Language of document :

Rikors ippreżentat fit-18 ta' Mejju 2010 - Il-Kummissjoni vs EU Research Projects

(Kawża T-220/10)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: N. Bambara, aġent u C. Erkelens, avukat)

Konvenuta: EU Research Projects Ltd (Hungerford, Ir-Renju Unit)

Talbiet tar-rikorrenti

tordna lill-konvenuta tħallas lura lill-Kummissjoni l-ammont prinċipali ta' EUR 102 039.32 flimkien mal-interessi moratorji akkumulati li għandhom jiġu kkalkulati bir-rata ta' 4.80 % mit-28 ta' Diċembru 2006 sad-data li jitħallas l-ammont dovut; u

tikkundanna lill-konveunta għall-ispejjeż, inklużi dawk sostnuti mill-Kummissjoni.

Motivi u argumenti prinċipali

Il-Kummissjoni ppreżentat ir-rikors preżenti, abbażi tal-Artikolu 272 TFUE, sabiex titlob il-ħlas lura tal-ammont allegatament imħallas żejjed lill-konvenuta, li jammonta għal EUR 102 039.32 flimkien mal-interessi kkalkulati bir-rata ta' 4.80 % mid-data ta' meta d-dejn kien dovut, jiġifieri mit-28 ta' Diċembru 2006.

Abbażi tal-Ħames Programm Qafas tal-Komunità Ewropea għall-attivitajiet ta' riċerka, żvilupp tekonoloġiku u dimostrazzjoni (1998-2002), il-Kummissjoni ffirmat, fost l-oħrajn mal-konvenuta, "kuntratt għall-attivitajiet ta' riċerka u l-iżvilupp ta' proġetti teknoloġiċi", identifikati bin-numru IST-2001-34850. L-ammont mitlub mir-rikorrenti abbażi tal-imsemmi kuntratt huwa, skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-kuntratt, id-differenza bejn il-ħlas imħallas bil-quddiem lill-konvenuta u l-ispiża totali eliġibbli aċċettata mir-rikorrenti, b'konsegwenza tat-talba ta' rtirar tal-konvenuta mill-proġett u peress li naqset milli tosserva l-obbligi kuntrattwali rilevanti.

Insostenn tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tqajjem motiv wieħed: il-Kummissjoni ssostni li l-konvenuta kisret l-obbligi kuntrattwali tagħha billi naqset milli tħallas lura lill-Kummissjoni d-differenza bejn il-kontribuzzjoni finanzjarja dovuta lill-konvenuta mill-Kummissjoni u l-ammont totali mħallas bil-quddiem li hija diġà rċeviet. Il-kontribuzzjoni finanzjarja dovuta lill-konvenuta hija inqas mill-ammont totali mħallas mir-rikorrenti permezz tal-ħlas bil-quddiem. Barra minn hekk, taħt il-liġi Belġjana, li hija l-liġi applikabbli għall-kuntratt, dak li tħallas mingħajr ma kien dovut (ħlas mhux dovut) jista' jintalab lura. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ssostni li l-konvenuta għandha tħallas l-ammont dovut.

____________