Language of document : ECLI:EU:C:2013:335

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WATHELET

ippreżentati fid-29 ta’ Mejju 2013 (1)

Kawża C‑132/12 P

Stichting Woonpunt,

Stichting Havensteder, li kienet Stichting Com.wonen,

Woningstichting Haag Wonen,

Stichting Woonbedrijf SWS Hhvl

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Appell — Skema ta’ għajnuna mogħtija mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi favur kumpanniji ta’ akkomodazzjoni soċjali — Deċiżjoni li tagħmel vinkolanti l-impenji tal-awtoritajiet Olandiżi sabiex jikkonformaw ruħhom mad-dritt tal-Unjoni — Għajnuna maħsuba mill-awtoritajiet Olandiżi favur proġett speċjali għal żoni urbani mitluqa — Deċiżjoni li tiddikjara s-sistema kompatibbli mas-suq komuni — Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE — Kunċett ta’ att regolamentari li jikkonċerna direttament persuna fiżika jew ġuridika u li ma jinvolvix miżuri ta’ implementazzjoni”





I –    Introduzzjoni

1.        Din il-kawża għandha bħala suġġett l-appell ippreżentat mill-kumpanniji ta’ akkomodazzjoni (“woningcorporaties”, iktar ’il quddiem il-“wocos”) Stichting Woonpunt, Stichting Havensteder, li kienet Stichting Com.wonen, Woningstichting Haag Wonen u Stichting Woonbedrijf SWS Hhvl minn digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-16 ta’ Diċembru 2011, Stichting Woonpunt et vs Il-Kummissjoni (T‑203/10, iktar ’il quddiem id-“digriet ikkontestat”).

2.        Fid-digriet ikkontestat, il-Qorti Ġenerali ddikjarat bħala inammissibbli r-rikors tagħhom għal annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2009) 9963 finali, tal-15 ta’ Diċembru 2009, dwar l-għajnuna mill-Istat E 2/2005 u N 642/2009 — il-Pajjiżi l-Baxxi — Għajnuna eżistenti u għajnuna speċifika għal proġetti favur kumpanniji ta’ akkomodazzjoni soċjali (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). Il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li d-deċiżjoni kkontestata, sa fejn din tikkonċerna l-għajnuna eżistenti E 2/2005, kienet tirrigwarda r-rikorrenti kif ukoll kull operatur ekonomiku ieħor li jinsab, attwalment jew potenzjalment, f’sitwazzjoni identika u li konsegwentement il-kwalità tagħhom ta’ wocos, iddefinita skont kriterji oġġettivi, waħedha ma kinitx biżżejjed sabiex jiġi stabbilit l-interess individwali tagħhom. Għal dak li jirrigwarda l-parti tad-deċiżjoni kkontestata dwar l-għajnuna ġdida N 642/2009, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li annullament ma kienx ta’ natura li jipprovdi benefiċċju lir-rikorrenti u li dawn ma ġabux prova tal-interess ġuridiku tagħhom sabiex jitolbu l-annullament ta’ dik id-deċiżjoni.

3.        Għalhekk, fid-digriet ikkontestat il-Qorti Ġenerali eżaminat biss il-kundizzjonijiet tal-interess ġuridiku u tal-interess individwali kif kienu stabbiliti fir-raba’ paragrafu tal-ex Artikolu 230 KE. Issa, wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona (li seħħ qabel id-deċiżjoni kkontestata), infetħet it-tielet possibbiltà għall-persuni fiżiċi u ġuridiċi li jixtiequ jitolbu annullament. L-aħħar parti tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE issa tawtorizzahom jitolbu annullament ta’ atti regolamentari li jikkonċernawhom direttament u li ma jinvolvux miżuri ta’ implementazzjoni.

4.        F’dawn il-konklużjonijiet, sa fejn l-ammissibbiltà ta’ rikors ippreżentat abbażi tal-Artikolu 263 TFUE hija kwistjoni ta’ ordni pubbliku, ser nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiġi eżaminata l-applikabbiltà tal-aħħar parti tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE f’dan il-każ partikolari. Ser nargumenta wkoll li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ma għamlitx din l-analiżi. Sussegwentement, ser nistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi b’mod definittiv din il-kwistjoni, tiddikjara r-rikors ammissibbli sa fejn jirrigwarda l-parti tad-deċiżjoni dwar l-għajnuna E 2/2005 u tirrinvija l-kumplament tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, sabiex tiddeċiedi fuq il-mertu (2).

II – Il-fatti li wasslu għall-kawża

5.        Ir-rikorrenti huma l-wocos stabbiliti fil-Pajjiżi l-Baxxi. Dawn huma assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ lukru li għandhom bħala missjoni li jixtru, jibnu u jikru djar intiżi essenzjalment għal persuni żvantaġġati u għal gruppi soċjalment żvantaġġati. Il-wocos jeżerċitaw ukoll attivitajiet oħrajn bħall-bini u l-kiri ta’ appartamenti b’kirjiet ogħla, il-bini ta’ appartamenti intiżi għall-bejgħ kif ukoll il-kostruzzjoni u l-kiri ta’ immobbli ta’ interess ġenerali.

A –    L-għajnuna E 2/2005 (għajnuna eżistenti)

6.        Fl-2002, l-awtoritajiet Olandiżi nnotifikaw lill-Kummissjoni Ewropea bl-iskema ġenerali ta’ għajnuna mill-Istat intiża għall-wocos. Billi l-Kummissjoni kkunsidrat li l-miżuri ta’ finanzjament tal-wocos jistgħu jiġu kkwalifikati bħala għajnuna eżistenti, l-awtoritajiet Olandiżi rtiraw in-notifika tagħhom.

7.        Madankollu, fl-14 ta’ Lulju 2005, il-Kummissjoni bagħtet lill-awtoritajiet Olandiżi ittra skont l-Artikolu 17 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [88 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339) fejn esprimiet dubji fuq il-kompatibbiltà tal-għajnuna E 2/2005 mas-suq komuni. Preliminarjament, il-Kummissjoni indikat li l-awtoritajiet Olandiżi kellhom jiddefinixxu mill-ġdid il-missjoni pubblika mogħtija lill-wocos, b’mod li l-akkomodazzjoni soċjali tkun irriżervata għal grupp affettwat, iddefinit b’mod ċar, ta’ persuni żvantaġġati jew gruppi soċjalment żvantaġġati. Hija żiedet tgħid li l-attivitajiet kummerċjali kollha tal-wocos kellhom jiġu eżerċitati bil-kundizzjonijiet tas-suq u li dawn ma setgħux jibbenefikaw minn għajnuna mill-Istat. Fl-aħħar nett, skont il-Kummissjoni, l-offerta ta’ akkomodazzjoni soċjali kellha tiġi adattata għat-talba tal-persuni żvantaġġati jew ta’ gruppi soċjalment żvantaġġati.

8.        Wara li ntbagħtet din l-ittra, il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Olandiżi bdew negozjati sabiex l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni titqiegħed f’konformità mal-Artikolu 106(2) TFUE.

9.        Fis-16 ta’ April 2007, il-Vereniging van Institutionele Beleggers in Vastgoed, Nederland (Assoċjazzjoni tal-Investituri tal-Proprjetà Immobbli Istituzzjonali tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi) ressqet ilment mal-Kummissjoni dwar l-iskema ta’ għajnuna mogħtija lill-wocos. F’Ġunju 2009, Vesteda Groep BV assoċjat ruħha ma’ dan l-ilment.

10.      B’ittra tat-3 ta’ Diċembru 2009, l-awtoritajiet Olandiżi ħadu ħsieb jemendaw l-iskema ġenerali ta’ għajnuna mill-Istat favur il-wocos u bagħtu lill-Kummissjoni diversi proposti skont dawn l-impenji.

11.      Fuq din il-bażi, huma adottaw regoli ġodda li kienu s-suġġett ta’ digriet ministerjali ġdid u ta’ liġi ġdida fuq l-akkomodazzjoni u d-dħul fis-seħħ tagħhom kien rispettivament stabbilit għall-1 ta’ Jannar 2010 u l-1 ta’ Jannar 2011.

12.      Fir-rigward tal-kompatibbiltà tas-sistema l-ġdida ta’ finanzjament tal-wocos kif proposta mill-awtoritajiet Olandiżi, il-Kummissjoni kkonkludiet, fil-punt 72 tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata, li “l-għajnuna mħallsa għall-attivitajiet ta’ akkomodazzjoni soċjali, jiġifieri marbuta mal-bini u mal-kiri ta’ djar intiżi għall-individwi, inklużi l-bini u l-manutenzjoni ta’ infrastrutturi awżiljarji, […] huma kompatibbli mal-Artikolu 106(2) TFUE” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Għaldaqstant, il-Kummissjoni aċċettat l-impenji meħuda mill-awtoritajiet Olandiżi u adottat id-deċiżjoni kkontestata.

B –    L-għajnuna N 642/2009 (għajnuna ġdida)

13.      Fit-18 ta’ Novembru 2009, l-awtoritajiet Olandiżi nnotifikaw skema ġdida ta’ għajnuna għat-tiġdid ta’ inħawi urbani mitluqa. Il-wocos li jagħmlu xogħol fl-inħawi magħżula jibbenefikaw minn din l-iskema ġdida msemmija “għajnuna speċifika għall-proġett intiż għal ċerti distretti”. Din l-iskema kellha tiġi applikata bl-istess kundizzjonijiet bħal dawk previsti għall-miżuri li jirrigwardaw l-iskema ta’ għajnuna E 2/2005 kif emendata wara l-impenji meħuda mill-awtoritajiet Olandiżi.

14.      L-għajnuna N 642/2009 kellha tieħu l-forma ta’ sussidji diretti mħallsa miċ-Centraal Fonds Volkshuisvesting (Fond Ċentrali tal-Akkomodazzjoni) għat-twettiq ta’ proġetti speċifiċi dwar il-bini u l-kiri ta’ akkomodazzjoni f’żoni ġeografiċi limitati li jikkorrispondu għall-ifqar komunitajiet urbani. Il-finanzjament tagħha kellha tiġi żgurata b’taxxa ġdida li jħallsu l-wacos li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom barra ż-żoni urbani sensittivi.

15.      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-għajnuna N 642/2009 kienet kompatibbli mas-suq komuni. Hija kkunsidrat li l-“għajnuna mħallsa għall-attivitajiet ta’ kostruzzjoni u tal-kiri tal-akkomodazzjoni intiżi għall-individwi, inklużi l-bini u l-manutenzjoni ta’ infrastrutturi annessi, u tal-bini u l-kiri ta’ proprjetà immobbli ta’ interess ġenerali, huma kompatibbli mal-Artikolu 106(2) TFUE” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Għaldaqstant, hija ddeċidiet li ma tqajjimx oġġezzjonijiet fir-rigward tal-miżuri l-ġodda nnotifikati.

III – Il-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali u d-digriet ikkontestat

16.      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-30 ta’ April 2010, ir-rikorrenti ppreżentaw, skont l-Artikolu 263 KE, rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

17.      Insostenn tat-talba tagħhom, ir-rikorrenti qajmu diversi aggravji. Madankollu, billi l-Kummissjoni kkontestat l-ammissibbiltà tar-rikors tagħhom, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li qabelxejn tagħti s-sentenza tagħha fuq din il-kwistjoni.

18.      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni sostniet, minn naħa, li r-rikorrenti ma kinux, fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, ikkonċernati individwalment bid-deċiżjoni kkontestata sa fejn hija relatata mal-għajnuna E 2/2005 u, min-naħa l-oħra, ma kellhomx interess ġuridiku fil-konfront tal-parti tad-deċiżjoni dwar l-għajnuna N 642/2009.

19.      Il-Qorti Ġenerali kkonstatat li r-rikorrenti ma kinux id-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn hija tirrigwarda l-għajnuna E 2/2005. F’dan ir-rigward, hija fakkret, qabelxejn, il-ġurisprudenza stabbilita li tgħid li impriża ma hijiex ammessa li tikkontesta deċiżjoni tal-Kummissjoni li tipprojbixxi skema ta’ għajnuna settorjali meta din id-deċiżjoni ma tikkonċernahiex ħlief għall-appartenenza tagħha għas-settur inkwistjoni jew għall-kwalità tagħha ta’ benefiċjarja potenzjali ta’ dik l-iskema. Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-istess jgħodd għal rikors għal annullament ta’ deċiżjoni li fiha l-Kummissjoni, wara li qieset l-impenji meħuda mill-awtoritajiet nazzjonali, iddikjarat kompatibbli mas-suq komuni l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni kif emendati.

20.      F’din il-kawża, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, minn naħa, fil-punti 31 u 32 tad-digriet ikkontestat, li l-kwalità ta’ wocos kienet ingħatat skont kriterji oġġettivi li jistgħu jissodisfawhom numru indeterminat ta’ operaturi. Hija fakkret, minn naħa l-oħra, fil-punt 33 ta’ dak id-digriet, li l-wocos biss setgħu jkunu l-benefiċjarji potenzjali tal-miżuri tal-għajnuna billi l-eżami tal-Kummissjoni “kien jikkostitwixxi eżami preliminari” tal-iskema ta’ għajnuna emendata wara l-impenji meħuda mill-awtoritajiet nazzjonali.

21.      Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet minn dan li s-sempliċi kwalità ta’ wocos ma kinitx tippermetti li dawn l-operaturi jiġu kkunsidrati bħala li huma kkonċernati individwalment bid-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tirrigwarda l-għajnuna E 2/2005.

22.      Barra minn hekk, fir-rigward tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn tolqot l-għajnuna ġdida N 642/2009 u tiddikjaraha kompatibbli mas-suq komuni, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 63 tad-digriet ikkontestat, li r-rikorrenti ma kinux taw prova tal-interess ġuridiku tagħhom, billi l-annullament ta’ din il-parti tad-deċiżjoni ma setgħet tipprovdilhom l-ebda benefiċċju.

23.      Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li r-rikors kollu kien inammissibbli.

IV – L-appell

24.      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fid-9 ta’ Marzu 2012, ir-rikorrenti ppreżentaw dan l-appell. Huma qed jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja li tannulla, għal kollox jew parzjalment, id-digriet ikkontestat u sabiex tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali. Huma jitolbu wkoll li l-Kummissjoni tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż.

25.      Insostenn tal-appell tagħhom, l-appellanti jinvokaw tliet aggravji. L-ewwel u t-tieni aggravji jirrigwardaw il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar il-parti tad-deċiżjoni li tikkonċerna l-għajnuna E 2/2005, it-tielet aggravju jirrigwarda l-għajnuna N 642/2009, jiġifieri:

–        bl-ewwel aggravju tagħhom, ir-rikorrenti jikkunsidraw li d-digriet ikkontestat fih żball ta’ liġi, evalwazzjoni mhux preċiża tal-fatti rilevanti u nuqqas ta’ motivazzjoni meta għamlet l-ammissibbiltà tar-rikors tiddependi fuq il-kwistjoni jekk l-appellanti humiex benefiċjarji effettivi jew potenzjali tal-miżuri eżistenti;

–        bit-tieni aggravju tagħhom, huma jilmentaw li l-Qorti Ġenerali għamlet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li ma kinux jappartjenu għal ċirku magħluq ta’ wocos eżistenti benefiċjarji tal-għajnuna E 2/2005; u

–        bit-tielet aggravju tagħhom, huma jikkunsidraw, fl-aħħar nett, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li ma kellhomx interess ġuridiku fil-konfront tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tirrigwarda l-għajnuna N 643/2009.

26.      Fit-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rikorrenti jippreċiżaw li, jekk huma ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala kkonċernati individwalment bid-deċiżjoni kkontestata, huma jistgħu minkejja dan jitolbu l-annullament għaliex dan jikkostitwixxi att regolamentari li jikkonċernahom direttament u li ma jinvolvix miżuri ta’ implementazzjoni.

A –    Fuq it-tielet aggravju, dwar l-interess ġuridiku tar-rikorrenti

27.      L-interess ġuridiku jikkorrispondi mal-interess li jinkiseb l-annullament tal-att magħmul. Dan l-annullament għandu jkollu, fih innifsu, konsegwenzi legali għar-rikorrent (3), jiġifieri, b’mod iktar preċiż, ikun jista’ jiksiblu benefiċċju (4).

28.      Fid-digriet ikkontestat, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet espressament fuq l-interess ġuridiku tar-rikorrenti fil-konfront tal-għajnuna N 642/2009 billi l-Kummissjoni kkontestatilhom dan l-interess. Madankollu, hija ma eżaminatx din il-kundizzjoni għal dak li jirrigwarda l-aspett tad-deċiżjoni kkontestata dwar l-għajnuna E 2/2005.

29.      L-interess ġuridiku huwa kundizzjoni essenzjali u ewlenija għal kull proċedura ġudizzjarja (5). L-assenza tiegħu tikkostitwixxi eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ta’ ordni pubbliku li tista’ titqajjem ex officio mill-Qorti tal-Ġustizzja (6). Għaldaqstant, nikkunsidra li huwa neċessarju, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja taqbel mal-konklużjonijiet tiegħi fuq il-kawżi l-oħra possibbli ta’ inammissibbiltà, li l-kwistjoni tiġi eżaminata għaż-żewġ għajnuniet ikkontestati.

1.      L-għajnuna N 642/2009 u l-interess ġuridiku

30.      Filwaqt li l-Qorti Ġenerali enfasizzat li d-deċiżjoni kkontestata ddikjarat kompatibbli għajnuna ġdida li tagħha kienu benefiċjarji potenzjali r-rikorrenti, hija ddeċidiet, fil-punt 63 tad-digriet ikkontestat, li l-annullament tad-deċiżjoni kontestata ma kienx ta’ natura li jiksbilhom benefiċċju u li għalhekk huma ma kinux taw prova tal-interess ġuridiku tagħhom.

31.      Fuq il-bażi tat-tielet aggravju li qajmu r-rikorrenti sabiex isostnu l-appell tagħhom, huma jallegaw li din l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali hija vvizzjata minn żball ta’ liġi. Huma jikkunsidraw li għandhom interess li jitolbu l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata għaliex il-Kummissjoni kienet iddikjarat l-għajnuna N 642/2009 kompatibbli mas-suq komuni biss sa fejn din kienet suġġetta għall-istess kundizzjonijiet ta’ għoti bħal dawk li jirrigwardaw is-sistema tal-għajnuna eżistenti E 2/2005. Għalhekk id-deċiżjoni kkontestata ġġib magħha effetti legali sfavorevoli għalihom, bħala benefiċjarji, għaliex l-għajnuna l-ġdida inkwistjoni ma tkunx tista’ tingħata ħlief taħt kundizzjonijiet ta’ limitazzjoni li huma enumerati fid-deċiżjoni kkontestata.

32.      Tressqu tliet argumenti. L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali telqet, b’mod żbaljat, mill-idea li l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-iskema ta’ għajnuna N 642/2009 rriżultaw mill-inizjattiva tal-awtoritajiet nazzjonali u mhux mill-Kummissjoni. Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx tikkonkludi li kien hemm interess ġuridiku tar-rikorrenti għar-raġuni li ma kienx ċar jekk il-Kummissjoni kinitx tapprova l-iskema ta’ għajnuna f’kundizzjonijiet oħra. Fl-aħħar nett, f’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali ma laqgħatx l-ilmenti tar-rikorrenti dwar ir-rispett tad-drittijiet proċedurali tagħhom.

33.      Għandu jitfakkar li mill-Artikolu 256 TFUE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jirriżulta li l-appell huwa limitat għall-punti ta’ liġi. Hija biss il-Qorti Ġenerali li hija kompetenti, minn naħa, sabiex tikkonstata l-fatti, ħlief fil-każ li l-ineżattezza materjali tal-konstatazzjonijiet tagħha tirriżulta mill-atti tal-proċess li jkunu ġew ippreżentati lilha u, min-naħa l-oħra, sabiex tevalwa dawn il-fatti. Ladarba l-Qorti Ġenerali tkun ikkonstatat jew evalwat il-fatti, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-ġurisdizzjoni li teżerċita, skont l-Artikolu 256 TFUE, stħarriġ dwar il-kwalifikazzjoni ġuridika ta’ dawn il-fatti u l-konsegwenzi ta’ dritt li tkun waslet għalihom il-Qorti Ġenerali abbażi ta’ dawn il-fatti.

34.      Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex il-ġurisdizzjoni li tikkonstata l-fatti u lanqas, bħala regola, li teżamina l-provi li l-Qorti Ġenerali tkun qieset insostenn ta’ dawn il-fatti. Fil-fatt, ladarba dawn il-provi jkunu nkisbu legalment, u ladarba l-prinċipji ġenerali tad-dritt u r-regoli ta’ proċedura applikabbli fil-qasam tal-oneru u produzzjoni tal-provi jkunu tħarsu, hija biss il-Qorti Ġenerali li hija kompetenti sabiex tevalwa l-valur li għandu jiġi attribwit lill-elementi mressqa quddiemha. L-evalwazzjoni tal-fatti b’hekk ma tikkostitwixxix, ħlief fil-każijiet ta’ żnaturazzjoni tal-elementi ppreżentati lilha, kwistjoni ta’ dritt suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell (7).

35.      Issa, f’dan il-każ, meta jallegaw li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat b’mod żbaljat li l-kundizzjonijiet ta’ għoti tal-għajnuna N 642/2009 saru mill-awtoritajiet Olandiżi u mhux mill-Kummissjoni, ir-rikorrenti poġġew fid-dubju l-evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata mill-Qorti Ġenerali, mingħajr, madankollu, ma wrew żnaturament tal-fatti.

36.      Permezz tat-tieni argument tagħhom, ir-rikorrenti jilmentaw li l-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq il-fatt li ma kienx ċert jekk il-Kummissjoni kinitx tapprova l-iskema ta’ għajnuna f’kundizzjonijiet oħrajn sabiex tiġi kkonstatata l-assenza ta’ interess ġuridiku. Għandu jiġi kkonstatat li dan l-argument huwa mmirat lejn motiv superfluwu tal-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali, li jekk jiġi skartat ma jippermettix li jiġi rrikonoxxut l-interess ġuridiku tar-rikorrenti. Barra minn hekk, nikkunsidra wkoll li r-rikorrenti qed jinterpretaw manifestament ħażin il-punt 59 tad-digriet ikkontestat. Fil-fatt, ma jirriżultax mill-qari ta’ dan il-punt li huma ma għandhomx interess ġuridiku għaliex ma kienx ċert jekk il-Kummissjoni kinitx tapprova l-iskema ta’ għajnuna f’kundizzjonijiet oħra li kienu jkunu iktar favorevoli għalihom. Il-Qorti Ġenerali sempliċiment riedet tenfasizza li r-rikorrenti, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, ma setgħux jibbażaw ruħhom fuq sitwazzjoni preċedenti għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata li kienet tkunilhom iktar favorevoli, peress li ma kellhom, bħala prinċipju, l-ebda dritt kweżit sabiex jiksbu għajnuna ġdida li kienet għadha fl-istadju ta’ eżami preliminari mill-Kummissjoni.

37.      Fir-rigward tat-tielet argument insostenn tat-tielet aggravju, sa fejn id-deċiżjoni kkontestata kienet ġiet adottata fil-bidu ta’ eżami preliminari u wasslet biex tiddikjara l-għajnuna kompatibbli mas-suq komuni, ir-rikorrenti, fil-kwalità tagħhom ta’ benefiċjarji potenzjali ta’ din l-għajnuna ġdida, ma setgħux isostnu li l-Qorti Ġenerali kienet wettqet żball ta’ liġi billi ma żguratx ir-rispett tad-drittijiet proċedurali previsti fl-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 659/1999 għall-proċedura msemmija fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 108 TFUE.

38.      Fil-bidu ta’ din l-analiżi, nikkunsidra li l-Qorti Ġenerali ma wettqet l-ebda żball ta’ liġi fl-evalwazzjoni tagħha tal-interess ġuridiku tar-rikorrenti fil-konfront tal-parti tad-deċiżjoni kkontestata dwar l-għajnuna N 642/2009. Għaldaqstant, it-tielet aggravju għandu jitqies li huwa parzjalment, manifestament inammissibbli u parzjalment, manifestament infondat.

2.      L-għajnuna E 2/2005 u l-interess ġuridiku

39.      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li s-sistema Olandiża ta’ finanzjament tal-akkomodazzjoni soċjali, anki emendata, kienet għajnuna mill-Istat eżistenti. Wara li eżaminat il-portata tal-emendi li għamel il-Gvern Olandiż, hija kkonkludiet li “l-għajnuna mħallsa għall-attivitajiet ta’ akkomodazzjoni soċjali, jiġifieri marbuta mal-bini u l-kiri ta’ djar intiżi għall-individwi, inklużi l-kostruzzjoni u l-manutenzjoni ta’ infrastrutturi awżiljarji, [kienu] kompatibbli mal-Artikolu 106(2) TFUE” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (8).

40.      Skont l-ittra mibgħuta fit-3 ta’ Diċembru 2009 mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi lill-Kummissjoni, ir-regoli l-ġodda kellhom jiġu introdotti b’digriet ministerjali u liġi ġdida fuq l-akkomodazzjoni li kellhom jidħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2010 u l-1 ta’ Jannar 2011 rispettivament. Barra minn dan, ir-regoli l-ġodda japplikaw biss għall-attivitajiet futuri.

41.      Għalhekk l-ewwel eżami tal-proċedura jista’ jħalli lil dak li jkun jaħseb li annullament tad-deċiżjoni kkontestata ma jġib l-ebda benefiċċju lir-rikorrenti sa fejn dan ma jistax ikollu bħala effett li jħassar it-testi l-ġodda tal-liġi u d-digriet adottati mill-awtoritajiet Olandiżi.

42.      Madankollu, jirriżulta mill-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 659/1999 li l-emendi li għamlu s-sistema kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni kienu saru mill-Kummissjoni u hija għamlithom vinkolanti.

43.      Fil-fatt, l-imsemmija dispożizzjoni tipprovdi li “[f]ejn l-Istat Membru kkonċernat jaċċetta l-miżuri proposti u jinforma lill-Kummissjoni dwarhom, il-Kummissjoni għandha tirreġistra dik is-sejba u tinforma lill-Istat Membru dwarha. L-Istat Membru għandu jkun marbut bl-aċċettazzjoni tagħha li jimplimenta l-miżuri xierqa.”

44.      In-natura vinkolanti ta’ deċiżjoni bbażata fuq l-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 659/1999 ġiet ikkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tat-18 ta’ Ġunju 2004, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (C‑242/00, Ġabra p. I‑5603).

45.      F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li l-Kummissjoni setgħet, fl-eżerċizzju tal-kompetenzi li għandha skont l-Artikoli 87 KE u 88 KE [li saru l-Artikoli 107 TFUE u 108 TFUE] tistabbilixxi linji gwida li jkollhom bħala għan li jindikaw il-mod kif kellha l-intenzjoni teżerċita, skont dawn l-istess artikoli, is-setgħa diskrezzjonali tagħha fir-rigward tal-għajnuna l-ġdida jew fir-rigward tal-iskemi ta’ għajnuna eżistenti. Billi dawn kienu bbażati fuq l-Artikolu 88(1) KE [li sar l-Artikolu 108(1) TFUE], dawn il-linji gwida jirrappreżentaw element ta’ kooperazzjoni regolari u perjodika li fil-kuntest tagħha l-Kummissjoni tagħmel, flimkien mal-Istati Membri, eżami permanenti tal-iskemi tal-għajnuna eżistenti u tipproponilhom il-miżuri utli meħtieġa għall-iżvilupp progressiv jew il-funzjonament tas-suq komuni. Il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet tgħid ukoll li “sa fejn dawn il-proposti ta’ miżuri utli huma aċċettabbli mill-Istat Membru, dawn għandhom effett vinkolanti fir-rigward ta’ dak l-Istat Membru […] (9)” u kkonstatat li “l-leġiżlatur Komunitarju [kien] adotta min-naħa tiegħu l-prinċipji stabbiliti mill-ġurisprudenza […] billi ppreveda fir-Regolament [Nru 659/1999] [l‑]Artikolu 19(1) (10)”.

46.      F’dan il-każ, nosserva li l-Kummissjoni espressament indikat, fil-punt 74 tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata li, “[g]ħaldaqstant, il-Kummissjoni taċċetta l-impenji meħuda mill-awtoritjajiet Olandiżi” u li “[s]kont l-Artikolu 19 tar-Regolament [Nru 659/1999], il-Kummissjoni tirreġistra l-impenji permezz ta’ din id-deċiżjoni u għalhekk timplementa l-miżuri xierqa vinkolanti”.

47.      Għalhekk nikkunsidra li, fil-kuntest tal-eżami limitat tal-interess ġuridiku, ir-rikorrenti jistgħu jistennew li jieħdu vantaġġ mill-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, naħseb li “[ma hemmx bżonn ta’] rekwiżiti eżaġerati sabiex jissussisti dan il-benefiċċju [wara l-annullament tal-att kkontestat] meta l-kundizzjonijiet ristretti tat-tieni jew tat-tielet każ tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jkunu diġà ssodisfatti (11)”. F’dan il-każ, jekk id-deċiżjoni kkontestata kellha tiġi annullata, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jkun liberu li jadotta miżuri sabiex jagħmel lis-sistema kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. L-annullament tad-deċiżjoni kkontestata jkun forma ta’ benefiċċju għar-rikorrenti. F’dawn il-kundizzjonijiet, ir-rikorrenti juru interess ġuridiku u jitolbu l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tirrigwarda l-għajnuna E 2/2005.

B –    Applikabbiltà tal-aħħar parti tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE

48.      Fl-eżami tagħha tal-ammissibbiltà tar-rikors fir-rigward tal-parti tad-deċiżjoni kkontestata dwar l-għajnuna E 2/2005, il-Qorti Ġenerali kkonstatat biss li r-rikorrenti ma kinux id-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata u ma kinux ikkonċernati individwalment. L-ewwel żewġ aggravji mressqa insostenn tal-appell jirrigwardaw biss dawn il-kunsiderazzjonijiet.

49.      Nosserva li l-Qorti Ġenerali ma vverifikatx jekk id-deċiżjoni kkontestata kinitx att regolamentari li kien jirrigwarda direttament lir-rikorrenti u li ma kienx jinvolvi miżuri ta’ implementazzjoni. Fi kliem ieħor, il-Qorti Ġenerali naqset milli tagħmel l-analiżi tal-aħħar parti tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE sa fejn din iżżid rimedju ġdid.

50.      Għalkemm huwa minnu li r-rikorrenti ma kinux, huma stess, qajmu l-kwistjoni quddiem il-Qorti Ġenerali (u lanqas fir-rikors tagħhom fl-appell), tali kwistjoni hija rilevanti għall-ammissibbiltà ta’ rikors ifformulat abbażi tal-Artikolu 263 TFUE u tirrigwarda l-ordni pubbliku. F’dan is-sens, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha teżaminaha ex officio (12), billi l-partijiet kienu ġew mistiedna jesprimu ruħhom fuq dan il-punt matul is-seduta li saret fis-17 ta’ April 2013.

1.      It-tielet possibbiltà offruta mill-aħħar parti tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE

51.      Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE issa jistabbilixxi li: “[k]walunkwe persuna fiżika jew ġuridika tista’, taħt il-kondizzjonijiet previsti fl-ewwel u t-tieni subparagrafi, tressaq appell kontra att indirizzat lilha jew li jirrigwardha direttament u individwalment, kif ukoll kontra att regolatorju [regolamentari] li jirrigwardha direttament u li ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni (13)”.

52.      Għaldaqstant, l-individwu issa jista’ jitlob annullament mingħajr ma jkollu jagħti prova ta’ interess individwali iżda bil-kundizzjoni li l-att inkwistjoni jkun att regolamentari, li jirrigwardah direttament u li ma jinvolvix miżuri ta’ implementazzjoni.

a)      Att regolamentari

53.      Skont id-digriet tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Settembru 2011, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u Il-Kunsill (T‑18/10, li għadu ma ġiex ippubblikat fil-Ġabra), kull att ta’ portata ġenerali ma jistax jiġi deskritt bħala “att regolamentari” fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE. Dan jgħodd ukoll għall-atti leġiżlattivi.

54.      Għaldaqstant jirriżulta, u sa fejn it-Trattat ta’ Lisbona uża, fl-Artikolu 289(3) TFUE, kriterju purament proċedurali sabiex jiddefinixxi l-atti leġiżlattivi (14), li l-Qorti Ġenerali llimitat l-atti regolamentari għall-atti biss ta’ portata ġenerali li ma humiex adottati bi proċedura leġiżlattiva.

55.      L-imsemmi digriet tal-Qorti Ġenerali ġie appellat (15). Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma tatx id-deċiżjoni tagħha, l-Avukat Ġenerali Kokott tikkonferma fil-konklużjonijiet tagħha l-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali (16).

56.      Għalkemm nista’ naqbel ma’ diversi argumenti ta’ natura storika jew ta’ natura testwali li tressaq l-Avukat Ġenerali Kokott, ma naħsibx li wieħed jista’ jiddeduċi mill-użu tal-kliem “atti leġislattivi” fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE sens kuntrarju, fir-rigward ta’ atti ta’ portata ġenerali, għall-espressjoni “att regolamentari” tar-raba’ paragrafu ta’ dan l-artikolu. Fil-fatt, l-oppost ta’ att leġiżlattiv ma huwiex neċessarjament l-att regolamentari, iżda pjuttost att ta’ implementazzjoni, liema kliem huwa espressament użat fl-Artikolu 291 TFUE (17).

57.      Barra minn hekk, sabiex jikkwalifika l-atti li ma humiex leġiżlattivi, it-Trattat FUE ma jużax il-kelma “regolamentari”, iżda jsemmi, fl-Artikolu 297(2) TFUE, “atti mhux leġislattivi”.

58.      Fi kwalunkwe każ, din l-interpretazzjoni, mhux talli ma hijiex sostnuta b’mod unanimu fid-duttrina, iżda talli ma jidhirlix li twieġeb il-preokkupazzjonijiet li wasslu għall-emenda tal-Artikolu 230 KE. Il-paradoss l-iktar emblematiku f’dan ir-rigward mingħajr dubju jinsab fil-fatt li, skont l-interpretazzjoni restrittiva proposta mill-Qorti Ġenerali, il-kawża Unión de Pequeños Agricultores vs Il-Kunsill (18) tirriżulta mill-ġdid fl-inammissibbiltà tal-appell, minkejja li kkawżat it-tibdil.

59.      Barra minn hekk, ma jistax jiġi aċċettat, kif jaħsbuha ċerti awturi li jiffavorixxu interpretazzjoni restrittiva, li d-domanda preliminari tikkostitwixxi dejjem mekkaniżmu suffiċjenti sabiex tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Kienu dan kien il-każ, ma kienx ikun hemm il-bżonn li jiġi emendat l-Artikolu 230 KE, fejn l-inkonvenjenti tiegħu bħala prinċipju jibqgħu hemm jekk wieħed jikkunsidra li l-atti leġiżlattivi huma esklużi mir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

60.      Hemm uħud li jsostnu, madankollu, li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 19(1) TUE mela l-lakuni eżistenti. Dan ma huwiex minnu. Fil-fatt dan l-artikolu huwa biss il-konsagrazzjoni formali ta’ prinċipju stabbilit, bl-istess kliem, mill-Qorti tal-Ġustizzja stess fis-sentenza tagħha Unión de Pequeños Agricultores vs Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq (19). It-tieni paragrafu tal-Artikolu 19(1) TUE għalhekk ma żied xejn mad-dritt eżistenti. Mill-ġdid, kienu dak kien il-każ, l-emenda għall-Artikolu 230 KE l-antik kienet tkun għal xejn.

61.      Fl-aħħar nett, hija l-fehma tiegħi li d-dmir tal-kooperazzjoni leali ma jistax jiġi estiż sabiex jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li joħolqu aċċess għal qorti nazzjonali meta ma hemm l-ebda att tal-Istat inkwistjoni. Barra minn hekk, huwa sorprendenti li wieħed jara li fost dawk li jinvokaw it-tieni paragrafu tal-Artikolu 19(1) TUE sabiex l-Istati jkollhom l-obbligu li jiżguraw il-protezzjoni ġudizzjarja effettiva tal-individwi, xi wħud minnhom malajr jinvokaw, min-naħa l-oħra, l-assenza ta’ rimedji nazzjonali kontra l-atti leġiżlattivi tal-Istat fil-maġġoranza tal-Istati Membri sabiex jilleġittimaw l-istess assenza fil-livell tal-Unjoni. Ma huwiex paradossali li jiġi kkunsidrat normali li t-Trattat ma jawtorizzax lill-individwi milli jaġixxu kontra l-atti leġiżlattivi tal-Unjoni għaliex maġġoranza ta’ Stati ma jawtorizzawx dan kontra l-liġijiet tagħhom, filwaqt li jiġi impost fuq l-istess Stati li dan jagħmluh, anki għalkemm b’mod indirett, għall-atti tal-Unjoni?

62.      Lanqas ma jidhirli li huwa raġonevoli li jiġi kkunsidrat li l-protezzjoni ġudizzjarja ssir effettiva għaliex ikun teoretikament possibbli, għal individwu, li jistaqsi lill-amministrazzjoni nazzjonali tiegħu fuq l-applikabbiltà ta’ att leġiżlattiv tal-Unjoni għas-sitwazzjoni personali tiegħu, u dan fit-tama li jirċievi tweġiba li jkun jista’ jikkontesta f’qorti li min-naħa tagħha tkun tista’ tressaq talba għal deċiżjoni preliminari. Kif jista’ wieħed ma jiddubitax mill-effettività reali ta’ tali kostruzzjonijiet teoretiċi bbażati fuq l-eżistenza ta’ att li ma għandu l-ebda raġuni oħra biex jeżisti ħlief li jkun jista’ jiġi kkontestat u għalhekk jidher purament artifiċjali? Barra minn hekk, x’jiġri jekk l-awtorità nazzjonali ma tirrispondix?

63.      Infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li protezzjoni ġudizzjarja effettiva ma kinitx iggarantita meta individwu ma kellux għażla oħra ħlief li jikser id-dritt sabiex iwassal lill-awtorità nazzjonali kompetenti sabiex tagħmel att ta’ implementazzjoni li jwasslu sabiex ikollu jiddefendi lilu nnifsu f’qorti li tista’ tagħmel domanda preliminari (20). Liema raġunijiet jiġġustifikaw li jaġixxi mod ieħor meta l-awtorità nazzjonali, bħala prinċipju, ma jkollha għalfejn tadotta l-ebda att?

64.      L-interpretazzjoni tal-aħħar parti tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE li teskludi l-atti leġiżlattivi jidhirli, għalhekk, li hija restrittiva wisq u ma tweġibx għar-raġunijiet li mmotivaw l-emenda tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE.

65.      Għaldaqstant, din l-osservazzjoni twassalni sabiex nippreferi interpretazzjoni oħra tal-att regolamentari fis-sens tal-aħħar parti tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Fil-fehma tiegħi, l-att regolamentari għandu jiġi interpretat bħala att ta’ portata ġenerali, kemm jekk ikun leġiżlattiv jew le.

b)      Li jirrigwarda direttament lir-rikorrent

66.      Għalkemm il-kundizzjoni li wieħed ikun ikkonċernat individwalment tgħib fit-tielet għażla ta’ rikors għal annullament, dik marbuta mal-interess dirett tinżamm. Il-portata tagħha ma tidhirx li tqajjem diffikultà: l-kunċett ta’ interess dirett huwa identiku fit-tieni u t-tielet ipoteżijiet fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE (21).

67.      Għalhekk dan ifisser, skont ġurisprudenza stabbilita fuq ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, li persuna fiżika jew persuna ġuridika hija direttament ikkonċernata b’att tal-Unjoni jekk din il-miżura toħloq “direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali ta’ l-individwu u ma tħalli ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji tagħha li għandhom jimplementawha, peress li din hija ta’ natura purament awtomatika u tirriżulta biss mil-leġiżlazzjoni Komunitarja, mingħajr applikazzjoni ta’ regoli intermedjarji oħra” (22).

68.      Il-Qorti tal-Ġustizzja wkoll kellha l-okkażjoni li tippreċiża, f’dan ir-rigward, li l-assenza ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri teqred l-assenza apparenti tar-rabta diretta bejn att tal-Unjoni u l-litigant. Fi kliem ieħor, sabiex tipprekludi l-interess dirett, il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-awtur tal-att intermedjarju sabiex jitwettaq l-att tal-Unjoni ma jistax ikun purament formali. Għandu jkun is-sors tal-interess ġuridiku tar-rikorrent (23).

c)      Li ma jinvolvix miżuri ta’ implementazzjoni

69.      Għalhekk jonqos sabiex tiġi ddeterminata l-portata tal-aħħar parti tas-sentenza tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, jiġifieri l-assenza ta’ miżuri ta’ implementazzjoni. Din hija t-tielet kundizzjoni jew sempliċi spjegazzjoni tal-interess dirett?

70.      Sa issa, il-Qorti tal-Ġustizzja għad ma kellhiex okkażjoni tiddeċiedi fuq dan. Min-naħa tagħha, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara għajnuna illegali u li tordna l-irkupru tagħha “ma tistax tiġi kklassifikata bħala att li ma jinvolvix miżuri ta’ implementazzjoni [sa fejn] l-Artikolu 6(2) tad-deċiżjoni kkontestata jsemmi l-eżistenza ta’ ‘miżuri nazzjonali meħuda sabiex tiġi implimentata sakemm l-irkupru tal-għajnuna mogħtija taħt l-iskema [kkontestata] ikun lest’. L-eżistenza stess ta’ dawn il-miżuri ta’ rkupru, li jikkostitwixxu miżuri ta’ implementazzjoni, tiġġustifika li d-deċiżjoni kkontestata tkun ikkunsidrata bħala att li jinvolvi miżuri ta’ implementazzjoni. Fil-fatt, dawn il-miżuri jistgħu jiġu kkontestati quddiem il-qorti nazzjonali mid-destinatarji tagħhom (24)”.

71.      F’din il-kawża, il-Qorti Ġenerali ċaħdet lill-kumpannija rikorrenti d-dritt li titlob l-annullament fuq il-bażi tat-tkabbir previst mit-Trattat ta’ Lisbona għaliex, skont hi, ikun hemm neċessarjament miżuri ta’ implementazzjoni nazzjonali.

72.      Nikkunsidra li interpretazzjoni bħal din tnaqqas eċċessivament l-effetti taż-żieda li saret mir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE lill-ex Artikolu 230 KE għaliex huwa dejjem possibbli li wieħed jimmaġina miżura ta’ implementazzjoni nazzjonali ta’ att regolatorju tal-Unjoni Ewropea, bħal pubblikazzjoni, notifika, konferma jew tfakkir. Issa skont l-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali, dawn is-sempliċi formalitajiet li jistgħu jkunu imprevedibbli jew fakultattivi, għandhom iwasslu sabiex dan l-artikolu ma jiġix applikat.

73.      Jidhirli, barra minn hekk, li interpretazzjoni bħal din tmur kontra l-għan mixtieq minn min abbozza t-Trattat. Kif fakkret l-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Telefónica vs Il‑Kummissjoni, “[i]ż-żieda tal-kliem ‘ma jkunx jinvolvi [ma jinvolvix] miżuri ta’ implementazzjoni’, intiża sabiex tillimita l-estensjoni tad-dritt ta’ azzjoni tal-individwi biss għall-każijiet fejn l-individwu ‘għandu l-ewwel jikser id-dritt sabiex wara jkun jista’ jkollu aċċess quddiem qorti’ (25)”.

74.      Jiena naqbel ukoll mal-opinjoni tal-Avukat Ġenerali Kokott li l-“il-kundizzjoni meħtieġa li ssemmi l-assenza ta’ miżuri ta’ implementazzjoni ta’ att regolatorju għandha tinftiehem fis-sens li l-att […] jipproduċi l-effetti tiegħu direttament fuq l-individwi mingħajr ma jirrikjedi miżuri ta’ implementazzjoni (26)”. Fil-fatt din hija definizzjoni identika għal dik ta’ interess dirett (27).

75.      Għalhekk, jiena tal-fehma li għandu jiġi eskluż il-kliem “miżuri ta’ implimentazzjoni” li tuża l-aħħar parti tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE mill-isfera nazzjonali sabiex jiġu limitati għad-dritt tal-Unjoni jew, għall-inqas, jiġu esklużi minn dan il-kunċett il-miżuri adottati mill-awtoritajiet nazzjonali mingħajr setgħa diskrezzjonali. Fil-fatt, kif spjegajt qabel, l-assenza ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri jeqred l-assenza apparenti tar-rabta diretta bejn att tal-Unjoni u l-litigant.

76.      Bħala konklużjoni, nikkunsidra li l-kundizzjoni marbuta mal-assenza ta’ miżura ta’ implementazzjoni hija biss ripetizzjoni tal-interess dirett (28).

77.      Din l-interpretazzjoni jidhirli li hija saħansitra iktar rilevanti fir-rigward ta’ għajnuna mill-Istat peress li, skont ġurisprudenza kostanti, it-tneħħija ta’ għajnuna illegali permezz tal-irkupru hija l-konsegwenza loġika tal-konstatazzjoni tal-illegalità tagħha (29). L-uniku motiv ta’ difiża li jista’ jiġi invokat minn Stat Membru kontra rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ppreżentat mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 108(2) TFUE huwa dak ibbażat fuq impossibbiltà assoluta li tiġi implementata korrettament id-deċiżjoni inkwistjoni (30). Għaldaqstant, il-miżuri ta’ rkupru meħuda mill-Istat Membru jkunu biss, f’ċertu sens, aċċessorji neċessarji tad-deċiżjoni kkontestata.

78.      L-interpretazzjoni proposta toffri wkoll il-vantaġġ li tiċċentralizza l-kwistjonijiet legali kollha fuq l-għajnuna mill-Istat fil-qrati tal-Unjoni Ewropea. Jidhirli li ċentralizzazzjoni bħal din hija ta’ benefiċċju doppju. Minn naħa, billi tneħħi l-kwistjoni tal-interess individwali u billi tawtorizza l-benefiċjarji potenzjali ta’ għajnuna jew il-kompetituri ta’ impriża benefiċjarja tal-għajnuna jikkontestaw id-deċiżjoni tal-Kummissjoni direttament quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, din issaħħaħ iċ-ċertezza legali. Fil-fatt, din twarrab l-inċertezza marbuta mal-ġurisprudenza TWD Textilwerke Deggendorf li imponiet li tiġi solvuta preliminarjament il-kwistjoni tal-interess individwali għaliex inkella domanda preliminari sussegwenti tista’ tiġi ddikjarata inammissibbli (31). Min-naħa l-oħra, din tneħħi l-ħtieġa li titressaq kawża nazzjonali sabiex tasal quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja permezz ta’ domanda preliminari. Fi kliem ieħor, din tawtorizza proċedura iktar diretta, u allura iktar effettiva, iktar mgħaġġla u iktar ekonomika.

79.      Fl-aħħar nett nistaqsi, b’mod iktar ġenerali, fuq x’utilità hemm li wieħed jiddistingwi l-kundizzjoni tal-interess dirett mill-preċiżjoni dwar l-assenza ta’ miżuri ta’ implementazzjoni. Fil-fatt, kif jista’ wieħed jimmaġina li individwu jista’ jiġi ppreġudikat direttament b’att tal-Unjoni jekk dan jirrikjedi miżura ta’ implementazzjoni reali, kemm jekk tkun Ewropea jew nazzjonali, filwaqt li, skont ġurisprudenza stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex att tal-Unjoni jikkonċerna direttament lil individwu, dan għandu joħloq “direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali ta’ l-individwu […] [, fejn l-implementazzjoni tiegħu] […] tirriżulta biss mil-leġiżlazzjoni Komunitarja, mingħajr applikazzjoni ta’ regoli intermedjarji oħra (32)”?

2.      Applikazzjoni f’dan il-każ

80.      Id-deċiżjoni kkontestata hija deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara żewġ skemi ta’ għajnuna (skema ta’ għajnuna eżistenti u skema ta’ għajnuna ġdida) kompatibbli mal-Artikolu 106(2) TFUE u s-suq komuni.

81.      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni eżaminat, l-ewwel nett, il-kompatibbiltà tal-għajnuna E 2/2005 dwar is-sistema ta’ finanzjament tal-wocos, kif emendata wara impenji meħuda mill-awtoritajiet Olandiżi. Sussegwentement hija analizzat l-iskema l-ġdida dwar l-għajnuna N 642/2009.

82.      Għalhekk irid jiġi ddeterminat jekk dan l-att, indirizzat mill-Kummissjoni lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi huwiex, minn naħa, att regolamentari, u jekk, min-naħa l-oħra, jikkonċernax direttament, mingħajr miżura ta’ implementazzjoni, lir-rikorrenti.

a)      Id-deċiżjoni kkontestata hija att regolamentari?

83.      Għalkemm huwa minnu li d-deċiżjoni kkontestata kienet ġiet adottata skont proċedura mhux leġiżlattiva, il-Kummissjoni tikkontesta l-portata ġenerali tal-att. Billi dan kien ġie indirizzat esklużivament lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, seta’ jkollu biss portata individwali.

84.      Il-kwistjoni tal-portata ta’ deċiżjoni indirizzata lil Stat Membru ġiet eżaminata reċentement fil-fond u b’mod rilevanti, fil-kawża Telefónica vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, mill-Avukat Ġenerali Kokott (33).

85.      Jiena naqbel mal-idea tagħha li tali deċiżjoni hija partikolari sa fejn l-Istati Membri jinkorporaw ukoll ordinament ġuridiku nazzjonali u li d-deċiżjonijiet li huma indirizzati lejhom jorbtu lill-korpi kollha tagħhom. Għalhekk, l-Avukat Ġenerali Kokott tippreċiża li “[a]nki jekk huma għandhom destinatarju wieħed biss, id-deċiżjonijiet indirizzati lil Stat Membru jistgħu għalhekk isawru l-ordni ġuridiku nazzjonali u jkollhom b’dan il-mod portata ġenerali (34)”.

86.      Il-Qorti tal-Ġustizzja stess diġà rrikonoxxiet, ukoll f’ċerti każijiet, portata ġenerali għal din it-tip ta’ deċiżjoni (35), u partikolarment fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat. Skont ġurisprudenza stabbilita, li anki l-Qorti Ġenerali fakkret fid-digriet ikkontestat, deċiżjoni tal-Kummissjoni li tipprojbixxi skema ta’ għajnuna fil-fatt hija kkunsidrata, għall-benefiċjarji potenzjali tal-iskema ta’ għajnuna, bħala miżura ta’ portata ġenerali li tapplika għal sitwazzjonijiet iddeterminati oġġettivament u li għandha effetti ġuridiċi fir-rigward ta’ kategorija ta’ persuni kkunsidrati b’mod ġenerali u astratt. Għalhekk id-deċiżjoni tal-Kummissjoni għandha, għall-benefiċjarji potenzjali ta’ skema ta’ għajnuna, in-natura ta’ miżura ta’ “portata ġenerali (36)”. Din hija preċiżament ir-raġuni għaliex, bħala prinċipju, dawn il-benefiċjarji ma humiex ikkunsidrati bħala individwalment ikkonċernati. F’dan il-każ nikkunsidra li l-istess raġunament jista’ jiġi applikat għal deċiżjoni meħuda mill-Kummissjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 659/1999 iċċitat iktar ’il fuq u li biha hija tqis l-impenji meħuda mill-awtoritajiet nazzjonali u tiddikjara kompatibbli mas-suq komuni l-emendi magħmula lil skema ta’ għajnuna eżistenti.

87.      Sa fejn l-iskema ta’ għajnuna emendata tista’ tiġi applikata għal sitwazzjonijiet iddeterminati oġġettivament u jkollha effetti legali fir-rigward ta’ kategorija ta’ persuni kkunsidrati b’mod ġenerali u astratt, l-istess jgħodd għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tawtorizzaha. Kuntrarjament għall-opinjoni li tat il-Kummissjoni, f’dan ir-rigward ma narax ir-raġuni għalfejn għandha ssir distinzjoni bejn id-deċiżjonijiet li jawtorizzaw skema ta’ għajnuna u dawk li jipprojbixxuha.

88.      Għaldaqstant, kemm jekk tiġi segwita l-interpretazzjoni wiesgħa jew dik restrittiva tal-kunċett ta’ att regolamentari, id-deċiżjoni kkontestata, bħala att ta’ portata ġenerali adottat skont proċedura mhux leġiżlattiva, tissodisfa l-ewwel kundizzjoni stabbilita fl-aħħar parti tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

b)      Ir-rikorrenti huma milquta direttament mingħajr miżura ta’ implementazzjoni?

89.      Fir-risposta tagħha għall-mistoqsija bil-miktub, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-miżuri ta’ implementazzjoni huma meħtieġa sabiex iwettqu d-deċiżjoni kkontestata. Hija ssemmi mhux biss id-digriet ministerjali u l-liġi fil-punt 41 tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata, iżda ssemmi wkoll regolament temporanju tat-3 ta’ Novembru 2010 fuq is-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali pprovduti mill-kumpanniji ta’ akkomodazzjoni miftiehma (ippubblikat fin-Nederlandse Staatcourant Nru 17515, tat-8 ta’ Novembru 2010).

90.      L-eżistenza ta’ miżuri ta’ implementazzjoni ma tistax tiġi miċħuda. Dawn huma inerenti fil-proċedura dwar l-iskemi ta’ għajnuna eżistenti kif organizzati mir-Regolament Nru 659/1999. Fil-fatt, l-Artikolu 19(1) tiegħu jippreċiża espressament li, meta l-Istat Membru jaċċetta l-miżuri proposti mill-Kummissjoni, huwa jinformaha dwar dan. Il-Kummissjoni tieħu nota ta’ dan u l-Istat Membru jkun “marbut bl-aċċettazzjoni tagħha li jimplimenta l-miżuri xierqa”.

91.      Madankollu, kif għedt iktar ’il fuq, nikkunsidra li l-kundizzjoni marbuta mal-assenza ta’ miżuri ta’ implementazzjoni hija biss ripetizzjoni tal-interess dirett u, sabiex dan tal-aħħar ma jkunx jeżisti, id-diskrezzjoni tal-awtorità li għandha tieħu l-miżura ta’ implementazzjoni ma tistax tkun purament formali.

92.      Kif spjegajt diġà fil-kuntest tal-eżami tal-interess ġuridiku tar-rikorrenti, sa fejn id-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq l-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 659/1999, din ma tħalli l-ebda marġni ta’ diskrezzjoni lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi.

93.      Skont din id-dispożizzjoni, l-emendi li jagħmlu s-sistema kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni jsiru vinkolanti biss meta jiġu aċċettati mill-Kummissjoni. Din indikat wkoll, fil-punt 74 tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata, li hija “taċċetta l-impenji meħuda mill-awtoritajiet Olandiżi” u li “skont l-Artikolu 10 tar-Regolament [Nru 659/1999] hija tirreġistra l-impenji meħuda permezz ta’ din id-deċiżjoni u għalhekk tagħmel l-implementazzjoni tal-miżuri xierqa vinkolanti”. Din l-affermazzjoni hija ripetuta fid-dispożittiv tad-deċiżjoni (fil-punt 108 tagħha).

94.      Il-Kummissjoni invokat l-idea li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi żamm marġni ta’ diskrezzjoni wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata billi baqa’ dejjem liberu li jirrinunzja definittivament għall-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni. Jiena ma naqbilx peress li, fid-dawl tal-fatt li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ppropona lill-Kummissjoni l-emendi li saru obbligatorji bid-deċiżjoni kkontestata, il-possibbiltà li jiddeċiedi li ma jżommx l-iskema ta’ għajnuna kienet purament teoretika. Għall-kuntrarju, ma kienx hemm dubju dwar ir-rieda tal-awtoritajiet Olandiżi li japplikaw id-deċiżjoni (37).

95.      Għall-kuntrarju ta’ dak li tafferma l-Kummissjoni, ir-rikorrenti jindikaw fit-tweġiba tagħhom għall-mistoqsijiet bil-miktub li ma teżisti l-ebda miżura li huma jistgħu jikkontestaw quddiem qorti nazzjonali. L-affermazzjoni ġiet irripetuta b’mod kategoriku matul is-seduta: fil-preżenza ta’ att ta’ portata ġenerali ta’ natura vinkolanti, bħall-Artikolu 4 tar-regolament temporanju tat-3 ta’ Novembru 2010 fuq is-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali pprovduti mill-kumpanniji ta’ akkomodazzjoni miftiehma, ma hemm l-ebda rimedju disponibbli għall-individwu fl-ordinament ġuridiku nazzjonali.

96.      Barra minn hekk, l-obbligu li 90 % tal-akkomodazzjoni tiġi allokata lil persuni li d-dħul tagħhom ma jaqbiżx ċertu ammont, li jiġi mtenni fl-Artikolu 4 tar-regolament nazzjonali msemmi iktar ’il fuq, ma jeħtieġ l-ebda deċiżjoni oħra. Għall-kuntrarju, huwa biss il-ksur ta’ din ir-regola li jista’ jikkawża reazzjoni mill-awtorità, bħal pereżempju r-rifjut li tingħata l-għajnuna inkwistjoni. F’dan ir-rigward, nixtieq ma nsegwix ir-rekwiżit tal-Kummissjoni li neċessarjament irid ikun hemm riskju ta’ proċeduri kriminali sabiex wieħed ikun fil-kuntest tal-ġurisprudenza Unibet, iċċitata iktar ’il fuq. Tkun xi tkun is-sanzjoni mogħtija, skema bħal din ma twieġeb fl-ebda każ għall-ħtieġa ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

97.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, iċ-ċaħda tad-dritt li jintalab annullament tad-deċiżjoni kkontestata jidhirli li ġġib il-konsegwenza, għar-rikorrenti, ta’ nuqqas ta’ protezzjoni ġudizzjarja.

98.      Għaldaqstant nikkunsidra li d-deċiżjoni kkontestata tikkonċerna direttament lir-rikorrenti u ma tinvolvix miżuri ta’ implementazzjoni skont l-aħħar parti tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE sa fejn toħloq direttament effetti fuq is-sitwazzjoni ġuridika tar-rikorrenti u ma tħalli l-ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarju inkarigat mill-implementazzjoni tagħha, jiġifieri r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi.

99.      Il-kundizzjonijiet stabbiliti f’din l-aħħar parti tar-raba’ paragrafu jidher li huma, b’hekk, sodisfatti u l-Qorti Ġenerali kellha tilqa’ r-rikors tar-rikorrenti abbażi ta’ din id-dispożizzjoni. Meta ddikjaratu inammissibbli, hija wettqet, fl-opinjoni tiegħi, żball ta’ liġi.

C –    Fuq l-ewwel u t-tieni aggravju, dwar il-ħtieġa li wieħed ikun individwalment ikkonċernat bl-att ikkontestat

100. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li l-kundizzjonijiet tal-aħħar parti tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE ma ġewx sodisfatti, ikun hemm lok li jiġu eżaminati l-ewwel żewġ aggravji mressqa mir-rikorrenti kontra d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tirrigwarda l-għajnuna E 2/2005.

101. Iż-żewġ aggravji jirrigwardaw l-applikazzjoni f’dan il-każ, mill-Qorti Ġenerali, tal-kundizzjoni li jkunu “individwalment ikkonċernati” bid-deċiżjoni kkontestata. Jiena ser nanalizzahom flimkien.

1.      Kunċett

102. Il-kundizzjoni tal-interess individwali fil-kuntest ta’ rikors għal annullament huwa, mingħajr dubju wieħed mill-iktar kunċetti diffiċli biex jiġi analizzat. Mis-sentenza Plaumann vs Il‑Kummissjoni, teżisti ġurisprudenza stabbilita li ttenni li “persuni li mhumiex id-destinatarji ta’ deċiżjoni ma jistgħux jallegaw li huma kkonċernati individwalment ħlief fil-każ li din id-deċiżjoni tolqothom minħabba ċerti kwalitajiet li huma partikolari għalihom jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tikkaratterizz[a]hom fil-konfront ta’ kull persuna oħra u, minħabba dan il-fatt, tindividwalizz[a]hom b’mod analogu għal dak [dik] li jinsab fih[a] id-destinatarju (38)”.

103. Madankollu, il-portata tal-prinċipju ġiet, madankollu, imtaffija. Għaldaqstant, il-fatt li dispożizzjoni tkun, minħabba n-natura u l-portata tagħha, dispożizzjoni ġenerali fis-sens li tapplika b’mod ġenerali għall-operaturi ekonomiċi interessati kollha ma jeskludix madankollu li tista’ tikkonċerna lil xi wħud minnhom individwalment. Dan ikun il-każ meta “deċiżjoni tolqot grupp ta’ persuni li kienu identifikati jew setgħu jiġu identifikati fil-mument meta ttieħed dan l-att u abbażi ta’ kriterji partikolari għall-membri ta’ dan il-grupp […] [Fil-fatt,] dawn il-persuni jistgħu jkunu kkonċernati individwalment minn dan l-att minħabba li jagħmlu parti minn grupp limitat ta’ operaturi ekonomiċi (39)”. Għall-Qorti tal-Ġustizzja “dan jista’ jsir b’mod partikolari meta d-deċiżjoni tbiddel id-drittijiet miksuba mill-individwu qabel l-adozzjoni tagħha (40)”.

104. Għall-kuntrarju, dan ma huwiex il-każ meta huwa stabbilit li “[l-applikazzjoni ta’ miżura għal persuni fejn in-numru jew l-identità tagħhom jistgħu jiġu ddeterminati ftit jew wisq bi preċiżjoni] ssir abbażi ta’ sitwazzjoni oġġettiva ta’ dritt jew ta’ fatt iddefinita mill-att inkwistjoni (41)”.

2.      Evalwazzjoni

105. Għalhekk jirriżulta minn din il-ġurisprudenza li l-individwalizzazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, tiddependi mill-aspett suġġettiv, jew għall-kuntrarju oġġettiv, tal-kriterju li jippermetti d-determinazzjoni tal-membri tal-grupp.

106. Fid-digriet ikkontestat, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li r-rikorrenti ma kinux ikkonċernati individwalment għaliex il-kwalità tal-wocos ingħatat skont kriterji oġġettivi li setgħu jissodisfaw numru indeterminat ta’ operaturi bħala benefiċjarji potenzjali tal-għajnuna E 2/2005 msemmija fid-deċiżjoni kkontestata.

107. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali ġustament tgħid, fil-punt 31 tad-digriet ikkontestat, li “l-attribuzzjoni tal-kwalità ta’ wocos tissodisfa kriterji oġġettivi. Fil-fatt […] il-kwalità ta’ wocos tingħata b’sistema ta’ ftehim stabbilit fl-Artikolu 70(1) tal-liġi fuq l-akkomodazzjoni tal-1901 (Woningwet). Dan il-ftehim ingħata b’deċiżjoni rjali lill-istituzzjonijiet li kienu jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet oġġettivi: li jkun hemm il-forma ġuridika ta’ assoċjazzjoni jew ta’ fondazzjoni, mingħajr skop ta’ lukru, li jkun hemm bħala oġġettiv uniku attività fil-qasam tal-akkomodazzjoni soċjali u li l-patrimonju tagħhom jintuża fl-interess tal-akkomodazzjoni soċjali. Il-wocos għalhekk jikkostitwixxu kategorija ta’ persuni kkunsidrati b’mod ġenerali u astratt.”

108. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat ġustament li r-rikorrenti kienu kkonċernati bid-deċiżjoni kkontestata, sa fejn din tirrigwarda l-għajnuna E 2/2005, l-istess bħal kull operatur ekonomiku ieħor li jkun, attwalment jew potenzjalment, f’sitwazzjoni identika.

109. Għaldaqstant, jiena nikkunsidra li l-ewwel aggravju mqajjem mir-rikorrenti ma huwiex fondat.

110. Madankollu, jiena iktar attent għal dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali dwar l-(in)eżistenza ta’ ċirku magħluq ta’ istituzzjonijiet li n-numru jkun identifikat jew identifikabbli. Dawn il-kunsiderazzjonijiet huma s-suġġett tat-tieni aggravju.

111. Skont il-Qorti Ġenerali, il-ġurisprudenza invokata mir-rikorrenti ma setgħetx tiġi applikata f’dan il-każ sa fejn, fis-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Il‑Belġju u Forum 187 vs Il‑Kummissjoni kif ukoll Piraiki‑Patraiki et vs Il‑Kummissjoni, ir-rikorrenti kienu jappartjenu għal grupp li ma setax jiżdied wara l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet inkwistjoni.

112. Kif fakkart iktar ’il fuq (42), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li grupp ta’ persuni seta’ jkun individwalment ikkonċernat b’att meta dawn jkunu “identifikati jew setgħu jiġu identifikati fil-mument meta ttieħed dan l-att u abbażi ta’ kriterji partikolari għall-membri ta’ dan il-grupp […] (43)”.

113. Hija din il-ġurisprudenza li kienet ġiet applikata fis-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Piraiki‑Patraiki et vs Il‑Kummissjoni kif ukoll Il‑Belġju u Forum 187 vs Il‑Kummissjoni (44). F’din l-aħħar kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li ASBL Forum 187 kienet ammessa li taġixxi ġudizzjarjament għaliex tirrappreżenta ċentri ta’ koordinazzjoni kkonċernati individwalment bl-att kkontestat. L-att inkwistjoni kien deċiżjoni tal-Kummissjoni li ddikjarat skema fiskali Belġjana ta’ għajnuna mill-Istat eżistenti inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, dan l-att kellu bħala effett li jillimita t-tul tal-ftehim taċ-ċentri ta’ koordinazzjoni li kien iġġedded matul is-snin 2001 u 2002. Dawn it-tletin ċentru kienu perfettament identifikabbli fil-mument meta d-deċiżjoni kkontestata kienet ġiet adottata. Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata ma kinitx stabbilixxiet miżuri tranżitorji favur ċentri ta’ koordinazzjoni fejn il-ftehim kien jiskadi flimkien man-notifika ta’ din id-deċiżjoni u meta t-talba għal ftehim kienet pendenti f’dik id-data. Għall-Qorti tal-Ġustizzja, dawn it-tmien ċentri oħra kienu jikkostitwixxu ċirku magħluq speċjalment affettwat bid-deċiżjoni sa fejn ma setgħux jiksbu iktar it-tiġdid tal-ftehim (45).

114. Bħal f’din il-kawża, din kienet deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar għajnuna mill-Istat eżistenti. Huwa minnu li hija imponiet emenda għall-iskema għall-futur mingħajr ma ordnat ħlas lura, filwaqt li d-deċiżjoni kkontestata kkunsidrat l-iskema, kif emendata, li tikkonforma mad-dritt tal-Unjoni. Madankollu, din id-differenza fattwali ma jidhirlix li kienet determinanti fl-evalwazzjoni tal-ammissibbiltà tar-rikors.

115. Fil-fatt, sabiex ir-rikors ippreżentat minn ASBL Forum 187 jitqies ammissibbli, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat, minn naħa, iċ-ċentri ta’ koordinazzjoni li l-ftehim tagħhom kien iġġedded fl-2001 jew fl-2002, u, min-naħa l-oħra, dawk li t-talba tagħhom kienet pendenti fil-mument meta d-deċiżjoni tal-Kummissjoni kienet ġiet innotifikata.

116. Għalkemm dehru bħala għanijiet, dawn il-kriterji kienu ġew ikkunsidrati mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala suġġettivi, jiġifieri, skont l-ispjegazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, li jappartjenu għall-membri tal-grupp ikkonċernat. Fi kwalunkwe każ, dawn ma humiex fundamentalment differenti minn dawk li jolqtu r-rikorrenti f’din il-kawża. Fil-fatt, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, kienu ġew indikati b’digriet irjali 410 wocos. Id-deċiżjoni kkontestata, li biha l-Kummissjoni approvat il-proposti ta’ emenda fformulati mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, neċessarjament timplika li l-wocos inkwistjoni, u huma biss, mhux bilfors igawdu mill-istess vantaġġi bħal dawk miksuba taħt is-sistema l-qadima u li wasslet sabiex tiskadi (bħall-għajbien tal-garanzija tas-self). Il-fatt li wocos oħra setgħu jiġu approvati wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ma jidhirlix li għandha effett sinjifikattiv. Kif fakkart qabel, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà aċċettat li tikkwalifika bħala li jappartjeni għal ċirku ristrett operatur ekonomiku milqut minn “deċiżjoni [li] tbiddel id-drittijiet miksuba mill-individwu qabel l-adozzjoni tagħha (46)”.

117. Għaldaqstant nikkunsidra li t-tieni aggravju huwa fondat, billi l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li r-rikorrenti ma kinux jagħmlu parti minn ċirku magħluq ta’ istituzzjonijiet identifikabbli fl-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Għall-kuntrarju, jidhirli li dawn huma direttament (47) u individwalment ikkonċernati mid-deċiżjoni kkontestata.

118. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li r-rikors tar-rikorrenti huwa ammissibbli, u, għaldaqstant, tħassar id-digriet kkontestat sa fejn dan jirrigwarda l-parti tad-deċiżjoni kkontestata dwar l-għajnuna E 2/2005. Barra minn dan nistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi fuq il-mertu tar-rikors u tirriżerva l-ispejjeż.

V –    Sintesi

A –    Dwar l-għajnuna N 642/2009

119. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nikkunsidra, bħall-Qorti Ġenerali, li r-rikorrenti ma għandhomx interess ġuridiku sabiex jannullaw d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tirrigwarda l-għajnuna N 642/2009.

120. Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra t-tielet aggravju bħala parzjalment, manifestament inammissibbli u parzjalment, manifestament infondat.

B –    Dwar l-għajnuna E 2/2005

121. Qabel kull kwistjoni oħra, kuntrarjament għall-għajnuna N 642/2009, nikkunsidra li r-rikorrenti għandhom interess sabiex jitolbu annullament.

122. Sussegwentement, nikkunsidra li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ma eżaminatx l-applikabbiltà tal-aħħar parti tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE f’dan il-każ. Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ l-appell.

123. F’dan ir-rigward, mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, meta l-appell ikun fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ jew tiddeċiedi definittivament il-kawża hija stess, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tirrinvija l-kwistjoni quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tagħti deċiżjoni din tal-aħħar.

124. F’din il-kawża, nikkunsidra li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-elementi meħtieġa sabiex tiddeċiedi definittivament fuq il-kwistjoni tal-ammissibbiltà.

125. F’dan ir-rigward nosserva li l-kundizzjonijiet stabbiliti sabiex jintalab l-annullament fuq din il-bażi, jiġifieri li jkun hemm att regolamentari, li jikkonċerna direttament lir-rikorrenti u li ma jkollux miżuri ta’ implementazzjoni, huma sodisfatti.

126. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx mal-fehma tiegħi, nemmen li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-evalwazzjoni tal-kundizzjoni dwar l-interess individwali. Insostni li din hija sodisfatta fil-konfront tar-rikorrenti. Għaldaqstant, ir-rikors tar-rikorrenti kellu jiġi ddikjarat ammissibbli mill-Qorti Ġenerali u l-appell tagħhom għandu jintlaqa’, billi t-tieni aggravju huwa fondat.

127. Min-naħa l-oħra, naħseb li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tiddeċiedi fuq il-mertu tar-rikorsi ppreżentati mir-rikorrenti sa fejn l-evalwazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali jwasslu esklużivament għall-ammissibbiltà tar-rikors, mingħajr ebda analiżi tal-mertu.

128. Għaldaqstant, il-kawża għandha tiġi rrinvijata quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi dwar it-talbiet tar-rikorrenti għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tirrigwarda l-għajnuna E 2/2005.

VI – Fuq l-ispejjeż

129. Peress li l-kawża ġiet irrinvijata quddiem il-Qorti Ġenerali, hemm lok li l-ispejjeż ta’ dawn il-proċeduri ta’ appell jiġu rriżervati.

VII – Konklużjoni

130. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi bil-mod kif ġej:

1)      L-appell huwa miċħud għal dak li jirrigwarda l-kunsiderazzjonijiet tad-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, tas-16 ta’ Diċembru 2011, Stichting Woonpunt et vs Il‑Kummissjoni (T‑203/10), li jirrigwardaw il-parti tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2009) 9963 finali, tal-15 ta’ Diċembru 2009, dwar l-għajnuna mill-Istat E 2/2005 u N 642/2009 — il-Pajjiżi l-Baxxi — Għajnuna eżistenti u għajnuna speċifika għal proġetti favur kumpanniji ta’ akkomodazzjoni soċjali, dwar l-għajnuna N 642/2009.

2)      Id-digriet Stichting Woonpunt et vs Il‑Kummissjoni, iccitat iktar ’il fuq, huwa annullat sa fejn dan jirrigwarda l-parti tad-Deċiżjoni C (2009) 9963 finali dwar l-għajnuna E 2/2005.

3)      Ir-rikors huwa ammissibbli fir-rigward tal-parti tad-Deċiżjoni C (2009) 9963 finali dwar l-għajnuna E 2/2005.

4)      Il-kawża għandha tiġi rrinvijata quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea sabiex tiddeċiedi dwar il-fondatezza tar-rikors fir-rigward tal-parti tad-Deċiżjoni C (2009) 9963 finali dwar l-għajnuna E 2/2005.

5)      L-ispejjeż huma rriżervati.


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – Għal kawża fejn il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet dan, ara s-sentenza tat-13 ta’ Ottubru 2011, Deutsche Post u Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (C‑463/10 P u C‑475/10 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 77 sa 82).


3 – Sentenza tal-24 ta’ Ġunju 1986, Akzo Chemie u Akzo Chemie UK vs Il-Kummissjoni (53/85, Ġabra p. 1965, punt 21).


4 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-28 ta’ Frar 2008, Neirinck vs Il-Kummissjoni (C‑17/07 P, punt 45), kif ukoll tat-13 ta’ Ottubru 2011, Deutsche Post u Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 37).


5 – Digriet tal-31 ta’ Lulju 1989, S. vs Il-Kummissjoni (206/89 R, Ġabra p. 2841, punt 8).


6 – Digriet tas-7 ta’ Ottubru 1987, d. M. vs Il‑Kummissjoni u CES (108/86, Ġabra p. 3933, punt 10).


7 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala (C‑413/06 P, Ġabra p. I‑4951, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).


8 – Punt 72 tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata.


9 – Sentenza Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 28).


10 – Ibidem (punt 29). Il-Qorti Ġenerali riċentement applikat din il-ġurisprudenza:


      “[…] għandu jiġi miċħud l-approċċ sostnut, essenzjalment, mill-Kummissjoni u li jikkonsisti, abbażi tal-qari tal-Artikolu 19(1) b’mod iżolat u letterali, imsemmi hawn fuq, li jallega li hija ma tieħu l-ebda deċiżjoni f’każ ta’ proċedura ta’ eżami ta’ għajnuna eżistenti li twassal għall-aċċettazzjoni mill-Istat Membru tal-miżuri xierqa proposti […]. Fir-rigward tal-effetti legali vinkolanti tad-deċiżjoni kkontestata, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 19(1) in fine tar-Regolament Nru 659/1999, l-Istat Membru kkonċernat, li, matul il-pubblikazzjoni prevista fl-Artikolu 26(1) tar-Regolament Nru 659/1999, aċċetta neċessarjament il-miżuri xierqa, huwa ‘marbut [...] li jimplimenta’ dawn il-miżuri” (sentenza tal-11 ta’ Marzu 2009, TF1 vs Il-Kummissjoni, T‑354/05, Ġabra p. II‑471, punti 68 u 73 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


11 – Ara, f’dan ir-rigward, il-punt 86 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Telefónica vs Il-Kummissjoni (C‑274/12 P), pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.


12 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-23 ta’ April 2009, Sahlstedt et vs Il‑Kummissjoni (C‑362/06 P, Ġabra p. I‑2903, punt 22).


13 – L-enfasi hija tiegħi.


14 – Skont l-Artikolu 289(3) TFUE: “[l]-atti legali adottati bil-proċedura leġislattiva jikkostitwixxu atti leġislattivi”.


15 – Sentenza Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑583/11 P), pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.


16 – Konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali Kokott fis-17 ta’ Jannar 2013 fil-kuntest tal-appell mid-digriet Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u Il-Kunsill, iċċitat iktar ’il fuq.


17 – Skont l-Artikolu 291(1) TFUE: “[l]-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri kollha tad-dritt nazzjonali meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ l-atti ta’ l-Unjoni legalment vinkolanti”. It-tieni paragrafu jistabbilixxi li: “[m]eta jkun hemm bżonn ta’ kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ l-atti ta’ l-Unjoni legalment vinkolanti, dawn l-atti jistgħu jagħtu l-kompetenzi ta’ implimentazzjoni lill-Kummmissjoni jew, fil-każijiet speċifiċi […], lill-Kunsill”. Fi kwalunkwe każ, ir-raba’ paragrafu jistabbilixxi li “[i]l-kelma ‘implimentazzjoni’ għandha tiddaħħal fl-atti ta’ l-implimentazzjoni”.


18 – Sentenza tal-25 ta’ Lulju 2002 (C‑50/00 P, Ġabra p. I‑6677).


19 – Il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża, fil-punt 41 ta’ din is-sentenza:


      “Għaldaqstant, huma l-Istati Membri li għandhom jistabbilixxu sistema ta’ rimedji legali u proċeduri li jippermettu li jiġi assigurat ir-rispett tad-dritt għal protezzjoni ġurdika effettiva”.


20 – Sentenza tat-13 ta’ Marzu 2007, Unibet (C‑432/05, Ġabra p. I‑2271, punt 64).


21 – Din hija l-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali. Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ Ottubru 2011, Microban International u Microban (Europe) vs Il‑Kummissjoni (T‑262/10, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 32). Din ukoll hija l-fehma li tiddefendi l-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawżi ċċitati iktar ’il fuq Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (punt 69) kif ukoll Telefónica vs Il‑Kummissjoni (punt 59). Fid-duttrina, ara, fost l-oħrajn, A. Albors‑Llorens, “Sealing the fate of private parties in annulment proceedings? The General Court and the new standing test in article 263(4) TFEU”, The Cambridge Law Journal, 2012, Vol. 71, p. 52 sa 55; C. Werkmeister, St. Pötters, u J. Traut, “Regulatory Acts within Article 263(4) TFEU – A dissonant Extension of Locus Standi for Private Applicants”, Cambridge yearbook of European legal studies, Vol. 13, 2010‑2011, p. 311 sa 332, speċjalment p. 329.


22 – Sentenza tat-13 ta’ Marzu 2008, Il‑Kummissjoni vs Infront WM (C‑125/06 P, Ġabra p. I‑1451, point 47).


23 – Għall-applikazzjoni tal-prinċipju, ara, pereżempju, is-sentenza tas-17 ta’ Settembru 2009, Il‑Kummissjoni vs Koninklijke FrieslandCampina (C‑519/07 P, Ġabra p. I‑8495, punti 48 u 49).


24 – Sentenza tat-8 ta’ Marzu 2012, Iberdrola vs Il‑Kummissjoni (T‑221/10, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 46). Ara, wkoll, id-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ Marzu 2012, Telefónica vs Il‑Kummissjoni (T‑228/10, punt 42). Bħalissa hemm pendenti appell kontrih (Kawża C‑274/12 P, iċċitata iktar ’il fuq).


25 – Iċċitati iktar ’il fuq (punt 40).


26 – Ibidem (punt 41).


27 – Ara d-definizzjoni ta’ interess dirett li tat l-Avukat Ġenerali Kokott fil-punt 59 tal-konklużjonijiet tagħha fil-kawża Telefónica vs Il‑Kummissjoni, iċċitati iktar ’il fuq.


28 – Ara d-definizzjoni tal-interess dirett mogħti fil-punt 67 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Ara, f’dan is-sens, A. Creus, “Commentaire des décisions du Tribunal dans les affaires T‑18/10‑Inuit u T‑262/10-Microban”, Cahiers de droit européen, 2011, p. 659, speċjalment p. 677; kif ukoll S. Peers u M. Costa, “Judicial review of EU Acts after the Treaty of Lisbon; Order of 6 September 2011, Case T‑18/10 Inuit Tapiriit Kanatami and Others v. Commission & Judgment of 25 October 2011, Case T‑262/10 Microban v. Commission”, European Constitutional Law Review, 2012, Vol. 8, p. 82 sa 104, speċjalment p. 96.


29 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-14 ta’ April 2011, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (C‑331/09, Ġabra p. I‑2933, punt 54).


30 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑304/09, Ġabra p. I‑13903, punt 35).


31 – Sentenza tad-9 ta’ Marzu 1994 (C‑188/92, Ġabra p. I‑833). Fil-punt 17 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “l-eżiġenzi taċ-ċertezza legali jwasslu għall-esklużjoni tal-possibbiltà, għall-benefiċjarju ta’ għajnuna, is-suġġett ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 93 tat-Trattat, li seta’ jikkontesta din id-deċiżjoni u li ħalla jgħaddi t-terminu tassattiv stabbilit f’dan ir-rigward mit-tielet paragrafu tal-Artikolu 173 tat-Trattat, li tiġi ddubitata l-legalità tagħha quddiem il-qrati nazzjonali f’rikors imressaq kontra l-miżuri ta’ implementazzjoni ta’ din id-deċiżjoni, meħuda mill-awtoritajiet nazzjonali.”


32 – Sentenza Il‑Kummissjoni vs Infront WM, iċċitata iktar ’il fuq (punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).


33 – Ibidem (punti 21 sa 29).


34 – Ibidem (punt 25).


35 – Ara s-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2007, Carp (C‑80/06, Ġabra p. I‑4473, punt 21), u d-digriet tat-8 ta’ April, Saint-Gobain Glass Deutschland vs Il‑Kummissjoni (C‑503/07 P, Ġabra p. I‑2217, punt 71).


36 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-29 ta’ April 2004, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni (C‑298/00 P, Ġabra p. I‑4087, punt 37).


37 – Għall-evalwazzjoni simili tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar talba għal miżuri ta’ salvagwardja mressqa minn Franza (kwota għall-importazzjoni), ara s-sentenza tas-17 ta’ Jannar 1985, Piraiki‑Patraiki et vs Il‑Kummissjoni (11/82, Ġabra p. 207, punt 9).


38 – Sentenza tal-15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il‑Kummissjoni (25/62, Ġabra p. 197, 223). Iktar reċenti, ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Il‑Kummissjoni vs Infront WM (punt 70) kif ukoll Sahlstedt et vs Il‑Kummissjoni (punt 26).


39 – Sentenza Sahlstedt et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 30). L-enfasi hija tiegħi. Ara, wkoll, is-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2006, Il‑Belġju u Forum 187 vs Il‑Kummissjoni (C‑182/03 u C‑217/03, Ġabra p. I‑5479, punt 60). Fis-sentenza tat-18 ta’ Novembru 1975, CAM vs Il-KEE (100/74, Ġabra p. 1393, punt 18), il-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet li l-att ikkontestat kien jirrigwarda “numru ddeterminat ta’ operaturi identifikati minħabba aġir individwali” li għamlu jew suppost għamlu (l-enfasi hija tiegħi).


40 – Sentenza Il‑Kummissjoni vs Infront WM, iċċitata iktar ’il fuq (punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).


41 – Ibidem (punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata). L-enfasi hija tiegħi.


42 – Ara l-punt 103 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


43 – Sentenza Sahlstedt et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 30).


44 – Ara l-punt 31 tas-sentenza Piraiki‑Patraiki et vs Il‑Kummissjoni kif ukoll il-punt 60 tas-sentenza Il‑Belġju u Forum 187 vs Il‑Kummissjoni.


45 – Ara s-sentenza Il‑Belġju u Forum 187 vs Il‑Kummissjoni (punti 61 sa 63).


46 – Sentenza Il‑Kummissjoni vs Infront WM, iċċitata iktar ’il fuq (punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).


47 – Ara l-argumenti msemmija iktar ’il fuq dwar l-interess dirett fil-kuntest tal-eżami tal-aħħar parti tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE l-ġdid.