Language of document : ECLI:EU:T:2013:398

Kawża T‑493/10

(pubblikazzjoni ta’ estratti)

Persia International Bank plc

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Politika barranija u ta’ sigurtà komuni — Miżuri restrittivi adottati kontra l-Iran bil-għan li tiġi prekluża l-proliferazzjoni nukleari — Iffriżar ta’ fondi — Obbligu ta’ motivazzjoni — Drittijiet tad-difiża — Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva — Żball ta’ evalwazzjoni”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla)
tas-6 ta’ Settembru 2013

1.      Dritt tal-Unjoni Ewropea — Prinċipji — Drittijiet tad-difiża — Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva — Miżuri restrittivi kontra l-Iran — Iffriżar ta’ fondi ta’ persuni, entitajiet jew organi li jipparteċipaw fi jew li jsostnu l-proliferazzjoni nukleari — Obbligu ta’ komunikazzjoni tal-provi kontra — Portata

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47; Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2010/413/PESK u 2010/644/PESK; Regolamenti tal-Kunsill Nru 688/2010 u Nru 961/2010)

2.      Unjoni Ewropea — Politika barranija u ta’ sigurtà komuni — Miżuri restrittivi kontra l-Iran — Iffriżar ta’ fondi ta’ persuni, entitajiet jew organi li jipparteċipaw fi jew li jsostnu l-proliferazzjoni nukleari — Obbligu li dawn il-miżuri jiġu estiżi għal entitajiet miżmuma jew ikkontrollati minn tali entità — Kwalità ta’ entità miżmuma jew ikkontrollata — Sempliċi detenzjoni ta’ azzjonijiet — Esklużjoni

(Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK, Artikolu 20(1)(b); Regolamenti tal-Kunsill Nru 423/2007, Artikolu 7(2)(d), Nru 961/2010, Artikolu 16(2) u Nru 267/2012, Artikolu 23(2)(a))

1.      Il-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża jeżiġi, minn naħa, li l-elementi miżmuma kontra l-entità kkonċernata sabiex isostnu l-att li jikkawżalha preġudizzju għandhom jiġu kkomunikati lilha. Min-naħa l-oħra, hija għandha titpoġġa f’pożizzjoni li tinvoka b’mod utli l-perspettiva tagħha fir-rigward ta’ dawn l-elementi.

Għaldaqstant, meta l-Kunsill ikollu l-ħsieb li jibbaża ruħu fuq elementi pprovduti minn Stat Membru sabiex jadotta miżuri restrittivi fil-konfront ta’ entità bil-għan li tiġi prekluża l-proliferazzjoni nukleari, huwa obbligat li jiżgura, qabel l-adozzjoni tal-imsemmija miżuri, li l-elementi inkwistjoni jkunu jistgħu jiġu kkomunikati lill-entità kkonċernata b’mod tempestiv sabiex din tal-aħħar tkun tista’ ssostni l-opinjoni tagħha b’mod utli. Madankollu, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-komunikazzjoni tardiva ta’ dokument li l-Kunsill ibbaża ruħu fuqu sabiex jadotta jew iżomm fis-seħħ il-miżuri restrittivi li jikkonċernaw entità ma tikkostitwixxix ksur tad-drittijiet tad-difiża li jiġġustifika l-annullament tal-atti adottati preċedentement sakemm ma jiġix stabbilit li l-miżuri restrittivi kkonċernati ma setgħux jiġu adottati jew miżmuma fis-seħħ b’mod legali jekk id-dokument ikkomunikat tardivament kellu jiġi skartat bħala prova favur.

Fir-rigward tal-komunikazzjoni tal-provi, skont il-prinċipju tar-rispett lejn id-drittijiet tad-difiża, il-Kunsill ma huwiex obbligat li jikkomunika elementi oħra ħlief dawk li jifformaw parti mill-fajl tiegħu.

(ara l-punti 50-56, 84-87)

2.      Meta l-fondi ta’ entità rikonoxxuta bħala parteċipanti fil-proliferazzjoni nukleari jiġu ffriżati, ikun hemm riskju kunsiderevoli li din tal-aħħar teżerċita pressjoni fuq l-entitajiet li huma proprjetà tagħha jew li hija tikkontrolla jew li jappartjenu lilha, sabiex tevita l-effett tal-miżuri li jindirizzaw lilha. Konsegwentement, l-iffriżar tal-fondi ta’ dawk l-entitajiet, li huwa impost mill-Kunsill permezz tal-Artikolu 7(2)(d) tar-Regolament Nru 423/2007, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran, l-Artikolu 20(1)(b) tad-Deċiżjoni 2010/413, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li tħassar il-pożizzjoni komuni 2007/140/PESK, l-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 961/2010 dwar l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi kontra l-Iran u li tħassar ir-Regolament (KE) Nru 423/2007, u l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 267/2012, dwar l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament Nru 961/2010, huwa neċessarju u adegwat sabiex tiġi żgurata l-effikaċja tal-miżuri adottati u jiġi żgurat li dawk il-miżuri ma jiġux evitati. Bl-istess mod, meta entità tkun tappartjeni lil entità kkunsidrata bħala li hija implikata fil-proliferazzjoni nukleari, skont it-termini tal-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 267/2012, il-kundizzjoni taż-żamma msemmija fl-Artikolu 20(1)(b) tad-Deċiżjoni 2010/413 u fl-Artikolu 16(2)(a) tar-Regolament Nru 961/2010 tkun issodisfatta.

Madankollu, il-fatt innifsu li l-entità kkunsidrata bħala implikata fil-proliferazzjoni nukleari żżomm 60 % tal-kapital ta’ entità oħra ma jippermettix li jiġi kkunsidrat li l-kundizzjoni ta’ żamma jew ta’ appartenenza, prevista fl-Artikolu 7(2)(d) tar-Regolament Nru 423/2007, fl-Artikolu 20(1)(b) tad-Deċiżjoni 2010/413, fl-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 961/2010 u fl-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 267/2012, hija ssodisfatta. Konsegwentement, iż-żamma ta’ 60 % tal-kapital ta’ entità minn entità kkunsidrata bħala implikata fil-proliferazzjoni nukleari ma tiġġustifikax, fiha nnifisha, l-adozzjoni u ż-żamma tal-miżuri restrittivi li jikkonċernaw lill-ewwel entità.

(ara l-punti 103, 104, 118, 119)