Language of document : ECLI:EU:F:2011:132

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(It-Tielet Awla)

13 ta’ Settembru 2011

Kawża F-100/09

Christos Michail

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Uffiċjal — Awtorità ta’ res judicata — Dmir ta’ assistenza — Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal — Fastidju psikoloġiku”

Suġġett:      Rikors ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu C. Michail jitlob essenzjalment, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tad-9 ta’ Marzu 2009, dwar iċ-ċaħda tat-talba tiegħu għal assistenza għal fastidju psikoloġiku u, min-naħa l-oħra, il-kundanna tal-Kummissjoni sabiex tħallsu s-somma ta’ EUR 30 000 bħala ħlas għad-dannu morali li sostna.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud. Ir-rikorrent għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u huwa kkundannat ibati l-ispejjeż tal-Kummissjoni.

Sommarju

1.      Proċedura — Awtorità ta’ res judicata — Portata

2.      Uffiċjali — Fastidju psikoloġiku — Kunċett — Aġir intiż li jiskredita lill-persuna kkonċernata jew li jiddegrada l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħha — Eżiġenza ta’ natura ripetittiva tal-aġir — Eżiġenza ta’ natura intenzjonali tal-aġir — Portata

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 12(3))

3.      Uffiċjali — Organizzazzjoni tad-dipartimenti — Assenjazzjoni tal-persunal — Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni — Portata — Stħarriġ ġudizzjarju — Limiti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 7)

4.      Uffiċjali — Organizzazzjoni tad-dipartimenti — Assenjazzjoni tal-persunal — Assenjazzjoni mill-ġdid — Osservanza tar-regoli ta’ korrispondenza bejn grad u pożizzjoni — Portata

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 5 u 7)

1.      Rikors huwa kkunsidrat inammissibbli minħabba res judicata li tirrigwarda sentenza preċedenti li ddeċidiet dwar rikors bejn l-istess partijiet, dwar l-istess suġġett u li kien ibbażat fuq l-istess kawża. L-att li huwa mitlub l-annullament tiegħu jikkostitwixxi element essenzjali li jippermetti li jiġi kkaratterizzat is-suġġett ta’ rikors.

Madankollu, il-fatt li r-rikorsi ġew ippreżentati kontra deċiżjonijiet distinti li l-amministrazzjoni kienet adottat formalment ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi konkluż li s-suġġett ma kienx l-istess, peress li dawn id-deċiżjonijiet għandhom kontenut essenzjalment identiku u huma bbażati fuq l-istess motivi. Barra minn hekk, anki jekk l-ilmenti mqajma insostenn ta’ rikors jikkoinċidu f’parti ma’ dawk invokati fil-kuntest ta’ istanza preċedenti, it-tieni rikors ma huwiex repetizzjoni tal-ewwel wieħed, iżda kawża ġdida peress li huwa bbażat ukoll fuq motivi ta’ fatt u ta’ liġi oħra.

(ara l-punti 29 sa 31)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 19 ta’ Settembru 1985, Hoogovens Groep vs Il‑Kummissjoni, 172/83 u 226/83, punt 9; 27 ta’ Ottubru 1987, Diezler et vs CES, 146/85 u 431/85, punti 14 sa 16

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 5 ta’ Ġunju 1996, NMB et vs Il‑Kummissjoni, T‑162/94, punti 37 u 38; 12 ta’ Diċembru 1996, Altmann et vs Il‑Kummissjoni, T‑177/94 u T‑377/94, punt 52

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: 25 ta’ Ġunju 2010, Imperial Chemical Industries vs Il‑Kummissjoni, T-66/01, punt 197

2.      L-Artikolu 12a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2004, jiddefinixxi l-fastidju psikoloġiku bħala “imġiba mhux xierqa” li jirrikjedi, sabiex jiġi stabbilit, li jiġu sodisfatti żewġ kundizzjonijiet kumulattivi. L-ewwel kundizzjoni tikkonċerna l-eżistenza tal-atteġġament fiżiku, lingwa mlissna jew miktuba, azzjonijiet jew atti oħra “tul perijodu, hija ripetittiva jew sitematika”, li jimplika li l-fastidju psikoloġiku għandu jinftiehem bħala proċess li jseħħ neċessarjament tul iż-żmien u jippresupponi l-eżistenza ta’ mġiba ripetuta jew kontinwa, u “intenzjonali”. It-tieni kundizzjoni, separata mill-ewwel waħda mill-prepożizzjoni “u”, teħtieġ li dan l-atteġġament fiżiku, lingwa mlissna jew miktuba, azzjonijiet jew atti oħra jkollhom bħala effett li jistgħu jbaxxu l-personalità, dinjità, jew integrità fiżika jew psikoloġika ta’ xi persuna. Peress li l-aġġettiv “intenzjonali” jirrigwarda l-ewwel kundizzjoni, u mhux it-tieni waħda, huwa possibbli li jinsiltu żewġ konklużjonijiet. Minn naħa, l-atteġġament fiżiku, il-lingwa mlissna jew miktuba, l-azzjonijiet jew l-atti l-oħra, previsti mill-Artikolu 12a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal, għandhom ikunu ta’ natura volontarja, ħaġa li teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni l-imġiba li sseħħ b’mod aċċidentali. Min-naħa l-oħra, ma huwiex meħtieġ li dan l-atteġġament fiżiku, il-lingwa mlissna jew miktuba, l-azzjonijiet jew l-atti l-oħra jkunu twettqu bl-intenzjoni li jbaxxu l-personalità, id-dinjità, jew l-integrità fiżika jew psikoloġika ta’ xi persuna. Fi kliem ieħor, jista’ jkun hemm fastidju psikoloġiku skont l-Artikolu 12a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal mingħajr mal-persuna li tagħti fastidju jkollha l-intenzjoni, permezz tal-imġiba tagħha, tiskredita l-vittma jew deliberatament tiddegrada l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħha. Huwa suffiċjenti li l-imġiba tagħha, ladarba titwettaq volontarjament, kellha oġġettivament konsegwenzi bħal dawn.

Barra minn hekk, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku osserva, fis-sentenza tiegħu tad-9 ta’ Diċembru 2009, Q vs Il‑Kummissjoni, F‑52/05, li s-soluzzjoni preċedenti kienet stabbilita fis-sens li aġir, sabiex jiġi kkwalifikat bħala fastidju psikoloġiku, għandu jkollu natura intenzjonali u li rikorrent, indipendentement mill-perċezzjoni suġġettiva li seta’ kellu tal-fatti allegati, għandu jippreżenta provi li jippermettu li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ aġir intiż, oġġettivament, sabiex jiskredita jew jiddegrada deliberatament il-kundizzjonijiet ta’ xogħol tiegħu. Madankollu, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku osserva wkoll li din is-soluzzjoni kienet ingħatat f’kawżi li kienu jikkonċernaw aġir li seħħ qabel id-dħul fis-seħħ tal-Artikolu 12a(3) tar-Regolamenti li l-analiżi tiegħu wasslitu preċiżament sabiex din is-soluzzjoni tevolvi.

(ara l-punti 55 u 56)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 9 ta’ Diċembru 2008, Q vs Il‑Kummissjoni, F‑52/05, punti 135 u 140; 9 ta’ Marzu 2010, N vs Il‑Parlament, F‑26/09, punt 72

3.      L-istituzzjonijiet għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa fl-organizzazzjoni tad-dipartimenti tagħhom skont il-missjonijiet fdati lilhom u, f’din il-perspettiva, tal-assenjazzjoni tal-persunal li jinsab għad-dispożizzjoni tagħhom, bil-kundizzjoni, madankollu, li din l-assenjazzjoni tkun fl-interess tad-dipartiment u fl-osservanza tar-regoli ta’ korrispondenza bejn il-grad u l-pożizzjoni. Fid-dawl ta’ din is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa, l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni, fir-rigward tal-osservanza tal-kundizzjoni tal-interess tad-dipartiment, għandu jkun limitat għall-kwistjoni dwar jekk l-awtorità tal-ħatra baqgħetx f’limiti raġonevoli, mhux kritikabbli, u ma użatx is-setgħa diskrezzjonali tagħha b’mod manifestament żbaljat.

(ara l-punti 58 u 59)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 23 ta’ Ġunju 1984, Lux, 69/83, punt 17; 7 ta’ Marzu 1990, Hecq vs Il‑Kummissjoni, C‑116/88 u C‑149/88, punt 11

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 16 ta’ Diċembru 1993, Turner vs Il‑Kummissjoni, T‑80/92, punt 53; 12 ta’ Diċembru 2000, Dejaiffe vs UASI, T‑223/99, punt 53; 21 ta’ Settembru 2004, Soubies vs Il‑Kummissjoni, T‑325/02, punt 50

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 4 ta’ Ġunju 2009, Plasa vs Il‑Kummissjoni, F‑52/08, punt 77

4.      Il-fatt li uffiċjal ikollu kwalifiki għolja ma jfissirx li dan ma jistax jerġa’ jiġi assenjat, peress li, għalkemm huwa minnu li l-amministrazzjoni għandha l-interess kollu li tassenja uffiċjal f’pożizzjoni li tikkorrispondi għall-kompetenzi u l-aspirazzjonijiet tiegħu, kunsiderazzjonijiet oħra jistgħu jwassluha, dejjem fl-osservanza tar-regoli ta’ korrispondenza bejn il-grad u l-pożizzjoni, li tassenja uffiċjal f’pożizzjoni oħra. Barra minn hekk, għalkemm mill-Artikoli 5 u 7 tar-Regolamenti jirriżulta li uffiċjal għandu dritt li l-funzjonijiet li jiġu assenjati lilu jkunu, kollha, konformi mal-pożizzjoni korrispondenti għall-grad li għandu fil-ġerarkija, dawn id-dispożizzjonijiet ma jinkisrux permezz ta’ tnaqqis kwalunkwe tal-attribuzzjonijiet tal-persuna kkonċernata; jinkisru biss jekk dawn l-attribuzzjonijiet ġodda jidhru, flimkien, nettament kuntrarji għal dawk korrispondenti għall-grad u l-pożizzjoni tiegħu, fid-dawl tan-natura, tal-importanza u tal-portata tagħhom.

(ara l-punti 64 u 65)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 23 ta’ Marzu 1988, Hecq vs Il‑Kummissjoni, 19/87, punt 8

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 7 ta’ Frar 2007, Caló vs Il‑Kummissjoni, T‑118/04 u T‑134/04, punt 99