Language of document :

Appell ippreżentat fil-5 ta’ April 2022 mill-Kummissjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla Estiża) fis-26 ta’ Jannar 2022 fil-Kawża T-286/09 RENV, Intel Corporation vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-240/22 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellant: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: F. Castillo de la Torre, N. Khan, M. Kellerbauer u C. Sjödin, aġenti)

Partijiet oħra fil-proċedura: Intel Corporation Inc., Association for Competitive Technology, Inc., Union fédérale des consommateurs - Que choisir (UFC - Que choisir)

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata, bl-eċċezzjoni tal-punt 3 tad-dispożittiv tagħha;

tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali;

tirriżerva l-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appellanti tinvoka sitt aggravji.

L-ewwel aggravju: l-eżami mis-sentenza appellata tal-estent tal-analiżi tad-Deċiżjoni 1 tal-kriterji ta’ kopertura u tul jikkostitwixxi ultra petita. Barra minn hekk, is-sentenza appellata hija vvizzjata bi żball ta’ liġi sa fejn teskludi kull evalwazzjoni ġenerali tal-kapaċità tal-prattiki ta’ Intel li jeskludu l-kompetizzjoni fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-każ u sa fejn tinterpreta b’mod żbaljat il-gwida mogħtija f’dan ir-rigward mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il-Kummissjoni, C-413/14 P, EU:C:2017:632.

It-tieni aggravju: l-eżami mis-sentenza appellata tat-test tal-kompetitur daqstant effiċjenti (test AEC) li sar fid-Deċiżjoni jikser id-drittijiet tad-difiża tal-Kummissjoni.

It-tielet aggravju: l-eżami mis-sentenza appellata tat-test AEC fid-Deċiżjoni fir-rigward ta’ Dell huwa vvizzjat bi żball ta’ ksur tal-livell probatorju meħtieġ, jiżnatura s-sens manifest tal-provi, japplika raġunament kontradittorju u jikser id-drittijiet tad-difiża tal-Kummissjoni.

Ir-raba’ aggravju: l-eżami mis-sentenza appellata tat-test AEC fid-Deċiżjoni fir-rigward ta’ Hewlett-Packard Company huwa vvizzjat bi żball ta’ ksur tal-livell probatorju meħtieġ, jikser id-drittijiet tad-difiża tal-Kummissjoni u jinkludi diversi żbalji ta’ liġi oħra.

Il-ħames aggravju: l-eżami mis-sentenza appellata tat-test AEC fid-Deċiżjoni fir-rigward ta’ Lenovo huwa vvizzjat bi żball ta’ interpretazzjoni tat-test AEC u tal-Artikolu 102 TFUE, jiżnatura l-provi u jikser id-drittijiet tad-difiża tal-Kummissjoni.

Is-sitt aggravju: sa fejn is-sentenza appellata tibbaża ruħha fuq l-eżami tagħha tat-test AEC tad-Deċiżjoni għall-finijiet tal-annullament parzjali tad-deċiżjoni, hija tonqos milli tieħu debitament inkunsiderazzjoni l-implikazzjonijiet tal-konklużjonijiet tagħha tat-test AEC.

____________

1 Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2009) 3726 final, tat-13 ta’ Mejju 2009, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu [102 TFUE] u tal-Artikolu 54 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/C 3/37.990 – Intel)