Language of document : ECLI:EU:T:2019:167

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla Estiża)

19 ta’ Marzu 2019 (*)(i)

“Għajnuna mill-Istat – Intervent ta’ konsorzju rregolat mid-dritt privat bejn banek favur wieħed mill-membri tiegħu – Awtorizzazzjoni tal-intervent mill-Bank Ċentrali tal-Istat Membru – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq intern – Rikors għal annullament – Kunċett ta’ għajnuna – Imputabbiltà lill-Istat – Riżorsi tal-Istat”

Fil-Kawżi magħquda T‑98/16, T‑196/16 u T‑198/16,

IrRepubblika Taljana, irrappreżentata minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn S. Fiorentino u P. Gentili, avvocati dello Stato,

rikorrenti fil-Kawża T‑98/16,

Banca Popolare di Bari SCpA, li kienet Tercas-Cassa di risparmio della provincia di Teramo SpA. (Banca Tercas SpA), stabbilita f’Teramo (l-Italja), irrappreżentata minn A. Santa Maria, M. Crisostomo, E. Gambaro u F. Mazzocchi, avukati,

rikorrenti fil-Kawża T‑196/16,

Fondo interbancario di tutela dei depositi, stabbilit f’Ruma (l-Italja), irrappreżentat minn M. Siragusa, G. Scassellati Sforzolini u G. Faella, avukati,

rikorrent fil-Kawża T‑198/16,

sostnut minn

Banca d’Italia, irrappreżentata minn M. Perassi, O. Capolino, M. Marcucci u M. Todino, avukati,

intervenjenti fil-Kawża T‑198/16,

vs

IlKummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn P. Stancanelli, L. Flynn, A. Bouchagiar u D. Recchia, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1208 tat‑23 ta’ Diċembru 2015 dwar l-għajnuna mill-Istat li l-Italja implimentat favur il-Banca Tercas (Il-każ SA.39451 (2015/C) (ex 2015/NN)) (ĠU 2016, L 203, p. 1),

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla Estiża),

komposta minn S. Frimodt Nielsen, President, V. Kreuschitz, I. S. Forrester, N. Półtorak (Relatur) u E. Perillo, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑22 ta’ Marzu 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Dawn ir-rikorsi huma ppreżentati mir-Repubblika Taljana (Kawża T‑98/16), minn Banca Popolare di Bari SCpA (iktar ’il quddiem “BPB”) (Kawża T‑196/16) u mill-konsorzju rregolat mid-dritt privat Taljan, Fondo interbancario di tutela dei depositi (iktar ’il quddiem il-“FITD”) (Kawża T‑198/16), kontra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1208 tat‑23 ta’ Diċembru 2015 dwar l-għajnuna mill-Istat li l-Italja implimentat favur il-Banca Tercas (Il-każ SA.39451 (2015/C) (ex 2015/NN)) (ĠU 2016, L 203, p. 1, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

2        Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni Ewropea qieset li l-intervent tal-FITD favur Banca Tercas (Cassa di risparmio della Provincia di Teramo SpA) (iktar ’il quddiem “Tercas”), awtorizzat mill-Bank Ċentrali tar-Repubblika Taljana, Banca d’Italia (iktar ’il quddiem il-“Bank tal-Italja”), fis‑7 ta’ Lulju 2014 (iktar ’il quddiem l-“intervent” jew l-“intervent tal-FITD favur Tercas”), kien jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat illegali u inkompatibbli, li r-Repubblika Taljana kellha tirkupra mingħand il-benefiċjarju ta’ din l-għajnuna.

 L-entitajiet involuti

 L-entitajiet kummerċjali kkonċernati mill-intervent

3        Tercas hija bank b’kapital privat li jopera prinċipalment fir-reġjun tal-Abruzzo, fl-Italja. Fl-aħħar tas-sena 2010, Tercas xtrat lil Banca Caripe SpA, bank reġjonali wkoll preżenti f’dan ir-reġjun.

4        BPB hija l-kumpannija holding ta’ grupp bankarju b’kapital privat attiv prinċipalment fin-Nofsinhar tal-Italja.

 Il-FITD

5        Il-FITD huwa konsorzju rregolat mid-dritt privat bejn banek li ġie kkostitwit fuq bażi volontarja fl‑1987. Dan il-konsorzju huwa ta’ natura mutwalistika u ġie stabbilit għall-finijiet li jintlaħqu l-interessi komuni tal-membri tiegħu.

6        L-għan tal-FITD huwa li jiggarantixxi d-depożiti tal-membri tiegħu (ara l-Artikolu 1 tal-Istatut tal-FITD, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti tal-każ, iktar ’il quddiem l-“Istatut tal-FITD”). Fl‑1996, minħabba t-traspożizzjoni fid-dritt Taljan tad-Direttiva 94/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 1994 dwar skemi ta’ garanzija għal depożiti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 252), il-FITD ġie rrikonoxxut mill-Bank tal-Italja bħala waħda mill-iskemi ta’ garanzija tad-depożiti awtorizzati joperaw fl-Italja b’applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli. Skont l-Artikolu 27 tal-Istatut tiegħu, fil-każ ta’ stralċ amministrattiv forzat ta’ wieħed mill-membri tiegħu, il-FITD għandu jintervjeni billi jirrimborsa d-depożiti tad-depożitanti magħmula miegħu sal-limitu ta’ EUR 100 000 għal kull depożitant. Skont l-Artikolu 27(1), huma eliġibbli għar-rimbors il-krediti relatati mal-fondi miksuba mill-membri tal-konsorzju b’obbligu ta’ ħlas lura, f’EUR u f’munita, fil-forma ta’ depożiti jew kwalunkwe forma oħra, kif ukoll iċ-ċekkijiet bankarji u kull titolu ta’ kreditu ieħor simili għalihom.

7        Sa mill-istabbiliment tiegħu, il-FITD għandu l-fakultà li jintervjeni favur il-membri tiegħu, mhux biss abbażi ta’ din il-garanzija, li saret legali, tad-depożiti tad-depożitanti (l-intervent obbligatorju), iżda wkoll fuq bażi volontarja, skont l-Istatut tiegħu, jekk dan l-intervent jippermetti li jitnaqqsu l-oneri li jistgħu jirriżultaw mill-garanzija tad-depożiti imposti fuq il-membri tiegħu (l-interventi volontarji).

8        B’hekk, skont l-Artikolu 28 tal-Istatut tiegħu, meta jkun jista’ jiġi previst oneru iżgħar, il-FITD jista’, minflok jipproċedi għar-rimbors previst abbażi tal-garanzija tad-depożiti tad-depożitanti fil-każ ta’ stralċ amministrattiv forzat ta’ membru tal-konsorzju, jintervjeni f’operazzjonijiet ta’ trasferiment ta’ attiv u ta’ passiv relatati ma’ dan il-membru (l-intervent volontarju alternattiv). Bl-istess mod, skont l-Artikolu 29(1) tal-Istatut tiegħu, indipendentement mill-ftuħ formali ta’ proċedura ta’ stralċ amministrattiv forzat, il-FITD jista’ jiddeċiedi li jintervjeni permezz ta’ finanzjamenti, ta’ garanziji, ta’ xiri ta’ ishma jew permezz ta’ forom tekniċi oħra sabiex jagħti appoġġ lil wieħed mill-membri tiegħu suġġett għas-sistema tal-amministrazzjoni straordinarja, meta jkun hemm prospetti ta’ rkupru u jkun jista’ jiġi previst oneru iżgħar meta mqabbel ma’ dak li jirriżulta mill-intervent tal-FITD fil-każ ta’ stralċ amministrattiv forzat ta’ dan il-membru (l-intervent volontarju ta’ appoġġ jew preventiv, bħal fil-każ ta’ Tercas).

9        Ir-rwol tal-FITD, l-interventi li huwa jista’ jwettaq, b’mod partikolari, l-interventi ta’ appoġġ favur il-membri tiegħu u, b’mod iktar preċiż, il-kwistjoni dwar jekk l-intervent li huwa s-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata jistax jiġi kklassifikat bħala “għajnuna […] mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi ta’ l-Istat” fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, jikkostitwixxu l-qalba ta’ dawn il-kawżi.

 Il-Bank tal-Italja

10      Il-Bank tal-Italja huwa awtorità pubblika li jeżerċita l-funzjonijiet ta’ bank ċentrali tar-Repubblika Taljana. Huwa għandu personalità ġuridika separata u distinta minn dik tal-Istat Taljan. Bħala membru tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali (SEBĊ), il-Bank tal-Italja għandu, skont l-Artikolu 127(5) TFUE, jikkontribwixxi għat-tmexxija tajba tal-politika segwita mill-awtoritajiet kompetenti f’dak li jirrigwarda is-superviżjoni prudenzjali tal-istabbilimenti ta’ kreditu u l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja.

11      Fost funzjonijiet oħra, id-decreto legislativo, n 385, e successive modifiche e integrazioni, Testo unico delle leggi in materia bancaria e creditizia (il-Liġi Taljana dwar il-Banek) tal‑1 ta’ Settembru 1993 (GURI Nru 230, tat‑30 ta’ Settembru 1993, Suppliment Ordinarju Nru 92), fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ fiż-żmien tal-fatti (iktar ’il quddiem il-“Liġi Taljana dwar il-Banek”), jagħti lill-Bank tal-Italja r-rwol ta’ awtorità ta’ sorveljanza tas-settur bankarju u jistabbilixxi fir-rigward tiegħu l-għanijiet li jiżgura t-tmexxija soda u prudenti tal-istabbilimenti taħt sorveljanza, l-istabbiltà globali, l-effettività u l-kompetittività tas-sistema finanzjarja kif ukoll l-għan tal-osservanza tad-dispożizzjonijiet fil-qasam tal-kreditu.

12      Sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet, b’mod partikolari dak li tiġi żgurata t-tmexxija soda u prudenti tal-istabbilimenti taħt sorveljanza, il-Bank tal-Italja għandu setgħat ta’ superviżjoni estensivi, li jinvolvu setgħa ta’ superviżjoni informattiva, setgħa leġiżlattiva, setgħa ta’ spezzjoni u numru ta’ setgħat ta’ awtorizzazzjoni. Dawn is-setgħat jippermettu lill-Bank tal-Italja jintervjeni fl-avvenimenti ewlenin kollha tal-eżistenza ta’ bank, b’osservanza għall-awtonomija kummerċjali tiegħu u bl-uniku għan li jivverifika li t-tmexxija tiegħu hija soda u prudenti.

13      Abbażi tal-prerogattivi tiegħu, il-Bank tal-Italja b’mod partikolari approva l-Istatut tal-FITD, jassisti bħala osservatur mingħajr dritt tal-vot fil-laqgħat tal-FITD u, skont l-Artikolu 96b(1)(d) tal-Liġi Taljana dwar il-Banek, approva l-intervent tal-FITD favur Tercas.

 Il-kuntest u l-intervent tal-FITD favur Tercas

14      Fit‑30 ta’ April 2012, fuq proposta tal-Bank tal-Italja, li kien ikkonstata xi irregolaritajiet fir-rigward ta’ Tercas, il-Ministeru għall-Ekonomija u għall-Finanzi Taljan iddeċieda li jissuġġetta lil Tercas għal amministrazzjoni straordinarja.

15      Sussegwentement, il-Bank tal-Italja nnomina kummissarju speċjali responsabbli għat-tmexxija ta’ Tercas matul l-amministrazzjoni straordinarja (iktar ’il quddiem il-“kummissarju speċjali”).

 L-ewwel tentattiv ta’ intervent

16      F’Ottubru 2013, wara li evalwa diversi għażliet, il-kummissarju speċjali beda negozjati ma’ BPB, li kienet uriet interess tissottoskrivi żieda fil-kapital ta’ Tercas, bil-kundizzjoni li jsir awditu minn qabel ta’ Tercas u li l-FITD ikopri għal kollox id-defiċit patrimonjali ta’ dan il-bank.

17      Fit‑28 ta’ Ottubru 2013, sussegwentement għal talba tal-kummissarju speċjali ta’ Tercas ibbażata fuq l-Artikolu 29 tal-Istatut tal-FITD, il-Kumitat ta’ Tmexxija tal-FITD iddeċieda jintervjeni insostenn ta’ Tercas għal ammont massimu ta’ EUR 280 miljun. Din id-deċiżjoni kienet ġiet irratifikata mill-Kunsill tal-FITD fid‑29 ta’ Ottubru 2013. Fl‑4 ta’ Novembru 2013, skont l-Artikolu 96b(1)(d) tal-Liġi Taljana dwar il-Banek, il-Bank tal-Italja approva dan l-intervent ta’ appoġġ.

18      Għalkemm kien diġà kiseb l-awtorizzazzjoni tal-Bank tal-Italja, il-FITD iddeċieda li jissospendi l-intervent previst minħabba inċertezzi dwar is-sitwazzjoni ekonomika u patrimonjali ta’ Tercas u dwar it-trattament fiskali ta’ dan l-intervent. Fil-fatt, fit‑18 ta’ Marzu 2014, wara l-awditu dwar l-attiv ta’ Tercas mitlub minn BPB (ara l-punt 16 iktar ’il fuq), kien hemm nuqqas ta’ qbil bejn l-esperti tal-FITD u dawk ta’ BPB. Dan in-nuqqas ta’ qbil kien sussegwentement ġie solvut permezz ta’ proċedura ta’ arbitraġġ. Barra minn hekk, il-FITD u BPB qablu li jaqsmu l-oneri eventwali li jirriżultaw mit-tassazzjoni tal-intervent fil-każ li l-eżenzjoni fiskali prevista ma tkunx applikata.

 Id-deċiżjoni ta’ intervent u l-awtorizzazzjoni mill-Bank tal-Italja

19      Wara s-sospensjoni tal-intervent tat‑18 ta’ Marzu 2014 u sabiex jiżgura ruħu li l-intervent favur Tercas kien ekonomikament iktar vantaġġuż mir-rimbors tad-depożitanti ta’ dan il-bank, il-FITD irrikorra għal kumpannija ta’ awditu u ta’ konsulenza. Fid-dawl tal-konklużjonijiet ippreżentati minn din il-kumpannija f’rapport tas‑26 ta’ Mejju 2014, u b’teħid inkunsiderazzjoni tal-ispiża tal-intervent imqabbla mal-ispiża ta’ kumpens abbażi tal-iskema ta’ garanzija tad-depożiti fil-każ ta’ stralċ, il-Kumitat ta’ Tmexxija u l-Kunsill tal-FITD iddeċidew, fit‑30 ta’ Mejju 2014, jintervjenu favur Tercas.

20      Fl‑1 ta’ Lulju 2014, il-FITD bagħat lill-Bank tal-Italja talba għal awtorizzazzjoni ġdida.

21      Fis‑7 ta’ Lulju 2014, il-Bank tal-Italja awtorizza l-intervent tal-FITD favur Tercas. Dan l-intervent kien jipprevedi tliet miżuri (iktar ’il quddiem il-“miżuri kontenzjużi”), jiġifieri, l-ewwel nett, kontribuzzjoni ta’ EUR 265 miljun sabiex tkopri d-defiċit kapitali ta’ Tercas; it-tieni nett, garanzija ta’ EUR 35 miljun sabiex tkopri r-riskju ta’ kreditu assoċjat ma’ ċerti skoperturi ta’ Tercas u, it-tielet nett, garanzija ta’ EUR 30 miljun sabiex tkopri l-ispejjeż li jirriżultaw mill-ħlas tat-taxxa fuq l-ewwel miżura (ara l-premessa 38 u l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni msemmija).

 Is-sitwazzjoni ta’ Tercas wara l-intervent tal-FITD

22      Il-kummissarju speċjali ta’ Tercas, bi qbil mal-Bank tal-Italja, sejjaħ laqgħa ġenerali sabiex l-azzjonisti jingħataw il-possibbiltà jesprimu ruħhom dwar il-kopertura tat-telf skopert waqt l-amministrazzjoni straordinarja u dwar żieda fil-kapital irriżervata għal BPB.

23      Il-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti ta’ Tercas nżammet fis‑27 ta’ Lulju 2014 u ġie deċiż, minn naħa, li jiġi parzjalment kopert it-telf, b’mod partikolari permezz tal-kanċellament tal-kapital u tal-annullament tal-ishma ordinarji pendenti kollha, u, min-naħa l-oħra, li l-kapital jiżdied għal EUR 230 miljun permezz tal-ħruġ ta’ ishma ordinarji ġodda rriżervati għal BPB. Din iż-żieda fil-kapital seħħet fis-27 ta’ Lulju 2014.

24      Fl‑1 ta’ Ottubru 2014, is-sistema ta’ amministrazzjoni straordinarja ta’ Tercas ingħalqet u BPB innominat il-korpi l-ġodda ta’ dan il-bank.

25      F’Diċembru 2014, BPB wettqet żieda fil-kapital ta’ EUR 500 miljun, li tinkludi l-ħruġ ta’ ishma ġodda u l-ħruġ ta’ self subordinat ta’ Grad 2. Iż-żieda fil-kapital serviet sabiex issaħħaħ il-proporzjonijiet ta’ kapital ta’ BPB li kienu ġew affettwati bl-akkwist ta’ Tercas.

26      F’Marzu 2015 BPB issottoskriviet żieda ġdida fil-kapital ta’ Tercas li tammonta għal EUR 135.4 miljun, sabiex jiġi kopert it-telf ulterjuri rreġistrat fir-raba’ kwart tal‑2014, sabiex jiġu koperti l-ispejjeż ta’ ristrutturar fl‑2015 u fl‑2016 u sabiex jitjiebu l-proporzjonijiet ta’ kapital ta’ Tercas. Dawn l-avvenimenti ma humiex relatati mal-intervent ta’ appoġġ tal-FITD favur Tercas.

 Il-proċedura amministrattiva u d-deċiżjoni kkontestata

27      Fit‑8 ta’ Awwissu u fl‑10 ta’ Ottubru 2014, il-Kummissjoni talbet mingħand l-awtoritajiet Taljani informazzjoni dwar l-intervent tal-FITD favur Tercas. Huma wieġbu għal dawn it-talbiet għal informazzjoni fis‑16 ta’ Settembru u fl‑14 ta’ Novembru 2014.

28      Permezz ta’ ittra tas‑27 ta’ Frar 2015, il-Kummissjoni informat lir-Repubblika Taljana dwar id-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE fir-rigward ta’ din il-miżura.

29      Fl‑24 ta’ April 2015, il-Kummissjoni ppubblikat id-deċiżjoni ta’ ftuħ f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u stiednet lill-partijiet kkonċernati jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-intervent tal-FITD favur Tercas. Ir-Repubblika Taljana, il-Bank tal-Italja, il-FITD, BPB u Tercas ippreżentaw osservazzjonijiet f’dan ir-rigward lill-Kummissjoni (ara l-premessi 44 sa 109 tad-deċiżjoni kkontestata).

30      Fit‑13 ta’ Awwissu u fis‑17 ta’ Settembru 2015, inżammu żewġ laqgħat mal-awtoritajiet Taljani u mal-partijiet ikkonċernati.

31      Fit‑23 ta’ Diċembru 2015, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata.

32      Permezz ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni kkonstatat li l-miżuri kontenzjużi awtorizzati fis‑7 ta’ Lulju 2014 (ara l-punt 21 iktar ’il fuq), bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE kienu jikkostitwixxu għajnuna inkompatibbli u illegali mogħtija mir-Repubblika Taljana lil Tercas u ordnat li din l-għajnuna tiġi rkuprata. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni qieset li l-ewwel miżura, intiża sabiex tkopri d-defiċit kapitali ta’ Tercas, kienet kontribuzzjoni li ma titħallasx lura ta’ EUR 265 miljun, li t-tieni miżura, garanzija ta’ EUR 35 miljun intiża sabiex tkopri r-riskju ta’ kreditu assoċjat ma’ ċerti skoperturi, kellha tiġi ivvalutata għal EUR 140 000 sabiex jittieħed b’mod partikolari inkunsiderazzjoni l-fatt li dawn l-iskoperturi kienu ġew irrimborsati kompletament mid-debituri mal-maturità u li għalhekk il-garanzija ma kinitx ġiet infurzata, u li t-tielet miżura, garanzija ta’ EUR 30 miljun intiża sabiex tkopri l-ispejjeż li jirriżultaw mill-ħlas tat-taxxa fuq l-ewwel miżura, kienet kontribuzzjoni li ma titħallasx lura ta’ ammont ekwivalenti għal dak tal-garanzija.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

33      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑4 ta’ Marzu 2016, ir-Repubblika Taljana ppreżentat ir-rikors tagħha fil-Kawża T‑98/16.

34      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑29 ta’ April 2016, BPB ippreżentat ir-rikors tagħha fil-Kawża T‑196/16.

35      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑1 ta’ Mejju 2016, il-FITD ippreżenta r-rikors tiegħu fil-Kawża T‑198/16.

36      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑1 ta’ Awwissu 2016, il-Fondo di Garanzia dei Depositanti del Credito Cooperativo (il-Fond ta’ Garanzija tad-Depożitanti tal-Kooperattivi ta’ Kreditu) u l-Bank tal-Italja talbu jintervjenu fil-proċedura relatata mal-Kawża T‑198/16 insostenn tat-talbiet tal-FITD.

37      Peress illi kien hemm bidla fil-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali, b’applikazzjoni tal-Artikolu 27(5) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lit-Tielet Awla, li lilha, konsegwentement, dawn il-kawżi ġew assenjati.

38      Permezz ta’ digriet tal‑15 ta’ Frar 2017, il-President tat-Tielet Awla tal-Qorti Ġenerali ċaħad l-intervent tal-Fondo di Garanzia dei Depositanti del Credito Cooperativo (il-Fond ta’ Garanzija tad-Depożitanti tal-Kooperattivi ta’ Kreditu) u awtorizza l-intervent tal-Bank tal-Italja. Dan tal-aħħar ippreżenta n-nota tiegħu u l-partijiet prinċipali ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwarha fit-termini mogħtija.

39      Fuq proposta tat-Tielet Awla, il-Qorti Ġenerali, b’applikazzjoni tal-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura, iddeċidiet li tibgħat il-kawżi inkwistjoni quddiem kulleġġ ġudikanti estiż.

40      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tat-Tielet Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali tal‑14 ta’ Diċembru 2017, il-Kawżi T‑98/16, T‑196/16 u T‑198/16 ingħaqdu għall-finijiet tal-fażi orali tal-proċedura u tad-deċiżjoni li tagħlaq l-istanza, skont l-Artikolu 68 tar-Regoli tal-Proċedura.

41      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla Estiża) iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, stiednet lill-partijiet iwieġbu għal sensiela ta’ mistoqsijiet.

42      Il-partijiet wieġbu għal dawn il-mistoqsijiet fil‑15 u fis‑16 ta’ Frar 2018.

43      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu waqt is-seduta tat‑22 ta’ Marzu 2018.

44      Fil-Kawża T‑98/16, ir-Repubblika Taljana titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

45      Fil-Kawża T‑196/16, BPB titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        sussidjarjament, tannulla l-Artikoli 2 sa 4 tad-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

46      Fil-Kawża T‑198/16, il-FITD, sostnut mill-Bank tal-Italja, jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        sussidjarjament, tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tikkonstata u tikkwantifika l-element ta’ għajnuna li jinsab fil-miżura 3;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

47      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikorsi;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors ippreżentat mill-FITD

48      Mingħajr ma tqajjem formalment eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà abbażi tal-Artikolu 130(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Kummissjoni tesprimi dubji dwar l-ammissibbiltà tar-rikors ippreżentat mill-FITD minħabba n-nuqqas ta’ locus standi tiegħu. Essenzjalment, skont il-Kummissjoni, peress li l-FITD jista’ jiġi assimilat ma’ intermedjarju li permezz tiegħu l-Istat Taljan iddeċieda li jagħti għajnuna u peress li anki l-Istat Taljan ippreżenta rikors, ir-rikors ta’ dan l-intermedjarju għandu jiġi ddikjarat inammissibbli.

49      Il-FITD jikkontesta l-argument tal-Kummissjoni.

50      B’mod preliminari, għandu jitfakkar li, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, “[k]walunkwe persuna fiżika jew ġuridika tista’, taħt il-kondizzjonijiet previsti fl-ewwel u t-tieni subparagrafi, tressaq appell kontra att indirizzat lilha jew li jirrigwardha direttament u individwalment, kif ukoll kontra att regolatorju li jirrigwardha direttament u li ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni” Barra min hekk, għandu jiġi rrilevat li, peress li għandu personalità ġuridika, il-FITD huwa persuna ġuridika rregolat mid-dritt privat li jista’ jippreżenta rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE.

51      Għaldaqstant, hemm lok li jiġi vverifikat jekk il-FITD huwiex direttament u individwalment ikkonċernat mid-deċiżjoni kkontestata.

52      Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-FITD huwiex affettwat direttament mid-deċiżjoni kkontestata, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita sew, żewġ kriterji għandhom jiġu ssodisfatti. L-ewwel nett, l-att inkwistjoni għandu jipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni ġuridika tar-rikorrent u, it-tieni nett, l-imsemmi att ma għandu jħalli ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji tiegħu li huma responsabbli għall-implimentazzjoni tiegħu, peress li din għandha natura purament awtomatika u tirriżulta biss mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, mingħajr l-applikazzjoni ta’ regoli intermedji oħra (ara s-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2018, Centro Clinico e Diagnostico G.B. Morgagni vs Il‑Kummissjoni, T‑172/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:34, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

53      Issa, f’dan il-każ, permezz tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, li tiddikjara l-miżuri inkwistjoni inkompatibbli mas-suq intern, il-FITD ma għandux id-dritt jintervjeni insostenn ta’ Tercas. Barra minn hekk, skont l-Artikoli 2 u 3 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-Repubblika Taljana għandha l-obbligu tipproċedi immedjatament u b’mod effettiv għall-irkupru, mingħand Tercas, tal-għajnuna mogħtija mill-FITD u ffinanzjata mill-membri tiegħu u l-awtoritajiet nazzjonali ma jistgħu jeżerċitaw ebda setgħa diskrezzjonali f’dan ir-rigward. Minn dan jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata tipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni ġuridika tal-FITD fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 52 iktar ’il fuq. Għalhekk, il-FITD huwa direttament ikkonċernat mid-deċiżjoni kkontestata.

54      Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-FITD huwiex individwalment ikkonċernat mid-deċiżjoni kkontestata, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-pożizzjoni ġuridika ta’ korp li ma huwiex Stat Membru, li għandu personalità ġuridika u li adotta miżura kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat f’deċiżjoni finali tal-Kummissjoni, jista’ jkun individwalment ikkonċernat minn din id-deċiżjoni jekk din tipprekludih milli jeżerċita kif jidhirlu l-kompetenzi tiegħu, li b’mod partikolari jikkonsistu fl-għoti tal-għajnuna inkwistjoni (ara s-sentenza tas‑17 ta’ Lulju 2014, Westfälisch-Lippischer Sparkassen- und Giroverband vs Il‑Kummissjoni, T‑457/09, EU:T:2014:683, punt 83 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55      F’dan il-każ, minn naħa, huwa paċifiku li l-FITD, bħala korp irregolat mid-dritt privat (ara l-punt 5 iktar ’il fuq) u li għandu personalità ġuridika, ta u pprovda l-miżuri kklassifikati bħala għajnuna fid-deċiżjoni kkontestata. Min-naħa l-oħra, hekk kif sostnut mill-FITD, id-deċiżjoni kkontestata mhux biss irrendiet impossibbli l-intervent tal-FITD favur Tercas f’dan il-każ, iżda eskludiet ukoll il-possibbiltà li fil-futur jitwettqu interventi oħra ta’ appoġġ, u b’hekk naqset l-awtonomija tal-FITD u dik tal-banek li huma membri tiegħu. Għalhekk, id-deċiżjoni kkontestata tikkonċerna individwalment lill-FITD fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 54 iktar ’il fuq, inkwantu timpedixxi lill-FITD milli jeżerċita kif jidhirlu l-kompetenzi tiegħu li jikkonsistu, f’dan il-każ, fl-adozzjoni ta’ miżuri għajr ir-rimbors tad-depożiti.

56      Għaldaqstant hemm lok li tiġi miċħuda l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tal-Kummissjoni inkwantu din hija intiża sabiex jiġi kkonstatat li l-FITD ma għandhux locus standi skont l-Artikolu 263 TFUE.

 Fuq il-mertu

57      Fil-Kawża T‑98/16, ir-Repubblika Taljana tinvoka erba’ motivi, ibbażati fuq il-kwistjonijiet li ġejjin:

–        il-finanzjament tal-għajnuna permezz ta’ “riżorsi ta’ l-Istat”;

–        l-imputabbiltà tal-għajnuna lill-Istat;

–        il-vantaġġ selettiv mogħti mill-għajnuna;

–        l-inkompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq intern.

58      Fil-Kawża T‑196/16, BPB tinvoka, min-naħa tagħha, seba’ motivi, ibbażati fuq:

–        il-motivazzjoni relatata mal-prova tal-eżistenza ta’ għajnuna “mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi ta’ l-Istat”;

–        il-finanzjament tal-għajnuna permezz ta’ “riżorsi ta’ l-Istat”;

–        l-imputabbiltà tal-għajnuna lill-Istat;

–        il-vantaġġ selettiv mogħti mill-għajnuna;

–        l-inkompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq intern;

–        il-klassifikazzjoni żbaljata tal-garanzija fiskali ta’ EUR 30 miljun;

–        l-irkupru tal-għajnuna.

59      Fl-aħħar nett, fil-Kawża T‑198/16, il-FITD jinvoka ħames motivi, ibbażati fuq:

–        il-finanzjament tal-għajnuna permezz ta’ “riżorsi ta’ l-Istat”;

–        l-imputabbiltà tal-għajnuna lill-Istat;

–        il-vantaġġ selettiv mogħti mill-għajnuna;

–        l-inkompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq intern;

–        il-klassifikazzjoni żbaljata tal-garanzija fiskali ta’ EUR 30 miljun.

60      Dawn il-motivi jirrigwardaw, essenzjalment, l-istadji prinċipali tar-raġunament segwit fid-deċiżjoni kkontestata sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tikkonkludi li teżisti għajnuna, li din hija inkompatibbli mas-suq intern u li huwa neċessarju li jiġi ordnat l-irkupru tagħha.

61      F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tqis opportun li teżamina fl-ewwel lok l-argumenti tal-partijiet li jirrigwardaw il-kriterju ta’ għajnuna “mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi ta’ l-Istat” fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Għal dan il-għan, hemm lok li jinġabru flimkien u li jiġu eżaminati flimkien it-tieni motiv imressaq mir-Repubblika Taljana fil-Kawża T‑98/16, it-tielet motiv imressaq minn BPB fil-Kawża T‑196/16 u t-tieni motiv imressaq mill-FITD fil-Kawża T‑198/16, inkwantu dawn jirrigwardaw il-kunċett ta’ imputabbiltà tal-għajnuna lill-Istat. Bl-istess mod, jeħtieġ li jinġabru flimkien u li jiġu eżaminati flimkien l-ewwel motiv imressaq mir-Repubblika Taljana fil-Kawża T‑98/16, it-tieni motiv imressaq minn BPB fil-Kawża T‑196/16 u l-ewwel motiv imressaq mill-FITD fil-Kawża T‑198/16, inkwantu dawn jirrigwardaw il-kunċett ta’ riżorsi tal-Istat.

 Osservazzjonijiet preliminari dwar il-kunċett ta’ “għajnuna mogħtija minn Stat”

62      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-klassifikazzjoni bħala “għajnuna mill-Istat” fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, tippresupponi li huma ssodisfatti erba’ kundizzjonijiet, jiġifieri li jkun hemm intervent tal-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, li dan l-intervent ikun kapaċi jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, li dan l-intervent jagħti vantaġġ lill-benefiċjarju tiegħu u li dan l-intervent iwassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2017, ENEA, C‑329/15, EU:C:2017:671, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).

63      Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni relatata mal-eżistenza ta’ intervent tal-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, għandu jitfakkar li, sabiex vantaġġi jkunu jistgħu jiġu kklassifikati bħala “għajnuna” fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, dawn għandhom, minn naħa, jingħataw direttament jew indirettament permezz ta’ riżorsi tal-Istat u, min-naħa l-oħra, ikunu imputabbli lill-Istat (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2017, ENEA, C‑329/15, EU:C:2017:671, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

64      F’dan ir-rigward, b’mod ġenerali, ma hemmx lok a priori li ssir distinzjoni bejn il-każijiet li fihom l-għajnuna hija mogħtija direttament mill-Istat u dawk li fihom din hija mogħtija permezz ta’ korp pubbliku jew privat, indikat jew stabbilit minn dan l-Istat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2017, ENEA, C‑329/15, EU:C:2017:671, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata, u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Saugmandsgaard Øe fil-kawża ENEA, C‑329/15, EU:C:2017:233, punt 67).

65      Fil-fatt, l-inklużjoni ta’ vantaġġi mogħtija permezz ta’ korpi distinti mill-Istat fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE hija intiża sabiex iżżomm l-effett utli tar-regoli dwar l-“għajnuna mill-Istati” iddefiniti fl-Artikoli 107 sa 109 TFUE. Għaldaqstant il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li d-dritt tal-Unjoni ma jistax jaċċetta li l-fatt waħdu li jinħolqu istituzzjonijiet awtonomi responsabbli mid-distribuzzjoni ta’ għajnuna jippermetti li jiġu evitati r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat (sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il‑Kummissjoni, C‑482/99, iktar ’il quddiem is-“sentenza Stardust” EU:C:2002:294, punt 23). Fi kliem ieħor, din il-ġurisprudenza hija intiża sabiex tiġġieled riskju ta’ nuqqas ta’ inklużjoni. Madankollu, id-deċiżjoni li jiġu inklużi l-vantaġġi mogħtija permezz ta’ korpi distinti mill-Istat twassal ukoll għal riskju partikolari ta’ inklużjoni żejda, fir-rigward tal-vantaġġi li ma humiex imputabbli lill-Istat jew li ma jimplikawx l-użu tar-riżorsi tal-Istat (ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Saugmandsgaard Øe fil-kawża ENEA, C‑329/15, EU:C:2017:233, punti 68 u 69 u l-ġurisprudenza ċċitata).

66      Huwa fid-dawl tan-neċessità li jiġi evitat kemm ir-riskju ta’ nuqqas ta’ inklużjoni kif ukoll dak ta’ inklużjoni żejda tal-vantaġġi mogħtija minn korpi distinti mill-Istat li hemm lok li jiġu eżaminati l-elementi meħud inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi l-oriġini Statali tal-miżuri kontenzjużi.

67      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat huwa ta’ natura ġuridika u għandu jiġi interpretat fuq il-bażi ta’ elementi oġġettivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il‑Kummissjoni, C‑487/06 P, EU:C:2008:757, punt 111, u tat‑30 ta’ Novembru 2016, Il‑Kummissjoni vs Franza u Orange, C‑486/15 P, EU:C:2016:912, punt 87), fosthom in-natura pubblika jew privata tal-entità li tkun tat l-għajnuna inkwistjoni. Meta din l-entità jkollha status privat jew tkun awtonoma, inkluż fir-rigward tal-ġestjoni tal-fondi tagħha, fir-rigward tal-interventi tal-awtoritajiet pubbliċi u tal-finanzi pubbliċi, fis-sens strett, il-Kummissjoni hija suġġetta, taħt l-istħarriġ sħiħ tal-qorti tal-Unjoni, għal obbligu iktar sinjifikattiv li tippreċiża u tissostanzja r-raġunijiet li jippermettulha tikkonkludi li jeżisti kontroll pubbliku fuq ir-riżorsi użati u li l-miżuri huma imputabbli lill-Istat u, għaldaqstant, li teżisti għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

68      B’hekk, f’sitwazzjoni fejn il-Kummissjoni kienet iddeduċiet l-imputabbiltà lill-Istat ta’ kontribuzzjonijiet finanzjarji mogħtija minn sussidjarji ta’ impriża pubblika mis-sempliċi fatt li dawn il-kumpanniji kienu indirettament ikkontrollati mill-Istat, ġie deċiż li, anki jekk l-Istat kien f’pożizzjoni li jikkontrolla impriża pubblika u li jeżerċita influwenza dominanti fuq l-operazzjonijiet tagħha, l-eżerċizzju effettiv ta’ dan il-kontroll f’każ partikolari ma jistax jiġi awtomatikament preżunt (sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2002, Stardust, C‑482/99, EU:C:2002:294, punti 50 sa 52). F’tali każ, il-Kummissjoni għandha jkollha numru ta’ indizji li jirriżultaw miċ-ċirkustanzi tal-każ u mill-kuntest li fih dawn il-kontribuzzjonijiet finanzjarji kienu saru sabiex jiġi stabbilit il-livell ta’ involviment tal-awtoritajiet pubbliċi fl-għoti tagħhom permezz ta’ impriża pubblika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2002, Stardust, C‑482/99, EU:C:2002:294, punti 52 u 55).

69      Dan l-obbligu tal-Kummissjoni huwa iktar u iktar neċessarju f’sitwazzjoni fejn, bħal f’dan il-każ, il-miżura inkwistjoni hija pprovduta minn entità privata. Fil-fatt, f’tali sitwazzjoni, ma huwiex possibbli li jiġi preżunt li l-Istat jista’ jikkontrolla din l-impriża u jeżerċita influwenza dominanti fuq l-operazzjonijiet tagħha minħabba r-rabta kapitalistika u l-prerogattivi relatati magħha. Għaldaqstant hija l-Kummissjoni li għandha tipprova, b’mod suffiċjenti skont il-liġi, livell suffiċjenti ta’ involviment tal-Istat fl-għoti tal-miżura inkwistjoni billi turi mhux biss li l-Istat għandu l-possibbiltà jeżerċita influwenza dominanti fuq l-entità li tipprovdi l-għajnuna, iżda wkoll li dan kien f’pożizzjoni li jeżerċita dan il-kontroll fil-każ konkret.

70      Barra minn hekk, minkejja n-neċessità li ssir distinzjoni bejn l-imputabbiltà ta’ għajnuna lil Stat u l-kwistjoni dwar jekk l-għajnuna ngħatatx permezz ta’ riżorsi tal-Istat, li jikkostitwixxu kundizzjonijiet distinti u kumulattivi (ara s-sentenza tal‑5 ta’ April 2006, Deutsche Bahn vs Il‑Kummissjoni, T‑351/02, EU:T:2006:104, punt 103 u l-ġurisprudenza ċċitata), il-Kummissjoni ma pprovatx, f’dan il-każ, tiddistingwi b’mod ċar dawn il-kundizzjonijiet (ara l-premessa 144 tad-deċiżjoni kkontestata). Għalhekk, il-Qorti Ġenerali tqis opportun, fl-ewwel lok, li teżamina l-elementi differenti meħuda inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi l-imputabbiltà tal-intervent lill-Istat u, fit-tieni lok, li tevalwa l-elementi relatati mal-kontroll eżerċitat mill-awtoritajiet pubbliċi fuq ir-riżorsi użati għall-intervent tal-FITD favur Tercas.

 L-elementi meħuda inkunsiderazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata sabiex tiġi stabbilita l-oriġini Statali -Istat tal-miżuri

71      Wara li rrilevat, fil-premessa 112 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-fattur determinanti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ “għajnuna […] mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi ta’ l-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, ma kienx l-oriġini diretta ta’ dawn ir-riżorsi, iżda l-livell ta’ intervent tal-awtorità pubblika fid-definizzjoni tal-miżuri u tal-mod ta’ finanzjament tagħhom, il-Kummissjoni indikat fil-premessi 117 sa 145 l-elementi differenti, ikklassifikati bħala “biżżejjed evidenza”, li hija ħadet inkunsiderazzjoni.

72      Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni qieset li l-Istat Taljan kien ta lill-FITD “mandat pubbliku” relatat mal-protezzjoni tad-depożitanti, li huwa jeżerċita taħt forom differenti. F’dan ir-rigward, fil-premessa 120 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni enfasizzat li l-protezzjoni tat-tfaddil u tad-depożitanti kellha pożizzjoni speċjali fid-dritt Taljan, li jipproteġi t-tfaddil u li jagħti lill-Bank tal-Italja l-kompitu li jissalvagwardja l-istabbiltà tas-sistema bankarja Taljana, sabiex jiġu protetti d-depożitanti.

73      F’dan il-kuntest, fil-premessa 121 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li l-Artikolu 96a tal-Liġi Taljana dwar il-Banek kellha tiġi interpretata bħala “definizzjoni speċifika tal-mandat pubbliku ta’ protezzjoni tad-depożitanti, applikabbli għall-iskemi ta’ garanzija tad-depożiti rikonoxxuti fl-Italja”. Il-Kummissjoni, fil-fatt, ippreċiżat li, “[b]l-inklużjoni tal-aħħar sentenza fl-Artikolu 96(a)(1) [tal-Liġi Taljana dwar il-Banek], li tgħid li l-iskemi ta’ garanzija tad-depożiti ‘jistgħu jipprovdu każijiet u forom oħrajn ta’ intervent’ minbarra r-rimborż tad-depożitanti, l-awtoritajiet Taljani [kienu] għażlu li jippermettu lill-iskemi ta’ garanzija tad-depożiti tagħhom rikonoxxuti l-użu tar-riżorsi miġbura minn banek membri għal każijiet differenti ta’ intervent”. Il-Kummissjoni indikat ukoll li l-Artikolu 96a tal-Liġi Taljana dwar il-Banek kienet għalhekk tikkostitwixxi, minn naħa, il-bażi għar-rikonoxximent tal-FITD bħala skema ta’ garanzija tad-depożiti obbligatorja fl-Italja u, min-naħa l-oħra, id-dispożizzjoni li tagħti lill-FITD il-kompetenza sabiex jimplimenta “interventi ta’ appoġġ”, inkluż għalhekk intervent ta’ appoġġ imwettaq mill-FITD skont l-Artikolu 29 tal-Istatut tiegħu.

74      Għalhekk, fil-premessa 122 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrilevat li “[i]l-fatt li l-FITD huwa organizzat bħala konsorzju privat [kien] irrilevanti f’dan il-kuntest, peress li s-sempliċi inkorporazzjoni fil-forma ta’ korp tal-liġi komuni, ma tistax tiġi kkunsidrata suffiċjenti sabiex ikun eskluż li miżura ta’ għajnuna meġuda minn istituzzjoni ta’ dan it-tip tkun imputabbli lill-Istat”. Hija enfasizzat ukoll li “[l]-għanijiet tal-FITD, jiġifieri l-insegwiment tal-interessi komuni tal-membri tiegħu permezz tal-tisħiħ tas-sigurtà tad-depożiti u l-protezzjoni tar-reputazzjoni tas-sistema bankarja, [kienu] jikkoinċidu b’mod ċar mal-interessi pubbliċi”. Madankollu, il-Kummissjoni osservat, minn naħa, li “din il-koinċidenza mhux bilfors [kienet] timplika li l-kumpanija [f’dan il-każ, il-FITD] setgħet tadotta d-deċiżjoni tagħha mingħajr ma tieħu inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet tal-awtoritajiet pubbliċi”, u, min-naħa l-oħra, li “mhux bilfors li l-influwenzat al-Istat [tkun] ġejja minn att legalment vinkolanti ta’ awtorità pubblika. L-awtonomija li ġeneralment ikollha l-kumpanija ma [kinitx teskludi] l-involviment konkret tal-Istat”.

75      Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni ppreċiżat, fil-premessa 123 tad-deċiżjoni kkontestata, li “il-leġiżlazzjoni Taljana u dik tal-Unjoni [kienu] jagħtu lill-[Bank tal-Italja] l-awtorità u l-mezzi biex [j]iggarantixxi li l-interventi kollha tal-FITD, bħala skema ta’ garanzija tad-depożiti rikonoxxut skont il-[Liġi Taljana dwar il-Banek], jissodisfaw […] il-mandat u jikkontribwixxu għall-protezzjoni tad-depożitanti”.

76      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni qieset li l-awtoritajiet pubbliċi Taljani kellhom il-possibbiltà jinfluwenzaw l-istadji kollha tal-implimentazzjoni ta’ intervent ta’ appoġġ bħal dak inkwistjoni f’dan il-każ.

77      L-ewwel nett, il-Kummissjoni rrilevat li l-Liġi Taljana dwar il-Banek kienet tagħti lill-Bank tal-Italja s-setgħa jawtorizza l-interventi tal-iskemi ta’ garanzija tad-depożiti, inkluż l-interventi ta’ appoġġ, u jissorvelja l-osservanza tagħhom tal-għanijiet ta’ stabbiltà tas-sistema bankarja u ta’ protezzjoni tad-depożiti (premessi 127, 141 u 142 tad-deċiżjoni kkontestata). F’dan ir-rigward, fil-premessa 129 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li l-awtorizzazzjoni tal-Bank tal-Italja kellha sseħħ f’fażi li fiha l-FITD kien għadu jista’ jirrevedi u jemenda l-miżura proposta jekk il-Bank tal-Italja kien joġġezzjona għaliha. Hija għalhekk qieset li l-awtoritajiet Taljani kienu jeżerċitaw influwenza fuq l-interventi ta’ appoġġ qabel ma l-adozzjoni tagħhom tkun effettivament deċiża (premessa 130 tad-deċiżjoni kkontestata).

78      It-tieni nett, il-Kummissjoni qieset li l-awtoritajiet pubbliċi Taljani kellhom il-possibbiltà jibdew il-proċedura li twassal għal intervent ta’ appoġġ. F’dan ir-rigward, fil-premessa 128 tad-deċiżjoni kkontestata, hija rrilevat li biss il-banek imqiegħda taħt amministrazzjoni straordinarja setgħu jibbenefikaw minn interventi ta’ appoġġ. Issa, minn naħa, il-banek huma mqiegħda taħt amministrazzjoni straordinarja mill-Ministeru għall-Ekonomija fuq proposta tal-Bank tal-Italja. Min-naħa l-oħra, it-talba għal intervent tintbagħat lill-FITD mill-kummissarju speċjali, li huwa nnominat u ssuperviżjonat mill-Bank tal-Italja.

79      It-tielet nett, il-Kummissjoni qieset li l-influwenza tal-awtoritajiet pubbliċi Taljani kienet iktar evidenti minħabba l-preżenza ta’ rappreżentanti fil-laqgħat deċiżjonali, fejn l-istess awtoritajiet kellhom l-opportunità jesprimu, f’fażi bikrija, id-dubji tagħhom (premessi 129 u 130 tad-deċiżjoni kkontestata).

80      Għaldaqstant, fil-premessa 138 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonkludiet li, “fil-każ inkwistjoni, kemm fil-prinċipju kif ukoll fil-prattika, l-awtoritajiet Taljani [kienu] jeżerċitaw kontroll kontinwu fuq il-konformità tal-użu tar-riżorsi tal-FITD mal-għanijiet ta’ interess pubbliku u [kienu] jinfluwenzaw l-użu ta’ dawn ir-riżorsi mill-FITD”.

81      Fit-tielet lok, fil-premessi 133 sa 136 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrilevat li, għall-banek Taljani, kien obbligatorju li jissieħbu mal-FITD u li jikkontribwixxu għall-interventi li kienu deċiżi mill-korpi governattivi tiegħu. Għaldaqstant, irrispettivament mill-interessi individwali tagħhom, il-membri tal-konsorzju la jistgħu jeżerċitaw dritt ta’ veto fuq din id-deċiżjoni, u lanqas jiddiżassoċjaw ruħhom mill-intervent. Għalhekk, skont il-Kummissjoni, l-intervent huwa imputabbli lill-FITD u mhux lill-banek tal-konsorzju. Għaldaqstant, peress li s-sħubija mal-FITD u l-kontribuzzjonijiet għall-interventi li huwa jiddeċiedi huma obbligatorji, il-Kummissjoni indikat li l-membri tal-FITD “[kienu obbligat[i], skont ir-regolamenti Taljani, li jikkontribwixxu għall-ispejjeż tal-interventi ta’ appoġġ tal-FITD” u li “r-riżorsi li jintużaw biex jiffinanzjaw dawn l-interventi ta’ appoġġ [kienu] b’mod ċar preskritti, ġestiti u mqassma skont il-liġi jew standards pubbliċi oħrajn u allura [kellhom] karattur pubbliku” (ara l-premessa 137 tad-deċiżjoni kkontestata).

82      Fid-dawl ta’ dan li ntqal iktar ’il fuq, fil-premessa 144 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li kien hemm, f’dan il-każ, biżżejjed evidenza sabiex jiġi pprovat li l-miżuri kontenzjużi kienu imputabbli lill-Istat u kienu ffinanzjati permezz ta’ riżorsi pubbliċi. B’mod partikolari, fir-rigward tal-imputabbiltà tal-miżuri kontenzjużi lill-Istat, fil-premessa 145 tad-deċiżjoni kkontestata, hija ppreċiżat li, anki fil-każ li, analizzati individwalment, ċerti aspetti li hija ddeduċiet ma humiex fihom infushom biżżejjed sabiex jiġi konkluż li l-miżuri kontenzjużi kienu imputabbli lill-Istat, is-serje ta’ indizji li hija evalwat kienu juru, kollha kemm huma, l-imputabbiltà lill-Istat tal-interventi tal-FITD.

 Fuq l-imputabbiltà tal-miżuri kontenzjużi lill-Istat Taljan

83      Fl-ewwel lok, sabiex tiġi evalwata l-imputabbiltà ta’ miżura lill-Istat, għandu jiġi eżaminat jekk l-awtoritajiet pubbliċi kinux involuti fl-adozzjoni ta’ din il-miżura (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2017, ENEA, C‑329/15, EU:C:2017:671, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

84      F’dan ir-rigward, f’sitwazzjoni li tirrigwarda l-imputabbiltà lill-Istat ta’ miżura ta’ għajnuna adottata minn impriża pubblika, kien ġie deċiż li din setgħet tiġi dedotta minn numru ta’ indizji li jirriżultaw miċ-ċirkustanzi tal-każ u mill-kuntest li fih din il-miżura kienet ġiet adottata, fosthom il-fatt li l-korp inkwistjoni ma setax jadotta d-deċiżjoni kkontestata mingħajr ma jieħu inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti tal-awtoritajiet pubbliċi jew il-fatt li, minbarra elementi ta’ natura organika li kienu jorbtu lill-impriżi pubbliċi mal-Istat, dawn l-impriżi, li permezz tagħhom kienet ingħatat l-għajnuna, kellhom jieħdu inkunsiderazzjoni d-direttivi maħruġa minn kumitat interministerjali għall-programmazzjoni ekonomika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2002, Stardust, C‑482/99, EU:C:2002:294, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

85      Skont din l-istess ġurisprudenza, indizji oħra jistgħu, jekk ikun il-każ, ikunu rilevanti sabiex tiġi affermata l-imputabbiltà lill-Istat ta’ miżura ta’ għajnuna adottata minn impriża pubblika, bħall-integrazzjoni tagħha fl-istrutturi tal-amministrazzjoni pubblika, in-natura tal-attivitajiet tagħha u l-eżerċizzju ta’ dawn tal-aħħar fis-suq f’kundizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni ma’ operaturi privati, l-istatus ġuridiku tal-impriża, fis-sens jekk din hijiex irregolata mid-dritt pubbliku jew mid-dritt ordinarju tal-kumpanniji, l-intensità tas-superviżjoni eżerċitata mill-awtoritajiet pubbliċi fuq it-tmexxija tal-impriża jew kwalunkwe indizju ieħor li jindika, fil-każ konkret, involviment tal-awtoritajiet pubbliċi jew l-improbabbiltà ta’ assenza ta’ involviment fl-adozzjoni ta’ miżura, fid-dawl ukoll tal-portata ta’ din il-miżura, tal-kontenut tagħha jew tal-kundizzjonijiet li din tinkludi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Mejju 2002, Stardust, C‑482/99, EU:C:2002:294, punt 56, u tat‑23 ta’ Novembru 2017, SACE u Sace BT vs Il‑Kummissjoni, C‑472/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2017:885, punt 36).

86      Barra minn hekk, fid-dawl tar-riskju ta’ nuqqas ta’ inklużjoni (ara l-punti 64 u 65 iktar ’il fuq), ġie deċiż li s-sempliċi fatt li impriża pubblika kienet ġiet ikkostitwita taħt il-forma ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju rregolata mid-dritt ordinarju ma jistax, fid-dawl tal-awtonomija li din il-forma ġuridika tista’ tagħtiha, jitqies bħala suffiċjenti sabiex jiġi eskluż li miżura ta’ għajnuna adottata minn tali kumpannija tkun imputabbli lill-Istat. Fil-fatt, l-eżistenza ta’ sitwazzjoni ta’ kontroll u l-possibbiltajiet reali ta’ eżerċizzju ta’ influwenza dominanti li din tinvolvi fil-prattika jipprekludu li tiġi eskluża mal-ewwel kull imputabbiltà lill-Istat ta’ miżura adottata minn tali kumpannija u, konsegwentement, li jiġi eskluż ir-riskju ta’ ksur tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, minkejja r-rilevanza, fiha nnifisha, tal-forma ġuridika tal-impriża pubblika bħala indizju, fost oħrajn, li jippermetti li jiġi stabbilit, f’każ konkret, l-involviment tal-Istat jew le (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2002, Stardust, C‑482/99, EU:C:2002:294, punt 57).

87      Għall-kuntrarju, fir-rigward tal-imputabbiltà ta’ miżura ta’ għajnuna adottata minn entità privata, għalkemm il-forma ġuridika ta’ tali entità ma tippermettix fiha nnifisha li jiġi eskluż li tali miżura hija imputabbli lill-Istat, xorta jibqa’ l-fatt li hija l-Kummissjoni li għandha tipprova, b’mod suffiċjenti skont il-liġi, l-involviment tal-Istat fl-għoti tal-imsemmija miżura, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-ispeċifiċitajiet tas-sitwazzjoni ta’ din l-entità privata (ara l-punti 67 sa 69 iktar ’il fuq).

88      Issa, bid-differenza ta’ impriża pubblika, fis-sens tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/111/KE tas‑16 ta’ Novembru 2006 dwar it-trasparenza tar-relazzjonijiet finanzjarji bejn l-Istati Membri u l-impriżi pubbliċi kif ukoll dwar it-trasparenza finanzjarja fi ħdan ċerti impriżi (ĠU 2008, L 348M, p. 906, rettifika fil-ĠU 2009, L 84M, p. 555), li jipprovdi li l-kunċett ta’ impriża pubblika jinkludi għal “kull impriża li fuqha l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jeżerċitaw direttament jew indirettament influwenza dominanti bis-saħħa tal-pussess li għandhom tagħha, il-parteċipazzjoni finanzjarja tagħhom fiha, jew ir-regoli li jirregolawha” entità privata għandha awtonomija bħala prinċipju fuq il-livell deċiżjonali. Barra minn hekk, din l-awtonomija hija neċessarjament ikbar fir-rigward tal-Istat milli kieku dan kien id-direttur tagħha jew l-uniku azzjonist tagħha, b’tali mod li l-elementi mressqa mill-Kummissjoni, eventwalment fil-forma ta’ indizji, fir-rigward tal-eżistenza ta’ kontroll jew ta’ influwenza dominanti fuq l-operazzjonijiet ta’ tali entità privata jistgħu iktar inqas ikunu ta’ bażi għal preżunzjonijiet u għandhom iktar u iktar jidhru bħala suffiċjentement probatorji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2015, SACE u Sace BT vs Il‑Kummissjoni, T‑305/13, EU:T:2015:435, punti 40 u 41; ara, wkoll il-punti 68 u 69 iktar ’il fuq).

89      B’hekk, bid-differenza ta’ sitwazzjoni li fiha miżura adottata minn impriża pubblika hija imputata lill-Istat, fil-każ ta’ miżura adottata minn entità privata, il-Kummissjoni ma tistax tillimita ruħha tistabbilixxi, b’teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni, li l-assenza ta’ influwenza u ta’ kontroll effettiv tal-awtoritajiet pubbliċi fuq din l-entità privata hija improbabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2015, SACE u Sace BT vs Il‑Kummissjoni, T‑305/13, EU:T:2015:435, punt 48).

90      F’dan il-każ, fid-dawl tal-fatt li l-miżura inkwistjoni kienet ġiet ipprovduta minn entità privata, il-Kummissjoni iktar u iktar kellha l-obbligu tindika u tissostanzja l-elementi li ppermettewlha tikkonkludi li kien hemm biżżejjed indizji li jippermettu li jiġi pprovat li din il-miżura kienet ġiet adottata taħt l-influwenza jew il-kontroll effettiv tal-awtoritajiet pubbliċi (ara l-punt 69 iktar ’il fuq) u li, għaldaqstant, din il-miżura kienet, fil-fatt, imputabbli lill-Istat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2015, SACE u Sace BT vs Il‑Kummissjoni, T‑305/13, EU:T:2015:435, punt 48).

91      B’mod ġenerali, bħal fir-rigward tal-kriterju relatat mal-eżistenza ta’ riżorsi pubbliċi, il-fattur determinanti sabiex jiġi evalwat il-kriterju relatat mal-imputabbiltà tal-miżura inkwistjoni lill-Istat huwa dak tal-livell ta’ intervent tal-awtoritajiet pubbliċi fid-definizzjoni tal-miżuri inkwistjoni u tal-mod ta’ finanzjament tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Settembru 2012, Franza vs Il‑Kummissjoni, T‑139/09, EU:C:2012:496, punt 63). Fil-fatt, huwa biss livell ta’ intervent suffiċjentement għoli li jippermetti li jiġi konkluż fis-sens tal-imputabbiltà tal-miżuri inkwistjoni lill-Istat Taljan. Għaldaqstant, huwa b’mod ġust li, fil-premessa 112 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq dan il-fattur sabiex tiddefinixxi l-portata tal-analiżi tagħha fir-rigward tal-prova tal-oriġini Statali tal-imsemmija miżuri.

92      F’dan ir-rigward, fir-rigward tal-imputabbiltà lill-Istat ta’ dawn il-miżuri, ir-rikorrenti, sostnuti mill-Bank tal-Italja, isostnu, l-ewwel nett, li l-intervent favur Tercas kien ġie deċiż mill-korpi governattivi tal-FITD bil-qbil unanimu tar-rappreżentanti kollha tal-membri tiegħu, wara sempliċi talba tal-kummissarju speċjali. L-ebda awtorità pubblika ma setgħet tobbliga lill-FITD iwettaq l-intervent jekk dan ma kienx ġie meqjus li kien konformi mal-interess tal-membri tal-konsorzju. Barra minn hekk, il-kummissarju speċjali aġixxa fil-kwalità ta’ servizzjant u ta’ rappreżentant legali ta’ BPB, filwaqt li llimita ruħu jibgħat lill-FITD sempliċi talba għal intervent li ma kinitx torbot lill-konsorzju. Ir-rappreżentanti tal-Bank tal-Italja kienu pparteċipaw fil-laqgħat tal-FITD bħala osservaturi, mingħajr dritt tat-vot, lanqas wieħed konsultattiv. Barra minn hekk, il-kuntatti preliminari mal-Bank tal-Italja u l-istedina mhux vinkolanti tiegħu lill-FITD li jilħaq ftehim ibbilanċjat ma’ BPB huma l-espressjoni ta’ djalogu naturali bejn il-partijiet ikkonċernati. Fl-aħħar nett, l-awtorizzazzjoni tal-intervent tal-FITD mill-Bank tal-Italja taqa’ fil-kuntest tal-kompitu tiegħu ta’ sorveljanza u ta’ superviżjoni bil-għan li tiġi żgurata t-tmexxija soda u prudenti tal-banek fdat lilu mil-liġi. Din l-awtorizzazzjoni ngħatat 38 jum wara d-deċiżjoni tal-FITD dwar l-intervent u l-FITD kien liberu li ma jwettaqx l-intervent.

93      Il-Kummissjoni ssostni li identifikat sensiela ta’ indizji li, ikkunsidrati flimkien, jippermettu li tiġi stabbilita l-imputabbiltà tal-miżuri kontenzjużi lill-Istat. Fl-ewwel lok, għalkemm il-FITD huwa konsorzju privat, huwa essenzjalment irid jilħaq għan pubbliku, jiġifieri l-protezzjoni ta’ min ifaddal, għan issorveljat mill-Bank tal-Italja. Fit-tieni lok, il-kummissarju speċjali huwa uffiċjal pubbliku, innominat mill-Bank tal-Italja u suġġett għall-kontroll tiegħu. Fit-tielet lok, il-parteċipazzjoni ta’ uffiċjal tal-Bank tal-Italja fil-laqgħat tal-Kunsill u tal-Kumitat ta’ Tmexxija, bħala osservatur tippermetti lill-Bank tal-Italja jesprimi, f’fażi bikrija, id-dubji kollha tiegħu dwar l-intervent previst. Il-preżenza, anki jekk bħala osservatur, ta’ rappreżentant tal-Bank tal-Italja tippermetti lil din tal-aħħar jeżerċita l-kontroll tiegħu fuq l-azzjonijiet tal-FITD. Fir-raba’ lok, il-Kummissjoni tenfasizza li l-interventi kollha li l-FITD ikollu l-ħsieb jimplimenta, mir-rimbors ta’ min ifaddal għall-interventi l-oħra, jeħtieġu l-awtorizzazzjoni minn qabel tal-Bank tal-Italja.

–       Fuq il-portata tal-mandat pubbliku fdat lill-FITD

94      Ir-rikorrenti essenzjalment isostnu li l-FITD ma għandux mandat pubbliku sabiex iwettaq interventi favur banek f’diffikultà, minħabba, peress illi l-Artikolu 96a tal-Liġi Taljana dwar il-Banek jipprevedi biss il-possibbiltà ta’ interventi oħrajn, mingħajr preċiżjoni addizzjonali, il-FITD huwa awtonomu fir-rigward tal-interventi għajr ir-rimbors tad-depożiti. Għalhekk, fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar, il-leġiżlatur Taljan ħalla lill-iskemi ta’ garanzija tad-depożiti, bħall-FITD, il-kompitu li jiddefinixxu b’mod kompletament awtonomu, il-portata u l-modalitajiet konkreti ta’ tali interventi. Għaldaqstant, l-interventi msemmija fl-Artikolu 29 tal-Istatut tal-FITD jissodisfaw prinċipalment l-interessi privati tal-banek membri tal-konsorzju. Barra minn hekk, id-deċiżjoni li tiġi prevista fl-Istatut tal-FITD il-possibbiltà ta’ twettiq ta’ interventi għajr ir-rimbors ta’ depożiti kienet ittieħdet mill-banek membri tal-konsorzju, u ebda regola jew ebda att amministrattiv ma jobbligahom f’dan is-sens. Il-fatt li l-Bank tal-Italja japprova l-Istatut tal-FITD ma jinfluwenzax il-mekkaniżmi deċiżjonali tiegħu, peress li l-Bank tal-Italja għandu jillimita ruħu jikkonstata li d-dispożizzjonijiet statutorji relatati mal-kompiti ta’ natura pubblika mogħtija lill-FITD josservaw l-għan legali ta’ protezzjoni tad-depożitanti.

95      Il-Kummissjoni twieġeb li, għalkemm huwa konsorzju rregolat mid-dritt privat, b’korpi tiegħu stess u formalment indipendenti, il-FITD huwa legalment inkarigat iwettaq funzjoni ta’ interess pubbliku, jiġifieri l-protezzjoni ta’ min ifaddal, li tirriżulta f’forom differenti ta’ intervent. Din il-konstatazzjoni hija barra minn hekk ikkonfermata mill-fatt li l-FITD jindika fuq is-sit internet tiegħu li l-għan istituzzjonali tiegħu huwa li jipprovdi garanzija lid-depożitanti tal-banek membri tal-konsorzju u li din il-funzjoni tista’ tieħu diversi forom. Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, il-protezzjoni tat-tfaddil fl-Italja hija għan ta’ natura pubblika b’valur kostituzzjonali. Il-fatt li l-Bank tal-Italja, billi jawtorizza l-interventi kollha deċiżi mill-FITD, jaġixxi, skont l-Artikolu 96b tal-Liġi Taljana dwar il-Banek, “b’teħid inkunsiderazzjoni tal-protezzjoni ta’ min ifaddal u tal-istabbiltà tas-sistema bankarja” jikkonferma li l-interventi kollha tal-FITD huma intiżi għall-protezzjoni ta’ min ifaddal, li l-FITD jaġixxi b’eżekuzzjoni ta’ mandat pubbliku u li dan huwa suġġett għall-intervent ta’ natura pubblika eżerċitat mill-Bank tal-Italja.

96      Fl-ewwel lok, bħar-rikorrenti, għandu jiġi kkonstatat li l-interventi ta’ appoġġ tal-FITD huma prinċipalment intiżi sabiex jintlaħqu l-interessi privati tal-banek membri tal-FITD.

97      Għalhekk, għall-membri tal-FITD, l-interventi ta’ appoġġ huma qabel kollox intiżi sabiex jiġu evitati l-konsegwenzi ekonomiċi iktar qawwija ta’ rimbors tad-depożiti fil-każ ta’ stralċ amministrattiv forzat. Fil-fatt, mill-kliem tal-Artikolu 29(1) tal-Istatut tal-FITD jirriżulta li l-interventi ta’ appoġġ huma suġġetti għal żewġ kundizzjonijiet kumulattivi. Minn naħa, għandu jkun hemm prospetti ta’ rkupru tal-bank f’diffikultà li jibbenefika mill-intervent, sabiex jiġi evitat li l-FITD ikun mitlub jintervjeni mill-ġdid fil-futur, kemm jekk permezz ta’ intervent ta’ appoġġ ġdid jew permezz tal-obbligu legali ta’ rimbors tad-depożiti. Min-naħa l-oħra, l-interventi ta’ appoġġ għandhom jikkostitwixxu oneru finanzjarju iżgħar għall-banek membri tal-FITD meta’ mqabbel mal-obbligu legali ta’ rimbors tad-depożiti. Għandu jiġi kkonstatat li, billi jimponi din l-aħħar kundizzjoni, l-Istatut tal-FITD jipprivileġġa l-interessi privati tal-banek membri tal-FITD fir-rigward ta’ kull kunsiderazzjoni oħra marbuta mal-protezzjoni tat-tfaddil. Fil-fatt, l-Istatut tal-FITD jipprekludi kull intervent ta’ appoġġ li jinvolvi oneru finanzjarju eċċessiv għall-membri tal-FITD, anki fil-każ li tali intervent ta’ appoġġ jippermetti protezzjoni aħjar tat-tfaddil billi jipproteġi wkoll id-depożiti lil hinn mil-limitu legali ta’ EUR 100 000 fil-każ ta’ stralċ amministrattiv forzat.

98      Għall-membri tal-FITD, l-interventi ta’ appoġġ huma wkoll intiżi sabiex jiġu evitati l-konsegwenzi negattivi fir-rigward tagħhom u għas-settur bankarju kollu, b’mod partikolari f’termini ta’ reputazzjoni u ta’ riskju ta’ paniku fost id-depożitanti, li jwassal għalihom l-istralċ amministrattiv forzat ta’ bank f’diffikultà. Issa, il-fatt li settur jistabbilixxi sistema privata ta’ assistenza reċiproka ma jikkostitwixxix fih nnifsu indizju tal-involviment tal-Istat. Fil-fatt, f’dan il-każ, hekk kif tirrikonoxxi l-Kummissjoni fil-premessa 122 tad-deċiżjoni kkontestata, il-banek membri tal-FITD għandhom interess reċiproku fit-tisħiħ tas-sigurtà tad-depożiti u fil-protezzjoni tar-reputazzjoni tas-sistema bankarja. F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat ukoll li l-ħolqien ta’ fond ta’ garanzija tad-depożiti u l-possibbiltà li jsiru interventi ta’ appoġġ jinsabu fl-oriġini ta’ inizjattiva purament privata tal-banek membri tal-FITD, fi żmien fejn il-leġiżlazzjoni ma kinitx tobbliga lill-banek jissieħbu ma’ xi skema ta’ garanzija tad-depożiti (ara l-punt 5 iktar ’il fuq).

99      Ċertament, l-interessi privati tal-banek membri tal-konsorzju jistgħu jikkoinċidu mal-interess pubbliku. Madankollu, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-fatt li, f’ċerti każijiet, l-għanijiet ta’ interess ġenerali jkunu konsistenti mal-interess tal-entitajiet privati - bħal konsorzju rregolat mid-dritt privat bħal f’dan il-każ - ma jipprovdi, waħdu, ebda indikazzjoni dwar l-involviment eventwali jew l-assenza ta’ involviment tal-awtoritajiet pubbliċi, b’mod jew ieħor, fl-adozzjoni tal-miżura inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2017, SACE u Sace BT vs Il‑Kummissjoni, C‑472/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2017:885, punt 26).

100    Fit-tieni lok, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, għandu jiġi kkonstatat li l-interventi ta’ appoġġ ma jimplimentawx xi mandat pubbliku fdat mil-leġiżlazzjoni Taljana.

101    Minn naħa, mill-Artikolu 96a(1) tal-Liġi Taljana dwar il-Banek, li jipprovdi li “[l]-iskemi ta’ garanzija għandhom jwettqu r-rimborsi fil-każ ta’ stralċ amministrattiv forzat tal-banek awtorizzati fl-Italja”, jirriżulta li l-mandat pubbliku mogħti lill-FITD mil-liġi Taljana jikkonsisti biss fir-rimbors tad-depożitanti, inkwantu skema ta’ garanzija, meta bank membru ta’ dan il-konsorzju jkun is-suġġett ta’ stralċ amministrattiv forzat. Il-mandat pubbliku mogħti mil-leġiżlazzjoni Taljana lill-iskemi ta’ garanzija tad-depożiti huwa barra minn hekk mhux biss limitat għar-rimbors tad-depożiti fil-każ ta’ stralċ amministrattiv forzat, iżda wkoll suġġett għal limitu, peress illi l-Artikolu 96a(5) tal-Liġi Taljana dwar il-Banek jipprovdi li “il-limitu ta’ rimbors għal kull depożitant għandu jkun ta’ EUR 100 000”. Għaldaqstant, barra minn dan l-ambitu, il-FITD ma jaġixxix b’eżekuzzjoni ta’ għan pubbliku impost mil-leġiżlazzjoni Taljana (ara l-punt 97 iktar ’il fuq).

102    Min-naħa l-oħra, għandu jiġi osservat li l-leġiżlazzjoni Taljana bl-ebda mod ma tobbliga lill-FITD, jew lill-ebda skema ta’ garanzija tad-depożiti, jipprevedi l-possibbiltà li jsiru interventi ta’ appoġġ. Din lanqas ma tirregola l-modalitajiet ta’ tali interventi. Id-dispożizzjoni legali invokata mill-Kummissjoni ma timponix lill-FITD, fl-assenza ta’ stralċ amministrattiv forzat ta’ wieħed mill-membri tiegħu, jintervjeni abbażi ta’ mandat pubbliku ta’ protezzjoni tad-depożitanti. Fil-fatt, minbarra r-rimbors tad-depożiti din id-dispożizzjoni ma tipprevedi ebda forma ta’ intervent obbligatorju.

103    Ċertament, għalkemm l-Artikolu 96a(1) tal-Liġi Taljana dwar il-Banek jipprovdi li “[l]-iskemi ta’ garanzija jistgħu jipprevedu każijiet u forom oħra ta’ intervent”, minn din id-dispożizzjoni jirriżulta espressament li din hija biss sempliċi possibbiltà mħollija għall-evalwazzjoni libera tal-iskemi ta’ garanzija tad-depożiti. Il-leġiżlazzjoni Taljana ma timponix li dawn is-sistemi jipprevedu każijiet u forom ta’ interventi differenti mill-obbligu legali ta’ rimbors tad-depożiti fil-każ ta’ stralċ amministrattiv forzat. Barra minn hekk, għalkemm skema Taljana ta’ garanzija tad-depożiti tipprevedi l-possibbiltà ta’ tali interventi, il-leġiżlatur Taljan jippermettilha tiddefinixxi l-għan u l-modalitajiet tagħha.

104    F’dan il-każ, il-possibbiltà għall-FITD li jwettaq ta’ interventi ta’ appoġġ ma tirriżultax, għaldaqstant, minn xi obbligu legali, iżda biss minn deċiżjoni awtonoma tal-banek membri tal-konsorzju li jintroduċu tali possibbiltà fl-Istatut tal-FITD. Huma wkoll il-banek membri tal-konsorzju li ddefinixxew b’mod awtonomu l-kundizzjonijiet li fihom jistgħu jseħħu tali interventi ta’ appoġġ. Għalhekk, l-Artikolu 29 tal-Istatut tal-FITD li jipprevedi li l-FITD “jista’ jintervjeni favur membru tal-konsorzju suġġett għas-sistema ta’ amministrazzjoni straordinarja jekk ikun hemm prospetti ta’ organizzazzjoni mill-ġdid u jekk jista’ jiġi previst li l-ispiża tkun inqas minn dik ta’ intervent fil-każ ta’ stralċ”.

105    Issa, fl-assenza ta’ kull obbligu ġuridiku li jiġu previsti tali interventi, il-fatt li, skont l-Artikolu 96b(1)(a) tal-Liġi Taljana dwar il-Banek, l-Istatut tal-FITD għandu jiġi approvat mill-Bank tal-Italja ma jikkostitwixxix element li jista’ jqiegħed f’dubju l-awtonomija deċiżjonali tal-FITD fir-rigward tal-interventi ta’ appoġġ. Dan huwa iktar u iktar il-każ peress li, skont id-dispożizzjonijiet tal-Liġi Taljana dwar il-Banek, il-Bank tal-Italja għandu japprova l-Istatuti tal-istituzzjonijiet bankarji Taljani kollha fil-kuntest tal-kompiti tiegħu ta’ superviżjoni prudenzjali.

106    Minn dak li ntqal jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni fil-premessa 121 tad-deċiżjoni kkontestata, l-interventi ta’ appoġġ, bħal dak inkwistjoni f’dan il-każ, għandhom għan differenti minn dak tar-rimbors tad-depożiti fil-każ ta’ stralċ amministrattiv forzat u ma jikkostitwixxux it-twettiq ta’ mandat pubbliku.

–       Fuq l-awtonomija tal-FITD fil-mument tal-adozzjoni tal-intervent

107    L-ewwel nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-intervent tal-FITD favur Tercas kien ġie deċiż b’mod awtonomu. Din id-deċiżjoni kienet ġiet adottata volontarjament mill-korpi governattivi tal-FITD u r-rappreżentanti kollha tal-banek membri tal-konsorzju kienu, unanimament, qablu fir-rigward tagħha. L-ebda awtorità pubblika ma kienet tat istruzzjonijiet jew direttivi vinkolanti u l-ebda awtorità pubblika ma setgħet tobbliga lill-FITD iwettaq l-intervent jekk il-korpi tiegħu ma kinux qiesu li dan kien fl-interess tal-membri.

108    It-tieni nett, skont l-Artikolu 72(1) tal-Liġi Taljana dwar il-Banek, il-kummissarju speċjali jeżerċita “l-funzjonijiet u s-setgħat ta’ amministrazzjoni tal-bank” u b’hekk jissostitwixxi ruħu mas-setgħat ta’ natura privata tal-korpi amministrattivi xolti. F’dan il-każ, bħala amministratur u rappreżentant legali ta’ Tercas, bank li f’dak iż-żmien kien suġġett għas-sistema ta’ amministrazzjoni straordinarja, il-kummissarju speċjali sempliċement bagħat lill-FITD talba għal intervent, li bl-ebda mod ma kienet torbtu. Barra minn hekk, ir-rikorrenti josservaw li l-kummissarju speċjali ma huwiex obbligat jikseb il-kunsens jew l-opinjoni tal-Bank tal-Italja sabiex iressaq talba għal intervent ta’ appoġġ quddiem il-FITD.

109    It-tielet nett, ir-rappreżentant tal-Bank tal-Italja kien ipparteċipa fil-laqgħat tal-Kunsill u tal-Kumitat ta’ Tmexxija tal-FITD bħala sempliċi osservatur, għalhekk bi rwol passiv u mingħajr dritt tal-vot, lanqas wieħed konsultattiv.

110    Ir-raba’ nett, il-“kuntatt” mal-Bank tal-Italja u t-“talba” ta’ dan tal-aħħar sabiex jintlaħaq “ftehim bilanċjat ma’ BPB għall-kopertura tad-defiċit ta’ kapital” juru djalogu b’saħħtu u naturali mal-awtoritajiet ta’ sorveljanza kompetenti, f’kuntest kumpless bħal dak tal-ġestjoni tal-kriżi ta’ stabbiliment ta’ kreditu. Barra minn hekk, it-“talba” tal-Bank tal-Italja turi xewqa sempliċi ta’ kontenut ġenerali (“[is-sejba ta’] ftehim bilanċjat”) u bħala tali, hija kompletament aċċettabbli, inkwantu din ħalliet lill-partijiet kull evalwazzjoni fir-rigward tal-ftehim eventwali. Madankollu, “talba” ma seta’ jkollha l-ebda valur vinkolanti għall-FITD.

111    Il-ħames nett, bħall-awtorizzazzjonijiet kollha tal-Bank tal-Italja, l-awtorizzazzjoni relatata mal-interventi ta’ appoġġ prevista fl-Artikolu 96b(1)(d) tal-Liġi Taljana dwar il-Banek taqa’ fil-kuntest tal-kompitu ta’ sorveljanza u ta’ superviżjoni fdat lill-Bank tal-Italja bil-għan li tiġi żgurata t-tmexxija soda u prudenti tal-banek, mingħajr ma jiġu affettwati l-għażliet magħmula b’mod awtonomu mill-korpi li fuqhom il-Bank tal-Italja teżerċita s-sorveljanza tagħha. Tali awtorizzazzjoni tingħata wkoll wara deċiżjoni li tkun diġà ttieħdet b’mod awtonomu mill-korpi tal-FITD, jiġifieri, f’dan il-każ, 38 jum wara d-deċiżjoni ta’ intervent. Fi kwalunkwe każ, anki wara li tkun ingħatat, l-awtorizzazzjoni tal-Bank tal-Italja ma seta’ jkollha l-ebda valur vinkolanti għall-FITD, li kien jibqa’ liberu li ma jipproċedix bl-intervent.

112    Il-Kummissjoni twieġeb li l-Bank tal-Italja jeżerċita kontroll effettiv, permanenti u ex ante fuq l-attivitajiet tal-FITD permezz tal-approvazzjoni tal-Istatut tiegħu, tal-parteċipazzjoni ta’ wieħed mir-rappreżentanti tiegħu fil-laqgħat tal-Kunsill u tal-Kumitat ta’ Tmexxija tal-FITD u tal-awtorizzazzjoni minn qabel ta’ kull intervent li l-FITD jkollu l-intenzjoni jimplimenta. Il-Bank tal-Italja kien ukoll innomina lill-kummissarju speċjali, uffiċjal pubbliku suġġett għas-sorveljanza tiegħu, li żgura t-tmexxija ta’ Tercas u li għandu setgħat estensivi.

113    F’dan ir-rigward, l-ewwel nett għandu jiġi rrilevat li l-FITD huwa konsorzju rregolat mid-dritt privat li jaġixxi, skont l-Artikolu 4(2) tal-Istatut tiegħu, “f’isem u fl-interess tal-membri tal-konsorzju”. Barra minn hekk, il-korpi governattivi tiegħu, jiġifieri l-Kumitat ta’ Tmexxija u l-Kunsill, huma eletti mill-assemblea ġenerali tal-FITD u huma, bħall-assemblea ġenerali, esklużivament magħmula minn rappreżentanti tal-banek membri tal-konsorzju. Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li ma jeżisti ebda element ta’ natura organika li jorbot lill-FITD mal-awtoritajiet pubbliċi Taljani.

114    Huwa f’dan il-kuntest li għandhom jiġu eżaminati l-elementi meħuda inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata sabiex tqis li l-awtoritajiet pubbliċi Taljani xorta waħda kellhom l-awtorità u l-mezzi sabiex jinfluwenzaw l-istadji kollha tal-implimentazzjoni ta’ intervent ta’ appoġġ, u li huma eżerċitaw dawn is-setgħat fir-rigward tal-adozzjoni tal-miżuri kontenzjużi. B’mod partikolari, għandu jiġi vverifikat jekk l-indizji li fuqhom tibbaża ruħha l-Kummissjoni jurux, b’mod suffiċjenti skont il-liġi, li l-intervent tal-FITD favur Tercas jista’ jiġi imputat lill-Istat Taljan fid-dawl tal-ġurisprudenza u tal-prinċipji mfakkra fil-punti 63 sa 69 u 83 sa 91 iktar ’il fuq.

115    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-awtorizzazzjoni, mill-Bank tal-Italja, tal-intervent tal-FITD favur Tercas, għandu jiġi kkonstatat li din ma tikkostitwixxix indizju li jippermetti li l-miżura inkwistjoni tiġi imputata lill-Istat.

116    L-ewwel nett, mil-leġiżlazzjoni Taljana jirriżulta li l-awtorizzazzjoni mill-Bank tal-Italja tal-interventi ta’ appoġġ tingħata biss wara eżami tal-konformità tal-miżura mal-kuntest leġiżlattiv, imwettaq fil-kuntest tal-kompitu prudenzjali ta’ dan tal-aħħar. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 96b(1)(d), tal-Liġi Taljana dwar il-Banek jipprovdi li l-Bank tal-Italja “b’teħid inkunsiderazzjoni tal-protezzjoni tad-depożitanti u tal-istabbilità tas-sistema bankarja […] jawtorizza l-interventi tal-iskemi ta’ garanzija.” Din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-funzjonijiet ta’ sorveljanza prudenzjali kkonferiti lill-Bank tal-Italja mil-leġiżlazzjoni Taljana u li huwa jeżerċita “b’teħid inkunsiderazzjoni tat-tmexxija soda u prudenti tal-istabbilimenti suġġetti għas-superviżjoni tiegħu, tal-istabbiltà globali, tal-effiċjenza u tal-kompetittività tas-sistema finanzjarja u tal-osservanza tad-dispożizzjonijiet applikabbli” (Artikolu 5(1) tal-Liġi Taljana dwar il-Banek). Fil-fatt, minbarra l-interventi tal-iskemi ta’ garanzija, il-leġiżlazzjoni Taljana tissuġġetta ċertu numru ta’ deċiżjonijiet importanti tal-banek, bħal akkwisti, u atturi oħra tas-settur finanzjarju għall-awtorizzazzjoni tal-Bank tal-Italja (ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 19 tal-Liġi Taljana dwar il-Banek). Issa, billi tissuġġetta l-interventi tal-iskemi ta’ garanzija u deċiżjonijiet oħra meħuda minn atturi privati tas-settur finanzjarju għal awtorizzazzjoni tal-Bank tal-Italja, il-leġiżlazzjoni Taljana bl-ebda mod ma tipprova tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-Bank tal-Italja għal dik tal-atturi kkonċernati fir-rigward tal-opportunità li jittieħdu d-deċiżjonijiet inkwistjoni jew fir-rigward tad-definizzjoni tal-modalitajiet tagħhom. Għall-kuntrarju, għandu jiġi kkonstatat li l-Bank tal-Italja jwettaq biss kontroll tal-konformità tal-miżura mal-kuntest leġiżlattiv, għal finijiet ta’ sorveljanza prudenzjali.

117    It-tieni nett, għandu jiġi kkonstatat li l-Bank tal-Italja ma jista’ bl-ebda mod jobbliga lill-FITD jintervjeni insostenn ta’ bank f’diffikultà.

118    Is-setgħat tal-Bank tal-Italja huma limitati għat-twettiq ta’ kontroll ta’ konformità mal-kuntest leġiżlattiv tal-interventi ta’ appoġġ, kif deċiżi mill-korpi governattivi tal-FITD, bil-għan li jawtorizzahom. Kuntrarjament għal dak li tidher li tindika l-Kummissjoni fil-premessa 129 tad-deċiżjoni kkontestata, il-fatt li l-FITD għandu l-possibbiltà, jekk ikun jixtieq, li jressaq quddiem il-Bank tal-Italja talba għal awtorizzazzjoni ġdida għal intervent ta’ appoġġ b’kundizzjonijiet differenti fil-każ ta’ rifjut ta’ awtorizzazzjoni ma jagħtix lill-Bank tal-Italja s-setgħa jintervjeni fil-mument tal-adozzjoni, mill-FITD, tal-interventi ta’ appoġġ. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-premessi 18 u 19 tad-deċiżjoni kkontestata, din hija biss awtorizzazzjoni għall-implimentazzjoni tal-interventi ta’ appoġġ adottati b’mod awtonomu mill-korpi governattivi tal-FITD. Dawn tal-aħħar jibqgħu l-uniċi kompetenti sabiex jiddeċiedu li jintervjenu insostenn ta’ bank f’diffikultà u sabiex jiddeterminaw il-modalitajiet prattiċi ta’ tali intervent.

119    Barra minn hekk, hekk kif tirrikonoxxi l-Kummissjoni fil-premessa 132 tad-deċiżjoni kkontestata, il-FITD ma huwiex obbligat iwettaq intervent ta’ appoġġ li kien ġie awtorizzat mill-Bank tal-Italja. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, fl‑4 ta’ Novembru 2013, il-Bank tal-Italja kien awtorizza l-ewwel intervent ta’ appoġġ favur Tercas, deċiż mill-korpi governattivi tal-FITD fit‑28 u fid‑29 ta’ Ottubru 2013, li l-FITD qatt ma implimentata.

120    Fi kwalunkwe każ, f’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li l-intervent tal-FITD favur Tercas kien ġie adottat bi qbil unanimu mill-Kumitat ta’ Tmexxija u mill-Kunsill tal-FITD, fit‑30 ta’ Mejju 2014, u, min-naħa l-oħra, li dan kien ġie awtorizzata kif inhu mill-Bank tal-Italja fis‑7 ta’ Lulju 2014. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-awtorizzazzjoni tal-Bank tal-Italja tal-miżura inkwistjoni ma tistax tikkostitwixxi indizju li jipprova li l-awtoritajiet pubbliċi Taljani kienu involuti fl-adozzjoni ta’ din il-miżura b’tali mod li l-intervent tal-FITD favur Tercas jista’ jiġi imputat lilhom.

121    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-preżenza ta’ rappreżentanti tal-Bank tal-Italja fil-laqgħat tal-korpi governattivi tal-FITD, għandu jiġi kkonstatat li lanqas din ma tikkostitwixxi indizju ta’ imputabbiltà tal-miżura inkwistjoni lill-Istat.

122    Minn naħa, mill-Artikolu 13(6) u mill-Artikolu 16(3) tal-Istatut tal-FITD jirriżulta espressament li r-rappreżentanti tal-Bank tal-Italja li jattendu għall-laqgħat tal-Kumitat ta’ Tmexxija u tal-Kunsill tal-FITD jeżerċitaw biss sempliċi rwol ta’ osservatur mingħajr ebda dritt tal-vot u mingħajr ebda kapaċità konsultattiva.

123    Min-naħa l-oħra, mill-fajl jirriżulta li l-Kummissjoni ma tipproduċi l-ebda prova insostenn tal-affermazzjonijiet tagħha, fil-premessi 129 u 130 tad-deċiżjoni kkontestata, li jipprovdu li “wieħed jista’ jassumi” li l-preżenza tar-rappreżentanti, bħala osservaturi, fil-laqgħat tal-korpi governattivi tal-FITD “[t]ippermetti lill-[Bank tal-Italja] [j]esprimi f’fażi bikrija d-dubji kollha tagħha dwar l-interventi ppjanati” u li jagħmel “evidenti” l-influwenza li huwa jeżerċita fuqhom. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li dawn l-affermazzjonijiet jikkostitwixxu biss sempliċi suppożizzjonijiet u bl-ebda mod ma huma kkorroborati bil-provi tal-fajl. Għall-kuntrarju, il-minuti tal-laqgħat tal-korpi governattivi tal-FITD juru r-rwol purament passiv tar-rappreżentanti tal-Bank tal-Italja. Fil-fatt, waqt il-laqgħa tal-Kumitat ta’ Tmexxija tat‑30 ta’ Mejju 2014, rappreżentant tal-Bank tal-Italja sempliċement esprima, fi tmiem il-laqgħa, is-sodisfazzjon tiegħu dwar kif il-kriżi ta’ Tercas kienet ġiet ittrattata, filwaqt li, waqt il-laqgħa tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2014, ir-rappreżentanti tal-Bank tal-Italja lanqas biss tkellmu.

124    Fid-dawl ta’ dawn il-konstatazzjonijiet fattwali, il-Kummissjoni ma pprovatx li l-preżenza, anki biss bħala osservaturi, tar-rappreżentanti tal-Bank tal-Italja fil-laqgħat tal-korpi governattivi tal-FITD kienet tippermetti lil dan tal-aħħar jinfluwenza d-deċiżjonijiet tal-FITD.

125    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-kuntest li fih kien ġie adottat l-intervent tal-FITD favur Tercas, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma pproduċiet ebda prova li l-Bank tal-Italja kien influwenza b’mod deċiżiv in-negozjati bejn, minn naħa, il-FITD u, min-naħa l-oħra, BPB u l-kummissarju speċjali.

126    Għaldaqstant, fir-rigward tal-fatt li n-negozjati bejn il-partijiet privati kkonċernati kienu twettqu “f’koordinazzjoni mal-[Bank tal-Italja]” (premessa 131 tad-deċiżjoni kkontestata), għandu jiġi rrilevat, hekk kif jagħmlu r-rikorrenti, li, f’operazzjoni tant kumplessa bħal dik tal-ġestjoni tal-kriżi ta’ stabbiliment ta’ kreditu, ma huwiex sorprendenti li l-Bank tal-Italja jkun informat dwar il-progress tan-negozjati bejn il-partijiet ikkonċernati. Għaldaqstant, il-fatt li laqgħat ta’ natura informali setgħu seħħew, bejn, minn naħa, il-partijiet ikkonċernati (jiġifieri l-FITD, BPB u, f’isem Tercas, il-kummissarju speċjali) u, min-naħa l-oħra, il-Bank tal-Italja, sabiex il-Bank tal-Italja jiġi informat dwar l-iżvilupp tan-negozjati, juri biss djalogu leġittimu u naturali mal-awtoritajiet ta’ sorveljanza kompetenti. Għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma tipproduċi ebda prova li tistabbilixxi li l-Bank tal-Italja kien uża dawn il-kuntatti sabiex jinfluwenza b’mod determinanti l-kontenut tal-miżuri kontenzjużi inkwistjoni. Għall-kuntrarju, xejn fil-fajl ma jista’ jikkontesta l-argument tar-rikorrenti li tali kuntatti ppermettew biss lill-Bank tal-Italja jiġi informat dwar l-iżvilupp tal-fajl sabiex huwa jkun jista’ jieħu d-deċiżjoni tiegħu iktar malajr fir-rigward tal-awtorizzazzjoni tal-miżura inkwistjoni, wara li din tkun ġiet adottata mill-korpi governattivi tal-FITD u nnotifikata lill-Bank tal-Italja.

127    Dan japplika wkoll fir-rigward tal-fatt li l-Bank tal-Italja kien “talab” lill-FITD jilħaq “ftehim bilanċjat” ma’ BPB fir-rigward tal-kopertura tad-defiċit ta’ kapital ta’ Tercas, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-impatt negattiv possibbli tal-istralċ ta’ Tercas u tas-sussidjarja tagħha Banca Caripe. Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat, hekk kif jagħmlu r-rikorrenti, li dan huwa l-espressjoni ta’ sempliċi xewqa ta’ natura ġenerali u nieqsa minn kull valur vinkolanti għall-FITD. Tali xewqa min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi ma hijiex sorprendenti f’ċirkustanzi bħal dawk f’dan il-każ. Madankollu, tali xewqa ma kinitx intiża sabiex tagħti ordnijiet lill-partijiet ikkonċernati u barra minn hekk ma ġietx interpretata b’dan il-mod minn dawn tal-aħħar. Fi kwalunkwe każ, mill-fajl ma jirriżultax li l-imsemmija talba kellha l-iċken effett fuq id-deċiżjoni tal-FITD li jintervjeni favur Tercas, peress li din hija essenzjalment immotivata minn kunsiderazzjonijiet ta’ natura ekonomika relatati mal-FITD u mal-membri tiegħu, attestati mir-rapport tal-kumpannija ta’ awditu u ta’ konsulenza inkarigata għal dan il-għan (ara l-punt 19 iktar ’il fuq).

128    Fl-aħħar nett, fir-raba’ lok, fir-rigward tar-rwol tal-kummissarju speċjali, lanqas il-fatt li huwa kellu l-possibbiltà jibda l-proċedura li tista’ twassal għal intervent ta’ appoġġ tal-FITD, billi tintbagħtlu talba mhux vinkolanti f’dan is-sens, ma jista’ jpoġġi fid-dubju l-awtonomija tal-FITD sabiex jiddeċiedi dwar tali intervent.

129    Skont l-Artikolu 29(1) tal-Istatut tiegħu, il-FITD jista’ jwettaq interventi ta’ appoġġ biss favur banek membri tal-konsorzju suġġetti għas-sistema tal-amministrazzjoni straordinarja. F’dan ir-rigward, mill-Artikoli 70 sa 72 tal-Liġi Taljana dwar il-Banek jirriżulta li d-deċiżjoni li bank jitqiegħed taħt amministrazzjoni straordinarja għandha tittieħed mill-Ministru għall-Ekonomija fuq proposta tal-Bank tal-Italja, u l-kummissarju speċjali huwa nnominat mill-Bank tal-Italja, li għandu wkoll is-setgħa jirrevokah. Ladarba jiġi nnominat, il-kummissarju speċjali jaġixxi, skont l-Artikolu 72(1) tal-Liġi Taljana dwar il-Banek, bħala amministratur tal-bank u jassumi s-setgħat ta’ natura privata tal-korpi amministrattivi tal-bank imqiegħed taħt is-sistema tal- amministrazzjoni straordinarja fl-interess tad-depożitanti.

130    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li t-tressiq, mill-kummissarju speċjali, ta’ talba għal intervent lill-FITD bl-ebda mod ma jobbliga lil dan tal-aħħar jilqa’ din it-talba u lanqas ma jinfluwenza l-awtonomija tal-FITD fir-rigward tal-kontenut tal-intervent ta’ appoġġ jekk dan tal-aħħar jiddeċiedi li jaġixxi. Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li tiddikjara l-Kummissjoni fil-premessa 128 tad-deċiżjoni kkontestata, xejn fl-Istatut tal-FITD jew fil-leġiżlazzjoni Taljana ma jindika li l-kummissarju speċjali huwa l-uniku li jista’ jressaq tali talba u lanqas ma jikkontradixxi l-affermazzjoni tal-FITD li huwa stess jista’ jieħu l-inizjattiva li jibda l-proċedura ta’ implimentazzjoni ta’ intervent ta’ appoġġ anki fl-assenza ta’ talba mressqa f’dan is-sens mill-kummissarju speċjali.

131    Barra minn hekk, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma tipproduċi ebda prova li tindika li talba mressqa mill-kummissarju speċjali hija r-riżultat ta’ istruzzjonijiet tal-Bank tal-Italja. Għall-kuntrarju, mill-fatti mfakkra fil-punt 16 iktar ’il fuq jirriżulta li l-inizjattiva li wieħed jirrikorri għall-FITD tirriżulta mir-rekwiżiti stabbiliti minn BPB, li kienet issuġġettat is-sottoskrizzjoni tagħha għal żieda fil-kapital ta’ Tercas għall-kopertura tad-defiċit patrimonjali ta’ dan il-bank mill-FITD.

132    Bħala konklużjoni, minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni wettqet żball meta qieset, fil-premessa 133 tad-deċiżjoni kkontestata, li hija kienet uriet li l-awtoritajiet Taljani kienu eżerċitaw kontroll pubbliku sostanzjali fid-definizzjoni tal-intervent tal-FITD favur Tercas. Għall-kuntrarju, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma pprovatx, b’mod suffiċjenti skont il-liġi, l-involviment tal-awtoritajiet pubbliċi Taljani fl-adozzjoni tal-miżura inkwistjoni u lanqas, konsegwentement, l-imputabbiltà ta’ din il-miżura lill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

 Fuq il-finanzjament tal-intervent permezz ta’ riżorsi tal-Istat

133    Il-kunċett ta’ intervent “permezz ta’ riżorsi ta’ l-Istat” fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, huwa intiż li jinkludi, barra l-vantaġġi mogħtija direttament mill-Istat, dawk mogħtija permezz ta’ korp pubbliku jew privat, indikat jew stabbilit minn dan l-Istat sabiex tiġi ġġestita l-għajnuna. Fil-fatt, id-dritt tal-Unjoni ma jistax jaċċetta li s-sempliċi fatt li jinħolqu istituzzjonijiet awtonomi responsabbli mid-distribuzzjoni ta’ għajnuna jippermetti li jiġu evitati r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat (ara s-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2017, Il‑Kummissjoni vs TV2/Danmark, C‑656/15 P, EU:C:2017:836, punti 44 u 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

134    Għaldaqstant, skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 107(1) TFUE jkopri kull mezz pekunjarju li l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu effettivament jużaw sabiex isostnu impriżi, mingħajr ma huwa rilevanti jekk dawn il-mezzi jkunux jew le jagħmlu parti b’mod permanenti mill-patrimonju tal-Istat. Għaldaqstant, anki jekk is-somom li jikkorrispondu għall-miżura inkwistjoni ma jkunux jinsabu b’mod permanenti fil-pussess tat-Teżor pubbliku, il-fatt li dawn jibqgħu b’mod kostanti taħt kontroll pubbliku, u għalhekk għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, huwa biżżejjed sabiex jiġu kklassifikati bħala “riżorsi ta’ l-Istat” (ara s-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2017, Il‑Kummissjoni vs TV2/Danmark, C‑656/15 P, EU:C:2017:836, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

135    F’dan ir-rigward, f’sitwazzjoni li tirrigwarda impriżi pubbliċi, ġie deċiż li, meta r-riżorsi tagħhom kienu jaqgħu taħt il-kontroll tal-Istat u għalhekk kienu għad-dispożizzjoni tiegħu, dawn ir-riżorsi kienu jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “riżorsi ta’ l-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Fil-fatt, l-Istat huwa perfettament kapaċi, billi jeżerċita l-influwenza dominanti tiegħu fuq dawn l-impriżi, li jidderieġi l-użu tar-riżorsi tagħhom sabiex, meta jkun hemm l-okkażjoni, jiffinanzjaw vantaġġi speċifiċi favur impriżi oħra. Il-fatt li r-riżorsi kkonċernati huma ġġestiti minn entitajiet distinti mill-awtorità pubblika jew li huma ta’ oriġini privata ma għandux impatt f’dan ir-rigward (ara s-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2017, Il‑Kummissjoni vs TV2/Danmark, C‑656/15 P, EU:C:2017:836, punti 47 u 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

136    Għaldaqstant, fil-kawża li tat lok għas-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2017, Il‑Kummissjoni vs TV2/Danmark (C‑656/15 P, EU:C:2017:836, punti 49 sa 53), il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li t-tliet impriżi kkonċernati kienu impriżi pubbliċi tal-Istat u li dawn kienu ġew fdati bil-ġestjoni tat-trasferiment, lejn waħda minnhom, tad-dħul mill-kummerċjalizzazzjoni tal-ispazji ta’ reklamar ta’ din l-impriża. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat ukoll li l-kanal kollu użat minn dan id-dħul kien irregolat minn liġi, li skontha l-impriżi pubbliċi speċjalment imqabbda mill-Istat kienu responsabbli għall-ġestjoni ta’ tali dħul. Id-dħul inkwistjoni kien, minħabba dan il-fatt, taħt kontroll pubbliku u għad-dispożizzjoni tal-Istat, li seta’ jiddeċiedi dwar l-allokazzjoni tiegħu. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li dan id-dħul kien tassew jikkostitwixxi “riżorsi ta’ l-Istat” fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

137    F’dawn il-kawżi, ir-rikorrenti, sostnuti mill-Bank tal-Italja, isostnu li l-Kummissjoni qieset b’mod żbaljat, fid-deċiżjoni kkontestata, li r-riżorsi użati mill-FITD kienu “riżorsi ta’ l-Istat”. Għalhekk, il-Kummissjoni ma tistax tallega li l-FITD jaġixxi abbażi ta’ mandat pubbliku meta huwa jintervjeni favur wieħed mill-membri tiegħu f’diffikultà u mhux abbażi tal-garanzija legali tad-depożiti tad-depożitanti. Bl-istess mod, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-FITD huwa konsorzju rregolat mid-dritt privat, li l-korpi tiegħu jirrappreżentaw lill-membri tiegħu u mhux lill-awtoritajiet pubbliċi. Għalkemm rappreżentant tal-Bank tal-Italja jassisti għal ċerti laqgħat tal-korpi tal-FITD, dan iseħħ biss bħala osservatur u mingħajr dritt tal-vot jew rwol konsultattiv. L-ebda awtorità pubblika ma setgħet tobbliga lill-FITD jiddeċiedi l-intervent jew tippreskrivi l-modalitajiet tiegħu. Bl-istess mod, għalkemm il-kummissarju speċjali, li ħa post id-diretturi ta’ Tercas, talab lill-FITD jintervjeni, dan għamlu fl-interess ta’ din l-impriża u tal-kredituri tagħha u mingħajr ma jista’ jorbot lill-FITD. Barra minn hekk, l-awtorizzazzjoni tal-intervent mill-Bank tal-Italja taqa’ taħt il-kuntest tal-kompiti normali tiegħu ta’ protezzjoni tal-istabbiltà u tat-tfaddil. Din hija miżura ta’ ratifika limitata għal superviżjoni formali a posteriori ta’ att ta’ natura privata. Barra minn hekk, il-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri relatati mal-intervent la huma imposti, la huma kkontrollati u lanqas huma għad-dispożizzjoni tal-Istat. Għalkemm il-membri tal-konsorzju huma obbligati jikkontribwixxu għar-rimbors tad-depożiti, l-ebda regola u l-ebda att amministrattiv ma jimponilhom jikkontribwixxu għall-intervent. In-natura obbligatorja ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet tirriżulta biss mill-Istatut u mid-deċiżjonijiet tal-FITD.

138    Il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li għalkemm huwa konsorzju rregolat mid-dritt privat, b’korpi tiegħu stess u formalment indipendenti, il-FITD huwa legalment inkarigat iwettaq funzjoni ta’ interess pubbliku, il-protezzjoni ta’ min ifaddal, li tista’ tieħu diversi forom. Bl-istess mod, il-Bank tal-Italja jeżerċita kontroll effettiv, permanenti u ex ante fuq l-attivitajiet tal-FITD minħabba l-approvazzjoni tal-Istatut tiegħu, il-parteċipazzjoni ta’ wieħed mir-rappreżentanti tiegħu fil-laqgħat tal-Kunsill u tal-Kumitat ta’ Tmexxija tal-FITD u l-awtorizzazzjoni minn qabel ta’ kull intervent. Barra minn hekk, huwa l-Bank tal-Italja li nnomina lill-kummissarju speċjali, uffiċjal pubbliku suġġett għas-sorveljanza tiegħu, li żgura t-tmexxija ta’ Tercas waqt il-perijodu ta’ amministrazzjoni straordinarja. Barra minn hekk, peress li l-FITD huwa l-unika skema ta’ garanzija tad-depożiti rrikonoxxuta mill-Bank tal-Italja, il-banek li ma humiex kooperattivi ta’ kreditu għaldaqstant ikunu obbligati jissieħbu miegħu u jħallsuh il-kontribuzzjonijiet meħtieġa sabiex jiġi jintlaħaq l-għan pubbliku ta’ protezzjoni tat-tfaddil.

139    F’dan il-każ, sabiex tikkonkludi fil-premessa 144 tad-deċiżjoni kkontestata li l-intervent tal-FITD favur Tercas kien iffinanzjat permezz ta’ riżorsi pubbliċi, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-indizji segwenti: il-fatt li l-FITD kellu mandat pubbliku; il-kontroll tal-awtoritajiet pubbliċi fuq ir-riżorsi użati mill-FITD sabiex jiffinanzja l-intervent u l-fatt li l-kontribuzzjonijiet użati mill-FITD sabiex jiffinanzja l-intervent kienu ta’ natura obbligatorja.

140    L-ewwel nett, il-Kummissjoni qieset li l-FITD kellu mandat pubbliku u li l-intervent tal-FITD favur Tercas kien sar sabiex jiġu protetti d-depożiti tad-depożitanti. Fil-fatt, l-awtoritajiet Taljani kienu għażlu li jippermettu lill-iskemi ta’ garanzija tad-depożiti tagħhom jużaw riżorsi miġbura minn fost il-membri tagħhom sabiex iwettqu tipi oħra ta’ interventi minbarra dak li jikkonsisti fir-rimbors tad-depożiti tad-depożitanti (ara l-premessa 121 tad-deċiżjoni kkontestata).

141    F’dan ir-rigward, hekk kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti f’dak li jirrigwarda l-imputabbiltà tal-intervent lill-Istat, jidher li l-mandat pubbliku mogħti lid-differenti skemi ta’ garanzija tad-depożiti fl-Italja jimponi biss l-implimentazzjoni ta’ skema li tippermetti r-rimbors tad-depożiti tad-depożitanti fil-każ ta’ falliment ta’ stabbiliment ta’ kreditu. Madankollu, dan il-mandat pubbliku ma jipprevedix li dawn l-iskemi għandhom japplikaw ukoll fil-bidu qabel ma jiġi vverifikat tali falliment billi l-membri tagħhom jiġu mitluba r-riżorsi neċessarji. F’dan il-każ, huwa l-Istatut tal-FITD, konsorzju privat, li jipprevedi, sa mill-oriġini tiegħu, il-possibbiltà ta’ intervent favur wieħed mill-membri tiegħu, jekk dan tal-aħħar, f’diffikultà, ikollu prospetti ta’ rkupru u jekk dan l-intervent jirriżulta inqas oneruż mill-implimentazzjoni tal-garanzija li saret legali tad-depożiti tad-depożitanti.

142    Din l-analiżi tapplika wkoll fir-rigward tal-eżami tal-elementi meħuda inkunsiderazzjoni sabiex jiġi stabbilit il-finanzjament tal-intervent permezz ta’ riżorsi tal-Istat.

143    It-tieni nett, sabiex tistabbilixxi l-kontroll tal-awtoritajiet pubbliċi fuq ir-riżorsi użati mill-FITD sabiex jiffinanzja l-intervent, il-Kummissjoni indikat ċerti karatteristiċi ta’ dan l-intervent. Għaldaqstant, hija sostniet li huma biss il-banek suġġetti għas-sistema tal-amministrazzjoni straordinarja li jistgħu jibbenefikaw mill-interventi tal-FITD skont l-Artikolu 29(1) tal-Istatut tiegħu u, għaldaqstant, li l-kummissarju speċjali ta’ Tercas biss, uffiċjal pubbliku taħt il-kontroll tal-Bank tal-Italja, seta’ “jibgħat lill-FITD talba ta’ intervent” (ara l-premessa 128 tad-deċiżjoni kkontestata). Bl-istess mod, il-Bank tal-Italja għandu setgħat estensivi f’dak li jirrigwarda l-FITD, fosthom, b’mod partikolari, huwa approva l-Istatut u awtorizza l-intervent favur Tercas qabel id-dħul fis-seħħ tiegħu (ara l-premessi 124 u 127 sa 129 tad-deċiżjoni kkontestata).

144    F’dan ir-rigward, għall-istess raġunijiet bħal dawk indikati f’dak li jirrigwarda l-imputabbiltà tal-intervent lill-Istat, jirriżulta li l-elementi msemmija iktar ’il fuq għandhom jiġu evalwati fil-kuntest tagħhom, li minnu jirriżulta li dawn ma humiex suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li, minħabba l-kontroll eżerċitat mill-awtoritajiet pubbliċi, ir-riżorsi użati mill-FITD għall-finanzjament tal-intervent huma “riżorsi ta’ l-Istat” fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

145    Fil-fatt, id-deċiżjoni tal-kummissarju speċjali ta’ Tercas li jitlob lill-FITD intervent, f’isem l-impriża li għaliha huwa kien qiegħed jeżerċita l-funzjonijiet ta’ tmexxija minħabba t-tqegħid tagħha taħt amministrazzjoni straordinarja, hija spjegata mill-fatt li, fost l-għażliet differenti disponibbli, dik proposta minn BPB kienet tidhirlu bħala l-iktar waħda interessanti. Peress li l-proposta ta’ BPB kienet suġġetta għal intervent mill-FITD favur Tercas (ara l-punt 16 iktar ’il fuq), ma jistax għaldaqstant jitqies li tali talba tirriżulta minn inizjattiva tal-awtoritajiet pubbliċi, li b’hekk ipprovaw jorjentaw l-użu tar-riżorsi tal-FITD. Għalhekk, huwa iktar b’teħid inkunsiderazzjoni ta’ inizjattiva privata trasmessa lill-kummissarju speċjali, li qies, hekk kif kien jagħmel amministratur normali li jkun jinsab fl-istess sitwazzjoni, li din kienet fl-interess tal-impriża li huwa kien qiegħed jamministra, li kienet saret talba għal intervent lill-FITD skont l-Artikolu 29(1) tal-Istatut tiegħu.

146    Barra minn hekk, hekk kif sostna l-Bank tal-Italja quddiem il-Qorti Ġenerali, id-diversi possibbiltajiet ta’ intervent li huwa għandu fir-rigward tal-FITD huma biss intiżi li jimplimentaw is-setgħat ta’ sorveljanza tiegħu fir-rigward tal-għanijiet ta’ protezzjoni ta’ min ifaddal, ta’ stabbiltà tas-sistema bankarja u ta’ tmexxija soda u prudenti tal-banek.

147    F’dawn il-kawżi, mill-fajl ma jirriżultax li l-awtorizzazzjoni tal-intervent tal-FITD favur Tercas kienet tat lok għal xi ħaġa differenti minn kontroll formali ta’ regolarità min-naħa tal-Bank tal-Italja. F’dan il-każ, din l-awtorizzazzjoni, l-istess bħall-atti differenti li ppreċedewha, wara l-approvazzjoni tal-FITD bħala wieħed mill-iskemi ta’ garanzija tad-depożiti rrikonoxxuti fl-Italja, ma jistgħux jiġu assimilati, kemm individwalment kif ukoll flimkien, ma’ miżuri li jippermettu li jiġi stabbilit li l-Istat kien f’pożizzjoni li jorjenta l-użu tar-riżorsi tal-FITD sabiex jiffinanzja l-intervent permezz tal-eżerċizzju ta’ influwenza dominanti fuq dan il-konsorzju.

148    Fil-fatt, l-intervent tal-FITD favur Tercas joriġina minn proposta magħmula inizjalment minn BPB u sussegwentement magħmula, fl-interess tagħha, minn Tercas. Bl-istess mod, dan l-intervent, li kien jissodisfa l-għan tal-konsorzju, jikkorrispondi wkoll għall-interess tal-membri tiegħu.

149    F’dan il-kuntest, il-mekkaniżmi differenti previsti mil-leġiżlazzjoni Taljana sabiex jiġi evitat li intervent ta’ dan it-tip iħarbat is-settur bankarju jew jhedded it-twettiq tal-mandat pubbliku fdat lill-FITD ivvalidaw biss f’dan il-każ, b’mod ġenerali, il-possibbiltà rrikonoxxuta lill-FITD mill-Istatut tiegħu li jintervjeni favur wieħed mill-membri tiegħu billi juża r-riżorsi tiegħu stess u, b’mod iktar speċifiku, awtorizzaw l-intervent tal-FITD favur Tercas skont l-interess ta’ BPB, ta’ Tercas u tal-membri l-oħra kollha tal-konsorzju. Il-Kummissjoni, fl-ebda mument ma setgħet tistabbilixxi li l-Bank tal-Italja, permezz tal-kontroll formali tiegħu ta’ regolarità, ipprova jorjenta r-riżorsi privati mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-FITD.

150    It-tielet nett, il-Kummissjoni qieset li l-kontribuzzjonijiet użati mill-FITD sabiex jiffinanzja l-intervent kienu ta’ natura obbligatorja, peress li, minn naħa, il-banek li huma membri tiegħu fil-prattika ma għandhom l-ebda għażla oħra ħlief li jissieħbu mal-FITD u, min-naħa l-oħra, dawn il-banek ma jistgħux jeżerċitaw il-veto tagħhom fuq id-deċiżjonijiet tal-FITD jew jiddiżassoċjaw ruħhom mill-intervent li huwa jkun iddeċieda (ara l-premessi 133 sa 135 tad-deċiżjoni kkontestata).

151    Sabiex jiġi eżaminat dan l-argument, għandu l-ewwel nett jitfakkar li ma huwiex ikkontestat li l-fondi użati għall-intervent tal-FITD favur Tercas huma riżorsi privati li ġew ipprovduti mill-banek membri tal-konsorzju.

152    Fil-fatt, b’mod ġenerali, l-Istatut tal-FITD jipprevedi li dan huwa iffinanzjat permezz ta’ riżorsi “pprovduti mill-membri tal-konsorzju” (ara l-Artikolu 1(1) tal-Istatut tal-FITD). L-ammont tal-kontribuzzjonijiet mill-banek membri tal-konsorzju huwa stabbilit abbażi tal-ammont tal-fondi rimborsabbli rispettivi tagħhom (“bażi kontributiva”) u huwa marbut mal-livell ta’ riskju tal-impriża, imkejjel permezz ta’ “indikaturi tal-metodi ta’ governanza” (ara l-Artikolu 25 u l-Anness tal-Istatut tiegħu).

153    Barra minn hekk, fiż-żmien meta seħħew il-fatti, l-Artikolu 21 tal-Istatut tal-FITD kien jippreċiża li, fid-dawl tad-deċiżjonijiet tal-korpi statutorji responsabbli, ir-riżorsi użati għal interventi bħal dak mogħti lil Tercas kienu mitluba mill-FITD u pprovduti speċjalment mill-membri tal-konsorzju. Għalhekk, filwaqt li r-riżorsi meħtieġa għall-funzjonament tal-konsorzju kienu jikkorrispondu għall-iffurmar tal-baġit tiegħu, il-kontribuzzjonijiet intiżi għall-interventi kienu meqjusa bħala “ħlasijiet bil-quddiem” imħallsa mill-membri lill-FITD, li kien jiġġestixxihom f’isimhom bħala mandatarju.

154    Għalhekk, l-obbligu tal-membri tal-FITD li jikkontribwixxu għall-intervent deċiż minn dan tal-aħħar ma joriġinax minn dispożizzjoni leġiżlattiva, bħal meta huwa speċifikament inkarigat mill-Istat sabiex jiġġestixxi l-kontribuzzjonijiet magħmula mill-Istati Membri abbażi tal-garanzija legali tad-depożiti tad-depożitanti, iżda minn dispożizzjoni statutorja, ta’ natura privata, li tissalvagwardja l-awtonomija deċiżjonali tal-membri tal-FITD.

155    Hemm lok li jiġi rrilevat ukoll li, qabel ma’ ddeċieda dwar l-intervent u, għaldaqstant, li jimmobilizza r-riżorsi privati tal-membri tiegħu, il-FITD żgura ruħu, b’mod konformi ma’ dak previst fl-Artikolu 29 tal-Istatut tiegħu u kif jirriżulta mir-rapport ippreżentat fis‑26 ta’ Mejju 2014 minn kumpannija ta’ awditu u ta’ konsulenza, li l-ispiża ta’ dan l-intervent kienet inqas mill-ispiża li kien jirrappreżenta għall-membri tiegħu l-istralċ ta’ Tercas, u għalhekk l-implimentazzjoni tal-garanzija legali tad-depożiti tad-depożitanti.

156    L-intervent tal-FITD favur Tercas kien għalhekk mhux biss fl-interess ta’ BPB u ta’ Tercas, iżda wkoll fl-interess tal-membri kollha tiegħu, peress li kien hemm ir-riskju li huma jkollhom jonfqu ammonti ikbar minn dawk meħtieġa sabiex BPB tkun tista’ tieħu lil Tercas.

157    F’dan il-kuntest, hemm lok li jiġi osservat li, hekk kif isostni l-FITD, l-intervent kien ġie adottata mill-Kumitat ta’ Tmexxija u mill-Kunsill tal-FITD bi qbil unanimu tar-rappreżentanti tal-membri tiegħu li kienu jifformawhom. Għaldaqstant ebda wieħed minn dawn ir-rappreżentanti ma oppona għal tali miżura.

158    Huwa wkoll normali li, ladarba tiġi adottata mill-korpi governattivi tiegħu, skont id-dispożizzjonijiet statutorji, id-deċiżjoni inkwistjoni tkun tapplika għall-membri kollha tal-konsorzju. Barra minn hekk, l-ebda element tal-fajl ma jippermetti li jiġi ssostanzjat l-argument li ċerti membri tal-konsorzju ma kinux qablu mal-mekkaniżmu statutorju tal-interventi jew mal-intervent tal-FITD favur Tercas.

159    Għalhekk, l-oriġini tan-natura obbligatorja tal-kontribuzzjonijiet tal-membri tal-FITD għall-intervent tinsab f’deċiżjoni doppjament aċċettata minn dawn il-membri, abbażi mhux biss tad-deċiżjonijiet tagħhom li jissieħbu mal-FITD li jipprevedi tali possibbiltà, iżda wkoll tad-deċiżjonijiet tagħhom li jaċċettaw li tali intervent jiġi adottat mill-korpi governattivi tal-konsorzju. L-intervent jirriżulta li huwa konformi wkoll mal-għanijiet tal-FITD, kif ukoll mal-interessi tal-membri tiegħu.

160    Konsegwentement, l-argument tal-Kummissjoni li, fil-fatt, ikun diffiċli għall-istabbilimenti bankarji jiddiżassoċjaw ruħhom mill-FITD, li storikament huma membri tiegħu u li sal-lum huwa l-uniku fond ta’ garanzija tad-depożiti bejn il-banek mhux mutwalistiċi, sabiex jinħoloq fond ta’ garanzija ieħor li jista’ għaldaqstant jiġi rrikonoxxut mill-Bank tal-Italja u li l-Istatut tiegħu jippermetti li jsir intervent biss abbażi tal-garanzija legali tad-depożiti tad-depożitanti jew, jekk ikun il-każ, li jiġi rrifjutat li ssir kontribuzzjoni għal intervent favur membru, anki jekk dan ikun ġie adottat mill-korpi governattivi, jibqa’ essenzjalment teoretiku u mingħajr impatt fuq l-intervent hawnhekk inkwistjoni.

161    Minn dan li ntqal jirriżulta li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx b’mod suffiċjenti, fid-deċiżjoni kkontestata, li r-riżorsi inkwistjoni kienu kkontrollati mill-awtoritajiet pubbliċi Taljani u li għalhekk dawn kienu għad-dispożizzjoni ta’ dawn tal-aħħar. Għalhekk, il-Kummissjoni ma setgħetx tikkonkludi li, minkejja li l-intervent tal-FITD favur Tercas kien twettaq skont l-Istatut ta’ dan il-konsorzju u fl-interess tal-membri tiegħu, bl-użu ta’ fondi esklużivament privati, kienu fil-fatt l-awtoritajiet pubbliċi li, permezz tal-eżerċizzju ta’ influwenza dominanti fuq il-FITD, iddeċidew li jidderiġu l-użu ta’ dawn ir-riżorsi sabiex jiffinanzjaw tali intervent.

 Konklużjoni

162    Peress li l-ewwel kundizzjoni relatata mal-klassifikazzjoni bħala għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE ma hijiex issodisfatta f’dan il-każ, hemm lok, li jiġu milqugħa l-motivi bbażati fuq il-fatt li l-Kummissjoni qieset b’mod żbaljat li l-miżuri kontenzjużi jippresupponu l-użu ta’ riżorsi tal-Istat u li dawn kienu imputabbli lill-Istat u, għaldaqstant, mingħajr ma hemm bżonn li jiġu eżaminati l-argumenti l-oħra mressqa mir-rikorrenti, li tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata.

 Fuq l-ispejjeż

163    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mir-rikorrenti u mill-intervenjenti, skont it-talbiet ta’ dawn tal-aħħar.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1208 tat23 ta’ Diċembru 2015 dwar l-għajnuna mill-Istat li l-Italja implimentat favur il-Banca Tercas (Il-każ SA.39451 (2015/C) (ex 2015/NN)), hija annullata.

2)      Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż.

Frimodt Nielsen

Kreuschitz

Forrester

Półtorak

 

      Perillo

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid‑19 ta’ Marzu 2019.

Firem


Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

L-entitajiet involuti

L-entitajiet kummerċjali kkonċernati mill-intervent

Il-FITD

Il-Bank tal-Italja

Il-kuntest u l-intervent tal-FITD favur Tercas

L-ewwel tentattiv ta’ intervent

Id-deċiżjoni ta’ intervent u l-awtorizzazzjoni mill-Bank tal-Italja

Is-sitwazzjoni ta’ Tercas wara l-intervent tal-FITD

Il-proċedura amministrattiva u d-deċiżjoni kkontestata

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors ippreżentat mill-FITD

Fuq il-mertu

Osservazzjonijiet preliminari dwar il-kunċett ta’ “għajnuna mogħtija minn Stat”

L-elementi meħuda inkunsiderazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata sabiex tiġi stabbilita l-oriġini Statali -Istat tal-miżuri

Fuq l-imputabbiltà tal-miżuri kontenzjużi lill-Istat Taljan

– Fuq il-portata tal-mandat pubbliku fdat lill-FITD

– Fuq l-awtonomija tal-FITD fil-mument tal-adozzjoni tal-intervent

Fuq il-finanzjament tal-intervent permezz ta’ riżorsi tal-Istat

Konklużjoni

Fuq l-ispejjeż



*      Lingwa tal-kawża: it-Taljan.


i Fil-kliem prinċipali u fil-punt 94 ta’ dan it-test saret modifika ta’ natura lingwistika, wara li kien tqiegħed online għall-ewwel darba.