Language of document : ECLI:EU:C:2010:541

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

21 ta’ Settembru 2010 ?(1)

Werrej

I –  Il-kuntest ġuridiku

II –  Il-fatti li wasslu għall-kawża

III –  Is-sentenza kkontestata

IV –  Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

V –  It-talbiet tal-partijiet

A –  Fil-Kawża L-Isvezja vs API u Il-Kummissjoni (C‑514/07 P)

B –  Fil-Kawża API vs Il-Kummissjoni (C-528/07 P)

C –  Fil-Kawża Il-Kummissjoni vs API (C‑532/07 P)

VI –  Fuq l-appelli

A –  Fuq l-appell ippreżentat mill-Kummissjoni (Kawża C‑532/07 P)

1.  Fuq l-ewwel aggravju

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

2.  Fuq it-tieni aggravju

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

3.  Fuq it-tielet aggravju

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

B –  Fuq l-appelli ppreżentati mir-Renju tal-Isvezja (Kawża C‑514/07 P) u mill-API (Kawża C‑528/07 P)

1.  Fuq l-ewwel aggravju

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

2.  Fuq it-tieni aggravju

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

VII –  Fuq l-ispejjeż

“Appell – Dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet – Regolament (KE) Nru 1049/2001 – It-tieni u t-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) – Noti ppreżentati mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ proċeduri ġudizzjarji quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiċħad l-aċċess”

Fil-Kawżi magħquda C‑514/07 P, C‑528/07 P u C‑532/07 P,

li għandhom bħala suġġett tliet appelli skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal‑Qorti tal-Ġustizzja, ippreżentati, l-ewwel wieħed, fl-20 ta’ Novembru 2007 u l-aħħar tnejn, fis-27 ta’Novembru 2007,

Ir-Renju tal-Isvezja (C‑514/07 P), irrappreżentat minn S. Johannesson, A. Falk, K. Wistrand u K. Petkovska, bħala aġenti,

rikorrent,

sostnut minn:

Ir-Renju tad-Danimarka, irrappreżentat minn B. Weis Fogh, bħala aġent,

Ir-Repubblika tal-Finlandja, irrappreżentata minn J. Heliskoski, bħala aġent,

intervenjenti fl-appell,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Association de la presse internationale ASBL (API), stabbilita fi Brussell (il‑Belġju), irrappreżentata minn S. Völcker u J. Heithecker, Rechtsanwälte, F. Louis, avukat, u C. O’Daly, solicitor,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn C. Docksey, V. Kreuschitz u P. Aalto, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil‑Lussemburgu,

konvenuta fl-ewwel istanza,

u

Association de la presse internationale ASBL (API) (C‑528/07 P), stabbilita fi Brussell (il-Belġju), irrappreżentata minn S. Völcker, Rechtsanwalt, F. Louis, avukat, u C. O’Daly, solicitor,

rikorrenti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn C. Docksey, V. Kreuschitz u P. Aalto, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil‑Lussemburgu,

konvenuta fl-ewwel istanza,

sostnuta minn:

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, irrappreżentat minn E. Jenkinson u S. Behzadi-Spencer, bħala aġenti, assistiti minn J. Coppel, barrister,

intervenjent fl-appell,

u

Il-Kummissjoni Ewropea (C‑532/07 P), irrappreżentata minn C. Docksey, V. Kreuschitz u P. Aalto, bħala aġenti, b’indirizz għan‑notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

sostnuta minn:

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, irrappreżentat minn E. Jenkinson u S. Behzadi-Spencer, bħala aġenti, assistiti minn J. Coppel, barrister,

intervenjent fl-appell,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Association de la presse internationale ASBL (API), stabbilita fi Brussell (il‑Belġju), irrappreżentata minn S. Völcker, Rechtsanwalt, F. Louis, avukat, u C. O’Daly, solicitor,

rikorrenti fl-ewwel istanza,




IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, A. Tizzano (Relatur), J.N. Cunha Rodrigues, K. Lenaerts, R. Silva de Lapuerta, C. Toader, Presidenti ta’ Awla, A. Rosas, K. Schiemann, E. Juhász, T. von Danwitz u A. Arabadjiev, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Poiares Maduro,

Reġistraturi: H. von Holstein, Assistent Reġistratur, u B. Fülöp, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-16 ta’ Ġunju 2009,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis‑seduta tal-1 ta’ Ottubru 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appelli tagħhom, ir-Renju tal-Isvezja, l-Association de la presse internationale ASBL (iktar ’il quddiem l-“API”) u l‑Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej qed jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal‑Komunitajiet Ewropej (li issa saret il-“Qorti Ġenerali”) tat-12 ta’ Settembru 2007, API vs Il‑Kummissjoni (T‑36/04, Ġabra p. II‑3201, iktar ’il quddiem is‑“sentenza appellata”) li permezz tagħha din il-Qorti annullat parzjalment id‑deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Novembru 2003 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”) li tiċħad talba mressqa mill-API sabiex tikseb aċċess għan-noti ppreżentati mill‑Kummissjoni quddiem il‑Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali fil-kuntest ta’ ċerti proċeduri ġudizzjarji.

I –  Il-kuntest ġuridiku

2        L-ewwel, it-tieni, ir-raba’ u l-ħdax-il premessa tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331), jipprovdu dan li ġej:

“(1)      It-tieni sottoparagrafu ta’ l-Artikolu 1 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jħaddan fih il-kunċett ta’ trasparenza, billi jgħid li t‑Trattat huwa stadju ġdid fil-proċess tal-ħluq ta’ għaqda dejjem eqreb fost il-popli ta’ l-Ewropa, fejn id-deċiżjonijiet jittieħdu bl‑aktar mod miftuħ, u l-eqreb liċ-ċittadin, possibbli.

(2)      It-trasparenza tgħin liċ-ċittadin jieħu sehem fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet b’mod aktar mill-qrib, u jiggarantixxi li l‑amministrazzjoni tgawdi aktar leġittimità u tkun aktar effettiva u kontabbli liċ-ċittadin f’sistema demokratika. It-trasparenza ssaħħaħ il-prinċipji tad-demokrazija u r-rispett lejn id-drittijiet fundamentali, kif stabbilit fl-Artikolu 6 tat-Trattat ta’ l-UE u fil‑Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea.

[…]

(4)      L-iskop ta’ dan ir-Regolament huwa li jagħti l-akbar effett possibbli lid-dritt ta’ l-aċċess pubbliku għad-dokumenti u li jistipula l-pinċipji ġenerali u l‑limiti fuq dan l-aċċess skond l‑Artikolu 255(2) tat-Trattat tal-KE.

[…]

(11)      Bħala prinċipju, kull dokumenti ta’ l-istituzzjonijiet għandhom jkunu aċċessibbli għall-pubbliku. Madankollu, bħala eċċezzjonijiet, xi interessi pubbliċi u privati għandhom jitħarsu. L‑istituzzjonijiet għandhom ikollhom id-dritt li jħarsu l‑konsultazzjonijiet u deliberazzjonijiet interni tagħhom fejn meħtieġ sabiex jissalvagwardjaw is-setgħa tagħhom li jwettqu l‑kompiti tagħhom. Meta jagħmlu stima ta’ l-eċċeżżjonijiet, l‑istituzzjonijiet għandhom jikkunsidraw il-prinċipji tal-liġi Komunitarja dwar il-protezzjoni ta’ data personali, f’kull qasam ta’ l-attivitajiet ta’ l-Unjoni.”

3        L-Artikolu 1(a) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“L-għan ta’ dan ir-Regolament huwa:

a)      li jfisser il-prinċipji, kondizzjonijiet u limiti minħabba raġunijiet ta’ interess pubbliku jew privat, li jirregolaw l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l‑Kummissjoni (hawnhekk iżjed ’il quddiem imsejħa ‘l‑istituzzjonijiet’) previsti fl-Artikolu 255 tat-Trattat tal-KE sabiex jiġi żgurat l-akbar aċċess għal dokumenti”.

4        L-Artikolu 2(1) u (3) tal-istess regolament jipprovdi:

“1.      Kull ċittadin ta’ l-Unjoni, u kull persuna naturali jew legali residenti jew bl-uffiċċju reġistrat f’Stat Membru, għandu dritt ta’ aċċess għad-dokumenti ta’ l‑istituzzjonijiet, bla ħsara għall-prinċipji, kondizzjonijiet u limiti stipulati f’dan ir‑Regolament.

[…]

3.      Dan ir-Regolament għandhu jgħodd lil kull dokument miżmum minn istituzzjoni, jiġifieri, dokumenti miktuba minnha jew li rċiviet u fil-pussess tagħha, f’kull qasam ta’ attività ta’ l-Unjoni Ewropea.”

5        L-Artikolu 4(2), (4) u (6) tar-Regolament Nru 1049/2001 dwar l‑eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess jipprovdi:

“2.      L-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw aċċess għal dokument meta l-iżvelar tiegħu jista’ jdgħajjef il-ħarsien ta’:

–        […]

–        proċedimenti fil-qrati u pariri legali,

–        l-iskop ta’ ispezzjonijiet, investigazzjoni u verifiki,

jekk ma jkunx hemm interess pubbliku akbar fl-iżvelar tiegħu.

[…]

4.      Fir-rigward ta’ dokumenti ta’ partijiet terzi, l-istituzzjoni għandha tikkonsulta mal-parti terza bl-iskop li tagħmel stima dwar jekk tapplika eċċezzjoni fil-paragrafu 1 jew 2, jekk ikun ċar li d-dokument għandu jew m’għandux jiġi żvelat.

[…]

6.      Jekk partijiet biss tad-dokument mitlub huma koperti minn xi eċċezzjoni, il‑biċċiet l-oħra tad-dokument għandhom jiġu żvelati.”

6        Skont l-Artikolu 7(2) tal-istess regolament, “[f]il-każ ta’ rifjut totali jew parzjali [tat-talba tiegħu għal aċċess], l-applikant jista’, sa 15-il jum utli minn meta jirċievi r-risposta mill-istituzzjoni, jagħmel applikazzjoni konfermatorja fejn jitlob lill-istituzzjoni li terġa’ tikkunsidra l‑pożizzjoni tagħha.”

7        L-Artikolu 8(1) tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“Applikazzjoni konfermatorja għandha tiġi proċessata mal-ewwel. Sa żmien 15-il jum utli mir-reġistrazzjoni ta’ din l-applikazzjoni, l‑istituzzjoni għandha jew tagħti l-aċċess għad-dokument mitlub u tagħti aċċess skond l-Artikolu 10 f’dak il‑perjodu jew, fi tweġiba bil-miktub, tagħti r-raġunijiet għar-rifjut totali jew parzjali. […]”

8        L-Artikolu 12(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 jipprovdi:

“B’mod partikolari, dokumenti legislattivi, jiġifieri, dokumenti miktuba jew irċevuti waqt proċeduri għall-adozzjoni ta' atti vinkolanti ġo jew għall-Istati Membri, għandhom, bla ħsara lill-Artikoli 4 u 9, ikunu direttament aċċessibbli.”

II –  Il-fatti li wasslu għall-kawża

9        Permezz ta’ ittra tal-1 ta’ Awwissu 2003, l-API, assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ lukru ta’ ġurnalisti barranin ibbażati fil-Belġju, talbet lill‑Kummissjoni, skont l‑Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1049/2001, l‑aċċess għan‑noti li hija kienet ippreżentat lill-Qorti Ġenerali jew lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-proċeduri ġudizzjarji li jikkonċernaw il-kawżi li ġejjin:

–        Honeywell vs Il-Kummissjoni (T‑209/01), u General Electric vs Il‑Kummissjoni (T‑210/01);

–        MyTravel vs Il-Kummissjoni (T‑212/03);

–        Airtours vs Il-Kummissjoni (T‑342/99);

–        Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C‑203/03);

–        Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C‑466/98); Il-Kummissjoni vs Id‑Danimarka (C‑467/98); Il-Kummissjoni vs L-Isvezja (C‑468/98); Il‑Kummissjoni vs Il-Finlandja (C‑469/98); Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (C‑471/98); Il-Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu (C‑472/98); Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C‑475/98), u Il‑Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑476/98) (iktar ’il quddiem il-“kawżi Sema miftuħa”);

–        Köbler (C‑224/01); u

–        Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (C‑280/00).

10      Permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Settembru 2003, il-Kummissjoni laqgħet din it-talba biss fir-rigward ta’ aċċess għan-noti ppreżentati fil‑kuntest tal-kawżi Köbler (C‑224/01), u Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (C‑280/00), li kellhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjonijiet preliminari skont l‑Artikolu 234 KE.

11      Fir-rigward tal-kumplament, il-Kummissjoni ċaħdet it-talba tal-API, liema ċaħda ġiet ikkonfermata, skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1049/2001, permezz tad-deċiżjoni kkontestata.

12      L-ewwel nett, il-Kummissjoni ċaħdet l-aċċess għan-noti ppreżentati fil-kuntest tal-kawżi Honeywell vs Il-Kummissjoni (T‑209/01) u General Electric vs Il-Kummissjoni (T‑210/01), essenzjalment minħabba il-fatt li dawn kienu kawżi pendenti meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata u li, għalhekk, kienet tapplika l‑eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji stipulata fit‑tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tal-imsemmi regolament.

13      Sussegwentement, il-Kummissjoni, abbażi tal-istess eċċezzjoni, irrifjutat l-aċċess għan-noti ppreżentati fil-kuntest tal‑Kawża Airtours vs Il‑Kummissjoni (T‑342/99), peress illi, minkejja li din il-kawża kienet deċiża, hija kellha rabta mill-qrib mal-Kawża MyTravel vs Il-Kummissjoni (T‑212/03), li għall-kuntrarju kienet għadha pendenti meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata. Fir‑rigward tal-aċċess għan-noti ppreżentati fil-kuntest ta’ din l-aħħar kawża, il-Kummissjoni kkunsidrat it-talba prematura, u r‑rikorrenti ma kkontestatx din il-konklużjoni fir-rikors tagħha.

14      Barra minn hekk, il-Kummissjoni ċaħdet it-talba tal-API dwar il-kawżi Sema miftuħa, billi kkunsidrat illi, minkejja li kienu kawżi deċiżi meta ġiet adottata d‑deċiżjoni kkontestata, dawn kellhom bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 226 KE, b’tali mod illi l-eċċezzjoni dwar il‑protezzjoni tal-iskop ta’ spezzjonijiet, investigazzjoni u verifiki, stipulata fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar‑Regolament Nru 1049/2001, kienet applikabbli.

15      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ċaħdet it-talba tal-API fir-rigward tad‑dokumenti ppreżentati fil-kuntest tal-Kawża Il-Kummissjoni vs L‑Awstrija (C‑203/03). Hija fil-fatt ikkunsidrat illi l-eċċezzjoni dwar il‑protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji kienet tapplika għal dawn id‑dokumenti, bħal fil-każ ta’ dawk ippreżentati fil-kuntest tal-kawżi Honeywell vs Il-Kummissjoni (T‑209/01) u General Electric vs Il‑Kummissjoni (T‑210/01). Madankollu, hija żiedet illi din it-talba kellha wkoll tiġi miċħuda abbażi tat-tielet inċiż tal-imsemmi Artikolu 4(2), peress illi din id‑dispożizzjoni kienet teskludi l-aċċess għal kull dokument li jirrigwarda rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, fil-każ fejn l-iżvelar jista’ jikkawża preġudizzju għall‑protezzjoni tal-iskop tal‑investigazzjoni, jiġifieri li tinstab soluzzjoni bonarja tal-kwistjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat.

16      Fir-rigward tal-applikazzjoni tal-aħħar parti tal-Artikolu 4(2) tal-istess regolament, il-Kummissjoni kkunsidrat li fil-kawża ma kien hemm l‑ebda interess pubbliku ikbar li kien jiġġustifika l-iżvelar tad‑dokumenti inkwistjoni.

III –  Is-sentenza kkontestata

17      L-API ppreżentat rikors għal annullament tas-sentenza kkontestata, liema rikors ġie milqugħ parzjalment mill-Qorti Ġenerali.

18      Fil-punti 51 sa 57 tas-sentenza appellata, wara li fakkret illi r‑Regolament Nru 1049/2001 huwa intiż sabiex jagħti l-effett l-iktar sħiħ possibbli lid-dritt ta’ aċċess pubbliku għad-dokumenti miżmuma mill‑istituzzjonijiet, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat illi dan id-dritt xorta jibqa’ suġġett għal ċerti restrizzjonijiet. F’dan ir‑rigward, ir-regolament kien jipprovdi eċċezzjonijiet illi, bħala tali, għandhom jiġu interpretati b’mod ristrett u li l-applikazzjoni tagħhom tirrikjedi, bħala regola, evalwazzjoni konkreta u individwali tal-kontenut tad-dokumenti msemmija fit-talba għal aċċess, filwaqt li r-riskju ta’ preġudizzju għall‑interess protett minn kull waħda minn dawn l-eċċezzjonijiet ma jistax ikun purament ipotetiku.

19      Fil-punt 58 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali madankollu żżid illi tali evalwazzjoni ma hijiex meħtieġa fiċ-ċirkustanzi kollha. Fil-fatt, din l‑evalwazzjoni tista’ ma tkunx neċessarja meta, minħabba ċirkustanzi partikolari tal-każ, ikun jidher b’mod ċar li l-aċċess għandu jingħata jew jiġi miċħud. Dan jista’ jkun il-każ, b’mod partikolari, jekk ċerti dokumenti jkunu koperti b’mod ċar u fl-intier tagħhom minn waħda mill-eċċezzjonijiet stipulati fl-imsemmi regolament.

20      Bl-applikazzjoni ta’ dawn il-prinċipji, il-Qorti Ġenerali, fl-ewwel lok, eżaminat il‑parti tad-deċiżjoni kkontestata li tirrigwarda n‑noti ppreżentati fil-kuntest tal-kawżi pendenti Honeywell vs Il-Kummissjoni (T‑209/01), General Electric vs Il-Kummissjoni (T‑210/01) u Il‑Kummissjoni vs l-Awstrija (C‑203/03).

21      Skont il-Qorti Ġenerali, tali dokumenti huma koperti b’mod ċar u fl‑intier tagħhom bl-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji, u dan sakemm il-proċedura inkwistjoni tasal fl-istadju tas‑seduta.

22      Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punti 78 sa 81 tas-sentenza appellata, huwa importanti ħafna illi l-imsemmija dokumenti ma jiġux żvelati qabel is‑seduta, sabiex l-aġenti tal-Kummissjoni ma jkunux suġġetti għal pressjonijiet esterni, b’mod partikolari mill-pubbliku. Barra minn hekk, dan jippermetti wkoll li jiġi evitat li l-kritika u l‑oġġezzjonijiet li jistgħu jsiru kontra l-argumenti li jinsabu fin-noti mill‑ispeċjalisti kif ukoll mill-istampa u mill-opinjoni pubblika b’mod ġenerali jista’, bi ksur tal-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet, ikollhom bħala konsegwenza li jimponu xogħol supplimentari fuq il-Kummissjoni. Fil-fatt, hija tista’ tħossha mġiegħla li teħodhom inkunsiderazzjoni fid-difiża tal‑pożizzjoni tagħha quddiem il-qorti, filwaqt li l-partijiet fil-proċedura li ma għandhomx l-obbligu li jiżvelaw in-noti tagħhom jistgħu jiddefendu l-interessi tagħhom indipendentement minn kull influwenza esterna.

23      Għaldaqstant huwa biss wara li tinżamm is-seduta li l-Kummissjoni hija obbligata tagħmel evalwazzjoni konkreta, każ b’każ, tan‑noti kollha li għalihom ikun intalab l-aċċess mingħandha.

24      F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali żiedet, fl-ewwel lok, fil-punti 84 u 85 tas-sentenza appellata, illi tali konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata bil‑fatt li l-iżvelar tad-dokumenti proċedurali huwa ammess f’numru ta’ Stati Membri u li huwa wkoll previst, fir-rigward tan‑noti ppreżentati quddiem il-Qorti Ewropea tad‑Drittijiet tal-Bniedem, mill-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, filwaqt li r-Regoli tal-Proċedura tal-qrati tal-Unjoni ma jipprovdux għal dritt ta’ aċċess minn terzi persuni għad-dokumenti tal-proċedura ppreżentati fir-Reġistru mill-partijiet.

25      Sussegwentement, fil-punti 86 sa 89 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat illi l-Kummissjoni ma għandhiex tistrieħ fuq ir‑Regoli tal-Proċedura tal-qrati tal-Unjoni, li jipprovdu illi n‑noti tal-partijiet huma, bħala regola, kunfidenzjali, sabiex tiċħad l-aċċess għal dawn in-noti anki wara s-seduta. Fil‑fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà spjegat illi dawn ir-regoli ma jipprojbixxux lill-partijiet milli jiżvelaw in-noti tagħhom stess.

26      Fl-aħħar lok, fil-punti 90 u 91 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali żiedet illi n-nuqqas ta’ żvelar ta’ dawn in-noti qabel is‑seduta huwa, barra minn hekk, iġġustifikat bil-ħtieġa li jiġi protett l‑effett utli ta’ deċiżjoni eventwali tal-qorti adita li s-seduta ssir in camera.

27      Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 92 tas-sentenza appellata, qieset illi l‑Kummissjoni ma wettqet l-ebda żball ta’ liġi meta ma għamlitx eżami konkret tan-noti relatati mal-Kawżi Honeywell vs Il-Kummissjoni (T‑209/01), General Electric vs Il‑Kummissjoni (T‑210/01), u Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C‑203/03), u li ma wettqitx żball ta’ evalwazzjoni billi kkunsidrat li kien jeżisti interess pubbliku għall-protezzjoni tal-imsemmija noti.

28      Fl-aħħar nett, fil-punt 100 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l‑API ma kinitx semmiet interess pubbliku ikbar li seta’ jiġġustifika, skont l‑Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, l‑iżvelar tad-dokumenti inkwistjoni.

29      Fit-tieni lok, fir-rigward tat-talba għal aċċess għan-noti relatati mal-Kawża Airtours vs Il-Kummissjoni (T-342/99), il-Qorti Ġenerali, fil-punti 105 sa 107 tas-sentenza appellata, iddeċidiet illi r‑rifjut tal-Kummissjoni, ibbażat fuq ir-rabta mill-qrib bejn din il-kawża u l-kawża pendenti MyTravel vs Il‑Kummissjoni (T‑212/03), ma kienx ġustifikat. Fil-fatt, l-imsemmija Kawża T‑342/99 kienet diġà ġiet deċiża permezz ta’ sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Ġunju 2002 (Ġabra p. II‑2585), b’tali mod li l-kontenut tan-noti kien diġà ġie magħmul pubbliku, mhux biss matul is-seduta, iżda wkoll fit-test ta’ din is-sentenza. Barra minn hekk, is-sempliċi fatt li argumenti diġà mressqa quddiem il-qorti f’kawża deċiża jistgħu wkoll jiġu diskussi f’kawża simili ma jagħtix lok għal riskju ta’ preġudizzju fil-proċeduri li għadhom pendenti.

30      Fit-tielet u l-aħħar lok, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 135 sa 140 tas‑sentenza appellata, ikkunsidrat illi r-rifjut tal-Kummissjoni tat-talba tal-API għal aċċess għan-noti ppreżentati fil-kuntest tal‑kawżi Sema miftuħa ma jistax jiġi ġġustifikat abbażi tal-eċċezzjoni msemmija fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 dwar il-protezzjoni ta’ spezzjonijiet, investigazzjoni u verifiki. Fil-fatt, dawn il-kawżi kienu diġà ġew deċiżi permezz ta’ sentenza, b’tali mod illi l-ebda investigazzjoni intiża sabiex tipprova l‑eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu inkwistjoni ma setgħet tiġi pperikolata permezz tal-iżvelar tad-dokumenti mitluba.

31      Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni kkontestata inkwantu din irrifjutat l-aċċess għan-noti ppreżentati mill‑Kummissjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-Kawża Airtours vs Il-Kummissjoni (T‑342/99). Skont il-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, il-kumplament tar-rikors tal-API ġie miċħud.

IV –  Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

32      Permezz ta’ digrieti tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ April 2008 u tad-19 ta’ Mejju 2008, rispettivament, ir-Renju tad‑Danimarka u r-Repubblika tal-Finlandja ġew ammessi sabiex jintervjenu fil-Kawża C‑514/07 P insostenn tat-talbiet tar-Renju tal‑Isvezja.

33      Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ April 2008, ir‑Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq ġie ammess sabiex jintervjeni fil-Kawżi C‑528/07 P u C‑532/07 P insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

34      Fl-aħħar nett, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, permezz ta’ digriet tas-7 ta’ Jannar 2009, iddeċieda illi jaqgħad il-Kawżi C‑514/07 P, C‑528/07 P u C‑532/07 P għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza.

V –  It-talbiet tal-partijiet

A –  Fil-Kawża L-Isvezja vs API u Il-Kummissjoni (C‑514/07 P)

35      Ir-Renju tal-Isvezja jitlob sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tannulla l-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata kif ukoll id-deċiżjoni kkontestata fl-intier tagħha u tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

36      L-API titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex:

–        tannulla s-sentenza appellata inkwantu l-Qorti Ġenerali kkonfermat id-dritt tal-Kummissjoni li ma tiżvelax in‑noti tagħha fil-kawżi fejn is‑seduta kienet għadha trid issir;

–        tannulla l-partijiet tad-deċiżjoni kkontestata li ma ġewx annullati preċedentement permezz tas-sentenza appellata jew, sussidjarjament, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tiġi deċiża skont is‑sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż relatati mar-risposta tal-appell tal-API.

37      Ir-Renju tad-Danimarka jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tannulla l‑punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata kif ukoll id-deċiżjoni kkontestata, inkwantu “il‑Qorti Ġenerali kkommettiet żball ta’ liġi billi ma stabbilixxietx bħala rekwiżit neċessarju li ssir evalwazzjoni konkreta ta’ kull dokument li għalih issir talba għal aċċess sabiex jiġi deċiż jekk l-eċċezzjoni tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 hijiex applikabbli”.

38      Ir-Repubblika tal-Finlandja talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja, matul is‑seduta, sabiex tannulla l-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata.

39      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex:

–        tikkonferma parzjalment is-sentenza appellata, inkwantu hija tikkonferma d‑deċiżjoni kkontestata ta’ rifjut ta’ aċċess għad‑dokumenti mitluba mill-API;

–        tikkundanna lill-API għall-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni fl‑ewwel istanza u fil-kuntest tal-appell u

–        tikkundanna lir-Renju tal-Isvezja għall-ispejjeż sostnuti mill‑Kummissjoni matul il-proċedura tal-appell.

B –  Fil-Kawża API vs Il-Kummissjoni (C-528/07 P)

40      L-API titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex:

–        tannulla s-sentenza appellata inkwantu l-Qorti Ġenerali kkonfermat id-dritt tal-Kummissjoni li ma tiżvelax in‑noti tagħha fil-kawżi fejn is‑seduta kienet għadha trid issir;

–        tannulla l-partijiet tad-deċiżjoni kkontestata li ma ġewx annullati preċedentement permezz tas-sentenza appellata jew, sussidjarjament, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tiġi deċiża skont is‑sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

41      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex:

–        tikkonferma parzjalment is-sentenza appellata, inkwantu hija tikkonferma d‑deċiżjoni kkontestata ta’ rifjut ta’ aċċess għad‑dokumenti mitluba mill-API;

–        tikkundanna lill-API għall-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni matul il‑proċeduri tal-appell u tal-ewwel istanza u

–        tikkundanna lir-Renju tal-Isvezja għall-ispejjeż sostnuti mill‑Kummissjoni matul il-proċedura tal-appell.

42      Ir-Renju Unit jitlob sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell.

C –  Fil-Kawża Il-Kummissjoni vs API (C‑532/07 P)

43      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex:

–        tannulla parzjalment is-sentenza appellata inkwantu hija tannulla d-deċiżjoni kkontestata ta’ rifjut lill-API ta’ aċċess għal ċerti dokumenti mid-data tas-seduta, inkwantu tikkonċerna l-kawżi kollha, ħlief dik dwar proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu;

–        tagħti deċiżjoni finali dwar il-kwistjonijiet li huma s-suġġett ta’ dan l-appell u

–        tikkundanna lill-API għall-ispejjeż tal-Kummissjoni relatati ma’ din il‑kawża u ma’ dan l-appell.

44      L-API titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex:

–        tiddikjara bħala inammissibbli parti mill-ewwel aggravju tal‑appell, inkwantu dan ma jindikax b’mod preċiż l-elementi kkontestati tas-sentenza appellata li tagħha l-Kummissjoni qed titlob l-annullament;

–        tiddikjara inammissibbli t-tieni aggravju tal-appell;

–        sussidjarjament, tiċħad l-appell fl-intier tiegħu u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż sostnuti mill-API fir-risposta tal-appell.

45      Ir-Renju Unit jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex:

–        tiddeċiedi illi l-Qorti Ġenerali kkommettiet żball ta’ liġi meta fil‑punt 82 tas-sentenza appellata kkunsidrat illi, wara li tinżamm is‑seduta, il-Kummissjoni għandha l-obbligu li tevalwa każ b’każ kull nota sabiex tiddeċiedi dwar l-applikazzjoni tal‑eċċezzjoni dwar proċeduri ġudizzjarji msemmija fit-tieni inċiż tal‑Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001;

–        tannulla s-sentenza appellata inkwantu l-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni kkontestata fejn irrifjutat illi tilqa’ t-talba, magħmula mill-API, għal aċċess għan-noti ppreżentati mill‑Kummissjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal‑kawżi Sema miftuħa.

VI –  Fuq l-appelli

46      L-ewwel nett għandu jiġi ttrattat l-appell fil-Kawża C‑532/07 P u, sussegwentement, jiġu ttrattati flimkien l-appelli fil-Kawżi C‑514/07 P u C‑528/07 P.

A –  Fuq l-appell ippreżentat mill-Kummissjoni (Kawża C‑532/07 P)

47      Insostenn tal-appell tagħha, il-Kummissjoni tissolleva tliet aggravji, ibbażati fuq ksur tat-tieni u tat-tielet inċiżi tal-Artikolu 4(2) tar‑Regolament Nru 1049/2001.

1.     Fuq l-ewwel aggravju

48      Permezz tal-ewwel aggravju, il-Kummissjoni ssostni illi l-Qorti Ġenerali kkommettiet żball ta’ liġi meta interpretat l-eċċezzjoni dwar proċeduri ġudizzjarji fis-sens illi l-istituzzjonijiet għandhom jeżaminaw, każ b’każ, it-talbiet ta’ aċċess għan-noti ppreżentati fil‑kuntest ta’ proċeduri ħlief dawk ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, u li dan għandu jsir mid-data tas-seduta.

a)     L-argumenti tal-partijiet

49      Insostenn ta’ dan l-aggravju, il-Kummissjoni ssostni, fl-ewwel lok, li tali interpretazzjoni turi kontradizzjoni fis-sentenza appellata. Fil-fatt, wara li rrikonoxxiet l-eżistenza ta’ eċċezzjoni ġenerali għad-dritt ta’ aċċess, il-Qorti Ġenerali llimitat l-applikazzjoni tagħha sal-mument tas‑seduta, biex b’hekk b’mod żbaljat tat importanza sinjifikattiva lil dan l‑istadju. Fir-realtà, l-interess tal-iżvolġiment korrett tal-ġustizzja kif ukoll il-ħtieġa li jiġu evitati, fir-rigward tal-aġenti tal-Kummissjoni, kwalunkwe pressjonijiet esterni – li fuqhom il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha sabiex tikkunsidra illi l-eċċezzjoni inkwistjoni tapplika sas-seduta – jiġġustifikaw illi din l-eċċezzjoni tkun applikabbli matul il-proċedura kollha, u għalhekk sa meta tingħata s-sentenza.

50      Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-interess tal‑amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja jew tal-persuni msemmija fil‑proċedura ħlief il-partijiet u l-intervenjenti prinċipali. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-prassi żviluppata mill-qrati Komunitarji illi dawn jistgħu, ex officio, iħassru l‑isem ta’ parti jew ta’ persuni oħra li jidhru fil-proċedura jew informazzjoni oħra relatata mal-kawża li normalment ikunu s‑suġġett tal-pubblikazzjoni.

51      Fit-tielet lok, skont il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat mhux biss l-Artikolu 255 KE, li ma jirreferix għall-Qorti tal‑Ġustizzja, iżda wkoll id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regoli tal‑Proċedura tal-qrati Komunitarji, li minnhom jirriżulta illi l-pubbliku ma għandux aċċess għad-dokumenti ppreżentati fil-proċess ta’ kawża.

52      Fir-raba’ lok, il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-interessi tal-partijiet fil-proċedura ħlief il-Kummissjoni. Fil-fatt, fid-dawl tal-fatt illi, b’mod partikolari fil-kawżi li kellhom bħala suġġett rikorsi diretti, in-noti ta’ parti jirreferu neċessarjament għall-kontenut tan‑noti tal-parti l-oħra li għalihom ikunu jirrispondu, jekk il‑Kummissjoni kienet obbligata tiżvela l‑kontenut tan-noti tagħha, dan kien ikollu inevitabbilment effett fuq id-dritt tal-parti l-oħra li tikkontrolla l-aċċess, b’hekk magħmul pubbliku, għan‑noti u għall-argumenti tagħha.

53      Fil-ħames lok, mix-xogħol preparatorju tar-Regolament Nru 1049/2001 jirriżulta illi l-leġiżlatur Komunitarju ma riedx jeskludi totalment mill‑kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament id-dokumenti ġġenerati u miżmuma mill-istituzzjonijiet għall-finijiet biss tal‑proċeduri ġudizzjarji.

54      Fis-sitt u fl-aħħar lok, il-Kummissjoni tikkunsidra illi s-soluzzjoni li għaliha waslet il-Qorti Ġenerali hija kuntrarja għall-ġurisprudenza tal‑Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari għas-sentenza tal-11 ta’ Jannar 2000, Il-Pajjiżi l-Baxxi u van der Wal vs Il-Kummissjoni (C‑174/98 P u C‑189/98 P, Ġabra p. I‑1), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat illi l-Kummissjoni, meta ssirilha talba ta’ aċċess għal xi dokumenti, tista’ tipproċedi billi tikkonsulta mal-qorti nazzjonali qabel ma jiġu żvelati, inkwantu tali soluzzjoni titlob illi istituzzjoni tieħu d‑deċiżjoni waħidha dwar l-iżvelar tad-dokumenti kollha relatati ma’ kawża pendenti li ġew ippreżentati fil-qrati Komunitarji jew iġġenerati minnhom. Dan ikun inkompatibbli mal-obbligu li istituzzjoni għandha li tirrispetta kemm id-drittijiet tal-partijiet l-oħra li jiddefendu l-interessi tagħhom quddiem il-qrati Komunitarji u r-Regoli tal-Proċedura ta’ dawn il-qrati.

55      Insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni, ir-Renju Unit iżid, l-ewwel nett, li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet ultra petita meta fil-punt 82 tas-sentenza appellata ddeċidiet illi “wara ż-żamma tas-seduta il-Kummissjoni għandha l-obbligu li twettaq evalwazzjoni konkreta ta’ kull dokument mitlub sabiex tivverifika, fir-rigward tal-kontenut speċifiku tiegħu, jekk jistax jiġi żvelat jew jekk l-iżvelar tiegħu jippreġudikax il-proċedura ġudizzjarja relatata miegħu.” Fil-fatt, mill-punt 75 tal-istess sentenza jirriżulta illi, permezz tar-rikors għal annullament tagħha, l-API ma kinitx issottomettiet għall-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali l-kwistjoni tat-talbiet ta’ aċċess li saru matul il-perijodu bejn id-data tas-seduta u l‑għoti tas-sentenza, peress illi, f’kull waħda mit-tliet kawżi inkwistjoni, jiġifieri Honeywell vs Il‑Kummissjoni (T-209/01), General Electric vs Il-Kummissjoni (T-201/01), u Il‑Kummissjoni vs L-Awstrija (C‑203/03), meta l-API kienet talbet l‑aċċess għan-noti tal‑Kummissjoni, is-seduta kienet għadha ma saritx.

56      Ir-Renju Unit jikkunsidra, sussegwentement, illi l-istituzzjonijiet għandhom jibbażaw ruħhom fuq preżunzjonijiet ġenerali li japplikaw għal kategoriji ta’ dokumenti u li l-iżvelar tan-noti huwa, min-natura tiegħu, differenti mill-iżvelar ta’ dokument amministrattiv intern. Dan huwa kkonfermat ukoll mit-trattament li l-leġiżlatur Komunitarju rriżerva għad-dokumenti li jirrigwardaw proċedura ġudizzjarja, li l-karattru partikolari tagħhom huwa rifless fl-eċċezzjoni stipulata fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Fl-aħħar nett, skont ir-Renju Unit, ma huwiex xieraq u huwa ta’ preġudizzju għall-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja illi l-proċeduri ġudizzjarji jkunu suġġetti għal pressjonijiet esterni.

57      L-API tirrispondi għal kull argument li l-Kummissjoni ssollevat insostenn tal-ewwel aggravju.

58      Fl-ewwel lok, kwalunkwe eventwali pressjoni esterna fuq l-aġenti tal‑Kummissjoni hija biss effett tan-natura pubblika tal-proċeduri ġudizzjarji u ma għandhiex tiġġustifika s-soluzzjoni li għaliha waslet il‑Qorti Ġenerali. Fi kwalunkwe każ, dan l-argument huwa inkompatibbli mal-ħtieġa li l-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għad‑dokumenti jiġi interpretat b’mod ristrett u s-soluzzjoni li għaliha waslet il-Qorti Ġenerali hija kuntrarja għall-prinċipju għall-aċċess l‑iktar wiesa’ għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet, peress illi, fid-dawl tan-natura inkompleta tagħhom, la l-verbal tas-seduta u lanqas is-seduta nnifisha ma huma biżżejjed sabiex jiggarantixxu t-trasparenza.

59      Fit-tieni lok, l-API tqis illi l-prassi tal-Qorti tal-Ġustizzja illi tneħħi l‑isem tar-rikorrenti jew ta’ persuni involuti fil-proċedura, kif ukoll il‑kodifikazzjoni ta’ din il-prassi fl-Artikolu 44(4) tar-Regoli tal‑Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, ma għandhiex tiġġustifika deroga mill-obbligi li jirriżultaw mir-Regolament Nru 1049/2001, peress li dan tal-aħħar huwa leġiżlattivament superjuri.

60      Fit-tielet lok, id-dokumenti li l-API tixtieq li jkollha aċċess għalihom jaqgħu b’mod ċar fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 255 KE, inkwantu huma dokumenti miżmuma mill-Kummissjoni u li oriġinaw minnha. Fi kliem ieħor, l‑API ma hijiex qed tfittex li jkollha aċċess għal dokumenti miżmuma mill-Qorti tal-Ġustizzja, li l-Artikolu 255 KE xorta ma jirreferix għalihom. Fi kwalunkwe każ, l-argument tal‑Kummissjoni f’dan ir-rigward huwa inammissibbli, inkwantu ma jippreċiżax l-elementi kkontestati tas-sentenza appellata.

61      Fir-raba’ lok, mhux biss il-Kummissjoni ma speċifikatx liema huma l‑interessi ta’ terzi li żvelar ulterjuri tad-dokumenti inkwistjoni jista’ jagħti lok għal preġudizzju fil-konfront tagħhom, iżda lanqas tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il‑possibbiltà li tagħtihom aċċess parzjali u lanqas tal-proċedura espressament stipulata fl-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1049/2001 sabiex tipproteġi l‑interessi ta’ terzi.

62      Fil-ħames lok, l-API taqbel mal-Kummissjoni illi d-dokumenti miżmuma mill-istituzzjonijiet għall-finijiet biss tal-proċeduri ġudizzjarji ma humiex esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001. B’mod partikolari, fir-rigward tal-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet, l-API ssostni illi parti f’kawża fir-realtà ma hijiex żvantaġġjata minħabba l-iżvelar tan-noti tagħha u l‑eżistenza ta’ eventwali differenza bejn il-partijiet hija biss il‑konsegwenza inevitabbli u neċessarja tal-eżistenza nnifisha tar‑Regolament Nru 1049/2001. Fi kwalunkwe każ, aċċess parzjali għan-noti huwa dejjem possibbli u preferibbli minn rifjut totali għal aċċess għalihom.

63      Fis-sitt u l-aħħar lok, is-sentenza Il-Pajjiżi l-Baxxi u van der Wal vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, li għaliha tirreferi l-Kummissjoni, ma hijiex rilevanti f’din il-kawża għaliex ma hijiex sentenza ewlenija li timponi interdizzjoni globali ta’ aċċess għal kategorija partikolari ta’ dokumenti.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

64      L-ewwel nett għandu jiġi miċħud l-aggravju mressaq mir-Renju Unit illi l-Qorti Ġenerali ddeċidiet ultra petita peress illi fil-punt 82 tas-sentenza appellata ddeċidiet illi “wara ż-żamma tas-seduta il-Kummissjoni għandha l-obbligu li twettaq evalwazzjoni konkreta ta’ kull dokument mitlub sabiex tivverifika, fir-rigward tal-kontenut speċifiku tiegħu, jekk jistax jiġi żvelat jew jekk l-iżvelar tiegħu jippreġudikax il-proċedura ġudizzjarja relatata miegħu”.

65      Fil-fatt, għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, illi għalkemm għandha tagħti deċiżjoni biss fuq it-talbiet tal-partijiet, li huma responsabbli għad-delimitazzjoni tal-portata tal-kawża, il-qorti ma tistax tkun marbuta biss mill-argumenti mqajma minnhom insostenn tal‑pretensjonijiet tagħhom, għax altrimenti jkollha, jekk ikun il-każ, tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq kunsiderazzjonijiet legali żbaljati (digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Settembru 2004, UER vs M6 et, C‑470/02 P,  punt 69).

66      F’din il-kawża, kien biss wara li evalwat l-argumenti mressqa mill-API insostenn tat-talba tagħha għal annullament, ibbażata fuq it-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, illi l-Qorti Ġenerali waslet għall-konklużjoni li tinsab fil-punt 82 tas-sentenza appellata. Jidher għalhekk li dan il-punt fih biss ir‑raġunament li wassal lill-Qorti Ġenerali tiċħad dan il-motiv issollevat quddiemha mill-API.

67      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tali żvilupp ma jippermettix, fih innifsu, li jiġi kkunsidrat illi l-Qorti Ġenerali għamlet devjazzjoni mis-suġġett tal-kawża u lanqas li ddeċidiet ultra petita (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Novembru 1998, Il-Parlament vs Gutiérrez de Quijano y Lloréns, C‑252/96 P, Ġabra p. I‑7421, punt 34, u d-digriet UER vs M6 et, iċċitat iktar ’il fuq, punt 74).

68      Wara li ġie ppreċiżat dan, f’dak li jirrigwarda l-argumenti mressqa mill‑Kummissjoni insostenn ta’ dan l-aggravju, għandu jiġi mfakkar illi, skont l‑ewwel premessa tiegħu, ir-Regolament Nru 1049/2001 jistipula r-rieda espressa fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1 UE, introdott bit‑Trattat ta’ Amsterdam, li jiġi mħaddan stadju ġdid fil-proċess ta’ ħolqien ta’ għaqda dejjem eqreb fost il-popli tal-Ewropa, fejn id‑deċiżjonijiet jittieħdu bl-iktar mod miftuħ, u eqreb lejn iċ‑ċittadin, possibbli. Kif tfakkar it-tieni premessa tal-imsemmi regolament, id‑dritt ta’ aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet huwa marbut man-natura demokratika ta’ dawn tal-aħħar (sentenza tal-1 ta’ Lulju 2008, L‑Isvezja u Turco vs Il-Kunsill, C-39/05 P u C-52/05 P, Ġabra p. I-4723, punt 34).

69      Għal dan il-għan, ir-Regolament Nru 1049/2001 huwa intiż, kif juru r‑raba’ premessa u l-Artikolu 1 tiegħu, sabiex jagħti lill-pubbliku dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet kemm jista’ jkun wiesa’ (ara s-sentenza tal-1 ta’ Frar 2007, Sison vs Il-Kunsill, C‑266/05 P, Ġabra p. I‑1233, punt 61; tat-18 ta’ Diċembru 2007, L-Isvezja vs Il‑Kummissjoni, C‑64/05 P, Ġabra p. I‑11389, punt 53, L-Isvezja u Turco vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33, u tad-29 ta’ Ġunju 2010, Il-Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, C‑139/07 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 51).

70      Madankollu, dan id-dritt huwa wkoll suġġett għal ċerti limiti bbażati fuq raġunijiet ta’ interess pubbliku jew privat (sentenzi Sison vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 62, u Il-Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, iċċitata iktar ’il fuq, punt 53).

71      B’mod iktar speċifiku, u skont il-premessa ħdax, l-imsemmi regolament fl-Artikolu 4 tiegħu jipprovdi illi l-istituzzjonijiet jirrifjutaw l-aċċess għal dokument fil-każ fejn l-iżvelar tiegħu ikun ta’ preġudizzju għal wieħed mill-interessi protetti b’dan l-artikolu.

72      Għaldaqstant, jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi li tirrifjuta li tagħti l‑aċċess għal dokument li tkun intalbet tiżvela, hija għandha l-obbligu li tipprovdi spjegazzjonijiet fir-rigward ta’ kif l-aċċess għal dan id‑dokument jista’ konkretament u effettivament jippreġudika l-interess protett minn eċċezzjoni stipulata fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 li din l-istituzzjoni tinvoka (ara, f’dan is-sens, is‑sentenzi L-Isvezja u Turco vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 49, u Il-Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, iċċitata iktar ’il fuq, punt 53).

73      Huwa minnu illi, peress li jidderogaw mill-prinċipju ta’ aċċess l-iktar wiesa’ possibbli lid-dritt ta’ aċċess tal-pubbliku għad‑dokumenti, tali eċċezzjonijiet, għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod strett (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Sison vs Il-Kunsill, punt 63; L-Isvezja vs Il‑Kummissjoni, punt 66, u L-Isvezja u Turco vs Il-Kunsill, punt 36).

74      Madankollu, kuntrarjament għal dak li ssostni l‑API, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta illi huwa possibbli għall-istituzzjoni kkonċernata illi tibbaża, f’dan ir-rigward, fuq preżunzjonijiet ġenerali li japplikaw għal ċerti kategoriji ta’ dokumenti, kunsiderazzjonijiet ta’ ordni ġenerali simili li jistgħu japplikaw għal talbiet ta’ żvelar li jirrigwardaw dokumenti tal-istess natura (ara s‑sentenzi L-Isvezja u Turco vs Il-Kunsill iċċitata iktar ’il fuq, punt 50, u Il‑Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, iċċitata iktar ’il fuq, punt 54).

75      F’din il-kawża, l-ebda waħda mill-partijiet fil-kawża ma kkontestat il‑konklużjoni li għaliha waslet il-Qorti Ġenerali fil-punt 75 tas-sentenza appellata, illi n-noti tal-Kummissjoni li għalihom kien intalab aċċess kienu ġew redatti minn din l-istituzzjoni bħala parti fi tliet rikorsi diretti li kienu għadhom pendenti meta ġiet adottata d‑deċiżjoni kkontestata u li, minħabba dan il-fatt, kull waħda minn dawn in-noti tista’ tiġi kkunsidrata bħala inkluża fl-istess kategorija ta’ dokumenti.

76      Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk kunsiderazzjonijiet ta’ ordni ġenerali jippermettux li jiġi konkluż illi l-Kummissjoni kienet korretta li tibbaża ruħha fuq il-preżunzjoni illi l-iżvelar ta’ dawn in‑noti kienu jikkawżaw preġudizzju għall-proċeduri ġudizzjarji, u dan mingħajr ma kienet obbligata tagħmel evalwazzjoni konkreta tal-kontenut ta’ kull wieħed minn dawn id‑dokumenti.

77      Għal dan il-għan, l-ewwel nett għandu jiġi rrilevat illi n‑noti ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjara għandhom karatteristiċi partikolari ħafna, peress illi, min-natura tagħhom, huma iktar parti mill-attività ġudizzjarja tal-Qorti tal-Ġustizzja milli mill-attività amministrattiva tal‑Kummissjoni, u barra minn hekk, din l-aħħar attività ma tirrikjedix l-istess portata ta’ aċċess għal dokumenti daqs l-attività leġiżlattiva ta’ istituzzjoni Komunitarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, iċċitata iktar ’il fuq, punt 60).

78      Fil-fatt, dawn in-noti huma redatti esklużivament għall‑finijiet tal-imsemmija proċedura ġudizzjarja u jikkostitwixxu element essenzjali tagħha. Permezz tar-rikors li bih tinfetaħ il-kawża, ir‑rikorrenti jiddelimita l-kwistjoni u huwa b’mod partikolari fl-istadju tan-noti bil-miktub ta’ din il‑proċedura – peress li l-istadju orali ma huwiex obbligatorju – li l-partijiet jipprovdu lill-Qorti tal‑Ġustizzja bl-elementi li fuqhom hija timxi sabiex tagħti deċiżjoni ġudizzjarja.

79      Kemm mill-kliem tad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-trattati, kif ukoll mill-istruttura tar-Regolament Nru 1049/2001 u mill-għanijiet tar‑regolamenti tal-Unjoni dwar din il-materja, jirriżulta illi l-attività ġudizzjarja bħala tali hija eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti stabbilit minn dawn ir‑regolamenti.

80      Fir-rigward, l-ewwel nett, tad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattati, mill-Artikolu 255 KE jirriżulta b’mod ċar li l-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex suġġetta għall-obbligi ta’ trasparenza stipulati f’dan l-artikolu.

81      L-għan ta’ din l-esklużjoni joħroġ ukoll b’mod iktar ċar mill‑Artikolu 15 TFUE, li ssostitwixxa l-Artikolu 255 KE u li, filwaqt li kabbar il-kamp ta’ applikazzjoni tal-prinċipju ta’ trasparenza, jippreċiża, fir-raba’ subparagrafu tat-tielet paragrafu tiegħu, illi l-Qorti tal‑Ġustizzja ma hijiex suġġetta għall-obbligi ta’ trasparenza meta teżerċita funzjonijiet amministrattivi.

82      Jirriżulta illi l-esklużjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja minn fost id-diversi istituzzjonijiet illi huma suġġetti, skont l-Artikolu 255 KE, għall‑imsemmija obbligi, hija ġġustifikata preċiżament minħabba n‑natura tal-attività ġudizzjarja li hija għandha teżerċita, skont l‑Artikolu 220 KE.

83      Din l-interpretazzjoni hija wkoll ikkonfermata mill-istruttura tar‑Regolament Nru 1049/2001, li bħala bażi legali għandu l‑Artikolu 255 KE stess. Fil-fatt, l‑Artikolu 1(a) ta’ dan ir-regolament, li jispeċifika l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, ma jsemmix il-Qorti tal‑Ġustizzja, u għalhekk jeskludiha minn fost l‑istituzzjonijiet illi huma suġġetti għall-obbligi ta’ trasparenza illi huwa jistipula, filwaqt li l‑Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi waħda mill-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet preċiżament l‑protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji.

84      Għaldaqstant, kemm mill-Artikolu 255 KE kif ukoll mir‑Regolament Nru 1049/2001 jirriżulta illi r-restrizzjonijiet għall-applikazzjoni tal‑prinċipju ta’ trasparenza fir-rigward tal-attività ġudizzjarja għandhom l-istess għan, jiġifieri dik li jiggarantixxu illi d-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet jiġi eżerċitat mingħajr preġudizzju għall-protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji.

85      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat illi l-protezzjoni ta’ dawn il‑proċeduri timplika, b’mod partikolari, illi għandha tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipji ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet u tal-amministrazzjoni tajba tal‑ġustizzja.

86      F’dak li jirrigwarda, minn naħa waħda, l-opportunitajiet ugwali għall-partijiet, għandu jiġi rrilevat illi, kif il-Qorti Ġenerali essenzjalment irrilevat fil-punt 78 tas‑sentenza appellata, jekk il-kontenut tan-noti tal‑Kummissjoni kellhom ikunu s-suġġett ta’ dibattitu pubbliku, ikun hemm riskju illi l-kritika kontrihom, ikun x’ikun is‑sinjifikat ġuridiku reali tagħha, tinfluwenza l-pożizzjoni difiża mill-istituzzjoni quddiem il-qrati tal-Unjoni.

87      Iktar minn hekk, tali sitwazzjoni tista’ tikkawża distorsjoni fl‑ekwilibriju indispensabbli bejn il-partijiet f’kawża quddiem l-imsemmija qrati – ekwilibriju illi huwa l-bażi tal-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet – peress illi hija biss l‑istituzzjoni kkonċernata minn talba ta’ aċċess għad-dokumenti tagħha, u mhux il-partijiet kollha fil-proċedura, li hija suġġetta għall-obbligu ta’ żvelar.

88      Barra minn hekk, għandu jitfakkar f’dan ir-rigward, illi l-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet, flimkien ma’, b’mod partikolari, il-prinċipju tal‑kontradittorju, ma huwiex ħlief korollarju tal-kunċett innifsu ta’ smigħ xieraq (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas-26 ta’ Ġunju 2007, Ordre des barreaux francophones et germanophone et, C‑305/05, Ġabra p. I‑5305, punt 31; tat-2 ta’ Diċembru 2009, Il-Kummissjoni vs l-Irlanda et, C‑89/09 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 50, u tas‑17 ta’ Diċembru 2009, Réexamen M vs EMEA, C‑197/09 RX‑II, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 39 u 40).

89      Kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, il-prinċipju tal-kontradittorju għandu jibbenefika lil kull parti fil-kawża li għandha quddiemha l-qorti tal-Unjoni, irrispettivament mill-kwalità ġuridika tagħha. Konsegwentement, anki l‑istituzzjonijiet Komunitarji jistgħu jużawh meta huma jifformaw parti minn tali kawża (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2009, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 53).

90      Għalhekk huwa żbaljat illi l-API targumenta illi l-Kummissjoni, bħala istituzzjoni pubblika, ma tistax tistrieħ fuq dritt ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet, għaliex minn dan id‑dritt jibbenefikaw individwi biss.

91      Huwa minnu, kif issostni l-API, illi r-Regolament Nru 1049/2001 stess ma jimponix obbligi ta’ trasparenza ħlief fuq l-istituzzjonijiet illi huwa jsemmi. Madankollu, il‑fatt illi tali obbligi ma humiex imposti ħlief fuq l-istituzzjonijiet imsemmija, ma għandux iwassal sabiex, fil-kuntest ta’ proċeduri ġudizzjarji pendenti, tiġi kompromessa l-pożizzjoni proċedurali tagħhom fir-rigward tal-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet.

92      F’dak li jirrigwarda, min-naħa l-oħra, l-amministrazzjoni tajba tal‑ġustizzja, l‑esklużjoni tal-attività ġudizzjarja mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti, mingħajr distinzjoni bejn l-istadji differenti tal-proċedura, hija ġġustifikata minħabba l‑ħtieġa li jiġi ggarantit, matul il-proċedura ġudizzjarja kollha, li l‑argumenti bejn il-partijiet, kif ukoll id-deliberazzjoni tal-qorti kkonċernata dwar il-kawża inkwistjoni, jipproċedu mingħajr problemi.

93      L-iżvelar tan-noti inkwistjoni jkollu l-effett li jesponi l‑attività ġudizzjarja għal pressjonijiet esterni, anki jekk biss mill‑perspettiva tal-pubbliku, u jikkawża preġudizzju għas-serenità tal‑proċeduri.

94      Konsegwentement, għandha tiġi rikonoxxuta l-eżistenza ta’ preżunzjoni ġenerali illi l-iżvelar tan-noti ppreżentati minn istituzzjoni fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja jikkawża preġudizzju għall‑protezzjoni ta’ din il-proċedura, skont it-tieni inċiż tal‑Artikolu 4(2) tar‑Regolament Nru 1049/2001, meta dawn il‑proċeduri jkunu għadhom pendenti.

95      Fil-fatt, l-imsemmi żvelar jista’ jinjora n-natura speċika ta’ din il‑kategorija ta’ dokumenti u jwassal sabiex parti sostanzjali tal‑proċedura ġudizzjarja tkun suġġetta għall-prinċipju ta’ trasparenza. Konsegwentement, l-esklużjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja minn fost l‑istituzzjonijiet li għalihom japplika l-prinċipju ta’ trasparenza, skont l‑Artikolu 255 KE, titlef ħafna mill-effett utli tagħha.

96      Barra minn hekk, tali preżunzjoni hija ġġustifikata wkoll fid-dawl tal‑Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u tar-Regoli tal‑Proċedura tal-qrati tal‑Unjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, iċċitata iktar ’il fuq, punt 55).

97      Fil-fatt, minkejja li l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, fl-Artikolu 31 tiegħu, jipprovdi illi s-seduta trid issir fil-pubbliku, fl-Artikolu 20(2) tiegħu jillimita l‑komunikazzjoni tad-dokumenti proċedurali biss għall‑partijiet u għall-istituzzjonijiet li jkunu ħadu d-deċiżjonijiet inkwistjoni.

98      Bl-istess mod, ir-Regoli tal-Proċedura tal-qrati tal-Unjoni jistipulaw illi n-notifika tan-noti ssir biss lill-partijiet fil-proċedura. B’mod partikolari, l‑Artikolu 39 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 45 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali u l-Artikolu 37(1) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jipprovdu illi r-rikors jiġi notifikat lill-konvenut biss.

99      Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat illi la l-Istatut tal-Qorti tal‑Ġustizzja u lanqas l-imsemmija regoli tal-proċedura ma jipprovdu dritt ta’ aċċess lil terzi għan-noti ppreżentati lill-Qorti tal‑Ġustizzja fil-kuntest tal-proċeduri ġudizzjarji.

100    Dan il-fatt għandu jiġi kkunsidrat għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal‑eċċezzjoni stipulata fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Fil-fatt, kieku dawn it-terzi setgħu, abbażi tar‑Regolament Nru 1049/2001, jiksbu l-aċċess għall-imsemmija noti, is‑sistema tar-regoli proċedurali li jirregolaw l‑proċeduri ġudizzjarji quddiem il-qrati tal-Unjoni tiġi kkontestata (ara, b’analoġija, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, iċċitata iktar ’il fuq, punt 58).

101    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat illi huwa irrilevanti illi l-API ssostni illi sistemi legali nazzjonali oħra adottaw soluzzjonijiet differenti li jistipulaw, b’mod partikolari li l-qrati jippermettu l-aċċess għan-noti ppreżentati quddiemhom. Fil-fatt, kif issostni l-Kummissjoni, u kif korrettament iddeċidiet il‑Qorti Ġenerali, ir-regoli tal-proċedura tal-qrati tal-Unjoni ma jipprovdux għal dritt ta’ aċċess ta’ terzi għad-dokumenti proċedurali ddepożitati fir-reġistru mill-partijiet.

102    Għall-kuntrarju, huma preċiżament dawn ir-regoli tal-proċedura, li għalihom in‑noti inkwistjoni jibqgħu suġġetti, kif ukoll il‑fatt illi mhux biss huma ma jistipulaw l-ebda dritt ta’ aċċess għall‑proċess tal-kawża, iżda skont l‑Artikolu 31 tal-Istatut tal-Qorti tal‑Ġustizzja, jipprovdu wkoll illi seduta tista’ ssir in camera jew li ċerta informazzjoni, bħall-isem tal-partijiet, jinżammu kunfidenzjali, li jkompli jikkonferma l-preżunzjoni li l-iżvelar tan-noti inkwistjoni jikkawża preġudizzju għall-proċeduri ġudizzjarji (ara, b’analoġija, is‑sentenza, Il-Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, C‑139/07 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 56 sa 58).

103    Huwa minnu, kif spjegat il-Qorti tal-Ġustizzja, li tali preżunzjoni ġenerali ma teskludix id-dritt ta’ dawn il-persuni interessati li juru li dokument speċifiku li l‑iżvelar tiegħu huwa mitlub ma huwiex kopert minn din il‑preżunzjoni (sentenza Il-Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, iċċitata iktar ’il fuq, punt 62). Xorta jibqa’ l-fatt illi, f’din il‑kawża, mis-sentenza appellata ma jidhirx illi l-API użat dan id-dritt.

104    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandu jiġi konkluż illi l-Qorti Ġenerali kkommettiet żball ta’ liġi meta kkunsidrat illi l‑Kummissjoni, fin-nuqqas ta’ provi li setgħu jirribattu l-imsemmija preżunzjoni, kellha l-obbligu, wara s‑seduta, li tagħmel evalwazzjoni konkreta ta’ kull dokument mitlub sabiex tivverifika, fid-dawl tal‑kontenut speċifiku tad-dokumenti, jekk l-iżvelar tiegħu jikkawżax preġudizzju għall-protezzjoni tal-proċedura ġudizzjarja li magħha huwa relatat.

105    Madankollu, għandu jiġi rrilevat, kif ġie spjegat fil-punt 66 ta’ din is‑sentenza, illi l-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punt 82 tas-sentenza appellata huma biss estensjoni tar-raġunament li wassal lill-Qorti Ġenerali tiċħad l-motiv issollevat quddiemha mill-API. Madankollu, id‑dispożittiv tas-sentenza appellata bl-ebda mod ma jistrieħ fuq dan il‑punt 82.

106    Minn dan isegwi illi l-annullament ta’ din il-parti tal-motivazzjoni tas‑sentenza appellata ma jirriżultax fl-annullament tad-dispożittiv tagħha.

2.     Fuq it-tieni aggravju

107    Permezz tat-tieni aggravju tagħha, il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju Unit, issostni illi l-Qorti Ġenerali kkommettiet żball ta’ liġi meta ddeċidiet illi l‑eċċezzjoni intiża għall-protezzjoni tal-iskop ta’ spezzjonijiet, investigazzjoni u verifiki, stipulata fit-tielet inċiż tal‑Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, ma tippermettix lill‑Kummissjoni, wara li tingħata s-sentenza fil-proċeduri ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 226 KE, li tirrifjuta l-aċċess għan‑noti ppreżentati fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri mingħajr ma tkun għamlet qabel evalwazzjoni konkreta tal-kontenut ta’ dawn id-dokumenti.

a)     L-argumenti tal-partijiet

108    Skont il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali ma tatx każ il-fatt illi wara l‑għoti ta’ sentenza jista’ jkun hemm proċeduri ta’ eżekuzzjoni fil‑kuntest tal-proċeduri ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u li jwasslu mhux biss għal proċeduri ġodda skont l‑Artikolu 228 KE, iżda wkoll għal diskussjonijiet ġodda bejn il-Kummissjoni u l‑Istat Membru kkundannat sabiex dan tal-aħħar jikkonforma ruħu mad-dritt tal-Unjoni.

109    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni illi l-argumenti tal-Qorti Ġenerali illi rikors skont l-Artikolu 228 KE jkollu suġġett differenti u jiddependi fuq avvenimenti futuri u inċerti huma purament formali u ma jikkunsidrawx ir-realtà tad-djalogu bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri.

110    Il-Kummissjoni żżid illi, meta hija rrifjutat l-aċċess għan‑noti inkwistjoni fil-kawżi Sema miftuħa lill-API, hija kienet ikkonfrontata bi kwistjoni ta’ prinċipju intrattabli, fil-konfront ta’ liema hija kienet obbligata tirrapreżenta l‑Komunità Ewropea f’negozjati li hija kellha tmexxi fl-istess ħin mal-Istati Membri u ma’ Stati terzi. Il-Kummissjoni spjegat, matul is-seduta quddiem il‑Qorti Ġenerali, li l-iżvelar tan-noti tagħha wara l-għoti tas‑sentenza f’dawn il-kawżi kien jikkawża preġudizzju lil dawn in‑negozjati, li kellhom bħala għan il-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali ġdid dwar it-trasport bl-ajru.

111    Min-naħa l-oħra, skont l-API, l-appell ma jispjega la r-raġunijiet li għalihom ir‑“realtà” ta’ djalogu mal-Istati Membri kellu jkun kompromess li kieku l‑Kummissjoni żvelat in-noti tagħha wara li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet tat is-sentenza u lanqas għaliex ir‑“rwol tagħha ta’ gwardjana tat-trattati” kien se jiddgħajjef minħabba tali żvelar. Sakemm il-Kummissjoni ma tistax tinvoka ċ-ċirkustanzi partikolari li jiġġustifikaw l-applikazzjoni ta’ waħda mill-eċċezzjonijiet għall-iżvelar, in-noti għandhom jiġu żvelati. Fi kwalunkwe każ, dan l-argument huwa inammissibbli peress illi sempliċement jirrepeti argumenti diġà ppreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

112    Permezz tat-tieni aggravju tagħha, li fih żewġ partijiet, il-Kummissjoni tikkritika, essenzjalment, lill-Qorti Ġenerali talli ddeċidiet b’mod żbaljat illi d-dokumenti li jirrigwardaw investigazzjoni mmexxija minnha stess fil-kuntest ta’ proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, skont l‑Artikolu 226 KE ma humiex koperti bl-eċċezzjoni stipulata fit-tielet inċiz tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 wara li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet tat is-sentenza tagħha li biha għalqet l-imsemmija proċedura.

113    Permezz tal-ewwel parti ta’ dan l-aggravju, il-Kummissjoni ssostni illi r-raġunijiet li abbażi tagħhom il-Qorti Ġenerali, fil-punt 142 tas‑sentenza appellata, tikkonkludi illi hija kienet ikkommettiet żball ta’ evalwazzjoni meta rrifjutat l‑aċċess għad-dokumenti li jikkonċernaw il‑kawżi Sema miftuħa huma purament formali u ma jikkunsidrawx ir‑realtà tad-djalogu bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru.

114    Essenzjalment, il-Kummissjoni tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli evalwat b’mod żbaljat ir-relazzjoni legali li teżisti bejn l‑Artikolu 226 KE u l‑Artikolu 228 KE, billi ssottovalutat l-importanza tar-rabta li teżisti bejn il‑proċeduri stipulati f’dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet fil-kuntest ta’ żewġ kawżi konnessi li jsegwu lil xulxin u li jirrigwardaw l-istess nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tal-istess Stat Membru.

115    Kuntrarjament għal dak li ssostni l-API, il-Kummissjoni ma tillimitax ruħha sabiex tirrepeti l-argumenti mqajma fl-ewwel istanza, iżda tfittex li tikkontesta l‑evalwazzjoni legali magħmula mill-Qorti Ġenerali.

116    Meta appellant jikkontesta l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad‑dritt tal‑Unjoni, magħmula mill-Qorti Ġenerali, il-punti ta’ liġi eżaminati fl‑ewwel istanza jistgħu jerġgħu jiġu diskussi fl-appell. Fil‑fatt, li kieku appellant ma jkunx jista’ b’dan il-mod jibbaża l-appell tiegħu fuq motivi u argumenti diġà użati quddiem il-Qorti Ġenerali, il‑proċedura tal-appell tkun ipprivata minn parti mis-sinjifikat tagħha (sentenza tat-23 ta’ Marzu 2004, Médiateur vs Lamberts, C‑234/02 P, Ġabra p. I-2803, punt 75).

117    Minn dan isegwi illi l-ewwel parti tat-tieni aggravju hija ammissibbli.

118    Fir-rigward tal-mertu, għandu jiġi rrilevat illi, għalkemm huwa minnu illi l‑proċeduri stipulati fl-Artikoli 226 KE u 228 KE għandhom l-istess għan, jiġifieri dak li jiżguraw l-applikazzjoni effettiva tad-dritt tal‑Unjoni, xorta jibqa’ l-fatt illi dawn huma żewġ proċeduri distinti, intiżi li jilħqu dak l-għan b’mod differenti.

119    Fil-fatt, il-proċedura li ssir skont l-Artikolu 226 KE hija intiża sabiex tikkonstata u twaqqaf l-imġieba ta’ Stat Membru li jikser id-dritt tal‑Unjoni (sentenzi tas-7 ta’ Frar 1979, Franza vs Il-Kummissjoni, 15/76 u 16/76, Ġabra p. 321, punt 27, u tas-6 ta’ Diċembru 2007, Il‑Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑456/05, Ġabra p. I‑10517, punt 25), filwaqt li l-għan tal-proċedura stipulata fl-Artikolu 228 KE għandu ambitu ferm iżgħar, peress li hija intiża sabiex tħajjar lil Stat Membru li naqas, sabiex jikkonforma ruħu ma’ sentenza li stabbilixxiet in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu (sentenza tat-12 ta’ Lulju 2005, Il-Kummissjoni vs Franza, C‑304/02, Ġabra p. I‑6263, punt 80).

120    Minn dan isegwi li, la darba l-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat, permezz ta’ sentenza mogħtija skont l‑Artikolu 226 KE, in-nuqqas ta’ Stat li jwettaq l-obbligi tiegħu, it‑tkomplija tan-negozjati bejn dan l-Istat Membru u l‑Kummissjoni ma jkollhiex iktar bħala suġġett l-eżistenza tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – li fil-fatt ikun diġà ġie kkonstatat mill-Qorti tal‑Ġustizzja – iżda l-kwistjoni jekk hemmx l‑kundizzjonijiet meħtieġa sabiex il-Kummissjoni tippreżenta rikors skont l‑Artikolu 228 KE.

121    Barra minn hekk, fir-rigward tal-possibbiltà li r-rikors ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jwassal għal soluzzjoni bonarja, għandu jiġi rrilevat illi, ladarba n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jkun ġie kkonstatat permezz ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mogħtija skont l‑Artikolu 226 KE, tali soluzzjoni bonarja dwar dan in‑nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ma tkunx possibbli.

122    F’tali ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat illi l-Qorti Ġenerali ma kkommettiet l‑ebda żball ta’ liġi meta kkunsidrat illi ma jistax ikun hemm preżunzjoni illi l‑iżvelar tan-noti ppreżentati fil‑kuntest ta’ proċedura li wasslet għall-adozzjoni ta’ sentenza skont l‑Artikolu 226 KE jikkawża preġudizzju għall-investigazzjoni li tista’ twassal għall-bidu ta’ proċedura skont l-Artikolu 228 KE.

123    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel parti tat-tieni aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

124    Permezz tat-tieni parti ta’ dan l-aggravju, il-Kummissjoni ssostni illi l‑iżvelar tad-dokumenti li jikkonċernaw il-kawżi Sema miftħua, u dan anki wara li l-Qorti tal-Ġustizzja tat is-sentenza tagħha f’dawn il-kawżi, kien jikkawża preġudizzju għan-negozjati dwar il-konklużjoni ta’ ftehim ġdid internazzjonali dwar it-trasport bl-ajru li, fil-mument tal‑adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, hija kienet qed tmexxi għan‑nom tal-Komunità, mal-Istati Membri u mal-Istati terzi.

125    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat illi, minkejja illi l‑Kummissjoni ssostni, fl-appell tagħha, illi hija kienet enfasizzat dan il‑fatt matul is-seduta quddiem il-Qorti Ġenerali, mis-sentenza appellata ma jirriżulta bl-ebda mod – ħaġa li ma ġietx ikkontestata mill‑Kummissjoni fuq dan il‑punt – li din l‑istituzzjoni kienet invokat, fid-deċiżjoni kkontestata jew quddiem il-Qorti Ġenerali, il-ħtieġa li d‑dokumenti inkwistjoni jinżammu kunfidenzjali sabiex jiġi evitat il‑preġudizzju għan-negozjati illi hija kienet qed tmexxi għall‑konklużjoni tal-imsemmi ftehim.

126    Skont ġurisprudenza stabbilita, il-fatt li parti tiġi awtorizzata tqajjem motiv jew argumenti, għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li hija ma tkunx qajmet quddiem il-Qorti Ġenerali, ikun ifisser, li tkun qed tiġi awtorizzata tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li għandha kompetenza limitata fil-qasam tal-appell, kawża iżjed estensiva minn dik li tkun tressqet quddiem il-Qorti Ġenerali. Fil-kuntest ta’ appell, il‑kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja hija għaldaqstant limitata għall‑evalwazzjoni tas-soluzzjoni legali li tkun ingħatat lill-motivi u l‑argumenti li jkunu ġew dibattuti quddiem l-ewwel qorti (ara s-sentenzi tat-30 ta’ Marzu 2000, VBA vs VGB et, C‑266/97 P, Ġabra p. I‑2135, punt 79, u tal-21 ta’ Settembru 2006, JCB Service vs Il-Kummissjoni, C‑167/04 P, Ġabra p. I‑8935, punt 114, u, f’dan is-sens, id-digriet tal‑21 ta’ Jannar 2010, Iride u Iride Energia vs Il-Kummissjoni, C‑150/09 P, punti 73 u 74).

127    Peress illi għalhekk din il-parti tal-aggravju għandha tiġi ddikjarata inammissibbli, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud, parzjalment, bħala infondat u, parzjalment, bħala inammissibbli.

3.     Fuq it-tielet aggravju

a)     L-argumenti tal-partijiet

128    Permezz tat-tielet aggravju tagħha, il-Kummissjoni ssostni illi l-Qorti Ġenerali kkommettiet żball ta’ liġi meta interpretat l-eċċezzjoni dwar il‑protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji fis-sens illi l-istituzzjonijiet għandhom jevalwaw, każ b’każ, anki t-talbiet ta’ aċċess għan‑noti fil-kuntest ta’ kawżi deċiżi meta dawn ikunu marbutin ma’ proċedura li għadha pendenti. Fil-fatt, peress illi l-Qorti Ġenerali diġà ddeċidiet illi l-Kummissjoni setgħet tirrifjuta l-iżvelar tan‑noti tagħha sakemm ma jkunux ġew diskussi matul is‑seduta quddiem il-qorti, hija kellha tapplika l-istess raġunament għat‑talbiet ta’ żvelar ta’ dokumenti ppreżentati fil-kuntest ta’ kawżi deċiżi, iżda marbuta ma’ kawżi li għadhom pendenti. Dan ikun iġġustifikat a fortiori meta l-partijiet fil-proċedura magħluqa u dawk fil‑kawża li għadha pendenti, marbuta magħha, ma humiex l‑istess.

129    F’dan ir-rigward, l-API ssostni illi l-aċċess totali jew parzjali għan‑noti ppreżentati fil-kuntest ta’ kawża deċiża ma għandux effett fuq il-kapaċità tal-Kummissjoni li tiddefendi ruħha fil‑kuntest ta’ kawża oħra li għadha pendenti, anki jekk dawn iż-żewġ kawżi huma konnessi.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

130    L-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat illi jekk, għar-raġunijiet imsemmija fil-punti 68 sa 104 ta’ din is-sentenza, l-iżvelar tan‑noti ppreżentati fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja pendenti huwa preżunt illi jikkawża preġudizzju għall-protezzjoni ta’ din il-proċedura, minħabba l-fatt illi n-noti jikkostitwixxu l‑bażi li fuqha hija eżerċitata l-attività ġudizzjarja tal-Qorti tal‑Ġustizzja, dan ma huwiex il-każ meta l-proċedura inkwistjoni ġiet deċiża permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja.

131    Fil-fatt, f’dan l-aħħar każ, ma għadx hemm lok tal-preżunzjoni illi l‑iżvelar tan-noti jikkawża preġudizzju għall-attività ġudizzjarja tal-Qorti tal-Ġustizzja, peress illi din l-attività tispiċċa, wara li tingħalaq il-proċedura.

132    Huwa minnu, ma għandux jiġi eskluż illi, kif allegat il-Kummissjoni, l‑iżvelar ta’ noti li jirrigwardaw proċedura ġudizzjarja magħluqa, iżda marbuta ma’ proċedura oħra li għadha pendenti, tista’ tagħti lok għal riskju ta’ preġudizzju għal din l-aħħar proċedura, b’mod partikolari meta l-partijiet ta’ din tal-aħħar ma humiex l-istess bħal dawk tal-proċedura magħluqa. Fil-fatt, f’tali sitwazzjoni, jekk il‑Kummissjoni użat l-istess argumenti insostenn tal-pożizzjoni ġuridika tagħha fil-kuntest taż-żewġ proċeduri, l-iżvelar tal-argumenti tagħha fil‑kuntest tal-proċedura pendenti jista’ jkollu r-riskju li jikkawża preġudizzju lil din tal-aħħar.

133    Madankollu, tali riskju jiddependi minn diversi fatturi, fosthom kemm jixxiebhu l‑argumenti mressqa fiż-żewġ proċeduri. Fil-fatt, jekk in‑noti tal-Kummissjoni jirrepetu ruħhom biss parzjalment, żvelar parzjali jista’ jkun biżżejjed sabiex jiġi evitat ir-riskju ta’ preġudizzju għall-proċedura pendenti.

134    F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa biss eżami konkret tad-dokumenti li għalihom intalab l-aċċess, li jsir skont il-kriterji spjegati fil‑punt 72 ta’ din is-sentenza, li jista’ jippermetti lill-Kummissjoni tistabbilixxi jekk l‑iżvelar tagħhom jistax jiġi rrifjutat skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

135    Minn dan isegwi illi l-Qorti Ġenerali kienet korretta meta, essenzjalment, iddeċidiet illi r-riskju ta’ preġudizzju għal interess protett, mitlub minn din id‑dispożizzjoni, ma jistax jiġi preżunt abbażi biss tar-rabta bejn il-proċeduri ġudizzjarji inkwistjoni.

136    Peress illi għalhekk it-tielet aggravju ma jistax jiġi milqugħ, l-appell tal‑Kummissjoni fil-Kawża C‑532/07 P għandu jiġi miċħud kollu.

B –  Fuq l-appelli ppreżentati mir-Renju tal-Isvezja (Kawża C‑514/07 P) u mill-API (Kawża C‑528/07 P)

137    Jekk il-Kawża C‑532/07 P tirrigwarda, minn naħa waħda, l-aċċess għan‑noti ppreżentati fil-kuntest ta’ proċeduri ġudizzjarji li fihom, fil-mument tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, kienet diġà saret seduta u, min-naħa l‑oħra, l-aċċess għan-noti fil-kuntest ta’ proċeduri ġudizzjarji magħluqa li, kemm jekk għandhom bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, wara liema l-Istat Membru konvenut għadu ma kkonformax ruħu mad-dritt tal-Unjoni, u kemm jekk huma marbutin mill-qrib ma’ proċeduri oħra pendenti, il-Kawżi C‑514/07 P u C‑528/07 P għandhom bħala suġġett l-aċċess għan‑noti ppreżentati fil-kuntest ta’ proċeduri ġudizzjarji li fihom, fil-mument tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, għadha ma saritx seduta.

138    Ir-Renju tal-Isvezja, sostnut mir-Renju tad-Danimarka u mir‑Repubblika tal-Finlandja, kif ukoll mill-API, jibbażaw l-appelli rispettivi tagħhom fuq żewġ aggravji simili, ibbażati, wieħed fuq, il‑ksur tat-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 u, l-ieħor, fuq l-aħħar parti tal-Artikolu 4(2) ta’ dan ir-regolament.

1.     Fuq l-ewwel aggravju

a)     L-argumenti tal-partijiet

139    Permezz ta’ dan l-aggravju, ir-Renju tal-Isvezja u l-API jsostnu, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat it-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, li jistipula l‑eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji, peress illi ikkunsidrat illi, meta talba għal aċċess għandha bħala suġġett noti ppreżentati mill-Kummissjoni quddiem il-qrati tal‑Unjoni fil-kuntest ta’ proċeduri ġudizzjarji li fihom għadha ma saritx seduta, din l-istituzzjoni għandha dritt li tibbaża r-rifjut tagħha ta’ żvelar fuq l-imsemmija eċċezzjoni, mingħajr ma tkun obbligata li tevalwa b’mod konkret il-kontenut ta’ kull dokument li għalih intalab l-aċċess.

140    Insostenn ta’ dan l-aggravju, ir-Renju tal-Isvezja u l-API jsostnu, l‑ewwel nett, li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod wiesa’ eċċezzjoni li, bħala tali, tista’ biss tiġi interpretata b’mod restrittiv. Il-Gvern Svediż iżid illi tali interpretazzjoni ma hijiex kompatibbli mal-għan tar‑Regolament Nru 1049/2001 intiż sabiex jiggarantixxi l-aċċess l-iktar wiesa’ possibbli għall-pubbliku tad-dokumenti miżmuma mill‑istituzzjonijiet tal-Unjoni.

141    Min-naħa tiegħu, ir-Renju tad-Danimarka jsostni wkoll li dan l-aħħar argument tal-Gvern Svediż huwa b’saħħtu l-iktar fid-dawl tas-sentenza L-Isvezja u Turco vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, li fiha l-Qorti tal‑Ġustizzja, filwaqt li elenkat il‑kriterji li l-istituzzjonijiet għandhom isegwu meta jirrifjutaw l-aċċess għal dokumenti abbażi tal‑eċċezzjonijiet stipulati fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, fil-punt 35 tal-imsemmija sentenza speċifikat illi evalwazzjoni konkreta tad-dokumenti li għalihom intalab l-aċċess hija dejjem meħtieġa.

142    Sussegwentement, skont l-API, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet b’mod żbaljat illi l‑aċċess għan-noti tal-Kummissjoni kellu r-riskju illi jesponi lill-aġenti tagħha – u mhux ir-rappreżentanti tal-partijiet l‑oħra fil-proċedura – għal “kritika u l-oġġezzjonijiet” esterni. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni, kuntrarjament għal dak li jirriżulta mill-punt 80 tas-sentenza appellata, ma għandha l-ebda dritt li tiddefendi l-interessi tagħha “indipendentement minn kull influwenza esterna”. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma tatx importanza lill-fatt illi sistemi legali oħra jippermettu li jkun hemm aċċess għan‑noti ppreżentati quddiem qrati, u dan f’kull stadju tal‑proċedura. Fl-aħħar nett, huwa żbaljat illi l-Qorti Ġenerali invokat il‑ħtieġa li tipproteġi l-effett utli ta’ eventwali deċiżjoni li s-seduta ssir in camera.

143    B’risposta għal dawn l-argumenti, il-Kummissjoni ssostni illi r‑Regolament Nru 1049/2001 ma jistipulax trasparenza assoluta u li, għalhekk, ma huwiex kuntrarju għal għan tagħha, li huwa li jiggarantixxi l-effett l-iktar sħiħ possibbli lid-dritt ta’ aċċess, sabiex tikkunsidra prinċipju ġenerali tad-dritt bħal dak tal-protezzjoni ta’ amministrazzjoni tajba tal-proċeduri ġudizzjarji u ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja.

144    Skont il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju Unit fuq dan il-punt, huwa wkoll kuntrarju għall-imsemmi prinċipju li titlob li istituzzjoni tagħmel evalwazzjoni konkreta u individwali ta’ kull dokument li għalih intalab l-aċċess, meta jkun ċar illi dan id-dokument jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ waħda mill-eċċezzjonijiet stipulati fir-Regolament Nru 1049/2001, minħabba, b’mod partikolari, in-natura ta’ dan id‑dokument jew il-kuntest partikolari li fih tkun saret.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

145    Permezz ta’ dan l-aggravju, l-API u r-Renju tal-Isvezja jinvokaw żball ta’ liġi kommess mill-Qorti Ġenerali, inkwantu din interpretat it-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 fis-sens illi l‑istituzzjonijiet għandhom dritt jirrifjutaw, mingħajr qabel ma jagħmlu evalwazzjoni konkreta ta’ kull każ inkwistjoni, l-aċċess għan‑noti ppreżentati fil-kuntest ta’ proċeduri ġudizzjarji pendenti li fihom għadha ma saritx seduta.

146    Huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat illi, f’dan ir-rigward, għar-raġunijiet imsemmija fil-punti 68 sa 104 ta’ din is-sentenza, il-Kummissjoni tista’ tibbaża ruħha fuq il‑preżunzjoni illi l-iżvelar ta’ noti ppreżentati fil-kuntest ta’ proċeduri ġudizzjarji pendenti jikkawżaw preġudizzju għal dawn il-proċeduri skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tal-imsemmi regolament u li, għalhekk, hija tista’, matul tali proċeduri, topponi rifjut għal talba ta’ aċċess li għandha bħala suġġett tali dokumenti, mingħajr ma tkun obbligata li tagħmel evalwazzjoni konkreta tagħhom.

147    Minn dan isegwi illi, għall-istess raġunijiet, l-interpretazzjoni li favur tagħha argumentaw r-Renju tal-Isvezja u l-API fil-kuntest ta’ dan l‑aggravju, illi l‑imsemmija dispożizzjoni ma tippermettix lill‑Kummissjoni li topponi tali rifjut qabel id-data tas-seduta, ma hijiex fondata.

148    Minn dan isegwi illi l-ewwel aggravju ssollevat fil-Kawżi C‑514/07 P u C‑528/07 P għandu jiġi miċħud bħala infondat.

2.     Fuq it-tieni aggravju

a)     L-argumenti tal-partijiet

149    Permezz ta’ dan l-aggravju, ir-Renju tal-Isvezja u l-API jikkritikaw lill‑Qorti Ġenerali li kisret l-aħħar parti tal-Artikolu 4(2) tar‑Regolament Nru 1049/2001 meta kkunsidrat illi l-interess ġenerali tal-pubbliku li jirċievi informazzjoni dwar proċeduri ġudizzjarji pendenti ma għandux jikkostitwixxi interess pubbliku ikbar fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Barra minn hekk, l-API taħseb illi, fi kwalunkwe każ, il-Qorti Ġenerali ma bbilanċjatx, kif kellha tagħmel, bejn dan l‑interess u dak tal‑protezzjoni tal-imsemmija proċeduri. F’dan ir‑rigward, ir-Renju tal‑Isvezja jsostni li tali bbilanċjar, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punt 99 tas-sentenza appellata, għandu dejjem isir fir-rigward tal-kontenut konkret tad-dokumenti li tagħhom intalab l‑iżvelar.

150    Min-naħa l-oħra, skont il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet illi skont il‑ġurisprudenza stabbilita li tafferma li l-interess pubbliku ikbar, li fid-dawl tiegħu d-dokumenti għandhom jiġu żvelati bl-applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni, hija, bħala regola, distinta mill-prinċipju ġenerali ta’ trasparenza li fuqu hu bbażat ir-Regolament Nru 1049/2001.

151    Ir-Renju Unit iżid illi dan l-aggravju jirriżulta minn qari ħażin tal-kontenut tas-sentenza appellata, peress illi mill-punti 97 sa 99 tagħha, fil-fatt, il‑Qorti Ġenerali mhux biss irrikonoxxiet li kien meħtieġ li jsir ibbilanċjar tal-interessi preżenti, iżda twettaq dan l-ibbilanċjar hija stess.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

152    L-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat illi l-Qorti Ġenerali, wara li ddikjarat illi, bħala regola, l-interess pubbliku ikbar, imsemmi fl-aħħar parti tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, għandu jiġi distint mill-prinċipju ta’ trasparenza, fil-punt 97 tas-sentenza appellata, speċifikat illi l-fatt li applikant għal aċċess ma jinvokax interess pubbliku distint mill-prinċipji ta’ trasparenza ma jimplikax awtomatikament li l-ibbilanċjar tal-interessi preżenti ma huwiex meħtieġ. Fil-fatt, skont il-Qorti Ġenerali, “l-invokazzjoni ta’ dawn l‑istess prinċipji tista’ tkun tant qawwija, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, li hija tipprevali fuq il-bżonn li jitħarsu d-dokumenti inkwistjoni.”

153    Għaldaqstant, huwa żbaljat illi r-Renju tal-Isvezja u l-API jsostnu illi l‑Qorti Ġenerali eskludiet li l-interess għat-trasparenza jista’ jikkostitwixxi interess pubbliku ikbar fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni.

154    Sussegwentement, kif isostnu l-Kummissjoni u r-Renju Unit, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 98 u 99 tas-sentenza appellata, ibbilanċjat l-interess għat-trasparenza ma’ dak li jirrigwardaw il-protezzjoni tal-għan li tiġi evitata kull influwenza esterna fuq it-tmexxija tajba tal-proċeduri ġudizzjarji.

155    Konsegwentement, l-argument tal-API li l-Qorti Ġenerali ma għamlitx tali bbilanċjar huwa wkoll infondat.

156    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument tar-Renju tal-Isvezja li l-Qorti Ġenerali ma għamlitx dan l-ibbilanċjar b’mod korrett inkwantu ma kkunsidratx il-kontenut tad-dokumenti inkwistjoni, għandu jiġi rrilevat illi, skont il-Qorti Ġenerali, huwa biss fejn iċ-ċirkustanzi partikolari tal‑kawża jippermettu illi jiġi konkluż illi l-prinċipju ta’ trasparenza huwa ta’ importanza partikolari, li dan il-prinċipju jista’ jikkostitwixxi interess pubbliku ikbar, li jista’ jissupera l-ħtieġa ta’ protezzjoni tad‑dokumenti kkontestati u, għalhekk, jiġġustifika l-iżvelar tagħhom skont l‑aħħar parti tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

157    Anki jekk huwa possibbili li fuq din il-bażi jiġi ġġustifikat l-iżvelar ta’ dokumenti fejn hu preżunt li dan jikkawża preġudizzju lil wieħed mill‑interessi protetti mill-eċċezzjonijiet msemmija fl-Artikolu 4(2) tar‑Regolament Nru 1049/2001, għandu jiġi kkonstatat illi mill-punt 95 tas-sentenza appellata jirriżulta illi l-API llimitat ruħha li ssostni li d‑dritt tal-pubbliku li jiġi informat fuq kwistjonijiet importanti ta’ dritt Komunitarju, bħal dawk fil-qasam tal-kompetizzjoni, kif ukoll fuq kwistjonijiet li huma ta’ interess politiku ċert, li huwa l-każ ta’ dawk imqajma permezz tar-rikorsi għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, jipprevali fuq il‑protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji.

158    Madankollu, kunsiderazzjonijiet li huma tant ġeneriċi ma għandhomx ikunu ta’ natura li jistabbilixxu illi l-prinċipju ta’ trasparenza kien jippreżenta, f’din il‑kawża, importanza partikolari li seta’ jirbaħ fuq ir‑raġunjiet li jiġġustifikaw ir‑rifjut tal-iżvelar tad-dokumenti inkwistjoni.

159    F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa korrett illi l-Qorti Ġenerali kkonkludiet illi l-interess invokat mill-API ma kienx tali li jiġġustifika l-iżvelar tan‑noti inkwistjoni u li, għalhekk, l-ebda evalwazzjoni konkreta tal-kontenut ta’ dawn id‑dokumenti ma kienet meħtieġa f’din il‑kawża.

160    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, it-tieni aggravju ma għandux lanqas jiġi milqugħ.

161    Għaldaqstant hemm lok li l-appell ippreżentat mir-Renju tal-Isvezja fil-Kawża C‑514/07 P, u dak ippreżentat mill-API fil-Kawża C‑528/07 P jiġu miċħuda fl-intier tagħhom.

VII –  Fuq l-ispejjeż

162    L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 122 tar-Regoli tal-Proċedura jistipula, b’mod partikolari, illi meta l-appell huwa infondat, il-Qorti tal‑Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 69(2) tar‑Regoli tal-Proċedura, li huwa applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 118 tagħhom, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l‑ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. L-ewwel subparagrafu tal‑paragrafu 4 tal-Artikolu 69 jipprovdi li l-Istati Membri u l‑istituzzjonijiet intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

163    Peress li r-Renju tal-Isvezja tilef l-appell fil-Kawża C‑514/07 P, huwa għandu jiġi kkundannat għall-ispejjeż relatati ma’ din il-proċedura, skont it-talbiet tal-Kummissjoni.

164    Peress li l-API tilfet l-appell fil-Kawża C­528/07 P, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż relatati ma’ din il-proċedura, skont it-talbiet tal-Kummissjoni.

165    Peress li l-Kummissjoni tilfet l-appell fil-Kawża C­532/07 P, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż relatati ma’ din il-proċedura, skont it-talbiet tal-API.

166    L-Istati Membri intervenjenti fil-proċeduri tal-appell għandhom ibatu l‑ispejjeż tagħhom stess relatati mal-appell.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-appelli huma miċħuda.

2)      Ir-Renju tal-Isvezja għandu jbati l-ispejjeż tiegħu, kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea, relatati mal-appell fil-Kawża C‑514/07 P.

3)      L-Association de la presse internationale ASBL għandha tbati l‑ispejjeż tagħha, kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea relatati mal-appell fil-Kawża C‑528/07 P.

4)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha, kif ukoll dawk sostnuti mill-Association de la presse internationale ASBL, relatati mal-appell fil‑Kawża C‑532/07 P.

5)      Ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika tal-Finlandja u r‑Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq għandhom ibatu l‑ispejjeż tagħhom relatati mal-appelli.

Firem


1? Lingwa tal-kawża: l-Ingliż