Language of document : ECLI:EU:C:2012:638

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

18 ta’ Ottubru 2012 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttiva 98/59/KE — Protezzjoni tal-ħaddiema — Tkeċċijiet kollettivi — Kamp ta’ applikazzjoni — Għeluq ta’ bażi militari Amerikana — Informazzjoni u konsultazzjoni mal-ħaddiema — Mument li fih jitnissel l-obbligu ta’ konsultazzjoni — Nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja”

Fil-Kawża C‑583/10,

li għandha baħa suġġett talba għal deċiżjoni preliminari abbażi tal-Artikolu 267 TFUE, imressqa minn Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) (ir-Renju Unit), permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ Diċembru 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-13 ta’ Diċembru 2010, fil-proċedura

United States of America

vs

Christine Nolan,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, fil-funzjoni ta’ President tat-Tielet Awla, K. Lenaerts, E. Juhász (relatur), G. Arestis u J. Malenovský, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-18 ta’ Jannar 2012,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Nolan, minn M Mullins, QC, u M. De Savorgnani, barrister,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Enegren, bħala aġent,

–        għall-Awtorità ta’ sorveljanza AELE, minn F. Cloarec u X. Lewis, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-22 ta’ Marzu 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 98/59/KE, tal-20 ta’ Lulju 1998, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar redundancies kollettivi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 327).

2        Dik it-talba ġiet magħmula fil-kuntest ta’ kawża bejn l-Istati Uniti tal-Amerka u Nolan, impjegata ċivili ta’ bażi tal-armata Amerikana li tinsab fir-Renju Unit, dwar l-obbligu ta’ konsultazzjoni tal-persunal qabel ma jsiru tkeċċijiet, b’mod konformi tal-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit li timplementa d-Direttiva 98/59.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Skont il-premessi 3 u 4 tad-Direttiva 98/59:

“3      [...] minkejja ż-żieda ta’ konverġenza, jibqgħu differenzi bejn id-disposizzjonijiet fl-Istati Membri dwar l-arranġgamenti prattiċi u l-proċeduri għal din ir-redundancy u l-miżuri intenzjonati biex iserrħu mill-konsegwenzi tar-redundancy tal-ħaddiema;

4      [...] dawn id-differeni [differenzi] jistgħu jkollom effett dirett fuq il-funzjonament tas-suq intern [...]”.

4        Il-premessa 6 ta’ din id-direttiva tiddikjara:

“l-Karta tal-Komunità dwar id-drittijiet soċjali fundamentali tal-ħaddiema, li ġiet adottata fil-laqgħa tal-Kunsill Ewropew fi Strasbourgu fid-9 ta’ Diċembru 1989 mill-Kapijiet tal-Istat jew tal-Gvern tal-ħdax-il Stat Membru, tgħid, inter alia, fil-punt 7, l-ewwel paragrafu, l-ewwel sentenza [...]:

‘7.      Il-kompletazzjoni tas-suq intern għandha twassal għal titjib fil-kondizzjonijiet ta’ l-għixien u tax-xogħol fil-Komunità Ewropea [...].’

[...]”.

5        Skont l-Artikolu 1(2)(b) tad-Direttiva 98/59, din tal-aħħar ma tapplikax għal ħaddiema ta’ amministrazzjonijiet pubbliċi u ta’ stabbilimenti regolati mid-dritt pubbliku jew, fl-Istati Membru fejn dan il-kunċett ma huwiex magħruf, għal ħaddiema ta’ korpi ekwivalenti.

6        L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“1.      Meta dak li jħaddem ikun qed jikkontempla redundancies [tkeċċijiet] kollettivi, huwa għandu jibda konsultazzjonijiet mar-rappreżentanti tal-ħaddiema fi żmien tajjeb bl-iskop li jintlaħaq ftehim.

2.      Dawn il-konsultazzjonijiet għandhom, mill-inqas, ikopru mezzi u miżuri li jevitaw redundancies [tkeċċijiet] kollettivi jew tnaqqis ta’ numri ta’ impjegati affettwati, u biex jittaffew il-konsegwenzi billi jkun hemm rikors għal miżuri soċjali magħhom immirati, inter alia, li jgħinu għall-impjieg jew it-taħriġ mll-ġdid tal-ħaddiema mingħajr xogħol.

[...]

3.      Sabiex jgħinu r-rappreżentanti tal-ħaddiema biex jagħmlu proposti kostruttivi, min iħaddem għandu fi żmien tajjeb matul il-konsultazzjonijiet:

a)      ifornihom bl-informazzjoni rilevanti kollha u

b)      f’kull każ jagħtihom notifka bil-miktub:

i)      tar-raġunijiet għar-redundancies [tkeċċijiet] ipproġettati;

ii)      tan-numri tal-kategoriji [tan-numru u tal-kategoriji] ta’ ħaddiema li se jisfaw bla xogħol;

iii)      tan-numri u l-kategoriji [tan-numru u tal-kategoriji] tal-ħaddiema normalment impjegati;

iv)    tal-perijodu meta r-redundancies [tkeċċijiet] ipproġettati għandhom jiġu effettwati

v)      tal-kriterji proposti għas-selezzjoni tal-ħaddiema li se jisfaw bla xogħol sakemm u safejn il-leġiżlazzjoni u/jew il-prattika nazzjonali jagħtu l-poter għal dan lil min iħaddem;

vi)    tal-metodu għall-kalkolu ta’ xi pagamenti tar-redundancy ta’ xort’oħra minn dawk ikkawżati mil-leġiżlazzjoni u/jew il-prattika nazzjonali.

[...]”

7        L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“1.      Kull min iħaddem għandu jinnotifika lill-awtorità pubblika kompetenti bil-miktub dwar kull pjan ta’ redundancies [tkeċċijiet] kollettivi.

[...]

Din in-notifika għandu jkollha l-informazzjoni rilevanti kollha li tikkonċerna r-redundancies [tkeċċijiet] kollettivi u l-konsultazzjonijiet ippjanati mar-rappreżentanti tal-ħaddiema previsti fl-Artikolu 2, u partikolarment ir-raġunijiet għar-redundancy, in-numru ta’ ħaddiema li ser jisfgħu mingħajr xogħol, in-numru ta’ ħaddiema normalment impjegati u l-perijodu li fih il-redundancy għandu jiġi effettwat.

[...]”

8        L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 98/59 jipprovdi:

“Il-redundancies [It-tkeċċijiet] kollettivi pproġettati nnotifikati lill-awtorità pubblika kompetenti m’għandhomx iseħħu qabel 30 ġurnata wara n-notifika msemmija fl-Artikolu 3(1) bla ħsara għal xi dispożizzjonijiet li jirregolaw id-drittijiet individwali fir-rigward tal-avviż tat-tkeċċija mix-xogħol.

L-Istati Membri jistgħu jagħtu l-poter lill-awtorità pubblika kompetenti sabiex tnaqqas il-perijodu msemmi fis-subparagrafu preċedenti.”

9        Skont l-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, din ma għandhiex taffettwa d-dritt tal-Istati Membri li japplikaw jew jintroduċu liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi li huma iktar favorevoli għal ħaddiema jew li jippermettu jew jiffavorixxu l-applikazzjoni ta’ ftehim kollettivi iktar favorevoli għall-ħaddiema”

 Id-dritt tar-Renju Unit

10      Fir-Renju Unit, it-Trade Union and Labour Relations (Consolidation) Act 1992 (iktar ’il quddiem il-“liġi tal-1992”) hija kkunsidrata bħala li tikkostitwixxi t-traspożizzjoni tad-Direttiva 98/59.

11      L-Artikolu 188 ta’ din il-liġi, relatat mal-obbligu ta’ konsultazzjoni jipprovdi:

“(1)      Meta l-persuna li tħaddem jkollha l-intenzjoni li tkeċċi 20 impjegat jew iktar bħala impjegati żejda fi stabbiliment wieħed matul perijodu ta’ 90 jum jew inqas, hija tkun obbligata li tikkonsulta, dwar dawn it-tkeċċijiet, il-persuni kollha li jirrappreżentaw b’mod leġittimu lill-impjegati li jistgħu jiġu affettwati mit-tkeċċijiet previsti jew minn miżuri marbuta ma’ dawn it-tkeċċijiet.

(1A)      Il-konsultazzjoni għandha tibda b’mod tempestiv u, fi kwalunkwe każ:

(a)      meta l-persuna li tħaddem tipproġetta li tkeċċi 100 impjegat jew iktar fis-sens tal-paragrafu 1, tal-inqas 90 jum jew, inkella

(b)      tal-inqas 30 jum

qabel ma jsiru effettivi l-ewwel tkeċċijiet.

[...]

(2)      Il-konsultazzjoni għandha tindirizza l-possibbiltajiet:

(a)      li jiġu evitati t-tkeċċijiet,

(b)      li jintnaqqas in-numru ta’ impjegati li għandhom jitkeċċew, u

(ċ)      li jitnaqqsu il-konsegwenzi tat-tkeċċijiet,

u għandhom jitmexxew mill-persuna li tħaddem bil-għan li jintlaħaq ftehim mar-rappreżentanti leġittimi.

[...]

[...]

(4)      Għall-finijiet tal-konsultazzjoni, il-persuna li tħaddem għandha tirrileva bil-miktub lir-rappreżentanti leġittimi:

(a)      il-motivi tal-proġetti tagħha,

(b)      in-numru u l-karatteristiċi tal-ħaddiema żejda li huma previsti li jitkeċċew,

(ċ)      in-numru totali ta’ impjegati li għandhom dawn il-karatteristiċi u li huma impjegati mill-persuna li tħaddem fl-istess stabbiliment,

(d)      il-metodu previst għall-għażla tal-ħaddiema li jistgħu jitkeċċew,

(e)      il-metodu previst sabiex jitwettqu t-tkeċċijiet, b’kunsiderazzjoni tal-proċeduri konvenzjonali kollha, inkluż il-perijodu li matulu għandhom jitwettqu t-tkeċċijiet, u

(f)      il-metodu tal-kalkulazzjoni previst għall-kalkolu ta’ kumpens għat-tkeċċija eventwali (minbarra dak li jirriżulta minn obbligu impost minn jew bis-saħħa ta’ att leġiżlattiv) li għandu jitħallas lill-ħaddiema li jistgħu jitkeċċew.

[...]

(7)      Jekk, f’każ speċifiku, ikunu jeżistu ċirkustanzi partikolari, li jkollhom il-konsegwenza li ma jkunx raġonevolment prevedibbli għall-persuna li tħaddem li tikkonforma ruħha ma’ rekwiżit previst mill-paragrafi (1A), (2) u (4), din tal-aħħar hija obbligata li tadotta, sa fejn dan ikun possibbli, il-miżuri li jistgħu raġonevolment jiġu previsti f’dawn iċ-ċirkustanzi bil-għan li tikkonforma ruħha mal-imsemmi rekwiżit. [...]”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

12      Madwar 200 impjegat ċivili kienu jaħdmu fil-bażi militari Amerikana Reserved Storage Activity (iktar ’il quddiem il-“bażi militari RSA”) f’Hythe (ir-Renju Unit), fejn kienu jiġu msewwija vetturi akkwatiċi u materjali oħra. Dan il-persunal kien irrappreżentat mil-Local National Executive Council.

13      Wara laqgħa li saret fil-bidu tas-sena 2006 u li kienet tirrigwarda l-funzjonament ta’ din il-bażi militari, ġie ppreżentat rapport fit-13 ta’ Marzu 2006, li minnu kien jirriżulta li kienet ittieħdet id-deċiżjoni li l-imsemmija bażi kellha tingħalaq. Din id-deċiżjoni, li ttieħdet fl-Istati Uniti mis-Secretary of the US Army, u li sussegwentement ġiet approvata mis-Secretary of Defense (Ministeru tad-Difiża), ipprovdiet li l-bażi militari RSA kellha twaqqaf l-attivitajiet tagħha fl-aħħar tax-xahar ta’ Settembru 2006.

14      L-awtoritajiet Amerikani kkomunikaw l-imsemmija deċiżjoni lill-awtoritajiet militari tar-Renju Unit, b’mod informali, fl-aħħar tax-xahar ta’ April 2006. L-għeluq tal-bażi militari RSA ġiet ippubblikata mill-medja fil-21 ta’ April 2006. Il-Gvern tar-Renju ġie informat uffiċjalment fid-9 ta’ Mejju 2006 bil-fatt li din il-bażi kienet ser tiġi rritornata lir-Renju Unit fit-30 ta’ Settembru 2006.

15      L-awtoritajiet Amerikani bagħtu nota lil membri tal-Local National Executive Council, matul ix-xahar ta’ Ġunju tal-2006, fejn indikaw li l-membri kollha tal-persunal tal-imsemmija bażi kellhom jitkeċċew. Waqt laqgħa li saret fl-14 ta’ Ġunju 2006, l-awtoritajiet Amerikani informaw lil dan il-korp rappreżentattiv li huma kienu jikkunsidraw li d-data tal-5 ta’ Ġunju 2006 kienet tikkostitwixxi d-data tat-tmiem tal-konsultazzjonijiet.

16      Id-deċiżjoni formali li jitħassru l-kuntratti tax-xogħol ittieħdet fil-kwartier ġenerali tal-armata Amerikana fl-Ewropa (UASEUR), li tinsab f’Mannheim (il-Ġermanja). Inħarġu avviżi tat-tkeċċija fit-30 ta’ Ġunju 2006, li kienu jindikaw id-29 jew it-30 ta’ Settembru 2006 bħala d-dati tat-tmiem tal-impjieg.

17      Nolan bdiet proċedura fil-konfront tal-United States of America, quddiem is-Southampton Employment Tribunal, fejn sostniet li dawn tal-aħħar naqqsu milli jikkonsultaw lir-rappreżentanti tal-persunal. Permezz ta’ sentenza fuq ir-responsabbiltà (“liability judgment”), din il-qorti kkonstatat xi nuqqasijiet fil-qasam tal-konsultazzjoni tal-imsemmija rappreżentanti u l-kawża intrebħet minn Nolan. Permazz tas-sentenza fuq ir-rimedju (“remedy judgment”), l-imsemmija qorti addttat miżura ta’ protezzjoni li tkopri l-persuni kollha li, fid-data tad-29 ta’ Ġunju 2006 kellhom il-kwalità ta’ ċittadini tar-Renju Unit u li kienu jifformaw parti mill-persunal ċivili tal-bażi militari RSA.

18      Il-United States of America appellaw quddiem l-Employment Appeal Tribunal, li essenzjalment ikkonferma d-deċiżjonijiet tal-ewwel istanza.

19      Il-United States of America ppreżentaw kawża quddiem il-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division), li peress li kkunsidrat li għaliha kienet neċessarja l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 98/59 sabiex tkun tista’ tagħti s-sentenza tagħha, iddeċidiet li tissospendi il-proċeduri quddiemha u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-obbligu ta’ konsultazzjoni fir-rigward ta’ redundancies kollettivi li għandu min iħaddem taħt id-Direttiva 98/59 japplika [...] meta min iħaddem ikun qiegħed jipproponi, iżda jkun għadu ma ħax, deċiżjoni strateġika li tikkonċerna n-negozju jew l-operat u li probabbilment jew inevitabbilment twassal għal redundancies kollettivi; jew [...] dan l-obbligu japplika biss meta din id-deċiżjoni tkun effettivament ittieħdet u min iħaddem ikun imbagħad qiegħed jipproponi redundancies b’konsegwenza ta’ din id-deċiżjoni?”

 Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

 Osservazzjonijiet sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja

20      Il-Qorti tal-Ġustizzja stiednet lill-partijiet fil-kawża prinċipali, lill-Gvern tar-Renju Unit, lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Awtorità ta’ Sorveljanza AELE sabiex jesprimu l-opinjoni tagħhom, bil-miktub, fuq il-kwistjoni dwar jekk tkeċċija, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ttemm relazzjoni ta’ impjieg stabbilita bejn ċittadin tar-Renju Unit u Stat terz, f’dan il-każ il-United States of America, taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 98/59, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-Artikolu 1(2)(b) ta’ din tal-aħħar.

21      B’risposta għal din il-mistoqsija, Nolan issostni li r-Renju Unit, meta ttraspona d-Direttiva 98/59, inkluda fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ traspożizzjoni l-ħaddiema impjegati minn Stati terzi, inklużi l-United States of America. B’hekk, tali ħaddiema jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni nazzjonali, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk huma jifformawx parti mill-kategorija ta’ ħaddiema esklużi mill-applikazzjoni tad-Direttiva 98/59 permezz tal-Artikolu 1(2)(b) ta’ din tal-aħħar.

22      Nolan, filwaqt li tagħmel riferiment għas-sentenzi tas-17 ta’ Lulju 1997, Leur‑Bloem (C-28/95, Ġabra p. I-4161), u tal-15 ta’ Jannar 2002, Andersen og Jensen (C-43/00, Ġabra p. I-379), tikkunsidra li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta d-Direttiva 98/59, anki jekk is-sitwazzjoni tagħha ma hijiex irregolata direttament mid-dritt tal-Unjoni, peress li l-leġiżlatur tar-Renju Unit, meta ttraspona din id-direttiva fid-dritt nazzjonali, għażel li jallinja l-leġiżlazzjoni interna tiegħu mad-dritt tal-Unjoni.

23      Nolan tfakkar li l-aspetti sensittivi tal-kawża prinċipali ġew rikonoxxuti mill-qrati nazzjonali, li l-United States of America ma pprevalewx ruħhom mill-immunità tagħhom bħala Stat li l-azzjonijiet tiegħu ma jistgħux jiġu kkontestati ġudizzjarjament u li huma ma invokawx “ċirkustanzi partikolari” ta’ difiża, fis-sens tal-Artikou 188(7) tal-liġi tal-1992. Sussidjarjament, hija żżid li r-relazzjoni ta’ impjieg tagħha bl-ebda mod ma ġiet eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 98/59, sa fejn hija ma kinitx impjegata minn “amministrazzjoni pubblika jew stabbiliment regolati mid-dritt pubbliku” u sa fejn qatt ma ġie stabbilit, fil-proċeduri prinċipali, li dan kien il-każ.

24      Il-United States of America jirrilevaw, minn naħa li skont il-premessi 4 u 6 tad-Direttiva 98/59, din tal-aħħar tindirizza l-funzjonament tas-suq intern u, min-naħa l-oħra, li jirriżulta b’mod ċar mill-Artikolu 1(2)(b) ta’ din id-direttiva li din ma tikkonċernax il-każijiet kollha ta’ tkeċċija. Huma jikkunsidraw li l-applikazzjoni, fil-kawża prinċipali, tad-Direttiva 98/59 jew tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi din id-direttiva hija inkompatibbli mal-kliem ċar tal-imsemmija direttiva kif ukoll mal-prinċipji tad-dritt pubbliku internazzjonali, partikolarment tal-prinċipju ta’ jus imperii u dak ta’ “għarfien reċiproku tan-nazzjonijiet” (“comity of nations”).

25      Għaldaqstant, il-United States of America jikkunsidraw li tkeċċija, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 98/59, peress li din it-tkeċċija tirriżulta minn deċiżjoni strateġika, adottata minn Stat sovran, relattiva għall-għeluq ta’ bażi militari.

26      Il-Kummissjoni ma hijiex ċerta dwar l-applikabbiltà, f’dan il-każ, tad-Direttiva 98/59, peress li l-persuna li tħaddem lil Nolan kienet l-armata tal-Istati Uniti, li hija emanazzjoni tal-Istat sovran. Madankollu, hija tenfasizza li l-għeluq ta’ bażi militari jista’ jkollu l-istess effett, fuq il-persunal ċivili ta’ din tal-aħħar, bħad-deċiżjoni tal-għeluq ta’ impriża kummerċjali.

27      Il-Kummissjoni tikkunsidra li, fil-qasam tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-ħaddiema, fl-interess ta’ approċċ koerenti, id-Direttivi 98/59 u d-Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE, tat-12 ta’ Marzu 2001, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 98) għandhom jiġu interpretati bħala li għandhom l-istess kamp ta’ applikazzjoni. Filwaqt li tagħmel riferiment għall-Artikolu 1(1)(ċ) tad-Direttiva 2001/23, li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill Nru 77/187/KEE, tal-14 ta’ Frar 1977, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ negozji (ĠU L 61, p. 26), u għas-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2011, Scattolon (C-108/10, Ġabra p. I‑7491, punti 56 u 57), il-Kummissjoni issostni li d-Direttivi 98/59 u 2001/23 it-tnejn li huma japplikaw għal impriżi pubbliċi li jeżerċitaw attività ta’ natura ekonomika, iżda li, għall-kuntrarju, dawn ma japplikawx għal reorganizzazzjoni ta’ awtoritajiet amministrativi pubbliċi u lanqas għal trasferiment tal-funzjonijiet amministrativi bejn awtoritajiet amministrativi pubbliċi.

28      Il-Kummissjoni tirrileva li prinċipalment kien minħabba raġunijiet strateġiċi li l-United States of America ddeċidew li jagħlqu l-bażi militari RSA u li jkeċċu l-persunal ċivili lokali li jaħdem fiha. Peress li dawn it-tkeċċijiet huma atti ta’ awtorità pubblika li jirriżulta minn riorganizzazzjoni amministrattiva, hija tikkunsidra li ma huwiex possibbili li l-protezzjoni prevista mid-Direttiva 98/59 tiġi estiża għall-impjegati kkonċernati, anki jekk jista’ jiġi kkunsidrat li huma kienu jeżerċitaw attività ta’ natura ekonomika. Minn dan il-kummissjoni tikkonkludi li t-tkeċċija inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 98/59.

29      L-Awtorità ta’ Sorveljanza AELE ssostni li l-Employment Appeal Tribunal ikkunsidra li r-Renju Unit għażel li jittrasponi d-Direttiva 98/59 mingħajr ma jeskludi l-ħaddiema ta’ amministrazzjonijiet pubbliċi jew ta’ stabbilimenti rregolati mid-dritt pubbliku msemmija fl-Artikolu 1(2)(b) ta’ din tal-aħħar, u fakkret li kienu ġew ippreżentati diversi kawżi li jirrigwardaw il-leġiżlazzjoni li tittrasponi l-imsemmija direttiva mis-sindakati li jirrappreżentaw ħaddiema impjegati minn amministrazzjonijiet jew stabbilimenti pubbliċi. L-Awtorità ta’ Sorveljanza AELE żżid li l-qorti tar-rinviju rrilevat li l-avukat li jirrappreżenta lil United States of America kien ammetta li l-limitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 98/59, prevista mill-Artikolu 1(2) ta’ din tal-aħħar, ma hijiex estiża għall-ħaddiema impjegati minn Stat sovran terz.

30      L-Awtorità ta’ Sorveljanza AELE tikkunsidra li l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 98/59 jista’ jinftiehem bħala li jirreferi biss għal għall-amministrazzjonijiet pubbliċi u għall-istabbilimenti rregolati mid-dritt pubbliku tal-Istati Membri u li, għalhekk, din il-limitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ma tapplikax għall-amministrazzjonijiet u għall-istabbilimenti rregolati mid-dritt pubbliku ta’ Stati terzi. Dak l-approċċ huwa msejjes fuq il-loġika li, għalkemm l-Istati Membri jiżguraw fir-rigward tal-impjegati pubbliċi protezzjoni ekwivalenti għal dik prevista mid-Direttiva 98/59, ma huwiex b’ċertezza li d-drittijiet tal-Istati terzi jiżguraw tali protezzjoni f’ċirkustanzi simili.

31      Barra minn hekk, skont l-Awtorità ta’ Sorveljanza AELE, jirriżulta mis-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 1990, Dzodzi (C-297/88 u C-197/89, Ġabra p. I-3763, punti 36 u 37) li, f’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni preliminari, peress li l-leġiżlatur tar-Renju Unit japplika d-Direttiva 98/59, permezz tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi din id-direttiva, fir-rigward tal-ħaddiema impjegati mill-amministrazzjonijiet pubbliċi, u b’hekk jiżgura, fil-prinċipju, l-istess protezzjoni lil dawn tal-aħħar kif ukoll lill-ħaddiema tas-settur privat. F’dawk il-kundizzjonijiet, l-Awtorità ta’ Sorveljanza AELE tikkunsidra li t-tkeċċija inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 98/59 u li, anki jekk din it-tkeċċija kienet eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, il-Qorti tal-Ġustizzja, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża odjerna, għandha tagħti risposta għad-domanda magħmula, li tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-imsemmija direttiva.

 Risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

32      Bil-għan li tagħti deċiżjoni fuq il-kwistjoni dwar jekk tkeċċija, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ttemm relazzjoni ta’ impjieg stabbilita bejn ċittadin ta’ Stat Membru u Stat terz, wara l-għeluq ta’ bażi militari li tappartjeni lil dan tal-aħħar u li tinsab fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 98/59, jeħtieġ, fl-ewwel lok, li jiġi interpretat il-kliem tal-Artikolu 1(2)(b) ta’ din id-direttiva.

33      Skont din id-dispożizzjoni, li tipprevedi każ ta’ esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 98/59, din tal-aħħar ma tapplikax fir-rigward tal-ħaddiema ta’ amministrazzjonijiet pubbliċi jew stabbilimenti rregolati mid-dritt pubbliku jew, fl-Istati Membri li ma għandhomx għarfien ta’ dan il-kunċett, fir-rigward tal-ħaddiema ta’ korpi ekwivalenti.

34      Peress li l-forzi armati jaqgħu taħt l-amministrazzjoni pubblika jew korp ekwivalenti, jirriżulta b’mod ċar mill-Artikolu 1(2)(b) tad-Direttiva 98/59 li l-persunal ċivili ta’ bażi militari huwa kopert mill-esklużjoni prevista minn din id-dispożizzjoni.

35      Fit-tieni lok, jeħtieġ li jiġi rrilevat li din l-evalwazzjoni hija kkorroborata mill-għan u l-ekonomija ta’ din id-direttiva.

36      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li d-Direttiva 98/59 kienet preċeduta mid-Direttiva tal-Kunsill 75/129/KEE, tas-17 ta’ Frar 1975, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar tkeċċijiet kollettivi (ĠU L 48, p. 29), u li, partikolarment, waħda mill-funzjonijiet tad-Direttiva 98/59 kienet li tikkodifika din id-direttiva.

37      Matul il-proċedura leġiżlattiva relatata mad-Direttiva 75/129, il-Kummissjoni esponiet, fil-proposta tagħha għal direttiva tal-Kunsill dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar tkeċċijiet kollettivi [COM(72) 1400], tat-8 ta’ Novembru 1972, iċ-ċirkustanzi li rrendew neċessarja leġiżlazzjoni f’dan il-qasam. B’mod partikolari, il-Kummissjoni kkonstatat li d-differenzi importanti fil-qasam tal-protezzjoni tal-ħaddiema f’każ ta’ tkeċċija għandhom effett dirett fuq il-funzjonament tas-suq komuni, peress li dawn joħolqu diskrepanza fil-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni li teżerċita influwenza fuq l-impriżi, meta dawn tal-aħħar jipprevedu pożizzjonijiet li għandhom jimtlew.

38      Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi osservat li d-Direttiva 98/59 ġiet adottata abbażi tal-Artikolu 100 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 94 KE), li jippermetti l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom effett dirett fuq l-istabbiliment jew il-funzjonament tas-suq komuni (intern).

39      Hemm lok ukoll li jiġi rrilevat, fir-rigward tal-għan segwit mid-Direttiva 98/59, li mill-premessi 4 u 6 ta’ din tal-aħħar jirriżulta li din id-direttiva hija intiża għal titjib tal-protezzjoni tal-ħaddiema u tal-funzjonament tas-suq intern.

40      Konsegwentement, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li d-Direttiva 98/59 tifforma parti mil-leġiżlazzjoni relatata mas-suq komuni.

41      Issa, għalkemm id-dimensjoni u l-funzjonament tal-forzi armati għandhom ċertament influwenza fuq is-sitwazzjoni tal-impjieg fi Stat Membru partikolari, dawn għall-kuntrarju ma jaqgħux taħt kunsiderazzjonijiet relatati mas-suq intern jew mal-kompetizzjoni bejn l-impriżi. Kif diġà ġie deċiż mill-Qorti, fil-prinċipju, huma esklużi mill-klassifikazzjoni ta’ attività ekonomika l-attivitajiet li, bħad-difiża nazzjonali, jaqgħu taħt l-eżerċizzju tal-prerogattivi tas-setgħa pubblika (ara s-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2011, Scattolon, iċċitata iktar ’il fuq, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42      Fir-rigward tal-opinjoni tal-Awtorità ta’ Sorveljanza AELE, li l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 98/59 jista’ jinftiehem bħala li jirrigwarda biss lill-amministrazzjonijiet pubbliċi tal-Istati Membri u mhux dawk ta’ Stati terzi, huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat li l-kliem ta’ din id-dispożizzjoni bl-ebda mod ma jistabbilixxi tali distinzjoni bejn Stati Membri u Stati terzi.

43      Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li, skont l-esklużjoni prevista fl-Artikolu 1(2)(b) tad-Direttiva 98/59, it-tkeċċija tal-persunal ta’ bażi militari, fi kwalunkwe każ, ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, indipendentement mill-fatt jekk dan ikunx jew le ta’ bażi militari ta’ Stat terz. F’dawn il-kundizzjonijiet, ma huwiex neċessarju li jittieħed kont b’mod speċifiku taċ-ċirkustanza li, f’dan il-każ, kienet involuta bażi militari ta’ Stat terz, li hija kwistjoni li għandha implikazzjonijiet ta’ dritt internazzjonali (ara f’dan is-sens, fil-kuntest tal-impjieg ta’ persunal ta’ ambaxxata ta’ pajjiż terz, sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, Mahamdia, C‑154/11, punti 54 sa 56).

44      Skont Nolan u l-Awtorità ta’ Sorveljanza AELE, anki li kieku s-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 98/59, il-Qorti tal-Ġustizzja, f’dan il-każ, għandha ġurisdizzjoni tagħti d-deċiżjoni prinċipali, peress li l-leġiżlatur nazzjonali applika din id-direttiva, permezz tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi lil din tal-aħħar, għall-ħaddiema impjegati mill-amministrazzjonijiet pubbliċi.

45      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat diversi drabi li hija għandha l-ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni preliminari li tirrigwarda dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni f’sitwazzjonijiet fejn il-fatti fil-kawża prinċipali ma jkunux jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, iżda fejn l-imsemmija dispożizzjonijiet ta’ dan id-dritt ikunu saru applikabbli permezz tad-dritt nazzjonali minħabba rinviju minn dan tal-aħħar lejn il-kontenut ta’ dawk id-dispożizzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, Cicala, C-482/10, Ġabra p. I‑14139, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, meta leġiżlazzjoni nazzjonali tikkonforma ruħha, għas-soluzzjonijiet li hija tipprovdi għal sitwazzjonijiet li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-att tal-Unjoni kkonċernat, ma’ dawk stabbiliti mill-imsemmi att, ikun jeżisti interess ċert tal-Unjoni li d-dispożizzjonijiet meħuda minn dak l-att jingħataw interpretazzjoni uniformi u dan sabiex jiġu evitati diskrepanzi futuri fl-interpretazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Lulju 2011, Agafiţei et, C‑310/10, Ġabra p. I‑5989, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47      Għalhekk, interpretazzjoni, mill-Qorti tal-Ġustizzja, ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni f’sitwazzjonijiet li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan tal-aħħar hija ġġustifikata meta dawn id-dispożizzjonijiet ikunu saru applikabbli għal tali sitwazzjonijiet permezz tad-dritt nazzjonali b’mod dirett u mhux kundizzjonali, bil-għan li jiġi żgurat trattament identiku għal dawn is-sitwazzjonijiet u għal dawk li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Cicala, iċċitata iktar ’il fuq, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48      F’dawn il-kundizzjonijiet, hemm lok li jiġi vverifikat jekk fil-kawża prinċipali hijiex rikjesta l-interpretazzjoni tad-Direttiva 98/59 mill-Qorti tal-Ġustizzja minħabba li jirriżulta minn indikazzjonijiet preċiżi biżżejjed li d-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva saru applikabbli permezz tad-dritt nazzjonali b’mod dirett u mhux kundizzjonali għal sitwazzjonijiet, bħal dawk inkwistjoni f’din il-kawża, li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

49      F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, li kieku l-United States of America ddeċidew hekk fil-fażi preliminari tal-proċedura fil-kawża prinċipali, huma setgħu jipprevalixxu ruħhom mill-immunità tagħhom bħala Stat sovran u jevitaw l-iżvolġiment tal-proċedura fil-kawża prinċipali.

50      Hemm lok li jiżdied li, skont il-qorti tar-rinviju, skont l-Artikolu 188(7) tal-liġi tal-1992, Stat terz għandu l-possibbiltà li jinvoka “ċirkustanzi partikolari” (“special circumstances”), li minħabba fihom dak l-Istat terz ma huwiex obbligat li jwettaq konsultazzjonijiet obbligatorji f’każ ta’ tkeċċijiet kollettivi skont l-Artikolu 188(1A), (2) u (4) tal-liġi tal-1992.

51      Isegwi li l-proċess ma jinkludix indikazzjonijiet preċiżi biżżejjed li juru li d-dritt nazzjonali rrenda awtomatikament applikabbli s-soluzzjonijiet ipprovduti mid-Direttiva 98/59 f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali.

52      Għaldaqstant, ma jistax jiġi kkunsidrat li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 98/59, imsemmija fid-domanda magħmula, saru, bħala tali, applikabbli b’mod dirett u mhux kundizzjonali permezz tad-dritt nazzjonali għal sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali.

53      Ċertament, huwa fl-interess tal-Unjoni li tiżgura l-uniformità tal-interpretazzjonijiet ta’ dispożizzjoni ta’ att tal-Unjoni u ta’ dawk tad-dritt nazzjonali li jittrasponuha u jirrenduha applikabbli lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-att.

54      Madankollu, dan ma jkunx il-każ meta, bħal fil-kawża prinċipali, att tal-Unjoni jkun jipprevedi espressament każ ta’ esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu.

55      Fil-fatt, jekk il-leġiżlatur tal-Unjoni jsemmi b’mod inekwivoku li l-att li huwa adotta ma japplikax għal qasam preċiż, huwa jirrinunzja, tal-inqas sal-adozzjoni ta’ regoli ġodda eventwali tal-Unjoni, għall-għan initiż għal interpretazzjoni u għal applikazzjoni uniformi ta’ regoli tad-dritt f’dan il-qasam eskluż.

56      Għaldaqstant, ma jistax jiġi ddikjarat jew preżunt li jeżisti interess min-naħa tal-Unjoni sabiex, f’qasam eskluż mil-leġiżlatur tal-Unjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-att li huwa adotta, tingħata interpretazzjoni uniformi tad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-att.

57      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, fid-dawl tal-għan tad-domanda magħmula mill-Court of Appeal, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tagħti risposta għal din id-domanda.

 Fuq l-ispejjeż

58      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tagħti risposta għad-domanda magħmula mill-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) (Ir-Renju Unit), permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ Diċembru 2010.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.