Language of document :

Rikors ippreżentat fl-14 ta’ Novembru 2023 – Zubitskiy vs Il-Kunsill

(Kawża T-1074/23)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Evgeny Borisovich Zubitskiy (Moska, ir-Russja) (rappreżentanti: P. Zeller u D. Reingewirtz, avukati)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikjara l-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/329 tal-25 ta’ Frar 2022, sa fejn jimmodifika l-kriterju (g) fl-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni 2014/145/PESK, illegali u inapplikabbli għar-rikorrent;

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/1767 tat-13 ta’ Ottubru 2023 sa fejn iżżomm l-isem tar-rikorrent fil-lista li tidher fl-anness tad-Deċiżjoni 2014/145/PESK u li tinkludi lir-rikorrent fin-Nru 913 tal-anness ta’ din id-deċiżjoni;

tannulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1765 tat-13 ta’ Settembru 2023 sa fejn iżżomm l-isem tar-rikorrent fil-lista li tidher fl-Anness I tar-Regolament (UE) 269/2014 fin-Nru 913;

tikkundanna lill-Kunsill iħallas EUR 1 000 000 provviżorjament għad-dannu morali subit mir-rikorrent;

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka erba’ motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege.

It-tieni motiv ibbażat fuq il-ksur tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u l-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

It-tielet motiv ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tar-raġunijiet mogħtija mill-Kunsill, u b’mod partikolari fir-rigward tal-kriterji ta’ inklużjoni applikati fil-konfront tar-rikorrent.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet fundamentali l-oħra tar-rikorrent iggarantiti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, b’mod partikolari l-ksur tal-libertà ta’ intrapriża u tad-dritt għall-proprjetà.

____________