Language of document : ECLI:EU:T:2019:252

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla Estiża)

12 ta’ April 2019 (*)

“Rikors għal annullament – Għajnuna mill-Istat – Miżuri implimentati mill-Ġermanja favur l-ajruport ta’ Frankfurt-Hahn u linji tal-ajru li jużaw dan l-ajruport – Deċiżjoni li tikklassifika l-miżuri favur l-ajruport ta’ Frankfurt-Hahn ta’ għajnuna mill-Istat kompatibbli mas-suq intern u li tikkonstata l-assenza ta’ għajnuna mill-Istat favur il-linji tal-ajru li jagħmlu użu minn dan l-ajruport– Nuqqas ta’ inċidenza individwali – Nuqqas ta’ inċidenza diretta – Inammissibbiltà”

Fil-Kawża T‑492/15,

Deutsche Lufthansa AG, stabbilita f’Köln (il-Ġermanja), irrappreżentata minn A. Martin-Ehlers, avukat,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn K. Herrmann, T. Maxian Rusche u S. Noë, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Land Rheinland-Pfalz (il-Ġermanja), irrappreżentat minn C. Koenig, professeur,

u minn

Ryanair DAC, li kienet Ryanair Ltd., stabbilita f’Dublin (l-Irlanda), irrappreżentata minn G. Berrisch, avukat, u B. Byrne, solicitor,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/789, mill‑1 ta’ Ottubru 2014, dwar l-għajnuna mill-Istat SA.21121 (C 29/2008) (ex NN 54/07) implimentata mill-Ġermanja fir-rigward tal-finanzjament tal-ajruport ta’ Frankfurt-Hahn u r-relazzjonijiet finanzjarji bejn l-ajruport u Ryanair (ĠU 2016, L 134, p. 46),

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla Estiża),

komposta minn H. Kanninen, President, J. Schwarcz u C. Iliopoulos, L. Calvo-Sotelo Ibáñez-Martín (Relatur) u I. Reine, Imħallfin,

Reġistratur: S. Bukšek Tomac, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-9 ta’ Lulju 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

I.      Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, Deutsche Lufthansa AG, hija linja tal-ajru stabbilita fil-Ġermanja, li l-attività ewlenija tagħha hija t-trasport ta’ passiġġieri. L-ewwel ajruport bażi huwa dak ta’ Frankfurt am Main (il-Ġermanja).

2        L-ajruport ta’ Frankfurt- Hahn jinsab fil-Ġermanja, fit-territorju tal-Land Rheinland-Pfalz (il-Land ta’ Rhineland-Palatinate, iktar ’il quddiem il-“Land”), madwar 120 kilometru fil-punent tal-Belt ta’ Frankfurt am Main u madwar 115-il kilometru mill-ajruport ta’ Frankfurt am Main. Sal-1992, il-post fejn jinsab l-ajruport ta’ Frankfurt-Hahn kien bażi tal-ajru militari. Din il-bażi ġiet ikkonvertita f’ajruport ċivili. Fl-1 ta’ April 1995, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ċeda l-proprjetà tal-infrastruttura Holding Unternehmen Hahn GmbH & Co. KG (iktar ’il quddiem il-“Holding Hahn”), sħubija pubblika-privata li kienet tipparteċipa fih il-Land.

3        Fl-1 ta’ Jannar 1998, Flughafen Frankfurt/Main GmbH (iktar ’il quddiem il-“Fraport”), li kienet topera u tamministra l-ajruport internazzjonali ta’ Frankfurt Main, akkwistat 64.90 % tal-ishma ta’ Flughafen Hahn GmbH & Co. KG Lautzenhausen (iktar ’il quddiem il-“Flughafen Hahn”), il-kumpannija li topera l-ajruport ta’ Frankfurt Hahn.

4        Fl-1999, l-ajruport ta’ Frankfurt Hahn attira l-ewwel trasportatur bi prezzijiet irħas tagħha, Ryanair Ltd (li issa saret Ryanair DAC, iktar ’il quddiem “Ryanair”). L-ewwel ftehim ta’ Flughafen Hahn ma’ Ryanair daħal fis-seħħ fl-1 ta’ April 1999 (iktar ’il quddiem il-“ftehim ma’ Ryanair tal-1999”). Għal perijodu ta’ ħames snin, il-ftehim ma’ Ryanair tal-1999 kien jirrigwarda li l-imposti ajruportwali li Ryanair kellha tħallas.

5        F’Awwissu 1999, Fraport xtrat 73.37 % tal-ishma ta’ Holding Hahn u 74.90 % tal-ishma tas-sieħba solidali tagħha Holding Unternehmen Hahn Verwaltungs GmbH.

6        Fil-31 ta’ Awwissu 1999, il-Land u Fraport ikkonkludew ftehim li fih Fraport intrabtet li tikkonkludi ftehim ta’ trasferiment tal-profitt u t-telf. Dan il-ftehim ġie approvat fl-istess data, ikkonfermat permezz ta’ att notarili tal-24 ta’ Novembru 2000 u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2001. Skont dan il-ftehim, Fraport kienet intitolata għall-profitti kollha ġġenerati mill-operatur tal-ajruport ta’ Frankfurt Hahn u, bi skambju, kienet obbligata li tkopri t-telf kollu ta’ dan tal-aħħar (iktar ’il quddiem il-“ftehim dwar it-trasferiment tal-profitt u tat-telf tal-2001”).

7        Sussegwentement, Holding Hahn u Flughafen Hahn ingħaqdu biex jiffurmaw Flughafen Hahn GmbH, li saret Flughafen Frankfurt-Hahn GmbH (“FFHG” jew “Frankfurt Hahn”), li 26.93 % tal-kapital tagħha kien miżmum mil-Land u t-73.07 % l-ieħor kien miżmum minn Fraport.

8        Sal-11 ta’ Ġunju 2001, 100 % tal-ishma ta’ Fraport kienu miżmuma minn azzjonisti pubbliċi. F’din id-data, Fraport tqiegħdet fis-suq azzjonarju u 29.71 % tal-ishma tagħha nbiegħu lil azzjonisti privati waqt li s-70.29 % l-oħra baqgħu f’idejn azzjonisti pubbliċi.

9        Fis-16 ta’ Ottubru 2001, il-Land approva l-iskeda tal-imposti ajruportwali tal-ajruport ta’ Frankfurt Hahn, li daħlet fis-seħħ retroattivament mill-1 ta’ Ottubru 2001 (iktar ’il quddiem l-“l-iskeda tal-imposti tal-2001”).

10      Fl-14 ta’ Diċembru 2001 u fid-9 ta’ Jannar 2002, Fraport u l-azzjonisti ta’ FFHG rispettivament, qablu li jiżdied il-kapital ta’ FFHG sabiex tiġi ffinanzjata l-parti l-iktar urġenti għal programm ta’ titjib tal-infrastruttura tal-ajruport (iktar ’il quddiem iż-“żieda tal-kapital tal-2001”). Iż-żieda fil-kapital tal-2001 ta’ EUR 27 miljun, ġiet issottoskritta minn Fraport u mil-Land, li, fid-9 ta’ Jannar 2002, kienu, rispettivament, ta’ EUR 19.7 miljun u EUR 7.3 miljun.

11      Fl-14 ta’ Frar 2002, ġie konkluż ftehim ieħor bejn FFHG u Ryanair (il-“ftehim ma’ Ryanair tal-2002”). Huwa ssostitwixxa l-ftehim ma’ Ryanair tal-1999.

12      Fis-27 ta’ Novembru 2002, (il-Land ta’ Hessen, il-Ġermanja), Fraport u FFHG ikkonkludew ftehim dwar l-iżvilupp tal-ajruport ta’ Frankfurt Hahn. Dan il-ftehim ippreveda li għat-tieni darba jiżdied il-kapital ta’ FFHG, fejn il-Land ta’ Hessen saret it-tielet azzjonista ta’ FFHG.

13      Fit-22 ta’ Marzu 2004, ġie ppreparat ftehim tal-azzjonisti dwar il-parteċipazzjoni ta’ Fraport, tal-Land u tal-Land ta’ Hessen fil-kapital ta’ FFHG (iktar ’il quddiem il-“ftehim bejn l-azzjonisti”). Fraport, il-Land u l-Land ta’ Hessen iffirmaw il-ftehim fit-30 ta’ Marzu 2005.

14      Sabiex jimplimentaw il-ftehim tal-azzjonisti, ġiet miftiehma żieda fil-kapital ta’ FFHG ta’ EUR 19.5 miljun sabiex jitkompla l-programm ta’ investiment imsemmi fil-punt 10 iktar ’il fuq. Bejn l-2004 u l-2009 Fraport, il-Land u l-Land ta’ Hessen injettaw, rispettivament, EUR 10.21 miljuni, EUR 540 000 u EUR 8.75 miljuni f’FFHG f’diversi pagamenti. Barra minn hekk, il-Land u l-Land ta’ Hessen impenjaw ruħhom, kull waħda, li jinjettaw EUR 11.25 miljun oħra bħala riżerva ta’ kapital, skont skeda ta’ pagamenti sal-2009.

15      Bħala riżultat taż-żieda fil-kapital deskritta fil-punt 14 iktar ’il fuq (iktar ’il quddiem iż-“żieda tal-kapital tal-2004”), li jammontaw għal EUR 42 miljun, Fraport kienet tikkontrolla 65 % tal-ishma ta’ FFHG, kontra 17.5 % kull wieħed għal-Land Hessen u l-Land.

16      Il-ftehim tal-azzjonisti jipprevedi wkoll li kwalunkwe dejn ieħor li FFHG kienet se ġġarrab kellu jiġi ggarantit minn Fraport, il-Land Hessen u l-Land fi proporzjon tas-sehem tagħhom fil-kapital ta’ FFHG u l-ftehim ta’ trasferiment tal-profitt u t-telf tal-2001 kellu jiġi estiż sal‑2014. Għall-finijiet ta’ konformità ma’ dawn l-obbligi, Fraport u FFHG ikkonkludew il-ftehim ta’ trasferiment tal-profitt u t-telf fil-5 ta’ April 2004 (iktar ’il quddiem il-“ftehim ta’ trasferiment tal-profitt u t-telf tal-2004”). Il-ftehim ta’ trasferiment tal-profitt u t-telf tal-2004 daħal fis-seħħ fit-2 ta’ Ġunju 2004, wara l-approvazzjoni mil-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti ta’ Fraport b’maġġoranza ta’ tliet kwarti meħtieġa mill-ftehim tal-azzjonisti. Skont il-ftehim ta’ trasferiment tal-profitt u t-telf tal-2004, Fraport intrabtet li tkopri it-telf kollu mġarrab minn FFHG bejn l-2004 u l-2009.

17      Mill-1997 sal-2004, il-Land ħallas lill-operatur ta’ Frankfurt Hahn sussidji diretti (minn hawn ’il quddiem “sussidji diretti tal-Land”). Is-sussidji diretti tal-Land imħallsa sal-2000 kienu mmirati sabiex jiffinanzjaw l-investimenti fl-infrastruttura tal-ajruport, filwaqt li dawk imħallsa mill-2001 kienu mmirati sabiex jiffinanzjaw l-ispejjeż tal-persunal għall-kontrolli tas-sigurtà. Il-Land jiġbor taxxa għas-sigurtà ajruportwali mill-passiġġieri kollha li jitilqu mill-ajruport ta’ Frankfurt Hahn mingħand il-linji tal-ajru li jużaw dan l-ajruport u tittrasferixxi d-dħul kollu tal-imsemmija taxxa, kif ukoll mill-fondi tagħha li jaqgħu taħt il-baġit ġenerali, lill-operatur tal-ajruport ta’ Frankfurt Hahn bħala kumpens għat-twettiq tal-kontrolli tas-sigurtà (iktar ’il quddiem il-“kumpens għall-kontrolli tas-sigurtà”).

18      Fl-4 ta’ Novembru 2005, ftehim addizzjonali żdied mal-ftehim ma’ Ryanair tal-2002 (il-“ftehim ma’ Ryanair tal-2005”).

19      Bejn l-2003 u l-2006, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej irċeviet bosta lmenti dwar allegata għajnuna mill-Istat mogħtija minn Fraport, mil-Land u mil-Land Hessen lil Ryanair u lil FFHG. Fit-22 ta’ Settembru 2003 u fl-1 ta’ Ġunju 2006, wieħed mil-lanjanti bagħat informazzjoni addizzjonali lill-Kummissjoni.

20      Fis-26 ta’ April 2006, l-iskeda l-ġdida ta’ tariffi tal-ajruport ta’ Frankfurt Hahn kienet approvata mil-Land (iktar ’il quddiem l-“iskeda tal-2006”). Hija daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Ġunju 2006.

21      Permezz tal-ittri tal-25 ta’ Settembru 2006 u tad-9 ta’ Frar 2007, il-Kummissjoni talbet informazzjoni mingħand ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li wieġbet għal din it-talba permezz ta’ ittri tal-20 ta’ Diċembru 2006 u tad-29 ta’ Ġunju 2007.

22      Permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Ġunju 2008, il-Kummissjoni nnotifikat lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja bid-deċiżjoni tagħha li tibda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali stabbilita fl-Artikolu 88(2) tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 108(2) TFUE), għall-għajnuna mill-Istat fir-rigward tal-iffinanzjar ta’ Frankfurt Hahn u r-relazzjonijiet tiegħu ma’ Ryanair (id-“deċiżjoni tal-ftuħ tal-2008”). Id-deċiżjoni li ssejjaħ lill-partijiet interessati jissottomettu l-kummenti tagħhom ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fis-17 ta’ Jannar 2009 (ĠU 2009, C 12, p. 6).

23      Fil-31 ta’ Diċembru 2008 Fraport, biegħet is-sehem kollu tagħha f’FFHG lil-Land. Wara dak il-bejgħ, minn naħa waħda, il-Land kellu sehem maġġoritarju ta’ 82.5 % f’FFHG, s-17.5 % l-oħra baqgħu f’idejn il-Land Hessen, u, min-naħa l-oħra, l-ftehim ta’ trasferiment tal-profitt u t-telf tal-2004 ġie xolt.

24      Fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni rċeviet kummenti mingħand, b’mod partikolari, ir-rikorrenti u mingħand Ryanair, liema ġew innotifikati lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

25      Fl-1 ta’ Lulju 2009, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja bagħtet lill-Kummissjoni l-kummenti tagħha u informazzjoni addizzjonali.

26      Fit-13 ta’ Lulju 2011, il-Kummissjoni ddeċidiet li tagħti bidu għal proċedura oħra ta’ investigazzjoni formali dwar miżuri finanzjarji ta’ FFHG meħuda bejn l-2009 u l-2011. Id-deċiżjoni li ssejjaħ lill-partijiet interessati jissottomettu l-kummenti tagħhom ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fil-21 ta’ Lulju 2012 (ĠU 2012, C 216, p. 1). Għalhekk, iż-żewġ proċeduri kienu koeżistenti.

27      Permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Frar 2012 il-Kummissjoni talbet li tingħata iktar informazzjoni dwar id-deċiżjoni tal-ftuħ tal-2008, lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja wieġbet għal din it-talba permezz ta’ ittra tas-16 ta’ April 2012.

28      Permezz ta’ ittra tas-27 ta’ Lulju 2012, il-Kummissjoni bagħtet talba ġdida għal informazzjoni addizzjonali lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li wieġbet għal din it-talba permezz ta’ ittra tal-4 ta’ Settembru 2012.

29      Il-Ġermanja ntrabtet li tinjetta kapital f’FFHG sabiex tiffinanzja mill-ġdid is-self ta’ FFHG li sar għall-finanzjament tal-miżuri infrastrutturali deċiżi mill-awtoritajiet pubbliċi bejn l-1997 u l-2012, li ma kinux koperti minn ftehim ta’ trasferiment tal-profitt u t-telf, taż-żidiet fil-kapital jew ta’ għotjiet oħra (iktar ’il quddiem “l-aħħar żieda fil-kapital”).

30      Permezz ta’ ittra tal-25 ta’ Frar 2014, il-Kummissjoni informat lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja dwar l-adozzjoni fl-20 ta’ Frar 2014, tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat lill-ajruporti u l-linji tal-ajru (ĠU 2014, C 99, p. 3, iktar ’il quddiem il-“linji gwida tal-2014”).

31      Permezz ta’ ittri tat-23 ta’ Marzu u tal-4 ta’ April 2014, il-Kummissjoni talbet iktar kjarifiki mingħand ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Permezz ta’ ittri tas-17 u tal-24 ta’ April u tad-9 ta’ Mejju 2014, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja wieġbet għal din it-talba.

32      Fil-15 ta’ April 2014, ġie ppubblikat avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea li stieden lill-Istati Membri u lill-partijiet interessati sabiex jissottomettu l-kummenti tagħhom dwar l-applikazzjoni tal-Linji Gwida tal-2014 għall-kawża preżenti. Ir-rikorrenti ppreżentat osservazzjonijiet, li l-Kummissjoni bagħtet lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja permezz ta’ ittra tas-26 ta’ Awwissu 2014. Permezz ta’ ittra tat-3 ta’ Settembru 2014, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja informat lill-Kummissjoni li ma kellha l-ebda osservazzjoni x’tagħmel.

33      Fl-1 ta’ Ottubru 2014, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni (UE) 2016/789, dwar l-għajnuna mill-Istat SA.21121 (C 29/2008) (ex NN 54/07) implimentata mill-Ġermanja fir-rigward tal-finanzjament tal-ajruport ta’ Frankfurt Hahn u r-relazzjonijiet finanzjarji bejn l-ajruport u Ryanair (ĠU 2016, L 134, p. 46, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

II.    Id-deċiżjoni kkontestata

34      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni eżaminat, minn naħa, l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, fir-rigward l-ewwel nett, miżuri favur l-Ajruport ta’ Frankfurt Hahn (ara l-premessi 292 sa 420 tad-deċiżjoni kkontestata), it-tieni, miżuri favur Ryanair (ara l-premessi 421 sa 456, 464 sa 484 u 580 tad-deċiżjoni kkontestata) u, it-tielet, miżuri favur il-linji tal-ajru li jużaw l-ajruport Frankfurt Hahn, jiġifieri l-l-iskeda tal-imposti tal-2001 u l-iskeda tal-imposti tal-2006 (ara l-premessi 457 sa 463, 485 sa 494 u 581 tad-deċiżjoni kkontestata). Min-naħa l-oħra, peress li kkunsidrat li ċerti miżuri favur l-ajruport ta’ Frankfurt Hahn kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni analizzat il-kompatibbiltà tagħhom mas-suq intern (ara l-premessi 497 sa 579 tad-deċiżjoni kkontestata).

A.      Il-miżuri favur Frankfurt Hahn

35      L-ewwel nett, il-Kummissjoni kkonstatat li l-ftehim ta’ trasferiment tal-profitt u t-telf tal-2001 ma kienx jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. Fil-fatt, il-Kummissjoni qieset, essenzjalment, li l-imsemmi ftehim kien ġie konkluż b’mod definittiv qabel is-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2000, Aéroports de Paris vs Il-Kummissjoni (T-128/98, EU:T:2000:290), jiġifieri fi żmien meta l-awtoritajiet pubbliċi setgħu leġittimament iqisu li l-miżuri ta’ finanzjament fir-rigward tal-ajruport ta’ Frankfurt Hahn ma kinux jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat.

36      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni eżaminat jekk iż-żieda fil-kapital tal-2001 kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. F’dan ir-rigward, qabel kollox, il-Kummissjoni qieset li ż-żieda fil-kapital tal-2001, minn naħa, kienet ġiet iffinanzjata permezz tal-baġit ġenerali tal-Land u, għaldaqstant, permezz ta’ riżorsi tal-Istat u, min-naħa l-oħra, kienet attribwibbli lill-Istat. Barra minn hekk, il-Kummissjoni qieset li l-parteċipazzjoni ta’ Fraport f’din iż-żieda tal-kapital, minn naħa, kienet saret permezz ta’ riżorsi tal-Istat peress li Fraport kienet impriża predominantement pubblika li r-riżorsi tagħha kienu suġġetti għal kontroll dirett jew indirett tal-Istat, u, min-naħa l-oħra, kienet attribwibbli lill-Istat, peress li Fraport kienet tikkunsidra ruħha bħala “impriża pubblika dipendenti” u li l-amministrazzjoni ta’ FFHG kienet f’negozjati diretti mal-Land u mal-Land ta’ Hessen, peress li l-Land kienet direttament ipperswadiet lil Fraport biex tipparteċipa fiż-żieda fil-kapital tal-2001. Barra minn hekk, il-Kummissjoni qieset li ż-żieda fil-kapital tal-2001 tat vantaġġ selettiv lil FFHG billi d-deċiżjoni ta’ rikapitalizzazzjoni ma kinitx konformi mal-prinċipju tal-operatur f’ekonomija tas-suq. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni qieset li, minħabba, b’mod partikolari, d-daqs tal-ajruport ta’ Frankfurt Hahn u l-prossimità tiegħu għal ajruporti oħra tal-Unjoni Ewropea, iż-żieda fil-kapital tal-2001 setgħet taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u tfixkel il-kompetizzjoni.

37      Fit-tielet lok, il-Kummissjoni eżaminat konġuntament, f’dak li jirrigwarda Fraport, iż-żieda fil-kapital tal-2004 u l-ftehim ta’ trasferiment tal-profitt u t-telf tal-2004, peress li l-konklużjoni ta’ dan il-ftehim, li kienet mistennija li ddum sal-31 ta’ Diċembru 2014, kienet prerekwiżit għaż-żieda fil-kapital tal-2004. Il-Kummissjoni osservat li l-ftehim ta’ trasferiment tal-profitt u t-telf tal-2004 Fraport kellha tiġi approvata minn maġġoranza ta’ mill-inqas tliet kwarti tal-voti tal-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti, li ma tistax tintlaħaq mingħajr il-parteċipazzjoni sostanzjali tal-azzjonisti privati tal-imsemmija kumpannija, peress li l-azzjonisti pubbliċi kellhom biss madwar 70 % tal-ishma tagħha. Il-Kummissjoni ddeduċiet li l-azzjonisti pubbliċi ma setgħux jikkontrollaw id-deċiżjoni dwar l-approvazzjoni minn Fraport tal-ftehim ta’ trasferiment tal-profitt u t-telf tal-2004 u, konsegwentement, dik dwar iż-żieda fil-kapital tal-2004, li, għalhekk, ma kinux attribwibbli lill-Istat.

38      Il-Kummissjoni għalhekk qieset li l-ftehim ta’ trasferiment tal-profitt u t-telf tal-2004 u s-sehem ta’ Fraport fiż-żieda fil-kapital tal-2004 ma kinux jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat.

39      Fir-rigward tal-ishma tal-Land u tal-Land ta’ Hessen fiż-żieda fil-kapital tal-2004, l-ewwel nett, il-Kummissjoni osservat li dawn kienu ffinanzjati mill-baġits ġenerali rispettivi tagħhom, jiġifieri permezz ta’ riżorsi tal-Istat, u kienu attribwibbli għall-Istat. Sussegwentement, hija qieset li l-imsemmija ishma ma kinux konformi mal-prinċipju tal-operatur f’ekonomija tas-suq u għalhekk kienu jagħtu vantaġġ selettiv lil FFHG. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni fakkret li kwalunkwe vantaġġ ekonomiku selettiv mogħti lil FFHG għandu l-potenzjal li jfixkel il-kompetizzjoni u jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

40      Il-Kummissjoni għalhekk ikkonkludiet li l-ishma tal-Land u tal-Land ta’ Hessen fiż-żieda fil-kapital tal-2004 kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat.

41      Fir-raba’ lok, il-Kummissjoni eżaminat jekk iż-żieda fil-kapital tal-2001 kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

42      F’dan ir-rigward, qabelxejn, il-Kummissjoni rrilevat li, skont il-liġi Ġermaniża, huma biss l-ispejjeż relatati mal-provvista u l-manutenzjoni tal-ispazji u tal-bini neċessarji għat-twettiq tal-kontrolli tas-sigurtà li setgħu jiġu rrimborsati mil-Land lill-operatur tal-ajruport ta’ Frankfurt Hahn. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li r-responsabbiltà mil-Land tal-ispejjeż tal-kontrolli tas-sigurtà li qabżu l-ispejjeż rimborsabbli, huwa kien eżenta lill-operatur tal-ajruport ta’ Frankfurt Hahn mit-tariffa li kellu normalment iħallas, u għaldaqstant, kien tah vantaġġ selettiv.

43      Sussegwentement, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li l-ammont ta’ kumpens għall-kontrolli tas-sigurtà mogħtija mil-Land lill-operatur tal-ajruport ta’ Frankfurt Hahn kien jinkludi mhux biss id-dħul mit-taxxa tas-sigurtà fl-ajruport miġbur mil-linji tal-ajru, iżda wkoll fondi meħuda mill-baġit ġenerali tal-Land. Il-Kummissjoni kkonkludiet li dan il-kumpens kien iffinanzjat minn riżorsi tal-Istat u kien attribwibbli għall-Istat.

44      Barra minn hekk, il-Kummissjoni fakkret li kwalunkwe vantaġġ ekonomiku selettiv mogħti lil ajruport ta’ Frankfurt Hahn għandu l-potenzjal li jfixkel il-kompetizzjoni u jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

45      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni kkunsidrat li, peress li l-ammonti mħallsa lill-operatur tal-ajruport ta’ Frankfurt Hahn mil-Land għall-kontrolli tas-sigurtà qabżu d-dħul mit-taxxa tas-sigurtà fl-ajruport miġbur mil-linji tal-ajru, il-finanzjament pubbliku mogħti lill-ajruport ta’ Frankfurt Hahn bħala kumpens għall-kontrolli tas-sigurtà kien jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

46      Fil-ħames lok, fir-rigward tas-sussidji diretti tal-Land, minn naħa, il-Kummissjoni kkunsidrat li dawk tal-1997 sal-2000, intiżi sabiex jiffinanzjaw l-investimenti fl-infrastruttura tal-ajruport, ma kinux jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, peress li kienu ġew deċiżi qabel is-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2000, Aéroports de Paris vs Il-Kummissjoni (T-128/98, EU:T:2000:290). Min-naħa l-oħra, hija sostniet li l-għotjiet diretti tal-Land li kienu ffinanzjaw, bejn l-2001 u l‑2004, l-ispejjeż tal-persunal għall-kontrolli tas-sigurtà għandhom jiġu kkunsidrati bħala għajnuna mill-Istat possibbli, peress li dawn kienu jkopru l-ispejjeż li kellhom jitħallsu mill-operatur tal-ajruport ta’ Frankfurt Hahn.

47      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, il-Kummissjoni nnotat li l-għotjiet diretti tal-Land mħallsa bejn l-2001 u l-2004, fl-ammont totali ta’ EUR 1.93 miljun, kienu ffinanzjati permezz ta’ riżorsi tal-Istat, u kienu għaldaqstant, attribwibbli lill-Istat. Peress li dawn is-sussidji jkopru l-ispejjeż li kellhom jitħallsu mill-operatur tal-ajruport ta’ Frankfurt Hahn u li peress li ġew mogħtija biss lil dan tal-aħħar, il-Kummissjoni qieset li dawn is-sussidji taw vantaġġ ekonomiku selettiv lill-imsemmi operatur. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni fakkret li kwalunkwe vantaġġ ekonomiku selettiv mogħti lill-ajruport ta’ Frankfurt Hahn għandu l-potenzjal li jfixkel il-kompetizzjoni u li jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. Il-Kummissjoni għalhekk ikkonkludiet li s-sussidji inkwistjoni kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat.

48      Fis-sitt u l-aħħar lok, il-Kummissjoni qieset li l-aħħar żieda fil-kapital, intiża biex tiffinanzja mill-ġdid is-self meħud minn FFHG sabiex jiġi ffinanzjat t-titjib fl-infrastruttura fl-ajruport ta’ Frankfurt Hahn bejn l‑1997 u l-2012, tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat u għamlet riferiment, f’dan ir-rigward, għall-kunsiderazzjonijiet li hija kienet stabbilixxiet dwar il-parteċipazzjoni tal-Land u tal-Land ta’ Hessen fiż-żieda fil-kapital tal-2004 u l-kumpens għal kontrolli ta’ sigurtà.

49      Għalhekk, il-Kummissjoni qieset, minn naħa, li l-għajnuna għall-investiment mogħtija illegalment lil FFHG, jiġifieri ż-żieda fil-kapital tal-2001, il-kontribuzzjonijiet tal-Land u tal-Land ta’ Hessen għaż-żieda fil-kapital tal-2004 u għall-aħħar żieda fil-kapital, kienu kompatibbli mas-suq intern, peress li huma kienu jissodisfaw il-kriterji msemmija fil-paragrafu 61 tal-Linji gwida tal-Komunità dwar il-finanzjament tal-ajruporti u l-għajnuna tal-bidu għal-linji tal-ajru li jitilqu minn ajruporti reġjonali (ĠU 2005, C 312, p. 1). Min-naħa l-oħra, hija qieset li l-għajnuna operatorja mogħtija illegalment lill-operatur tal-ajruport ta’ Frankfurt Hahn qabel l-4 ta’ April 2014, jiġifieri l-kumpens għal kontrolli ta’ sigurtà u s-sussidji diretti tal-Land, kienu kompatibbli mas-suq intern, peress li huma kienu jissodisfaw il-kriterji msemmija fil-paragrafu 137 tal-Linji gwida tal-2014.

B.      Il-miżuri favur Ryanair

50      Preliminarjament, sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat favur Ryanair, il-Kummissjoni qieset li kien hemm lok li jiġi ddeterminat jekk il-ftehim ma’ Ryanair tal-1999, il-ftehim ma’ Ryanair tal-2002 u l-ftehim ma’ Ryanair tal-2005 kinux konformi mal-prinċipju ta’ operatur f’ekonomija tas-suq fiż-żmien tal-konklużjoni tagħhom. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni rrilevat li, skont il-linji gwida tal‑2014, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-prinċipju tal-operatur f’ekonomija tas-suq, kien hemm lok li tiġi evalwata ex ante l-profittabbiltà marġinali ta’ kull wieħed mill-ftehimiet konklużi bejn Ryanair u l-operatur ta’ Frankfurt Hahn, filwaqt li tqis l-ispejjeż u d-rikavat marġinali rilevanti kollha assoċjati ma’ kull wieħed minn dawn il-ftehimiet.

51      Il-Kummissjoni qieset, essenzjalment, li l-ftehim ma’ Ryanair tal-1999, il-ftehim ma’ Ryanair tal-2002 u l-ftehim ma’ Ryanair tal-2005 kienu konformi mal-prinċipju tal-operatur f’ekonomija tas-suq sa fejn dawn setgħu kkontribwixxew għall-profittabbiltà tal-ajruport ta’ Frankfurt Hahn, fis-sens li r-rikavat marġinali previst kien jeċċedi l-ispejjeż marġinali previsti. Il-Kummissjoni kkonkludiet li t-tliet ftehimiet inkwistjoni ma taw l-ebda vantaġġ lil Ryanair u, għalhekk, ma kien fihom ebda element ta’ għajnuna.

C.      L-iskedi tal-imposti ajruportwali

52      Il-Kummissjoni qieset li l-iskeda tal-2001 u l-iskeda tal-2006 kienu konformi mal-prinċipju tal-operatur f’ekonomija tas-suq f’dak li huma kienu kkontribwixxew b’mod progressiv, skont approċċ ex ante, għall-profittabbiltà tal-ajruport ta’ Frankfurt Hahn.

53      Għalhekk, il-Kummissjoni qieset li l-iskeda tal-2001 u l-iskeda tal-2006 ma kienu jagħtu l-ebda vantaġġ ekonomiku lil-linji tal-ajru li jużaw l-ajruport ta’ Frankfurt Hahn li kieku ma kinux jiksbu taħt kundizzjonijiet normali tas-suq u, għalhekk, li huma ma kinux jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat.

D.      Id-dispożittiv tad-deċiżjoni kontenzjuża

54      Id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata huwa fformulat kif ġej:

“Artikolu 1

1.      L-għajnuna mill-Istat, implimentata b’mod illegali mill-Ġermanja bi ksur tal-Artikolu 108(3) [TFUE] favur [FFHG] bejn l-2001 u l-2012 permezz ta’ żidiet fil-kapital fl-2001 li jammontaw għal EUR 27 miljun, żidiet fil-kapital fl-2004 li jammontaw għal EUR 22 miljun u għotjiet diretti minn [Land] […] hija kompatibbli mas-suq intern.

2.      Iż-żieda fil-kapital tal-2004 li ngħatat minn Fraport […] u l-ftehim ta’ trasferiment ta’ profitti u ta’ telf tal-2004 ma jikkostitwux għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) [TFUE].

Artikolu 2

1.      Il-ftehim bejn Ryanair u [FFHG], li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ April 1999, ma jikkostitwix għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) [TFUE].

2.      Il-ftehim bejn Ryanair u [FFHG] datat l-14 ta’ Frar 2002 ma jikkostitwix għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) [TFUE].

3.      Il-‘Ftehim Ryanair/[FFHG] — Konsenja ta’ inġenji tal-ajru minn 6 sa 18 — bejn l-2005 u l-2012’ tal-4 ta’ Novembru 2005 ma jikkostitwix għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) [TFUE].

Artikolu 3

L-iskedi ta’ imposti ajruportwali, li daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Ottubru 2001 u fl-1 ta’ Ġunju 2006, ma jikkostitwux għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) [TFUE].

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.”

III. Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

55      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-26 ta’ Awwissu 2015, ir-rikorrenti ppreżentat din l-azzjoni.

56      Il-Kummissjoni ppreżentat ir-risposta fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑13 ta’ Novembru 2015.

57      Ir-replika u l-kontroreplika ġew ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-5 ta’ Frar u fil-31 ta’ Marzu 2016 rispettivament.

58      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, fil-5 ta’ Ottubru 2015, Ryanair plc talbet li tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-23 ta’ Ottubru 2015, Ryanair plc informat lill-Qorti Ġenerali, skont l-Artikolu 144(8) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li hija kienet qiegħda tirtira t-talba tagħha għal intervent.

59      Permezz ta’ digriet tat-18 ta’ Novembru 2015, il-President tas-Sitt Awla tal-Qorti Ġenerali, minn naħa, ordna t-tneħħija ta’ Ryanair plc mill-Kawża T-492/15 bħala intervenjenti u, min-naħa l-oħra, ikkundanna lil din il-kumpannija sabiex tbati l-ispejjeż tagħha stess.

60      Permezz ta’ atti ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, fit-23 ta’ Ottubru u fis-17 ta’ Novembru 2015, Ryanair plc u l-Land ippreżentaw talba ta’ intervent insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Permezz ta’ digrieti tas-26 ta’ Frar 2016, Deutsche Lufthansa vs Il-Kummissjoni (T-492/15, mhux ippubblikat, EU:T:2016:126), u tas-17 ta’ Marzu 2016, Deutsche Lufthansa vs Il-Kummissjoni (T-492/15, mhux ippubblikat, EU:T:2016:193), il-President tas-Sitt Awla tal-Qorti Ġenerali aċċetta, rispettivament, l-intervent tal-Land u dik ta’ Ryanair.

61      L-intervenjenti, il-Land u Ryanair ippreżentaw in-noti ta’ intervent tagħhom fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali rispettivament fit-12 ta’ Marzu u fl-20 ta’ Mejju 2016.

62      L-osservazzjonijiet tar-rikorrenti fuq in-noti ta’ intervent tal-Land u Ryanair ġew ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-2 ta’ Mejju u fit-18 ta’ Lulju 2016 rispettivament.

63      Permezz ta’ ittri ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-7 ta’ April u fil-15 ta’ Lulju 2016, rispettivament, il-Kummissjoni indikat li ma kelliex osservazzjonijiet x’tagħmel dwar in-noti ta’ intervent tal-Land u ta’ Ryanair.

64      Peress li l-kompożizzjoni tal-Qorti Ġenerali nbidlet, fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, il-President tal-Qorti Ġenerali, b’applikazzjoni tal-Artikolu 27(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, assenja mill-ġdid il-kawża lil imħallef relatur ġdid, li kien assenjat fl-Ewwel Awla.

65      Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-29 ta’ April 2016, ir-rikorrenti ressqet kunsiderazzjonijiet addizzjonali mressqa bħala motivi ġodda. Il-Land, Ryanair u l-Kummissjoni ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq l-imsemmija kunsiderazzjonijiet fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali rispettivament fid-19, fis-26 u fid-29 ta’ Awwissu 2016.

66      Fis-6 ta’ Ġunju 2016, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) għamlet domanda bil-miktub lir-rikorrenti. Ir-rikorrenti wieġbet għal din id-domanda fit-terminu previst.

67      Peress li l-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali nbidlet, b’applikazzjoni tal-Artikolu 27(5) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Imħallef Relatur ġie maħtur għar-Raba’ Awla, u din il-kawża, konsegwentement, ġiet assenjata lilha.

68      Fis-6 ta’ Ottubru 2016 ir-rikorrenti ppreżentat prova ġdida fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali.

69      L-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni, tal-Land u ta’ Ryanair fuq prova ġdida ġew ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali rispettivament fit‑28 ta’ Ottubru u fl-4 u l-14 ta’ Novembru 2016.

70      Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-11 ta’ April 2017, ir-rikorrenti ressqet kunsiderazzjonijiet addizzjonali mressqa bħala motivi ġodda. Fit-12 ta’ Mejju 2017, il-Land ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fuq dawn il-kunsiderazzjonijiet fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali. Il-Kummissjoni u Ryanair ippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq l-imsemmija kunsiderazzjonijiet fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-2 ta’ Ġunju 2017.

71      Fis-26 ta’ Mejju 2017, ir-rikorrenti ppreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali prova ġdida.

72      Fit-23 ta’ Ġunju 2017, il-Land u Ryanair ippreżentaw fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali l-osservazzjonijiet tagħhom dwar din il-prova ġdida tar-rikorrenti. Il-Kummissjoni ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar din l-prova fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-28 ta’ Ġunju 2017.

73      Fuq proposta tar-Raba’ Awla, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-15 ta’ Marzu 2018, skont l-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, li tibgħat il-kawża quddiem Kulleġġ Ġudikanti Estiż.

74      Fit-22 ta’ Mejju 2018, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) għamlet mistoqsijiet bil-miktub lir-rikorrenti u lill-Kummissjoni dwar miżuri favur Frankfurt Hahn u mistoqsijiet lill-partijiet kollha dwar il-miżuri favur Ryanair. Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-8 u fil-21 ta’ Ġunju 2018, il-partijiet wieġbu l-imsemmija mistoqsijiet bil-miktub.

75      Fil-5 ta’ Ġunju 2018, Ryanair talbet li R., awtur prinċipali tar-rapport tad-ditta ta’ konsulenza Oxera, imwettaq fuq talba tagħha u msemmi fid-deċiżjoni kkontestata u fin-noti tal-partijiet, sabiex tkun awtorizzata li tintervjeni fis-seduta sabiex twieġeb għall-mistoqsijiet eventwali tal-Qorti Ġenerali u sabiex titkellem bl-Ingliż.

76      Fil-15 u t-22 ta’ Ġunju 2018, ir-rikorrenti, il-Kummissjoni u l-Land ppreżentaw fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali l-osservazzjonijiet tagħhom dwar it-talba ta’ Ryanair msemmija fil-punt 75 iktar ’il fuq. Il-Land iddikjara li jaqbel ma’ din it-talba, filwaqt li l-partijiet l-oħra qajmu oġġezzjonijiet, b’mod partikolari dwar l-użu tal-lingwa Ingliża minn R. Il-President tar-Raba’ Awla bagħat it-talba lill-awla.

77      Permezz ta’ digriet tas-6 ta’ Lulju 2018, Deutsche Lufthansa (T-492/15, mhux ippubblikat, EU:T:2018:434), R. ġiet awtorizzata li titkellem bl-Ingliż waqt is-seduta fil-preżenza u taħt is-sorveljanza ta’ rappreżentant ta’ Ryanair.

78      Fis-7 ta’ Lulju 2018, il-Kummissjoni ppreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, korrezzjoni tar-risposta tagħha bil-miktub għad-domandi magħmula mill-Qorti Ġenerali fit-22 ta’ Mejju 2018.

79      It-trattazzjoni tal-partijiet prinċipali u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tad-9 ta’ Lulju 2018. R. ma tkellmitx.

80      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

81      Il-Kummissjoni u l-Land jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

82      Fil-kontroreplika, il-Kummissjoni talbet, barra minn hekk, it-tħassir tar-riferimenti fir-replika, għar-risposta tal-Kummissjoni ppreżentata fil-kawża li wasslet għas-sentenza tas-27 ta’ April 2017 Germanwings vs Il-Kummissjoni (T‑375/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:289).

83      Ryanair titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

IV.    Id-dritt

84      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka, essenzjalment, seba’ motivi bbażati, l-ewwel wieħed, fuq żball proċedurali, it-tieni u t-tielet, fuq żball ta’ evalwazzjoni tal-fatti, ir-raba’, fuq kontradizzjonijiet manifesti tad-deċiżjoni kkontestata u, mill-ħames sas-seba’, fuq ksur tal-Artikolu 107 TFUE. Permezz ta’ żewġ noti separati, ir-rikorrenti tressaq barra minn hekk kunsiderazzjonijiet li hija tippreżenta bħala motivi ġodda.

85      Mingħajr ma tqajjem formalment eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, il-Kummissjoni tressaq tliet eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà. L-ewwel nett, b’mod prinċipali, hija tinvoka n-nuqqas ta’ koerenza tar-rikors. It-tieni nett, sussidjarjament, hija tibbaża ruħha fuq in-nuqqas ta’ interess ġuridiku tar-rikorrenti sabiex jitlob l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tikkonċerna l-miżuri favur Frankfurt Hahn. It-tielet nett, ukoll sussidjarjament, hija tinvoka n-nuqqas ta’ locus standi tar-rikorrenti.

86      Il-Land iqajjem, min-naħa tiegħu, eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà addizzjonali, ibbażata fuq id-dekadenza tar-rikors.

87      Il-Kummissjoni u l-intervenjenti jsostnu wkoll li r-rikors huwa, fi kwalunkwe każ, infondat.

88      Ir-rikorrenti ssostni li r-rikors huwa ammissibbli u fondat. Hija żżid, min-naħa, li l-Land ma għadx għandu interess fis-soluzzjoni tat-tilwima u għalhekk tilef il-kwalità tiegħu ta’ intervenjent u, min-naħa l-oħra, li r-risposta hija inammissibbli.

89      F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tqis li għandha tiġi eżaminata, l-ewwel nett, l-ammissibbiltà tar-risposta, it-tieni nett, jekk il-Land iżommx il-kwalità tiegħu ta’ parti intervenjenti u, it-tielet nett, l-ammissibbiltà tar-rikors. Huwa biss jekk ir-rikors huwa ammissibbli, r-raba’ nett, li l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi, jekk ikun il-każ, fuq il-fondatezza tiegħu.

A.      Fuq l-ammissibbiltà tar-risposta

90      Ir-rikorrenti ssostni li r-risposta tal-Kummissjoni hija inammissibbli fl-intier tagħha, minħabba li tinkludi kunsiderazzjonijiet inkoerenti u inkomprensibbli. Fil-fatt, f’din in-nota, il-Kummissjoni tbiegħdet mill-istruttura tad-deċiżjoni kkontestata mingħajr raġuni apparenti, bidlet l-ordni tal-elementi eżaminati, eliminat arbitrarjament l-elementi tal-evalwazzjoni ta’ ċerti miżuri u kkontestat l-fatti stabbiliti. Barra minn hekk, il-punt 2.2.2.1 tal-imsemmija nota hija preċeduta b’titolu li ma jikkorrispondix mal-kontenut tiegħu.

91      Il-Kummissjoni titlob li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tiġi miċħuda.

92      Skont l-Artikolu 81(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-risposta għandha tinkludi l-motivi u l-argumenti invokati. Minn dan isegwi li, sabiex tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali u amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, din in-nota hija ammissibbli biss jekk l-elementi essenzjali ta’ fatt u ta’ dritt li fuqhom ikun ibbażat jirriżultaw, minn tal-inqas fil-qosor iżda b’mod koerenti u li jinftiehem, mit-test tiegħu (sentenza tal-5 ta’ Marzu 2014, HP Health Clubs Iberia vs UASI – Shiseido (ZENSATIONS), T‑416/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:104, punt 18).

93      Issa, f’dan il-każ, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-motivi u l-argumenti li tinvoka l-Kummissjoni jirriżultaw mit-test tar-risposta bi grad ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni suffiċjenti. B’hekk, jirriżulta b’mod ċar minn din in-nota li l-Kummissjoni, minn naħa, tikkontesta l-ammissibbiltà tal-azzjoni minħabba nuqqas ta’ koerenza tar-rikors u fuq nuqqas ta’ interess ġuridiku u ta’ locus standi tar-rikorrenti (punt 1), u, min-naħa l-oħra, isostni l-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tirrigwarda l-miżuri favur Ryanair (punt 2), fuq il-miżuri favur Frankfurt Hahn (punt 3) u fuq l-iskali tat-tariffi (punt 4). Anki jekk jiġi pprovati, iċ-ċirkustanzi li l-Kummissjoni ma qablitx mal-istruttura tad-deċiżjoni kkontestata, naqset milli tirreferi għall-fatti kollha li r-rikorrenti tqis rilevanti, tikkontesta fatti allegatament stabbiliti u naqset li tissuperviżjona l-korrispondenza bejn il-kontenut u t-titolu tiegħu ma tneħħi xejn miċ-ċarezza u l-koerenza ta’ din l-espożizzjoni. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, fir-replika, ir-rikorrenti kienet f’pożizzjoni li tidentifika l-argumenti ppreżentati fir-risposta u tirrispondi għalihom.

94      L-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq l-allegata natura inkoerenti tar-risposta għalhekk tista’ biss tiġi miċħuda.

B.      Fuq l-intervent tal-Land

95      Bi tweġiba għall-mistoqsijiet bil-miktub magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u għad-domandi orali magħmula mill-Qorti Ġenerali waqt is-seduta, ir-rikorrenti sostniet li l-Land ma kienx għad għandu interess dirett u attwali fis-soluzzjoni tat-tilwima, peress li kien biegħ is-sehem tiegħu f’FFHG fis-sajf tal‑2017, wara d-digriet tas-26 ta’ Frar 2016, Deutsche Lufthansa vs Il-Kummissjoni (T-492/15, mhux ippubblikat, EU:T:2016:126), il-President tas-Sitt Awla tal-Qorti Ġenerali ġie ammess sabiex jintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Il-Land kien għalhekk tilef l-istatus tiegħu ta’ intervenjent.

96      Il‑Kummissjoni u l-intervenjenti, jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

97      Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, applikabbli għall-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-imsemmi Statut, kull persuna li tiġġustifika interess fis-soluzzjoni kawża minbarra kawża bejn Stati Membri, bejn istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea jew bejn Stati Membri, minn naħa, u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, min-naħa l-oħra, għandha dritt li tintervjeni. L-interess fis-soluzzjoni tat-tilwima fis-sens tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jinftiehem bħala interess dirett u attwali sabiex jintlaqgħu t-talbiet li insostenn tagħhom isir l-intervent (digriet tal-10 ta’ Jannar 2006, Diputación Foral de Álava u Gobierno Vasco vs Il-Kummissjoni, T‑227/01, EU:T:2006:3, punti 4 u 15). Dan l-interess għandu jissussisti sat-tmiem tat-tilwima (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2010, Il-Greċja et vs Il-Kummissjoni, T-415/05, T-416/05 u T-423/05, EU:T:2010:386, punti 64 u 65).

98      Minn dan isegwi li l-aċċettazzjoni tal-Land biex jintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni, b’digriet tas-26 ta’ Frar 2016, Deutsche Lufthansa vs Il-Kummissjoni (T-492/15, mhux ippubblikata, EU:T:2016:126), ma jipprekludix li, fl-istadju tas-sentenza, ipproċediet għal eżami ġdid tal-ammissibbiltà tal-intervent tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Lulju 1999, Hüls vs Il-Kummissjoni (C‑199/92 P, EU:C:1999:358, punt 52).

99      F’dan il-każ, għandu jiġi osservat li, fil-punt 13 tad-digriet tas-26 ta’ Frar 2016, Deutsche Lufthansa vs Il-Kummissjoni (T-492/15, mhux ippubblikat, EU:T:2016:126), il-President tas-Sitt Awla tal-Qorti Ġenerali, huwa minnu li l-Land kien wieħed “l-azzjonisti ewlenin ta’ FFHG”.

100    Madankollu, għandu jitfakkar li fil-kuntest ta’ azzjoni għal annullament kontra deċiżjoni li biha l-Kummissjoni tikklassifika ċerti miżuri adottati minn entità infrastatali li ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat jew li jiġu ddikjarati kompatibbli mas-suq intern, l-entità infrastatali li adottat dawn il-miżuri tiġġustifika interess fis-soluzzjoni tat-tilwima fis-sens tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali li tiddeċiedi fuq tilwima bħal din tista’ potenzjalment twassal għal tħassib dwar il-klassifikazzjoni ta’ dawn il-miżuri u, għalhekk, tipproduċi effetti legali ta’ natura li jaffettwaw l-interessi stess tal-entità infrastatali li tkun l-awtriċi tiegħu, b’mod partikolari billi taffettwa l-abbiltà tagħha li twettaq, kif jidhrilha, il-kompetenzi tagħha (digriet tal-4 ta’ Frar 2015, Grandi Navi Veloci vs Il-Kummissjoni, T-506/14, mhux ippubblikat, EU:T:2015:102, punti 12 sa 15).

101    Issa, fil-punt 13 tad-digriet tas-26 ta’ Frar 2016, Deutsche Lufthansa vs Il-Kummissjoni (T-492/15, mhux ippubblikat, EU:T:2016:126), il-President tas-Sitt Awla ikkonkluda li l-Land kellu interess fis-soluzzjoni tat-tilwima, minħabba, b’mod partikolari, l-interess li kien hemm għal entità territorjali bħalma hi l-Land li jintervjeni f’kawża li kienet tirrigwarda l-legalità tad-deċiżjoni li ddikjarat kompatibbli mas-suq intern diversi miżuri li għalihom huwa kien ikkontribwixxa mhux biss bħala azzjonist ta’ FFHG, iżda wkoll permezz ta’ sussidji.

102    Barra minn hekk, fil-punt 14 tad-digriet tas-26 ta’ Frar 2016, Deutsche Lufthansa vs Il-Kummissjoni (T-492/15, mhux ippubblikat, EU:T:2016:126), sabiex jikkonkludi li l-Land kellu interess fl-eżitu tal-kawża, il-President tas-Sitt Awla qies ukoll li kien hemm lok li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata kien jipperikola l-isforzi mwettqa mil-Land sa mis-snin 1990 biex jinħoloq ajruport intiż sabiex jinħatt l-ajruport ta’ Frankfurt am Main u sabiex jiġi żviluppat ir-reġjun ta’ Hunsrück fil-Ġermanja.

103    F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-Land għandu interess fis-soluzzjoni tat-tilwima u, konsegwentement, ma tilifx il-kwalità tiegħu ta’ intervenjent minħabba l-bejgħ tal-ishma tiegħu f’FFHG.

C.      Fuq l-ammissibbiltà tal-azzjoni

1.      Fuq un-nuqqas ta’ koerenza tar-rikors

104    Fir-risposta tagħha, il-Kummissjoni, sostnuta minn Ryanair, issostni li l-azzjoni ma tissodisfax ir-rekwiżiti formali previsti fl-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura. Fil-fatt, skont il-Kummissjoni, mir-rikors ma joħorġux b’mod koerenti l-motivi invokati. Minn naħa, fil-parti tar-rikors fejn huma stabbiliti dawn il-motivi tirrigwarda biss l-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat u, għalhekk, tkopri biss parzjalment l-allegati problemi kkawżati mid-deċiżjoni kkontestata u li huma deskritti fit-taqsimiet preċedenti tal-imsemmi ir-rikors. L-imsemmija motivi jikkonċernaw biss l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, li bih il-Kummissjoni, b’applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat, eskludiet l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat favur Ryanair.

105    Min-naħa l-oħra, il-parti tar-rikors fejn huma deskritti l-motivi invokati la huma koerenti u lanqas jinftiehmu, inkwantu huma jirrigwardaw konstatazzjoni allegatament żbaljata tal-fatti u l-evalwazzjoni allegatament żbaljata ta’ dawn fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat. Fil-fatt, il-preżentata li tinsab f’din il-parti hija ridotta għal sempliċi allegazzjoni ġenerali, mingħajr spjegazzjoni oħra minbarra riferiment ġenerali għall-kumplament tar-rikors.

106    Ir-rikorrent jitlob li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tiġi miċħuda.

107    Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura, kull rikors għandu jindika s-suġġett tat-tilwima, il-motivi u l-argumenti invokati kif ukoll espożizzjoni sommarja tal-imsemmija motivi. Indipendentement minn kull kwistjoni ta’ terminoloġija, din l-informazzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed sabiex tippermetti li l-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u li l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi fuq ir-rikors, jekk ikun il-każ, mingħajr ebda informazzjoni oħra sabiex issostniha. Sabiex tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali u amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, huwa neċessarju, sabiex rikors ikun ammissibbli fir-rigward tal-Artikolu 76(d) tar-Regolament Proċedurali, li l-elementi essenzjali ta’ fatt u ta’ dritt li fuqhom ikun ibbażat jirriżultaw, tal-inqas fil-qosor, iżda b’mod koerenti u komprensibbli mir-rikors innifsu (ara s-sentenzi tat-12 ta’ Mejju 2016, L-Italja vs Il-Kummissjoni, T-384/14, EU:T:2016:298, punt 38 (mhux ippubblikata) u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas-27 ta’ April 2017, Germanwings vs Il-Kummissjoni, T-375/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:289, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

108    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li r-rikors huwa ppreżentat fi struttura atipika. Fil-fatt, ir-rikors fih preżentata tal-fatti tal-kawża u tas-suġġett tar-rikors (punt 1), sommarju ta’ ċerti lmenti invokati (punt 2), espożizzjoni ddettaljata tal-ilmenti kollha invokati (punti 3 sa 9), dwar l-ammissibbiltà tar-rikors (punt 10) kif ukoll kunsiderazzjonijiet qosra dwar il-“fondatezza tar-rikors” (punt 11).

109    Madankollu, jirriżulta b’mod suffiċjentement ċar mir-rikors li r-rikorrenti qed titlob l-annullament sħiħ tad-deċiżjoni kkontestata u tqajjem insostenn ta’ din it-talba seba’ motivi distinti. Għall-kuntrarju ta’ dak li jista’ jimplika t-titolu tagħha, il-parti “fondata tal-azzjoni” ma għandhiex l-għan li tesponi b’mod eżawrjenti u limitattiv il-motivi kollha tal-azzjoni. Għall-kuntrarju, din il-parti hija limitata, essenzjalment, għat-tfakkir li ċerti lmenti invokati huma suġġetti għall-istħarriġ ġudizzjarju tal-Qorti Ġenerali.

110    Għandu wkoll jiġi rrilevat li, kif tosserva r-rikorrenti, il-Kummissjoni, fir-risposta tagħha, identifikat il-motivi invokati f’dan il-każ u rrifjutat b’mod iddettaljat kull waħda minnhom.

111    Minn dan isegwi li l-motivi u l-ilmenti tar-rikors jirriżultaw mit-test tar-rikors b’mod suffiċjentement ċar, preċiż u koerenti sabiex jippermetti lill-Kummissjoni tipprepara d-difiża tagħha u lill-Qorti Ġenerali li tiddeċiedi fuq ir-rikors.

112    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq l-allegata inkoerenza tar-rikors għandha tiġi miċħuda.

2.      Fuq in-nuqqas ta’ locus standi

113    Il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, isostni, sussidjarjament, li r-rikorrenti ma għandhiex locus standi abbażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Il-Kummissjoni tqajjem żewġ argumenti insostenn ta’ din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq nuqqas ta’ interess dirett u individwali tar-rikorrenti u, it-tieni, l-assenza ta’ natura regolamentari tad-deċiżjoni kkontestata.

114    Skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika tista’, taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-ewwel u fit-tieni paragrafi ta’ dan l-artikolu, tippreżenta rikors kontra att indirizzat lilha jew li jirrigwardaha direttament u individwalment, kif ukoll kontra att regolatorju li jirrigwardaha direttament u li ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni.

115    Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jidentifika b’hekk tliet ipoteżijiet li fihom rikors għal annullament imressaq minn persuna fiżika jew ġuridika jista’ jiġi ddikjarat ammissibbli, u għandu jiġi eżaminat jekk waħda minn dawn isseħħx f’dan il-każ sabiex tittieħed pożizzjoni fuq din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà.

116    Qabelxejn, għandu jiġi kkonstatat li, kif jirriżulta mill-Artikolu 4 tad-deċiżjoni kkontestata, din tal-aħħar għandha biss bħala destinatarja lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u mhux lir-rikorrenti. Dan huwa hekk peress li l-proċedura ta’ investigazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat tkun, inkunsiderazzjoni tal-istruttura ġenerali tagħha, proċedura miftuħa fil-konfront tal-Istat Membru responsabbli għall-għoti tal-għajnuna (sentenzi tal-24 ta’ Marzu 2011, Freistaat Sachsen u Land Sachsen-Anhalt vs Il-Kummissjoni, T-443/08 u T-455/08, Ġabra, EU:T:2011:117, punt 50, u tat-12 ta’ Novembru 2015, HSH Investment Holdings Coinvest-C u HSH Investment Holdings FSO vs Il-Kummissjoni, T-499/12, EU:T:2015:840, punt 28). Dan ifisser li dan ir-rikors ma jistax jiġi ddikjarat ammissibbli skont l-ewwel ipoteżi prevista fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

117    F’dawn iċ-ċirkustanzi, dan ir-rikors ma jistax jiġi ddikjarat ammissibbli, skont it-tieni u t-tielet ipoteżijiet previsti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, biss jekk, minn naħa, ir-rikorrenti hija direttament u individwalment ikkonċernata mid-deċiżjoni kkontestata jew, min-naħa l-oħra, hija direttament ikkonċernata mid-deċiżjoni kkontestata u din tal-aħħar tikkostitwixxi att regolatorju li ma jinvolvix miżuri ta’ implementazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Diċembru 2013, Telefónica vs Il-Kummissjoni, C-274/12 P, EU:C:2013:852, punt 19; tas-27 ta’ Frar 2014, Stichting Woonpunt et vs Il-Kummissjoni, C-132/12 P, EU:C:2014:100, punt 44, u tas-17 ta’ Settembru 2015, Mory et vs Il-Kummissjoni, C-33/14 P, EU:C:2015:609, punt 59).

118    F’dan il-każ, għandu jiġi eżaminat, fir-rigward tat-tieni u t-tielet ipoteżijiet previsti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, il-locus standi tar-rikorrenti kontra d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tirrigwarda, minn naħa, l-miżuri ta’ Frankfurt Hahn u Ryanair (ara l-punti 119 sa 187 iktar ’il quddiem) u, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-iskeda ta’ imposti ajruportwali (ara l-punti 188 sa 212 iktar ’il quddiem).

a)      Fuq il-locus standi tar-rikorrenti li taġixxi kontra d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tirrigwarda l-miżuri favur Frankfurt Hahn u Ryanair

119    Il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrenti għandha locus standi kontra d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tirrigwarda l-miżuri ta’ Frankfurt Hahn u Ryanair jew skont it-tieni ipoteżi prevista fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u lanqas skont it-tielet ipoteżi prevista minn din id-dispożizzjoni.

120    F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tqis li hemm lok li jiġu eżaminati suċċessivament iż-żewġ ipoteżijiet imsemmija fil-punt 119 iktar ’il fuq.

1)      Fuq it-tieni ipoteżi msemmija fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE

121    Il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrenti ma stabbilixxietx li hija direttament u individwalment ikkonċernata, fl-ewwel lok, mill-miżuri favur Frankfurt Hahn u, fit-tieni lok, mill-miżuri favur Ryanair.

122    L-ewwel nett, il-Kummissjoni tfakkar li l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata tirrigwarda l-għoti ta’ miżuri għal Frankfurt Hahn. Issa, ir-rikorrenti, li ma toperax ajruport, ma spjegatx b’liema mod tali miżuri jikkonċernawha fil-kwalità tagħha ta’ linja tal-ajru.

123    Ir-rikorrenti ssostni li kompetitriċi tagħha Ryanair ibbenefikat minn trasferiment ta’ parti kbira tal-miżuri favur Frankfurt Hahn, fatt li huwa kkontestat mill-Kummissjoni u mill-intervenjenti. Fl-atti tagħha ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-29 ta’ April 2016, ir-rikorrenti tinvoka, f’dan ir-rigward, żewġ kunsiderazzjonijiet addizzjonali mressqa bħala motivi ġodda, u li tagħhom il-Kummissjoni u l-intervenjenti jinvokaw l-inammissibbiltà.

124    Fit-tieni lok, il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, issostni li r-rikorrenti naqset milli tistabbilixxi li hija kienet direttament u individwalment ikkonċernata mid-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tirrigwarda l-miżuri favur Ryanair. Fil-fatt, minn naħa, l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ kompetizzjoni mal-benefiċjarju tal-għajnuna ma jistax ikun biżżejjed sabiex juri li r-rikorrenti hija direttament effettwata mid-deċiżjoni kkontestata. Min-naħa l-oħra, sabiex jiġi stabbilit l-interess individwali tagħha, r-rikorrenti llimitat ruħha, fir-rikors tagħha, li tibbaża ruħha fuq il-fatt li hija kienet ressqet ilment quddiem il-Kummissjoni dwar għajnuna mill-Istat, mingħajr ma dan il-fatt jista’ jkun suffiċjenti sabiex tistabbilixxi li r-rikorrenti hija kkonċernata individwalment bid-deċiżjoni kkontestata.

125    Il-Land jgħid li r-rikorrenti ma tistax, sabiex jiġi stabbilit l-interess individwali tagħha, tikkuntenta ruħha li tinvoka l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ kompetizzjoni mal-benefiċjarju tal-allegata għajnuna. Hija r-rikorrenti li għandha l-obbligu tistabbilixxi l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ kompetizzjoni speċifika li tippermetti li tiġi individwalizzata meta tiġi mqabbla ma’ sempliċi kompetituri tal-benefiċjarju preżunt tal-għajnuna. F’dan il-każ, ir-rikorrenti setgħet, b’mod partikolari, tipproduċi prova konkreta li s-sussidji allegati kienu ġew użati minn Ryanair sistematikament sabiex toffri, għal konnessjonijiet tal-ajru partikolari li r-rikorrenti kienet topera sa dak iż-żmien b’mod kosteffiċjenti, prezzijiet aggressivi li l-effett fuq terminu medju jew twil kien li jitnaqqas il-marġni ta’ profitt tagħha sa punt li jipperikola l-eżistenza tagħha. Issa, ir-rikorrenti naqset milli tissodisfa l-oneru tal-prova li jaqa’ fuqha f’dan ir-rigward. Hija lanqas ma indikat is-swieq rilevanti. Mill-bqija, ir-rotot tal-ajru kkonċernati huma moqdija minn numru kbir ta’ kompetituri, li, skont il-ġurisprudenza, huwa fatt li jiddilwixxi l-effetti tal-miżuri inkwistjoni sal-punt li jeskludi, fil-prinċipju, kull effett sostanzjali tal-pożizzjoni tar-rikorrenti fis-suq.

126    Ir-rikorrenti tikkontesta l-argument tal-Kummissjoni u tal-Land. Ir-rikorrenti tinvoka, l-ewwel nett, fil-kwalità tagħha ta’ lanjanti u, għaldaqstant fil-kwalità tagħha ta’ parti interessata, fis-sens tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [108 TFUE] (ĠU 1999, L 83, p. 1), li għandhom importanza kruċjali, it-tieni nett, li l-locus standi tagħha qatt ma ġie ikkontestat fil-kuntest ta’ proċedura quddiem il-qrati Ġermaniżi li kienet parti fiha sa mill-2006 u li tikkonċerna l-għajnuna mill-Istat mogħtija lil Ryanair u, it-tielet nett, li l-finanzjament dirett u indirett ta’ Ryanair minn FFHG għandu impatt sostanzjali fuq il-kompetizzjoni u, għalhekk, fuqha. Insostenn ta’ dan l-argument, ir-rikorrenti tipproduċi, b’mod partikolari, żewġ dokumenti ġodda, jiġifieri estratti tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2069 tal-1 ta’ Ottubru 2014 dwar il-miżuri SA.14093 (C 76/2002) li l-Belġju implimenta favur Brussels South Charleroi Airport u Ryanair (ĠU 2016, L 325, p. 63) (l-Anness K 83), u stqarrija għall-istampa ta’ Ryanair f’Marzu 2017. Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti ssostni li l-argument tal-Land dwar l-assenza ta’ prova ta’ relazzjoni ta’ kompetizzjoni speċifika bejnha u Ryanair hija inammissibbli, peress li ma ġiex imqajjem mill-Kummissjoni.

127    F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tqis li, qabel ma jiġi ddeterminat jekk ir-rikorrenti stabbilixxietx li hija direttament u individwalment ikkonċernata mid-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tirrigwarda l-miżuri favur Frankfurt Hahn u Ryanair, għandu jiddeċiedi fuq l-ammissibbiltà, minn naħa, l-Annessi K 83 u K 84 u, min-naħa l-oħra, li l-argument tal-Land dwar in-nuqqas ta’ effett sostanzjali tal-pożizzjoni tar-rikorrenti fuq is-suq.

i)      Fuq l-ammissibbiltà tal-Annessi K 83 u K 84

128    Il-Kummissjoni, sostnuta mill-partijiet intervenjenti, tfakkar, essenzjalment, li provi ġodda jistgħu jiġu prodotti wara l-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura, iżda qabel l-għeluq tal-fażi orali tal-proċedura, bil-kundizzjoni li l-preżentata tardiva tagħhom tkun iġġustifikata. Issa, ir-rikorrenti bl-ebda mod ma ġġustifikat il-produzzjoni ta’ dawn il-provi l-ġodda wara ż-żewġ skambji ta’ risposti.

129    Skont l-Artikolu 85(3) tar-Regoli tal-Proċedura, huwa biss “[f]’każijiet eċċezzjonali, [li l]-partijiet prinċipali jistgħu jipproduċu jew jipproponu provi ġodda anki qabel l-għeluq tal-fażi orali tal-proċedura jew qabel ma l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li taqta l-kawża mingħajr il-fażi orali tal-proċedura, bil-kundizzjoni li jiġġustifikaw għaliex dawn il-provi ġew prodotti jew proposti tard”.

130    Madankollu, minn naħa, għandu jiġi osservat li dokument, bħalma huma s-siltiet mid-Deċiżjoni 2016/2069 li tirreferi għalihom ir-rikorrenti, jagħmel parti mill-prattika deċiżjonali tal-Kummissjoni u ma tikkostitwixxix, konsegwentement, prova nnifisha, b’mod partikolari fis-sens tal-Artikolu 85 tar-Regoli tal-Proċedura. Parti għandha d-dritt li tagħmel riferiment għal din il-prattika quddiem il-Qorti Ġenerali, inkluż meta, bħal f’dan il-każ, tittieħed wara l-proċedura quddiem il-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Frar 2017, International Gaming Projects vs EUIPO — adp Gauselmann (TRIPLE EVOLUTION), T-82/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:66, punti 17 u 19, u tat-26 ta’ Ottubru 2017, Alpirsbacher Klosterbräu Glauner vs EUIPO (Klosterstoff), T-844/16, EU:T:2017:759, punt 57).

131    Min-naħa l-oħra, hemm lok li jiġi osservat li għat-tardività tal-preżentata, skont l-Artikolu 85 tar-Regoli tal-Proċedura, ta’ prova hija ġġustifikata b’mod eċċezzjonali meta l-parti li tippreżentaha tkun kisbitha biss wara l-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura.

132    Issa, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-istqarrija għall-istampa ta’ Ryanair, li tinsab fl-Anness K 84, wara l-preżentata tar-replika, li sar fil-5 ta’ Frar 2016. Il-produzzjoni tagħha bħala evidenza ġdida f’konformità mal-att tas-26 ta’ Mejju 2017 huwa ġġustifikat b’mod eċċezzjonali.

133    Għalhekk, l-Annessi K 83 u K 84 għandhom jiġu ddikjarati ammissibbli.

ii)    Fuq l-ammissibbiltà tal-argument tal-Land dwar in-nuqqas ta’ effett sostanzjali tal-pożizzjoni tar-rikorrenti fis-suq

134    Skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 142 tar-Regoli tal-Proċedura, l-għan tal-intervent jista’ jkun biss li jiġu sostnuti kompletament jew parzjalment it-talbiet ta’ waħda mill-partijiet prinċipali. Skont il-ġurisprudenza, parti intervenjenti tista’, madankollu, tressaq argumenti differenti minn dawk tal-parti li hija ssostni, sakemm dawn ma jbiddlux il-kuntest tal-kawża u li l-intervent ikun intiż dejjem għas-sostenn tat-talbiet ippreżentati minn din tal-aħħar (sentenzi tat-8 ta’ Ġunju 1995, Siemens vs Il-Kummissjoni, T-459/93, EU:T:1995:100, punt 21, u tat-13 ta’ April 2005, Verein für Konsumenteninformation vs Il-Kummissjoni, T-2/03, EU:T:2005:125, punt 52).

135    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-rekwiżit ta’ interess individwali msemmi fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE huwa ssodisfatt b’mod partikolari fejn ir-rikorrent juri li l-pożizzjoni tiegħu fis-suq hija affettwata sostanzjalment mill-għajnuna li hija s-suġġett tad-deċiżjoni inkwistjoni (sentenzi tat-13 ta’ Diċembru 2005, Il-Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum, C-78/03 P, EU:C:2005:761, punt 37, u tat-22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il-Kummissjoni, C-487/06 P, EU:C:2008:757, punt 30). Issa, fir-risposta, il-Kummissjoni, fil-kuntest tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq in-nuqqas ta’ locus standi tar-rikorrenti, sostniet li din tal-aħħar ma kinitx stabbilixxiet li hija kienet individwalment ikkonċernata mid-deċiżjoni kkontestata.

136    Minn dan isegwi li l-argument tal-Land dwar nuqqas ta’ effett sostanzjali tal-pożizzjoni tar-rikorrenti fis-suq huwa marbut mill-qrib mal-argumenti mressqa mill-Kummissjoni fir-risposta tagħha fir-rigward tan-nuqqas ta’ interess individwali tar-rikorrenti u, konsegwentement, mal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tal-Kummissjoni bbażata fuq in-nuqqas ta’ locus standi tar-rikorrenti. Għaldaqstant, ma jistax jiġi kkunsidrat li dan l-argument ibiddel il-kuntest tal-kawża u lanqas li l-intervent ma huwiex iktar intiż insostenn tat-talbiet ippreżentati mill-Kummissjoni.

137    Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li l-argument tal-Land dwar in-nuqqas ta’ effett sostanzjali tal-pożizzjoni fis-suq tar-rikorrenti huwa ammissibbli.

iii) Fuq l-interess dirett u individwali tar-rikorrenti

138    Rikors għal annullament huwa ammissibbli skont it-tieni ipoteżi prevista fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, biss jekk ir-rikorrenti hija direttament u individwalment ikkonċernata mid-deċiżjoni kkontestata. Il-kundizzjonijiet tal-interess dirett u individwali mid-deċiżjoni kkontestata huma kumulattivi (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal‑11 ta’ Novembru 2014, Nguyen vs Il-Parlament u Il-Kunsill, T-20/14, EU:T:2014:955, punt 55, u sentenza tas-16 ta’ Mejju 2018, Netflix International u Netflix vs Il-Kummissjoni, T-818/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:274, punt 70). Għaldaqstant huwa biżżejjed li waħda minn dawn il-kundizzjonijiet tkun nieqsa sabiex rikors ma jkunx jista’ jiġi ddikjarat ammissibbli skont it-tieni ipoteżi msemmija fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

139    F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tqis li huwa xieraq li l-ewwel għandha tiġi eżaminata l-kundizzjoni tal-interess individwali.

140    F’dan ir-rigward, huwa importanti jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, persuni li ma humiex id-destinatarji ta’ deċiżjoni jistgħu jallegaw li huma kkonċernati individwalment biss fil-każ li din id-deċiżjoni tolqothom minħabba ċerti kwalitajiet li huma partikolari għalihom jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tikkaratterizzahom fil-konfront ta’ kull persuna oħra u, minħabba dan il-fatt, tindividwalizzahom b’mod analogu bħalma jkun individwalizzat id-destinatarju ta’ deċiżjoni (sentenzi tal-15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il-Kummissjoni, 25/62, EU:C:1963:17, p. 223; tas-17 ta’ Settembru 2015, Mory et vs Il-Kummissjoni, C‑33/14 P, EU:C:2015:609, punt 93, u tat-12 ta’ Mejju 2016, Hamr – Sport/Commission, T-693/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:292, punt 32).

141    Fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, ġew irrikonoxxuti bħala individwalment ikkonċernati minn deċiżjoni tal-Kummissjoni li tagħlaq il-proċedura miftuħa skont l-Artikolu 108(2) TFUE, minbarra l-impriża benefiċjarja, l-impriżi kompetituri ta’ din tal-aħħar li kellhom rwol attiv fil-kuntest ta’ din il-proċedura, sakemm il-pożizzjoni tagħhom fis-suq tkun affettwata sostanzjalment mill-miżura ta’ għajnuna li hija s-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata (sentenza tat-28 ta’ Jannar 1986, Cofaz et vs Il-Kummissjoni, 169/84, EU:C:1986:42, punt 25; tat-22 ta’ Novembru 2007, Sniace vs Il-Kummissjoni, C-260/05 P, EU:C:2007:700, punt 55, u tas-17 ta’ Settembru 2015, Mory et vs Il-Kummissjoni, C-33/14 P, EU:C:2015:609, punt 98).

142    F’dan il-każ, ir-rikorrenti ma hijiex benefiċjarja tal-miżuri favur Frankfurt Hahn u Ryanair. Madankollu, hija ressqet ilment quddiem il-Kummissjoni u ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fil-kuntest ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali. Mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta, b’mod partikolari, li r-rikorrenti ppreżentat lill-Kummissjoni “informazzjoni ddettaljata” u kummenti dwar id-deċiżjoni tal-ftuħ tal‑2008, kif ukoll kummenti dwar l-applikazzjoni tal-Linji Gwida tal-2014 għal din il-kawża. Għandu għalhekk jiġi kkonstatat li r-rikorrenti kellha rwol attiv fl-iżvolġiment tal-proċedura amministrattiva, u dan ma huwiex ikkontestat mill-Kummissjoni.

143    Madankollu, għandu jiġi osservat, bħalma tagħmel il-Kummissjoni, li ma jistax jiġi dedott mis-sempliċi parteċipazzjoni fil-proċedura amministrattiva tar-rikorrenti li hija individwalment ikkonċernata mid-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2007, Sniace vs Il-Kummissjoni, C-260/05 P, EU:C:2007:700, punt 60, u d-digriet tas-26 ta’ Settembru 2016, Greenpeace Energy et vs Il-Kummissjoni, T-382/15, mhux ippubblikat, EU:T:2016:589, punt 39), anki jekk, bħal f’dan il-każ, kellha rwol importanti f’din il-proċedura amministrattiva, billi ppreżentat l-ilment li kien l-oriġini tad-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2009, 3F vs Il‑Kummissjoni, C‑319/07 P, EU:C:2009:435, punti 94 u 95). Ir-rikorrenti għandha, fi kwalunkwe każ, turi li l-miżura li hija s-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata kienet ta’ natura li setgħet taffettwa kunsiderevolment il-pożizzjoni tagħha fis-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2007, Sniace vs Il-Kummissjoni, C-260/05 P, EU:C:2007:700, punt 60, u d-digriet tas-26 ta’ Jannar 2012, Mojo Concerts B.V. u Amsterdam Music Dome Exploitatie vs Il-Kummissjoni, T-90/09, mhux ippubblikata, EU:T:2012:30, punt 33).

144    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi eżaminat jekk il-miżuri favur Frankfurt Hahn u Ryanair setgħu jaffettwaw sostanzjalment il-pożizzjoni kompetittiva tar-rikorrenti fuq is-suq jew is-swieq inkwistjoni.

145    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li s-sempliċi fatt li att jista’ jeżerċita ċerta influwenza fuq ir-relazzjonijiet ta’ kompetizzjoni fis-suq rilevanti u li l-impriża kkonċernata tkun tinsab f’xi relazzjoni ta’ kompetizzjoni mal-benefiċjarju ta’ dan l-att ma huwiex fi kwalunkwe każ suffiċjenti sabiex tali impriża tista’ titqies li hija individwalment ikkonċernata mill-imsemmi att. Għalhekk, impriża ma tistax tibbaża ruħha biss fuq il-kwalità tagħha ta’ kompetitriċi fir-rigward tal-impriża benefiċjarja (sentenzi tas-17 ta’ Settembru 2015, Mory et vs Il-Kummissjoni, C-33/14 P, EU:C:2015:609, punti 99 u 100, u tas-26 ta’ Settembru 2014, Dansk Automat Brancheforening vs Il-Kummissjoni, T-601/11, EU:T:2014:839, punt 41).

146    Skont ġurisprudenza stabbilita, r-rikorrenti, li għandha l-oneru tal-prova, (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas-26 ta’ Settembru 2016, Greenpeace Energy et vs Il-Kummissjoni, T-382/15, mhux ippubblikata, EU:T:2016:589, punt 68), li għandha tipproduċi provi tali li jistabbilixxu l-partikolarità tas-sitwazzjoni kompetittiva tagħha (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas-27 ta’ Mejju 2004, Deutsche Post u DHL vs Il-Kummissjoni, T-358/02, EU:T:2004:159, punt 38, u s-sentenza tal-10 ta’ Frar 2009, Deutsche Post u DHL International vs Il-Kummissjoni, T‑388/03, EU:T:2009:30, punti 49 u 51).

147    Ċertament, fid-dawl tal-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju li l-qorti tal-Unjoni għandha twettaq, hija ma tistax, fl-istadju tal-eżami tal-ammissibbiltà, tippronunzja ruħha b’mod definittiv fuq ir-relazzjonijiet ta’ kompetizzjoni bejn ir-rikorrenti u l-impriża allegatament benefiċjarja tal-għajnuna inkwistjoni. Madankollu, hija r-rikorrenti li għandha tindika b’mod rilevanti r-raġunijiet li għalihom l-għajnuna inkwistjoni tista’ tippreġudika l-interessi leġittimi billi taffettwa sostanzjalment il-pożizzjoni tagħha fis-suq inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Jannar 1986, Cofaz et vs Il-Kummissjoni, 169/84, EU:C:1986:42, punt 28, u d-digriet tas-26 ta’ Settembru 2016, Greenpeace Energy et vs Il-Kummissjoni, T-382/15, mhux ippubblikat, EU:T:2016:589, punt 44). Għal dan il-għan, ir-rikorrenti għandha turi l-importanza tal-preġudizzju fuq il-pożizzjoni tagħha fis-suq (digriet tas-27 ta’ Mejju 2004, Deutsche Post u DHL vs Il-Kummissjoni, T‑358/02, EU:T:2004:159, punt 37).

148    Tali preġudizzju kompetittiv ma għandux neċessarjament jiġi dedott minn elementi bħal tnaqqis kunsiderevoli tad-dħul mill-bejgħ, telf finanzjarju mhux negliġibbli jew ukoll tnaqqis sinjifikattiv tal-ishma mis-suq wara l-għoti tal-għajnuna inkwistjoni. L-għoti ta’ għajnuna mill-Istat jista’ jippreġudika s-sitwazzjoni kompetittiva ta’ operatur anki b’modi oħra, b’mod partikolari, billi jikkawża telf mid-dħul jew żvilupp inqas favorevoli minn dak li kien jirriżulta fin-nuqqas ta’ tali għajnuna. Barra minn hekk, l-intensità ta’ din il-ħsara tista’ tvarja skont numru kbir ta’ fatturi bħal, b’mod partikolari, l-istruttura tas-suq inkwistjoni jew in-natura tal-għajnuna inkwistjoni. Il-prova ta’ ħsara sostanzjali lill-pożizzjoni ta’ kompetitur fis-suq ma tistax, għaldaqstant, tkun limitata għall-preżenza ta’ ċerti elementi li jindikaw li jkun mar lura fil-kapaċitajiet kummerċjali jew finanzjarji tar-rikorrenti (sentenzi tat-22 ta’ Novembru 2007, Spanja vs Lenzing, C-525/04 P, EU:C:2007:698, punti 34 u 35; tat-22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il-Kummissjoni, C-487/06 P, EU:C:2008:757, punt 53, u tas-26 ta’ Settembru 2014, Dansk Automat Brancheforening vs Il-Kummissjoni, T-601/11, EU:T:2014:839, punt 42).

149    Il-prova ta’ preġudizzju bħal dan lanqas ma tiddependi direttament mill-ammont tal-għajnuna. Hija tiddependi fuq l-impatt tal-preġudizzju li din l-għajnuna jista’ jkollha fuq il-pożizzjoni tar-rikorrenti fis-suq inkwistjoni u, għaldaqstant, tista’ tvarja fir-rigward ta’ għajnuna ta’ ammont simili, skont kriterji bħalma huma d-daqs ta’ dan is-suq, in-natura speċifika tal-għajnuna, it-tul tal-perijodu li għalih ingħatat, in-natura prinċipali jew sekondarja tal-attività affettwata fir-rigward tar-rikorrenti u l-possibbiltajiet tagħha li tevita l-effetti negattivi tal-għajnuna. B’hekk, l-evalwazzjoni tal-importanza ta’ dan il-preġudizzju teżiġi, b’mod partikolari, li rikorrenti tipprova tiddefinixxi s-suq rilevanti u tipprovdi lill-Qorti Ġenerali l-elementi ewlenin relatati mal-istruttura ta’ dan is-suq. Hija tista’, b’mod partikolari, tinkludi informazzjoni rigward l-għadd ta’ kompetituri attivi f’dak is-suq, is-sehem tagħhom mis-suq u l-iżviluppi possibbli tagħhom wara l-għoti tal-miżuri inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2014, Sarc vs Il-Kummissjoni, T-488/11, mhux ippubblikata, EU:T:2014:497, punti 36, 37 u 43).

150    Issa, fir-rikors u fir-replika, ir-rikorrenti ma ddefinixxietx is-suq jew swieq li fihom hija qieset li sofriet preġudizzju għall-pożizzjoni kompetittiva tagħha, u lanqas a fortiori ma pproduċiet l-iċken element dwar id-daqs, l-istruttura ta’ dak is-suq u l-pożizzjoni li hija, Ryanair u l-kompetituri eventwali oħra tagħhom okkupaw f’dan is-suq jew f’dawn is-swieq matul il-perijodu rilevanti. Fl-osservazzjonijiet tagħha dwar in-nota ta’ intervent tal-Land, ir-rikorrenti lanqas ma tiddefinixxi s-suq jew is-swieq inkwistjoni, iżda tillimita ruħha li tallega li l-metodu “O&D” li għalih jirreferi l-Land, li jikkonsisti fl-inklużjoni f’suq rilevanti lill-operaturi kollha sostitwibbli bejniethom fuq rotta tal-ajru partikolari, ma huwiex applikabbli għall-għajnuna mill-Istat. Ir-rikorrenti ssostni, ċertament, li huwa meħtieġ li “jitqies it-tisħiħ tal-pożizzjoni ekonomika fin-netwerk internazzjonali kollu ta’ Ryanair”. Madankollu, hija tonqos milli tiddefinixxi l-eventwali suq fejn l-effetti ta’ tali tisħiħ fuq il-pożizzjoni kompetittiva tiegħu jistgħu jiġu evalwati.

151    Ir-rikorrenti żżid, madankollu, li hija tinsab individwalment ikkonċernata mill-miżuri inkwistjoni anki jekk il-metodu “O&D” kellu jinżamm. B’mod partikolari, ir-rikorrenti ssostni li l-miżuri inkwistjoni ppermettew lil Ryanair sabiex dejjem aktar iċaqlaq l-attivitajiet tiegħu lejn l-ikbar ajruporti bħal dawk ta’ Frankfurt am Main, Köln-Bonn (il-Ġermanja), Hamburg (il-Ġermanja) u Nürnberg (il-Ġermanja). Issa, huwa f’dawn l-ajruporti ta’ daqs kbir li l-kompetizzjoni bejn ir-rotot tal-ajru tiġi eżerċitata “fis-sens strett”. Għalhekk, Ryanair fixklet, bit-tluq mill-ajruport ta’ Frankfurt am Main, sittax-il rotot tal-ajru li r-rikorrenti topera fuqhom ukoll minn dan l-ajruport. Insostenn tal-argument tagħha, ir-rikorrenti tinvoka l-Annessi K 83 u K 84, li jinkludu, rispettivament, siltiet mid-Deċiżjoni 2016/2069 u stqarrija għall-istampa ta’ Ryanair f’Marzu 2017 (ara l-punti 128 u 133 iktar ’il fuq).

152    Waqt is-seduta, ir-rikorrenti invokat ukoll allegat trikkib fuq rotta tal-ajru bejn żewġt ibliet Frankfurt-Bologna, li kienet assigurata li titlaq mill-ajruport ta’ Frankfurt am Main u li titlaq mill-ajruport ta’ Frankfurt Hahn minn Ryanair.

153    F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jitfakkar li, bħala prinċipju, hija l-persuna li tallega fatti insostenn ta’ talba li għandha tipprova r-realtà tagħhom (digriet tal-25 ta’ Jannar 2008, Provincia di Ascoli Piceno u Comune di Monte Urano vs Apache Footwear et, C-464/07 P(I), mhux ippubblikat, EU:C:2008:49, punt 9; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Marzu 2001, Connolly vs Il-Kummissjoni, C-274/99 P, EU:C:2001:127, punt 113). Issa, f’dan il-każ, ir-rikorrenti ma invokat ebda element ta’ prova għall-finijiet li tiġi pprovata l-eżistenza ta’ trikkib li hija invokat. Ir-rikorrenti lanqas ma pproduċiet elementi li jippermettu li tiġi konkluża l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-għoti tal-miżuri favur Frankfurt Hahn u Ryanair u ċ-ċaqliq tal-attivitajiet ta’ Ryanair lejn ajruporti ta’ daqs kbir.

154    It-tieni nett, jekk wieħed jassumi li l-eżistenza ta’ trikkib li tinvoka r-rikorrenti tiġi pprovata u li r-rotot li fuqhom dawn jimmaterjalizzaw ruħhom jistgħu jitqiesu bħala swieq rilevanti, hemm lok li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma ressqet ebda element fl-istruttura u l-effett li l-għoti tal-miżuri inkwistjoni seta’ jkollha fuqhom. B’mod partikolari, ir-rikorrenti ma pprovdietx lill-Qorti Ġenerali b’informazzjoni dwar id-daqs ta’ dawn is-swieq u tat-tqassim tagħhom, ta’ dawk ta’ Ryanair u ta’ dawk tal-kompetituri eventwali tagħhom f’dawn is-swieq u tal-evoluzzjoni possibbli ta’ dawn l-ishma wara l-għoti tal-miżuri favur Ryanair u Frankfurt Hahn. Hija lanqas ma ressqet elementi oħra intiżi sabiex juru li hija kienet ġarrbet, f’dawn is-swieq, telf mid-dħul jew żvilupp inqas favorevoli minn dak li kien jirriżulta fin-nuqqas ta’ tali miżuri. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma huwiex stabbilit li l-għoti ta’ dawn il-miżuri kien affettwa sostanzjalment il-pożizzjoni kompetittiva tar-rikorrenti f’dawn is-swieq.

155    Huwa minnu wkoll, li r-rikorrenti tilmenta wkoll dwar l-effett li l-miżuri favur Ryanair u Frankfurt Hahn seta’ kellhom fuq il-pożizzjoni kompetittiva tagħha mhux fuq ir-rotot tal-ajru deskritti fil-punti 151 u 152 iktar ’il fuq, iżda fis-suq tat-trasport bl-ajru ta’ passiġġieri inġenerali. Ir-rikorrenti ssostni wkoll li hija tinsab f’relazzjoni ta’ kompetizzjoni ma’ Ryanair fuq dan is-suq, issostni li dan is-suq huwa kompetittiv ħafna u ssostni li l-pożizzjoni tagħha fis-suq ġiet sostanzjalment affettwata. B’hekk Ryanair żviluppat, b’mod partikolari, n-netwerk nazzjonali u internazzjonali tagħha mill-ajruport ta’ Frankfurt Hahn. Dan tal-aħħar ġie żviluppat bħala “bażi” ta’ Ryanair, mingħajr il-parteċipazzjoni finanzjarja ta’ din tal-aħħar. Dan kien jippermetti lil Ryanair li tesperjenza tkabbir għoli u żżid l-ishma tagħha fis-suq inkwistjoni.

156    Madankollu, ir-rikorrenti ma tiddefinixxix il-firxa ġeografika ta’ suq bħal dan u lanqas ma tagħti ebda elementi dwar l-istruttura tiegħu kif ukoll dwar l-istruttura ta’ swieq ipotetiċi deskritti fil-punti 151 u 152 iktar ’il fuq. L-iktar l-iktar, huwa possibbli li tiġi dedotta mill-elementi prodotti mir-rikorrenti li suq ipotetiku tat-trasport bl-ajru tal-passiġġieri huwa “kompetittiv ħafna” u kkaratterizzat, kif jenfasizza il-Land, mill-preżenza ta’ numru kbir ta’ operaturi, li jipprekludi li jiġi sempliċement preżunt li r-rikorrenti sofriet minn telf mid-dħul jew żvilupp inqas favorevoli minn dak li kien jirriżulta fin-nuqqas tal-miżuri favur Ryanair u ta’ Frankfurt Hahn (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-11 ta’ Jannar 2012, Phoenix-Reisen u DRV vs Il-Kummissjoni, T-58/10, mhux ippubblikat, EU:T:2012:3, punt 50).

157    Fi kwalunkwe każ, jekk wieħed jippreżumi, kif tagħmel il-Qorti Ġenerali, li trasferiment għall-benefiċċju ta’ Ryanair, tal-miżuri favur Frankfurt Hahn seħħ u dan ma sarx kompletament permezz ta’ miżuri oħra li kienu s-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata, ebda wieħed mis-sitt argumenti mressqa mir-rikorrenti sabiex tistabbilixxi li hija ġarrbet preġudizzju sostanzjali għall-pożizzjoni kompetittiva tagħha f’suq ipotetiku li t-trasport bl-ajru tal-passiġġieri minħabba l-miżuri favur Ryanair u ta’ Frankfurt Hahn ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, l-argumenti tar-rikorrenti huma limitati, essenzjalment, li jirrapportaw l-pressjoni kompetittiva ġenerali li Ryanair u linji tal-ajru rħisa jeżerċitaw fuq l-linji tal-ajru tradizzjonali.

158    L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li l-ajruport ta’ Frankfurt Hahn jinsab qrib l-ajruport ta’ Frankfurt Main, li hija l-bażi operattiva prinċipali tagħha, li l-imposti tal-ajruport applikati għal Ryanair kienu baxxi wisq u li r-relazzjoni kummerċjali bejn l-operatur ta’ Frankfurt Hahn u Ryanair kienet qed tagħmel it-telf. Dan juri, skont ir-rikorrenti, minn naħa, li l-għajnuna mogħtija lill-ajruport ta’ Frankfurt Hahn ġiet ittrasferita lil Ryanair u, min-naħa l-oħra, li hija kienet affettwata sostanzjalment fid-dawl tal-importanza ta’ dawn it-trasferimenti.

159    Issa, dan l-argument jista’ jiġi biss miċħud. Fil-fatt, qabelxejn, għandu jiġi osservat li l-prossimità ġeografika bejn l-ajruporti ta’ Frankfurt Hahn u ta’ Frankfurt am Main (115 km) u l-fatt li tal-ewwel kien, sussegwentement, fiż-żona ta’ lħuq tat-tieni jistgħu, l-iktar l-iktar, juru l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ kompetizzjoni bejn iż-żewġ ajruporti. Jekk wieħed jippreżumi li l-eżistenza ta’ tali relazzjoni seħħet u tista’ titqies bħala indikattiv tal-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ kompetizzjoni bejn ir-rikorrenti u Ryanair, huwa biżżejjed li jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 145 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ma tistax tinvoka biss il-kwalità tagħha ta’ kompetitriċi tal-impriża benefiċjarja sabiex tistabbilixxi l-effett sostanzjali fuq il-pożizzjoni kompetittiva tagħha.

160    Sussegwentement, anki jekk wieħed jippreżumi li n-natura allegatament wisq baxxa tal-imposti tal-ajruport applikati għal Ryanair u li t-telf ta’ relazzjoni kummerċjali bejn l-operatur ta’ Frankfurt Hahn u Ryanair jimplikaw trasferiment ta’ għajnuna favur Ryanair, ma jistax jiġi bbażat fuq konklużjoni dwar l-importanza tal-preġudizzju kompetittiv li r-rikorrenti ġarrbet. Fil-fatt, tali ċirkustanzi jirrigwardaw, b’mod ġenerali, in-natura tal-benefiċċji li bbenefikat minnhom Ryanair u ma humiex speċifiċi għall-effetti li tali vantaġġi seta’ kellhom fuq il-pożizzjoni kompetittiva tar-rikorrenti.

161    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-importanza allegata ta’ trasferimenti ta’ għajnuna li Ryanair allegatament ibbenefikat minnhom, huwa biżżejjed li jitfakkar li, kif jirriżulta mill-punt 149 iktar ’il fuq, il-prova ta’ effett sostanzjali tal-pożizzjoni tar-rikorrenti fis-suq inkwistjoni ma tiddependix direttament fuq l-ammont ta’ għajnuna mogħtija.

162    It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni, li bejn l-2009 u l-2011, il-flotta ta’ Ryanair kienet meqjusa ferm li kienet l-iktar linja tal-ajru importanti tal-Ewropa minn numru ta’ postijiet.

163    Dan l-argument għandu jiġi miċħud. Għandu jiġi kkonstatat li żvilupp bħal dan jista’ jiġi spjegat minn fatturi indipendenti tal-miżuri favur Frankfurt Hahn u ta’ Ryanair, bħalma huwa t-tkabbir tan-numru ta’ klijenti li jużaw it-trasport bl-ajru. Fil-fatt, ir-rikorrenti ma ressqet ebda prova intiża sabiex tistabbilixxi rabta kawżali bejn l-estensjoni tal-flotta ta’ Ryanair u dawn il-miżuri. Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti ma tinvoka l-ebda karatteristika partikolari tas-sitwazzjoni tagħha li tista’ tistabbilixxi li l-pożizzjoni kompetittiva tagħha ġiet affettwata sostanzjalment mill-imsemmija estensjoni.

164    It-tielet nett, it-tkabbir ta’ Ryanair indotta minn sussidji kkaġuna pressjoni sinjifikattiva fuq ir-rikorrenti. Hija sofriet telf sinjifikattiv fis-sehem mis-suq, tnaqqis kontinwu fil-prezz tal-biljetti tagħha u tnaqqis fid-dħul. Ir-rikorrenti kienet ukoll obbligata tadotta l-kontromiżuri tagħha stess billi nidiet linja tal-ajru rħisa u kienet obbligata tadotta programm ta’ ristrutturazzjoni msejjaħ “Score”.

165    Dan l-argument ma għandux jiġi aċċettat. Fir-rigward tal-pressjoni li allegatament ikkawżat tkabbir sinjifikattiv ta’ Ryanair fuq ir-rikorrenti, għandu jiġi osservat li din tal-aħħar ma ġġib l-ebda prova li turi li t-telf ta’ ishma fis-suq, il-waqgħa kontinwa tal-prezz tal-biljetti u t-tnaqqis fid-dħul li hija tallega li ġarrbet u t-tnedija ta’ kontromiżuri li hija tallega li hija ħadet minħabba miżuri favur Ryanair u Frankfurt Hahn. Għall-kuntrarju, l-elementi tal-fajl jissuġġerixxu li evoluzzjoni bħal din tista’ tkun attribwibbli għal fatturi oħra. B’hekk, fir-rapport ta’ attività tagħha għall-2012, prodott mill-Kummissjoni, ir-rikorrenti tispjega r-riżultati tagħha fl-2012 permezz ta’ diversi strajks. Hija tispjega wkoll ir-riżultati tagħha permezz tal-kompetizzjoni fuq it-traffiku Ewropew, mill-ispejjeż biex tkopri l-emissjonijiet CO2, mit-taxxi fil-Ġermanja u fl-Awstrija, mill-projbizzjoni ta’ titjiriet bil-lejl, kif ukoll mill-prezz għoli tal-fjuwil tal-ġett.

166    Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-programm ta’ ristrutturar Score, hemm lok li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tipproduċix u għalhekk ma tissostanzjax l-affermazzjoni tagħha li din ir-ristrutturazzjoni ssib l-oriġini tagħha fil-pressjoni kompetittiva eżerċitata minn Ryanair permezz tal-miżuri għal Frankfurt Hahn.

167    Ir-rikorrenti tagħmel, ċertament, riferiment għal artikolu fl-istampa tal-15 ta’ Ġunju 2015 li jirrigwarda l-programm ta’ rristrutturar Score. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma pproduċiet l-ebda artikolu.

168    Issa, fin-nuqqas ta’ produzzjoni tal-paġni rilevanti tal-programm Score, jew għall-inqas, ta’ sommarju probatorju tal-kontenut tiegħu, ma jistax jiġi eskluż li kif issostni l-Kummissjoni, il-miżuri ta’ tnaqqis fl-ispejjeż tal-fjuwil ġew ordnati mill-età tal-flotta tar-rikorrenti, li l-iffrankar tal-ispejjeż permezz ta’ provvisti miġbura fil-verità huma intiżi sabiex jirrimedjaw in-nuqqas ta’ integrazzjoni ta’ xi xiri addizzjonali u li l-iffrankar tal-ispejjeż permezz ta’ diviżjoni ta’ titjiriet intra-Ewropej f’titjiriet “point-to-point” u titjiriet “hub-and-spoke ” (sistema f’forma ta’ stilla jew ta’ titjiriet b’korrispondenza) kellhom l-għan li jikkoreġu l-kumplessità ta’ l-offerti ta’ titjiriet intra-Ewropej mir-rikorrenti. Fl-aħħar nett, ma jistax jiġi eskluż li sehem tad-diffikultajiet li ġġustifikaw il-programm Score oriġinaw, kif issostni wkoll il-Kummissjoni, l-isfidi deskritti fir-rapport annwali tal-attività tal-2012 tar-rikorrenti (ara l-punt 165 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, ir-rapport ta’ attività iqiegħed lill-programm Score fil-kontinwazzjoni tal-miżuri meħtieġa minħabba l-kriżi strutturali fis-settur tal-avjazzjoni fl-Ewropa, mingħajr ma jagħmel ebda riferiment għall-kompetizzjoni li tirriżulta mill-pożizzjoni ta’ Ryanair għal Frankfurt Hahn.

169    Ir-raba’ nett, id-dokument ta’ ħidma tal-Kummissjoni dwar Strateġija tal-Avjazzjoni għall-Ewropa, bid-data ta’ Diċembru 2015, juri l-fatt li l-għadd ta’ linji tal-ajru Ewropej li huma fost l-ikbar fid-dinja, fosthom ir-rikorrenti, baqa’ dejjem jonqos mill-2001.

170    Dan l-argument ma huwiex validu. Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li d-dokument ta’ ħidma dwar Strateġija tal-Avjazzjoni għall-Ewropa jindirizza x-xejriet tat-traffiku tal-ajru u la jindirizza speċifikament s-sitwazzjoni tal-ajruport ta’ Frankfurt Hahn u ta’ Frankfurt am Main u lanqas ir-relazzjonijiet bejn ir-rikorrenti u Ryanair. Għalhekk, il-fatt li, skont dan id-dokument, fl-2015, il-kumpanniji bi prezz baxx kellhom kapaċità ta’ postijiet ta’ 48 %, filwaqt li s-sehem ta’ postijiet tal-kumpaniji tradizzjonali naqas, fl-istess sena, għal 38 %, ma jwassalx li tinġibed l-ebda konklużjoni rigward l-evoluzzjoni tal-pożizzjonijiet kompetittivi rispettivi tar-rikorrenti u ta’ Ryanair, u wisq inqas li tikkunsidra li l-miżuri favur Ryanair u Frankfurt-Hahn kellhom effett sostanzjali fuq dan l-iżvilupp. Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, it-tabella 5 ta’ dan id-dokument ta’ ħidma juri li dawn il-perċentwali huma spjegati mill-fatt li l-linji tal-ajru bi prezz baxx setgħu jiksbu klijentela ġdida wara l-ftuħ tas-suq tat-trasport bl-ajru fid-disgħajnijiet, filwaqt li l-pożizzjoni fis-suq tal-linji tal-ajru tradizzjonali bħalma hi r-rikorrenti baqgħet stabbli u ma kien hemm l-ebda telf sostanzjali. Issa, xejn f’dan id-dokument ma juri li l-linji tal-ajru tradizzjonali setgħu jiksbu sehem ikbar ta’ din klijentela fin-nuqqas tal-għajnuna eventwali mill-Istat favur il-linji tal-ajru bi prezz baxx, u lanqas a fortiori li dan seta’ jkun il-każ tar-rikorrenti fl-assenza tal-miżuri favur Ryanair u Frankfurt Hahn.

171    It-tabella 2 fid-dokument ta’ ħidma dwar Strateġija tal-Avjazzjoni għall-Ewropa, verament, tagħti ħarsa ġenerali tar-riżultati finanzjarji individwali ta’ gruppi ewlenin ta’ linji tal-ajru tal-Unjoni fl-2014 u b’hekk tqabbel, b’mod partikolari, l-Grupp Lufthansa ma’ Ryanair. Minn dan jirriżulta li jekk, fl-2014, Ryanair kellha riżultati pożittivi, is-sitwazzjoni tal-grupp Lufthansa baqgħet stabbli b’mod ġenerali. B’hekk, Ryanair kellha xejra favorevoli tad-dħul annwali ta’ 12.3 % filwaqt li dik tal-Grupp Lufthansa naqas biss b’0.1 %. Minn din it-tabella jirriżulta wkoll li, fl-2014, il-marġni operattiv tal-grupp Lufthansa ir-rikorrenti baqa’ pożittiv.

172    Issa, minn naħa, dawn l-elementi ma jippermettux li jiġi kkunsidrat li, fin-nuqqas ta’ miżuri favur Ryanair u ta’ Frankfurt Hahn, ir-riżultati finanzjarji tar-rikorrenti setgħu jkunu sostanzjalment iktar favorevoli. Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi osservat li t-tabella 2 tad-dokument ta’ ħidma dwar Strateġija tal-Avjazzjoni għall-Ewropa jiffoka fuq il-bidliet fir-riżultati finanzjarji ta’ gruppi ewlenin ta’ linji tal-ajru tal-Unjoni mill-2013 għall-2014, filwaqt li l-miżuri favur Ryanair u ta’ Frankfurt Hahn kienu ngħataw bejn l-1999 u l-2012. Minbarra li l-effetti ta’ dawn il-miżuri fuq il-pożizzjoni kompetittiva tar-rikorrenti mmaterjalizzaw ruħhom biss b’dewmien ta’ diversi snin, fatt li r-rikorrenti ma allegatx f’dan il-każ, għaldaqstant ma jistax jiġi kkunsidrat li t-tabella inkwistjoni tippermetti li tinsilet xi konklużjoni f’dan ir-rigward.

173    Barra minn hekk, jekk, kif issostni r-rikorrenti, id-dokument ta’ ħidma dwar Strateġija tal-Avjazzjoni għall-Ewropa jikkonstata li l-għadd ta’ linji tal-ajru Ewropej li huma fost il-linji tal-ajru ewlenin tad-dinja naqsu mill-2001, hija ma tikkonfutax l-ispjegazzjoni tal-Kummissjoni skont liema din l-evoluzzjoni tista’ tiġi spjegata mill-fatt li s-suq Ewropew għadda minn diversi avvenimenti.

174    Il-ħames nett, ir-rikorrenti tibbaża ruħha fuq il-premessa 249 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/393/KE tat-12 ta’ Frar 2004, dwar il-benefiċċji mogħtija mir-Reġjun tal-Wallon u minn Brussels South Charleroi Airport lill-kumpannija ta’ l-ajru Ryanair rigward l-istabbiliment tagħha f’Charleroi (ĠU 2004, L 137, p. 1), li minnha jirriżulta, b’mod partikolari, li l-vantaġġ mogħti fil-forma ta’ teħid ta’ responsabbiltà mill-Istat għall-ħlas tal-ispejjeż tal-operat li normalment ikunu jridu jitħallsu minn linja tal-ajru, mhux biss joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni fuq rotta jew rotot u fuq parti partikolari mis-suq, iżda jippermetti lil din il-linja tal-ajru li saħħaħ il-pożizzjoni ekonomika tagħha fin-netwerk kollu tagħha meta mqabbla ma’ kumpanniji kompetituri.

175    Dan l-argument ma jistax jintlaqa’. F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li l-kriterji li tuża l-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi l-elementi kostitwenti ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni jew l-effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri, fil-kuntest tal-Artikolu 107 TFUE ma jissodisfawx l-istess funzjoni u ma għandhomx l-istess għan bħal dawk meħtieġa sabiex tiġi evalwata l-ammissibbiltà ta’ rikors u li huma ddefiniti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. B’hekk, l-ammissibbiltà tar-rikors ta’ persuna privata ma tistax tiġi evalwata biss fid-dawl tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-21 ta’ Frar 2006, Deutsche Post u DHL Express vs Il-Kummissjoni, C-367/04 P, mhux ippubblikata, EU:C:2006:126, punt 47). Issa, il-premessa 249 tad-Deċiżjoni 2004/393 tirrigwarda esklużivament il-kriterji tal-effett fuq il-kompetizzjoni u fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri, fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE. Għalhekk, ir-rikorrenti ma tistax tislet argument minn din il-premessa sabiex jiġi stabbilit effett sostanzjali fuq il-pożizzjoni tagħha fis-suq inkwistjoni.

176    Min-naħa l-oħra, għandu jiġi osservat li l-premessa 249 tad-Deċiżjoni 2004/393 tirrigwarda, b’mod ġenerali, l-effett ta’ għajnuna operatorja fuq il-kompetizzjoni bejn il-linji tal-ajru. Din il-premessa ma tindirizzax speċifikament l-effetti ta’ tali għajnuna fuq il-pożizzjoni kompetittiva tar-rikorrenti, u lanqas fuq il-miżuri favur Frankfurt Hahn u Ryanair. Għaldaqstant, ma tistax tippermetti lir-rikorrenti li tistabbilixxi l-partikolarità tas-sitwazzjoni kompetittiva tagħha u turi li l-pożizzjoni kompetittiva tagħha hija affettwata sostanzjalment.

177    Is-sitt nett, ir-rikorrenti targumenta li, bħala azzjonista ta’ Fraport, hija kienet imġiegħla tipparteċipa fil-finanzjament tal-iżvilupp tal-ajruport ta’ Frankfurt Hahn u fis-sussidju ta’ Ryanair. Fil-fatt, sa tmiem is-sena 2008, Fraport kienet l-azzjonista maġġoritarja ta’ FFHG u bħala tali, kienet qed tikkumpensa għat-telf tagħha u pparteċipat f’żewġ żidiet fil-kapital tagħha.

178    Issa, dan l-argument jista’ jiġi biss miċħud. Fil-fatt, ir-rikorrenti ma ppreċiżatx sa liema ammont din ikkontribwixxiet għal dan il-finanzjament fil-kwalità tagħha ta’ azzjonista ta’ Fraport, b’tali mod li ma huwiex possibbli li jiġi ddeterminat il-livell ta’ perikolu li l-pożizzjoni kompetittiva tagħha setgħet sofriet konsegwentement.

179    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-rikorrenti ma stabbilixxietx li ġarrbet tnaqqis kunsiderevoli tad-dħul mill-bejgħ, telf finanzjarju mhux negliġibbli jew ukoll tnaqqis sinjifikattiv tal-ishma tagħha tas-suq jew swieq rilevanti wara l-għoti tal-miżuri favur Ryanair u miżuri favur Frankfurt Hahn, anki meta dawn tal-aħħar kienu ġew ittrasferiti lil Ryanair. Ir-rikorrenti lanqas ma stabbilixxiet telf mid-dħul jew żvilupp inqas favorevoli minn dak li kien ġie irreġistrat fin-nuqqas ta’ tali miżuri.

180    Konsegwentement, anki jekk jiġi preżunt li l-benefiċċju tal-miżuri favur Frankfurt Hahn kien ġie ttrasferit lil Ryanair u kien ikun, kollu kemm hu jew parzjalment, minbarra miżuri oħra li kienu s-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata, madankollu ma hijiex prova li s-sitwazzjoni tar-rikorrenti fis-suq inkwistjoni ġiet sostanzjalment affettwata minn dawn il-miżuri u minn dawk favur Ryanair.

181    Konsegwentement, mingħajr il-bżonn li jiġi ddeterminat jekk il-benefiċċju tal-miżuri favur Frankfurt Hahn ġiex ittrasferit lil Ryanair u, jekk ikun il-każ, kien sar permezz tal-għoti ta’ miżuri oħra li kienu s-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata u lanqas, konsegwentement, li tiġi eżaminata l-ammissibbiltà taż-żewġ kunsiderazzjonijiet ippreżentati bħala motivi ġodda fl-att tad-29 ta’ April 2016 u invokati fir-rigward ta’ dan it-trasferiment, għandu jiġi konkluż li r-rikorrenti ma indikatx b’mod rilevanti r-raġunijiet li għalihom il-miżuri favur Frankfurt Hahn u favur Ryanair, li huma s-suġġett tal-Artikoli 1 u 2 tad-deċiżjoni kkontestata, jistgħux jkunu ta’ preġudizzju għall-interessi leġittimi tagħha billi taffettwa sostanzjalment il-pożizzjoni tagħha fis-suq jew fis-swieq rilevanti.

182    Għalhekk, peress li r-rikorrenti ma pprovatx b’mod suffiċjenti l-interess individwali tagħha fir-rigward tal-miżuri li huma s-suġġett tal-Artikoli 1 u 2 tad-deċiżjoni kkontestata, hemm lok li jiġi konkluż, mingħajr il-ħtieġa li jiġi eżaminat il-kriterju tal-interess dirett, li dan ir-rikors, sa fejn jirrigwarda dawn l-artikoli, ma jistax jitqies bħala ammissibbli skont it-tieni ipoteżi msemmija fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi eżaminat jekk dan ir-rikors, sa fejn jirrigwarda l-imsemmija artikoli, jistax jiġi ddikjarat ammissibbli skont it-tielet każ previst mir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

2)      Fuq it-tielet ipoteżi prevista fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE

183    Il-Kummissjoni tikkontesta, essenzjalment, il-locus standi tar-rikorrenti kontra l-Artikoli 1 u 2 tad-deċiżjoni kkontestata, skont it-tielet ipoteżi previst mir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. B’mod partikolari, il-Kummissjoni tirrileva li r-rikorrenti ma ssostnix li d-deċiżjoni kkontestata hija att regolatorju u li, fi kwalunkwe każ, deċiżjoni fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat ma tistax, skont il-ġurisprudenza, tkun ta’ natura regolatorja. Hija żżid li l-Qorti Ġenerali tista’ teżamina din il-kwistjoni ex officio.

184    Ir-rikorrenti ma ddeċidietx espliċitament f’dan ir-rigward.

185    Rikors għal annullament huwa ammissibbli skont it-tielet ipoteżi prevista mir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, jekk ikun dirett kontra att regolatorju li jikkonċerna direttament lir-rikorrenti u li ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni.

186    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-kunċett ta’ “atti regolatorji” jkopri l-atti ta’ portata ġenerali bl-esklużjoni tal-atti leġiżlattivi (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-14 ta’ Jannar 2015, SolarWorld et vs Il-Kummissjoni, T-507/13, EU:T:2015:23, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata). Skont il-ġurisprudenza, att ikollu portata ġenerali jekk japplika għal sitwazzjonijiet iddeterminati b’mod oġġettiv u jekk jipproduċi effetti legali fir‑rigward ta’ kategoriji ta’ persuni koperti b’mod ġenerali u astratt (ara, s‑sentenza tas‑17 ta’ Marzu 2011, AJD Tuna, C-221/09, EU:C:2011:153, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dan ma huwiex il-każ fir-rigward ta’ deċiżjoni li permezz tagħha l-Kummissjoni tikkonstata l-kompatibbiltà ta’ miżura ta’ għajnuna individwali mas-suq intern (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat-3 ta’ April 2014, CFE-CGC France Télécom-Orange vs Il-Kummissjoni, T-2/13, mhux ippubblikata, EU:T:2014:226, punt 28, u s-sentenza tat-3 ta’ Diċembru 2014, Castelnou Energía vs Il -Kummissjoni, T-57/11, EU:T:2014:1021, punt 23).

187    Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-miżuri favur Ryanair u favur Frankfurt Hahn ma ġewx mogħtija fuq il-bażi ta’ skema ta’ għajnuna u għalhekk huma ta’ karattru individwali. Sa fejn hija tirrigwarda tali miżuri, id-deċiżjoni kkontestata għalhekk ma tapplikax għal sitwazzjonijiet stabbiliti oġġettivament u ma tipproduċix effetti legali fir-rigward ta’ kategoriji ta’ persuni previsti b’mod ġenerali u astratt. L-Artikoli 1 u 2 tad-deċiżjoni kkontestata, li jirrigwardaw l-imsemmija miżuri, huma għalhekk portata individwali u ma jistgħux, għalhekk, jiġu kklassifikati bħala atti regolatorji, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Konsegwentement, ma huwiex ammissibbli li r-rikorrenti tikkontesta l-Artikoli 1 u 2 tad-deċiżjoni kkontestata, skont it-tielet ipoteżi prevista mir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

b)      Fuq il-locus standi tar-rikorrenti li taġixxi kontra d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tirrigwarda l-iskedi tal-ħlasijiet tal-ajruporti

188    Il-Kummissjoni tikkontesta l-locus standi tar-rikorrenti kontra d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tirrigwarda l-l-iskeda tal-imposti tal‑2001 u l-l-iskeda tal-imposti 2006 skont kemm tat-tieni kif ukoll tat-tielet ipoteżi msemmija fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

189    F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tqis li hemm lok li jiġu eżaminati suċċessivament iż-żewġ ipoteżijiet imsemmija fil-punt 188 iktar ’il fuq.

1)      Fuq it-tieni ipoteżi msemmija fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE

190    Il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrenti ma pprovatx li hija kienet direttament u individwalment affettwata mill-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata, li jirrigwarda l-iskeda ta’ ħlasijiet 2001 u l-iskeda ta’ ħlasijiet 2006. Skont il-Kummissjoni, ebda wieħed minn dawn iż-żewġ skali ma japplika għal Ryanair. Fil-fatt, skont il-leġiżlazzjoni Ġermaniża, it-tariffi tal-ajruport li trid tħallas din il-linja tal-ajru jiġu stabbiliti permezz ta’ kuntratti rregolati mid-dritt privat konklużi bejnha u l-operatur tal-ajruport ta’ Frankfurt Hahn. Dawn il-kuntratti huma, f’dan il-każ, is-suġġett tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata. Ryanair ma tirċievi l-ebda għajnuna fuq il-bażi tal-l-iskeda tal-imposti tal-2001 u tal-l-iskeda tal-imposti 2006. Issa, ir-rikors huwa biss intiż kontra l-għajnuna rċevuta minn Ryanair. Huwa, konsegwentement, inammissibbli sa fejn jirrigwarda l-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata.

191    Il-partijiet intervenjenti jsostnu, b’mod ġenerali, li, peress li r-rikorrenti ma hijiex affettwata direttament u individwalment mid-deċiżjoni kkontestata, hija ma għandhiex locus standi.

192    Ir-rikorrenti ssostni li ma jirriżulta la mid-deċiżjoni tal-ftuħ tal-2008, u lanqas mid-deċiżjoni kkontestata li l-iskedi ta’ tariffi tal-ajruport ma japplikawx għal Ryanair. Għall-kuntrarju, il-premessa 458 tad-deċiżjoni kkontestata tistabbilixxi li “[l]-iskeda tal-imposti ajruportwali tal-2001 kienet tapplika għal-linji tal-ajru kollha li jużaw l-ajruport ta’ Frankfurt Hahn”. Issa, Ryanair hija fost dawn il-linji tal-ajru. Ir-rikorrenti tindika, madankollu, li, skont il-premessa 490 tad-deċiżjoni kkontestata, l-iskeda tal-2006 ma tidhirx li hija applikabbli għal Ryanair.

193    Ir-rikorrenti żżid li hija għandha locus standi kontra l-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata, anki jekk it-tariffi inkwistjoni ma jkunux japplikaw, parzjalment, għal Ryanair. Fil-fatt, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li dawn il-limiti ġew adottati wara l-konklużjoni ta’ ftehimiet ta’ dritt privat ma’ Ryanair. Skont ir-rikorrenti, il-konklużjoni ta’ dawn il-ftehimiet kellha bħala għan ewlieni tagħha li jiġu ggarantiti l-kundizzjonijiet kuntrattwali speċifiċi ma’ Ryanair u linji tal-ajru oħrajn f’sitwazzjoni sfavorevoli meta mqabbla magħha.

194    Fl-istadju tal-kontroreplika, minn naħa, il-Kummissjoni tammetti li l-premessa 458 tad-deċiżjoni kkontestata toħloq l-impressjoni li l-iskeda tal-2001 tapplika għal Ryanair, iżda tindika li jirriżulta, essenzjalment, mill-premessa 464 tal-istess deċiżjoni, li dan ma huwiex il-każ. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ssostni li l-argument ibbażat fuq in-natura diskriminatorja tal-iskedi inkwistjoni tqajjem għall-ewwel darba fl-istadju tar-replika u għandu għaldaqstant jiġi miċħud bħala inammissibbli.

195    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-punt 138 iktar ’il fuq, rikors għal annullament huwa ammissibbli skont it-tieni ipoteżi prevista fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, biss jekk ir-rikorrent jissodisfa l-kundizzjonijiet kumulattivi tal-interess dirett u individwali.

196    F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tqis li huwa xieraq li l-ewwel għandha tiġi eżaminata l-kundizzjoni tal-interess individwali.

197    Skont il-ġurisprudenza, il-kundizzjoni tal-interess dirett prevista fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, teħtieġ li l-att ikkontestat jipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni ġuridika tar-rikorrenti u ma tħalli ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji tagħha li għandhom jimplementawha, peress li din hija ta’ natura purament awtomatika u tirriżulta biss mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, mingħajr l-applikazzjoni ta’ regoli intermedji oħra (ara s-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2008, Il-Kummissjoni vs Infront WM, C-125/06 P, EU:C:2008:159, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata; id-digriet tat-23 ta’ Novembru 2015, Milchindustrie-Verband u Deutscher Raiffeisenverband vs Il-Kummissjoni, T-670/14, EU:T:2015:906, punt 20). Dawn il-kriterji huma kumulattivi (ara d-digriet tat-8 ta’ Ottubru 2015, Agrotikos Synetairismos Profitis Ilias vs Il-Kunsill, T-731/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:821, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata), b’tali mod li huwa biżżejjed li wieħed minnhom ikun nieqes sabiex jiġi konkluż li kien hemm nuqqas ta’ interess dirett tar-rikorrenti.

198    Fir-rigward, b’mod partikolari, tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, għandu jiġi enfasizzat li dawn għandhom bħala għan il-protezzjoni tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2006, Air Liquide Industries Belgium, C-393/04 u C-41/05, EU:C:2006:403, punt 27). B’hekk, fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, il-fatt li deċiżjoni tal-Kummissjoni żżomm kompletament l-effetti ta’ miżuri nazzjonali li fir-rigward tagħhom ir-rikorrent ikun sostna, fi lment indirizzat lil dik l-istituzzjoni, li ma kinux kompatibbli ma’ dan l-għan u li jqiegħduh f’sitwazzjoni kompetittiva żvantaġġata jippermetti li jiġi konkluż li din id-deċiżjoni taffettwa direttament is-sitwazzjoni legali tiegħu, b’mod partikolari d-dritt tiegħu, li jirriżulta mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, li ma jġarrabx kompetizzjoni distorta mill-miżuri nazzjonali inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, u b’analoġija, s-sentenzi tat-28 ta’ Jannar 1986, Cofaz et vs Il-Kummissjoni, 169/84, EU:C:1986:42, punt 30; tas-6 ta’ Lulju 1995, AITEC et vs Il-Kummissjoni, T-447/93 sa T-449/93, EU:T:1995:130, punt 41, u tat-22 ta’ Ottubru 1996, Skibsværftsforeningen et vs Il-Kummissjoni, T-266/94, EU:T:1996:153, punt 49).

199    F’dan il-każ, sabiex jiġi stabbilit jekk hijiex direttament ikkonċernata mid-deċiżjoni kkontestata inkwantu hija tikkonċerna l-iskeda tal-2001 u l-iskeda tal-2006, ir-rikorrenti tqajjem, essenzjalment, żewġ argumenti. Fl-ewwel lok, hija tibbaża ruħha fuq il-kwalità tagħha ta’ kompetitriċi ta’ Ryanair, li kienet irċeviet l-iskeda tal-2001 u l-iskeda tal-2006.

200    Dan l-argument ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, ma jirriżultax mill-atti tal-proċess li l-iskeda tal-2001 u l-iskeda tal-2006 kienu applikabbli għal Ryanair. Minn naħa, bħalma tirrikonoxxi r-rikorrenti, jirriżulta espressament mill-premessa 490 tad-deċiżjoni kkontestata li l-iskeda tal-imposti ajruportwali tal-2006 ma kinitx tapplika għal Ryanair minħabba ftehim individwali li din tal-aħħar kienet ikkonkludiet ma’ FFHG.

201    Min-naħa l-oħra, huwa minnu li l-premessa 458 tad-deċiżjoni kkontestata tindika li l-iskeda tal-2001 kienet tapplika għal-“linji tal-ajru kollha li jużaw l-ajruport ta’ Frankfurt Hahn”. Billi Ryanair kienet fost dawk il-linji tal-ajru, jista’ jiġi kkunsidrat li din il-premessa tissuġġerixxi li l-iskeda tal-2001 kienet tapplika wkoll għal Ryanair. Madankollu, mid-deċiżjoni kkontestata u mid-dokumenti tal-Kummissjoni jirriżulta li, matul il-perijodu rilevanti, it-tariffi applikabbli għal Ryanair kienu rregolati minn ftehimiet privati li jidderogaw minn din l-iskeda.

202    Ir-rikorrenti ma ressqet ebda element li jippermetti li jiġi konkluż li l-iskeda tal-2001 kienet tapplika għal Ryanair minkejja l-konklużjoni ta’ ftehimiet privati bejn Ryanair u Frankfurt Hahn jew b’żieda magħhom, filwaqt li l-oneru kien jaqa’ fuqha (ara, f’dan is-sens, u b’analoġija, s-sentenzi tal-20 ta’ Settembru 2012, Franza vs Il-Kummissjoni, T‑154/10, EU:T:2012:452, punt 65, u tal-15 ta’ Diċembru 2016, Abertis Telecom Terrestre u Telecom Castilla-La Mancha vs Il-Kummissjoni, T-37/15 u T-38/15, mhux ippubblikata, EU:T:2016:743, punt 118). Bil-kuntrarju, hija sempliċement tinvoka l-premessa 458 tad-deċiżjoni kkontestata u hija stess irrikonoxxiet li “ċerti elementi [kienu] jidhru li jindikaw” li l-iskeda tal-2001 kienet “parzjalment” inapplikabbli għal Ryanair.

203    Minn dak li ntqal jirriżulta li r-rikorrenti ma pprovatx l-applikabbiltà tal-iskeda tal-2001 u l-iskeda tal-2006 għal Ryanair. Ir-rikorrenti għaldaqstant ma stabbilixxietx debitament li d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din kienet tikkonċerna l-imsemmija skedi kienet taffettwah direttament bħala li kienet kompetitur ta’ Ryanair.

204    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-iskedi ta’ tariffi ġew adottati wara l-konklużjoni tal-kuntratti ma’ Ryanair irregolati mid-dritt privat imsemmija fil-punti 4, 11 u 18 iktar ’il fuq, bil-għan li jiġu ggarantiti kundizzjonijiet kuntrattwali speċifiċi ma’ Ryanair u l-linji tal-ajru l-oħra li jużaw l-ajruport ta’ Frankfurt Hahn inkonnessjoni ma’ Ryanair. Dan jista’ jiddiskrimina kontra dawn il-linji tal-ajru oħra.

205    F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jiġi osservat li, sabiex juru inċidenza diretta tas-sitwazzjoni legali tagħha, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 197 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ma tistax tinvoka argumenti li ma humiex tagħha stess. F’dan il-każ, ir-rikorrenti essenzjalment tinvoka diskriminazzjoni li effettwat il-linji tal-ajru li jużaw l-ajruport ta’ Frankfurt Hahn għajr Ryanair. Issa, ir-rikorrenti ma tinsabx fost dawk il-linji tal-ajru. Għaldaqstant, hija ma tistax tinvoka tali diskriminazzjoni sabiex turi li d-deċiżjoni kkontestata peress li din tikkonċerna l-iskeda tal-2001 u l-iskeda tal-2006 taffettwaha direttament.

206    Min-naħa l-oħra u fi kwalunkwe każ, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma allegatx u, a fortiori, ma pprovatx isib ruħha f’relazzjoni ta’ kompetizzjoni mal-linji tal-ajru li jużaw l-ajruport ta’ Frankfurt Hahn għajr Ryanair. Fil-fatt, ir-rikorrenti sempliċement tallega li dawn l-iskedi jiddiskriminaw kontra l-imsemmija linji tal-ajru Ryanair. Għalhekk, ir-rikorrenti ma stabbilixxietx li l-iskeda tal-2001 u l-iskeda tal-2006, sa fejn dawn kienu japplikaw għal dawk il-linji tal-ajru, iqiegħduha f’sitwazzjoni kompetittiva żvantaġġuża.

207    Konsegwentement, hemm lok li jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq in-natura allegatament diskriminatorja tal-iskeda tal-2001 u l-iskeda tal-2006, mingħajr il-bżonn li tingħata deċiżjoni fuq il-karattru tardiv, allegat mill-Kummissjoni.

208    Konsegwentement, mingħajr il-bżonn li jiġi ddeterminat jekk l-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata tħallix setgħa diskrezzjonali lid-destinatarju tagħha, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 197 iktar ’il fuq, għandu jiġi konkluż li r-rikorrenti ma stabbilixxietx l-interess dirett tagħha fir-rigward tal-miżuri li huma s-suġġett tal-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant, ma jistax jiġi kkunsidrat li dan ir-rikors, sa fejn jirrigwarda l-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata, huwa ammissibbli skont it-tieni ipoteżi msemmija fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

2)      Fuq it-tielet ipoteżi prevista fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE

209    Għal raġunijiet simili għal dawk spjegati fil-punt 183 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni tikkontesta, fis-sustanza, il-locus standi tar-rikorrenti fil-konfront tal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni kkontestata, skont it-tielet każ previst mir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

210    Ir-rikorrenti ma ddeċidietx espliċitament f’dan ir-rigward.

211    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-kriterju tal-interess dirett huwa identiku fit-tieni u fit-tielet ipoteżijiet previsti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE (digriet tat-13 ta’ Marzu 2015, European Coalition to End Animal Experiments vs ECHA, T‑673/13, EU:T:2015:167, punt 67).

212    Issa, fil-punti 195 sa 208 iktar ’il fuq, fil-kuntest tal-eżami tat-tieni ipoteżi msemmija fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li r-rikorrenti ma kinitx direttament ikkonċernata mill-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant hija ma tistax lanqas tiġi għall-finijiet tat-tielet ipoteżi prevista minn din id-dispożizzjoni. Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma stabbilixxietx li hija kellha locus standi kontra l-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata, skont it-tielet ipoteżi prevista mir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

213    Għalhekk, peress li r-rikorrenti naqset milli tistabbilixxi li hija kellha locus standi kontra l-Artikoli 1 sa 3 tad-deċiżjoni kkontestata, hemm lok li r-rikors jiġi miċħud bħala inammissibbli fl-intier tiegħu, mingħajr ma hemm bżonn li jiġu eżaminati l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà bbażati fuq l-allegat nuqqas ta’ interess ġuridiku tar-rikorrenti fil-konfront tal-Artikolu 1 ta’ dik id-deċiżjoni u dekadenza tar-rikors u mingħajr ma jkollha tiddeċiedi fuq it-talba tal-Kummissjoni għat-tħassir, fir-replika, tar-riferimenti għar-risposta ppreżentata fil-Kawża tas-27 ta’ April 2017, Germanwings vs Il-Kummissojni (T-375/15, għadha mhijiex ippubblikata, EU:T:2017:289) li jirrigwardaw biss il-mertu tal-kawża. Peress li din il-konklużjoni irriżulta mill-applikazzjoni ta’ regoli ta’ eliġibbiltà speċifiċi tal-litigazzjoni tal-Unjoni (ara, b’mod partikolari, il-punti 113 sa 117 iktar ’il fuq), hija tapplika, kuntrarjament għal dak li tissuġġerixxi r-rikorrenti, anki jekk il-locus standi tagħha qatt ma ġiet ikkontestata fil-kuntest ta’ proċedura quddiem il-qrati Ġermaniżi li tagħha hija parti sa mill-2006 u li tikkonċerna l-għajnuna mill-Istat mogħtija lil Ryanair.

V.      Fuq l-ispejjeż

214    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

215    Peress illi r-rikorrenti tilfet, hemm lok li din tiġi kkundannata għall-ispejjeż, skont it-talbiet tal-Kummissjoni u tal-intervenjenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla Estiża)

Taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud bħala inammissibbli.

2)      Deutsche Lufthansa AG hija kkundannata għall-ispejjeż.

Kanninen

Schwarcz

Iliopoulos

Calvo-Sotelo Ibáñez-Martín

 

Reine

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-12 ta’ April 2019.

Firem


Werrej


I. Il-fatti li wasslu għall-kawża

II. Id-deċiżjoni kkontestata

A. Il-miżuri favur Frankfurt Hahn

B. Il-miżuri favur Ryanair

C. L-iskedi tal-imposti ajruportwali

D. Id-dispożittiv tad-deċiżjoni kontenzjuża

III. Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

IV. Id-dritt

A. Fuq l-ammissibbiltà tar-risposta

B. Fuq l-intervent tal-Land

C. Fuq l-ammissibbiltà tal-azzjoni

1. Fuq un-nuqqas ta’ koerenza tar-rikors

2. Fuq in-nuqqas ta’ locus standi

a) Fuq il-locus standi tar-rikorrenti li taġixxi kontra d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tirrigwarda l-miżuri favur Frankfurt Hahn u Ryanair

1) Fuq it-tieni ipoteżi msemmija fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE

i) Fuq l-ammissibbiltà tal-Annessi K 83 u K 84

ii) Fuq l-ammissibbiltà tal-argument tal-Land dwar in-nuqqas ta’ effett sostanzjali tal-pożizzjoni tar-rikorrenti fis-suq

iii) Fuq l-interess dirett u individwali tar-rikorrenti

2) Fuq it-tielet ipoteżi prevista fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE

b) Fuq il-locus standi tar-rikorrenti li taġixxi kontra d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tirrigwarda l-iskedi tal-ħlasijiet tal-ajruporti

1) Fuq it-tieni ipoteżi msemmija fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE

2) Fuq it-tielet ipoteżi prevista fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE

V. Fuq l-ispejjeż


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.