Language of document : ECLI:EU:T:2018:699

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

18 ta’ Ottubru 2018 (*)

“Għajnuna finanzjarja – Proġetti ta’ interess komuni fil-qasam tan-netwerks tal-enerġija trans-Ewropej – Determinazzjoni tal-ammont finali tal-għajnuna finanzjarja – Rapport tal-awditjar li jidentifika irregolaritajiet – Spejjeż mhux eliġibbli – Obbligu ta’ motivazzjoni – Aspettattivi leġittimi – Proporzjonalità”

Fil-Kawża T‑387/16,

Terna – Rete elettrica nazionale SpA, stabbilita f’Ruma (l-Italja), irrappreżentata minn A. Police, L. Di Via, F. Degni, F. Covone u D. Carria, avukati,

rikorrenti,

vs

IlKummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn O. Beynet, L. Di Paolo, A. Tokár u G. Gattinara, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tal-ittri tas‑6 ta’ Lulju 2015, tat‑23 ta’ Mejju u tal‑14 ta’ Ġunju 2016 tal-Kummissjoni dwar ċerti spejjeż sostnuti fil-kuntest ta’ żewġ proġetti fil-qasam tan-netwerks tal-enerġija trans-Ewropej (Proġetti 209‑E255/09‑ENER/09/TEN‑E‑S 12.564583 u 2007‑E221/07/2007‑TREN/07TEN‑E‑S 07.91403) wara l-għoti ta’ għajnuna finanzjarja mill-Kummissjoni lir-rikorrenti,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla),

komposta minn D. Gratsias, President, I. Labucka u I. Ulloa Rubio (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, Terna – Rete Elettrica Nazionale SpA, hija kumpannija stabbilita fl-Italja, attiva fis-settur tat-trażmissjoni u tad-distribuzzjoni tal-enerġija elettrika b’vultaġġ għoli.

2        Ir-rikorrenti hija azzjonista ta’ 42.68 % ta’ CESI SpA, kumpannija li topera fis-settur tal-ittestjar u taċ-ċertifikazzjoni ta’ apparati elettromekkaniċi, u tal-konsulenza dwar is-sistemi tal-elettriku.

3        Konformement mad-Deċiżjoni Nru 1364/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑6 ta’ Settembru 2006 li tistabbilixxi linji gwida għal networks ta’ l-enerġija trans-Ewropej u li tħassar id-Deċiżjoni Nru 96/391/KE u d-Deċiżjoni Nru 1229/2003/KE (ĠU 2006, L 262, p. 1), il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ippubblikat, fil‑15 ta’ Ġunju 2007, sejħa għal proposti għall-għoti ta’ għajnuna finanzjarja fil-qafas tal-programm ta’ ħidma annwali C(2007) 3945, tal‑14 ta’ Awwissu 2007, dwar is-sussidji fil-qasam tan-netwerks tal-enerġija trans-Ewropej.

4        Konformement mal-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 680/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Ġunju 2007 li jistabbilixxi r-regoli ġenerali għall-għoti ta’ għajnuna finanzjarja Komunitarja fil-qasam tan-netwerks trans-Ewropej tat-trasport u ta’ l-enerġija (ĠU 2007, L 162, p. 1), wara kull sejħa għal proposti abbażi tal-programmi ta’ ħidma pluriennali jew annwali msemmija fl-Artikolu 8(1) tal-istess regolament, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar l-ammont ta’ għajnuna finanzjarja li għandha tingħata lill-proġetti jew lill-partijiet tal-proġetti magħżula u għandha tispeċifika l-kundizzjonijiet u l-metodi għall-implimentazzjoni tagħhom.

5        Permezz tad-Deċiżjoni C(2008) 7941 tat‑2 ta’ Diċembru 2008 (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni tat‑2 ta’ Diċembru 2008”), il-Kummissjoni għażlet, fost il-programmi li setgħu jibbenefikaw minn għajnuna finanzjarja, il-proġett ta’ interess komuni “Trażmissjoni tal-enerġija elettrika tal-kurrent dirett bejn l-Italja u Franza permezz tal-infrastruttura tat-toroq” (iktar ’il quddiem il-“Proġett E 221”). Permezz ta’ din id-deċiżjoni, ir-rikorrenti ngħatat għajnuna finanzjarja sa massimu ta’ EUR 1 542 600.

6        Permezz tad-Deċiżjoni C(2010) 3360 tal‑21 ta’ Mejju 2010 (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni tal‑21 ta’ Mejju 2010”), il-Kummissjoni għażlet, fost il-programmi li setgħu jibbenefikaw minn għajnuna finanzjarja, il-programm ta’ interess komuni “Studju ta’ fattibbiltà għal interkonnessjoni tal-elettriku transkonfinali ġdida bejn in-Nofsinhar tal-Italja u Franza permezz tal-infrastruttura tal-awtostradi” (iktar ’il quddiem il-“Proġett E 255”). Permezz tal-imsemmija deċiżjoni, ir-rikorrenti ngħatat għajnuna finanzjarja sa massimu ta’ EUR 500 000.

7        L-eżekuzzjoni tal-Proġetti E 221 u E 255 ħolqot in-neċessità tal-kisba ta’ servizzi relatati mal-attivitajiet li r-rikorrenti ma setgħetx twettaq bir-riżorsi tagħha stess. Għaldaqstant, ir-rikorrenti fdat lil CESI l-eżekuzzjoni ta’ dawn is-servizzi. B’mod iktar speċifiku, fil-kuntest tal-Proġetti E 221 u E 255, ir-rikorrenti assenjat, direttament lil CESI abbażi ta’ proċedura nnegozjata, it-twettiq ta’ seba’ kompiti li għandhom bħala s-suġġett tagħhom il-provvista ta’ servizzi ta’ riċerka, ta’ żvilupp u ta’ appoġġ speċjalizzat, u li jaqgħu taħt il-ftehimiet-qafas Nru 3000029140, Nru 3000034279 u Nru 6000001506, iffirmati ma’ CESI permezz ta’ deroga mir-regoli tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, abbażi tal-eżistenza ta’ raġunijiet tekniċi, rispettivament fis‑17 ta’ April 2009, fis‑27 ta’ Mejju 2010 u fit‑8 ta’ April 2011 (minn hawn ’il quddiem il-“kompiti inkwistjoni”).

8        Wara t-tlestija tal-Proġetti E 221 u E 255, il-Kummissjoni, b’ittra tal‑5 ta’ Novembru 2012, informat lir-rikorrenti li kumpannija ta’ awditu esterna (iktar ’il quddiem il-“kumpannija ta’ awditu”) kienet ser tipproċedi b’awditu finanzjarju tal-ispejjeż iddikjarati mir-rikorrenti fil-kuntest ta’ dawn il-proġetti. Il-Kummissjoni speċifikat li r-riżultati tal-awditu finanzjarju kienu ser jiġu eżaminati mid-dipartimenti kompetenti sabiex isir l-aġġustament tal-ispejjeż mitluba mir-rikorrenti u li, jekk dawn l-aġġustamenti jkunu favur il-Kummissjoni, dawn jistgħu jkollhom effett fuq il-pagamenti futuri jew jagħtu lok għall-ħruġ ta’ ordnijiet ta’ rkupru sal-ammont imħallas żejjed.

9        Permezz ta’ ittra tat‑13 ta’ Ġunju 2013, il-kumpannija ta’ awditu bagħtet l-abbozz tar-rapport ta’ awditu lir-rikorrenti. L-abbozz tar-rapport ta’ awditu informa lir-rikorrenti li ċerti spejjeż sostnuti għat-twettiq tal-Proġetti E 221 u E 255 ma setgħux jitqiesu li huma eliġibbli. B’mod konkret, fir-rigward tal-ispejjeż esterni relatati mal-kompiti inkwistjoni, l-abbozz ta’ awditu kkonstata li dawn ma setgħux jitqiesu li huma eliġibbli peress li, konformement mal-indikazzjonijiet mogħtija mill-Kummissjoni, l-għoti ta’ kuntratti lil kumpanniji li jappartjenu għall-istess grupp hija permessa biss bit-tneħħija, tal-ispejjeż imġarrba, ta’ kull profitt magħmul mill-parti li teżegwixxi. Issa, CESI kienet ipprovdiet is-servizzi lir-rikorrenti skont il-kundizzjonijiet tas-suq u b’hekk kisbet marġni ta’ profitt. Ir-rikorrenti ġiet mistiedna tesprimi l-qbil tagħha jew tagħmel osservazzjonijiet.

10      Ir-rikorrenti għamlet l-osservazzjonijiet tagħha b’ittra tal‑5 ta’ Lulju 2013. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti sostniet l-ineżistenza ta’ kwalunkwe forma ta’ kontroll fuq CESI u l-konformità sħiħa tal-għoti tal-kompiti inkwistjoni lil din il-kumpannija mal-prinċipji imposti mil-leġiżlazzjoni Ewropea u dik nazzjonali. B’mod iktar preċiż, ir-rikorrenti sostniet li l-għoti ta’ dawn il-kompiti, mingħajr proċedura ta’ sejħa għal offerti minn qabel, lil CESI, kien sar minħabba d-derogi previsti fl-Artikolu 40(3)(ċ), (e) u (i) tad-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑31 ta’ Marzu 2004 li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi ta’ l-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 19), jiġifieri l-eżistenza ta’ raġunijiet tekniċi li bis-saħħa tagħhom kuntratt jista’ jiġi eżegwit biss minn operatur ekonomiku partikolari, peress li d-diffikultajiet tekniċi li jirriżultaw mill-eventwali akkwist ta’ provvisti ġodda jwasslu għal żieda eċċessiva u sproporzjonata tal-ispejjeż, u l-eżistenza ta’ Ftehim Qafas ma’ CESI.

11      B’ittra tat‑18 ta’ Ġunju 2014, il-Kummissjoni bagħtet lir-rikorrenti r-rapport ta’ awditu definittiv (iktar ’il quddiem ir-“rapport ta’ awditu”) ippreparat mill-kumpannija ta’ awditu. Ir-rapport ta’ awditu rriproduċa kważi l-konklużjonijiet kollha tal-abbozz tar-rapport ta’ awditu, aċċetta ċerti spejjeż mitluba mir-rikorrenti u ressaq kunsiderazzjonijiet fid-dawl tal-osservazzjonijiet tar-rikorrenti. Ir-rikorrenti ġiet mistiedna tipprovdi l-osservazzjonijiet li seta’ jkollha fi żmien ġimagħtejn minn meta rċeviet l-ittra, u fl-assenza tagħhom, il-Kummissjoni kienet ser toħroġ żewġ noti ta’ debitu għall-irkupru ta’ ammont ta’ EUR 414 101.72 għall-Proġett E 221 u ta’ EUR 80 769.67 għall-Proġett E 255.

12      B’ittra tal‑15 ta’ Lulju 2014, ir-rikorrenti rrispondiet għall-ittra tal-Kummissjoni billi pprovdiet iktar spjegazzjonijiet. Ir-rikorrenti, filwaqt li rrikonoxxiet li parti kbira mill-osservazzjonijiet preċedenti tagħha kienu ntlaqgħu, ikkontestat il-konklużjonijiet li kien wasal għalihom ir-rapport ta’ awditu dwar l-ispejjeż diretti esterni relatati mal-kompiti inkwistjoni. Ir-rikorrenti insistiet fuq il-fatt li hija ma kienet eżerċitat ebda tip ta’ kontroll fuq CESI, li kienet biss kumpannija li magħha kienet assoċjata, iżda fuq liema kumpannija hija ma kellha ebda setgħa ta’ tmexxija jew ta’ koordinazzjoni, konformement mal-Artikolu 2497 tal-Kodiċi Ċivili Taljan. Barra minn hekk, ir-rikorrenti spjegat ir-raġunijiet li wassluha tuża proċedura mingħajr sejħa għal offerti għall-għoti tal-kompiti inkwistjoni lil CESI, abbażi tad-derogi previsti fl-Artikolu 40(3)(ċ), (e) u (i) tad-Direttiva 2004/17.

13      Wara r-risposta pprovduta mir-rikorrenti permezz tal-ittra tal‑15 ta’ Lulju 2014, il-Kummissjoni ordnat li titkompla l-istruttorja. Permezz ta’ messaġġ elettroniku tat‑13 ta’ Frar 2015, il-Kummissjoni talbet lir-rikorrenti tipprovdilha spjegazzjonijiet addizzjonali dwar il-proċeduri li taw lok għall-għoti, mingħajr proċedura ta’ sejħa minn qabel għal offerti, tal-ftehimiet qafas Nri 3000034279 u 6000001506 lil CESI. B’mod konkret, il-Kummissjoni talbet spjegazzjoni dwar ir-riferiment magħmul għall-Artikolu 40(3)(ċ) tad-Direttiva 2004/17 sabiex tiġġustifika n-natura ta’ operatur ekonomiku wieħed partikolari ta’ CESI, minħabba l-ispeċifiċità teknika tas-suq. Barra minn hekk, il-Kummissjoni indikat li l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 40(3)(e) tad-Direttiva 2004/17 ma kinitx applikabbli f’dan il-każ peress li l-kuntratt inkwistjoni kien kuntratt ta’ servizz u mhux ta’ provvista.

14      Permezz ta’ messaġġ elettroniku tat‑23 ta’ Marzu 2015, ir-rikorrenti wieġbet għat-talbiet tal-Kummissjoni. Ir-rikorrenti insistiet fuq il-fatt li hija ma kienet eżerċitat ebda setgħa ta’ kontroll, ta’ tmexxija jew ta’ koordinazzjoni fuq CESI u sostniet li, permezz ta’ ittra tal‑5 ta’ Lulju 2013, hija kienet diġà spjegat lill-Kummissjoni dwar il-qafas legali li kien ippermettiha tagħti, mingħajr proċedura ta’ sejħa għal offerti minn qabel, il-kompiti inkwistjoni direttament lil CESI, jiġifieri l-Artikolu 40 tad-Direttiva 2004/17, li f’ċerti każijiet jippermetti li wieħed jirrikorri għal proċedura mingħajr sejħa għal offerti minn qabel. Ir-rikorrenti ddikjarat li CESI, minħabba l-użu ta’ għodda jew ta’ softwer speċifiċi żviluppati flimkien magħha, kienet l-uniku operatur ekonomiku li seta’ jipprovdi s-servizzi relatati mal-kompiti inkwistjoni, peress li sejħa għal operaturi ekonomiċi oħra kienet twassal għal spejjeż żejda, dewmien itwal u riskju ta’ telf ta’ informazzjoni fl-eżekuzzjoni ta’ dawn is-servizzi.

15      Permezz ta’ ittra tas‑6 ta’ Lulju 2015, il-Kummissjoni, filwaqt li ħadet nota tal-informazzjoni miġbura fit-tkomplija tal-istruttorja u billi kkonstatat li CESI ma kinitx kumpannija kkontrollata mir-rikorrenti, iżda kumpannija assoċjata ma’ din u fuq liema kumpannija r-rikorrenti ma kienet teżerċita ebda forma ta’ tmexxija jew ta’ koordinazzjoni, bidlet il-pożizzjoni tagħha u informat lir-rikorrenti li l-ispejjeż ġejjin mill-kompiti inkwistjoni, mogħtija direttament lil CESI, ma setgħux jitqiesu li huma eliġibbli, mhux minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tal-indikazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-għoti ta’ kuntratti lil kumpanniji li jappartjenu għall-istess grupp, iżda minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tar-regoli dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni kkonstatat li r-rikorrenti setgħet tagħti l-kompiti inkwistjoni direttament lil CESI, mingħajr ma tgħaddi minn proċedura ta’ sejħa minn qabel għal offerti, skont l-Artikolu 40(3)(i) tad-Direttiva 2004/17, biss kieku l-ftehimiet qafas li taħthom kienu jaqgħu dawn il-kompiti kienu saru konformement ma’ din id-direttiva. Il-Kummissjoni kkonstatat ukoll li r-rikorrenti ma kinitx issodisfat l-oneru tal-prova msemmi fl-Artikolu 40(3)(ċ) tad-Direttiva 2004/17, peress li din ma wrietx li, minħabba l-kapaċitajiet tekniċi speċifiċi għas-servizzi li jaqgħu taħt il-ftehimiet qafas fdati lil CESI, din tal-aħħar kienet l-unika kumpannija li lilha r-rikorrenti setgħet tagħti dawn il-ftehimiet qafas. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni indikat li l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 40(3)(e) tad-Direttiva 2004/17 ma kinitx applikabbli f’dan il-każ peress li din tikkonċerna biss kuntratti ta’ provvista. Il-Kummissjoni ħabbret li, fi żmien xahar, hija kienet ser toħroġ żewġ noti ta’ debitu, wieħed ta’ ammont ta’ EUR 414 101.72, għal dak li jikkonċerna l-Proġett E 221, u l-ieħor ta’ ammont ta’ EUR 80 769.67, għal dak li jikkonċerna l-Proġett E 255.

16      Fil‑21 ta’ Settembru 2015, ir-rikorrenti ppreżentat rikors quddiem il-Qorti Ġenerali intiż għall-annullament tal-ittra tas‑6 ta’ Lulju 2015. Dan ir-rikors ġie rreġistrat fil-Qorti Ġenerali taħt ir-referenza T‑544/15.

17      Permezz ta’ ittra tat‑23 ta’ Mejju 2016, id-Direttorat Ġenerali (DĠ) “Enerġija” tal-Kummissjoni kompla l-proċedura ta’ rkupru tal-ammonti li kienu dovuti lilha billi informa lir-rikorrenti li l-argumenti tagħha kienu ġew eżaminati mill-ġdid b’kollaborazzjoni ma’ membri tal-persunal kompetenti ta’ direttorati ġenerali oħra. Permezz ta’ din l-ittra, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet stipulati fl-ittra tas‑6 ta’ Lulju 2015 u ħabbret li, fi żmien xahar, hija kienet ser toħroġ żewġ noti ta’ debitu għall-irkupru ta’ ammont ta’ EUR 414 101.72, għal dak li jikkonċerna l-Proġett E 221, u ta’ ammont ta’ EUR 80 769.67, għal dak li jikkonċerna l-Proġett E 255.

18      Permezz ta’ ittra tal‑14 ta’ Ġunju 2016, il-Kummissjoni bagħtet lir-rikorrenti żewġ noti ta’ debitu ta’ EUR 414 101.72, għal dak li jikkonċerna l-Proġett E 221, u ta’ EUR 80 769.67, għal dak li jikkonċerna l-Proġett E 255.

19      B’digriet tat‑13 ta’ Settembru 2016, Terna vs Il‑Kummissjoni (T‑544/15, mhux ippubblikat, EU:T:2016:513), il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors ippreżentat fil-kawża inkwistjoni bħala manifestament inammissibbli.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

20      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑20 ta’ Lulju 2016, ir-rikorrenti ressqet din il-kawża.

21      Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑4 ta’ Ottubru 2016, il-Kummissjoni qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà skont l-Artikolu 130(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

22      Ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar din l-eċċezzjoni fis‑16 ta’ Novembru 2016.

23      Permezz ta’ digriet tas‑17 ta’ Frar 2017 tal-President tal-Ħames Awla tal-Qorti Ġenerali, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ġiet inkluża mal-mertu.

24      Bis-saħħa tal-Artikolu 106(3) tar-Regoli tal-Proċedura, fl-assenza ta’ talba għall-iffissar ta’ seduta ppreżentata mill-partijiet prinċipali fi żmien tliet ġimgħat min-notifika tal-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li taqta’ u tiddeċiedi dwar ir-rikors mingħajr fażi orali tal-proċedura. F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali, li qieset li kellha informazzjoni biżżejjed mid-dokumenti tal-proċess, iddeċidiet, fl-assenza ta’ tali talba, li taqta’ l-kawża mingħajr il-fażi orali tal-proċedura.

25      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-ittri tas‑6 ta’ Lulju 2015, tat‑23 ta’ Mejju u tal‑14 ta’ Ġunju 2016 (iktar ’il quddiem l-“atti kkontestati”);

–        tgħaqqad din il-kawża mal-Kawża T‑544/15, konformement mal-Artikolu 68(1) tar-Regoli tal-Proċedura;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

26      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli u, sussidjarjament, tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

27      It-talba għal tgħaqqid ta’ din il-kawża mal-Kawża T‑544/15 ma għadx għandha skop, u għaldaqstant, ma hemmx iktar lok li tingħata deċiżjoni dwar it-tieni kap tat-talbiet tar-rikorrenti, peress li, b’digriet tat‑13 ta’ Settembru 2016, Terna vs Il‑Kummissjoni (T‑544/15, mhux ippubblikat, EU:T:2016:513), il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors ippreżentat fil-kawża inkwistjoni bħala manifestament inammissibbli.

 Id-dritt

 Fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà

28      Il-Kummissjoni teċċepixxi l-inammissibbiltà tar-rikors minħabba li l-atti kkontestati ma jikkostitwixxux atti li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li l-atti kkontestati ma jikkostitwixxux atti li jistabbilixxu l-pożizzjoni tagħha b’mod definittiv, u lanqas ma huma atti definittivi, iżda li huma atti preparatorji għal proċedura ta’ rkupru eventwali. Il-Kummissjoni ssostni li hija biss deċiżjoni eventwali wara l-ħruġ ta’ nota ta’ debitu li tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament.

29      Ir-rikorrenti tikkontesta l-argumenti tal-Kummissjoni u ssostni li l-atti kkontestati jikkostitwixxu atti definittivi li jipproduċu effetti legali vinkolanti, bħall-ħlas lura ta’ somom, ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tagħha b’mod li jbiddlu s-sitwazzjoni legali tagħha b’mod sinjifikattiv. F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, hija ssostni li l-Kummissjoni ma tqisx il-pagament li hija kienet għamlet, bla ħsara, fit‑12 ta’ Awwissu 2016, għas-somom mitluba mill-Kummissjoni, sabiex jiġu evitati interessi moratorji, u li, għalhekk, f’din is-sitwazzjoni, il-Kummissjoni ma hijiex ser tadotta deċiżjoni sussegwenti, li tkun l-uniku att li jista’ jiġi kkontestat skont hija stess. Sussegwentement, ir-rikorrenti ssostni li, jekk l-atti kkontestati ma jistgħux jiġu kkontestati bis-saħħa tal-Artikolu 263 TFUE, l-uniku att li jista’ jiġi kkontestat huwa dak li l-Kummissjoni tadotta sal-iskadenza tat-terminu stabbilit għall-pagament ta’ nota ta’ debitu, jiġifieri meta s-sanzjoni moratorja tkun applikabbli, u li dan imur kontra l-iktar prinċipji elementari tad-dritt. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li, fil-każ taċ-ċaħda tar-rikors bħala inammissibbli, il-Qorti Ġenerali ċċaħħadha mid-dritt tagħha għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

30      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, jikkostitwixxu atti jew deċiżjonijiet li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE biss il-miżuri li jipproduċu effetti legali vinkolanti li jistgħu jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, billi jbiddlu s-sitwazzjoni ġuridika tiegħu b’mod sinjifikattiv (sentenzi tal‑11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il‑Kummissjoni, 60/81, EU:C:1981:264, punt 9; tal‑5 ta’ Ottubru 1999, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il‑Kummissjoni, C‑308/95, EU:C:1999:477, punt 26, u tad‑29 ta’ Jannar 2002, Van Parys u Pacific Fruit Company vs Il‑Kummissjoni, T‑160/98, EU:T:2002:18, punt 60).

31      B’mod iktar partikolari, fil-każ ta’ atti li l-elaborazzjoni tagħhom issir f’diversi fażijiet, b’mod partikolari fi tmiem proċedura interna, minn din l-istess ġurisprudenza jirriżulta li, bħala prinċipju, jikkostitwixxu att li jista’ jiġi kkontestat biss dawk il-miżuri li jistabbilixxu l-pożizzjoni tal-istituzzjoni fi tmiem din il-proċedura b’mod definittiv, bl-esklużjoni ta’ miżuri intermedjarji li l-għan tagħhom huwa li jippreparaw id-deċiżjoni finali (sentenzi tal‑11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il‑Kummissjoni, 60/81, EU:C:1981:264, punt 10, u tal‑14 ta’ Diċembru 2006, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, T‑314/04 u T‑414/04, mhux ippubblikata, EU:T:2006:399, punt 38).

32      F’dan il-każ, għandu jiġi osservat li, kif tfakkar fil-punt 4 iktar ’il fuq, konformement mal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 680/2007, wara kull sejħa għal proposti għall-għoti ta’ għajnuna finanzjarja, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar l-ammont ta’ għajnuna finanzjarja li għandu jingħata lil proġetti jew lil partijiet tal-proġetti magħżula u għandha tispeċifika l-kundizzjonijiet u l-modalitajiet għall-implimentazzjoni tagħhom.

33      Għaldaqstant, l-atti kkontestati jidħlu fil-kuntest tad-Deċiżjonijiet tat‑2 ta’ Diċembru 2008 u tal‑21 ta’ Mejju 2010, bejn il-Kummissjoni u r-rikorrenti. Dawn id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni jimplikaw l-aċċettazzjoni tal-proposti mressqa, jiġifieri konkordanza tal-intenzjonijiet ta’ dawk li jagħmlu l-proposti, minn naħa, u tal-Kummissjoni, min-naħa l-oħra, mingħajr ma r-Regolament Nru 680/2007 jipprevedi li din il-konkordanza ta’ intenzjonijiet tieħu l-forma ta’ kuntratt.

34      F’dan il-kuntest, l-ittri tal-Kummissjoni tat‑23 ta’ Mejju u tal‑14 ta’ Ġunju 2016, li fihom din tal-aħħar tifformula, b’mod definittiv, talbiet kontra l-benefiċjarju tal-għajnuna, abbażi tad-deċiżjoni tal-għoti ta’ għajnuna finanzjarja, ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala atti li jistgħu jiġu kkontestati meta dawn jistabbilixxu l-ammonti li l-Kummissjoni tqis li għandhom jiġu rkuprati mill-benefiċjarju tal-għajnuna u li dan tal-aħħar għandu jħallas lura, suġġett għall-preżentazzjoni ta’ rikors, u b’hekk josserva r-rieda tal-Kummissjoni.

35      Barra minn hekk, peress li r-rimbors ġie effettwat, il-Kummissjoni ma hijiex ser tadotta deċiżjoni eventwali wara l-ħruġ ta’ nota ta’ debitu. Għalhekk, il-fatt li r-rikorrenti hija mċaħħda mis-setgħa li tikkontesta s-somom rimborsati jista’ jippreġudika d-dritt tagħha għal rimedju effettiv. Għaldaqstant ikun kuntrarju għad-dritt għal amministrazzjoni tajba li r-rikorrenti tiġi mħeġġa ma tħallasx l-ammonti dovuti fin-nota ta’ debitu ħalli deċiżjoni eventwali, wara l-ħruġ tan-nota ta’ debitu, tiġi adottata u tkun tista’ tiġi kkontestata fuq il-bażi tal-Artikolu 263 TFUE.

36      Minn dak li ntqal jirriżulta li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni għandha tiġi miċħuda f’dak li jikkonċerna l-ittra tal‑14 ta’ Ġunju 2016, bħala l-ittra ta’ spjega tan-noti ta’ debitu msemmija fil-punt 18 iktar ’il fuq, u l-ittra tat‑23 ta’ Mejju 2016, li permezz tagħha d-DĠ “Enerġija” tal-Kummissjoni stabbilixxa l-pożizzjoni definittiva ta’ din l-istituzzjoni dwar il-mertu tal-kawża, wara li eżamina għall-aħħar darba l-argumenti tar-rikorrenti billi kkonsulta wkoll il-persunal kompetenti ta’ direttorati ġenerali oħra. Min-naħa l-oħra, ir-rikors għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli sa fejn huwa dirett kontra l-ittra tas‑6 ta’ Lulju 2015, li kienet is-suġġett ta’ rikors miċħud bis-saħħa tad-digriet tat‑13 ta’ Settembru 2016, Terna vs Il‑Kummissjoni (T‑544/15, mhux ippubblikat, EU:T:2016:513) (ara l-punti 16 u 19 iktar ’il fuq), li sar definittiv.

 Fuq il-mertu

37      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tqajjem erba’ motivi, l-ewwel wieħed ibbażat, essenzjalment, fuq nuqqas ta’ investigazzjoni u ta’ motivazzjoni tal-atti kkontestati, fuq applikazzjoni żbaljata tal-Artikoli 14 u 37 tad-Direttiva 2004/17 u fuq applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu III.3.7(1), (4) u (6) tal-Anness III tad-Deċiżjonijiet tat‑2 ta’ Diċembru 2008 u tal‑21 ta’ Mejju 2010; it-tieni wieħed fuq applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 40(3)(ċ) tad-Direttiva 2004/17; it-tielet wieħed fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u r-raba’ wieħed, imqajjem sussidjarjament, fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

38      Preliminarjament, għandu jiġi osservat li, diversi drabi fir-rikors, ir-rikorrenti sostniet li l-kompiti inkwistjoni kellhom jiġu eżaminati indipendentement mill-ftehimiet qafas, konklużi ma’ CESI bejn l‑2009 u l‑2011, li jaqgħu taħthom. Ir-rikorrenti tqis li dan l-iżball fil-mertu kellu effett fuq l-analiżi sussegwenti tal-Kummissjoni, sa fejn il-kunsiderazzjonijiet ta’ natura ekonomika, ċertament rilevanti fir-rigward tal-konklużjoni tal-ftehimiet qafas, ma humiex applikabbli fir-rigward tal-kompiti inkwistjoni, u dan wassal li l-ispejjeż marbutin ma’ dawn il-kompiti ma jitqisux li huma eliġibbli.

39      F’dan il-każ, l-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti tikkontradixxi lilha nnifisha, f’dan ir-rigward, fir-rikors. Jekk ċerti drabi hija tikkontesta r-rabta bejn il-kompiti inkwistjoni u l-ftehimiet qafas, f’okkażjonijiet oħra hija ssostni li dawn il-kompiti huma marbutin u jaqgħu taħt il-ftehimiet qafas. Fil-fatt, ir-rikorrenti, fir-rikors, tiddefinixxi dan ir-rapport hija stess billi ssostni li l-kompiti inkwistjoni għandhom jiġu evalwati fil-kuntest usa’ tar-relazzjonijiet eżistenti bejnha u CESI, irregolati mill-ftehimiet qafas li huma kkonkludew bejn l‑2009 u l‑2011. Barra minn hekk, ir-rikorrenti, fil-kuntest tat-tielet motiv, issostni li l-legalità tal-għoti dirett tal-kompiti inkwistjoni kienet preċiżament ir-riżultat tan-nuqqas ta’ kontestazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni tal-għoti mingħajr proċedura ta’ sejħa għal offerti tal-Ftehim Qafas Nru 3000034279 li taħtu jaqgħu dawn il-kompiti. Min-naħa l-oħra, fir-rikors ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-ftehimiet qafas ma humiex rilevanti fid-dawl tal-Proġetti E 221 u E 255 u li, għalhekk, il-Kummissjoni kellha sempliċement teżamina biss l-għoti dirett lil CESI tal-kompiti inkwistjoni lil hinn mill-ftehimiet qafas. Għaldaqstant, minn dak li ntqal jirriżulta li r-rikorrenti ma tistax tikkritika lill-Kummissjoni, minn naħa, li ffokat biss fuq il-legalità tal-ftehimiet qafas u, min-naħa l-oħra, li siltet il-legalità ta’ kull għotja diretta tal-kompiti inkwistjoni preċiżament mil-legalità mill-bidu nett tal-ftehimiet qafas.

40      It-tieni nett, għandu jiġi osservat li d-definizzjoni tal-Ftehim Qafas li tinsab fl-Artikolu 1(4) tad-Direttiva 2004/17 tistabbilixxi li ftehim qafas huwa ftehim li permezz tiegħu l-entità kontraenti għandha tiddefinixxi, ma’ operatur ekonomiku wieħed jew iktar, it-termini li jirregolaw il-kuntratti li għandhom jingħataw matul perijodu speċifiku, b’mod partikolari fir-rigward tal-prezz u, fejn xieraq, tal-kwantitajiet previsti. Minn din id-definizzjoni jirriżulta li l-kuntratti bbażati fuq ftehimiet qafas jingħataw skont il-kundizzjonijiet stipulati fil-Ftehim Qafas u li l-kuntratti kollha mogħtija matul it-tul totali tal-Ftehim Qafas huma intrinsikament marbuta mal-Ftehim Qafas li jiddetermina l-prezzijiet, il-kwantitajiet u l-kundizzjonijiet.

41      It-tielet nett, għandu jiġi rrilevat li, konformement mal-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2004/17, l-entitajiet kontraenti ma jistgħux jevitaw l-applikazzjoni ta’ din id-direttiva billi jifirdu l-proġetti ta’ xogħol jew il-proġetti ta’ xiri ta’ ċerta kwantità.

42      Għalhekk, fid-dawl tad-Direttiva 2004/17 u minħabba r-relazzjoni mill-qrib bejn il-ftehimiet qafas u l-kompiti inkwistjoni, li ngħataw direttament lil CESI abbażi ta’ dawn tal-aħħar, evalwazzjoni tal-legalità tal-għoti tal-kompiti inkwistjoni, independentement mill-għoti ta’ ftehimiet qafas li huma inevitabbilment u intrinsikament relatati, ċarament tmur kontra din id-direttiva.

43      Konsegwentement, il-Kummissjoni evalwat, b’mod korrett, il-legalità tal-għoti dirett tal-kompiti inkwistjoni lil CESI b’rabta mill-qrib mal-għoti tal-ftehimiet qafas li fuqhom dawn jiddependu.

44      Dawn il-kunsiderazzjonijiet preliminari għandhom jiġu eżaminati fid-dawl tal-motivi mqajma insostenn tar-rikors.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat, essenzjalment, fuq nuqqas ta’ investigazzjoni u ta’ motivazzjoni tal-atti kkontestati, fuq applikazzjoni żbaljata tal-Artikoli 14 u 37 tad-Direttiva 2004/17 u fuq applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu III.3.7(1), (4) u (6) tal-Anness III tad-Deċiżjonijiet tat‑2 ta’ Diċembru 2008 u tal‑21 ta’ Mejju 2010

45      Dan il-motiv jinkludi, essenzjalment, tliet partijiet, ibbażati, l-ewwel, fuq nuqqas ta’ investigazzjoni u ta’ motivazzjoni tal-atti kkontestati, it-tieni, fuq applikazzjoni żbaljata tal-Artikoli 14 u 37 tad-Direttiva 2004/17 u, it-tielet, fuq applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu III.3.7(1), (4) u (6) tal-Anness III tad-Deċiżjonijiet tat‑2 ta’ Diċembru 2008 u tal‑21 ta’ Mejju 2010, minħabba applikazzjoni eċċessivament formali tad-Direttiva 2004/17.

–       Fuq l-ewwel parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq nuqqas ta’ investigazzjoni u ta’ motivazzjoni tal-atti kkontestati

46      Ir-rikorrenti tqis, essenzjalment, li l-atti kkontestati huma vvizzjati b’nuqqas ta’ investigazzjoni u b’nuqqas ta’ motivazzjoni, peress li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq interpretazzjoni żbaljata tad-dispożizzjonijiet applikabbli u fuq formulazzjoni żbaljata tar-rabta bejn il-kompiti inkwistjoni u l-ftehimiet qafas.

47      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li hija kienet dejjem invokat id-deroga msemmija fl-Artikolu 40(3)(ċ) tad-Direttiva 2004/17, limitata għall-kompiti inkwistjoni, u dik imsemmija fl-Artikolu 40(3)(i) tal-imsemmija direttiva, għall-ftehimiet qafas, b’mod alternattiv u mhux kumulattiv. Ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni kellha tevalwa jekk kienx hemm speċifiċità teknika, fis-sens tal-Artikolu 40(3)(ċ) tad-Direttiva 2004/17, li tiġġustifika l-għoti mingħajr proċedura ta’ sejħa għal offerti minn qabel, fid-dawl ta’ dawn il-kompiti u mhux fid-dawl tal-ftehimiet qafas.

48      Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni n-natura manifestament żbaljata tal-motivazzjoni konċiża esposta mill-Kummissjoni peress li din tal-aħħar qatt ma ressqet tweġiba għall-osservazzjonijiet li hija kienet ipprovdiet dwar l-eżistenza ta’ raġunijiet tekniċi li jiġġustifikaw l-għoti, mingħajr proċedura ta’ sejħa għal offerti minn qabel, tal-kompiti inkwistjoni lil CESI.

49      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni eskludiet b’mod żbaljat ir-rimbors mitlub mir-rikorrenti tal-ispejjeż relatati mal-kompiti inkwistjoni mogħtija direttament lil CESI, ibbażata fuq is-suppożizzjoni li l-ftehimiet qafas li għalihom jirreferu l-imsemmija kompiti kienu ġew konklużi mingħajr proċedura ta’ sejħa għal offerti minn qabel, bi ksur tar-regoli tal-Unjoni Ewropea dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi.

50      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

51      Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-obbligu ta’ motivazzjoni fir-rigward ta’ att li jikkawża preġudizzju, li jikkostitwixxi korollarju għall-prinċipju tar-rispett lejn id-drittijiet tad-difiża, għandu l-għan, minn naħa, li jipprovdi lil persuna kkonċernata indikazzjoni suffiċjenti dwar jekk l-att huwiex fondat jew jekk huwiex eventwalment ivvizzjat b’xi żball li jippermetti l-kontestazzjoni tal-validità tiegħu quddiem il-qorti tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li jippermetti lil din tal-aħħar li teżerċita l-istħarriġ tagħha tal-legalità ta’ dak l-att (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2012, Il‑Kunsill vs Bamba, C‑417/11 P, EU:C:2012:718, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

52      Il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikoli 296 TFUE għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament segwit mill-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’mod li tippermetti lill-persuna kkonċernata li ssir taf il-ġustifikazzjonijiet tal-miżuri meħuda u lill-qorti kompetenti li teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2012, Il‑Kunsill vs Bamba, C‑417/11 P, EU:C:2012:718, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

53      Madankollu, il-motivazzjoni għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għall-kuntest li fih ikun ġie adottat. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari fid-dawl tal-kontenut tal-att, tan-natura tal-motivi invokati u tal-interess li jista’ jkollhom id-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att li jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex mitlub li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti kollha sa fejn in-natura suffiċjenti ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl mhux biss tal-formulazzjoni tagħha, iżda anki fid-dawl tal-kuntest tagħha u tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat. B’mod partikolari, att li jikkawża preġudizzju jkun motivat b’mod suffiċjenti meta dan ikun sar f’kuntest magħruf mill-persuna kkonċernata, li permezz tiegħu din tkun tista’ tifhem il-portata tal-miżura meħuda fil-konfront tagħha (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2012, Il‑Kunsill vs Bamba, C‑417/11 P, EU:C:2012:718, punti 53 u 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

54      Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat, kif inhu espost fil-punti 39 sa 43 iktar ’il fuq, li l-Kummissjoni evalwat, b’mod korrett, il-legalità tal-għoti dirett tal-kompiti inkwistjoni lil CESI b’rabta mill-qrib mal-għoti tal-ftehimiet qafas li fuqhom dawn jiddependu. Minn dan isegwi li l-ilmenti tar-rikorrenti dwar formulazzjoni żbaljata tar-rabta bejn il-kompiti inkwistjoni u l-ftehimiet qafas huma infondati.

55      Fit-tieni lok, mill-atti kkontestati jirriżulta li l-Kummissjoni esponiet ir-raġunijiet li għalihom hija qieset li l-ispejjeż, relatati mal-kompiti inkwistjoni mogħtija direttament lil CESI fil-kuntest tal-Proġetti E 221 u E 255, kienu meqjusa li huma ineliġibbli u li r-raġunijiet esposti mir-rikorrenti, li jidderogaw mir-regoli tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, ma kinux teknikament jew legalment aċċettabbli. Għalhekk, b’ittra tas‑6 ta’ Lulju 2015, il-Kummissjoni indikat li dawn il-kompiti ma kinux suġġetti għal proċedura ta’ sejħa għal offerti matul l-għoti tagħhom u li, għaldaqstant, il-possibbiltà għar-rikorrenti li tagħtihom direttament lil CESI kienet tiddependi fuq il-kompatibbiltà tal-proċedura segwita għall-konklużjoni tal-ftehimiet qafas, li taħthom jaqgħu l-kompiti inkwistjoni, mad-Direttiva 2004/17, konformement mal-Artikolu 14(2) u (3) ta’ din id-direttiva. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li l-ispjegazzjonijiet ipprovduti mir-rikorrenti, ibbażati fuq in-natura teknika tal-provvisti mistennija, ma kinux ta’ natura li jiġġustifikaw l-għoti dirett tal-ftehimiet qafas. Barra minn hekk, permezz ta’ ittra tat‑23 ta’ Mejju 2016, il-Kummissjoni indikat, lir-rikorrenti, li l-ispjegazzjonijiet mogħtija ma kinux tali li jbiddlu l-evalwazzjonijiet magħmula fl-ittra tas‑6 ta’ Lulju 2015, li għandhom jitqiesu li huma definittivi, u ħabbret li, fi żmien xahar, hija kienet ser toħroġ żewġ noti ta’ debitu għall-irkupru ta’ ammont ta’ EUR 414 101.72 għall-Proġett E 221 u ta’ ammont ta’ EUR 80 769.67 għall-Proġett E 255. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni bagħtet lir-rikorrenti żewġ noti ta’ debitu fl‑14 ta’ Ġunju 2016.

56      Minn dak li ntqal jirriżulta li l-atti kkontestati huma r-riżultat ta’ skambju bil-miktub li matulu l-Kummissjoni wriet, sal-grad rikjest mil-liġi, iċ-ċirkustanzi ta’ dritt u ta’ fatt li fuqhom ibbażat id-deċiżjonijiet tagħha u wieġbet għall-kummenti kollha magħmula mir-rikorrenti. Għaldaqstant, l-atti kkontestati seħħew f’kuntest li ppermetta lir-rikorrenti li tifhem il-portata tal-miżuri meħuda fir-rigward tagħha u li huma, sussegwentement, motivati biżżejjed.

57      Fl-aħħar nett, il-kwistjoni ta’ jekk il-konklużjoni ta’ Ftehim Qafas bi ksur tar-regoli tal-Unjoni dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi hijiex ta’ natura li teskludi l-ispejjeż relatati mal-kompiti li jaqgħu taħt dan il-ftehim qafas taqa’ taħt l-eżami tal-mertu tal-kawża u mhux tal-forma tal-atti kkontestati. Għalhekk, kunsiderazzjonijiet bħal dawn, anki jekk ikunu suffiċjentement preċiżi, huma ineffettivi fil-kuntest ta’ motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni u jistgħu biss jiġu miċħuda.

58      Minn dak li ntqal jirriżulta li l-ewwel parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda.

–       Fuq it-tieni parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq applikazzjoni żbaljata tal-Artikoli 14 u 37 tad-Direttiva 2004/17

59      Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kienet żbaljata meta kkonkludiet li r-rikors għas-subappaltar kien jinkludi elementi proprji sabiex tiġi eskluża l-eżistenza ta’ raġunijiet tekniċi li jiġġustifikaw l-għoti ta’ kuntratti mingħajr proċedura ta’ sejħa għal offerti, konformement mal-Artikolu 40(3)(ċ) tad-Direttiva 2004/17. Ir-rikorrenti tqis, f’dan ir-rigward, li d-dispożizzjoni li tipprevedi s-subappaltar, jiġifieri l-Artikolu 37 tad-Direttiva 2004/17, ma teskludix mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha l-kuntratti mogħtija mingħajr proċedura ta’ sejħa minn qabel għal offerti u li, bl-istess mod, l-Artikolu 40 tad-Direttiva 2004/17 ma jipprevedix li, fil-każ ta’ għoti dirett mingħajr proċedura ta’ sejħa għal offerti, l-operatur ekonomiku partikolari jkun obbligat jeżegwixxi personalment il-provvisti kollha li jkunu s-suġġett tal-kuntratt.

60      Ir-rikorrenti żżid li, fi kwalunkwe każ, l-użu tas-subappaltar sar fir-rigward ta’ waħda biss mill-kompiti inkwistjoni u kien previst għal numru limitat ta’ operaturi u għal attivitajiet purament sekondarji u aċċessorji, b’effett żgħir, li ma għandhom ebda importanza partikolari fl-eżekuzzjoni tal-imsemmi kompitu. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-provvisti ta’ min ingħata s-subappalt kienu differenti minn dawk bi speċifikazzjoni teknika.

61      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

62      Għandu jitfakkar li, għalkemm l-Artikolu 37 tad-Direttiva 2004/17 jippermetti lill-entitajiet kontraenti jagħtu subappalt lil partijiet terzi ta’ parti mis-suq inkwistjoni, l-Artikolu 40(2) ta’ din id-drettiva jistabbilixxi li l-entitajiet kontraenti jistgħu jagħżlu bejn proċedura miftuħa, ristretta jew innegozjata meta jagħtu l-kuntratti tagħhom, bil-kundizzjoni li jagħmlu sejħa għal offerti. Barra minn hekk, l-Artikolu 40(3)(ċ) ta’ din id-direttiva jiddisponi li l-entitajiet kontraenti jistgħu jużaw proċedura mingħajr sejħa minn qabel għal offerti meta, minħabba l-ispeċifiċità teknika, il-kuntratt ikun jista’ jitwettaq biss minn operatur ekonomiku partikolari.

63      F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li l-użu ta’ operaturi ekonomiċi oħra għall-provvista ta’ servizz fih innifsu jeskludi li din il-provvista tista’ taqa’ taħt id-deroga prevista fl-Artikolu 40(3)(ċ) tad-Direttiva 2004/17. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza, l-applikazzjoni tal-Artikolu 40(3)(ċ) tad-Direttiva 2004/17 hija suġġetta għal żewġ kundizzjonijiet kumulattivi, jiġifieri, minn naħa, li jkun hemm speċifikazzjoni teknika tas-servizzi li huma s-suġġett tal-kuntratt u, min-naħa l-oħra, li din l-ispeċifikazzjoni teknika tirrendi assolutament neċessarju li l-imsemmi kuntratt jingħata lil operatur partikolari (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑2 ta’ Ġunju 2005, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, C‑394/02, EU:C:2005:336, punt 34).

64      Issa, il-ftehimiet qafas konklużi ma’ CESI, li taħthom jaqgħu l-kompiti inkwistjoni, jippermettu l-użu ta’ subappalt, fejn l-attivitajiet ma’ dawk li ngħataw is-subappalti korrispondenti jiġu elenkat fil-ftehimiet qafas. Għaldaqstant, ir-rikorrenti għandha titqies li kkunsidrat li operaturi oħra kienu, bħala prinċipju, f’pożizzjoni li jwettqu dawn l-attivitajiet (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑2 ta’ Ġunju 2005, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, C‑394/02, EU:C:2005:336, punt 37). Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li ma kienx assolutament neċessarju li dawn il-ftehimiet qafas jingħataw lil CESI, peress li din tal-aħħar ma kinitx l-uniku operatur bil-kapaċità li jipprovdi s-servizzi inkwistjoni.

65      Konsegwentement, ma jistax jiġi sostnut li l-użu ta’ operaturi oħra, anki f’każ marġinali, ta’ numru limitat ta’ operaturi jew ta’ attivitajiet sekondarji, ma jeskludix li l-provvista tista’ taqa’ taħt id-deroga prevista fl-Artikolu 40(3)(ċ) tad-Direttiva 2004/17.

66      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda.

–       Fuq it-tielet parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu III.3.7(1), (4) u (6) tal-Anness III tad-Deċiżjonijiet tat‑2 ta’ Diċembru 2008 u tal‑21 ta’ Mejju 2010

67      Ir-rikorrenti ssostni li kien hemm applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu III.3.7(1), (4) u (6) tal-Anness III tad-Deċiżjonijiet tat‑2 ta’ Diċembru 2008 u tal‑21 ta’ Mejju 2010, minħabba applikazzjoni eċċessivament formali tad-Direttiva 2004/17.

68      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li l-Artikolu III.3.7(1), (4) u (6) tal-Anness III tad-Deċiżjonijiet tat‑2 ta’ Diċembru 2008 u tal‑21 ta’ Mejju 2010 ma jipprevedix l-obbligu li wieħed jirrikorri għal proċeduri preliminari miftuħa jew ristretti għall-għoti ta’ kuntratti, iżda sempliċiment jeżiġi obbligu iktar ġenerali li jiġu sostnuti spejjeż “raġonevoli u ġġustifikati, li jirrispettaw ir-rekwiżiti ta’ amministazzjoni finanzjarja tajba, b’mod partikolari fir-rigward tal-ekonomija u tal-effiċjenza”. Ir-rikorrenti ssostni li, minkejja li leġittimament naqset milli tibda proċedura ta’ sejħa għal offerti fil-veru sens tal-kelma għall-għoti tal-kuntratti lil CESI, hija wettqet negozjati bir-reqqa ma’ CESI sabiex jinkiseb dan l-operatur bi skontijiet kbar. Għaldaqstant, ir-rikorrenti tilmenta li l-Kummissjoni applikat id-Direttiva 2004/17 b’mod eċċessivament formali sa fejn din tal-aħħar sempliċement ikkonstatat li l-ispejjeż li jirriżultaw minn kuntratti mogħtija direttament lil CESI ma kinux eliġibbli minħabba s-sempliċi fatt li kienu ngħataw mingħajr proċedura ta’ sejħa għal offerti minn qabel, mingħajr ma vverifikat fil-mertu jekk dawn il-kuntratti kinux ekonomikament favorevoli jew le u jekk l-ispejjeż kinux raġonevoli u ġġustifikati.

69      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

70      Għandu jiġi rrilevat li l-prinċipju ta’ sejħa għal offerti hija l-bażi tal-kuntratti pubbliċi kollha li huma ffinanzjati totalment jew parzjalment mill-baġit tal-Unjoni, kif ukoll il-prinċipji ta’ trasparenza, ta’ proporzjonalità, ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni, kif stabbilit fl-Artikolu 102 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU 2012, L 298, p. 1).

71      Għandu jitfakkar li l-kuntratti inkwistjoni, li huma parzjalment iffinanzjati mill-Unjoni, għandhom josservaw ir-regoli applikabbli fir-rigward tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi. Fost dawn ir-regoli, l-Artikolu III.2.5 tal-Anness III tad-Deċiżjonijiet tat‑2 ta’ Diċembru 2008 u tal‑21 ta’ Mejju 2010 jistabbilixxi l-prinċipju li, fil-każ tal-għoti ta’ attivitajiet li jkunu s-suġġett ta’ finanzjament lil partijiet terzi, il-benefiċjarju jkun obbligat li josserva r-regoli applikabbli fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi previsti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. Issa, konformement mal-Artikolu 40(2) tad-Direttiva 2004/17, meta jagħtu l-kuntratti tagħhom, l-entitajiet kontraenti jistgħu japplikaw proċeduri miftuħa, ristretti jew innegozjati sakemm, suġġett għall-eċċezzjonijiet previsti fil-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, tkun saret sejħa għal offerti.

72      F’dan il-każ, l-effikaċja f’termini ta’ spejjeż tal-għoti ta’ attivitajiet lil operaturi esterni ma tneħħix l-obbligu li jiġu osservati d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu III.2.5 tal-Anness III tad-Deċiżjonijiet tat‑2 ta’ Diċembru 2008 u tal‑21 ta’ Mejju 2010. Ir-rikorrenti tibbaża ruħha fuq l-Artikolu III.3.7(f) tal-Anness III tad-Deċiżjonijiet tat‑2 ta’ Diċembru 2008 u tal‑21 ta’ Mejju 2010, fejn allegat li l-ispejjeż għal azzjoni, sabiex ikunu eliġibbli, għandhom ikunu raġonevoli, iġġustifikati u jissodisfaw il-prinċipji ta’ amministazzjoni finanzjarja tajba. Hija ssostni li dawn il-prinċipji ma kienu bl-ebda mod miksura fl-għoti tal-kuntratti qafas lil CESI mingħajr proċedura ta’ sejħa għal offerti minn qabel, peress li CESI tatha skontijiet sostanzjali. Madankollu, jekk dan l-aspett jista’ jkun importanti fl-għoti ta’ kuntratti, dan fl-ebda każ ma jista’ jiġġustifika l-eċċezzjoni għar-regoli tal-għoti u ma jiggarantixxix li l-azzjoni twettqet konformement mal-politiki tal-Unjoni, b’mod partikolari mar-regoli dwar il-kuntratti pubbliċi.

73      F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni osservat, fl-ittri tagħha tas‑6 ta’ Lulju 2015 u tat‑23 ta’ Mejju 2016, li l-għoti dirett tal-ftehimiet qafas, li taħthom jaqgħu l-kompiti inkwistjoni, ma kienx iġġustifikat minn argumenti bbażati fuq l-ispeċifikazzjoni teknika tal-kuntratt, jiġifieri li l-kuntratt jista’ jitwettaq biss minn operatur ekonomiku partikolari. Għaldaqstant, minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tar-regoli previsti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni applikabbli fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi matul l-għoti dirett tal-imsemmija ftehimiet qafas mingħajr proċedura ta’ sejħa għal offerti minn qabel, l-ispejjeż relatati mal-kompiti inkwistjoni ma jistgħux jitqiesu li huma spejjeż eliġibbli, anki jekk ikunu raġonevoli u ġġustifikati.

74      Minn dak li ntqal jirriżulta li t-tielet parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda u, konsegwentement, għandu jiġi miċħud l-ewwel motiv kollu kemm hu.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq l-applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 40(3)(ċ) tad-Direttiva 2004/17

75      Ir-rikorrenti ssostni li, fir-realtà, il-fatt li hija fdat lil CESI, mingħajr proċedura ta’ sejħa għal offerti minn qabel, is-servizzi li hija ma setgħetx teżerċita permezz tar-riżorsi tagħha stess, jikkostitwixxi deċiżjoni li kienet meħtieġa peress li CESI kienet l-unika operatur kapaċi li twettaq dawn is-servizzi. Ir-rikorrenti ssostni, għalhekk, li l-għażla ta’ CESI taqa’ taħt l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 40(3)(ċ) tad-Direttiva 2004/17.

76      Ir-rikorrenti tqis li hija pprovdiet id-dettalji u l-ġustifikazzjonijiet preċiżi dwar il-portata tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tas-servizzi mogħtija direttament lil CESI, li wrew ir-raġunijiet li għalihom l-għoti lil CESI kien neċessarju u, fi kwalunkwe każ, iktar ekonomikament vantaġġuż. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li CESI hija l-uniku operatur li jista’ jipprovdi l-appoġġ meħtieġ bis-saħħa tal-kompetenzi li għandha fil-ġestjoni jew fl-użu tas-softwer Spira, Promed, Sicre u Wcreso, u tal-għodda Grare, użati fil-kuntest tal-Ftehim Qafas Nru 3000034279, relatat mal-Proġett E 255, u tal-Ftehim Qafas Nru 3000029140, relatat mal-Proġett E 221. B’mod iktar preċiż, ir-rikorrenti ssostni li kuntratt konkluż ma’ kwalunkwe operatur ekonomiku ieħor kien ikollu kundizzjonijiet inqas vantaġġużi, it-termini ta’ implimentazzjoni kienu jkunu itwal u li ċerti żbalji setgħu ġew imwettqa jew xi informazzjoni setgħet ġiet mitlufa.

77      Barra minn hekk, ir-rikorrenti tqis li, skont il-ġurisprudenza, il-kontinwità ta’ proġetti kumplessi tikkostitwixxi raġuni teknika valida għall-għoti dirett lil operatur partikolari. F’dan ir-rigward, hija ssostni li wriet li ma kienx hemm alternattivi raġonevoli għall-għoti dirett tal-kompiti inkwistjoni lil CESI u, minħabba r-rabta li hemm bejn il-kompiti inkwistjoni u l-attivitajiet li qabel kienu jsiru fil-kuntest tal-ftehimiet qafas, hija tat dawn il-kompiti lil CESI mingħajr proċedura ta’ sejħa minn qabel għal offerti.

78      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

79      Mill-Artikolu 40(3)(ċ) tad-Direttiva 2004/17 jirrizulta li l-entitajiet kontraenti jistgħu jirrikorru għal proċedura mingħajr ma qabel jagħmlu sejħa għal offerti, partikolarment fejn, minħabba speċifikazzjoni teknika, artistika jew għal raġunijiet konnessi mal-protezzjoni ta’ drittijiet esklużivi, il-kuntratt ikun jista’ jitwettaq biss minn operatur tekniku speċifiku.

80      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-applikazzjoni tal-Artikolu 40(3)(ċ) tad-Direttiva 2004/17 hija suġġetta għal żewġ kundizzjonijiet kumulattivi, jiġifieri, minn naħa, li jkun hemm speċifikazzjoni teknika tax-xogħol li jkun is-suġġett tal-kuntratt u, min-naħa l-oħra, li din l-ispeċifikazzjoni teknika tirrendi assolutament neċessarju li l-imsemmi kuntratt jingħata lil impriża partikolari (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑2 ta’ Ġunju 2005, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, C‑394/02, EU:C:2005:336, punt 34).

81      Għandu jitfakkar ukoll li, f’dak li jirrigwarda d-derogi mir-regoli relatati mal-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 20(2)(ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/38/KEE ta’ l‑14 ta’ Ġunju 1993 li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwist pubbliku għal entitajiet li joperaw fis-setturi ta’ l-ilma, ta’ l-enerġija, tat-trasport u tat-telekomunikazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 194), li kien fih regoli simili għal dawk stabbiliti fl-Artikolu 40(3)(ċ) tad-Direttiva 2004/17, għandhom jiġu interpretati strettament. Barra minn hekk, l-oneru tal-prova jaqa’ fuq il-parti li tkun tixtieq tinvoka dawn id-dispożizzjonijiet (sentenza tat‑2 ta’ Ġunju 2005, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, C‑394/02, EU:C:2005:336, punt 33).

82      F’dan il-każ, ir-rikorrenti ssostni li l-provvista tas-servizzi li ma setgħetx twettaq hija stess, permezz tar-riżorsi tagħha stess, taqa’ taħt l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 40(3)(ċ) tad-Direttiva 2004/17, sa fejn CESI kienet l-unika operatur kapaċi li twettaq dawn il-provvisti.

83      Għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti, li għandha l-oneru tal-prova, ma ssemmi ebda speċifikazzjoni teknika u lanqas xi raġuni li tistabbilixxi li tali speċifikazzjoni, anki jekk wieħed jassumi li din teżisti, għamlitha assolutament neċessarja li t-twettiq ta’ dawn il-provvisti jiġi fdat lil CESI. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti sempliċement issostni l-fatt li l-attivitajiet li huma s-suġġett tal-imsemmija provvisti kienu jinvolvu l-użu ta’ softwer jew ta’ programm diġà użat minnha nnifisha u minn CESI flimkien. Hemm lok li jiġi rrilevat li, kif tenfasizza l-Kummissjoni, il-fatt li CESI tuża softwer li għandha r-rikorrenti ċertament jikkostitwixxi fattur ta’ evalwazzjoni fil-kuntest ta’ paragun ma’ operaturi oħra li huma kompetituri, iżda ma jistax jiġġustifika, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 80 iktar ’il fuq, l-esklużjoni a priori ta’ kull operatur ieħor minħabba l-allegata kompetenza unika ta’ CESI. Fil-fatt, xejn ma jwaqqaf lir-rikorrenti, fil-każ ta’ offerta iktar vantaġġuża minn dik ta’ CESI, milli tagħti liċenzja għall-użu tas-softwer jew tal-programm inkwistjoni lil operatur ġdid. B’mod partikolari, għandu jiġi rrilevat li l-liċenzja tal-programmi jew tas-softwer ma tikkostitwixxix dritt esklużiv li operaturi oħra ma jkunux jistgħu jużaw sabiex iwettqu l-attivitajiet inkwistjoni. Dan ma jistax ikun mod ieħor peress li, jekk wieħed seta’ jinvoka r-relazzjonijiet professjonali preċedenti mal-entità kontraenti sabiex tiġi eskluża kwalunkwe proċedura ta’ sejħa għal offerti fid-dawl ta’ swieq ġodda, l-għan tal-ftuħ tas-swieq segwit mid-Direttiva 2004/17 inevitabbilment jiġi kompromess u jikseb ir-riżultat paradossali li jfixkel il-kompetizzjoni favur il-parti li teżegwixxi.

84      Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda l-ispjegazzjonijiet tar-rikorrenti intiżi li jiġġustifikaw l-għoti dirett tal-provvisti kontenzjużi lil CESI għar-raġuni li kuntratt konkluż ma’ xi kumpannija oħra kien ikollu kundizzjonijiet inqas vantaġġużi, it-termini ta’ implimentazzjoni kienu jkunu itwal jew ċerti żbalji setgħu jiġu mwettqa jew informazzjoni mitlufa, għandu jiġi rrilevat li l-allegati problemi ta’ adattament tal-bidla minn fornitur għal ieħor u l-ispejjeż supplimentari li dan l-adattament seta’ jikkawża, invokati mir-rikorrenti, loġikament jippresupponu li bidla ta’ operatur minn CESI għal offerent ieħor kienet teknikament possibbli. Fil-fatt, ir-rikorrenti qatt ma tirreferi għal kawża ta’ inkompatibbiltà teknika li oġġettivament twaqqaf lil operatur ieħor milli jipprovdi l-istess servizzi, b’mod li, kif inhu espost fil-punt 80 iktar ’il fuq, huwa assolutament neċessarju li jintgħażel operatur wieħed biss. Barra minn hekk, fi kwalunkwe każ, għandu jiġi nnotat li r-rikorrenti fl-ebda mument ma tat ċifri jew informazzjoni li juru li kuntratt konkluż ma’ xi kumpanija oħra kien jinvolvi spejjeż ogħla u termini ta’ implimentazzjoni itwal.

85      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-kontinwità tax-xogħlijiet, għandu jiġi rrilevat li, ċertament, l-għan li tiġi żgurata l-kontinwità tax-xogħlijiet fi proġetti kumplessi huwa kunsiderazzjoni teknika li l-importanza tagħha għandha tiġi rrikonoxxuta. Madankollu, is-sempliċi affermazzjoni tan-natura kumplessa u delikata tax-xogħlijiet kollha ma hijiex biżżejjed sabiex tipprova li dawn jistgħu jingħataw biss lill-istess operatur (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2004, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑385/02, EU:C:2004:522, punt 21). Issa, f’dan il-każ, ir-rikorrenti sempliċement tirreferi b’mod ġenerali għall-fatt li kwalunkwe operatur ieħor kien ser iżid l-ispejjeż u t-termini mingħajr ma pprovdiet spjegazzjonijiet li jistgħu juru n-neċessità tal-użu ta’ operatur wieħed biss. L-assenza ta’ alternattivi raġonevoli ma hijiex il-kriterju ta’ referenza għad-determinazzjoni tal-legalità tal-għoti dirett lil operatur partikolari, li jimplika, kuntrarjament, in-neċessità assoluta ta’ dan l-għoti, kif stabbilit mill-ġurisprudenza. Għalhekk, ir-rabta bejn l-attivitajiet preċedenti pprovduta minn CESI għar-rikorrenti, fil-kuntest tal-ftehimiet qafas, u l-kompiti inkwistjoni ma tistax tikkostitwixxi raġuni f’dan is-sens.

86      Peress li r-rikorrenti ma rnexxiliex turi li, għal raġunijiet tekniċi, fis-sens tal-Artikolu 40(3)(ċ) tad-Direttiva 2004/17, il-ftehimiet qafas li taħthom jaqgħu l-kompiti inkwistjoni setgħu biss jingħataw lil CESI, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi

87      L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li l-atti kkontestati huma kuntrarji għall-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi sa fejn il-Kummissjoni qieset li kienu ineliġibbli l-ispejjeż derivati mill-kompiti li jaqgħu taħt il-Ftehim Qafas Nru 3000034279 li qatt ma kien ġie kkontestat minn din tal-aħħar minkejja l-pubblikazzjoni tal-avviż tal-għoti ta’ dan il-ftehim qafas f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fis‑7 ta’ Lulju 2010. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li l-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea ta’ avviż ta’ għoti li jinforma dwar l-għoti ta’ kuntratt lil operatur ekonomiku speċifiku wara proċedura nnegozjata mingħajr sejħa minn qabel għal offerti, mingħajr kontestazzjoni tal-imsemmi għoti la min-naħa tal-Kummissjoni u lanqas min-naħa ta’ operatur ekonomiku ieħor u mingħajr ma dawn għamlu osservazzjonijiet fit-termini previsti mill-Artikolu 2f tad-Direttiva 2007/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Diċembru 2007 li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/665/KEE u 92/13/KEE fir-rigward tat-titjib fl-effettività ta’ proċeduri ta’ reviżjoni dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi (ĠU 2007, L 335, p. 31), hija ċirkustanza ta’ natura li tagħti aspettattivi leġittimi lir-rikorrenti fir-rigward tar-regolarità tal-proċedura segwita.

88      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tikkontesta l-applikabbiltà f’dan il-każ tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/17 fuq il-bażi tal-valur ta’ proporzjon sinjifikattiv tal-ammont tal-kompiti inkwistjoni, li huwa inqas mil-limitu rilevanti msemmi fl-Artikolu 16(a) ta’ din id-direttiva.

89      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

90      Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, id-dritt li wieħed jinvoka l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jestendi għal kull individwu li fih istituzzjoni tal-Unjoni tkun nisslet aspettattivi fondati (ara s-sentenza tal‑11 ta’ Marzu 1987, Van den Bergh en Jurgens u Van Dijk Food Products (Lopik) vs KEE, 265/85, EU:C:1987:121, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

91      Id-dritt li dan il-prinċipju jiġi invokat madankollu jippresupponi li jiġu ssodisfatti tliet kundizzjonijiet kumulattivi. L-ewwel nett, l-amministrazzjoni tal-Unjoni għandha tkun tat lill-persuna kkonċernata garanziji preċiżi, inkundizzjonati u konsistenti, li joriġinaw minn sorsi awtorizzati u affidabbli. It-tieni nett, dawn il-garanziji għandhom ikunu tali li jnisslu aspettattiva leġittima fil-persuna li lilha dawn ikunu indirizzati. It-tielet nett, il-garanziji mogħtija għandhom ikunu konformi mar-regoli applikabbli (ara s-sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2005, Branco vs Il‑Kummissjoni, T‑347/03, EU:T:2005:265, punt 102 u l-ġurisprudenza ċċitata; is-sentenzi tat‑23 ta’ Frar 2006, Cementbouw Handel & Industrie vs Il‑Kummissjoni, T‑282/02, EU:T:2006:64, punt 77, u tat‑30 ta’ Ġunju 2009, CPEM vs Il‑Kummissjoni, T‑444/07, EU:T:2009:227, punt 126).

92      F’dak li jikkonċerna l-ewwel kundizzjoni, skont ġurisprudenza stabbilita, informazzjoni preċiża, inkundizzjonata u konsistenti, li toriġina minn sorsi awtorizzati u affidabbli, tikkostitwixxi tali garanziji, tkun xi tkun il-forma li biha din tiġi kkomunikata. Min-naħa l-oħra, ħadd ma jista’ jinvoka ksur tal-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi fl-assenza ta’ garanziji preċiżi li jkunu ngħatawlu mill-amministrazzjoni (ara s-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2003, Innova Privat-Akademie vs I‑Kummissjoni, T‑273/01, EU:T:2003:78, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

93      F’dan il-każ, mill-proċess ma jirriżultax li l-Kummissjoni tat lir-rikorrenti l-garanzija preċiża li hija taċċetta l-mod li bih din kienet tat il-kuntratti fir-rigward tal-Proġetti E 221 u E 255. Fil-fatt, il-verifika tal-eliġibbiltà tal-ispejjeż issir biss wara l-produzzjoni tar-rapporti finanzjarji finali, filwaqt li l-fażijiet preċedenti jikkonċernaw biss is-sorveljanza teknika tal-istat ta’ progress tal-proġetti. B’hekk, huwa biss fil-mument tat-talba għall-ħlas tal-bilanċ, li għandha tiġi sottomessa flimkien mar-rapport ta’ implimentazzjoni teknika u mad-dikjarazzjoni finanzjarja tal-ispejjeż eliġibbli attwalment imġarrba, li ssir din il-verifika, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu III.3.5 tal-Anness III tad-Deċiżjonijiet tat‑2 ta’ Diċembru 2008 u tal‑21 ta’ Mejju 2010.

94      Għalhekk, il-fatt li l-Kummissjoni ma kkontestatx l-għoti tal-Ftehim Qafas Nru 3000034279 lil CESI, minkejja l-pubblikazzjoni regolari f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tal-avviż ta’ għoti, ma jikkostitwixxix garanzija ta’ natura li toħloq aspettattiva leġittima f’moħħ ir-rikorrenti dwar l-eliġibbiltà tal-ispejjeż. F’dan ir-rigward, is-silenzju osservat mill-Kummissjoni dwar l-għoti dirett tal-Ftehim Qafas ma jistax jitqies li huwa garanzija preċiża mogħtija mill-amministrazzjoni li tista’ toħloq aspettattivi leġittimi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Jannar 2006, Regione Marche vs Il‑Kummissjoni, T‑107/03, mhux ippubblikata, EU:T:2006:20, punt 134).

95      Fit-tieni lok, f’dak li jirrigwarda l-argument tar-rikorrenti li jgħid li d-Direttiva 2004/17 ma hijiex applikabbli f’dan il-każ, għandu jiġi osservat li, speċifikament fir-rigward tal-kalkolu tal-valur stmat ta’ kuntratt pubbliku, l-Artikolu 17(2) u (3) tad-Direttiva 2004/17 jipprevedi, minn naħa, li, għall-ftehimiet qafas, il-valur li jrid jitqies huwa l-valur massimu mingħajr taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) tal-kuntratti kollha previsti għat-terminu totali tal-Ftehim Qafas u, min-naħa l-oħra, li l-entitajiet kontraenti ma jistgħux jaħarbu milli japplikaw l-imsemmija direttiva billi jifirdu proġetti ta’ xogħlijiet jew xiri propost ta’ ċerta kwantità ta’ provvisti jew servizzi jew billi jużaw metodi speċjali għall-kalkolu tal-valur stmat ta’ kuntratti. Issa, kif ġie espost fil-punti 39 sa 43 iktar ’il fuq, il-kompiti inkwistjoni mogħtija direttament lil CESI ma setgħux serjament jitqisu li huma separati mill-ftehimiet qafas, peress li dawn twettqu preċiżament bħala eżekuzzjoni ta’ dawn tal-aħħar.

96      Għalhekk, għandha tiġi ddeterminata l-applikabbiltà tad-Direttiva 2004/17, fis-sens tal-Artikolu 17(3) tagħha, meta mqabbla mal-valur tal-ftehimiet qafas. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-valur tal-ftehimiet qafas jaqbeż il-limitu minimu ta’ rilevanza b’mod sostanzjali, peress li l-Ftehim Qafas Nru 3000029140 ġie konkluż għal ammont ta’ EUR 16 039 700, il-Ftehim Qafas Nru 3000034279 għal EUR 19 200 000 u l-Ftehim Qafas Nru 6000001506 għal ammont ta’ EUR 24 925 000, filwaqt li l-limitu minimu ta’ rilevanza għall-kuntratti ta’ provvisti u servizzi huwa ta’ EUR 499 000, konformement mal-Artikolu 16(a) tad-Direttiva 2004/17.

97      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

98      Ir-rikorrenti ssostni, sussidjarjament, li l-atti kkontestati huma illegali sa fejn il-Kummissjoni kkonkludiet li l-ispejjeż kollha relatati mal-kompiti inkwistjoni huma ineliġibbli. Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ddikjarat li dawn l-ispejjeż ma kinux eliġibbli sa fejn il-prinċipju ta’ effikaċja ekonomika, waqt l-għoti ta’ kuntratti lil kumpanniji li jappartjenu għall-istess grupp, ma kienx ġie osservat, peress li CESI kienet tatha s-servizzi skont il-kundizzjonijiet tas-suq u b’hekk kienet kisbet profitt. Ir-rikorrenti tqis, f’dan ir-rigward, li l-aġir tal-Kummissjoni jmur kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità, peress li l-Artikolu III.3.8(4) u (6) tal-Anness III tad-Deċiżjonijiet tat‑2 ta’ Diċembru 2008 u tal‑21 ta’ Mejju 2010 ma jippermettix lill-Kummissjoni teskludi l-ispejjeż kollha mġarrba fil-każ ta’ profitt, iżda jimponi, jekk ikun il-każ, it-tnaqqis biss tal-ammont ta’ għajnuna finanzjarja tal-parti tal-profitt meqjus li mhux eliġibbli.

99      Għaldaqstant, ir-rikorrenti ssostni li applikazzjoni ġusta ta’ dan l-artikolu kienet twassal lill-Kummissjoni, l-ewwel nett, li tgħolli l-komponent ta’ marġni ta’ profitt tal-ispejjeż relatati mal-kompiti inkwistjoni, u li mbagħad tiddikjara dawn l-ispejjeż bħala mhux eliġibbli biss għall-parti tal-profitt meqjus li mhux eliġibbli. Ir-rikorrenti tqis, għaldaqstant, li l-Kummissjoni eżerċitat setgħa ta’ sanzjoni eċċessiva minħabba l-kompetenzi tagħha, li jagħtuha biss setgħat ta’ sorveljanza u ta’ stħarriġ.

100    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ddikjarat l-ispejjeż inkwistjoni bħala mhux eliġibbli filwaqt li tirrikonoxxi li CESI ma kinitx kumpannija kkontrollata mir-rikorrenti, iżda sempliċement assoċjata magħha. Issa, skont ir-rikorrenti, applikazzjoni koerenti ta’ din il-konstatazzjoni kellha twassal lill-Kummissjoni tifhem l-impossibbiltà għar-rikorrenti li tikseb minn CESI tqassim iddettaljat tal-ispejjeż relatati mas-servizzi pprovduti minn din il-kumpannija.

101    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

102    Għandu jiġi rrilevat li dan il-motiv huwa ineffettiv sa fejn, kif ġie stabbilit fil-punt 15 iktar ’il fuq, wara t-tkomplija tal-istruttorja ordnata mill-Kummissjoni, din tal-aħħar biddlet il-pożizzjoni tagħha u kkonkludiet li l-ispejjeż ma humiex eliġibbli minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tar-regoli applikabbli dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, u mhux minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ effikaċja ekonomika fil-każ tal-għoti ta’ kuntratti lil kumpanniji li jappartjenu għall-istess grupp. Fil-fatt, il-Kummissjoni, b’ittra tas‑6 ta’ Lulju 2015, informat lir-rikorrenti li l-ispejjeż relatati mal-kompiti inkwistjoni, mogħtija direttament lil CESI, ma kinux eliġibbli minħabba li l-ftehimiet qafas kienu ngħataw mingħajr proċedura ta’ sejħa għal offerti u li r-rikorrenti ma kinitx issodisfat l-oneru tal-prova msemmi fl-Artikolu 40(3) tad-Direttiva 2004/17.

103    F’dan il-każ, il-Kummissjoni ma applikat l-ebda setgħa ta’ sanzjoni u sempliċement ikkonstatat il-ksur tal-Artikolu III.2.5.3 tal-Anness III tad-Deċiżjonijiet tat‑2 ta’ Diċembru 2008 u tal‑21 ta’ Mejju 2010, li jirrikjedi li r-rikorrenti tikkonforma ruħha mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-kuntratti pubbliċi għall-għoti tal-kuntratti tagħha. Ladarba dan il-ksur jiġi stabbilit mill-Kummissjoni, din tal-aħħar ma setgħetx tasal għal konklużjoni oħra, peress li huma biss l-ispejjeż għal azzjoni relatati mal-kuntratti mogħtija konformement mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-kuntratti pubbliċi li setgħu jitqiesu li huma spejjeż eliġibbli għal kofinanzjament, kif previst fl-Artikoli III.2.5.3 u III.3.7 tal-Anness III tad-Deċiżjonijiet tat‑2 ta’ Diċembru 2008 u tal‑21 ta’ Mejju 2010. Konsegwentement, il-Kummissjoni, fid-dawl tal-fatt li qiegħda tħabbat wiċċha man-nuqqas ta’ osservanza tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi fir-rigward ta’ ċerti kuntratti, kellha tiddikjara l-ispejjeż relatati magħhom bħala ineliġibbli, li konsegwentement tikkalkola dan l-ammont ta’ għajnuna u li tniedi l-proċedura ta’ rkupru għad-differenza bejn l-ammonti tal-ispejjeż eliġibbli u l-ammonti diġà mħallsa. Għalhekk, l-ammonti korrispondenti għall-ispejjeż mhux eliġibbli, sa fejn dawn jirreferu għall-kuntratti illegalment mogħtija lil CESI, saru mhux dovuti u, bħala tali, kienu suġġetti għall-obbligu ta’ rimbors konformement mal-Artikolu III.3.9(1) tal-Anness III tad-Deċiżjonijiet tat‑2 ta’ Diċembru 2008 u tal‑21 ta’ Mejju 2010.

104    Barra minn hekk, wieħed ma jistax jakkuża lill-Kummissjoni li imponiet sanzjoni, peress li l-miżuri adottati għall-irkupru ta’ parti mis-somom antiċipati huma inqas onerużi fuq il-benefiċjarju mis-sempliċi kanċellament tal-għajnuna. Fil-fatt, konformement mal-Artikolu 116(3) tar-Regolament Nru 966/2012, jekk wara l-firma tal-kuntratt, il-proċedura jew l-eżekuzzjoni tal-kuntratt tkun suġġetta għal żbalji sostanzjali, irregolaritajiet jew frodi, l-awtorità kontraenti tista’ tissospendi l-eżekuzzjoni tal-kuntratt, jew, fejn xieraq, ittemmu. Barra minn hekk, jekk l-iżbalji sostanzjali jew l-irregolaritajiet jitwettqu mill-kuntrattur, l-awtorità kontraenti tista’ wkoll tirrifjuta li tħallas il-pagamenti jew li tirkupra l-ammonti mħallsa indebitament, proporzjonalment mas-serjetà tal-iżbalji sostanzjali, tal-irregolaritajiet jew tal-frodi.

105    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud u dan ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

106    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha kif ukoll dawk tal-Kummissjoni, skont it-talbiet ta’ din tal-aħħar.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Terna – Rete elettrica nazionale SpA hija kkundannata tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha kif ukoll dawk tal-Kummissjoni Ewropea.

Gratsias

Labucka

Ulloa Rubio

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit‑18 ta’ Ottubru 2018.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: it‑Taljan.