Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-27 ta' Settembru 2007 - Pelle u Konrad vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni

(Kawżi magħquda T-8/95 u 9/95)1

("Responsabbiltà mhux kuntrattwali - Ħalib - Imposta addizzjonali - Kwantità ta' referenza - Regolament (KEE) Nru 2187/93 - Kumpens tal-produtturi - Sospensjoni tal-preskrizzjoni")

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Wilhelm Pelle (Kluse-Ahlen, il-Ġermanja) u Ernst-Reinhard Konrad (Löllbach, il-Ġermanja) (rappreżentanti: B. Meisterernst, M. Düsing, D. Manstetten, F. Schulze u W. Haneklaus, avukati)

Konvenuti: Il-Kunsill tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: inizjalment A. Brautigam u A.-M. Colaert, u sussegwentement A.-M. Colaert, aġenti) u Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentati: B. Booß u M. Niejahr, aġenti, sussegwentement T. van Rijn u Niejahr, assistiti inizjalment minn H.-J. Rabe, G. Berrisch u M. Núñez-Müller, avukati)

Suġġett

Talbiet għal kumpens skond l-Artikolu 178 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 235 KE) u t-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 215 KE (li sar it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 288 KE) għad-dannu allegatament imġarrab mir-rikorrenti b'riżultat ta' l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 857/84, tal-31 ta' Marzu 1984, li jadotta regoli ġenerali għall-applikazzjoni ta' l-imposta msemmija fl-Artikolu 5c tar-Regolament Nru 804/68 fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib (ĠU L 90, p. 13), kif kompletat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1371/84, tas-16 ta' Mejju 1984, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta' l-imposta addizzjonali msemmija fl-Artikolu 5c tar-Regolament (KEE) Nru 804/68 (ĠU L 132, p. 11).

Dispożittiv

Il-Kunsill u l-Kummissjoni huma obbligati li jikkumpensaw id-dannu mġarrab minn Wilhelm Pelle u Ernst-Reinhard Konrad b'riżultat ta' l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 857/84, tal-31 ta' Marzu 1984, li jadotta regoli ġenerali għall-applikazzjoni ta' l-imposta msemmija fl-Artikolu 5c tar-Regolament Nru 804/68 fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib, kif kompletat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1371/84, tas-16 ta' Mejju 1984, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta' l-imposta addizzjonali msemmija fl-Artikolu 5c tar-Regolament (KEE) Nru 804/68, safejn dawn ir-Regolamenti ma pprovdewx għall-allokazzjoni ta' kwantità ta' referenza lill-produtturi li, b'eżekuzzjoni ta' impenn assunt skond ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1078/77, tas-17 ta' Mejju 1977, li jistabbilixxi sistema ta' premiums għan-non kummerċjalizzazzjoni tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib u għall-konverżjoni ta' merħliet ta' baqar li jipproduċu l-ħalib, ma kkunsinnawx ħalib matul is-sena ta' referenza adottata mill-Istat Membru kkonċernat.

    Wilhelm Pelle, rikorrent fil-kawża T 8/95, għandu jiġi kkumpensat għad-danni mġarrba b'riżultat ta' l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 857/84 għall-perijodu li jibda fil-5 ta' Diċembru 1987 u jispiċċa fit-28 ta' Marzu 1989.

Ernst-Reinhard Konrad, rikorrent fil-kawża T-9/95, għandu jiġi kkumpensat għad-danni mġarrba b'riżultat ta' l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 857/84 għall-perijodu li jibda fis-27 ta' Novembru 1986 u jispiċċa fit-28 ta' Marzu 1989.

Il-partijiet għandhom jikkomunikaw lill-Qorti tal-Prim'Istanza, fi żmien sitt xhur mid-data ta' din is-sentenza, l-ammonti li għandhom jitħallsu, stabbiliti bi fteħim milħuq bejniethom.

Fin-nuqqas ta' qbil, huma għandhom iressqu t-talbiet tagħhom dwar il-kwantifikazzjoni tal-kumpens lill-Qorti tal-Prim'Istanza, fl-istess terminu ta' żmien.

    Id-deċiżjoni fuq l-ispejjeż hija rriżervata.

____________

1 - ĠU C 132 tat-28.5.2005.