Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Corte suprema di cassazione (l-Italja) fit-12 ta’ Ottubru 2023 – Società Agricola Circe di OL Società Semplice vs ST, f’isimha u bħala proprjetarja tal-impriża individwali Agricola Case Rosse di ST, Agenzia per le Erogazioni in Agricoltura (AGEA)

(Kawża C-625/23, Società Agricola Circe)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Qorti tar-rinviju

Corte suprema di cassazione

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Società Agricola Circe di OL Società Semplice

Konvenuti: ST, f’isimha u bħala proprjetarja tal-impriża individwali Agricola Case Rosse di ST, Agenzia per le Erogazioni in Agricoltura (AGEA)

Domandi preliminari

It-terminu “diviżjoni” li jissemma fl-Artikolu 33(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 tad-29 ta’ Settembru 2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa u li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2019/93, (KE) Nru 1452/2001, (KE) Nru 1453/2001, (KE) Nru 1454/2001, (KE) Nru 1868/94, (KE) Nru 1251/1999, (KE) Nru 1254/1999, (KE) Nru 1673/2000, (KE) Nru 2358/71 u (KE) Nru 2529/2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 40, p. 269) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1782/2003) u fl-Artikolu 15 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 795/2004 tal-21 ta’ April 2004 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ l-iskema ta’ ħlas waħdieni li hemm provvediment dwaru fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal sistemi ta’ sostenn dirett taħt il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ sostenn għall-bdiewa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 44, p. 226) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 795/2004), għandu jinftiehem bħala li jirreferi għall-kunċett tad-dritt tal-kumpanniji u li għaldaqstant jippreżumi tibdil fil-kumpannija li jkollu bħala effett il-qsim tal-patrimonju inizjali u s-superfiċji kkoltivata kollha tal-kumpanija waħdanija, f’żewġ patrimonji distinti li jappartjenu għal entitajiet legali differenti, jew tista’ tiġi interpretata b’mod wiesa’ u b’hekk tkun tapplika għal kull tranżazzjoni legali nnegozjata li l-eżitu finali tagħha jirriżulta fl-attribuzzjoni tal-patrimonju inizjali u s-superfiċji kkoltivata kollha tal-kumpannija “bidwi” oriġinali lil żewġ entitajiet differenti, b’mod partikolari permezz ta’ trasferimenti ta’ ishma u ta’ atti ta’ bejgħ ta’ artijiet?

Skont interpretazzjoni korretta li għandha tingħata għat-totalità tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1782/2003 (Artikoli 2, 23, 24, 33, 34, 36, 38, 43 u 44), għall-finijiet tal-għoti definittiv tad-drittijiet għall-pagament (titoli) PAC, fil-kuntest tal-ewwel applikazzjoni għal pagament uniku, it-tnaqqis fis-superfiċji kkoltivata u l-ettari eliġibbli għall-għajnuna li seħħet matul l-2002, wara t-tressiq tat-talba mill-“bidwi” u l-allokazzjoni provviżorja tad-drittijiet għall-pagament (titoli), huwa rilevanti jekk jirriżulta minn ftehimiet biex tiġi ttrasferita parti mill-artijiet ikkonċernati, dejjem matul l-2002, u din il-bidla fis-sens ta’ tnaqqis, tista’ ssir ukoll ex officio fil-kuntest tal-għoti definittiv?

____________