l-iżvolġiment tal-proċedura ta’ adozzjoni tagħha, fil-qafas tal-proċedura ta’ komitoloġija regolatorja bi skrutinju, u tenfasizza li la l-Parlament u lanqas il-Kunsill ma opponew l-abbozz.

107    Il-Kummissjoni tiċħad li, fir-Regolament ikkontestat, hija kienet emendat element essenzjali tar-Regolament Nru 715/2007, f’dan il-każ il-limiti ta’ emissjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa tal-istandard Euro 6 stabbiliti fl-Anness I ta’ dak ir-regolament, kif isostnu r-rikorrenti. Hija, f’dan ir-rigward, taqbel li l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 715/2007 ma jippermettilhiex li timmodifika jew tissostitwixxi l-limiti stabbiliti fl-Anness I ta’ dan tal-aħħar.

108    Imma, minn naħa, il-limiti stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament Nru 715/2007 jibqgħu applikabbli bis-sħiħ għal testijiet fil-laboratorju, li jkunu l-“pedament” tas-sistema tal-approvazzjoni tat-tip tal-vetturi kkonċernati u li ma jistgħux jiġu ssostitwiti mit-testijiet RDE “inqas stabbli, inqas komprensivi u bbażati fuq teknoloġija differenti”.

109    Min-naħa l-oħra, il-limiti stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament Nru 715/2007 jkunu applikabbli wkoll sabiex it-testijiet RDE u l-fatturi ta’ konformità CF pollutant ma jibdluhomx, biex sempliċiment jippermettu paragunabbiltà, għal raġunijiet marbuta mal-inċertezzi tal-istatistika u t-teknika esposti fil-punti 101 u 102 hawn fuq, bir-riżultati tat-testijiet tal-laboratorju biex jiġi identifikat l-apparat ta’ manipulazzjoni. Il-proċedura tat-testijiet RDE, li tkun miżjuda mat-testijiet fil-laboratorju, organizzata kif spjegat, għalhekk ma jkollhiex effett li temenda elementi essenzjali ta’ dan ir-regolament, imma, għall-kuntrarju, pjuttost biex tiġi żgurata konformità aħjar. Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni tikkontesta b’mod partikolari l-argument imressaq mill-ville de Bruxelles fir-replika tiegħu li l-valuri NTE li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-fatturi ta’ konformità CF pollutant iċaħħdu l-effett utli tal-limiti tal-emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu Euro 6 stabbiliti f’dak l-anness.

110    B’mod iktar partikolari fir-rigward tal-argumenti tal-ville de Paris u ayuntamiento de Madrid intiżi sabiex juru li hija kisret il-forom proċedurali sostanzjali, il-Kummissjoni tqis li, peress li hija kienet kompetenti sabiex tadotta r-regolament ikkontestat, kieku hija osservat il-proċedura prevista għal dan il-għan, jiġifieri l-proċedura ta’ komitoloġija regolatorja bi skrutinju, hija bilfors osservat ir-rekwiżiti formali essenzjali. F’dan ir-rigward hija tfakkar l-iżvolġiment tal-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tar-regolament ikkontestat u tenfasizza li l-Parlament ma opponiex l-abbozz b’maġġoranza, u dan kien suffiċjenti, fid-dawl tar-regoli applikabbli, sabiex titkompla l-proċedura, indipendentement mill-fatt li din il-maġġoranza kienet baxxa.

111    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-allegazzjonijiet ta’ nuqqas ta’ trasparenza tal-proċedura segwita, il-Kummissjoni tesponi li l-possibbiltà, għal-leġiżlatur, li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tissupplimenta jew temenda d-dispożizzjonijiet ta’ att bażiku permezz ta’ dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni li ma jirrigwardawx l-elementi essenzjali kienet ġiet irrikonoxxuta mill-qorti tal-Unjoni (sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 1970, Köster, Berodt & Co., 25/70, EU:C:1970:115) u li issa hija stabbilita fl-Artikoli 290 u 291 TFUE. F’dan il-każ, konsultazzjonijiet pubbliċi u l-opinjoni ta’ esperti kienu ġew, fi kwalunkwe każ, ikkunsidrati għall-implimentazzjoni tat-testijiet RDE.

112    Għandu jiġi rrilevat li, kif ikkonfermat fil-premessi tiegħu, ir-regolament ikkontestat ġie adottat mill-Kummissjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 715/2007. Din id-dispożizzjoni tippermetti lill-Kummissjoni, kif ġie indikat fil-punt 8 iktar ’il fuq, li jiġu ddeterminati l-proċeduri, it-testijiet u r-rekwiżiti speċifiċi għall-approvazzjoni ta’ vetturi, b’mod partikolari fir-rigward tal-emissjonijiet mit-tailpipe u l-apparati ta’ manipulazzjoni, filwaqt li temenda r-Regolament Nru 715/2007 dwar elementi mhux essenzjali, fejn ikun xieraq, billi tissupplimentah.

113    Anki jekk ma huwiex imsemmi fil-premessi tar-regolament ikkontestat, l-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 715/2007, iċċitat fil-punt 10 iktar ’il fuq, li jirrigwarda essenzjalment l-iżvilupp tal-elementi tal-għan tal-Artikolu 5(3) tal-istess regolament, għandu wkoll jiġi kkunsidrat. Fil-fatt, ir-regolament ikkontestat iwassal biex is-suċċess tat-testijiet RDE isir rekwiżit ġdid għall-approvazzjoni ta’ vettura, jiġifieri li jiġi indirizzat l-għan li t-testijiet qabel din l-approvazzjoni “b’tali mod […] jirriflettu b’mod xieraq l-emissjonijiet iġġenerati mis-sewqan attwali fit-toroq”, kif previst fl-Artikolu 14(3) ta’ dan ir-regolament.

114    Skont iż-żewġ dispożizzjonijiet, kemm l-Artikolu 5(3) kif ukoll l-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 715/2007, il-Kummissjoni għandha taġixxi skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju stabbilita fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468, kif espost fil-punt 9 iktar ’il fuq. Il-premessa 7a ta’ din id-deċiżjoni, invokata mir-rikorrenti, li tispeċifika l-portata tal-Artikolu 5a tiegħu, tindika hija stess, kif imsemmi fil-punt 88 iktar ’il fuq, li l-proċedura regolatorja bi skrutinju għandha tiġi segwita “fir-rigward ta’ miżuri ta’ ambitu ġenerali mfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ strument adottat skond il-proċedura msemmija fl-[Artikolu 251 KE], inter alia billi jitneħħew uħud minn dawk l-elementi jew billi l-istrument jiġi supplementat biż-żieda ta’ elementi ġodda mhux essenzjali [iżda li] l-elementi essenzjali ta’ att leġislattiv ma jistgħux jiġu emendati ħlief mil-leġislatur abbażi tat-Trattat”.

115    Peress li r-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni emendat bir-regolament ikkontestat element essenzjali tar-Regolament Nru 715/2007, jiġifieri l-limiti tal-emissjonijiet ta’ ossidi tan-nitroġenu stabbiliti mill-istandard Euro 6 fl-Anness I ta’ dan ir-regolament, l-ewwel kwistjoni li għandha tiġi solvuta hija jekk dawn il-limiti humiex, jew le, element essenzjali ta’ dan ir-regolament li l-Kummissjoni ma tistax temenda fuq il-bażi tal-Artikolu 5(3) u tal-Artikolu 14(3), tal-istess regolament, moqrija flimkien mal-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468. Jekk dan huwa l-każ, għandha tiġi eżaminata t-tieni kwistjoni li hija dwar jekk, meta fir-regolament ikkontestat iddefinixxiet il-valuri NTE tal-emissjonijiet ta’ ossidi tan-nitroġenu li għandhom jiġu osservati matul testijiet RDE u meta ddeterminat il-fatturi ta’ konformità CF pollutant, il-Kummissjoni emendatx il-limiti tal-emissjonijiet stabbiliti fl-istandard Euro 6.

116    Fir-rigward tal-ewwel kwistjoni, jista’ jiġi osservat, mil-lat kuntestwali u teleoloġiku, li l-premessa 3 tar-Regolament Nru 715/2007 tgħid li “dan ir-Regolament jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet fundamentali dwar l-emissjonijiet mill-vetturi, filwaqt li l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jiġu stabbiliti permezz tal-miżuri ta’ implimentazzjoni adottati wara l-proċeduri ta’ kumitoloġija”. Il-premessa 4 ta’ dan ir-regolament imbagħad jgħid li “tnaqqis ulterjuri ta’ l-emissjonijiet mis-settur tat-trasport […] mis-setturi ta’ l-enerġija, tal-biedja u tal-industrija biex jinkisbu l-għanijiet ta’ l-UE dwar il-kwalità ta’ l-arja” li “f’dan il-kuntest, il-ħidma biex jitnaqqsu l-emissjonijiet minn vetturi għandha tiġi affrontata bħala parti minn strateġija globali” u li l-“istandards Euro 5 u 6 huma waħda mill-miżuri mfassla biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ partikulat u ta’ prekursuri ta’ l-ożonu, bħal ma huma l-ossidi tan-nitroġenu u l-idrokarburi”. Il-premessa 5 ta’ dan ir-regolament tippreċiża li jeħtieġu “sforzi kontinwi biex jitnaqqsu l-emissjonijiet mill-vetturi sabiex jintlaħqu l-objettivi ta’ l-UE rigward il-kwalità ta’ l-arja” u li għal dik ir-raġuni “l-industrija għandha tingħata informazzjoni ċara dwar il-valuri ta’ limitu u li “apparti l-Euro 5, dan ir-Regolament jinkludi l-istadju Euro 6 tal-valuri ta’ limitu għall-emissjonijiet”. Il-premessa 6 tal-istess regolament iżid jgħid li “hemm bżonn ta’ tnaqqis konsiderevoli ta’ l-emissjonijiet ta’ l-ossidju tan-nitroġenu biex tittejjeb il-kwalità ta’ l-arja u biex ikun hemm konformità mal-valuri ta’ limitu għat-tniġġis” u li “jeħtieġ li, fl-istadju Euro 6, jintlaħqu valuri ta’ limitu ambizzjużi […].”

117    Id-dispożizzjonijiet li ġejjin tar-Regolament Nru 715/2007 għandhom jittieħdu wkoll inkunsiderazzjoni. L-Artikolu 1 jippreċiża li dan ir-regolament “jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi komuni għall-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur […] għall-kontroll tat-tniġġis fir-rigward ta’ l-emissjonijiet tagħhom”. L-Artikolu 4(1) jiddisponi li l-“manifatturi għandhom juru lil-vetturi ġodda kollha mibjugħa, reġistrati jew mqiegħda fis-servizz fil-Komunità għandhom l-approvazzjoni tat-tip skond dan ir-Regolament u l-miżuri ta’ implimentazzjoni tiegħu” u li dawn “l-obbligi jinkludu r-rispett tal-limiti ta’ emissjoni stabbiliti fl-Anness I u l-miżuri ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 5”. L-Artikolu 4(2) jindika li l-“miżuri tekniċi meħuda mill-manifattur jridu jkunu tali li jiġi żgurat li l-emissjonijiet mit-tailpipe jew evaporattivi huma effettivament limitati, skond dan ir-Regolament, tul il-ħajja normali tal-vettura li tintuża f’kundizzjonijiet normali” u li l-“konformità waqt is-servizz għandha tkun ikkontrollata b’mod partikulari għall-emissjonijiet mit-tailpipe kif ittestjati mal-limiti ta’ emissjoni stabbiliti fl-Anness I”. L-Artikolu 10 jobbliga lill-Istati Membri, skont l-iskeda stipulata li jqisu l-kategoriji differenti ta’ vetturi, jirrifjutaw li jagħtu l-approvazzjoni tat-tip jew ir-reġistrazzjoni, il-bejgħ u d-dħul fis-servizz ta’ vetturi ġodda, meta “ma jkunux konformi ma’ dan ir-Regolament u l-miżuri ta’ implimentazzjoni tiegħu, b’mod partikolari il-valuri ta’ limitu tal-emissjonijiet [Euro 5 jew Euro 6] stabbiliti fl-Anness I.”

118    Jirriżulta mill-premessi u d-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punti 116 u 117 iktar ’il fuq li l-limiti tal-emissjonijiet ta’ ossidi tan-nitroġenu stabbiliti mill-istandard Euro 6, stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament Nru 715/2007, huma element essenzjali ta’ dan tal-aħħar kif ukoll l-element ċentrali, peress li d-dispożizzjonijiet kollha ta’ dan ir-regolament għandhom biss l-għan li jiżguraw l-osservanza ta’ dawn il-limiti, ma’ oħrajn dwar l-emissjonijiet li jniġġsu, matul il-ħajja normali tal-vetturi f’kundizzjonijiet ta’ użu normali u li l-limiti tal-emissjonijiet ta’ ossidi tan-nitroġenu għandhom jiġu ddefiniti fir-regolament innifsu (fl-Anness I, li huwa parti integrali tiegħu), li ġew iddefiniti qabel kollox mill-Parlament u mill-Kunsill, u li ebda dispożizzjoni tar-regolament ma tawtorizza espressament lill-Kummissjoni temendahom fil-kuntest ta’ setgħat ta’ implimentazzjoni.

119    F’dan ir-rigward, a contrario, dwar il-partikulati, iddefiniti fl-Artikolu 3(5) tar-Regolament Nru 715/2007 bħala mhux gassużi fil-gass tat-tailpipe, l-Artikolu 14(2) tal-istess regolament jindika li l-Kummissjoni għandha, wara t-tlestija ta’ programm ta’ kejl ta’ partikulati mmexxi fil-qafas tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti u mhux iktar tard mid-dħul fis-seħħ tal-istandard Euro 6, “tikkalibra mill-ġdid” il-valuri ta’ limitu ta’ partikulati bbażati fuq il-massa tal-partikulati li jidhru fl-Anness I u jiddaħħlu f’dan l-anness valuri ta’ limitu bbażati fuq in-numru ta’ partikulati. L-assenza ta’ dispożizzjoni simili fir-rigward tal-valuri ta’ limitu tal-emissjonijiet ta’ ossidi tan-nitroġenu, jikkonferma li l-Parlament u l-Kunsill ma kellhomx l-intenzjoni li jagħtu lill-Kummissjoni s-setgħa li temendahom. In-natura ta’ eċċezzjoni tad-dispożizzjoni dwar il-partikulati huwa kkonfermat ukoll minn dispożizzjonijiet oħra tal-Artikolu 14 ta’ dan ir-regolament, jiġifieri l-paragrafi 4 u 5, fejn l-introduzzjoni eventwali ta’ limiti ta’ emissjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa addizzjonali jew l-emenda ta’ limiti għall-emissjonijiet ta’ monossidu tal-karbonju u idrokarburi mit-tailpipe wara test ta’ startjar kiesaħ, għandha twassal għal proposti tal-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill. Għaldaqstant, ħlief għal dak li jikkonċerna l-partikulati, l-iffissar jew l-emenda tal-valuri ta’ limitu tal-emissjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa, bħal ossidi tan-nitroġenu, minn vetturi li huma s-suġġett ta’ dan ir-regolament jappartjenu għall-Parlament u l-Kunsill.

120    Il-limiti tal-emissjonijiet ta’ ossidi tan-nitroġenu stabbiliti mill-istandard Euro 6 fl-Anness I tar-Regolament Nru 715/2007, għalhekk jikkostitwixxu element essenzjali ta’ dan tal-aħħar, li ma jistax jinbidel mill-Kummissjoni permezz tal-proċedura ta’ komitoloġija regolatorja bi skrutinju, kif fuq kollox taqbel hija stess, kif indikat fil-punt 107 iktar ’il fuq.

121    Fir-rigward tat-tieni kwistjoni, il-Kummissjoni ssostni li, peress li fir-regolament ikkontestat il-valuri NTE ta’ emissjonijiet ta’ ossidi tan-nitroġenu li għandhom jiġu osservati matul it-testijiet RDE għad-determinazzjoni tal-fatturi ta’ konformità CF pollutant, ma bidlitx il-limiti tal-emissjonijiet ta’ ossidi tan-nitroġenu stabbiliti għall-istandard Euro 6, stabbilit fl-Anness I tar-Regolament Nru 715/2007. Għandu jitfakkar li l-fatturi ta’ konformità CF pollutant kkonstatati fir-regolament ikkontestat għall-ossidi tan-nitroġenu huma ta’ 2.1, wara talba tal-manifattur tal-vettura konċernat għal perijodu tranżitorju li jintemm, skont il-kategoriji ta’ vetturi u n-natura tad-dokumenti mitluba, bejn il‑31 ta’ Diċembru 2019 u l‑31 ta’ Diċembru 2021, u, normalment, ta’ 1.5. Użati b’fattur li jimmultiplika l-limiti tal-emissjonijiet Euro 6, jippermettu li wieħed jasal għall-valuri tal-emissjonijiet NTE. Essenzjalment, il-Kummissjoni ssostni li l-limiti tal-emissjonijiet ta’ ossidi tan-nitroġenu stabbiliti mill-istandard Euro 6 jibqgħu japplikaw mhux biss għal testijiet fil-laboratorju, imma li dawn issa japplikaw ukoll għat-testijiet RDE, peress li l-fatturi ta’ konformità CF pollutant huma biss elementi ta’ korrezzjoni statistika u teknika.

122    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, qabel kollox, li jirriżulta mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 715/2007, li jgħid li “il-miżuri tekniċi meħuda mill-manifattur jridu jkunu tali li jiġi żgurat li l-emissjonijiet mit-tailpipe jew evaporattivi huma effettivament limitati, skond dan ir-Regolament, tul il-ħajja normali tal-vettura li tintuża f’kundizzjonijiet normali”, li l-limiti tal-emissjonijiet ta’ ossidi tan-nitroġenu stabbiliti mill-istandard Euro 6 fl-Anness I ta’ dak ir-regolament għandhom jiġu osservati f’kundizzjonijiet ta’ sewqan reali u, għalhekk, waqt it-testijiet uffiċjali f’sewqan reali qabel l-approvazzjoni. Il-Kummissjoni dan ma tikkontestahx, peress li hija tal-fehma li dan huwa l-każ.

123    F’dan ir-rigward, l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li l-limiti tal-emissjonijiet ta’ ossidi tan-nitroġenu stabbiliti mill-istandard Euro 6 fl-Anness I tar-Regolament Nru 715/2007 jibqgħu applikabbli bis-sħiħ għat-testijiet f’laboratorji, anki jekk huwa minnu, li ma huwiex rilevanti, peress li dawn il-limiti għandhom ukoll jiġu osservati fit-testijiet RDE. Fir-rigward tal-argument li testijiet fil-laboratorju huma l-“pedament” ta’ kontroll ta’ emissjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa minn vetturi, imsemmi fil-punt 108 iktar ’il fuq, dan imur kontra l-fatt li, preċiżament, il-kundizzjonijiet ta’ dawn it-testijiet huma remoti wisq mill-kundizzjonijiet ta’ sewqan reali biex jippermettu weħedhom il-konformità mar-regoli dwar l-emissjonijiet tas-sustanzi niġġiesa tal-vetturi kif stabbilit f’dan ir-regolament, kif kien diġà qed jidher mill-premessa 15 ta’ dan ir-regolament u kif jindikaw dan espliċitament il-premessi 1, 2 u 4 tar-Regolament 2016/427, li daħħal it-testijiet RDE fir-regolament, l-istess bħall-premessi 3 u 7 tar-regolament ikkontestat. Jekk it-testijiet fil-laboratorju jipprovdu informazzjoni ddettaljata u utli ħafna dwar l-“aġir” ta’ vetturi, b’mod partikolari bis-sostituzzjoni tat-testijiet NEDC bit-testijiet WLTP, huma, għalhekk, ma jpoġġux it-testijiet RDE f’livell sekondarju.

124    F’dan ir-rigward, anki jekk it-testijiet RDE għandhom restrizzjonijiet partikolari, partikolarment il-ġestjoni ta’ ċerti marġini ta’ inċertezza, kif tispjega l-Kummissjoni, huma maħsuba biex jinftiehmu aħjar il-kundizzjonijiet ta’ użu normali tal-vetturi milli permezz tat-testijiet fil-laboratorju, kif spjegat fil-premessi tar-Regolament Nru 2016/427 u tar-regolament ikkontestat msemmija fil-punt 123 iktar ’il fuq. B’mod partikolari, il-premessa 4 tar-Regolament Nru 2016/427 tindika li l-għan ta’ dan ix-xogħol li wassal għal testijiet RDE ddefiniti f’dan ir-regolament kien “għall-iżvilupp ta’ proċedura għall-ittestjar […] (RDE) li tkun tirrifletti aħjar l-emissjonijiet imkejla fuq it-triq”.

125    L-importanza tat-testijiet RDE ġiet imsaħħa wkoll meta l-portata legali ta’ dawn it-testijiet imsemmija kienet ġiet emendata mir-regolament ikkontestat li, kif sostniet il-Kummissjoni, mid-dati tal-applikazzjoni tal-valuri NTE tal-emissjonijiet ta’ ossidi tan-nitroġenu li dan jiddefinixxi, dawn it-testijiet ma jibqgħux iktar jiġu applikati biss “għall-finijiet ta’ sorveljanza”, imma r-riżultati tagħhom jaffettwaw il-possibbiltà li tinkiseb l-approvazzjoni tat-tip u, sussegwentement, il-possibbiltà ta’ reġistrazzjoni, il-bejgħ, id-dħul fis-servizz u ċ-ċirkulazzjoni fit-triq tal-vetturi kkonċernati.

126    Għalhekk, l-eżistenza parallela ta’ testijiet fil-laboratorju u testijiet RDE ma għandha l-ebda impatt fuq l-obbligu li jiġu osservati l-limiti tal-emissjonijiet ta’ ossidi tan-nitroġenu stabbiliti għall-istandard Euro 6 fl-Anness I tar-Regolament Nru 715/2007 f’kundizzjonijiet reali tas-sewqan u, għalhekk, waqt it-testijiet RDE.

127    F’dawn il-kundizzjonijiet, l-iffissar mill-Kummissjoni stess, permezz ta’ fatturi ta’ konformità CF pollutant, ta’ valuri NTE ta’ emissjonijiet ta’ ossidi tan-nitroġenu li ma għandhomx jinqabżu matul it-testijiet RDE, li jaqbżu l-limiti tal-emissjonijiet Euro 6 stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament Nru 715/2007, ma jistax jiġi aċċettat fl-istat attwali tad-dritt applikabbli.

128    Fil-fatt, dan iwassal de facto għall-emenda tal-limiti tal-emissjonijiet ta’ ossidi tan-nitroġenu stabbiliti mill-istandard Euro 6 li jidhru fl-Anness I tar-Regolament Nru 715/2007 għat-testijiet tal-emissjonijiet, filwaqt li dawn il-limiti għandhom japplikaw, kif jirriżulta mill-punt 122 iktar ’il fuq.

129    Għandu jiġi enfasizzat f’dan ir-rigward li s-sistema biex jiddaħħal koeffiċjent (il-fattur ta’ konformità CF pollutant), multiplikatur tal-limiti tal-emissjonijiet ta’ ossidi tan-nitroġenu stabbiliti mill-istandard Euro 6, wassal neċessarjament għall-emenda ta’ din ir-regola nnifisha, kuntrarjament għal sistema li tqis il-prestazzjonijiet u l-iżbalji possibbli tal-apparat tal-kejl li jagħmel korrezzjonijiet lill-kejl innifsu, imma mhux għal limiti li għandhom jiġu osservati. Fil-fatt, jekk il-marġini ta’ żball fuq il-kejl ikkonstatat jibqa’ fi proporzjonijiet suffiċjentement stretti, it-tieni tip ta’ sistema tippermetti li jiġi vverifikat bi grad ta’ affidabbiltà raġonevoli li l-limiti huma osservati.

130    Issa, l-emenda tal-limiti tal-emissjonijiet ta’ ossidi tan-nitroġenu stabbiliti mill-istandard Euro 6 fl-Anness I tar-Regolament Nru 715/2007 peress li tikkostitwixxi, kif intqal fil-punt 120 iktar ’il fuq, l-emenda ta’ element essenzjali ta’ dan ir-regolament, il-Kummissjoni ma kinitx kompetenti tagħmel din il-bidla skont is-setgħat ta’ eżekuzzjoni tagħha mwettqa fil-kuntest tal-proċedura ta’ komitoloġija regolatorja bi skrutinju skont l-Artikolu 5(3) u l-Artikolu 14(3) ta’ dan ir-regolament.

131    Din il-konklużjoni ma titpoġġiex fid-dubju għall-fatt li l-eżistenza ta’ fatturi ta’ konformità CF pollutant u ta’ valuri NTE tal-emissjonijiet ta’ ossidi tan-nitroġenu kienet ġiet prevista fir-Regolament 2016/427, li ma kienx is-suġġett ta’ rikors għal annullament. Minn naħa, dan ir- regolament, li huwa wkoll regolament tal-Kummissjoni, ma jistax “jgħatti” l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 715/2007, eżaminati fil-punti 112 sa 120 iktar ’il fuq, li jiddeterminaw il-portata tas-setgħat ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni, u, min-naħa l-oħra, huwa r-regolament ikkontestat stess li jwassal biex japplikaw għall-emissjonijiet ta’ ossidi tan-nitroġenu, fit-testijiet RDE, valuri NTE ogħla mil-limiti stabbiliti mill-istandard Euro 6, minflok dawn tal-aħħar, biex dawn il-valuri jsiru vinkolanti sabiex jiġi determinat is-suċċess jew il-falliment ta’ dawn it-testijiet.

132    Il-motivi ta’ annullament tar-rikorrenti bbażati fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni għandhom b’hekk jintlaqgħu, sa fejn huma intiżi għall-fatturi ta’ konformità CF pollutant stabbiliti fir-regolament ikkontestat, li minnu jirriżultaw il-valuri NTE ta’ emissjonijiet ta’ ossidi tan-nitroġenu.

133    Sussidjarjament, anki jekk, bil-kontra ta’ dak li hu deċiż iktar ’il fuq, il-Kummissjoni tista’ minkejja dan tistabbilixxi fatturi ta’ konformità CF pollutant biex jittieħdu inkunsiderazzjoni ċerti inċertezzi, għandu jiġi ppreċiżat li hija ma setgħetx fi kwalunkwe każ iżżomm il-livelli li jidhru fir-regolament ikkontestat filwaqt li tiġi osservata l-portata tas-setgħat ta’ implimentazzjoni tagħha. Dawn il-livelli ma jippermettux, bi grad ta’ affidabbiltà raġonevoli, li tiġi vverifikata l-konformità mal-limiti tal-emissjonijiet ta’ ossidi tan-nitroġenu stabbiliti għall-istandard Euro 6 fl-Anness I tar-Regolament Nru 715/2007 waqt it-testijiet RDE, filwaqt li dawn il-limiti għandhom japplikaw, fid-dawl ta’ dak li ntqal fil-punt 122 iktar ’il fuq.

134    Fil-fatt, fid-dawl tal-valur għoli ħafna tal-fatturi ta’ konformità CF polluant magħżula, ta’ 2.1 u 1.5, il-livelli ta’ emissjoni ta’ ossidi tan-nitroġenu mkejla waqt it-testijiet RDE jistgħu jkunu, rispettivament, sa iktar minn darbtejn ogħla u sa darba u nofs ogħla mil-limiti ta’ dawn l-emissjonijiet stabbiliti għall-istandard Euro 6 fl-Anness I tar-Regolament Nru 715/2007 mingħajr ma test jitqies negattiv. Biex jittenna l-eżempju mogħti mir-rikorrenti, dan jippermetti għal vettura privata diesel, li l-emissjonijiet ta’ ossidi tan-nitroġenu jkunu limitati skont l-istandard Euro 6 għal 80 mg/km li tgħaddi b’suċċess it-test RDE jekk tibqa’ taħt kejl ta’ 168 mg/km matul il-fażi tranżitorja u jekk tibqa’ taħt kejl ta’ 120 mg/km wara din il-fażi. Ta’ min ifakkar li l-limitu stabbilit għall-istandard Euro 5 kien ta’ 180 mg/km għall-istess tip ta’ vettura.

135    Issa, anki jekk wieħed jaċċetta bħala preċiżi l-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-Kummissjoni dwar il-marġini ta’ inċertezza teknika u statistika li kienu jiġġustifikaw il-fatturi ta’ konformità CF pollutant kkonstatati fir-regolament ikkontestat, il-valuri NTE tal-emissjonijiet ta’ ossidi tan-nitroġenu li jirriżultaw minnu ma jippermettux li jiġi vverifikat, b’livell raġonevoli ta’ kunfidenza, jekk il-limiti ta’ dawn l-emissjonijiet Euro 6 stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament Nru 715/2007 humiex issodisfatti minn vettura waqt test RDE.

136    Fil-fatt, anki b’limitazzjoni għas-sempliċi applikazzjoni tal-fattur ta’ konformità CF pollutant normali msejjaħ “finali” ta’ 1.5, spjegat mill-eżistenza ta’ marġini ta’ inċertezza teknika ta’ 0.5 jew ta’ 50 %, għandu jiġi kkonstatat illi marġini ta’ żball ta’ 50 % jirrappreżenta nofs dak li suppost jitkejjel u li, jekk dan il-marġini jiġi kkonvertit f’marġini ta’ żball ġenwin meta mqabbel mal-kejl tal-apparat, iwassal għal marġini ta’ 33 % (wieħed jammetti li kejl għal 120 mg/km jista’ jikkorrispondi fir-realtà għal emissjonijiet ta’ 80 mg/km, jiġifieri terz inqas mill-kejl). Dan ifisser li ma jistax jiġi ddeterminat wara test RDE jekk il-vettura tat-test tissodisfax jew le dawn il-limiti, jew anki l-approċċ. Għalhekk, meta jittieħed inkunsiderazzjoni tali fattur, jekk PEMS juru, wara test RDE ta’ vettura privata diesel, livell ta’ emissjonijiet ta’ ossidi tan-nitroġenu ta’ 120 mg/km, dan jista’ jfisser it-tliet affarijiet li ġejjin: jew li l-prodott jagħti kejl preċiż u l-vettura tarmi 120 mg/km ta’ ossidi tan-nitroġenu, jiġifieri darba u nofs iktar minn dak li huwa l-istandard Euro 6 awtorizzat; jew l-apparat jista’ jkun qed jagħmel żbalji ta’ kejl ta’ daqs li jikkorrispondi mal-marġini ta’ inċertezza teknika mogħtija mill-Kummissjoni u dan jista’ jfisser li l-vettura fil-fatt tarmi biss 80 mg/km ta’ ossidi tan-nitroġenu, jiġifieri li tikkonforma ma’ dan l-istandard, jew, għall-kuntrarju, jekk l-apparat żbalja bil-kontra, li l-vettura fil-fatt tarmi 160 mg/km ta’ ossidi tan-nitroġenu, jiġifieri darbtejn iktar milli jippermetti dan l-istandard. Issa, kuntrarjament għal dak li indikat essenzjalment il-Kummissjoni matul is-seduta bi tweġiba għall-mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, xejn ma jiggarantixxi li l-ittestjar fil-laboratorju neċessarjament “jaqbad” il-vettura li tniġġes wisq li għaddiet b’suċċess it-test RDE minħabba l-marġini ta’ inċertezza teknika. Ma hemm l-ebda garanzija li, pereżempju, karozza diesel “imkejla” f’100 mg/km waqt it-test RDE u li effettivament tarmi ossidi tan-nitroġenu f’dak il-livell jew ogħla matul dan it-test turi iktar minn 80 mg/km ta’ emissjonijiet ta’ ossidi tan-nitroġenu waqt it-test fil-laboratorju. Kieku t-testijiet tal-laboratorju kienu tant affidabbli, it-testijiet RDE lanqas biss ma kienu jkunu meħtieġa. A fortiori, il-problemi identifikati iktar ’il fuq jeżistu jekk jintuża l-fattur ta’ konformità CF pollutant provviżorju ta’ 2.1.

137    Għalhekk, l-iskala tal-inċertezza li tirriżulta mill-valur tal-fatturi ta’ konformità CF pollutant li jidhru fir-regolament ikkontestat ma tippermettix fi kwalunkwe każ, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, li jiġu applikati l-limiti tal-emissjonijiet ta’ ossidi tan-nitroġenu stabbiliti mill-istandard Euro 6 fl-Anness I tar-Regolament Nru 715/2007 waqt it-test RDE, wara li jitqiesu d-diskrepanzi kbar ħafna bejn dawn il-limiti u r-realtà tal-volumi ta’ ossidi ta’ nitroġenu emessi matul dawn it-testijiet, filwaqt li l-valuri NTE ta’ dawn l-emissjonijiet ma jinqabżux skont il-kejl mill-PEMS. L-iskala tal-inċertezza twassal għalhekk de facto biex jiġu emendati dawn il-limiti għal dawn it-testijiet, filwaqt li dawn il-limiti għandhom, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 715/2007, jiġu osservati f’kundizzjonijiet ta’ sewqan reali u, għalhekk, waqt it-testijiet uffiċjali f’sewqan reali qabel l-approvazzjoni, kif imsemmi fil-punt 122 iktar ’il fuq. Għalhekk, il-Kummissjoni kisret ukoll, għal dawn ir-raġunijiet, il-limiti tal-kompetenza tagħha f’dan ir-rigward, kif espost fil-punt 132 iktar ’il fuq.

138    B’mod iktar sussidjarju, jista’ jiġi rrilevat, fir-rigward tal-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-Kummissjoni sabiex tiġġustifika speċifikament il-fattur ta’ konformità CF pollutant provviżorju ta’ 2.1 b’marġini ta’ inċertezza statistika ta’ 0.6 flimkien ma’ marġini ta’ inċertezza teknika ta’ 0.5 applikat għall-fattur ta’ konformità CF pollutant normali, imsejjaħ “finali”, li dawn l-ispjegazzjonijiet ma humiex konvinċenti fid-dawl tal-għan li l-Kummissjoni tgħid li ssegwi għall-infurzar tal-limiti tal-emissjonijiet ta’ ossidi tan-nitroġenu stabbiliti mill-istandard Euro 6 msemmija fl-Anness I tar-Regolament Nru 715/2007 għat-testijiet RDE.

139    F’dan ir-rigward, skont il-Kummissjoni, il-marġini ta’ inċertezza statistika provviżorja ta’ 60 %, tkun marbuta ma’ vjaġġi differenti possibbli li jistgħu jsiru minn min iwettaq testijiet. Ċertament, mingħajr istruzzjonijiet speċifiċi, sewwieqa differenti li tingħatalhom l-istess vettura għas-sewqan fit-triq għal ċertu tul ta’ żmien jiġu lura b’riżultati ferm differenti skont l-istil ta’ sewqan tagħhom, ir-rotot li huma effettivament użaw, u l-kundizzjonijiet tat-traffiku. Madankollu, b’mod ġenerali, kwalunkwe preġudizzji jew inċertezzi tal-istatistika (riskju ta’ nuqqas ta’ rappreżentattività tar-riżultati meta mqabbla mar-realtà ġenerali) jikkoreġu ruħhom permezz ta’ xogħol fuq ir-rappreżentattività tal-kampjun jew tal-esperjenza (f’dan il-każ ir-rappreżentattività tat-test) jew in-numru ta’ esperjenzi (f’dan il-każ in-numru ta’ testijiet) magħmula, u mhux li r-riżultati jistgħu jkunu vvizzjati b’marġini ta’ żball ta’ 60 %. F’dan il-każ, huwa bl-impożizzjoni ta’ vjaġġ rappreżentattiv biżżejjed tal-użu medju reali ta’ vettura (tipi ta’ użi – rotta-belt-awtostrada – u kundizzjonijiet tat-traffiku) u b’impożizzjoni ta’ stil ta’ sewqan “medju” li jistgħu jiġu evitati żbalji sinjifikattivi meta mqabbla ma’ tali użu. Waqt is-seduta, il-Kummissjoni barra minn hekk semmiet hija stess diversi elementi mill-Anness III A tar-Regolament Nru 692/2008, li jiddefinixxi l-kundizzjonijiet tat-test RDE, f’dan is-sens: it-tliet tipi ta’ rotot – triq, belt, awtostrada– għandhom ikunu kważi bbilanċjati fit-tul, it-testijiet għandhom isiru f’jum tax-xogħol sa għoli ta’ 700 metru u jkun previst qafas ta’ veloċitajiet. F’dawn il-kundizzjonijiet, il-varjazzjoni aleatorja tal-ħin totali ta’ rotot bejn siegħa u nofs u sagħtejn, intiża li tegħleb l-intervent jew id-diżattivazzjoni f’mument preċiż ta’ apparat ta’ manipulazzjoni eventwali, ma għandhiex twassal għal riżultati ferm differenti skont it-tul attwali tat-testijiet.

140    Barra minn hekk, anki jekk huwa possibbli, kif sostniet il-Kummissjoni waqt is-seduta, li rotta fl-Estonja wara nofsinhar fis-sajf tagħti riżultati “aħjar” minn rotta fil-Lussemburgu fix-xitwa fis-sigħat ta’ filgħodu, minn naħa, il-kontenut tal-Anness III A għandu jiżgura li ma jkunx hemm wisq differenzi bejn il-karatteristiċi taż-żewġ rotot (test estrem wisq – temp kiesaħ wisq, wisq konġestjoni — huwa eskluż) u, min-naħa l-oħra, ir-Regolament Nru 715/2007, li jistabbilixxi l-valuri ta’ limitu tal-emissjonijiet ta’ ossidi tan-nitroġenu għall-istandard Euro 6, ma jipprovdix li dawn il-limiti jkunu ogħla fil-Lussemburgu milli fl-Estonja. Dawn għandhom jiġu rrispettati kullimkien fl-Unjoni Ewropea, bħala “limiti massimi”. It-testijiet RDE għandhom preċiżament bħala għan li jiġi żgurat li dan huwa l-każ f’kundizzjonijiet li, mingħajr ma jkunu estremi, għandhom ikunu rappreżentattivi tar-realtà tal-użu tal-karozzi, inkluż fil-Lussemburgu.

141    Barra minn hekk, kif ikkonfermat il-Kummissjoni fis-seduta bi tweġiba għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, l-istess tip ta’ vettura ma għandhiex tkun suġġetta għal sensiela ta’ testijiet RDE fejn ir-riżultati ikunu amalgamati bit-tama li statistikament ikunu rappreżentattivi. Huwa minnu li jista’ jkun hemm it-tieni test jekk ikun seħħ fatt partikolari fl-ewwel wieħed u jista’ jkun hemm test RDE għall-approvazzjoni tat-tip u mbagħad, iktar tard, testijiet addizzjonali sabiex tiġi vverifikata l-persistenza, matul il-ħajja tal-vettura, tal-konformità mal-limiti tal-emissjonijiet ta’ ossidi tan-nitroġenu (dawn it-testijiet tal-konformità waqt is-servizz għadhom ma humiex applikati). It-testijiet RDE isiru wkoll, għaliex huma kkumplikati u għaljin ħafna, skont “familji ta’ testijiet” li jistgħu jiġbru diversi tipi ta’ vetturi simili, impoġġija fl-istess “familja” mill-manifattur u hija biss għażla ta’ tipi li hija verament suġġett tat-testijiet, kif previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(10) tar-Regolament Nru 692/2008, moqri flimkien mal-Anness III A, l-Appendiċi 7. F’dawn iċ-ċirkustanzi, fil-prattika, l-iktar ċerti vetturi tal-istess “familja” ikunu fl-istess ħin is-suġġett ta’ test RDE, imma ma tkunx saret sensiela ta’ testijiet RDE għall-istess vettura, tip ta’ vettura jew anki “familja” ta’ tipi ta’ vetturi li minnhom, b’xi mod, tittieħed “medja” statistika. Kull vettura ttestjata, bħala rappreżentant uniku ta’ tip differenti ta’ “familja”, għandha tissodisfa t-test RDE sabiex il-“familja” kollha li tappartjeni għaliha tiġi kkunsidrata bħala li wettqet b’suċċess it-testijiet RDE, kif jirriżulta mill-punti 4.1.1 u 4.1.2 tal-Appendiċi 7 imsemmi iktar ’il fuq. Dan jikkonferma wkoll il-fatt li l-limiti ta’ emissjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa ddefiniti fl-istandards Euro ma humiex valuri li għandhom jintlaħqu fil-qafas ta’ approċċ ġenerali, imma dawn huma limiti li għandhom jiġu osservati minn kull vettura.

142    Dan kollu wassal lill-Qorti Ġenerali sabiex tiddubita dwar il-fondatezza tal-invokazzjoni, mill-Kummissjoni, ta’ żbalji possibbli ta’ natura statistika. L-elementi mressqa mill-Kummissjoni jidhru li jpoġġu fid-dubju l-adegwatezza ta’ test RDE li jirrifletti r-realtà tas-sewqan fit-triq. Issa, mingħajr ma tippretendi li hi espert tekniku, il-Qorti Ġenerali tosserva li t-testijiet RDE ġew “immaturati” fit-tul, peress li l-Kummissjoni tindika, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, li l-ħidma dwar dawn bdiet f’Jannar 2011, li t-testijiet tal-istess natura huma applikati b’mod operazzjonali minn din l-istess sena għal vetturi tqal u dawn ġew applikati biss “għall-finijiet ta’ sorveljanza” għall-vetturi suġġetti għar-Regolament Nru 715/2007 ħlief għal perijodu qasir, bejn l‑20 ta’ April 2016, data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 2016/427, u, għal ċerti vetturi, fl‑1 ta’ Settembru 2017, l-ewwel data ta’ applikazzjoni effettiva tal-valuri NTE ta’ emissjonijiet ta’ ossidi tan-nitroġenu fil-kuntest tal-approvazzjonijiet tat-tip. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ikun sorprendenti li l-Kummissjoni ma kellhiex iż-żmien li tippreċiża u tistandardizza t-testijiet RDE biżżejjed biex ikunu rappreżentattivi tal-kundizzjonijiet ta’ sewqan reali fit-triq sabiex tiġi evitata f’dan ir-rigward inċertezza fuq skala ta’ 60 % fir-riżultati tagħhom. Il-qofol tar-Regolament 2016/427, li daħħal l-Anness III A tar-Regolament Nru 692/2008, b’mod partikolari l-punti 4 et seq. u l-ħdax-il Appendiċi tiegħu, li jirrappreżentaw madwar 120 paġna f’verżjoni kkonsolidata disponibbli online fid-database tal-EUR-Lex, jikkonsisti barra minn hekk f’deskrizzjoni b’mod preċiż ħafna f’hiex jikkonsisti test RDE u kif dan għandu jsir. Barra minn hekk, anki għalkemm għad hemm xi varjazzjonijiet ta’ riżultati ta’ testijiet RDE ta’ diversi tipi ta’ vetturi li jappartjenu għall-istess “familja”, jew jekk kienx hemm tali varjazzjonijiet bejn żewġ testijiet tal-istess vettura, huwa inerenti fil-kunċett stess ta’ test ta’ dan it-tip.

143    Peress li l-marġini ta’ inċertezza ta’ 60 % marbut mal-fattur ta’ konformità CF pollutant provviżorja 2.1 ma jidhirx li huwa ġġustifikat mill-problemi statistiċi invokati mill-Kummissjoni, din tal-aħħar għalhekk fi kwalunkwe każ ma wrietx li dan il-fattur provviżorju kien jippermetti li tiġi vverifikata l-konformità mal-limiti ta’ emissjonijiet ta’ ossidi tan-nitroġenu stabbiliti mill-istandard Euro 6 fl-Anness I tar-Regolament Nru 715/2007 meta jsiru t-testijiet RDE.

144    Għaldaqstant hemm lok, għar-raġunijiet esposti fil-punti 138 u 143 iktar ’il fuq, li jiġi kkonfermat, b’mod iktar sussidjarju, li t-twaqqif ta’ fattur ta’ konformità CF pollutant provviżorju 2.1 iwassal de facto biex jiġu emendati l-imsemmija limiti għat-testijiet RDE, filwaqt li dawn il-limiti għandhom, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 715/2007, jiġu osservati f’kundizzjonijiet ta’ sewqan reali u, għalhekk, waqt it-testijiet uffiċjali f’kundizzjonijiet ta’ sewqan reali qabel l-approvazzjoni, kif imsemmi fil-punt 122 iktar ’il fuq. Għaldaqstant, il-Kummissjoni wkoll, għal dawn ir-raġunijiet, kisret il-limiti tal-kompetenza tagħha f’dan ir-rigward, kif espost fil-punt 132 iktar ’il fuq.

145    Min-naħa l-oħra, il-motivi bbażati fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni ma ġewx diskussi fir-rigward tal-aspetti l-oħra tar-regolament ikkontestat li, barra minn hekk ma humiex, b’mod ġenerali, ikkritikati mir-rikorrenti. Għalhekk dawn ma jistgħux jintlaqgħu għal dak li jirrigwarda dawn l-aspetti l-oħra ħlief jekk dawn ma jkunux separabbli mill-fatturi ta’ konformità CF pollutant kkonstatati fir-regolament ikkontestat. Din il-kwistjoni ser tiġi eżaminata iktar ’il quddiem fil-kuntest tal-eżami tal-portata tal-annullament li se jingħata.

–       Fuq il-motivi l-oħra mressqin mir-rikorrenti

146    Kif indikat fil-punt 85 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti sostnew ukoll motivi bbażati fuq il-ksur, fil-mertu, ta’ diversi dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni u allegaw li l-Kummissjoni kienet wettqet użu ħażin ta’ poter.

147    Dawn l-aggravji kollha huma intiżi biss, bħal dawk ibbażati fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni, li jpoġġu indiskussjoni l-fatturi ta’ konformità CF pollutant kkonstatati fir-regolament ikkontestat u l-valuri NTE tal-emissjonijiet ta’ ossidi tan-nitroġenu li joħorġu minnu. F’dak li jirrigwarda l-aspetti l-oħra tar-regolament ikkontestat, il-fondatezza tagħhom tiddependi, għalhekk, ukoll fuq in-natura separabbli, jew le, tad-dispożizzjonijiet differenti.

148    Fir-rigward tat-tqegħid indiskussjoni tal-fatturi ta’ konformità CF pollutant kkunsidrati fir-regolament ikkontestat u l-valuri NTE ta’ emissjonijiet ta’ ossidi tan-nitroġenu li joħorġu minnu, jista’ jiġi osservat li l-inkompetenza kkonstatata tal-Kummissjoni biex dawn il-fatturi jiġu kkunsidrati fir-rigward tal-limiti tas-setgħat ta’ implimentazzjoni li hija tislet mir-Regolament Nru 715/2007 jimplika neċessarjament min-naħa tagħha ksur ta’ dan tal-aħħar.

149    F’dan ir-rigward, it-tliet rikorrenti allegaw ilkoll il-ksur tal-Anness I tar-Regolament Nru 715/2007. Dak l-anness jissemma fl-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament, li jgħid li l-osservanza tal-limiti ta’ emissjoni stabbiliti f’dan l-anness hija obbligatorja. Huma jsostnu li, meta tiddefinixxi fir-regolament ikkontestat fatturi ta’ konformità CF pollutant li jwasslu għal valuri NTE tal-emissjonijiet ta’ ossidi tan-nitroġenu waqt it-testijiet RDE li jaqbżu l-limiti tal-emissjonijiet stabbiliti għall-istandard Euro 6 f’dak l-anness, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament. L-analiżi magħmula iktar ’il fuq fil-punti 122 sa 144 fil-kuntest tal-eżami ta’ motivi tal-inkompetenza tal-Kummissjoni twassal għall-konklużjoni li din tal-aħħar effettivament emendat il-limiti tal-emissjonijiet ta’ ossidi tan-nitroġenu għat-testijiet RDE meta dawn kellhom jiġu applikati f’kundizzjonijiet ta’ sewqan reali, speċjalment f’dawk it-testijiet. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni neċessarjament injorat il-limiti tal-emissjonijiet ta’ ossidi tan-nitroġenu stabbiliti mill-istandard Euro 6 msemmija fl-Anness I tar-Regolament Nru 715/2007 u, għaldaqstant, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(1), tal-istess regolament li jipprovdu li l-osservanza ta’ dawn il-limiti hija obbligatorja.

150    Il-Kummissjoni ċertament ressqet, fid-difiża tagħha fil-mertu, l-argument li ma kien hemm l-ebda emenda legali tal-limiti ta’ emissjoni ta’ ossidi tan-nitroġenu stabbiliti għall-istandard Euro 6 fl-Anness I tar-Regolament Nru 715/2007, peress li r-rikorrenti semmew biss bidliet “konkreti” jew “prattiċi”. Fil-fatt, dawn il-limiti ma humiex legalment emendati f’dan l-anness, imma huwa preċiżament għaliex huwa illegali il-ksur tagħhom fit-testijiet RDE li jirriżultaw konkretament jew fil-prattika mill-applikazzjoni minflokhom tal-valuri NTE ta’ emissjonijiet ta’ ossidi ta’ nitroġenu ogħla li jirriżultaw mill-fatturi ta’ konformità CF pollutant kkonstatati fir-regolament ikkontestat.

151    Jista’ wkoll, għalhekk jitqies li kien hemm ksur tar-Regolament Nru 715/2007.

152    Barra minn hekk, fid-dawl tal-konklużjoni li waslet għaliha l-Qorti Ġenerali fil-punti 132, 137, 144 u 151 iktar ’il fuq, ma huwiex neċessarju li jiġu eżaminati l-motivi u l-argumenti l-oħra mressqin.

–       Fuq il-portata tal-annullament

153    Il-Kummissjoni teċċepixxi l-fatt li l-appellanti ma ressqu l-ebda argument ħlief fir-rigward tal-punt 2 tal-Anness II tar-regolament ikkontestat li jiddetermina l-valur tal-fatturi ta’ konformità CF pollutant temporanji u finali għall-ossidi tan-nitroġenu. Dak l-anness jemenda huwa stess l-Anness III A tar-Regolament Nru 692/2008 li jiddefinixxi l-modalitajiet tat-testijiet RDE. Skont il-Kummissjoni, ir-rikorsi għal annullament għandhom b’hekk jiġu ddikjarati inammissibbli fuq il-bażi tal-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura, li jirrikjedi t-tressiq ta’ argumenti insostenn tal-motivi, sa fejn ir-rikorsi huma diretti kontra dispożizzjonijiet oħra tar-regolament ikkontestat, li huma separabbli minn dawk inkwistjoni. Il-ville de Paris u l-ayuntamiento de Madrid jwieġbu għal dan fis-sens li l-annullament tal-punt 2 tal-Anness II tar-regolament ikkontestat ineħħi kwalunkwe kawża legali jew raġuni għal dan ir-regolament kollu kemm hu, u dan jiġġustifika l-annullament totali tiegħu.

154    F’dan il-każ għandu jiġi deċiż direttament dwar il-kwistjoni tan-natura separabbli tad-dispożizzjonijiet individwali tar-regolament ikkontestat, jiġifieri li jiġi vverifikat jekk l-illegalità tal-fatturi V ta’ konformità CF pollutant għall-ossidi tan-nitroġenu kkonstatati fir-regolament ikkontestat għandhiex twassal awtomatikament għall-annullament tad-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ dan tal-aħħar li ma jkunux separabbli (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2008, Il‑Kummissjoni vs Département du Loiret, C‑295/07 P, EU:C:2008:707, punti 104 u 105). Il-Kummissjoni, min-naħa tagħha, ssostni li d-dispożizzjonijiet tar-regolament ikkontestat ħlief dawk li jistabbilixxu dawn il-fatturi huma separabbli minn dawn tal-aħħar.

155    Id-dispożizzjoni li tiffissa il-fatturi inkwistjoni, li għandha tiġi annullata, kif tindika l-Kummissjoni, fil-punt 2 tal-Anness II tar-regolament ikkontestat, li jemenda l-Anness III A tar-Regolament Nru 692/2008 billi ddaħħal b’mod partikolari, wara l-punt 2.1, il-punti ġodda 2.1.1 u 2.1.2 li fihom il-valur tal-fattur ta’ konformità finali u l-valur tal-fattur ta’ konformità temporanja dwar il-massa tal-ossidi tan-nitroġenu huma indikati rispettivament b’“1 + marġini b’marġini = 0,5” u b’“2,1” u fejn huwa ddefinit il-perijodu ta’ użu possibbli ta’ fattur ta’ konformità temporanja. Madankollu, il-punt 2 tal-Anness II tar-regolament ikkontestat introduċa wkoll fl-Anness III A tar-Regolament Nru 692/2008 punt ġdid 2.1.3 dwar “funzjoni ta’ trasferiment”, il-kalkolu tal-valur NTE, stabbilit immedjatament sa 1 u għalhekk għalissa ma għandu l-ebda impatt f’dan il-kalkolu u li ma ġiex ikkontestata mir-rikorrenti. Il-punt 2.1.3 tal-Anness III A tar-Regolament Nru 692/2008 huwa għalhekk separabbli fil-punti 2.1.1 u 2.1.2 tiegħu, b’mod partikolari tal-valur tal-fatturi ta’ konformità CF pollutant għall-ossidi tan-nitroġenu msemmija hemmhekk, u ma hemmx lok li jiġi annullat il-punt 2 tal-Anness II tar-regolament ikkontestat inkwantu jintroduċi din id-dispożizzjoni.

156    Barra minn hekk, huwa ċertament marbut mad-determinazzjoni tal-fatturi ta’ konformità CF pollutant għall-ossidi tan-nitroġenu l-Artikolu 1(2) u (3) tar-regolament ikkontestat, li jemenda t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(10) tar-Regolament Nru 692/2008. Il-verżjoni emendata tiegħu tipprovdi: “[s]a tliet snin wara d-dati speċifikati fl-Artikolu 10(4) u erba’ snin wara d-dati speċifikati fl-Artikolu10(5) tar-[Regolament Nru 715/2007] [pereżempju, sal‑31 ta’ Awwissu 2017 għall-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi privati u sal‑31 ta’ Awwissu 2019 għad-dħul individwali tagħhom fiċ-ċirkulazzjoni], għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet li ġejjin: [i]r-rekwiżiti ta’ punt 2.1 tal-Anness IIIA ma għandhomx japplikaw [dawn huma dawk li jindikaw il-formula għall-kalkolu tal-valur NTE u li jeħtieġu li ma jinqabiżx dan tal-aħħar matul it-testijiet RDE]”. Għall-kuntrarju, din id-dispożizzjoni tiffissa l-mument li minnu l-fatturi ta’ konformità CF pollutant, partikolarment dawk ikkontestati mir-rikorrenti, japplikaw għat-testijiet RDE, fi kliem ieħor minn meta dawn it-testijiet ma għadhomx jitwettqu għal skopijiet ta’ sorveljanza biss. Madankollu, din id-dispożizzjoni tista’ tirrigwarda wkoll sustanzi niġġiesa oħra minbarra l-ossidi tan-nitroġenu li għalihom ġew iddeterminati fatturi ta’ konformità CF pollutant wara dawk ta’ dawn l-ossidi, kif kien il-każ għal partikulati fini. Barra minn hekk, l-annullament tiegħu ma huwiex neċessarju sabiex il-fatturi ta’ konformità tas-CF pollutant għall-ossidi tan-nitroġenu kkontestati ma jibqgħux japplikaw. L-assenza ta’ valur fit-tabelli tal-fatturi ta’ konformità finali u temporanji ta’ CF pollutant li jidhru fil-punti 2.1.1 u 2.1.2 tal-Anness III A tar-Regolament Nru 692/2008 huwa biżżejjed fih innifsu għal dak il-għan. L-Artikolu 1(2) u (3) tar-regolament ikkontestat, li jemenda t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(10) tar-Regolament Nru 692/2008, huwa għalhekk separabbli mill-valur tal-fatturi ta’ konformità ta’ CF pollutant għall-ossidi tan-nitroġenu msemmija fil-punti 2.1.1 u 2.1.2 tal-Anness III A tar-regolament tal-aħħar u għalhekk ma hemmx il-ħtieġa li jiġi annullat.

157    Id-dispożizzjonijiet l-oħra tar-regolament ikkontestat, li huma primarjament intiżi biex jissupplimentaw jew jemendaw l-Anness III A tar-Regolament Nru 692/2008 sabiex jiġu speċifikati l-kundizzjonijiet tat-test RDE, jibqgħu validi fir-raġuni tagħhom, kuntrarjament għal dak li jsostnu la ville de Paris u l-ayuntamiento de Madrid, anki jekk il-fatturi ta’ konformità CF pollutant għall-ossidi tan-nitroġenu kkonstatati fir-regolament ikkontestat jiġu annullati. B’mod partikolari, il-proċess kollu previst għal dawn it-testijiet, li ma ġiex ikkontestat, jista’ jibqa’ fis-seħħ indipendentement mill-fatturi ta’ konformità CF pollutant iddefiniti għal diversi sustanzi li jniġġsu. Barra minn hekk, anki jekk il-fatturi ta’ konformità CF pollutant għall-ossidi tan-nitroġenu kkonstatati fir-regolament ikkontestat għandhom jiġu annullati, sa issa, il-fatturi ta’ konformità CF pollutant għall-għadd ta’ partikulati ddefiniti mill-adozzjoni tar-Regolament 2017/1154 għandhom jiġu applikati fil-kuntest tal-proċess stabbilit għal dawk it-testijiet RDE.

158    Minn dak li ntqal jirriżulta li għandu jiġi annullat biss il-punt 2 tal-Anness II tar-regolament ikkontestat, sa fejn jiffissa, fil-punti 2.1.1 u 2.1.2 tal-Anness III A tar-Regolament Nru 692/2008, il-valur tal-fattur ta’ konformità finali CF pollutant u l-valur tal-fattur ta’ konformità CF pollutant temporanja għall-massa tal-ossidi tan-nitroġenu. Jirriżulta wkoll minn dak li ntqal preċedentement li, kif indikat fil-punti 145 u 147 iktar ’il fuq, id-diversi motivi tal-appell għandhom jiġu miċħuda sa fejn dawn jirrigwardaw dispożizzjonijiet oħra tar-regolament ikkontestat u li għalhekk ma kienx hemm bżonn li tingħata deċiżjoni fuq il-kwistjoni ta’ ammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni f’dan ir-rigward (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2002, Il‑Kunsill vs Il‑Kummissjoni, C‑23/00 P, EU:C:2002:118, punt 52).

159    Billi l-Kummissjoni enfasizzat waqt is-seduta li r-Regolament Nru 692/2008, kif emendat mir-regolament ikkontestat, kien ġie ssostitwit bir-Regolament 1151/2017, il-Qorti Ġenerali tfakkar li sabiex tikkonforma ma’ sentenza ta’ annullament u biex timplimentaha bis-sħiħ, l-istituzzjoni awtriċi tad-dispożizzjoni annullata għandha telimina atti sussegwenti li tagħhom hija l-awtriċi, fejn din id-dispożizzjoni ġiet riprodotta, u teskludiha mill-atti tagħha li għadha trid iddaħħal billi tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss id-dispożittiv tas-sentenza, imma wkoll il-motivi li wasslu għaliha u li jikkostitwixxu s-sostenn neċessarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ April 1988, Asteris et vs Il‑Kummissjoni, 97/86, 99/86, 193/86 u 215/86, EU:C:1988:199, punti 26 sa 31).

–       Fuq l-effetti ratione temporis tal-annullament

160    Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 264(2) TFUE, il-Qorti Ġenerali tista’, jekk tqis li jkun meħtieġ, tindika dawk l-effetti tal-att annullat li għandhom jitqiesu bħala definittivi. Din id-dispożizzjoni ġiet interpretata b’mod partikolari bħala li tippermetti, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, imma wkoll għal raġunijiet biex tkun evitata diskontinwità jew rigress fl-implimentazzjoni ta’ politiki mmexxija jew appoġġjati mill-Unjoni, bħal fil-qasam tal-protezzjoni tal-ambjent jew tas-saħħa pubblika, li jinżammu għal perijodu raġonevoli taż-żmien, l-effetti ta’ att annullat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑25 ta’ Frar 1999, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C‑164/97 u C‑165/97, EU:C:1999:99, punti 22 sa 24, u tas‑16 ta’ April 2015, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C‑317/13 u C‑679/13, EU:C:2015:223, punti 72 sa 74).

161    F’dan il-każ, mistoqsija matul is-seduta mill-Qorti Ġenerali dwar il-possibbiltà ta’ modulazzjoni ratione temporis tal-effetti ta’ annullament li tista’ tiddeċiedi, il-ville de Paris u l-ville de Bruxelles iddikjaraw li kienu kontra billi essenzjalment qalu li, anki għalkemm ma kienx hemm valur NTE għall-emissjonijiet ta’ ossidu tan-nitroġenu li kellu jiġi osservat għal ċertu perijodu ta’ żmien matul it-testijiet RDE, minħabba l-prospett ta’ rekwiżiti iktar stretti f’dan ir-rigward fil-futur relattivament viċin, il-manifatturi tal-karozzi ma ħadux vantaġġ biex tinkiseb l-approvazzjoni tal-vetturi li jarmu emissjonijiet ta’ ossidu tan-nitroġenu iktar mil-lum, peress li l-proċessi industrijali tagħhom ma setgħux jimxu bl-iskossi. Il-ville de Bruxelles żied jgħid illi kien partikolarment sfavorevoli għal limitazzjoni tal-effetti għall-futur. Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni wieġbet li modulazzjoni tal-effetti ta’ annullament kienet biss ta’ interess jekk il-Qorti Ġenerali qieset, essenzjalment, li d-dispożizzjonijiet ikkontestati kellhom jiġu adottati mill-Parlament u mill-Kunsill.

162    Madankollu, il-Qorti Ġenerali tqis li s-sempliċi annullament ex tunc tad-dispożizzjonijiet ikkontestati jista’ joħloq żewġ tipi ta’ problemi. L-ewwel nett, għall-“passat”, jiġifieri bejn il-mument li minnu t-testijiet RDE ma sarux biss “għall-finijiet ta’ sorveljanza” (pereżempju fl‑1 ta’ Settembru 2017 għall-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi privati u għat-trasport ta’ persuni) u l-mument meta tidħol fis-seħħ is-sentenza fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 2 tal-Artikolu 60, tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, hemm inċertezza legali dwar il-validità tal-approvazzjonijiet ta’ vetturi mogħtija jew ċaħdiet ta’ dawn l-approvazzjonijiet opposti matul dan il-perijodu. Fil-fatt, l-assenza ta’ fattur ta’ konformità CF pollutant għall-emissjonijiet ta’ ossidi tan-nitroġenu jista’ jiġi interpretat kemm bħala li ma jimponi l-ebda valur NTE f’dan ir-rigward meta jsiru dawn it- testijiet, kif ukoll bil-kontra fis-sens li huma l-limiti stabbiliti mill-istandard Euro 6 li għandhom japplikaw kif inhuma. Għall-futur, jiġifieri bejn il-mument li fih din is-sentenza tidħol fis-seħħ u meta l-Kummissjoni jew il-Parlament u l-Kunsill ikunu, jekk ikun il-każ, raw x’inhuma l-konsegwenzi, billi jispeċifikaw ir-regola applikabbli matul dawn it-testijiet, tibqa’ tippersisti l-istess inċertezza legali. Dan jista’ jwassal, jekk tipprevali fost l-awtoritajiet tal-approvazzjoni tat-tip tal-vetturi l-interpretazzjoni li tgħid li matul dan il-perijodu, ma hemm l-ebda limiti ta’ emissjoni ta’ ossidi tan-nitroġenu li ma jistgħux jinqabżu matul l-istess testijiet, b’vetturi li jaqbżu anki f’dan ir-rigward il-valuri NTE ta’ emissjonijiet ta’ ossidi tan-nitroġenu stabbiliti fir-regolament ikkontestat jibbenefikaw minn approvazzjoni u għalhekk iwasslu għal rigressjoni fir-rigward tal-għanijiet tal-protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa segwiti f’dan il-qasam.

163    L-assenza ta’ modulazzjoni ratione temporis tal-annullament tista’ għalhekk tagħmel ħsara lill-interessi ekonomiċi leġittimi tas-settur tal-karozzi li kkonforma ruħu mal-leġiżlazzjoni applikabbli u jekk ikun il-każ lil dawk tal-konsumaturi li xtraw vetturi li ssodisfaw din il-leġiżlazzjoni u lill-politiki tal-Unjoni dwar l-ambjent u s-saħħa. Huwa għalhekk meħtieġ li jiġi deċiż, minn naħa, li l-effetti tad-dispożizzjoni annullata huma definittivi għal “passat”, fis-sens ippreċiżat fil-punt 162 iktar ’il fuq, u li dawn jinżammu għall-futur għal perijodu raġonevoli biex tiġi emendata l-leġiżlazzjoni f’dan ir-rigward, perijodu li ma jistax jaqbeż tnax-il xahar mid-data effettiva ta’ din is-sentenza, jiġifieri, wara li jitqiesu d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 60(2) tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, mill-iskadenza tat-terminu għall-preżentata ta’ appell jekk l-ebda appell ma jiġi ppreżentat minn din is-sentenza jew, inkella, mid-data taċ-ċaħda tal-appell.

 Fuq it-talba għad-danni tal-ville de Paris

164    Kif indikat fil-punt 30 iktar ’il fuq, il-ville de Paris jitlob li l-Kummissjoni tiġi kkundannata tħallasha euro simboliku għad-dannu li kkawżatlu bl-adozzjoni tar-regolament ikkontestat. Din it-talba hija bbażata fuq it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE li fil-“każ ta’ responsabbiltà mhux kontrattwali, l-Unjoni għandha, skond il-prinċipji ġenerali komuni għal sistemi legali ta’ l-Istati Membri, tagħmel tajjeb għal kull dannu kkaġunat mill-istituzzjonijiet tagħha jew mill-impjegati tagħha fit-twettiq ta’ dmirijiethom”. Il-ville de Paris jinvoka, f’dan ir-rigward, l-illegalità ta’ dan ir-regolament, li jirriżulta minn ksur serju ta’ regoli ta’ dritt superjuri għalih, tal-eżistenza ta’ dannu reali u ċert minħabba l-ispejjeż tal-miżuri li huwa jkun obbligat li jimplimenta biex jikkumpensa għaż-żieda tat-tniġġis tal-karozzi, in-nuqqas ta’ attrazzjoni ta’ Pariġi mil-lat turistiku u n-nuqqas ta’ effettività tal-azzjonijiet ta’ sensibilizzazzjoni tal-abitanti għar-riskji kkawżati minn emissjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa, u, fl-aħħar nett, tar-rabta diretta ta’ kawżalità li teżisti bejn l-aġir tal-Kummissjoni u dan id-dannu. Madankollu, huwa jillimita t-talba tiegħu għal kumpens għal euro simboliku, li jippermetti li jissewwa d-dannu għall-immaġni u leġittimità mogħtija għall-azzjoni tiegħu fil-qasam ambjentali.

165    Il-Kummissjoni tikkontesta l-ammissibbiltà tat-talba għad-danni tal-ville de Paris, b’mod partikolari peress li din ma kinitx serjament sostniet ir-realtà tad-danni allegatament imġarrba, u lanqas l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-adozzjoni tar-regolament ikkontestat u dawn tal-aħħar.

166    Madankollu, il-qorti tal-Unjoni hija intitolata, jekk amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja tiġġustifikah fiċ-ċirkustanzi tal-każ li jinsab quddiemha, li rikors jiġi miċħud fil-mertu mingħajr ma tiddeċiedi fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mressqa kontrih (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2015, Fresh Del Monte Produce vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kummissjoni vs Fresh Del Monte Produce, C‑293/13 P u C‑294/13 P, EU:C:2015:416, punt 193 u l-ġurisprudenza ċċitata).

167    F’dan il-każ, l-uniku dannu “tal-immaġni u ta’ leġittimità” li għalihom il-ville de Paris jitlob kumpens ta’ euro simboliku bl-ebda mod ma ġie pprovat. Fil-fatt, ma hemm l-ebda prova li ssostni t-telf ta’ attrazzjoni turistika jew id-diffikultajiet għas-sensibilizzazzjoni tan-nies għar-riskji kkawżati mill-emissjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa msemmija minn dak ir-rikorrent, li jistgħu jikkorrispondu ma’ dannu ta’ immaġni u ta’ leġittimità. Bl-istess mod, ma hemm l-ebda prova li ssostni l-fatt li sitwazzjonijiet bħal dawn, jekk wieħed jissupponi li ġraw, jirriżultaw mill-adozzjoni mill-Kummissjoni tar-regolament ikkontestat.

168    Barra minn hekk, kien ġie deċiż li l-annullament tal-att li jikkawża dannu immaterjali ta’ reputazzjoni jista’, skont iċ-ċirkustanzi, ikun biżżejjed biex jikkumpensa għal dan id-dannu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑30 ta’ Mejju 2017, Safa Nicu Sepahan vs Il‑Kunsill, C‑45/15 P, EU:C:2017:402, punti 47 sa 49, u tas‑7 ta’ Ottubru 2015, European Dynamics Luxembourg et vs UASI, T‑299/11, EU:T:2015:757, punt 155).

169    Għalhekk, fi kwalunkwe każ, id-dannu għall-immaġni u l-leġittimità invokat mill-ville de Paris iwassal biex b’mod partikolarment tajjeb jiġi kkumpensat simbolikament u suffiċjentement bl-annullament biss tad-dispożizzjoni tar-regolament ikkontestat li huwa jqiegħed indiskussjoni.

170    Għaldaqstant, għandha tiġi rrifjutata t-talba għad-dannu tal-ville de Paris.

 Fuq l-ispejjeż

171    Skont l-Artikolu 134(3) tar-Regoli tal-Proċedura, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom. Madankollu, jekk fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża jkun jidher ġustifikat, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li waħda mill-partijiet għandha, minbarra l-ispejjeż tagħha, tbati parti mill-ispejjeż tal-parti l-oħra.

172    Peress li l-Kummissjoni tilfet diversi kapi, hemm lok li tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, nofs dawk tar-rikorrenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Il-punt 2 tal-Anness II tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/646 tal20 ta’ April 2016 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 692/2008 fir-rigward tal-emissjonijiet minn vetturi ħfief għall-passiġġieri u minn vetturi kummerċjali (Euro 6), huwa annullat sa fejn jistabbilixxi, fil-punti 2.1.1 u 2.1.2 tal-Anness III A tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 692/2008 tat18 ta’ Lulju 2008 li japplika r-Regolament (KE) Nru 715/2007 il-valur tal-fattur ta’ konformità finali CF pollutant u l-valur tal-fattur ta’ konformità CF pollutant temporanju għall-massa ta’ ossidi tan-nitroġenu.

2)      Il-kumplament tar-rikorsi huma miċħuda.

3)      L-effetti tad-dispożizzjoni annullata skont il-punt 1 ta’ dan id-dispożittiv għandhom jinżammu sakemm jiġi adottat regolament ġdid f’termini raġonevoli li jissostitwixxi dawn id-dispożizzjonijiet f’perijodu ta’ żmien raġonevoli, liema terminu ma għandux jaqbeż tnax-il xahar mid-data ta’ dħul fis-seħħ ta’ din is-sentenza.

4)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll nofs dawk sostnuti mill-ville de Paris (il-kunsill lokali ta’ Pariġi), il-ville de Bruxelles (il-kunsill lokali ta’ Brussell) u l-ayuntamiento de Madrid (il-kunsill lokali ta’ Madrid).

Gervasoni

Madise

da Silva Passos

Kowalik-Bańczyk

 

      Mac Eochaidh

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit‑13 ta’ Diċembru 2018.

Firem


Werrej



*      Lingwi tal-kawża: l-Ispanjol u l-Franċiż.