Language of document : ECLI:EU:C:2014:169

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

18 ta’ Marzu 2014 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Politika soċjali — Direttiva 92/85/KEE — Miżuri intiżi li jinkoraġġixxu t-titjib tas-saħħa u tas-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema tqal, ħaddiema li jkunu welldu reċentement, jew ħaddiema li jkunu qegħdin ireddgħu — Artikolu 8 — Omm prospettiva li kellha tarbija permezz ta’ ftehim ma’ omm surrogata — Rifjut li jingħatalha leave tal-maternità — Direttiva 2006/54/KE — Ugwaljanza fit-trattament bejn ħaddiema rġiel u ħaddiema nisa — Artikolu 14 — Trattament inqas favorevoli ta’ omm prospettiva fir-rigward tal-għoti ta’ leave tal-maternità”

Fil-Kawża C‑167/12,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Employment Tribunal, Newcastle upon Tyne (ir-Renju Unit), permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ Marzu 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta’ April 2012, fil-proċedura

C. D.

vs

S. T.,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, K. Lenaerts, Viċi President, A. Tizzano, L. Bay Larsen u M. Safjan (Relatur), Presidenti tal-Awla, J. Malenovský, E. Levits, A. Ó Caoimh, J.-C. Bonichot, D. Šváby, M. Berger, A. Prechal u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-19 ta’ Marzu 2013,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal D., minn K. Ewing, solicitor, K. Monaghan, QC, u J. Russell, barrister,

–        għal S. T., minn C. Jeans, QC, u A. Edge, barrister,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn A. Robinson, bħala aġent, assistit minn E. Dixon, barrister,

–        għall-Irlanda, minn E. Creedon, bħala aġent, assistita minn G. Durcan, SC, u minn C. Smith, BL,

–        għall-Gvern Grieg, minn E.-M. Mamouna u D. Tsagkaraki, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Spanjol, minn A. Rubio González, bħala aġent,

–        għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes u E. Pedrosa, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Enegren u C. Gheorghiu, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-26 ta’ Settembru 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 1(1) u 2(ċ), 8(1) u 11(2)(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE, tad-19 ta’ Ottubru 1992, dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu (l-għaxar Direttiva partikolari fis-sens tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 110), kif ukoll tal-Artikoli 2(1)(a) u (b), 2(2)(ċ) u 14 tad-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ Lulju 2006, dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (ĠU L 204, p. 23).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn D., omm prospettiva li kellha tarbija permezz ta’ ftehim ma’ omm surrogata, u S. T., min jimpjegaha, fondazzjoni li taqa’ taħt in-National Health Service (Servizz nazzjonali tas-saħħa), fir-rigward tar-rifjut li jingħatalha leave bi ħlas wara t-twelid ta’ dan il-wild.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 92/85

3        L-ewwel, it-tmien, id-disa’, l-erbatax-il u s-sbatax-il premessa tad-Direttiva 92/85 jipprovdu kif ġej:

“Billi l-Artikolu [118a KE] jipprovdi li l-Kunsill għandu jadotta, permezz ta’ direttivi, rekwiżiti minimi bl-iskop li jiġi inkoraġġit it-titjib, speċjalment fl-ambjent tax-xogħol, biex jiġu protetti s-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema;

[...]

Billi ħaddiema tqal, ħaddiema li welldu reċentament jew li qed ireddgħu għandhom jiġu kkunsidrati bħala grupp ta’ riskju speċifiku taħt ħafna aspetti, u jridu jittieħdu miżuri fir-rigward tas-sigurtà u s-saħħa tagħhom;

Billi l-protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa ta’ ħaddiema tqal, ħaddiema li welldu reċentement jew ħaddiema li qed ireddgħu m’għandhiex tirriżulta fi trattament sfavorevoli għal nisa fis-suq tax-xogħol u lanqas għandha tnaqqas mis-saħħa [tippreġudika] tad-direttivi rigward trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa;

[...]

Billi l-vulnerabbiltà tal-ħaddiema tqal, ħaddiema li welldu reċentament jew li qed ireddgħu tirrendi neċessarju għalihom li jingħataw id-dritt ta’ leave tal-maternità ta’ mill-inqas 14-il ġimgħa kontinwi, allokati qabel u/jew wara l-ħlas, u jirrendi neċessarju n-natura obbligatorja tal-leave tal-maternità għal mill-inqas ġimagħtejn, allokati qabel u/jew wara l-ħlas;

[...]

Billi, barra minn hekk, il-provvediment[i] ta’ leave tal-maternità ma jservu l-ebda skop kemm-il darba ma jkunux akkumpanjati minn ħarsien tad-drittijiet marbuta mal-kuntratt ta’ l-impjieg u/jew drittijiet għal allowance adegwata.”

4        L-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva jistabbilixxi:

“L-iskop ta’ din id-Direttiva, li hija l-għaxar Direttiva individwali fis-sens ta’ l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE, huwa li jimplementa miżuri li jinkoraġġixxu titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol ta’ ħaddiema tqal u ħaddiema li welldu reċentement jew li qegħdin ireddgħu.”

5        L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva jinkludi d-definizzjonijiet li ġejjin:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva:

a)      ‘ħaddiema tqila’ għandha tfisser ħaddiema tqila li tinforma lil min iħaddimha bil-kundizzjoni tagħha, skond il-liġi u/jew prattika nazzjonali;

b)      ‘ħaddiema li welldet reċentement’ għandha tfisser ħaddiema li welldet reċentement fis-sens tal-leġislazzjoni u/jew prattika nazzjonali u li tinforma lil min iħaddimha dwar il-kundizzjoni tagħha skond dik il-liġi u/jew prattika;

ċ)      ‘ħaddiema li qiegħda tredda’’ tfisser ħaddiema li qiegħda tredda’ fis-sens tal-leġislazzjoni u/jew prattika nazzjonali u li tinforma lil min iħaddimha bil-kundizzjoni tagħha skond dik il-liġi u/jew prattika.”

6        L-Artikolu 8 tal-istess direttiva, intitolat “Leave tal-Maternità”, jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi neċessarji biex jiżguraw li l-ħaddiema fis-sens ta’ l-Artikolu 2 huma intitolati għal żmien kontinwu ta’ leave tal-maternità ta’ mill-inqas 14-il ġimgħa, allokati qabel u/jew wara l-ħlas skond il-liġi u/jew prattika nazzjonali.

2.      Il-leave tal-maternità stipulat fil-paragrafu 1 għandu jinkludi leave tal-maternità obbligatorju ta’ mill-inqas ġimagħtejn qabel u/jew wara l-ħlas skond il-leġislazzjoni u/jew il-prattika nazzjonali.”

7        L-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/85, intitolat “Il-Projbizzjoni ta’ Tkeċċija”, jipprovdi:

“Sabiex jiġi garantit għall-ħaddiema, fis-sens ta’ l-Artikolu 2, l-eserċizzju tad-drittijet tagħhom tal-protezzjoni tas-saħħa [u s-sigurtà] kif rikonoxxuti taħt dan l-Artikolu, għandu jiġi pprovdut illi:

1)      l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi neċessarji biex tiġi pprojbita t-tkeċċija ta’ ħaddiema, fis-sens ta’ l-Artikolu 2, matul iż-żmien mill-bidu tat-tqala tagħhom sa tmiem il-leave tal-maternità msemmi fl-Artikolu 8(1), barra minn każijiet eċċezzjonali mhux konnessi mal-kundizzjoni tagħhom li huma permessi taħt il-liġi u/jew prattika nazzjonali u, meta applikabbli, sakemm l-awtorità kompetenti tkun tat il-kunsens tagħha;

[...]”

8        Skont l-Artikolu 11 ta’ din id-direttiva, intitolat “Drittijiet marbuta mal-kuntratt ta’ l-impjieg”:

“Sabiex jiġi ggarantit għall-ħaddiema, fis-sens ta’ l-Artikolu 2, l-eserċizzju tad-drittijet tal-protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa tagħhom kif rikonoxxuti f’dan l-Artikolu, għandu jiġi provdut illi:

[...]

2)      fil-każ imsemmi fl-Artikolu 8, dan li ġej għandu jiġi żgurat:

[...]

b)      il-manteniment ta’ ħlas ta’, u/jew intitolament, għal allowance xierqa għal ħaddiema fis-sens ta’ l-Artikolu 2;

[...]”

 Id-Direttiva 2006/54

9        L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2006/54 jistabbilixxi:

“L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li jiġi żgurat li jkun implimentat il-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u trattament ugwali ta’ l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol.

Għal dan il-għan, hi fiha dispożizzjonijiet biex jiġi implimentat il-prinċipju ta’ trattament ugwali f’relazzjoni ma’:

[...]

b)      il-kondizzjonijiet tax-xogħol, inkluża l-paga;

[...]”

10      L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“1.      Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

a)      ‘diskriminazzjoni diretta’: fejn persuna waħda tiġi trattata minħabba s-sess b’mod inqas favorevoli minn kif tiġi trattata, ġiet trattata jew kieku tiġi trattata persuna oħra f’sitwazzjoni komparabbli;

b)      ‘diskriminazzjoni indiretta’: fejn dispożizzjoni, kriterju jew prattika li mad-dehra jkunu newtrali jkunu jpoġġu lil persuni ta’ sess partikolari fi żvantaġġ partikolari meta mqabbla ma’ persuni tas-sess l-ieħor, ħlief jekk dik id-dispożizzjoni, kriterju jew prattika tkun oġġettivament ġustifikata b’għan leġittimu, u l-mezzi biex jintlaħaq dak l-għan huma xierqa u meħtieġa;

[...]

2.      Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, diskriminazzjoni tinkludi:

[...]

ċ)       kwalunkwe trattament anqas favorevoli ta’ mara li jkollu x’jaqsam ma’ tqala jew leave tal-maternità fis-sens d-Direttiva 92/85/KEE.”

11      L-Artikolu 14(1)(ċ) tal-imsemmija direttiva jipprovdi kif ġej:

“M’għandu jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni diretta jew indiretta minħabba s-sess fis-settur pubbliku jew f’dak privat, inklużi l-korpi pubbliċi, b’relazzjoni għal:

[...]

ċ)       Impjieg u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, in[k]lużi sensji, kif ukoll paga kif previst fl-Artikolu [157 TFUE].”

 Il-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit

12      Il-Human Fertilisation and Embryology Act 2008 (L-Att tal-2008 dwar il-Fertilizzazzjoni u l-Embrijoloġija Umana) jipprovdi, fl-Artikolu 54 tiegħu, li qorti tista’, fuq rikors ippreżentat minn żewġ persuni, tagħti digriet li jagħtihom l-awtorità parentali fir-rigward ta’ wild (“parental order”) sabiex dan tal-aħħar jitqies legalment li huwa l-wild tar-rikorrenti jekk:

–        din it-tarbija tkun inġarret minn mara li ma hijiex waħda mir-rikorrenti, wara l-implantazzjoni, f’din il-mara, ta’ embriju jew tal-isperma u tal-bajda, jew inseminazzjoni artifiċjali;

–        il-gameti ta’ mill-inqas wieħed mir-rikorrenti jkunu ntużaw sabiex jitnissel l-embriju; u

–        ċerti kundizzjonijiet oħra jkunu sodisfatti, fosthom ir-rekwiżit li r-rikorrenti jkunu raġel u mara miżżewġin jew li għandhom relazzjoni simili.

13      L-Artikolu 47C tal-Employment Rights Act 1996 (Liġi tal-1996 dwar id-drittijiet tal-ħaddiema) jistabbilixxi li impjegata tibbenefika mid-dritt li ma ġġarrabx dannu minħabba azzjoni, jew minħabba nuqqas deliberat, ta’ min jimpjegaha li jirriżulta minn raġuni prevista. Raġuni prevista hija raġuni ddefinita bid-dispożizzjonijiet adottati mis-Secretary of State u li tikkonċerna, b’mod partikolari, it-tqala, it-twelid jew il-maternità, il-leave tal-maternità ordinarju, obbligatorju jew estiż kif ukoll il-leave tal-adozzjoni ordinarju jew estiż.

14      Skont il-Maternity and Parental Leave etc. Regulations 1999 (Regolamenti tal-1999 dwar il-Leave tal-Maternità u tal-Ġenituri eċċ.), impjegata tista’ tibbenefika minn leave tal-maternità ordinarju u minn leave tal-maternità estiż meta jkunu sodisfatti ċerti kundizzjonijiet, kif ukoll minn protezzjoni tal-kuntratt tax-xogħol tagħha matul il-leave tal-maternità. Dan ir-regolament jagħti wkoll lill-impjegata id-dritt li terġa’ lura x-xogħol wara l-leave tal-maternità kif ukoll protezzjoni minn tkeċċija inġusta.

15      Abbażi tal-Artikolu 19 tal-imsemmija regolamenti, impjegata tibbenefika mid-dritt, skont l-Artikolu 47C tal-Liġi tal-1996 dwar id-drittijiet ta’ ħaddiema, li ma ġġarrabx dannu minħabba azzjoni, jew minħabba nuqqas deliberat, ta’ min jimpjegaha li jirriżulta b’mod partikolari mill-fatt li l-impjegata bbenefikat, fittxet li tibbenefika, jew għamlet użu mill-benefiċċju ta’ leave tal-maternità ordinarju jew ta’ leave tal-maternità estiż.

16      L-Equality Act 2010 (Att tal-2010 dwar l-Ugwaljanza) jistabbilixxi b’mod partikolari li mara tkun is-suġġett ta’ diskriminazzjoni jekk tiġi ttrattata b’mod inqas favorevoli minn persuni oħra minħabba s-sess tagħha, it-tqala tagħha jew il-leave tal-maternità tagħha.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

17      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li D. ilha impjegata mis-7 ta’ Lulju 2001 minn S. T., fi sptar immexxi minn dan tal-aħħar.

18      D. ikkonkludiet ftehim ma’ omm surrogata skont l-Att tal-2008 dwar il-Fertilizzazzjoni u l-Embrijoloġija Umana sabiex ikollha tarbija. L-isperma kienet ipprovduta mis-sieħeb ta’ D. iżda l-bajda ma kinitx ta’ din tal-aħħar. F’ebda mument, D. ma kienet hija stess tqila.

19      S. T. stabbilixxa skemi applikabbli għal-leave tal-maternità u għal-leave tal-adozzjoni kif ukoll għall-kumpens tagħhom, li huma ekwivalenti għal-leave imħallas ipprovdut mid-dispożizzjonijiet legali. Dawn l-iskemi la jipprovdu leave u lanqas kumpens favur ommijiet prospettivi fil-każ ta’ maternità surrogata. S. T. stabbilixxa wkoll skema ta’ leave speċjali, li ma jikkonċernax il-każ ta’ tqala surrogata. Fil-15 ta’ Ottubru 2009, id-Direttur tar-Riżorsi Umani ta’ S. T., ippreċiża, b’risposta għal talba ta’ sindakat dwar l-iskema legali applikabbli għall-ommijiet prospettivi, li, “għal kull każ, jekk ikun neċessarju, ir-rekwiżiti ser ikunu ddefiniti permezz ta’ referenza għad-dispożizzjonijiet applikabbli għal-leave tal-maternità jew tal-adozzjoni”.

20      D. ressqet talba għal-leave imħallas quddiem min jimpjegaha, ibbażata fuq l-iskema tiegħu applikabbli fil-każ ta’ adozzjoni. Permezz ta’ ittra tal-14 ta’ Marzu 2011, S. T. indika lil D. li l-ftehim ta’ omm surrogata li hija kkonkludiet ma kienx jissodisfa r-rekwiżiti ta’ din l-iskema, sa fejn D. ma setgħetx tipprovdi ċertifikat ta’ kompatibbiltà (“matching certificate”), li jattesta l-kompatibbiltà bejn il-ġenitur adottiv futur u l-wild adottat, maħruġ minn aġenzija ta’ adozzjoni.

21      L-istess ġurnata, wara li rċeviet din l-ittra, D. ressqet quddiem S. T. talba formali għal leave tal-maternità surrogata, li, fil-fehma tagħha, hija ekwiparabbli għal-leave tal-adozzjoni bl-eċċezzjoni tal-fatt li hija ma setgħetx tipprovdi ċertifikat tal-kompatibbiltà peress li ma kinitx involuta fi proċedura ta’ adozzjoni. Fil-11 ta’ April 2011, S. T. wieġeb li, jekk D. kienet involuta fi proċedura ta’ adozzjoni, hija setgħet tibbenefika minn leave imħallas, iżda li, jekk dan ma kienx il-każ, ma kien hemm “legalment ebda dritt għal-leave imħallas fil-każ ta’ maternità surrogata”.

22      Fis-7 ta’ Ġunju 2011, D. ressqet kawża quddiem l-Employment Tribunal, Newcastle upon Tyne, billi invokat diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess u/jew fuq it-tqala u fuq il-maternità skont il-Liġi tal-2010 dwar l-ugwaljanza. Hija sostniet ukoll li l-Liġi tal-1996 dwar id-drittijiet ta’ ħaddiema u r-Regolamenti tal-1999 dwar il-Leave tal-Maternità u tal-Ġenituri eċċ., kienu ġew miksura. Hija l-istess allegat li hija kienet ġarrbet dannu minħabba t-tqala u l-maternità kif ukoll minħabba l-fatt li hija fittxet li tibbenefika minn leave tal-maternità ordinarju jew estiż. Barra minn hekk, D. invokat ksur tal-Artikoli 8 u 14 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950.

23      Fl-10 ta’ Ġunju 2011, wara talba mill-ġdid minn D., S. T. indika li kellu “setgħa diskrezzjonali residwa” li jeżamina t-talba għal-leave imħallas u li, bis-saħħa ta’ din id-diskrezzjoni, kien iddeċieda li D. setgħet tibbenefika mill-kundizzjonijiet tal-iskema applikabbli għal-leave tal-adozzjoni, li jimponi b’mod partikolari li jiġu prodotti ċerti dokumenti. Konsegwentement, D. kisbet leave imħallas skont din l-iskema, bil-kundizzjonijiet iddefiniti f’ittra tad-29 ta’ Ġunju 2011.

24      Fit-8 ta’ Lulju 2011, S. T. sostna quddiem l-Employment Tribunal, Newcastle upon Tyne, li D. ma kellhiex id-dritt tibbenefika minn allowance tal-maternità peress li d-dritt għal din l-allowance jappartjeni għall-omm bijoloġika tal-wild.

25      It-tarbija twieldet fis-26 ta’ Awwissu 2011. D. xtaqet tkun preżenti għat-twelid, iżda t-tarbija twieldet għal għarrieda. Matul is-siegħa ta’ wara t-twelid, D. ipprovdiet kura materna lit-tarbija u bdiet treddagħha. Hija kompliet tredda’ t-tarbija matul perijodu ta’ tliet xhur.

26      D. u s-sieħeb tagħha ppreżentaw kawża quddiem il-qorti kompetenti sabiex jiksbu digriet li jagħtihom l-awtorità parentali fuq il-bażi tal-Artikolu 54 tal-Att tal-2008 dwar il-Fertilizzazzjoni u l-Embrijoloġija Umana. Permezz ta’ digriet tad-19 ta’ Diċembru 2011, din il-qorti tathom awtorità parentali permanenti u sħiħa fuq it-tarbija. D. u s-sieħeb tagħha huma, għaldaqstant, meqjusin legalment li huma l-ġenituri ta’ dan il-wild.

27      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Employment Tribunal, Newcastle upon Tyne, iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“F’kull waħda minn dawn id-domandi:

–        Il-frażi ‘omm mhux bijoloġika li [kellha] tarbija permezz ta’ arranġament ma’ omm surrogata’ tirreferi għas-sitwazzjoni fejn l-omm mhux bijoloġika inkwistjoni hija impjegata u ma kinitx hija nnifisha, f’mument rilevanti, tqila, jew weldet it-tarbija inkwistjoni;

–        Il-frażi ‘omm surrogata’ tirreferi għas-sitwazzjoni fejn mara kienet tqila u weldet tarbija għal omm mhux bijoloġika.

1)      L-Artikolu 1(1) u/jew l-Artikolu 2(ċ) u/jew l-Artikolu 8(1) u/jew l-Artikolu 11(2)(b) [tad-]Direttiva [92/85] jipprevedi d-dritt għal leave tal-maternità lil omm mhux bijoloġika li [kellha] tarbija permezz ta’ arranġament ma’ omm surrogata?

2)      Id-Direttiva 92/85/KEE [...] tipprevedi dritt għal leave tal-maternità lil omm mhux bijoloġika li [kellha] tarbija fejn din tal-aħħar:

a)      tista’ tredda[’] wara t-twelid u/jew

b)      effettivament tredda[’] wara t-twelid?

3)      Jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 14, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 2(l)(a) u/jew (b) u/jew l-Artikolu 2(2)(ċ) tad-Direttiva 2006/54[...] li persuna li timpjega tirrifjuta li tagħti leave tal-maternità lil omm mhux bijoloġika li [kellha] tarbija permezz ta’ arranġament ma omm surrogata?

4)      Fid-dawl tar-relazzjoni ta’ din l-impjegata mal-omm surrogata tat-tarbija, ikun hemm ksur potenzjali tal-Artikolu 14, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 2(l)(a) u/jew (b) u/jew l-Artikolu 2(2)(ċ) tad-Direttiva 2006/54[...] jekk jiġi miċħud il-leave tal-maternità lil omm mhux bijoloġika li [kellha] tarbija permezz ta’ arranġament ma’ omm surrogata?

5)      Ikun hemm ksur potenzjali tal-Artikolu 14, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 2(l)(a) u/jew (b) u/jew l-Artikolu 2(2)(ċ) tad-Direttiva 2006/54[...] jekk, minħabba r-relazzjoni tal-omm mhux bijoloġika mal-omm surrogata tat-tarbija, l-omm mhux bijoloġika li [kellha] tarbija permezz ta’ arranġament ma’ omm surrogata tiġi ssuġġettata għal trattament inqas favorevoli?

6)      Jekk ir-risposta għad-domanda 4 hija fl-affermattiv, l-istatus tal-omm mhux bijoloġika huwa biżżejjed sabiex jintitolaha għad-dritt għal leave tal-maternità abbażi tar-relazzjoni tagħha mal-omm surrogata tat-tarbija?

7)      Jekk ir-risposta għal xi waħda mid-domandi 1, 2, 3 u 4 hija fl-affermattiv:-

a)      id-Direttiva 92/85[...], fl-aspetti rilevanti tagħha, għandha effett dirett; u

b)      id-Direttiva 2006/54[...], fl-aspetti rilevanti tagħha, għandha effett dirett?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel u t-tieni domandi

28      Permezz tal-ewwel u tat-tieni domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 92/85 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li omm prospettiva li kellha tarbija permezz ta’ ftehim ma’ omm surrogata għandha d-dritt tibbenefika mil-leave tal-maternità previst fl-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva, u dan b’mod partikolari fil-każ fejn l-omm prospettiva tista’ tredda’ wara t-twelid jew meta hija effettivament tredda’ din it-tarbija wara t-twelid?

29      Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-għan tad-Direttiva 92/85, li ġiet adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 118A KE, li jikkorrispondi għalih l-Artikolu 153 TFUE, huwa l-inkoraġġiment tat-titjib tas-sigurtà u tas-saħħa fuq ix-xogħol tal-ħaddiema tqal, li jkunu welldu reċentement jew li jkunu qegħdin ireddgħu (sentenzi tal-11 ta’ Ottubru 2007, Paquay, C‑460/06, Ġabra p. I‑8511, punt 27, u tal-11 ta’ Novembru 2010, Danosa, C‑232/09, Ġabra p. I‑11405, punt 58).

30      F’dan ir-rigward, it-tmien premessa ta’ din id-direttiva tistabbilixxi li l-ħaddiema tqal, il-ħaddiema li jkunu welldu reċentement jew dawk li jkunu qegħdin ireddgħu, għandhom jitqiesu li huma grupp ta’ riskju speċifiku u għandhom jittieħdu miżuri fir-rigward tas-sigurtà u tas-saħħa tagħhom.

31      F’dan il-kuntest, id-Direttiva 92/85 tipprovdi, fl-Artikolu 8(1) tagħha, li l-Istati Membri huma marbuta jieħdu l-passi neċessarji sabiex jiżguraw li l-ħaddiema jkunu intitolati għal żmien kontinwu ta’ leave tal-maternità ta’ mill-inqas erbatax-il ġimgħa, allokati qabel u/jew wara “l-ħlas”, skont il-liġijiet u/jew il-prattiki nazzjonali.

32      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dritt għal leave tal-maternità mogħti lill-ħaddiema tqal għandu jitqies li huwa mekkaniżmu ta’ importanza partikolari għall-ħarsien tad-drittijiet soċjali. Il-leġiżlatur tal-Unjoni għaldaqstant qies li t-tibdiliet essenzjali fil-kundizzjonijiet tal-eżistenza ta’ persuni kkonċernati matul il-perijodu limitat ta’ mill-inqas erbatax-il ġimgħa qabel u wara l-ħlas kienu jikkostitwixxu raġuni legali li jiġi sospiż l-eżerċizzju tal-attività professjonali tagħhom, mingħajr ma l-legalità ta’ din ir-raġuni tista’ tiġi imminata, b’mod kwalunkwe, mill-awtoritajiet pubbliċi jew minn min jimpjega (sentenzi tal-20 ta’ Settembru 2007, Kiiski, C‑116/06, Ġabra p. I‑7643, punt 49, u tad-19 ta’ Settembru 2013, Betriu Montull, C‑5/12, punt 48).

33      Fil-fatt, kif irrikonoxxa l-leġiżlatur tal-Unjoni fl-erbatax-il premessa tad-Direttiva 92/85, il-ħaddiema tqila, il-ħaddiema li tkun welldet reċentement jew li tkun qiegħda tredda’ tinsab f’sitwazzjoni speċifika ta’ vulnerabbiltà li teżiġi dritt għal leave tal-maternità, iżda li, speċjalment matul dan il-leave, ma tistax titqabbel ma’ dik ta’ raġel jew ta’ mara li tibbenefika minn leave tal-mard (ara s-sentenzi tas-27 ta’ Ottubru 1998, Boyle et, C‑411/96, Ġabra p. I‑6401, punt 40, kif ukoll Betriu Montull, iċċitata iktar ’il fuq, punt 49).

34      Dan il-leave tal-maternità li tibbenefika minnu l-ħaddiema huwa intiż li jiżgura, minn naħa, il-protezzjoni tal-kundizzjoni bijoloġika tal-mara matul it-tqala tagħha kif ukoll wara din tal-aħħar u, min-naħa l-oħra, il-protezzjoni ta’ rabtiet partikolari bejn il-mara u t-tarbija tagħha matul il-perijodu wara t-tqala u l-ħlas, billi tipprekludi d-distorsjoni ta’ dawn ir-rabtiet mill-piż żejjed li jirriżulta mill-eżerċizzju fl-istess żmien ta’ attività professjonali (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-12 ta’ Lulju 1984, Hofmann, 194/83, Ġabra p. 3047, punt 25; Kiiski, iċċitata iktar ’il fuq, punt 46, u Betriu Montull, iċċitata iktar ’il fuq, punt 50).

35      Konsegwentement, mill-għan tad-Direttiva 92/85, mill-kliem tal-Artikolu 8 ta’ din tal-aħħar, li jirreferi espressament għall-ħlas, u mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata fil-punti 32 sa 34 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li l-leave tal-maternità previst fl-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva għandu bħala għan li jipproteġi s-saħħa tal-omm tat-tarbija fis-sitwazzjoni speċifika ta’ vulnerabbiltà li tirriżulta mit-tqala tagħha.

36      F’dan ir-rigward, għandu jingħad ukoll li, filwaqt li huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-leave tal-maternità huwa intiż ukoll li jiżgura l-protezzjoni ta’ rabtiet partikolari bejn il-mara u t-tarbija tagħha, dan l-għan, kif jirriżulta mill-kliem stess tas-sentenzi ċċitati fil-punt 34 ta’ din is-sentenza, jikkonċerna madankollu biss il-perijodu wara “t-tqala u l-ħlas”.

37      Minn dak li ntqal jirriżulta li l-għoti ta’ leave tal-maternità fuq il-bażi tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 92/85 jippreżumi li l-ħaddiema li tibbenefika minn tali leave kienet tqila u welldet it-tarbija.

38      Tali konstatazzjoni hija kkorroborata mir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas-26 ta’ Frar 2008, Mayr (C‑506/06, Ġabra p. I‑1017), fir-rigward tal-projbizzjoni ta’ tkeċċija tal-ħaddiema tqal prevista fl-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 92/85. Fil-fatt, fil-punt 37 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li kemm mill-kliem tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/85 kif ukoll mill-għan prinċipali ta’ din tal-aħħar, li huwa mfakkar fil-punt 29 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li, sabiex tibbenefika mill-protezzjoni kontra t-tkeċċija mogħtija minn dan l-artikolu, it-tqala inkwistjoni għandha tkun bdiet.

39      F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li D. f’ebda mument ma kienet hija stess tqila bit-tarbija.

40      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ħaddiema, bħala omm prospettiva li kellha tarbija permezz ta’ ftehim ma’ omm surrogata, ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 92/85, inkluż meta hija tkun tista’ tredda’ din it-tarbija wara t-twelid jew meta tkun qiegħda effettivament tredda’ tali tarbija. Konsegwentement, l-Istati Membri ma humiex obbligati jawtorizzaw lil tali ħaddiema dritt għal leave tal-maternità abbażi ta’ dan l-artikolu.

41      Madankollu, hemm lok li jingħad ukoll li d-Direttiva 92/85, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-ewwel premessa tagħha, għandha bħala għan li tistabbilixxi ċerti rekwiżiti minimi fil-qasam tal-protezzjoni fuq ix-xogħol ta’ ħaddiema tqal, ħaddiema li jkunu welldu reċentement jew ħaddiema li jkunu qegħdin ireddgħu.

42      Għaldaqstant, din id-direttiva b’ebda mod ma teskludi lill-Istati Membri milli japplikaw jew milli jintroduċu liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi iktar favorevoli għall-protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ommijiet prospettivi li kellhom tarbija permezz ta’ ftehim ma’ omm surrogata, billi jippermettulhom jibbenefikaw minn leave tal-maternità abbażi tat-twelid ta’ din it-tarbija.

43      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda għandha tkun li d-Direttiva 92/85 għandha tiġi interpretata fis-sens li l-Istati Membri ma humiex obbligati jagħtu leave tal-maternità skont l-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva lil ħaddiema, fil-kwalità tagħha ta’ omm prospettiva li kellha tarbija permezz ta’ ftehim ma’ omm surrogata, inkluż meta hija tista’ tredda’ din it-tarbija wara t-twelid jew meta tkun qiegħda effettivament tredda’ tali tarbija.

 Fuq it-tielet sal-ħames domandi

44      Permezz tat-tielet sal-ħames domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2006/54, moqri flimkien mal-Artikolu 2(1)(a) u (b) u l-Artikolu 2(2)(ċ) ta’ din id-direttiva, għandux jiġi interpretat fis-sens li jikkostitwixxi diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, il-fatt li persuna li timpjega tirrifjuta li tawtorizza leave tal-maternità lil omm prospettiva li jkollha tarbija permezz ta’ ftehim ma’ omm surrogata.

45      L-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2006/54 jipprovdi li kull diskriminazzjoni diretta jew indiretta bbażata fuq is-sess hija prekluża kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi l-korpi pubbliċi, fir-rigward b’mod partikolari il-kundizzjonijiet tal-impjieg u tax-xogħol, inklużi kundizzjonijiet ta’ sensji u l-paga.

46      Fir-rigward tad-diskriminazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2(1)(a) u (b) ta’ din id-direttiva, ir-rifjut li jingħata leave tal-maternità fil-każ imsemmi mill-qorti tar-rinviju jikkostitwixxi diskriminazzjoni direttament ibbażata fuq is-sess, fis-sens tal-imsemmi subparagrafu (a) ta’ din id-dispożizzjoni, jekk ir-raġuni fundamentali ta’ dan ir-rifjut japplika esklużivament għall-ħaddiema ta’ sess wieħed (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ Novembru 1990, Dekker, C‑177/88, Ġabra p. I‑3941, punt 10; tal-5 ta’ Mejju 1994, Habermann-Beltermann, C‑421/92, Ġabra p. I‑1657, punt 14, u Mayr, iċċitata iktar ’il fuq, punt 50).

47      Abbażi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, missier prospettiv li kellu tarbija permezz ta’ ftehim ma’ omm surrogata jkun ittrattat bl-istess mod bħal omm prospettiva f’sitwazzjoni paragunabbli, sa fejn lanqas ma huwa fid-dritt li jibbenefika minn leave imħallas ekwivalenti għal leave tal-maternità. B’hekk jirriżulta li r-rifjut tat-talba ta’ D. ma hijiex ibbażata fuq raġuni li tapplika esklużivament għall-ħaddiema ta’ sess wieħed.

48      Barra minn hekk, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li jkun hemm diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq is-sess meta l-applikazzjoni ta’ miżura nazzjonali, għalkemm ifformulata b’mod newtrali, tiżvantaġġa fil-fatt numru ħafna ikbar ta’ ħaddiema ta’ sess wieħed meta mqabbla mal-ħaddiema tas-sess l-ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-2 ta’ Ottubru 1997, Gerster, C‑1/95, Ġabra p. I‑5253, punt 30; tal-20 ta’ Ottubru 2011, Brachner, C‑123/10, Ġabra p. I‑10003, punt 56; kif ukoll tal-20 ta’ Ġunju 2013, Riežniece, C‑7/12, punt 39).

49      Fir-rigward tad-diskriminazzjoni indiretta kif imsemmija fl-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva 2006/54, hemm lok li jiġi kkonstatat li ebda element tal-proċess ma jippermetti li jiġi stabbilit li r-rifjut tal-leave inkwistjoni jiżvantaġġa partikolarment lill-ħaddiema femminili meta mqabbla mall-ħaddiema maskili.

50      Konsegwentement, ir-rifjut li jingħata leave tal-maternità lil omm prospettiva, bħal D., ma jikkostitwixxix diskriminazzjoni diretta jew indiretta bbażata fuq is-sess, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(a) u (b) tad-Direttiva 2006/54.

51      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 2(2)(ċ) ta’ din id-direttiva, kull trattament inqas favorevoli ta’ mara relatat mat-tqala jew mal-leave ta’ maternità fis-sens tad‑Direttiva 92/85 jikkostitwixxi diskriminazzjoni fis-sens tad-Direttiva 2006/54.

52      Minn naħa, omm prospettiva li kellha tarbija permezz ta’ ftehim ma’ omm surrogata ma tistax, bħala tali, tkun is-suġġett ta’ trattament inqas favorevoli marbut mat-tqala tagħha, ġaladarba ma kinitx tqila b’din it-tarbija.

53      Min-naħa l-oħra, mir-risposta mogħtija għall-ewwel żewġ domandi jirriżulta li d-Direttiva 92/85 ma timponix lill-Istati Membri jawtorizzaw leave tal-maternità lil ħaddiema fil-kwalità tagħha ta’ omm prospettiva li kellha tarbija permezz ta’ ftehim ma’ omm surrogata. Għaldaqstant, din l-omm prospettiva ma hijiex is-suġġett ta’ trattament inqas favorevoli marbut mat-teħid ta’ leave tal-maternità, fis-sens tad-Direttiva 92/85.

54      Għaldaqstant, din l-omm prospettiva ma tistax titqies li kienet is-suġġett ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(ċ) tad-Direttiva 2006/54.

55      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-risposta għat-tielet sal-ħames domandi għandha tkun li l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2006/54, moqri flimkien mal-Artikolu 2(1)(a) u (b) u l-Artikolu 2(2)(ċ) ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jikkostitwixxix diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, il-fatt li persuna li timpjega tirrifjuta li tawtorizza leave tal-maternità lil omm prospettiva li kellha tarbija permezz ta’ ftehim ma’ omm surrogata.

 Fuq is-sitt u s-seba’ domandi

56      Fid-dawl tar-risposti mogħtija għall-ewwel sal-ħames domandi, ma hemmx lok li tingħata risposta għas-sitt u għas-seba’ domanda.

 Fuq l-ispejjeż

57      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE, tad-19 ta’ Ottubru 1992, dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu (l-għaxar Direttiva partikolari fis-sens tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE), għandha tiġi interpretata fis-sens li l-Istati Membri ma humiex obbligati jawtorizzaw leave tal-maternità skont l-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva lil ħaddiema, fil-kwalità tagħha ta’ omm prospettiva li kellha tarbija permezz ta’ ftehim ma’ omm surrogata, inkluż meta hija tista’ tredda’ din it-tarbija wara t-twelid jew meta tkun qiegħda effettivament tredda’ tali tarbija.

2)      L-Artikolu 14 tad-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ Lulju 2006, dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol, moqri flimkien mal-Artikolu 2(1)(a) u (b) u l-Artikolu 2(2)(ċ) ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jikkostitwixxix diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, il-fatt li persuna li timpjega tirrifjuta li tawtorizza leave tal-maternità lil omm prospettiva li kellha tarbija permezz ta’ ftehim ma’ omm surrogata.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.