Language of document : ECLI:EU:C:2008:524

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

25 ta’ Settembru 2008 (*)

“Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija – Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni – It-tieni inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 – Dritt ta’ residenza ta’ wild maġġorenni ta’ ħaddiem Tork – Nuqqas ta’ eżerċizzju ta’ attività bi ħlas – Kundizzjonijiet li jirregolaw it-telf tad-drittijiet kweżiti”

Fil-kawża C‑453/07,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Verwaltungsgericht Giessen (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-24 ta’ Settembru 2007, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta’ Ottubru 2007, fil-proċedura

Hakan Er

vs

Wetteraukreis,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Rosas, President tal-Awla, U. Lõhmus, J. N. Cunha Rodrigues, A. Ó Caoimh u P. Lindh (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        Għal H. Er, minn C. Momberger, Rechtsanwalt,

–        għal Wetteraukreis, minn E. Meiss, Rechtsanwalt,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma u J. Möller, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn V. Kreuschitz u G. Rozet, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li tinqata’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tat-tieni inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni Nru 1/80, tad-19 ta’ Settembru 1980, dwar l-iżvilupp tal-Assoċjazzjoni (iktar’il quddiem id-“Deċiżjoni Nru 1/80”). Il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni twaqqaf permezz tal-Ftehim li stabbilixxa Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija, iffirmat fit-12 ta’ Settembru 1963 f’Ankara mir-Repubblika tat-Turkija, min-naħa, u mill-Istati Membri tal-KEE u l-Komunità min-naħa l-oħra, u konkluż, approvat u kkonfermat f’isem il-Komunità permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 64/732/KEE, tat-23 ta’ Diċembru 1963 (ĠU 1964, 217, p. 3685).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn H. Er, ċittadin Tork, u l-Wetteraukreis (distrett ta’ Wetterau), fir-rigward ta’ proċedura ta’ tkeċċija mit-territorju Ġermaniż.

 Il-kuntest ġuridiku

3        L-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jipprovdi dan li ġej:

“1. Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7 dwar l-aċċess liberu għall-impjieg għall-membri tal-familja tiegħu, il-ħaddiem Tork li jagħmel parti mis-suq legali tax-xogħol ta’ Stat Membru:

–        għandu dritt, f’dan l-Istat Membru, wara sena ta’ impjieg legali, għat-tiġdid tal-permess ta’ xogħol tiegħu ma’ l-istess prinċipal, jekk dan ikollu xogħol x’joffri;

–        għandu dritt, f’dan l-Istat Membru, wara tliet snin ta’ impjieg legali u bla ħsara għall-priorità li għandha tingħata lill-ħaddiema tal-Istati Membri tal-Komunità, li jwieġeb għal offerta oħra ta’ impjieg fl-istess professjoni ma’ prinċipal ieħor tal-għażla tiegħu, magħmula taħt kundizzjonijiet normali u rreġistrata mad-dipartiment tax-xogħol ta’ dan l-Istat Membru;

–        għandu jgawdi, f’dan l-Istat Membru, wara erba’ snin ta’ impjieg legali, minn aċċess liberu għal kull impjieg b’salarju tal-għażla tiegħu.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

4        L-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jipprovdi:

“Il-membri tal-familja ta’ ħaddiem Tork li jagħmel parti mis-suq legali tax-xogħol ta’ Stat Membru, li ġew awtorizzati sabiex jingħaqdu miegħu:

–        għandhom id-dritt, bla ħsara għall-priorità li għandha tingħata lill-ħaddiema tal-Istati Membri tal-Komunità, li jwieġbu għal kull offerta ta’ xogħol meta jkunu ilhom legalment residenti f’dan l-Istat Membru għal minn tal-anqas tliet snin;

–        għandhom igawdu, f’dan l-Istat Membru, minn aċċess liberu għal kull attività b’salarju tal-għażla tagħhom meta jkunu ilhom legalment residenti hemm għal minn tal-anqas ħames snin.

It-tfal tal-ħaddiema Torok li jkunu temmew taħriġ professjonali fil-pajjiż ospitanti jistgħu, irrispettivament mit-tul ta’ residenza tagħhom f’dan l-Istat Membru u bil-kundizzjoni li wieħed mill-ġenituri jkun eżerċita legalment impjieg fl-Istat Membru kkonċernat għal minn tal-anqas tliet snin, iwieġbu għal kull offerta ta’ impjieg fl-imsemmi Stat Membru.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

5        Skont l-Artikolu 14(1) ta’ din id-Deċiżjoni:

“Id-dispożizzjonijiet ta’ din it-Taqsima għandhom jiġu applikabbli bla ħsara għal-limitazzjonijiet iġġustifikati minn raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà u ta’ saħħa pubblika.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

6        Jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li H. Er twieled fit-Turkija f’April 1984. Sentejn wara, fl-1986, huwa ngħaqad f’Berlin ma’ missieru li fforma parti mis-suq legali tax-xogħol tar-Repubblika federali tal-Ġermanja u għex miegħu fit-territorju Ġermaniż għal ħames snin. Missieru, wara, irritorna t-Turkija mingħajr l-familja tiegħu.

7        Fl-1998, H. Er talab l-ewwel permess ta’ residenza tiegħu li ngħatalu għal perijodu ta’ sena u nofs. Dan id-dokument kellu miktub fuqu “omm fil-pussess ta’ permess ta’ residenza għal perijodu indefinit”u “missier irreġistrat f’Berlin”.

8        H. Er spiċċa l-iskola fl-2000, fl-età ta’ 16 il-sena, mingħajr ma kiseb ċertifikat. It-titolu ta’ residenza tiegħu ġie estiż sal-20 ta’ Marzu 2002.

9        Fl-2002, H. Er talab it-tieni permess ta’ residenza li ngħatalhu sax-xahar ta’ April 2003 li jikkorrispondi għad-data li fiha ma baqax iktar dipendenti fuq ommu. Wara H. Er ressaq talba għat-tiġdid tal-permess ta’ residenza tiegħu li huwa kiseb għal perijodu ta’ sena minkejja t-tibdiliet fis-sitwazzjoni tiegħu, jiġifieri li huwa ma kienx iktar dipendenti fuq ommu u li benefiċċju ta’ sosteniment tħalset lilu matul erba’ xhur. Madankollu id-Dipartiment tal-barranin kompetenti għad-distrett ta’ Wetterau (iktar’il quddiem id-“Dipartiment tal-barranin”) talab lil H. Er jagħmel sforz serju sabiex jiġi impjegat.

10      H. Er ipparteċipa f’kors intiż sabiex itejjeb il-possibbiltajiet tiegħu ta’ taħriġ u ta’ xogħol, iżda ma kompliehx minħabba kapaċità insuffiċjenti. Huwa bbenefika minn għajnuna soċjali għal xahar u rreġistra bħala li qiegħed ifittex xogħol.

11      F’Settembru 2004, H. Er ressaq talba ġdida ta’ tiġdid.

12      Matul l-eżami ta’ din it-talba, id-Dipartiment responsabbli għall-barranin iltaqa’ diversi drabi ma’ H. Er. Dan tal-aħħar indika li kien qed ifittex impieg, li kellu jiġi impjegat fuq preżentazzjoni ta’ ċertifikat ta’ kondotta tajba u li kien ser jerġa’ jikkuntattja d-dipartiment responsabbli għall-barranin. Dawn id-dikjarazzjonijiet ma ġewx madankollu implementati u H. Er ma ġiex impjegat. Huwa rċieva l-benefiċċju għal nies qegħda għal 18 il-xahar.

13      B’deċiżjoni tas-17 ta’ Awwissu 2005, id-Dipartiment responsabbli għall-barranin ċaħad it-talba ta’ tiġdid ta’ H. Er imressqa fix-xahar ta’ Settembru 2004 u ordna lil dan tal-aħħar sabiex iħalli t-territorju f’terminu definit taħt piena ta’ espulsjoni lejn it-Turkija.

14      Skont din id-deċiżjoni, il-benefiċċju tad-dritt ta’ residenza mogħti fil-kuntest tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jippreżumi li l-parti interessata tkun, matul il-preżentazzjoni tat-talba tagħha, preżenti fis-suq tax-xogħol u tiddisponi minn ċans reali li tikseb impieg f’futur prevedibbli. Id-Dipartiment responsabbli għall-barranin qies li l-limitazzjoni tal-perijodu tar-residenza għal sitt xhur sabiex ifittex xogħol ma tistax, bħala prinċipju, tiġi kkritikata.

15      Fid-9 ta’ Settembru 2005, H. Er ressaq ilment kontra din id-deċiżjoni għadha ma nqatatx. Huwa ppreżenta wkoll talba għal miżuri provviżorji quddiem il-qorti tar-rinviju, li, b’digriet tal-4 ta’ Diċembru 2006, iddikjarat li l-ilment kellu effett ta’ sospensjoni.

16      Matul il-proċeduri għal miżuri provviżorji, H. Er allega li kien qed jipprova jsib xogħol. Huwa ppreżenta ittra miċ-ċentru ta’ taħriġ ta’ Frankfurt tal-20 ta’ Diċembru 2005 li tistiednu jsegwi programm ta’ xahar sabiex jiġi mgħejun isib xogħol. H. Er beda l-programm, iżda ma kompliehx minħabba li dan tal-aħħar ma kienx adatt għall-profil tiegħu. Ir-rapport ta’ evalwazzjoni tal-kapaċitajiet ta’ H. Er ikkonkluda li l-kapaċitajiet tiegħu kienu medjokri, li m’għamel ebda sforz serju u li ma kienx puntwali. L-integrazzjoni immedjata fis-suq tax-xogħol kienet ikkunsidrata adegwata, billi l-kisba ta’ kwalifiki addizzjonali mhija ta’ ebda interess. H. Er kien, min-naħa l-oħra, meqjus bħala kapaċi biex iwettaq xogħlijiet sempliċi u repetittivi.

17      H. Er ġie għalhekk propost lil impriża ta’ ppostjar fl-ajruporti, li pprevediet perijodu ta’ taħriġ taħt prova. Minħabba l-iżvolġiment pożittiv tal-perijodu tal-prova tiegħu, mill-bidu tax-xahar ta’ Frar 2006, kien previst li H. Er jokkupa post ta’ xi ħadd li jippostja l-bagalji fl-ajrupurt ta’ Frankfurt.

18      Il-qorti tar-rinviju tindika li, minħabba n-nuqqas ta’ produzzjoni ta’ ċertifikat ta’ kondotta tajba, l-applikazzjoni ta’ H. Er ma ġietx madankollu mibgħuta lill-persuna kkonċernata li qed tħaddem.

19      H. Er ma jsemmi ebda parteċipazzjoni fi programm sabiex jiġi mgħejun isib xogħol jew attività bi ħlas minbarra xogħol għal ġurnata.

20      Il-qorti tar-rinviju tirreferi wkoll għal nota tal-Aġenzija federali għat-tfittix ta’ xogħol, tat-18 ta’ Awwissu 2006, dwar laqgħa ma’ H. Er. Skont din in-nota, dan tal-aħħar ma għamilx sforz biex jinserixxu ruħu fid-dinja tax-xogħol, u barra minn hekk, huwa għandu problemi ta’ dejn u ommu tixtieq li jitlaq mid-dar tagħha.

21      Fit-22 ta’ Jannar 2007, wara l-għeluq tal-proċeduri għal miżuri provviżorji, H. Er ressaq rikors li wassal għall-kawża prinċipali. Huwa jitlob li d-Dipartiment responsabbli għall-barranin jiġi ordnat iġedded il-permess ta’ residenza tiegħu minħabba li huwa jibbenefika mid-dritt mogħti mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk huwa għandu jew qed ifittex impjieg fit-territorju Ġermaniż.

22      Id-deċiżjoni tar-rinviju ssemmi li H. Er ma jirċevix sal ġurnata tal-lum benefiċċji soċjali iżda li, fid-dawl tan-nuqqas ta’ ħeġġa tiegħu sabiex jiġi impjegat, ma jistax jiżgura fit-tul il-manteniment tiegħu jekk mhux għall-benefiċċji soċjali.

23      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgericht Giessen iddeċiediet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domanda preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Ċittadin Tork li, bħala membru tal-familja ġie awtorizzat jingħaqad ma’ missieru li jgħix fil-Ġermanja u li, bħala ċittadin Tork, jifforma parti mis-suq legali tax-xogħol tal-Ġermanja, li wara li għex ma’ missieru b’mod legali għal ħames snin kiseb id-dritt mogħti mit-tieni inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jitlef il-benefiċċju ta’ din id-dispożizzjoni minħabba li għal aktar minn seba’ snin wara li spiċċa l-iskola ma eżerċita ebda attività professjonali, b’eċċezzjoni ta’ allegat xogħol għal ġurnata, u li, barra minn hekk, ma kompliex jipparteċipa fl-iskemi kollha tal-Istat sabiex jiġi mgħejun isib xogħol, u li ma jagħmel ebda sforz serju biex isib xogħol, iżda minflok jgħix minn fuq il-benefiċċji tas-sigurtà soċjali, għajnuna mingħand ommu li tgħix fil-Ġermanja u riżorsi li l-oriġini tagħhom mhijiex magħrufa?”

 Fuq id-domanda preliminari

24      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi sostanzjalment jekk ċittadin Tork, li jibbenefika fi Stat Membru mid-dritt għall-aċċess liberu għal kull attività bi ħlas tal-għażla tiegħu skont it-tieni inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, jitlifx id-dritt ta’ residenza tiegħu f’dan l-Istat Membru u kif ukoll dan id-dritt ta’ aċċess liberu, minħabba li, minn meta għalaq it-23 sena, huwa ma jkunx eżerċita attività bi ħlas wara li spiċċa l-iskola fl-età ta’ 16 il-sena u pparteċipa fi skemi tal-Istat, mingħajr madankollu ma spiċċahom, sabiex jiġi mgħejun isib xogħol.

25      Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jiġi mfakkar li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 għandu effett dirett fl-Istati Membri, b’tali mod li ċ-ċittadini Torok li jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu jistgħu jinvokaw direttament id-drittijiet li tagħtihom din id-dispożizzjoni. B’mod partikolari, huma għandhom id-dritt, bis-saħħa tat-tieni inċiż ta’ din id-dispożizzjoni, li jaċċedu liberament għal kull attività bi ħlas tal-għażla tagħhom fl-Istat Membru ospitanti wara li jkunu stabbilixxew regolarment ir-residenza tagħhom għallinqas għal ħames snin (ara s-sentenzi tas-17 ta’ April 1997, Kadiman, C‑351/95, Ġabra p. I‑2133, punti 27 u 28, kif ukoll tat-18 ta’ Lulju 2007, Derin, C‑325/05, Ġabra p. I‑6495, punt 47).

26      Id-drittijiet li din id-dispożizzjoni tagħti lil wild ta’ ħaddiem Tork fuq il-livell tax-xogħol fl-Istat Membru kkonċernat jimplikaw neċessarjament, taħt piena li d-dritt għal aċċess għas-suq tax-xogħol u ta’ eżerċitar effettiv ta’ attività bi ħlas ikun ineffettiv, l-eżistenza ta’ dritt korrelativ ta’ residenza għall-benefiċċju tal-persuna interessata (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-11 ta’ Novembru 2004, Cetinkaya, C‑467/02, Ġabra p. I‑10895, punt 31, u Derin, iċċitata iktar’il fuq, punt 47).

27      Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li d-dritt inkundizzjonali għal kwalunkwe attività magħżula liberament mill-persuna interessata jkun irrilevanti jekk l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti kellhom il-possibbiltà li jikkundizzjonaw jew jirrestrinġu b’xi mod l-applikazzjoni tad-drittijiet speċifiċi li l-immigrant Tork ingħata direttament permezz tad-Deċiżjoni Nru 1/80 (ara s-sentenza tas-16 ta’ Marzu 2000, Ergat, C-329/97, Ġabra p. I‑1487, point 41).

28      Minn dan isegwi li l-Istati Membri m’għandhomx iktar id-diskrezzjoni li jadottaw miżuri relatati mar-residenza b’mod li jostakolaw l-eżerċizzju tad-drittijiet espressament mogħtija permezz tad-Deċiżjoni Nru 1/80 lill-persuna interessata li tissodisfa l-kundizzjonijiet u, li għalhekk, hija diġà regolarment integrata fl-Istat Membru ospitanti (ara s-sentenza Ergat, iċċitata iktar’il fuq, punt 42).

29      Jeħtieġ b’mod partikolari li din il-persuna ma tiġix imċaħħda mid-dritt ta’ residenza tagħha fiż-żmien meta, permezz tal-aċċess liberu tal-għażla tagħha, hija għandha l-possibbiltà li tintegra ruħha għal żmien twil fl-Istat Membru ospitanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Ergat, iċċitata iktar’il fuq, punt 43).

30      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet għalhekk b’mod kostanti li l-limiti għad-drittijiet li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jirrikonoxxi lill-membri tal-familja ta’ ħaddiema Torok li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stipulati f’dan il-paragrafu jistgħu jkunu biss ta’ żewġ tipi, jiġifieri, jew il-fatt li l-preżenza tal-immigrant Tork fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti tikkostitwixxi, minħabba l-imġiba personali tiegħu, periklu reali u gravi għall-ordni pubbliku, għas-sigurtà pubblika jew għas-saħħa pubblika, skont l-Artikolu 14(1) tal-istess deċiżjoni, jew il-fatt li l-persuna kkonċernata tkun ħalliet it-territorju ta’ dan l-Istat għal perijodu sinjifikattiv u mingħajr raġunijiet leġittimi (ara s-sentenzi ċċitati iktar’il fuq Ergat, punti 45, 46 u 48; Cetinkaya, punti 36 u 38; Derin, punt 54; sentenzi tas-7 ta’ Lulju 2005, Aydinli, C‑373/03, Ġabra p. I‑6181, punt 27; tas-16 ta’ Frar 2006, Torun, C‑502/04, Ġabra p. I‑1563, punt 21, u tal-4 ta’ Ottubru 2007, Polat, C‑349/06, Ġabra p. I‑8167, punt 21).

31      Minn dan, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li ċ-ċittadin Tork li jkun ingħata drittijiet abbażi tal-Artikolu 7 ma jistax jiġi mċaħħad minnhom minħabba nuqqas ta’ eżerċizzju ta’ impjieg dovut għal kundanna għal piena ta’ priġunerija, anki jekk din tkun piena ta’ diversi snin u tingħata mingħajr sospensjoni, u lanqas minħabba li huwa fl-ebda mument ma jkun kiseb drittijiet relatati ma’ impjieg u ma’ residenza skont l-Artikolu 6(1) ta’ din id-deċiżjoni. Hija ddeċidiet li b’differenza mill-ħaddiema Torok li għalihom tapplika din id-dispożizzjoni tal-aħħar, l-istatus ta’ membri tal-familja tagħhom imsemmija fl-Artikolu 7 ta’ din id-deċiżjoni ma jiddependix mill-eżerċizzju ta’ attività b’salarju (ara s-sentenza Derin, iċċitata iktar’il fuq, punt 56).

32      B’hekk, il-fatt li l-persuna kkonċernata ma ħadmitx għal diversi snin ma jipprekludihix milli tibbaża ruħha fuq id-dispożizzjonijiet tat-tieni inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 sabiex tinvoka d-dritt ta’ residenza tagħha fl-Istat Membru ospitanti (ara s-sentenza Polat, iċċitata iktar’il fuq, punt 21).

33      Dawn il-kunsiderazzjonijiet japplikaw a fortiori għal ċittadin Tork, bħal H. Er, li ma telaqx is-suq tax-xogħol. Il-fatt li, fl-età ta’ 23 sena, huwa għadu ma jeżerċitax attività bi ħlas ma jikkostitwixxix ostakolu għall-ħruġ ta’ dritt ta’ residenza.

34      Fil-fatt, ċittadin Tork li jingħaqad mal-ġenituri tiegħu fi Stat Membru fil-kuntest tar-riunifikazzjoni tal-familja u jkun għex magħhom minn meta kellu sentejn jissodisfa l-kundizzjonijiet tat-tieni inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80. Jekk, meta jilħaq l-età ta’ 23 sena, huwa jkun għadu ma eżerċitax attività bi ħlas, huwa ma jitlifx madankollu d-dritt ta’ residenza tiegħu. Jeħtieġ, għall-kuntrarju, li ma jiġix irtirat lilu dan id-dritt li mingħajru huwa ma jkunx jista’ jaċċedi għal attività tali u jeżerċita d-dritt li tirrikonoxxilu din id-dispożizzjoni sabiex jintegra ruħu iktar fl-Istat Membru ospitanti.

35      Għaldaqstant, jeħtieġ li tingħata risposta għad-domanda magħmula fis-sens li ċittadin Tork li kien awtorizzat, minn meta kien tifel, jidħol fit-territorju ta’ Stat Membru fil-kuntest tar-riunifikazzjoni tal-familja u li jkun kiseb id-dritt ta’ aċċess liberu għal kull attività bi ħlas tal-għażla tiegħu skont it-tieni inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, ma jitlifx id-dritt ta’ residenza f’dan l-Istat li huwa l-korollarju ta’ dan id-dritt ta’ aċċess liberu anki jekk, fl-età ta’ 23 sena, huwa ma jkunx qed jeżerċita attivitajiet bi ħlas minn meta spiċċa l-iskola tiegħu fl-età ta’ 16 il-sena u jkun ipparteċipa fi skemi tal-Istat, mingħajr madankollu ma spiċċahom, sabiex jiġi mgħejun isib xogħol.

 Fuq l-ispejjeż

36      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:

Ċittadin Tork li kien awtorizzat, minn meta kien tifel, jidħol fit-territorju ta’ Stat Membru fil-kuntest tar-riunifikazzjoni tal-familja u li jkun kiseb id-dritt ta’ aċċess liberu għal kull attività bi ħlas tal-għażla tiegħu skont it-tieni inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, tad-19 ta’ Settembru 1980, dwar l-iżvilupp tal-Assoċjazzjoni, adottat mill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni stabbilit permezz tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija, ma jitlifx id-dritt ta’ residenza f’dan l-Istat li huwa korollarju għal dan id-dritt ta’ aċċess liberu anki jekk, fl-età ta’ 23 sena, huwa ma jkunx qed jeżerċita attivitajiet bi ħlas sa minn meta spiċċa l-iskola tiegħu fl-età ta’ 16 il-sena u jkun ipparteċipa fi skemi tal-Istat, mingħajr madankollu ma spiċċahom, sabiex jiġi mgħejun isib xogħol.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.