Language of document :

Rikors ippreżentat fil-5 ta' April 2012 - IFP Énergies nouvelles vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-157/12)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: IFP Énergies nouvelles (Rueil-Malmaison, Franza) (rappreżentanti: É. Morgan de Rivery u A. Noël-Baron, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla fl-intier tagħha d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2011) 4483 finali, tad-29 ta' Ġunju 2011, rigward l-Għajnuna mill-Istat Nru C 35/2008 (ex NN 11/2008) mogħtija minn Franza lill-istabbiliment pubbliku "Institut Français du Pétrole";

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kollha.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka ħames motivi.

1.    L-ewwel motiv ibbażat fuq żball ta' liġi, peress li l-Kummissjoni qabżet il-limiti li hija għandha sabiex tinterpreta d-dritt nazzjonali fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni dwar l-għajnuna mill-Istat.

2.    It-tieni motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma stabbilietx l-eżistenza ta' vantaġġ ekonomiku reali għar-rikorrent u għas-sussidjarji tiegħu rregolati mid-dritt privat.

3.    It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107 TFUE, peress li r-riferiment fid-deċiżjoni kkontestata għall-Avviż fuq il-garanziji tal-2008  ma huwiex biżżejjed, minnu nnifsu, sabiex juri l-eżistenza ta' vantaġġ ekonomiku.

4.    Ir-raba' motiv ibbażat fuq żbalji manifesti ta' evalwazzjoni fl-istabbiliment tal-allegat vantaġġ u tal-intensità tal-preżunta għajnuna mill-Istat.

5.    Il-ħames motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità, minn naħa, billi l-ħolqien ta' stabbiliment pubbliku ta' natura industrijali u kummerċjali (SPIK) ġie ssuġġettat għal obbligu ta' notifika minn qabel u, min-naħa l-oħra, billi ġew imposti kundizzjonijiet wisq onerużi.

____________

1 - Avviż tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni ta' l-Artikoli [107 TFUE] u [108 TFUE] għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta' garanziji (ĠU 2008, C 155, p. 10).