Language of document : ECLI:EU:T:2014:7

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

16 ta’ Jannar 2014 (*)

“Dumping — Sussidji — Importazzjonijiet ta’ biodiżil li joriġinaw mill-Istati Uniti – Evażjoni — Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 — Artikolu 23 tar-Regolament (KE) Nru 597/2009 — Prodotti simili ftit modifikati — Ċertezza legali — Użu ħażin ta’ poter — Żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni — Obbligu ta’ motivazzjoni — Ugwaljanza fit-trattament — Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba”

Fil-Kawża T‑385/11,

BP Products North America Inc., stabbilita f’Naperville, Illinois (l-Istati Uniti), inizjalment irrappreżentata minn C. Farrar, solicitor, H.‑J. Prieß, B. Sachs u M. Schütte, avukati, sussegwentement minn Farrar, Prieß, Schütte u K. Arend, avukat,

rikorrenti,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn J.‑P. Hix, bħala aġent, assistit minn B. O’Connor, solicitor, u S. Gubel, avukat,

konvenut,

sostnut minn

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn M. França u A. Stobiecka-Kuik, bħala aġenti,

u minn

European Biodiesel Board (EBB), irrappreżentat minn O. Prost u M.‑S. Dibling, avukati,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament parzjali, minn naħa, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 443/2011, tal-5 ta’ Mejju 2011, li jestendi d-dazju kompensatorju definittiv impost mir-Regolament (KE) Nru 598/2009 fuq l-importazzjonijiet tal-bijodiżil li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerika għall-importazzjonijiet tal-bijodiżil ikkunsinnati mill-Kanada, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Kanada, kif ukoll jekk le, u li jestendi d-dazju kompensatorju definittiv impost mir-Regolament (KE) Nru 598/2009 fuq l-importazzjonijiet tal-bijodiżil f’taħlita li fiha bil-piż 20 % jew inqas ta’ bijodiżil li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerika, u li jwaqqaf l-investigazzjoni fir-rigward tal-importazzjonijiet ikkunsinnati minn Singapor (ĠU L 122, p. 1), u, min-naħa l-oħra, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 444/2011, tal-5 ta’ Mejju 2011, li jestendi d-dazju anti-dumping definittiv impost mir-Regolament (KE) Nru 599/2009 fuq l-importazzjonijiet tal-bijodiżil li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerika għall-importazzjonijiet tal-bijodiżil ikkunsinnati mill-Kanada, kemm jekk iddikjarat li joriġinaw mill-Kanada, kif ukoll jekk le, u li jestendi d-dazju anti-dumping definittiv impost mir-Regolament (KE) Nru 599/2009 fuq l-importazzjonijiet tal-bijodiżil f’taħlita li fiha bil-piż 20 % jew inqas ta’ bijodiżil li joriġina mill-Istati Uniti tal-Amerika, u li jtemm l-investigazzjoni fir-rigward tal-importazzjonijiet ikkunsinnati minn Singapor (ĠU L 122, p. 12), sa fejn dawn ir-regolamenti jaffettwaw lir-rikorrenti,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn M. E. Martins Ribeiro, li qed taġixxi bħala President tal-Awla, F. Dehousse u M. van der Woude (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: N. Rosner, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-14 ta’ Mejju 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1        Din il-kawża tirrigwarda żewġ investigazzjonijiet ta’ evażjoni fis-sens, rispettivament, tal-Artikolu 13 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009, tat-30 ta’ Novembru 2009, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 343, p. 51, rettifika ĠU 2010, L 7, p. 22, iktar ’il quddiem ir-“Regolament antidumping bażiku”), u tal-Artikolu 23 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 597/2009, tal-11 ta’ Ġunju 2009, dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 188, p. 93, iktar ’il quddiem ir-“Regolament bażiku ta’ kontra s-sussidji”) (iktar ’il quddiem, ikkunsidrati flimkien, ir-“regolamenti bażiċi antidumping u ta’ kontra s-sussidji”).

2        Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament antidumping bażiku, “[i]d-dazji ta’ kontra d-dumping imposti skond dan ir-Regolament jistgħu jiġu estiżi għal importazzjonijiet minn pajjiżi terzi, ta’ prodotti simili, kemm jekk ftit modifikati kemm jekk le; jew għal importazzjonijiet ta’ prodotti simili ftit modifikati mill-pajjiż li hu soġġett għall-miżuri; jew għal partijiet minnhom, meta tkun qed issir evażjoni mill-miżuri fis-seħħ.” Skont din id-dispożizzjoni “[e]vażjoni għandha tiġi mfissra bħala bidla fix-xejra tal-kummerċ bejn pajjiżi terzi u l-[Unjoni Ewropea] jew bejn kumpanniji individwali fil-pajjiż soġġett għall-miżuri u l-[Unjoni], li tinħoloq minn prattika, proċess jew ħidma li għalihom hemm raġuni tajba jew ġustifikazzjoni ekonomika insuffiċjenti ħlief l-imposizzjoni ta’ dazju, u fejn ikun hemm xhieda ta’ ħsara jew li l-effetti tad-dazju biex iġibu rimedju qiegħdin jiddgħajfu fir-rigward tal-prezzijiet u/jew il-kwantitajiet ta’ prodott simili, u fejn ikun hemm xhieda ta’ dumping rigward il-valuri normali stabbiliti preċedentement għall-prodott simili, jekk ikun neċessarju skond id-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 2 [tar-Regolament antidumping bażiku]”. L-Artikolu 23(1) u (3) tar-Regolament bażiku ta’ kontra s-sussidji huwa redatt f’termini simili, ħlief f’dak li jirrigwarda r-rekwiżit tal-prova tal-eżistenza ta’ dumping, li huwa ssostitwit mill-prova li “l-prodott simili impurtat u/jew partijiet minnu għadhom jibbenefikaw mis-sussidju”.

3        It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament antidumping bażiku u l-Artikolu 23(3)(a) tar-Regolament bażiku ta’ kontra s-sussidji, jispeċifikaw li l-prattiki, proċessi jew ħidmiet ikkonċernati fil-kuntest ta’ evażjoni jinkludu, inter alia, il-modifiki żgħar tal-prodott ikkonċernat biex jaqa’ taħt kodiċijiet doganali li normalment ma humiex suġġetti għall-miżuri, sakemm il-modifiki ma jibdlux il-karatteristiċi essenzjali tiegħu.

4        Għandu wkoll jitfakkar li l-Artikolu 1(4) tar-Regolament antidumping bażiku u l-Artikolu 2(c) tar-Regolament bażiku ta’ kontra s-sussidji jispeċifikaw li, għall-finijiet tal-implementazzjoni tal-imsemmija regolament “it-terminu [‘]prodott simili[’] għandu jiġi interpretat biex ifisser prodott li jkun identiku, jiġifieri, l-istess f’kull lat, bħall-prodott taħt kunsiderazzjoni, jew fin-nuqqas ta’ prodott bħal dan, prodott ieħor li għalkemm ma jkunx l-istess f’kull lat, ikollu karatteristiċi li jixbħu mill-qrib dawk tal-prodott ikkunsidrat”.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

 Il-proċeduri inizjali

5        Fid-29 ta’ April 2008 il-European Biodiesel Board (EBB) ressaq quddiem il-Kummissjoni Ewropea, f’isem parti sinjifikattiva tal-produtturi ta’ biodiżil tal-Unjoni, żewġ ilmenti li jitolbu lill-Kummissjoni tibda proċedura antidumping u proċedura kontra s-sussidji kontra importazzjonijiet ta’ biodiżil li joriġinaw mill-Istati Uniti, abbażi, rispettivament tal-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96, tat-22 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 10, p. 45), kif emendat (ĠU L 175M, 29.6.2006, p. 287) (li sar l-Artikolu 5 tar-Regolament antidumping bażiku), u tal-Artikolu 10 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2026/97, tas-6 ta’ Ottubru 1997, dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 10, p. 78) (li sar l-Artikolu 10 tar-Regolament bażiku ta’ kontra s-sussidji).

6        Il-biodiżil huwa soluzzjoni li tintuża minflok id-diżil minerali. Dan jinbiegħ fil-forma pura jew imħallat ma diżil minerali. Biex jiġu identifikati b’mod ċar il-bosta tipi ta’ taħlitiet ta’ biodiżil, teżisti sistema rikonoxxuta internazzjonalment magħrufa bħala l-“fattur B”, li jagħti l-ammont eżatt ta’ biodiżil f’kull taħlita. Għalhekk, taħlita li tinkludi x % ta’ biodiżil tiġi indikata bl-ittra “B” segwita bid-doża fil-forma tal-indikazzjoni tal-perċentwali ta’ biodiżil, filwaqt li l-biodiżil pur huwa msejjaħ B100.

7        L-EBB ilmentat kontra sussidji kbar fl-Istati Uniti għall-produzzjoni ta’ biodiżil u, b’mod partikolari, l-eżistenza ta’ skema federali ta’ kreditu ta’ taxxa (blender’s credit) ta’ USD 1 għal kull gallun ta’ biodiżil pur li jkun jinsab f’taħlita ta’ biodiżil intiż sabiex jintuża bħala karburanti. Skont l-EBB, dawn is-sussidji kienu wasslu għal-żieda massiva u artifiċjali fl-importazzjonijiet ta’ biodiżil li joriġinaw mill-Istati Uniti fl-Unjoni. L-EBB indikat li, sabiex jiksbu l-iktar sussidji possibbli, kienet prattika komuni li l-produtturi tal-Amerika ta’ fuq iżidu doża minima ta’ diżil minerali, ta’ 0.1 % jew inqas, f’taħlita li jkun fiha 99.9 % ta’ biodiżil pur (iktar ’il quddiem it-“taħlitiet B99.9”). Għalhekk, l-importazzjonijiet li joriġinaw mill-Istati Uniti msemmija fl-ilmenti tal-EBB kienu jirrigwardaw prinċipalment it-taħlitiet B99.9.

8        Skont l-EBB, dawn l-importazzjonijiet kienu s-suġġett ta’ dumping u kienu jikkawżaw dannu lill-produtturi ta’ biodiżil tal-Unjoni, għaliex it-taħlitiet B99.9 tal-Amerika ta’ fuq kienu jikkompetu b’mod dirett mal-biodiżil prodott fl-Unjoni. Mill-proċess jirriżulta li l-industrija Ewropea kkonċernata kienet tipproduċi prinċipalment biodiżil pur (B100).

9        Fl-ilmenti tagħha, l-EBB tispeċifika li l-prodott finali, jiġifieri l-karburant, intiż għall-konsumaturi fl-Istati Uniti kien jikkonsisti, fil-parti l-kbira tal-każijiet, f’taħlitiet B20. Min-naħa l-oħra, il-leġiżlazzjoni applikabbli fl-Unjoni kienet tippermetti biss il-bejgħ lill-konsumatur ta’ taħlitiet B5 u B7.

10      Permezz ta’ avviż ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fit-13 ta’ Ġunju 2008, il-Kummissjoni fetħet kontra l-importazzjonijiet ta’ biodiżil li joriġinaw mill-Istati Uniti, minn naħa, proċedura antidumping (ĠU C 147, p. 5) u, min-naħa l-oħra, proċedura kontra s-sussidji (ĠU C 147, p. 10) (iktar ’il quddiem, ikkunsidrati flimkien, l-“investigazzjoni inizjali”).

11      Il-prodott li kien is-suġġett tal-investigazzjoni inizjali kien jikkonsisti fl-“esteri monoalkilitiċi aċidi xaħmija u/jew nafta paraffinika minn sintezi u/jew trattament idro, ta’ oriġini mhix fossili (aktar magħrufa bħal ‘bijodiżil’) kemm jekk f’sura pura jew imħallta, b’mod partikolari iżda mhux esklużivament bħala fjuwil li jiġġedded li joriġina mill-Istati Uniti [...] iddikjarat normalment fi ħdan il-kodiċi NM 38249091, ex38249097, ex27101941, ex15162098, ex15180091, ex15180099.” L-investigazzjoni kienet tikkonċerna l-perijodu mill-1 ta’ April 2007 sal-31 ta’ Marzu 2008 (iktar ’il quddiem il-“perijodu ta’ investigazzjoni inizjali”).

12      Fil-11 ta’ Marzu 2009, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament Nru 193/2009, li jimponi dazju anti-dumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet tal-bijodiżil li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerika (ĠU L 67, p. 22, iktar ’il quddiem ir-“Regolament antidumping provviżorju”), kif ukoll ir-Regolament Nru 194/2009, li jimponi dazju kumpensatorju provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ biodiżil li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerika (ĠU L 67, p. 50, iktar ’il quddiem ir-“Regolament provviżorju kontra s-sussidji”). Dawn iż-żewġ regolamenti, ikkunsidrati flimkien, huma iktar ’il quddiem imsejħa r-“regolamenti provviżorji” u d-dazji stabbiliti permezz tagħhom huma msejħa d-“dazji provviżorji”.

13      Fir-regolamenti provviżorji l-Kummissjoni indikat, fir-rigward tal-prodotti eżaminati, li “[d]-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat kif imsemmi fl-avviż ta’ bidu [...], għandha tiġi ċċarata sabiex jiġu identifikati l-prodotti li kienu maħsuba li jkunu koperti mill-investigazzjoni” (premessa 23 tar-Regolament antidumping provviżorju u premessa 25 tar-Regolament provviżorju kontra s-sussidji).

14      Il-Kummissjoni pprovdiet din l-ispeċifikazzjoni wara li indikat li t-taħlitiet ta’ biodiżil li jkollhom porzjon ta’ 20 % jew inqas (iktar ’il quddiem it-“taħlitiet ? B20”), prinċipalment taħlitiet B20, kif ukoll taħlitiet B6, B5 u B2, kienu intiżi għall-konsum dirett fis-suq tal-Istati Uniti. Fil-fatt, il-Kummissjoni osservat li, fl-Istati Uniti, il-magni diżil kollha setgħu jaħdmu b’taħlitiet ? B20  filwaqt li jżommu l-garanzija tal-kostrutturi tal-vetturi bil-mutur (premessa 24 tar-Regolament antidumping provviżorju u premessa 26 tar-Regolament provviżorju kontra s-sussidji).

15      Għalhekk, “biex [ikun possibbli li ssir] distinzjoni ċara bejn it-tipi varji ta’ taħlitiet li huma disponibbli fis-suq tal-Istati Uniti”, il-Kummissjoni qieset li “huwa xieraq” li tiddefinixxi l-prodott ikkonċernat mill-investigazzjoni inizjali bħala l-biodiżil pur fil-forma ta’ taħlita li tinkludi perċentwali ta’ biodiżil ta’ iktar minn 20 % tal-massa (iktar ’il quddiem it-“taħlitiet > B20 ”) (premessa 26 tar-Regolament antidumping provviżorju u premessa 28 tar-Regolament provviżorju kontra s-sussidji).

16      Wara li ddefinixxiet il-prodott ikkonċernat, il-Kummissjoni speċifikat ukoll fir-regolamenti provviżorji li “[kien i]nstab li t-tipi kollha ta’ bijodiżil u l-bijodiżil fit-taħlitiet koperti minn din l-investigazzjoni, minkejja differenzi possibbli f’termini ta’ materja prima użata għall-produzzjoni, jew varjanti fil-proċess ta’ produzzjoni, [kellhom] l-istess karatteristiċi fiżiċi, kimiċi u tekniċi bażiċi jew simili ħafna u [kienu] jintużaw għall-istess finijiet” u li “[i]l-varjazzjonijiet possibbli fil-prodott ikkonċernat ma [kinux] jibdlux id-definizzjoni bażika, il-karatterisitiċi tagħha jew il-perċezzjoni li bosta partijiet [kellhom] tagħha” (premessa 27 tar-Regolament antidumping provviżorju u premessa 29 tar-Regolament provviżorju kontra s-sussidji).

17      Fir-rigward tad-definizzjoni tal-prodott simili fis-sens tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament antidumping bażiku u tal-Artikolu 2(c) tar-Regolament bażiku ta’ kontra s-sussidji, il-Kummissjoni indikat li “l-prodotti prodotti u mibjugħa fis-suq domestiku tal-Istati Uniti, li [kienu] koperti minn din l-investigazzjoni, [kellhom] karatteristiċi u użi fiżiċi, kimiċi u tekniċi bażiċi simili għal dawk esportati minn dan il-pajjiż lejn is-suq [tal-Unjoni]” u li, “[b]l-istess mod, il-prodotti ffabrikati mill-produtturi [Ewropej] u mibjugħa fi-suq [tal-Unjoni kellhom] karatteristiċi u użi fiżiċi, kimiċi u tekniċi bażiċi simili” (premessa 29 tar-Regolament antidumping provviżorju u premessa 31 tar-Regolament provviżorju kontra s-sussidji). Il-Kummissjoni indikat ukoll li “t-tipi varji tal-prodott ikkonċernat prodotti fl-Istati Uniti u esportati lejn [l-Unjoni kienu] interkambjabbli ma’ dawk prodotti u mibjugħa [fl-Unjoni] mill-produtturi [Ewropej] tal-bijodiżil” (premessa 31 tar-Regolament antidumping provviżorju u premessa 33 tar-Regolament provviżorju kontra s-sussidji).

18      Għall-adozzjoni tar-regolamenti provviżorji, il-Kummissjoni użat il-metodu ta’ teħid ta’ kampjuni previst fl-Artikolu 17(1) tar-Regolament antidumping bażiku u fl-Artikolu 27(1) tar-Regolament bażiku ta’ kontra s-sussidji. Għalhekk, fl-iffissar tar-rati applikabbli għad-dazji provviżorji l-Kummissjoni għamlet distinzjoni bejn tliet kategoriji ta’ impriżi.

19      L-ewwel kategorija kienet tikkonċerna impriżi li kienu ġew inklużi fil-kampjun u li kienu kkooperaw. Għal kull waħda minn dawn l-impriżi, imsemmija fl-Artikolu 1 ta’ kull wieħed mir-regolamenti provviżorji, il-Kummissjoni wettqet kalkolu individwali tal-marġni ta’ dumping, tar-rata ta’ sussidju u tad-dannu, billi ffissat rati individwali (premessa 55 tar-Regolament antidumping provviżorju u premessa 158 tar-Regolament provviżorju kontra s-sussidji).

20      It-tieni kategorija kienet tiġbor taħtha l-impriżi li kienu kkooperaw iżda li ma kinux ġew inklużi fil-kampjun. Dawn l-impriżi ġew elenkati fil-lista annessa mar-regolamenti provviżorji. Il-marġni ta’ dumping, ta’ sussidji u ta’ dannu ta’ dawn l-impriżi kien jikkorrispondi għal-medja mwieżna tal-marġni stabbiliti għall-impriżi elenkati fil-kampjun (premessa 56 tar-Regolament antidumping provviżorju u premessa 159 tar-Regolament provviżorju kontra s-sussidji).

21      Fl-aħħar nett, it-tielet kategorija kienet tikkonċerna l-impriżi l-oħra kollha li fil-konfront tagħhom ġew applikati rati residwi. Sabiex tistabbilixxi l-marġni ta’ dumping u l-livelli ta’ sussidji u ta’ dannu ta’ dawn l-impriżi l-Kummissjoni l-ewwel nett iddeterminat il-livell globali ta’ kooperazzjoni tal-operaturi matul l-investigazzjoni inizjali. Sabiex tagħmel dan, hija wettqet paragun bejn it-total tal-kwantitajiet tal-prodott ikkonċernat esportati mill-operaturi li kkooperaw u t-total tal-importazzjonijiet ta’ dan il-prodott li joriġinaw mill-Istati Uniti, kif jirriżulta mill-istatistiċi dwar l-esportazzjoni. Il-livell ta’ kooperazzjoni globali ġie stabbilit għal 81 %, li ġie kkunsidrat bħala għoli. Fuq din il-bażi l-Kummissjoni qieset li kien xieraq li tiffissa l-marġni ta’ dumping u l-livelli ta’ sussidji u ta’ dannu ta’ dawn l-impriżi fuq l-iktar livell għoli ta’ marġni osservat għall-produtturi-esportaturi inklużi fil-kampjun (premessa 57 tar-Regolament antidumping provviżorju u premessa 160 tar-Regolament provviżorju kontra s-sussidji).

22      Skont ir-regola tal-inqas dazju, ir-rati applikabbli għad-dazji provviżorji ġew stabbiliti, għal kull waħda minn dawn it-tliet kategoriji ta’ impriżi, fuq il-livell tal-iktar marġni dgħajjef, ta’ dumping/sussidju jew ta’ dannu (premessa 166 tar-Regolament antidumping provviżorju u premessa 271 tar-Regolament provviżorju kontra s-sussidji). Id-dazji antidumping u kumpensatorji provviżorji ġew akkumulati biss sa fejn dan kien neċessarju sabiex jiġi eliminat id-dannu (premessa 167 tar-Regolament antidumping provviżorju).

23      Id-dazji provviżorji stabbiliti fuq it-taħlitiet > B20 ġew essenzjalment imposti prorata għall-kontenut ta’ biodiżil totali tal-imsemmija taħlitiet (premessa 169 u l-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament antidumping provviżorju u premessa 273 u l-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 1(2), tar-Regolament provviżorju kontra s-sussidji).

24      Fis-7 ta’ Lulju 2009, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta r-Regolament Nru 598/2009, li jimponi dazju kumpensatorju definittiv u jiġbor definittivament id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet tal-bijodiżil li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerika (ĠU L 179, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament inizjali kontra s-sussidji”), kif ukoll ir-Regolament Nru 599/2009, li jimponi dazju anti-dumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet tal-bijodiżil li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerika (ĠU L 179, p. 26, iktar ’il quddiem ir-“Regolament antidumping inizjali”). Dawn iż-żewġ regolamenti huma indikati iktar ’il quddiem bħala r-“regolamenti inizjali” u d-dazji definittivi stabbiliti minn dawn tal-aħħar huma indikati bħala d-“d-dazji inizjali”.

25      Id-definizjoni tal-prodott ikkonċernat u dik tal-prodott simili meta mqabbel mal-prodott ikkonċernat, kif stabbiliti mill-Kummissjoni fir-regolamenti provviżorji, inżammew fir-regolamenti inizjali. F’dan ir-rigward, il-Kunsill enfasizza li “[l]-investigazzjoni [kient u]riet li [t-taħlitiet] B20, u potenzjalment taħlitiet b’livelli iktar baxxi, ġew fil-fatt mibjugħa direttament lill-konsumaturi fl-Istati Uniti” u li “s-suq għat-taħlit u s-suq għall-prodotti tal-konsumaturi kienu swieq differenti bi klijenti differenti: suq wieħed fejn il-bijodiżil u t-taħlitiet tal-bijodiżil kienu maħsuba għal iktar taħlit min-negozjanti u min iħallat u suq ieħor fejn it-taħlitiet kienu maħsuba għan-netwerk ta’ distribuzzjoni u għalhekk għall-konsumaturi”. Skont il-Kunsill “[i]d-definizzjoni tal-limitu għall-prodott ikkonċernat iktar minn B20 [kienet ippermettiet] li jkun hemm linja diviżiva ċara u li tiġi evitata l-konfużjoni bejn il-prodotti, is-swieq u l-partijiet varji fl-Istati Uniti” (premessa 33 tar-Regolament antidumping inizjali u premessa 34 tar-Regolament inizjali kontra s-sussidji).

26      Ir-rati tad-dazji inizjali ġew stabbiliti skont it-tliet kategoriji ta’ impriżi msemmija fil-punti 19 sa 21 iktar ’il fuq. Kif jirriżulta mill-premessi 8 sa 12 tar-regolamenti inizjali, fit-tieni kategorija ta’ impriżi l-Kunsill żied ċerti operaturi li ma kinux magħrufa meta nbdiet l-investigazzjoni inizjali u li kienu żvelaw ruħhom wara l-adozzjoni tar-regolamenti provviżorji. Id-dazji antidumping inizjali kienu jvarjaw minn EUR 0 sa EUR 198 għall-kull tunnellata ta’ biodiżil u d-dażji kumpensatorji inizjali kienu jvarjaw minn EUR 211.2 sa EUR 237 għall-kull tunnellata ta’ biodiżil. Skont l-Artikolu 1(2) ta’ kull wieħed mir-regolamenti inizjali, id-dazji stabbiliti fuq it-taħlitiet > B20 ġew imposti prorata skont il-kontenut ta’ biodiżil tagħhom.

27      Ir-regolamenti inizjali daħlu fis-seħħ fil-jum ta’ wara l-pubblikazzjoni tagħhom fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropej, li seħħet fil-10 ta’ Lulju 2009.

 L-investigazzjonijiet ta’ evażjoni

28      Fit-30 ta’ Ġunju 2010, l-EBB ressqet ilment quddiem il-Kummissjoni fejn talbet il-ftuħ ta’ żewġ investigazzjonijiet ta’ evażjoni abbażi, rispettivament, tal-Artikolu 13(3) tar-Regolament antidumping bażiku u tal-Artikolu 23(4) tar-Regolament bażiku ta’ kontra s-sussidji.

29      L-ilment tal-EBB kien fil-konfront ta’ żewġ tipi ta’ evażjoni tad-dazji inizjali, jiġifieri, minn naħa, it-trasbord tal-prodott ikkonċernat permezz tal-Kanadu u ta’ Singapor, u, min-naħa l-oħra, l-importazzjonijiet ta’ biodiżil li joriġinaw mill-Istati Uniti fil-forma ta’ taħlitiet ? B20.

30      Fil-11 ta’ Awwissu 2010, abbażi tal-ilment tal-EBB, il-Kummissjoni fetħet żewġ investigazzjonijiet ta’ evażjoni permezz tal-adozzjoni, minn naħa, tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 720/2010, li jiftaħ investigazzjoni rigward il-possibbiltà li ġew evitati miżuri anti-dumping imposti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 599/2009 fuq l-importazzjonijiet tal-bijodiżil li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerika permezz ta’ importazzjonijiet tal-bijodiżil ikkunsinjati mill-Kanada u minn Singapor, kemm jekk iddikjarati bħala li joriġinaw mill-Kanada u minn Singapor u kemm jekk le, u permezz ta’ importazzjonijiet tal-bijodiżil f’taħlita li fiha bil-piż 20 % jew inqas ta’ bijodiżil li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerika, u li jagħmel tali importazzjonijiet suġġetti għal reġistrazzjoni (ĠU L 211, p. 1), u, min-naħa l-oħra, tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 721/2010 li jiftaħ investigazzjoni rigward il-possibbiltà li ġew evitati miżuri kumpensatorji imposti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 598/2009 fuq l-importazzjonijiet tal-bijodiżil li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerika permezz ta’ importazzjonijiet tal-bijodiżil ikkunsinjati mill-Kanada u minn Singapor, kemm jekk iddikjarati bħala li joriġinaw mill-Kanada u minn Singapor u kemm jekk le, u permezz ta’ importazzjonijiet tal-bijodiżil f’taħlita li fiha bil-piż 20 % jew inqas ta’ bijodiżil li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerika, u li jagħmel tali importazzjonijiet suġġetti għal reġistrazzjoni (ĠU L 211, p. 6). Iż-żewġ investigazzjonijiet miftuħa permezz ta’ dawn ir-regolamenti, ikkunsidrati flimkien, huma indikati iktar ’il quddiem bħala l-“investigazzjonijiet ta’ evażjoni”.

31      Skont l-Artikolu 2 kemm tar-Regolament Nru 720/2010 kif ukoll tar-Regolament Nru 721/2010, l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri ntalbu jirreġistraw l-importazzjonijiet fl-Unjoni li huma kkonċernati mill-investigazzjonijiet ta’ evażjoni sa mid-dħul fis-seħħ ta’ dawn ir-regolamenti, li seħħ fit-13 ta’ Awwissu 2010.

32      L-investigazzjonijiet ta’ evażjoni kienu jirrigwardaw il-perijodu ta’ bejn l-1 ta’ April 2009 u t-30 ta’ Ġunju 2010 (iktar ’il quddiem il-“perijodu tal-investigazzjoni kontra l-evażjoni”).

33      Peress li r-rikorrenti, BP Products North America Inc., kienet esportat lejn l-Unjoni taħlitiet li kien fihom porzjon ta’ biodiżil ta’ inqas minn 15 % (iktar ’il quddiem it-“taħlitiet < B15”) li joriġina mill-Istati Uniti matul il-perijodu tal-investigazzjoni kontra l-evażjoni, b’mod partikolari t-taħlitiet li kienu bejn B10.1 u B14.8, hija kkooperat mal-Kummissjoni billi pprovditilha informazzjoni fuq l-attivitajiet tagħha. B’mod partikolari, ir-rikorrenti wieġbet il-kwestjonarju tal-esportaturi fil-21 ta’ Settembru 2010. L-importatur konness magħha, BP France SA, flimkien ma kumpanniji oħra li jimportaw tal-grupp BP, wieġbu l-kwestjonarju tal-esportaturi fit-22 ta’ Diċembru 2010. Ġew imwettqa verifiki fl-uffiċċji tar-rikorrenti fis-7 u fit-8 ta’ Diċembru 2010, kif ukoll fir-Renju Unit fl-1 ta’ Frar 2011. Fit-28 ta’ Marzu 2011, il-konsulenti tar-rikorrenti bagħtu memorandum lill-Kummissjoni fir-rigward tad-dokumenti ta’ informazzjoni mibgħuta minn din tal-aħħar fis-16 ta’ marzu 2011.

34      Fil-5 ta’ Mejju 2011, il-Kunsill adotta r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 443/2011 li jestendi d-dazju kompensatorju definittiv impost mir-Regolament (KE) Nru 598/2009 fuq l-importazzjonijiet tal-bijodiżil li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerika għall-importazzjonijiet tal-bijodiżil ikkunsinnati mill-Kanada, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Kanada, kif ukoll jekk le, u li jestendi d-dazju kompensatorju definittiv impost mir-Regolament (KE) Nru 598/2009 fuq l-importazzjonijiet tal-bijodiżil f’taħlita li fiha bil-piż 20 % jew inqas ta’ bijodiżil li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerika, u li jwaqqaf l-investigazzjoni fir-rigward tal-importazzjonijiet ikkunsinnati minn Singapor (ĠU L 122, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament kontra s-sussidji kkontestat”). Fl-istess jum il-Kunsill adotta wkoll ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 444/2011 li jestendi d-dazju anti-dumping definittiv impost mir-Regolament (KE) Nru 599/2009 fuq l-importazzjonijiet tal-bijodiżil li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerika għall-importazzjonijiet tal-bijodiżil ikkunsinnati mill-Kanada, kemm jekk iddikjarat li joriġinaw mill-Kanada, kif ukoll jekk le, u li jestendi d-dazju anti-dumping definittiv impost mir-Regolament (KE) Nru 599/2009 fuq l-importazzjonijiet tal-bijodiżil f’taħlita li fiha bil-piż 20 % jew inqas ta’ bijodiżil li joriġina mill-Istati Uniti tal-Amerika, u li jtemm l-investigazzjoni fir-rigward tal-importazzjonijiet ikkunsinnati minn Singapor (ĠU L 122, p. 12, iktar ’il quddiem ir-“Regolament antidumping ikkontestat”). Dawn iż-żewġ regolamenti, ikkunsidrati flimkien, ser jiġu indikati iktar ’il quddiem bħala r-“regolamenti kkuntestati”.

35      F’dak li jirrigwarda importazzjonijiet ta’ taħlitiet ≤ B20 li joriġinaw mill-Istati Uniti, il-Kunsill l-ewwel nett innota, fir-regolamenti kkontestati, li ħames produtturi tal-biodiżil tal-Amerika ta’ fuq, inkluża r-rikorrenti, kienu kkoperaw fil-kuntest tal-investigazzjonijiet ta’ evażjoni u li, fost dawn il-ħames impriżi, kienet biss ir-rikorrenti li esportat taħlitiet ≤ B20 li joriġinaw mill-Istati Uniti lejn l-Unjoni matul il-perijodu tal-investigazzjoni kontra l-evażjoni (premessi 52 u 54 tar-Regolament kontra s-sussidji kkontestat u premessi 57 u 59 tar-Regolament antidumping ikkontestat). Il-Kunsill osserva li r-rikorrenti ma kinitx ikkooperat fil-kuntest tal-investigazzjoni inizjali, peress li hija kienet bdiet l-attivitajiet tagħha fil-qasam tal-biodiżil biss fil-bidu tas-sena 2009 u kienet bdiet tesporta dan il-prodott lejn l-Unjoni biss f’Diċembru 2009, jiġifieri wara li ġew stabbiliti d-dazji inizjali (premessa 62 tar-Regolament kontra s-sussidji kkontestat u premessa 67 tar-Regolament antidumping ikkontestat).

36      Il-Kunsill indika li, fl-Unjoni, ir-rikorrenti kienet biegħet taħlitiet b’porzjon ta’ biodiżil ta’ 15 % jew inqas fir-Renju Unit, fi Franza u fil-Pajjiżi l-Baxxi u li, fil-każijiet kollha, dan il-prodott kien suġġett għal taħlit ġdid sabiex tiġi osservata l-leġiżlazzjoni fis-seħħ f’ċeri Stati Membri (premessi 63 tar-Regolament kontra s-sussidji kkontestat u premessi 68 tar-Regolament antidumping ikkontestat). Il-Kunsill speċifika wkoll li r-rikorrenti kienet sostniet li t-taħlitiet < B15 ma kinux jikkostitwixxu prodott simili għall-prodott ikkonċernat (premessi 64 tar-Regolament kontra s-sussidji kkontestat u premessi 69 tar-Regolament antidumping ikkontestat).

37      F’dan ir-rigward il-Kunsill innota li “[l]-għan tal-investigazzjoni fir-rigward taċ-ċirkumvenzjoni [ta’ evażjoni kien] li jiġi stabbilit jekk il-bijodiżil [≤  B20 kienx evita ]l-miżuri fis-seħħ”. Skont il-Kunsill “[j]ista jkun il-każ li taħlitiet baxxi [kienu] jattiraw spejjeż irħas tat-trasportazzjoni”. Madankollu, il-Kunsill innota li “taħlitiet ta’ [≤ B20] [kienu] effettivi biss f’kompożizzjoni differenti tat-taħlita, meta mqabblin mal-proċess ta’ produzzjoni ta’ bijodiżil f’taħlitiet [> B20]”. Il-Kunsill żied jgħid li “[b]iex tbiddel il-kompożizzjoni tat-taħlita huwa proċess sempliċi”; fil-fatt, “taħlitiet ta’ B20 u inferjuri huma biss tibdila żgħira fil-prodott ikkonċernat, bl-unika differenza tkun il-proporzjon ta’ bijodiżil fit-taħlita”. Il-Kunsill innota wkoll li “l-prodott ikkonċernat, kif ukoll taħlitiet [≤ B20 kienu] destinati finalment għall-istess użi fl-Unjoni” u li “[b]arra minn hekk, il-bijodiżil f’taħlitiet [≤ B20], kif ukoll bijodiżil f’taħlitiet [> B20 kellu] l-istess karatterstiċi essenzjali” (premessa 65 tar-Regolament kontra s-sussidji kkontestat u premessa 70 tar-Regolament antidumping ikkontestat).

38      Wara dan, il-Kunsill ikkonstata li r-rekwiżiti l-oħra previsti fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament antidumping bażiku u fl-Artikolu 23(3) tar-Regolament bażiku ta’ kontra s-sussidji sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ evażjoni kienu ssodisfatti.

39      L-ewwel nett, il-Kunsill ikkonstata bdil fil-konfigurazzjoni tal-kummerċ bejn l-Unjoni u l-Istati Uniti. F’dan ir-rigward, huwa nnota li għalkemm kienet teżisti taħlita B5 obbligatorja fl-Unjoni matul l-investigazzjoni inizjali, l-esportazzjonijiet ta’ taħlitiet ≤ B20 mill-Istati Uniti lejn l-Unjoni kienu feġġew biss wara li ġew stabbiliti d-dazji inizjali. Il-Kunsill speċifika li, matul l-investigazzjoni inizjali u skont id-data miksuba mingħand il-produtturi-esportaturi li kkooperaw u li kienu ġew inklużi fil-kampjun, kienu prinċipalment taħlitiet B99.9 li kienu ġew esportati lejn l-Unjoni (premessa 67 tar-Regolament kontra s-sussidji kkontestat u premessa 72 tar-Regolament antidumping ikkontestat). Abbażi tad-data Eurostat dwar l-importazzjonijiet ta’ biodiżil b’porzjon ta’ biodiżil ta’ 96.5 % jew iktar fl-Unjoni matul il-perijodu tal-investigazzjoni kontra l-evażjoni, il-Kunsill ikkonstata li l-esportazzjonijiet ta’ taħlitiet B99.9 li joriġinaw mill-Istati Uniti kienu prattikament waqfu (premessi 18, 19 u 66 tar-Regolament kontra s-sussidji kkontestat u premessi 18, 19 u 71 tar-Regolament antidumping ikkontestat). Il-Kunsill fl-istess ħin ikkonstata li matul dan l-istess perijodu l-Istati Uniti kienu ddikjaraw l-esportazzjoni ta’ 358 291 tunnelata ta’ taħlitiet bi proporzjon ta’ biodiżil ta’ 96.5 % jew inqas (iktar ’il quddiem it-“taħlitiet ≤ B96.5”) lejn l-Unjoni u li r-rikorrenti kienet esportat “proporzjon sinifikanti” ta’ dawn it-taħlitiet fil-forma ta’ taħlitiet ≤ B20 (premessi 20, 21, 54, 60 u 61 tar-Regolament provviżorju kontra s-sussidji u premessi 20, 21, 59, 65 u 66 tar-Regolament antidumping ikkontestat).

40      It-tieni nett, il-Kunsill ikkunsidra li l-unika motivazzjoni jew ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti għall-importazzjonijiet ta’ taħlitiet ≤ B20 kienet l-intenzjoni li jiġi evitat il-ħlas tad-dazji inizjali (premessa 71 tar-Regolament kontra s-sussidji kkontestat u premessa 76 tar-Regolament antidumping ikkontestat).

41      It-tielet nett, il-Kunsill indika li, fid-dawl tal-livell ta’ prezzijiet mingħajr dannu stabbiliti fil-kuntest tal-investigazzjoni inizjali, il-prezzijiet tal-importazzjonijiet ta’ taħlitiet ? B20 li joriġinaw mill-Istati Uniti kienu inqas kemm mill-prezzijiet ta’ bejgħ kif ukoll mill-prezzijiet indikattivi. Il-Kunsill ikkonstata li dawn l-importazzjonijiet importazzjonijiet kienu feġġew wara li ġew stabbiliti d-dazji inizjali u li l-kwantitajiet ikkonċernati ma kinux żgħar. Għalhekk ġie deċiż li d-dazji inizjali kienu ġew innewtralizzati f’termini ta’ kwantità u ta’ prezz (premessi 72 u 73 tar-Regolament kontra s-sussidji kkontestat u premessi 77 u 78 tar-Regolament antidumping ikkontestat).

42      Ir-raba’ nett, fil-premessa 74 tar-Regolament kontra s-sussidji kkontestat il-Kunsill ikkonstata li l-iskema ewlenija ta’ sussidju misjuba fil-kuntest tal-investigazzjoni inizjali, reġgħet iddaħħlet retroattivament f’Diċembru 2010. Fil-premessa 79 tar-Regolament antidumping ikkontestat il-Kunsill indika wkoll li kien ġie eżaminat “jekk kienx hemm evidenza ta’ dumping b’rabta mal-valur normali stabbilit fl-investigazzjoni oriġinali [inizjali]” u li kien ġie kkonstatat li “[t]-tqabbil tal-valur normali medju peżat u l-prezz medju peżat ta’ esportazzjoni [tat-taħlitiet ≤ B20 kien] wera l-eżistenza ta’ dumping”.

43      Fl-aħħar nett, fil-premessa 77 tar-Regolament kontra s-sussidji kkontestat u fil-premessa 82 tar-Regolament antidumping ikkontestat, il-Kunsill ċaħad it-talbiet ta’ eżenzjoni mressqa mir-rikorrenti abbażi, rispettivament, tal-Artikolu 23(6) tar-Regolament bażiku ta’ kontra s-sussidji u tal-Artikolu 13(4) tar-Regolament antidumping bażiku.

44      F’dawn iċ-ċirkustanzi, fl-Artikolu 2(1) ta’ kull wieħed mir-regolamenti kkontestati l-Kunsill estenda d-dazji inizjali għall-importazzjonijiet ta’ taħlitiet ? B20 li joriġinaw mill-Istati Uniti (iktar ’il quddiem id-“dazji estiżi”).

45      Id-dazji estiżi kienu dawk stabbiliti fl-Artikolu 1(2) ta’ kull wieħed mir-regolamenti inizjali (ara l-punt 26 iktar ’il fuq), għat-tliet kategoriji ta’ impriżi msemmija fil-punti 19 sa 21 iktar ’il fuq.

46      Skont l-Artikolu 2(2) ta’ kull wieħed mir-regolamenti kkontestati d-dazji estiżi ġew imposti u miġbura retroattivament, b’effett mid-data tar-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet ta’ taħlitiet ≤ B20, li saret obbligatorja fit-13 ta’ Awwissu 2010 (ara l-punt 31 iktar ’il fuq).

47      Mill-proċess jirriżulta li fil-konfront tar-rikorrenti ġiet applikata r-rata applikabbli għat-tielet kategorija ta’ impriżi (ara l-punt 21 iktar ’il fuq) b’mod retroattiv b’effett mid-data tar-reġistrazzjoni ta’ ċerti importazzjonijiet li twettqu qabel l-adozzjoni tar-regolamenti kkontestati.

48      B’ittra tas-6 ta’ Mejju 2011, il-Kummissjoni rrispondiet għall-memorandum tar-rikorrenti tat-28 ta’ Marzu 2011 imsemmi fil-punt 33 iktar ’il fuq.

49      B’ittra tal-20 ta’ Ġunju 2011, ir-rikorrenti informat lill-Kummissjoni bin-nuqqas ta’ qbil tagħha mar-riżultat tal-investigazzjonijiet ta’ evażjoni. Hija indikat ukoll li kellha l-intenzjoni tippreżenta rikors quddiem il-Qorti Ġenerali kontra r-regolamenti kkontestati u ssuġġeriet laqgħa mal-Kummissjoni sabiex tiġi diskussa l-possibbiltà li jingħatalha, jew trattament individwali inkwantu esportatur ġdid abbażi tal-Artikolu 11(4) tar-Regolament antidumping bażiku u tal-Artikolu 20 tar-Regolament bażiku ta’ kontra s-sussidji, jew inkella tingħatalha eżenzjoni parzjali mid-dazji estiżi, ikkunsidrati bħala eċċessivi. Din il-laqgħa nżammet fil-15 ta’ Lulju 2011. Il-Kummissjoni ċaħdet it-talbiet tar-rikorrenti.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

50      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-21 ta’ Lulju 2011, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

51      Permezz ta’ atti ppreżentati fir‑Reġistru tal‑Qorti Ġenerali, rispettivament, fit‑3 ta’ Ottubru u fil-11 ta Novembru 2011, il‑Kummissjoni u l-EBB talbu sabiex jintervjenu f’din il‑kawża insostenn tat‑talbiet tal‑Kunsill.

52      B’digriet tat-22 ta’ Novembru 2011, il-President tar-Raba’ Awla tal-Qorti Ġenerali laqgħa t-talba għal intervent tal-Kummissjoni.

53      B’ittra tal-24 ta’ Novembru 2011, skont il-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali għamlet mistoqsijiet bil-miktub lir-rikorrenti, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni u stednithom iwieġbu dawn il-mistoqsijiet, rispettivament, fir-replika, fil-kontroreplika u fin-nota ta’ intervent. Il-Qorti Ġenerali stiednet ukoll lill-Kunsill jipproduċi ċerti dokumenti. Il-partijiet ippreżentaw dawn in-noti u kkonformaw ruħhom ma’ dawn il-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura fit-termini mogħtija.

54      B’digriet tat-9 ta’ Frar 2012, il-President tar-Raba’ Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ t-talba għal intervent ta’ EBB.

55      B’ittra tat-13 ta’ Frar 2012, skont il-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali għamlet mistoqsijiet bil-miktub lill-EBB u stednitha twieġeb dawn il-mistoqsijiet fin-nota ta’ intervent tagħha. Il-Qorti Ġenerali stiednet ukoll lill-Kunsill jipproduċi ċerti dokumenti. EBB ippreżentat din in-noti u rrispondiet għall-mistoqsijiet magħmula fit-terminu mogħti.

56      Il-Kunsill u r-rikorrenti talbu, rispettivament, fis-26 ta’ Marzu u fil-5 ta’ Ġunju 2012, li ċerti elementi kunfidenzjali li jinsabu fil-kontroreplika u f’ċerti osservazzjonijiet tar-rikorrenti fuq in-nota ta’ intervent tal-EBB, kif ukoll f’ċerti annessi tagħhom ma jiġux ikkomunikati lill-EBB. Għall-finijiet ta’ din il-komunikazzjoni huma ppreżentaw verżjoni mhux kunfidenzjali ta’ dawn id-diversi atti proċedurali. Il-komunikazzjoni tal-imsemmija atti proċedurali lill-EBB kienet limitata għal din il-verżjoni mhux kunfidenzjali. EBB ma qajjmitx oġġezzjoni f’dan ir-rigward.

57      Peress li żewġ membru tal-Awla ma setgħux jipparteċipaw fid-deliberazzjoni, il-President tal-Qorti Ġenerali nnomina, skont l-Artikolu 32(3) tar-Regoli tal-Proċedura, żewġ imħallfin oħra sabiex jikkompleta l-Awla.

58      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura, għamlet domandi bil-miktub lill-partijiet kollha. Il-Qorti Ġenerali stiednet ukoll lill-EBB tipproduċi ċerti dokumenti. Il-partijiet wieġbu dawn il-mistoqsijiet u pproduċew dawn id-dokumenti fit-terminu mogħti.

59      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-14 ta’ Mejju 2013.

60      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-Artikolu 2 ta’ kull wieħed mir-regolamenti kkontestati, sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet jikkonċernaw lir-rikorrenti;

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

61      Il-Kunsill jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        Tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

62      Matul is-seduta, il-Kunsill barra minn hekk talab li r-rikors jiġi ddikjarat inammissibbli.

63      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

64      L-EBB titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

1.     Fuq l-ammissibbiltà

65      Mingħajr ma qajjem formalment eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà fis-sens tal-Artikolu 114 tar-Regoli tal-Proċedura, matul is-seduta l-Kunsill ikkontesta l-ammissibbiltà tar-rikors billi sostna li r-rikorrenti ma kinitx ikkonċernata individwalment mir-regolamenti kkontestati fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

66      F’dan ir-rigward il-Kunsill enfasizza li r-rikorrenti ma kinitx produttur tal-biodiżil iżda negozjant li jista’ jiġi assimilat għal importatur. Dwar dan il-punt, il-Kunsill innota li matul l-investigazzjonijiet ta’ evażjoni u quddiem il-Qorti Ġenerali r-rikorrenti qatt ma sostniet li hija kienet tipproduċi l-biodiżil. Bil-kontra ta’ dan, fil-punt 46 tar-replika, ir-rikorrenti ammettiet li la hija u lanqas is-sussidjarji tagħha ma kellhom installazzjonijiet tal-biodiżil. Issa, skont is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ April 2012, Würth u Fasteners (Shenyang) vs Il‑Kunsill (T‑162/09), importaturi jew negozjanti, bħar-rikorrenti, jinsabu f’sitwazzjoni differenti minn dik tal-produtturi u normalment ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala li huma individwalment ikkonċernati minn regolament li jimponi dazji antidumping jew dazji kumpensatorji, anki fil każ li jkunu pparteċipaw fil-proċedura li wasslet għall-adozzjoni ta’ dak ir-regolament.

67      B’risposta għal mistoqsija orali tal-Qorti Ġenerali, il-Kunsill speċifika li ma kienx ikkuntesta l-ammissibbiltà tar-rikors matul il-proċedura bil-miktub għaliex is-sentenza Würth u Fasteners (Shenyang) vs Il-Kunsill, punt 66 iktar ’il fuq, kienet għadha ma ngħatatx f’dak l-istadju. Il-Kunsill madankollu osserva li l-ammissibbiltà ta’ parti biex tressaq kawża quddiem il-Qorti Ġenerali hija kwistjoni ta’ ordni pubbliku li għandha titqajjem ex officio mill-Qorti Ġenerali.

68      Matul is-seduta r-rikorrenti talbet lill-Qorti Ġenerali tiċħad l-eċċezzjonijiet tal-Kunsill dwar l-ammissibbiltà tar-rikors. Ir-rikorrenti indikat li hija ma kinitx importatriċi iżda esportatriċi tal-prodotti inkwistjoni, fatt li l-Kunsill innifsu rrikonoxxa fil-premessa 66 tar-Regolament antidumping ikkontestat. Barra minn hekk, ir-rikorrenti speċifikat li hija la kienet tipproduċi biodiżil pur (B100), u lanqas taħlitiet B99.9, iżda li, inkwantu raffinatur, hija kienet tixtri dawn il-prodotti sabiex sussegwentement tħallathom ma diżil minerali, sabiex tipproduċi t-taħlitiet b’konċentrazzjoni inferjuri li hija kienet tesporta. Għaldaqstant, ir-rikorrenti hija, parzjalment produttur u parzjalment esportatur ta’ taħlitiet ta’ biodiżil. Ir-rikorrenti osservat ukoll li hija kienet ipparteċipat fl-investigazzjonijiet ta’ evażjoni u li hija kienet imsemmija espliċitament fir-regolamenti kkontestati. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti osservat li l-Kunsill kien eċċepixxa l-inammissibbiltà tar-rikors fi stadju avvanzat tal-proċedura.

69      Skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, “[k]walunkwe persuna fiżika jew ġuridika tista’, taħt il-kondizzjonijiet previsti fl-ewwel u t-tieni subparagrafi, tressaq appell kontra att indirizzat lilha jew li jirrigwardha direttament u individwalment, kif ukoll kontra att regolatorju li jirrigwardha direttament u li ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni”.

70      Għandu jitfakkar li l-kriterju li jissuġġetta l-ammissibbiltà ta’ rikors ippreżentat minn persuna fiżika jew ġuridika kontra att li tiegħu ma tkunx id-destinatarja għall-kundizzjoni li din il-persuna tkun ikkonċernata direttament u individwalment minn dan l-att, kriterju stabbilit fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, jikkostitwixxi eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ta’ ordni pubbliku li l-qrati Komunitarji jistgħu jeżaminaw f’kull stadju tal-proċedura, u anki ex officio (digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-5 ta’ Lulju 2001, Conseil national des professions de l’automobile et vs Il-Kummissjoni, C‑341/00 P, Ġabra p. I‑5263, punt 32, u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tad-29 ta’ Novembru 2007, Stadtwerke Schwäbisch Hall et vs Il-Kummissjoni, C‑176/06 P, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 18).

71      Mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament antidumping bażiku u mill-Artikolu 23(1) tar-Regolament bażiku ta’ kontra s-sussidji jirriżulta li l-konsegwenza tar-regolamenti ta’ estensjoni ta’ dazji fil-każ ta’ evażjoni hija biss dik li jitwessa l-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolamenti inizjali. Għalhekk, regolament li jestendi dazju antidumping jew kumpensatorju għandu, fir-rigward tal-impriżi suġġetti għad-dazji hekk estiżi, l-istess effetti ġuridiċi bħal regolament li jistabbilixxi dazju definittiv fir-rigward tal-impriżi suġġetti għal tali dazju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tas-26 ta’ Settembru 2000, Büchel vs Il-Kunsill u Il‑Kummissjoni, T‑74/97 u T‑75/97, Ġabra p. II‑3067, punt 52).

72      Fil-kawża preżenti l-Kunsill ma jikkontestax li r-rikorrenti hija kkonċernata direttament mir-regolamenti kkontestati. Fil-fatt, l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, mingħajr ma għandhom ebda marġni ta’ diskrezzjoni, huma obbligati li jiġbru d-dazji estiżi mir-regolamenti kkontestati fuq importazzjonijiet ta’ taħlitiet ≤ B20 li joriġinaw mill-Istati Uniti (ara, f’dan is-sens, sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-25 ta’ Settembru 1997, Shanghai Bicycle vs Il-Kunsill, T‑170/94, Ġabra p. II‑1383, punt 41).

73      Fir-rigward tar-rekwiżit dwar l-interess individwali, għandu jitfakkar li, għalkemm huwa minnu li, fid-dawl tal-kriterji tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, ir-regolamenti li jistabbilixxu dazji antidumping u dazji kumpensatorji huma, min-natura u mill-portata tagħhom stess, ta’ natura normattiva, sa fejn dawn japplikaw għall-parti l-kbira tal-operaturi ekonomiċi kkonċernati, ma huwiex madankollu eskluż li ċerti dispożizzjonijiet ta’ dawn ir-regolamenti jistgħu jikkonċernaw individwalment ċerti operaturi ekonomiċi (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-21 ta’ Frar 1984, Allied Corporation et vs Il‑Kummissjoni, 239/82 u 275/82, Ġabra p. 1005, punt 11 ; sentenzi tal-Qorti Ġenerali, tal-20 ta’ Ġunju 2000, Euromin vs Il-Kunsill, T‑597/97, Ġabra p. II‑2419, punt 43, u tat-28 ta’ Frar 2002, BSC Footwear Supplies et vs Il-Kunsill, T‑598/97, Ġabra p. II‑1155, punt 43).

74      Il-qorti tal-Unjoni kkunsidrat li ċerti dispożizzjonijiet tar-regolamenti li jistabbilixxu dazji antidumping u dazji kumpensatorji jistgħu jikkonċernaw individwalment l-interessi tal-produtturi u tal-esportaturi tal-prodott inkwistjoni li lilhom kienu ġew imputati l-prattiki ta’ dumping abbażi tad-data dwar l-attività kummerċjali tagħhom. Dan huwa l-każ, ġeneralment, tal-impriżi li jipproduċu u jesportaw li jistgħu juru li huma kienu ġew identifikati fl-atti tal-Kummissjoni u tal-Kunsill jew li kienu kkonċernati mill-investigazzjonijiet preparatorji (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Allied Corporation et vs Il-Kummissjoni, punt 73 iktar ’il fuq, punti 11 u 12 ; tal-Qorti Ġenerali Euromin vs Il-Kunsill, punt 73 iktar ’il fuq, punt 45, u tad-19 ta’ Settembru 2001, Mukand et vs Il-Kunsill, T‑58/99, Ġabra p. II‑2521, punt 21).

75      Fil-kawża preżenti, fir-regolamenti kkontestati l-Kunsill ammetta li r-rikorrenti kellha l-kwalità ta’ produttur. Fil-fatt fil-premessi 52 u 54 tar-Regolament kontra s-sussidji kkontestat u fil-premessi 57 u 59 tar-Regolament antidumping ikkontestat, il-Kunsill indika li r-rikorrenti kienet tifforma parti minn grupp ta’ ħames “produtturi tal-bijodiżil jew bijodiżil f’taħlitiet fl-Istati Uniti” li kienu kkooperaw fil-kuntest tal-investigazzjonijiet ta’ evażjoni. Kif jirriżulta mill-punt 46 tar-replika u mill-preċiżazzjonijiet ipprovduti mir-rikorrenti matul is-seduta, din tal-aħħar u s-sussidjarji tagħha ma humiex involuti fil-proċess tal-produzzjoni tal-biodiżil pur (B100) jew ta’ taħlitiet B99.9, iżda huma jixtru dan il-prodott mingħand il-produtturi u mingħand terzi u sussegwentement iħaltuhom ma diżil minerali sabiex jipproduċu t-taħlitiet ta’ biodiżil b’konċentrazzjoni iżgħar li huma jesportaw. Ir-rikorrenti tixtri wkoll taħlitiet ta’ biodiżil mingħand terzi. Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti hija, parzjalment, produttur u, parzjalment, esportatur ta’ taħlitiet ta’ biodiżil.

76      Għandu jiġi osservat ukoll li r-rwol tar-rikorrenti fil-kuntest tal-investigazzjonijiet ta’ evażjoni kien importanti. Fil-fatt, fil-premessa 52 tar-Regolament kontra s-sussidji kkontestat u fil-premessa 57 tar-Regolament antidumping ikkontestat il-Kunsill innota li, fost dawn il-ħames produtturi ta’ biodiżil stabbiliti fl-Istati Uniti li kienu kkooperaw, ir-rikorrenti kienet l-unika waħda li kienet esportat lejn l-Unjoni taħlitiet ≤ B20 li joriġinaw mill-Istati Uniti matul il-perijodu tal-investigazzjoni kontra l-evażjoni ara l-punt 35 iktar ’il fuq). Fil-premessa 61 tar-Regolament kontra s-sussidji kkontestat u fil-premessa 66 tar-Regolament antidumping ikkontestat il-Kunsill ammetta li l-esportazzjonijiet tar-rikorrenti kienu kkostitwixxew “proporzjon sinifikanti” tal-importazzjonijiet kollha ta’ taħlitiet ≤ B96.5 li joriġinaw mill-Istati Uniti kkonstatati matul dan il-perijodu. Il-Kunsill ma jikkuntestax li r-rikorrenti kkooperat b’mod sħiħ mal-istituzzjonijiet matul l-investigazzjonijiet ta’ evażjoni billi pprovdiet data dwar l-attività kummerċjali tagħha u li din id-data ttieħdet inkunsiderazzjoni sabiex tiġi ddeterminata l-portata tar-regolamenti kkontestati. Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat li fil-premessa 77 tar-Regolament kontra s-sussidji kkontestat u fil-premessa 82 tar-Regolament antidumping ikkontestat il-Kunsill ċaħad b’mod espliċitu t-talbiet ta’ eżenzjoni mressqa mir-rikorrenti abbażi, rispettivament, tal-Artikolu 23(6) tar-Regolament bażiku ta’ kontra s-sussidji u tal-Artikolu 13(4) tar-Regolament antidumping bażiku.

77      F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl tal-kriterji li jirriżultaw mill-ġurisprudenza kif imfakkra fil-punt 74 iktar ’il fuq, ma hemmx dubju li r-rikorrenti hija individwalment ikkonċernata mir-regolamenti kkontestati.

78      Għalhekk, l-eċċezzjoni mqajma mill-Kunsill matul is-seduta dwar il-locus standi tar-rikorrenti għandha tiġi miċħuda u r-rikors għandu jiġi ddikjarat ammissibbli.

2.     Fuq il-mertu

79      Ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi insostenn tar-rikors tagħha. Skont l-ewwel motiv il-Kunsill allegatament kiser ir-regolamenti bażiċi antidumping u ta’ kontra s-sussidji kif ukoll il-prinċipju ta’ ċertezza legali u wettaq użu ħażin ta’ poter meta estenda d-dazji inizjali permezz tal-investigazzjonijiet ta’ evażjoni. It-tieni motiv huwa bbażat fuq l-eżistenza ta’ żbalji manifesti fl-evalwazzjoni tal-fatti li jikkonċernaw lir-rikorrenti. It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni. Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ amministrazzjoni tajba.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tar-regolamenti bażiċi antidumping u ta’ kontra s-sussidji u tal-prinċipju ta’ ċertezza legali kif ukoll fuq twettiq ta’ użu ħażin ta’ poter permezz tal-estensjoni tad-dazji inizjali permezz tal-investigazzjonijiet ta’ evażjoni

80      Fil-kuntest tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti tikkuntesta li t-taħlitiet ? B20  u > B20 jistgħu jiġu kkunsidrati bħala “prodotti simili ftit modifikati” fis-sens tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament antidumping bażiku u tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament bażiku ta’ kontra s-sussidji, u ssostni li kien hemm ksur tal-imsemmija regolamenti, tal-prinċipju ta’ ċertezza legali kif ukoll użu ħażin ta’ poter.

81      Dan il-motiv essenzjalment jinqasam f’żewġ partijiet.

82      Fil-kuntest tal-ewwel parti, ir-rikorrenti tinsisti fuq id-differenzi li jeżistu bejn it-taħlitiet > B20, minn naħa, u t-taħlitiet ? B20 , min-naħa l-oħra, kif ukoll fuq l-esklużjoni espliċita ta’ dawn tal-aħħar mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolamenti inizjali.

83      Fil-kuntest tat-tieni parti, ir-rikorrenti tikkontesta l-eżistenza ta’ modifika tal-prodott ikkonċernat fis-sens tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament antidumping bażiku u tal-Artikolu 23(1) u (3)(a) tar-Regolament bażiku ta’ kontra s-sussidji, fid-dawl tal-fatt li t-taħlitiet ? B20 dejjem eżistew u ma nħolqux speċifikatament sabiex jiġu evitati d-dazji.

 Fuq l-ewwel parti tal-ewwel motiv, dwar id-differenzi li jeżistu bejn it-taħlitiet > B20 u t-taħlitiet ≤ B20 u dwar l-esklużjoni espliċita ta’ dawn tal-aħħar mir-regolamenti inizjali

84      Fil-kuntest tal-ewwel parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti tqajjem, essenzjalment, erba’ lmenti.

85      L-ewwel nett, ir-rikorrenti tqis li d-differenzi bejn it-taħlitiet > B20 u ≤ B20 jipprekludu li dawn tal-aħħar ikunu jistgħu jiġu kkunsidrati bħala “prodotti simili ftit modifikati”, fis-sens tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament antidumping bażiku u tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament bażiku ta’ kontra s-sussidji, meta mqabbla mat-taħlitiet > B20.

86      It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li l-kuntest legali ma jippermettix li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jestendu, permezz ta’ investigazzjoni ta’ evażjoni, id-definizzjoni ta prodott ikkonċernat permezz ta’ dazju antidumping jew kumpensatorju, u dan ħafna inqas meta, bħal fil-kawża preżenti, il-kwistjoni tkun dwar prodotti li ġew esklużi espliċitament mid-definizzjoni inizjali tal-prodott ikkonċernat u tal-prodott simili. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-estensjoni tad-dazji inizjali għat-taħlitiet ≤ B20 importati mir-rikorrenti tikser ir-regolamenti bażiċi antidumping u ta’ kontra s-sussidji u l-prinċipju ta’ ċertezza legali.

87      It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni wettqu użu ħażin ta’ poter, sa fejn huma estendew id-dazji inizjali permezz ta’ investigazzjonijiet ta’ evażjoni minflok ma bdew investigazzjoni ġdida dwar l-importazzjonijiet ta’ taħlitiet ≤ B20. Fir-replika r-rikorrenti tgħid ukoll li l-Kummissjoni messha, minn tal-inqas, bdiet proċedura ta’ reviżjoni interim fis-sens tal-Artikolu 11(3), tar-Regolament antidumping bażiku u tal-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku ta’ kontra s-sussidji.

88      Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti tosserva li l-estensjoni tad-dazji inizjali permezz ta’ investigazzjonijiet ta’ evażjoni ċaħħditha mid-drittijiet proċedurali tagħha mogħtija mir-regolamenti bażiċi antidumping u ta’ kontra s-sussidji. F’dan ir-rigward, fir-replika r-rikorrenti tindika li hija ġiet b’mod partikolari mċaħħda mill-possibbiltà li tikseb rati individwali u li l-kalkolu tad-dumping magħmul mill-Kummissjoni fir-regolamenti kkontestati u kkonfermat mill-Kunsill kien simplifikattiv wisq. Hija ssostni li l-Kummissjoni ma kellhiex data suffiċjenti dwar it-taħlitiet ≤ B20 sabiex tkun tista’ twettaq evalwazzjoni korretta tal-kundizzjonijiet tas-suq u tal-marġni ta’ dumping. B’risposta għan-nota ta’ intervent ta’ EBB, ir-rikorrenti tiddikjara, minn naħa, li hija ma wettqitx dumping u li s-sussidji li hija rċeviet kienu ferm inqas mill-ammonti invokati mill-EBB u, min-naħa l-oħra, li d-dannu kkawżat tal-Unjoni ma ġiex eżaminat. Matul is-seduta, ir-rikorrenti sostniet ukoll li l-importazzjonijiet tagħha ma kinux innewtralizzaw l-effett korrettur tad-dazji inizjali.

89      Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni u mill-EBB, jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

90      Għandu preliminarjament jiġi osservat li r-rikorrenti ma tikkuntestax li l-Kummissjoni u l-Kunsill osservaw, fir-rigward tagħha, id-drittijiet proċedurali previsti fil-kuntest tal-investigazzjonijiet ta’ evażjoni mill-Artikolu 13 tar-Regolament antidumping bażiku u mill-Artikolu 23 tar-Regolament bażiku ta’ kontra s-sussidji. Bl-argument dwar il-ksur tad-drittijiet proċedurali tagħha, espost fil-kuntest tar-raba’ lment, ir-rikorrenti fil-verità tilmenta dwar in-nuqqas ta’ ftuħ ta’ proċeduri ġodda li matulhom hija setgħet tibbenefika minn rati individwali, stabbiliti abbażi ta’ kalkolu preċiż tal-marġni ta’ dumping, tas-sussidju u tad-dannu imputabbli għall-importazzjonijiet inkwistjoni. Għalhekk, ir-raba’ lment huwa sempliċement konsegwenza tat-tielet ilment, ibbażat fuq użu ħażin ta’ poter.

91      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-kritika magħmula mir-rikorrenti fil-kuntest tar-raba’ lment, f’dak li jirrigwarda l-mod ta’ kif il-kummissjoni ddeterminat id-dumping, id-dannu u n-newtralizzazzjoni tal-effetti korretturi tad-dazji inizjali, ġiet invokata biss fir-replika, fl-osservazzjonijiet tagħha fuq in-nota ta’ intervent tal-EBB u matul is-seduta. Hekk kif ammettiet ir-rikorrenti matul is-seduta, ir-rikors ma jikkontestax l-evalwazzjonijiet, magħmula mill-Kunsill fir-regolamenti kkontestati, li minnhom jirriżulta li l-importazzjonijiet ta’ taħlitiet ≤ B20 kienu s-suġġett ta’ dumping u kienu jinnewtralizzaw l-effetti korretturi tad-dazji inizjali. Għalhekk, dawn l-argumenti tar-rikorrenti għandhom jiġu kkunsidrati bħala motiv ġdid inammissibbli minħabba tardività skont l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura.

92      Fir-rigward tal-eżami tat-tliet ilmenti l-oħra, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-qasam ta’ miżuri ta’ difiża kummerċjali, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa minħabba l-kumplessità tas-sitwazzjonijiet ekonomiċi, politiċi u ġuridiċi li huma għandhom jeżaminaw (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-28 ta’ Ottubru 2004, Shanghai Teraoka Electronic vs Il-Kunsill, T‑35/01, Ġabra p. II‑3663, punt 48, u l-ġurisprudenza ċċitata). Minn dan jirriżulta li l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni tal-evalwazzjonijiet tal-istituzzjonijiet għandu jkun limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli tal-proċedura, tal-preċiżjoni materjali tal-fatti kkunsidrati sabiex saret l-għażla kkontestata, tan-nuqqas ta’ żball manifest tal-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti, jew tan-nuqqas ta’ użu ħażin ta’ poter (ara s-sentenza Shanghai Teraoka Electronic vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 49, u l-ġurisprudenza ċċitata).

93      Għandu l-ewwel nett jiġi eżaminat l-ewwel ilment tar-rikorrenti. Fil-fatt, fil-każ fejn il-Qorti Ġenerali jkollha tikkunsidra, abbażi ta’ analiżi oġġettiva tal-karatteristiċi essenzjali tat-taħlitiet inkwistjoni, li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni wettqu żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ddeċidew li t-taħlitiet ? B20  importati mir-rikorrenti kienu jikkostitwixxu modifika ħafifa tat-taħlitiet > B20, ikun hemm lok li r-rikors jiġi milqugħ mingħajr ma jkun hemm bżonn li jiġu eżaminati l-ilmenti u l-motivi l-oħra. Bil-kontra ta’ dan, fil-każ fejn ikun hemm lok li jiġi kkunsidrat li r-regolamenti kkontestati ma humiex ivvizzjati minn tali żball manifest ta’ evalwazzjoni, ikollu jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni setgħetx, mingħajr ma twettaq użu ħażin ta’ poter u mingħajr ma tikser ir-regolamenti bażiċi antidumping u ta’ kontra s-sussidji u l-prinċipju ta’ ċertezza legali, tiftaħ investigazzjonijiet ta’ evażjoni fir-rigward tal-importazzjonijiet tar-rikorrenti, meta t-taħlitiet ? B20  kienu ġew espliċitament esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolamenti inizjali.

–       Fuq il-karatteristiċi essenzjali tat-taħlitiet ? B20 u > B20

94      Ir-rikorrenti ssostni li t-taħlitiet ta’ biodiżil b’konċentrazzjoni iktar baxxa, b’mod partikolari t-taħlitiet < B15 li hija esportat lejn l-Unjoni, ma jiffurmawx parti mill-istess suq bħat-taħlitiet b’konċentrazzjoni għola u għandhom karatteristiċi differenti. Hija tressaq tliet gruppi ta’ argumenti insostenn ta’ din it-teżi. L-ewwel grupp ta’ argumenti jikkonċerna l-aspetti partikolari tas-suq tal-biodiżil fl-Istati Uniti. It-tieni grupp ta’ argumenti jirrigwarda d-differenzi oġġettivi li jeżistu bejn it-taħlitiet skont il-kontenut tagħhom ta’ biodiżil. It-tielet grupp ta’ argumenti huwa bbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni ammettiet li t-taħlitiet > B20 u ≤ B20 kienu differenti peress li hija rrifjutat li tikkonċedi lir-rikorrenti t-trattament ta’ esportatur ġdid fis-sens tal-Artikolu 11(4) tar-Regolament antidumping bażiku u tal-Artikolu 20 tar-Regolament bażiku ta’ kontra s-sussidji.

95      Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni u mill-EBB, jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

96      Fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom fil-qasam tal-miżuri ta’ difiża kummerċjali (ara l-punt 92 iktar ’il fuq), għandu jiġi eżaminat jekk ir-rikorrenti wrietx li l-Kunsill wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qies li t-taħlitiet ≤ B20 esportati mir-rikorrenti jikkostitwixxux tibdila żgħira fil-prodott ikkonċernat u li dawn it-taħlitiet setgħu għalhekk jiġu kkunsidrati bħala “prodotti simili ftit modifikati” meta mqabbla mat-taħlitiet > B20 li għandhom l-“istess karatterstiċi essenzjali”, fis-sens tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament antidumping bażiku u tal-Artikolu 23(1) u (3)(a), tar-Regolament bażiku ta’ kontra s-sussidji. Għal dan il-għan, il-Qorti Ġenerali ser teżamina t-tliet gruppi ta’ argumenti tar-rikorrenti, għalkemm f’ordni differenti minn dak li fih dawn ġew ippreżentati.

97      F’dak li jirrigwarda, l-ewwel nett, id-differenzi oġġettivi bejn it-taħlitiet skont il-kontenut ta’ biodiżil tagħhom, ir-rikorrenti l-ewwel nett issostni li, skont l-industrija tad-diżil, il-kontenut ta’ biodiżil jiddetermina jekk it-taħlitiet ta’ biodiżil għandhomx jiġu kklassifikati bħala prodotti minerali jew petroliferi jew inkella bħala prodotti kimiċi. In-Nomenklatura Magħquda tagħmel distinzjoni wkoll skont il-kompożizzjoni tat-taħlitiet u tal-kontenut tagħhom ta’ biodiżil. Pereżempju, il-Kodiċi CN 2710 kif jinsab fin-Nomenklatura Magħquda, fil-kapitolu dwar iż-żjut minerali, ma japplikax għat-taħlitiet > B30. Ir-rikorrenti nnifisha tuża, fil-kuntratti u fl-irċevuti tagħha, deskrizzjonijiet differenti skont il-perċentwali ta’ biodiżil.

98      Wara dan, ir-rikorrenti tosserva li, mill-perspettiva loġistika, l-Anness II tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar it-Tħaris mit-Ttinġis li jsir minn Bastimenti (Marpol), iffirmata f’Londra fit-2 ta’ Novembru 1973, jikklassifika t-taħlitiet bi proporzjon ta’ biodiżil ta’ 15 % jew iktar (iktar ’il quddiem it-“ taħlitiet ≥ B15”) bħala prodotti kimiċi li għandhom jiġu ttrasportati f’bastimenti speċifiċi, b’kuntrast mat-taħlitiet < B15, li huma kkunsidrati bħala prodotti minerali jew petroliferi. Għalhekk, skont ir-rikorrenti, minn tal-inqas parti mit-taħlitiet ≤ B20, jiġiferi t-taħlitiet < B15 li hija kienet tesporta, kienu differenti mit-taħlitiet > B20. Ir-rikorrenti tosserva wkoll li ż-żmien ta’ kemm prodott jista’ jinżamm huwa iqsar għat-taħlitiet b’konċentrazzjoni għolja u li l-biodiżil pur u t-taħlitiet B99.9 għandhom għalhekk jiġu maħżuna f’tankijiet adatti għall-“fatty acid methyl esters”, iktar ’il quddiem il-“FAME”), li huma iżgħar u li jiswew iktar minn dawk użati għat-taħlitiet b’konċentrazzjonijiet iktar baxxi. Ir-rikorrenti tgħid ukoll li huwa iktar faċli li tkompli tħallat taħlita b’konċentrazzjoni iktar baxxa milli taħlita b’konċentrazzjoni għola, sabiex jinkisbu taħlitiet B7 u B5.

99      Fl-aħħar nett, fir-replika r-rikorrenti tindika li t-taħlitiet b’konċentrazzjoni ta’ biodiżil għola la huma intiżi għall-istess użu finali u lanqas ma għandhom l-istess saħħa u rendiment bħat-taħlitiet ta’ biodiżil b’konċentrazzjoni iktar baxxa.

100    F’dan ir-rigward, għandu l-ewwel nett jiġi osservat li l-klassifikazzjonijiet kummerċjali li l-industrija tagħti lill-prodotti inkwistjoni u dawk li jirriżultaw min-Nomenklatura Magħquda huma ta’ natura formali u dan ma jfissirx neċessarjament li l-prodotti li huma s-suġġett ta’ dawn il-klassifikazzjonijiet differenti ma għandhomx l-istess karatterstiċi essenzjali fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament antidumping bażiku u tal-Artikolu 23(3)(a) tar-Regolament bażiku ta’ kontra s-sussidji (ara l-punt 3 iktar ’il fuq). Kif ġustament josserva l-Kunsill, ċerti prattiċi ta’ evażjoni huma speċifikatament intiżi sabiex jiġi esportat prodott ftit modifikat li ma jaqax taħt kodiċi preċiż tan-Nomenklatura Magħquda li huwa suġġett għad-dazji inizjali.

101    It-tieni nett, għandu jiġi osservat li, ħlief għall-argumenti bbażati fuq il-leġiżlazzjoni fil-qasam tat-trasport marittimu, l-argumenti magħmula mir-rikorrenti fir-rigward tad-differenzi bejn t-taħlitiet minn perspettiva loġistika ma jagħmlux riferiment għal perċentwali ta’ biodiżil speċifiċi li jinsabu fit-taħlitiet. Dawn l-argumenti jsemmu differenzi bejn it-taħlitiet b’konċentrazzjoni għolja u dawk b’konċentrazzjoni baxxa iżda ma jitrattawx il-kwistjoni essenzjali ta’ jekk it-taħlitiet ≤ B20 għandhomx l-istess karatterstiċi essenzjali, fis-sens tal-leġiżlazzjoni antidumping u ta’ kontra s-sussidji inkwistjoni, bħat-taħlitiet > B20.

102    F’dak li jirrigwarda l-argumenti bbażati fuq il-leġiżlazzjoni fil-qasam tat-trasport marittimu, għandu jiġi osservat li l-unika differenza ta’ klassifikazzjoni bejn it-taħlitiet ≥ B15 u < B15, magħmula fil-Marpol, ma taffettwax fiha nnifisha l-karatteristiċi fiżiċi, kimiċi u tekniċi bażiċi, u lanqas ma taffettwa l-użi kummerċjali tat-taħlitiet ≤ B20. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-leġiżlazzjoni marittima inkwistjoni ma tagħmilx distinzjoni skont perċentwali ta’ 20 %, li hija l-qofol ta’ din il-kawża, iżda skont perċentwali ta’ 15 %.

103    It-tielet nett, ir-rikorrenti bl-ebda mod ma tissostanzja d-dikjarazzjonijiet tagħha li jidhru fir-replika li jgħidu li t-taħlitiet b’konċentrazzjoni għolja jew iktar baxxa la għandhom l-istess saħħa u lanqas l-istess rendiment. F’dak li jirrigwarda l-użi tat-taħlitiet skont il-konċentrazzjoni tagħhom, ir-rikorrenti ma tikkontestax li l-operazzjonijiet li jikkonsistu fit-taħlit ta’ biodiżil ma diżil minerali huma, mill-perspettiva teknika, relattivament sempliċi biex jitwettqu. Ir-rikorrenti lanqas ma tikkontesta li t-taħlitiet < B15 li hija kienet tesporta, l-istess bħat-taħlitiet B20, kienu intiżi sabiex jitħalltu mill-ġdid ma’ diżil minerali bil-għan li jiġu prodotti karburanti fl-Unjoni. Kemm jekk taħlitiet B99.9, li kienu l-prodotti l-iktar ikkonċernati mid-dazji inizjali, jew inkella taħlitiet < B15 esportati mir-rikorrenti, dawn it-taħlitiet kellhom kemm huma kien għad fadlilhom li jiġu ttrasformati sabiex jiksbu l-proporzjonijiet li jikkorrispondu għat-taħlitiet awtorizzati għall-bejħ lill-utenti finali fl-Ewropa, jiġifieri t-taħlitiet B7 u B5 (ara l-punt 36 iktar ’il fuq. Minn dan jirriżulta li l-importazzjonijiet kollha ta’ taħlitiet ta’ biodiżil kellhom ikunu suġġetti għall-istess operazzjoni ta’ trasformazzjoni, kienu intiżi sabiex jgħaqqdu l-istess domanda finali u li dawn kienu għalhekk jikkawżaw dannu lill-istess industrija Ewropea.

104    F’dak li jirrigwarda, it-tieni nett, l-aspetti partikolari tas-suq tal-biodiżil fl-Istati Uniti, huwa paċifiku bejn il-partijiet li l-magni diżil kollha setgħu jaħdmu b’taħlitiet ? B20 filwaqt li jżommu l-garanzija tal-kostrutturi tal-vetturi bil-mutur, b’tali mod li dawn it-taħlitiet jinbiegħu dirett lil konsumaturi fl-Istati Uniti (ara l-punt  14 iktar ’il fuq). Ir-rikorrenti madankollu ma tispjegax b’mod suffiċjenti kif din is-sempliċi konstatazzjoni kellha tipprekludi lill-Kunsill u lilll-Kummissjoni milli jikkunsidraw li t-taħlitiet ≤ B20 li hija kienet tesporta kienu “prodotti simili ftit modifikati” meta mqabbla mat-taħlitiet > B20. F’kull każ, dan l-aspett partikolari tas-suq tal-Istati Uniti ma jaffettwax il-konstatazzjoni, magħmula mill-Kunsill fil-premessa 65 tar-Regolament kontra s-sussidji kkontestat u fil-premessa 70 tar-Regolament antidumping ikkontestat, li tgħid li l-karatteristiċi fiżiċi, kimiċi u tekniċi bażiċi tat-taħlitiet > B20 u dawk tat-taħlitiet ≤ B20 kienu suffiċjentement simili sabiex ikunu jistgħu jiġu suġġetti għall-istess operazzjonijiet ta’ taħlit sabiex dawn isiru tajbin għal konsum finali fl-Unjoni (ara l-punt  37 iktar ’il fuq).

105    F’dak li jirrigwarda, it-tielet ul-aħħar nett, ir-rifjut tal-Kummissjoni li tikkonċedi lir-rikorrenti t-trattament ta’ esportatur ġdid, fis-sens tal-Artikolu 11(4), tar-Regolament antidumping bażiku u fis-sens tal-Artikolu 20 tar-Regolament bażiku ta’ kontra s-sussidji, dawn huma kunsiderazzjonijiet ġuridiċi li ma jistgħux jinfluwenzaw il-konstatazzjonijiet tekniċi msemmija fil-punt preċedenti. Fil-fatt, skont dawn id-dispożizzjonijiet, l-eżami inkwantu esportatur ġdid huwa rriżervat biss għall-operaturi li jibdew jimportaw il-prodott ikkonċernat minn regolament antidumping jew minn regolament kontra s-sussidji wara l-adozzjoni ta’ dawn ir-regolamenti. Issa, fil-kawża preżenti, it-taħlitiet ≤ B20 ma kinux ikkonċernati mir-regolamenti inizjali. Madankollu, dan il-fatt ma jitfa l-ebda dawl fuq il-kwistjoni ta’ jekk dawn it-taħlitiet setgħux jiġu kkunsidrati bħala “prodotti simili ftit modifikati” meta mqabbla mat-taħlitiet > B20.

106    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-rikorrenti ma wrietx li l-Kunsill kien wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkonkluda li t-taħlitiet ≤ B20 esportati mir-rikorrenti kienu jikkostitwixxu tibdila żgħira fil-prodott ikkonċernat u li dawn it-taħlitiet setgħu għalhekk jiġu kkunsidrati bħala “prodotti simili ftit modifikati” meta mqabbla mat-taħlitiet > B20, peress li dawn kellhom l-“istess karatterstiċi essenzjali”, fis-sens tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament antidumping bażiku u tal-Artikolu 23(1) u (3)(a) tar-Regolament bażiku ta’ kontra s-sussidji.

107    Għaldaqstant, l-ewwel ilment tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

–       Fuq l-esklużjoni espliċita tat-taħlitiet ? B20 mir-regolamenti inizjali

108    Ir-rikorrenti tosserva li d-definizzjonijiet inizjali tal-prodott ikkonċernat u tal-prodott simili għandhom importanza deċiżiva fil-kwistjoni ta’ jekk kienx hemm evażjoni tad-dazji inizjali u li dawn għandhom jibqgħu kooerenti. L-investigazzjonijiet ta’ evażjoni u l-prinċipju ta’ ċertezza legali ma jippermettux li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jestendu d-definizzjoni inizjali ta’ prodott ikkonċernat u ċertament ma jippermettux dan meta l-estensjoni tirriferi għal prodott li ġie espliċitament eskluż mill-imsemmija definizzjoni tal-prodott ikkonċernat u minn dik tal-prodott simili. Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-10 ta’ Settembru 2008, JSC Kirovo-Chepetsky Khimichesky Kombinat vs Il-Kunsill (T‑348/05, mhux ippubblikata fil-Ġabra), tikkonferma dawn il-prinċipji.

109    Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni u mill-EBB, jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

110    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, l-ewwel nett, li l-investigazzjonijiet ta’ evażjoni previsti fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament antidumping bażiku u fl-Artikolu 23(1) tar-Regolament bażiku ta’ kontra s-sussidji jikkonċernaw speċifikatament prodotti li ma kinux koperti formalment mid-definizzjoni inizjali tal-prodott ikkonċernat u tal-prodott simili, iżda li xorta waħda jikkostitwixxu “prodotti simili ftit modifikati” sa fejn dawn jikkondividu l-istess “karatteristiċi essenzjali” bħall prodotti koperti mid-definizzjoni inizjali. Għalhekk, meta estenda d-dazji inizjali għat-taħlitiet ≤ B20, il-Kunsill aġixxa b’mod konformi mal-għanijiet ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

111    F’dak li jirrigwarda, it-tieni nett, is-sentenza JSC Kirovo-Chepetsky Khimichesky Kombinat vs Il-Kunsill, punt 108 iktar ’il fuq, bil-kontra ta’ dak li tiddikjara r-rikorrenti, din tikkonferma dawn il-prinċipji. Fil-fatt, din is-sentenza ma kinitx tikkonċerna investigazzjoni ta’ evażjoni iżda proċedura ta’ reviżjoni interim parzjali fis-sens tal-Artikolu 11(3), tar-Regolament antidumping bażiku. Fil-kuntest ta’ din il-proċedura ta’ reviżjoni, il-Kunsill kien estenda d-definizzjoni inizjali tal-prodott ikkonċernat sabiex jimponi d-dazji inkwistjoni fuq prodotti li kienu jintegraw, inkwantu komponent, il-prodott inizjalment ikkonċernat. Il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-Kunsill ma setax ibiddel id-definizzjoni inizjali tal-prodott ikkonċernat fil-kuntest ta’ proċedura ta’ reviżjoni interim fis-sens l-Artikolu 11(3), tar-Regolament antidumping bażiku sabiex jiġu inklużi prodotti ġodda li ma kinux koperti mir-regolament inizjali (sentenza JSC Kirovo-Chepetsky Khimichesky Kombinat vs Il‑Kunsill, punt 108 iktar ’il fuq, punti 61 sa 65). Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali indikat li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni messhom eżaminaw jekk il-prodotti l-ġodda, li kienu jinkludu l-prodott ikkonċernat inkwantu komponent, setgħu jiġu kkunsidrati bħala “prodotti simili ftit modifikati”, fis-sens tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament antidumping bażiku. Hija ddeċidiet li l-Kunsill ma jistax jevita l-ħtieġa ta’ investigazzjoni abbażi ta’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar permezz ta’ bdil tad-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 11(3), tar-Regolament antidumping bażiku (sentenza JSC Kirovo-Chepetsky Khimichesky Kombinat vs Il-Kunsill, punt 108 iktar ’il fuq, punti 66 sa 70).

112    F’dak li jirrigwarda, it-tielet nett, l-esklużjoni espliċita tat-taħlitiet ≤ B20 mir-regolamenti inizjali, għandu jiġi osservat li, bil-kontra ta’ dak li tissuġġerixxi r-rikorrenti fir-replika u b’risposta għan-nota ta’ intervent tal-Kummissjoni, din l-esklużjoni la kienet ibbażata fuq differenzi dwar il-karatteristiċi fiżiċi, kimiċi u tekniċi bażiċi tat-taħlitiet inkwistjoni, u lanqas fuq is-sitwazzjoni fl-Unjoni.

113    Kif indikat fil-punti 13 sa 15 u 25 iktar ’il fuq, l-esklużjoni tat-taħlitiet ≤ B20 mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolamenti inizjali kienet iġġustifikata biss minħabba l-aspetti partikolari tas-suq tal-Istati Uniti, fejn it-taħlitiet ≤ B20, b’kuntrast mat-taħlitiet > B20, kienu intiżi sabiex jinbiegħu direttament lill-konsumaturi u għalhekk ma kinux esportati. Din il-konstatazzjoni kienet wasslet sabiex il-Kunsill jiffissa l-limitu fuq il-livell tat-taħlitiet > B20, sabiex “[i]kun hemm linja diviżiva ċara u li tiġi evitata l-konfużjoni bejn il-prodotti, is-swieq u l-partijiet varji fl-Istati Uniti” (premessa 33 tar-Regolament antidumping inizjali u premessa 34 tar-Regolament inizjali kontra s-sussidji).

114    Minn dan jirriżulta, minn naħa, li l-pożizzjoni tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni fir-rigward tal-karatteristiċi essenzjali tat-taħlitiet ≤ B20 u > B20 ma kinitx kontradittorja u li għalhekk f’din il-kawża r-rikorrenti ma tistax tinvoka ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

115    Għandu jitfakkar, min-naħa l-oħra, li għar-raġunijiet indikati fil-punt 104 iktar ’il fuq, il-kundizzjonijiet tas-suq speċifiċi għall-Istati Uniti ma kinux jipprekludu lill-Kummissjoni u lill-Kunsill milli jikkunsidraw li t-taħlitiet ≤ B20 esportati mir-rikorrenti kienu “prodotti simili ftit modifikati” meta mqabbla mat-taħlitiet > B20, fis-sens tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament antidumping bażiku u tal-Artikolu 23(1) u (3)(a) tar-Regolament bażiku ta’ kontra s-sussidji.

116    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-esklużjoni tat-taħlitiet ≤ B20 mir-regolamenti inizjali minħabba l-aspetti partikolari tas-suq fl-Istati Uniti ma kinitx tipprekludi lill-Kummissjoni u lill-Kunsill milli jibdew investigazzjonijiet ta’ evażjoni fir-rigward ta’ dawn it-taħlitiet.

117    Għalhekk, it-tieni lment tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

–       Fuq l-użu ħażin ta’ poter

118    Permezz tat-tielet ilment tagħha r-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni u l-Kunsill ma setgħux, mingħajr ma jwettqu użu ħażin ta’ poter, jestendu d-dazji inizjali għall-importazzjonijiet ta’ taħlitiet ≤ B20 permezz ta’ investigazzjonijiet ta’ evażjoni, iżda li huma kellhom jibdew investigazzjonijiet ġodda dwar dawn l-importazzjonijiet abbażi tal-Artikolu 5 tar-Regolament antidumping bażiku u tal-Artikolu 10 tar-Regolament bażiku ta’ kontra s-sussidji. Fir-replika r-rikorrenti żiedet li l-Kummissjoni messha, minn tal-inqas, wettqet ex officio eżami mill-ġdid abbażi tal-Artikolu 11(3), tar-Regolament antidumping bażiku u tal-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku ta’ kontra s-sussidji.

119    Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni u mill-EBB, iqis li l-argumenti tar-rikorrenti huma infondati. Barra minn hekk, l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-Kummissjoni kienet obbligata li twettaq, minn tal-inqas, reviżjoni interim la ġie ppreżentat matul l-investigazzjonijiet ta’ evażjoni u lanqas fir-rikors. Għaldaqstant, dan l-argument huwa inammissibbli. Il-Qorti Ġenerali talbet lir-rikorrenti tesponi l-opinjoni tagħha dwar din il-kwistjoni tal-aħħar matul is-seduta.

120    Għandu jitfakkar li att ikun ivvizzjat b’użu ħażin ta’ poter biss jekk jidher, fuq il-bażi ta’ indizji oġġettivi, rilevanti u konkordanti, li ttieħed bil-għan esklużiv, jew minn tal-inqas bil-għan determinanti, li jilħaq għanijiet differenti minn dawk indikati jew bil-għan li tiġi evitata proċedura prevista speċifikatament mit-Trattat għaċ-ċirkustanzi inkwistjoni (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 1999, Vlaamse Televisie Maatschappij vs Il‑Kummissjoni, T‑266/97, Ġabra p. II‑2329, punt 131, u l-ġurisprudenza ċċitata).

121    Fil-kawża preżenti, hekk kif jirriżulta mill-punt 106 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ma wrietx li l-Kunsill kien wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ddeċieda li t-taħlitiet ≤ B20 esportati mir-rikorrenti kienu jikkostitwixxu tibdila żgħira fil-prodott ikkonċernat fis-sens tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament antidumping bażiku u tal-Artikolu 23(1) u 3(a) tar-Regolament bażiku ta’ kontra s-sussidji. Bl-istess mod, l-esklużjoni tat-taħlitiet ≤ B20 mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolamenti inizjali ma kinitx tipprekludi lill-Kummissjoni u lill-Kunsill milli jibdew investigazzjonijiet ta’ evażjoni fir-rigward tal-importazzjonijiet tar-rikorrenti (ara l-punt  116 iktar ’il fuq).

122    Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni u l-Kunsill ma evitawx il-proċedura prevista speċifikatament mir-regolamenti bażiċi antidumping u ta’ kontra s-sussidji biex jiġu ttratati ċ-ċirkustanzi tal-kawża preżenti.

123    Għalhekk, it-tielet ilment għandu jiġi miċħud mingħajr ma jkun hemm bżonn li tiġi eżaminata l-ammissibbiltà tal-argument tar-rikorrenti dwar l-obbligu tal-Kummissjoni li tibda, minn tal-inqas, proċedura ta’ reviżjoni interim minflok investigazzjoni ta’ evażjoni.

124    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, l-ewwel parti tal-ewwel motiv tar-rikorrenti, dwar id-differenzi li jeżistu bejn it-taħlitiet > B20 u ≤ B20 u dwar l-esklużjoni espliċita ta’ dawn tal-aħħar mir-regolamenti inizjali, għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni parti tal-ewwel motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ modifika tal-prodott ikkonċernat

125    Ir-rikorrenti ssostni li t-taħlitiet ≤ B20 ma ġewx “ftit modifikati” fis-sens tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament antidumping bażiku u tal-Artikolu 23(1) u (3)(a) tar-Regolament bażiku ta’ kontra s-sussidji, għaliex dawn it-taħlitiet dejjem eżistew u ma nħolqux speċifikatament sabiex tiġi evitata l-impożizzjoni tad-dazji inizjali.

126    F’dan ir-rigward għandu jiġi kkonstatat, hekk kif għamel il-Kunsill, li d-dispożizzjonijiet tar-regolamenti bażiċi antidumping u ta’ kontra s-sussidji dwar l-investigazzjonijiet ta’ evażjoni ma jimponux li għandu jintwera li l-“prodotti simili ftit modifikati” fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet għandhom ikunu nħalqu speċifikatament sabiex jiġi evitat il-ħlas tad-dazji.

127    F’din il-kawża, hekk kif jirriżulta mill-punti 13 sa 15, 25 u 39 iktar ’il fuq, it-taħlitiet ≤ B20 kienu diġà jeżistu fis-suq tal-Istati Uniti, iżda ma kinux esportati lejn l-Unjoni. Kien biss wara li ġew stabbiliti d-dazji inizjali li t-taħlitiet ≤ B20 bdew jiġu importati fl-Ewropa. Peress li dawn it-taħlitiet u t-taħlitiet > B20 għandhom karatteristiċi fiżiċi, kimiċi u tekniċi bażiċi simili ħafna għal dawk tat-taħlitiet > B20, kif ukoll użu identiku fl-Unjoni (ara l-punt  104 iktar ’il fuq), il-Kunsill kien iġġustifikat meta kkonkluda, fil-premessa 65 tar-Regolament kontra s-sussidji kkontestat u fil-premessa 70 tar-Regolament antidumping ikkontestat, li t-taħlitiet ≤ B20 importati mir-rikorrenti kienu jikkostitwixxu tibdila żgħira fil-prodott ikkonċernat.

128    Għalhekk, it-tieni parti tal-ewwel motiv u, għaldaqstant, l-ewwel motiv kollu kemm huwa, għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq l-eżistenza ta’ żbalji manifesti fl-evalwazzjoni tal-fatti li jikkonċernaw lir-rikorrenti

129    It-tieni motiv, li jsemmi diversi żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni mwettqa mill-Kunsill, huwa kompost minn tliet partijiet.

130    L-ewwel parti tirrigwarda r-riversibbiltà tal-modifika tal-prodott ikkonċernat u hija bbażata fuq il-konstatazzjoni li t-taħlitiet ? B20 ma setgħux iktar jiġu ttrasformati sabiex jerġgħu jsiru taħlitiet > B20 wara l-importazzjoni.

131    Fil-kuntest tat-tieni parti r-rikorrenti tikkontesta l-eżistenza ta’ modifika tal-konfigurazzjoni tal-kummerċ fis-sens tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament antidumping bażiku u tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament bażiku ta’ kontra s-sussidji, sa fejn hija kkonċernata.

132    Fil-kuntest tat-tielet parti, ir-rikorrenti ssostni li l-Kunsill ma evalwatx korrettament l-ġustifikazzjonijiet ekonomiċi li hija kienet invokat fir-rigward tal-importazzjonijiet tagħha ta’ taħlitiet < B15.

 Fuq l-ewwel parti tat-tieni motiv, dwar l-impossibbiltà li t-taħlitiet ? B20 jiġu ttrasformati sabiex jerġgħu jsiru taħlitiet > B20

133    Ir-rikorrenti tosserva li t-taħlitiet ? B20 ma setgħux jiġu ttrasformati sabiex jerġgħu jsiru taħlitiet > B20, b’tali mod li evażjoni tad-dazji inizjali hija, fil-verità, impossibbli. Meta jiddikjaraw mod ieħor, ir-regolamenti kkontestati fihom żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni.

134    Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

135    L-ewwel nett, għandu jiġi osservat li fir-regolamenti kkontestati l-Kunsill qatt ma indika li t-taħlitiet ≤ B20 setgħu jiġu ttrasformati sabiex jerġgħu jsiru taħlitiet > B20, bil-kontra ta’ dak li tiddikjara r-rikorrenti.

136    Wara dan, għandu jiġi osservat, kif jagħmel il-Kunsill, li, billi teżiġi li l-prodott modifikat jerġa’ jsir, ladarba importat, il-prodott ikkonċernat, ir-rikorrenti żżid kriterju ġdid sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ evażjoni li ma huwiex previst mir-regolamenti bażiċi antidumping u ta’ kontra s-sussidji. Għalhekk, ir-rikorrenti donnha hija konfuża bejn id-diversi tipi ta’ evażjoni li dawn ir-regolamenti jipprovdu. Fil-kawża preżenti, l-investigazzjoni kienet tirrigwarda, fost l-oħrajn, l-importazzjoni ta’ “prodotti simili ftit modifikati” fis-sens tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament antidumping bażiku u tal-Artikolu 23(1) u (3)(a) tar-Regolament bażiku ta’ kontra s-sussidji. Din il-prattika ta’ evażjoni hija differenti minn dik prevista fl-Artikolu 13(2) tar-Regolament antidumping bażiku, li tikkonsisti f’li l-prodott ikkonċernat jiġi importat f’partijiet separati sabiex jiġi sussegwentement assemblat fl-unjoni u b’hekk jiġi evitat il-ħlas tad-dazji imposti fuq il-prodott sħiħ.

137    Fl-aħħar nett, kif ġie indikat fil-punt 104 iktar ’il fuq, t-taħlitiet ≤ B20 importati mir-rikorrenti kellhom karatteristiċi fiżiċi, kimiċi u tekniċi bażiċi simili ħafna għat-taħlitiet > B20, kif ukoll użu identiku fl-Unjoni. Dawn il-konstatazzjonijiet huma suffiċjenti sabiex jiġi kkunsidrat li dawn it-taħlitiet jikkostitwixxu “prodotti simili ftit modifikati” fis-sens tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament antidumping bażiku u tal-Artikolu 23(1) u (3)(a) tar-Regolament bażiku ta’ kontra s-sussidji.

138    Għalhekk, l-ewwel parti tat-tieni motiv, għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti tat-tieni motiv, dwar in-nuqqas ta’ modifika tal-konfigurazzjoni tal-kummerċ

139    Ir-rikorrenti tiddikjara li ma kienx hemm modifika tal-konfigurazzjoni tal-kummerċ f’dak li jirrigwardaha. Fil-fatt, hija la mmodifikat l-imġiba tagħha u lanqas ma waqfet milli timporta l-prodotti kkonċernati mid-dazji inizjali, peress li hija qatt ma kienet importat dawn il-prodotti qabel l-adozzjoni tar-regolamenti inizjali. Għalhekk, hija ma tistax tiġi akkużata li evadiet miżura li ma kinitx tikkonċernaha.

140    Il-Kunsill jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

141    Għandu jiġi osservat li, bil-kontra ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, l-Artikolu 13(1) tar-Regolament antidumping bażiku u l-Artikolu 23(3) tar-Regolament bażiku ta’ kontra s-sussidji ma jirrikjedux li l-impriżi kkonċernati minn investigazzjoni ta’ evażjoni jkunu preċedentement importaw l-prodotti li fuqhom ġew imposti d-dazji inizjali sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ modifika tal-konfigurazzjoni tal-kummerċ. Tali rekwiżit ikun jirrestrinġi b’mod kunsiderevoli u mhux iġġustifikat il-kamp ta’ applikazzjoni tal-investigazzjonijiet ta’ evażjoni.

142    Fil-fatt, dawn il-proċeduri qed jippruvaw jipproteġu l-industrija tal-Unjoni kontra ċerti impotrazzjonijiet, indipendentement mill-identità tal-impriżi involuti. Il-każ preżenti jikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ “prodotti simili ftit modifikati”. Għalhekk il-kwistjoni hija dwar l-importazzjoni ta’ prodotti ta’ sostituzzjoni sabiex tiġi evitata l-impożizzjoni tad-dazji inizjali, meta dawn il-prodotti għadhom is-suġġett ta’ dumping jew ta’ sussidju, jikkawżaw dannu lill-industrija tal-Unjoni jew jinnewtralizzaw l-effetti korretturi tad-dazji inizjali. Sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ modifika tal-konfigurazzjoni tal-kummerċ, l-istituzzjonijiet jistgħu għalhekk jillimitaw ruħhom li jikkonstataw li hemm importazzjonijiet tal-prodott ta’ sostituzzjoni bi ħsara għall-importazzjoni tal-prodotti suġġetti għad-dazji inizjali, indipendentement mill-kwistjoni ta’ jekk l-importazzjonijiet il-ġodda sarux minn impriżi diġà effettwati mid-dazji inizjali.

143    F’din il-kawża, huwa paċifiku li l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat oriġinalment kienu prattikament waqfu wara l-impożizzjoni tad-dazji inizjali u li l-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni ta’ taħlitiet ≤ B20 li joriġinaw mill-Istati Uniti kienu bdew fl-istess ħin.

144    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni u l-Kunsill kienu ġġustifikati meta stabbilixxew l-eżistenza ta’ modifika tal-konfigurazzjoni tal-kummerċ bejn l-Istati Uniti u l-Unjoni, skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament antidumping bażiku u tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament bażiku ta’ kontra s-sussidji.

145    Għaldaqstant, it-tieni parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tielet parti tat-tieni motiv, dwar l-evalwazzjoni tal-ġustifikazzjonijiet ekonomiċi sostnuti mir-rikorrenti

146    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kunsill wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkonkluda, fir-rigward tagħha, li ma kienx hemm motivazzjoni suffiċjenti jew ġustifikazzjoni ekonomika oħra għajr l-evażjoni tad-dazji inizjali biex tibda tesporta taħlitiet < B15.

147    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tfakkar li hija bdiet l-attività tagħha fis-settur tal-biodiżil biss lejn il-bidu tal-2009 sabiex issostni l-attivitajiet tal-grupp BP u tindika li hija għażlet li timporta fl-Unjoni taħlitiet < B15 għal raġunijiet ta’ natura ekonomika. Skont ir-rikorrenti, dan it-tip ta’ taħlita kienet tippermettilha, l-ewwel nett, li tevita l-użu ta’ bastimenti speċjalizzati, iżgħar u li jiswew iktar flus, li huma obbligatorji għat-trasport marittimu ta’ taħlitiet ≥ B15 skont il-Marpol (ara l-punt  98 iktar ’il fuq) u li tittrasporta t-taħlitiet f’bastimenti mhux speċjalizzati tal-flotta tagħha stess jew li kienu s-suġett ta’ kuntratt ta’ nolleġġ għal żmien twil. It-tieni nett, dawn it-taħlitiet setgħu jinħażnu b’iktar faċilità f’tankijiet normali mill-FAME fiż-żona Amsterdam-Rotterdam-Anvers (iktar ’il quddiem iż-“żona ARA”, fejn hija kellha produzzjoni żejda ta’ diżil li hija xtaqet tuża sabiex tipproduċi taħlitiet B7 u B5. It-tielet nett, ir-rikorrenti tispeċifika li t-terminal ta’ BP France li jinsab f’Frontignan fin-naħa ta’ isfel ta’ Franza, fejn hija kienet tesporta “volum sinjifikattiv” ta’ biodiżil, ma setax jilqa’ l-bastimenti speċjalizzati li fihom kellhom jiġu ttrasportati t-taħlitiet ≥ B15. Matul is-seduta, ir-rikorrenti insistiet fuq dan l-aħħar argument, billi spjegat li hija għandha domanda qawwija għat-taħlitiet B7 u B5 fin-naħa ta’ isfel ta’ Franza u li hija kienet tħallat t-taħlitiet < B15 li joriġinaw mill-Istati Uniti mad-diżil żejjed li joriġina miż-żona ARA fit-terminal ta’ Frontignan.

148    Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni u mill-EBB, jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

149    Preliminarjament, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti essenzjalment tipprovdi raġunijiet ta’ natura loġistika sabiex tiġġustifika l-importazzjonijiet ta’ taħlitiet < B15 fl-Unjoni. Issa, għalkemm kunsiderazzjonijiet ta’ natura loġistika jista’ jkollhom sehem fid-deċiżjoni li tinbeda attività ekonomika, dawn ma jistgħux, waħedhom, jiġġustifikaw tali deċiżjoni. Fil-fatt, attività ekonomika ġeneralment tinbeda biss wara analiżi ta’ profittabbiltà. Fil-kuntest ta’ tali analiżi, il-fatt li jiġu evitati d-dazji inizjali, li n-natura għolja tagħhom hija paċifika bejn il-partijiet, jista’ jkun fattur ekonomiku iktar importanti minn kunsiderazzjonijiet ta’ natura loġistika.

150    L-ewwel nett, f’dan ir-rigward għandu bilfors jiġi kkonstatat, l-ewwel nett, li r-rikorrenti ma kkontestatx il-konstatazzjoni tal-Kunsill li tgħid li l-qliegħ marbut man-nuqqas ta’ użu ta’ bastimenti speċjalizzati għat-trasport ta’ taħlitiet ≥ B15, allegat mir-rikorrenti, jirrappreżenta biss 2.3 % tal-ammont li jikkorrispondi għad-dazji inizjali li hija evitat li tħallas matul il-perijodu tal-investigazzjoni kontra l-evażjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kunsill kien iġġustifikat meta ma aċċettax il-ġustifikazzjonijiet ekonomiċi allegati mir-rikorrenti marbuta mal-għażla tal-użu ta’ bastimenti mhux speċjalizzati għat-trasport marittimu tat-taħlitiet ta’ biodiżil.

151    It-tieni nett, fir-rigward tad-diffikultajiet ta ħażna tat-taħlitiet B100 u B99.9 fit-tankijiet taż-żona ARA, tal-eżistenza ta’ produzzjoni żejda ta’ diżil minerali f’din iż-żona u tal-limitazzjonijiet tekniċi tat-terminal ta’ Frontignan, għandu jiġi kkonstatat li l-ispjegazzjonijiet tar-rikorrenti ma jidhrux konvinċenti wisq. F’kull każ, ir-rikorrenti ma tipprovdi ebda element konkret li jippermetti li tinftiehem il-profittabbiltà ta’ dawn l-operazzjonijiet. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma pproduċiet l-ebda ċifri, kwantitajiet jew dokumenti li jikkonfermaw l-eżistenza ta’ domanda għal dan it-tip ta’ taħlitiet fin-naħa ta’ isfel ta’ Franza. Għandu wkoll jiġi osservat li dan l-argument tressaq biss matul is-seduta. Barra minn hekk, l-argument kumpless u mhux ipprovat tar-rikorrenti dwar id-domanda għall-biodiżil fin-naħa ta’ isfel ta’ Franza ma jaqbilx maċ-ċifri konkreti pprovduti mill-Kummissjoni u mill-Kunsill. Skont dawn iċ-ċifri, l-importazzjonijiet ta’ taħlitiet > B20 kienu prattikament waqfu wara l-impożizzjoni tad-dazji inizjali, filwaqt li l-importazzjonijiet ta’ taħlitiet ≤ B20 kienu feġġew biss wara din id-data (ara l-punt  39 iktar ’il fuq). Huwa wkoll paċifiku li l-livell tad-dazji inizjali kien ikkunsidrat bħala relattivament għoli b’tali mod li l-importazzjonijiet ta’ prodotti ta’ sostituzzjoni, bħat-taħlitiet ≤ B20, kienu ekonomikament interessanti.

152    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, għandu jiġi deċiż li l-Kunsill kien iġġustifikat meta ddeċieda li ma kienx hemm, għall-importazzjonijiet tat-taħlitiet < B15 tar-rikorrenti, motivazzjoni suffiċjenti jew ġustifikazzjoni ekonomika oħra għajr l-impożizzjoni tad-dazji inizjali.

153    Għalhekk, it-tielet parti tat-tieni motiv u, għaldaqstant, it-tieni motiv kollu kemm huwa għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

154    Ir-rikorrenti ssostni li r-regolamenti kkontestati ma humiex suffiċjentement motivati sabiex jiġġustifikaw l-estensjoni tad-dazji inizjali. Skont ir-rikorrenti, il-Kunsill kien obbligat li jipprovdi motivazzjoni iktar issostanzjata minħabba l-effetti kunsiderevoli li din l-estensjoni kellha fil-konfront tagħha.

155    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni, l-ewwel nett, li l-Kunsill la rrispondiet għall-argumenti li hija kienet qajjmet li jgħidu li t-taħlitiet ? B20 ma setgħux jiġu kkonvertiti mill-ġdid, wara l-importazzjoni tagħhom, f’taħlitiet b’konċentrazzjoni għola, u lanqas għall-argumenti li jgħidu li hija ma setgħetx tevadi miżura li ma kinitx oriġinalment tikkonċernaha. It-tieni nett, ir-rikorrenti tqis li l-Kunsill iddeċieda minn qabel li l-unika ġustifikazzjoni ekonomika għall-esportazzjoni ta’ taħlitiet ≤ B20 kienet l-għoti tas-sussidji fl-Istati Uniti u l-intenzjoni li jiġi evitat il-ħlas tad-dazji inizjali. It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kunsill ma spjegax b’liema mod huwa seta’ jestendi l-miżuri inkwistjoni għal taħlitiet ? B20 filwaqt li kien eskludihom espliċitament mid-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat u tal-prodott simili fl-investigazzjoni inizjali. Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti kompliet tgħid, matul is-seduta, li l-premessa 79 tar-Regolament antidumping ikkontestat ma kienx jispeċifika kif kienet ġiet iddeterminata l-eżistenza ta’ dumping fil-kuntest tal-investigazzjoni ta’ evażjoni. Skont ir-rikorrenti, mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-Kunsill u mill-Kummissjoni quddiem il-Qorti Ġenerali jirriżulta li l-Kummissjoni bbażat ruħha, minn naħa, fuq data dwar taħlitiet ≤ B20 ipprovduti minn operatur matul l-investigazzjoni inizjali u, min-naħa l-oħra, fuq il-valur nominali inizjali stabbilit għal taħlitiet > B20 aġġustat sabiex jiġi adattat għat-taħlitiet ≤ B20.

156    Il-Kunsill jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

157    Għandu jitfakkar li l‑motivazzjoni ta’ att tal‑istituzzjonijiet tal‑Unjoni għandha turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir‑raġunament tal‑awtur tal‑att, b’mod li l‑persuna kkonċernata tkun tista’ ssir taf il‑ġustifikazzjonijiet tal‑miżuri adottati u tiddefendi d‑drittijiet tagħha u b’mod li l‑qorti tkun tista’ teżerċita l‑istħarriġ tagħha (sentenza tal‑Qorti Ġenerali, tas‑27 ta’ Settembru 2005, Common Market Fertilizers vs Il‑Kummissjoni, T‑134/03 u T‑135/03, Ġabra p. II‑3923, punt 156). Barra minn hekk, il-kwistjoni ta’ jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-kliem tagħha iżda wkoll f’dak tal-kuntest tagħha u tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tad-29 ta’ Frar 1996, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C‑56/93, Ġabra p. I‑723, punt 86, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tas-27 ta’ Novembru 1997, Kaysersberg vs Il-Kummissjoni, T‑290/94, Ġabra p. II‑2137, punt 150).

158    F’din il-kawża, il-Kunsill osserva dawn il-prinċipji għar-raġunijiet esposti iktar ’il quddiem.

159    F’dak li jirrigwarda, l-ewwel nett, in-nuqqas ta’ risposta espliċita, fir-regolamenti kkontestati, għal ċerti argumenti tar-rikorrenti, għandu jitfakkar li regolament li jistabbilixxi dazji antidumping jew dazji kumpensatorji għandu jkun motivat biss fir-rigward tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi kollha rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni magħmula fih (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Settembru 2010, Whirlpool Europe vs Il-Kunsill, T‑314/06, Ġabra p. II‑5005, punt 116).

160    Issa, kif huwa indikat fil-punti 136 u 141 iktar ’il fuq, l-Artikolu 13(1) tar-Regolament antidumping bażiku u l-Artikolu 23(1) u (3) tar-Regolament bażiku ta’ kontra s-sussidji la jeżiġu li, ladarba jiġi importat, il-prodott modifikat jerġa’ jsir il-prodott ikkonċernat, u lanqas ma jeżiġu li l-impriżi kkonċernati minn investigazzjoni ta’ evażjoni jkunu preċedentement importaw prodotti effettwati mid-dazji inizjali. Għalhekk, il-Kunsill ma kienx obbligat li jieħu pożizzjoni fuq l-argumenti magħmula mir-rikorrenti f’dan ir-rigward.

161    It-tieni nett, f’dak li jirrigwarda l-ġustifikazzjonijiet ekonomiċi għall-importazzjonijiet ta’ taħlitiet ≤20, għandu jiġi osservat li l-kritika tar-regolamenti kkontestati magħmula mir-rikorrenti hija intiża sabiex tikkontesta l-fondatezza tal-konklużjoni tal-Kunsill dwar din il-kwistjoni, kif esposta fil-premessi 70, 71 u 76 tar-Regolament kontra s-sussidji kkontestat u fil-premessi 75, 76 u 81 tar-Regolament antidumping ikkontestat, minflok ma hija intiża sabiex jiġi kkonstatat nuqqas ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-imsemmija ġustifikazzjonijiet. Għaldaqstant, l-argument tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

162    It-tielet nett, fir-rigward tal-motivazzjoni tal-estensjoni tad-dazji inizjali għat-taħlitiet ≤ B20 preċedentement esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolamenti inizjali, il-Kunsill fakkar, fil-premessi 55 u 56 tar-Regolament kontra s-sussidji kkontestat u fil-premessi 60 u 61 tar-Regolament antidumping ikkontestat, l-argumenti li n-National Biodiesel Board (NBB), li tirrappreżenta l-industrija amerikana tal-biodiżil, u partijiet ikkonċernati oħra kienu għamlu dwar din l-esklużjoni. B’risposta għal dawn l-argumenti, il-Kunsill indika, fil-premessi 57 sa 59 tar-Regolament kontra s-sussidji kkontestat u fil-premessi 62 sa 64 tar-Regolament antidumping ikkontestat, li f’dak il-każ kienu jeżistu provi suffiċjenti li juru “prima facie [kien] hemm evażjoni” fis-sens tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament antidumping bażiku u tal-Artikolu 23 tar-Regolament bażiku ta’ kontra s-sussidji. Il-Kunsill indika wkoll li l-proċedura prevista f’dawn id-dispożizzjonijiet ma tibdilx id-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat jew tal-prodott simili. Fil-premessa 65 tar-Regolament kontra s-sussidji kkontestat u fil-premessa 70 tar-Regolament antidumping ikkontestat, il-Kunsill spjega għaliex kien jikkunsidra li t-taħlitiet ≤ B20 setgħu jiġu kkunsidrati bħala “tibdila żgħira fil-prodott ikkonċernat” li setgħu jkunu s-suġġett ta’ investigazzjoni ta’ evażjoni.

163    Din il-motivazzjoni bl-ebda mod ma hija difettuża, bil-kontra ta’ dak li ssostni r-rikorrenti.

164    Ir-raba’ nett, fir-rigward tal-motivazzjoni tal-mod kif ġie kkonstatat id-dumping, imsemmi mir-rikorrenti matul is-seduta, għandu qabel kollox jitfakkar li nuqqas ta’ motivazzjoni jew motivazzjoni insuffiċjenti jikkostitwixxu motivi ta’ ordni pubbliku li jistgħu, jew saħansitra għandhom, jiġu mistħarrġa ex officio mill-qorti tal-Unjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-20 ta’ Frar 1997, Il-Kummissjoni vs Daffix, C‑166/95 P, Ġabra p. I‑983, punt 24). Minn dan isegwi li l-argument tar-rikorrenti ma jistax jiġi miċħud minħabba n-natura tardiva tiegħu.

165    Għandu jiġi osservat li l-Kunsill speċifika, fil-premessa 79 tar-Regolament antidumping ikkontestat, li “[s]kont l-Artikolu 13(1) u (2) tar-Regolament bażiku, [kien] ġie eżaminat jekk kienx hemm evidenza ta’ dumping b’rabta mal-valur normali stabbilit fl-investigazzjoni oriġinali” u li “[i]t-tqabbil tal-valur normali medju peżat u l-prezz medju peżat ta’ esportazzjoni wera l-eżistenza ta’ dumping”.

166    Minn din il-motivazzjoni jirriżultaw, suffiċjentement skont il-liġi, l-elementi li fuqhom ġiet stabbilita l-eżistenza ta’ dumping.

167    Minn dan jirriżulta li t-tielet motiv tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ amministrazzjoni tajba

168    Fil-kuntest tar-raba’ motiv tagħha, ir-rikorrenti tosserva li hija kkoperat b’mod sħiħ fil-kuntest tal-investigazzjonijiet ta’ evażjoni, iżda li xorta waħda ġiet imposta fil-konfront tagħha r-rata applikata fil-konfront tal-impriżi l-oħra li ma kinux ikkooperaw u li ma kinux żvelaw ruħhom matul l-investigazzjoni inizjali, f’dan il-każ it-tielet kategorija ta’ impriżi, imsemmija fil-punt 21 iktar ’il fuq. Issa, jekk ir-rikorrenti ma pparteċipatx fl-investigazzjoni inizjali kien għaliex hija ma kinitx esportatriċi ta’ biodiżil dak iż-żmien.

169    Fid-dawl tas-sitwazzjoni partikolari tagħha, ir-rikorrenti tqis, l-ewwel nett, li skont il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, il-Kunsill kellu jimponi kontriha r-rata applikabbli għall-impriżi li kkooperaw matul l-investigazzjoni inizjali u li ma kinux ġew inklużi fil-kampjun, li jinsabu fil-lista annessa mar-regolamenti inizjali, f’dan il-każ it-tieni kategorija ta’ impriżi msemmija fil-punt 20 iktar ’il fuq. Fl-opinjoni tar-rikorrenti hija tinsab fl-istess sitwazzjoni bħal dawn l-impriżi.

170    It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li l-informazzjoni li hija pprovdiet matul l-investigazzjoni ta’ evażjoni kellha tkun biżżejjed sabiex hija tingħata trattament individwali. Skont il-Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, il-Kunsill messu tratta l-impriżi li ma kinux ikkonċernati mill-investigazzjoni inizjali individwalment, qabel ma japplika l-miżuri fil-konfront tagħhom b’mod arbitrarju u mingħajr ma jeżamina sa liema punt dawn l-impriżi wettqu jew ma wettqux dumping. B’risposta għan-nota ta’ intervent tal-EBB, ir-rikorrenti tindika li l-Kummissjoni kienet tagħtha x’tifhem li ma kinitx tikkunsidra li l-esportazzjonijiet tagħha kienu jikkostitwixxu evażjoni. Madankollu hija ma ssostnix espliċitament li kien hemm ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u lanqas ma tibbaża argumenti fuq din l-aħħar allegazzjoni.

171    Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, iqis li l-argumenti tar-rikorrenti huma irrilevanti.

172    F’dak li jirrigwarda, l-ewwel nett, l-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, għandu jiġi kkonstatat, kif jagħmel il-Kunsill, li r-rikorrenti ma tinsabx fl-istess sitwazzjoni bħall-impriżi li kkooperaw matul l-investigazzjoni inizjali u li ma kinux ġew inklużi fil-kampjun. Fil-fatt, għalkemm ir-rikorrenti kkooperat mal-istituzzjonijiet tal-Unjoni fil-kuntest tal-investigazzjonijiet ta’ evażjoni, l-importazzjonijiet tagħha evitaw l-impożizzjoni tad-dazji inizjali. Issa, b’kuntrast mal-proċeduri antidumping u ta’ kontra s-sussidji klassiċi, li setgħu jwasslu għall-impożizzjoni ta’ dazji iżgħar għall-impriżi li kkollaboraw, l-investigazzjonijiet ta’ evażjoni ma jistabbilixxu l-ebda dazju, iżda jillimitaw ruħhom li jestendu d-dazju inizjali li tagħhom kien hemm evażjoni.

173    F’din il-kawża, id-dazji li kienu jiġu applikati fil-konfront tar-rikorrenti li kieku hija ma evadietx il-miżuri inkwistjoni kienu jkunu, bħala prinċipju, dawk applikati lill-impriżi l-oħra kollha, ħlief fil-każ fejn hija tkun talbet, u kisbet, qabel ma wettqet l-importazzjonijiet tagħha ta’ taħlitiet > B20, trattament individwali inkwantu importatriċi ġdida, abbażi tal-Artikolu 11(4), tar-Regolament antidumping bażiku u tal-Artikolu 20 tar-Regolament bażiku ta’ kontra s-sussidji.

174    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kunsill ma kisirx il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni meta fil-konfront tar-rikorrenti impona r-rati residwi applikabbli għall-impriżi l-oħra kollha li ma kinux ikkooperaw u li ma kinux żvelaw ruħhom fil-kuntest tal-investigazzjoni inizjali.

175    Għandu jiġi osservat, barra minn hekk, li r-rati residwi applikati fil-konfront tar-rikorrenti, għalkemm għolja, diġà jieħdu inkunsiderazzjoni l-livell ġenerali ta’ kooperazzjoni għolja (81 %) tal-impriżi fil-kuntest tal-investigazzjoni inizjali (ara l-punt 21 iktar ’il fuq).

176    F’dak li jirrigwarda, it-tieni nett, l-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba fin-nuqqas ta’ trattament individwali tar-rikorrenti, għandu jiġi osservat li tali trattament ma kienx possibbli fil-kuntest tal-investigazzjonijiet ta’ evażjoni. Fil-fatt, kif huwa indikat fil-punt 172 iktar ’il fuq, dawn il-proċeduri kienu intiżi li jestendu għall-importazzjonijiet ikkonċernati d-dazji inizjalment imposti mill-Kunsill fir-regolament u li kienu s-suġġett ta’ evażjoni, iżda ma jwasslux għall-istabbiliment ta’ dazji ġodda kkalkolati abbażi ta’ kalkolu tal-marġni ta’ dumping u/jew tar-rata ta’ sussidju u tad-dannu imputabbli għall-importazzjonijiet tal-operaturi li evadew il-miżuri. Barra minn hekk, il-possibbiltà li r-rikorrenti tingħata trattament individwali inkwantu esportatur ġdid kienet eskluża minħabba r-raġunijiet esposti fil-punt 105 iktar ’il fuq.

177    Għandu jingħad ukoll li l-fatt li r-rikorrenti ma pparteċipatx fl-investigazzjoni inizjali, minħabba li dak iż-żmien hija ma kinitx timporta biodiżil lejn l-Unjoni, ma jiġġustifikax trattament individwali speċjali abbażi tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba. Fil-fatt, kif huwa indikat fil-punt 141 iktar ’il fuq, ir-regolamenti bażiċi antidumping u ta’ kontra s-sussidji ma jeżiġux li l-impriżi kkonċernati minn investigazzjoni ta’ evażjoni jkunu preċedentement importaw il-prodotti suġġetti għad-dazji inizjali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, kif tenfasizza l-Kummissjoni, ma huwiex fatt eċċezzjonali li produtturi jew importaturi li ma kinux ikkonċernati mir-regolamenti inizjali jkunu suġġetti għal ħlas ta’ dazji estiżi wara investigazzjoni ta’ evażjoni. F’dan il-każ, id-dazji estiżi imposti jikkorrispondu għad-dazji residwi stabbiliti fir-regolamenti inizjali.

178    Għalhekk, l-ilment tar-rikorrenti bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba fin-nuqqas ta’ trattament individwali fil-konfront tagħha ma huwiex fondat.

179    Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li r-raba’ motiv tar-rikorrenti u, għaldaqstant, ir-rikors kollu kemm hu, għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq l-ispejjeż

180    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

181    Peress li r‑rikorrenti tilfet, hija għandha tiġi ordnata tbati l‑ispejjeż tal‑Kunsill u tal-EBB, minbarra l‑ispejjeż rispettivi tagħha, kif mitlub minn dawn tal‑aħħar.

182    Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      BP Products North America Inc. għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk sostnuti mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropeau mill-European Biodiesel Board (EBB).

3)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Martins Ribeiro

Dehousse

van der Woude

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-16 ta’ Jannar 2014.

Werrej


Il-kuntest ġuridiku

Il-fatti li wasslu għall-kawża

Il-proċeduri inizjali

L-investigazzjonijiet ta’ evażjoni

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

1.  Fuq l-ammissibbiltà

2.  Fuq il-mertu

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tar-regolamenti bażiċi antidumping u ta’ kontra s-sussidji u tal-prinċipju ta’ ċertezza legali kif ukoll fuq twettiq ta’ użu ħażin ta’ poter permezz tal-estensjoni tad-dazji inizjali permezz tal-investigazzjonijiet ta’ evażjoni

Fuq l-ewwel parti tal-ewwel motiv, dwar id-differenzi li jeżistu bejn it-taħlitiet > B20 u t-taħlitiet ≤ B20 u dwar l-esklużjoni espliċita ta’ dawn tal-aħħar mir-regolamenti inizjali

–  Fuq il-karatteristiċi essenzjali tat-taħlitiet  B20 u > B20

–  Fuq l-esklużjoni espliċita tat-taħlitiet  B20 mir-regolamenti inizjali

–  Fuq l-użu ħażin ta’ poter

Fuq it-tieni parti tal-ewwel motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ modifika tal-prodott ikkonċernat

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq l-eżistenza ta’ żbalji manifesti fl-evalwazzjoni tal-fatti li jikkonċernaw lir-rikorrenti

Fuq l-ewwel parti tat-tieni motiv, dwar l-impossibbiltà li t-taħlitiet  B20 jiġu ttrasformati sabiex jerġgħu jsiru taħlitiet > B20

Fuq it-tieni parti tat-tieni motiv, dwar in-nuqqas ta’ modifika tal-konfigurazzjoni tal-kummerċ

Fuq it-tielet parti tat-tieni motiv, dwar l-evalwazzjoni tal-ġustifikazzjonijiet ekonomiċi sostnuti mir-rikorrenti

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ amministrazzjoni tajba

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.