Language of document :

Rikors ippreżentat fil-5 ta' April 2012 - European Dynamics Belguim et vs L-Aġenzija Ewropea tal-Mediċini

(Kawża T-158/12)

Lingwa tal-kawża: il-Grieg

Partijiet

Rikorrenti: European Dynamics Belgium SA (Brussell, il-Belġju), European Dynamics Luxembourg SA (Ettelbrück, il-Lussemburgu), Εvropaïki Dynamiki - Proigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis AE (Ateni, il-Greċja) u European Dynamics UK Ltd (Londra, ir-Renju Unit) (rappreżentant: V. Christianos, avukat)

Konvenuta: L-Aġenzija Ewropea tal-Mediċini

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni Nru EMA/67882/2012 tal-Aġenzija Ewropea tal-Mediċini (iktar 'il quddiem l-"EMA"), tal-31 ta' Jannar 2012, li permezz tagħha l-EMA kklassifikat l-offerta tar-rikorrenti fil-proċedura ta' sejħa għal offerti EMA/2011/17/ICT, li kienet tirrigwarda l-Lott 1 tagħha, fit-tieni post;

tikkundanna lill-EMA sabiex tħallas kumpens lir-rikorrenti għat-telf tal-opportunità li kienet tirriżulta mill-klassifikazzjoni fl-ewwel post tal-kuntratt qafas, liema dannu huma stess jivvalutawh għal EUR 2 139 471.70, b'interessi li jibdew jiddekorru mid-data tal-għoti tas-sentenza, u;

tikkundanna lill-EMA għall-ispejjeż kollha tar-rikorrenti.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz ta' din l-azzjoni, ir-rikorrenti jitolbu l-annullament tad-deċiżjoni tal-EMA tal-31 ta' Jannar 2012, fejn permezz tagħha l-EMA kklassifikat l-offerta tar-rikorrenti fit-tieni post fil-proċedura miftuħa ta' sejħa għal offerti EMA/2011/17/ICT, li kienet tirrigwarda l-Lott 1 tal-istess proċedura, u l-ħlas ta' kumpens lir-rikorrenti għat-telf tal-opportunità li kienet tirriżulta mill-klassifikazzjoni tagħhom fl-ewwel post fil-proċedura ta' sejħa għal offerti EMA/2011/17/ICT.

Ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata, skont l-Artikolu 263 TFUE, peress li hemm ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, u, preċiżament, għat-tliet motivi li ġejjin:

L-ewwel motiv ibbażat fuq li l-EMA, bi ksur tar-Regolament Finanzjarju, tal-modi ta' implementazzjoni tal-istess regolament u tad-dokument tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, żiedet, fil-fażi tal-preżentazzjoni, il-kundizzjoni relattiva li jkunu preżenti l-kollaboraturi barranin tal-offerenti, sabiex dawn jiġu evalwati, liema kundizzjoni ma kinitx prevista fid-dokumenti oriġinali tas-sejħa għal offerti u, konsegwentement, kienet kriterju għall-għoti ġdid.

It-tieni motiv ibbażat fuq li l-EMA, bi ksur tal-modi ta' implementazzjoni tar-regolament finanzjarju, evalwat u tat punti għall-esperjenza tal-offerenti, li kienet diġà ittieħdet inkunsiderazzjoni bħala kriterju ta' selezzjoni kwalitattiva, matul il-fażi tal-proċedura tal-għoti tal-kuntratt.

It-tielet motiv ibbażat fuq li l-EMA kisret il-prinċipju ta' trasparenza:

peress li wieħed mill-kriterji tal-għoti tal-kuntratt previsti fid-dokument tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi kien ifformulat b'mod li jeskludi li dan ikun jista' jiġi evalwat b'mod oġġettiv;

peress li d-dokument tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi ma kienx jinkludi l-formula matematika (algorithm) li abbażi tagħha kienu jirriżultaw il-punti eżatti (sat-tieni punt deċimali) mogħtija lir-rikorrenti.

____________