Language of document : ECLI:EU:T:2023:832

Edizzjoni Provviżorja

EDIZZJONI PROVVIŻORJA TA’ 14/12/2023

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla Estiża)

20 ta’ Diċembru 2023 (*)

“Kompetizzjoni – Akkordji – Settur tad-derivattivi tar-rati tal-interessi ddenominati f’euro – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE – Manipulazzjoni tar-rati ta’ referenza interbankarji tal-Euribor – Skambju ta’ informazzjoni kunfidenzjali – Restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan – Ksur uniku u kontinwu – Proċedura “ibrida” mifruxa fiż-żmien – Preżunzjoni ta’ innoċenza – Imparzjalità – Multi – Ammont bażiku – Valur tal-bejgħ – Artikolu 23(2) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 – Obbligu ta’ motivazzjoni– Deċiżjoni emendatorja li tikkompleta l-motivazzjoni – Ugwaljanza fit-trattament – Proporzjonalità – Ġurisdizzjoni assoluta”

Fil-Kawża T‑106/17,

JPMorgan Chase & Co., stabbilita f’New York, New York (l-Istati Uniti),

JPMorgan Chase Bank, National Association, stabbilita f’Columbus, Ohio (l-Istati Uniti),

J.P. Morgan Services LLP, stabbilita f’Londra (ir-Renju Unit),

irrappreżentati minn B. Tormey, A. Holroyd, L. Ream, N. French, N. Frey, D. Das, D. Hunt, N. English, solicitors, M. Lester, KC, D. Piccinin u D. Heaton, barristers,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn F. van Schaik, T. Baumé u M. Farley, bħala aġenti,

konvenuta,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla Estiża),

komposta minn, waqt id-deliberazzjonijiet, S. Papasavvas, President, A. Kornezov, E. Buttigieg (Relatur), K. Kowalik-Bańczyk u G. Hesse, Imħallfin,

Reġistratur : I. Kurme, Amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura, b’mod partikolari:

–        id-deċiżjonijiet tal‑5 ta’ Ġunju 2019 u tal‑31 ta’ Marzu 2021 li tiġi sospiża l-proċedura skont l-Artikolu 69(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali,

–        in-nota ta’ adattament ippreżentata mir-rikorrenti fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑8 ta’ Settembru 2021 u l-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni fuq din in-nota ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑26 ta’ Novembru 2021,

wara s-seduta tat‑18 ta’ Marzu 2022,

wara li kkunsidrat is-sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, HSBC Holdings et vs Il-Kummissjoni (C‑883/19 P, EU:C:2023:11), u l-osservazzjonijiet tal-partijiet relatati magħha,

tagħti din is-

Sentenza (1)

[omissis]

III. Fid-dritt

[omissis]

B.      Fuq it-talba għall-annullament tal-Artikolu 1(c) tad-deċiżjoni kkontestata

[omissis]

1.      Fuq l-eżistenza ta’ aġir li jikkostitwixxi ksur imputabbli lir-rikorrenti (l-ewwel, it-tieni u t-tielet motivi tar-rikors)

[omissis]

b)      Fuq l-ewwel motiv li jikkontesta l-parteċipazzjoni ta’ JP Morgan fl-aġir li jikkostitwixxi ksur

[omissis]

2)      fuq il-kontestazzjoni tal-parteċipazzjoni ta’ JP Morgan fil-prattiki inkwistjoni

i)      Fuq il-parteċipazzjoni fil-prattiki ta’ manipulazzjoni tar-rata Euribor

274    Ir-rikorrenti jsostnu li n-negozjant ta’ JP Morgan ma pparteċipa f’ebda aġir li kellu l-għan li jimmanipula l-Euribor jew l-EONIA. F’dan ir-rigward, huma jsostnu li t-teżi tal-Kummissjoni fil-konfront tagħhom, li barra minn hekk ma hijiex sostnuta mill-konstatazzjonijiet fattwali tagħha stess, hija totalment differenti minn dik li hija sostniet fil-konfront tad-destinatarji l-oħra tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn ebda talba ta’ manipulazzjoni tal-Euribor favur in-negozjant ta’ JP Morgan jew minn dan tal-aħħar favur in-negozjant ta’ Deutsche Bank ma tirriżulta mill-iskambji inkwistjoni. Għaldaqstant, ma ġiex stabbilit li r-rikorrenti kkontribwixxew għal xi manipulazzjoni tal-Euribor segwita mill-akkordju. Anki jekk jitqies li tali talbiet jistgħu jiġu identifikati, il-Kummissjoni ma kkonstatatx li n-negozjant ta’ JP Morgan kien aċċetta jew irrisponda għal tali talbiet billi rrefera għat-teżorerija tiegħu. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ma stabbilixxietx li n-negozjant ta’ JP Morgan kien ukoll ipprova jimmanipula r-rata EONIA.

275    Il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni, anki jekk jitqiesu li huma korretti, l-iktar li jistgħu juru huwa li n-negozjant ta’ JP Morgan ibbenefika minn informazzjoni trażmessa min-negozjant ta’ Deutsche Bank dwar il-manipulazzjoni mwettqa minn dan tal-aħħar. Issa, tali argument ta’ parteċipazzjoni passiva fil-ksur permezz tal-approvazzjoni taċita ma huwiex imsemmi fid-deċiżjoni kkontestata u, fi kwalunkwe każ, ma ġiex stabbilit, peress li l-Kummissjoni ma wrietx li n-negozjant ta’ JP Morgan kien ġie informat bi kwalunkwe ftehim antikompetittiv bejn banek oħra u li pparteċipa f’laqgħa li matulha ġie konkluż ftehim antikompetittiv.

276    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti u ssostni li l-provi, ibbażati fuq sensiela ta’ indizji u kkunsidrati fil-kuntest tal-fatti u tas-suq, juru li JP Morgan ħadet sehem fil-forom kollha ta’ kollużjoni elenkati fid-deċiżjoni kkontestata.

277    F’dan ir-rigward, mill-korrispondenza bejn in-negozjant ta’ JP Morgan, minn naħa, u n-negozjanti ta’ Deutsche Bank u ta’ Barclays, min-naħa l-oħra, li l-materjalità tagħha ġiet ikkonfermata iktar ’il fuq (ara l-punt 273 iktar ’il fuq), ikkunsidrati fil-kuntest tal-provi l-oħra, jirriżulta li l-Kummissjoni ġustament ikkunsidrat il-parteċipazzjoni tan-negozjant ta’ JP Morgan fl-aġir relatat mal-manipulazzjoni tar-rata Euribor.

278    Preliminarjament, għandu jiġi miċħud bħala infondat l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-aġir li huma akkużati bih jikkonsisti biss f’talbiet diretti ta’ manipulazzjoni tas-sottomissjonijiet tar-rata Euribor. Fil-fatt, kif issostni ġustament il-Kummissjoni u kif ġie rrilevat iktar ’il fuq, l-aġir li huma akkużati bih ir-rikorrenti ħa forom differenti, elenkati fil-premessa 358 tad-deċiżjoni kkontestata u mfakkra fil-punt 16 iktar ’il fuq. B’hekk, billi jsostnu li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx fid-deċiżjoni kkontestata li JP Morgan ipparteċipat fil-prattika ta’ manipulazzjoni tal-Euribor, sa fejn il-Kummissjoni ma stabbilixxietx li n-negozjant ta’ Deutsche Bank kien talab lin-negozjant ta’ JP Morgan jinfluwenza l-kontribuzzjonijiet lill-Euribor sabiex jaqdi l-interessi tiegħu jew li n-negozjant ta’ JP Morgan kien ressaq talba simili lin-negozjant ta’ Deutsche Bank, ir-rikorrenti qegħdin jinterpretaw id-deċiżjoni kkontestata b’mod żbaljat, billi jibbażaw ruħhom biss fuq il-premessa 490 tagħha, u jillimitaw il-portata tal-ilmenti kkunsidrati mill-Kummissjoni fir-rigward tagħhom.

279    Sussegwentement, għandu jitfakkar li l-parteċipazzjoni ta’ impriża f’laqgħa antikompetittiva toħloq preżunzjoni tan-natura illegali ta’ din il-parteċipazzjoni, preżunzjoni li din l-impriża għandha tikkonfuta permezz tal-prova ta’ tbegħid pubbliku, li għandu jiġi pperċepit bħala tali mill-parteċipanti l-oħra fl-akkordju (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, EU:C:2004:6, punti 81 u 82 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑3 ta’ Mejju 2012, Comap vs Il-Kummissjoni, C‑290/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2012:271, punti 74 sa 76 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ir-raġuni wara dan il-prinċipju ta’ dritt hija li, peress li pparteċipat fl-imsemmija laqgħa mingħajr ma tbiegħdet pubblikament mill-kontenut tagħha, l-impriża tat x’tifhem lill-parteċipanti l-oħra li hija kienet qed taqbel ma’ dak li ġie deċiż fiha u li kienet ser timxi miegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, EU:C:2004:6, punt 82, u tal‑25 ta’ Jannar 2007, Sumitomo Metal Industries u Nippon Steel vs Il-Kummissjoni, C‑403/04 P u C‑405/04 P, EU:C:2007:52, punt 48).

280    F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, mill-provi li fuqhom ibbażat ruħha l-Kummissjoni, meħuda bħala sensiela ta’ indizji, jirriżulta li n-negozjant ta’ JP Morgan daħal f’diskussjonijiet man-negozjanti ta’ Deutsche Bank u ta’ Barclays li kellhom l-għan li jinfluwenzaw il-livell tar-rata Euribor fis-sens tal-interessi tagħhom.

281    Fl-ewwel lok, billi rrisponda għat-talba tan-negozjant ta’ Deutsche Bank sabiex jagħmel kontribuzzjoni għolja li huwa kien ser jivverifika mat-teżorerija tiegħu l-livell tal-kontribuzzjoni tiegħu, in-negozjant ta’ JP Morgan aċċetta, matul l-iskambji tas‑27 u tat‑28 ta’ Settembru 2006 (ara l-punti 98 u 107 iktar ’il fuq), li jitlob mingħand it-teżorerija tal-bank tiegħu sottomissjoni għall-kontribuzzjonijiet tal-Euribor fis-sens tal-preferenzi tan-negozjant ta’ Deutsche Bank.

282    Fit-tieni lok, l-iskambju tat‑8 ta’ Novembru 2006 (ara l-punti 178 sa 181 iktar ’il fuq) juri mingħajr ambigwità li n-negozjant ta’ JP Morgan u n-negozjant ta’ Deutsche Bank eżaminaw il-possibbiltà li jallinjaw sottomissjoni futura Euribor tal-banek rispettivi tagħhom abbażi tal-preferenzi tagħhom għall-iffissar Euribor-1M baxx.

283    Fit-tielet lok, matul l-iskambju tal‑25 ta’ Ottubru 2006, in-negozjant ta’ Barclays ippropona mingħajr ambigwità lin-negozjant ta’ JP Morgan li ma joqgħodx lura milli jitolbu l-iffissar Euribor skont l-interessi tiegħu, mingħajr ma dan tal-aħħar irrifjuta l-offerta jew tbiegħed, b’mod ieħor, minnha fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 279 iktar ’il fuq. Bl-istess mod, mill-iskambju tas‑26 ta’ Ottubru 2006 jirriżulta li n-negozjant ta’ Deutsche Bank issuġġerixxa lin-negozjant ta’ JP Morgan biex jikkuntattjah sabiex jitolbu s-sottomissjonijiet Euribor-1M skont l-interessi tiegħu. In-negozjant ta’ JP Morgan ma tbiegħedx minn tali proposta u rrifjuta l-offerta biss sa fejn il-livell tal-iffissar li kien baxx f’dak il-mument kien jaqbel għall-interessi tiegħu.

284    Fir-raba’ lok, mill-iskambji tas‑27, tat‑28 u tad‑29 ta’ Settembru 2006, tal‑25 u tas‑26 ta’ Ottubru 2006 u tat‑8 ta’ Novembru 2006 jirriżulta li l-partijiet f’dawn l-iskambji kellhom l-intenzjoni li jwettqu prattiki antikompetittivi ta’ manipulazzjoni tal-Euribor, sa fejn huma eżaminaw tal-inqas il-possibbiltà li jallinjaw il-livell ta’ sottomissjonijiet futuri tal-banek rispettivi tagħhom.

285    Fil-ħames lok, minn naħa, fir-rigward tal-manipulazzjoni tar-rata Euribor fid-data IMM tax-xahar ta’ Diċembru, mill-iskambju tal‑15 ta’ Diċembru 2006 bejn il-persuna responsabbli mis-sottomissjonijiet u n-negozjant ta’ JP Morgan jirriżulta li din tal-aħħar kellha minn tal-inqas suspetti qawwija fir-rigward ta’ din il-manipulazzjoni u l-involviment ta’ Deutsche Bank fiha. Waqt l-iskambju tat‑18 ta’ Diċembru 2006 man-negozjant ta’ Deutsche Bank, huwa ammetta li kien issodisfatt bl-iffissar tal-Euribor-3M, anki jekk il-pożizzjoni tiegħu ta’ negozjar kienet modesta, iżda tal-inqas ma kellux interess kuntrarju (ara l-punt 211 iktar ’il fuq). Minn dan jirriżulta li n-negozjant ta’ JP Morgan ibbenefika mill-prattiki intiżi għall-manipulazzjoni tar-rata Euribor fit‑18 ta’ Diċembru 2006 billi aġġusta l-pożizzjoni ta’ negozjar tiegħu, li ppermettielu jevita telf, u dan minkejja li ma pparteċipax b’mod attiv fit-twettiq ta’ din il-manipulazzjoni.

286    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-manipulazzjoni tar-rata Euribor fid-data IMM tax-xahar ta’ Marzu, il-provi juru mingħajr ambigwità li n-negozjant ta’ JP Morgan kellu għarfien jew, tal-inqas, suspetti qawwija fir-rigward ta’ din il-manipulazzjoni (ara l-iskambju tas‑16 ta’ Marzu 2007 bejn in-negozjant ta’ JP Morgan u l-persuna responsabbli mis-sottomissjonijiet ta’ dan il-bank, punt 258 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, fir-rigward tal-komunikazzjonijiet bank E, tal-iskambju tad‑29 ta’ Settembru 2006 u tal-iskambju tal‑15 ta’ Diċembru 2006 (ara l-punti 208 u 209 iktar ’il fuq) bejn in-negozjant ta’ JP Morgan u l-persuna responsabbli mis-sottomissjonijiet tal-bank tiegħu, il-Kummissjoni setgħet ġustament issostni, fil-premessa 490 tad-deċiżjoni kkontestata, li n-negozjant ta’ JP Morgan kien jaf li n-negozjant ta’ Deutsche Bank kien dispost u kapaċi jinfluwenza l-livelli tar-rati ta’ interess ta’ referenza Euribor. Għalhekk, huwa plawżibbli li jitqies li, meta dan tal-aħħar ikkomunikalu fl‑4 u fit‑8 ta’ Jannar 2007 u fis‑6 ta’ Frar 2007 informazzjoni dwar il-pożizzjoni ta’ negozjar li huwa kellu għal din id-data, kif ukoll dwar l-istrateġija ta’ negozjar tiegħu, sa fejn jindika li tali pożizzjoni ftit kienet ta’ riskju, in-negozjant ta’ JP Morgan seta’ raġonevolment jipprevedi li din l-istrateġija ta’ negozjar kienet tirrifletti l-previżjonijiet min-negozjant ta’ Deutsche Bank tal-livell tar-rata Euribor kif jirriżulta mill-prattiki ta’ manipulazzjoni li dan tal-aħħar kien qed jipparteċipa fihom.

287    Matul l-iskambji tas‑16 u tad‑19 ta’ Marzu 2007, in-negozjant ta’ JP Morgan afferma b’mod espliċitu li ħa inkunsiderazzjoni l-informazzjoni li kienet ġiet ikkomunikata lilu min-negozjant ta’ Deutsche Bank u li, konsegwentement, naqqas il-pożizzjoni qasira tiegħu u anki adotta pożizzjoni “kemxejn twila” fuq il-kuntratti għal żmien fiss (“futures”) għall-IMM ta’ Marzu 2007. B’hekk, huwa naqqas it-telf tiegħu. Sussegwentement, huwa rringrazzja lin-negozjant ta’ Deutsche Bank għall-pariri tiegħu.

288    Minn dan jirriżulta li n-negozjant ta’ JP Morgan ibbenefika minn prattiki intiżi biex inaqqsu r-rata Euribor tad-data IMM ta’ Marzu 2007, prattiki li kien jaf bihom minkejja li, kif isostnu r-rikorrenti, skont il-provi prodotti mill-Kummissjoni, huwa ma kienx ġie informat min-negozjant ta’ Deutsche Bank bid-dettalji ta’ dan il-pjan u li għalhekk ma pparteċipax b’mod attiv fit-twettiq tiegħu.

289    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, kif għamlet il-Kummissjoni fil-premessi 348 u 364 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-metodi passivi ta’ parteċipazzjoni fil-ksur, bħall-preżenza ta’ impriża f’laqgħat li matulhom ġew konklużi ftehimiet b’għan antikompetittiv, mingħajr ma opponiethom manifestament, jirriflettu kompliċità li hija ta’ natura li tistabbilixxi r-responsabbiltà tagħha fil-kuntest tal-Artikolu 101(1) TFUE peress li l-approvazzjoni taċita ta’ inizjattiva illegali, mingħajr ma titbiegħed pubblikament mill-kontenut tiegħu jew mingħajr ma tirrapportah lill-entitajiet amministrattivi, għandha l-effett li tinkoraġġixxi l-kontinwazzjoni tal-ksur u li tikkomprometti l-iskoperta tiegħu (ara s-sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 2015, AC-Treuhand vs Il-Kummissjoni, C‑194/14 P, EU:C:2015:717, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

290    Għaldaqstant, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 279 iktar ’il fuq, sabiex tikkonfuta l-preżunzjoni tan-natura illegali ta’ tali parteċipazzjoni f’laqgħa antikompetittiva, l-impriża għandha tipproduċi prova ta’ tbegħid pubbliku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Frar 2013, Slovenská sporiteľňa, C‑68/12, EU:C:2013:71, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata). Issa, ebda prova f’dan is-sens ma ġiet prodotta mir-rikorrenti la fir-rigward tal-manipulazzjoni tar-rata tat‑18 ta’ Diċembru 2006, u lanqas fir-rigward tal-komunikazzjoni min-negozjant ta’ Deutsche Bank lin-negozjant ta’ JP Morgan ta’ informazzjoni dwar l-istrateġija ta’ negozjar tiegħu fir-rigward tad-data IMM ta’ Marzu 2007. Għall-kuntrarju, kif ġie rrilevat fil-punti 285 u 286 iktar ’il fuq, in-negozjant ta’ JP Morgan aġġusta l-istrateġija ta’ negozjar tiegħu sabiex ikun jista’ jibbenefika minn dawn il-manipulazzjonijiet.

291    Ir-rikorrenti jsostnu li tali parteċipazzjoni passiva fil-ksur inkwistjoni ma setgħetx tiġi kkonstatata fir-rigward tagħhom, sa fejn l-obbligu ta’ tbegħid pubbliku minn ksur kien rilevanti biss sakemm il-Kummissjoni tipprova li l-impriża pparteċipat f’laqgħa li matulha ġie konkluż ftehim antikompetittiv.

292    Madankollu, fid-dawl tan-natura tal-ksur inkwistjoni, li ħa l-forma ta’ netwerk ta’ kuntatti bilaterali bejn id-diversi atturi (ara l-premessi 357 u 360 tad-deċiżjoni kkontestata), ebda parteċipazzjoni f’“laqgħa” fis-sens tal-argument tar-rikorrenti ma setgħet tiġi aċċettata mill-Kummissjoni. Għalhekk, hija setgħet ġustament tikkonstata mod passiv ta’ parteċipazzjoni tar-rikorrenti f’ċertu aġir intiż għall-manipulazzjoni tar-rati sa fejn in-negozjant ta’ JP Morgan kien jaf bl-eżistenza tal-prattiki ta’ manipulazzjoni tar-rati, b’mod partikolari, min-negozjant ta’ Deutsche Bank, li miegħu huwa kellu l-kuntatti bilaterali. Issa, ir-rikorrenti ma jikkontestawx in-natura illegali ta’ tali prattiki ta’ manipulazzjoni tar-rati, u lanqas il-fatt li n-negozjant ta’ JP Morgan kellu jkun jaf b’tali natura li dawn il-prattiki jikkostitwixxu ksur (ara l-premessa 360 tad-deċiżjoni kkontestata).

293    Fis-sitt lok, mill-iskambji tas‑27 u tat‑28 ta’ Settembru 2006 u tat‑8 ta’ Novembru 2006 jirriżulta li n-negozjant ta’ JP Morgan ikkomunika jew, minn tal-inqas, intrabat impliċitament li jikkomunika lill-kompetitur tiegħu informazzjoni rċevuta mill-persuni responsabbli mis-sottomissjonijiet tal-bank tiegħu. Fil-fatt, billi wiegħed fis‑27 u fit‑28 ta’ Settembru 2006 li “jivverifika” l-livell tal-kontribuzzjoni mit-teżorerija tiegħu, in-negozjant ta’ JP Morgan kellu l-intenzjoni li jneħħi l-inċertezzi fir-rigward tal-livell tal-kontribuzzjoni prevista minn din tal-aħħar u għalhekk, impliċitament, intrabat li jagħti rendikont tal-kuntatti li kien beħsiebu jistabbilixxi magħha. Bl-istess mod, waqt l-iskambju tat‑8 ta’ Novembru 2006, in-negozjant ta’ JP Morgan ikkomunika lin-negozjant ta’ Deutsche Bank l-informazzjoni dwar il-livell ta’ sottomissjoni tal-bank tiegħu miksuba minn kuntatti preċedenti mat-teżorerija.

294    Fis-seba’ lok, fit‑2 ta’ Ottubru 2006, fit‑18 ta’ Diċembru 2006 u fid‑19 ta’ Marzu 2007, in-negozjanti ta’ JP Morgan u ta’ Deutsche Bank impenjaw ruħhom fi skambji intiżi biex jikkontrollaw jew jissorveljaw l-aġir tal-membri tal-akkordju sa fejn dawn jew ivverifikaw il-livell tas-sottomissjonijiet ta’ Deutsche Bank, jew skambjaw dwar is-sodisfazzjon tagħhom fir-rigward tal-livell tar-rata Euribor li huma kienu jafu jew tal-inqas issuspettaw li kienet ġiet immanipulata.

295    Fl-aħħar nett, mid-diskussjonijiet tas‑27 u tat‑28 ta’ Settembru 2006, tas‑26 ta’ Ottubru 2006 u tat‑8 ta’ Novembru 2006 jirriżulta mingħajr ambigwità li n-negozjanti ta’ Deutsche Bank u ta’ JP Morgan ikkomunikaw il-preferenzi tagħhom fir-rigward tal-iffissar Euribor, jew il-pożizzjoni ta’ negozjar tagħhom li tippermetti li jiġu ddeterminati tali preferenzi, li ppermettielhom jiżguraw ruħhom li l-interessi tagħhom kienu jikkonverġu qabel ma jkomplu bil-ftehim tagħhom intiż biex jinfluwenza s-sottomissjonijiet Euribor tal-banek rispettivi tagħhom fis-sens ta’ dawn l-interessi.

296    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, fil-kuntest tal-iskambji tas‑27, tat‑28 u tad‑29 ta’ Settembru 2006, tat‑2, tal‑25 u tas‑26 ta’ Ottubru 2006, tat‑8 ta’ Novembru 2006, tat‑18 ta’ Diċembru 2006, tal‑4 u tat‑8 ta’ Jannar 2007, tas‑6 ta’ Frar 2007, kif ukoll tas‑16 u tad‑19 ta’ Marzu 2007, in-negozjant ta’ JP Morgan ipparteċipa fl-aġir relatat mal-manipulazzjoni tar-rata Euribor.

297    Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argumenti l-oħra tar-rikorrenti.

298    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma kkonstatatx li n-negozjant ta’ JP Morgan kien talab lill-kontributuri ta’ JP Morgan jinfluwenzaw l-indiċijiet Euribor u EONIA jew jagħmlu kontribuzzjonijiet fis-sens ta’ kuntatti ma’ negozjanti oħra. Huma jirrilevaw ukoll li t-teżorerija ta’ JP Morgan issuġġettat kontribuzzjoni li ma kinitx konformi mal-akkordju allegat.

299    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, qabel kollox (ara l-punt 278 iktar ’il fuq), li l-aġir illegali allegat fil-konfront ta’ JP Morgan ma jikkonsistix fil-manipulazzjoni tal-Euribor bħala tali, iżda fi skambji ta’ informazzjoni bejn in-negozjanti li jirriflettu l-intenzjoni tagħhom li jinfluwenzaw is-sottomissjonijiet tal-banek tagħhom lill-bord Euribor fis-sens tal-interessi tagħhom stess. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-premessa 113(a) sa (f), mill-premessa 358(a) sa (f) u mill-premessa 392(a) sa (f) tad-deċiżjoni kkontestata, miġbura fil-qosor fil-punt 16 iktar ’il fuq, dawn l-iskambji kienu jikkonċernaw il-preferenzi għal livell tar-rata tal-Euribor, xi drabi flimkien mal-komunikazzjoni tal-pożizzjonijiet ta’ negozjar meħuda, il-possibbiltà li l-pożizzjonijiet ta’ negozjar jiġu allinjati u s-sottomissjonijiet lill-Euribor, wegħda min-naħa tan-negozjant involut li jikkuntattja lil persuna responsabbli għas-sottomissjonijiet Euribor fi ħdan il-bank tiegħu sabiex tintalab tippreżenta sottomissjoni f’ċerta direzzjoni jew f’livell speċifiku u rendikont tat-tweġiba ta’ dan tal-aħħar.

300    Issa, l-iskambji bejn n-negozjanti jiżvelaw b’mod ċar il-komunikazzjoni tal-preferenzi ta’ rati, tal-pożizzjonijiet ta’ negozjar assoċjati u ta’ offerta jew ta’ intenzjoni tan-negozjant ta’ JP Morgan li jinfluwenza s-sottomissjoni tal-bank tiegħu fis-sens tal-interessi tan-negozjant ta’ Deutsche Bank jew ta’ intenzjoni ta’ dan tal-aħħar u tan-negozjant ta’ Barclays li jinfluwenzaw is-sottomissjonijiet tal-banek rispettivi tagħhom fis-sens tal-interessi tan-negozjant ta’ JP Morgan.

301    Fil-premessi 125, 135 u 634 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat biss, essenzjalment, li l-arranġamenti bejn in-negozjanti kienu ġew “ikkompletati” u “implimentati” permezz ta’ komunikazzjonijiet bejniethom u l-persuni responsabbli mis-sottomissjonijiet fi ħdan it-teżorerija tal-banek tagħhom u, “minn żmien għal żmien”, permezz ta’ kwotazzjoni effettivament ippreżentata minn dawn tal-aħħar tar-rati Euribor ikkomunikati, ikkoordinati jew miftiehma. L-argumenti tar-rikorrenti dwar l-assenza ta’ involviment tat-teżorerija ta’ JP Morgan fil-prattiki intiżi biex jinfluwenzaw ir-rata Euribor jistgħu, l-iktar l-iktar, juru assenza ta’ twettiq tal-aġir antikompetittiv mit-teżorerija tal-bank pjuttost milli assenza ta’ parteċipazzjoni tan-negozjanti fl-aġir imsemmi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 1991, Atochem vs Il-Kummissjoni, T‑3/89, EU:T:1991:58, punt 100).

302    F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li, fi kwalunkwe każ, diversi provi kkunsidrati mill-Kummissjoni, meħuda bħala sensiela ta’ indizji, jirrendu plawżibbli l-fatt li n-negozjant ta’ JP Morgan segwa d-diskussjonijiet man-negozjant ta’ Deutsche Bank fir-rigward tal-livell mixtieq tar-rata Euribor billi stabbilixxa kuntatti mal-persuni responsabbli mis-sottomissjonijiet tal-bank tiegħu u b’hekk implimenta skambji kollużivi.

303    Fil-fatt, l-iskambji tas‑27 u tat‑28 ta’ Settembru 2006, li matulhom in-negozjant ta’ JP Morgan aċċetta li jitlob mingħand it-teżorerija tal-bank tiegħu sottomissjoni għall-kontribuzzjonijiet tal-Euribor fis-sens tal-preferenzi tan-negozjant ta’ Deutsche Bank, għandhom jinqraw fil-kuntest ta’ sensiela ta’ indizji li jinkludu l-komunikazzjonijiet tal-bank E u l-iskambji tat‑28 ta’ Settembru 2006 fl-10:13, tad‑29 ta’ Settembru 2006 u tat‑8 ta’ Novembru 2006 kif ukoll l-iskambju bejn in-negozjant ta’ JP Morgan u l-persuna responsabbli mis-sottomissjonijiet tal-bank tagħha fit‑8 ta’ Frar 2007. Din is-sensiela ta’ indizji tippermetti li tintwera, minn naħa, l-eżistenza ta’ ftehim bejn in-negozjanti inkwistjoni u t-teżoreriji rispettivi tagħhom li jikkonċernaw is-sottomissjonijiet Euribor kif ukoll il-fatt li n-negozjanti jqisu li huma setgħu jibbenefikaw mill-kollaborazzjoni tat-teżoreriji tagħhom fir-rigward tas-sottomissjonijiet lill-bord Euribor skont l-interessi tagħhom. Min-naħa l-oħra, din is-sensiela ta’ indizji turi li n-negozjanti kellhom id-drawwa li jiskambjaw informazzjoni bl-għan li jikkoordinaw is-sottomissjonijiet Euribor skont il-pożizzjonijiet ta’ negozjar rispettivi tagħhom u li n-negozjant ta’ JP Morgan kien jaf li tali aġir kien jimplika li jiġu kkuntattjati t-teżoreriji tal-banek rispettivi tagħhom (ara l-punt 73 iktar ’il fuq).

304    L-iskambju tat‑8 ta’ Frar 2007 juri b’mod partikolari l-fatt li n-negozjant ta’ JP Morgan ma eżitax jitlob lill-persuni responsabbli mis-sottomissjonijiet tal-bank tiegħu li jissottomettu kontribuzzjonijiet lill-bord Euribor fis-sens tal-interessi tiegħu (il-premessa 265 tad-deċiżjoni kkontestata, ara l-punt 242 iktar ’il fuq) u tal-fatt li l-persuna responsabbli mis-sottomissjonijiet ta’ JP Morgan uriet li rċeviet tali talba billi wieġbet li t-teżorerija “kienet ser tagħmel l-aħjar tagħha”.

305    Dawn il-provi, meħuda bħala sensiela ta’ indizji, irendu plawżibbli l-fatt li n-negozjant ta’ JP Morgan ipprova jinfluwenza l-livell ta’ kontribuzzjoni tat-teżorerija tal-bank tiegħu. Fi kwalunkwe każ, huwa aċċetta espliċitament li jilqa’ t-talba f’dan is-sens min-naħa tan-negozjant kompetitur.

306    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li n-negozjant ta’ JP Morgan ma bbenefika, b’mod sinjifikattiv, minn ebda manipulazzjoni tal-indiċijiet, b’mod partikolari, fir-rigward tal-manipulazzjoni tad‑19 ta’ Marzu 2007, kuntrarjament għal dak li jirriżulta mill-premessa 364 tad-deċiżjoni kkontestata.

307    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fil-kuntest ta’ dan l-ilment, ir-rikorrenti jressqu biss argumenti dwar il-manipulazzjoni tad‑19 ta’ Marzu 2007. Issa, fir-rigward ta’ din il-manipulazzjoni, hekk kif jirriżulta mill-iskambji tas‑16 u tad‑19 ta’ Marzu 2007, in-negozjant ta’ JP Morgan ammetta espliċitament li biddel l-istrateġija ta’ negozjar tiegħu billi segwa l-parir tan-negozjant ta’ Deutsche Bank li jieħu pożizzjoni twila fir-rigward tal-iffissar IMM ta’ Marzu u li kiseb il-benefiċċju tagħha, anki jekk dan ma kienx sinjifikattiv. Minn dan għandu jiġi konkluż li n-negozjant ta’ JP Morgan ħa inkunsiderazzjoni l-informazzjoni skambjata mal-kompetitur tiegħu sabiex jiddetermina l-aġir tiegħu fis-suq. Dan il-fatt huwa stabbilit ukoll fir-rigward tal-manipulazzjoni tat‑18 ta’ Diċembru 2006.

308    Fi kwalunkwe każ, fir-rigward tal-iskambji l-oħra dwar il-manipulazzjonijiet tar-rata, tali argument jista’ juri, l-iktar l-iktar, li l-iskambji bejn in-negozjanti ma ġewx segwiti b’effetti antikompetittivi fis-suq. Madankollu, din il-kwistjoni hija irrilevanti fir-rigward tal-aġir li jirrestrinġi l-kompetizzjoni minħabba l-għan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Lulju 1999, Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, C‑49/92 P, EU:C:1999:356, punti 123 u 124). Għalhekk, tali argument jista’, jekk ikun il-każ, ikun rilevanti jekk ir-rikorrenti juru li l-Kummissjoni wettqet żball meta qieset li l-aġir inkwistjoni kien restrittiv għall-kompetizzjoni minħabba l-għan, li għandu jiġi eżaminat fil-kuntest tat-tieni motiv.

309    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti, essenzjalment, isostnu li l-konklużjoni tal-Kummissjoni li JP Morgan ippruvat timmanipula l-EONIA hija infondata.

310    F’dan ir-rigward, kif tammetti hija stess, il-Kummissjoni fl-ebda mument ma kkonkludiet fid-deċiżjoni kkontestata li JP Morgan kienet ipparteċipat fil-prattiki ta’ manipulazzjoni tal-EONIA, iżda li hija kienet ipparteċipat fi ksur li kellu bħala għan id-distorsjoni tal-kors normali tal-komponenti tal-prezz fis-settur tal-EIRD marbuta mal-Euribor u/jew mal-EONIA (ara l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata). L-argumenti tar-rikorrenti li jgħidu li l-Kummissjoni ma pprovatx l-intenzjoni tan-negozjant ta’ JP Morgan li jimmanipula r-rata EONIA huma għalhekk ineffettivi.

311    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-ksur inkwistjoni, kif iddefinit fid-deċiżjoni kkontestata, kien jikkonsisti mhux biss fil-manipulazzjoni tal-indiċijiet ta’ referenza, iżda wkoll fl-iskambju ta’ informazzjoni sensittiva dwar tranżazzjonijiet marbuta, b’mod partikolari, mal-EONIA. Ir-rikorrenti jsostnu biss l-eżistenza ta’ segmentazzjoni tas-suq tad-derivattivi bbażati fuq l-Euribor u dawk ibbażati fuq l-EONIA mingħajr madankollu ma jsostnu din l-allegazzjoni bi kwalunkwe prova. Fi kwalunkwe każ, is-sempliċi assenza ta’ effett “awtomatiku”, dirett jew indirett, tal-varjazzjonijiet tal-Euribor fuq l-EONIA, invokata mir-rikorrenti, jekk tiġi preżunta stabbilita, ma tistax turi li l-kuntratti dwar l-EIRD indiċjati fuq l-Euribor u dawk indiċjati fuq l-EONIA ma jappartjenux għall-istess suq tal-EIRD. Il-Kummissjoni għalhekk kellha d-dritt li tieħu inkunsiderazzjoni l-parteċipazzjoni ta’ JP Morgan fil-ksur li kellu bħala għan id-distorsjoni tal-kors normali tal-komponenti tal-prezz fis-settur tal-EIRD marbuta mal-Euribor u/jew mal-EONIA, u dan minkejja li hija ma kkonstatatx li JP Morgan kienet ipparteċipat fil-prattiki intiżi għall-manipulazzjoni tal-EONIA.

312    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, mingħajr preġudizzju għall-eżami tat-tieni motiv (ara l-punt 308 iktar ’il fuq), l-ilmenti tar-rikorrenti intiżi biex juru li JP Morgan ma pparteċipatx fil-prattiki ta’ manipulazzjoni tal-Euribor għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

[omissis]

2.      Fuq il-klassifikazzjoni ta’ ksur uniku adottata mill-Kummissjoni (ir-raba’ motiv tar-rikors)

[omissis]

b)      Fuq it-tieni parti tar-raba’ motiv, ibbażata fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma wrietx li r-rikorrenti kellhom għarfien jew setgħu raġonevolment jipprevedu l-aġir li jikkostitwixxi ksur previst jew implimentat mill-partijiet l-oħra

475    Fil-kuntest tat-tieni parti tar-raba’ motiv, ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li l-Kummissjoni żbaljat meta qieset li n-negozjant ta’ JP Morgan kellu għarfien jew seta’ raġonevolment jipprevedi l-aġir li jikkostitwixxi ksur previst jew implimentat minn impriżi oħra intiżi għall-manipulazzjoni tal-iffissar tal-Euribor. B’mod partikolari, huma jsostnu li la l-motivi tad-deċiżjoni kkontestata ta’ JP Morgan, imsemmija fil-premessi 478 sa 482 tad-deċiżjoni kkontestata, u lanqas dawk li jikkonċernaw il-banek kollha, li jinsabu fil-premessi 458 sa 465 tagħha, ma jippermettu li jintwera li JP Morgan kienet taf jew kellha tkun taf bil-portata ġenerali u bil-karatteristiċi essenzjali tal-akkordju kollu kemm hu. Fl-aħħar nett, filwaqt li jibbażaw ruħhom fuq il-ġurisprudenza, ir-rikorrenti jsostnu li, f’każ bħal dan inkwistjoni, l-għarfien għandu jikkonċerna l-maturitajiet u d-direzzjonijiet speċifiċi li l-partijiet ikkonċernati kellhom l-intenzjoni li jimmanipulaw. Issa, id-deċiżjoni kkontestata ma tissodisfax dan il-kriterju.

476    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

477    Għandu jiġi rrilevat, fir-rigward tal-motivi komuni għall-banek kollha, li dawn huma bbażati fuq il-konstatazzjoni, imsemmija fil-premessa 457 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li n-negozjanti parteċipanti fl-iskambji antikompetittivi kienu professjonisti kkwalifikati u kienu jafu jew kellhom ikunu jafu bil-portata ġenerali u bil-karatteristiċi essenzjali tal-akkordju.

478    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni rreferiet, l-ewwel, fil-premessa 458 tad-deċiżjoni kkontestata, għall-kuntest speċifiku ħafna li kienu joperaw fih in-negozjanti, ikkaratterizzat minn skambji bilaterali, irreġistrati u kkontrollati, li matulhom in-negozjanti, li kienu jikkuntattjaw lil xulxin u b’mod regolari, dejjem għall-istess tip ta’ tranżazzjoni, kienu jużaw lingwaġġ ikkodifikat. It-tieni, hija enfasizzat, fil-premessa 459 tad-deċiżjoni kkontestata, li n-negozjanti involuti fl-iskambji kienu jafu li n-negozjanti ta’ banek oħra kienu disposti li jipparteċipaw fl-istess tip ta’ aġir kollużiv dwar il-komponenti ta’ ffissar tal-prezzijiet u kundizzjonijiet oħra ta’ negozjar tal-EIRD. It-tielet, fil-premessi 460 u 461 tad-deċiżjoni kkontestata, hija sostniet li l-provi kienu juru li kien jeżisti għarfien ġenerali mifrux tan-natura dikjaratorja tal-proċess ta’ determinazzjoni tar-rati tal-Euribor u, għaldaqstant, tal-possibbiltà li din tinbidel permezz tas-sottomissjonijiet tal-banek tal-bord. Skont il-Kummissjoni, in-negozjanti li ħadu sehem fl-aġir kollużiv inkwistjoni ma setgħux jinjoraw li jekk iktar banek jibdlu s-sottomissjonijiet tagħhom fl-istess jum u għall-istess maturità ta’ Euribor, l-impatt potenzjali fuq ir-rata tal-interessi ta’ referenza jiżdied proporzjonalment man-numru ta’ banek involuti. Ir-raba’, fil-premessa 463 tal-imsemmija deċiżjoni, hija enfasizzat il-fatt li kull wieħed mill-banek inkwistjoni kien ilu attiv fis-suq inkwistjoni għal diversi snin u li n-negozjanti ma kinux urew sorpriża meta tressqitilhom talba għal ftehim. Hija ddeduċiet minn dawn l-elementi meħuda flimkien, fil-premessi 462 u 464 tad-deċiżjoni kkontestata, essenzjalment, li n-negozjanti parteċipanti fi skambji bilaterali kienu jafu jew kellhom ikunu jafu bil-fatt li kien probabbli li diversi banek kienu involuti fl-arranġamenti kollużivi, anki jekk din l-informazzjoni ma kinitx ġiet żvelata lilhom b’mod espliċitu. Il-Kummissjoni enfasizzat ukoll, fil-premessa 465 tal-imsemmija deċiżjoni, li n-negozjanti kienu s-suġġett ta’ livell għoli ta’ reġistrazzjoni u ta’ sorveljanza, b’tali mod li kellu jitqies li l-amministrazzjoni tagħhom kienet taf, jew setgħet kienet taf, bil-karatteristiċi essenzjali tal-pjan kollużiv u tal-involviment tal-impjegati tagħhom fl-imsemmi pjan. Hija żiedet tgħid li kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-prekawzjonijiet meħuda min-negozjanti sabiex jaħbu l-arranġamenti tagħhom.

479    F’dak li jirrigwarda l-motivi proprji ta’ JP Morgan, fl-ewwel lok, fil-premessa 478 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li ċerti riferimenti fl-iskambji li jinvolvu n-negozjant ta’ JP Morgan kienu jindikaw li hija kienet taf li l-informazzjoni dwar preferenzi ta’ rati ta’ interessi futuri għal ċerti maturitajiet tal-Euribor li hija kienet taqsam man-negozjant ta’ Deutsche Bank setgħet tiġi kkomunikata minn dan tal-aħħar lill-kuntatti tiegħu f’banek oħra. Fit-tieni lok, fil-premessi 479 u 480 tad-deċiżjoni kkontestata, hija rrilevat li n-negozjant ta’ JP Morgan kien jaf bir-relazzjoni mill-qrib li n-negozjant ta’ Deutsche Bank kellu man-negozjant ta’ Barclays. Fit-tielet lok, fil-premessa 481 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat, minn naħa, li n-negozjant ta’ Barclays kien diġà ppropona lin-negozjant ta’ JP Morgan li jagħmel offerti f’kull livell li jista’ jkun jixtieq għall-iffissar Euribor (skambju tal‑25 ta’ Ottubru 2006) u, min-naħa l-oħra, li, fid-dawl tal-fatt li n-negozjant ta’ JP Morgan kien jaf bir-relazzjoni ta’ negozjar mill-qrib ħafna bejn in-negozjanti ta’ Barclays u ta’ Deutsche Bank, huwa kien f’pożizzjoni li jipprevedi li, peress li kien hemm skambju man-negozjant ta’ Deutsche Bank dwar preferenzi għall-iffissar futur tar-rata Euribor, persuni f’banek oħra kienu ser ikunu involuti f’dawn l-arranġamenti, inkluż in-negozjant ta’ Barclays. Fir-raba’ lok, fil-premessa 482 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni enfasizzat żewġ riferimenti indiretti (korrispondenza tal‑10 ta’ Ottubru 2006 bejn in-negozjant ta’ Barclays u n-negozjant ta’ Deutsche Bank u tat‑8 ta’ Novembru 2006 bejn dan in-negozjant tal-aħħar u n-negozjant ta’ JP Morgan) li juru l-involviment tan-negozjant ta’ JP Morgan fl-iskambji kollużivi u li jrendu “wisq inqas probabbli” li JP Morgan ma kinitx taf jew ma kinitx f’pożizzjoni li tipprevedi li l-kollużjoni dwar is-sottomissjonijiet Euribor kienet tinvolvi lil banek oħra minbarra Deutsche Bank.

480    Preliminarjament, għandu jiġi miċħud l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li għandu jiġi deċiż li, permezz tal-kuntatti tagħha ma’ Deutsche Bank, JP Morgan ipparteċipat fl-aġir antikompetittiv kollu li jikkostitwixxi l-ksur uniku u kontinwu u li din iċ-ċirkustanza hija biżżejjed biex timputalha r-responsabbiltà għall-imsemmi aġir kollu.

481    Fil-fatt, l-aġir antikompetittiv attribwit lil JP Morgan seħħ fil-kuntest ta’ diskussjonijiet bilaterali. B’hekk, il-fatt li jgħid li d-diskussjonijiet li pparteċipat fihom JP Morgan ma’ Deutsche Bank jaqgħu taħt ċerti kategoriji ġenerali msemmija fil-premessi 113, 358 u 392 tad-deċiżjoni kkontestata ma jistax, fih innifsu, ikun suffiċjenti biex tiġi imputata lilha r-responsabbiltà għall-aġir li jikkostitwixxi ksur, li jaqa’ taħt l-istess kategoriji, tal-banek li magħhom hija ma kellhiex kuntatti diretti. Skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 442 iktar ’il fuq, hija l-Kummissjoni li kellha turi li JP Morgan kienet taf b’dan l-aġir illegali previst jew implimentat mill-banek l-oħra, jew li hija setgħet raġonevolment tipprevedih.

482    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma jikkontestawx konkretament il-konklużjoni tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata dwar l-għarfien minn JP Morgan tal-aġir maħsub jew implimentat mill-parteċipanti l-oħra fl-akkordju sabiex jintlaħaq l-istess għan biss sa fejn huwa kkonċernat l-aġir intiż għall-manipulazzjoni tal-iffissar tal-Euribor.

483    Huma jsostnu biss li “l-elementi huma inqas u inqas numerużi sabiex jiġi kkonstatat b’mod preċiż biżżejjed li [n-negozjant ta’ JP Morgan] kellu għarfien tal-aġir tal-impriżi l-oħra involuti fl-akkordju, tal-pjan komuni tagħhom jew tal-karatteristiċi essenzjali tal-akkordju”. Anki jekk jitqies li, permezz ta’ tali argument, ir-rikorrenti għandhom l-intenzjoni li jikkontestaw li n-negozjant ta’ JP Morgan kien jaf bil-fatt li l-aġir li ma kienx relatat mal-manipulazzjonijiet tal-Euribor kien jifforma parti minn pjan ġenerali, huma ma ressqu ebda argument konkret f’dan is-sens, b’mod partikolari fir-rigward tal-fatt li n-negozjant ta’ JP Morgan ma kienx jaf bl-involviment tal-banek l-oħra fil-prattiki li ma humiex il-manipulazzjonijiet tal-Euribor.

484    Fir-rigward tal-argumenti tar-rikorrenti intiżi biex jikkontestaw l-għarfien minn JP Morgan tal-aġir li jirrigwarda l-manipulazzjoni tal-iffissar tal-Euribor, previst jew implimentat mill-parteċipanti l-oħra fl-akkordju sabiex jintlaħaq l-istess għan, għandu jitfakkar, hekk kif jirriżulta mill-punti 277 sa 312 iktar ’il fuq, li l-parteċipazzjoni diretta ta’ JP Morgan fil-prattiki intiżi biex jinfluwenzaw is-sottomissjonijiet lill-bord Euribor bl-għan li tiġi mmanipulata din ir-rata ġiet stabbilita mill-Kummissjoni fir-rigward tal-iskambji bejn in-negozjant tagħha u n-negozjanti ta’ Deutsche Bank u ta’ Barclays fid-dati tas‑27, 28 u 29 ta’ Settembru 2006, tat‑2, 25 u 26 ta’ Ottubru 2006, tat‑8 ta’ Novembru 2006, tat‑18 ta’ Diċembru 2006, tal‑4 u tat‑8 ta’ Jannar 2007, tas‑6 ta’ Frar 2007 u tas‑16 u tad‑19 ta’ Marzu 2007. Dawn l-iskambji kienu jikkonċernaw id-diversi okkorrenzi tal-iffissar tal-Euribor.

485    Ir-rikorrenti jikkontestaw, essenzjalment, li n-negozjant ta’ JP Morgan kien jaf jew seta’ raġonevolment jipprevedi li dawn l-iskambji kienu jifformaw parti minn “pjan ġenerali” li jmur lil hinn mill-kuntest tal-iskambji bilaterali u li jinvolvu banek oħra.

486    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li jirriżulta b’mod partikolari mill-premessa 459 tad-deċiżjoni kkontestata, fir-rigward ta’ JP Morgan, il-Kummissjoni ma għandhiex provi diretti li juru li, permezz tal-kuntatti bilaterali tiegħu man-negozjanti ta’ Deutsche Bank u ta’ Barclays, in-negozjant ta’ JP Morgan sar jaf bil-fatt li l-aġir li kien qiegħed jipparteċipa fih ma’ dawn in-negozjanti kien jifforma parti minn ksur uniku li kien jinvolvi lil banek oħra. Fil-fatt, in-negozjant ta’ Deutsche Bank jew in-negozjant ta’ Barclays fl-ebda mument ma informaw lin-negozjant ta’ JP Morgan bl-involviment ta’ banek oħra fil-prattiki kollużivi.

487    Madankollu, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li, fid-dawl tal-fatt li n-negozjant ta’ JP Morgan kellu skambju kemm man-negozjant ta’ Deutsche Bank kif ukoll man-negozjant ta’ Barclays dwar il-possibbiltajiet li jiġu influwenzati s-sottomissjonijiet tal-banek rispettivi tagħhom, huwa kien jaf li minn tal-inqas żewġ banek kienu qegħdin jipparteċipaw fil-prattiki ta’ manipulazzjoni tar-rati. Ċertament, din iċ-ċirkustanza waħedha ma hijiex biżżejjed biex turi li n-negozjant ta’ JP Morgan kien jaf bil-fatt li l-iskambji tiegħu ma’ dawn in-negozjanti kienu jmorru lil hinn mill-kuntest bilaterali u li, permezz tagħhom, huwa kien qiegħed jipparteċipa fi ksur uniku u kontinwu ma’ banek oħra. Fil-fatt, ir-rikorrenti ġustament isostnu, billi jibbażaw ruħhom f’dan ir-rigward fuq il-ġurisprudenza, li l-fatt li n-negozjant ta’ JP Morgan kellu kuntatti bilaterali, anki b’mod parallel maż-żewġ negozjanti, ma huwiex biżżejjed biex juri li huwa kien jaf bl-aġir illegali previst jew implimentat mill-parteċipanti l-oħra fl-akkordju sabiex jintlaħqu l-istess għanijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2015, Toshiba vs Il-Kummissjoni, T‑104/13, EU:T:2015:610, punt 86).

488    Madankollu, dan il-fatt u l-provi invokati fil-premessi 478 sa 482 u 457 sa 464 tad-deċiżjoni kkontestata, evalwati globalment bħala sensiela ta’ indizji, jikkostitwixxu provi serji, preċiżi u konkordanti li jippermettu li jintwera li n-negozjant ta’ JP Morgan seta’ raġonevolment jipprevedi li l-iskambji msemmija fil-punt 484 iktar ’il fuq kienu jifformaw parti minn “pjan ġenerali” li jinvolvi lil banek oħra.

489    Fil-fatt, mill-provi prodotti f’dan ir-rigward mill-Kummissjoni fil-premessi 479 u 481 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta mingħajr ekwivoku li n-negozjant ta’ JP Morgan kien jaf bir-relazzjonijiet professjonali mill-qrib u ta’ ħbiberija bejn in-negozjanti ta’ Deutsche Bank u ta’ Barclays, fatt li huwa ammess, essenzjalment, mir-rikorrenti. Din il-konstatazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-iskambju tat‑28 ta’ Settembru 2006 bejn in-negozjant ta’ Deutsche Bank u n-negozjant ta’ Barclays (ara l-premessa 480 tad-deċiżjoni kkontestata), invokat mir-rikorrenti, anki jekk jitqies li din għandha tiġi interpretata, kif jagħmlu r-rikorrenti, bħala li turi li dawn in-negozjanti kienu qed jippruvaw jaħbu min-negozjant ta’ JP Morgan l-attivitajiet illegali tagħhom.

490    Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, ikkunsidrati fid-dawl tal-fatt li, permezz tal-kuntatti bilaterali tiegħu magħhom, in-negozjant ta’ JP Morgan kien jaf li n-negozjanti ta’ Deutsche Bank u ta’ Barclays kienu jipparteċipaw f’aġir intiż biex jinfluwenza s-sottomissjonijiet lill-bord Euribor bl-għan li jimmanipula r-rati, huwa seta’ raġonevolment jipprevedi li l-informazzjoni dwar il-preferenzi għas-sottomissjonijiet Euribor futuri li huwa kien jiskambja man-negozjant ta’ Deutsche Bank kienet maqsuma minn dan tal-aħħar man-negozjant ta’ Barclays.

491    Fit-tieni lok, in-negozjant ta’ JP Morgan kien jaf ukoll bl-involviment tal-banek l-oħra f’tali prattiċi ta’ manipulazzjoni tar-rati, jew seta’ raġonevolment jipprevedi dan. Il-Kummissjoni ġustament tirreferi f’dan ir-rigward, fil-premessa 478 tad-deċiżjoni kkontestata, għall-iskambju tal‑15 ta’ Diċembru 2006, li matulu n-negozjant ta’ JP Morgan inkariga lill-persuna responsabbli mis-sottomissjonijiet li ċerti banek, fosthom Deutsche Bank, kienu involuti f’“logħba” intiża biex timmanipula ’l fuq l-iffissar Euribor-3M fit‑18 ta’ Diċembru 2006 (ara l-punti 207 sa 209 iktar ’il fuq). Il-Kummissjoni ġustament invokat ukoll, fil-premessa 482 tad-deċiżjoni kkontestata, bħala “riferiment indirett”, l-iskambju tat‑8 ta’ Novembru 2006. Fil-fatt, fid-dawl ta’ dak tal‑15 ta’ Diċembru 2006, li matulu n-negozjant ta’ JP Morgan indika li “fellows” oħra kienu ngħaqdu mal-banek li kienu qedin jilgħabu “logħba” li kienet tikkonsisti f’li “jġiegħlu l-iffissar isir ’l fuq” (ara l-punt 208 iktar ’il fuq), l-iskambju tat‑8 ta’ Novembru 2006 għandu jiġi interpretat fis-sens li n-negozjant ta’ JP Morgan ħaseb li l-persuni responsabbli mis-sottomissjonijiet f’ċerti banek minbarra Deutsche Bank kienu iktar disposti li jsegwu l-preferenzi tan-negozjanti fir-rigward tas-sottomissjonijiet futuri Euribor. Fl-aħħar nett, mill-iskambju tas‑16 ta’ Marzu 2007 bejn in-negozjant ta’ JP Morgan u l-persuna responsabbli mis-sottomissjonijiet tal-bank tiegħu jirriżulta li dan in-negozjant kien jaf bl-eżistenza ta’ tentattivi ta’ manipulazzjonijiet tal-iffissar Euribor-3M ta’ Marzu 2007 jew, tal-inqas, li huwa kien jissuspettahom, u dan juri wkoll l-għarfien tiegħu tal-fatt li banek oħra attivi fis-suq tal-EIRD kienu involuti f’tali prattiki (ara l-punt 258 iktar ’il fuq).

492    Eżaminati fid-dawl tal-komunikazzjonijiet tal-bank E, invokati mill-Kummissjoni fil-premessa 487 tad-deċiżjoni kkontestata u li minnhom jirriżulta li n-negozjant ta’ JP Morgan kellu d-drawwa li jiskambja informazzjoni ma’ negozjanti kompetituri oħra minbarra n-negozjant ta’ Deutsche Bank bl-għan li jikkoordina s-sottomissjonijiet Euribor skont il-pożizzjonijiet ta’ negozjar rispettivi tagħhom (ara l-punti 73 u 75 iktar ’il fuq), dawn l-iskambji jippermettu li jitqies li n-negozjant ta’ JP Morgan seta’ minn tal-inqas raġonevolment jipprevedi li banek differenti minn dawk li magħhom kellu kuntatti diretti kienu jipparteċipaw fl-aġir li jirrigwarda l-manipulazzjonijiet tar-rata Euribor.

493    Fit-tielet lok, diversi kunsiderazzjonijiet irrilevati mill-Kummissjoni fir-rigward tad-destinatarji kollha tad-deċiżjoni kkontestata (ara l‑punt 478 iktar ’il fuq) huma wkoll rilevanti bħala elementi ta’ sensiela ta’ indizji.

494    Minn naħa, il-Kummissjoni rrilevat, fil-premessa 460 tad-deċiżjoni kkontestata, l-eżistenza ta’ “għarfien ġenerali mifrux” fost l-atturi tas-suq minħabba l-fatt li l-proċess ta’ determinazzjoni tar-rati ta’ referenza kien dikjaratorju u, konsegwentement, li s-sottomissjonijiet setgħu jiġu diviżi mill-banek membri tal-bord skont l-interess tagħhom fil-mument tas-sottomissjoni (ara wkoll il-premessa 406 tal-imsemmija deċiżjoni).

495    Sabiex jikkontestaw dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-rikorrenti jirreferu għal dikjarazzjoni tan-negozjant ta’ JP Morgan fix-xhieda tiegħu annessa mar-rikors li tgħid li huwa ma kellux tali perċezzjoni tal-proċess tal-kontribuzzjonijiet lill-bord Euribor, jiġifieri li huwa ma kienx jaħseb li s-sottomissjonijiet kienu jieħdu inkunsiderazzjoni l-interessi tal-banek tal-bord.

496    Kif jirriżulta mill-punt 60 iktar ’il fuq, id-dikjarazzjonijiet tan-negozjant ta’ JP Morgan għandhom saħħa probatorja dgħajfa. Fl-assenza ta’ kwalunkwe argument jew prova oħra mressqa mir-rikorrenti, għandu jiġi kkonstatat li huma ma wrewx li l-Kummissjoni żbaljat meta kkonstatat l-eżistenza ta’ tali għarfien mifrux fost l-atturi tas-suq tan-natura dikjaratorja tas-sottomissjonijiet tal-banek lill-bord Euribor, meta f’dan ir-rigward hija bbażat ruħha fuq dokumenti interni tal-banek li pparteċipaw fil-ksur, b’mod partikolari dawk li joriġinaw mill-ispezzjonijiet (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 521 tad-deċiżjoni kkontestata).

497    Min-naħa l-oħra, fil-premessi 461 u 462 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrilevat li n-negozjanti ma setgħux jinjoraw il-fatt li, jekk iktar banek jibdlu s-sottomissjonijiet tagħhom fl-istess jum u għall-istess maturità ta’ Euribor, l-impatt potenzjali fuq ir-rata tal-interessi ta’ referenza jiżdied proporzjonalment man-numru ta’ banek involuti, b’tali mod li l-livell ta’ suċċess tal-prattiki kollużivi kien jiddependi ħafna mill-involviment ta’ iktar banek. Għal din ir-raġuni wkoll, uħud mid-diskussjonijiet bejn in-negozjanti, bħal dawk li kien ipparteċipa fihom in-negozjant ta’ JP Morgan man-negozjant ta’ Deutsche Bank f’Jannar u fi Frar 2007, kienu jibdew ċertu żmien qabel l-iffissar previst mill-manipulazzjonijiet, sabiex in-negozjanti jkunu jistgħu jallinjaw jew jaġġustaw il-pożizzjonijiet tan-negozjar tagħhom.

498    Minn dan isegwi li attur importanti u kkwalifikat fis-suq, bħalma huwa n-negozjant ta’ JP Morgan (ara, f’dan is-sens u essenzjalment, il-premessi 457 u 463 tad-deċiżjoni kkontestata), kien f’pożizzjoni li jiddeduċi miċ-ċirkustanzi mfakkra fil-punti 494 u 497 iktar ’il fuq li l-manipulazzjonijiet tal-Euribor li huwa kien qed jipprevedi man-negozjanti ta’ Deutsche Bank u ta’ Barclays kellhom iktar ċans li jirnexxu jekk diversi banek kienu involuti, u dan anki jekk huwa ma kienx ġie informat b’mod espliċitu minn dawn tal-aħħar bl-involviment ta’ banek speċifiċi oħra.

499    F’dan il-kuntest, għandhom jiġu miċħuda wkoll l-argumenti tar-rikorrenti li jgħidu li l-Kummissjoni kienet obbligata turi għarfien speċifiku min-negozjant ta’ JP Morgan tal-pjan tal-banek l-oħra u, b’mod partikolari, tal-maturitajiet tar-rata kkonċernata u tad-direzzjoni tal-manipulazzjonijiet previsti. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 445 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi biss li l-impriża kkonċernata għandha għarfien jew setgħet raġonevolment tipprevedi l-portata ġenerali u l-karatteristiċi essenzjali tal-akkordju globali. Issa, f’dan il-każ, n-negozjant ta’ JP Morgan kien jaf bil-karatteristiċi essenzjali tal-akkordju globali intiż biex jinfluwenza l-flussi tal-flus dovuti skont il-kuntratti dwar l-EIRD permezz tal-azzjoni miftiehma tan-negozjanti intiża biex tinfluwenza s-sottomissjonijiet lill-bord Euribor tal-banek rispettivi tagħhom bl-għan li tiġi mmanipulata din ir-rata skont l-interessi tagħhom.

500    Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mis-sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2017, Icap et vs Il-Kummissjoni (T‑180/15, EU:T:2017:795), invokata f’dan il-kuntest mir-rikorrenti. Fil-fatt, iċ-ċirkustanzi fattwali li wasslu għal din is-sentenza huma differenti minn dawk f’dan il-każ sa fejn il-Kummissjoni kkonstatat fir-rigward tar-rikorrenti f’din il-kawża r-rwol ta’ faċilitatur tal-akkordju fis-sens tas-sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2008, AC-Treuhand vs Il-Kummissjoni (T‑99/04, EU:T:2008:256), u mhux ta’ membru tal-akkordju bħal f’dan il-każ fir-rigward ta’ JP Morgan. Barra minn hekk, l-għarfien mir-rikorrenti f’din il-kawża tal-għanijiet komuni tal-partijiet fl-akkordju kien ġie stabbilit abbażi ta’ konverżazzjoni waħda li l-kontenut tagħha kien limitat. Huwa fil-kuntest speċifiku tal-evalwazzjoni tat-tul tal-ksur imwettaq mir-rikorrenti f’din il-kawża bħala faċilitatur tal-akkordju, u b’mod partikolari tan-natura kontinwa ta’ tali ksur, li l-Qorti Ġenerali ċaħdet, fil-punt 228 tas-sentenza tagħha tal‑10 ta’ Novembru 2017, Icap et vs Il-Kummissjoni (T‑180/15, EU:T:2017:795), invokata mir-rikorrenti, provi kkunsidrati mill-Kummissjoni dwar il-maturitajiet tar-rati jew dwar l-istruzzjonijiet tal-manipulazzjonijiet differenti minn dawk li r-rikorrenti f’din il-kawża kienu jafu bihom. Għaldaqstant, l-argument tal-appellanti bbażat fuq analoġija ma’ din is-sentenza ma jistax ikollu suċċess. Għandu jiġi rrilevat ukoll li r-rikorrenti ma ressqux fir-rikors ilment intiż biex tiġi kkontestata n-natura kontinwa tal-ksur ikkunsidrat f’dan il-każ mill-Kummissjoni.

501    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-provi, evalwati globalment bħala sensiela ta’ indizji, jippermettu li jintwera li n-negozjant ta’ JP Morgan seta’ raġonevolment jipprevedi li l-iskambji msemmija fil-punt 484 iktar ’il fuq kienu jeċċedu l-qafas bilaterali u kienu jaqgħu taħt ksur uniku li jinvolvi lil banek oħra li kellhom l-għan li jbiddlu l-flussi tal-flus dovuti skont l-EIRD permezz ta’ azzjonijiet miftiehma intiżi biex jimmanipulaw ir-rata Euribor, u li huwa kien lest li jaċċetta r-riskju. Għaldaqstant, it-tieni parti tar-raba’ motiv għandha tiġi miċħuda.

[omissis]

[omissis]

[omissis]

[omissis]

[omissis]

C.      Fuq it-talba għall-annullament tal-Artikolu 2(c) tad-deċiżjoni kkontestata u t-talba għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa

[omissis]

[omissis]

[omissis]

2.      Fuq it-talba għal tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta

[omissis]

704    F’dan il-każ, sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa intiża biex tippenalizza l-aġir ta’ JP Morgan li jikkostitwixxi ksur, kif jirriżulta mill-eżami tal-ewwel ħames motivi, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi li ġejjin.

705    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-gravità u tat-tul tal-ksur, għandu jiġi rrilevat dan li ġej.

706    L-ewwel, huwa opportun li tintuża l-metodoloġija li, bħal dik segwita f’dan il-każ mill-Kummissjoni, tidentifika inizjalment ammont bażiku tal-multa, li jista’, sussegwentement, jiġi aġġustat skont iċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ.

707    Qabel kollox, fir-rigward tal-valur tal-bejgħ bħala data inizjali, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, bħala valur ta’ sostituzzjoni għalih, id-dħul tal-flus imnaqqas. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-eżami tat-tielet parti tas-sitt motiv, il-valur tad-dħul tal-flus imnaqqas jista’, f’dan il-każ, jagħti bażi inizjali xierqa sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa, sa fejn dan il-valur jirrifletti l-importanza ekonomika tal-ksur u l-piż relattiv tal-impriża fil-ksur.

708    F’dan ir-rigward, ċertament ġie kkonstatat, fil-kuntest tal-eżami tat-tieni parti tas-sitt motiv (ara l-punt 657 iktar ’il fuq), li d-determinazzjoni mill-banek tad-dħul tal-flus kienet tat lok, f’ċerti każijiet, għal approċċi differenti. Madankollu, kif jirriżulta mill-punt 671 iktar ’il fuq, minn dawn id-differenzi ma jirriżulta l-ebda ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali.

709    Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali tqis li metodoloġija oħra ta’ kalkolu tad-dħul tal-flus, b’mod partikolari bħal dak segwit minn ċerti banek sabiex iwieġbu għat-talba għal informazzjoni tat‑12 ta’ Ottubru 2012, ma tkunx iktar xierqa sabiex jiġi stabbilit id-dħul tal-flus. Fil-fatt, metodoloġija li timplika l-esklużjoni ta’ partijiet fissi tal-kuntratti li għandhom kemm partijiet fissi kif ukoll partijiet varjabbli, l-esklużjoni tal-prodotti “eżotiċi” jew l-applikazzjoni ta’ kumpens ta’ kull xahar pjuttost milli ta’ kuljum, ma hijiex iktar xierqa sabiex tiddetermina, f’dan il-każ, il-valur tal-bejgħ fir-rigward tal-ksur issanzjonat u b’hekk tirrifletti b’mod adegwat ir-realtà u l-portata ekonomika tiegħu kif ukoll il-pożizzjoni tal-impriżi f’dan il-ksur. Effettivament, fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kuntratti dwar l-EIRD li għandhom kemm parti fissa kif ukoll parti varjabbli, il-fluss tal-flus jirrifletti d-differenza bejn ir-rata fissa u r-rata varjabbli fid-data tal-iffissar, kif jirriżulta mill-punt 39 iktar ’il fuq. Il-Qorti Ġenerali tqis li ma teżisti ebda raġuni sabiex jiġu esklużi b’mod partikolari l-flussi li jirriżultaw minn waħda miż-żewġ “partijiet” ta’ tali EIRD. Fit-tieni lok, xejn ma jiġġustifika l-esklużjoni tal-prodotti “eżotiċi” mill-kalkoli tad-dħul tal-flus, filwaqt li dawn jifformaw ukoll parti mis-suq rilevanti tal-EIRD. Fit-tielet lok, filwaqt li l-kumpens ta’ kuljum huwa l-istandard tas-suq, l-ebda ċirkustanza partikolari għal din il-kawża ma tiġġustifika l-esklużjoni tiegħu.

710    Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tieħu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa, il-valur tad-dħul tal-flus ta’ JP Morgan ikkunsidrat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata.

711    Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li huwa stabbilit bejn il-partijiet li l-fatt li jiġi adottat, bħala bażi għall-kalkolu tal-multa, id-dħul tal-flus biss iwassal għall-impożizzjoni ta’ multa dissważiva wisq. Il-partijiet għalhekk jaqblu fuq il-fatt li huwa neċessarju li dan id-dħul tal-flus jitnaqqas permezz tal-applikazzjoni ta’ fattur ta’ tnaqqis.

712    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni applikat fattur ta’ tnaqqis uniformi ffissat għal 98.849 %.

713    Fir-rigward tad-determinazzjoni ta’ dan il-fattur ta’ tnaqqis, għandu jiġi rrilevat li dan huwa r-riżultat ta’ eżerċizzju kumpless li jirrifletti diversi elementi, b’mod partikolari l-kumpens inerenti għan-negozjar tad-derivattivi b’mod ġenerali kif ukoll l-ispeċifiċitajiet tal-kumpens ta’ dawn il-prodotti u, b’mod iktar partikolari, tal-EIRD. Għalhekk, din hija approssimazzjoni ta’ valur ikkostruwit. Għalhekk, mid-definizzjoni tiegħu stess, ma jeżistix fattur wieħed ta’ tnaqqis possibbli.

714    Ir-rikorrenti jipproponu fattur ta’ tnaqqis alternattiv ta’ 99.91 % mingħajr madankollu ma jippreċiżaw ir-raġunijiet għalfejn rata ta’ tnaqqis stabbilita f’dan il-livell hija iktar xierqa minn dik adottata mill-Kummissjoni. Huma sempliċement isostnu li l-applikazzjoni tal-valur AFR tal-EIRD matul il-perijodu rilevanti “tissuġġerixxi” rata ta’ tnaqqis “xierqa” ta’ 99.91 %. Issa, kif ġie rrilevat fil-punti 588 sa 593 iktar ’il fuq, l-approċċ propost mir-rikorrenti għall-kalkolu, f’dan il-każ, ta’ valur ta’ sostituzzjoni għall-valur tal-bejgħ, ibbażat fuq AFR, ma jistax jiġi pprivileġġjat sa fejn dan ma huwiex kapaċi jirrifletti aħjar l-importanza ekonomika tal-ksur mill-approċċ tal-Kummissjoni bbażat fuq id-dħul tal-flus imnaqqas.

715    Fi kwalunkwe każ, il-Qorti Ġenerali tqis li l-applikazzjoni ta’ tali fattur ta’ tnaqqis alternattiv partikolarment għoli, saħansitra eċċessiv, tirriskja li tneħħi s-sens tas-sanzjoni billi tagħmilha negliġibbli u b’dan il-mod tippreġudika n-neċessità li tiżgura n-natura suffiċjentement dissważiva tal-multa. L-applikazzjoni ta’ fattur ta’ tnaqqis alternattiv ta’ 99.91 % issuġġerit mir-rikorrenti twassal għalhekk għall-impożizzjoni ta’ multa li la tirrifletti l-importanza ekonomika tal-ksur u lanqas il-piż relattiv ta’ JP Morgan fih.

716    Fir-replika, ir-rikorrenti jsostnu li rata oħra ta’ tnaqqis għandha tiġi applikata għad-dħul tal-flus ta’ JP Morgan sabiex tirrifletti l-piż tagħha fis-suq. Madankollu, huma ma jipproponu ebda rata oħra li tkun iktar xierqa u li, fl-istess ħin, tippermetti li tiġi imposta multa li tirrifletti l-importanza ekonomika tal-ksur u l-piż relattiv ta’ JP Morgan fih billi tiżgura n-natura dissważiva tal-multa.

717    Fi kwalunkwe każ, minn naħa, huwa stabbilit bejn il-partijiet li l-fattur ta’ tnaqqis jammonta tal-inqas għal 98.849 %. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali tfakkar li l-iffissar ta’ multa fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha ma huwiex eżerċizzju aritmetiku preċiż.

718    It-tieni, fir-rigward tal-gravità tal-ksur, il-Qorti Ġenerali tqis xieraq li tieħu inkunsiderazzjoni n-natura tal-ksur, il-portata ġeografika tiegħu kif ukoll it-twettiq jew le tal-ksur.

719    Fir-rigward tan-natura tal-ksur, sa fejn l-aġir inkwistjoni kien jirrigwarda l-fatturi rilevanti għad-determinazzjoni tal-prezzijiet tal-EIRD, min-natura tiegħu dawn huma fost l-iktar restrizzjonijiet gravi tal-kompetizzjoni. Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li l-prattiki inkwistjoni huma partikolarment serji u dannużi sa fejn dawn jistgħu mhux biss joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq tal-prodotti tal-EIRD, iżda wkoll, b’mod iktar wiesa’, jikkompromettu l-fiduċja fis-sistema bankarja u fis-swieq finanzjarji kollha kemm huma kif ukoll il-kredibbiltà tagħhom.

720    Fil-fatt, kif irrilevat il-Kummissjoni fil-premessa 721 tad-deċiżjoni kkontestata, mingħajr ma dawn l-elementi ġew ikkontestati mir-rikorrenti, l-indiċijiet ta’ referenza kkonċernati riflessi fit-tarifikazzjoni tal-EIRD japplikaw għall-parteċipanti kollha fis-suq tal-EIRD. Barra minn hekk, peress li dawn ir-rati huma bbażati fuq l-euro, huma ta’ importanza kbira għall-armonizzazzjoni tal-kundizzjonijiet finanzjarji fis-suq intern u għall-attivitajiet bankarji fl-Istati Membri.

721    Fir-rigward tal-portata ġeografika tal-ksur, kif jirriżulta mill-premessi 47 u 721 tad-deċiżjoni kkontestata, l-akkordju kien ikopri tal-inqas iż-ŻEE kollha, b’tali mod li l-aġir inkwistjoni seta’ jkollu effett fuq l-attivitajiet bankarji fl-Istati Membri kollha.

722    Għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-fatt li s-sensiela ta’ indizji li għandha l-Qorti Ġenerali tirrendi tal-inqas plawżibbli l-fatt li n-negozjant ta’ JP Morgan implimenta l-aġir illegali miftiehem man-negozjant ta’ Barclays fis‑27 u fit‑28 ta’ Settembru 2006 billi stabbilixxa kuntatti ma’ dawk responsabbli mis-sottomissjonijiet tal-bank tiegħu (ara l-punti 281 u 302 sa 305 iktar ’il fuq).

723    It-tielet, għandu jiġi kkunsidrat it-tul tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur kif jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata, peress li dan ma ġiex ikkontestat mir-rikorrenti u ma kienx affettwat mill-konklużjoni msemmija fil-punt 317 iktar ’il fuq dwar il-parteċipazzjoni ta’ JP Morgan fl-aġir li jikkostitwixxi l-ksur uniku inkwistjoni.

724    Fit-tieni lok, fir-rigward taċ-ċirkustanzi attenwanti, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li JP Morgan kellha rwol inqas importanti fil-ksur mill-atturi prinċipali, b’mod partikolari l-bank D u l-bank A. Bl-istess mod, l-intensità tal-kuntatti li pparteċipa fihom in-negozjant ta’ JP Morgan kienet inqas minn dik tal-imsemmija atturi prinċipali.

725    Madankollu, xorta jibqa’ l-fatt li, kif ġie osservat fil-punt 696 iktar ’il fuq, l-iskambji li JP Morgan ipparteċipat fihom huma kkaratterizzati minn frekwenza u minn regolarità partikolari. Il-fondatezza ta’ din il-konstatazzjoni fl-ebda każ ma hija mibdula mill-konklużjoni msemmija fil-punt 153 iktar ’il fuq dwar il-portata ta’ wieħed mill-iskambji meqjusa kontra r-rikorrenti fid-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri dak tal‑10 ta’ Ottubru 2006.

726    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-parteċipazzjoni ta’ JP Morgan fl-aġir li jikkostitwixxi ksur kienet intenzjonata u li r-rikorrenti ma sostnewx li huma kellhom jibbenefikaw, f’dan il-każ, miċ-ċirkustanza attenwanti ta’ negliġenza. Barra minn hekk, ir-rikorrenti pparteċipaw, anki jekk passivament, f’numru mhux negliġibbli ta’ kuntatti antikompetittivi, mingħajr qatt ma wrew xi riżerva jew oppożizzjoni, filwaqt li pparteċipaw fi skambji ta’ informazzjoni antikompetittiva. B’dan il-mod, ir-rikorrenti taw l-impressjoni lill-kompetituri tagħhom li huma ħadu sehem fl-akkordju kontenzjuż u, għalhekk, ikkontribwixxew biex jinkoraġġixxuh. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punt 719 iktar ’il fuq, l-aġir inkwistjoni huwa kkaratterizzat minn gravità ikbar. Konsegwentement, l-effett fuq l-ammont finali tal-multa taċ-ċirkustanzi attenwanti relatati mal-intensità inqas tal-parteċipazzjoni u mar-rwol inqas importanti ta’ JP Morgan fil-ksur meta mqabbla mal-atturi prinċipali jista’ jkun biss marġinali.

727    Fit-tielet lok, l-ammont tal-multa stabbilit mill-Qorti Ġenerali jieħu debitament inkunsiderazzjoni n-neċessità li tiġi imposta fuq JP Morgan multa ta’ ammont dissważiv.

728    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, il-Qorti Ġenerali tqis li ssir evalwazzjoni ġusta taċ-ċirkustanzi tal-każ, fid-dawl tal-prinċipju ta’ individwalizzazzjoni tas-sanzjoni u ta’ proporzjonalità tagħha, billi l-ammont tal-multa jiġi ffissat għal EUR 337 196 000, li għaliha JP Morgan Chase & Co. u JP Morgan Chase Bank, National Association huma responsabbli in solidum. Għaldaqstant, it-talbiet għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti għandhom jiġu miċħuda.

[omissis]

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      Ma hemmx iktar lok li tingħata deċiżjoni fuq ir-rikors sa fejn dan ġie ppreżentat minn J.P. Morgan Services LLP.

2)      L-Artikolu 2(c) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2016) 8530 finali, tas7 ta’ Diċembru 2016, li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE [Każ AT.39914 — Derivattivi mir-rati tal-imgħax f’euro (EIRD)] huwa annullat sa fejn jikkonċerna lil JPMorgan Chase & Co. u JPMorgan Chase Bank, National Association.

3)      L-ammont tal-multa, li għaliha JPMorgan Chase & Co. u JPMorgan Chase Bank, National Association huma responsabbli in solidum għaliha, huwa ffissat għal EUR 337 196 000.

4)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

5)      Kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Papasavvas

Kornezov

Buttigieg

Kowalik-Bańczyk

 

      Hesse

Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fi

Firem


*      Lingwa tal-proċedura: l-Ingliż.


1      Huma riprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tqis li l-pubblikazzjoni tagħhom hija utli.