Language of document :

Rikors ippreżentat fil-5 ta' Awwissu 2011 - Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-442/11)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Evropaïki Dynamiki - Proigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis AE (Ateni, il-Greċja) (rappreżentanti: N. Korogiannakis u M. Dermitzakis, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' Mejju 2011, li ma tieħux azzjoni sabiex tirrimedja s-sitwazzjoni wara li l-Ombudsman Ewropew wasal għall-konklużjoni li d-Deċiżjoni meħuda mill-Kummissjoni f'Novembru 2006, sabiex tagħżel il-prodotti u servizzi ta' kumpannija terza, ma kinitx f'konformità mal-leġiżlazzjoni tal-UE applikabbli dwar il-kuntratti pubbliċi;

tikkundanna lill-Kummissjoni tħallas id-danni tar-rikorrenti sabiex tinnewtralizza l-impatt li hija sofriet minħabba d-deċiżjoni tagħha ta' Novembru 2006;

tikkundanna lill-Kummissjoni tħallas lir-rikorrenti EUR 1 miljun għal telf ta' opportunità li tipparteċipa fis-sejħa għal offerti li hija ddeċidiet li tikkanċella;

tikkundanna lill-Kummissjoni tħallas lir-rikorrenti EUR 1 miljun għal użu awtorizzat ta' drittijiet ta' proprjetà intellettwali;

tikkundanna lill-Kummissjoni tħallas lir-rikorrenti l-ammont ta' EUR 10 miljun għal telf mhux pekunjarju, li jikkonsisti f'li ġiet ippreġudikata r-reputazzjoni u l-kredibbiltà tagħha;

tikkundanna lill-Kummissjoni toħroġ avviż pubbliku, li jinforma lis-suq u l-utenti kollha interessati f'CIRCA (għodda tal-IT li tagħmel possibbli l-kollaborazzjoni elettronika fost l-impjegati jew gruppi ta' individwi li jinsabu f'postijiet differenti), li din ma hijiex pjattaforma li ma għadhiex tinuża, li l-pjattaforma żviluppata minn Alfresco Software Ltd. ma hijiex pjattaforma privileġġata u li l-utenti huma liberi li jgħażlu pjattaforma tal-għażla tagħhom bħala sostituta għal CIRCA; u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż legali u spejjeż oħra fir-rigward ta' din l-applikazzjoni, anki jekk l-applikazzjoni preżenti hija miċħuda.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba' motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni kisret l-obbligu li jirriżulta mill-Artikoli 27, 88, 89 u 91 tar-regolament finanzjarju 1, kif ukoll tal-Artikoli 116, 122 u 124 tar-regoli ta' implementazzjoni 2, sabiex torganizza sejħa għal offerti miftuħa jew ristretta.

It-tieni motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipji ta' nondiskriminazzjoni u trattament ugwali.

It-tielet motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba u l-obbligu ta' motivazzjoni.

Ir-raba' motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni għamlet użu ħażin tal-poteri tagħha.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/25, tal-25 ta' Ġunju 2002, rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 74).

2 - Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002, tat-23 ta' Diċembru 2002, li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 fuq ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej