Language of document : ECLI:EU:C:2021:910

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

11 ta’ Novembru 2021 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 168 – Dritt għal tnaqqis – Artikolu 199 – Sistema ta’ reverse charge – Prinċipju ta’ newtralità fiskali – Kundizzjonijiet sostantivi li jirregolaw id-dritt għal tnaqqis – Kwalità ta’ persuna taxxabbli tal-fornitur – Oneru tal-prova – Frodi – Prattika abbużiva – Fattura li ssemmi fornitur fittizju”

Fil-Kawża C‑281/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑11 ta’ Frar 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑26 ta’ Ġunju 2020, fil-proċedura

Ferimet SL

vs

Administración General del Estado,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn E. Regan, President tal-Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal‑Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Mħallef tal-Ħames Awla, C. Lycourgos, President tar-Raba’ Awla, I. Jarukaitis (Relatur) u M. Ilešič, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Ferimet SL, minn M. A. Montero Reiter, procurador, u F. Juanes Ródenas, abogado,

–        għall-Gvern Spanjol, minn S. Jiménez García, bħala aġent,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, J. Vláčil u O. Serdula, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Lozano Palacios u J. Jokubauskaitė, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 168 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60), moqri flimkien, fejn xieraq, ma’ dispożizzjonijiet oħra tagħha, u mal‑prinċipju ta’ newtralità fiskali.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Ferimet SL u l-Administración General del Estado (l-Amministrazzjoni Ġenerali tal-Istat, Spanja) dwar id-dritt għal tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) relatata ma’ kunsinna ta’ materjali rkuprati mwettqa matul is-sena 2008.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        L-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2006/112 jipprevedi:

“‘Persuna taxxabbli’ għandha tfisser kull persuna li, b’mod indipendenti, twettaq fi kwalunkwe post kwalunkwe attività ekonomika, ikun x’ikun l-iskop jew ir-riżultati ta’ dik l-attività.

Kwalunkwe attività ta’ produtturi, kummerċjanti jew persuni li jagħtu servizzi, inklużi attivitajiet fil-minjieri u fl-agrikoltura u attivitajiet fil-professjonijiet, għandhom jitqiesu bħala ‘attività ekonomika’. L-isfruttament ta’ proprjetà tanġibbli jew intanġibbli għal skopijiet ta’ dħul minnha fuq bażi kontinwa għandha b’mod partikolari titqies bħala attività ekonomika.”

4        L-Artikolu 168 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“Sakemm il-merkanzija u s-servizzi jintużaw għall-iskopijiet tat-transazzjonijiet taxxabbli ta’ persuna taxxabbli, il-persuna taxxabbli għandha tkun intitolata, fl-Istat Membru li fih twettaq dawn it-transazzjonijiet, li tnaqqas mll-VAT li għandha tħallas dan li ġej:

a)      il-VAT dovuta jew imħallsa f’dak l-Istat Membru rigward provvisti li sarulha ta’ merkanzija jew servizzi, li twettqu jew li għad iridu jitwettqu minn persuna taxxabli oħra;

[…]”

5        Skont l-Artikolu 178 tal-imsemmija direttiva:

“Biex teżerċita d-dritt ta’ tnaqqis, persuna taxxabbli għandha tissodisfa l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)      għall-finijiet ta’ tnaqqis skond l-Artikolu 168(a), fir-rigward tal-provvista ta’ merkanzija jew servizzi, hi għandha jkollha fattura imħejjija skond l-Artikoli 220 sa 236 u l-Artikoli 238, 239 u 240;

[…]

(f)      meta tkun meħtieġa tħallas il-VAT bħala konsumatur fejn japplikaw l-Artikoli 194 sa 197 u l-Artikolu 199, hi għandha tkun konformi mal-formalitajiet kif stabbiliti minn kull Stat Membru.”

6        L-Artikolu 199(1) tad-Direttiva 2006/112 jipprevedi:

“L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT hija l-persuna taxxabbli li lilha jsiru l-fornimenti li ġejjin:

[…]

(d)      il-forniment ta’ materjal użat, materjal użat li ma jkunx jista’ jerġa’ jintuża fl-istess stat, ruttam, skart industrijali u mhux industrijali, skart riċiklabbli, skart semi-proċessat u ċerti prodotti u servizzi, kif elenkati fl-Anness VI;

[…]”

7        Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 273 tal-imsemmija direttiva:

“L-Istati Membri jistgħu jimponu obbligi oħrajn li jidhrulhom meħtieġa biex jiżguraw il-ġbir korrett ta’ VAT u biex ma ssirx frodi, soġġett għall-ħtieġa ta’ trattament indaqs bejn transazzjonijiet domestiċi u transazzjonijiet li jsiru bejn Stati Membri minn persuni taxxabbli u sakemm dawn l-obbligi, fin-negozju bejn Stati Membri, ma jagħtux lok għal formalitajiet konnessi mal-qsim ta’ fruntieri.”

 Id-dritt Spanjol

8        Il-punt 2(c) tal-Artikolu 84(1) tal-Ley 37/1992 del Impuesto sobre el Valor Añadido (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud), tat‑28 ta’ Diċembru 1992 (BOE Nru 312, tad‑29 ta’ Diċembru 1992, p. 44247), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-VAT”), jipprevedi li huma suġġetti għall-VAT l-imprendituri jew il-professjonisti li għalihom jitwettqu tranżazzjonijiet taxxabbli, fil-każ ta’ kunsinni ta’ skart industrijali, ta’ skart u ta’ ruttam, ta’ ħadid jew ta’ azzar, ta’ residwi jew materjali oħra rkuprati kkostitwiti minn metalli tal-ħadid u mhux tal-ħadid jew mil-ligi jew il-gagazzi tagħhom, kif ukoll irmied u residwi industrijali li jkun fihom ħadid jew liġi ta’ ħadid.

9        Skont il-punt 3 tal-Artikolu 92(1) tal-Liġi dwar il-VAT, il-persuni taxxabbli jistgħu jnaqqsu l-VAT dovuta fit-territorju tal-pajjiż fir-rigward ta’ taxxa tal-input li ġiet iffatturata fuqhom jew li tħallset minnhom fuq kunsinni ta’ oġġetti msemmija fil-punt 2 tal-Artikolu 84(1) ta’ din il-liġi mill-VAT dovuta għat-tranżazzjonijiet suġġetti għat-taxxa mwettqa fil-pajjiż.

10      L-Artikolu 97 tal-imsemmija liġi jipprovdi:

“1.      Il-kummerċjanti u l-professjonisti jistgħu jeżerċitaw id-dritt għal tnaqqis biss jekk ikunu fil-pussess tad-dokument li jiġġustifika d-dritt tagħhom.

Għal dan il-għan, huma biss id-dokumenti li ġejjin li jitqiesu bħala dokumenti li jiġġustifikaw id-dritt tagħhom għal tnaqqis:

[…]

4º      il-fattura maħruġa mill-persuna taxxabbli fil-każijiet previsti fl-Artikolu 165(1) ta’ din il-liġi. […]

2.      Id-dokumenti preċedenti li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet kollha stabbiliti b’liġi jew regolament ma jiġġustifikawx id-dritt għal tnaqqis […].

[…]”.

11      Skont l-Artikolu 165(1) tal-Liġi dwar il-VAT, “fil-każijiet imsemmija fil-punt 2 tal-Artikolu 84(1) […] ta’ din il-liġi, fattura li tkun tinkludi l-istima tat-taxxa hija mehmuża mal-fattura maħruġa, jekk ikun il-każ, mill-persuna li tkun ikkunsinnat l-oġġetti jew ipprovdiet is-servizzi kkonċernati jew irċevuta tat-tranżazzjoni. Din il-fattura għandha tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti b’mod leġiżlattiv”.

 It-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

12      Ferimet iddikjarat li kienet akkwistat, matul is-sena 2008, mingħand il‑kumpannija Reciclatges de Terra Alta materjali rkuprati (ruttam), filwaqt li indikat li t-tranżazzjoni kienet suġġetta għas-sistema ta’ reverse charge tal-VAT u ħarġet il-fattura korrispondenti.

13      Waqt kontroll, l-Inspección de los Tributos (l-Ispettorat tat-Taxxi, Spanja) ikkonstata b’mod partikolari li l-impriża indikata fuq il-fattura bħala fornitur ta’ dawn il-materjali ma kellhiex, fil-fatt, ir-riżorsi materjali u umani neċessarji għall‑kunsinna tagħhom u qieset li l-fatturi maħruġa minn Ferimet kellhom jitqiesu bħala foloz. Fil-fehma tiegħu, minkejja li l-imsemmija materjali kienu, mingħajr dubju, ġew ikkunsinnati, it-tranżazzjoni inkwistjoni kienet tikkostitwixxi simulazzjoni, peress li l-fornitur reali tagħhom kien ġie deliberatament moħbi. Għal dawn ir-raġunijiet, l-Ispettorat tat-Taxxi ddeċieda li ma kienx hemm dritt għal tnaqqis tal-VAT fir-rigward ta’ din it-tranżazzjoni u ħareġ, għas-sena finanzjarja 2008, avviż ta’ impożizzjoni ta’ ammont ta’ EUR 140 441.71, flimkien ma’ sanzjoni li tammonta għal EUR 140 737.68.

14      Peress li t-Tribunal Económico-Administrativo Regional de Cataluña (il-Qorti Fiskali Reġjonali ta’ Cataluña, Spanja) ċaħdet l-appell tagħha kontra dan l-avviż ta’ taxxa u kontra din is-sanzjoni, Ferimet ippreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni ta’ ċaħda quddiem it-Tribunal Superior de Justicia de Cataluña (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Cataluña, Spanja). Quddiem din tal-aħħar, Ferimet sostniet li r-realtà tax-xiri tal-materjali rkuprati inkwistjoni kienet stabbilita, li r-riferiment fuq fattura ta’ fornitur fittizju kien kwistjoni ta’ sempliċi rekwiżit formali peress li l-akkwist seħħ materjalment, li d-dritt għal tnaqqis tal-VAT ma jistax jiġi rrifjutat meta r-realtà tat-tranżazzjoni hija stabbilita u meta s-sistema ta’ reverse charge applikata f’dan il-każ tiggarantixxi mhux biss il-ġbir tal-VAT u l-kontroll tagħha, iżda wkoll l-assenza ta’ kwalunkwe vantaġġ fiskali għall-persuna taxxabbli.

15      Permezz ta’ sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2017, it-Tribunal Superior de Justicia de Cataluña (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Cataluña) ċaħdet ir-rikors ta’ Ferimet minħabba li l-ispezzjoni tat-taxxi kienet uriet b’mod suffiċjenti l-ħabi tal‑fornitur, li l-indikazzjoni ta’ dan tal-aħħar ma tistax titqies bħala kwistjoni purament formali, peress li tikkostitwixxi element li jippermetti li tiġi kkontrollata r-regolarità tal-katina tal-VAT u li hija taffettwa, konsegwentement, il-prinċipju ta’ newtralità tat-taxxa. Dik il-qorti rrilevat ukoll li, għalkemm huwa minnu li s‑sistema ta’ reverse charge ma twassalx, fil-prinċipju, għal telf ta’ dħul fiskali, id‑dritt għal tnaqqis tal-VAT huwa madankollu suġġett għall-osservanza ta’ kundizzjonijiet sostantivi, fosthom il-fatt li l-persuna msemmija tkun realment il‑fornitur.

16      Ferimet imbagħad appellat quddiem it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja), il-qorti tar-rinviju, li quddiemha hija ssostni li l-leġiżlazzjoni nazzjonali u Ewropea kif ukoll il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja neċessarjament iwasslu sabiex jiġi kkunsidrat li hija kellha d-dritt li tnaqqas il-VAT relatata mal-akkwist tal-materjali rkuprati inkwistjoni. Hija ssostni, f’dan ir-rigward, li hija kienet id‑destinatarja vera ta’ dawn tal-aħħar, li hija effettivament xtrathom u rċeviethom u li ma setax kien hemm telf ta’ dħul fiskali, għaliex, peress li kienet suġġetta għas-sistema ta’ reverse charge, la hija u lanqas il-fornitur tagħha ma kienu responsabbli għall-ħlas tal-VAT.

17      Il-Gvern Spanjol isostni quddiem dik il-qorti li r-riferiment fuq fattura ta’ fornitur fittizju juri l-eżistenza ta’ simulazzjoni, li l-ħabi tal-identità tal-fornitur reali għandu jitqies li huwa marbut ma’ frodi kemm tal-VAT kif ukoll tat-taxxi diretti u li Ferimet ma wrietx l-assenza ta’ vantaġġ fiskali li hija tinvoka.

18      Il-qorti tar-rinviju tesponi li t-tilwima li tressqet quddiemha tirrigwarda l‑possibbiltà ta’ tnaqqis tal-VAT li Ferimet innifisha għaddiet u sostniet billi ħarġet fattura fil-kuntest tas-sistema ta’ reverse charge, filwaqt li, minkejja li t‑tranżazzjoni inkwistjoni fil-fatt twettqet, il-fornitur reali tal-imsemmija materjali rkuprati ġie madankollu moħbi permezz tal-indikazzjoni, fuq din il-fattura, ta’ fornitur fittizju jew ineżistenti.

19      Dik il-qorti tqis li din it-tilwima titlob li jiġi ddeterminat, l-ewwel nett, jekk l‑indikazzjoni tal-fornitur tal-oġġetti kkonċernati tikkostitwixxix kundizzjoni purament formali tad-dritt għal tnaqqis tal-VAT, it-tieni nett, liema huma l‑konsegwenzi tal-indikazzjoni ta’ identità falza tal-fornitur u tal-għarfien, mill‑akkwirent, tan-natura falza ta’ din l-indikazzjoni u, it-tielet nett, jekk il‑ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja timplikax neċessarjament li t-tnaqqis tal‑VAT ma jistax jiġi rrifjutat, inkluż f’każ ta’ mala fide, ħlief meta jkun hemm riskju ta’ telf ta’ dħul fiskali għall-Istat Membru, filwaqt li, taħt is-sistema ta’ reverse charge, il-persuna taxxabbli ma hija, fil-prinċipju, responsabbli għall-ħlas tal-ebda VAT lit-Teżor Pubbliku.

20      Skont l-imsemmija qorti, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma timplikax neċessarjament li d-dritt għal tnaqqis tal-VAT qatt ma jista’ jiġi rrifjutat fil-każ fejn is-sistema ta’ reverse charge tiġi applikata u fejn ir-realtà materjali tal‑kunsinni tal-oġġetti kkonċernati kif ukoll l-akkwist tagħhom mill-persuna taxxabbli huma stabbiliti. Minn din il-ġurisprudenza lanqas ma jirriżulta li r‑riferiment għal fornitur fuq il-fattura huwa indikazzjoni purament formali, mingħajr importanza għall-finijiet tal-eżerċizzju ta’ dan id-dritt meta t‑tranżazzjoni kkonċernata tkun reali.

21      Barra minn hekk, fir-rigward tal-vantaġġ fiskali, li l-eżistenza tiegħu tikkostitwixxi kundizzjoni għar-rifjut tad-dritt għal tnaqqis tal-VAT, il-qorti tar‑rinviju tirrileva li mill-imsemmija ġurisprudenza ma jirriżultax li dan il‑vantaġġ jikkonċerna biss lill-persuna taxxabbli li titlob it-tnaqqis u mhux, skont il-każ, parteċipanti oħra fit-tranżazzjoni li tagħti lok għal dan it-tnaqqis. Hija tikkunsidra li ma hemmx neċessarjament lok li jiġi injorat l-aġir tal-fornitur meta tqum il-kwistjoni dwar jekk persuna taxxabbli setgħetx tinvoka l-benefiċċju tad‑dritt għal tnaqqis fil-kuntest tal-applikazzjoni tas-sistema ta’ reverse charge, b’mod partikolari meta t-taxxa diretta tista’ tiġi pperikolata.

22      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li t-tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal‑Ġustizzja:

“1)      L-Artikolu 168 tad-[Direttiva 2006/112], flimkien, skont il-każ, ma’ dispożizzjonijiet oħra tagħha, u l-prinċipju ta’ newtralità fiskali li jirriżulta minn din id-direttiva, kif interpretat mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jawtorizzawx it-tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa minn kummerċant li joħroġ, taħt is-sistema ta’ reverse charge, it-titolu ġustifikattiv (il-fattura) ta’ tranżazzjoni ta’ akkwist ta’ oġġetti li jwettaq billi jinkorpora f’dan it-titolu fornitur fittizju, meta jiġi stabbilit li l-kummerċant inkwistjoni jkun wettaq effettivament l-akkwist u li jkun uża l-materjal akkwistat għall-attività tiegħu jew għall-iskambji kummerċjali tiegħu?

2)      Fil-każ li prattika bħal dik deskritta (u li l-persuna kkonċernata titqies li taf biha) tista’ tiġi kklassifikata bħala abbużiva jew frawdolenti għall-finijiet tar-rifjut tat-tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa, ir-rifjut ta’ dan it-tnaqqis jirrikjedi li tiġi stabbilita debitament l-eżistenza ta’ vantaġġ fiskali inkompatibbli mal-għanijiet tas-sistema tal-VAT?

3)      Fl-aħħar nett, fil-każ li tali prova tkun neċessarja, il-vantaġġ fiskali li jippermetti li jiġi rrifjutat it-tnaqqis, li għandu, skont il-każ, jiġi vverifikat każ b’każ, għandu jirrigwarda esklużivament il-persuna taxxabbli nnifisha (jiġifieri l-akkwirent tal-oġġetti) jew jista’ jirrigwarda eventwalment parteċipanti oħra fit-tranżazzjoni kkunsidrata?”

 Fuq id-domandi preliminari

23      Permezz tat-tliet domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 2006/112, moqrija flimkien mal-prinċipju ta’ newtralità fiskali, għandhiex tiġi interpretata fis-sens li għandu jiġi rrifjutat lil persuna taxxabbli l-eżerċizzju tad-dritt għal tnaqqis tal-VAT marbuta mal-akkwist ta’ oġġetti kkunsinnati lilha, meta din il-persuna taxxabbli, b’għarfien ta’ dak li kienet qiegħda tagħmel, tkun semmiet fornitur fittizju fuq il‑fattura li hija stess ħarġet għal din it-tranżazzjoni fil-kuntest tal-applikazzjoni tas‑sistema ta’ reverse charge.

24      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, qabel kollox, jekk l-indikazzjoni tal-fornitur, fuq il‑fattura relatata mal-oġġetti li fir-rigward tagħhom huwa eżerċitat id-dritt għal tnaqqis tal-VAT, tikkostitwixxix kundizzjoni purament formali. Sussegwentement, hija tistaqsi dwar il-konsegwenzi, fir-rigward tal-eżerċizzju ta’ dan id-dritt, tal-ħabi, mill-persuna taxxabbli, tal-fornitur reali ta’ dawn l-oġġetti, fil-każ fejn ir-realtà tal-kunsinna tagħhom u dik tal-użu tagħhom downstream minn din il-persuna taxxabbli għall-bżonnijiet tat-tranżazzjonijiet intaxxati tagħha ma humiex ikkontestati. Fl-aħħar nett, hija tistaqsi jekk l-eżerċizzju tad-dritt għal tnaqqis jistax jiġi rrifjutat lill-persuna taxxabbli b’mala fide biss fil-każ fejn jeżisti riskju ta’ telf ta’ dħul fiskali għall-Istat Membru kkonċernat u vantaġġ fiskali għal din il-persuna taxxabbli jew għal parteċipanti oħra fit-tranżazzjoni inkwistjoni.

25      Qabelxejn, għandu jiġi enfasizzat li d-domandi magħmula jirrigwardaw esklużivament l-eżerċizzju tad-dritt għal tnaqqis u mhux il-punti dwar jekk, f’ċirkustanzi bħal dawk imsemmija mill-qorti tar-rinviju, għandhiex tiġi imposta sanzjoni pekunjarja fir-rigward tal-persuna taxxabbli kkonċernata minħabba li kisret ċerti rekwiżiti imposti mid-Direttiva 2006/112 jew jekk tali sanzjoni hijiex konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

26      Għaldaqstant, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li d-dritt għal tnaqqis tal-VAT huwa suġġett għall-osservanza ta’ kundizzjonijiet kemm sostantivi kif ukoll formali. Fir‑rigward tal-kundizzjonijiet sostantivi, mill-Artikolu 168(a) tad‑Direttiva 2006/112 jirriżulta li, sabiex tkun tista’ tibbenefika mill-imsemmi dritt, hemm bżonn, minn naħa, li l-persuna kkonċernata tkun “persuna taxxabbli”, fis-sens ta’ din id-direttiva. Min-naħa l-oħra, jeħtieġ li, upstream, l-oġġetti jew is‑servizzi invokati bħala bażi għad-dritt għal tnaqqis ikunu kkunsinnati jew ipprovduti minn persuna taxxabbli oħra u li, downstream, dawn l-oġġetti jew dawn is-servizzi jintużaw mill-persuna taxxabbli għall-bżonnijiet tat‑tranżazzjonijiet intaxxati tagħha stess. Fir-rigward tal-modalitajiet tal‑eżerċizzju tad-dritt għal tnaqqis tal-VAT, li huma simili għal kundizzjonijiet ta’ natura formali, l-Artikolu 178(a) tal-imsemmija direttiva jipprevedi li l-persuna taxxabbli għandu jkollha fattura stabbilita skont l-Artikoli 220 sa 236 u skont l‑Artikoli 238 sa 240 ta’ din (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Settembru 2016, Senatex, C‑518/14, EU:C:2016:691, punti 28 u 29 kif ukoll il‑ġurisprudenza ċċitata; tal-21 ta’ Novembru 2018, Vădan, C‑664/16, EU:C:2018:933, punti 39 u 40, kif ukoll id-digriet tat-3 ta’ Settembru 2020, Vikingo Fővállalkozó, C‑610/19, EU:C:2020:673, punt 43).

27      Minn dan jirriżulta li l-indikazzjoni tal-fornitur, fuq il-fattura relatata mal-oġġetti jew mas-servizzi li fir-rigward tagħhom jiġi eżerċitat id-dritt għal tnaqqis tal‑VAT, tikkostitwixxi kundizzjoni formali għall-eżerċizzju ta’ dan id-dritt. Min‑naħa l-oħra, il-kwalità ta’ persuna taxxabbli tal-fornitur tal-oġġetti jew tas‑servizzi taqa’, kif josservaw il-Gvern Spanjol u l-Gvern Ċek, taħt il‑kundizzjonijiet sostantivi tiegħu.

28      Fir-rigward, b’mod speċifiku, tal-metodi għall-eżerċizzju tad-dritt għal tnaqqis tal‑VAT fi proċedura ta’ reverse charge li taqa’ taħt l-Artikolu 199(1) tad‑Direttiva 2006/112, persuna taxxabbli, li bħala xerrej ta’ proprjetà, hija suġġetta għall-VAT relatata magħha, ma hijiex obbligata jkollha fattura maħruġa skont il-kundizzjonijiet formali ta’ din id-direttiva, sabiex tkun tista’ teżerċita d‑dritt għal tnaqqis tagħha, u għandha biss tissodisfa l-formalitajiet stabbiliti mill‑Istat Membru kkonċernat fl-eżerċizzju tal-għażla li hija għandha taħt l‑imsemmi Artikolu 178(f) tad-direttiva msemmija (sentenza tas-26 ta’ April 2017, Farkas, C‑564/15, EU:C:2017:302, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29      F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-persuna taxxabbli semmiet, b’għarfien ta’ dak li kienet qiegħda tagħmel, fornitur fittizju fuq il-fattura inkwistjoni fil-kawża prinċipali, u dan ipprekluda lill-Inspección de los Tributos (l-Ispettorat tat-Taxxi) milli jidentifika l-fornitur reali u, għaldaqstant, li jistabbilixxi l-kwalità ta’ persuna taxxabbli ta’ dan tal-aħħar bħala kundizzjoni sostantiva tad-dritt għal tnaqqis tal-VAT.

30      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-konsegwenzi li jirriżultaw mill-ħabi mill-persuna taxxabbli tal-fornitur reali, għandu jitfakkar li s-sistema ta’ tnaqqis hija intiża sabiex ittaffi kompletament lill-imprenditur mill-piż tal-VAT dovuta jew imħallsa fil-kuntest tal-attivitajiet ekonomiċi kollha tiegħu. Is-sistema komuni tal-VAT konsegwentement tiggarantixxi n-newtralità fir-rigward tal-piż fiskali tal‑attivitajiet ekonomiċi kollha, irrispettivament mill-għanijiet jew mir-riżultati ta’ dawn l-attivitajiet, sakemm l-imsemmija attivitajiet ikunu, fil-prinċipju, huma stess suġġetti għall-VAT (digriet tat-3 ta’ Settembru 2020, Vikingo Fővállalkozó, C‑610/19, EU:C:2020:673, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dritt tal-persuni taxxabbli li jnaqqsu, mill-VAT li huma għandhom iħallsu, il-VAT dovuta jew imħallsa għall-oġġetti akkwistati u għas-servizzi rċevuti minnhom upstream jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tas-sistema komuni tal-VAT. Kif iddeċidiet repetutament il-Qorti tal-Ġustizzja, id-dritt għal tnaqqis previst fl-Artikoli 167 et seq. tad‑Direttiva 2006/112 jagħmel parti integrali mill-mekkaniżmu tal-VAT u ma jistax, fil-prinċipju, jiġi limitat ladarba r-rekwiżiti jew il-kundizzjonijiet kemm sostantivi kif ukoll formali li għalihom huwa suġġett dan id-dritt ikunu osservati mill-persuni taxxabbli li jixtiequ jeżerċitawh (digriet tat-3 ta’ Settembru 2020, Vikingo Fővállalkozó, C‑610/19, EU:C:2020:673, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32      Għalkemm, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 273 tad-Direttiva 2006/112, l‑Istati Membri jistgħu jipprevedu obbligi oħra minbarra dawk previsti minn din id-direttiva meta huma jqisu dawn l-obbligi neċessarji sabiex jiġi żgurat il-ġbir korrett tal-VAT u sabiex tiġi evitata l-evażjoni, il-miżuri adottati mill-Istati Membri ma għandhomx madankollu jmorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu tali għanijiet. Għaldaqstant, huma ma jistgħux jintużaw b’mod li jippreġudikaw sistematikament id-dritt għat-tnaqqis tal-VAT u, għaldaqstant, in‑newtralità tal-VAT (digriet tat-3 ta’ Settembru 2020, Vikingo Fővállalkozó, C‑610/19, EU:C:2020:673, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33      B’dan il-mod, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-prinċipju fundamentali ta’ newtralità tal-VAT jeżiġi li t-tnaqqis ta’ din it-taxxa tal-input jingħata jekk il‑kundizzjonijiet sostantivi jkunu ssodisfatti, minkejja li l-persuni taxxabbli jkunu naqsu milli jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet formali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Settembru 2016, Senatex, C‑518/14, EU:C:2016:691, punt 38, u tad-19 ta’ Ottubru 2017, Paper Consult, C‑101/16, EU:C:2017:775, punt 41).

34      Għalhekk, meta l-awtorità fiskali jkollha l-informazzjoni neċessarja sabiex tistabbilixxi li l-kundizzjonijiet sostantivi huma ssodisfatti, din ma tistax, fir‑rigward tad-dritt tal-persuna taxxabbli li tnaqqas l-imsemmija taxxa, timponi kundizzjonijiet supplimentari li jista’ jkollhom l-effett li jirrendu ineffettiv dan id‑dritt (sentenza tal-15 ta’ Settembru 2016, Barlis 06 – Investimentos Imobiliários e Turísticos (C‑516/14, EU:C:2016:690, punt 42).

35      Dawn il-kunsiderazzjonijiet japplikaw, b’mod partikolari, fil-kuntest tal‑applikazzjoni tas-sistema ta’ reverse charge (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-1 ta’ April 2004, Bockemühl, C‑90/02, EU:C:2004:206, punti 50 u 51; tat-8 ta’ Mejju 2008, Ecotrade, C‑95/07 u C‑96/07, EU:C:2008:267, punti 62 sa 64, kif ukoll tas-6 ta’ Frar 2014, Fatorie, C‑424/12, EU:C:2014:50, punti 34 u 35).

36      Madankollu, il-każ jista’ jkun differenti jekk il-ksur ta’ dawn ir-rekwiżiti formali jkollu bħala effett li jipprekludi l-produzzjoni tal-prova ċerta li r-rekwiżiti sostantivi ġew issodisfatti (sentenza tad-19 ta’ Ottubru 2017, Paper Consult, C‑101/16, EU:C:2017:775, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      Issa, dan jista’ jkun il-każ meta l-identità tal-fornitur reali ma tissemmiex fil‑fattura relatata mal-oġġetti jew mas-servizzi li għalihom jiġi eżerċitat id-dritt għal tnaqqis, jekk dan jipprekludi l-identifikazzjoni ta’ dan il-fornitur u, għaldaqstant, li jiġi stabbilit li huwa kellu l-kwalità ta’ persuna taxxabbli, peress li, kif tfakkar fil-punt 27 ta’ din is-sentenza, din il-kwalità tikkostitwixxi waħda mill-kundizzjonijiet sostantivi tad-dritt għal tnaqqis tal-VAT.

38      F’dan il-kuntest, għandu jiġi enfasizzat li, minn naħa, l-awtorità fiskali ma tistax tillimita ruħha għall-eżami tal-fattura nnifisha. Hija għandha wkoll tieħu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni addizzjonali pprovduta mill-persuna taxxabbli (sentenza tal-15 ta’ Settembru 2016, Barlis 06 – Investimentos Imobiliários e Turísticos, C‑516/14, EU:C:2016:690, punt 44). Min-naħa l-oħra, hija l-persuna taxxabbli li titlob it-tnaqqis tal-VAT li għandha tistabbilixxi li hija tissodisfa l‑kundizzjonijiet previsti sabiex tibbenefika minn dan (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza tal-21 ta’ Novembru 2018, Vădan, C‑664/16, EU:C:2018:933, punt 43). L-awtoritajiet fiskali jistgħu għalhekk jitolbu lill-persuna taxxabbli nnifisha li tipproduċi l-provi li huma jikkunsidraw neċessarji sabiex jevalwaw jekk hemmx lok jew le li tingħata t-tnaqqis mitlub (sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2016, Barlis 06 – Investimentos Imobiliários e Turísticos, C‑516/14, EU:C:2016:690, punt 46 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

39      Minn dan jirriżulta li hija l-persuna taxxabbli li teżerċita d-dritt għal tnaqqis tal‑VAT li għandha, fil-prinċipju, tistabbilixxi li l-fornitur tal-oġġetti jew tas‑servizzi li abbażi tagħhom dan id-dritt huwa eżerċitat kellu l-kwalità ta’ persuna taxxabbli. Għaldaqstant, il-persuna taxxabbli għandha tipproduċi provi oġġettivi li oġġetti jew servizzi kienu, fil-fatt, ġew ipprovduti lilha upstream minn persuni taxxabbli, għall-bżonnijiet tat-tranżazzjonijiet tagħha stess li huma suġġetti għall-VAT, u li fir-rigward tagħhom effettivament tħallset il-VAT. Dawn il-provi jistgħu jinkludu, b’mod partikolari, dokumenti li jkunu fil-pussess ta’ fornituri li mingħandhom il-persuna taxxabbli tkun akkwistat oġġetti jew servizzi li għalihom tkun ħallset il-VAT (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Novembru 2018, Vădan, C‑664/16, EU:C:2018:933, punti 44 u 45).

40      Madankollu, fir-rigward tal-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT, l-awtorità fiskali ma tistax teżiġi b’mod ġenerali mill-persuna taxxabbli li tixtieq teżerċita d-dritt għal tnaqqis tal-VAT li tivverifika, b’mod partikolari, li l-fornitur tal-oġġetti jew tas‑servizzi li abbażi tagħhom l-imsemmi dritt huwa eżerċitat għandu l-kwalità ta’ persuna taxxabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Ġunju 2012, Mahagében u Dávid, C‑80/11 u C‑142/11, EU:C:2012:373, punt 61, kif ukoll id‑digriet tat‑3 ta’ Settembru 2020, Vikingo Fővállalkozó, C‑610/19, EU:C:2020:673, punt 56).

41      Fir-rigward tal-oneru tal-prova fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-fornitur għandux il-kwalità ta’ persuna taxxabbli, għandha ssir distinzjoni bejn, minn naħa, l-istabbiliment ta’ kundizzjoni sostantiva tad-dritt għal tnaqqis tal-VAT u, min‑naħa l-oħra, id-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ frodi tal-VAT.

42      B’dan il-mod, għalkemm, fil-kuntest tal-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT, ma jistax jintalab b’mod ġenerali mill-persuna taxxabbli li tixtieq teżerċita d-dritt tagħha għal tnaqqis tal-VAT li hija tivverifika li l-fornitur tal-oġġetti jew tas-servizzi kkonċernati għandu l-kwalità ta’ persuna taxxabbli, dan ma huwiex il-każ meta l‑istabbiliment ta’ din il-kwalità jkun neċessarju sabiex jiġi vverifikat jekk din il‑kundizzjoni sostantiva tad-dritt għal tnaqqis hijiex issodisfatta.

43      F’dan l-aħħar każ, hija l-persuna taxxabbli li għandha tistabbilixxi, abbażi ta’ provi oġġettivi, li l-fornitur għandu l-kwalità ta’ persuna taxxabbli, sakemm l‑awtorità fiskali ma jkollhiex l-informazzjoni neċessarja sabiex tivverifika li din il-kundizzjoni sostantiva tad-dritt għal tnaqqis tal-VAT tkun issodisfatta. F’dan ir‑rigward, għandu jitfakkar li mill-formulazzjoni tal-Artikolu 9(1) tad‑Direttiva 2006/112 jirriżulta li l-kunċett ta’ “persuna taxxabbli” huwa ddefinit b’mod wiesa’, billi huwa bbażat fuq ċirkustanzi fattwali (sentenzi tas‑6 ta’ Settembru 2012, Tóth, C‑324/11, EU:C:2012:549, punt 30, u tat‑22 ta’ Ottubru 2015, PPUH Stehcemp, C‑277/14, EU:C:2015:719, punt 34), b’tali mod li l-kwalità ta’ persuna taxxabbli tal-fornitur tista’ tirriżulta miċ-ċirkustanzi tal-każ.

44      Minn dan isegwi li, fir-rigward tal-istabbiliment tal-kundizzjonijiet sostantivi tad‑dritt għal tnaqqis tal-VAT, meta l-identità tal-fornitur reali ma tissemmiex fil‑fattura relatata mal-oġġetti jew mas-servizzi li għalihom huwa eżerċitat id-dritt għal tnaqqis tal-VAT, dan id-dritt għandu jiġi rrifjutat lill-persuna taxxabbli jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi fattwali u minkejja l-elementi pprovduti minn din il‑persuna taxxabbli, l-informazzjoni neċessarja sabiex jiġi vverifikat li dan il‑fornitur kellu l-kwalità ta’ persuna taxxabbli tkun nieqsa.

45      Barra minn hekk, kif il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret repetutament, il-ġlieda kontra l‑eventwali frodi, evażjoni tat-taxxa u abbużi hija għan irrikonoxxut u inkoraġġut mid-Direttiva 2006/112. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l‑individwi ma jistgħux jinvokaw in-normi tad-dritt tal-Unjoni b’mod frawdolenti jew abbużiv u li, għaldaqstant, huwa l-obbligu tal-awtoritajiet u tal-qrati nazzjonali li jirrifjutaw id-dritt għal tnaqqis jekk jiġi stabbilit, fid-dawl ta’ elementi oġġettivi, li dan id-dritt ikun qiegħed jiġi invokat b’mod frawdolenti jew abbużiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Lulju 2006, Kittel u Recolta Recycling, C‑439/04 u C‑440/04, EU:C:2006:446, punti 54 u 55, kif ukoll tas-16 ta’ Ottubru 2019, Glencore Agriculture Hungary, C‑189/18, EU:C:2019:861, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll id-digriet tal-14 ta’ April 2021, Finanzamt Wilmersdorf, C‑108/20, EU:C:2021:266, punt 21).

46      Fir-rigward tal-frodi, skont ġurisprudenza stabbilita, il-benefiċċju tad-dritt għal tnaqqis għandu jiġi rrifjutat mhux biss meta frodi titwettaq mill-persuna taxxabbli nnifisha, iżda wkoll meta jiġi stabbilit li l-persuna taxxabbli, li lilha l-oġġetti jew is-servizzi li jservu ta’ bażi sabiex jiġi invokat id-dritt għal tnaqqis ikunu ġew ikkunsinnati jew ipprovduti, kienet taf jew kellha tkun taf li, permezz tal-akkwist ta’ dawn l-oġġetti jew ta’ dawn is-servizzi, hija kienet qiegħda tipparteċipa fi tranżazzjoni involuta fi frodi tal-VAT (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Lulju 2006, Kittel u Recolta Recycling, C‑439/04 u C‑440/04, EU:C:2006:446, punt 59; tal-21 ta’ Ġunju 2012, Mahagében u Dávid, C‑80/11 u C‑142/11, EU:C:2012:373, punt 45; tas-16 ta’ Ottubru 2019, Glencore Agriculture Hungary, C‑189/18, EU:C:2019:861, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll id-digriet tal-14 ta’ April 2021, Finanzamt Wilmersdorf, C‑108/20, EU:C:2021:266, punt 22).

47      F’dan ir-rigward, ġie kkunsidrat li persuna taxxabbli li kienet taf jew kellha tkun taf li, bl-akkwist tagħha, hija kienet qiegħda tipparteċipa fi tranżazzjoni involuta fi frodi tal-VAT għandha, għall-finijiet tad-Direttiva 2006/112, titqies li pparteċipat f’din il-frodi, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk hija tibbenefikax jew le mill-bejgħ mill-ġdid tal-oġġetti jew mill-użu tas-servizzi fil-kuntest tat-tranżazzjonijiet intaxxati mwettqa minnha downstream, peress li, f’tali sitwazzjoni, din il-persuna taxxabbli tagħti l-għajnuna tagħha lill-awturi tal‑imsemmija frodi, u tkun kompliċi fiha (digriet tal-14 ta’ April 2021, Finanzamt Wilmersdorf, C‑108/20, EU:C:2021:266, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48      Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll repetutament, f’sitwazzjonijiet fejn il‑kundizzjonijiet sostantivi tad-dritt għal tnaqqis kienu ssodisfatti, li l-benefiċċju tad-dritt għal tnaqqis jista’ jiġi rrifjutat lill-persuna taxxabbli biss jekk jiġi stabbilit, fid-dawl ta’ elementi oġġettivi, li hija kienet taf jew kellha tkun taf li, permezz tal-akkwist tal-oġġetti jew tas-servizzi li jservu ta’ bażi sabiex jiġi stabbilit id-dritt għal tnaqqis, hija kienet qiegħda tipparteċipa fi tranżazzjoni involuta f’tali frodi mwettqa mill-fornitur jew minn operatur ieħor li jintervjeni upstream jew downstream fil-katina ta’ kunsinni jew ta’ provvisti (digriet tal-14 ta’ April 2021, Finanzamt Wilmersdorf, C‑108/20, EU:C:2021:266, punt 24 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

49      Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, f’dan ir-rigward, li ma huwiex kompatibbli mas-sistema tad-dritt għal tnaqqis prevista mid-Direttiva 2006/112 il‑fatt li tiġi ssanzjonata, bir-rifjut ta’ dan id-dritt, persuna taxxabbli li ma kinitx taf jew li ma setgħetx tkun taf li t-tranżazzjoni kkonċernata kienet involuta fi frodi mwettqa mill-fornitur jew li tranżazzjoni oħra li tagħmel parti mill-katina ta’ kunsinni, qabel jew wara dik imwettqa mill-imsemmija persuna taxxabbli, kienet ivvizzjata bi frodi tal-VAT, peress li l-istabbiliment ta’ sistema ta’ responsabbiltà mingħajr nuqqas tmur fil-fatt lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jiġu ssalvagwardati d-drittijiet tat-Teżor Pubbliku (digriet tal-14 ta’ April 2021, Finanzamt Wilmersdorf, C‑108/20, EU:C:2021:266, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50      Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, peress li r‑rifjut tad-dritt għal tnaqqis huwa eċċezzjoni mill-applikazzjoni tal-prinċipju fundamentali li jikkostitwixxi dan id-dritt, huma l-awtoritajiet fiskali li għandhom jistabbilixxu b’mod suffiċjenti fid-dritt l-elementi oġġettivi li jippermettu li jiġi konkluż li l-persuna taxxabbli wettqet frodi tal-VAT jew kienet taf jew kellha tkun taf li t-tranżazzjoni invokata bħala bażi għad-dritt għal tnaqqis kienet involuta f’tali frodi. Sussegwentement, huma l-qrati nazzjonali li għandhom jivverifikaw li l-awtoritajiet fiskali kkonċernati stabbilixxew l-eżistenza ta’ tali elementi oġġettivi (digriet tat‑3 ta’ Settembru 2020, Vikingo Fġvállalkozó, C‑610/19, EU:C:2020:673, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51      Peress li d-dritt tal-Unjoni ma jipprevedix regoli dwar il-modalitajiet tal‑produzzjoni tal-provi fil-qasam tal-frodi tal-VAT, dawn l-elementi oġġettivi għandhom jiġu stabbiliti mill-awtorità fiskali konformement mar-regoli dwar il‑provi previsti mid-dritt nazzjonali. Madankollu, dawn ir-regoli ma għandhomx jippreġudikaw l-effettività tad-dritt tal-Unjoni (digriet tat‑3 ta’ Settembru 2020, Vikingo Fġvállalkozó, C‑610/19, EU:C:2020:673, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

52      Mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 46 u 51 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l‑benefiċċju tad-dritt għal tnaqqis jista’ jiġi rrifjutat lil din il-persuna taxxabbli biss jekk, wara li ssir evalwazzjoni globali tal-elementi u taċ-ċirkustanzi fattwali kollha tal-każ, imwettqa konformement mar-regoli ta’ prova tad-dritt nazzjonali, jiġi stabbilit li din wettqet frodi tal-VAT jew kienet taf jew kellha tkun taf li t‑tranżazzjoni invokata bħala bażi ta’ dan id-dritt kienet involuta f’tali frodi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Frar 2014, Maks Pen, C‑18/13, EU:C:2014:69, punt 30, u d-digriet tal-10 ta’ Novembru 2016, Signum Alfa Sped, C‑446/15, mhux ippubblikat, EU:C:2016:869, punt 36). Il-benefiċċju tad-dritt għal tnaqqis jista’ jiġi rrifjutat biss jekk dawn il-fatti jkunu ġew stabbiliti b’mod suffiċjenti fid-dritt, u mhux b’suppożizzjonijiet (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat-3 ta’ Settembru 2020, Crewprint, C‑611/19, mhux ippubblikat, EU:C:2020:674, punt 45).

53      F’dan il-każ, fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni globali, il-fatt li l-persuna taxxabbli, li titlob li tibbenefika mid-dritt għal tnaqqis u li ħarġet il-fattura, semmiet b’għarfien ta’ dak li kienet qiegħda tagħmel fornitur fittizju fuq din il‑fattura huwa element rilevanti ta’ natura li jindika li din il-persuna taxxabbli kienet taf li kienet qiegħda tipparteċipa f’kunsinna ta’ oġġetti involuta fi frodi tal‑VAT. Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi u ċ-ċirkustanzi fattwali kollha tal-każ, jekk dan huwiex effettivament il-każ fil-kuntest tal-kawża prinċipali.

54      Fir-rigward tal-possibbiltà ta’ prattika abbużiva, għandu jiġi osservat li l-eżistenza ta’ tali prattika teżiġi li jiġu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet, jiġifieri, minn naħa, li t-tranżazzjonijiet inkwistjoni, minkejja li jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti mid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-imsemmija direttiva u tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponiha, ikollhom bħala riżultat il-kisba ta’ vantaġġ fiskali li l‑għoti tiegħu jmur kontra l-għan imfittex minn dawn id-dispożizzjonijiet u, min‑naħa l-oħra, li minn numru ta’ elementi oġġettivi jkun jirriżulta li l-għan essenzjali tat-tranżazzjonijiet inkwistjoni jkun limitat għall-kisba ta’ dan il‑vantaġġ fiskali (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-17 ta’ Diċembru 2015, WebMindLicenses, C‑419/14, EU:C:2015:832, punt 36; tal-10 ta’ Lulju 2019, Kuršu zeme, C‑273/18, EU:C:2019:588, punt 35, u tat-18 ta’ Ġunju 2020, KrakVet Marek Batko, C‑276/18, EU:C:2020:485, punt 85).

55      Konsegwentement, ma jaqax taħt tali prattika l-fatt li jissemma fornitur fittizju fuq il-fattura relatata mal-oġġetti jew mas-servizzi li fir-rigward tagħhom huwa eżerċitat id-dritt għal tnaqqis tal-VAT, peress li, hekk kif tfakkar fil-punt 27 ta’ din is-sentenza, l-indikazzjoni tal-fornitur, fuq il-fattura relatata mal-oġġetti jew mas-servizzi li fir-rigward tagħhom jiġi eżerċitat id-dritt għal tnaqqis tal-VAT, tikkostitwixxi kundizzjoni formali ta’ dan id-dritt u li, għalhekk, din l-indikazzjoni ma għandhiex bħala riżultat li d-dispożizzjonijiet sostantivi previsti mid‑dispożizzjonijiet rigward id-dritt għal tnaqqis ġew issodisfatti.

56      Fit-tielet lok, fir-rigward tal-punt dwar jekk l-eżerċizzju tad-dritt għal tnaqqis jistax jiġi rrifjutat lill-persuna taxxabbli b’mala fide biss fil-każ fejn jeżisti riskju ta’ telf ta’ dħul fiskali għall-Istat Membru u vantaġġ fiskali għall-persuna taxxabbli jew għal parteċipanti oħra fit-tranżazzjoni inkwistjoni, għandu jiġi osservat li, fil-kuntest tal-applikazzjoni tas-sistema ta’ reverse charge, l-ebda ħlas ma huwa dovut, fil-prinċipju, lit-Teżor Pubbliku (ara, b’mod partikolari, is‑sentenzi tas-6 ta’ Frar 2014, Fatorie, C‑424/12, EU:C:2014:50, punt 29, u tas-26 ta’ April 2017, Farkas, C‑564/15, EU:C:2017:302, punt 41). Barra minn hekk, il‑kwistjoni dwar jekk il-VAT, dovuta fuq it-tranżazzjonijiet ta’ bejgħ preċedenti jew sussegwenti fir-rigward tal-oġġetti kkonċernati, tħallsitx jew le lit-Teżor Pubbliku ma hijiex rilevanti għad-dritt tal-persuna taxxabbli li tnaqqas il-VAT (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat‑3 ta’ Settembru 2020, Vikingo Fővállalkozó, C‑610/19, EU:C:2020:673, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, kif jirriżulta mill-punti 44 u 46 sa 52 ta’ din is-sentenza, l-eżerċizzju tad-dritt għal tnaqqis għandu jiġi rrifjutat lill-persuna taxxabbli meta l-informazzjoni neċessarja sabiex jiġi vverifikat li l-fornitur tal-oġġetti jew tas-servizzi kkonċernati kellu l‑kwalità ta’ persuna taxxabbli hija nieqsa jew meta huwa stabbilit b’mod suffiċjenti fid-dritt li din il-persuna taxxabbli wettqet frodi tal-VAT jew kienet taf jew kellha tkun taf li t-tranżazzjoni invokata bħala bażi għal dan id-dritt kienet involuta f’tali frodi. Il-konstatazzjoni ta’ riskju ta’ telf ta’ dħul fiskali ma hijiex, konsegwentement, neċessarja sabiex tiġġustifika tali rifjut.

57      Bl-istess mod, għal dan il-għan, huwa irrilevanti jekk it-tranżazzjoni inkwistjoni tatx jew le vantaġġ fiskali lill-persuna taxxabbli jew lil intervenjenti oħra fil‑katina ta’ provvisti jew ta’ servizzi. Fil-fatt, minn naħa, l-eżistenza ta’ tali vantaġġ ma għandhiex x’taqsam mal-kwistjoni dwar jekk il-kundizzjonijiet sostantivi li huwa suġġett għalihom id-dritt għal tnaqqis, bħall-kwalità ta’ persuna taxxabbli tal-fornitur tal-oġġetti jew tas-servizzi kkonċernati, humiex issodisfatti. Min-naħa l-oħra, b’mod differenti minn dak li ġie deċiż fil-qasam tal-prattiki abbużivi, il-konstatazzjoni tal-parteċipazzjoni tal-persuna taxxabbli fi frodi tal‑VAT ma hijiex suġġetta għall-kundizzjoni li din it-tranżazzjoni tkun tatha vantaġġ fiskali li l-għoti tiegħu jmur kontra l-għan imfittex mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/112 (digriet tal‑14 ta’ April 2021, Finanzamt Wilmersdorf, C‑108/20, EU:C:2021:266, punt 35).

58      Peress li l-qorti tar-rinviju semmiet l-eventwali mala fide tal-persuna taxxabbli li taħbi l-identità tal-fornitur reali, għandu jingħad ukoll li, minkejja li ma jmurx kontra d-dritt tal-Unjoni li operatur jintalab jaġixxi in bona fide, ma huwiex neċessarju li l-mala fide tal-persuna taxxabbli tiġi stabbilita sabiex din tiġi rrifjutata l-benefiċċju tad-dritt għal tnaqqis (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-14 ta’ April 2021, Finanzamt Wilmersdorf, C‑108/20, EU:C:2021:266, punti 30 u 31).

59      Fl-aħħar nett, sa fejn il-qorti tar-rinviju tinvoka wkoll il-fatt li l-ħabi tal-fornitur vera jista’ jikkomprometti t-tassazzjoni diretta billi jċaħħad lill-awtorità fiskali minn mezzi ta’ kontroll, għandu jiġi enfasizzat li mill-ġurisprudenza mfakkra fil‑punti 30 u 31 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-benefiċċju tad-dritt għal tnaqqis ma jistax jiġi rrifjutat għal din ir-raġuni. Fil-fatt, tali rifjut imur kontra l-prinċipju fundamentali li jikkostitwixxi dan id-dritt u, konsegwentement, il-prinċipju ta’ newtralità fiskali.

60      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula hija li d-Direttiva 2006/112, moqrija flimkien mal‑prinċipju ta’ newtralità fiskali, għandha tiġi interpretata fis-sens li għandu jiġi rrifjutat lil persuna taxxabbli l-eżerċizzju tad-dritt għal tnaqqis tal-VAT relatata mal-akkwist ta’ oġġetti li ġew ikkunsinnati lilha, meta din il-persuna taxxabbli, b’għarfien ta’ dak li kienet qiegħda tagħmel, tkun semmiet fornitur fittizju fuq il‑fattura li hija stess ħarġet għal din it-tranżazzjoni fil-kuntest tal-applikazzjoni tas-sistema ta’ reverse charge, jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi fattwali u tal-provi pprovduti mill-imsemmija persuna taxxabbli, l-informazzjoni neċessarja sabiex jiġi vverifikat li l-fornitur reali kellu l-kwalità ta’ persuna taxxabbli tkun nieqsa jew jekk jiġi stabbilit b’mod suffiċjenti fid-dritt li l-imsemmija persuna taxxabbli wettqet frodi tal-VAT jew kienet taf jew kellha tkun taf li t-tranżazzjoni invokata bħala bażi għad-dritt għal tnaqqis kienet involuta f’tali frodi.

 Fuq l-ispejjeż

61      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal‑osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat28 ta’ Novembru 2006 dwar issistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, moqrija flimkien malprinċipju ta’ newtralità fiskali, għandha tiġi interpretata fis-sens li għandu jiġi rrifjutat lil persuna taxxabbli l-eżerċizzju tad-dritt għal tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) relatata mal-akkwist ta’ oġġetti li ġew ikkunsinnati lilha, meta din il-persuna taxxabbli, b’għarfien ta’ dak li kienet qiegħda tagħmel, tkun semmiet fornitur fittizju fuq il-fattura li hija stess ħarġet għal din it-tranżazzjoni fil-kuntest tal-applikazzjoni tas-sistema ta’ reverse charge, jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi fattwali u tal-provi pprovduti mill-imsemmija persuna taxxabbli, l-informazzjoni neċessarja sabiex jiġi vverifikat li l-fornitur reali kellu l-kwalità ta’ persuna taxxabbli tkun nieqsa jew jekk jiġi stabbilit b’mod suffiċjenti fid-dritt li l-imsemmija persuna taxxabbli wettqet frodi tal-VAT jew kienet taf jew kellha tkun taf li ttranżazzjoni invokata bħala bażi għad-dritt għal tnaqqis kienet involuta f’tali frodi.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.