Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Ġermanja) fit-22 ta’ Awwissu 2013 – Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland e.V vs Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

(Kawża C-461/13)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Bundesverwaltungsgericht

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland e.V.

Konvenuta: Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

Intervenjenti: Freie Hansestadt Bremen

Domandi preliminari

L-Artikolu 4(1)(a)(i) tad-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Ottubru 2000, li tistabilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma 1 , kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2009/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 2 (iktar ’il quddiem id-“Direttiva Qafas dwar l-ilma”), għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istati Membri huma obbligati – sakemm ma tingħatax deroga – jirrifjutaw l-awtorizzazzjoni ta’ proġett meta dan ikun ta’ natura tali li jkun jista’ jikkawża deterjorament tal-istat ta’ korp tal-ilma tal-wiċċ jew għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni tistabbilixxi biss għan fil-qasam tal-ippjanar tal-immaniġġjar?

Il-kunċett ta’ “deterjorazzjoni tal-istat” li jinsab fl-Artikolu 4(1)(a)(i) tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri biss bidliet li jimplikaw klassifikazzjoni fi klassi inferjuri fis-sens tal-Anness V tad-direttiva msemmija?

Fil-każ li t-tieni domanda tingħata risposta negattiva, f’liema ċirkustanzi għandu jiġi konkluż li jkun hemm “deterjorazzjoni tal-istat” fis-sens tal-Artikolu 4(1)(a)(i) tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma?L-Artikolu 4(1)(a)(ii) u (iii) tad-Direttiva Qafas dwar l-ilma għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-Istati Membri huma obbligati – sakemm ma tingħatax deroga – jirrifjutaw l-awtorizzazzjoni ta’ proġett meta dan jikkomprometti l-għan li jinkiseb stat tajjeb tal-ilmijiet tal-wiċċ jew potenzjal ekoloġiku tajjeb jew stat kimiku tajjeb tal-ilmijiet tal-wiċċ sad-data prevista minn din id-direttiva jew għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni tistabbilixxi biss għan fil-qasam tal-ippjanar tal-immaniġġjar?