Language of document :

Rikors ippreżentat fit-30 ta' Ottubru 2007 - Coto Moreno vs Il-Kummissjoni

(Kawża F-127/07)

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Juana Maria Coto Moreno (Gaborone, Botswana) (rappreżentanti: K. Lemmens, C. Doutrelepont, avocats)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni tat-12 ta' Frar 2007 li permezz tagħha l-bord ta' l-eżaminaturi fil-kompetizzjoni EPSO/AD/28/05 irrifjuta li jinkludi lir-rikorrenti fil-lista ta' riżerva ta' din il-kompetizzjoni, u għalhekk:

tingħata kumpens għad-danni morali fl-ammont ta' EUR 25 000;

tingħata kumpens sabiex tkopri d-drittijiet ta' l-avukat stmati fl-ammont ta' EUR 8 000 u ċċertifikati mis-sitwazzjoni komunikata;

tiddeċiedi, b'mod prinċipali, li l-awtoritajiet kompetenti għandhom jieħdu kull azzjoni sabiex ikun hemm rimedju ġust għad-dannu kkawżat mill-att annullat, jiġifieri li r-rikorrenti tiġi inkluża fil-lista ta' riżerva jew

sussidjarjament, fin-nuqqas ta' din l-inklużjoni, li r-rikorrenti tingħata kumpens għad-danni materjali fl-ammont ta' 384 000 EUR;

tikkundanna lill-konvenuta tbati l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti pparteċipat fil-kompetizzjoni EPSO/AD/28/05. Il-bord ta' l-eżaminaturi fil-kompetizzjoni rrifjuta li jinkludi r-rikorrenti fil-lista ta' riżerva ta' din il-kompetizzjoni permezz ta' deċiżjoni tat-12 ta' Frar 2007 li r-rikorrenti qed titlob li tiġi annullata.

In sostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba' raġunijiet:

L-ewwel raġuni toħroġ, b'mod prinċipali, mill-iżball manifest ta' evalwazzjoni, waħdu jew flimkien ma' nuqqas ta' motivazzjoni u/jew ksur tal-prinċipju patere legem quam ipse fecisti. Il-bord ta' l-eżaminaturi, li l-pożizzjoni tiegħu f'dan il-kuntest hija ambigwa, ikkunsidra li r-rikorrenti tat risposti "suffiċjenti" li mandankollu kellhom xi mankanzi. Dan manifestament ma kienx il-każ, iktar u iktar meta wieħed jikkunsidra li r-rikorrenti rrispondiet b'mod konformi mar-regoli tal-Kummissjoni.

It-tieni raġuni toħroġ, dejjem b'mod prinċipali, mill-ksur ta' l-avviż tal-kompetizzjoni u tal-prinċipju ta' ugwaljanza waħdu jew flimkien mar-rispett tal-prinċipju ta' raġonevolezza.

It-tielet raġuni, dejjem b'mod prinċipali, tirriżulta mill-ksur ta' l-obbligu ta' motivazzjoni in kwantu r-rikorrenti talbet b'mod ċar li tingħata raġuni għaliex tweġiba li hija tat fl-eżami orali ġiet iġġudikata żbaljata jew ta' l-inqas insuffiċjenti. Ir-rikorrenti ma ngħatatx tweġiba minkejja l-obbligu ta' motivazzjoni.

Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tinvoka, sussidjarjament, żball manifest ta' evalwazzjoni, waħdu jew flimkien mal-prinċipju ta' ugwaljanza u l-prinċipju ta' proporzjonalità. Il-punteġġ li ngħatat kien fuq kollox sproporzjonat meta mqabbel mar-riżultati (hija ngħatat il-punteġġ ta' 25/50) u jimmina l-prinċipju ta' ugwaljanza peress li r-rikorrenti kellha tiġi ttrattata bħal kwalunkwe kandidat ieħor li jkun ta tweġibiet meqjusa suffiċjenti mhux biss fil-livell ta' għarfien iżda wkoll fuq livell ta' kriterji oħra.

____________