Language of document : ECLI:EU:C:2023:892

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (L‑Għaxar Awla)

16 ta’ Novembru 2023 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni ta’ prodotti tal-enerġija u tal-elettriku – Direttiva 2003/96/KE – Artikolu 7(2) u (3) – Rati ta’ tassazzjoni differenzjati skont l-użu kummerċjali jew privat tad-diesel – Kunċett ta’ ‘nafta [diesel] kummerċjali użata bħala propellant’ – Diesel użat għat-trasport regolari ta’ passiġġieri – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi r-rimbors tad-dazji tas-sisa bl-esklużjoni tad-diesel ikkunsmat waqt il-vjaġġi mwettqa għall-finijiet tal-manutenzjoni u tal-mili bil-karburant tal-vetturi ta’ trasport ta’ passiġġieri”

Fil-Kawża C‑391/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Pécsi Törvényszék (il-Qorti ta’ Pécs, l-Ungerija), permezz ta’ deċiżjoni tas‑7 ta’ Ġunju 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑14 ta’ Ġunju 2022, fil-proċedura

Tüke Busz Közösségi Közlekedési Zrt.

vs

Nemzeti Adó- és Vámhivatal Fellebbviteli Igazgatósága,

IL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (L‑Għaxar Awla),

komposta minn M. Ilešič (Relatur), li qiegħed jaġixxi bħala President ta’ Awla, I. Jarukaitis u D. Gratsias, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér u R. Kissné Berta, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Armenia u A. Tokár, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas‑27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 405).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Tüke Busz Közösségi Közlekedési Zrt. (iktar ’il quddiem “Tüke Busz”) u n-Nemzeti Adó- és Vámhivatal Fellebbviteli Igazgatósága (Direttorat tal-Appelli tal-Uffiċċju Nazzjonali tat-Taxxa u tad-Dwana, l-Ungerija) (iktar ’il quddiem id-“Direttorat tal-Appelli”) dwar ir-rifjut ta’ dan tal-aħħar li jagħti lil Tüke Busz ir-rimbors tal-ammont tad-dazji tas-sisa fuq id-diesel ikkunsmat waqt il-vjaġġi mwettqa għal finijiet ta’ tiswija, ta’ manutenzjoni u ta’ mili tal-vetturi li hija tuża għall-finijiet tal-attività tagħha ta’ trasport ta’ passiġġieri.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

 IdDirettiva 2003/96

3        Il-premessi 3 sa 6, 12, 19 u 20 tad-Direttiva 2003/96 jiddikjaraw:

“(3)      Il-funzjonijiet kif suppost tas-suq intern u s-seħħ ta’ għanijiet ta’ politiki oħra tal-Kommunità jinħtieġu livelli minimi ta’ tassazzjoni li jkunu stabbiliti fuq livell Kommunitarju għall-bosta mill-prodotti tal-enerġija, u jinkludu l-elettriku, gass naturali u faħam.

(4)      Differenzi sostanzjali dwar livelli nazzjonali ta’ tassazzjoni fuq l-enerġija minn Stati Membri tista’ tkun ta’ detriment għall-funzjonament kif suppost tas-suq intern.

(5)      L-istabbilament ta’ livelli minimi u approprijati ta’ tassazzjoni mill-Kommunità tista’ tnaqqas differenzi eżistenti ta’ tassazzjoni fil-livell nazzjonali.

(6)      Skond l-Artikolu [11] [TFUE], il-ħtiġijiet dwar il-protezzjoni ta’ l-ambjent għandhom jiġu integrati fid-definizzjoni u implimentazzjoni ta’ politiki oħra tal-Komunità.

[...]

(12)      Prezzijiet fuq l-enerġija huma elementi importanti għall-politiki tal-Komunità dwar enerġija, trasport u ambjent.

[...]

(19)      It-tassazzjoni tal-karburant diesel użat minn persuni li jġorru l-merkanzija, speċjalment dawk li huma involuti f’attività fi ħdan nil-Komunità, tinħass il-ħtieġa ta’ trattament speċifiku, li jinkludi miżuri li jagħtu lok għall-introduzzjoni ta’ sistema ta’ piżijiet għal min juża t-triq, sabiex jiġi limitat tfixkil tal-kompetizzjoni li l-operaturi jistgħu jiffaċċjaw.

(20)      Stati Membri jista’ jkollhom bżonn li jagħmlu differenza bejn diesel kummerċjali u dak li mhuwiex. Stati Membri jistgħu jużaw din il-possibilità biex inaqqsu d-differenza bejn tassazzjoni ta’ nafta [diesel] mhux kummerċjali użata bħala propellant u petrol”.

4        Skont l-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva:

“Stati Membri għandhom jimponu tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku skond din id-Direttiva”.

5        L-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“1.      Il-livelli ta’ tassazzjoni li Stati Membri għandhom japplikaw fuq il-prodotti ta’ enerġija u elettriku kif imniżżla fl-Artikolu 2 ma għandhomx ikunu inqas mill-livelli miimi ta’ tassazzjoni kif preskritti minn din id-Direttiva.

2.      Għall-iskop ta’ din id-Direttiva “livell ta’ tassazzjoni” huwa il-piż totali intaxxat fir-rigward tat-taxxi indiretti kollha (ħlief [it-taxxa fuq il-valur miżjud (il-VAT)] ikkalkulat direttament jew indirettament fuq il-kwantità ta’ prodotti ta’ enerġija u elettriku meta dawn ikunu rilaxxati għall-konsum”.

6        L-Artikolu 5 tal-istess direttiva jipprevedi:

“Jekk kemm-il darba dawn jirrispettaw il-livelli minimi ta’ tasazzjoni kif preskritti minn din id-Direttiva u li huma kompatibbli mal-liġi tal-Kummunità, rati differenti ta’ tassazzjoni jistgħu jiġu applikati minn Stati Membri, taħt kontoll fiskali, fil-każijiet [elenkati f’dan l-artikolu]”.

7        L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/96 huwa fformulat kif ġej:

“1.      B’seħħ mill‑1 ta’ Jannar 2004 u mill‑1ta’ Jannar 2010, il-livelli minimi ta’ tassazzjoni applikabbli għall-karburanti ta’ karozzi għandhom ikunu fissi kif muri f’Annex I Table A.

Mhux aktar tard mill‑1 ta’ Jannar 2012, il-Kunsill [tal-Unjoni Ewropea], li jaġixxi unanimament wara li jikkonsulta il-Parlament Ewropew, għandu, fuq il-bażi ta’ rapport u proposta mill-Kummissjoni [Ewropea], jiddeċiedi fuq il-livelli minimi ta’ tassazzjoni applikabbli fuq in-nafta [diesel] għall-perjodu ieħor li jibda mill‑1 ta’ Jannar 2013.

2.      Stati Membri għandhom jagħmlu differenza bejn użu kummerċjali u dak li mhuwiex tan-nafta [diesel] użat bħala propellant, jekk kemm-il darba il-livelli minimi tal-Komunità ikunu osservati u r-rata għall-nafta [diesel] kummerċjali użata bħala propellant ma tkunx inqas mill-livell ta’ tassazzjoni nazzjonali b’seħħ mill‑1 ta’ Jannar 2003, minkejja xi derogi għal dan l-użu kif imniżżel f’din id-Direttiva.

3.      ‘Nafta [diesel] kummerċjali użata bħala propellant’ għandha tfisser nafta [diesel] użata bħala propellant għall-skopijiet kif imniżżla hawn taħt:

(a)      il-ġarr ta’ oġġetti għall-kiri jew għar-rigal, jew għall-persuna stess, permezz ta’ karozzi jew kombinazzjonijiet ta’ vetturi artikulati intenzjonati esklussivament għall-ġarr ta’ oġġetti bit-triq li l-piż massimu permissibli huwa ta’ mhux inqas minn 7,5 tunnellati;

(b)      il-ġarr ta’ passiġġieri, kemm permezz ta’ servizz regolari jew okkażjonali, permezz ta’ vettura fil-kategorija M2 jew kategorija M3, kif definita fid-Direttiva tal-Kunsill 70/156/KEE tas‑6 ta’ Frar 1970 fuq l-aprossimazzjoni tal-liġijiet ta’ Stati Membri li jsemmu it-tip approvat ta’ karozzi u l-karrijiet tagħhom [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 1, p. 44)].

4.      Minkejja paragrafu 2, Stati Membri li jintroduċu sistema ta’ piżijiet għall-karozzi fit-triq jew kombinazzjonijiet ta’ vetturi artikulati intenzjonati esklussivament għall-ġarr ta’ oġġetti bit-triq jistgħu japplikaw rata mnaqqsa fuq nafta [diesel] użata minn dawn il-vetturi, li hija inqas mill-livell ta’ tassazzjoni nazzjonali b’seħħ mill‑1ta’ Jannar 2003, jekk kemm-il darba il-piż tat-taxxa ġenerali tibqa’ bejn wieħed u ieħor l-istess, ukoll il-livelli minimi tal-Komunità huma osservati u li l-livell ta’ tassazzjoni nazzjonali b’seħħ mill‑1 ta’ Jannar 2003 fuq nafta [diesel] użata bħala propellant hija minn ta’ l-inqas id-doppju tal-livell ta’ tassazzjoni minimu applikabbli mill‑1 ta’ Jannar 2004”.

 IdDirettiva 2007/46/KE

8        Id-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Settembru 2007 li tistabbilixxi kwadru għall-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi (“Direttiva Kwadru”) (ĠU 2007, L 263, p. 1), ħassret u ssostitwixxiet id-Direttiva 70/156.

9        Id-Direttiva 2007/46, kif emendata bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 678/2011 tal‑14 ta’ Lulju 2011 li jissostitwixxi l-Anness II u jemenda l-Annessi IV, IX u XI għad-Direttiva 2007/46 (ĠU 2011, L 185, p. 30), tinkludi Anness II, intitolat “Definizzjonijiet ġenerali, kriterji għal kategorizzazzjoni tal-vetturi, tat-tipi ta’ vetturi u tat-tipi ta’ karrozzeriji”, li l-punt 1 tal-Parti A tagħha jippreċiża li l-kategorija M2 ta’ vetturi tikkorrispondi għall-“[v]etturi [bil-mutur iddisinjati u mibnija essenzjalment għat-trasport ta’ passiġġieri u l-bagalji tagħhom] li għandhom mhux iżjed minn tmien postijiet ta’ bilqiegħda flimkien mal-post ta’ bilqiegħda tax-xufier u li għandhom massa massima li ma taqbiżx 5 tunnellati[; il-vetturi tal-kategorija M2] jista’ jkollhom spazju għal passiġġieri bil-wieqfa flimkien mal-postijiet ta’ bilqiegħda”. Il-kategorija M3 ta’ vetturi tikkorrispondi għall-“[v]etturi [bil-mutur iddisinjati u mibnija essenzjalment għat-trasport ta’ passiġġieri u l-bagalji tagħhom] li għandhom mhux iżjed minn tmien postijiet ta’ bilqiegħda flimkien minbarra l-post tax-xufier u li għandhom massa massima li ma taqbiżx 5 tunnellat[; il-vetturi fil-kategorija M3] jista’ jkollhom spazju għal passiġġieri bil-wieqfa”.

 IrRegolament (KE) Nru 1370/2007

10      L-Artikolu 2(a) tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Ottubru 2007 dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nri 1191/69 u 1107/70 (ĠU 2007, L 315, p. 1), huwa fformulat kif ġej:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

(a)      ‘trasport pubbliku għall-passiġġieri’ tfisser servizzi tat-trasport tal-passiġġieri ta’ interess ekonomiku ġenerali pprovduti lill-pubbliku fuq bażi non-diskriminatorja u kontinwa ”.

 Iddritt Ungeriż

 IlLiġi tal2003 dwar idDazji tasSisa

11      Il-punt 51 tal-Artikolu 7 tal-a jövedéki adóról és a jövedéki termékek forgalmazásának különös szabályairól szóló 2003. évi CXXVII. törvény (Liġi Nru CXXVII tal‑2003, dwar id-Dazji tas-Sisa u r-Regoli Speċifiċi ta’ Kummerċjalizzazzjoni tal-Prodotti suġġetti għas-Sisa), kif emendata mill-az adó- és járuléktörvények, a számviteli törvény és a könyvvizsgálói kamarai törvény, valamint az európai közösségi jogharmonizációs kötelezettségek teljesítését célzó adó- és vámjogi tárgyú törvények módosításáról szóló 2010. évi CXXIII. törvény (Liġi Nru CXXIII tal‑2010 li temenda l-liġijiet fil-qasam tat-taxxi u tat-tariffi, tal-liġi dwar il-kontabbiltà, tal-liġi dwar il-Kamra tal-Awdituri, kif ukoll tal-liġijiet fil-qasam fiskali u doganali sabiex tissodisfa l-obbligi ta’ armonizzazzjoni imposti mill-Komunità Ewropea), jipprovdi, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din il-liġi:

“diesel għal użu kummerċjali: diesel li jaqa’ taħt l-Artikolu 52(1)(d), li jintuża għall-finijiet li ġejjin:

a)      it-trasport ta’ merkanziji, f’isem ħaddieħor jew f’isem il-persuna nfisha, b’vettura bil-mutur jew permezz ta’ grupp magħqud ta’ vetturi (trakter tat-triq) intiżi esklussivament għat-trasport ta’ merkanziji bit-triq u li għandhom piż massimmu awtorizzat, meta mgħobbija, ta’ jew iktar minn 7.5 tunnellati; jew

b)      it-trasport regolari jew okkażjonali ta’ passiġġieri permezz ta’ vettura bil-mutur ta’ kategorija M2 jew M3, fis-sens tal-d’a közúti járművek műszaki megvizsgálásáról szóló miniszteri rendelet (Digriet Ministerjali dwar Kontroll Tekniku tal-Vetturi tat-Triq)”.

 IlLiġi tal2016 dwar idDazji tasSisa

12      Il-punt 21 tal-Artikolu 3(2) tal-a jövedéki adóról szóló 2016. évi LXVIII. törvény (Liġi Nru LXVIII tal‑2016 dwar id-Dazji tas-Sisa, iktar ’il quddiem il-“Liġi tal‑2016 dwar id-Dazji tas-Sisa”) jipprevedi, fir-rigward tat-tassazzjoni tal-prodotti tal-enerġija fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ din il-liġi:

“diesel għal użu kummerċjali: diesel li jintuża għall-finijiet li ġejjin:

a)      it-trasport ta’ merkanziji, f’isem ħaddieħor jew f’isem il-persuna nfisha, b’vettura bil-mutur jew permezz ta’ grupp magħqud ta’ vetturi (trakter tat-triq) intenzjonati esklussivament għat-trasport ta’ merkanziji bit-triq u li għandhom piż massimmu awtorizzat, meta mgħobbija, ta’ jew iktar minn 7.5 tunnellati; jew

b)      it-trasport regolari jew okkażjonali ta’ passiġġieri permezz ta’ vettura bil-mutur ta’ kategorija M2 jew M3, fis-sens tad-Digriet Ministerjali dwar Kontroll Tekniku tal-Vetturi tat-Triq”.

13      Skont l-Artikolu 113(3) u (5) tal-imsemmija liġi:

“3.      Kull persuna li topera għat-trasport lokali u interurban tax-xarabanks u tal-kowċis tal-kategorija M2 u tal-kategorija M3, kif iddefiniti fid-Digriet Ministerjali dwar Kontroll Tekniku tal-Vetturi tat-Triq, għandha dritt għar-rimbors tat-taxxa fuq il-gass naturali użat għal din l-attività.

[...]

5.      Il-possessur jew, fil-każ ta’ vettura mikrija, id-detentur tal-vettura msemmi fil-punt 21 tal-Artikolu 3(2) għandu jkun intitolat għal rimborż fuq id-diesel għal użu kummerċjali:

a)      mixtri permezz ta’ karta tal-karburant mis-stazzjon tas-servizz, jew

b)      mixtri fi stabbiliment Ungeriż permezz ta’ strument ta’ kejl elettroniku minn tank tal-karburant iddisinjat speċifikament għall-ħażna ta’ karburant u mgħammar b’strument għall-mili awtomatiku tal-karburant

ta’ ammont ta’ 3.5 [forint Ungeriż (HUF)] għal kull litru jekk tapplika r-rata ta’ tassazzjoni msemmija fl-Artikolu 110(1)(c)(ca) u ta’ [HUF] 13.5 għal kull litru f’każ li tiġi applikata r-rata ta’ tassazzjoni msemmija fl-Artikolu 110(1)(c)(cb)”.

14      Skont l-Artikolu 149(1) tal-Liġi tal‑2016 dwar id‑Dazji tas‑Sisa, din daħlet fis-seħħ fl‑1 ta’ Novembru 2016. Madankollu, skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, l-Artikoli 3 u 113 ta’ din il-liġi daħlu fis-seħħ fl‑1 ta’ Lulju 2017.

 Il-Liġi dwar is-Servizzi ta’ Trasport ta’ Vjaġġaturi

15      Il-punt 29 tal-Artikolu 2 tal-a személyszállítási szolgáltatásokról szóló 2012. évi XLI. törvény (Liġi Nru XLI tal‑2012 dwar is-Servizzi ta’ Trasport ta’ Vjaġġaturi) jiddefinixxi t-trasporti pubbliċi ta’ vjaġġaturi bħala servizzi ta’ trasport ta’ vjaġġaturi fis-sens tal-Artikolu 2(a) tar-Regolament Nru 1370/2007 imwettaq abbażi ta’ kuntratt ta’ servizz pubbliku.

16      Il-punt 30 tal-Artikolu 2 ta’ din il-liġi jiddefinixxi s-servizzi ta’ trasport ta’ vjaġġaturi bħala trasporti tal-vjaġġaturi mwettaq permezz ta’ vettura kif iddeterminata f’din l-imsemmija liġi, abbażi ta’ kuntratt u bi ħlas, kif ukoll is-servizzi anċillari relatati miegħu.

 Ilkawża prinċipali u ddomanda preliminari

17      Tüke Busz hija impriża stabbilita fl-Ungerija li teżerċita attività ta’ trasport ta’ passiġġieri permezz ta’ xarabank abbażi ta’ kuntratt ta’ servizz pubbliku.

18      Matul is-sena 2017, din il-kumpannija talbet ir-rimbors tad-dazji tas-sisa fuq id-diesel li hija kienet użat fil-kuntest ta’ din l-attività.

19      Wara li kkonstata li Tüke Busz kienet invokat id-dritt tagħha għal rimbors tad-dazji tas-sisa relatati mhux biss mad-diesel ikkunsmat għall-eżerċizzju tal-imsemmija attività ta’ trasport fil-veru sens tal-kelma, iżda wkoll ma’ dak ikkunsmat waqt vjaġġi marbuta mal-manutenzjoni u mal-mili bil-karburant tal-vetturi kkonċernati, id-Direttorat tal-Appelli adotta deċiżjoni li tikkonstata l-illegalità tar-rimbors tad-dazji tas-sisa relatati mad-diesel użat għal dawn il-vjaġġi u konsegwentement ġew miżjuda l-imsemmija dazji fuq il-prodotti tal-enerġija kombustibbli dovuti minn Tüke Busz għax-xhur minn Jannar sa Diċembru 2017.

20      Quddiem il-Pécsi Törvényszék (il-Qorti ta’ Pécs, l-Ungerija), li hija l-qorti tar-rinviju, id-Direttorat tal-Appelli jsostni li huma biss is-servizzi marbuta ma’ obbligu prinċipali li jistgħu jiġu kklassifikati bħala servizzi anċillari. Fir-rigward tat-trasport ta’ vjaġġaturi, dan huwa l-każ tal-provvista ta’ servizzi bi ħlas mogħtija mit-trasportatur lill-vjaġġaturi bħal, b’mod partikolari, it-trasport tal-bagalji, tar-roti jew tal-annimali.

21      Min-naħa l-oħra, peress li l-vjaġġaturi ma humiex id-destinatarji tal-provvisti ta’ servizzi ta’ tiswija jew ta’ manutenzjoni tal-vetturi kkonċernati, dawn ma jistgħux jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “servizz anċillari”.

22      Id-Direttorat tal-Appelli minn dan jiddeduċi li d-dazji tas-sisa relatati mad-diesel ikkunsmat waqt vjaġġi mwettqa għat-tiswija jew għall-manutenzjoni ta’ vetturi intiżi għat-trasport ta’ vjaġġaturi ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ rimbors, peress li dawn ma humiex servizzi anċillari marbuta mas-servizz ta’ trasport ta’ vjaġġaturi.

23      Tüke Busz issostni, b’mod partikolari, li, fir-rigward tax-xarabanks li jaħdmu bil-gass naturali, l-Artikolu 113(3) tal-Liġi tal‑2016 dwar id-Dazji tas-Sisa jippermetti r-rimbors ta’ tali dazji relatati mal-gass użat għall-“attività”, u mhux biss għat-trasport tal-passiġġieri fis-sens strett tal-kelma, b’tali mod li ma jkunx iġġustifikat li regola differenti tirregola r-rimbors tad-dazji tas-sisa fuq id-diesel.

24      F’dawn iċ-ċirkustanzi l-Pécsi Törvényszék (il-Qorti ta’ Pécs) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Id-deċiżjoni [tad-Direttorat tal-Appelli] mogħtija f’din il-kawża, kif ukoll il-prattika ta’ din l-awtorità, li permezz tagħhom “it-trasport regolari tal-vjaġġaturi ma jinkludix il-kilometraġġ meħtieġ għall-manutenzjoni tal-mezzi ta’ trasport użati għal dan il-għan, kif ukoll għall-provvista ta’ karburant”, huma kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva [2003/96]?”.

 Fuq iddomanda preliminari

 Fuq lammissibbiltà

25      Mingħajr ma teċċepixxi formalment l-inammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari, il-Kummissjoni ssostni li ċerti elementi tal-kuntest fattwali u ġuridiku tal-kawża prinċipali, kif deskritt mill-qorti tar-rinviju, ma humiex preċiżi. B’mod partikolari, id-deċiżjoni tar-rinviju tonqos milli tindika l-bażi legali li fuqha tibbaża ruħha Tüke Busz sabiex tinvoka d-dritt għar-rimbors tad-dazji tas-sisa fuq id-diesel ikkunsmat mix-xarabanks li hija tuża, kif ukoll ir-rata ta’ rimbors tad-dazji tas-sisa mitluba minn din il-kumpannija.

26      Għandu jiġi kkonstatat ukoll li l-qorti tar-rinviju ma tesponix ir-raġunijiet li wassluha sabiex tistaqsi dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2003/96 u lanqas ir-rabta li hija tistabbilixxi bejn din id-direttiva u d-dispożizzjonijiet tal-Liġi Nru XLI tal‑2012 dwar is-Servizzi ta’ Trasport ta’ Vjaġġaturi.

27      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-proċedura stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE hija strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, li permezz tiegħu l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lill-qrati nazzjonali l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li huma neċessarji għalihom sabiex jiddeċiedu l-kawżi mressqa quddiemhom (sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2020, Elme Messer Metalurgs, C‑743/18, EU:C:2020:767, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28      Skont ġurisprudenza stabbilita wkoll, li hija issa riflessa wkoll fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-ħtieġa li tingħata interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun utli għall-qorti nazzjonali teżiġi li din il-qorti tiddefinixxi l-kuntest fattwali u regolatorju tad-domandi magħmula minnha jew li, minn tal-inqas, tispjega ċ-ċirkustanzi fattwali li fuqhom ikunu bbażati dawn id-domandi. Id-deċiżjoni tar-rinviju għandha barra minn hekk tindika r-raġunijiet preċiżi li wasslu lill-qorti nazzjonali sabiex ikollha dubji dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u sabiex tqis neċessarju li tagħmel domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2020, Elme Messer Metalurgs, C‑743/18, EU:C:2020:767, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29      Madankollu, minħabba l-ispirtu ta’ kooperazzjoni li jeżisti fir-relazzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari, l-assenza ta’ ċerti konstatazzjonijiet magħmula minn qabel mill-qorti tar-rinviju ma twassalx neċessarjament għall-inammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari jekk, minkejja dawn in-nuqqasijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja, fid-dawl tal-elementi li jirriżultaw mill-proċess, tqis li tkun f’pożizzjoni li tagħti risposta utli lill-qorti tar-rinviju (sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2020, Elme Messer Metalurgs, C‑743/18, EU:C:2020:767, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30      Issa, f’dan il-każ, għalkemm kien ikun ċertament utli li l-qorti tar-rinviju tispjega b’mod iktar ċar il-kuntesti fattwali u ġuridiċi li fihom tqajmet id-domanda preliminari kif ukoll ir-raġunijiet li wassluha sabiex tistaqsi dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2003/96, xorta jibqa’ l-fatt li, fir-rigward tan-natura u tal-portata tad-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li l-interpretazzjoni tagħha hija mitluba, dan in-nuqqas ta’ preċiżjoni ma jipprekludix komprensjoni suffiċjenti tal-kuntest li fih tqajmet din id-domanda.

31      Fil-fatt, skont l-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, Tüke Busz sostniet quddiem din il-qorti, essenzjalment, li l-Artikolu 113(3) tal-Liġi tal‑2016 dwar id‑Dazji tas‑Sisa għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprevedi r-rimbors ta’ tali dazji relatati mad-diesel użat għal vjaġġi marbuta mat-tiswija, mal-manutenzjoni u mal-mili bil-karburant ta’ vetturi assenjati għal dan it-tip ta’ trasport. Għalhekk, l-eżitu tal-kawża prinċipali jiddependi, b’mod partikolari, mill-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/96 jipprekludix dispożizzjoni tad-dritt ta’ Stat Membru jew prattika tal-awtoritajiet fiskali tiegħu li tagħmel tali rimbors possibbli. Dan ikun il-każ jekk id-diesel użat b’dan il-mod ma jistax jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “nafta [diesel] kummerċjali użata bħala propellant”, fis-sens tal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu 7. F’dan ir-rigward, minkejja l-impreċiżjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, l-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, dwar il-kuntest fattwali u regolatorju, jippermettu li tiġi evalwata l-portata ta’ din id-domanda u li tingħata risposta utli lill-imsemmija qorti sabiex issolvi l-kawża prinċipali.

32      Konsegwentement, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

 Fuq ilmertu

33      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 7(3)(b) tad-Direttiva 2003/96 għandux jiġi interpretat fis-sens li d-diesel ikkunsmat waqt il-vjaġġi mwettqa għall-finijiet ta’ tiswija, ta’ manutenzjoni jew ta’ mili bil-karburant tal-vetturi assenjati għat-trasport ta’ passiġġieri jaqax taħt il-kunċett ta’ “nafta [diesel] kummerċjali użata bħala propellant”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

34      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, sabiex tiġi ddeterminata l-portata ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti. L-oriġini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni tista’ wkoll tiżvela elementi rilevanti għall-interpretazzjoni tagħha.

35      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-formulazzjoni tal-Artikolu 7(3)(b) tad-Direttiva 2003/96, għandu jiġi osservat li mill-kliem “użata bħala propellant għall-skopijiet [...] [ta’] ġarr ta’ passiġġieri, kemm permezz ta’ servizz regolari jew okkażjonali, permezz ta’ vettura fil-kategorija M2 jew kategorija M3”, moqrija flimkien mal-punt 1 tal-Parti A tal-Anness II tad-Direttiva 2007/46, kif emendata bir-Regolament Nru 678/2011, li ssostitwixxiet id-Direttiva 70/156, jirriżulta li, sabiex taqa’ taħt din id-dispożizzjoni, id-diesel għandu mhux biss jintuża minn vettura li ġiet iddisinjata u mibnija għat-trasport ta’ passiġġieri, iżda li barra minn hekk għandu jintuża għall-finijiet tat-trasport tal-passiġġieri.

36      Fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, il-kunċett ta’ “nafta [diesel] kummerċjali użata bħala propellant” jissodisfa għalhekk kriterju doppju bbażat kemm fuq il-kategorija li taħtha taqa’ l-vettura bil-mutur ikkonċernata kif ukoll fuq l-għanijiet li għalihom jintuża d-diesel (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Autoservizi Giordano, C‑513/18, EU:C:2020:59, punt 20).

37      Isegwi li jaqa’ taħt dan il-kunċett id-diesel ikkunsmat minn vettura bil-mutur tal-kategorija M2 jew M3 matul vjaġġi li jservu direttament għall-provvista ta’ servizz ta’ trasport ta’ passiġġieri (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2017, Vakarų Baltijos laivų statykla, C‑151/16, EU:C:2017:537, punt 29) Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, tal-vjaġġ li jitwettaq bejn id-depożitu tax-xarabank u l-ewwel pjattaforma ta’ imbark tal-passiġġieri kif ukoll il-vjaġġ ta’ ritorn għad-depożitu wara l-iżbark tal-passiġġieri.

38      Min-naħa l-oħra, il-vjaġġi mwettqa esklużivament għal finijiet ta’ tiswija, ta’ manutenzjoni jew ta’ mili bil-karburant tal-vetturi kkonċernati, sa fejn huma, bħala prinċipju, imwettqa “mingħajr tagħbija” u li lanqas ma huma intiżi sabiex jimbarkaw passiġġieri, ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala “trasport ta’ passiġġieri” peress li ma jservux direttament għall-provvista ta’ servizz ta’ trasport ta’ passiġġieri (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2017, Vakarų Baltijos laivų statykla, C‑151/16, EU:C:2017:537, punti 30, 35 u 36).

39      Din l-interpretazzjoni hija, fit-tieni lok, sostnuta mill-kuntest li jagħmel parti minnu l-Artikolu 7(3)(b) tad-Direttiva 2003/96.

40      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu 7 jipprevedi li l-karburanti huma suġġetti għal livelli minimi ta’ tassazzjoni. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-premessa 3 u mill-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, l-għan ta’ din id-direttiva ma huwiex li tarmonizza b’mod eżawrjenti r-rati tas-sisa fuq il-prodotti tal-enerġija u tal-elettriku, iżda sempliċement tiffissa livelli minimi ta’ tassazzjoni.

41      L-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/96 jipprovdi għalhekk li l-possibbiltà mogħtija lill-Istati Membri li jipprevedu livelli ta’ tassazzjoni differenti skont l-użu, kummerċjali jew privat, tad-diesel użat bħala karburant hija suġġetta għall-osservanza tal-livelli minimi ta’ tassazzjoni stabbiliti minn din id-direttiva. Barra minn hekk, din id-dispożizzjoni tipprekludi lill-Istati Membri milli jiffissaw ir-rata ta’ tassazzjoni tad-diesel għal użu kummerċjali għal livell iktar baxx mir-rata nazzjonali li kienet fis-seħħ fl‑1 ta’ Jannar 2003. Dawn l-elementi jindikaw li d-dħul fis-seħħ tal-imsemmija direttiva ma kellux iwassal għal tnaqqis fil-livell ta’ tassazzjoni tad-diesel għal użu kummerċjali.

42      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kunċett ta’ “nafta [diesel] kummerċjali użata bħala propellant” ma jistax ikun is-suġġett ta’ interpretazzjoni estensiva.

43      Din il-konstatazzjoni hija kkorroborata mill-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2003/96 li, b’deroga mid-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu 7, jippermetti lill-Istati Membri, f’ċerti ċirkustanzi, li japplikaw għad-diesel użat mill-vetturi bil-mutur jew mill-gruppi magħquda ta’ vetturi intiżi esklużivament għat-trasport ta’ merkanziji bit-triq, rata mnaqqsa li tista’ tkun inqas mil-livell nazzjonali ta’ tassazzjoni fis-seħħ fl‑1 ta’ Jannar 2003. Fil-fatt, interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “nafta [diesel] kummerċjali użata bħala propellant” ikollha l-effett li testendi b’dan il-mod il-portata ta’ din id-deroga, ħaġa li tmur kontra l-prinċipju li dispożizzjoni derogatorja, bħall-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2003/96, għandha tkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni stretta.

44      Fit-tielet lok, l-interpretazzjoni letterali tal-Artikolu 7(3)(b) tad-Direttiva 2003/96, mogħtija fil-punti 37 u 38 ta’ din is-sentenza, hija kkonfermata mill-għanijiet imfittxija minn din id-direttiva. B’mod partikolari, mill-premessi 6, 12 u 20 tagħha jirriżulta li hija intiża notevolment sabiex timplimenta rekwiżiti ta’ protezzjoni tal-ambjent, b’mod partikolari billi tinkoraġġixxi t-tnaqqis tad-differenza bejn it-tassazzjoni tad-diesel għall-użu privat bħala karburant u dik tal-petrol. Fid-dawl tal-premessi 3 sa 5 u 19 tal-imsemmija direttiva, din hija wkoll intiża sabiex tippermetti approssimazzjoni tal-livelli nazzjonali tat-tassazzjoni tad-diesel sabiex, b’mod partikolari, tevita d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u, għalhekk, biex tippromwovu l-funzjonament tajjeb tas-suq intern (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Autoservizi Giordano, C‑513/18, EU:C:2020:59, punti 30 u 32 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

45      Issa, interpretazzjoni restrittiva tal-kunċett ta’ “nafta [diesel] kummerċjali użata bħala propellant” tippermetti li tikkontribwixxi kemm għat-twettiq ta’ dan l-għan imfittex ta’ politika ambjentali, peress li tillimita l-possibbiltajiet ta’ benefiċċju minn rata mnaqqsa u b’hekk tinkoraġġixxi t-tnaqqis tal-konsum totali tal-karburant, kif ukoll għat-twettiq tal-għan ta’ promozzjoni tal-funzjonament tajjeb tas-suq intern, billi tiżgura approssimazzjoni ikbar tal-livelli ta’ tassazzjoni tad-diesel.

46      Fl-aħħar, fir-raba’ lok, l-interpretazzjoni letterali, kuntestwali u teleoloġika tal-Artikolu 7(3)(b) tad-Direttiva 2003/96 hija sostnuta mix-xogħol preparatorju ta’ din id-direttiva, li minnu toħroġ ir-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jillimita strettament il-possibbiltà li jiġu previsti rati ta’ tassazzjoni differenti għall-istess prodott.

47      Filwaqt li l-Artikolu 5(1) tal-Proposta għal direttiva tal-Kunsill li tirriforma l-qafas Komuntarju ta’ tassazzjoni ta’ prodotti ta’ enerġija (ĠU 1997, C 139, p. 14), li jipprovdi li “[l]-Istati Membri jistgħu japplikaw rati ta’ tassazzjoni differenzjati skont l-użu jew il-kwalità ta’ prodott, sakemm dawn ir-rati jirrispettaw il-livelli minimi ta’ tassazzjoni kif stabbiliti f’din id-Direttiva u jikkonformaw mad-dritt Komunitarja”, jagħti lill-Istati Membri marġni ta’ diskrezzjoni relattivament wiesa’ sabiex jistabbilixxu r-rati ta’ tassazzjoni fuq prodotti tal-enerġija, dan il-marġni tnaqqas b’mod kunsiderevoli matul il-proċedura leġiżlattiva. Fil-fatt, l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2003/96 jawtorizza lill-Istati Membri jipprevedu, fl-osservanza tal-livelli minimi ta’ tassazzjoni previsti minn din id-direttiva kif ukoll fl-osservanza tad-dritt tal-Unjoni, rati ta’ tassazzjoni differenzjati biss fil-każijiet elenkati b’mod eżawrjenti f’dan l-artikolu.

48      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 7(3)(b) tad-Direttiva 2003/96 għandu jiġi interpretat fis-sens li d-diesel ikkunsmat waqt il-vjaġġi mwettqa għal finijiet ta’ tiswija, ta’ manutenzjoni jew ta’ mili bil-karburant tal-vetturi assenjati għat-trasport ta’ passiġġieri ma jaqax taħt il-kunċett ta’ “nafta [diesel] kummerċjali użata bħala propellant”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

 Fuq lispejjeż

49      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 7(3)(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku, għandu jiġi interpretat fis-sens li d-diesel ikkunsmat waqt il-vjaġġi mwettqa għal finijiet ta’ tiswija, ta’ manutenzjoni jew ta’ mili bil-karburant tal-vetturi assenjati għat-trasport ta’ passiġġieri ma jaqax taħt il-kunċett ta’ “nafta [diesel] kummerċjali użata bħala propellant”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.