Language of document : ECLI:EU:C:2013:490

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

18 ta’ Lulju 2013 (*)

“Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Regolament (KE) Nru 44/2001 — Qorti li għandha ġurisdizzjoni — Ġurisdizzjoni speċjali ‘f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt’ [f’materji kuntrattwali] u ‘f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kwasi delitt’ [f’materji ta’ delitt jew kważi-delitt]”

Fil-Kawża C‑147/12,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Hovrätten för Nedre Norrland (l-Isvezja), permezz tad-deċiżjoni tat-23 ta’ Marzu 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-26 ta’ Marzu 2012, fil-proċedura

ÖFAB, Östergötlands Fastigheter AB

vs

Frank Koot,

Evergreen Investments BV,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn T. von Danwitz (Relatur), President tal-Awla, A. Rosas, E. Juhász, D. Šváby u C. Vajda, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-17 ta’ April 2013,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal ÖFAB, Östergötlands Fastigheter AB, minn M. André,

–        għal F. Koot u Evergreen Investments BV, minn K. Crafoord, B. Rundblom Andersson u J. Conradsson, advokater,

–        għall-Gvern Svediż, minn A. Falk u K. Ahlstrand-Oxhamre, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Grieg, minn S. Chala, bħala aġent,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn J. Beeko, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn A.-M. Rouchaud-Joët u C. Tufvesson, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn ÖFAB, Östergötlands Fastigheter AB (iktar ’il quddiem “ÖFAB”), stabbilita fl-Isvezja, u F .Koot u Evergreen Investments BV (iktar ’il quddiem “Evergreen”), stabbiliti fil-Pajjiżi l-Baxxi, dwar ir-rifjut ta’ dawn tal-aħħar li jissodisfaw id-djun ta’ Copperhill Mountain Lodge AB (iktar ’il quddiem “Copperhill”), kumpannija b’responsabbiltà limitata stabbilita fl-Isvezja.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Ir-Regolament Nru 44/2001 jinkludi regoli dwar il-ġurisdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali.

4        Il-premessi 8, 11 u 12 ta’ dan ir-regolament jipprovdu:

“(8) Għandu jkun hemm rabta bejn il-proċedimenti li dwarhom japplika dan ir-Regolament u t-territorju ta’ l-Istati Membri marbuta b’dan ir-Regolament. Għahekk, regoli komuni ta’ ġurisdizzjoni għandhom, bħala prinċipju, japplikaw meta l-konvenut jkun domiċiljat f’wieħed minn dawn l-Istati Membri.

[...]

(11)  Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom jiġu mbassra minn qabel u stabbiliti fuq il-prinċipju li l-ġurisdizzjoni hija ġeneralment ibbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut u l-ġurisdizzjoni għandha dejjem tkun disponibbli fuq dan il-lat ħlief għal ftit sitwazzjonijiet definiti sewwa li fihom is-suġġett tal-materja tal-litigazzjoni jew ta’ awtonomija tal-partijiet tkun teħtieġ fattur differenti. Id-domiċilju ta’ persuna ġuridika għandu jiġi definit b’awtonomija u b’ hekk jagħmel ir-regoli komuni aktar trasparenti u jevita kunflitti ta’ ġurisdizzjoni.

(12)  B’żieda mad-domiċilju tal-konvenut, għandu jkun hemm bażi alternattiva ta’ ġurisdizzjoni bbażata fuq rabta mill-qrib bejn il-qorti u l-azzjoni jew sabiex tkun iffaċilitata amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja.”

5        Skont l-Artikolu 1(2)(b) tal-imsemmi Regolament “falliment, proċedimenti li għandhom x’jaqsmu ma’ għeluq ta’ kumpanija falluti jew ta’ persuni ġuridiċi oħra, arranġamenti ġuridiki, komposizzjoni jew proċedimenti analog” huma esklużi mill-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament.

6        L-Artikolu 2(1), tar-Regolament Nru 44/2001 huwa redatt kif ġej:

“Bla preġudizzju għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jiġu mfittxija fil-qrati ta’ dak l-Istat Membru”.

7        Skont l-Artikolu 5(1) u (3) ta’ dan ir-regolament, persuna li tkun domiċiljata fit-territorju ta’ Stat Membru tista’ wkoll tiġi mfittxa fi Stat Membru ieħor:

“1)    a)      f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt, fil-qrati tal-post tat-twettieq ta’ l-obbligi f’dak il-każ;

b)       għall-iskopijiet ta’ din id-disposizzjoni u sa kemm ma jkunx miftiehem mod ieħor, il-post tat-twettieq ta’ l-obbligi f’dak il-każ għandu jkun:

–        fil-każ ta’ bejgħ ta’ oġġetti, il-post fl-Istat Membru fejn, skond il‑kuntratt, l-oġġetti ġew kunsinjati jew suppost li kienu kunsinjati,

–        fil-każ ta’ provista ta’ servizzi, il-post fl-Istat Membru fejn, skond il-kuntratt, fejn ġew provduti jew suppost li kienu provduti servizzi;

(ċ)       jekk sub-paragrafu (b) ma japplikax, japplika s-sub-paragrafu (a);

[...]

3)       f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kwasi delitt, fil-qrati tal-post fejn l-effett ta’ ħsara [l-avveniment dannuż] [i]kun twettaq jew jista’ jitwettaq”.

 Id-dritt Svediż

8        Taħt il-Kapitolu 25 tal-Liġi dwar il-Kumpanniji b’responsabbiltà limitata (Aktiebolagslag, SFS 2005, n° 551), l-Artikolu 18 ta’ din il-liġi jipprovdi li l-membri tal-bord tad-diretturi jistgħu jinżammu responsabbli biex jissodisfaw id-djun tal-kumpannija meta huma jonqsu milli jwettqu ċerti formalitajiet fid-dawl tal-monitoraġġ tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-kumpannija, peress illi din tal-aħħar ma jkollhiex mezzi finanzjarji biżżejjed. Skont l-imsemmi artikolu:

“Jekk il-bord tad-diretturi jkun naqas milli:

1.      jistabbilixxi l-bilanċ finanzjajru ta’ verifika msemmi fl-Artikolu 14 u jippermetti lill-awditura tal-kumpannija biex jirrevedi l-imsemmi bilanċ kif impost fuqu fl-Artikolu 13,

2.      isejjaħ, skont l-Artikolu 15, l-ewwel laqgħa ġenerali ta’ verifika, jew

3.      jippreżenta lil qorti lokali, skont l-Artikolu 17, talba għall-istralċjar tal-kumpannija,

il-membri tal-bord tad-diretturi għandhom jissodisfaw in solidum id-djun tal-kumpannija maħluqa waqt iż-żmien ta’ dan in-nuqqas.

Kull persuna li tkun aġixxiet f’isem il-kumpannija u tkun taf bin-nuqqas tal-bord tad-diretturi tassumi in solidum mal-membri tal-imsemmi bord responsabbiltà għad-djun li hija tkun ikkuntrattat għal din il-kumpannija.

Ma hijiex responsabbli abbażi tal-ewwel u tat-tieni subparagrafu kull persuna li ma tkunx aġixxiet b’mod negliġenti.

[...]”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

9        F. Koot, residenti fil-Pajjiżi l-Baxxi, kien membru tal-bord tad-diretturi ta’ Copperhill mid-9 ta’ Settembru 2007 sal-5 ta’ Settembru 2009 inkluż, data li fiha huwa sar membru supplenti, funzjoni li huwa okkupa sat-22 ta’ Jannar 2010.

10      Evergreen kellha 40 % tal-azzjonijiet ta’ Copperhill qabel ma xtrat, fil-11 ta’ Settembru 2007, 50 % tal-azzjonijiet addizzjonali tal-imsemmija kumpannija.

11      Bejn l-10 ta’ Ottubru  2007 u t-2 ta’ Diċembru 2009, is-sede ta’ Copperhill kienet tinsab fil-komun ta’ Åre (l-Isvezja), li jinsab taħt il-ġurisdizzjoni tal-Östersunds tingsrätt (qorti lokali ta’ Östersund), fejn din il-kumpannija eżerċitat matul dan il-perijodu l-attivitajiet tagħha u bnit lukanda.

12      Għall-kostruzzjoni ta’ din il-lukanda, Copperhill ordnat xogħlijiet ta’ tħaffir u, b’mod partikolari, it-tqegħid ta’ madum fil-kmamar tal-banju mingħand żewġ impriżi lokali, Toréns Entreprenad i Östersund AB (iktar ’il quddiem “Toréns”) u Kakelmässan Norr Handelsbolag (iktar ’il quddiem “Kakelmässan”).

13      Fit-23 ta’ Marzu 2009, peress li Copperhill issospendiet il-pagamenti tagħha minħabba diffikultajiet finanzjarji, l-Östersunds tingsrätt iddeċidiet li tqiegħed lill-imsemmija impriża għal miżuri ta’ reorganizzazzjoni (“företagsrekonstruktion”). Fil-kuntest ta’ dawn il-miżuri, Toréns u Kakelmässan ġew rimborsati parti biss mill-krediti rispettivi li kellhom fil-konfront ta’ Copperhill. Il-flus tal-imsemmija krediti ġew akkwistati minn Invest i Årefjällen i Stockholm AB (iktar ’il quddiem “Invest”).

14      Fl-10 ta’ Awwissu  2010, Invest ippreżentat żewġ rikorsi kontra F. Koot u Evergreen quddiem l-Östersunds tingsrätt. Insostenn tal-azzjoni tagħha kontra F. Koot, Invest argumentat li dan l-aħħar kien responsabbli biex jikkumpensaha abbażi tal-Artikolu 18 tal-Kapitolu 25 tal-Liġi dwar il-kumpanniji b’responsabbiltà limitata. L-azzjoni kontra Evergreen kienet ibbażata, minn naħa, fuq il-prinċipji ta’ deroga tar-responsabbiltà limitata u, min-naħa l-oħra, fuq il-fatt li Evergreen kienet “wegħdet” li twaqqaf l-interess tagħha f’Toréns u Kakelmässan jew li tipprovdi lil Copperhill il-fondi meħtieġa f’dan ir-rigward.

15      Fir-rigward tal-ġurisdizzjoni tal-Östersunds tingsrätt biex tiddeċiedi l-kawżi inkwistjoni, Invest sostniet li l-att dannuż kien seħħ f’Åre u li huwa wkoll f’Åre li seħħ id-dannu. F. Koot u Evergreen sostnew li, peress li huma t-tnejn huma ddomiċiljati fil-Pajjiżi l-Baxxi, din il-qorti ma għandhiex ġurisdizzjoni biex tisma’ dawn il-kawżi.

16      Fis-26 ta’ April  2011, l-Östersunds tingsrätt iddeċidiet li tiċħad ir-rikors ta’ Invest billi ddikjarat lilha nnifisha bħala bla ġurisdizzjoni biex tisma’ l-kawżi inkwistjoni. Skont din il-qorti, dawn il-kawżi ma għandhom la materja kuntrattwali u lanqas materja ta’ delitt jew kważi-delitt fis-sens tal-Artikolu 5(1) u (3) tar-Regolament Nru 44/2001. Għalhekk, skont ir-regola ġenerali stabbilita fl-Artikolu 2(1) tal-imsemmi regolament, l-imsemmija kawżi għandhom jitressqu quddiem il-qrati tal-Istat Membru ta’ F. Koot u ta’ Evergreen.

17      Invest ippreżentat appell quddiem il-Hovrätten för Nedre Norrland billi talbet li din tal-aħħar biex tibgħat talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja. Hija sussegwentement ittrasferit il-krediti tagħha lil ÖFAB

18      Il-Hovrätten för Nedre Norrland tqis li, sabiex tiġi ddeterminata l-ġurisdizzjoni tal-qrati Svediżi biex jisimgħu l-kawża prinċipali, hemm bżonn li jiġi interpretat l-Artikolu 5(1) u (3) tar-Regolament Nru 44/2001.

19      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-imsemmija dispożizzjonijiet jikkostitwixxux eċċezzjoni eżawrjenti għall-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 44/2001 f’dak li jirrigwarda l-azzjonijiet għal kumpens, fis-sens li l-Artikolu 5(3) ta’ dan ir-regolament huwa applikabbli fil-każ li l-punt 1 tal-imsemmi artikolu ma jkunx. Barra minn hekk, din il-qorti tqis li l-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma ddeċidietx dwar il-kwistjoni jekk azzjonijiet intiżi biex membru tal-bord tad-diretturi ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata, abbażi tal-Artikolu 18 tal-Kapitolu 25 tal-Liġi dwar il-Kumpanniji b’responsabbiltà limitata, kif ukoll azzjonarju ta’ tali kumpannija, abbażi tad-deroga għar-responsabbiltà limitata, jinsab responsabbli għad-djun tal-imsemmija kumpannija taqax taħt l-Artikolu 5(3) tal-imsemmi regolament.

20      F’dak li jikkonċerna d-deroga għar-responsabbiltà limitata, il-qorti tar-rinviju indikat li, skont il-ġurisprudenza tal-Högsta domstolen (qorti suprema), l-azzjonisti ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata jistgħu, f’sitwazzjonijiet eċċezzjonali, jinżammu responsabbli għad-djun tal-kumpannija kkonċernata. Fost il-fatturi li jistgħu jkunu sinjifikattivi f’dan ir-rigward wieħed jista’ jsemmi aġir żleali jew abbużiv tal-azzjonisti, nuqqas ta’ kapital kif ukoll il-fatt li din il-kumpannija ma kellhiex bħala għan attività ekonomika.

21      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Hovrätten för Nedre Norrland iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)       L-Artikoli 5(1) u 5(3) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 44/2001 [...] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jikkostitwixxu deroga komprensiva mir-regola ġenerali tal-Artikolu 2 fi kwistjonijiet ta’ kumpens?

2)      Il-kliem “materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kwasi delitt” fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament [Nru 44/2001] għandhom jiġu interpretati fis-sens li din id-dispożizzjoni tkopri l-azzjoni ta’ kreditur kontra direttur ta’ kumpannija jekk din l-azzjoni hija intiża sabiex tiġi kkonstatata r-responsabbiltà tad-direttur għad-djun tal-kumpannija fil-każ li d-direttur jonqos milli jieħu azzjonijiet formali għall-monitoraġġ tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-kumpannija u minflok ikompli jopera l-kumpannija u jgħabbiha b’iktar djun?

3)      Il-kliem “materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kwasi delitt” fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament [Nru 44/2001] għandhom jiġu interpretati fis-sens li din id-dispożizzjoni tkopri l-azzjoni ta’ kreditur kontra l-proprjetarju ta’ kumpannija jekk din l-azzjoni hija intiża sabiex tiġi kkonstatata r-responsabbiltà tal-proprjetarju għad-djun tal-kumpannija fil-każ li l-azzjonist ikompli jinnegozja minkejja l-fatt li ma hemmx fondi suffiċjenti u l-kumpannija jkollha tiġi llikwidata?

4)      Il-kliem “materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kwasi delitt” fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament [Nru 44/2001] għandhom jiġu interpretati fis-sens li din id-dispożizzjoni tkopri l-azzjoni ta’ kreditur kontra l-proprjetarju ta’ kumpannija li jkun obbliga ruħu jħallas id-djun ta’ kumpannija?

5)      Fil-każ li r-risposta għat-tieni domanda tkun fl-affermattiv, kull dannu li jirriżulta għandu jitqies li seħħ fil-Pajjiżi l-Baxxi jew fl-Isvezja jekk id-direttur huwa ddomiċiljat fil-Pajjiżi l-Baxxi u l-ksur tal-obbligi tal-bord jirrigwarda kumpannija Svediża?

6)      Jekk ir-risposta għat-tielet u għar-raba’ domandi tkun fl-affermativ, kull dannu li jirriżulta għandu jitqies li seħħ fil-Pajjiżi l-Baxxi jew fl-Isvezja jekk il-proprjetarju huwa ddomiċiljat fil-Pajjiżi l-Baxxi u l-kumpannija hija Svediża?

7)      Fil-każ li l-Artikoli 5(1) jew 5(3) tar-Regolament [Nru 44/2001] huma applikabbli f’waħda mis-sitwazzjonijiet deskritti, il-fatt li kreditu jkun ġie ttrasferit mill-kreditur oriġinali lil persuna differenti huwa rilevanti għall-applikazzjoni ta’ dawn l-artikoli?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel sat-tielet domanda

22      Permezz tal-ewwel sat-tielet domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-kunċett ta’ “f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kwasi delitt [f’materji ta’ delitt jew kważi-delitt]”, li jinsab fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 għandux jinftiehem fis-sens li jiġbor fi ħdanu l-azzjonijiet mibdija minn kreditur ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata intiżi biex ikun responsabbli għad-djun ta’ din il-kumpannija, minn naħa, membru tal-bord tad-diretturi tagħha u, min-naħa l-oħra, azzjonarju ta’ din tal-aħħar, peress li huma ppermettew li l-imsemmija kumpannija tkompli tiffunzjona minkejja li din ma kellhiex kapital biżżejjed u kellha tkun fi stralċ.

23      Għandu jiġi eżaminat preliminarjament l-argument ta’ F. Koot li jipprovdi li r-rikorsi diretti kontrih huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001, abbażi tal-Artikolu 1(2)(b) tiegħu, peress li dawn ir-rikorsi huma bbażati fuq dispożizzjonijiet tad-dritt Svediż intiżi sabiex kumpanniji b’responsabbiltà limitata li l-fondi tagħhom huma insuffiċjenti jitqiegħdu fi stralċ.

24      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita sew l-Artikolu 1(2)(b) tar-Regolament Nru 44/2001 jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament biss l-azzjonijiet li jirriżultaw direttament minn proċedura għal insolvenza u jekk ikunu strettament marbuta (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-2 ta’ Lulju 2009, SCT Industri, C‑111/08, Ġabra p. I‑5655, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tad-19 ta’ April 2012, F-Tex, C‑213/10, punt 29).

25      Issa, mill-proċess mibgħut lill-Qorti tal-Ġustizzja u mill-ispjegazzjoni mill-Gvern Svediż matul is-seduta jirriżulta li l-azzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jinvolvux proċedura għal insolvenza iżda ġew ippreżentati wara li Copperhill kienet ġiet suġġetta għal proċedura ta’ reorganizzazzjoni. Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat, kif tosserva l-Kummissjoni Ewropea, li l-azzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jikkostitwixxux prerogattivi esklużivi tal-grupp li għandhom jiġu eżerċitati fl-interess tal-kredituri bħala unità, iżda jirrigwardaw drittijiet li ÖFAB hija libera li teżerċita fl-interess tagħha.

26      Għalhekk, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-azzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001.

27      Sabiex l-ewwel sat-tielet domanda jingħataw risposta, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li skont ġurisprudenza stabbilita, il-kunċetti ta’ “f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt [f’materji kuntrattwali]” u “f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kwasi delitt [f’materji ta’ delitt jew kważi-delitt]” fis-sens tal-Artikolu 5(1)(a) u (3) tar-Regolament Nru 44/2001, għandhom jiġu interpretati b’mod awtonomu, billi prinċipalment isir riferiment għas-sistema u għall-għanijiet ta’ dan ir-regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2011, eDate Advertising u Martinez, C-509/09 u C‑161/10, Ġabra p. I‑10269, punt 38 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

28      Min-naħa l-oħra, sa fejn ir-Regolament Nru 44/2001 issa ssostitwixxa, fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri, il-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32), hekk kif emendata b’konvenzjonijiet suċċessivi relatati mal-adeżjoni tal-Istati Membri l-ġodda ma’ din il-konvenzjoni (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Brussell”), l-interpretazzjoni pprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dak li jikkonċerna d-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni tapplika wkoll għal dawk tal-imsemmi regolament, meta d-dispożizzjonijiet ta’ dawn l-atti leġiżlattivi Komunitarji jistgħu jiġu kklassifikati bħala ekwivalenti (ara, b’mod partikolari, is-sentenza eDate Advertising u Martinez, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

29      Issa, l-Artikoli 2 kif ukoll 5(1)(a) u (3) tar-Regolament Nru 44/2001 rilevanti fil-kawża prinċipali jirriflettu, f’dak li jirrigwarda t-tqassim tal-ġurisdizzjoni rregolata minn dawn id-dispożizzjonijiet, l-istess sistema bħall-Artikoli 2 kif ukoll 5(1) u (3) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell u huma redatti bi kliem kważi identiku. Fid-dawl ta’ tali ekwivalenza, għandha tiġi żgurata, skont il-premessa 19 tal-imsemmi regolament, il-kontinwità fl-interpretazzjoni ta’ dawn iż-żewġ atti (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, Zuid-Chemie, C-189/08, Ġabra p. I‑6917, punt 19).

30      Għalhekk, skont ġurisprudenza stabbilita, is-sistema tal-għoti ta’ ġurisdizzjoni prevista fil-Kapitolu II tar-Regolament Nru 44/2001 hija bbażata fuq ir-regola ġenerali, stabbilita fl-Artikolu 2(1) tiegħu, li jipprovdi li persuni domiċiljati fit-territorju ta’ Stat Membru għandhom jiġu mħarrkin fil-qrati ta’ dan l-Istat, irrispettivament min-nazzjonalità tal-partijiet. Huwa biss b’deroga għar-regola ġenerali għall-ġurisdizzjoni tad-domiċilju tal-konvenut li l-Kapitolu II, Taqsima 2 tar-Regolament Nru 44/2001 jipprovdi ċertu numru ta’ regoli dwar il-ġurisdizzjoni speċjali, fosthom ir-regola fl-Artikolu 5(3) ta’ dan ir-regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Zuid-Chemie, iċċitata iktar ’il fuq, punti 20 u 21, kif ukoll tat-12 ta’ Mejju 2011, BVG, C‑144/10, Ġabra p. I‑3961, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li dawn ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni speċjali għandhom jiġu interpretati b’mod strett u ma jippermettux interpretazzjoni li tmur lil hinn mis-sitwazzjonijiet previsti b’mod espliċitu mill-imsemmi regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Zuid-Chemie, iċċitata iktar ’il fuq, punt  22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32      Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita l-kunċett ta’ “f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kwasi delitt [f’materji ta’ delitt jew kważi-delitt]” fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 jinkludi kull talba li hija intiża biex tqiegħed inkwistjoni r-responsabbiltà ta’ konvenut u li ma hijiex marbuta ma’ “f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt [f’materji kuntrattwali]” fis-sens tal-Artikolu 5(1) ta’ dan ir-Regolament (ara, fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, is-sentenzi tas-27 ta’ Settembru 1988, Kalfelis, 189/87, Ġabra p. 5565, punt 18; tas-26 ta’ Marzu  1992, Reichert u Kockler, C‑261/90, Ġabra p. I‑2149, punt 16; tas-27 ta’ Ottubru 1998, Réunion européenne et, C‑51/97, Ġabra p. I-6511, punt 22, kif ukoll tas-17 ta’ Settembru 2002, Tacconi, C‑334/00, Ġabra p. I‑7357, punt 21).

33      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li l-kunċett ta’ “f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt [f’materji kuntrattwali]” fis-sens tal-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament Nru 44/2001 ma jistax jinftiehem bħala li jirrigwarda sitwazzjoni li fiha ma hemm ebda impenn liberalment assunt minn parti fil-konfront ta’ oħra. Għalhekk, l-applikazzjoni tar-regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali prevista f’materja kuntrattwali fl-imsemmi Artikolu 5(1)(a) jippreżumi l-iffissar ta’ obbligu legali mogħti b’kunsens liberu minn persuna lil oħra u li dwar dan l-obbligu hija bbażata l-azzjoni tar-rikorrent (ara, fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, is-sentenza tal-20 ta’ Jannar 2005, Engler, C-27/02, Ġabra p. I‑481, punti 50 u 51, kif ukoll is-sentenza tal-14 ta’ Marzu 2013, Česká spořitelna, C‑419/11, punti 46 u 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      Min-naħa l-oħra, skont ġurisprudenza stabbilita, responsabbiltà f’materji ta’ delitt jew kważi-delitt tista’ biss tittieħed inkunsiderazzjoni bil-kundizzjoni li tkun tista’ tiġi stabbilita rabta bejn id-dannu u l-fatt li wassal għal dan id-dannu (ara, fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, is-sentenza tat-30 ta’ Novembru 1976, Bier, dit “Mines de potasse d’Alsace”, 21/76, Ġabra p.1735, punt 16, kif ukoll is-sentenzaZuid-Chemie, iċċitata iktar ’il fuq, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35      Fir-rigward tal-azzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mill-proċess mibgħut lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li dawn huma intiżi biex iqiegħdu inkwistjoni r-responsabbiltà ta’ F. Koot, bħala amministratur ta’ Copperhill, abbażi tal-Artikolu 18 tal-Kapitolu 25 tal-Liġi dwar il-Kumpanniji b’responsabbiltà limitata, kif ukoll dik ta’ Evergreen, bħala azzjonarja ta’ din il-kumpannija, abbażi tad-deroga għar-responsabbiltà limitata kif żviluppata mill-ġurisprudenza tal-Högsta domstolen.

36      Kif jirriżulta wkoll mid-deċiżjoni tar-rinviju, l-imsemmija azzjonijiet ma humiex ibbażati fuq impenn liberalment assunt minn waħda minn dawn il-partijiet lejn l-oħra, iżda fuq l-allegazzjoni li tipprovdi li l-amministratur ta’ Copperhill, peress li ma wettaqx ċerti formalitajiet intiżi għall-monitoraġġ tas-sitwazzjoni finanzjarja ta’ din il-kumpannija, kif ukoll l-azzjonarja prinċipali tagħha kienu negliġenti fir-rigward tal-obbligi legali tagħhom billi ppermettew lill-imsemmija kumpannija biex tkompli tiffunzjona minkejja li ma kellhiex kapital biżżejjed u kellha tkun fi stralċ. Skont il-leġiżlazzjoni applikabbli, dan l-amministratur u din l-azzjonista jistgħu, jekk ikun il-każ, jinżammu responsabbli għad-djun ta’ Copperhill.

37      Issa, għalkemm l-azzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma intiżi biex l-imsemmi amministratur u l-imsemmija azzjonista jinżammu responsabbli għad-djun ta’ Copperhill, dawn l-ewwel nett jippermettu li jinkiseb il-pagament tal-krediti li ma twettqux fl-intier tagħhom mingħand l-imsemmija kumpannija minħabba l-fatt li l-amministratur u l-azzjonista ta’ din il-kumpannija ma wettqux l-obbligi legali tagħhom. F’din il-kawża, dawn l-azzjonijiet jirrigwardaw għalhekk it-tqassim tad-dannu li jirriżulta mill-fatt li Toréns u Kakelmässan wettqu xogħlijiet għal Copperhill mingħajr ma kisbu sussegwentement mingħand din il-kumpannija l-pagament sħiħ tal-ammonti dovuti mingħand din tal-aħħar għal dawn ix-xogħlijiet.

38      Minn dan isegwi li l-azzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, bla ħsara għall-klassifikazzjoni ta’ azzjonijiet oħra li jistgħu jiġu ppreżentati kontra l-amministratur jew l-azzjonista ta’ kumpannija, jaqgħu taħt l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001.

39      F’dan ir-rigward, il-Gvern Svediż u Grieg isostnu li, peress li dawn l-azzjonijiet huma intiżi li tiġi stabbilita r-responsabbiltà tal-amministratur jew tal-azzjonist ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata għad-djun ta’ din il-kumpannija, il-klassifikazzjoni tal-azzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali fir-rigward tal-Artikolu 5(1) u (3) tar-Regolament Nru 44/2001 għandha ssegwi l-klassifikazzjoni tad-djun tal-kumpannija inkwantu jaqgħu taħt il-materja kuntrattwali jew mhux kuntrattwali skont il-każ.

40      Din l-interpretazzjoni ma tistax tintlaqa’.

41      Fil-fatt, din l-interpretazzjoni jkollha l-konsegwenza li timmultiplika l-qrati li għandhom ġurisdizzjoni biex jisimgħu l-azzjonijiet li jqiegħdu inkwistjoni l-istess aġir żbaljat tal-amministratur jew tal-azzjonist tal-kumpannija kkonċernata, skont in-natura tad-djun differenti ta’ din il-kumpannija li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ tali azzjonijiet. Issa, f’tali sitwazzjoni, l-għan ta’ viċinanza tar-regoli dwar il-ġurisdizzjoni speċjali stabbiliti fl-Artikolu 5(1) u (3) tar-Regolament Nru 44/2001, ibbażati fuq l-eżistenza ta’ rabta partikolarment stretta bejn il-kuntratt jew il-post fejn seħħ il-fatt dannuż u l-qorti msejħa tisma’ l-kawża (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-25 ta’ Frar  2010, Car Trim, C‑381/08, Ġabra p. I‑1255, punt  48 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas-16 ta’ Mejju 2013, Melzer, C‑228/11, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata), jipprekludi l-fatt li d-determinazzjoni tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni tkun tista’ tiddependi min-natura tad-djun tal-kumpannija kkonċernata. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, fir-rigward ta’ konvenut li huwa responsabbli għad-djun ta’ ħaddieħor, tali interpretazzjoni tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni previsti fl-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament ma għandhiex il-portata ta’ prevedibbiltà meħtieġa mill-premessa 11 tal-imsemmi regolament.

42      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel sat-tielet domanda għandha tkun li l-kunċett ta’ “f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kwasi delitt [f’materji ta’ delitt jew kważi-delitt]”, li jinsab fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001, għandu jinftiehem fis-sens li jkopri azzjonijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali ppreżentati minn kreditur ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata intiżi biex jinżammu responsabbli għad-djun ta’ din il-kumpannija, minn naħa, membru tal-bord tad-diretturi tal-imsemmija kumpannija u, min-naħa l-oħra, azzjonist ta’ din tal-aħħar, peress li huma ppermettew lill-imsemmija kumpannija li tkompli tiffunzjona minkejja li din ma kellhiex kapital biżżejjed u kellha tkun fi stralċ.

 Fuq ir-raba’ domanda

43      Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-kunċett ta’ “materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kwasi delitt [f’materji ta’ delitt jew kważi-delitt]”, li jinsab fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001, għandux jinftiehem fis-sens li dan ikopri azzjoni ppreżentata minn kreditur kontra l-azzjonist ta’ kumpannija li impenja ruħu li jħallas id-dejn tal-imsemmija kumpannija.

44      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li huma l-qrati nazzjonali li għandhom jipprovdu lill-Qorti tal-Ġustizzja l-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa tingħata risposta utli għad-domandi magħmula lilha (is-sentenzi tal-14 ta’ Settembru 1999, Gruber, C‑249/97, Ġabra p. I‑5295, punt 19 u tat-8 ta’ Settembru 2011, Rosado Santana, C‑177/10, Ġabra p. I‑7907, punt 33).

45      Kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, il-ħtieġa li tingħata interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li hija utli għall-qorti nazzjonali tirrikjedi li din tiddefinixxi l-kuntest fattwali u leġiżlattiv li fih iridu jinqraw id-domandi li hija tressaq jew li, tal-anqas, tispjega l-ipoteżi fattwali li fuqhom dawn id-domandi huma bbażati (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-17 ta’ Frar 2005, Viacom Outdoor, C‑134/03, Ġabra p. I‑1167, punt 22; tat-12 ta’ April 2005, Keller, C‑145/03, Ġabra p. I‑2529, punt 29, u tal-1 ta’ Diċembru 2011, Painer, C‑145/10, Ġabra p. I‑12533, punt 46).

46      Issa, f’din il-kawża, għandu jiġi kkonstatat li, fir-rigward tar-raba’ domanda, il-qorti tar-rinviju sempliċement tindika li Evergreen kienet “wegħdet” li ser twaqqaf l-interess tagħha f’Toréns u Kakelmässan jew li ser tipprovdi lil Copperhill il-fondi meħtieġa f’dan ir-rigward, mingħajr madankollu la ppreċiżat iċ-ċirkustanzi fattwali ta’ din il-“wegħda” u lanqas il-bażi legali jew l-għan tal-azzjoni ppreżentata kontra l-persuna li għamel l-imsemmija “wegħda”. F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-talba għal deċiżjoni preliminari ma tippermettix lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tasal għal interpretazzjoni utli tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001.

47      Għaldaqstant, hemm lok li r-raba’ domanda titqies bħala inammissibbli.

 Fuq il-ħames u s-sitt domanda

48      Permezz tal-ħames u tas-sitt domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-kunċett ta’ “post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq jew jista’ jitwettaq”, li jinsab fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001, għandux jiġi interpretat fis-sens li, fir-rigward tal-azzjonijiet intiżi biex membru tal-bord tad-diretturi u azzjonist ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata jinżammu responsabbli għad-djun ta’ din il-kumpannija, l-imsemmi post għandu jinsab fl-Istat Membru fejn tinsab is-sede tal-imsemmija kumpannija.

49      Sabiex dawn id-domandi jingħataw risposta għandu jitfakkar li, minn naħa, skont ġurisprudenza stabbilita, ir-regola tal-ġurisdizzjoni speċjali prevista fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001, b’deroga għar-regola ġenerali tal-ġurisdizzjoni tal-qrati tad-domiċilju tal-konvenut, hija bbażata fuq l-eżistenza ta’ rabta partikolarment stretta bejn il-kontestazzjoni u l-qrati tal-post fejn iseħħ il-fatt dannuż, fatt li jiġġustifika l-għoti ta’ ġurisdizzjoni lil dawn tal-aħħar għal raġunijiet ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u l-organizzazzjoni utli tal-proċess (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi eDate Advertising u Martinez, iċċitata iktar ’il fuq, punt 40, kif ukoll tal-25 ta’ Ottubru 2012, Folien Fischer u Fofitec, C‑133/11, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50      Fil-fatt, f’materji ta’ delitt jew kważi-delitt, il-qorti tal-post fejn seħħ jew jista’ jseħħ il-fatt dannuż hija normalment l-iktar adattata sabiex tiddeċiedi, b’mod partikolari għal raġunijiet ta’ viċinanza għall-kawża u ta’ faċilità fl-amministrazzjoni tal-provi (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Folien Fischer u Fofitec, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

51      Min-naħa l-oħra, l-espressjoni “post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq”, li tinsab fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001, tirrigwarda fl-istess ħin kemm il-post fejn immaterjalizza ruħu d-dannu kif ukoll il-post fejn seħħ l-avveniment kawżali li wassal għal dan id-dannu, b’mod li l-konvenut ikun jista’ jiġi mħarrek, fuq l-għażla tar-rikorrent, quddiem il-qorti ta’ wieħed jew l-ieħor minn dawn iż-żewġ postijiet (sentenza eDate Advertising et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Dawn iż-żewġ postijiet jistgħu jikkostitwixxu rabta sinjifikattiva mill-perspettiva tal-ġurisdizzjoni, peress li kull wieħed minnhom jista’, skont iċ-ċirkustanzi, jipprovdi indikazzjoni partikolarment utli f’dak li jirrigwarda l-prova u l-organizzazzjoni tal-proċess (sentenza eDate Advertising et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 41, u l-ġurisprudenza ċċitata).

52      Għalhekk, fir-rigward tal-azzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ippreżentati mill-kredituri ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata kontra l-amministratur u l-azzjonist prinċipali ta’ din il-kumpannija minħabba l-fatt li kienu negliġenti fir-rigward tal-obbligi legali tagħhom f’dak li jikkonċerna l-imsemmija kumpannija, il-post tal-avveniment kawżali għandu jippreżenta kemm għar-rikorrenti kif ukoll għall-konvenuti grad għoli ta’ prevedibbiltà. Bl-istess mod, f’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jkun hemm, f’termini ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u organizzazzjoni utli tal-proċess, rabta partikolarment stretta bejn l-azzjonijiet ippreżentati mir-rikorrenti u l-imsemmi post.

53      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn hemm inkwistjoni azzjonijiet ibbażati fuq l-allegazzjoni li l-amministratur u l-azzjonista prinċipali ta’ Copperhill ma ssodisfawx l-obbligi legali tagħhom dwar il-monitoraġġ tas-sitwazzjoni finanzjarja ta’ din il-kumpannija u t-tkomplija tal-attività minn din tal-aħħar, minkejja li ma kellhiex kapital biżżejjed u kellha tkun fi stralċ, ma humiex is-sitwazzjoni finanzjarja jew l-attività tal-imsemmija kumpannija li huma kkonċernati bħala tali iżda l-konklużjoni li għandha titnissel dwar ommissjoni eventwali ta’ monitoraġġ impost fuq l-amministratur u l-azzjonista.

54      Mill-proċess mibgħut lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, matul il-perijodu li fih seħħew il-fatti inkwistjoni, is-sede ta’ Copperhill kienet tinsab fil-komun ta’ Åre, li jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-Östersunds tingsrätt, fejn din il-kumpannija eżerċitat matul dan il-perijodu l-attività tagħha u bnit lukanda. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidher li l-attivitajiet imwettqa kif ukoll is-sitwazzjoni finanzjarja marbuta ma’ dawn l-attivitajiet huma marbuta ma’ dan il-post. Fi kwalunkwe każ, l-informazzjoni dwar is-sitwazzjoni finanzjarja u l-attività ta’ din il-kumpannija, meħtieġa għat-twettiq tal-obbligi ta’ amministrazzjoni imposta fuq l-amministratur u l-azzjonista, għandhom ikunu disponibbli f’dan il-post. L-istess jgħodd għall-informazzjoni dwar l-allegat nuqqas ta’ osservanza tal-imsemmija obbligi. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika l-preċiżjoni ta’ din l-informazzjoni.

55      Għalhekk, ir-risposta għall-ħames u għas-sitt domanda għandha tkun li l-kunċett ta’ “post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq jew jista’ jitwettaq”, li jinsab fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fir-rigward ta’ azzjonijiet intiżi biex membru tal-bord tad-diretturi kif ukoll azzjonist ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata jinżammu responsabbli għad-djun ta’ din il-kumpannija, l-imsemmi post jinsab fil-post li miegħu huma marbuta l-attivitajiet imwettqa mill-imsemmija kumpannija kif ukoll is-sitwazzjoni finanzjarja marbuta ma’ dawn l-attivitajiet.

 Fuq is-seba’ domanda

56      Permezz tas-seba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-fatt li l-kreditu inkwistjoni kien ġie ttrasferit mill-kreditur inizjali lil ieħor għandux, fiċ-ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, effett fuq id-determinazzjoni tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001.

57      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, minn naħa, kif ġie enfasizzat fil-punt 41 ta’ din is-sentenza, li r-regoli ta’ ġurisdizzjoni speċjali stabbiliti fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 jissodisfaw għan ta’ viċinanza u huma bbażati fuq l-eżistenza ta’ rabta partikolarment stretta bejn il-kuntratt jew il-post fejn seħħ il-fatt dannuż u l-qorti msejħa li tieħu konjizzjoni tagħhom. Issa, kawża dwar krediti li jaqgħu taħt materji “li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kwasi delitt [f’materji ta’ delitt jew kważi-delitt]” tibqa’, bħala regola ġenerali, ikollha rabta stretta mal-post fejn seħħ il-fatt dannuż minkejja li l-krediti inkwistjoni kienu s-suġġett ta’ trasferiment.

58      Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat li jiġi aċċettat li trasferiment ta’ djun, imwettaq mill-kreditur inizjali, jista’ jkollu effett fuq id-determinazzjoni tal-qorti ta’ ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 huwa wkoll kontra wieħed mill-għanijiet ta’ dan ir-regolament, imfakkar fil-premessa 11 tiegħu li jipprovdi li r-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom ikollhom grad għoli ta’ prevedibbiltà.

59      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għas-seba’ domanda għandha tkun li l-fatt li l-kreditu inkwistjoni kien ġie ttrasferit mill-kreditur inizjali lil ħaddieħor, fiċ-ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma għandux effett fuq id-determinazzjoni tal-qorti ta’ ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001.

 Fuq l-ispejjeż

60      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Il-kunċett ta’ “f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kwasi delitt [f’materji ta’ delitt jew kważi-delitt]”, li jinsab fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għandu jinftiehem fis-sens li jkopri azzjonijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali ppreżentati minn kreditur ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata intiżi biex jinżammu responsabbli għad-djun ta’ din il-kumpannija, minn naħa, membru tal-bord tad-diretturi tal-imsemmija kumpannija u, min-naħa l-oħra, azzjonist ta’ din tal-aħħar, peress li huma ppermettew lill-imsemmija kumpannija li tkompli tiffunzjona minkejja li din ma kellhiex kapital biżżejjed u kellha tkun fi stralċ.

2)      Il-kunċett ta’ “post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq jew jista’ jitwettaq”, li jinsab fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fir-rigward ta’ azzjonijiet intiżi biex membru tal-bord tad-diretturi kif ukoll azzjonist ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata jinżammu responsabbli għad-djun ta’ din il-kumpannija, l-imsemmi post jinsab fil-post li miegħu huma marbuta l-attivitajiet imwettqa mill-imsemmija kumpannija kif ukoll is-sitwazzjoni finanzjarja marbuta ma’ dawn l-attivitajiet.

3)      Il-fatt li l-kreditu inkwistjoni kien ġie ttrasferit mill-kreditur inizjali lil ħaddieħor, fiċ-ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma għandux effett fuq id-determinazzjoni tal-qorti ta’ ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Isvediż.