Language of document : ECLI:EU:F:2014:53

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tieni Awla)

9 ta’ April 2014

Kawża F‑87/13

Philippe Colart et

vs

Il-Parlament Ewropew

“Servizz pubbliku – Rappreżentanza tal-persunal – Ftehim qafas bejn il-Parlament u l-organizzazzjonijiet sindakali jew professjonali tal-istituzzjoni – Kumitat eżekuttiv ta’ sindakat – Kontestazzjoni interna fis-sindakat dwar il-leġittimità u l-identità tal-persuni li jiffurmaw il-kumitat eżekuttiv – Drittijiet ta’ aċċess għall-mailbox elettronika mqiegħda għad-dispożizzjoni ta’ sindakat mill-istituzzjoni – Rifjut tal-istituzzjoni li tistabbilixxi mill-ġdid xi drittijiet u/jew li tneħħi kull dritt ta’ aċċess għall-mailbox elettronika – Locus standi – Inammissibbiltà manifesta”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat abbażi tal-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li bih P. Colart, Bras, Corthout, Decoutere, Dony, Garzone, Kemmerling-Linssen, kif ukoll Manzella u Vienne (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti”) jitolbu l-annullament ta’ deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-Parlament Ewropew li ġiet adottata matul Ġunju 2013 u li tirrigwarda distribuzzjoni ġdida tad-drittijiet ta’ aċċess għall-mailbox elettronika tas-sindakat “Solidarité pour les agents et fonctionnaires européens” (iktar ’il quddiem “SAFE”) kif ukoll il-kumpens għad-danni ta’ kull tip li kkawżatilhom din id-deċiżjoni.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud bħala manifestament inammissibbli. P. Colart, Bras, Corthout, Decoutere, Dony, Garzone, Kemmerling-Linssen, kif ukoll Manzella u Vienne għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom u huma kkundannati għall-ispejjeż sostnuti mill-Parlament Ewropew.

Sommarju

Rikorsi tal-uffiċjali – Interess ġuridiku – Rikors ippreżentat minn membru ta’ organizzazzjoni sindakali jew professjonali kontra miżura li tolqot l-interess kollettiv protett mill-organizzazzjoni msemmija – Interess ġuridiku biss f’każ ta’ ċaħda lill-membri tal-organizzazzjoni milli jeżerċitaw normalment id-drittijiet sindakali tagħhom

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 24b, 90 u 91)

Biex rikors għal annullament ippreżentat abbażi tal-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal ikun ammissibbli, dan għandu jikkonċerna tilwima bejn l-Unjoni u waħda mill-persuni msemmija fir-Regolamenti tal-Persunal u li tirrigwarda l-legalità ta’ att li jikkawża preġudizzju lil din il-persuna. F’dan ir-rigward, jikkostitwixxu atti li jistgħu jiġu kkontestati biss il-miżuri li joħolqu effetti legali vinkolanti ta’ natura li jolqtu direttament u immedjatament l-interessi tar-rikorrent billi jbiddlu, b’mod ikkaratterizzat, is-sitwazzjoni legali tiegħu bħala uffiċjal jew bħala membru tal-persunal. Fil-qasam tal-libertà sindakali, protetta mill-Artikolu 24b tar-Regolamenti tal-Persunal, jikkostitwixxi att li jikkawża preġudizzju li kontra tiegħu uffiċjal jew membru tal-persunal għandu interess ġuridiku individwali kull miżura li tikkonċerna direttament u immedjatament lil dan l-uffiċjal jew membru tal-persunal fl-eżerċizzju individwali tad-drittijiet sindakali tiegħu, ibbażati fuq l-Artikolu 24b tar-Regolamenti tal-Persunal jew previsti fi ftehim bejn l-istituzzjoni u l-organizzazzjoni sindakali u professjonali, u li jinsabu fl-isfera tar-relazzjonijiet individwali tiegħu ta’ xogħol mal-istituzzjoni. Min-naħa l-oħra, miżura li tolqot direttament biss lill-interess kollettiv li din l-organizzazzjoni tiddefendi fil-kuntest tar-relazzjonijiet tagħha mal-istituzzjoni kkonċernata ma tikkostitwixxix att li jista’ jiġi kkontestat mill-uffiċjal jew mill-membru tal-persunal li jaġixxi individwalment.

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 14 tal-ftehim qafas bejn il-Parlament Ewropew u l-organizzazzjonijiet sindakali u professjonali jagħti lill-organizzazzjonijiet imsemmija l-possibbiltà li jużaw, fil-limitu tad-disponibbiltajiet eżistenti fid-dipartimenti kkonċernati, il-mezzi ta’ distribuzzjoni u ta’ komunikazzjoni awdjoviżivi tas-segretarjat ġenerali tal-Parlament, fosthom il-mailbox elettronika funzjonali u dan għall-attivitajiet relattivi għall-applikazzjoni tal-ftehim qafas u għall-informazzjoni lill-persunal fuq dawn l-attivitajiet. Minnu nnifsu dan ma jagħtix lill-uffiċjali jew lill-membri tal-persunal li huma membri ta’ dawn l-organizzazzjonijiet, u dan anki meta dawn ikunu membri b’siġġu fil-korpi eżekuttivi eletti mill-assemblea tal-membri tagħhom fis-sens tal-Artikolu 2(b) tal-ftehim qafas, dritt individwali li jkollhom drittijiet ta’ aċċess għal dawn ir-riżorsi mqegħda għad-dispożizzjoni tal-organizzazzjonijiet imsemmija. B’hekk, id-deċiżjoni ta’ rifjut li jitneħħew temporanjament drittijiet ta’ aċċess għall-mailbox elettronika mqiegħda għad-dispożizzjoni ta’ organizzazzjoni tikkonċerna direttament u immedjatament lid-drittijiet li din l-organizzazzjoni tista’ tinvoka skont l-Artikolu 14 biex tkun tista’ tuża din il-mailbox elettronika funzjonali. B’hekk, kien ikun possibbli għal din l-organizzazzjoni li tippreżenta, permezz tal-intervent tar-rappreżentanti tagħha debitament awtorizzati għal dan il-għan, rikors għal annullament tad-deċiżjoni kkontestata abbażi tal-Artikolu 263 TFUE, u dan fit-terminu ta’ rikors ta’ xahrejn previst minn din id-dispożizzjoni.

Barra minn hekk, minbarra l-fatt li rikors eventwali ppreżentat mill-organizzazzjoni msemmija jidħol fil-kompetenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, jekk tiġi aċċettata l-ammissibbiltà ta’ dan ir-rikors, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jkollu wkoll jevalwa l-legalità tad-diversi deċiżjonijiet adottati fl-assemblej ġenerali u fl-assemblej ġenerali straordinarji ta’ din l-organizzazzjoni biex jiddetermina jekk ir-rikorrenti għandhomx jiġu rrikonoxxuti bħala l-uniċi persuni awtorizzati biex jeżerċitaw f’isimha d-drittijiet ta’ aċċess għall-mailbox elettronika funzjonali. Issa, tali evalwazzjoni, minn naħa, twassal biex isir arbitraġġ ta’ tilwimiet interni għal din l-organizzazzjoni minkejja l-fatt li din il-kwistjoni, li tirrigwarda l-osservanza tar-regoli statutorji ta’ din l-organizzazzjoni mill-membri tagħha, tidħol taħt il-kompetenza tal-qrati nazzjonali u, min-naħa l-oħra, twassal lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku biex jiddeċiedi mhux fuq tilwima bejn uffiċjal jew membru tal-persunal u l-amministrazzjoni tiegħu, iżda fuq tilwima interna ta’ organizzazzjoni bejn il-membri tagħha.

Jekk ir-rikorrenti setgħu jiġu affettwati mid-deċiżjoni kkontestata, minn naħa, dan huwa mhux fil-kwalità tagħhom bħala uffiċjali, li tippermettilhom li jinvokaw drittijiet previsti fl-Artikolu 24b tar-Regolamenti tal-Persunal, b’mod partikolari dak li jkunu membri ta’ organizzazzjoni, iżda fil-kwalità invokata tagħhom bħala membri tal-kumitat eżekuttiv ta’ din l-organizzazzjoni. Għalhekk, min-naħa l-oħra, dawn ma ġewx affettwati bħala uffiċjali fl-isfera tar-relazzjonijiet ta’ xogħol individwali tagħhom mal-Parlament. Hija biss l-organizzazzjoni, li tagħha r-rikorrenti huma membri, li ġiet affetwata fl-isfera ta’ komunikazzjoni tagħha, rispettivament mal-membri tagħha u mal-persunal tal-Parlament.

(ara l-punti 38 sa 41, 50 u 53 sa 59)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 8 ta’ Ottubru 1974, Union syndicale et vs Il‑Kunsill, 175/73, punti 15 u 17; 11 ta’ Mejju 1989, Maurissen u Union syndicale vs Il‑Qorti tal-Awdituri, 193/87 u 194/87; 10 ta’ Jannar 2006, Il‑Kummissjoni vs Alvarez Moreno, C‑373/04 P, punt 42

Il-Qorti tal-Prim’ Istanza: 31 ta’ Marzu 2003, Hecq vs Il‑Kummissjoni, T‑227/02, punti 15 sa 17; 6 ta’ Mejju 2004, Hecq vs Il‑Kummissjoni, T‑34/03, punt 58; 13 ta’ Diċembru 2012, Strack vs Il‑Kummissjoni, T‑199/11 P, punt 127, u l-ġurisprudenza ċċitata

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 6 ta’ Mejju 2009, Sergio et vs Il‑Kummissjoni, F‑137/07, punti 51, 52, 82, 83 u 116; 26 ta’ Frar 2013, Labiri vs KESE, F‑124/10, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata