Language of document : ECLI:EU:T:2018:708

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

23 ta’ Ottubru 2018 (*)

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Sigurtà soċjali – Marda kkaġunata mix-xogħol – Oriġini professjonali tal-marda – Il-ħames paragrafu tal-Artikolu 78 tar-Regolamenti tal-Persunal – Kumitat tal-Invalidità – Obbligu ta’ motivazzjoni – Żball manifest ta’ evalwazzjoni – Responsabbiltà – Danni morali”

Fil-Kawża T‑567/16,

Robert McCoy, ex uffiċjal tal-Kumitat tar-Reġjuni, residenti fi Brussell (il-Belġju), irrappreżentat minn L. Levi, avukat,

rikorrent,

vs

Il-Kumitat tar-Reġjuni, irrappreżentat minn J. C. Cañoto Argüelles u S. Bachotet, bħala aġenti, assistiti minn B. Wägenbaur, avukat,

konvenut,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 270 TFUE u intiża, minn naħa, għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tat‑2 ta’ Diċembru 2014 li kkonfermat il-konklużjonijiet tal-Kumitat tal-Invalidità tas‑7 ta’ Mejju 2014 li permezz tagħhom dan ċaħad it-talba tar-rikorrent li jirrikonoxxi li l-marda li jsofri minnha kienet ikkaġunata mix-xogħol u, min-naħa l-oħra, għall-kumpens għad-dannu morali ta’ EUR 25 000 li r-rikorrent allegatament ġarrab,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),

komposta minn M. Prek, President, F. Schalin (Relatur) u M. J. Costeira, Imħallfin,

Reġistratur: M. Marescaux, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tat‑13 ta’ Diċembru 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

 Irregolaritajiet fi ħdan il-Kumitat tar-Reġjuni u s-sitwazzjoni professjonali tar-rikorrent

1        Ir-rikorrent, Robert McCoy, l-ewwel eżerċita l-funzjonijiet ta’ kontrollur finanzjarju fi ħdan il-Kumitat tar-Reġjuni, mill‑1 ta’ Jannar 2000 sal‑31 ta’ Diċembru 2002, u sussegwentement, mill‑1 ta’ Jannar 2003, eżerċita dawk ta’ awditur intern.

2        Waqt il-qadi ta’ dmirijietu, ir-rikorrent irrileva xi irregolaritajiet fil-ġestjoni tal-baġit tal-Kumitat tar-Reġjuni. L-ewwel, huwa informa lill-amministrazzjoni u lis-Segretarju Ġenerali tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar dan u, sussegwentement, lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament Ewropew (iktar ’il quddiem il-“KKB”), li quddiemu huwa deher fid‑19 ta’ Marzu 2003.

3        Informat minn membru tal-Parlament u minn membru tal-KKB, l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) investiga dawn l-irregolaritajiet irrapportati mir-rikorrent u ħejja rapport ta’ inkjesta ddatat it‑8 ta’ Ottubru 2003 (iktar ’il quddiem ir-“rapport tal-OLAF”). Matul l-investigazzjoni tiegħu, l-OLAF sema’ lir-rikorrent.

4        Fir-rapport tal-OLAF, ġie kkonstatat li ġew kommessi diversi irregolaritajiet fil-ġestjoni tal-baġit tal-Kumitat tar-Reġjuni u ġie rrakkomandat, b’mod partikolari, il-ftuħ ta’ investigazzjoni dixxiplinari kontra ċerti membri tal-persunal, b’mod partikolari kontra F u Y. L-OLAF irrileva wkoll li F kien wissa lir-rikorrent li, jekk ikompli jaġixxi bħallikieku kien għadu l-kontrollur finanzjarju tal-Kumitat tar-Reġjuni, dan kien ser jitlob il-ftuħ ta’ investigazzjoni amministrattiva fil-konfront tiegħu u li r-rikorrent kien ħass ostilità dejjem tikber min-naħa tas-superjuri tiegħu.

5        Fil-konklużjonijiet tar-rapport tal-OLAF ġie enfasizzat li, b’mod ġenerali, il-Kumitat tar-Reġjuni kien ipprova “jiskoraġixxi jew jiddistabilizza” lir-rikorrent fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu bħala kontrollur finanzjarju, u sussegwentement bħala awditur intern, u li l-Kumitat tar-Reġjuni kien jidher li qiegħed jinjora l-Artikolu 2(3) tad-Deċiżjoni Nru 294/99 tal-Bureau tal-Kumitat tar-Reġjuni tas‑17 ta’ Novembru 1999 dwar il-kondizzjonijiet għall-investigazzjonijiet interni biex tiġi evitata l-frodi, il-korruzzjoni jew kull attività illegali oħra li tmur kontra l-interessi tal-Komunitajiet, li jipprovdi li “uffiċjali jew impjegati tas-Segretarjat Ġenerali m’għandhom bl-ebda mod jsofru trattament diskriminatorju kawża ta’ l-isforz tagħhom biex jibgħatu l-informazzjoni skond l-ewwel u t-tieni paragrafi”.

6        Fit‑22 ta’ Diċembru 2003, il-KKB ippreżenta r-rapport tiegħu dwar il-kwittanza għall-implementazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2001 li t-Taqsima VII tiegħu kienet tikkonċerna preċiżament lill-Kumitat tar-Reġjuni (iktar ’il quddiem ir-“rapport tal-KKB”). Filwaqt li bbaża ruħu b’mod partikolari fuq ir-rapport tal-OLAF, il-KKB mhux biss “irraporta l-ostakoli uffiċjali min-naħa tal-amministrazzjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni, li tagħhom il-kontrollur finanzjarju/awditur intern u l-persunal tiegħu kienu vittma”, iżda speċifika wkoll li kien “jittama li l-miżuri ta’ riforma [maħsuba mill-Kumitat tar-Reġjuni] kienu jippermettu li frodi u irregolaritajiet jiġu rrapurtati mingħajr ir-riskju ta’ fastidju individwali jew istituzzjonali kif kien il-każ sa issa”.

7        Fid-dawl tar-rapport tal-OLAF u tar-rapport tal-KKB, il-Parlament, fil-qafas tal-kompetenzi mogħtija lilu bl-Artikoli 275 KE u 276 KE sabiex jagħti kwittanza għall-implementazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni, fid-29 ta’ Jannar 2004 adotta riżoluzzjoni “li kien fiha l-osservazzjonijiet li jakkumpanjaw id-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implementazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2001 – Taqsima VII – Kumitat tar-Reġjuni”. B’mod partikolari, fil-paragrafi 14, 22 u 24 ta’ din ir-riżoluzzjoni, il-Parlament “irraporta, mingħajr preġudizzju tar-riżultat tal-proċedura mibdija mill-awditur intern bis-saħħa tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, l-ostakoli uffiċjali li tagħhom huwa u l-persunal tiegħu kienu vittmi”, kif ukoll il-“fastidju individwali u istituzzjonali” li għalih kien issuġġettat ir-rikorrent u “talab li l-awditur intern jirċievi skuża formali mill-Kumitat tar-Reġjuni”.

8        Ir-rikorrent, li kien qiegħed ibati minn ansjetà u dipressjoni u li kellu sintomi ta’ stress posttrawmatiku, ħareġ fuq leave tal-mard mit‑28 ta’ April 2004. Il-leave tal-mard iġġedded sal‑31 ta’ Diċembru 2006, imbagħad mit‑22 ta’ Frar 2007 sat‑30 ta’ Ġunju 2007, id-data li fiha r-rikorrent irtira minħabba invalidità.

9        Peress li ġie kkonstatat li r-rikorrent kien akkumula, matul l-aħħar tliet snin, leave tal-mard li kien jeċċedi t-tnax-il xahar, is-Segretarju Ġenerali tal-Kumitat tar-Reġjuni, fit‑22 ta’ Frar 2006, iddeċieda li jibda, bis-saħħa tal-Artikolu 59(4) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), proċedura sabiex tittieħed deċiżjoni dwar l-invalidità tar-rikorrent u talab lil dan tal-aħħar sabiex jinnomina tabib sabiex jiġi kkostitwit l-ewwel Kumitat tal-Invalidità.

 L-ewwel Kumitat tal-Invalidità u l-Uffiċċju tal-Amministrazzjoni u l-Ħlas tal-Intitolamenti Individwali (PMO)

10      L-ewwel Kumitat tal-Invalidità kien kompost mit-tabib T., innominat mill-Kumitat tar-Reġjuni, mit-tabib G., maħtur ex officio mill-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea sabiex jirrappreżenta lir-rikorrent u mit-tabib O., innominat bi qbil bejn it-tobba T. u G.

11      Ir-rikorrent reġa’ beda jaħdem fl‑1 ta’ Jannar 2007. Huwa ħadem sal‑21 ta’ Frar 2007, jiġifieri madwar sitt ġimgħat, u mbagħad reġa’ ħareġ bil-leave tal-mard.

12      Fis‑27 ta’ Frar 2007, ir-rikorrent talab lis-Segretarju Ġenerali tal-Kumitat tar-Reġjuni sabiex, skont l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal u l-Artikolu 16 tar-regoli ta’ assigurazzjoni, ikun hemm rikonoxximent tax-xogħol bħala l-kaġun tal-marda tiegħu. Barra minn hekk, ir-rikorrent fakkar lis-Segretarju Ġenerali tal-Kumitat tar-Reġjuni li, peress li l-Kumitat tal-Invalidità kien diġà ġie maħtur sabiex jiddeċiedi dwar l-inkapaċità tiegħu għax-xogħol skont l-Artikolu 78 tar-Regolamenti tal-Persunal, huwa kien talab lil dan il-kumitat sabiex ma jeżaminax biss l-inkapaċità tiegħu iżda wkoll ir-relazzjoni eżistenti, jekk ikun il-każ, bejn din tal-aħħar u l-attività professjonali tiegħu.

13      Permezz ta’ ittra tal‑10 ta’ April 2007, is-Segretarju Ġenerali tal-Kumitat tar-Reġjuni informa lir-rikorrent li t-talba tiegħu skont l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal intbagħtet lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej fil-kwalità tagħha bħala Awtorità tal-Ħatra ad hoc għall-applikazzjoni tal-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal u li t-talba tiegħu sabiex dan il-Kumitat tal-Invalidità jiddeċiedi wkoll jekk l-eventwali invalidità tiegħu kinitx ikkaġunata mix-xogħol kienet ġiet mibgħuta kif suppost lil din tal-aħħar.

14      Fil-laqgħa tiegħu tat‑23 ta’ Mejju 2007, l-ewwel Kumitat tal-Invalidità kkonkluda li r-rikorrent kien milqut minn invalidità permanenti meqjusa bħala totali u li għamlitha impossibbli għalih li jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-kawża tal-invalidità, l-ewwel Kumitat tal-Invalidità ddikjara li ma kellux provi biżżejjed sabiex jiddeċiedi dwar jekk l-invalidità kinitx ikkaġunata mix-xogħol u li kellu jistenna li l-amministrazzjoni tfornih bi “provi awtentiċi” sabiex ikun f’pożizzjoni li jiddeċiedi f’dan ir-rigward.

15      Permezz ta’ deċiżjoni tal‑11 ta’ Ġunju 2007, il-Bureau tal-Kumitat tar-Reġjuni ddikjara, ex officio, l-irtirar tar-rikorrent minħabba invalidità, bis-saħħa tal-Artikolu 53 tar-Regolamenti tal-Persunal, b’effett mit‑30 ta’ Ġunju 2007.

16      F’Jannar 2008, fil-kuntest tal-proċedura mibdija bis-saħħa tal-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal, l-Uffiċċju tal-Amministrazzjoni u l-Ħlas tal-Intitolamenti Individwali tal-Kummissjoni (PMO) iddeċieda li ma kienx hemm lok li ssir investigazzjoni amministrattiva, “peress li d-dokumenti tal-fajl kien fihom biżżejjed dettalji amministrattivi sabiex jippermettu lit-tabib [tal-PMO] jagħmel l-analiżi tiegħu”.

17      Permezz ta’ deċiżjoni tad‑9 ta’ Jannar 2009, il-PMO rrikonoxxa li l-marda tar-rikorrent kienet ikkaġunata mix-xogħol skont l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal, abbażi tar-rapporti mediċi mħejjija jew mitluba mit-tabib tal-PMO, it-tabib J., jiġifieri rapport tat‑8 ta’ Mejju 2008, u ta’ konklużjonijiet tal‑20 ta’ Novembru 2008 ta’ dan tal-aħħar, kif ukoll ta’ rapport tat-tabib R. tat‑18 ta’ Settembru 2008. Barra minn hekk, ir-rapport tat-tabib tal-PMO tat‑8 ta’ Mejju 2008 kien isemmi sitt rapporti mediċi oħra mħejjija mit-tabib V. A. u minn tobba oħra tal-isptar prodotti mir-rikorrent, flimkien ma’ iktar dokumenti mhux mediċi, fosthom ir-riżoluzzjoni tal-Parlament imsemmija fil-punt 7 iktar ’il fuq. Ir-rapport tat-tabib R. tat‑18 ta’ Settembru 2008 kien isemmi, fost l-oħrajn, eżami psikoloġiku li kien sar mill-professur D. M. fit‑3 ta’ Settembru 2008.

18      Fir-rapport tiegħu tat‑8 ta’ Mejju 2008, it-tabib tal-PMO sostna, fid-dawl tad-dokumenti fil-fajl, li l-OLAF kien ikkonstata, minn naħa, l-eżistenza ta’ frodi fi ħdan il-Kumitat tar-Reġjuni u ta’ tentattivi sabiex jitwarrab ir-rikorrent, u b’hekk jitwaqqaf milli jeżegwixxi b’mod adegwat xogħlu ta’ kontrollur finanzjarju u, min-naħa l-oħra, l-eżistenza ta’ kunflitti interpersonali kbar bejn ir-rikorrent u s-superjuri tiegħu. Finalment, skont it-tabib tal-PMO, bla ħsara għall-opinjoni psikjatrika mitluba mit-tabib Re., kien hemm lok li tiġi stabbilita, b’mod partikolari, “il-preżenza progressiva ta’ sindromu […] marbut mal-imġiba professjonali kundanabbli ta’ ċerti uffiċjali tal-Kumitat tar-Reġjuni”.

19      Fil-konklużjonijiet tiegħu tal‑20 ta’ Novembru 2008, it-tabib tal-PMO kkonkluda li r-rikorrent “ma għadux f’pożizzjoni li jeżerċita kwalunkwe attività professjonali fi ħdan il-Komunitajiet Ewropej, iktar u iktar peress li s-sitwazzjoni klinika psikika tiegħu hija marbuta mal-fastidju psikoloġiku li huwa sofra fuq ix-xogħol u mal-burnout li rriżulta minnu” u li “l-problemi psikoaffettivi li huwa kellu għandhom rabta kawżali diretta u ċerta mal-attività professjonali tiegħu”.

20      Fit‑2 ta’ Marzu 2010, il-PMO ddeċieda, bis-saħħa tal-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal, li jagħti rata ta’ invalidità ta’ 10 % lir-rikorrent minħabba li l-marda tar-rikorrent ġiet irrikonoxxuta li hija kkaġunata mix-xogħol. Din id-deċiżjoni ġiet adottata abbażi ta’ diversi rapporti mediċi kumplimentari mitluba mill-PMO: rapport ta’ espert psikoloġiku li sar fit‑12 ta’ Awwissu 2009 mis-Sur D., eżami newropsikoloġiku li sar fis‑17 ta’ Ottubru 2009 mit-tabib M., “rapport ta’ investigazzjoni psikjatrika” li sar fit‑3 ta’ Novembru 2009 mit-tabib Re. u konklużjonijiet tat-tabib tal-PMO tal‑11 ta’ Frar 2010, li lkoll ikkonstataw l-eżistenza ta’ problemi reazzjonarji għal kunflitt fuq ix-xogħol. Wara r-rapport ippreżentat mit-tabib Re., fit‑3 ta’ Novembru 2009, it-tabib tal-PMO ddeskriva l-marda kkaġunata mix-xogħol tar-rikorrent bħala “problemi ansjodipressivi li jaqgħu fil-kuntest ta’ kunflitt sinjifikattiv ta’ natura amministrattiva ekwivalenti għal fastidju psikoloġiku” u evalwa r-rata ta’ invalidità li tirriżulta minn hekk bħala 10 %. Dawn il-konklużjonijiet kollha u r-rapporti mediċi ntbagħtu lill-ewwel Kumitat tal-Invalidità.

21      Wara d-deċiżjoni tal-PMO u b’aċċess għall-fajl mediku u amministrattiv, it-tliet membri tal-ewwel Kumitat tal-Invalidità reġgħu ltaqgħu fit‑2 ta’ Lulju 2010. Dan l-ewwel Kumitat tal-Invalidità kkonkluda, b’maġġoranza – kienu biss it-tobba T. u O. li ffirmaw dawn il-konklużjonijiet – li l-invalidità tar-rikorrent ma kinitx tirriżulta minn marda kkaġunata mix-xogħol. It-tabib G., innominat ex officio għan-nom tar-rikorrent, iffirma konklużjonijiet separati, iddatati wkoll it‑2 ta’ Lulju 2010, li fihom ikkonkluda li l-invalidità tar-rikorrent kienet tirriżulta minn marda kkaġunata mix-xogħol.

22      Fil-laqgħa tal‑10 ta’ Settembru 2010, il-Bureau tal-Kumitat tar-Reġjuni, fil-kwalità tiegħu bħala Awtorità tal-Ħatra, “irratifika [l-konklużjonijiet tat-tobba T. u O. msemmija fil-punt 21 iktar ’il fuq], li l-invalidità tar-rikorrent ma kinitx tirriżulta minn marda kkaġunata mix-xogħol fis-sens tal-ħames paragrafu tal-Artikolu 78 tar-Regolamenti tal-Persunal”.

23      Permezz ta’ ittra tal‑21 ta’ Jannar 2011, ir-rikorrent ippreżenta lment kontra d-deċiżjoni tal‑10 ta’ Settembru 2010. L-Awtorità tal-Ħatra, b’deċiżjoni tal‑20 ta’ Mejju 2011, ċaħdet dan l-ilment.

24      Fit‑8 ta’ Settembru 2011, ir-rikorrent ippreżenta rikors quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea kontra d-deċiżjoni tal‑10 ta’ Settembru 2010 u d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment tal‑20 ta’ Mejju 2011. Permezz ta’ sentenza tas‑7 ta’ Mejju 2013, McCoy vs Il-Kumitat tar-Reġjuni (F‑86/11, EU:F:2013:56), id-deċiżjoni tal‑10 ta’ Settembru 2010 ġiet annullata. Din is-sentenza laqgħet ir-rikors tar-rikorrent minħabba li r-rapport tal-ewwel Kumitat tal-Invalidità kien fih motivazzjoni insuffiċjenti u li dan il-kumitat kien wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni. In-nuqqas ta’ motivazzjoni kien minħabba l-assenza ta’ rabta komprensibbli bejn il-konstatazzjonijiet mediċi tal-ewwel Kumitat tal-Invalidità u l-konklużjonijiet dwar il-kawża tal-invalidità tar-rikorrent (sentenza tas‑7 ta’ Mejju 2013, McCoy vs Il-Kumitat tar-Reġjuni, F‑86/11, EU:F:2013:56, punt 98). L-iżball manifest ta’ evalwazzjoni ġie kkonstatat fuq il-fatt li l-ewwel Kumitat tal-Invalidità kien iddikjara li l-aċċettazzjoni li l-marda kienet ikkaġunata mix-xogħol skont l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal hija bbażata, fil-fatt “biss fuq x’qal il-pazjent”, filwaqt li jirriżulta mill-fajl li din l-aċċettazzjoni kienet, b’mod partikolari, ibbażata fuq diversi rapporti mediċi u li l-fatti f’dan il-każ ma kinux l-istess (sentenza tas‑7 ta’ Mejju 2013, McCoy vs Il-Kumitat tar-Reġjuni, F‑86/11, EU:F:2013:56, punti 106 sa 111).

25      B’mod parallel mar-rikors imsemmi iktar ’il fuq, ir-rikorrent ippreżenta, fl‑20 ta’ Diċembru 2012, rikors għad-danni quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (Kawża F‑156/12, McCoy vs Il-Kumitat tar-Reġjuni). Kif spjegat fil-punt 36 iktar ’l isfel, ir-rikorrent akkuża lill-Kumitat tar-Reġjuni, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, li wettaq aġir żbaljat kontrih matul il-perijodu wara l-iskoperta ta’ irregolaritajiet fi ħdan il-Kumitat tar-Reġjuni.

 It-tieni Kumitat tal-Invalidità

26      Wara s-sentenza tas‑7 ta’ Mejju 2013, McCoy vs Il-Kumitat tar-Reġjuni (F‑86/11, EU:F:2013:56), il-Kumitat tar-Reġjuni ddeċieda, permezz tal-ittra tas‑7 ta’ Lulju 2013, li jwaqqaf Kumitat tal-Invalidità ieħor magħmul minn tliet tobba.

27      Ir-rikorrent għażel lill-istess tabib li kien irrappreżentah fl-ewwel Kumitat tal-Invalidità sabiex jirrappreżentah, jiġifieri t-tabib G., u l-Kumitat tar-Reġjuni ħatar lit-tabib M. bħala rappreżentant.

28      Permezz ta’ messaġġ elettroniku tat‑30 ta’ Ottubru 2013, il-Kumitat tar-Reġjuni informa lir-rikorrent bil-fatt li t-tobba M. u G. kienu ftiehmu dwar l-għażla tat-tielet tabib, jiġifieri t-tabib L., sabiex jikkostitwixxu t-tieni Kumitat tal-Invalidità. Il-Kumitat tar-Reġjuni kiseb din l-informazzjoni minn skambju ta’ messaġġi elettroniċi bejn dawn iż-żewġ tobba, fejn it-tabib G. wera l-preferenza tiegħu għat-tabib L.

29      Fit‑8 ta’ Novembru 2013, ir-rikorrent informa lill-Kumitat tar-Reġjuni bin-nuqqas ta’ qbil tiegħu fir-rigward ta’ din il-konklużjoni. Minkejja l-messaġġ elettroniku tat-tabib G., huwa sostna li dan tal-aħħar ma kienx ta l-approvazzjoni tiegħu fir-rigward tat-tielet tabib. Barra minn hekk, huwa talab lill-Kumitat tar-Reġjuni li ma jipproponix isem bil-ħsieb li jinħatar tielet tabib għat-tieni Kumitat tal-Invalidità u talbu li jikkonsulta lil-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għal dan l-għan.

30      Fis‑26 ta’ Novembru 2013, il-Kumitat tar-Reġjuni bagħat ittra lir-rikorrent sabiex jgħarrfu li huwa ma kienx jipprekludi l-konsultazzjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Huwa enfasizza madankollu li tali approċċ joħloq proċeduri addizzjonali li, in fine, idewmu l-proċedura.

31      Wara dawn l-iskambji, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, adit mill-Kumitat tar-Reġjuni, ħatar tielet tabib sabiex jinkorpora t-tieni Kumitat tal-Invalidità. Il-Kumitat tar-Reġjuni ġie infurmat b’dan fl-aħħar ta’ Frar 2014.

32      It-tabib maħtur mill-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kien it-tabib H. It-tieni Kumitat tal-Invalidità kien għalhekk iffurmat mit-tabib G., tabib innominat mir-rikorrent, mit-tabib M., tabib innominat mill-Kumitat tar-Reġjuni, u mit-tabib H., tabib innominat mill-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

33      It-tieni Kumitat tal-Invalidità ltaqa’ għall-ewwel darba fil‑15 ta’ April 2014. Wara din il-laqgħa, it-tobba qablu li jkollhom laqgħa oħra, u dan sabiex jiltaqgħu mar-rikorrent. Matul it-tieni laqgħa, li saret fis‑7 ta’ Mejju 2014, saru mistoqsijiet lir-rikorrent, u t-tobba M. u H. ikkonkludew, bħala maġġoranza, li l-invalidità tar-rikorrent ma kinitx ikkaġunata mix-xogħol fis-sens tal-ħames paragrafu tal-Artikolu 78 tar-Regolamenti tal-Persunal (iktar ’il quddiem il-“konklużjonijiet tas‑7 ta’ Mejju 2014”), filwaqt li t-tabib G. ikkonkluda li din l-invalidità kienet ikkaġunata mix-xogħol.

34      Fl‑10 ta’ Novembru 2014, is-servizz mediku tal-Kumitat tar-Reġjuni bagħat messaġġ elettroniku lit-tabib G. bil-minuti taż-żewġ laqgħat tat-tieni Kumitat tal-Invalidità kif ukoll bil-lista tad-dokumenti disponibbli fil-fajl mediku tar-rikorrent u l-lista ta’ dokumenti tiegħu. Dawn il-minuti kienu ffirmati biss mit-tobba M. u H.

35      Fl-istess jum, it-tobba M. u H. iffirmaw rapport mediku sommarju li jiżviluppa r-raġunijiet għall-konklużjonijiet tas‑7 ta’ Mejju 2014. Dan ir-rapport ġie kkomunikat lit-tabib G. fit‑23 ta’ Marzu 2015. F’din l-istess data, it-tabib M. ipprovda wkoll dikjarazzjoni lill-Awtorità tal-Ħatra, li fiha huwa indika dan li ġej:

“Bil-preżenti, jiena nafferma li ġie żgurat li l-ħidma tal-Kumitat tal-Invalidità twettqet kif suppost u li l-konklużjonijiet tiegħu huma debitament motivati.”

36      Fit‑18 ta’ Novembru 2014, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ta s-sentenza fil-kawża bejn ir-rikorrent u l-Kumitat tar-Reġjuni (sentenza tat‑18 ta’ Novembru 2014, McCoy vs Il-Kumitat tar-Reġjuni, F‑156/12, EU:F:2014:247), li permezz tagħha huwa kkonstata l-ksur tal-Kumitat tar-Reġjuni tad-dmir tiegħu ta’ premura fir-rigward tar-rikorrent. Fil-fatt, skont din is-sentenza, il-Kumitat tar-Reġjuni ma weriex li kien ħa inkunsiderazzjoni, matul il-perijodu rilevanti f’din il-kawża u skont id-dmir ta’ premura tiegħu, iż-żminijiet iebsa li r-rikorrent kellu jgħaddi minnhom fuq livell professjonali u morali kif ukoll l-impatt li dan seta’ eventwalment ikollu fuq saħħtu u fuq is-sitwazzjoni personali tiegħu. Mill-punt 128 tal-imsemmija sentenza jirriżulta li “huwa fid-dawl tad-deċiżjoni tal-PMO tat‑2 ta’ Marzu 2010 u tal-konklużjonijiet tat-tabib tal-PMO tal‑11 ta’ Frar 2010, minn naħa, li r-rabta kawżali bejn l-aġir tal-Kumitat tar-Reġjuni u d-dannu mġarrab hija ċara u, min-naħa l-oħra, li l-kumpens mogħti abbażi tal-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal ma jkoprix id-dannu morali, li jikkonsisti mid-destabbilizzazzjoni, min-nuqqas ta’ kunsiderazzjoni, mill-istennija u mill-frustrazzjoni, imġarrab mir-rikorrent minħabba n-nuqqas ta’ premura tal-Kumitat tar-Reġjuni fir-rigward tiegħu”. F’dan ir-rigward, il-Kumitat tar-Reġjuni ġie kkundannat iħallas lir-rikorrent is-somma ta’ EUR 20 000.

37      Fid‑19 ta’ Novembru 2014, it-tabib G. bagħat osservazzjonijiet dwar il-minuti tal-laqgħat tat-tieni Kumitat tal-Invalidità u ġibed l-attenzjoni tat-tobba M. u H. dwar is-sentenza tat‑18 ta’ Novembru 2014, McCoy vs Il-Kumitat tar-Reġjuni (F‑156/12, EU:F:2014:247). Huwa talab ukoll li t-tieni Kumitat tal-Invalidità jerġa’ jitlaqqa’. It-tobba M. u H. allegatament iddikjaraw li laqgħa ġdida tat-tieni Kumitat tal-Invalidità ma kinitx meħtieġa.

38      Permezz ta’ żewġ komunikazzjonijiet tat‑23 u tat‑30 ta’ Novembru 2014 (din tal-aħħar fir-realtà ġiet mibgħuta fit‑2 ta’ Diċembru 2014, skont ir-rikorrent), it-tabib G. bagħat il-kummenti tiegħu dwar il-minuti tas‑7 ta’ Mejju 2014, li jinkludu l-konklużjonijiet meħuda b’maġġoranza (mit-tobba M. u H.). Fihom, it-tabib G. ippreżenta n-nuqqas ta’ qbil tiegħu. Huwa kkonkluda li teżisti rabta kawżali bejn is-sitwazzjoni professjonali tar-rikorrent u l-invalidità tiegħu. Huwa enfasizza li t-tieni Kumitat tal-Invalidità ma kienx issodisfa l-mandat tiegħu. Konsegwentement, huwa stieden lill-kumitat sabiex jerġa’ jibda l-ħidma tiegħu.

39      Fis‑26 ta’ Novembru 2014, ir-rikorrent bagħat ittra lis-Segretarju Ġenerali tal-Kumitat tar-Reġjuni sabiex jinformah dwar il-konklużjonijiet tat-tieni Kumitat tal-Invalidità u sabiex jitolbu jistieden lil dan tal-aħħar sabiex “jerġa’ jibda l-ħidma tiegħu u sabiex jagħmel dan b’mod regolari”.

40      Permezz ta’ deċiżjoni tat‑2 ta’ Diċembru 2014, il-Bureau tal-Kumitat tar-Reġjuni approva l-konklużjonijiet tas‑7 ta’ Mejju 2014 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). Din id-deċiżjoni ġiet innotifikata permezz ta’ ittra tat‑22 ta’ Diċembru 2014, impostata fil‑5 ta’ Jannar 2015 u riċevuta fis‑7 ta’ Jannar 2015.

41      Fit‑3 ta’ April 2015, ir-rikorrent ressaq ilment fis-sens tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal. Dan l-ilment ġie miċħud b’deċiżjoni tal‑24 ta’ Lulju 2015, innotifikata lir-rikorrent fis‑27 ta’ Lulju 2015 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment”).

42      Id-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment kienet ibbażata fuq nota li fiha t-tabib M. irrisponda għall-mistoqsijiet li ntbagħtulu mis-Servizz Legali tal-Kumitat tar-Reġjuni sabiex jindirizza l-ilment (iktar ’il quddiem in-“nota tat‑8 ta’ Mejju 2015”).

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

43      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fit‑3 ta’ Novembru 2015, ir-rikorrent ippreżenta dan ir-rikors fil-Kawża F‑139/15.

44      Fil‑25 ta’ Jannar 2016, il-Kumitat tar-Reġjuni ppreżenta risposta fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

45      Fl‑24 ta’ Frar 2016, ġie deċiż li tieni skambju ta’ noti ma kienx meħtieġ u l-proċedura bil-miktub ingħalqet.

46      Skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (UE, Euratom) 2016/1192 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑6 ta’ Lulju 2016 dwar it-trasferiment lill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-ġuriżdizzjoni fl-ewwel istanza f’tilwimiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-membri tal-persunal tagħha (ĠU 2016, L 200, p. 137), din il-kawża ġiet ittrasferita lill-Qorti Ġenerali fl-istat li din kienet tinsab fid-data tal‑31 ta’ Awwissu 2016. Hija ġiet irreġistrata taħt in-numru T‑567/16 u ġiet allokata lit-Tieni Awla.

47      Peress li l-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura kien ġie deċiż mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku qabel l‑1 ta’ Settembru 2016, il-Qorti Ġenerali bagħtet, fit‑8 ta’ Novembru 2016, mistoqsija lill-partijiet sabiex jindikaw jekk dawn xtaqux li tinżamm seduta. Il-partijiet irrispondew għal din il-mistoqsija fit-terminu mogħti, fejn ir-rikorrent informa lill-Qorti Ġenerali fid‑29 ta’ Novembru 2016 li huwa xtaq li tinżamm seduta u l-Kumitat tar-Reġjuni semma fir-risposta tiegħu tas‑7 ta’ Diċembru 2016 li huwa ma kkunsidrax li kien hemm bżonn li tinżamm seduta.

48      Permezz ta’ deċiżjoni tat‑23 ta’ Frar 2017, din il-kawża ġiet assenjata lil Imħallef Relatur ġdid sedenti fit-Tieni Awla.

49      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet instemgħu waqt is-seduta tat‑13 ta’ Diċembru 2017.

50      Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata, sa fejn din, filwaqt li tikkonferma l-konklużjonijiet tat-tieni Kumitat tal-Invalidità, irrifjutat li tirrikonoxxi li l-invalidità li jsofri minnha kienet ikkaġunata mix-xogħol fis-sens tal-ħames paragrafu tal-Artikolu 78 tar-Regolamenti tal-Persunal;

–        tannulla d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment;

–        tikkundanna lill-Kumitat tar-Reġjuni għall-ħlas tal-ammont ta’ EUR 25 000 bħala kumpens għad-dannu morali;

–        tikkundanna lill-Kumitat tar-Reġjuni għall-ispejjeż.

51      Il-Kumitat tar-Reġjuni jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

 Id-dritt

52      Insostenn tar-rikors għal annullament tad-deċiżjoni kkontestata u tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment, ir-rikorrent jinvoka tmien motivi, l-ewwel ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 78 tar-Regolamenti tal-Persunal minħabba nuqqas ta’ stħarriġ tat-tieni Kumitat tal-Invalidità u fuq ksur tal-garanziji proċedurali, it-tieni bbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u tal-kunċett ta’ marda kkaġunata mix-xogħol, it-tielet ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, ir-raba’ bbażat fuq ksur tal-mandat tat-tieni Kumitat tal-Invalidità, il-ħames ibbażat fuq ksur tad-dmir ta’ premura, is-sitt ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 266 TFUE, is-seba’ bbażat fuq ksur ta’ terminu raġonevoli u t-tmien ibbażat fuq ksur tal-kulleġġjalità. Ir-rikorrent jitlob ukoll il-kundanna tal-Kumitat tar-Reġjuni għall-ħlas tas-somma ta’ EUR 25 000 bħala kumpens għad-dannu morali subit minħabba l-illegalitajiet imwettqa mill-Kumitat tar-Reġjuni.

53      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, talbiet għal annullament imressqa formalment kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment għandhom l-effett, fil-każ fejn din id-deċiżjoni tkun nieqsa minn kontenut awtonomu, li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jiġi adit bl-att li kontra tiegħu jkun sar l-ilment (sentenza tas‑7 ta’ Mejju 2013, McCoy vs Il-Kumitat tar-Reġjuni, F‑86/11, EU:F:2013:56, punt 55; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Jannar 1989, Vainker vs Il‑Parlament, 293/87, EU:C:1989:8, punt 8).

54      F’dan il-każ, id-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment tikkonferma d-deċiżjoni kkontestata filwaqt li tippreċiża r-raġunijiet li abbażi tagħhom ittieħdet id-deċiżjoni. F’ċirkustanzi simili, hija l-legalità tal-att oriġinali li jikkawża l-preġudizzju li għandha tiġi eżaminata, billi tiġi kkunsidrata l-motivazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment, liema motivazzjoni suppost tkun tikkoinċidi ma’ dak l-att (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑18 ta’ April 2012, Buxton vs Il‑Parlament, F‑50/11, EU:F:2012:51, punt 21, u tas‑7 ta’ Mejju 2013, McCoy vs Il-Kumitat tar-Reġjuni, F‑86/11, EU:F:2013:56, punt 56).

55      Konsegwentement, it-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment ma humiex awtonomi u r-rikors għandu jitqies li huwa intiż kontra d-deċiżjoni kkontestata li l-motivazzjoni tagħha hija speċifikata fid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Ġunju 2004, Eveillard vs Il‑Kummissjoni, T‑258/01, punti 31 u 32, u tas‑7 ta’ Mejju 2013, McCoy vs Il-Kumitat tar-Reġjuni, F‑86/11, EU:F:2013:56, punt 57).

56      Hemm ukoll lok li jiġi kkonstatat li l-ewwel, il-ħames u s-sitt motivi huma bbażati prinċipalment fuq eventwali nuqqas ta’ stħarriġ tal-ħidma tal-Kumitat tal-Invalidità fl-istadju tal-ilment, jiġifieri wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Għalhekk, dawn ma jiġġustifikawx, lanqas jekk jirriżulta li kienu fondati, l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, in-nuqqasijiet allegati mir-rikorrent ma jistgħux, minħabba li jkunu seħħew wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, ikollhom effett fuq il-kontenut stess tal-opinjoni tal-Kumitat tal-Invalidità, u lanqas fuq dak ta’ din id-deċiżjoni. Nuqqasijiet bħal dawn ma jistgħux, bħala prinċipju, jimmodifikaw l-evalwazzjoni, mill-Kumitat tal-Invalidità, dwar jekk invalidità hijiex ikkaġunata mix-xogħol fis-sens tal-Artikolu 78 tar-Regolamenti tal-Persunal.

57      Madankollu, peress li r-rikorrent talab kumpens għad-dannu morali subit mhux biss minħabba l-illegalitajiet tad-deċiżjoni kkontestata u ċ-ċirkustanzi li fihom din ġiet adottata, iżda wkoll minħabba l-irregolaritajiet li jirriżultaw min-nuqqas ta’ sorveljanza tal-Awtorità tal-Ħatra matul il-fażi tal-ilment, hemm lok li jiġu eżaminati l-motivi msemmija iktar ’il fuq sa fejn dawn jistgħu jaffettwaw it-talba għad-danni. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Qorti Ġenerali tqis li huwa opportun li tibda billi teżamina t-tieni, it-tielet, ir-raba’, is-seba’ u t-tmien motivi, li jistgħu jwasslu għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, qabel ma jiġu eżaminati l-motivi li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni biss fil-kuntest ta’ talba għad-danni.

 Fuq il-motivi li jaffettwaw il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata

58      Għandu jiġi ppreċiżat li l-allegat ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, minn naħa, u dak tal-kunċett ta’ marda kkaġunata mix-xogħol, min-naħa l-oħra, ma għandhomx rabta evidenti. Fil-fatt, il-kwistjoni dwar jekk, bi ksur tal-kunċett ta’ marda kkaġunata mix-xogħol, il-Kumitat tal-Invalidità ħax inkunsiderazzjoni l-istorja medika u l-istat ta’ saħħa attwali tar-rikorrent potenzjalment tikkostitwixxi żball manifest ta’ evalwazzjoni u mhux ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni. Għalhekk il-Qorti Ġenerali tqis li huwa opportun li tittratta l-ksur tal-kunċett ta’ marda kkaġunata mix-xogħol fil-kuntest tat-tielet motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, iktar milli fil-kuntest tat-tieni motiv.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

59      Ir-rikorrent iqis li l-Kumitat tar-Reġjuni kiser l-obbligu tiegħu ta’ motivazzjoni sa fejn id-deċiżjoni kkontestata u d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment ikkonfermaw il-konklużjonijiet tat-tieni Kumitat tal-Invalidità li ma ppermettewx li wieħed jifhem għaliex dan il-kumitat, b’maġġoranza, kien tbiegħed mir-rapporti mediċi preċedenti, u fuq kollox lanqas fuq liema elementi dan kien ibbaża ruħu sabiex jiddikjara, kuntrarjament għar-rapporti mediċi għad-dispożizzjoni tiegħu, li l-invalidità tar-rikorrent ma kinitx ikkaġunata mix-xogħol.

60      F’dan ir-rigward, ir-rikorrent isostni, l-ewwel nett, li t-tieni Kumitat tal-Invalidità kien żbaljat meta ppronunzja ruħu fuq il-kapaċità tiegħu li jaħdem peress li dan ma kienx rilevanti sabiex jiġi evalwat jekk il-marda tiegħu kinitx ikkaġunata mix-xogħol. It-tieni nett, dan il-kumitat ibbaża ruħu, b’mod żbaljat, fuq l-istat ta’ saħħa tar-rikorrent fl‑2014, filwaqt li dan huwa estranju għall-kwistjoni dwar jekk huwa kienx irtira fl‑2007 għal raġunijiet marbutin ma’ marda kkaġunata mix-xogħol. It-tielet nett, il-fatt li r-rikorrent ma kienx ħa antidipressanti jew ansjolitiċi fl‑2014 ma huwiex kontradittorju ma’ stat emozzjonali persistenti u ħsara psikoloġika li oriġinaw minn trattament ħażin mġarrab fil-kuntest tal-impjieg li kellu, li huwa kkonfermat mid-dokumenti mediċi kollha.

61      Barra minn hekk, ir-rikorrent isostni, essenzjalment, li t-tieni Kumitat tal-Invalidità ma ħax inkunsiderazzjoni d-dokumenti amministrattivi u legali tal-fajl, jiġifieri r-rapport tal-KKB u r-rapport tal-OLAF. Bl-istess mod, it-tweġibiet tat-tabib M. fin-nota tat‑8 ta’ Mejju 2015 huma kontradittorji u diffiċli biex jinftiehmu. Iż-żewġ tobba f’maġġoranza fi ħdan it-tieni Kumitat tal-Invalidità ma indikawx ir-raġunijiet għaliex huwa eskluż li l-marda tar-rikorrent ma kinitx ikkaġunata – ukoll – mill-qadi tal-funzjonijiet tiegħu.

62      Il-Kumitat tar-Reġjuni jikkontesta l-argumenti tar-rikorrent. Huwa jsostni li ma hemmx kontradizzjoni bejn il-konklużjonijiet tat-tieni Kumitat tal-Invalidità u l-konklużjonijiet mediċi adottati preċedentement fil-kuntest tal-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal.

63      Il-Kumitat tar-Reġjuni jsostni li l-konklużjonijiet tas‑7 ta’ Mejju 2014, approvati mill-Awtorità tal-Ħatra fid-deċiżjoni kkontestata, jipprovdu raġunijiet differenti li jirriflettu l-opinjoni tal-maġġoranza tat-tieni Kumitat tal-Invalidità li tikkonstata l-assenza ta’ rabta kawżali bejn l-inkapaċità permanenti għax-xogħol u l-impjieg tar-rikorrent.

64      Skont il-Kumitat tar-Reġjuni, id-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment tistabbilixxi l-kjarifiki mogħtija mit-tabib M. kemm fuq il-metodu ta’ ħidma tat-tieni Kumitat tal-Invalidità u kemm fuq ir-raġunijiet li wassluh għall-konstatazzjoni tal-assenza ta’ rabta kawżali bejn l-invalidità tar-rikorrent u l-attività professjonali tiegħu.

65      Fir-rigward tal-argument li t-tieni Kumitat tal-Invalidità ma mmotivax b’mod suffiċjenti l-pożizzjoni tiegħu billi adotta konklużjonijiet kuntrarji għal dawk li jinsabu fir-rapporti mediċi u amministrattivi preċedenti, il-Kumitat tar-Reġjuni jallega li dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala infondat. Fil-fatt, fir-rapport mediku sommarju, huwa jirreferi għall-opinjonijiet u għall-konklużjonijiet li jinsabu fir-rapporti mediċi u amministrattivi preċedenti. Fil-fatt, il-Kumitat tar-Reġjuni jfakkar li, f’dan ir-rapport, huwa nnota li ċerti rapporti mediċi kienu jindikaw li r-rikorrent kien kapaċi jerġa’ jibda jaħdem. Barra minn hekk, huwa semma li r-rikorrent kien ġie sottomess għal “eżami mediku ddettaljat” li minnu t-tieni Kumitat tal-Invalidità seta’ jikseb osservazzjonijiet li ppermettuh jistabbilixxi li l-invalidità tiegħu ma kinitx tirriżulta minn marda kkaġunata mix-xogħol fis-sens tal-ħames paragrafu tal-Artikolu 78 tar-Regolamenti tal-Persunal.

66      Barra minn hekk, fir-rapport mediku sommarju, it-tieni Kumitat tal-Invalidità espressament għamel referenza għal ċerti rapporti mediċi u amministrattivi. Ir-rapport stabbilixxa b’mod ċar ir-raġunijiet għaliex ma kienx hemm rabta kawżali bejn is-sitwazzjoni fuq il-post tax-xogħol u l-istat ta’ saħħa tar-rikorrent kif ukoll ir-raġunijiet għaliex dan ma jaqbilx mal-parir tar-rapporti mediċi preċedenti. Il-Kumitat tar-Reġjuni jfakkar ukoll li t-tieni Kumitat tal-Invalidità rrileva r-rekord psikiku, li ilu jeżisti, li ma kienx jippermettu li r-rikorrent jerġa’ jibda jaħdem.

67      Għandu jitfakkar li l-għan segwit mid-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal dwar il-Kumitat tal-Invalidità huwa li jagħti lil esperti mediċi l-evalwazzjoni finali ta’ kull kwistjoni medika, li l-ebda Awtorità tal-Ħatra, permezz tal-kompożizzjoni amministrattiva interna tagħha, ma tista’ tagħmel. F’dan il-kuntest, l-istħarriġ ġudizzjarju ma għandux jestendi għall-evalwazzjonijiet mediċi fihom infushom, li għandhom jitqiesu finali sakemm ikunu saru f’ċirkustanzi regolari. Min-naħa l-oħra, l-istħarriġ ġudizzjarju jista’ jiġi eżerċitat fuq ir-regolarità tal-kostituzzjoni u tal-funzjonament tal-Kumitat tal-Invalidità kif ukoll fuq il-parir li huwa jagħti. Fuq dan l-aspett, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku huwa kompetenti sabiex jeżamina jekk il-parir fihx motivazzjoni li tippermetti li jiġu evalwati l-kunsiderazzjonijiet li abbażi tagħhom ikunu saru l-konklużjonijiet li fih u jekk jistabbilixxix rabta komprensibbli bejn il-kontestazzjonijiet mediċi li fih u l-konklużjonijiet li għalihom ikun wasal il-Kumitat tal-Invalidità kkonċernat (ara s-sentenza tas‑7 ta’ Mejju 2013, McCoy vs Il-Kumitat tar-Reġjuni, F‑86/11, EU:F:2013:56, punt 78 u l-ġurisprudenza ċċitata).

68      Abbażi ta’ din il-ġurisprudenza, għandu l-ewwel nett jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, il-konklużjonijiet tas‑7 ta’ Mejju 2014, approvati mill-Awtorità tal-Ħatra fid-deċiżjoni kkontestata, jinkludu b’mod partikolari d-dikjarazzjonijiet li ġejjin:

–        “ma hemm l-ebda argument li jistabbilixxi r-rabta kawżali bejn l-inkapaċità għax-xogħol u l-fatturi ta’ stress professjonali, il-pazjent ripetutament ikkonferma li kien iħossu sejjer tajjeb ħafna;

–        […] għall-kuntrarju, il-pazjent għandu diffikultajiet mentali li ilhom jeżistu u minħabba fihom huwa beda diversi trattamenti, skont il-pazjent, b’suċċess.”

69      Madankollu, dawn l-affermazzjonijiet ma jispjegawx kif it-tieni Kumitat tal-Invalidità wasal għal din il-konklużjoni minkejja r-rapporti mediċi u amministrattivi tal-fajl li jsostnu konklużjoni kuntrarja.

70      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, meta l-amministrazzjoni tkun tat, fir-risposta tagħha għall-ilment, motivi spjegattivi sabiex tiġġustifika d-deċiżjoni tagħha, dwar il-każ individwali, tali motivi għandhom jikkoinċidu mad-deċiżjoni li tiċħad l-ilment u għandhom jitqiesu li huma elementi ta’ informazzjoni rilevanti sabiex tiġi evalwata l-legalità ta’ din id-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Diċembru 2009, Il-Kummissjoni vs Birkhoff, T‑377/08 P, EU:T:2009:485, punti 55 u 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

71      Fl-ewwel lok, fid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment, l-Awtorità tal-Ħatra ssostni li hija talbet lit-tabib M. sabiex “jikkonferma […] jekk l-impossibbiltà li R. McCoy iwettaq il-funzjonijiet tiegħu fuq il-post tax-xogħol, diġà rrikonoxxuta fit‑23 ta’ Mejju 2007 (l-Artikolu 78), kinitx marbuta, anki parzjalment, ma’ marda kkaġunata mix-xogħol (‘problemi ansjodipressivi li jaqgħu fil-kuntest ta’ kunflitt sinjifikattiv ta’ natura amministrattiva ekwivalenti għal fastidju psikoloġiku’) (ara s-sentenza tat‑18 ta’ Novembru 2014, McCoy vs Il-Kumitat tar-Reġjuni, F‑156/12, EU:F:2014:247, punt 64), li ġiet irrikonoxxuta fid‑9 ta’ Jannar 2009 (l-Artikolu 73) [u jekk din] il-konklużjoni [kinitx] motivata tajjeb fir-rapport mediku [sommarju] li [spjega] b’mod partikolari għaliex [it-tieni] Kumitat tal-Invalidità [kien] iddeċieda li jwarrab ir-rapporti preċedenti, li kienu favorevoli għal R. McCoy”.

72      It-tabib M., b’risposta għal din il-mistoqsija, jiddeskrivi l-mod li bih it-tieni Kumitat tal-Invalidità wasal għall-konklużjonijiet tiegħu u jenfasizza, essenzjalment, dan li ġej:

–        “l-eżistenza ta’ rekord mediku qabel ma beda jaħdem mal-Kumitat tar-Reġjuni tirriżulta b’mod ċar [mill-]fajl mediku [ta’ R. McCoy]”;

–        “żewġ dokumenti fil-fajl jinkludu opinjonijiet […] li jiddikjaraw li R. McCoy kien fi stat li jerġa jibda jaħdem matul il-perijodu kkonċernat”;

–        [it-tabib H. li huwa familjari mal-fajl,] “wettaq eżami psikjatriku ddettaljat ta’ R. McCoy fejn saqsieh mistoqsijiet sabiex jiddetermina l-istat li fih jinsab [dan tal-aħħar]”;

–        ġie deċiż b’mod unanimu li ma jirrikorrux għal perizja esterna u li tintalab informazzjoni medika minn tobba ġenerali li kienu ttrattaw lil R. McCoy bejn l‑1996 u s-sena 2000.

73      Fit-tieni lok, l-Awtorità tal-Ħatra talbet lit-tabib M. sabiex “jikkonferma li l-konklużjonijiet tat-tieni Kumitat tal-Invalidità li jgħidu li l-invalidità ta’ R. McCoy, skont l-Artikolu 78 tar-Regolamenti tal-Persunal, ma kinitx tirriżulta minn marda kkaġunata mix-xogħol iqisu sew id-dokumenti amministrattivi msemmija fis-sentenza tas‑7 ta’ Mejju 2013”. It-tabib M. b’hekk ippreċiża, essenzjalment, li “anki jekk ma [humiex] iċċitati b’mod espliċitu, id-dokumenti kollha kienu disponibbli għat-tieni Kumitat tal-Invalidità” u li dawn id-dokumenti kienu disponibbli u ġew eżaminati mit-tliet membri tat-tieni Kumitat tal-Invalidità.

74      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, l-Awtorità tal-Ħatra ssostni fid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment li hija “ssodisfatta li l-Kumitat tal-Invalidità kien ħa ħsieb li jispjega fir-rapport tiegħu ir-raġunijiet għaliex huwa qies, minn perspettiva medika, li ma kienx prevedibbli r-rikonoxximent tax-xogħol bħala l-kaġun, anki parzjali, tal-invalidità tal-persuna li qiegħda tressaq l-ilment skont il-ħames paragrafu tal-Artikolu 78 tar-Regolamenti tal-Persunal u li d-dokumenti mediċi u mhux mediċi kollha għad-disponibbiltà tiegħu kienu ttieħdu inkunsiderazzjoni għal dan l-għan, madankollu mingħajr ma kellu għarfien dwar dawn l-elementi ta’ motivazzjoni mediċi u għalhekk mingħajr ma kien f’pożizzjoni li jevalwa jekk dawn jissodisfawx ir-rekwiżiti stabbiliti mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza tas‑7 ta’ Mejju 2013”.

75      Madankollu, minkejja t-tweġibiet tat-tabib M., għandu jiġi kkonstatat, kif jirriżulta mill-fajl u kif ġie stabbilit fis-sentenza tas‑7 ta’ Mejju 2013, McCoy vs Il-Kumitat tar-Reġjuni (F‑86/11, EU:F:2013:56), li l-fajls mediċi u amministrattivi jsostnu, bil-kontenut tagħhom, il-konklużjoni kuntrarja, jiġifieri li l-marda li minnha tirriżulta l-invalidità tar-rikorrent hija kkaġunata mix-xogħol.

76      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li mill-ġurisprudenza jirriżulta li, meta kumitat tal-invalidità jkollu quddiemu kwistjonijiet ta’ natura medika kumplessi relatati mar-rabta kawżali bejn il-kundizzjoni li tbati minnha l-persuna kkonċernata u l-eżerċizzju tal-attività professjonali tagħha fi ħdan istituzzjoni, dan għandu, b’mod partikolari, jindika l-elementi tal-fajl li fuqhom qiegħed jibbaża ruħu u jippreċiża, f’każ ta’ diverġenza sinjifikattiva, ir-raġunijiet għaliex injora ċerti rapporti mediċi, preċedenti u rilevanti, li huma iktar favorevoli għall-persuna kkonċernata (ara s-sentenza tas‑7 ta’ Mejju 2013, McCoy vs Il-Kumitat tar-Reġjuni, F‑86/11, EU:F:2013:56, punt 85 u l-ġurisprudenza ċċitata).

77      Barra minn hekk, anki jekk kumitat tal-invalidità, skont l-Artikolu 78 tar-Regolamenti tal-Persunal, jista’ jasal għal konklużjonijiet differenti minn dawk adottati mill-Kumitat Mediku adit abbażi tal-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal, xorta jibqa’ l-fatt li dan għandu l-obbligu li jesponi r-raġunijiet li wassluh sabiex iwarrab l-evalwazzjonijiet li jinsabu fir-rapporti mediċi li kienu ppermettew ir-rikonoxximent li l-marda hija kkaġunata mix-xogħol skont l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal u jindika dawn ir-raġunijiet, b’mod ċar u komprensibbli (ara s-sentenza tas‑7 ta’ Mejju 2013, McCoy vs Il-Kumitat tar-Reġjuni, F‑86/11, EU:F:2013:56, punt 86 u l-ġurisprudenza ċċitata), kemm fil-konklużjonijiet tiegħu mibgħuta lill-Awtorità tal-Ħatra, kif ukoll fir-rapport mediku sommarju eventwalment redatt minnu.

78      Għandu jitfakkar li kien hemm mill-inqas għaxar rapporti mediċi li ġew eżaminati fil-kuntest tal-proċedura mibdija skont l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal u li kellu t-tieni Kumitat tal-Invalidità meta adotta l-konklużjonijiet tiegħu tas‑7 ta’ Mejju 2014 (jiġifieri r-rapporti tal-isptar tas‑16 ta’ Jannar 2006, ir-rapport tal-Professur D. M. tas‑16 ta’ Ottubru 2006, ir-rapport tat-tabib R. tas‑26 ta’ Ottubru 2006, ir-rapport tat-tabib tal-PMO tat‑8 ta’ Mejju 2008, ir-rapport tat-tabib R. tat‑18 ta’ Settembru 2008, il-konklużjonijiet tat-tabib tal-PMO tal‑20 ta’ Novembru 2008, ir-rapport tas-Sur D. tat‑12 ta’ Awwissu 2009, ir-rapport tal-Professur M. tas‑17 ta’ Ottubru 2009, ir-rapport tat-tabib Re. tat‑3 ta’ Novembru 2009 u l-konklużjonijiet tat-tabib tal-PMO tal‑11 ta’ Frar 2010). Ir-rapporti indikaw, pereżempju:

–        “l-okkorrenza ta’ sindromu ansjodipressiv […] marbut mal-imġiba professjonali kundanabbli ta’ ċerti uffiċjali tal-Kumitat tar-Reġjuni”;

–        “stat ansjodipressiv.”, li “[l-]aspett ansjodipressiv huwa iktar importanti mill-aspett dipressiv, reattiv, li għandu intensità ħafifa” u li “[d]an l-istat huwa reazzjoni għall-fastidju esperjenzat fuq ix-xogħol u ‘għall-burnout’ li rriżulta minnu”;

–        “sindromu ta’ eżawriment nervuż, imsejjaħ ‘burnout’, assoċjat ma’ esperjenza ta’ fastidju psikoloġiku fil-kuntest tal-attivitajiet professjonali tiegħu”;

–        “[p]roblemi ansjodipressivi li jaqgħu fil-kuntest ta’ kunflitt sinjifikattiv ta’ natura amministrattiva ekwivalenti għal fastidju psikoloġiku”;

–        “[li], billi kien iffaċċjat b’kunflitt sinjifikattiv ta’ natura amministrattiva, ekwivalenti għal fastidju psikoloġiku għal xi snin, wieħed jista’ jaċċetta li l-problemi ansjodipressivi reattivi, akkumpanjati minn diffikultajiet ta’ attenzjoni u minn diffikultajiet konjittivi, ikkawżaw dannu fuq l-integrità psikoloġika tiegħu.”

79      Għal dak li jirrigwarda l-konstatazzjonijiet li jinsabu fir-rapporti mediċi msemmija fil-punt 78 iktar ’il fuq, hemm lok li jiġi rrilevat li t-tieni Kumitat tal-Invalidità, fir-rapport mediku sommarju tiegħu, afferma, l-ewwel nett, li “‘l-invalidità permanenti li hija meqjusa bħala totali u li tpoġġih f’impossibbiltà li jwettaq ix-xogħol li jikkorrispondi ma’ impjieg fil-grad tiegħu’, kif speċifikat fl-Artikolu 78, ma rriżultatx ‘minn marda kkaġunata mix-xogħol’”. It-tieni Kumitat tal-Invalidità jindika li wasal għal din il-konklużjoni billi ħa inkunsiderazzjoni l-fajls mediċi u amministrattivi kif ukoll il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin:

–        ir-rikorrent, li kien ġie sottomess għal “eżami mediku ddettaljat” permezz tat-tieni Kumitat tal-Invalidità, ma juri l-ebda sintomu ta’ stress posttrawmatiku;

–        ċerti rapporti tal-fajl mediku rrakkomandaw li r-rikorrent jerġa’ jibda jaħdem gradwalment;

–        huma dawn id-diffikultajiet mentali tal-pazjent li ilhom jeżistu, li huma preċedenti għas-snin 2000 u għall-ġrajjiet li huma s-suġġett tar-rapport tal-OLAF, li ostakolaw il-possibbiltà li huwa jerġa’ jibda jaħdem, li kieku kien ikun possibbli.

80      Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-“eżami mediku ddettaljat”, hemm lok li jiġi kkonstatat li minn dan ma jirriżultax, mill-fajl ippreżentat lill-Qorti Ġenerali, fiex dan kien eżattament jikkonsisti. It-tabib M. isemmih vagament fin-nota tat‑8 ta’ Mejju 2015, fejn jindika li t-tabib H. kien ħejja xi mistoqsijiet abbażi tal-fajl mediku tar-rikorrent għal-laqgħa tas‑7 ta’ Mejju 2014. Madankollu, mir-rapport tat-tabib G. jirriżulta li t-tieni Kumitat tal-Invalidità kien ra lir-rikorrent għal 15‑il minuta biss. Minn dan isegwi li ma jistax jiġi dedott sempliċement mill-użu tal-espressjoni “eżami mediku ddettaljat” li dan kien jippermetti lit-tieni Kumitat tal-Invalidità li jilħaq il-konklużjoni opposta għal dik tar-rapporti mediċi preċedenti li, barra minn hekk, kienu bbażati fuq eżamijiet u testijiet psikoloġiċi iktar estensivi. Barra minn hekk, it-tieni Kumitat tal-Invalidità ma esponiex ir-raġunijiet li jispjegaw kif “eżami mediku ddettaljat” tar-rikorrent fl‑2014 kien jippermetti li jiġi evalwat l-istat ta’ saħħa tiegħu fil-mument li kien sar invalidu, seba’ snin qabel.

81      It-tieni nett, f’dak li jirrigwarda l-konstatazzjoni li tgħid li r-rikorrent kien kapaċi jerġa’ jibda jaħdem, it-tieni Kumitat tal-Invalidità jiċċita żewġ estratti minn żewġ rapporti differenti. L-ewwel estratt, li jgħid li “Robert McCoy huwa kapaċi li jirritorna x-xogħol bil-kundizzjoni li jingħata post xieraq”, jinsab f’rapport tat-tabib V. A. tat‑13 ta’ Novembru 2006. It-tieni estratt, li jgħid li “huwa essenzjali ritorn għal xogħol produttiv malajr kemm jista’ jkun”, jidher f’rapport tal-Professur L. tas‑16 ta’ Novembru 2006. Madankollu, jidher li dawn l-estratti ma għandhomx rilevanza. Fl-ewwel lok, iż-żewġ rapporti li fihom jinsabu dawn l-estratti jikkonkludu li l-marda tar-rikorrent hija kkaġunata mix-xogħol. It-tieni nett, il-kwotazzjonijiet qegħdin jiġu użati barra mill-kuntest. Fil-fatt, jekk il-Professur L. qies, f’Novembru 2006, li r-ritorn għax-xogħol kien “essenzjali”, dan kien f’kuntest partikolari, jiġifieri “[b]iex ikollu fiduċja fih innifsu u għat-titjib kontinwu tal-istat ta’ R. McCoy”, u dan ma jeskludix li l-marda tar-rikorrent kienet ikkaġunata mix-xogħol. Effettivament, f’dan l-istess rapport huwa indika li “l-oriġini tal-marda hija deskritta fl-ittra tat-tabib A. u ġiet ikkawżata minn ġrajjiet li jikkonċernaw ir-rwol ta’ kontrollur finanzjarju mal-Kumitat tar-Reġjuni”. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li minn ittra miktuba mill-istess tabib bid-data tas‑16 ta’ Jannar 2006 jirriżulta li “[h]uwa mistenni li s-sintomi ta’ stress posttrawmatiku, ta’ ansjetà u ta’ dipressjoni se jiggravaw jekk, fil-futur qrib, R. McCoy ikollu jirritorna fl-ambjent tax-xogħol li kkawża l-kundizzjoni medika attwali tiegħu”. Bl-istess mod, fir-rigward tal-kwotazzjoni tat-tabib V. A., din tidħol f’kuntest ta’ trattament, sa fejn it-tabib V. A. ma ssuġġeriex li r-rikorrent jieħu l-pożizzjoni li kellu qabel, iżda li dan jista’ jerġa’ jibda jaħdem bil-kundizzjoni li dan ix-xogħol ikun xieraq.

82      Fit-tielet lok, hemm lok li jiġi kkonstatat li ż-żewġ estratti inkwistjoni huma ta’ Novembru 2006, filwaqt li t-tabib V. A. kien qiegħed lir-rikorrent fuq leave tal-mard, wara sitt ġimgħat biss minn meta dan tal-aħħar kien reġa’ beda jaħdem, fi Frar 2007. Għalhekk, il-fatti juru li, anki jekk dawn iż-żewġ tobba kienu jaħsbu li r-rikorrent seta’ jerġa’ jibda jaħdem f’Novembru 2006, mill-inqas wieħed minnhom biddel l-opinjoni fi Frar 2007. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-ewwel Kumitat tal-Invalidità, fil-konklużjonijiet tat‑23 ta’ Mejju 2007 dwar l-eżistenza ta’ invalidità, kien iddikjara li r-rikorrent kien milqut b’invalidità permanenti meqjusa bħala totali li tpoġġih f’impossibbiltà li jwettaq il-funzjonijiet tiegħu.

83      It-tielet nett, fir-rigward tad-diffikultajiet mentali tar-rikorrent li ilhom jeżistu, għandu jiġi kkonstatat li tali kunsiderazzjoni nħarġet mingħajr ma kienet segwita minn analiżi jew konklużjoni u li, fi kwalunkwe każ, din ma hijiex biżżejjed sabiex tispjega għalfejn id-diversi analiżi mediċi u l-elementi li jinsabu fir-rapporti mediċi u amministrattivi ma setgħux isostnu, kompletament jew parzjalment, li l-invalidità tar-rikorrent hija kkaġunata mix-xogħol. Fir-rapport mediku sommarju hemm referenza għall-konsum eċċessiv, għal żmien twil, ta’ sustanzi psikoattivi u ta’ alkoħol, kif ukoll għal diversi fatturi li ma humiex relatati max-xogħol, b’mod partikolari għal tensjonijiet qawwijin tal-familja b’passat ta’ dipressjoni u għal problemi tal-personalità. Madankollu, dawn il-fatti ġraw qabel il-pressjonijiet u l-fastidju mġarrba mir-rikorrent fil-kuntest tal-funzjonijiet tiegħu u ma żammewx lit-tobba, l-awturi tar-rapporti tal-fajl mediku, milli jaslu għall-konklużjoni li l-istat ansjodipressiv u l-“burnout” tar-rikorrenti kienu kkaġunati mis-sitwazzjoni professjonali tiegħu.

84      Barra minn hekk, li kieku din il-konstatazzjoni ta’ dawn id-diffikultajiet kellha tinftiehem fis-sens li r-rikorrent kien diġà kellu invalidità qabel ma beda l-funzjonijiet tiegħu bħala awditur intern, din il-konstatazzjoni waħedha ma hijiex biżżejjed sabiex ma tittiħidx inkunsiderazzjoni, waqt l-eżami tal-oriġini tal-invalidità tiegħu, l-oriġini professjonali tal-marda, skont l-Artikolu 78 tar-Regolamenti tal-Persunal, peress li l-marda kkaġunata mix-xogħol setgħet tikkonsisti f’aggravazzjoni ta’ marda preeżistenti li kienet ikkaġunata minn xi ħaġa oħra.

85      Ċertament, it-tieni Kumitat tal-Invalidità jikkwota estratti mill-fajl, iżda ma jispjegax ir-raġunijiet għaliex injora ċerti rapporti mediċi, preċedenti u rilevanti, li huma iktar favorevoli għall-persuna kkonċernata, b’mod ċar u li jinftiehem (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 76 u 77 iktar ’il fuq). It-tieni Kumitat tal-Invalidità sempliċement isemmi fir-rapport mediku sommarju li, għalih, “‘il-problemi ansjodipressivi li jaqgħu fil-kuntest ta’ kunflitt sinjifikattiv ta’ natura amministrattiva ekwivalenti għal fastidju psikoloġiku’ imsemmija […] fir-rapport tat-tabib J. tal‑11 [ta’ Frar] 2010 li għalihom ‘rata ta’ invalidità permanenti ta’ 10 %’ ġiet irrikonoxxuta peress li, ‘skont ir-regoli, għad hemm problemi ansjodipressivi reattivi, akkumpanjati minn diffikultajiet emozzjonali u minn diffikultajiet konjittivi’ li ma setgħux jikkontribwixxu għall-invalidità permanenti tal-pazjent li hija meqjusa bħala totali”, u dan mingħajr ma jipprovdi iktar spjegazzjonijiet.

86      Bl-istess mod, it-tieni Kumitat tal-Invalidità jindika li “huwa konxju li r-rapport iċċitat iktar ’il fuq tat-tabib J. jindika li ‘R. McCoy ma għadux f’pożizzjoni li jeżerċita kwalunkwe attività professjonali [iżda li, g]ħall-kuntrarju, wieħed għandu jippermetti li l-persuna kkonċernata tista’ tibqa’ perfettament kapaċi li taħdem, minkejja l-età tagħha, u tkompli teżerċita attivitajiet professjonali fil-kuntest tal-ħajja privata tagħha’”. Madankollu, huwa indika biss li “ma [qabilx] ma’ din il-konstatazzjoni abbażi tal-eżami mediku ddettaljat imwettaq minnu”, mingħajr ma jiżviluppa kif dan l-eżami ddettaljat wassal għall-konklużjoni opposta.

87      Huwa minnu li, anki jekk il-Kumitat tal-Invalidità huwa marbut b’obbligu ta’ motivazzjoni msaħħaħ sabiex iwarrab ir-rapporti mediċi preċedenti, ma jistax jiġi impost l-iżvilupp ta’ motivazzjoni ddettaljata u unika għal kull rapport. Għalhekk, huwa obbligat li jiżviluppa, b’mod ċar u li jinftiehem, ir-raġunijiet għaliex ma segwiex tali opinjonijiet. Madankollu, f’dan il-każ, huwa biss b’termini vagi u impreċiżi li t-tieni Kumitat tal-Invalidità pprova jispjega għalfejn ma segwiex ir-rapporti mediċi preċedenti. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li ma huwiex biżżejjed li jiġi indikat biss, kif għamel t-tabib M. fin-nota tat‑8 ta’ Mejju 2015, li “anki jekk ma [humiex] iċċitati b’mod espliċitu, id-dokumenti kollha kienu disponibbli għat-tieni Kumitat tal-Invalidità”. Dan ma jistax jitqies bħala spjegazzjoni b’mod ċar u li jinftiehem għaliex it-tieni Kumitat tal-Invalidità warrab ir-rapporti mediċi u amministrattivi li huma favorevoli għar-rikorrent. Barra minn hekk, it-tieni Kumitat tal-Invalidità sempliċement ikkummenta bl-użu ta’ żewġ sentenzi biss fil-fajl mediku filwaqt li dan tal-aħħar jinkludi mill-inqas għaxar rapporti mediċi.

88      Finalment, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, minn naħa, it-tieni Kumitat tal-Invalidità ma tax spjegazzjonijiet b’mod suffiċjenti skont il-liġi, dwar ir-raġunijiet li wassluh sabiex iwarrab ir-rapporti mediċi preċedenti li kienu juru biċ-ċar li l-marda tar-rikorrent kienet ikkaġunata minn xogħlu u, min-naħa l-oħra, huwa ma spjegax b’mod suffiċjenti għal liema raġunijiet il-kawża tal-invalidità tar-rikorrent ma setgħetx tkun ix-xogħol. F’dan ir-rigward, it-tieni Kumitat tal-Invalidità, b’mod partikolari, ma tax spjegazzjoni suffiċjenti għall-fatt li ma kienx eżamina l-impatt eventwali tal-fatti li jirriżultaw mill-fajl amministrattiv dwar l-istat ta’ saħħa tar-rikorrent, filwaqt li l-fajl, madankollu, ċarament isemmi kunflitt professjonali gravi u “fastidju” fil-konfront tar-rikorrent. Madankollu, din l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni taffettwa l-konklużjonijiet mibgħuta lill-Awtorità tal-Ħatra kif ukoll id-deċiżjoni kkontestata, b’mod li hemm lok li dan il-motiv jintlaqa’ bħala fondat.

89      Għandu jitfakkar, kif ġie indikat fil-punt 58 iktar ’il fuq, li l-Qorti Ġenerali tqis bħala opportun li tittratta l-argumenti bbażati fuq allegat ksur tal-kunċett ta’ marda kkaġunata mix-xogħol fil-kuntest tat-tielet motiv, li huwa nnifsu huwa bbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u fuq il-ksur tal-kunċett ta’ marda kkaġunata mix-xogħol

90      Ir-rikorrent isostni li t-tieni Kumitat tal-Invalidità kien imħasseb biss dwar l-istat ta’ saħħa attwali tiegħu mingħajr ma fittex l-oriġini tal-marda tiegħu. Dan jirriżulta, b’mod partikolari, mill-mistoqsijiet magħmula matul il-laqgħa tas‑7 ta’ Mejju 2014 mit-tobba M. u H. Minn dan isegwi li l-konklużjoni li ma jeżistu l-ebda argumenti li jistabbilixxu r-relazzjoni kawżali bejn l-inkapaċità għax-xogħol u l-fattur ta’ stress professjonali hija bbażata fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni. Insostenn tal-argumenti tiegħu, ir-rikorrent jikkwota estratti minn diversi rapporti mediċi li jikkonstataw li l-oriġini tal-inkapaċità għax-xogħol tiegħu huwa dovut għall-pressjoni li huwa kien ġarrab fuq il-post tax-xogħol.

91      Barra minn hekk, ir-rikorrent iqis li, jekk it-tieni Kumitat tal-Invalidità kkunsidra li l-invalidità tiegħu kienet ir-riżultat ta’ konsum eċċessiv ta’ alkoħol, dan kellu jkollu provi mediċi probatorji f’dan is-sens. Issa, ir-rikorrent jenfasizza li ma hemm xejn dwar dan il-punt fil-fajl. B’mod partikolari, ma kien hemm l-ebda prova fil-fajl li setgħet turi xi konsum – u wisq inqas konsum eċċessiv – ta’ alkoħol. Skont ir-rikorrent, kien ikun biżżejjed li kieku t-tieni Kumitat tal-Invalidità talab ir-riżultati tal-analiżi tad-demm li saru qabel is-sena 2000, li, barra minn hekk, kienu jipprovaw li huwa ma kienx jikkonsma l-alkoħol.

92      Għalhekk, peress li, b’maġġoranza, it-tieni Kumitat tal-Invalidità jattribwixxi l-oriġini tal-invalidità għal fatturi mhux relatati max-xogħol, il-kwistjoni dwar jekk l-eżistenza ta’ dawn il-fatturi mhux relatati max-xogħol tistax tiġi kkwalifikata bħala kawża, barra minn hekk unika, tal-invalidità ma hijiex evalwazzjoni medika, kuntrarjament għal dak li l-Awtorità tal-Ħatra sostniet fid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment.

93      Ir-rikorrent isostni wkoll li, billi eżamina biss l-istat ta’ saħħa attwali tiegħu kif ukoll l-istat ta’ saħħa tiegħu preċedentement għall-ġrajjiet li huma s-suġġett tar-rapport tal-OLAF, it-tieni Kumitat tal-Invalidità kiser il-kunċett ta’ marda kkaġunata mix-xogħol, b’nuqqas ta’ deċiżjoni dwar id-degradazzjoni tal-istat ta’ saħħa tiegħu li kienet toriġina mix-xogħol tiegħu.

94      Il-Kumitat tar-Reġjuni jikkontesta l-argumenti tar-rikorrent. Fil-fehma tiegħu, l-Awtorità tal-Ħatra effettivament eżerċitat l-istħarriġ tagħha billi vverifikat u evalwat jekk it-tieni Kumitat tal-Invalidità kienx żgur li kellu l-informazzjoni kollha meħtieġa għat-twettiq tal-missjoni tiegħu u kienx informat b’mod xieraq dwar ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-eżekuzzjoni tas-sentenza tas‑7 ta’ Mejju 2013, McCoy vs Il-Kumitat tar-Reġjuni (F‑86/11, EU:F:2013:56).

95      Barra minn hekk, ir-rikorrent jafferma b’mod żbaljat li t-tieni Kumitat tal-Invalidità bbaża ruħu biss fuq l-istat ta’ saħħa attwali tiegħu. Fil-fatt, kien wara l-eżami tal-fajl mediku u amministrattiv tar-rikorrent u b’referiment għar-rekord mediku u psikiku tiegħu, kif ukoll għas-sitwazzjoni medika attwali tiegħu u għall-ispjegazzjonijiet tar-rikorrent, li ġie kkonstatat li l-invalidità tiegħu ma kinitx ikkaġunata mix-xogħol.

96      Fl-aħħar nett, il-Kumitat tar-Reġjuni jenfasizza li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-istat attwali tar-rikorrent sabiex jiġi evalwat l-oriġini tal-invalidità tiegħu li huwa potenzjalment ikkaġunat mix-xogħol jikkostitwixxi evalwazzjoni medika fiha nfisha li ma taqax għalhekk taħt l-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali. L-istess japplika f’dak li jikkonċerna l-fatturi tal-invalidità mhux relatati max-xogħol.

97      Għandu jitfakkar li, fir-rigward tal-istħarriġ ġudizzjarju limitat li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kellu jeżerċita meta jkun hemm evalwazzjonijiet mediċi fihom infushom, ma għandhiex tiġi aċċettata kritika bbażata fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni li jivvizzja l-parir tal-Kumitat tal-Invalidità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Mejju 2013, McCoy vs Il-Kumitat tar-Reġjuni, F‑86/11, EU:F:2013:56, punt 103 u l-ġurisprudenza ċċitata).

98      Madankollu, bħal fil-każ tal-istħarriġ ta’ oqsma li jagħtu lok għal evalwazzjonijiet kumplessi, b’mod partikolari f’każijiet fejn bosta elementi, bħal rapporti ta’ esperti, pariri jew konsultazzjonijiet, ikunu disponibbli, il-qorti tal-Unjoni, adita bl-istħarriġ ta’ deċiżjoni mogħtija minn Kumitat tal-Invalidità jew ta’ deċiżjoni mogħtija minn Awtorità tal-Ħatra u bbażata fuq tali deċiżjoni, għandha b’mod partikolari tivverifika mhux biss l-eżattezza materjali tal-provi invokati, il-kredibbiltà tagħhom u l-koerenza tagħhom, iżda għandha wkoll tistħarreġ jekk dawn il-provi jikkostitwixxux id-data kollha rilevanti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk humiex ta’ natura li jsostnu l-konklużjonijiet misluta minnhom (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2011, Chalkor vs Il‑Kummissjoni, C‑386/10 P, EU:C:2011:815, punt 54).

99      B’mod partikolari, hija l-qorti tal-Unjoni li għandha tagħmel l-istħarriġ tal-legalità li taqa’ fuqha billi teżamina l-provi prodotti mir-rikorrent insostenn tal-motivi invokati, mingħajr mal-istħarriġ tagħha jiġi llimitat minħabba l-marġni ta’ diskrezzjoni li għandu l-Kumitat tal-Invalidità jew l-Awtorità tal-Ħatra fir-rigward tal-għażla tal-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni jew li għandhom jiġu esklużi meta din tkun qiegħda tibbaża d-deċiżjoni tagħha. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-istħarriġ ġudizzjarju limitat, f’dak li jirrigwarda l-evalwazzjonijiet mediċi nfushom, ma jistax jipprekludi lill-qorti tal-Unjoni milli tivverifika jekk il-Kumitat tal-Invalidità ħaditx inkunsiderazzjoni l-elementi kollha li jidhru manifestament rilevanti fir-rigward tal-missjoni fdata lilha.

100    F’dan il-każ, mir-rapport mediku sommarju, kif fakkar il-Kumitat tar-Reġjuni, jirriżulta li l-Kumitat tal-Invalidità eżamina l-fajl mediku u amministrattiv tar-rikorrent u għamel riferiment għar-rekord mhux relatat max-xogħol u dak psikiku tiegħu, kif ukoll għas-sitwazzjoni medika attwali tiegħu u għall-ispjegazzjonijiet tar-rikorrent, sabiex tinkiseb il-konstatazzjoni li l-invalidità tiegħu ma kinitx ikkaġunata mix-xogħol. Dan jikkonferma l-fatt li t-tieni Kumitat tal-Invalidità, kif isostni r-rikorrent, ibbaża ruħu biss fuq ir-rekord mhux relatat max-xogħol u dak psikiku tiegħu, u fuq l-istat ta’ saħħa tiegħu fl‑2014. F’dan ir-rigward, huwa importanti li jiġi nnotat li t-tieni Kumitat tal-Invalidità jirreferi espliċitament għar-rekord psikiku u għal fatturi oħra mhux relatati max-xogħol, bħall-konsum eċċessiv ta’ sustanzi psikoattivi u ta’ alkoħol, li jirriżultaw mill-fajl mediku, filwaqt li s-sitwazzjoni professjonali diffiċli tar-rikorrent ukoll tinsab fil-fajl mediku u amministrattiv, iżda tissemma biss b’mod vag ħafna sabiex tiġi mwarrba mingħajr spjegazzjoni (ara l-punti 79 sa 81 iktar ’il fuq). Fil-fatt, kieku t-tieni Kumitat tal-Invalidità kien eżamina r-rabta potenzjali bejn is-sitwazzjoni professjonali u s-saħħa tar-rikorrent, din kienet tiġi żviluppata, fir-rapport mediku sommarju, tal-inqas b’mod estensiv daqs il-passat psikoloġiku u l-istat ta’ saħħa tiegħu fl‑2014. Issa, f’dan il-każ, dan sempliċement irrefera għall-fatt li t-tieni Kumitat tal-Invalidità ħa inkunsiderazzjoni l-fajl mediku u amministrattiv mingħajr preċiżazzjonijiet oħra.

101    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li mill-fajl ippreżentat lill-Qorti Ġenerali jirriżulta li, anki jekk ir-rikorrent kellu problemi ta’ saħħa fil-passat, huwa ma kienx ibati minn dawn il-problemi meta beda jaħdem mal-Kumitat tar-Reġjuni. Madankollu, fil-perijodu meta kien jaħdem mal-Kumitat tar-Reġjuni, huwa sofra, fil-kuntest tax-xogħol tiegħu, fastidju psikoloġiku u pressjonijiet, u f’dan il-perijodu, u ftit wara, huwa kellu problemi tas-saħħa. Madankollu, it-tieni Kumitat tal-Invalidità jidher li naqas milli jeżamina dawn il-fatti, li madankollu huma importanti ħafna f’dan il-każ.

102    Għalhekk, sa fejn l-għan tal-ħidma tat-tieni Kumitat tal-Invalidità kien li jistabbilixxi jew li jeskludi l-eżistenza ta’ rabta bejn is-sitwazzjoni professjonali u l-invalidità tar-rikorrent, hemm lok li jiġi deċiż li l-kumitat ma setax, mingħajr ma jikser il-kunċett ta’ marda kkaġunata mix-xogħol u b’hekk jivvizzja r-rapport mediku sommarju bi żball manifest ta’ evalwazzjoni, jindika li bbaża ruħu biss fuq ir-rekord mhux relatat max-xogħol u dak psikiku tiegħu, kif ukoll fuq l-istat ta’ saħħa tiegħu fl‑2014. Dan jgħodd b’mod partikolari fejn ġie stabbilit fil-fajl amministrattiv li r-rikorrent kien vittma ta’ fastidji u ta’ pressjonijiet fil-kuntest tax-xogħol tiegħu. Huwa xieraq li jitfakkar f’dan ir-rigward li, fis-sitwazzjonijiet kumplessi li fihom il-marda tal-uffiċjal hija kkaġunata minn numru ta’ kawżi, relatati ma’ xogħol u mhux relatati ma’ xogħol, fiżiċi jew psikoloġiċi, li kull waħda minnhom ikkontribwixxiet sabiex titfaċċa l-marda, huwa l-Kumitat Mediku li għandu jistabbilixxi jekk l-eżerċizzju tal-funzjonijiet għas-servizz tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandux relazzjoni diretta mal-marda tal-uffiċjal, pereżempju, bħala element li wassal għal din il-marda. F’tali każijiet, ma huwiex meħtieġ, sabiex il-marda tiġi rrikonoxxuta li hija kkaġunata mix-xogħol, li l-kawża unika, essenzjali, preponderanti jew predominanti tagħha tkun tinsab fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet (sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2010, AE vs Il‑Kummissjoni, F‑79/09, EU:F:2010:99, punt 83).

103    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, hemm lok li jiġi deċiż li t-tielet motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u fuq ksur tal-kunċett ta’ marda kkaġunata mix-xogħol, għandu jintlaqa’ bħala fondat.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-mandat tat-tieni Kumitat tal-Invalidità

104    Ir-rikorrent isostni, essenzjalment, li, billi eżamina l-istat ta’ saħħa tiegħu fl‑2014, it-tieni Kumitat tal-Invalidità kiser it-tieni mandat tiegħu, li kien li jevalwa jekk, fil-mument tal-invalidità tiegħu fl‑2007, huwa kienx qiegħed isofri minn marda kkaġunata mix-xogħol.

105    Il-Kumitat tar-Reġjuni jqis li t-tieni Kumitat tal-Invalidità kien wettaq il-mandat tiegħu. Fil-fehma tiegħu, dan tal-aħħar ibbaża l-konklużjonijiet mediċi fuq il-ħidma tiegħu, u l-fatt li huwa bbaża ruħu, b’mod partikolari, fuq “eżami mediku ddettaljat” tar-rikorrent fis‑7 ta’ Mejju 2014 u fuq ir-rekord mediku tiegħu ma jikkostitwixxix ksur tal-mandat tiegħu. Skont il-Kumitat tar-Reġjuni, wieħed jista’, fuq dan il-punt, jiċħad l-argument tar-rikorrent li t-tieni Kumitat tal-Invalidità “kellu jiddeċiedi b’mod retroattiv fl‑2007” biss għaliex dan iwassal sabiex jiġi miċħud id-dritt, ta’ dan il-kumitat, li fl‑2014 iwettaq xi “eżami mediku ddettaljat” u li jwettaq evalwazzjoni medika tal-fajl kollu.

106    Għandu jitfakkar li huwa t-tieni Kumitat tal-Invalidità, fil-kuntest tal-mandat tiegħu, li għandu jwettaq evalwazzjonijiet mediċi dwar jekk l-invalidità tar-rikorrent hijiex ikkaġunata mix-xogħol. Għaldaqstant, huwa dan il-Kumitat tal-Invalidità li għandu jfittex jekk, mill-perspettiva medika, l-invalidità tar-rikorrent kinitx tirriżulta jew le minn marda kkaġunata mix-xogħol li l-kawża tagħha kienet tinsab fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tiegħu meta dan kien jaħdem mal-Kumitat tar-Reġjuni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 1987, Rienzi vs Il‑Kummissjoni, 76/84, EU:C:1987:17, punti 9 u 12).

107    Peress li r-raba’ motiv jista’ jinftiehem li huwa bbażat fuq il-fatt li l-Kumitat tal-Invalidità ma kienx osserva t-termini tal-mandat tiegħu fir-rigward tal-eżami tal-kawża tal-invalidità tar-rikorrent, għandu jitfakkar li huwa l-kumitat, fil-kuntest tal-mandat tiegħu, li għandu jagħmel evalwazzjonijiet mediċi u mhux evalwazzjonijiet ta’ natura legali, dwar il-kwistjoni jekk ix-xogħol kienx il-kawża tal-invalidità. Għaldaqstant, huwa dan li għandu jfittex jekk, mil-lat mediku, l-invalidità tar-rikorrent kinitx tirriżulta jew le minn marda kkaġunata mix-xogħol li l-kawża tagħha kienet tinsab fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 1987, Rienzi vs Il‑Kummissjoni, 76/84, EU:C:1987:17, punti 9 u 12).

108    B’din il-perspettiva, għandu jiġi kkonstatat li l-Kumitat tal-Invalidità kien, fis-sens strett tal-kelma, wettaq il-missjoni fdata lilu, għaliex, fil-konklużjonijiet tas‑7 ta’ Mejju 2014, huwa afferma li, mil-lat mediku, l-invalidità tar-rikorrent “ma kinitx tirriżulta minn marda kkaġunata mix-xogħol”.

109    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-raba’ motiv huwa infondat u għandu jiġi miċħud.

 Fuq is-seba’ motiv, ibbażat fuq ksur ta’ terminu raġonevoli

110    Ir-rikorrent iqis li, minħabba t-tul tiegħu, il-perijodu ta’ 19‑il xahar li għadda bejn l-għoti tas-sentenza tas‑7 ta’ Mejju 2013, McCoy vs Il‑Kumitat tar-Reġjuni (F‑86/11, EU:F:2013:56), u t-tmiem tal-ħidma tat-tieni Kumitat tal-Invalidità, fl‑10 ta’ Novembru 2014, jippermetti li jiġi kkonstatat ksur ta’ terminu raġonevoli. Ir-rikorrent jikkritika lill-Kumitat tar-Reġjuni li kien ikkostitwixxa t-tieni Kumitat tal-Invalidità biss mill‑14 ta’ Frar 2014. Imbagħad, huwa jsostni li dan il-kumitat ma ltaqax qabel il‑15 ta’ April u s‑7 ta’ Mejju 2014. Bl-istess mod, ir-rikorrent jallega li t-tabib H. stenna sal‑10 ta’ Novembru 2014 sabiex jibgħat lir-rappreżentant tiegħu, it-tabib G., il-minuti ffirmati. Huwa jsostni wkoll li, filwaqt li d-deċiżjoni kkontestata kienet ġiet adottata fit‑2 ta’ Diċembru 2014, din ġiet ikkomunikata lilu biss permezz ta’ ittra tat‑22 ta’ Diċembru 2014, impostata fil‑5 ta’ Jannar 2015.

111    Għar-rikorrent, l-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-Awtorità tal-Ħatra fid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment, liema deċiżjoni tgħid li wieħed minn dawn id-dokumenti kien ġie mmodifikat, ma jiġġustifikawx id-dewmien sabiex jibagħtu l-minuti.

112    Il-Kumitat tar-Reġjuni jikkontesta l-argumenti tar-rikorrent.

113    Għandu jiġi mfakkar li l-obbligu li jiġi osservat terminu raġonevoli fit-tmexxija tal-proċeduri amministrattivi jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li l-osservanza tiegħu hija żgurata mill-qorti u li huwa kkunsidrat bħala komponent tad-dritt għal amministrazzjoni tajba mill-Artikolu 41(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (ara s-sentenza tas‑7 ta’ Mejju 2013, McCoy vs Il-Kumitat tar-Reġjuni, F‑86/11, EU:F:2013:56, punt 135 u l-ġurisprudenza ċċitata).

114    Madankollu, il-ksur tal-prinċipju ta’ osservanza ta’ terminu raġonevoli, jekk jitqies li huwa stabbilit, ma jiġġustifikax l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata għall-irregolarità tal-proċedura. Fil-fatt, dewmien eventwali eċċessiv sabiex tiġi ttrattata t-talba ppreżentata mir-rikorrent, sabiex jiġi rrikonoxxut li l-marda hija kkaġunata mix-xogħol fis-sens tal-Artikolu 78 tar-Regolamenti tal-Persunal, ma għandux, bħala prinċipju, ikollu effett fuq il-kontenut stess tal-opinjoni tal-Kumitat tal-Invalidità, u lanqas fuq dak tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, tali dewmien ma jistax, ħlief f’sitwazzjoni eċċezzjonali, ibiddel l-evalwazzjoni tal-Kumitat tal-Invalidità dwar jekk invalidità hijiex ikkaġunata mix-xogħol fis-sens tal-Artikolu 78 tar-Regolamenti tal-Persunal (sentenza tal‑21 ta’ Ottubru 2009, V vs Il‑Kummissjoni, F‑33/08, EU:F:2009:141, punt 210; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ April 2006, Angeletti vs Il‑Kummissjoni, T‑394/03, EU:T:2006:111, punt 163). Jekk huwa veru li t-tul ta’ proċedura medika jista’ jkollu effett fuq l-evalwazzjoni tal-gravità u tal-konsegwenzi ta’ patoloġija u li jagħmel l-eżami tal-etjoloġija tagħha iktar diffiċli (sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2010, AE vs Il‑Kummissjoni, F‑79/09, EU:F:2010:99, punt 102), f’dan il-każ ma huwiex stabbilit u lanqas allegat li t-tul eċċessiv tal-proċedura affettwa l-mertu fir-rigward ta’ liema t-tieni Kumitat tal-Invalidità ta l-konklużjonijiet tiegħu. L-eżistenza ta’ tul eċċessiv, jekk jitqies li huwa minnu, ma tistax taffettwa l-legalità tal-konklużjonijiet tal-kumitat, u lanqas, konsegwentement, dik tad-deċiżjoni kkontestata.

115    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li huwa żbaljat li r-rikorrent jattribwixxi, lill-Kumitat tar-Reġjuni, l-eżistenza ta’ terminu ta’ 19‑il xahar u r-responsabbiltà għal ksur ta’ terminu raġonevoli li jirriżulta minn dan it-terminu. Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li jsostni r-rikorrent, kien fuq it-talba tiegħu li l-Kumitat tar-Reġjuni talab lill-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea sabiex jaħtar tielet tabib. Madankollu, il-Kumitat tar-Reġjuni ġie informat dwar il-ħatra tat-tabib H. biss fix-xahar ta’ Frar 2014. Barra minn hekk, mill-iskambju ta’ messaġġi elettroniċi bejn it-tabib M. u t-tabib G. jirriżulta li fid‑19 ta’ Settembru 2013 dan tal-aħħar esprima l-preferenza tiegħu għat-tabib L., propost mit-tabib M. Kien biss fit‑8 ta’ Novembru 2013 li r-rikorrent informa lill-Kumitat tar-Reġjuni li la huwa nnifsu u lanqas it-tabib G. ma kienu esprimew il-qbil tagħhom dwar il-ħatra tat-tabib L. Għalhekk, hemm lok li jiġi kkonstatat li r-rikorrent innifsu kkontribwixxa għad-dewmien ikkawżat mill-fatt li tabib kellu jinħatar mill-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

116    Konsegwentement, is-seba’ motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ osservanza ta’ terminu raġonevoli għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq it-tmien motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ kolleġjalità

117    Ir-rikorrent isostni li l-fatt li l-Awtorità tal-Ħatra għamlet mistoqsijiet biss lit-tabib M., li kien tkellem biss mat-tabib H., mingħajr ma żammet lit-tabib G. informat, kien ksur tal-prinċipju ta’ kolleġjalità.

118    Il-Kumitat tar-Reġjuni jqis, billi jirreferi għal-laqgħat tat-tieni Kumitat tal-Invalidità tal‑15 ta’ April u tas‑7 ta’ Mejju 2014 kif ukoll għall-iskambji bil-miktub sussegwenti, li kull membru tat-tieni Kumitat tal-Invalidità kellu l-possibbiltà li jagħti l-opinjoni tiegħu b’mod effettiv u li, għalhekk, dan il-prinċipju ma ġiex miksur. Il-Kumitat tar-Reġjuni jfakkar ukoll li l-fatti f’dan il-każ huma simili ħafna għall-fatti tal-kawża li tat lok għas-sentenza tas‑7 ta’ Mejju 2013, McCoy vs Il-Kumitat tar-Reġjuni (F‑86/11, EU:F:2013:56), fejn ġie deċiż li l-prinċipju ta’ kolleġġjalità ma kienx ġie miksur.

119    Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-Kumitat tal-Invalidità għandu jwettaq il-ħidma tiegħu b’mod kulleġġjali u kull wieħed mill-membri tiegħu għandu jingħata l-opportunità li jesprimi l-opinjoni tiegħu liberament (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Novembru 1990, V. vs Il‑Parlament, T‑54/89, EU:T:1990:71, punt 34, u tas‑27 ta’ Frar 2003, Camacho-Fernandes vs Il‑Kummissjoni, T‑20/00, EU:T:2003:47, punti 45 et seq.).

120    F’dan il-każ, hemm lok li jitqies li l-prinċipju invokat mir-rikorrent ma ġiex miksur. Fil-fatt, it-tieni Kumitat tal-Invalidità ltaqa’ darbtejn, fil‑15 ta’ April u fis‑7 ta’ Mejju 2014. Matul dawn il-laqgħat, wara li saru familjari mal-fajl mediku u amministrattiv kollu dwar ir-rikorrent, kull tabib seta’ jagħti l-opinjoni tiegħu, kemm verbalment kif ukoll bil-miktub. It-tobba M. u H. taw konklużjonijiet ffirmati u t-tabib G. seta’ jagħti konklużjonijiet diverġenti. Dawn it-tliet tobba kellhom, barra minn hekk, l-opportunità li jfasslu r-rapport tagħhom li, sussegwentement, ġie inkluż fil-fajl mediku. Għaldaqstant għandu jiġi miċħud il-motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ kolleġjalità mit-tieni Kumitat tal-Invalidità.

121    Għaldaqstant hemm lok li t-tmien aggravju jiġi miċħud bħala infondat.

122    Minn dan isegwi li r-raba’, is-seba’ u t-tmien motivi għandhom jiġu miċħuda bħala infondati. Min-naħa l-oħra, peress li t-tieni motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni, u t-tielet motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u fuq ksur tal-kunċett ta’ marda kkaġunata mix-xogħol, qegħdin jintlaqgħu bħala fondati, hemm lok li tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata abbażi ta’ dan.

 Fuq il-motivi bbażati fuq iċ-ċirkustanzi li seħħew wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u t-talba għad-danni

123    Kif ġie indikat fil-punti 56 u 57 iktar ’il fuq, l-ewwel, il-ħames u s-sitt motivi ma jistgħux jaffettwaw il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata. Madankollu, l-illegalitajiet imqajma f’dawn il-motivi għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tat-talba għad-danni.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 78 tar-Regolamenti tal-Persunal minħabba nuqqas ta’ sorveljanza tal-ħidma tat-tieni Kummissjoni tal-Invalidità

124    Ir-rikorrent iressaq, essenzjalment, tliet ilmenti intiżi sabiex juru li l-Awtorità tal-Ħatra naqset mill-obbligu ta’ sorveljanza tagħha tal-ħidma tat-tieni Kumitat tal-Invalidità. L-ewwel nett, l-Awtorità tal-Ħatra wettqet żball meta rrifjutat li tikkonsulta l-fajl mediku tar-rikorrent minkejja li kienet mistiedna tagħmel dan. It-tieni nett, hija wettqet żball meta llimitat ruħha li tagħmel mistoqsijiet biss lit-tabib M. (ara l-punt 42 iktar ’il fuq) fir-rigward tar-regolarità tal-ħidma tat-tieni Kumitat tal-Invalidità sabiex jiġi żgurat li din il-ħidma kienet seħħet b’mod regolari. Skont ir-rikorrent, dan jispiċċa jeħles lill-Awtorità tal-Ħatra mis-sorveljanza li ġiet inkarigat lilha u jneħħi kull effett utli ta’ din is-sorveljanza. It-tielet nett, ir-rikorrent isostni li l-Awtorità tal-Ħatra wettqet ksur tal-garanziji proċedurali minħabba li għamlet mistoqsijiet biss lit-tabib maħtur mill-Kumitat tar-Reġjuni sabiex jiġu mwieġba mistoqsijiet dwar is-sorveljanza tar-regolarità tal-ħidma tat-tieni Kumitat tal-Invalidità, fatt li jikser il-prinċipju ta’ imparzjalità b’mod partikolari.

125    Il-Kumitat tar-Reġjuni jikkontesta l-argumenti tar-rikorrent.

126    Fir-rigward tal-ewwel ilment, il-Kumitat tar-Reġjuni jsostni li s-sorveljanza tal-Awtorità tal-Ħatra hija limitata u li kienet ġiet magħmula sew minn din tal-aħħar, konformement mar-regoli applikabbli.

127    Il-Kumitat tar-Reġjuni jirreferi għad-dokument intitolat “Manwal Proċedurali tal-Kumitat tal-Invalidità” u jfakkar li dan tal-aħħar jistabbilixxi, taħt it-Titolu IV “Funzjonament tal-Kumitat tal-Invalidità”, l-indipendenza u s-sigriet tax-xogħlijiet tal-Kumitat tal-Invalidità. Minn dan isegwi li l-Awtorità tal-Ħatra ma setgħetx taċċessa l-informazzjoni li tinsab f’dawn ix-xogħljiet u kellha biss il-konklużjonijiet tat-tieni Kumitat tal-Invalidità sabiex tagħti d-deċiżjoni tagħha, liema konklużjonijiet ma kien fihom l-ebda informazzjoni ta’ natura medika.

128    Il-Kumitat tar-Reġjuni jsostni wkoll li, kuntrarjament għal dak allegat mir-rikorrent, l-Awtorità tal-Ħatra ma kinitx obbligata li tikkonsulta l-fajl mediku. Huwa f’idejn ir-rikorrent li jikkomunika b’mod espliċitu l-informazzjoni tal-fajl mediku lill-Awtorità tal-Ħatra għall-finijiet tal-eżami tal-ilment tiegħu, filwaqt li jesponi r-rabtiet li wieħed jista’ jsib hemmhekk mal-ilmenti invokati fl-ilment tiegħu.

129    Barra minn hekk, l-istedina tar-rikorrent lill-Awtorità tal-Ħatra sabiex tikkonsulta l-fajl mediku seħħet wara l-preżentata tal-ilment.

130    Barra minn hekk, il-Kumitat tar-Reġjuni fakkar li l-evalwazzjonijiet mediċi huma nfushom ma setgħux jiġu kkontestati fil-kuntest tal-proċedura għat-tressiq ta’ kawża. Minħabba l-istħarriġ limitat tal-Awtorità tal-Ħatra f’dan ir-rigward, din kellha biss tevalwa b’mod korrett il-fatti u tiżgura l-applikazzjoni korretta tad-dispożizzjonijiet legali applikabbli fil-kuntest tal-ħidma tal-Kumitat tal-Invalidità.

131    Għalhekk, il-Kumitat tar-Reġjuni jqis li l-Awtorità tal-Ħatra ma tistax tiġi kkritikata talli ma evalwatx il-fatti korrettament jew talli kisret id-dispożizzjonijiet legali applikabbli.

132    Il-Kumitat tar-Reġjuni jqis, f’dak li jikkonċerna t-tieni lment, li huwa kkonforma mar-regoli billi għamel il-mistoqsijiet lit-tabib M. Fil-fatt, il-Kumitat tar-Reġjuni jsostni li, meta għażlet li tiġbor l-informazzjoni meħtieġa għall-indirizzar tal-ilment permezz ta’ kwestjonarju, l-Awtorità tal-Ħatra għażlet it-triq l-inqas intrużiva sabiex jiġu rrispettati l-kunfidenzjalità tal-ħidma tat-tieni Kumitat tal-Invalidità, is-sigriet mediċi, u l-protezzjoni tad-data personali sensittiva.

133    F’dak li jikkonċerna t-tielet ilment, li l-Awtorità tal-Ħatra wettqet żball billi għamlet mistoqsijiet biss lit-tabib maħtur mill-istituzzjoni, il-Kumitat tar-Reġjuni jallega li l-mistoqsijiet magħmula mill-Awtorità tal-Ħatra kienu suffiċjentement newtrali u preċiżi sabiex jinkisbu tweġibiet oġġettivi min-naħa ta’ dan it-tabib. Il-Kumitat tar-Reġjuni sempliċiment ifakkar, barra minn hekk, fid-dawl tar-regoli deontoloġiċi li jirregolaw il-professjoni tat-tabib M., li jidher improbabbli li dan tal-aħħar naqas mid-dmir tiegħu ta’ indipendenza. Konsegwentement, il-fatt li t-tabib M. ġie mistoqsi dwar kwistjonijiet ta’ stħarriġ ma jiksirx il-prinċipju ta’ imparzjalità. Din l-affermazzjoni twassal għal dubju dwar l-imparzjalità tal-Awtorità tal-Ħatra meta din tirċievi lment.

134    Barra minn hekk, il-Kumitat tar-Reġjuni jsostni li t-tliet tobba li ffurmaw it-tieni Kumitat tal-Invalidità ġew maħtura skont ir-regoli fis-seħħ u ngħataw l-opportunità li jesprimu l-opinjonijiet tagħhom waqt il-laqgħat tal‑15 ta’ April u tas‑7 ta’ Mejju 2014, li dak huwa li effettivament għamlu. Għall-Kumitat tar-Reġjuni, kien biss wara t-tmiem tal-ħidma tat-tieni Kumitat tal-Invalidità u wara l-preżentata tal-ilment – li permezz tiegħu r-rikorrent, appoġġjat fejn kien meħtieġ mit-tabib tiegħu, seta’ jressaq l-ilmenti tiegħu – li t-tabib M. ġie mistoqsi.

135    Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-ilment li jgħid li l-Awtorità tal-Ħatra ma wettqitx biżżejjed sorveljanza tal-ħidma tat-tieni Kumitat tal-Invalidità meta din irrifjutat li tikkonsulta l-fajl mediku, l-ewwel għandu jiġi kkunsidrat, bħalma għamel il-Kumitat tar-Reġjuni, li, anki kieku r-rikorrent kien neħħa s-sigriet tax-xogħlijiet tal-Kumitat tal-Invalidità, huwa kellu l-obbligu li jikkomunika b’mod espliċitu l-informazzjoni tal-fajl mediku lill-Awtorità tal-Ħatra għall-finijiet tal-eżami tal-ilment tiegħu, filwaqt li jesponi r-rabtiet li wieħed jista’ jsib hemmhekk mal-ilmenti invokati.

136    Għandu jiġi kkunsidrat ukoll li, f’dan il-każ, l-Awtorità tal-Ħatra kienet ġibdet l-attenzjoni tat-tabib M. dwar il-punti ewlenin li wasslu għall-annullament tad-deċiżjoni tal-ewwel Kumitat tal-Invalidità fis-sentenza tas‑7 ta’ Mejju 2013, McCoy vs Il-Kumitat tar-Reġjuni (F‑86/11, EU:F:2013:56). Fil-fatt, f’messaġġ elettroniku tat‑2 ta’ April 2014, l-Awtorità tal-Ħatra, fid-dawl ta’ din is-sentenza, enfasizzat b’mod partikolari l-importanza li l-Kumitat tal-Invalidità ikollu l-informazzjoni kollha minn qabel, li josserva l-obbligu ta’ motivazzjoni (ġenerali u speċifiku), li jorganizza eżami mediku u jsiru eżamijiet addizzjonali jekk ikun meħtieġ, li jressaq il-konklużjonijiet tiegħu lill-amministrazzjoni u li jikkompleta l-fajl mediku mill-inqas b’rapport mediku sommarju.

137    Madankollu, fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet u tal-fatt li r-rikorrent, fl-ilment tiegħu, invoka diversi argumenti sabiex juri li mhux biss il-konklużjonijiet tal-Kumitat ta’ Invalidità iżda wkoll ir-rapport mediku sommarju kienu vvizzjati b’illegalitajiet, b’mod partikolari fid-dawl tas-sentenza tas‑7 ta’ Mejju 2013, McCoy vs Il-Kumitat tar-Reġjuni (F‑86/11, EU:F:2013:56), il-Kumitat tar-Reġjuni kellu, għall-inqas, jikkonsulta r-rapport. Madankollu, meta r-rikorrent stieden lill-Kumitat tar-Reġjuni sabiex jikkonsulta l-fajl mediku tiegħu, dan, f’messaġġ elettroniku tat‑8 ta’ Ġunju 2015, ta t-tweġiba li ġejja: “[M]a rridux nitolbuk għal aċċess għar-rapport mediku sommarju fil-kuntest tal-proċedura b’risposta għall-ilment […]”.

138    Għandu jiġi deċiż li n-nuqqas ta’ eżami ta’ dan id-dokument, avolja r-rikorrent stieden lill-Awtorità tal-Ħatra sabiex tikkonsultah bħala parti importanti għall-indirizzar tal-ilment, għandu jitqies bħala ommissjoni tas-sorveljanza tal-ħidma tat-tieni Kumitat tal-Invalidità. Huwa minnu li l-fajl mediku huwa sigriet u li l-Kumitat tar-Reġjuni ma kellux il-possibbiltà li jikkonsultah qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, iżda dan tal-aħħar seta’ tal-inqas jaċċetta li jikkonsulta r-rapport mediku sommarju meta sar l-ilment u wara li r-rikorrent kien stiednu sabiex jagħmel dan. Dan kien effettivament jippermetti lill-Kumitat tar-Reġjuni li jivverifika jekk il-Kumitat tal-Invalidità kienx irrispetta l-obbligi legali u proċedurali tiegħu mingħajr ma jagħti opinjoni dwar l-evalwazzjonijiet mediċi.

139    Fir-rigward tat-tieni lment, għandu jitfakkar li, f’dan il-każ, l-Awtorità tal-Ħatra talbet lit-tabib maħtur mill-Kumitat tar-Reġjuni sabiex tistaqsih numru ta’ mistoqsijiet bil-għan li tingħata tweġiba għall-ilment.

140    Issa, peress li llimitat ruħha li tagħmel dawn il-mistoqsijiet lit-tabib maħtur mill-istituzzjoni u billi qagħdet biss fuq it-tweġibiet tiegħu li jinsabu fin-nota tat‑8 ta’ Mejju 2015, l-Awtorità tal-Ħatra ma żguratx li kienet issorveljat, b’mod sodisfaċenti, ir-regolarità tal-ħidma tat-tieni Kumitat tal-Invalidità. Fil-fatt, peress li naqset milli tikkonsulta ż-żewġ tobba oħra u billi rrifjutat li tikkonsulta r-rapport mediku sommarju, l-Awtorità tal-Ħatra kellha biss viżjoni parzjali tal-ħidma tat-tieni Kumitat tal-Invalidità. Issa, f’dan il-każ, kien partikolarment importanti li l-Awtorità tal-Ħatra tiżgura li hija kellha stampa sħiħa ta’ din il-ħidma sabiex tissorvelja r-regolarità, b’mod partikolari fid-dawl tal-fatt li l-proċeduri differenti bejn ir-rikorrent u l-Kumitat tar-Reġjuni kienu damu bosta snin.

141    Fir-rigward tat-tielet ilment, għandu jitfakkar li mill-ġurisprudenza jirriżulta li, “[s]kont l-Artikolu 41 tal-Karta, kull persuna għandha d-dritt, b’mod partikolari, li l-kawżi tagħha jinstemgħu b’mod imparzjali mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni [u li d]an ir-rekwiżit ta’ imparzjalità jkopri, minn naħa, l-imparzjalità suġġettiva, fis-sens li ebda membru tal-istituzzjoni kkonċernata li jkun responsabbli mill-każ ma għandu juri li ħa pożizzjoni jew li għandu preġudizzju personali u, min-naħa l-oħra, l-imparzjalità oġġettiva, fis-sens li l-istituzzjoni għandha toffri garanziji suffiċjenti sabiex jiġi eskluż f’dan ir-rigward kull dubju leġittimu” (sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2013, Ziegler vs Il‑Kummissjoni, C‑439/11 P, EU:C:2013:513, punt 155).

142    Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, hemm lok li jiġi deċiż li, fl-assenza ta’ konsultazzjoni ma’ tobba oħra li għamlu parti mit-tieni tal-Kumitat tal-Invalidità, l-Awtorità tal-Ħatra setgħet tiżgura biss li hija kienet aġixxiet b’mod li l-eżami tagħha tar-regolarità tal-ħidma ta’ dan il-kumitat kien ħieles minn kull dubju dwar l-imparzjalità tiegħu. Għandu wkoll jiġi enfasizzat li, f’ċirkustanzi bħal dawk ta’ din il-kawża, hija l-Awtorità tal-Ħatra li għandha tiżgura ruħha mhux biss li l-Kumitat tar-Reġjuni aġixxa b’mod imparzjali, iżda wkoll li l-azzjonijiet tiegħu kienu mfassla b’dan il-mod fir-rigward tar-rikorrent u ta’ partijiet terzi. F’dan ir-rigward, huwa importanti li wieħed jinnota li r-rikorrent kien diġà, fl-ilment tiegħu, xeħet dubju fuq l-imparzjalità tat-tabib M. Id-dubji tiegħu kienu bbażati fuq il-fatt li dan it-tabib kien diġà ppronunzja ruħu b’mod negattiv fil-konfront tiegħu waqt l-ewwel laqgħa tat-tieni Kumitat tal-Invalidità filwaqt li l-ebda eżami mediku, u wisq inqas l-eżami mediku “ddettaljat” li jissemma fil-minuti tat-tieni laqgħa tas‑7 ta’ Mejju 2015, ma seta’ jsir.

143    Għaldaqstant, il-Kumitat tar-Reġjuni ma wettaqx sorveljanza sħiħa tal-ħidma tat-tieni Kumitat tal-Invalidità u ma żgurax il-prinċipju ta’ imparzjalità b’mod xieraq.

144    Minn dan isegwi li t-tliet ilmenti mqajma fil-kuntest tal-ewwel motiv huma fondati u li dawn għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni matul l-eżami tat-talba għad-danni.

 Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tad-dmir ta’ premura

145    Ir-rikorrent isostni li l-assenza ta’ sorveljanza u l-ksur ta’ garanziji proċedurali, bħal dawk li ġew spjegati fil-kuntest tal-ewwel motiv, tressqu għall-attenzjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni, b’mod li dan tal-aħħar kellu jirreaġixxi, li madankollu ma kienx il-każ. Dan għalhekk jikkostitwixxi ksur tad-dmir ta’ premura.

146    Il-Kumitat tar-Reġjuni jsostni li l-Awtorità tal-Ħatra ma għandhiex tindaħal fil-ħidma tal-Kumitat tal-Invalidità, li għandu jaħdem b’mod indipendenti. Huwa jqis ukoll li l-Awtorità tal-Ħatra korrettement żgurat ruħha li l-ħidma tat-tieni Kumitat tal-Invalidità seħħet b’mod regolari meta dan għamel mistoqsijiet lit-tabib M. Il-Kumitat tar-Reġjuni jfakkar ukoll li saru diversi skambji ta’ korrispondenza u li ġew organizzati laqgħat bejn ir-rikorrent u l-ogħla korpi tal-Kumitat tar-Reġjuni. Għalhekk, dan tal-aħħar ma kisirx id-dmir ta’ premura tiegħu.

147    Għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, id-dmir ta’ premura u l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba tal-amministrazzjoni jimplikaw, b’mod partikolari, li, meta tiddeċiedi dwar is-sitwazzjoni ta’ uffiċjal, l-Awtorità tal-Ħatra għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha li jistgħu jiddeterminaw id-deċiżjoni tagħha u li, b’hekk, hija ma tiħux biss inkunsiderazzjoni l-interess tas-servizz, iżda wkoll dak tal-uffiċjal ikkonċernat (digriet tas‑7 ta’ Ġunju 1991, Weyrich vs Il‑Kummissjoni, T‑14/91, EU:T:1991:28, punt 50).

148    Hemm lok li jiġi kkonstatat li, fid-dawl ta’ dan il-prinċipju u tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, dwar l-istħarriġ imwettaq f’dan il-każ mill-Awtorità tal-Ħatra, kien fl-interess tas-servizz u tar-rikorrent li l-Awtorità tal-Ħatra tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha li jistgħu jiddeterminaw id-deċiżjoni tagħha. F’dan ir-rigward, hija kellha, minbarra l-konklużjonijiet tas‑7 ta’ Mejju 2014, tikkonsulta r-rapport mediku sommarju u l-opinjonijiet tat-tliet tobba li kienu jagħmlu parti mit-tieni Kumitat tal-Invalidità sabiex tikseb stampa iktar kompluta tal-fajl. Peress li dan ma sarx, l-Awtorità tal-Ħatra naqset ukoll mid-dmir tagħha ta’ premura. Fil-fatt, għandu jiġi mtenni li, minħabba t-tul sinjifikattiv tal-proċeduri differenti kollha bejn ir-rikorrent u l-Kumitat tar-Reġjuni u l-fatt li r-rikorrent seta’ jkollu dubji dwar l-imparzjalità tat-tabib maħtur mill-istituzzjoni, kien l-obbligu lill-Kumitat tar-Reġjuni li jiżgura li tali dubji ma setgħux jippersistu. Issa, billi naqas milli jieħu miżuri f’dan is-sens, il-Kumitat tar-Reġjuni naqas mid-dmir tiegħu ta’ premura.

149    Għalhekk hemm lok li jiġi ddikjarat li l-ħames motiv huwa fondat u li jittieħed inkunsiderazzjoni l-eżami tat-talba għad-danni.

 Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 266 TFUE

150    Ir-rikorrent isostni li l-Kumitat tar-Reġjuni ma eżegwixxiex is-sentenza tas‑7 ta’ Mejju 2013, McCoy vs Il-Kumitat tar-Reġjuni (F‑86/11, EU:F:2013:56). Fil-fatt, peress li għamlet mistoqsijiet biss lit-tabib maħtur mill-istituzzjoni, kif issemma hawn fuq, l-Awtorità tal-Ħatra ma kinitx effettivament issorveljat il-ħidma tat-tieni Kumitat tal-Invalidità.

151    Il-Kumitat tar-Reġjuni jikkontesta l-argumenti tar-rikorrent u jsostni li huwa kien effettivament eżegwixxa s-sentenza tas‑7 ta’ Mejju 2013, McCoy vs Il-Kumitat tar-Reġjuni (F‑86/11, EU:F:2013:56).

152    Hemm lok li jitfakkar li, fil-każ ta’ annullament mill-qorti ta’ att ta’ istituzzjoni, hija din tal-aħħar li għandha, skont l-Artikolu 266 TFUE, tieħu l-miżuri meħtieġa għall-eżekuzzjoni tas-sentenza. Skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex tikkonforma ruħha mas-sentenza ta’ annullament u sabiex din tingħata eżekuzzjoni sħiħa, l-istituzzjoni li tkun l-awtur tal-att annullat għandha tosserva mhux biss id-dispożittiv tas-sentenza, iżda wkoll il-motivi li wasslu għal tali sentenza u li jikkostitwixxu l-bażi meħtieġa tagħha, fis-sens li huma indispensabbli sabiex tiġi ddeterminata t-tifsira eżatta ta’ dak li ġie deċiż fid-dispożittiv. Fil-fatt, huma dawn il-motivi li, minn naħa, jidentifikaw id-dispożizzjoni meqjusa li hija illegali u, min-naħa l-oħra, jindikaw ir-raġunijiet eżatti tal-illegalità kkonstatata fid-dispożittiv u li l-istituzzjoni kkonċernata għandha tieħu inkunsiderazzjoni meta tissostitwixxi l-att annullat (ara d-digriet tad‑29 ta’ Ġunju 2005, Pappas vs Il-Kumitat tar-Reġjuni, T‑254/04, EU:T:2005:260, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

153    Għandu jitfakkar ukoll li l-Artikolu 266 TFUE jobbliga lill-istituzzjoni kkonċernata li tevita li kull att iddestinat li jissostitwixxi l-att annullat ikun ivvizzjat bl-istess irregolaritajiet bħal dawk identifikati fis-sentenza ta’ annullament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2010, UASI vs Simões Dos Santos, T‑260/09 P, EU:T:2010:461, punti 70 sa 72).

154    Fir-rigward tal-effetti tal-annullament ta’ att mogħti mill-qorti, dan japplika ex tunc u għalhekk għandu l-effett li jelimina b’mod retroattiv l-att annullat mill-ordinament ġuridiku. L-istituzzjoni konvenuta hija obbligata, skont l-Artikolu 266 TFUE, li tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex trażżan l-effetti tal-illegalitajiet ikkonstatati, li, fil-każ ta’ att li diġà ġie eżegwit, jimplika li r-rikorrent jitpoġġa eżattament fis-sitwazzjoni li kien fiha qabel dan l-att (digriet tad‑29 ta’ Ġunju 2005, Pappas vs Il-Kumitat tar-Reġjuni, T‑254/04, EU:T:2005:260, punt 37, u s-sentenza tal‑15 ta’ April 2010, Angelidis vs Il‑Parlament, F‑104/08, EU:F:2010:23, punt 36).

155    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandu jiġi eżaminat jekk, f’dan il-każ, il-Kumitat tar-Reġjuni eżegwixxiex b’mod korrett is-sentenza tas‑7 ta’ Mejju 2013, McCoy vs Il-Kumitat tar-Reġjuni (F‑86/11, EU:F:2013:56).

156    F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li r-rikorrent seta’ jistabbilixxi, kif ġie kkonstatat fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel motiv, li l-Kumitat tar-Reġjuni ma ssorveljax, suffiċjentement, il-ħidma tat-tieni Kumitat tal-Invalidità. Madankollu, tali nuqqas ta’ sorveljanza ma huwiex biżżejjed, fih innifsu, sabiex jistabbilixxi li l-Kumitat tar-Reġjuni kiser l-Artikolu 266 TFUE. Fil-fatt, ir-rikorrent għandu jippreċiża wkoll, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 152 sa 154 iktar ’il fuq, b’liema mod dan in-nuqqas ta’ sorveljanza kkontribwixxa għall-ksur tal-obbligu ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza tas‑7 ta’ Mejju 2013, McCoy vs Il-Kumitat tar-Reġjuni (F‑86/11, EU:F:2013:56), ħaġa li hija ma għamlitx.

157    F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li s-sitt motiv jiġi miċħud bħala infondat. Konsegwentement, dan ma għandux jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tat-talba għad-danni.

 Fuq it-talba għad-danni

158    Ir-rikorrent jitlob kumpens ta’ ammont ta’ EUR 5 000 minħabba l-illegalitajiet li kkontribwixxew għas-sitwazzjoni ta’ stennija u ta’ inċertezza li jinsab fiha u ta’ ammont ta’ EUR 20 000 minħabba ksur, mill-Kumitat tar-Reġjuni, tal-Artikolu 266 TFUE.

159    Ir-rikorrent isostni li l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata kellha l-effett li tqiegħdu mill-ġdid f’pożizzjoni ta’ stennija fir-rigward tal-għeluq definittiv tal-proċedura miftuħa skont l-Artikolu 78 tar-Regolamenti tal-Persunal, minħabba l-invalidità tiegħu li tmur lura għal Ġunju 2007. Fil-fehma tiegħu, tali estensjoni tas-sitwazzjoni ta’ stennija u ta’ inċertezza, ipprovokata mill-illegalità tad-deċiżjoni tal‑10 ta’ Settembru 2010 kif ukoll mid-deċiżjoni kkontestata, hija l-kawża tad-dannu morali li huwa jallega.

160    Barra minn hekk, ir-rikorrent isemmi l-gravità tad-deċiżjoni kkontestata, in-natura tal-illegalità mwettqa u ċ-ċirkustanzi li fihom din l-illegalità ġiet imwettqa. Huwa jenfasizza wkoll li l-fażi prekontenzjuża stess ikkontribwiet sabiex jiġu enfasizzati illegalitajiet oħra, peress li l-Kumitat tar-Reġjuni kien irrifjuta li jeżerċita l-kompetenza tiegħu u, b’mod partikolari, f’żewġ okkażjonijiet, fittex l-opinjoni unilaterali tat-tabib maħtur mill-istituzzjoni.

161    L-annullament tad-deċiżjoni kkontestata ma tistax, skont ir-rikorrent, tikkostitwixxi fiha nnifisha kumpens adegwat u suffiċjenti għad-dannu morali kkawżat, liema dannu huwa relatat mal-istat gravi ta’ inċertezza u ta’ ansjetà minħabba l-illegalità ta’ din id-deċiżjoni.

162    Il-Kumitat tar-Reġjuni tikkontesta t-talba għad-danni tar-rikorrent. Huwa jsostni, essenzjalment, li r-rikorrent ma pprovax id-dannu subit, li d-deċiżjoni kkontestata ma hija vvizzjata bl-ebda illegalità u li l-Artikolu 266 TFUE ma ġiex miksur.

163    Fir-rigward tal-fondatezza tat-talbiet għad-danni tar-rikorrent, għandu jitfakkar li r-responsabbiltà tal-Unjoni tippresupponi l-eżistenza ta’ numru ta’ kundizzjonijiet li jirrigwardaw l-illegalità tal-aġir ikkritikat fil-konfront tal-istituzzjonijiet, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir u d-dannu invokat (sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2017, Lucaccioni vs Il‑Kummissjoni, T‑551/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:751, punt 122).

164    Għandu jitfakkar li ġie deċiż li r-rikorsi intiżi għall-kumpens ta’ dannu kkawżat minn istituzzjoni lil uffiċjal jew lil membru tal-persunal, ippreżentati abbażi tal-Artikolu 270 TFUE u tal-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, jissodisfaw regoli partikolari u speċjali meta mqabbla ma’ dawk li jirriżultaw mill-prinċipji ġenerali li jirregolaw ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni fil-kuntest tal-Artikolu 268 u tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE. Fil-fatt, mir-Regolamenti tal-Persunal jirriżulta li, għad-differenza ta’ kwalunkwe individwu ieħor, l-uffiċjal jew il-membru tal-persunal tal-Unjoni huwa marbut mal-istituzzjoni li huwa affiljat magħha permezz ta’ relazzjoni ta’ impjieg li tinkludi bilanċ ta’ drittijiet u ta’ obbligi reċiproki speċifiċi, li huwa rifless mid-dmir ta’ premura tal-istituzzjoni fir-rigward tal-persuna kkonċernata. Minn dan isegwi li, meta taġixxi bħala organizzazzjoni li timpjega, l-Unjoni hija suġġetta għal responsabbiltà ikbar li timmanifesta ruħha bl-obbligu li jiġi kkumpensat id-dannu kkawżat lil persunal tagħha bi kwalunkwe illegalità mwettqa fil-kwalità tagħha bħala organizzazzjoni li timpjega mingħajr ma jkun neċessarju, sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali ta’ istituzzjoni fil-kontenzjuż tas-servizz pubbliku Ewropew, li tintwera l-eżistenza ta’ “ksur suffiċjentement serju” jew ta’ “żball manifest u serju” mill-istituzzjoni tal-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħha (ara s-sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2013, Goetz vs Il-Kumitat tar-Reġjuni, F‑89/11, EU:F:2013:83, punt 98 u l-ġurisprudenza ċċitata).

165    Skont ġurisprudenza stabbilita, l-annullament ta’ att ivvizzjat minn illegalità jista’ jikkostitwixxi fih innifsu l-kumpens adegwat u, bħala prinċipju, suffiċjenti għal kull dannu morali li dan l-att seta’ kkawża, sakemm ir-rikorrent ma jurix li ġarrab dannu morali li huwa distint mill-illegalità li fuqha huwa bbażat l-annullament u li ma jistax jiġi kkumpensat b’mod sħiħ permezz ta’ dan l-annullament (ara s-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2011, Petrilli vs Il‑Kummissjoni, F-98/07, EU:F:2011:119, punt 28, u l-ġurisprudenza ċċitata).

166    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandha tiġi eżaminata t-talba għad-danni tar-rikorrent.

167    Fir-rigward tal-illegalità jew tat-tort imputabbli lill-Kumitat tar-Reġjuni, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li ma ġiex stabbilit f’dan il-każ li l-Kumitat tar-Reġjuni kien kiser l-Artikolu 266 TFUE.

168    Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li, f’dan il-każ, ġie deċiż li d-deċiżjoni kkontestata li kkonfermat il-konklużjonijiet tat-tieni Kumitat tal-Invalidità kienet ivvizzjata minn nuqqas ta’ motivazzjoni u minn żball manifest ta’ evalwazzjoni. Huwa wkoll rilevanti li jiġi kkunsidrat, kif isostni r-rikorrent, li illegalitajiet oħra ġew imwettqa matul il-proċedura prekontenzjuża. F’dan ir-rigward, instab li l-Kumitat tar-Reġjuni kien eżerċita sorveljanza insuffiċjenti fuq il-ħidma tat-tieni Kumitat tal-Invalidità, li kien kiser il-prinċipju ta’ imparzjalità u d-dmir ta’ premura. Ta’ min jikkunsidra f’dan ir-rigward, kif essenzjalment sostna r-rikorrent fil-kuntest tal-motivi insostenn tar-rikors tiegħu, li l-illegalitajiet li jivvizzjaw id-deċiżjoni kkontestata setgħu ġew evitati. Fil-fatt, kieku l-Awtorità tal-Ħatra ma qagħditx biss fuq in-nota tat‑8 ta’ Mejju 2015, iżda ħadet inizjattivi sabiex tissorvelja l-ħidma tal-Kumitat tal-Invalidità b’mod suffiċjenti, b’mod partikolari billi taċċetta l-istedina tar-rikorrent li tikkonsulta r-rapport mediku sommarju u billi tagħmel mistoqsijiet lit-tobba l-oħra tat-tieni Kumitat tal-Invalidità, hija setgħet tikkoreġi l-illegalitajiet li jivvizzjaw id-deċiżjoni kkontestata. Fin-nuqqas ta’ dan, il-Kumitat tar-Reġjuni kkontribwixxa għall-istat fit-tul ta’ inċertezza u ta’ ansjetà tar-rikorrent.

169    Fit-tielet lok, għandu jiġi rrilevat li, f’dan il-każ, l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata ma huwiex suffiċjenti sabiex jiġi kkumpensat id-dannu subit mir-rikorrent. Fil-fatt, minħabba l-illegalità tad-deċiżjoni kkontestata u l-illegalitajiet imwettqa fl-istadju tal-ilment, ir-rikorrent isib ruħu mill-ġdid f’sitwazzjoni ta’ stennija u ta’ inċertezza bħal dik ipprovokata mill-illegalità tad-deċiżjoni tal‑10 ta’ Settembru 2010. Tali estensjoni tas-sitwazzjoni ta’ stennija u ta’ inċertezza, ipprovokata mill-illegalità tad-deċiżjoni kkontestata, tikkostitwixxi dannu morali li diġà jagħti lok għal kumpens, li l-Kumitat tar-Reġjuni għandu jikkumpensa b’kumpens adegwat ex æquo et bono (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2017, Lucaccioni vs Il‑Kummissjoni, T‑551/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:751, punt 144).

170    Fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha preċedenti, hemm lok li jiġi kkonstatat li r-rikorrent ġarrab dannu morali ċert u direttament imputabbli għall-aġir tal-Kumitat tar-Reġjuni. Għalhekk, bħala kumpens għad-dannu morali, għandu jiġi ffissat l-ammont tal-kumpens li għandu jiġi allokat lir-rikorrent minħabba l-illegalitajiet imwettqa mill-Kumitat tar-Reġjuni, ex æquo et bono, għas-somma ta’ EUR 5 000.

 Fuq l-ispejjeż

171    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kumitat tar-Reġjuni tilef, hemm lok li huwa jiġi kkundannat għall-ispejjeż, skont it-talbiet tar-rikorrent.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tal-Bureau tal-Kumitat tar-Reġjuni tat2 ta’ Diċembru 2014 li tirrifjuta li tirrikonoxxi li l-marda li minnha tirriżulta l-invalidità ta’ Robert McCoy fis-sens tal-ħames paragrafu tal-Artikolu 78 tar-Regolamenti tal-Persunal kienet ikkaġunata mix-xogħol hija annullata.

2)      Il-Kumitat tar-Reġjuni huwa kkundannat li jħallas lil R. McCoy is-somma ta’ EUR 5 000.

3)      Il-Kumitat tar-Reġjuni huwa kkundannat għall-ispejjeż.

Prek

Schalin

Costeira

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit‑23 ta’ Ottubru 2018.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il‑Franċiż.