Language of document :

Appell ippreżentat fis-17 ta’ Settembru 2021 minn Ana Carla Mendes de Almeida mid-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) fit-8 ta’ Lulju 2021 fil-Kawża T-75/21, Ana Carla Mendes de Almeida vs Il-Kunsill

(Kawża C-576/21 P)

Lingwa tal-kawża: il-Portugiż

Partijiet

Appellant: Ana Carla Mendes de Almeida (rappreżentanti: R. Leandro Vasconcelos, M. Marques de Carvalho u P. Almeida Sande, advogados)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

Tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) fil-Kawża T-75/21, li tinsab fid-digriet tal-imsemmija Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2021, li tiddikjara inammissibbli, inkwantu tardiv, ir-rikors ippreżentat mill-appellanti, taħt l-Artikolu 263 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li għandu bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1117 1 tas-27 ta’ Lulju 2020 li taħtar il-Prosekuturi Ewropej tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, fil-parti fejn jinħatar, għall-kariga ta’ Prosekutur Ewropew tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew bħala membru tal-persunal temporanju fil-grad AD 13, għal perijodu, li ma jistax jiġġedded, ta’ tliet snin, mid-29 ta’ Lulju 2020, José Eduardo Moreira Alves d’Oliveira Guerra.

Skont it-termini previsti fl-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, u billi ma hemmx raġunijiet biex jitqies li l-kawża ma tinsabx f’qagħda li tiġi deċiża mill-Qorti tal-Ġustizzja, tinqata’ l-kawża permezz ta’ deċiżjoni finali ladarba li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi biex tkun tista’ tagħmel dan.

Tiddeċiedi fuq l-ispejjeż, kif previst fl-Artikolu 38 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, billi tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż rispettivi tiegħu, flimkien mal-ispejjeż tal-appellanti, skont l-Artikolu 138 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, kemm fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali kif ukoll fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka tliet aggravji:

L-ewwel aggravju bbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u żball ta’ liġi sa fejn il-Qorti Ġenerali tqis li t-terminu għall-preżentata tal-appell jibda jiddekorri mid-data tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea – ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea 1 , kif ukoll ir-regoli applikabbli tar-Regolament (UE) 2017/1939 2 , li jiżguraw id-difiża tad-drittijiet tal-kandidati, kif jirriżulta minn kif inhu mfassal l-istess regolament u mill-prinċipju ta’ indipendenza tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, stabbilit fl-Artikolu 6 tiegħu.

L-appellanti tinvoka żball manifest ta’ evalwazzjoni u żball ta’ liġi sa fejn il-Qorti Ġenerali tqis li t-terminu għall-preżentata ta’ rikors jibda jiddekorri mid-data ta’ pubblikazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża fil-ĠU tal-Unjoni. F’din id-data l-appellanti ma kellhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-elementi li setgħu jippermettulha tikkontesta d-deċiżjoni kontenzjuża skont l-Artikolu 263 TFUE, billi tibbaża lilha nnifisha fuq il-motivi invokati fir-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali, misluta mill-ittra tal-Gvern Portugiż mibgħuta lill-Kunsill fid-29 ta’ Novembru 2019, li tikkontesta l-klassifikazzjoni magħmula mill-Bord tal-Għażla msemmi fl-Artikolu 14(3) tar-Regolament (UE) 2017/1939, tal-kandidati nnominati mill-Gvern, u li tindika kandidat differenti mill-preferenza tiegħu u l-aċċettazzjoni tiegħu mill-Kunsill. Din l-ittra, li kienet il-bażi tad-deċiżjoni kontenzjuża u li l-eżistenza tagħha ma titteħidx inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali, kienet tinkludi żewġ żbalji sostantivi u tqiegħed inkawża l-istruttura tal-proċedura ta’ ħatra tal-Prosekuturi Ewropej u tal-indipendenza tagħha. Issa, il-Kunsill informa lill-appellanti dwar l-imsemmija ittra fis-27 ta’ Novembru 2020, espressament għall-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża tiegħu. L-appellanti tikkontesta l-fatt li t-terminu għall-preżentata tar-rikors seta’ beda jiddekorri f’mument preċedenti għal din id-data, kif tiddeċiedi l-Qorti Ġenerali fid-digriet appellat, fejn għalhekk , ingħata lok għal ksur tal-prinċipju ġenerali tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll tal-prinċipju ta’ indipendenza tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, stabbilit fl-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2017/1939.

It-tieni aggravju bbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u żball ta’ liġi sa fejn il-Qorti Ġenerali tqis li l-Kunsill ikkomunika l-motivazzjoni individwali tad-deċiżjoni kkontestata fis-7 ta’ Ottubru 2020 – bi ksur tal-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea

L-appellanti tinvoka żball manifest ta’ evalwazzjoni u żball ta’ liġi inkwantu l-Qorti Ġenerali tqis li, fi kwalunkwe każ, l-appellanti saret taf bid-deċiżjoni kkontestata permezz tal-ittra tas-7 ta’ Ottubru 2020, li fiha l-Kunsill kien ikkomunikalha l-motivazzjoni individwali ta’ dik id-deċiżjoni. Fil-frattemp, fl-imsemmija ittra, il-Kunsill ma jinformax dwar l-eżistenza tal-ittra tal-Gvern Portugiż mibgħuta lill-Kunsill fid-29 ta’ Novembru 2019, li mingħajrha l-motivazzjoni għat-talba li kienet tiġġustifika l-preżentata tar-rikors kontra d-deċiżjoni kontenzjuża ma kinitx teżisti.

It-tielet aggravju, imressaq sussidjarjament, ibbażat fuq nuqqas ta’ applikazzjoni jew applikazzjoni eċċessivament restrittiva tal-ġurisprudenza li tirrigwarda l-iżball skużabbli u nuqqas ta’ kunsiderazzjoni tal-motiv relatat mal-eżistenza ta’ każ fortuwitu jew ta’ forza maġġuri

Skont il-ġurisprudenza stabbilita, l-għarfien sħiħ tan-natura definittiva ta’ deċiżjoni, kif ukoll it-terminu għall-preżentata tar-rikors applikabbli bis-saħħa tal-Artikolu 263 TFUE, ma jkunux jeskludu, għal din ir-raġuni biss, li individwu jista’ jinvoka żball skużabbli li jista’ jiġġustifika l-preżentata tardiva tar-rikors tiegħu. Fid-digriet appellat il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li l-Kunsill żamm mistur l-ittra tal-Gvern Portugiż sakemm informa lill-appellanti dwarha fis-27 ta’ Novembru 2020. Tali sitwazzjoni tista’ tagħti lok, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għal żball skużabbli li jista’ jiġġustifika l-preżentata tardiva tar-rikors. Il-Qorti Ġenerali injorat ukoll l-allegazzjoni ta’ każ fortuwitu jew ta’ forza maġġuri bħala argument biex ma jiġux applikati d-dispożizzjonijiet tal-Unjoni fil-qasam tat-termini proċedurali.

____________

1     ĠU 2020, L 244, p. 18.

1     ĠU 2016, C 202, p. 389.

1     Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta’ Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (ĠU 2017, L 283, p. 1).