Language of document : ECLI:EU:C:2022:534

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

7 ta’ Lulju 2022 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE – Obbligu tal-Istati Membri li jistabbilixxu r-rimedji neċessarji sabiex jiżguraw protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni – Artikolu 267 TFUE – Obbligu tal-qorti tar-rinviju li tagħti effett sħiħ lill-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 47 – Aċċess għal qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel bil-liġi – Sentenza ta’ qorti nazzjonali li tiddeċiedi fl-aħħar istanza wara deċiżjoni preliminari tal-Qorti tal-Ġustizzja – Nuqqas ta’ konformità allegata ta’ din is-sentenza mal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprekludi l-preżentata ta’ rikors għal reviżjoni tal-imsemmija sentenza”

Fil-Kawża C‑261/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑18 ta’ Marzu 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑21 ta’ April 2021, fil-proċedura

F. Hoffmann-La Roche Ltd,

Novartis AG,

Novartis Farma SpA,

Roche SpA

vs

Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato,

fil-preżenza ta’:

Società Oftalmologica Italiana (SOI) – Associazione Medici Oculisti Italiani (AMOI),

Regione Emilia-Romagna,

Regione Lombardia,

Altroconsumo,

Novartis Farma SpA,

Roche SpA,

Novartis AG,

F. Hoffmann-La Roche Ltd,

Associazione Italiana delle Unità Dedicate Autonome Private di Day Surgery e dei Centri di Chirurgia Ambulatoriale (Aiudapds),

Coordinamento delle associazioni per la tutela dell’ambiente e dei diritti degli utenti e consumatori (Codacons),

Ministero della Salute – Agenzia Italiana del Farmaco,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

komposta minn S. Rodin, President tal-Awla, C. Lycourgos (Relatur) u O. Spineanu-Matei, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. M. Collins,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal F. Hoffmann-La Roche Ltd, minn P. Merlino, M. Siragusa u M. Zotta, avvocati,

–        għal Novartis AG u Novartis Farma SpA, minn P. Bertolini, L. D’Amario u A. Villani, avvocati,

–        għal Roche SpA, minn F. Elefante u E. Raffaelli, avvocati,

–        għall-Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato, minn G. Galluzzo u P. Gentili, avvocati dello Stato,

–        għas-Società Oftalmologica Italiana (SOI) – Associazione Medici Oculisti Italiani (AMOI), minn R. La Placa, avvocato,

–        għal Regione Emilia-Romagna, minn R. Bonatti u R. Russo Valentini, avvocati,

–        għal Regione Lombardia, minn L. Tamborino, avvocata,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn M. Cherubini, procuratore dello Stato, kif ukoll minn C. Colelli u M. Russo, avvocati dello Stato,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Conte u C. Sjödin, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(3) u tal-Artikolu 19(1) TUE, kif ukoll tal-Artikoli 2(1) u (2) u tal-Artikolu 267 TFUE, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ erba’ tilwimiet bejn, rispettivament, minn naħa, F. Hoffmann-La Roche Ltd, Roche SpA (iktar ’il quddiem, flimkien, il-“grupp Roche”), Novartis AG u Novartis Farma SpA (iktar ’il quddiem, flimkien, il-“grupp Novartis”) u, min-naħa l-oħra, l-Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato (l-Awtorità li Tiżgura l-Osservanza tal-Kompetizzjoni u tar-Regoli tas-Suq, l-Italja) (iktar ’il quddiem l-“AGCM”) dwar it-talba tal-gruppi Roche u Novartis intiża għar-reviżjoni ta’ sentenza tal-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja) għar-raġuni li din is-sentenza ma hijiex konformi mal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza mogħtija wara r-rinviju għal deċiżjoni preliminari minn din il-qorti.

 Ilkuntest ġuridiku

3        L-Artikolu 6(1) tal-codice del processo amministrativo (il-Kodiċi tal-Proċedura Amministrattiva) jistabbilixxi li:

“Il-[Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat)] huwa l-korp tal-aħħar istanza tal-ġustizzja amministrattiva.”

4        L-Artikolu 91 ta’ dan il-kodiċi jipprevedi li:

“Ir-rimedji kontra s-sentenzi [tal-qrati amministrattivi] huma l-appell, ir-reviżjoni, l-oppożizzjoni minn terz jew l-appell ta’ kassazzjoni abbażi ta’ aggravji marbuta biss mal-ġurisdizzjoni.”

5        Skont l-Artikolu 106(1) tal-imsemmi kodiċi:

“[…] [i]s-sentenzi […] tal-Consiglio di Stato [(il-Kunsill tal-Istat)] jistgħu jiġu kkontestati permezz ta’ reviżjoni fil-każijiet u skont il-modalitajiet previsti fl-Artikoli 395 u 396 tal-[codice di procedura civile (il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili)].”

6        L-Artikolu 395 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili jistabbilixxi li:

“Is-sentenzi mogħtija fl-appell jew fl-ewwel u l-aħħar istanza ta’ qorti jistgħu jiġu kkontestati permezz ta’ reviżjoni:

1)      jekk jirriżulta mill-għemil doluż ta’ waħda mill-partijiet għad-detriment tal-oħra;

2)      jekk ikunu ngħataw abbażi ta’ provi rrikonoxxuti bħala foloz jew saħansitra ddikjarati foloz wara s-sentenza jew li dwarhom il-parti li tilfet ma kinitx taf li kienu ġew irrikonoxxuti jew iddikjarati bħala tali qabel ma ngħatat is-sentenza;

3)      jekk jirriżulta li jkun hemm, wara l-għoti tas-sentenza, dokument deċiżiv wieħed jew iktar li l-parti ma setgħetx tinkludi fil-proċess minħabba forza maġġuri jew minħabba l-avversarju tagħha;

4)      jekk is-sentenza tkun l-effett ta’ żball ta’ fatt li jirriżulta mill-atti jew mid-dokumenti ppreżentati fil-proċedura. Tali żball jeżisti meta d-deċiżjoni tkun ibbażata fuq is-suppożizzjoni ta’ fatt li r-realtà tiegħu hija inkontestabbilment eskluża, jew meta tiġi preżunta l-ineżistenza ta’ fatt li r-realtà tiegħu hija stabbilita pożittivament, u, f’każ bħal f’ieħor, sakemm dan il-fatt ma kkostitwixxiex punt kontenzjuż li fuqu kellha tiġi deċiża s-sentenza;

5)      jekk is-sentenza tmur kontra sentenza preċedenti li tkun kisbet l-awtorità ta’ res judicata, sakemm ma tkunx iddeċidiet dwar l-eċċezzjoni relatata magħha;

6)      jekk is-sentenza tkun l-effett tal-għemil doluż tal-qorti, ikkonstatat minn sentenza li tkun kisbet l-awtorità ta’ res judicata.”

7        Skont l-Artikolu 396 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili:

“Is-sentenzi li t-terminu tal-appell tagħhom skada jistgħu jiġu kkontestati permezz ta’ reviżjoni fil-każijiet imsemmija fil-punti 1, 2, 3 u 6 tal-artikolu preċedenti, bil-kundizzjoni li l-iskoperta tal-għemil doluż jew tal-falsità jew l-irkupru tad-dokumenti jew l-għoti tas-sentenza msemmija fil-punt 6 ikunu seħħew wara l-iskadenza ta’ dan it-terminu.

Jekk il-fatti msemmija fil-paragrafu preċedenti jseħħu matul it-terminu tal-appell, dan it-terminu għandu jiġi estiż bi tletin jum mill-jum li fih ikun seħħ il-fatt inkwistjoni.”

 Ilkawża prinċipali u ddomandi preliminari

8        L-AGCM, permezz ta’ deċiżjoni tas‑27 ta’ Frar 2014 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-AGCM”), imponiet żewġ multi, waħda fuq il-grupp Roche, fl-ammont ta’ madwar EUR 90.6 miljun, u l-oħra fuq il-grupp Novartis, fl-ammont ta’ madwar EUR 92 miljun, għar-raġuni li dawn l-impriżi kienu kkonkludew akkordju li jikser l-Artikolu 101 TFUE, intiż sabiex jiksbu divrenzjar artifiċjali tal-prodotti mediċinali Avastin u Lucentis, billi mmanipulaw il-perċezzjoni tar-riskji tal-użu tal-Avastin fl-oftalmoloġija.

9        Dawn iż-żewġ prodotti mediċinali ġew żviluppati minn kumpannija stabbilita fl-Istati Uniti tal-Amerika, li l-attività tagħha hija limitata għat-territorju ta’ dan il-pajjiż. Din il-kumpannija fdat l-użu kummerċjali tal-Avastin barra minn dan it-territorju lill-grupp Roche u dak tal-Lucentis lill-grupp Novartis.

10      Fit‑12 ta’ Jannar 2005, awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq (iktar ’il quddiem l-“ATS”) għall-Unjoni Ewropea nħarġet għall-Avastin, għall-finijiet tat-trattament ta’ ċerti patoloġiji tumorali. Fit‑22 ta’ Jannar 2007, ATS inħarġet għal-Lucentis, għall-finijiet tat-trattament tal-patoloġiji okulari.

11      Qabel it-tqegħid fis-suq tal-Lucentis, ċerti tobba kienu bdew jippreskrivu l-Avastin għall-pazjenti tagħhom li kellhom mard okulari, jew għal indikazzjonijiet li ma kinux jikkorrispondu ma’ dawk imsemmija fl-ATS tiegħu (iktar ’il quddiem l-“użu mhux skont l-ATS”). Din il-prattika kompliet wara t-tqegħid fis-suq tal-Lucentis, li kien iktar għali.

12      Skont id-deċiżjoni tal-AGCM, il-gruppi Roche u Novartis kienu kkonkludew akkordju ta’ tqassim tas-suq, li jikkostitwixxi restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan. L-Avastin u l-Lucentis huma żewġ prodotti mediċinali ekwivalenti għat-trattament ta’ patoloġiji okulari. L-Avastin kien, minħabba l-użu tiegħu mhux skont l-ATS mifrux ħafna għat-trattament ta’ dan it-tip ta’ patoloġiji, il-prodott kompetitur prinċipali tal-Lucentis. L-akkordju bejn il-gruppi Roche u Novartis kien jikkonsisti fit-tixrid ta’ opinjonijiet ta’ natura li jqajmu tħassib fost il-pubbliku dwar is-sigurtà tal-użu tal-Avastin fl-oftalmoloġija. Minn dan irriżulta tnaqqis fil-bejgħ tal-Avastin u bidla fid-domanda lejn il-Lucentis.

13      Wara ċ-ċaħda mit-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali għal-Lazio, l-Italja) tar-rikorsi tagħhom ippreżentati kontra din id-deċiżjoni, il-gruppi Roche u Novartis appellaw quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja), li għamel lill-Qorti tal-Ġustizzja diversi domandi preliminari dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE.

14      B’risposta għal dawn id-domandi, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punt 67 tas-sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2018, F. Hoffmann-La Roche et (C‑179/16, iktar ’il quddiem is-“sentenza Hoffmann-La Roche”, EU:C:2018:25), iddeċidiet li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE, awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni tista’ tinkludi fis-suq rilevanti, minbarra l-prodotti mediċinali awtorizzati għat-trattament tal-patoloġiji kkonċernati, prodott mediċinali ieħor li l-ATS tiegħu ma tkoprix dan it-trattament, iżda li jintuża għal dan il-għan u jippreżenta relazzjoni konkreta ta’ sostitwibbiltà ma’ tal-ewwel. Sabiex jiġi ddeterminat jekk tali relazzjoni ta’ sostitwibbiltà teżistix, din l-awtorità għandha, sakemm ikun sar eżami tal-konformità tal-prodott inkwistjoni mad-dispożizzjonijiet applikabbli li jirregolaw il-manifattura jew il-kummerċjalizzazzjoni tiegħu mill-awtoritajiet jew mill-qrati kompetenti sabiex jagħmlu dan, tieħu inkunsiderazzjoni r-riżultat ta’ dan l-eżami, filwaqt li tevalwa l-effetti eventwali tiegħu fuq l-istruttura tad-domanda u tal-offerta.

15      Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll, fil-punt 95 tas-sentenza Hoffmann-La Roche, li jikkostitwixxi restrizzjoni tal-kompetizzjoni “minħabba l-għan”, ipprojbita mill-Artikolu 101 TFUE, akkordju bejn impriżi li jikkummerċjalizzaw prodotti mediċinali kompetituri li jikkonċerna, f’kuntest ikkaratterizzat minn inċertezza xjentifika, it-tixrid, lill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (iktar ’il quddiem l-“EMA”), lill-professjonisti tas-saħħa u lill-pubbliku ġenerali, ta’ informazzjoni qarrieqa fuq l-effetti mhux mixtieqa tal-użu mhux skont l-ATS ta’ wieħed minn dawn il-prodotti mediċinali, sabiex titnaqqas il-pressjoni kompetittiva li tirriżulta minn dan l-użu fuq dak tal-prodott mediċinali l-ieħor.

16      Wara din id-deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju, permezz ta’ sentenza bin-numru 4990/2019, ċaħdet l-appelli (iktar ’il quddiem is-“sentenza Nru 4990/2019”).

17      Il-gruppi Roche u Novartis qegħdin jitolbu lill-qorti tar-rinviju, skont l-Artikolu 106 tal-Kodiċi tal-Proċedura Amministrattiva, ir-reviżjoni ta’ din is-sentenza, billi jsostnu li hija vvizzjata bi żball ta’ fatt, fis-sens tal-punt 4 tal-Artikolu 395 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili.

18      Dawn il-gruppi jsostnu b’mod partikolari li l-motivazzjoni tas-sentenza Nru 4990/2019 li tgħid li, “f’dan il-każ, waqt l-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE mill-AGCM, l-eventwali natura illegali tal-kundizzjonijiet tal-ippakkjar mill-ġdid u tal-preskrizzjoni tal-Avastin intiż sabiex jintuża mhux skont l-ATS ma kinitx ġiet ikkonstatata mill-awtoritajiet li għandhom il-kompetenza li jikkontrollaw l-osservanza tal-leġiżlazzjoni farmaċewtika jew mill-qrati nazzjonali”, hija fattwalment żbaljata, peress li n-natura illegali tal-offerta tal-Avastin għal indikazzjonijiet li ma kinux jikkorrispondu ma’ dawk imsemmija fl-ATS kienet ġiet ikkonstatata, skont huma, f’bosta pożizzjonijiet uffiċjali meħuda mill-awtoritajiet u mill-qrati kompetenti. Billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-eżamijiet ta’ konformità hekk imwettqa, is-sentenza Nru 4990/2019 tikser l-interpretazzjoni, mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Hoffmann-La Roche, li tgħid li hemm lok li jittieħed inkunsiderazzjoni r-riżultat ta’ tali eżamijiet.

19      L-imsemmija gruppi josservaw ukoll li s-sentenza Nru 4990/2019 ma tinkludi ebda evalwazzjoni dwar in-natura qarrieqa tal-informazzjoni mxerrda mill-impriżi kkonċernati. Issa, mis-sentenza Hoffmann-La Roche jirriżulta li huwa neċessarju li ssir tali evalwazzjoni. L-interpretazzjoni pprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja timplika li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan tista’ teżisti biss bil-kundizzjoni li l-informazzjoni mxerrda mill-impriżi kkonċernati kienet qarrieqa. Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina dan l-aspett.

20      Il-grupp Roche jsostni, barra minn hekk, li s-sistema ta’ stħarriġ ġudizzjarju stabbilita mill-Artikolu 106 tal-Kodiċi tal-Proċedura Amministrattiva, moqri flimkien mal-Artikoli 395 u 396 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, fiha lakuna, peress li ma tipprevedix il-possibbiltà li tintalab ir-reviżjoni ta’ sentenza ta’ qorti amministrattiva nazzjonali meta din tkun tinvolvi ksur manifest tal-prinċipji tad-dritt stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari. Din il-lakuna għandha bħala konsegwenza li deċiżjonijiet ġudizzjarji li jmorru kontra d-dritt tal-Unjoni jistgħu jiksbu l-awtorità ta’ res judicata. Tali sitwazzjoni tippreġudika n-natura vinkolanti u l-effett erga omnes tad-deċiżjonijiet preliminari tal-Qorti tal-Ġustizzja u tirriskja li twassal għall-preżentata, mill-Kummissjoni Ewropea, ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra r-Repubblika Taljana.

21      Il-qorti tar-rinviju tesponi li fid-dritt Taljan ma jeżisti ebda rimedju ġuridiku li jippermetti li jiġi vverifikat li deċiżjoni mogħtija minn qorti nazzjonali li tiddeċiedi fl-aħħar istanza ma tmurx kontra d-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

22      Hija tistaqsi jekk tali sitwazzjoni hijiex kompatibbli mal-Artikolu 4(3) u mal-Artikolu 19(1) TUE kif ukoll mal-Artikolu 2(1) u (2) u mal-Artikolu 267 TFUE, moqrija b’mod partikolari fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta.

23      Huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, b’mod partikolari fil-punti 22 sa 24 tas-sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2009, Fallimento Olimpiclub (C‑2/08, EU:C:2009:506), li l-modalitajiet ta’ implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ awtorità ta’ res judicata jaqgħu taħt l-ordinament ġuridiku nazzjonali tal-Istati Membri skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali ta’ dawn tal-aħħar, u dan bl-unika riżerva tal-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, peress li d-dritt tal-Unjoni ma jimponix fuq qorti nazzjonali l-obbligu li ma tapplikax ir-regoli proċedurali nazzjonali li jagħtu l-awtorità ta’ res judicata lil deċiżjoni, anki jekk dan ikun jippermetti li jingħata rimedju għal ksur tad-dritt tal-Unjoni.

24      Madankollu, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar ir-rilevanza ta’ din il-ġurisprudenza fis-sitwazzjoni fejn individwu jsostni li l-qorti nazzjonali li tat deċiżjoni fl-aħħar istanza tkun marret kontra d-deċiżjoni preliminari mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża li tat lok għal din id-deċiżjoni nazzjonali li ma tkunx tista’ tiġi kkontestata iktar.

25      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tqis li l-possibbiltà li tiġi influwenzata d-deċiżjoni qabel ma tikseb l-awtorità ta’ res judicata, sabiex tiġi evitata l-konkretizzazzjoni tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni, tidher preferibbli għar-rimedju a posteriori li jikkonsisti, konformement mal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tat‑30 ta’ Settembru 2003, Köbler (C‑224/01, EU:C:2003:513), f’li l-persuna li, minħabba f’hekk, tkun ġarrbet dannu tista’ tikseb kumpens għal dan tal-aħħar. Fil-fatt, dan ir-rimedju a posteriori jġiegħel lil din il-persuna tibda proċedura ġdida li fil-kuntest tagħha hija għandha tipprova mhux biss l-eżistenza tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni, iżda wkoll in-natura manifesta tiegħu.

26      Madankollu, din il-qorti tqis li, f’dan il-każ, is-sentenza Nru 4990/2019 tosserva l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tirriżulta mis-sentenza Hoffmann-La Roche. Għalhekk, fil-fehma tagħha, ma jeżisti ebda kunflitt bejn is-sentenza Nru 4990/2019 u d-dritt tal-Unjoni. L-iktar l-iktar, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) tista’ tiġi kkritikata li applikat b’mod żbaljat dan id-dritt għall-fatti tal-kawża prinċipali. Issa, tali żball, jekk jitqies li huwa stabbilit, ma jikkostitwixxix ksur tan-natura vinkolanti tas-sentenza Hoffmann-La Roche. Il-mekkaniżmu previst fl-Artikolu 267 TFUE ma jaffettwax il-funzjoni ġudizzjarja, irriżervata għall-qorti nazzjonali, li tapplika l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja għall-fatti tal-kawża prinċipali.

27      Madankollu, il-qorti tar-rinviju tqis li ma jistax jiġi eskluż li ma hijiex hi, iżda l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà tas-sentenza Nru 4990/2019 mas-sentenza Hoffmann-La Roche. F’dan ir-rigward, din il-qorti tfakkar li l-Artikolu 267 TFUE jagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni preliminari dwar il-validità u l-interpretazzjoni tal-“atti ta’ l-istituzzjonijiet, korpi jew organi ta’ l-Unjoni”. Huwa possibbli li d-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja jinsabu fost dawn l-atti u għalhekk, f’dan l-istadju, ma teżistix ċertezza definittiva dwar il-kompatibbiltà tas-sentenza Nru 4990/2019 mas-sentenza Hoffmann-La Roche.

28      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Il-qorti nazzjonali, li d-deċiżjonijiet tagħha ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ rimedju ġudizzjarju tad-dritt intern, f’kawża li fiha t-talba tar-rikorrent tkun intiża direttament sabiex jiġi kkonstatat il-ksur tal-prinċipji espressi mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-istess kawża sabiex jinkiseb l-annullament tas-sentenza appellata, tista’ tivverifika l-applikazzjoni korretta, f’każ konkret, tal-prinċipji espressi mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża inkwistjoni, jew hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha twettaq tali eżami?

2)      Is-sentenza tal-Consiglio di Stato [(il-Kunsill tal-Istat)] Nru 4990/2019 kisret, fis-sens indikat mill-partijiet, il-prinċipji espressi mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza [Hoffmann-La Roche], għal dak li jirrigwarda a) l-inklużjoni, fl-istess suq rilevanti, ta’ żewġ prodotti mediċinali, mingħajr teħid inkunsiderazzjoni tat-teħid ta’ pożizzjoni ta’ awtoritajiet li kkonstataw l-illegalità tal-provvista u tal-offerta ta’ Avastin off-label [mhux skont l-ATS] u b) l-ommissjoni li tiġi vverifikata n-natura allegatament qarrieqa tal-informazzjoni mxandra mill-kumpanniji?

3)      L-Artikolu 4(3) u l-Artikolu 19(1) TUE kif ukoll l-Artikolu 2(1) u (2) u l-Artikolu 267 TFUE, moqrija b’mod partikolari fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-[Karta], jipprekludu sistema bħal dik li tikkonċerna l-Artikolu 106 tal-[Kodiċi tal-Ġustizzja Amministrattiva] u l-Artikoli 395 u 396 tal-[Kodiċi tal-Proċedura Ċivili], sa fejn ma tippermettix li jintuża r-rimedju ġudizzjarju tar-reviżjoni (revocazione) kontra s-sentenzi tal-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) li jkunu kunfliġġenti ma’ sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, u, b’mod partikolari, mal-prinċipji ġuridiċi stabbiliti minn din tal-aħħar fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari?”

 Fuq ittalbiet għallftuħ talproċedura orali

29      Permezz ta’ talbiet ippreżentati fis‑16 u fis‑17 ta’ Marzu 2022, il-grupp Roche talab il-ftuħ tal-fażi orali skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, billi sostna l-eżistenza ta’ fatt ġdid li huwa ta’ natura li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

30      Dan il-fatt ġdid jikkonsisti fl-adozzjoni definittiva, fl‑24 ta’ Frar 2022, mill-EMA ta’ opinjoni negattiva dwar l-użu tas-sustanza “bevacizumab” għat-trattament ta’ patoloġija okulari, minħabba li r-riskji marbuta ma’ tali użu jkunu ogħla mill-benefiċċji terapewtiċi.

31      Il-grupp Roche josserva li l-bevacizumab jikkorrispondi għall-ingredjent attiv tal-Avastin. L-opinjoni negattiva tal-EMA dwar l-użu tal-bevacizumab għat-trattament ta’ patoloġija okulari turi, skont dan il-grupp, li l-Avastin ma jistax jissostitwixxi ruħu għal-Lucentis u li dawn iż-żewġ prodotti mediċinali għalhekk ma jaqgħux taħt l-istess suq. Din l-opinjoni tal-EMA tikkorrobora, barra minn hekk, il-fatt li l-informazzjoni mxerrda mill-gruppi Roche u Novartis, fir-rigward tar-riskji tal-użu tal-Avastin fl-oftalmoloġija, ma kinitx qarrieqa.

32      Id-deċiżjoni tal-AGCM hija, konsegwentement, ivvizzjata bi żbalji. Skont il-grupp Roche, il-qorti tar-rinviju kienet tikkonstata dawn l-iżbalji li kieku, skont it-tagħlim li jirriżulta mis-sentenza Hoffmann-La Roche, hija eżaminat l-informazzjoni disponibbli dwar ir-riskji assoċjati mal-użu tal-Avastin fl-oftalmoloġija. Skont dan il-grupp, din il-qorti kellha b’mod partikolari tikkonstata li l-allegata ekwivalenza terapewtika bejn l-Avastin u l-Lucentis, li fuqha l-AGCM ibbażat ruħha, qatt ma kienet ġiet stabbilita minn xi awtorità kompetenti f’dan il-qasam. Il-qorti tar-rinviju kellha għalhekk tikkonkludi li l-AGCM ma kinitx debitament stabbilixxiet l-eżistenza ta’ aġir antikompetittiv.

33      L-opinjoni negattiva tal-EMA hija determinanti, b’mod partikolari, għar-risposta għat-tieni domanda, li hija intiża sabiex isir magħruf jekk is-sentenza Nru 4990/2019 tiksirx il-prinċipji espressi mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Hoffmann-La Roche.

34      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ jew il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, b’mod partikolari meta tqis li ma għandhiex informazzjoni biżżejjed jew meta waħda mill-partijiet tippreżenta, wara l-għeluq ta’ din il-fażi, fatt ġdid ta’ natura li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, jew inkella meta l-kawża jkollha tiġi deċiża fuq il-bażi ta’ argument li jkun għadu ma ġiex indirizzat.

35      Issa, il-fatt invokat mill-grupp Roche insostenn tat-talbiet għall-ftuħ tal-proċedura orali, li jikkonsistu fl-opinjoni negattiva maħruġa mill-EMA fl‑24 ta’ Frar 2022 dwar l-użu tas-sustanza bevacizumab għat-trattament tal-patoloġija okulari deskritta f’din l-opinjoni, ma huwiex ta’ natura li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tingħata f’din il-kawża.

36      Fil-fatt, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tevalwa jekk il-kontenut ta’ din l-opinjoni maħruġa mill-EMA turix il-preżenza ta’ żbalji fid-deċiżjoni tal-AGCM li l-qorti tar-rinviju kellha tikkonstata fis-sentenza tagħha Nru 4990/2019. Huwa biżżejjed li jitfakkar, f’dan ir-rigward, li hija biss il-qorti nazzjonali li għandha ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti tal-kawża prinċipali (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Consorzio Italian Management u Catania Multiservizi, C‑561/19, EU:C:2021:799, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, tqis, abbażi tat-talba għal deċiżjoni preliminari u tal-atti tal-proċedura bil-miktub, li hija għandha l-elementi kollha neċessarji sabiex tittratta dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari. Għaldaqstant, ma hemmx lok li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura.

 Fuq iddomandi preliminari

 Fuq ittielet domanda

38      Qabelxejn, għandu jitfakkar li, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tgħinha tiddeċiedi l-kawża li jkollha quddiemha. Minn din il-perspettiva, huwa l-obbligu, jekk ikun il-każ, tal-Qorti tal-Ġustizzja li tifformula mill-ġdid id-domandi magħmula lilha (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, The Department for Communities in Northern Ireland, C‑709/20, EU:C:2021:602, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39      It-tielet domanda, li għandha tiġi eżaminata fl-ewwel lok, tirrigwarda, b’mod partikolari, l-Artikolu 2(1) u (2) TFUE. Issa, dawn id-dispożizzjonijiet huma irrilevanti sabiex tingħata risposta għal din id-domanda.

40      Fil-fatt, l-Artikolu 2 TFUE jikkonċerna t-tqassim, bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, tal-kompetenza sabiex jilleġiżlaw u jadottaw atti legalment vinkolanti. Ir-regoli li huma stabbiliti, f’dan ir-rigward, fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-artikolu ma humiex relatati mal-kwistjoni dwar l-eżistenza ta’ rimedji ġuridiċi fi ħdan Stat Membru mqajma mill-qorti tar-rinviju (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Randstad Italia, C‑497/20, EU:C:2021:1037, punt 45).

41      Għaldaqstant, it-tielet domanda għandha tiġi fformulata mill-ġdid billi jiġu esklużi mis-suġġett tagħha l-Artikolu 2(1) u (2) TFUE.

42      Din id-domanda tirrigwarda, essenzjalment, il-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 4(3) u l-Artikolu 19(1) TUE, kif ukoll l-Artikolu 267 TFUE, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjonijiet tad-dritt proċedurali ta’ Stat Membru li jkollhom l-effett li, meta l-qorti suprema tal-ordni amministrattiv ta’ dan l-Istat Membru tagħti deċiżjoni li tirregola tilwima li fil-kuntest tagħha hija kienet adixxiet lill-Qorti tal-Ġustizzja b’talba għal deċiżjoni preliminari skont dan l-Artikolu 267, il-partijiet f’din it-tilwima ma jistgħux jitolbu r-reviżjoni ta’ din id-deċiżjoni tal-qorti nazzjonali għar-raġuni li hija tkun applikat ħażin l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni pprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja b’risposta għal din it-talba.

43      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jobbliga lill-Istati Membri jistabbilixxu r-rimedji neċessarji sabiex jiżguraw lill-partijiet fil-kawża, fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni, ir-rispett tad-dritt tagħhom għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny, C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234, punt 32 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

44      Bla ħsara għall-eżistenza ta’ regoli tal-Unjoni fil-qasam, skont il-prinċipju tal-awtonomija proċedurali, huwa l-ordinament ġudizzjarju nazzjonali ta’ kull Stat Membru li għandu jirregola l-modalitajiet proċedurali ta’ dawn ir-rimedji, bil-kundizzjoni, madankollu, li dawn il-modalitajiet ma jkunux, fis-sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni, inqas favorevoli milli f’sitwazzjonijiet simili suġġetti għad-dritt nazzjonali (prinċipju ta’ ekwivalenza) u li dawn ma jrendux impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Randstad Italia, C‑497/20, EU:C:2021:1037, punt 58).

45      Għal dak li jirrigwarda l-osservanza tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, jidher, fid-dawl tal-informazzjoni pprovduta fit-talba għal deċiżjoni preliminari u bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, li l-Artikolu 106(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Amministrattiva, moqri flimkien mal-Artikoli 395 u 396 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, jillimita skont l-istess modalitajiet il-possibbiltà li l-partijiet fil-kawża jitolbu reviżjoni ta’ sentenza tal-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat), kemm jekk it-talba għal reviżjoni tkun ibbażata fuq dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali jew fuq dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni.

46      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li r-regoli proċedurali tad-dritt nazzjonali ma jiksrux il-prinċipju ta’ ekwivalenza.

47      Għal dak li jirrigwarda l-prinċipju ta’ effettività, għandu jitfakkar li d-dritt tal-Unjoni ma għandux l-effett li jġiegħel lill-Istati Membri jistabbilixxu rimedji ġuridiċi differenti minn dawk stabbiliti mid-dritt nazzjonali, sakemm, madankollu, mill-istruttura tal-ordinament ġuridiku nazzjonali inkwistjoni ma jirriżultax li ma jeżisti ebda rimedju ġudizzjarju li jippermetti, anki jekk b’mod inċidentali, li jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet li l-partijiet fil-kawża jisiltu mid-dritt tal-Unjoni, jew li l-uniku mod ta’ aċċess għal qorti huwa li l-partijiet fil-kawża jiġu mġiegħla jiksru l-liġi (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑14 ta’ Mejju 2020, Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság Dél-alföldi Regionális Igazgatóság, C‑924/19 PPU u C‑925/19 PPU, EU:C:2020:367, punt 143, u tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Randstad Italia, C‑497/20, EU:C:2021:1037, punt 62).

48      F’dan il-każ, ebda element imsemmi fit-talba għal deċiżjoni preliminari jew fl-osservazzjonijiet ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma jagħti x’jifhem li d-dritt proċedurali Taljan għandu, fih innifsu, l-effett li jirrendi impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju, fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni, tad-drittijiet mogħtija lill-individwi mid-dritt tal-Unjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, dispożizzjoni bħall-Artikolu 106(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Amministrattiva, moqri flimkien mal-Artikoli 395 u 396 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, lanqas ma tippreġudika l-prinċipju ta’ effettività u, għaldaqstant, ma tidhirx li tmur kontra t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE.

49      F’sitwazzjoni kkaratterizzata mill-eżistenza ta’ rimedju ġudizzjarju li jippermetti li jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet li l-partijiet fil-kawża jisiltu mid-dritt tal-Unjoni, huwa perfettament possibbli, bħalma jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 47 ta’ din is-sentenza, fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni, li l-Istat Membru kkonċernat jagħti lill-qorti suprema tal-ordinament amministrattiv tiegħu l-ġurisdizzjoni li tiddeċiedi fl-aħħar istanza, kemm fil-fatt kif ukoll fid-dritt, fuq it-tilwima inkwistjoni (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Randstad Italia, C‑497/20, EU:C:2021:1037, punt 64).

50      Meta, bħal f’dan il-każ, jiġu invokati dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni quddiem qorti nazzjonali, li tagħti d-deċiżjoni tagħha wara li tkun irċeviet ir-risposta għad-domandi li hija kienet indirizzat lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, il-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ rimedju ġuridiku, fi ħdan l-Istat Membru kkonċernat, li jippermetti li jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet li l-partijiet fil-kawża jisiltu mid-dritt tal-Unjoni, hija neċessarjament issodisfatta. Dan l-Istat Membru jista’, konsegwentement, jillimita l-possibbiltà li tintalab ir-reviżjoni ta’ sentenza tal-qorti amministrattiva suprema tiegħu għal sitwazzjonijiet eċċezzjonali u strettament irregolati, li ma jinkludux l-ipoteżi fejn, skont l-individwu li jkun tilef quddiem l-imsemmija qorti, din tkun applikat ħażin l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja b’risposta għat-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari.

51      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE ma jobbligax lill-Istati Membri jippermettu lill-individwi jitolbu r-reviżjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja mogħtija fl-aħħar istanza minħabba li din tkun applikat ħażin l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja b’risposta għal talba għal deċiżjoni preliminari li kienet tressqet fl-istess kawża.

52      Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata fid-dawl tal-Artikolu 4(3) TUE, li jobbliga lill-Istati Membri jieħdu kull miżura ġenerali jew partikolari xierqa sabiex jiżguraw l-eżekuzzjoni tal-obbligi li jirriżultaw mit-Trattati jew li jirriżultaw mill-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Fil-fatt, fir-rigward tas-sistema ta’ rimedji neċessarji sabiex jiġi żgurat, fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni, stħarriġ ġudizzjarju effettiv, l-Artikolu 4(3) TUE ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jeżiġi min-naħa tal-Istati Membri li jistabbilixxu rimedji ġuridiċi ġodda, li madankollu ma humiex obbligati li jistabbilixxu skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Randstad Italia, C‑497/20, EU:C:2021:1037, punt 66).

53      L-imsemmija konklużjoni lanqas ma tista’ tiġi kkontestata fid-dawl tal-Artikolu 267 TFUE.

54      Din id-dispożizzjoni teżiġi, ċertament, li qorti tar-rinviju tagħti effett sħiħ lill-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza mogħtija fil-kuntest ta’ talba għal deċiżjoni preliminari (sentenza tat‑12 ta’ Frar 2020, Kolev et, C‑704/18, EU:C:2020:92, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, meta ta s-sentenza Nru 4990/2019, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) kien obbligat jiżgura ruħu li din tkun konformi mal-interpretazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet għadha kemm tat, fuq talba ta’ din il-qorti nazzjonali, fis-sentenza Hoffmann-La Roche.

55      Madankollu, kif tfakkar fil-punt 36 ta’ din is-sentenza, hija biss il-qorti nazzjonali li għandha tikkonstata u tevalwa l-fatti tal-kawża prinċipali. Minn dan isegwi li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li teżerċita, fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari ġdid, stħarriġ li huwa intiż sabiex jiżgura li din il-qorti, wara li tkun ressqet talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni applikabbli għall-kawża mressqa quddiemha, tkun applikat dawn id-dispożizzjonijiet b’mod konformi mal-interpretazzjoni tagħhom mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja. Għalkemm, abbażi tal-kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, il-qrati nazzjonali jistgħu jadixxu mill-ġdid lill-Qorti tal-Ġustizzja qabel ma jiddeċiedu l-kawża quddiemhom sabiex jiksbu preċiżazzjonijiet addizzjonali dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Consorzio Italian Management u Catania Multiservizi, C‑561/19, EU:C:2021:799, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata), din id-dispożizzjoni ma tistax, min-naħa l-oħra, tiġi interpretata fis-sens li qorti nazzjonali tista’ tressaq talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kwistjoni jekk din il-qorti nazzjonali applikatx b’mod korrett, għall-kawża prinċipali, l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja b’risposta għal talba għal deċiżjoni preliminari li hija kienet ressqet preċedentement quddiemha fl-istess kawża.

56      Għaldaqstant, il-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, stabbilit minn din id-dispożizzjoni tat-Trattat FUE, bl-ebda mod ma jeżiġi li l-Istati Membri jipprevedu rimedju ġuridiku li jippermetti lill-individwi jippreżentaw rikors għal reviżjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja mogħtija fl-aħħar istanza minn qorti nazzjonali f’kawża partikolari, sabiex din tal-aħħar tkun obbligata tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja talba intiża sabiex tivverifika jekk din id-deċiżjoni tkunx konformi mal-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja b’risposta għal talba għal deċiżjoni preliminari li l-imsemmija qorti nazzjonali kienet preċedentement ressqet quddiemha fl-istess kawża.

57      Il-konklużjoni misluta fil-punt 51 ta’ din is-sentenza lanqas ma tista’ tiġi kkontestata fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi osservat li, meta l-partijiet fil-kawża jkollhom, fil-qasam tad-dritt tal-Unjoni kkonċernat, aċċess għal qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel mil-liġi, li jidher li huwa l-każ, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, fl-ordinament ġuridiku Taljan, id-dritt ta’ aċċess għal tali qorti, stabbilit fil-Karta, huwa rrispettat, mingħajr ma d-dispożizzjoni legali nazzjonali li tillimita l-possibbiltà li tintalab ir-reviżjoni tas-sentenzi tal-qorti suprema tal-ordni amministrattiv għal sitwazzjonijiet eċċezzjonali u strettament irregolati, tkun tista’ tiġi analizzata bħala limitazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, ta’ dan id-dritt stabbilit fl-Artikolu 47 tagħha (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Randstad Italia, C‑497/20, EU:C:2021:1037, punt 69).

58      Minkejja dak li ntqal iktar ’il fuq, għandu jitfakkar li l-individwi li, jekk ikun il-każ, ikunu sostnew dannu minħabba l-ksur tad-drittijiet mogħtija lilhom mid-dritt tal-Unjoni minħabba deċiżjoni ta’ qorti li tiddeċiedi fl-aħħar istanza jistgħu jistabbilixxu r-responsabbiltà tal-imsemmi Stat Membru, sakemm il-kundizzjonijiet dwar in-natura suffiċjentement ikkaratterizzata tal-ksur u l-eżistenza ta’ rabta ta’ kawżalità diretta bejn dan il-ksur u d-dannu subit minn dawn l-individwi jkunu ssodisfatti (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑30 ta’ Settembru 2003, Köbler, C‑224/01, EU:C:2003:513, punt 59, u tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Randstad Italia, C‑497/20, EU:C:2021:1037, punt 80).

59      Fil-fatt, il-prinċipju ta’ responsabbiltà ta’ Stat Membru għal danni kkawżati lill-individwi minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni imputabbli lilu huwa inerenti għas-sistema tat-Trattat, irrispettivament minn jekk l-oriġini tad-dannu jkunx imputabbli lill-awtorità leġiżlattiva, dik ġudizzjarja jew dik eżekuttiva. Fid-dawl tar-rwol essenzjali tal-awtorità ġudizzjarja fil-protezzjoni tad-drittijiet li l-individwi jiksbu mir-regoli tal-Unjoni, l-effettività sħiħa tagħhom titqiegħed f’periklu u l-protezzjoni tad-drittijiet li dawn jirrikonoxxu tiġi mdgħajfa jekk jiġi eskluż li l-individwi jistgħu, taħt ċerti kundizzjonijiet, jiksbu kumpens meta d-drittijiet tagħhom jinkisru bi ksur tad-dritt tal-Unjoni imputabbli lil deċiżjoni ta’ qorti ta’ Stat Membru li tiddeċiedi bħala qorti tal-aħħar istanza (sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2020, Telecom Italia, C‑34/19, EU:C:2020:148, punti 67 u 68).

60      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għat-tielet domanda hija li l-Artikolu 4(3) u l-Artikolu 19(1) TUE, kif ukoll l-Artikolu 267 TFUE, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux dispożizzjonijiet tad-dritt proċedurali ta’ Stat Membru li, filwaqt li josservaw il-prinċipju ta’ ekwivalenza, ikollhom l-effett li, meta l-qorti suprema tal-ordni amministrattiv ta’ dan l-Istat Membru tagħti deċiżjoni li tirregola tilwima li fil-kuntest tagħha hija kienet adixxiet lill-Qorti tal-Ġustizzja b’talba għal deċiżjoni preliminari skont dan l-Artikolu 267, il-partijiet f’din it-tilwima ma jistgħux jitolbu r-reviżjoni ta’ din id-deċiżjoni tal-qorti nazzjonali għar-raġuni li hija tkun applikat ħażin l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni pprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja b’risposta għal din it-talba.

 Fuq lewwel u ttieni domanda

61      Fid-dawl tar-risposta mogħtija għat-tielet domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda.

 Fuq lispejjeż

62      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 4(3) u l-Artikolu 19(1) TUE, kif ukoll l-Artikolu 267 TFUE, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux dispożizzjonijiet tad-dritt proċedurali ta’ Stat Membru li, filwaqt li josservaw il-prinċipju ta’ ekwivalenza, ikollhom l-effett li, meta l-qorti suprema tal-ordni amministrattiv ta’ dan l-Istat Membru tagħti deċiżjoni li tirregola tilwima li fil-kuntest tagħha hija kienet adixxiet lill-Qorti tal-Ġustizzja b’talba għal deċiżjoni preliminari skont dan l-Artikolu 267, il-partijiet f’din it-tilwima ma jistgħux jitolbu r-reviżjoni ta’ din id-deċiżjoni tal-qorti nazzjonali għar-raġuni li hija tkun applikat ħażin l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni pprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja b’risposta għal din it-talba.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: it-Taljan.