Language of document : ECLI:EU:C:2019:919

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

31 ta’ Ottubru 2019 (*)

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Riżorsi proprji – Assoċjazzjoni tal-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej (PTEE) mal-Unjoni Ewropea – Deċiżjoni 91/482/KEE – Artikolu 101(2) – Ammissjoni għall-importazzjoni fl-Unjoni ħielsa minn dazji doganali ta’ prodotti li ma joriġinawx mill-PTEE li jkunu f’ċirkulazzjoni libera f’PTEE u li jiġu esportati mill-ġdid bħala tali lejn l-Unjoni – Ċertifikati ta’ esportazzjoni EXP – Ħruġ illegali ta’ ċertifikati mill-awtoritajiet ta’ PTEE – Artikolu 4(3) TUE – Prinċipju ta’ kooperazzjoni leali – Responsabbiltà tal-Istat Membru li jkollu relazzjonijiet speċjali mal-PTEE kkonċernat – Obbligu li jiġi kkumpensat it-telf ta’ riżorsi proprji tal-Unjoni kkawżat mill-ħruġ illegali ta’ ċertifikati ta’ esportazzjoni EXP – Importazzjonijiet ta’ aluminju minn Angwilla”

Fil-Kawża C‑391/17,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, ippreżentat fit‑30 ta’ Ġunju 2017,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Caeiros, J.‑F. Brakeland, L. Flynn u S. Noë, bħala aġenti,

rikorrenti,

vs

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, irrappreżentat inizjalment minn J. Kraehling, G. Brown u R. Fadoju kif ukoll minn S. Brandon, bħala aġenti, assistiti minn K. Beal, QC, u P. Luckhurst, barristers, sussegwentement minn S. Brandon u F. Shibli, bħala aġenti, assistiti minn K. Beal, QC u P. Luckhurst, barristers,

konvenut,

sostnut minn:

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, irrappreżentat minn K. Bulterman u P. Huurnink kif ukoll minn J. Langer, bħala aġenti,

intervenjent,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, R. Silva de Lapuerta, Viċi President, J.‑C. Bonichot, A. Arabadjiev, M. Safjan, S. Rodin, Presidenti ta’ Awla, J. Malenovský, L. Bay Larsen, T. von Danwitz (Relatur), C. Toader, C. Vajda, F. Biltgen u K. Jürimäe, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Bobek,

Reġistratur: L. Hewlett, amministratur prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑2 ta’ Ottubru 2018,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑6 ta’ Frar 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi ma kkumpensax it-telf ta’ riżorsi proprji li kellhom jiġu kkonstatati u jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-baġit tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikoli 2, 6, 10, 11 u 17 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1552/89 tad‑29 ta’ Mejju 1989 li jimplimenta d-Deċiżjoni 88/376/KEE, Euratom dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet (ĠU 1989, L 155, p. 1), kieku ma nħarġux ċertifikati ta’ esportazzjoni bi ksur tal-Artikolu 101(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 91/482/KEE tal‑25 ta’ Lulju 1991 dwar l-assoċjazzjoni tal-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej mal-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU 1991, L 263, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni PTEE”), għall-importazzjonijiet ta’ aluminju minn Angwilla matul il-perijodu 1999/2000, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 5 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 10 KE u li sussegwentement sar l-Artikolu 4(3) TUE).

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt internazzjonali

2        Il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti ġiet iffirmata f’San Francisco fis‑26 ta’ Ġunju 1945. L-Artikolu 73(b) ta’ din il-Karta, li jinsab fil-Kapitolu XI tagħha, intitolat “Dikjarazzjoni dwar Territorji li ma jiggvernawx lilhom infushom”, jistabbilixxi li:

“Il-Membru [Membri] tan-Nazzjonijiet Uniti li għandhom jew jassumu responsabbiltajiet għall-amministrazzjoni ta’ territorji li l-popli tagħhom ma jiggvernawx lilhom infushom għal kollox jaċċettaw il-prinċipju li l-interessi tan-nies ta’ dawn it-territorji jiġu qabel kollox, u jaċċettaw bħala responsabbiltà sagra l-obligu li jippromwovu kemm jistgħu, skond is-sistema tal-paċi u s-sigurezza internazzjonali stabbilità permezz tal-Karta preżenti, il-prosperità tan-nies ta’ dawn it-territorji, u, għal dan il-għan:

[…]

b.      li jiżviluppaw sistema kif huma jiggvernaw lilhom infushom, li jagħtu kunsiderazzjoni xierqa ta’ aspirazzjonijiet politiċi tal-popli, u li jgħinuhom fl-iżvilupp progressiv ta’ l-istituzzjonijiet politiċi ħielsa tagħom, skont iċ-ċirkostanzi partikolari ta’ kull territorju u l-popli tiegħu, u l-istadji varji tagħhom ta’ progress”.

 Id-dritt tal-Unjoni

 It-Trattat KE

3        Il-fatti li wasslu għan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkritikat seħħew kemm qabel kif ukoll wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Amsterdam li emenda t-Trattat KE. Madankollu, id-dispożizzjonijiet rilevanti għal dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu baqgħu essenzjalment identiċi. L-Artikolu 5 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 10 KE) kien ifformulat kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa ġenerali jew speċjali biex jassiguraw it-twettiq tal-obbligi li jirriżultaw minn dan it-Trattat jew mid-deċiżjonijiet tal-istituzzjonijiet tal-Komunità, u għandhom jiffaċilitaw l-adempiment tal-missjoni tal-Komunità.

Huma ma għandhom jieħdu ebda miżura li tkun tista’ tipperikola r-realizzazzjoni tal-għanijiet ta’ dan it-Trattat.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

4        Din id-dispożizzjoni ġiet, essenzjalment, issostitwita bl-Artikolu 4(3) TUE.

5        Ir-Raba’ parti ta’ dan it-Trattat, intitolata “L-Assoċjazzjoni ta’ pajjiżi u territorji extra-Ewropej” [traduzzjoni mhux uffiċjali] kienet tiġbor l-Artikoli 131 sa 137 tiegħu (li saru, wara emenda, l-Artikoli 182 KE sa 188 KE u li sussegwentement saru l-Artikoli 198 sa 204 TFUE). Skont l-imsemmi Artikolu 131 (li sar, wara emenda, l-Artikolu 182 KE u li sussegwentement sar l-Artikolu 198 TFUE):

“L-Istati Membri jaqblu li jassoċjaw mal-Komunità dawk il-pajjiżi u t-territorji mhux Ewropej u li għandhom relazzjonijiet speċjali mal-Belġju, mad-Danimarka, ma’ Franza, mal-Italja, mal-Pajjiżi l-Baxxi u mar-Renju Unit. Dawn il-pajjiżi u territorji (hawn iktar ’l isfel imsejħa bħala ‘il-pajjiżi u t-territorji’) huma elenkati fl-Anness IV ta’ dan it-Trattat.

L-iskop ta’ din l-assoċjazzjoni huwa li jippromwovi l-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-pajjiżi u t-territorji, u li tistabbilixxi relazzjonijiet ekonomiċi viċini bejnhom u l-Komunità kollha.

B’mod konformi mal-prinċipji stabbiliti fil-Preambolu ta’ dan it-Trattat, din l-assoċjazzjoni għandha, fl-ewwel lok, tippermetti t-titjib tal-interessi u tal-prosperità tal-abitanti ta’ dawn il-pajjiżi u territorji sabiex twassalhom għall-iżvilupp ekonomiku, soċjali u kulturali li jistennew.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

6        L-Artikolu 133(1) tal-imsemmi Trattat (li sar, wara emenda, l-Artikolu 184(1) KE u li sussegwentement sar l-Artikolu 200(1) TFUE) kien jipprevedi li:

“L-importazzjonijiet li joriġinaw mill-pajjiżi u t-territorji għandhom jibbenefikaw, mad-dħul tagħhom fl-Istati Membri, mill-eliminazzjoni totali tad-dazji tad-dwana li għandha sseħħ progressivament bejn l-Istati Membri skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan it-Trattat.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

7        Skont l-Artikolu 136 tal-istess Trattat (li sar, wara emenda, l-Artikolu 187 KE u li sussegwentement sar l-Artikolu 203 TFUE):

“Għal perijodu inizjali ta’ ħames snin mid-dħul fis-seħħ ta’ dan it-Trattat, il-modalitaljiet u l-proċedura għall-assoċjazzjoni bejn il-pajjiżi u t-territorji u l-Komunità għandhom jiġu stabbiliti minn konvenzjoni ta’ implimentazzjoni annessa ma’ dan it-Trattat.

Qabel ma tiskadi l-konvenzjoni prevista fil-paragrafu preċedenti, il-Kunsill, b’mod unanimu, għandu, abbażi tal-esperjenza akkwistata u tal-prinċipji mniżżla f’dan it-Trattat, jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati għal perijodu ġdid.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

8        L-Artikolu 227(1) u (3) tat-Trattat KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 299(1) u (3) KE u li sussegwentement sar l-Artikolu 52(1) TUE u l-Artikolu 355(2) TFUE), kien jistabbilixxi li:

“1.      Dan it-Trattat għandu japplika għar-Renju tal-Belġju, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Ellenika, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, l-Irlanda, ir-Repubblika Taljana, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika Portugiża, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Renju tal-Isvezja, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq.

[…]

3.      L-arranġamenti speċjali għal assoċjazzjoni mniżżla fir-Raba’ parti ta’ dan it-Trattat għandhom japplikaw għall-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej imniżżla fl-Anness IV ta’ dan it-Trattat.

Dan it-trattat ma japplikax għal dawk il-pajjiżi u territorji extra-Ewropej li jkollhom relazzjonijiet speċjali mar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq li ma humiex inklużi fil-lista msemmija hawn fuq.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

9        Il-lista li tinsab fl-Anness IV tat-Trattat KE (li sar, wara emenda, l-Anness II tat-Trattat KE u li sussegwentement sar l-Anness II tat-Trattat FUE), intitolata “Pajjiżi u territorji extra-Ewropej li għalihom japplikaw d-dispożizzjonijiet tar-Raba’ parti tat-Trattat” [traduzzjoni mhux uffiċjali], kienet tirrigwarda, b’mod partikolari, Angwilla.

 Ir-Regolament Nru 1552/89

10      L-Artikoli 2, 6, 10, 11 u 17 tar-Regolament Nru 1552/89 kienu jirregolaw suċċessivament, fiż-żmien meta seħħew il-fatti, il-kundizzjonijiet li fihom l-Istati Membri kienu obbligati jikkonstataw u jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-baġit tal-Unjoni r-riżorsi proprji tagħha, li fosthom kien hemm id-dazji doganali.

 Id-Deċiżjoni PTEE

11      L-ewwel u t-tielet premessa tad-Deċiżjoni PTEE kienu fformulati kif ġej:

“[B]illi huwa neċessarju li jiġu stabbiliti, għal perijodu ġdid, id-dispożizzjonijiet applikabbli għall-assoċjazzjoni tal-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej mal-Komunità Ekonomika Ewropea, iktar ’il quddiem imsejħa ‘PTEE’; billi dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw għat-territorji taħt ir-responsabbiltà tar-Repubblika Franċiża, għall-pajjiżi u għat-territorji taħt ir-responsabbiltà tar-Renju Unit, għall-pajjiżi taħt ir-responsabbiltà tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u, parzjalment, għall-Groenlandja;

[…]

billi l-Komunità ilha li fetħet is-suq tagħha għal prodotti li joriġinaw mill-PTEE, kif ukoll għal dawk mill-Istati AKP; billi, għal dak li jirrigwarda r-relazzjonijiet speċjali bejn il-Komunità u l-PTEE bbażati fuq id-dispożizzjonijiet tat-Trattat u b’mod partikolari r-Raba’ parti tiegħu, għandhom jittejbu dawn id-dispożizzjonijiet billi jingħata grad ikbar ta’ flessibbiltà lill-PTEE fir-rigward tar-regoli ta’ oriġini għall-prodotti li joriġinaw mill-PTEE u billi jiġu adottati dispożizzjonijiet ġodda għal ċerti prodotti li ma joriġinawx mill-PTEE”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

12      Skont l-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni, din kellha l-għan li tippromwovi u tħaffef l-iżvilupp ekonomiku, kulturali u soċjali u t-tisħiħ tal-istrutturi ekonomiċi tal-PTEE elenkati fl-Anness I tal-imsemmija deċiżjoni. Il-punt 5 ta’ dan l-anness kien jirrigwarda Angwilla bħala PTEE “taħt ir-responsabbiltà tar-[Renju Unit]”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

13      L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni PTEE kien jistabbilixxi li:

“Fil-kuntest tal-kompetenzi rispettivi tagħhom, l-awtoritajiet li jipparteċipaw fil-proċedura ta’ sħubija msemmija fl-Artikolu 10 għandhom jeżaminaw perjodikament ir-riżultati tal-applikazzjoni tagħha u jagħtu l-opinjonijiet u l-impetus neċessarji sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ din id-deċiżjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

14      Skont l-Artikolu 10 ta’ din id-deċiżjoni:

“Sabiex ikun possibbli li l-awtoritajiet lokali kompetenti tal-PTEE jiġu involuti iktar fl-implimentazzjoni tal-prinċipji tal-assoċjazzjoni tal-PTEE mal-KEE, filwaqt li jiġu osservati l-kompetenzi tal-awtoritajiet ċentrali rispettivi tal-Istati Membri kkonċernati, għandha tiġi stabbilita proċedura konsultattiva bbażata fuq il-prinċipju tas-sħubija bejn il-Kummissjoni, l-Istat Membru u l-PTEE.

Din is-sħubija, li l-modalitajiet tagħha huma stabbiliti fl-Artikoli 234, 235 u 236 ta’ din id-deċiżjoni, għandha tippermetti li jiġi eżaminat dak li jkun inkiseb fil-kuntest tal-assoċjazzjoni u li jiġu diskussi l-problemi li jqumu eventwalment fir-relazzjonijiet bejn il-PTEE u l-Komunità.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

15      L-Artikolu 101(2) tal-imsemmija deċiżjoni kien ifformulat kif ġej:

“Il-prodotti li ma joriġinawx mill-PTEE iżda li jkunu f’ċirkulazzjoni libera f’PTEE u jiġu esportati mill-ġdid bħala tali lejn il-Komunità għandhom jiġu importati fil-Komunità ħielsa minn dazji doganali u minn taxxi li jkollhom effett ekwivalenti sakemm:

–        ikunu tħallsu għalihom, fil-PTEE kkonċernat, dazji doganali jew taxxi li jkollhom effett ekwivalenti ta’ livell ugwali għal jew ogħla mid-dazji doganali applikabbli fil-Komunità għall-importazzjoni ta’ dawn l-istess prodotti li jkunu joriġinaw minn pajjiżi terzi eliġibbli għall-klawżola tan-nazzjon l-iktar favorit,

–        ma kinux is-suġġett ta’ eżenzjoni minn, jew ta’ rimbors, totali jew parzjali, ta’ dazji doganali jew ta’ taxxi li jkollhom effett ekwivalenti,

–        ikollhom magħhom ċertifikat ta’ esportazzjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

16      Skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 108(1) tad-Deċiżjoni PTEE, il-kundizzjonijiet għal ammissjoni, fl-Unjoni, ta’ prodotti li ma joriġinawx mill-PTEE li jkunu f’ċirkulazzjoni libera f’PTEE, u l-metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva relatati magħhom, kienu ddefiniti fl-Anness III tagħha.

17      Skont l-Artikolu 234 ta’ din id-deċiżjoni:

“L-azzjoni Komunitarja għandha tkun ibbażata kemm jista’ jkun fuq konsultazzjoni mill-qrib bejn il-Kummissjoni, l-Istat Membru responsabbli għal PTEE u l-awtoritajiet lokali kompetenti tal-PTEE.

Din il-konsultazzjoni hija msejħa minn issa ’l quddiem ‘sħubija’.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

18      L-Artikolu 235(1) u (2) tal-imsemmija deċiżjoni kien jipprevedi li:

“1.      Is-sħubija għandha tkopri l-ippjanar, il-preparazzjoni, il-finanzjament, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni ta’ azzjonijiet immexxija mill-Komunità fil-kuntest ta’ din id-deċiżjoni, kif ukoll kull problema li tqum fir-relazzjonijiet bejn il-PTEE u l-Komunità.

2.      Għal dan il-għan, gruppi ta’ ħidma f’assoċjazzjoni mal-PTEE, ta’ natura konsultattiva u komposti mit-tliet imsieħba msemmija fl-Artikolu 234, jistgħu jinħolqu jew skont iż-żona ġeografika ta’ PTEE, jew skont il-grupp ta’ PTEE taħt ir-responsabbiltà tal-istess Stat Membru, fuq talba, b’mod partikolari, tal-PTEE inkwistjoni. Dawn il-gruppi għandhom jiġu kkostitwiti:

–        jew fuq bażi ad hoc, sabiex jittrattaw problemi speċifiċi,

–        jew fuq bażi permanenti, għall-perijodu li jkun għad fadal fil-kuntest tad-deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni; f’dan il-każ, huma għandhom jiltaqgħu mill-inqas darba fis-sena, sabiex jeżaminaw il-progress fl-implimentazzjoni ta’ din id-deċiżjoni jew sabiex jittrattaw kwistjonijiet oħra ċċitati fil-paragrafu 1.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

19      Skont l-Artikolu 237 tal-istess deċiżjoni:

“Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet speċjali għal dak li jirrigwarda r-relazzjonijiet bejn il-PTEE u d-dipartimenti Franċiżi extra-Ewropej previsti hemmhekk, din id-deċiżjoni tapplika għat-territorji li fihom japplika t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea u skont il-kundizzjonijiet previsti mill-imsemmi Trattat, minn naħa, u għat-territorji tal-PTEE, min-naħa l-oħra.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

20      L-Artikolu 2 tal-Anness III tad-Deċiżjoni PTEE, intitolat “Ċertifikat ta’ esportazzjoni EXP” [traduzzjoni mhux uffiċjali], kien jistabbilixxi, fil-paragrafi 1 u 6 tiegħu, li:

“1.      Il-prova tal-osservanza tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 101(2) tad-deċiżjoni għandha tiġi prodotta permezz ta’ ċertifikat ta’ esportazzjoni EXP li l-mudell tiegħu jinsab fl-Anness I ta’ dan l-anness.

[…]

6.      Iċ-ċertifikat ta’ esportazzjoni EXP għandu jinħareġ mill-awtoritajiet doganali tal-PTEE ta’ esportazzjoni, jekk il-prodotti jkunu jistgħu jitqiesu li huma f’ċirkulazzjoni libera fis-sens tal-Artikolu 101(2) tad-Deċiżjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

21      L-Artikolu 7 ta’ dan l-anness, intitolat “Kontroll taċ-ċertifikati ta’ esportazzjoni EXP”, kien jipprevedi li:

“1.      Il-kontroll a posteriori ta’ ċertifikati ta’ esportazzjoni EXP għandu jitwettaq għal għarrieda u kull meta l-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ importazzjoni jkollhom dubji raġonevoli dwar l-awtentiċità tad-dokument jew dwar l-eżattezza tal-informazzjoni li tikkonċerna l-oriġini reali tal-prodotti inkwistjoni.

[…]

6.      Meta l-proċedura ta’ kontroll jew kull informazzjoni oħra disponibbli tidher li tindika li jkunu qegħdin jinkisru d-dispożizzjonijiet ta’ dan l-anness, il-PTEE għandu jwettaq, fuq inizjattiva tiegħu stess jew fuq talba tal-Kummissjoni, l-investigazzjonijiet neċessarji, jew jieħu passi sabiex dawn l-investigazzjonijiet jitwettqu bl-urġenza meħtieġa sabiex jiġi identifikat u evitat tali ksur. Il-Kummissjoni tista’ tipparteċipa f’dawn l-investigazzjonijiet.

[…]

7.      Il-kontestazzjonijiet li ma setgħux jiġu rregolati bejn l-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ importazzjoni u dawk tal-PTEE ta’ esportazzjoni jew li jqajmu problema ta’ interpretazzjoni ta’ dan l-anness għandhom jiġu sottomessi lill-Kumitat ta’ leġiżlazzjoni doganali.

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

22      Kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(77)210 final tat‑13 ta’ Ġunju 1977 dwar l-istat tal-Unjoni doganali tal-Komunità Ekonomika Ewropea, il-Kumitat ta’ leġiżlazzjoni doganali, stabbilit mill-Kunsill u ppresedut minn rappreżentant tal-Kummissjoni, huwa kompost minn rappreżentanti tal-Istati Membri.

 Il-Kodiċi Doganali u r-Regolament ta’ applikazzjoni

23      L-Artikolu 220(2)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat‑12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 2700/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 Novembru 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 10, p. 239) (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali”), kien jistabbilixxi li:

“Ħlief fil-każijiet li ssir referenza għalihom fit-tieni u t-tielet subparagrafi ta’ l-Artikolu 217(1), daħliet sussegwenti fil-kontijiet m’għandhomx isiru fejn:

[…]

(b)      l-ammont ta’ dazju li ried jitħallas legalment ma ġiex imdaħħal fil-kontijiet minħabba żball min-naħa ta’ l-awtoritajiet tad-dwana li ma satax raġjonevolment jiġi notat mill-persuna resposabbli għall-pagament, u li din ta’ l-aħħar min-naħa tagħha tkun aġixxiet in bona fede u tkun ħarset id-dispożizzjonijiet kollha preskritti fil-liġijiet fis-seħħ fir-rigward ta’ dikjarazzjoni tad-dwana.

[…]”

24      Skont l-Artikolu 239(1) ta’ dan il-kodiċi:

“Dazji fuq l-importazzjoni jew dazji fuq l-esportazzjoni jistgħu jitħallsu lura jew jintbagħtu f’sitwazzjonijiet oħra barra dawk li ssir referenza għalihom fl-Artikoli 236, 237, u 238:

–        li għandhom jiġu stabbiliti skond il-proċedura tal-kumitat;

–        li jirriżultaw minn ċirkostanzi li fihom ebda ingann jew traskuraġni ovvja ma jistgħu jiġu attribwiti lill-persuna interessata. Is-sitwazzjonijiet li fihom din id-dispożizzjoni tista’ tiġi applikata u l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti għal dak il-għan għandhom jiġu definiti skond il-proċedura tal-Kumitat. Ħlas lura jew remissjoni jistgħu jsiru bla ħsara għal kondizzjonijiet speċjali.”

25      Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat‑2 ta’ Lulju 1993 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament Nru 2913/92 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 6, p. 3), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1335/2003 tal‑25 ta’ Lulju 2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 13, p. 463) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament ta’ applikazzjoni”), kien jinkludi, fit-Titolu III tal-Parti IV tiegħu, intitolat “Irkupru ta’ l-ammont ta’ dejn doganali”, l-Artikoli 868 sa 876a, li kienu jirregolaw it-talbiet ippreżentati skont l-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali. L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 873 ta’ dan ir-regolament kien ifformulat kif ġej:

“Wara li tikkonsulta l-grupp ta’ l-esperti magħmul minn rapreżentanti ta’ l-Istati Membri kollha li jiltaqgħu fil-qafas tal-Kumitat sabiex jikkonsidraw dak il-każ, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi jekk iċ-ċirkostanzi kkonsidrati humiex tali li d-dazji f’dak il-każ ma jkunux jeħtieġu li jidħlu fil-kontijiet.”

26      L-Artikolu 874 tal-imsemmi regolament kien jipprevedi li:

“L-Istat Membru kkonċernat għandu jkun innotifikat bid-deċiżjoni referuta fl-Artikolu 873 malajr kemm jista jkun possibbli u fi kwalunkwe każ fi żmien xhar mill-iskadenza tal-perijodu speċifikat f’dak l-Artikolu.

Il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-Istati Membri bid-deċiżjoni li hija tkun adottat sabiex tgħin lil-awtoritajiet doganali ħalli jilħqu deċiżjonijiet fis-sitwazzjonijiet li jinvolvu każi komparabbli fil-fatt u fil-liġi.”

27      L-Artikolu 875 ta’ dan l-istess regolament kien jipprevedi li:

“Meta jkun stabbilit li d-deċiżjoni referuta fl-Artikolu 873 u ċ-ċirkostanzi li jkunu taħt konsiderazzjoni huma tali li d-dazji f’dak il-każ ma jkunux jeħtieġu li jiddaħħlu fil-kontijiet, il-Kummissjoni tista tispeċifika li l-kondizzjonijiet li permezz tagħhom l-Istati Membru jkunu jistgħu jibqgħu lura milli jwettqu d-dħul ta’ wara r-rilaxx fil-kontijiet fil-każi li jinvolvu każi komparabbli fil-fatt u fil-liġi.”

28      Il-Kapitolu 3 tat-Titolu IV, dwar ir-rimbors u l-maħfra tad-dazji fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni, tal-Parti IV tar-Regolament ta’ applikazzjoni kien intitolat “Dispożizzjonijiet speċifiċi relattivi għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 239 tal-[Kodiċi Doganali]”. Dan kien jinkludi t-Taqsima 2, dwar id-deċiżjonijiet li għandhom jittieħdu mill-Kummissjoni, li kienet tinkludi l-Artikoli 905 sa 909 ta’ dan ir-regolament. L-Artikolu 907 ta’ dan ir-regolament kien jistabbilixxi, fl-ewwel paragrafu tiegħu, li:

“Wara li tikkonsulta l-grupp ta’ l-esperti magħmul minn rapreżentanti ta’ l-Istati Membri kollha li jiltaqgħu fil-qafas tal-Kumitat sabiex jikkonsidraw dak il-każ, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi jekk jew le s-sitwazzjoni li hi tikkonsidra bħala ġustifikat ir-rifużjoni jew ir-remissjoni.”

29      L-Artikolu 908 ta’ dan ir-regolament kien jipprevedi li:

“1.      L-Istat Membru kkonċernat għandu jkun innotifikat bid-deċiżjoni referuta fl-Artikolu 907 malajr kemm jista jkun possibbli u fi kwalunkwe każ fi żmien xhar mill-iskadenza tal-perijodu speċifikat f’dak l-Artikolu.

Il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-Istati Membri bid-deċiżjoni li hija tkun adottat sabiex tgħin lil-awtoritajiet doganali ħalli jilħqu deċiżjonijiet dwar il-każi li jinvolvu kwistjonijiet komparabbli fil-fatt u fil-liġi.

2.      L-awtorità li tieħu d-deċiżjonijiet għandha tiddeċiedi li tagħti jew li tiċħad l-applikazzjoni magħmulha fuq il-bażi tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni notifikata b’konfomità mal-paragrafu 1.

3.      Meta jkun stabbilit bid-deċiżjoni referuta fl-Artikolu 907 li ċ-ċirkostanzi hekk ikkonsidrati jiġġustifikaw ir-rifużjoni jew ir-remissjoni, il-Kummissjoni tista tispeċifika l-kondizzjonijiet li permez tagħhom l-Istati Membri jistgħu jagħtu r-rifużjoni jew remissjoni tad-dazji fil-każi li jinvolvu każi komparabbli fil-fatt u fil-liġi.”

 Ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002

30      Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal‑25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli ghall-bagit generali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 74), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1995/2006 tat‑13 ta’ Diċembru 2006 (ĠU 2006, L 390, p. 1, rettifika fil-ĠU 2008, L 48, p. 88) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament finanzjarju”), jistabbilixxi, fl-Artikolu 73a tiegħu, li:

“Bla preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta’ regolamenti speċifiċi u l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill marbuta mas-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet, id-drittijiet tal-Komunitajiet fir-rigward ta’ partijiet terzi u d-drittijiet ta’ partijiet terzi fir-rigward tal-Komunitajiet għandhom ikunu soġġetti għal perijodu ta’ limitazzjoni ta’ ħames snin.

Id-data biex jiġi kkalkulat il-perijodu ta’ limitazzjoni u l-kondizzjonijiet għall-interruzzjoni tal-perijodu għandhom jitniżżlu fir-regoli implimentattivi.”

 Ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 2342/2002

31      L-Artikolu 85b tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002 tat‑23 ta’ Diċembru 2002 li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 145), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 478/2007 tat‑23 ta’ April 2007 (ĠU 2007, L 111, p. 13) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament ta’ implimentazzjoni”), intitolat “Regoli għal perjodi ta’ limitazzjoni”, jistabbilixxi, fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 tiegħu, li:

“Il-perjodu ta’ limitazzjoni għal drittijiet tal-Komunitajiet fir-rigward ta’ partijiet terzi għandu jibda jiddekorri malli tinqabeż l-iskadenza kkomunikata lid-debitur fin-nota ta’ debitu […].”

 Id-dritt tar-Renju Unit

32      Skont id-dritt tar-Renju Unit, Angwilla hija territorju Brittaniku extra-Ewropew li jikkostitwixxi żona unika ma’ territorji oħra Brittaniċi extra-Ewropej u r-Renju Unit, mingħajr madankollu ma jagħmel parti minn dan tal-aħħar.

33      Angwilla għandha kostituzzjoni li tipprovdi għall-istabbiliment ta’ gvernatur, ta’ kunsill eżekuttiv, ta’ assemblea, ta’ kummissjoni ta’ servizzi pubbliċi u ta’ kummissjoni ta’ servizzi ġudizzjarji.

34      Il-Gvern Brittaniku huwa responsabbli internazzjonalment għar-relazzjonijiet esterni tat-territorji Brittaniċi extra-Ewropej, bħalma hija Angwilla. Barra minn hekk, skont prinċipju kostituzzjonali, il-Parlament Brittaniku għandu setgħa li jilleġiżla fir-rigward ta’ dawn it-territorji.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

35      Matul l‑1998, Angwilla u Corbis Trading (Anguilla) Ltd (iktar ’il quddiem “Corbis”), kumpannija stabbilita f’Angwilla, implimentaw skema ta’ trasbord li fil-kuntest tagħha importazzjonijiet ta’ aluminju li joriġinaw minn pajjiżi terzi kienu suġġetti għal dikjarazzjoni doganali f’Angwilla u sussegwentement ittrasportati lejn l-Unjoni.

36      L-awtoritajiet ta’ Angwilla ħarġu, fl‑1998 u fl‑1999, ċertifikati ta’ esportazzjoni EXP (iktar ’il quddiem iċ-“ċertifikati EXP”) għall-esportazzjoni mill-ġdid ta’ kunsinni ta’ aluminju li joriġina minn pajjiżi terzi, li kienu s-suġġett ta’ operazzjoni ta’ trasbord f’Angwilla, lejn l-Unjoni.

37      Peress li tqajmu dubji dwar il-konformità tal-iskema ta’ trasbord implimentata f’Angwilla mal-Artikolu 101(2) tad-Deċiżjoni PTEE, il-Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs (l-Amministrazzjoni Fiskali u Doganali tar-Renju Unit) wettqet, f’Novembru 1998, investigazzjoni li fi tmiem tagħha hija stabbilixxiet rapport li jikkonstata li l-impriżi Ewropej li kienu qegħdin jaġixxu bħala importaturi tal-aluminju f’Angwilla, l-ewwel nett, kienu jħallsu d-dazji doganali f’Angwilla u jiksbu ċertifikat EXP għal dawn l-importazzjonijiet ta’ aluminju u, it-tieni nett, kienu jingħataw “għajnuna għat-trasport”. Skont il-konstatazzjonijiet li jinsabu f’dan ir-rapport, l-imsemmija “għajnuna għat-trasport” kienet tħallset lill-imsemmija impriżi minn Corbis, li kienet tikseb ir-rimbors tal-ammonti mħallsa abbażi ta’ din l-għajnuna mill-awtoritajiet ta’ Angwilla. Peress li qies li l-iskema ta’ trasbord implimentata f’Angwilla kienet, essenzjalment, ġiet stabbilita għall-finijiet tal-ħlas lura tad-dazji doganali, l-imsemmi rapport kien ikkonkluda li l-ħlas ta’ tali “għajnuna għat-trasport” kellu jitqies bħala ħlas lura parzjali tad-dazji doganali mħallsa f’Angwilla, bi ksur tal-Artikolu 101(2) tad-Deċiżjoni PTEE.

38      Ir-riżultati tal-investigazzjoni mwettqa mill-Amministrazzjoni Fiskali u Doganali tar-Renju Unit ġew trażmessi lill-Unità tal-koordinazzjoni tal-ġlieda kontra l-frodi tal-Kummissjoni (UCLAF).

39      Fit‑18 ta’ Frar 1999, l-UCLAF ippubblikat komunikazzjoni skont l-Artikolu 45 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 515/97 tat‑13 ta’ Marzu 1997 dwar għajnuna reċiproka bejn l-awtoritajiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri u l-koperazzjoni bejn dawn ta’ l-aħħar u l-Kummissjoni biex ikun assigurat l-applikar korrett tal-liġi dwar materji doganali u agrikoli (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 8, p. 217) (iktar ’il quddiem il-“komunikazzjoni dwar l-għajnuna reċiproka”). F’din il-komunikazzjoni, l-UCLAF ipprovdiet l-informazzjoni li kienet irċeviet mill-Amministrazzjoni Fiskali u Doganali tar-Renju Unit fir-rigward tal-iskema ta’ trasbord implimentata f’Angwilla, kif miġbura fil-qosor fil-punt 37 ta’ din is-sentenza. Peress li qieset li ċ-ċertifikati EXP maħruġa f’tali kundizzjonijiet kienu inkompatibbli mal-Artikolu 101(2) tad-Deċiżjoni PTEE, l-UCLAF irrakkomandat lill-awtoritajiet tal-Istati Membri sabiex jiċħdu ċ-ċertifikati EXP kollha maħruġa mill-awtoritajiet ta’ Angwilla u sabiex jieħdu miżuri ta’ salvagwardja, billi jitolbu lill-importaturi garanzija jew depożitu bħala dazji doganali dovuti mad-dħul fl-Unjoni.

40      Fit‑28 ta’ Mejju 2003, l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) ħareġ rapport ta’ missjoni konġunt (iktar ’il quddiem ir-“rapport tal-OLAF tal‑2003”) dwar iċ-ċertifikati EXP maħruġa mill-awtoritajiet ta’ Angwilla matul l‑1998 u l‑1999. Fil-punt 4.2 ta’ dan ir-rapport, l-OLAF osserva li, matul dan il-perijodu kollu, il-proċeduri doganali fis-seħħ f’Angwilla kienu baqgħu l-istess u li l-impriżi li kienu aġixxew bħala importaturi tal-kunsinni ta’ aluminju f’Angwilla kienu ssemmew, fiċ-ċertifikati EXP maħruġa mill-awtoritajiet ta’ Angwilla, bħala esportaturi ta’ din il-merkanzija. Skont il-konstatazzjonijiet li jinsabu fil-punt 4.2 tal-imsemmi rapport, l-“għajnuna għat-trasport” imħallsa lill-importaturi tal-Unjoni kienet baqgħet l-istess ukoll matul l-imsemmi perijodu, minkejja li Corbis kienet biddlet il-kontenut tal-fatturi indirizzati lill-awtoritajiet ta’ Angwilla, liema fatturi ma kinux iktar isemmu separatament l-“għajnuna għat-trasport” imħallsa minn Corbis. Il-punt 4.3 tar-rapport tal-OLAF tal‑2003 kien żied li l-inċentiv ekonomiku mħallas fil-forma ta’ tali għajnuna kien jammonta, bħala regola ġenerali, għal 25 dollaru Amerikan (USD) għal kull tunnellata ta’ aluminju importat fl-Unjoni via Angwilla u seta’, f’ċerti każijiet, jeċċedi dan l-ammont. Barra minn hekk, kienu indikati, fl-istess punt 4.3, l-ismijiet tal-kumpanniji importaturi fl-Unjoni li rċevew ħlasijiet abbażi ta’ din l-“għajnuna għat-trasport”, kif ukoll l-ammont totali ta’ dawn il-ħlasijiet.

41      Permezz tad-Deċiżjoni REC 03/2004 (C/2004/5358), tat‑28 ta’ Diċembru 2004 (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni REC 03/2004”), il-Kummissjoni qieset, għal dak li jirrigwarda l-każ partikolari ta’ importazzjoni fl-Italja, minn impriża Taljana, ta’ 41 ingotti ta’ aluminju li joriġinaw minn pajjiżi terzi taħt forma mhux maħduma u mhux illigata, li twettqet fl‑1 ta’ April 1999 u li kienet koperta minn ċertifikat EXP maħruġ mill-awtoritajiet ta’ Angwilla, li ma kienx hemm lok li jsir dħul fil-kontijiet a posteriori tad-dazji fuq l-importazzjoni. F’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni osservat li, fil-kuntest tal-investigazzjoni mmexxija mill-Unjoni u minn ċerti Stati Membri dwar l-iskema ta’ trasbord f’Angwilla sa mill‑1998, kien ġie stabbilit li l-operaturi ekonomiċi li jirrilaxxaw aluminju għal ċirkulazzjoni libera f’Angwilla setgħu jibbenefikaw mill-ħlas ta’ “għajnuna għat-trasport” li tammonta għal USD 25 għal kull tunnellata ta’ dan il-metall, liema għajnuna tħallset abbażi ta’ deċiżjoni individwali adottata mill-awtoritajiet ta’ Angwilla. Fir-rigward tal-kompatibbiltà taċ-ċertifikati EXP maħruġa fil-kuntest tal-għoti ta’ tali għajnuna mal-Artikolu 101(2) tad-Deċiżjoni PTEE, il-Kummissjoni osservat, fil-punt 9 tal-imsemmija deċiżjoni, dan li ġej:

“Wara li eżaminaw il-mod li bih ġew applikati d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 101(2) tad-Deċiżjoni PTEE f’Angwilla, id-dipartimenti tal-Kummissjoni kkonkludew li kien hemm rabta bejn il-ħlas tad-dazji doganali u l-ħlasijiet sussegwenti tal-għajnuna għat-trasport, li l-iskema stabbilita f’dan it-territorju (il-ġbir ta’ dazji doganali segwit mill-ħlas ta’ għajnuna għat-trasport) ma kinitx konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 101(2) iċċitat iktar’ il fuq u li l-ħlas tal-għajnuna għat-trasport kellha fil-fatt tiġi interpretata bħala ħlas lura parzjali ta’ dazji doganali. Għal din ir-raġuni, il-merkanzija ma setgħetx tiġi importata fil-Komunità ħielsa mid-dazji doganali.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

42      Fid-deċiżjoni REC 03/2004 tagħha, il-Kummissjoni qieset, barra minn hekk, li l-awtoritajiet ta’ Angwilla kienu ħarġu ċertifikati EXP filwaqt li kienu jafu jew kellhom raġonevolment ikunu jafu dwar in-nuqqas ta’ konformità tal-iskema li huma kienu implimentaw fir-rigward ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. F’dan ir-rigward, il-punti 21 u 22 ta’ din id-deċiżjoni kienu jenfasizzaw dan li ġej:

“21.      [G]ħandu jiġi kkonstatat li f’dan il-każ, ċerti elementi huma ta’ natura li juru li l-awtoritajiet kompetenti ta’ Angwilla kienu jafu jew, għall-inqas, kellhom raġonevolment ikunu jafu li l-merkanzija li għaliha huma kienu joħorġu ċertifikati EXP ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex tkun tista’ tibbenefika minn trattament favorevoli għall-importazzjoni fil-Komunità.

(22)      Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-esportazzjonijiet ta’ aluminju lejn l-Unjoni Ewropea minn Angwilla żdiedu b’mod sinjifikattiv matul l‑1998 u l‑1999, żieda li l-awtoritajiet ta’ Angwilla ma setgħux jinjoraw li kienet marbuta mal-għoti tal-għajnuna għat-trasport imsemmija iktar ’il fuq, anki jekk l-imsemmija għajnuna kienet titħallas minn amministrazzjoni lokali distinta minn dik inkarigata mill-ġbir tad-dazji doganali waqt ir-rilaxx għal ċirkulazzjoni libera f’Angwilla u l-ħruġ taċ-ċertifikati EXP.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

43      Madankollu, fil-punti 24 sa 28 ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni kkonstatat li l-iżball imwettaq mill-awtoritajiet ta’ Angwilla ma setax jiġi nnotat minn operatur li jaġixxi bona fide, fis-sens tal-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali, li kien il-każ tal-impriża Taljana importatriċi inkwistjoni.

44      Fil-punt 31 tal-imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni ppreċiżat fil-kliem li ġej, konformement mal-Artikolu 875 tar-Regolament ta’ applikazzjoni, il-kundizzjonijiet li fihom l-Istati Membri jistgħu, skont l-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali, ma jdaħħlux fil-kontijiet a posteriori d-dazji fuq l-importazzjoni f’każijiet li fihom ikun hemm punti ta’ fatt u ta’ liġi komparabbli:

“F’dan il-każ, huma komparabbli fil-fatt u fil-liġi, it-talbiet intiżi sabiex ma jsirx dħul fil-kontijiet a posteriori, ippreżentati fit-termini legali, li jikkonċernaw operazzjonijiet ta’ importazzjoni fil-Komunità minn Angwilla meta ċ-ċirkustanzi li fihom twettqu l-operazzjonijiet ta’ importazzjoni jkunu komparabbli fil-fatt u fil-liġi ma’ dawk li taw lok għal dan il-każ. Il-persuni kkonċernati ma għandhom bl-ebda mod ikunu involuti fl-operazzjonijiet ta’ trasport ta’ merkanzija mill-pajjiż ta’ esportazzjoni sad-dħul fit-territorju doganali Komunitarju, via Angwilla. Huma għandhom ikunu xtraw il-merkanzija abbażi ta’ kuntratt DDP (delivered duty paid). Huma għandhom jintervjenu biss bħala importatur ta’ merkanzija fil-Komunità jew bħala rappreżentant ta’ tali importatur. Fl-aħħar nett, huma ma għandhomx jitqiesu li huma relatati mal-fornitur tagħhom, mal-esportatur f’Angwilla, ma’ persuni li jkunu pparteċipaw fit-trasport tal-merkanzija mill-pajjiż ta’ esportazzjoni sal-Komunità jew mal-Gvern ta’ Angwilla. […] Fl-aħħar nett, il-partijiet ikkonċernati la għandhom jkunu wettqu qerq, u lanqas negliġenza manifesta.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

45      Fid-deċiżjoni REM 03/2004 [(2006) 2030], tal‑24 ta’ Mejju 2006 (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni REM 03/2004”), il-Kummissjoni ddeċidiet dwar skema ta’ trasbord implimentata f’Saint-Pierre u Miquelon għal importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ aluminju li joriġina minn pajjiżi terzi via dan il-PTEE, liema skema kienet timplika wkoll il-ġbir ta’ dazji doganali segwit mill-ħlas ta’ “għajnuna għat-trasport” ta’ USD 25 għal kull tunnellata ta’ dan il-metall lill-operaturi ekonomiċi li jirrilaxxaw aluminju għal ċirkulazzjoni libera fl-imsemmi PTEE. Il-Kummissjoni qieset ukoll li tali skema ma kinitx konformi mal-Artikolu 101(2) tad-Deċiżjoni PTEE u li l-awtoritajiet ta’ dan l-istess PTEE kienu jafu jew kellhom raġonevolment ikunu jafu li l-kundizzjonijiet għall-ħruġ ta’ ċertifikat EXP ma kinux issodisfatti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija kkonkludiet li kellhom jiġu maħfura d-dazji fuq l-importazzjoni, skont l-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkonfermat l-evalwazzjoni tagħha tal-iskema ta’ trasbord implimentata f’Angwilla, billi ppreċiżat, abbażi tal-Artikolu 908 tar-Regolament ta’ implimentazzjoni, li l-Istati Membri jistgħu jirrimborsaw jew jaħfru d-dazji fuq l-importazzjoni “fir-rigward ta’ operazzjonijiet ta’ importazzjoni [fl-Unjoni] minn Saint-Pierre u Miquelon, Angwilla u l-Antilli Olandiżi, meta ċ-ċirkustanzi li fihom twettqu l-operazzjonijiet ta’ importazzjoni jkunu komparabbli fil-fatt u fil-liġi ma’ dawk li taw lok għal dan il-każ”.

46      Matul il-perijodu bejn Marzu tal‑1999 u Ġunju tal‑2000, ġie importat fl-Italja aluminju li joriġina minn pajjiżi terzi, fuq preżentazzjoni ta’ ċertifikati EXP maħruġa mill-awtoritajiet ta’ Angwilla matul l‑1999. Matul dik is-sena, l-imsemmija awtoritajiet ħarġu tnax-il ċertifikat EXP.

47      Matul l‑2006 u l‑2007, l-awtoritajiet Taljani informaw lill-Kummissjoni li huma kienu ħadu diversi deċiżjonijiet li permezz tagħhom ġew maħfura d-dazji fuq l-importazzjoni għal dak li jirrigwarda l-importazzjoni ta’ aluminju li joriġina minn Angwilla fuq il-bażi tad-Deċiżjonijiet REC 03/2004 u REM 03/2004. Fuq talba tal-Kummissjoni, l-awtoritajiet Taljani tawha informazzjoni supplimentari matul l‑2010.

48      Permezz ta’ ittra tat‑8 ta’ Lulju 2010, il-Kummissjoni talbet lir-Renju Unit, billi bbażat ruħha fuq l-Artikolu 5 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 10 KE u li sussegwentement sar l-Artikolu 4(3) TUE), sabiex jikkumpensa t-telf ta’ riżorsi proprji tal-Unjoni li kien irriżulta, fil-fehma tagħha, mill-fatt li l-awtoritajiet ta’ Angwilla kienu ħarġu ċertifikati EXP inkompatibbli mal-Artikolu 101(2) tad-Deċiżjoni PTEE, u li pprekludew lill-awtoritajiet Taljani milli jiġbru dazji doganali fuq l-importazzjonijiet inkwistjoni. F’din l-ittra, il-Kummissjoni ppreċiżat li kull dewmien li jaffettwa l-kumpens ta’ dan it-telf kien ser jagħti lok għal interessi moratorji.

49      L-imsemmija ittra ġiet segwita minn skambju ta’ korrispondenza bejn il-Kummissjoni u r-Renju Unit.

 Il-proċedura prekontenzjuża

50      Fis‑27 ta’ Settembru 2013, il-Kummissjoni bagħtet lir-Renju Unit ittra ta’ intimazzjoni li permezz tagħha hija talbitu jikkumpensa t-telf ta’ riżorsi proprji li jikkorrispondu għad-dazji doganali li kienu s-suġġett ta’ deċiżjonijiet ta’ maħfra mogħtija mill-awtoritajiet Taljani, abbażi tad-Deċiżjonijiet REC 03/2004 u REM 03/2004.

51      Permezz ta’ ittra tal‑21 ta’ Novembru 2013, ir-Renju Unit wieġeb għal din l-ittra ta’ intimazzjoni billi ċaħad kull responsabbiltà għall-atti mwettqa minn Angwilla u kull ksur tad-dritt tal-Unjoni.

52      Fis‑17 ta’ Ottubru 2014, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata lir-Renju Unit, li għaliha dan l-Istat Membru wieġeb billi żamm il-pożizzjoni tiegħu.

53      Peress li r-Renju Unit ma wettaqx il-kumpens mitlub, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors.

 Fuq ir-rikors

 L-argumenti tal-partijiet

54      Il-Kummissjoni ssostni li r-Renju Unit huwa obbligat, skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 10 KE u li sussegwentement sar l-Artikolu 4(3) TUE), jikkumpensa t-telf ta’ riżorsi proprji tradizzjonali li jirriżulta mill-fatt li, fil-fehma tagħha, l-awtoritajiet ta’ Angwilla ħarġu, matul l‑1999, tnax-il ċertifikat EXP bi ksur tad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni PTEE u, b’dan il-mod, ipprekludew lill-awtoritajiet Taljani milli jirkupraw id-dazji doganali relatati mal-importazzjonijiet inkwistjoni. F’dan ir-rigward, hija tippreċiża li r-rikors tagħha huwa intiż sabiex jiġi kkonstatat li r-Renju Unit naqas milli jwettaq dan l-obbligu ta’ kumpens, indipendentement mill-ammont ta’ dan it-telf li hija ma titlobx lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddetermina.

55      Il-Kummissjoni tqis, fl-ewwel lok, li r-Renju Unit għandu, bħala Stat Membru, jassumi r-responsabbiltà tal-atti adottati u tan-negliġenza mwettqa mill-awtoritajiet ta’ Angwilla li jmorru kontra d-Deċiżjoni PTEE, fid-dawl tar-relazzjonijiet speċjali li huwa għandu mal-PTEE tiegħu, li, skont il-Kummissjoni, ma huwiex Stat indipendenti u jagħmel parti integrali minn dan ir-Renju.

56      Il-Kummissjoni żżid li r-Renju Unit ma jistax jinvoka l-awtonomija amministrattiva li għandha Angwilla sabiex jiġġustifika n-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi tiegħu li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali. Barra minn hekk, ir-Renju Unit iżomm is-setgħat neċessarji sabiex jevita li l-atti jew l-ommissjonijiet ta’ dan il-PTEE jwasslu għal telf ta’ riżorsi proprji għall-baġit tal-Unjoni. B’mod partikolari, il-Parlament Brittaniku għandu setgħa illimitata sabiex jilleġiżla għall-PTEE tar-Renju Unit.

57      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tfakkar li l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jieħdu l-miżuri kollha xierqa sabiex jiggarantixxu l-portata u l-effikaċja tad-dritt tal-Unjoni. F’dan il-każ, il-ħruġ illegali ta’ ċertifikati EXP mill-awtoritajiet ta’ Angwilla pprekluda l-irkupru tad-dazji doganali u t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ dawn id-dazji fil-baġit tal-Unjoni bħala riżorsi proprji. Issa, billi naqas milli jikkumpensa dan it-telf ta’ riżorsi proprji, ir-Renju Unit ipprekluda l-funzjonament tajjeb tas-sistema ta’ riżorsi proprji tal-Unjoni, sa fejn l-imsemmi telf għandu jiġi kkumpensat mill-Istati Membri kollha permezz ta’ żieda fir-riżorsi tagħhom stess ibbażata fuq id-dħul nazzjonali gross. Għaldaqstant, il-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni teżiġi li r-Renju Unit jkun jista’ jinżamm responsabbli għall-ksur, mill-awtoritajiet ta’ Angwilla, tad-Deċiżjoni PTEE, u jkun obbligat jikkumpensa t-telf ta’ riżorsi li jirriżulta minnu.

58      Il-Kummissjoni ssostni, fit-tielet lok, li, fl-assenza ta’ kumpens għat-telf ta’ riżorsi proprji inkwistjoni, ir-Renju Unit għandu jħallas interessi moratorji fuq l-ammont li jikkorrispondi għal dan it-telf. Skont il-Kummissjoni, l-obbligu li jitħallsu tali interessi moratorji ma huwiex ibbażat fuq il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tar-riżorsi proprji, iżda huwa parti mill-obbligu ta’ kooperazzjoni leali, fid-dawl tar-rabta indissoċjabbli li teżisti bejn l-obbligu li jiġu kkonstatati r-riżorsi proprji tal-Unjoni, dak li jiddaħħlu fil-kontijiet tal-Kummissjoni fit-termini stabbiliti u, fl-aħħar nett, l-obbligu li jitħallsu interessi moratorji.

59      Għal dak li jirrigwarda l-fatti li wasslu għan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat fil-konfront tar-Renju Unit, il-Kummissjoni ssostni, billi tibbaża ruħha fuq ir-rapport tal-OLAF tal‑2003, li l-awtoritajiet ta’ Angwilla ħarġu, matul l‑1999, tnax-il ċertifikat EXP filwaqt li taw lill-importaturi tal-Unjoni “għajnuna għat-trasport”. Sa fejn l-għoti ta’ tali għajnuna għandu jitqies, skont id-Deċiżjonijiet REC 03/2004 u REM 03/2004, bħala ħlas lura parzjali ta’ dazji doganali minn Angwilla, dawn iċ-ċertifikati nħarġu bi ksur tal-Artikolu 101(2) tad-Deċiżjoni PTEE. Fid-dawl tal-indikazzjonijiet li jinsabu fl-imsemmija ċertifikati kif ukoll tad-dikjarazzjonijiet ta’ importazzjoni trażmessi mill-awtoritajiet Taljani, dawn l-istess ċertifikati kienu ntużaw għall-finijiet ta’ importazzjoni ta’ aluminju ħielsa minn dazji doganali u, għaldaqstant, ikkawżaw telf ta’ riżorsi proprji tal-Unjoni, liema telf ir-Renju Unit naqas milli jikkumpensa.

60      Ir-Renju Unit, sostnut mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, jikkontesta n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat fil-konfront tiegħu. Fl-ewwel lok, huwa jsostni li la l-Kodiċi Doganali, la l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar ir-riżorsi proprji u lanqas id-Deċiżjoni PTEE ma jippermettu li Angwilla tinżamm responsabbli, fir-rigward tal-Unjoni, għall-iżbalji mwettqa mill-awtoritajiet tagħha stess fl-applikazzjoni ta’ din id-deċiżjoni u għat-telf ta’ riżorsi proprji li jirriżultaw minnhom. Għaldaqstant, ir-Renju Unit lanqas ma jista’ jitqies li huwa responsabbli għal tali żbalji, għar-raġuni biss li huwa l-Istat Membru li Angwilla hija marbuta miegħu.

61      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirriżulta mill-Opinjoni 1/78 (Ftehim internazzjonali dwar il-gomma naturali), tal‑4 ta’ Ottubru 1979 (EU:C:1979:224, punt 62), hemm lok li ssir distinzjoni bejn ir-responsabbiltà tal-Istati Membri fir-rigward tar-relazzjonijiet internazzjonali ta’ PTEE u l-obbligi imposti fuq dawn l-Istati, bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, ir-Renju Unit osserva li, skont l-Artikolu 227(3) tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 299(3) KE u li sussegwentement sar l-Artikolu 355(2) TFUE), Angwilla titqies bħala entità distinta minn dan l-Istat Membru li fir-rigward tagħha d-dispożizzjonijiet ġenerali tat-Trattati ma japplikawx mingħajr riferiment espress. Madankollu, l-argument tal-Kummissjoni jestendi l-obbligi li jinsabu fl-Artikolu 5 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 10 KE u li sussegwentement sar l-Artikolu 4(3) TUE) għall-azzjonijiet u għall-ommissjonijiet tal-PTEE, mingħajr ma dan huwa espressament previst mid-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari mid-Deċiżjoni PTEE. Fl-assenza ta’ dispożizzjoni espressa f’dan is-sens, ir-Renju Unit ma jistax ikun obbligat jevita kull ksur ta’ din id-deċiżjoni minn Angwilla u jaċċetta kull responsabbiltà għalih fil-konfront tal-Unjoni.

62      Ir-Renju Unit jqis li, fid-dawl tal-awtonomija li għandha Angwilla skont id-dritt kostituzzjonali nazzjonali, l-argument li jgħid li huwa responsabbli għall-atti tal-awtoritajiet ta’ dan il-PTEE jmur kontra l-Artikolu 4(2) TUE kif ukoll il-prinċipju tad-dritt internazzjonali konswetudinarju rifless fl-Artikolu 73 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti. Fil-fatt, skont id-dritt kostituzzjonali nazzjonali, Angwilla ma tagħmilx parti mir-Renju Unit, iżda tifforma unità kostituzzjonali distinta minnu, li għandha grad għoli ta’ awtonomija, b’mod partikolari fil-qasam doganali u fiskali. Sa fejn Angwilla hija organizzata konformement mal-kostituzzjoni bil-miktub tagħha, is-setgħa li l-Parlament Brittaniku għandu li jilleġiżla fir-rigward ta’ Angwilla ma tippermettilux li jintervjeni fl-attivitajiet ta’ kuljum tal-awtoritajiet ta’ dan it-territorju.

63      Fit-tieni lok, ir-Renju Unit isostni li l-argument li jgħid li huwa responsabbli għall-atti tal-awtoritajiet ta’ Angwilla u, minħabba dan il-fatt, obbligat jikkumpensa t-telf ta’ riżorsi proprji li jirriżulta minn ksur tad-Deċiżjoni PTEE minn dawn l-awtoritajiet ma jistax ikun ibbażat fuq l-Artikolu 5 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 10 KE u li sussegwentement sar l-Artikolu 4(3) TUE). Fil-fatt, ebda element tal-formulazzjoni ta’ dan l-artikolu ma jipprevedi tali responsabbiltà. Għalhekk, dan l-argument imur kontra l-prinċipju ta’ ċertezza legali, peress li dan japplika b’rigorożità partikolari fil-każ ta’ leġiżlazzjoni li tista’ tinvolvi responsabbiltajiet finanzjarji.

64      Barra minn hekk, peress li d-Deċiżjoni PTEE tagħti lill-awtoritajiet tal-PTEE rwol prinċipali fil-kwistjonijiet ta’ assoċjazzjoni, l-awtoritajiet ta’ Angwilla kkontestaw l-interpretazzjoni tal-imsemmija deċiżjoni invokata mill-Kummissjoni u talbu li jiġi fformat grupp ta’ ħidma inkarigat sabiex jittratta kull kwistjoni li tinħoloq fir-relazzjonijiet bejn il-PTEE u l-Unjoni, skont l-Artikolu 235 tad-Deċiżjoni PTEE, kif ukoll l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ sħubija, imsemmija fl-Artikolu 7(7) tal-Anness III ta’ din id-deċiżjoni. Skont ir-Renju Unit, il-Kummissjoni kellha tapplika dawn il-miżuri previsti mid-Deċiżjoni PTEE sabiex tittratta żbalji eventwali mwettqa mill-awtoritajiet ta’ Angwilla.

65      Ir-Renju Unit iżid li lanqas ma jista’ jitqies responsabbli għall-ħlas ta’ interessi moratorji, fl-assenza ta’ bażi legali f’dan ir-rigward. L-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1552/89 ma japplikax f’din il-kawża.

66      Għal dak li jirrigwarda, fl-aħħar nett, il-fatti li wasslu għan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat, ir-Renju Unit jikkontesta l-irregolarità taċ-ċertifikati EXP maħruġa matul l‑1999, għar-raġuni li l-Kummissjoni ma wrietx li dawn iċ-ċertifikati kienu taw lok għall-għoti ta’ “għajnuna għat-trasport”. F’dan ir-rigward, huwa josserva li, mix-xahar ta’ Novembru 1998, il-fatturi indirizzati minn Corbis lill-awtoritajiet ta’ Angwilla ma kinux isemmu iktar xi tip ta’ “għajnuna għat-trasport”, iżda kienu jirreferu għal “servizzi mogħtija” minn din il-kumpannija. Barra minn hekk, fit‑22 ta’ Jannar 1999, l-Assemblea Parlamentari ta’ Angwilla adottat riżoluzzjoni li tgħid li kull prodott li jgħaddi minn Angwilla lejn l-Unjoni kellu jkun suġġett għal dazju doganali ekwivalenti għad-dazju doganali tal-Unjoni applikabbli għal dan il-prodott. Fi kwalunkwe każ, ir-Renju Unit iqis li tali “għajnuna għat-trasport” ma tistax titqies li hija ħlas lura parzjali tad-dazji doganali li huwa inkompatibbli mal-Artikolu 101(2) tad-Deċiżjoni PTEE.

67      Skont ir-Renju Unit, il-Kummissjoni lanqas ma wriet li l-ħruġ illegali eventwali tal-imsemmija ċertifikati EXP wassal għal telf ta’ riżorsi proprji. F’dan ir-rigward, minbarra li jikkontesta li dawn iċ-ċertifikati kienu ġew effettivament prodotti quddiem l-awtoritajiet Taljani, ir-Renju Unit jikkontesta l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn il-ħruġ illegali eventwali tal-imsemmija ċertifikati u t-telf ta’ riżorsi proprji invokat. Fil-fatt, fil-fehma tiegħu, li kieku l-awtoritajiet Taljani kienu adottaw il-miżuri ta’ salvagwardja rrakkomandati fil-komunikazzjoni dwar l-għajnuna reċiproka, l-operaturi kkonċernati kienu eventwalment jirrifjutaw importazzjoni tal-merkanzija inkwistjoni fl-Unjoni. Barra minn hekk, jekk ir-rekwiżiti relatati mal-aġir ta’ dawn l-operaturi, kif ippreċiżati fil-punt 31 tad-Deċiżjoni REC 03/2004 ma kinux ġew issodisfatti, l-awtoritajiet Taljani kellhom jirkupraw id-dazji doganali, b’tali mod li r-Renju Unit ma jistax jinżamm responsabbli f’dan ir-rigward.

68      Barra minn hekk, skont ir-Renju Unit, il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tat‑13 ta’ Novembru 2014, Nencini vs Il-Parlament (C‑447/13 P, EU:C:2014:2372, punti 47 u 48), tipprekludi, f’dan il-każ, il-konstatazzjoni li tgħid li huwa kiser l-obbligu allegat li jikkumpensa l-ammont, jekk ikun il-każ flimkien ma’ interessi, tat-telf ta’ riżorsi proprji li jirriżulta mill-ħruġ illegali ta’ ċertifikati EXP mill-awtoritajiet ta’ Angwilla. Fil-fatt, il-Kummissjoni ppreżentat dan ir-rikors sbatax-il sena wara l-importazzjonijiet inkwistjoni u iktar minn tnax-il sena wara l-pubblikazzjoni tad-Deċiżjoni REC 03/2004 u, għaldaqstant, wara l-iskadenza tat-terminu raġonevoli li l-Kummissjoni kellha tosserva, skont din il-ġurisprudenza.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

69      Preliminarjament, għandu jiġi enfasizzat li, għalkemm, fiż-żmien tal-aġir tal-awtoritajiet ta’ Angwilla li wassal għal dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali kien stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat KE u sussegwentement fl-Artikolu 10 KE, meta l-Kummissjoni talbet lir-Renju Unit jikkumpensa t-telf ta’ riżorsi proprji li hija tgħid jirriżulta minn dan l-aġir, dawn id-dispożizzjonijiet kienu ġew issostitwiti bl-Artikolu 4(3) TUE. Minn dan isegwi li huwa fid-dawl tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali kif stabbilit f’din l-aħħar dispożizzjoni li r-rikors għandu jiġi eżaminat.

70      Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) TUE, ir-Renju Unit huwa obbligat, bħala Stat Membru tal-Unjoni, li jieħu kull miżura ġenerali jew partikolari xierqa sabiex jiżgura l-eżekuzzjoni tal-obbligi tiegħu li jirriżultaw mit-Trattati jew li jirriżultaw mill-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

71      Għalkemm, għal dan il-għan, huma l-awtoritajiet kollha ta’ dan l-Istat Membru li għandhom jiżguraw l-osservanza tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni fil-kuntest tal-kompetenzi tagħhom, l-imsemmi Stat Membru jibqa’, skont l-Artikolu 258 TFUE, unikament responsabbli, fil-konfront tal-Unjoni, għall-osservanza tal-obbligi li jirriżultaw minn dan id-dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑4 ta’ Ottubru 2012, Byankov, C‑249/11, EU:C:2012:608, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat‑13 ta’ Mejju 2014, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑184/11, EU:C:2014:316, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

72      Issa, kif ippreċiżat il-Kummissjoni fir-replika tagħha, dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu huwa bbażat mhux fuq żbalji mwettqa minn awtoritajiet tar-Renju Unit, iżda fuq ir-responsabbiltà ta’ dan l-Istat Membru għal telf ta’ riżorsi proprji wara l-ksur tad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni PTEE li jirregolaw il-ħruġ ta’ ċertifikati EXP mill-awtoritajiet ta’ Angwilla.

73      Kif jirriżulta mill-Artikolu 227(3) tat-Trattat KE, moqri flimkien mal-Anness IV tiegħu (li saru l-Artikolu 299(3) KE u l-Anness II tat-Trattat KE u li sussegwentement saru l-Artikolu 355(2) TFUE u l-Anness II tat-Trattat FUE), Angwilla kienet fost il-PTEE elenkati fl-imsemmi anness u kienet, minħabba f’hekk, suġġetta għall-arranġamenti speċjali għal assoċjazzjoni ddefiniti fir-Raba’ parti tat-Trattat KE, li kien jiġbor flimkien l-Artikoli 131 sa 137 tiegħu (li saru l-Artikoli 182 sa 188 KE u li sussegwentement saru l-Artikoli 198 sa 204 TFUE), arranġamenti li l-modalitajiet u l-proċeduri tagħhom ġew stabbiliti mid-Deċiżjoni PTEE, abbażi tal-Artikolu 136 tal-imsemmi Trattat (li sar l-Artikolu 187 KE u li sussegwentement sar l-Artikolu 203 TFUE).

74      F’dan il-kuntest, għandu jiġi enfasizzat li, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-dispożizzjonijiet ġenerali tat-Trattat KE, jiġifieri dawk li ma humiex inklużi fir-Raba’ parti tiegħu, ma humiex applikabbli għall-PTEE mingħajr referenza espressa (sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2014, X u TBG, C‑24/12 u C‑27/12, EU:C:2014:1385, punt 45 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat fil-konfront tar-Renju Unit ma jaqax taħt il-każ previst minn din il-ġurisprudenza. Fil-fatt, il-Kummissjoni ma ssostnix li l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali japplika għal Angwilla, iżda ssostni li r-Renju Unit huwa obbligat, skont dan il-prinċipju, li jwieġeb għall-konsegwenzi ta’ ħruġ illegali ta’ ċertifikati EXP mill-awtoritajiet ta’ Angwilla. Issa, kif tfakkar fil-punt 70 ta’ din is-sentenza, l-imsemmi prinċipju huwa impost fuq ir-Renju Unit bħala Stat Membru tal-Unjoni.

75      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, hemm lok li jiġi eżaminat, fl-ewwel lok, jekk ir-Renju Unit huwiex, skont l-obbligi tiegħu bħala Stat Membru taħt l-Artikolu 4(3) TUE, responsabbli, fil-konfront tal-Unjoni, għall-ħruġ eventwali ta’ ċertifikati EXP mill-awtoritajiet ta’ Angwilla bi ksur tad-Deċiżjoni PTEE, fit-tieni lok, jekk huwiex obbligat, skont din id-dispożizzjoni, jikkumpensa l-ammont, jekk ikun il-każ flimkien ma’ interessi moratorji, ta’ telf eventwali ta’ riżorsi proprji tal-Unjoni li jirriżulta minnu u, fit-tielet lok, fl-affermattiv, jekk in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat fil-konfront tar-Renju Unit huwiex fondat.

 Fuq ir-responsabbiltà tar-Renju Unit minħabba ħruġ illegali eventwali ta’ ċertifikati EXP mill-awtoritajiet ta’ Angwilla

76      Il-Kummissjoni ssostni li huwa minħabba relazzjonijiet speċjali li jorbtu lil Angwilla mar-Renju Unit li dan l-Istat Membru għandu jwieġeb, fil-konfront tal-Unjoni, għall-atti u għall-ommissjonijiet tal-awtoritajiet ta’ Angwilla meta dawn ħarġu ċertifikati EXP bi ksur tad-Deċiżjoni PTEE.

77      Ir-Renju Unit jinsab fost l-Istati Membri li għandhom, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 131 tat-Trattat KE (li sar l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 182 KE u li sussegwentement sar l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 198 TFUE), “relazzjonijiet speċjali” ma’ PTEE. Konformement ma’ din id-dispożizzjoni, l-issuġġettar ta’ dawn il-pajjiżi u territorji għall-arranġamenti speċjali għal assoċjazzjoni ddefiniti fir-Raba’ parti tat-Trattat KE kien ibbażat, fiż-żmien ta’ dan il-ħruġ, fuq dawn ir-relazzjonijiet speċjali.

78      L-imsemmija relazzjonijiet speċjali huma kkaratterizzati mill-fatt li l-PTEE ma humiex Stati indipendenti, iżda jikkostitwixxu pajjiżi u territorji li jiddependu fuq tali Stat, li jiżgura b’mod partikolari r-rappreżentanza tagħhom fuq livell internazzjonali (ara, f’dan is-sens, l-Opinjonijiet 1/78 (Ftehim internazzjonali dwar il-gomma naturali), tal‑4 ta’ Ottubru 1979, EU:C:1979:224, punt 62, u 1/94 (Ftehimiet annessi mal-Ftehim WTO), tal‑15 ta’ Novembru 1994, EU:C:1994:384, punt 17).

79      Skont l-Artikolu 131 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 182 KE u li sussegwentement sar l-Artikolu 198 TFUE), l-applikazzjoni tal-arranġamenti speċjali għal assoċjazzjoni ddefiniti fir-Raba’ parti ta’ dan it-Trattat, intiżi sabiex jippromwovu l-iżvilupp ekonomiku, soċjali u kulturali tal-PTEE, tibbenefika biss lil pajjiżi u lil territorji li għandhom relazzjonijiet speċjali mal-Istat Membru kkonċernat, li jkun talab li jsiru applikabbli għalihom l-arranġamenti speċjali għal assoċjazzjoni. Għal dak li jirrigwarda b’mod partikolari Angwilla, li għaliha huwa responsabbli r-Renju Unit, dan it-territorju ġie miżjud mal-lista ta’ PTEE li tinsab fl-Anness IV tat-Trattat KEE (li sar l-Anness II tat-Trattat KE u li sussegwentement sar Anness II tat-Trattat FUE), bis-saħħa tal-Artikolu 24(2) tal-Att li jirrigwarda l-kundizzjonijiet tal-adeżjoni mal-Komunitajiet Ewropej tar-Renju tad-Danimarka, tal-Irlanda u tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq u l-aġġustamenti għat-Trattati (ĠU 1972, L 73, p. 14).

80      Għalhekk, il-kliem użat, b’mod partikolari, fl-ewwel premessa kif ukoll fl-Artikolu 234 u fl-Artikolu 235(2) tad-Deċiżjoni PTEE sabiex jiġi indikat l-Istat Membru “responsabbli għal” PTEE huma l-espressjoni tar-relazzjonijiet speċjali li jeżistu bejniethom, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 131 tat-Trattat KE (li sar l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 182 KE u li sussegwentement sar l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 198 TFUE). Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni PTEE, moqri flimkien mal-punt 5 tal-Anness I tagħha, li minnu jirriżulta li Angwilla kienet PTEE “tar-[Renju Unit]”.

81      Barra minn hekk, fil-kuntest tal-imsemmija arranġamenti speċjali għal assoċjazzjoni, il-prodotti li joriġinaw minn Angwilla kienu jibbenefikaw, skont l-Artikolu 133(1) tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 184(1) KE u li sussegwentement sar l-Artikolu 200(1) TFUE), minn aċċess ipprivileġġat għas-suq intern ħielsa minn dazji doganali, aċċess li d-Deċiżjoni PTEE kienet testendi, kif kienet tgħid it-tielet premessa tagħha, għal ċerti prodotti li ma joriġinawx minn dan il-PTEE. Bis-saħħa tal-Artikolu 101(2) ta’ din id-deċiżjoni, moqri flimkien mat-tieni inċiż tal-Artikolu 108(1), kif ukoll mal-Anness III tagħha, il-prodotti li ma joriġinawx minn PTEE li jkunu f’ċirkulazzjoni libera f’PTEE u li jiġu esportati mill-ġdid bħala tali lejn l-Unjoni kienu ġew importati ħielsa minn dazji doganali u minn taxxi li għandhom effett ekwivalenti, bil-kundizzjoni li dawn il-prodotti kienu s-suġġett tal-ħlas, fl-imsemmi PTEE, ta’ dazji doganali jew ta’ taxxi li għandhom effett ekwivalenti ta’ livell ugwali jew superjuri għad-dazji doganali applikabbli fl-Unjoni fuq l-importazzjoni ta’ dawn l-istess prodotti li joriġinaw minn pajjiżi terzi li jibbenefikaw mill-klawżola tan-nazzjon l-iktar favorit, ma kinux ġew suġġetti għal eżenzjoni jew għal ħlas lura, totali jew parzjali, ta’ dazji doganali jew ta’ taxxi li għandhom effett ekwivalenti u kienu akkumpanjati minn ċertifikat EXP.

82      Issa, il-ħruġ ta’ ċertifikati EXP mill-awtoritajiet ta’ Angwilla kien irregolat mid-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, skont l-Artikolu 2(1) u (6) tal-Anness III tad-Deċiżjoni PTEE, li kien japplika għat-territorji tal-PTEE bis-saħħa tal-Artikolu 237 tiegħu, dawn iċ-ċertifikati, li jistabbilixxu l-prova tal-osservanza tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 101(2) ta’ din id-deċiżjoni, kellhom jinħarġu mill-awtoritajiet tal-PTEE. Għalhekk, meta dawn l-awtoritajiet kienu joħorġu tali ċertifikati, huma kellhom l-obbligu li josservaw ir-rekwiżiti li jinsabu f’dan l-Artikolu 101(2).

83      Barra minn hekk, il-proċeduri previsti mid-Deċiżjoni PTEE għar-riżoluzzjoni ta’ tilwim jew ta’ problemi li jistgħu jqumu f’dan il-kuntest kienu jirriflettu n-natura ċentrali li kellhom, għall-arranġamenti għal assoċjazzjoni ddefiniti fir-Raba’ parti tat-Trattat KE, ir-relazzjonijiet speċjali, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 131 tat-Trattat KE (li sar l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 182 KE u li sussegwentement sar l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 198 TFUE), bejn il-PTEE kkonċernat u l-Istat Membru responsabbli għalih.

84      F’dan ir-rigward, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-Artikolu 7(7) tal-Anness III tad-Deċiżjoni PTEE, li jgħid li t-tilwim dwar il-legalità ta’ ċertifikati EXP li dwarhom ma setax jintlaħaq ftehim bejn l-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ importazzjoni u dawk tal-PTEE ta’ esportazzjoni kellhom jiġu deċiżi fil-livell tal-Kumitat ta’ leġiżlazzjoni doganali, fil-kuntest ta’ proċedura li fiha kien jipparteċipa, b’mod partikolari, rappreżentant tal-Istat Membru responsabbli għall-PTEE ta’ esportazzjoni iżda mhux l-awtoritajiet lokali kompetenti ta’ dan il-PTEE.

85      Barra minn hekk, għal dak li jirrigwarda r-riżoluzzjoni eventwali ta’ problemi li jistgħu jqumu fil-kuntest ta’ ħruġ illegali ta’ ċertifikati EXP fil-kuntest tas-sħubija msemmija fl-Artikoli 234 u 235 tad-Deċiżjoni PTEE, għandu jiġi kkonstatat li din is-sħubija ma setgħetx tkun ibbażata fuq djalogu bilaterali bejn il-PTEE ikkonċernat u l-Kummissjoni, iżda kienet teħtieġ konsultazzjoni trilaterali li fiha kellhom jipparteċipaw, minbarra l-Kummissjoni, l-Istat Membru responsabbli għal PTEE u l-awtoritajiet lokali kompetenti ta’ dan tal-aħħar. Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 10 ta’ din id-deċiżjoni, il-parteċipazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għall-PTEE f’din il-konsultazzjoni trilaterali kienet meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-“kompetenzi tal-awtoritajiet ċentrali rispettivi tal-Istati Membri kkonċernati”.

86      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-eżistenza ta’ relazzjonijiet speċjali, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 131 tat-Trattat KE (li sar l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 182 KE u li sussegwentement sar l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 198 TFUE), bejn ir-Renju Unit u Angwilla hija ta’ natura li toħloq responsabbiltà speċifika tal-imsemmi Stat Membru fil-konfront tal-Unjoni meta l-awtoritajiet ta’ dan il-PTEE joħorġu ċertifikati EXP bi ksur tal-imsemmija deċiżjoni.

87      Madankollu, ir-Renju Unit jikkontesta l-eżistenza ta’ tali responsabbiltà. L-ewwel nett, huwa jsostni li hemm lok li ssir distinzjoni bejn Angwilla u r-Renju Unit bħala Stat Membru, skont il-ġurisprudenza li tirriżulta mill-Opinjoni 1/78 (Ftehim internazzjonali dwar il-gomma naturali), tal‑4 ta’ Ottubru 1979 (EU:C:1979:224, punt 62). It-tieni nett, skont ir-Renju Unit, is-sistema ta’ kooperazzjoni amministrattiva stabbilita permezz tad-Deċiżjoni PTEE kienet tippermetti li jiġu indirizzati direttament l-awtoritajiet ta’ PTEE, b’tali mod li l-Kummissjoni ma tistax iżżommu responsabbli għall-atti ta’ dawn l-awtoritajiet abbażi tal-Artikolu 4(3) TUE. It-tielet nett, ir-rikonoxximent ta’ tali responsabbiltà jippreġudika l-awtonomija kostituzzjonali ta’ Angwilla, bi ksur tal-Artikolu 4(2) TUE u tal-Artikolu 73 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti.

88      Għal dak li jirrigwarda l-ewwel argument, huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja iddeċidiet essenzjalment, fil-punt 62 tal-opinjoni ċċitata fil-punt preċedenti, li, meta Stat Membru jikkonkludi ftehim internazzjonali bħala rappreżentant internazzjonali ta’ PTEE taħt ir-responsabbiltà ta’ dan l-Istat, huwa ma jaġixxix fil-kwalità ta’ Stat Membru. Madankollu, din il-konstatazzjoni, li ppermettiet lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonkludi li tali rappreżentanza ma kellhiex effett fuq id-“delimitazzjoni tal-isferi ta’ kompetenza fi ħdan il-Komunità”, ma hijiex rilevanti sabiex tiġi evalwata r-responsabbiltà ta’ Stat Membru fil-kuntest tal-ħruġ, mill-awtoritajiet ta’ PTEE taħt ir-responsabbiltà ta’ dan l-Istat Membru, ta’ ċertifikati EXP bi ksur tad-Deċiżjoni PTEE, liema ħruġ kien irregolat mir-regoli tad-dritt tal-Unjoni applikabbli fit-territorju tal-PTEE.

89      Għal dak li jirrigwarda t-tieni argument tar-Renju Unit, ibbażat fuq is-sistema ta’ kooperazzjoni amministrattiva stabbilita permezz tad-Deċiżjoni PTEE, huwa minnu li, skont l-Artikolu 7(6) tal-Anness III ta’ din id-deċiżjoni, kienu l-awtoritajiet tal-PTEE kkonċernat li kellhom, b’mod partikolari, iwettqu l-investigazzjonijiet neċessarji meta l-proċedura ta’ kontroll prevista fl-Artikolu 7(1) ta’ dan l-anness jew kull informazzjoni oħra disponibbli kienet tidher li tindika li d-dispożizzjonijiet ta’ dan l-anness kienu ġew miksura. Madankollu, minn naħa, dan l-istess paragrafu 6 kien jipprevedi li l-Kummissjoni “tista’ tipparteċipa” fl-investigazzjonijiet intiżi sabiex jiġi identifikat u jiġi evitat ksur tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-ħruġ taċ-ċertifikati EXP, mingħajr ma jimponi fuqha obbligu f’dan ir-rigward. Min-naħa l-oħra, għalkemm l-Artikolu 7(7) tal-imsemmi anness kien jistabbilixxi li t-tilwimiet fir-rigward ta’ tali investigazzjonijiet jew li jqajmu problema ta’ interpretazzjoni “għandhom jiġu sottomessi” għal proċedura ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim, mill-kliem stess ta’ din id-dispożizzjonijiet jirriżulta li dawn kienu intiżi biss għat-tilwim bejn l-Istat ta’ importazzjoni u l-PTEE ta’ esportazzjoni u, għaldaqstant, ma kinux jorbtu lill-Kummissjoni.

90      Barra minn hekk, u kuntrarjament għal dak li jsostni r-Renju Unit, id-dispożizzjonijiet relatati mal-konsultazzjoni msejħa “sħubija” lanqas ma jipprekludu li Stat Membru jkun jista’ jinżamm responsabbli, skont l-Artikolu 4(3) TUE, għall-ħruġ illegali ta’ ċertifikati EXP, mill-awtoritajiet tal-PTEE tiegħu. Fil-fatt, skont l-Artikolu 234 tad-Deċiżjoni PTEE, l-azzjoni tal-Unjoni kellha tkun ibbażata “kemm jista’ jkun” fuq din il-konsultazzjoni bejn il-Kummissjoni, l-Istat Membru responsabbli għall-PTEE u l-awtoritajiet lokali kompetenti ta’ dan tal-aħħar. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 235(2) ta’ din id-deċiżjoni, gruppi ta’ ħidma ta’ assoċjazzjoni “jistgħu jinħolqu”, fuq talba, b’mod partikolari, tal-PTEE kkonċernati, sabiex tiġi ttrattata kwalunkwe problema bejn l-PTEE u l-Unjoni. Għaldaqstant, għalkemm huwa minnu li din il-proċedura ta’ sħubija ma ġietx implimentata f’dan il-każ, xorta jibqa’ l-fatt li l-formulazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tindika li dawn kienu jagħtu natura fakultattiva lil din l-implimentazzjoni.

91      It-tielet argument, ibbażat fuq l-awtonomija kostituzzjonali ta’ Angwilla, lanqas ma jista’ jintlaqa’, peress li r-Renju Unit ma jesponix kif ir-responsabbiltà ta’ Stat Membru għall-atti tal-PTEE tiegħu, li hija bla ħsara għall-missjonijiet fdati lil dawn tal-aħħar permezz tad-Deċiżjoni PTEE, tista’ tkun ta’ natura li tippreġudika l-awtonomija tagħhom.

92      Għandha tiġi evalwata wkoll il-kwistjoni dwar liema tipi ta’ żbalji mwettqa minn PTEE fil-kuntest tal-ħruġ ta’ ċertifikati EXP għandhom jitqiesu bħala r-responsabbiltà tal-Istat Membru li huwa responsabbli għal dan il-PTEE.

93      F’dan ir-rigward, mill-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, jirriżulta li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha xierqa sabiex jiggarantixxu l-portata u l-effikaċja tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑7 ta’ Ottubru 2010, Stils Met, C‑382/09, EU:C:2010:596, punt 44, u tal‑5 ta’ Diċembru 2017, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, C‑600/14, EU:C:2017:935, punt 94).

94      Issa, fid-dawl tan-natura preferenzjali u derogatorja tal-proċedura doganali li minnha kienu jibbenefikaw il-prodotti li joriġinaw mill-PTEE, fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 101(2) tad-Deċiżjoni PTEE, moqri flimkien mat-tieni inċiż tal-Artikolu 108(1), kif ukoll mal-Anness III tagħha, l-obbligu mfakkar fil-punt preċedenti japplika b’rigorożità partikolari f’dan il-każ. Għaldaqstant, ir-responsabbiltà lejn l-Unjoni li taqa’ fuq l-Istat Membru responsabbli għal PTEE hija estiża, skont l-Artikolu 4(3) TUE, għal kull żball imwettaq mill-awtoritajiet ta’ dan il-PTEE, fil-kuntest tal-ħruġ ta’ ċertifikati EXP. Għalhekk, għandu jiġi miċħud l-argument tar-Renju Unit li jgħid, essenzjalment, li huwa ma jistax jinżamm responsabbli għal ħruġ illegali eventwali ta’ ċertifikati EXP mill-awtoritajiet ta’ Angwilla, għar-raġuni li l-imsemmi ħruġ seħħ qabel il-kjarifika, permezz tad-Deċiżjoni REC 03/2004, tal-portata tar-rekwiżiti imposti fl-Artikolu 101(2) tad-Deċiżjoni PTEE.

95      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, għandu jiġi konkluż li r-Renju Unit huwa, skont l-obbligi imposti fuqu bħala Stat Membru taħt l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 131 tat-Trattat KE (li sar l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 182 KE u li sussegwentement sar l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 198 TFUE) kif ukoll taħt l-Artikolu 4(3) TUE, responsabbli, fil-konfront tal-Unjoni, għall-ħruġ eventwali mill-awtoritajiet ta’ Angwilla, ta’ ċertifikati EXP bi ksur tad-Deċiżjoni PTEE (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-lum, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi (Responsabbiltà għall-azzjoni ta’ PTEE), C‑395/17, punt 97).

 Fuq l-obbligu li jiġi kkumpensat it-telf eventwali ta’ riżorsi proprji, skont l-Artikolu 4(3) TUE

96      Hija ġurisprudenza stabbilita li, skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, l-Istati Membri huma obbligati jħassru l-konsegwenzi illeċiti ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, huma l-awtoritajiet tal-Istati Membri li għandhom jieħdu, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħhom, il-miżuri kollha neċessarji sabiex jirrimedjaw ksur ta’ dan id-dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Ġunju 2007, Jonkman et, C‑231/06 sa C‑233/06, EU:C:2007:373, punti 37 u 38; tas‑26 ta’ Lulju 2017, Comune di Corridonia et, C‑196/16 u C‑197/16, EU:C:2017:589, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas‑27 ta’ Ġunju 2019, Belgisch Syndicaat van Chiropraxie et, C‑597/17, EU:C:2019:544, punt 54).

97      Sa fejn il-ħruġ ta’ ċertifikat EXP bi ksur tal-Artikolu 101(2) tad-Deċiżjoni PTEE jipprekludi, fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 220(2)(b) u fl-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali, lill-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ importazzjoni kkonċernat milli jiġbru d-dazji doganali li kellhom jiġbru fl-assenza ta’ tali ċertifikat EXP, it-telf ta’ riżorsi proprji tradizzjonali tal-Unjoni li jirriżulta minnu jikkostitwixxi l-konsegwenza illeċita ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tali telf għandu jiġi kkumpensat jew permezz ta’ riżorsi proprji oħra, jew permezz ta’ aġġustament tal-ispejjeż (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑15 ta’ Novembru 2005, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, C‑392/02, EU:C:2005:683, punt 54, u tal‑5 ta’ Ottubru 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑105/02, EU:C:2006:637, punt 88).

98      Għaldaqstant, l-Istat Membru li huwa responsabbli, fil-konfront tal-Unjoni, għall-ħruġ illegali ta’ tali ċertifikat għandu, skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, jieħu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jirrimedja dan il-ksur tad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, għandu jikkumpensa t-telf ta’ riżorsi proprji li jirriżulta minnu (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-lum, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi (Responsabbiltà għall-azzjoni ta’ PTEE), C‑395/17, punt 100).

99      Għal dak li jikkonċerna, b’mod iktar partikolari, il-kwistjoni dwar jekk l-ammont ta’ tali telf ta’ riżorsi proprji għandux, skont il-każ, jiżdied b’interessi moratorji, huwa biżżejjed li jiġi osservat li l-kumpens biss tal-ammont tad-dazji doganali li ma setgħux jinġabru ma jistax ikun biżżejjed sabiex jitħassru l-konsegwenzi illeċiti ta’ ħruġ illegali ta’ ċertifikat EXP.

100    Din l-interpretazzjoni ma tistax tiġi kkontestata bl-argument ibbażat fuq il-prinċipju ta’ ċertezza legali, invokat mir-Renju Unit, li jgħid li tali obbligu ta’ kumpens ma jistax jeżisti fl-assenza ta’ dispożizzjoni espressa dwar tali obbligu fid-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, l-obbligu li jiġi kkumpensat it-telf ta’ riżorsi proprji li jirriżulta minn ħruġ illegali ta’ ċertifikati EXP jikkostitwixxi biss espressjoni partikolari tal-obbligu, li jirriżulta mill-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, li jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji kollha sabiex jirrimedjaw ksur tad-dritt tal-Unjoni u jħassru l-konsegwenzi illeċiti tiegħu. Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza stabbilita mfakkra fil-punt 96 ta’ din is-sentenza, dan l-obbligu jestendi għall-konsegwenzi illeċiti kollha ta’ ksur ta’ dan id-dritt, b’mod partikolari għal dawk li huma ta’ natura finanzjarja, bħal dawk inkwistjoni f’dan il-każ.

101    Madankollu, l-interessi moratorji jibdew jiddekorru biss mid-data tat-talba mressqa lill-Istat Membru kkonċernat intiża sabiex jiġi kkumpensat it-telf ta’ riżorsi proprji.

102    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, għandu jiġi konkluż li l-Istat Membru li huwa responsabbli fil-konfront tal-Unjoni għal ħruġ illegali ta’ ċertifikati EXP minn PTEE li għalih huwa responsabbli huwa obbligat, skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, li jikkumpensa telf eventwali ta’ riżorsi proprji, miżjuda, jekk ikun il-każ, b’interessi moratorji.

 Fuq in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat

103    Il-Kummissjoni ssostni li, matul l‑1999, l-awtoritajiet ta’ Angwilla ħarġu tnax-il ċertifikat EXP bi ksur tal-Artikolu 101(2) tad-Deċiżjoni PTEE, li dan il-ħruġ illegali kkawża lill-Unjoni telf ta’ riżorsi proprji u li r-Renju Unit naqas mill-obbligu tiegħu li jikkumpensa dan it-telf.

104    Għal dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, l-allegata illegalità taċ-ċertifikati EXP inkwistjoni, il-Kummissjoni ssostni li d-Deċiżjonijiet REC 03/2004 u REM 03/2004 kif ukoll ir-rapport tal-OLAF tal‑2003 huma biżżejjed sabiex juru tali illegalità. Min-naħa l-oħra, skont ir-Renju Unit, hija l-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi, għall-finijiet ta’ dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, in-natura illegali ta’ kull wieħed minn dawn iċ-ċertifikati.

105    F’dan ir-rigward, għal dak li jikkonċerna d-Deċiżjonijiet REC 03/2004 u REM 03/2004, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 875 u l-Artikolu 908(3) tar-Regolament ta’ implimentazzjoni, meta l-Kummissjoni tadotta, bis-saħħa tal-Artikoli 873 u 907 ta’ dan ir-regolament, deċiżjoni li tistabbilixxi li s-sitwazzjoni eżaminata tippermetti li ma jkunx hemm dħul fil-kontijiet a posteriori tad-dazji inkwistjoni, hija tista’ tippreċiża l-kundizzjonijiet li fihom l-Istati Membri jistgħu jieħdu deċiżjoni simili f’każijiet li fihom ikun hemm punti ta’ fatt u ta’ liġi komparabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2017, Aqua Pro, C‑407/16, EU:C:2017:817, punt 68).

106    Id-Deċiżjonijiet REC 03/2004 u REM 03/2004 jikkostitwixxu deċiżjonijiet li jinkludu tali konstatazzjonijiet. F’dawn id-deċiżjonijiet, il-Kummissjoni kkonstatat li l-awtoritajiet ta’ Angwilla u ta’ Saint-Pierre u Miquelon kienu taw, matul il-perijodi kkonċernati, “għajnuna għat-trasport” li tammonta għal USD 25 għal kull tunnellata ta’ aluminju lill-operaturi ekonomiċi li, qabelxejn, kienu rrilaxxaw aluminju għal ċirkulazzjoni libera f’dawn il-PTEE u, sussegwentement, kienu esportaw mill-ġdid din il-merkanzija lejn l-Unjoni. Il-Kummissjoni qieset li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, il-ħlas ta’ tali għajnuna kellu rabta mal-ħlas preċedenti tad-dazji doganali u kien jikkostitwixxi ħlas lura parzjali ta’ dawn id-dazji, li kien jimplika li ċ-ċertifikati EXP maħruġa mill-imsemmija awtoritajiet kienu jmorru kontra t-tieni inċiż tal-Artikolu 101(2) tad-Deċiżjoni PTEE. Skont l-evalwazzjonijiet li jinsabu fl-imsemmija deċiżjonijiet, l-eżistenza ta’ “għajnuna għat-trasport” li għandha dawn il-karatteristiċi ġiet identifikata bħala l-element determinanti sabiex jiġi konkluż li kien hemm ksur ta’ din id-dispożizzjoni.

107    Issa, skont il-ġurisprudenza, l-evalwazzjonijiet ta’ fatt u ta’ liġi li jinsabu f’deċiżjoni, bħalma huma d-Deċiżjonijiet REC 03/2004 u REM 03/2004, huma imposti fuq il-korpi kollha tal-Istat Membru destinatarju tagħha u, taħt il-kundizzjonijiet ippreċiżati mill-Kummissjoni, fuq il-korpi tal-Istati Membri l-oħra, f’każijiet li fihom ikun hemm punti ta’ fatt u ta’ liġi komparabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑20 ta’ Novembru 2008, Heuschen wkoll Schrouff Oriental Foods Trading, C‑375/07, EU:C:2008:645, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas‑26 ta’ Ottubru 2017, Aqua Pro, C‑407/16, EU:C:2017:817, punt 69).

108    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, sa fejn rapport tal-OLAF ikun fih elementi rilevanti għal dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, l-aġir tal-awtoritajiet doganali tal-PTEE ta’ esportazzjoni, dan ir-rapport jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk każ partikolari jkollux punti ta’ fatt u ta’ liġi komparabbli ma’ dak li kien is-suġġett ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni meħuda fuq il-bażi tal-Artikoli 873 u 907 tar-Regolament ta’ implimentazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2017, Aqua Pro, C‑407/16, EU:C:2017:817, punti 55 u 70).

109    F’dan il-każ, għandu jiġi osservat li d-Deċiżjoni REC 03/2004 u r-rapport tal-OLAF tal‑2003 jikkonċernaw il-prattiki doganali tal-istess PTEE, jiġifieri Angwilla. Barra minn hekk, dan ir-rapport ikkonstata, fil-punt 4.2 tiegħu, li l-proċeduri doganali fis-seħħ f’Angwilla u, minkejja bidla fid-dettalji li jidhru fuq il-fatturi indirizzati minn Corbis lill-awtoritajiet ta’ dan il-PTEE, l-għoti ta’ inċentiv ekonomiku mħallas lill-importaturi tal-Unjoni fil-forma ta’ “għajnuna għat-trasport” kienu baqgħu l-istess matul l‑1998 u l‑1999. Barra minn hekk, iċ-ċertifikati EXP inkwistjoni nħarġu kollha matul l‑1999 mill-awtoritajiet ta’ Angwilla għal impriżi li l-punt 4.3 tal-imsemmi rapport identifika bħala benefiċjarji ta’ din l-għajnuna.

110    Għalhekk, il-konstatazzjonijiet li jidhru fir-rapport tal-OLAF tal‑2003 jippermettu li juru li l-awtoritajiet ta’ Angwilla kienu ħarġu ċ-ċertifikati EXP inkwistjoni filwaqt li taw tali “għajnuna għat-trasport”. Billi bbażat ruħha fuq dan ir-rapport, il-Kummissjoni għaldaqstant esponiet b’mod iddettaljat, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, li dawn iċ-ċertifikati kienu nħarġu f’sitwazzjoni li għandha punti ta’ fatt u ta’ liġi komparabbli ma’ dik li kienet is-suġġett tad-Deċiżjoni REC 03/2004.

111    Issa, għalkemm, fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu mibdija skont l-Artikolu 258 TFUE, hija l-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi l-eżistenza tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat billi tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-provi kollha neċessarji sabiex din tkun tista’ tivverifika l-eżistenza ta’ dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, mingħajr ma tista’ tibbaża ruħha fuq kwalunkwe preżunzjoni, meta l-Kummissjoni tkun ipproduċiet biżżejjed provi li juru li d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ma humiex applikati korrettament fil-prattika fit-territorju tal-Istat Membru konvenut, huwa dan tal-aħħar li għandu jikkontesta b’mod sostanzjali u ddettaljat il-provi hekk prodotti u l-konsegwenzi li jirriżultaw minnhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Jannar 2016, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C‑398/14, EU:C:2016:61, punti 47 u 48 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

112    Din il-ġurisprudenza tista’ tiġi applikata għal sitwazzjoni bħal dik li tikkaratterizza din il-kawża, kif jirriżulta mill-konklużjoni misluta fil-punt 95 ta’ din is-sentenza. Għaldaqstant, peress li l-Kummissjoni, kif jirriżulta mill-punt 110 ta’ din is-sentenza, esponiet b’mod iddettaljat, billi bbażat ruħha fuq ir-rapport tal-OLAF tal‑2003, li ċ-ċertifikati EXP inkwistjoni kienu nħarġu f’sitwazzjoni li għandha punti ta’ fatt u ta’ liġi komparabbli ma’ dik li kienet is-suġġett tad-Deċiżjoni REC 03/2004, hija ma kinitx obbligata tipproduċi, għal dan il-għan, prova partikolari għal kull wieħed minn dawn iċ-ċertifikati. Għall-kuntrarju, f’dawn iċ-ċirkustanzi, kien ir-Renju Unit li kellu jikkontesta b’mod sostanzjali u ddettaljat il-konstatazzjonijiet li jinsabu f’dan ir-rapport.

113    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, ir-Renju Unit ma ssodisfax dan ir-rekwiżit. Fil-fatt, billi sempliċement ifformula allegazzjonijiet ġenerali, bħal dawk imsemmija fil-punt 66 ta’ din is-sentenza, huwa ma ressaq ebda element konkret ta’ natura li jikkontesta l-konstatazzjoni, magħmula b’mod partikolari fid-Deċiżjoni REC 03/2004, li tgħid li l-għajnuna għat-trasport li, skont il-konstatazzjonijiet li jinsabu fir-rapport tal-OLAF tal‑2003, kienet ingħatat fil-kuntest tal-ħruġ ta’ ċertifikati EXP inkwistjoni, kellha titqies li hija ħlas lura parzjali tad-dazji doganali.

114    F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa stabbilit b’mod suffiċjenti fid-dritt li ċ-ċertifikati EXP inkwistjoni nħarġu mill-awtoritajiet ta’ Angwilla bi ksur tal-Artikolu 101(2) tad-Deċiżjoni PTEE.

115    Fit-tieni lok, sabiex jintwera li l-ħruġ illegali taċ-ċertifikati EXP inkwistjoni wassal għal telf ta’ riżorsi proprji, il-Kummissjoni ressqet waqt it-trattazzjoni, minbarra dawn iċ-ċertifikati, b’mod partikolari, dikjarazzjonijiet ta’ importazzjoni li kienu ġew trażmessi lilha mill-awtoritajiet Taljani. Ir-Renju Unit jikkontesta li dawn id-dokumenti jistgħu jistabbilixxu t-telf effettiv ta’ riżorsi proprji invokat mill-Kummissjoni.

116    F’dan ir-rigward, ma huwiex ikkontestat bejn il-partijiet li l-importazzjoni ta’ aluminju li hija s-suġġett tad-Deċiżjoni REC 03/2004 twettqet fuq preżentazzjoni taċ-ċertifikati EXP inkwistjoni lill-awtoritajiet Taljani. Barra minn hekk, l-indikazzjonijiet li jinsabu fuq dawn iċ-ċertifikati u fuq dawn id-dikjarazzjonijiet ta’ importazzjoni juru li, ħlief f’żewġ każijiet, l-imsemmija ċertifikati kollha ġew ippreżentati lill-awtoritajiet Taljani għall-finijiet ta’ importazzjoni ta’ aluminju fl-Unjoni ħielsa minn dazji doganali. Fil-fatt, id-deskrizzjoni identika tal-merkanzija inkwistjoni u tal-oriġini tagħha, l-identità tal-bastiment użat u tal-impriża li kienet qiegħda taġixxi bħala importatur tal-Unjoni u, b’mod partikolari, iċ-ċirkustanza li l-imsemmija dikjarazzjonijiet ta’ importazzjoni jsemmu n-numru ta’ referenza tal-imsemmija ċertifikati EXP juru li dawn ġew effettivament ippreżentati lil dawn l-awtoritajiet.

117    Għalhekk, bl-eċċezzjoni ta’ żewġ każijiet, il-Kummissjoni stabbilixxiet, billi bbażat ruħha fuq iċ-ċertifikati EXP inkwistjoni u fuq id-dikjarazzjonijiet ta’ importazzjoni, li dawn iċ-ċertifikati EXP kollha kienu ġew ippreżentati lill-awtoritajiet Taljani.

118    Għalkemm il-Kummissjoni rrikonoxxiet, bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti tal-Ġustizzja, li d-dokumenti annessi mar-rikors tagħha ma jkoprux l-importazzjonijiet kollha ta’ aluminju li hija tinvoka għall-finijiet tar-rikors tagħha għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, għandu jiġi osservat li r-rikors tal-Kummissjoni ma jinkludix talba ddefinita kwantitattivament. Barra minn hekk, waqt is-seduta, hija enfasizzat li r-rikors tagħha huwa intiż sabiex jiġi kkonstatat li r-Renju Unit naqas milli jwettaq l-obbligu tiegħu ta’ kooperazzjoni leali billi rrifjuta, bħala prinċipju nnifsu, kull kumpens tat-telf ta’ riżorsi proprji li jirriżulta mill-ħruġ illegali taċ-ċertifikati EXP inkwistjoni, irrispettivament mill-ammont ta’ dan it-telf.

119    Peress li huwa paċifiku li r-Renju Unit ma wettaq ebda kumpens ta’ din in-natura, ma hemmx lok li jiġu identifikati, għall-finijiet ta’ din il-proċedura, l-importazzjonijiet kollha ta’ aluminju mwettqa fl-Unjoni fuq preżentazzjoni taċ-ċertifikati EXP inkwistjoni u lanqas l-ammont tat-telf ta’ riżorsi proprji li rriżulta minnhom.

120    Għal dak li jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk il-ħruġ taċ-ċertifikati EXP inkwistjoni kienx wassal, ċertament, għal telf ta’ riżorsi proprji, għandu jiġi osservat li dawn iċ-ċertifikati EXP, maħruġa b’mod illegali, wasslu lill-awtoritajiet Taljani sabiex jaċċettaw l-importazzjoni fl-Unjoni ħielsa minn dazji doganali tal-aluminju minn Angwilla u sabiex jagħtu deċiżjonijiet ta’ maħfra u ta’ ħlas lura tad-dazji doganali.

121    Ir-Renju Unit jikkontesta l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn il-ħruġ illegali taċ-ċertifikati EXP inkwistjoni u dan it-telf ta’ riżorsi proprji. Huwa jsostni, essenzjalment, li l-awtoritajiet Taljani setgħu jevitaw dan it-telf li kieku, minn naħa, segwew ir-rakkomandazzjonijiet li jinsabu fil-komunikazzjoni dwar l-għajnuna reċiproka u, min-naħa l-oħra, ikkonstataw li r-rekwiżiti relatati mal-aġir tal-operaturi kkonċernati, hekk kif ippreċiżati fil-punt 31 tad-Deċiżjoni REC 03/2004, ma kinux issodisfatti.

122    Madankollu, l-eżistenza ta’ din ir-rabta kawżali ma tistax tiġi kkontestata mis-sempliċi ċirkustanza, invokata mir-Renju Unit, li l-operaturi kkonċernati kienu eventwalment jirrifjutaw l-importazzjoni tal-merkanzija inkwistjoni fl-Unjoni li kieku l-awtoritajiet Taljani segwew ir-rakkomandazzjonijiet li jinsabu fil-komunikazzjoni dwar l-għajnuna reċiproka. Bl-istess mod, l-allegazzjoni tar-Renju Unit li l-awtoritajiet Taljani kellhom jirkupraw id-dazji doganali jekk ikkonstataw li l-operaturi kkonċernati ma kinux issodisfaw ir-rekwiżiti ppreċiżati fil-punt 31 tad-Deċiżjoni REC 03/2004 tirrigwarda ipoteżi differenti minn dik li tikkaratterizza din il-kawża, fejn dawn l-awtoritajiet, kif ġie espost, essenzjalment, fil-punt 47 ta’ din is-sentenza, ħafru jew ħallsu lura d-dazji doganali abbażi ta’ din id-deċiżjoni.

123    Barra minn hekk, ir-Renju Unit isostni li l-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ amministrazzjoni tajba jipprekludu, f’dan il-każ, il-possibbiltà li jiġi kkonstatat nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu li jiġi kkumpensat dan it-telf, peress li l-Kummissjoni astjeniet milli titlob tali kumpens f’terminu raġonevoli konformement mal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tat‑13 ta’ Novembru 2014, Nencini vs Il-Parlament (C‑447/13 P, EU:C:2014:2372, punt 48).

124    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-ġurisprudenza li rriżultat mis-sentenza ċċitata fil-punt preċedenti tikkonċerna l-Artikolu 85b tar-Regolament ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxi l-bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin tal-Artikolu 73a tar-Regolament finanzjarju għad-data ta’ skadenza kkomunikata lid-debitur fin-nota ta’ debitu.

125    Fl-imsemmija sentenza, huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, meta t-testi applikabbli jkunu siekta, il-prinċipju ta’ ċertezza legali jeżiġi li l-istituzzjoni kkonċernata tagħmel din il-komunikazzjoni f’terminu raġonevoli, filwaqt li tippreċiża li t-terminu ta’ komunikazzjoni ta’ nota ta’ debitu għandu jiġi preżunt irraġonevoli meta din il-komunikazzjoni sseħħ lil hinn minn perijodu ta’ ħames snin li jibda jiddekorri mill-mument li fih l-istituzzjoni ġeneralment setgħet titlob il-kreditu tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Novembru 2014, Nencini vs Il-Parlament, C‑447/13 P, EU:C:2014:2372, punti 48 u 49).

126    Madankollu, mingħajr ma hemm lok li jiġi eżaminat jekk l-Artikolu 73a tar-Regolament finanzjarju u l-Artikolu 85b tar-Regolament ta’ implimentazzjoni japplikawx għall-obbligu li jiġi kkumpensat telf ta’ riżorsi proprji skont l-Artikolu 4(3) TUE, bħal dak inkwistjoni f’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni, fi kwalunkwe każ, ma qabżitx it-terminu ta’ ħames snin li lil hinn minnu t-terminu ta’ komunikazzjoni ta’ nota ta’ debitu għandu jiġi preżunt irraġonevoli skont il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza ċċitata fil-punt preċedenti. Fil-fatt, sa fejn, kif jirriżulta mill-Artikolu 875 u mill-Artikolu 908(3) tar-Regolament ta’ implimentazzjoni, kienu l-awtoritajiet Taljani li kellhom jimplimentaw id-Deċiżjonijiet REC 03/2004 u REM 03/2004 u jiddeċiedu dwar il-ħlas lura jew il-maħfra tad-dazji doganali relatati mal-importazzjonijiet ta’ aluminju minn Angwilla, il-Kummissjoni ma kinitx f’pożizzjoni li titlob lir-Renju Unit jikkumpensa t-telf ta’ riżorsi proprji li jirriżulta minnu qabel ma l-awtoritajiet Taljani informawha dwar id-deċiżjonijiet li kienu ħadu. Issa, huwa paċifiku bejn il-partijiet li l-awtoritajiet Taljani pprovdew din l-informazzjoni lill-Kummissjoni, kif ġie espost fil-punt 47 ta’ din is-sentenza, fl‑2006 u fl‑2007. Għaldaqstant, għandu jitqies li din osservat l-imsemmi terminu meta talbet lir-Renju Unit iwettaq dan il-kumpens fl‑2010.

127    Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li, billi ma kkumpensax it-telf ta’ riżorsi proprji li jirriżulta mill-ħruġ illegali, fid-dawl tad-Deċiżjoni PTEE, mill-awtoritajiet ta’ Angwilla, ta’ ċertifikati EXP għal dak li jikkonċerna importazzjonijiet ta’ aluminju minn Angwilla matul il-perijodu 1999/2000, ir-Renju Unit naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 4(3) TUE.

 Fuq l-ispejjeż

128    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-Renju Unit tilef, hemm lok li huwa jiġi kkundannat għall-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

129    Skont l-Artikolu 140(1) tal-istess Regoli tal-Proċedura, li jipprovdi li l-Istati Membri intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għandu jbati l-ispejjeż tiegħu stess.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Billi ma kkumpensax it-telf ta’ riżorsi proprji li jirriżulta mill-ħruġ illegali, fid-dawl tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 91/482/KEE tal25 ta’ Lulju 1991 dwar l-assoċjazzjoni tal-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej mal-Komunità Ekonomika Ewropea, mill-awtoritajiet ta’ Angwilla, ta’ ċertifikati ta’ esportazzjoni EXP għal dak li jikkonċerna importazzjonijiet ta’ aluminju minn Angwilla matul il-perijodu 1999/2000, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 4(3) TUE.

2)      Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq huwa kkundannat għall-ispejjeż.

3)      Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għandu jbati l-ispejjeż tiegħu stess.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.