Language of document : ECLI:EU:T:2012:142

Kawżi magħquda T-439/10 u T-440/10

Fulmen u
Mahmoudian

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Politika barranija u ta’ sigurtà komuni — Miżuri restrittivi meħuda kontra r-Repubblika Iżlamika tal-Iran bil-għan li tiġi evitata l-proliferazzjoni nukleari — Iffriżar ta’ fondi — Rikors għal annullament — Obbligu ta’ motivazzjoni — Drittijiet tad-difiża — Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva — Żball ta’ evalwazzjoni — Oneru u grad tal-prova”

Sommarju tas-sentenza

1.      Proċedura — Deċiżjoni jew regolament li jissostitwixxi l-att ikkontestat fil-mori tal-kawża — Element ġdid — Estensjoni tat-talbiet u tal-motivi inizjali

2.      Atti tal-istituzzjonijiet — Motivazzjoni — Obbligu — Portata — Miżuri restrittivi kontra l-Iran — Iffriżar ta’ fondi ta’ persuni, entitajiet jew korpi li jipparteċipaw jew li jsostnu l-proliferazzjoni nukleari — Rekwiżiti minimi

(it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE; Regolamenti tal-Kunsill Nru 423/2007, Artikolu 15(3), u Nru 961/2010, Artikoli 16(2) u 36(3); Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413, Artikolu 24(3))

3.      Dritt tal-Unjoni — Prinċipji — Drittijiet tad-difiża — Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva — Miżuri restrittivi kontra l-Iran — Iffriżar ta’ fondi ta’ persuni, entitajiet jew korpi li jipparteċipaw jew li jsostnu l-proliferazzjoni nukleari — Obbligu ta’ komunikazzjoni tar-raġunijiet individwali u speċifiċi li jiġġustifikaw id-deċiżjonijiet adottati — Portata

(Regolamenti tal-Kunsill Nru 423/2007, Artikoli 7(2) u 15(3), u Nru 668/2010; Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413, Artikolu 24(3))

4.      Unjoni Ewropea — Politika barranija u ta’ sigurtà komuni — Miżuri restrittivi kontra l-Iran — Rispett tad-drittijiet tad-difiża — Stħarriġ ġudizzjarju

(Regolamenti tal-Kunsill Nru 423/2007, Artikolu 15(3), u Nru 961/2010, Artikolu 36(3) u (4); Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413, Artikolu 24(3) u (4))

5.      Dritt tal-Unjoni — Prinċipji — Drittijiet tad-difiża — Miżuri restrittivi kontra l-Iran — Iffriżar ta’ fondi ta’ persuni, entitajiet jew korpi li jipparteċipaw jew li jsostnu l-proliferazzjoni nukleari — Obbligu ta’ komunikazzjoni tal-provi kontra — Portata

(Regolament tal-Kunsill Nru 668/2010, Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/413)

6.      Dritt tal-Unjoni — Prinċipji — Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva — Miżuri restrittivi kontra l-Iran — Iffriżar ta’ fondi ta’ persuni, entitajiet jew korpi li jipparteċipaw jew li jsostnu l-proliferazzjoni nukleari — Obbligu ta’ komunikazzjoni tal-motivi tal-miżuri restrittivi — Portata

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47; Regolament tal-Kunsill Nru 668/2010; Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413)

7.      Unjoni Ewropea — Politika barranija u ta’ sigurtà komuni — Miżuri restrittivi kontra l-Iran — Deċiżjoni ta’ ffriżar ta’ fondi — Stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità — Portata

(Regolament tal-Kunsill Nru 668/2010; Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413, Artikolu 23(2))

8.      Rikors għal annullament — Sentenza ta’ annullament — Effetti — Annullament parzjali ta’ regolament u ta’ deċiżjoni li jikkonċernaw l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi kontra l-Iran — Dħul fis-seħħ tal-annullament tar-regolament mill-iskadenza tat-terminu tal-appell jew miċ-ċaħda tiegħu — Applikazzjoni ta’ dan it-terminu mid-dħul fis-seħħ tal-annullament tad-deċiżjoni

(it-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE u Artikolu 280 TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 56 u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 60; Regolament tal-Kunsill Nru 961/2010; Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413, kif emendata bid-Deċiżjoni 2010/644)

1.      Meta deċiżjoni jew regolament li jikkonċernaw direttament u individwalment individwu jiġu, fil-mori tal-proċedura, mibdula minn att li jkollu l-istess suġġett, dan għandu jiġi kkunsidrat bħala element ġdid li jippermetti lir-rikorrent jaġġusta t-talbiet u l-motivi tiegħu. Fil-fatt, li wieħed jobbliga lir-rikorrent jippreżenta rikors ġdid imur kontra amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u l-ħtieġa ta’ ekonomija tal-ġudizzju. Barra minn hekk, ikun inġust li l-istituzzjoni inkwistjoni tkun tista’, sabiex tikkonfronta l-kritika magħmula f’rikors ippreżentat kontra att quddiem Qorti tal-Unjoni, timmodifika l-att ikkontestat jew tibdlu b’att ieħor u tinqeda, fil-mori tal-proċedura, minn din il-modifika jew minn dan il-bdil sabiex iċċaħħad lill-parti l-oħra mill-possibbiltà li testendi t-talbiet u l-motivi inizjali tagħha għall-att li jsir wara jew mill-possibbiltà li tippreżenta talbiet u motivi addizzjonali kontra dan.

(ara l-punt 37)

2.      Sakemm kunsiderazzjonijiet imperattivi relatati mas-sigurtà tal-Unjoni jew tal-Istati Membri, jew mat-tmexxija tar-relazzjonijiet internazzjonali tagħhom ma jkunux jipprekludu l-komunikazzjoni ta’ ċerti elementi, il-Kunsill huwa marbut, abbażi tal-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 423/2007, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran, u tal-Artikolu 36(3) tar-Regolament Nru 961/2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 423/2007, li jinforma lill-entità kkonċernata b’miżura adottata, skont il-każ, abbażi tal-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 423/2007 jew tal-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 961/2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 423/2007, bir-raġunijiet speċifiċi u konkreti għalfejn jikkunsidra li din id-dispożizzjoni kienet tapplika għaliha. B’hekk, dan għandu jsemmi l-punti ta’ fatt u ta’ liġi li minnhom tiddependi l-ġustifikazzjoni legali tal-miżura u l-kunsiderazzjonijiet li wassluh jadottaha.

Barra minn hekk, il-motivazzjoni għandha tkun adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għall-kuntest li fih ikun adottat. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari tal-kontenut tal-att, tan-natura tal-motivi invokati u tal-interess li jista’ jkollhom id-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament jew individwalment mill-att li jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex mitlub li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti kollha sa fejn in-natura suffiċjenti ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl mhux biss tal-formulazzjoni tagħha, iżda anki fid-dawl tal-kuntest tagħha u tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat. B’mod partikolari, att li jikkawża preġudizzju huwa suffiċjentement motivat meta jsir f’kuntest magħruf mill-parti kkonċernata, li jippermettilha tifhem il-portata tal-miżura adottata fil-konfront tagħha.

(ara l-punti 49, 50)

3.      L-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 423/2007, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran, li kien fis-seħħ fil-mument tal-adozzjoni tar-Regolament Nru 668/2010, li jimplimenta l-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 423/2007, jobbliga lill-Kunsill sabiex jagħti r-raġunijiet individwali u speċifiċi għad-deċiżjonijiet meħuda skont l-Artikolu 7(2) tar-regolament imsemmi u jinforma lill-persuni, lill-entitajiet u lill-korpi kkonċernati dwar dawn ir-raġunijiet. Dispożizzjoni simili tinsab fl-Artikolu 24(3) tad-Deċiżjoni 2010/413, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran.

Għalkemm, bħala prinċipju, il-Kunsill huwa marbut li jwettaq l-obbligu stabbilit fl-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 423/2007 permezz ta’ komunikazzjoni individwali, id-dispożizzjoni msemmija ma tistabbilixxi l-ebda forma preċiża, peress li din issemmi biss l-obbligu li “jagħmilhom magħrufa [jgħarraf]” lill-persuna kkonċernata bir-raġunijiet tal-inklużjoni tagħha fil-listi kkontestati. Bl-istess mod, l-Artikolu 24(3) tad-Deċiżjoni 2010/413 jillimita ruħu sabiex jistabbilixxi li l-Kunsill “għandu jikkomunika d-deċiżjoni tiegħu”. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa importanti li jingħata effett utli lid-dispożizzjonijiet ikkonċernati.

Dan ikun il-każ meta, minkejja n-nuqqas ta’ komunikazzjoni individwali, id-destinatarju kien kapaċi li jikkomunika lill-Kunsill l-osservazzjonijiet tiegħu dwar l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi adottati fir-rigward tiegħu fit-terminu mogħti għal dan il-għan u li jippreżenta rikors quddiem il-Qorti tal-Unjoni, fit-terminu stabbilit, intiż għall-annullament tal-atti kkontestati.

(ara l-punti 64-66, 68)

4.      L-Artikolu 24(3) u (4) tad-Deċiżjoni 2010/413, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran, l-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 423/2007, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran, u l-Artikolu 36(3) u (4) tar-Regolament Nru 961/2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 423/2007, jistabbilixxu dispożizzjonijiet li jiżguraw id-drittijiet tad-difiża tal-entitajiet milquta minn miżuri restrittivi adottati abbażi ta’ dawn it-testi. Ir-rispett ta’ dawn id-drittijiet huwa s-suġġett ta’ stħarriġ mill-Qorti tal-Unjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża jista’ jiġi invokat mill-entitajiet imsemmija fil-kuntest ta’ rikors intiż għall-annullament tal-atti kkontestati.

(ara l-punti 77, 78)

5.      Fir-rigward ta’ att inizjali li bih jiġu ffriżati l-fondi ta’ entità, bħad-Deċiżjoni 2010/413, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran, u r-Regolament Nru 668/2010, li jimplimenta l-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 423/2007, il-komunikazzjoni tal-provi kontra tagħha għandha ssir jew flimkien mal-adozzjoni tal-att ikkonċernat, jew l-iktar malajr possibbli wara l-adozzjoni msemmija. Fuq talba tal-entità kkonċernata, din tal-aħħar tista’ wkoll tesprimi l-perspettiva tagħha fir-rigward ta’ dawn il-provi ladarba l-att jiġi adottat.

Fir-rigward tal-kontenut tal-komunikazzjoni tal-provi kontra entità kkonċernata, meta l-Kunsill jindika, fuq talba tal-entità kkonċernata, li l-fajl tiegħu ma jinkludix provi iktar minn dawk esposti fl-atti kkontestati, din l-indikazzjoni ma tikkostitwixxix ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha. Fil-fatt, meta jagħmel hekk, il-Kunsill ma jirrendix iktar diffiċli d-difiża tal-entità kkonċernata, li kien ikun il-każ kieku ħeba l-eżistenza jew il-kontenut tal-provi li l-allegazzjonijiet tiegħu kienu bbażati fuqhom. B’mod kuntrarju, meta ammetta li ma kienet teżisti ebda prova rilevanti oħra fil-fajl tiegħu, huwa ppermetta lill-entità msemmija li tinvoka dan il-fatt insostenn tar-rikors tagħha għall-annullament tal-atti kkontestati.

(ara l-punti 80, 82-84)

6.      Il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, li jirriżulta mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, u li ġie stabbilit fl-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem kif ukoll fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. L-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju timplika li l-awtorità tal-Unjoni inkwistjoni hija marbuta li tikkomunika lill-entità kkonċernata l-motivi ta’ miżura restrittiva, bħad-Deċiżjoni 2010/413, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran, u r-Regolament Nru 668/2010, li jimplimenta l-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 423/2007, sa fejn ikun possibbli, jew fil-mument meta tkun adottata din il-miżura, jew, minn tal-inqas, malajr kemm jista’ jkun wara li tkun ġiet adottata, u dan sabiex l-entità kkonċernata tkun tista’ teżerċita, fit-termini stabbiliti, id-dritt għal rimedju legali tagħha. Ir-rispett ta’ dan l-obbligu li jiġu kkomunikati l-imsemmija motivi hija fil-fatt neċessarja, kemm sabiex id-destinatarji tal-miżuri restrittivi jkunu jistgħu jiddefendu d-drittijiet tagħhom fl-aħjar kundizzjonijiet possibbli u jkunu jistgħu jiddeċiedu b’għarfien sħiħ dwar il-kwistjoni jekk ikunx utli għalihom li jressqu rikors quddiem il-Qorti tal-Unjoni, u kemm sabiex din tal-aħħar tkun tista’ teżerċita b’mod sħiħ l-istħarriġ tal-legalità tal-att inkwistjoni kif tkun mitluba tagħmel.

(ara l-punt 87)

7.      L-istħarriġ ġudizzjarju tal-legalità ta’ att li bih ikunu ġew adottati miżuri restrittivi fir-rigward ta’ entità jestendi għall-evalwazzjoni tal-fatti u taċ-ċirkustanzi invokati sabiex jiġġustifikawh, kif ukoll għall-verifika tal-provi u tal-informazzjoni li tkun ibbażata fuqhom din l-evalwazzjoni. F’każ ta’ kontestazzjoni, huwa l-Kunsill li jkollu jippreżenta dawn il-provi bil-għan li jiġu vverifikati mill-Qorti tal-Unjoni. Għalhekk, l-istħarriġ ġudizzjarju li għandu jiġi eżerċitat ma huwiex limitat għall-verifika tal-“verosimiljanza” astratta tal-motivi invokati, iżda għandu jinkludi l-kwistjoni jekk dawn tal-aħħar humiex sostnuti, b’mod suffiċjenti fil-liġi, minn provi u informazzjoni konkreta.

F’dan ir-rigward, l-att ikkontestat, adottat fuq proposta ta’ Stat Membru, b’mod konformi mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 23(2) tad-Deċiżjoni 2010/413, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran, huwa att tal-Kunsill. Għaldaqstant, dan tal-aħħar għandu jiżgura ruħu li l-adozzjoni tagħhom tkun iġġustifikata, jekk ikun il-każ billi jitlob lill-Istat Membru kkonċernat sabiex jippreżentalu l-provi u l-informazzjoni neċessarja għal dan il-għan.

Barra minn hekk, fid-dawl tar-rwol essenzjali tal-istħarriġ ġudizzjarju fil-kuntest tal-adozzjoni tal-miżuri restrittivi, il-Qorti tal-Unjoni għandha tkun tista’ tistħarreġ il-legalità u l-fondatezza ta’ tali miżuri, mingħajr ma jistgħu jiġu invokati kontriha s-sigriet jew il-kunfidenzjalità tal-provi u tal-informazzjoni użati mill-Kunsill. Barra minn hekk, il-Kunsill ma għandux id-dritt li jibbaża att li jadotta miżuri restrittivi fuq informazzjoni jew fuq provi mill-fajl ikkomunikati minn Stat Membru, jekk dan l-Istat Membru ma jkunx dispost li jawtorizza l-komunikazzjoni tagħhom lill-Qorti tal-Unjoni inkarigata mill-istħarriġ tal-legalità ta’ din id-deċiżjoni.

Finalment, in-natura klandestina tal-aġiri kkonċernati ma tistax tiġġustifika li l-Kunsill ma jkunx meħtieġ li jippreżenta l-prova tal-involviment ta’ entità fil-proliferazzjoni nukleari. Fil-fatt, min-naħa waħda, is-sempliċi fatt li l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi tkun proposta abbażi tal-Artikolu 23(2) tad-Deċiżjoni 2010/413 jippresupponi li l-Istat Membru kkonċernat jew ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u għall-Politika tas-Sigurtà, skont il-każ, ikollu provi jew informazzjoni li turi, fil-fehma tiegħu, li l-entità kkonċernata hija involuta fil-proliferazzjoni nukleari. Min-naħa l-oħra, id-diffikultajiet eventwalment affrontati mill-Kunsill meta jfittex li jipprova dan l-involviment jistgħu, jekk ikun il-każ, ikollhom impatt fuq il-livell ta’ prova meħtieġa mingħandu. Min-naħa l-oħra, dawn ma jistgħux ikollhom il-konsegwenza li jeżentawh totalment mill-oneru tal-prova li għandu.

(ara l-punti 96, 97, 99-101)

8.      Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 60 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’deroga mill-Artikolu 280 TFUE, id-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jannullaw regolament ikollhom effett biss mid-data tal-iskadenza tat-terminu tal-appell previst fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 56 ta’ dan l-Istatut jew, jekk jitressaq appell f’dak it-terminu, mid-data taċ-ċaħda tal-appell. Il-Kunsill għaldaqstant għandu terminu ta’ xahrejn, miżjud b’għaxart ijiem għal raġunijiet ta’ distanza, li jibda jiddekorri min-notifika tas-sentenza, sabiex jirrimedja għall-ksur ikkonstatat billi jadotta, jekk ikun il-każ, miżura restrittiva ġdida fil-konfront tal-entitajiet ikkonċernati. Għalhekk, ir-riskju ta’ ħsara serja u irriversibbli fuq l-effettività tal-miżuri restrittivi imposti mir-Regolament Nru 961/2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament Nru 423/2007, ma jidhirx li huwa elevat biżżejjed, fid-dawl tal-effett kbir ta’ dawn il-miżuri fuq id-drittijiet u l-libertajiet tal-entitajiet ikkonċernati, sabiex jiġġustifika ż-żamma tal-effetti tar-regolament imsemmi fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar għal perijodu li jmur lil hinn minn dak stabbilit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 60 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Barra minn hekk, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 264(2) TFUE, il-Qorti Ġenerali tista’, jekk tqis li jkun meħtieġ, tindika dawk l-effetti tal-att annullat li għandhom jitqiesu bħala definittivi. B’hekk, l-eżistenza ta’ differenza bejn id-data effettiva tal-annullament tar-Regolament Nru 961/2010 u dik tad-Deċiżjoni 2010/413, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran, kif emendata bid-Deċiżjoni 2010/644, tista’ twassal għal ħsara serja għaċ-ċertezza legali, peress li dawn iż-żewġ atti jimponu fuq ir-rikorrenti miżuri identiċi. L-effetti tad-Deċiżjoni 2010/413, kif emendata, għandhom jinżammu f’dak li jirrigwarda lir-rikorrenti sakemm jidħol fis-seħħ l-annullament tar-Regolament Nru 961/2010.

(ara l-punti 106, 107)