Language of document : ECLI:EU:T:2020:120

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

26 ta’ Marzu 2020 (*)

“Aċċess għal dokumenti – Regolament (KE) Nru 1049/2001 – Rapport ta’ verifika tar-riżorsi umani tal-EACEA – Rifjut ta’ aċċess – Eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ verifika”

Fil-Kawża T‑646/18,

Laurence Bonnafous, residenti fi Brussell (il-Belġju), irrappreżentata minn A. Blot u S. Rodrigues, avukati

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn C. Ehrbar u K. Herrmann, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2018) 6753 finali, tad-9 ta’ Ottubru 2018, li tirrifjuta li tilqa’ t-talba ta’ aċċess għar-rapport finali tal-awditu tal-2018 tar-riżorsi umani tal-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura (EACEA), tal-21 ta’ Jannar 2018, imressqa mir-rikorrenti,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),

komposta minn H. Kanninen, President, N. Półtorak (Relatur) u L. Stancu, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, Laurence Bonnafous, kienet membru tal-persunal bil-kuntratt tal-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura (EACEA).

2        Fit-30 ta’ Lulju 2018, ir-rikorrenti bagħtet posta elettronika lis-servizz tal-verifika interna tal-Kummissjoni Ewropea, sabiex titlob, skont ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331), l-aċċess għad-dokument identifikat mill-imsemmi dipartiment bħala “Final audit report – IAS Audit on HR Management in the Education, Audiovisual and Cultural Executive Agency [Ares(2018) 361356]” (Rrapport finali ta’ verifika – Verifika tas-servizz tal-verifika interna tal-Kummissjoni dwar l-immaniġġjar tar-riżorsi umani tal-EACEA, iktar ’il quddiem id-“dokument mitlub”).

3        Permezz ta’ ittra tad-9 ta’ Awwissu 2018, is-servizz tal-verifika interna tal-Kummissjoni rrifjuta lir-rikorrenti l-aċċess għad-dokument mitlub. Dan ir-rifjut kien ibbażat, essenzjalment, fuq l-eċċezzjoni prevista mit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 li jipprovdi li istituzzjoni tal-Unjoni tista’ tirrifjuta li tagħti aċċess għal dokument jekk l-iżvelar ta’ dan tal-aħħar jista’ jippreġudika l-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ verifika, sakemm interess pubbliku superjuri ma jiġġustifikax l-imsemmi żvelar. Fil-fatt, dan qies li l-iżvelar, f’dan l-istadju, tad-dokument mitlub jippreġudika l-protezzjoni tal-għanijiet imfittxija mill-attivitajiet ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ verifika li għalihom kien iddedikat dan id-dokument, sa fejn dan ikun ifixkel l-implimentazzjoni effettiva tar-rakkomandazzjonijiet li kien fih u sa fejn il-miżuri ta’ segwitu relatati miegħu ma kinux intemmu kompletament.

4        Permezz ta’ ittra tad-29 ta’ Awwissu 2018, ir-rikorrenti ppreżentat applikazzjoni konfermatorja ta’ aċċess għad-dokument mitlub.

5        Permezz ta’ posta elettronika tad-19 ta’ Settembru 2018, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti li t-terminu inizjali previst sabiex tingħata risposta għall-applikazzjoni konfermatorja għal aċċess li hija kienet ippreżentat kellu jiġi estiż bi 15-il jum ta’ xogħol u li għalhekk kellu jiġi stabbilit terminu ġdid f’dan ir-rigward, li kellu jiskadi fl-10 ta’ Ottubru 2018.

6        Fid-9 ta’ Ottubru 2018, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C(2018) 6753 finali (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), li permezz tagħha hija ċaħdet l-applikazzjoni konfermatorja ta’ aċċess għad-dokument tar-rikorrenti. Essenzjalment, hija kkunsidrat, minn naħa, li l-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, interpretat fid-dawl tal-Artikolu 99(6) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU 2012, L 298, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Finanzjarju”), kienet tipprekludi l-iżvelar prematur ta’ rapport ta’ verifika li jirriskja li jippreġudika s-serenità u l-indipendenza tal-verifika u, min-naħa l-oħra, li ebda interess pubbliku superjuri ma kien jiġġustifika li din l-eċċezzjoni ma tiġix applikata.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

7        Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-26 ta’ Ottubru 2018, ir-rikorrenti fetħet din il-kawża.

8        Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-istess jum, ir-rikorrenti talbet li l-Kawża T‑614/17, Bonnafous vs EACEA, tingħaqad ma’ din il-kawża. Fil-5 ta’ Diċembru 2018, il-Kummissjoni opponiet li ż-żewġ kawżi jingħaqdu.

9        Fil-21 ta’ Diċembru 2018, ir-rikorrenti ppreżentat prova ġdida fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali.

10      Permezz ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ Jannar 2019, il-President tat-Tielet Awla tal-Qorti Ġenerali ddeċieda li ma jgħaqqadx din il-kawża mal-Kawża T‑614/17.

11      Il-Kummissjoni ppreżentat ir-risposta fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-31 ta’ Jannar 2019.

12      Ir-rikorrenti ppreżentat ir-replika fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-7 ta’ Marzu 2019.

13      Il-Kummissjoni ppreżentat il-kontroreplika fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-17 ta’ April 2019.

14      Peress li kien hemm bidla fil-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali, b’applikazzjoni tal-Artikolu 27(5) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lill-Ewwel Awla, u konsegwentement din il-kawża ġiet assenjata lil din l-awla.

15      Fl-assenza ta’ talba għal seduta għas-sottomissjonijiet orali mill-partijiet fit-terminu previst, il-Qorti Ġenerali, li qieset li kellha informazzjoni biżżejjed mid-dokumenti tal-proċess, iddeċidiet li taqta’ l-kawża mingħajr il-fażi orali tal-proċedura, skont l-Artikolu 106(3) tar-Regoli tal-Proċedura.

16      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

17      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

18      Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur konġunt tal-Artikolu 15(3) TFUE, tal-Artikolu 42 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u tar-Regolament Nru 1049/2001. It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni li jirriżulta mill-Artikolu 296 TFUE u mill-Artikolu 41 tal-Karta. Finalment, it-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

19      Il-Qorti Ġenerali tqis opportun li tibda tittratta r-rikors permezz tal-eżami tat-tieni motiv

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 296 TFUE u tal-Artikolu 41 tal-Karta

20      Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex immotivata suffiċjentement. B’mod partikolari, hija ssostni li l-identifikazzjoni tar-riskji hija stabbilita b’mod kundizzjonali u mingħajr ebda riferiment għar-raġunijiet speċifiċi li jippermettu li jiġu ddefiniti, jew saħansitra li jiġu ċċarati. B’hekk hija tilmenta li din il-motivazzjoni astratta hija bbażata fuq kunsiderazzjonijiet vagi ħafna. Barra minn hekk, hija ssostni li jeżistu kontradizzjonijiet bejn il-motivazzjoni tal-imsemmija deċiżjoni u l-kontenut tal-ittra tad-19 ta’ Settembru 2018 li ntbagħtitilha mis-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni sabiex jiġġustifika l-posponiment tar-risposta mogħtija għat-talba konfermatorja li hija kienet ippreżentat. Fil-fehma tagħha, l-imsemmi dewmien kien fil-fatt spjegat min-neċessità li jinġabru l-elementi kollha neċessarji sabiex tingħata risposta għat-talba għal aċċess għad-dokument li hija kienet ippreżentat. Issa, ebda ħjiel tal-imsemmija elementi ma jidher f’din id-deċiżjoni. Fl-istadju tar-replika, u dejjem fil-kuntest tat-tieni motiv, ir-rikorrenti ssostni wkoll li, fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni naqset mid-dmir tagħha ta’ assistenza u ta’ informazzjoni lill-pubbliku li jirriżulta mill-Artikolu 6(4) tar-Regolament Nru 1049/2001.

21      Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

22      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 296 TFUE kif ukoll mill-Artikolu 41(2)(c) tal-Karta għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u lill-qorti kompetenti li teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara s-sentenza tad-29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, C‑521/09 P, EU:C:2011:620, punt 147 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23      Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-elementi kollha rilevanti ta’ fatt u ta’ dritt, billi l-kwistjoni jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-imsemmi Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata mhux biss b’referenza għall-kliem ta’ dan l-att, iżda wkoll għall-kuntest tiegħu kif ukoll għar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara s-sentenza tad-29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, C‑521/09 P, EU:C:2011:620, punt 150 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dak li jirrigwarda talba għall-aċċess għad-dokumenti, meta l-istituzzjoni inkwistjoni tirrifjuta tali aċċess, hija għandha turi f’kull każ, abbażi tal-informazzjoni għad-dispożizzjoni tagħha, li d-dokumenti li għalihom ikun qiegħed jintalab l-aċċess effettivament jaqgħu fl-ambitu tal-eċċezzjonijiet elenkati fir-Regolament Nru 1049/2001 (sentenzi tal-10 ta’ Settembru 2008, Williams vs Il-Kummissjoni, T‑42/05, EU:T:2008:325, punt 95, u tas-7 ta’ Lulju 2011, Valero Jordana vs Il-Kummissjoni, T‑161/04, mhux ippubblikata, EU:T:2011:337, punt 49).

24      B’hekk, skont il-ġurisprudenza, hija l-istituzzjoni li rrifjutat l-aċċess għal dokument li għandha tipprovdi motivazzjoni li tippermetti li jiġi mifhum u li jiġi vverifikat, minn naħa, jekk id-dokument mitlub effettivament jikkonċernax qasam kopert mill-eċċezzjoni invokata u, min-naħa l-oħra, jekk il-ħtieġa ta’ protezzjoni relattiva għal din l-eċċezzjoni hijiex reali (ara s-sentenza tal-4 ta’ Mejju 2012, In ‘t Veld vs Il-Kunsill, T‑529/09, EU:T:2012:215, punt 118 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25      Barra minn hekk, għalkemm il-Kummissjoni hija obbligata li tesponi r-raġunijiet li jiġġustifikaw l-applikazzjoni f’dan il-każ inkwistjoni ta’ waħda mill-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess previsti mir-Regolament Nru 1049/2001, hija ma hijiex obbligata li tipprovdi informazzjoni li tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex il-persuna li titlob l-aċċess tifhem ir-raġunijiet li wasslu għad-deċiżjoni tagħha u għall-istħarriġ, mill-Qorti Ġenerali, tal-legalità ta’ din tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ Jannar 2008, Terezakis vs Il-Kummissjoni, T‑380/04, mhux ippubblikata, EU:T:2008:19, punt 119).

26      Huwa fid-dawl ta’ dawn l-elementi li għandu jiġi ddeterminat jekk, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ssodisfatx ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 296 TFUE u mill-Artikolu 41 tal-Karta.

27      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li, fid-deċiżjoni kkontestata, ir-riskji li tirreferi għalihom il-Kummissjoni sabiex tiġġustifika r-rifjut tagħha li tiżvela d-dokument mitlub jissemmew b’mod purament ipotetiku, mingħajr ebda riferiment għar-raġunijiet speċifiċi li jippermettu li jiġu ddefiniti.

28      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-motivi li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni kkontestata huma esposti b’mod ċar fiha.

29      Fil-fatt, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat, essenzjalment u fid-dawl ta’ preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità, li l-iżvelar eventwali tad-dokument mitlub seta’ jippreġudika l-għanijiet tal-verifika inkwistjoni. Għalhekk hija qieset li tali żvelar seta’ jikkomprometti s-serenità u l-indipendenza ta’ din il-verifika, b’mod partikolari fir-rigward tas-segwitu li kellu jingħata kif ukoll il-validazzjoni tagħhom mis-servizz tal-verifika interna tiegħu. Hija għalhekk qieset li kien jeżisti riskju prevedibbli li l-klima ta’ fiduċja reċiproka bejn l-EACEA u l-imsemmi servizz tiġi ppreġudikata bil-komunikazzjoni tad-dokument mitlub, li seta’ jkollu effett negattiv fuq l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet rilevanti.

30      Fid-dawl tal-elementi preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni esponiet b’mod ċar ir-riskji li fir-rigward tagħhom hija qieset li l-għanijiet tal-verifika inkwistjoni setgħu jiġu mhedda mill-iżvelar tad-dokument mitlub.

31      F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni, f’dan l-istadju, dwar il-fondatezza tal-motivi li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, l-eżami tal-eżistenza u tal-portata tal-motivazzjoni ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni taqa’ taħt l-istħarriġ tal-forom proċedurali sostanzjali u, għaldaqstant, taħt il-legalità formali ta’ din id-deċiżjoni. Għandha tiġi distinta mill-eżami tal-fondatezza tal-motivi ta’ din id-deċiżjoni, li min-naħa tagħha taqa’ taħt l-istħarriġ tal-legalità tagħha fil-mertu (ara s-sentenza tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, EU:C:1998:154, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata), u li ser tkun, f’dan il-każ, żviluppata fil-kuntest tal-analiżi tal-ewwel motiv imqajjem mir-rikorrenti.

32      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata hija astratta wisq, sa fejn din hija bbażata fuq kunsiderazzjonijiet vagi ħafna.

33      F’dan ir-rigward u kif jirriżulta mis-sunt li jinsab fil-punt 29 iktar ’il fuq, għandu jiġi rrilevat li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat b’mod partikolari li, minbarra r-riskji li jkunu esposti għalihom l-għanijiet tal-verifika inkwistjoni li kieku d-dokument mitlub kien żvelat, tali żvelar kien ukoll prekluż mill-fatt li l-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 kellha tiġi interpretata fid-dawl tal-Artikolu 99(6) tar-Regolament Finanzjarju. Barra minn hekk, il-Kummissjoni fakkret il-ħtieġa li ssir distinzjoni bejn l-attivitajiet amministrattivi u l-proċeduri leġiżlattivi, peress li r-rekwiżit ta’ trasparenza huwa iktar ippronunzjat għal dawn tal-aħħar, ħaġa li r-rikorrenti ma tikkontestax.

34      Issa, għandu jiġi osservat li l-motivi esposti fil-punt 33 iktar ’il fuq kienu jikkostitwixxu indikazzjoni suffiċjenti mogħtija lir-rikorrenti sabiex hija tkun tista’ tkun taf jekk id-deċiżjoni kkontestata kinitx fondata jew jekk kinitx ivvizzjata b’difett li jippermetti li tiġi kkontestata l-validità tagħha. Fil-fatt, abbażi ta’ dawn il-motivi, ir-rikorrenti kienet f’pożizzjoni li tifhem ir-raġunijiet speċifiċi għalfejn il-Kummissjoni kienet ikkunsidrat, f’dan il-każ, li d-dokument mitlub kien kopert mill-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Barra minn hekk, f’dan ir-rigward għandu jiġi kkonstatat li l-impossibbiltà, allegata mir-rikorrenti, li jitqies li kellha ssir tali interpretazzjoni tal-imsemmija eċċezzjoni hija l-qofol tal-argument żviluppat minnha fil-kuntest tal-ewwel motiv imqajjem minnha. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat ukoll li l-imsemmija motivi huma suffiċjenti sabiex jippermettu lill-Qorti Ġenerali teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.

35      Għaldaqstant, ma jistax jiġi kkontestat li d-deċiżjoni kkontestata tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-ġurisprudenza, kif imfakkra fil-punti 22 sa 25 iktar ’il fuq. Għaldaqstant, l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata hija astratta wisq għandu jiġi miċħud ukoll.

36      Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ssostni li l-motivi tad-deċiżjoni kkontestata ma jikkorrispondux għal dawk esposti f’posta elettronika li kienet intbagħtitilha fid-19 ta’ Settembru 2018.

37      Madankollu, għandu jiġi osservat li l-posta elettronika inkwistjoni kellha biss l-għan li tindika lir-rikorrenti li l-Kummissjoni ma kinitx f’pożizzjoni li tirrispondi għall-applikazzjoni konfermatorja tagħha ta’ aċċess għad-dokument mitlub fit-terminu inizjalment stabbilit. Għalhekk, din il-posta elettronika bl-ebda mod ma kienet intiża biex tesponi r-raġunijiet għalfejn, jekk ikun il-każ, kien hemm lok li din it-talba tiġi miċħuda.

38      Minn dan jirriżulta li dan l-argument tar-rikorrenti ma huwiex ta’ natura li jpoġġi indiskussjoni n-natura suffiċjenti tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, u għalhekk dan għandu jiġi miċħud għal din ir-raġuni.

39      Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti ssostni fl-istadju tar-replika li l-Kummissjoni naqset mid-dmir tagħha ta’ assistenza u ta’ informazzjoni lill-pubbliku li jirriżulta mill-Artikolu 6(4) tar-Regolament Nru 1049/2001.

40      Għandu jitfakkar li l-Artikolu 6(4) tar-Regolament Nru 1049/2001 jipprovdi li “[l]-istituzzjoni għandha tagħti tagħrif u għajnuna lil ċittadini dwar kif u fejn l-applikazzjonijiet għal aċċess għad-dokumenti jistgħu jsiru”.

41      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tressaq ebda prova li tista’ tistabbilixxi li l-Kummissjoni, f’dan il-każ, naqset milli twettaq l-obbligi tagħha previsti mill-Artikolu 6(4) tar-Regolament Nru 1049/2001, u lanqas, barra minn hekk, li l-allegat nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata li hija tallega jikkostitwixxi tali nuqqas ta’ twettiq tad-dmir ta’ assistenza u ta’ informazzjoni previst minn din id-dispożizzjoni.

42      F’dan ir-rigward, kif diġà tfakkar fil-punti 2 sa 6 iktar ’il fuq, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti qabel kollox talbet l-aċċess għad-dokument mitlub billi bagħtet posta elettronika lid-dipartiment tal-verifika interna tal-Kummissjoni fit-30 ta’ Lulju 2018. Dan tal-aħħar irrisponda debitament għal din il-posta elettronika permezz ta’ ittra tad-9 ta’ Awwissu 2018. Sussegwentement, ir-rikorrenti kkontestat l-evalwazzjoni kkomunikata mill-imsemmi dipartiment billi ppreżentat applikazzjoni konfermatorja għal aċċess fid-29 ta’ Awwissu 2018. Il-Kummissjoni wieġbet debitament għal din l-applikazzjoni konfermatorja għal aċċess bl-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fid-9 ta’ Ottubru 2018, wara li ħadet ħsieb li tinforma lir-rikorrenti, fid-19 ta’ Settembru 2018, li t-terminu sabiex tingħata risposta għall-imsemmija talba kellu jiġi estiż bi ħmistax-il jum.

43      Għandu jiġi ppreċiżat ukoll li r-rikorrenti ma tikkontestax ir-regolarità tal-proċedura li fi tmiemha ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li din tal-aħħar kienet suffiċjentement skont il-modalitajiet tal-preżentata tal-applikazzjonijiet għal aċċess għad-dokumenti sabiex tkun tista’ tiġi ppreżentata l-applikazzjoni għal aċċess ikkontestata. Barra minn hekk, huwa stabbiliet li l-Kummissjoni weġbithom b’diliġenza.

44      F’dan il-kuntest, għandu jiġi kkonstatat in-nuqqas ta’ kull element fl-argument tar-rikorrenti li jista’ jistabbilixxi li l-Kummissjoni naqset mid-dmir ta’ assistenza tagħha kif previst mill-Artikolu 6(4) tar-Regolament Nru 1049/2001 jew li tali nuqqas jista’ jivvizzja l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tressaq ebda element li jista’ jispjega r-rabta li hija tistabbilixxi bejn dan l-allegat nuqqas u l-motivazzjoni ta’ din id-deċiżjoni, li hija s-suġġett ta’ dan il-motiv.

45      Għaldaqstant, l-argument tar-rikorrenti intiż sabiex jiġi invokat nuqqas tal-Kummissjoni mid-dmir ta’ assistenza u ta’ informazzjoni lill-pubbliku li jirriżulta mill-Artikolu 6(4) tar-Regolament Nru 1049/2001 huwa infondat. Għaldaqstant, dan għandu jiġi miċħud.

46      Għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 15(3) TFUE, tal-Artikolu 42 tal-Karta, u tar-Regolament Nru 1049/2001

47      Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li huwa b’mod żbaljat li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrifjutat l-iżvelar tad-dokument mitlub billi invokat l-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. L-imsemmi motiv jista’ jinqasam f’erba’ partijiet.

48      Fl-ewwel parti, ir-rikorrenti ssostni li l-verifika li fil-kuntest tagħha tfassal id-dokument mitlub kienet intemmet meta hija talbet aċċess għalih. F’dan ir-rigward, it-titolu stess ta’ dan id-dokument, jiġifieri “Final audit report – IAS Audit on HR Management in the Education, Audiovisual and Cultural Executive Agency (Ares(2018)361356)”, kif ukoll il-kunsiderazzjonijiet esposti fid-deċiżjoni kkontestata li jgħidu li, “[a]bbażi tar-rapport ta’ verifika finali, [l-EACEA] aċċettat li timplimenta r-rakkomandazzjonijiet proposti” juru l-istat ta’ tlestija tal-verifika inkwistjoni. Barra minn hekk, id-dokument intitolat “HR Annual Plan” (Pjan annwali tar-riżorsi umani), imfassal mill-EACEA stess, jikkorrobora dawn l-allegazzjonijiet sa fejn jipprevedi azzjonijiet korrettivi li juru li kienet intlaħqet il-fażi finali tal-eżerċizzju tal-verifika. Barra minn hekk, minn dan l-aħħar dokument jirriżulta li sebgħa mill-azzjonijiet proposti fid-dokument mitlub twettqu kompletament, filwaqt li jkun raġonevoli li jiġi preżunt li l-aħħar żewġ azzjonijiet proposti fid-dokument mitlub kienu kompletament imwettqa, peress li dawn kienu diġà twettqu rispettivament għal 70 % u għal 80 % waqt it-tfassil tad-dokument intitolat “HR Annual Plan”. Ir-rikorrenti ssostni, fl-istadju tar-replika, li għaxar azzjonijiet kbar ġew għalhekk kompletament implimentati abbażi tar-rakkomandazzjonijiet tar-rapport ta’ verifika. Insostenn ta’ dan l-argument, hija stabbilixxiet nota rikapitolattiva li tanalizza r-rati ta’ twettiq tal-miżuri ta’ implimentazzjoni mill-EACEA. Madankollu, f’dan ir-rigward hija ssostni li, peress li l-eċċezzjoni prevista mill-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 tista’ tiġi invokata sabiex jiġi rrifjutat l-aċċess għal dokument biss fil-każ fejn l-iżvelar tiegħu jista’ jikkomprometti l-għanijiet imfittxija minn attività ta’ verifika, din hija inapplikabbli f’dan il-każ minħabba l-istat ta’ tlestija tal-verifika inkwistjoni.  Fi kwalunkwe każ ikun inaċċettabbli li wieħed jagħmel l-aċċess għad-dokument mitlub jiddependi fuq avveniment każwali, futur u remot.

49      Fit-tieni parti, ir-rikorrenti ssostni li l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li wieħed għandu jistenna li r-rakkomandazzjonijiet ifformulati fid-dokument mitlub jiġu kklassifikati minnha, wara li jkunu ġew implimentati mill-EACEA, qabel ma tiġi awtorizzata l-komunikazzjoni tiegħu lill-pubbliku jmur kontra kemm l-għan imfittex mir-Regolament Nru 1049/2001 kif ukoll id-dritt għat-trasparenza rrikonoxxut mill-Artikolu 15 TFUE u mill-Artikolu 42 tal-Karta. Barra minn hekk, dan diġà ġie kkonstatat mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza tagħha tad-9 ta’ Ġunju 2010, Éditions Jacob vs Il-Kummissjoni (T‑237/05, EU:T:2010:224). F’kull każ, ir-rikorrenti ssostni li l-portata ġenerali mogħtija lill-kunċett tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni mill-Kummissjoni tirriżulta minn interpretazzjoni li tinnewtralizza d-dritt għat-trasparenza minn din tal-aħħar li ma tistax tiġi aċċettata. Barra minn hekk, l-invokabbiltà ta’ ċerti preżunzjonijiet ġenerali ma tistax, skont ir-rikorrenti, tiġi dedotta b’mod sistematiku għal kull proċedura ta’ investigazzjoni jew ta’ verifika, peress li l-eċċezzjonijiet għall-prinċipju ta’ trasparenza għandhom ikunu s-suġġett ta’ interpretazzjoni restrittiva u limitata għall-ispeċifiċità tal-proċedura inkwistjoni kif juri l-punt 123 tas-sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2010, Éditions Jacob vs Il-Kummissjoni (T‑237/05, EU:T:2010:224).

50      Fit-tielet parti, ir-rikorrenti ssostni li dispożizzjoni li tirriżulta mid-dritt sekondarju ma tistax tirrestrinġi, mingħajr ġustifikazzjoni, dritt fundamentali li l-valur legali tiegħu huwa ekwivalenti għal dak tad-dritt primarju. Għaldaqstant, għandu jiġi miċħud l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li l-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-Artikolu 99(6) tar-Regolament Finanzjarju li jipprovdi li “[r]-rapporti u r-riżultati tal-awditur intern […] għandhom ikunu aċċessibbli lill-pubbliku biss wara validazzjoni mill-awditur intern tal-azzjoni meħuda għall-implimentazzjoni tagħhom”. Fl-istadju tar-replika, ir-rikorrenti ssostni li nnotat li l-imsemmija eċċezzjoni għandha tkun tista’ tiġi interpretata b’mod koerenti mal-Artikolu 99(6) tar-Regolament Finanzjarju. Madankollu, hija tikkunsidra li l-invokabbiltà ta’ tali obbligu ta’ kunfidenzjalità ma setgħetx, f’dan il-każ, teżenta lill-Kummissjoni milli twettaq eżami konkret u individwali tad-dokument mitlub, sa fejn, peress li l-imsemmi dokument kien intemm, il-Kummissjoni ma kinitx iġġustifikata li tapplika l-eċċezzjoni bbażata fuq din l-aħħar dispożizzjoni, u lanqas preżunzjoni ġenerali ta’ protezzjoni tal-attivitajiet ta’ verifika.

51      Fir-raba’ parti, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata ma tissodisfax it-test tar-riskju raġonevolment prevedibbli. Fil-fatt, ir-riskju ta’ preġudizzju għas-serenità u għall-indipendenza tal-investigazzjoni kkonċernata huwa fformulat biss b’mod purament ipotetiku. Min-naħa l-oħra, ma ntwerew la n-neċessità li tiġi applikata l-eċċezzjoni kkonċernata, u lanqas dik li tiġi applikata l-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 għad-dokument mitlub kollu. Għaldaqstant, preżunzjoni ġenerali ta’ nuqqas ta’ żvelar ma tistax tiġi invokata sabiex tiġġustifika l-imsemmija deċiżjoni. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-rikorrenti tikkunsidra li, f’dan il-każ, ma kienx hemm lok li tiġi sostnuta l-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri sabiex jiġi ġġustifikat l-iżvelar tal-imsemmi dokument. Madankollu, hija tirrileva, fi kwalunkwe każ u sussidjarjament, żball manifest ta’ evalwazzjoni li jivvizzja din id-deċiżjoni. Fil-fatt, hija tqis li fiha ġie kkunsidrat b’mod żbaljat li l-argumenti tagħha sabiex tikseb l-aċċess għal dan id-dokument huma “ta’ natura pjuttost privata”. Issa, il-Kummissjoni kellha tidentifika liema kienu dawn il-kunsiderazzjonijiet privati u teżamina jekk il-fatt li jiġu invokati prinċipji ġenerali ta’ trasparenza kienx biżżejjed sabiex jiġi eskluż il-bżonn ta’ protezzjoni ta’ dan id-dokument.

52      Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

53      Il-Qorti Ġenerali tqis li jkun utli li l-ewwel u t-tielet partijiet jiġu eżaminati flimkien, u sussegwentement ir-raba’ waħda.

 Fuq l-ewwel sat-tielet domanda

54      Preliminarjament, fir-rigward tad-dritt ta’ aċċess mill-pubbliku għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 42 tal-Karta, “[k]ull ċittadin ta’ l-Unjoni, u kull persuna fiżika jew ġuridika li tirrisjedi jew li jkollha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fi Stat Membru, għandu d-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti ta’ l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi ta’ l-Unjoni, ikun xi jkun il-mezz tagħhom”. Mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(3) TFUE jirriżulta wkoll li “[k]ull ċittadin ta’ l-Unjoni, u kull persuna fiżika jew ġuridika li toqgħod jew li jkollha l-uffiċċju reġistrat tagħha fi Stat Membru, għandha jkollha d-dritt għall-aċċess għal dokumenti ta’ l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi ta’ l-Unjoni, ikun xi jkun il-mezz tagħhom […]”.

55      Preliminarjament, ir-Regolament Nru 1049/2001, li ġie adottat abbażi tal-Artikolu 255(2) KE, għandu l-għan, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tiegħu, moqri fid-dawl tal-premessa 4, li jagħti lill-pubbliku l-iktar dritt ta’ aċċess wiesa’ possibbli għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet (sentenza tal-14 ta’ Novembru 2013, LPN u Il-Finlandja vs Il-Kummissjoni, C‑514/11 P u C‑605/11 P, EU:C:2013:738, punt 40).

56      Madankollu, għandu jitfakkar li, f’ċirkustanzi partikolari, jistgħu jsiru limiti għal dan id-dritt ta’ aċċess. Għalhekk, huwa b’mod partikolari previst mill-Artikolu 15(3) TFUE li “[i]l-prinċipji ġenerali u l-limiti għar-raġuni ta’ interess pubbliku jew privat li jirregolaw id-dritt ta’ l[-]aċċess għal dokumenti jiġu stabbiliti permezz ta’ regolamenti mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja”. Għaldaqstant, mill-kliem tiegħu jirriżulta b’mod ċar li l-imsemmija limiti jistgħu jiġu stabbiliti permezz ta’ regolamenti.

57      Fl-Artikolu 4 tiegħu, ir-Regolament Nru 1049/2001 jipprevedi sistema ta’ eċċezzjonijiet li jawtorizzaw lill-istituzzjonijiet jirrifjutaw l-aċċess għal dokument fil-każ li l-iżvelar tal-imsemmi dokument ikun ta’ preġudizzju għal wieħed mill-interessi protetti minn dan l-artikolu (ara s-sentenza tat-22 ta’ Marzu 2018, De Capitani vs Il-Parlament, T‑540/15, EU:T:2018:167, punt 59, u l-ġurisprudenza ċċitata).

58      F’dan ir-rigward, il-ġurisprudenza barra minn hekk fakkret li d-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti kien suġġett għal ċerti limiti bbażati fuq raġunijiet ta’ interess pubbliku jew privat, filwaqt li ppreċiżat li, peress li jidderogaw mill-prinċipju tal-aċċess l-iktar wiesa’ possibbli tal-pubbliku għad-dokumenti, tali eċċezzjonijiet għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod strett (sentenza tal-1 ta’ Frar 2007, Sison vs Il-Kunsill, C‑266/05 P, EU:C:2007:75, punti 62 u 63).

59      Fost l-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti hemm dik stabbilita fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, li bis-saħħa tagħha l-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw l-aċċess għal dokument fil-każ fejn l-iżvelar tiegħu jippreġudika l-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ verifika, sakemm interess pubbliku superjuri ma jiġġustifikax l-iżvelar tad-dokument imsemmi.

60      Is-sistema tal-eċċezzjonijiet prevista fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, u b’mod partikolari fil-paragrafu 2 tal-imsemmi artikolu, hija bbażata fuq l-ibbilanċjar tal-interessi opposti f’sitwazzjoni partikolari, jiġifieri, minn naħa, l-interessi li jiġu ffavoriti mill-iżvelar tad-dokumenti kkonċernati u, min-naħa l-oħra, dawk li jiġu mhedda minn dan l-iżvelar. Id-deċiżjoni meħuda dwar talba għal aċċess għal dokumenti tiddependi fuq il-kwistjoni dwar liema huwa l-interess li għandu jipprevali fil-każ ineżami (sentenza tal-14 ta’ Novembru 2013, LPN u Il-Finlandja vs Il-Kummissjoni, C‑514/11 P u C‑605/11 P, EU:C:2013:738, punt 42).

61      Barra minn hekk, meta istituzzjoni tintalab tiżvela dokument, din għandha l-obbligu li tevalwa, f’kull każ ineżami, jekk dan id-dokument jaqax taħt l-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet elenkati fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2008, L-Isvezja u Turco vs Il‑Kunsill, C‑39/05 P u C‑52/05 P, EU:C:2008:374, punt 35).

62      Huwa fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti li għandha tingħata deċiżjoni, f’dan il-każ, fuq il-kwistjoni dwar jekk kienx iġġustifikat, kif issostni l-Kummissjoni, li r-rikorrenti tiġi rrifjutata l-aċċess għad-dokument mitlub, abbażi tal-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 interpretat fid-dawl tal-Artikolu 99(6) tar-Regolament Finanzjarju, essenzjalment minħabba li kien jeżisti riskju prevedibbli li l-iżvelar tiegħu jippreġudika l-għan tal-verifika inkwistjoni billi jagħmel ħsara lill-implimentazzjoni, mill-EACEA, tar-rakkomandazzjonijiet li jinsabu fiha.

63      Mill-argumentazzjoni tar-rikorrenti jirriżulta, essenzjalment, li din tal-aħħar tikkontesta l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 kif ukoll l-interpretazzjoni tagħha fid-dawl tal-Artikolu 99(6) tar-Regolament Finanzjarju, għad-dokument mitlub, minħabba li l-verifika li fil-kuntest tagħha kien hemm ir-redazzjoni ta’ dan id-dokument kienet tlestiet meta hija ppreżentat it-talba tagħha għal aċċess għall-imsemmi dokument. Skont ir-rikorrenti, ikun fil-fatt kuntrarju għall-għan imfittex mir-Regolament Nru 1049/2001, kif ukoll għall-prinċipju ta’ trasparenza, li wieħed jistenna li r-rakkomandazzjonijiet magħmula f’rapport finali ta’ verifika jiġu implimentati qabel ma d-dokumenti relatati miegħu jkunu jistgħu jiġu żvelati mingħajr biża’ li jiġu ppreġudikati l-għanijiet imfittxija minn din il-verifika.

64      L-ewwel nett, fir-rigward tal-istadju li fih kienet tinsab il-verifika inkwistjoni meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata, għandu jitfakkar li d-dokument mitlub huwa rapport finali tad-dipartiment tal-verifika interna tal-Kummissjoni li jagħmel parti mill-fajl amministrattiv dwar verifika tal-ġestjoni tar-riżorsi umani fi ħdan l-EACEA.

65      F’dan ir-rigward, għandu qabel kollox jiġi kkonstatat li dan il-każ huwa differenti mill-kawża li tat lok għas-sentenza tat-12 ta’ Mejju 2015, Technion u Technion Research & Development Foundation vs Il-Kummissjoni (T‑480/11, EU:T:2015:272), b’mod partikolari invokata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata bħala eżempju. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali kienet ikkunsidrat, fil-punt 66 ta’ din is-sentenza, li, “fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni [inkwistjoni], ir-rapport finali li jtemm il-proċedura ta’ awditu, kien għadu ma ġiex adottat u li kienu għadhom possibbli u prevedibbli attivitajiet addizzjonali ta’ investigazzjoni inkonnessjoni ma’ dan l-awditu”. Issa, huwa stabbilit li, f’dan il-każ, ir-rapport finali kien ġie adottat meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata.

66      Madankollu, hekk kif jirriżulta mill-elementi inklużi fil-proċess, b’mod partikolari min-nota rikapitolattiva stabbilita mir-rikorrenti stess, kienu biss ċerti rakkomandazzjonijiet ifformulati fid-dokument mitlub fid-data tal-24 ta’ Ottubru 2018 li ġew applikati, li jimplika li r-rakkomandazzjonijiet kollha fformulati f’dan id-dokument kienu għadhom ma ġewx applikati meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata.

67      Għaldaqstant, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, għalkemm ir-rapport finali li jtemm il-proċedura ta’ verifika ġie effettivament adottat meta tressqet it-talba għal aċċess għad-dokumenti kontenzjużi, miżuri ta’ implimentazzjoni relatati mal-imsemmija proċedura ta’ verifika kienu madankollu pendenti meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata.

68      It-tieni nett, sa fejn ir-rikorrenti ssostni li l-istennija li r-rakkomandazzjonijiet ifformulati fid-dokument mitlub jiġu kklassifikati mill-Kummissjoni qabel ma tawtorizza l-komunikazzjoni tiegħu lill-pubbliku tmur kontra kemm l-għan imfittex mir-Regolament Nru 1049/2001 kif ukoll id-dritt għat-trasparenza rrikonoxxut mill-Artikolu 15 TFUE u mill-Artikolu 42 tal-Karta, għandu jiġi kkonstatat dan li ġej.

69      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat b’mod partikolari li l-eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti bbażata fuq it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-Artikolu 99(6) tar-Regolament Finanzjarju. Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi rrilevat li r-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU 2018, L 193, p. 1), li, skont l-Artikolu 281(1) tiegħu ħassar ir-Regolament Finanzjarju b’effett mit-2 ta’ Awwissu 2018, fih, fl-Artikolu 118(9) tiegħu, dispożizzjoni li essenzjalment tirriproduċi l-Artikolu 99(6) tar-Regolament Finanzjarju.

70      F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li l-Artikolu 99(6) tar-Regolament Finanzjarju jipprevedi li “[i]r-rapporti u r-riżultati tal-awditur intern, kif ukoll ir-rapport tal-istituzzjoni, għandhom ikunu aċċessibbli lill-pubbliku biss wara validazzjoni mill-awditur intern tal-azzjoni meħuda għall-implimentazzjoni tagħhom”.

71      Għandu jiġi kkonstatat ukoll li r-Regolament Nru 1049/2001 u r-Regolament Finanzjarju għandhom għanijiet differenti. Ir-Regolament Nru 1049/2001 huwa intiż sabiex jiffaċilita kemm jista’ jkun l-eżerċizzju tad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti kif ukoll biex jippromwovi prattiki amministrattivi tajba (sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob, C‑404/10 P, EU:C:2012:393, punt 109). Min-naħa tiegħu, ir-Regolament Finanzjarju huwa intiż sabiex jiddefinixxi r-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni. B’mod iktar preċiż, il-Kapitolu 9 tiegħu jiddefinixxi l-kompiti u l-modalitajiet konkreti ta’ funzjonament applikabbli għall-awditur intern li kull istituzzjoni tal-Unjoni għandha l-obbligu li tadotta.

72      Fl-istess ħin, għandu jiġi osservat li r-Regolament Nru 1049/2001 u r-Regolament Finanzjarju ma jinkludux dispożizzjoni li tipprevedi espressament is-supremazija ta’ wieħed fuq l-ieħor. Issa, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li ma jistax jiġi eskluż, bħala prinċipju, li l-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 jiġu interpretati fid-dawl ta’ ċerti leġiżlazzjonijiet speċifiċi tad-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, f’każ bħal dan, għandha tiġi żgurata applikazzjoni ta’ kull wieħed minn dawn ir-regolamenti li tkun kompatibbli ma’ dik tal-ieħor u tippermetti applikazzjoni koerenti tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-28 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob, C‑404/10 P, EU:C:2012:393, punt 123; tad-29 ta’ Jannar 2013, Cosepuri vs EFSA, T‑339/10 u T‑532/10, EU:T:2013:38, punt 85, u tal-21 ta’ Settembru 2016, Secolux vs Il-Kummissjoni, T‑363/14, EU:T:2016:521, punt 43).

73      Issa, l-għan stess tal-Artikolu 99(6) tar-Regolament Finanzjarju huwa li jirrestrinġi l-aċċess għar-rapporti u għall-konklużjonijiet tal-awditur intern, billi jiġu ppreżervati l-imsemmija dokumenti ta’ żvelar lill-pubbliku sal-validazzjoni tal-miżuri ta’ implimentazzjoni tagħhom minn dan tal-aħħar. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li jiġi permess aċċess ġeneralizzat, abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001, għar-rapporti tal-awditur intern li l-miżuri ta’ implimentazzjoni tiegħu għadhom ma kinux is-suġġett ta’ validazzjoni minn dan tal-aħħar huwa ta’ natura li jipperikola l-bilanċ li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jiżgura fir-Regolament Finanzjarju bejn id-dritt tal-pubbliku li jaċċedi għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet bl-iktar mod wiesa’ possibbli u l-fakultà, għall-awditur intern, li jwettaq l-awditi li huwa jgħamel.

74      Għaldaqstant, għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, għandha tiġi applikata preżunzjoni ġenerali li tgħid li l-iżvelar tal-konklużjonijiet u tar-rapporti tal-awditur intern qabel il-validazzjoni, minn dan tal-aħħar, tal-miżuri ta’ implimentazzjoni li jinkludu, jista’ jippreġudika l-għanijiet tal-awditi li huwa jwettaq (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-28 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob, C‑404/10 P, EU:C:2012:393, punt 123; tad-29 ta’ Jannar 2013, Cosepuri vs EFSA, T‑339/10 u T‑532/10, EU:T:2013:38, punt 85, u tal-21 ta’ Settembru 2016, Secolux vs Il-Kummissjoni, T‑363/14, EU:T:2016:521, punt 43), peress li din il-preżunzjoni ta’ dannu bl-ebda mod ma teskludi, għall-persuni kkonċernati, il-possibbiltà li juru, b’mod partikolari, li dokument speċifiku li l-iżvelar tiegħu huwa mitlub ma huwiex kopert mill-imsemmija preżunzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Frar 2014, Il-Kummissjoni vs EnBW, C‑365/12 P, EU:C:2014:112, punt 100 u l-ġurisprudenza ċċitata).

75      Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi ppreċiżat li l-fatt li d-dokumenti relatati ma’ verifika interna huma koperti mill-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, sa fejn il-miżuri ta’ implimentazzjoni tal-verifika inkwistjoni ma ġewx ivvalidati mill-awditur intern, iwassal sabiex id-dritt fundamentali tal-pubbliku għall-aċċess għad-dokumenti jiġi ristrett biss b’mod doppjament limitat.

76      Fil-fatt, minn naħa, din l-interpretazzjoni tikkonċerna biss, fost l-attivitajiet ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ awditu, il-kategorija speċifika tal-awditi mmexxija mill-awditur intern. Min-naħa l-oħra, hija limitata ratione temporis, peress li hija tippermetti lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni jirrifjutaw l-aċċess għar-rapporti u għall-konklużjonijiet dwar tali verifiki interni biss sakemm l-awditur intern ikun ivvalida l-miżuri meħuda għall-implimentazzjoni tagħhom. Fi kliem ieħor, l-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 kif interpretata fid-dawl tal-Artikolu 99(6) tar-Regolament Finanzjarju hija limitata għat-tul tal-proċedura li fi tmiemha l-awditur intern jivvalida l-miżuri ta’ segwitu ta’ tali rapporti.

77      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, u fid-dawl tan-neċessità li tiġi żgurata applikazzjoni koerenti tar-Regolament Nru 1049/2001 u tar-Regolament Finanzjarju, huwa għalhekk żbaljat li r-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet interpretazzjoni li tinnewtralizza d-dritt għat-trasparenza billi rrifjutatilha l-aċċess għad-dokument mitlub għar-raġuni li s-segwitu li għandu jingħata lill-verifika inkwistjoni ma kienx għadu ġie vvalidat mill-awditur intern.

78      It-tielet nett, sa fejn ir-rikorrenti ssostni li l-eċċezzjoni prevista mit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 ma kinitx applikabbli f’dan il-każ, sa fejn l-iżvelar tad-dokument mitlub ma setax jikkomprometti l-għanijiet tal-verifika inkwistjoni minħabba l-istat ta’ twettiq ta’ dan tal-aħħar, għandu jitfakkar li, kif ġie kkonstatat fil-punt 66 iktar ’il fuq, ir-rakkomandazzjonijiet kollha fformulati f’dan id-dokument kienu għadhom ma ġewx applikati meta d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata.

79      F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li, meta ngħatat is-sentenza tas-6 ta’ Lulju 2006, Franchet u Byk vs Il-Kummissjoni (T‑391/03 u T‑70/04, EU:T:2006:190), invokata mir-rikorrenti fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Finanzjarju fil-qasam tal-aċċess għad-dokumenti waqt proċedura ta’ verifika interna kienu għadhom ma daħlux fis-seħħ fiż-żmien tal-fatti fil-kawża li tat lok għall-imsemmija sentenza, u li r-Regolament Finanzjarju fil-verżjoni tiegħu applikabbli dak iż-żmien ma kienx jipprevedi regoli li jillimitaw l-aċċess tal-pubbliku għar-rapporti ta’ verifika. Issa, mid-dħul fis-seħħ tal-Artikolu 99(6) tar-Regolament Finanzjarju fil-verżjoni tiegħu tal-2012, id-dispożizzjonijiet tiegħu għandhom neċessarjament jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata għar-raġunijiet li jinsabu fil-punti 68 sa 77. Għaldaqstant, il-miżuri ta’ implimentazzjoni inkwistjoni f’dan il-każ ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala avveniment każwali, futur u imbiegħed, li għalih huwa suġġett l-aċċess għad-dokument mitlub fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata mir-rikorrenti.

80      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, l-ewwel sat-tielet parti tal-ewwel motiv għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq ir-raba’ parti

81      Ir-rikorrenti ssostni, l-ewwel nett, li mid-deċiżjoni kkontestata ma jirriżultax li l-Kummissjoni wettqet eżami konkret tad-dokument mitlub qabel ma kkonkludiet li dan kien “kunfidenzjali”. It-tieni nett, hija ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkonkludiet li l-interess tagħha li tikseb l-iżvelar tad-dokument mitlub kien pjuttost ta’ natura privata.

82      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, l-ewwel nett, li istituzzjoni, meta tirċievi talba bbażata fuq ir-Regolament Nru 1049/2001, hija obbligata, bħala prinċipju, li twettaq evalwazzjoni konkreta u individwali tal-kontenut tad-dokumenti msemmija fl-applikazzjoni (sentenza tat-13 ta’ April 2005, Verein für Konsumenteninformation vs Il-Kummissjoni, T‑2/03, EU:T:2005:125, punt 74).

83      Din is-soluzzjoni bħala prinċipju ma tfissirx madankollu li tali eżami huwa meħtieġ fiċ-ċirkustanzi kollha. Fil-fatt, peress li l-għan tal-eżami konkret u individwali li l-istituzzjoni għandha fil-prinċipju twettaq b’risposta għal applikazzjoni għal aċċess imressqa abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001 huwa li jippermetti lill-istituzzjoni inkwistjoni sabiex, minn naħa, tevalwa sa fejn hija applikabbli eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess u, min-naħa l-oħra, tevalwa l-possibbiltà ta’ aċċess parzjali, l-imsemmi eżami jista’ ma jkunx neċessarju meta, minħabba ċirkustanzi partikolari tal-każ, ikun jidher b’mod ċar li l-aċċess għandu jiġi miċħud jew, għall-kuntrarju, għandu jingħata. Dan jista’ jkun il-każ, b’mod partikolari, jekk ċerti dokumenti, qabel kollox, ikunu koperti b’mod ċar fl-intier tagħhom minn eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess jew, bil-kontra, ikunu manifestament aċċessibbli fl-intier tagħhom, jew, finalment, jekk diġà kienu s-suġġett ta’ evalwazzjoni konkreta u individwali mill-Kummissjoni f’ċirkustanzi simili (sentenza tat-13 ta’ April 2005, Verein für Konsumenteninformation vs Il-Kummissjoni, T‑2/03, EU:T:2005:125, punt 75).

84      Issa, f’dan il-każ huwa stabbilit li fid-deċiżjoni kkontestata u għar-raġunijiet li jinsabu fil-punt 29 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni qieset li l-għanijiet tal-verifika inkwistjoni jkunu esposti għal theddid fil-każ ta’ żvelar tad-dokument mitlub. Barra minn hekk, dawn il-kunsiderazzjonijiet ġew stabbiliti b’mod ċar fl-imsemmija deċiżjoni.

85      Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li kien ċar, f’dan il-każ, li evalwazzjoni konkreta u individwali tal-kontenut tad-dokument imsemmi fl-applikazzjoni ma kinitx neċessarja peress li dan kien kopert minn preżunzjoni ġenerali li tgħid li l-iżvelar tal-konklużjonijiet u tar-rapporti redatti mill-awditur intern, qabel il-validazzjoni tal-miżuri ta’ implimentazzjoni tagħhom minn dan tal-aħħar, jista’ jippreġudika l-għanijiet tal-verifiki li huma relatati magħhom.

86      Għaldaqstant, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li jgħid li mid-deċiżjoni kkontestata ma jirriżultax li l-Kummissjoni wettqet eżami konkret tad-dokument mitlub.

87      It-tieni nett, sa fejn ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni li wettqet żball manifest meta kkunsidrat li l-interessi li fuqhom kienet ibbażata t-talba għal aċċess għad-dokument mitlub li hija kienet ippreżentat kienu pjuttost ta’ natura privata, hemm lok li jiġi kkonstatat li huwa b’mod ġust li l-Kummissjoni tenfasizza li, meta hija talbet li din il-kawża tingħaqad ma’ dik li tat lok għas-sentenza tas-6 ta’ Ġunju 2019, Bonnafous vs EACEA (T‑614/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:381), ir-rikorrenti espressament ressqet tali motivi ta’ natura privata għall-finijiet li tiġġustifika l-interess tagħha li tikseb l-aċċess għad-dokument mitlub.

88      Għalhekk, fit-talba biex jingħaqdu l-kawżi inkwistjoni, ir-rikorrenti sostniet b’mod partikolari li “[l]-qari [tad-dokument mitlub] għandu għalhekk [jippermettilha] tikkorrobora u/jew tiddokumenta diversi lmenti li hija qajmet fil-Kawża T‑614/17”.

89      Issa, l-interess partikolari li jista’ jinvoka applikant għall-aċċess għal dokument li jikkonċernah personalment ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni bħala interess pubbliku superjuri fis-sens tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Minn dan isegwi li d-difiża tal-interessi tiegħu sabiex jippreżenta rikors ma tikkostitwixxix interess pubbliku superjuri fis-sens tad-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Mejju 2011, NLG vs Il-Kummissjoni, T‑109/05 u T‑444/05, EU:T:2011:235, punt 148).

90      Barra minn hekk, għal darb’oħra għandu jitfakkar li r-rifjut ta’ żvelar invokat konta r-rikorrenti kif ukoll il-preżunzjoni ġenerali li tgħid li l-iżvelar tad-dokument mitlub jista’ jippreġudika l-għanijiet tal-verifika inkwistjoni li fuqha huwa bbażat dan ir-rifjut huma provviżorji. Fil-fatt, min-natura stess tal-imsemmija preżunzjoni jirriżulta li din tista’ tiġi invokata biss sakemm id-dipartiment tal-verifika interna tal-Kummissjoni ma jkunx ivvalida l-miżuri ta’ implimentazzjoni tad-dokument mitlub. Għaldaqstant, ir-referenza għas-sentenzi tat-12 ta’ Ottubru 2000, JT’s Corporation vs Il-Kummissjoni (T‑123/99, EU:T:2000:230, punt 50), u tas-6 ta’ Lulju 2006, Franchet u Byk vs Il-Kummissjoni (T‑391/03 u T‑70/04, EU:T:2006:190, punt 112), li tinsab fir-replika insostenn tal-argument li jgħid li d-deċiżjoni kkontestata ċċaħħad liċ-ċittadini mill-possibbiltà li jistħarrġu l-legalità tal-eżerċizzju tas-setgħa pubblika ma hijiex rilevanti f’dan il-każ.

91      Għalhekk, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti ma ressqet ebda argument li jista’ jistabbilixxi li interess pubbliku superjuri seta’ jiġġustifika l-iżvelar tad-dokument mitlub f’dan il-każ.

92      Għaldaqstant, ir-raba’ parti għandha tiġi miċħuda u, magħha, l-ewwel motiv kollu kemm hu.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

93      Ir-rikorrenti ssostni li l-preżunzjoni ġenerali ta’ nuqqas ta’ żvelar tad-dokument mitlub li fuqha hija bbażata d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex iġġustifikata. Hija tqis li r-rifjut ta’ komunikazzjoni, anki parzjali, ta’ dan id-dokument għandu jiġi interpretat bħala rifjut li dan jiġi eżaminat b’mod konkret u individwali, ħaġa li tikkostitwixxi ksur manifest tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

94      Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

95      F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, għall-istess raġunijiet bħal dawk li jinsabu fil-punti 82 sa 85 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata li twettaq f’dan il-każ l-eżami konkret u individwali tad-dokument mitlub.

96      Għalhekk, għandu jiġi miċħud it-tielet motiv u, għaldaqstant, li jiġi miċħud ir-rikors kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

97      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Laurence Bonnafous hija kkundannata għall-ispejjeż.

Kanninen

Półtorak

Stancu

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-26 ta’ Marzu 2020.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.