Language of document : ECLI:EU:T:2010:477

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

24 ta’ Novembru 2010

Kawża T-9/09 P

Luigi Marcuccio

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Appell — Servizz pubbliku — Uffiċjali — Ċaħda tar-rikors fl-ewwel istanza bħala manifestament inammissibbli — Talba għal restituzzjoni ta’ beni personali — Notifika tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment b’lingwa differenti minn dik tal-ilment — Rikors li ġie ppreżentat tard — Nuqqas li tingħata risposta fir-rigward ta’ kap ta’ talbiet ippreżentat fl-ewwel istanza”

Suġġett: Appell mid-digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (L-Ewwel Awla), tal-4 ta’ Novembru 2008, Marcuccio vs Il-Kummissjoni (F-133/06, ĠabraSP p. I‑A‑1‑343 u II‑A‑1‑1883), intiż għall-annullament ta’ dan id-digriet.

Deċiżjoni: Id-digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (L-Ewwel Awla), tal-4 ta’ Novembru 2008, Marcuccio vs Il-Kummissjoni (F-133/06, ĠabraSP p. I‑A‑1‑343 u II‑A‑1‑1883) huwa annullat sa fejn ma jipprovdix deċiżjoni dwar it-talba għal dikjarazzjoni ta’ ineżistenza tad-deċiżjoni kkontestata fl-ewwel istanza. Il-kumplament tal-appell huwa miċħud. Ir-rikors, sa fejn kien intiż għal dikjarazzjoni ta’ ineżistenza tad-deċiżjoni kkontestata, huwa miċħud. L. Marcuccio għandu jbati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk inkorsi mill-Kummissjoni Ewropea fil-kuntest ta’ din l-istanza. L-ispejjeż marbuta mal-proċeduri tal-ewwel istanza li taw lok għad-digriet Marcuccio vs Il-Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq, għandhom jitħallsu skont il-modalitajiet stabbiliti fil-punt 2 tad-dispożittiv tal-imsemmi digriet.

Sommarju

1.      Proċedura — Motivazzjoni tas-sentenzi — Portata — Obbligu li tingħata deċiżjoni dwar kull ksur tad-dritt allegat

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 36 u Anness I, Artikolu 7(1))

2.      Atti tal-istituzzjonijiet — Preżunzjoni ta’ validità — Att ineżistenti — Kunċett

(Artikolu 288 TFUE)

3.      Uffiċjali — Appelli — Rikors għad-danni — Oriġini — Relazzjoni ta’ impjieg — Bażi legali

(Artikolu 270 TFUE; Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

4.      Atti tal-istituzzjonijiet — Motivazzjoni — Obbligu — Portata

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 76)

5.      Appell — Aggravji — Stħarriġ mill-Qorti Ġenerali tal-evalwazzjoni tal-provi imwettqa mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku — Esklużjoni ħlief fil-każ ta’ żnaturament

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Anness I, Artikolu 11)

6.      Proċedura — Terminu għall-preżentata ta’ rikors

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikoli 39(1) u 100(1) u (3))

7.      Appell — Aggravji — Aggravju intiż kontra d-deċiżjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fuq l-ispejjeż — Inammissibbiltà f’każ ta’ ċaħda tal-motivi l-oħra kollha

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Anness I, Artikolu 11(2))

1.      Minkejja li l-obbligu tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li jimmotiva d-deċiżjonijiet tiegħu ma jimplikax li dan jirrispondi fid-dettall għal kull argument invokat minn parti, b’mod partikolari, jekk dan tal-aħħar ma jkunx ta’ natura suffiċjentement ċara u preċiża u ma jkunx ibbażat fuq provi ddettaljati, tali obbligu madankollu jitlob li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, minn tal-inqas, jeżamina l-allegazzjonijiet kollha ta’ ksur tad-drittijiet imressqa quddiemu.

(ara l-punt 30)

Referenza: Il-Qorti Ġenerali, 19 ta’ Novembru 2009, Michail vs Il-Kummissjoni, T‑50/08 P, ĠabraSP p. I‑B‑1‑127 u II‑B‑1‑775, punt 42, u l-ġurisprudenza ċċitata

2.      L-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jgawdu, bħala prinċipju, preżunzjoni ta’ legalità u, għaldaqstant, jipproduċu effetti ġuridiċi, anki jekk ikunu vvizzjati b’irregolaritajiet, sakemm ma jkunux ġew annullati jew irtirati. Madankollu, bħala eċċezzjoni għal dan il-prinċipju, l-atti vvizzjati b’irregolarità li l-gravità tagħha tkun tant evidenti li ma tkunx tista’ tiġi ttollerata mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, għandhom jiġu kkunsidrati fis-sens li ma pproduċew ebda effett ġuridiku. Il-gravità tal-konsegwenzi marbuta mal-konstatazzjoni tal-ineżistenza ta’ att tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni titlob li, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, din il-konstatazzjoni tkun limitata għal ipoteżijiet tabilħaqq estremi.

Fi kwalunkwe każ, ma jistax jiġi kkunsidrat li jaqa’ taħt dawn l-ipoteżijiet estremi, il-ksur tad-dritt ta’ proprjetà tiegħu invokat minn uffiċjal, li jkun intalab jitlaq mill-akkomodazzjoni li tkun ġiet ipprovduta minn min iħaddmu, kontra deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda mill-Kummissjoni li tirrifjuta li tintradd lura l-proprjetà tiegħu f’daru, wara li jkunu tneħħew l-effetti personali tiegħu, meta, minn naħa, il-Kummissjoni qatt ma tkun ċaħdet li dan l-uffiċjal kien l-uniku proprjetarju tal-proprjetà li ttieħdet, u, min-naħa l-oħra, il-fatt li dan tal-aħħar ma jkunx irċevihom hija dovuta, minn tal-inqas parzjalment, għal nuqqas ta’ kooperazzjoni min-naħa tal-uffiċjal innifsu. Barra minn hekk, it-tneħħija li tkun saret mill-Kummissjoni għandha titqies bħala miżura prattika li permezz tagħha din tal-aħħar ippruvat tegħleb, bil-mezzi tagħha stess, id-diffikultajiet sostnuti mill-uffiċjal matul l-eżekuzzjoni tal-obbligu tiegħu li jitlaq mill-akkomodazzjoni pprovduta minn min iħaddmu.

(ara l-punti 37 u 40)

Referenza: Il-Qorti Ġenerali, 17 ta’ Mejju 2006, Marcuccio vs Il-Kummissjoni, T‑241/03, ĠabraSP p. I-A-2-111 u II-A-2-517, punt 39 ; Il-Qorti Ġenerali, 5 ta’ Ottubru 2009, de Brito Sequeira Carvalho vs Il-Kummissjoni u Il-Kummissjoni vs de Brito Sequeira Carvalho, T‑40/07 P u T‑62/07 P, ĠabraSP p. I‑B‑1‑89 u II‑B‑1‑551, punti 150 sa 152, u l-ġurisprudenza ċċitata

3.      Kawża bejn uffiċjal u istituzzjoni, li huwa impjegat magħha jew li kien impjegat magħha, intiża għad-danni, taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 270 TFUE u tal-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, u, b’mod partikolari fir-rigward tal-ammissibbiltà tagħha, ma taqax taħt il-kamp tal-applikazzjoni tal-Artikoli 268 TFUE u 340 TFUE.

(ara l-punt 45)

Referenza: Il-Qorti Ġenerali, 12 ta’ Ġunju 2002, Mellone vs Il-Kummissjoni, T‑187/01, ĠabraSP p. I‑A‑81 u II‑389, punt 74, u l-ġurisprudenza ċċitata; Il-Qorti Ġenerali 10 ta’ Mejju 2006, Galileo International Technology et vs Il-Kummissjoni, T‑279/03, Ġabra p. II‑1291

4.      Il-kwistjoni tal-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni, previst fl-Artikolu 76 tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fir-rigward ta’ digriet li jiċħad rikors bħala manifestament inammissibbli, għandha tiġi distinta mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivazzjoni, li tikkonċerna l-legalità sostantiva tad-digriet inkwisjtoni.

Fil-fatt, minn naħa, il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni tikkonsisti fl-espressjoni formali tal-motivi li fuqhom hija bbażata din id-deċiżjoni. Jekk dawn il-motivi huma vvizzjati bi żbalji, dawn jivvizzjaw il-legalità sostantiva tad-deċiżjoni, iżda mhux il-motivazzjoni tagħha, li tista’ tkun suffiċjenti anki jekk tinkludi motivi żbaljati. Min-naħa l-oħra, il-fatt li, fir-rigward tal-mertu, il-qorti tal-ewwel istanza waslet għall-konklużjoni differenti minn dik tar-rikorrent, ma jistax, fih innifsu, jivvizzja d-digriet appellat b’nuqqas ta’ obbligu ta’ motivazzjoni.

(ara l-punti 52 u 53)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja, 22 ta’ Marzu 2001, Franza vs Il-Kummissjoni, C‑17/99, Ġabra p. I‑2481, punt 35; Il-Qorti tal-Ġustizzja, 7 ta’ Marzu 2002, L‑Italja vs Il-Kummissjoni, C‑310/99, Ġabra p. I‑2289, punt 48; Il-Qorti tal-Ġustizzja, 10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, C‑413/06 P, Ġabra p. I‑4951, punt 181, u l-ġurisprudenza ċċitata; Il-Qorti tal-Ġustizzja, 20 ta’ Mejju 2010, Gogos vs Il-Kummissjoni, C‑583/08 P, Ġabra p. I‑4469, punt 35, u l-ġurisprudenza ċċitata

5.      L-evalwazzjoni mill-qorti tal-ewwel istanza tal-valur probatorju ta’ dokument ma tistax, bħala prinċipju, tkun suġġetta għall-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali fil-kuntest ta’ appell. Għaldaqstant, huwa biss it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li għandu kompetenza jevalwa l-valur li għandu jingħata lill-elementi li jkunu ġew prodotti quddiemu. Għalhekk, bla ħsara għall-każ ta’ żnaturament tal-provi quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, din l-evalwazzjoni ma tikkostitwixxix kwistjoni ta’ dritt suġġetta għall-qorti tal-appell.

Tali żnaturament għandu jirriżulta b’mod manifest mill-atti tal-proċess mingħajr ma jkun neċessarju li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi. Għaldaqstant, is-setgħa ta’ stħarriġ tal-Qorti Ġenerali dwar il-konstatazzjonijiet fattwali mwettqa mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku testendi, b’mod partikolari, għall-ineżattezza materjali ta’ dawn il-konstatazzjonijiet li jirriżultaw mill-atti tal-proċess, għall-iżnaturament tal-provi, għall-klassifikazzjoni legali ta’ dawn u għall-kwistjoni dwar jekk ir-regoli fil-qasam tal-oneru u tal-produzzjoni tal-prova ġewx osservati.

(ara l-punti 57 sa 59)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja, 25 ta’ Jannar 2007, Sumitomo Metal Industries u Nippon Steel vs Il-Kummissjoni, C‑403/04 P u C‑405/04 P, Ġabra p. I‑729, punt 39, u l-ġurisprudenza ċċitata; Il-Qorti Ġenerali, 12 ta’ Marzu 2008, Rossi Ferreras vs Il-Kummissjoni, T‑107/07 P, ĠabraSP p. I‑B‑1‑5 u II‑B‑1‑31, punt 30; Il-Qorti Ġenerali, 26 ta’ Novembru 2008, UASI vs López Teruel, T‑284/07 P, ĠabraSP p. I‑B‑1‑69 u II‑B‑1‑447, punt 47; Il-Qorti Ġenerali, 8 ta’ Settembru 2009, ETF vs Landgren, T‑404/06 P, Ġabra p. II‑2841, punt 198, u l-ġurisprudenza ċċitata

6.      Fil-każ ta’ notifika ta’ rikors mir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku lil konvenut permezz ta’ posta rreġistrata, id-data tan-notifika li tibda d-dekorrenza tat-termini hija dik ta’ meta l-imsemmi konvenut jikkonferma li jkun irċieva l-komunikazzjoni indirizzata lilu permezz tal-posta rreġistrata.

(ara l-punti 74 u 75)

Referenza: Il-Qorti Ġenerali, 23 ta’ Marzu 2010, Marcuccio vs Il-Kummissjoni, T‑16/09 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 64, u l-ġurisprudenza ċċitata

7.      Mill-Artikolu 11(2) tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li appell ma jistax ikun jirrigwarda biss l-ammont tal-ispejjeż u l-parti li għandha tbati tali spejjeż. Minn dan jirriżulta li, fil-każ fejn l-aggravji l-oħra kollha kontra deċiżjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jkunu ġew miċħuda, it-talbiet dwar l-allegata irregolarità tad-deċiżjoni tal-imsemmi Tribunal dwar liema parti għandha tbati l-ispejjeż għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

(ara l-punt 82)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja, 15 ta’ April 2010, Gualtieri vs Il-Kummissjoni, C‑485/08 P, Ġabra p. I‑3009, punt 111, u l-ġurisprudenza ċċitata; Il-Qorti Ġenerali, 28 ta’ Settembru 2009, Marcuccio vs Il-Kummissjoni, T‑46/08 P, ĠabraSP p. I‑B‑1‑77 et II‑B‑1‑479, punt 84