Language of document :

Rikors ippreżentat fid-9 ta' April 2010 - Dow Chemical vs Il-Kunsill

(Kawża T-158/10)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: The Dow Chemical Company (rappreżentanti: J.-F. Bellis, R. Luff u V. Hahn, avukati)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 54/2010 1 safejn jirrigwarda r-rikorrenti;

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka motiv wieħed li permezz tiegħu hija ssostni li r-regolament ikkontestat jikser l-Artikolu 11(2) tar-regolament bażiku 2, għal dawn ir-raġunijiet:

il-kunsiderazzjoni li d-dumping tal-etanolamini li joriġinaw mill-Istati Uniti ser ikompli hija bbażata b'mod żbaljat fuq konstatazzjoni ta' dumping matul il-perijodu ta' investigazzjoni ta' reviżjoni fir-rigward ta' produtturi-esportaturi li jirrappreżentaw biss proporzjon żgħir ħafna ta' importazzjonijiet mill-Istati Uniti; l-istituzzjonijiet injoraw il-fatt li l-produttur responsabbli għall-maġġoranza l-kbira ta' importazzjonijiet mill-Istati Uniti nstab li ma wettaqx dumping u li, konsegwentement, l-importazzjonijiet ta' etanolamini li joriġinaw mill-Istati Uniti, meqjusa globalment, ma kinux is-suġġett ta' dumping;

il-kunsiderazzjoni li l-allegat dumping ta' etanolamini li joriġinaw mill-Istati Uniti żdied wara l-perijodu ta' investigazzjoni ta' reviżjoni hija bbażata fuq għażla arbitrarja ta' kwotazzjonijiet ta' prezzijiet li ma jirriflettux it-tendenza tal-prezzijiet wara l-perijodu ta' investigazzjoni ta' reviżjoni;

il-kunsiderazzjoni li l-kapaċità żejda fl-Istati Uniti ser twassal għal żieda fl-esportazzjonijiet ta' etanolamini għall-UE hija bbażata fuq żball manifest peress li kien hemm l-ebda kapaċità mhux użata fl-Istati Uniti;

il-kunsiderazzjoni li l-miżuri antidumping fuq l-etanolamini li joriġinaw mill-Istati Uniti, imposti miċ-Ċina mill-2004, ser iwasslu lill-esportaturi tal-etanolamini fl-Istati Uniti sabiex ibiegħu kwantitajiet ikbar lejn l-UE hija kontradetta mill-iżvilupp ta' flussi kummerċjali mill-2005;

il-kunsiderazzjoni li l-iżvilupp possibbli ta' domanda fl-Istati Uniti u fi swieq oħra ser iwassal sabiex produtturi Amerikani jċaqilqu l-esportazzjonijiet lejn l-UE hija purament spekulattiva;

il-kunsiderazzjoni li prezzijiet baxxi ħafna u espansjonijiet tal-kapaċitajiet għall-glukol tal-monoetilene - li, bħall-etanolamini, huwa prodott derivat tal-ossidu tal-etilene - jistgħu jipprovdu inċentiv għall-produtturi biex jaqilbu mill-glukol tal-monoetiline għall-produzzjoni tal-etanolamini hija inkonsistenti mal-fatti kkonstatati u vvizzjata bi żball ta' evalwazzjoni;

il-konvenut jiżviluppa raġunament kontradittorju fir-rigward tar-relazzjoni bejn l-Istati Uniti u l-UE peress li dawn jidhru li jsostnu fl-istess ħin li l-prezzijiet ogħla tal-UE jipprovdu inċentiv għall-esportaturi fl-Istati Uniti li jċaqilqu l-bejgħ tagħhom lill-UE u li prezzijiet aktar baxxi fl-UE ser iġiegħlu lill-produtturi fl-Istati Uniti li jbiegħu bi prezzijiet baxxi ħafna fl-UE.

____________

1 - Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 54/2010, tad-19 ta' Jannar 2010, li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-etanolamini li joriġinaw fl-Istati Uniti tal-Amerika (ĠU L 17, p. 1)

2 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96, tat-22 ta' Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 10, p. 45)