Language of document :

Rikors ippreżentat fit-23 ta' Frar 2011 - Schutzgemeinschaft Milch und Milcherzeugnisse vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-113/11)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Schutzgemeinschaft Milch und Milcherzeugnisse eV (Berlin, il-Ġermanja) (rappreżentanti: M. Loschelder u V. Schoene, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1122/2010, tat-2 ta' Diċembru 2010, li jdaħħal denominazzjoni fir-reġistru tad-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u l-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti [Gouda Holland (IĠP)];

tikkundanna lill-Kummissjoni għar-rimbors tal-ispejjeż neċessarji.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti tinvoka disa' motivi.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tar-regoli tat-tqassim tal-kompetenzi

Fil-kuntest tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti tikkritika l-ksur tar-regoli tat-tqassim tal-kompetenzi stabbiliti mir-Regolament Nru 510/2006 1, fin-nuqqas ta' proċedura nazzjonali dwar l-indikazzjoni ġeografika protetta "Gouda Holland", irreġistrata fir-reġistru permezz tar-regolament ikkontestat.

Ir-rikorrenti ssostni li l-applikazzjoni inizjali kienet intiża sabiex tikseb ir-reġistrazzjoni tad-denominazzjoni "Hollandse Gouda" u li kienet biss din id-denominazzjoni li ġiet suġġetta għal proċedura nazzjonali preliminari, meħtieġa b'mod mandatorju mill-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 510/2006.

It-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 1898/2006 2

F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti tikkritika l-fatt li "Gouda Holland" ma hijiex espressjoni tal-lingwa Olandiża.

It-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 2(1) u (2) tar-Regolament Nru 510/2006 u tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1898/2006

Fil-kuntest tat-tielet motiv tar-rikors, ir-rikorrenti ssostni li d-denominazzjoni rreġistrata ma hijiex użata.

Ir-raba' motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 510/2006

Ir-rikorrenti ssostni ksur tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 510/2006, inkwantu "Gouda Holland" ma hijiex denominazzjoni mhux ġeografika "tradizzjonali".

Il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 510/2006

Fil-kuntest tal-ħames motiv, ir-rikorrenti tikkritika ksur tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 510/2006, fin-nuqqas ta' reputazzjoni jew ta' karatteristiċi speċifiċi tal-"Gouda Holland".

Is-sitt motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikoli 30 u 36 TFUE

F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li r-regolament ikkontestat joħloq restrizzjoni inġustifikata għall-moviment liberu tal-merkanzija, minħabba n-nuqqas ta' karatteristiċi speċifiċi tal-ħalib li joriġina mill-bdiewa Olandiżi li jrabbu l-baqar li jipproduċu l-ħalib, unikament awtorizzat għall-produzzjoni tal-"Gouda Holland".

Is-seba' motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 2(1) u (2) tar-Regolament Nru 510/2006

F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti tinvoka, b'mod iktar partikolari, li kien hemm ksur tad-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 2(2) u tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 510/2006, peress li "Holland", inkwantu sinonimu tal-"Pajjiżi l-Baxxi", huwa l-isem ta' pajjiż. Barra minn hekk, ma hemmx inkwistjoni każ eċċezzjonali meħtieġ sabiex jiġi rreġistrat isem ta' pajjiż.

It-tmien motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 510/2006

Ir-rikorrenti ssostni li, fid-dawl tal-eżistenza tar-reġistrazzjoni preċedenti "Noord-Hollandse Gouda AOP", ir-reġistrazzjoni ta' "Gouda Holland" saret bi ksur tal-użanzi leali u lokali u tista' twassal għall-konfużjoni tal-konsumatur.

Id-disa' motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità u ta' prinċipji proċedurali, kif ukoll fuq żball ta' evalwazzjoni

Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tikkritika lill-konvenuta li naqset milli tippreċiża b'mod ċar fir-regolament ikkontestat li d-denominazzjoni "Gouda" kienet ġenerika. Skont ir-rikorrenti, din il-kjarifika kienet possibbli fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-prassi tal-Kummissjoni u neċessarja fid-dawl tal-fatti. In-nuqqas tagħha jmur kontra l-prinċipju ta' proporzjonalità u l-prinċipji proċedurali u jikkostitwixxi żball ta' evalwazzjoni.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006, tal-20 ta' Marzu 2006, dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel (ĠU L 335M, p. 213).

2 - Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1898/2006, tal-14 ta' Diċembru 2006, li jistipula regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonjiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u tal-ikel (ĠU L 322M, p. 364).