Language of document : ECLI:EU:T:2014:92

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

27 ta’ Frar 2014 (*)

“Kompetizzjoni — Akkordji — Suq dinji tal-pannelli tal-kristalli likwidi (LCDs) — Ftehimiet u prattiki miftiehma fil-qasam ta’ prezz u ta’ kapaċitajiet ta’ produzzjoni — Kompetenza territorjali — Bejgħ intern — Bejgħ ta’ prodotti lesti li jintegraw il-prodotti suġġetti għal kartell — Ksur uniku u kontinwat — Multi — Metodu ta’ arrotondament — Ġurisdizzjoni sħiħa”

Fil-Kawża T-91/11,

InnoLux Corp., li kienet Chimei InnoLux Corp., stabbilita fi Zhunan (it-Tajwan), irrappreżentata minn J.-F. Bellis, avukat, u R. Burton, solicitor,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn P. Van Nuffel, F. Ronkes Agerbeek u A. Biolan, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 8761 finali, tat-8 ta’ Diċembru 2010, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 [TFUE] u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/39.309 – LCD), u għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti permezz ta’ din id-deċiżjoni,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla),

komposta minn H. Kanninen, President, G. Berardis (Relatur) u C. Wetter, Imħallfin,

Reġistratur: N. Rosner, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-24 ta’ April 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1.     Il-kumpanniji inkwistjoni f’din il-kawża

1        Chi Mei Optoelectronics Corp. (iktar ’il quddiem “CMO”) kienet il-kumpannija rregolata mid-dritt Tajwaniż li kienet tikkontrolla grupp ta’ kumpanniji stabbiliti fid-dinja kollha u attivi fil-produzzjoni tal-pannelli tal-kristalli likwidi b’livell attiv (iktar ’il quddiem l-“LCDs”).

2        Fl-20 ta’ Novembru 2009, CMO kkonkludiet ftehim ta’ konċentrazzjoni mal-kumpanniji InnoLux Display Corp. u TPO Displays Corp. Skont dan il-ftehim, mit-18 ta’ Marzu 2010, TPO Displays u CMO waqfu milli jeżistu. L-entità ġuridika sussegwenti bidlet isimha darbtejn, fejn l-ewwel nett għaddiet minn InnoLux Display Corp. għal Chimei InnoLux Corp. u fl-aħħar nett, għal InnoLux Corp., ir-rikorrenti.

2.     Proċedura amministrattiva

3        Fi [kunfidenzajli], il-kumpannija rregolata mid-dritt Korean Samsung Electronics Co. Ltd (iktar ’il quddiem “Samsung”) ippreżentat lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej talba intiża sabiex tinkiseb immunità minn multa skont il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 155, iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni dwar il-klemenza tal-2002”).

4        F’din l-okkażjoni, Samsung ċaħdet l-eżistenza ta’ akkordju bejn diversi impriżi, fosthom ir-rikorrenti, li jikkonċernaw ċerti tipi ta’ LCDs.

5        Fit-23 ta’ Novembru 2006, il-Kummissjoni tat lil Samsung l-immunità inkondizzjonali, skont il-paragrafu 15 tal-Komunikazzjoni dwar il-klemenza tal-2002, filwaqt li hija rrifjutat din l-immunità lil parteċipant ieħor fl-akkordju, il-kumpannija rregolata mid-dritt Korean LG Display Co. Ltd, li preċedentement kienet imsejħa LG Philips LCD Co. Ltd (iktar ’il quddiem “LGD”).

6        Fis-27 ta’ Mejju 2009, il-Kummissjoni bdiet il-proċedura amministrattiva u adottat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, skont l-Artikolu 10 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004, tas-7 ta’ April 2004, dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 81 [KE] u 82 [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 81) Din id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kienet indirizzata lil sittax-il kumpannija, fosthom CMO u żewġ sussidjarji Ewropej miżmuma 100 % minn CMO, jiġifieri Chi Mei Optoelectronics BV u Chi Mei Optoelectronics UK Ltd. F’dan ir-rigward, fil-premessi 281 sa 285 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni b’mod partikolari fakkret li, skont il-ġurisprudenza, l-ewwel nett, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni Ewropea dwar il-kompetizzjoni kienu jirrikonoxxu li kumpanniji differenti li jappartjenu għall-istess grupp kienu jikkostitwixxu entità ekonomika, u għalhekk impriża fis-sens tal-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE, jekk il-kumpanniji kkonċernati ma kinux jiddeterminaw b’mod awtonomu l-aġir tagħhom fis-suq (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Settembru 2003, Michelin vs Il‑Kummissjoni, T‑203/01, Ġabra p. II‑4071, punt 290), u, it-tieni nett, kien biżżejjed li l-Kummissjoni kellha turi li l-kapital kollu ta’ sussidjarja kien miżmum mill-kumpannija parent tagħha sabiex il-preżunzjoni li din il-kumpannija parent kienet teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja fis-suq tiġi stabbilita (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-31 ta’ Marzu 2009, ArcelorMittal Luxembourg et vs Il‑Kummissjoni, T‑405/06, Ġabra p. II‑771, punt 91). Sussegwentement, fil-premessi 327 sa 329 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni spjegat ir-raġunijiet għaliex, skont il-ġurisprudenza mfakkra, iż-żewġ sussidjarji ta’ CMO msemmija iktar ’il fuq kellhom jiġu kkunsidrati responsabbli in solidum għall-ksur imwettaq minn CMO.

7        Mad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kien mehmuż CD-ROM li kien jinkludi l-partijiet aċċessibbli tal-fajl tal-Kummissjoni. Id-destinatarji tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet għamlu użu mid-dritt ta’ aċċess tagħhom għall-partijiet tal-fajl tal-Kummissjoni li kienu disponibbli biss fil-bini tal-Kummissjoni.

8        Id-destinatarji tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet urew lill-Kummissjoni, bil-miktub, il-fehma tagħhom dwar l-oġġezzjonijiet imqajma fir-rigward tagħhom fit-terminu previst.

9        Diversi destinatarji tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, fosthom ir-rikorrenti, eżerċitaw id-dritt għal smigħ orali tagħhom, waqt is-seduta li seħħet fit-22 u fit-23 ta’ Settembru 2009.

10      Permezz ta’ talba għal informazzjoni tal-4 ta’ Marzu 2010 u permezz ta’ ittra tas-6 ta’ April 2010, il-partijiet ġew b’mod partikolari mistiedna sabiex jissottomettu informazzjoni dwar il-valur tal-bejgħ li kellu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-multa u sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar din il-kwistjoni.

11      CMO wieġbet għal din l-ittra fit-23 ta’ April 2010.

3.     Id-deċiżjoni kkontestata

12      Fit-8 ta’ Diċembru 2010, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C (2010) 8761 finali dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 [TFUE] u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/39.309 – LCD) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), fejn ġie ppubblikat sunt f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tas-7 ta’ Ottubru 2011 (ĠU C 295, p. 8).

13      Id-deċiżjoni kkontestata ġiet indirizzata lil sitta minn sittax-il kumpannija destinatarja tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, fosthom ir-rikorrenti. Min-naħa l-oħra, is-sussidjarji tagħha, li lilhom din il-komunikazzjoni kienet ġiet indirizzata, ma humiex iktar imsemmija.

14      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat l-eżistenza ta’ akkordju bejn sitt produtturi internazzjonali kbar ta’ LCDs, fosthom ir-rikorrenti, f’dak li jikkonċerna ż-żewġ kategoriji li ġejjin ta’ dawn il-prodotti, ta’ daqs ugwali jew iktar minn tnax il-pulzier: l-LCDs għat-teknoloġiji tal-informazzjoni, bħal dawk għal-kompjuters portabbli kumpatti u l-moniters tal-kompjuters (iktar ’il quddiem l-“LCDs-TI”), u l-LCDs għat-televixins (iktar ’il quddiem l-“LCDs-TV”) (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, l-“LCDs suġġetti għal kartell”).

15      Skont id-deċiżjoni kkontestata, dan l-akkordju ħa l-forma ta’ ksur uniku u kontinwat tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, li seħħ bejn il-5 ta’ Ottubru 2001 u l-1 ta’ Frar 2006 (iktar ’il quddiem il-“perijodu ta’ ksur”), minn tal-inqas. Matul dan il-perijodu, il-parteċipanti fl-akkordju kellhom diversi laqgħat multilaterali, li huma sejħu “laqgħat Cristal”, prinċipalment f’lukandi fit-Tajwan. Dawn il-laqgħat kellhom għan li kien b’mod ċar antikompetittiv, peress li dawn kienu l-okkażjoni għall-parteċipanti, b’mod partikolari, li jiffissaw prezzijiet minimi għal-LCDs suġġetti għal kartell, sabiex jiddiskutu l-ippjanar tal-prezz sabiex jiġi evitat it-tnaqqis u sabiex jikkoordinaw iż-żidiet fil-prezz kif ukoll il-livelli ta’ produzzjoni. Matul il-perijodu ta’ ksur, il-parteċipanti fl-akkordju ltaqgħu ma’ xulxin b’mod bilaterali u ta’ spiss skambjaw informazzjoni dwar is-suġġetti diskussi waqt il-“laqgħat Cristal”. Barra minn hekk huma ħadu miżuri sabiex jivverifikaw jekk id-deċiżjonijiet adottati waqt dawn il-laqgħat kinux applikati (premessi 70 sa 74 tad-deċiżjoni kkontestata).

16      Minkejja li r-rikorrenti kienet sostniet li s-suq tal-LCDs-TV kien differenti minn dak tal-LCDs‑TI u li akkordju kien jeżisti biss għal dawn tal-aħħar, il-Kummissjoni madankollu kkunsidrat li dan kien ksur uniku u kontinwat li jkopri dawn il-prodotti kollha (premessi 281 u 283 sa 290 tad-deċiżjoni kkontestata).

17      Għall-iffissar tal-multi imposti mid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni użat il-linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205, iktar ’il quddiem il-“linji gwida tal-2006”).

18      Skont il-linji gwida tal-2006, il-Kummissjoni l-ewwel nett iddefinixxiet il-valur tal-bejgħ tal-LCDs suġġetti għal kartell direttament jew indirettament ikkonċernati mill-ksur. Għal dan il-għan, hija stabbilixxiet it-tliet kategoriji li ġejjin ta’ bejgħ imwettaq mill-parteċipanti fl-akkordju:

–        “bejgħ ŻEE dirett”, jiġifieri bejgħ ta’ LCDs suġġetti għal kartell lil impriża oħra fi ħdan iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE);

–         “bejgħ ŻEE dirett permezz tal-użu ta’ prodotti ttrasformati”, jiġifieri bejgħ ta’ LCDs suġġetti għal kartell integrati, fi ħdan il-grupp li jagħmel parti minnu l-produttur, f’prodotti lesti li jinbiegħu lil impriża oħra fi ħdan iż-ŻEE;

–         “bejgħ indirett”, jiġifieri bejgħ ta’ LCDs suġġetti għal kartell lil impriża oħra li tinsab barra miż-ŻEE, li sussegwentement tinkorpora l-pannelli f’prodotti lesti li hija tbigħ fiż-ŻEE (premessa 380 tad-deċiżjoni kkontestata).

19      Madankollu, il-Kummissjoni qieset li hija setgħet tillimita ruħha li tieħu inkunsiderazzjoni l-ewwel żewġ kategoriji msemmija fil-punt 18 iktar ’il fuq, peress li l-inklużjoni tat-tielet kategorija ma hijiex neċessarja sabiex il-multi imposti jistgħu jilħqu livell dissważiv suffiċjenti (premessa 381 tad-deċiżjoni kkontestata).

20      Minflok ma użat il-valur tal-bejgħ magħmul minn impriża matul l-ewwel sena kompleta tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur, kif normalment previst fil-paragrafu 13 tal-linji gwida tal-2006, il-Kummissjoni kkunsidrat bħala iktar adegwat li jintuża, f’dan il-każ, il-valur annwali medju tal-bejgħ matul it-tul sħiħ tal-ksur, fid-dawl b’mod partikolari taż-żieda eċċezzjonali tal-bejgħ tal-parti l-kbira tal-impriżi kkonċernati matul snin imsemmija fid-deċiżjoni kkontestata (premessa 384 tad-deċiżjoni kkontestata).

21      Fir-rigward tar-rikorrenti, il-Kummissjoni ċaħdet l-oġġezzjonijiet tagħha dwar il-fatti li, l-ewwel nett, il-valur tal-bejgħ rilevanti kellu jiġi kkalkolat mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni l-“bejgħ ŻEE dirett permezz tal-intermedjarju ta’ prodotti ttrasformati” tiegħu u tal-“bejgħ ŻEE dirett” tiegħu, magħmul lil destinatarji oħra tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, sussegwentement, ma kienx hemm lok li jiġu esklużi l-espedizzjonijiet ta’ LCDs li ma kinux ġew iffatturati lil impriżi Ewropej u, fl-aħħar nett, kien neċessarju li ssir differenza bejn il-bejgħ ta’ LCDs‑TI u dak ta’ LCDs-TV. Għalhekk, għar-rikorrenti, il-valur tal-bejgħ rilevanti mwettaq matul il-perijodu ta’ ksur kien ġie ffissat għal EUR 1 555 111 603, fejn il-medju annwali, miksub billi dan l-ammont jinqasam bit-tul tal-akkordju li huwa ta’ 4.33 sena, kien ekwivalenti għal EUR 359 148 176 (premessi 388, 394, 398 sa 401 u t-tabella 4 tad-deċiżjoni kkontestata).

22      It-tieni nett, il-Kummissjoni osservat li, fid-dawl tal-gravità tal-ksur imwettaq, għandu jiġi ffissat għal 16 % il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ tal-prodotti inkwistjoni li għandu jiġi kkunsidrat għall-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa, u dan għall-parteċipanti kollha fl-akkordju (premessa 416 tad-deċiżjoni kkontestata).

23      It-tielet nett, il-Kummissjoni applikat għar-rikorrenti fattur ta’ multiplikazzjoni relatat mat-tul tal-ksur ugwali għal 4.25, minħabba l-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur għat-tul kollu tal-akkordju kkunsidrat fid-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri erba’ snin u tliet xhur (premessi 417 u 418 kif ukoll it-tabella 5 tad-deċiżjoni kkontestata).

24      Ir-raba’ nett, il-Kummissjoni qieset li ċ-ċirkustanzi tal-każ kienu jiġġustifikaw li tiġi inkluża fl-ammont bażiku tal-multa żieda ugwali għal 16 % tal-valur medju tal-bejgħ rilevanti, sabiex jiġi żgurat l-effett dissważiv (iktar ’il quddiem id-“dritt ta’ dħul”, skont il-paragrafu 25 tal-linji gwida tal-2006, u dan għall-parteċipanti kollha fl-akkordju (premessi 419 u 424 tad-deċiżjoni kkontestata).

25      Il-ħames nett, il-Kummissjoni ma kkunsidratx ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti, skont il-linji gwida tal-2006, fir-rigward ta’ wieħed mill-parteċipanti fl-akkordju. Għalhekk, il-Kummissjoni, b’mod partikolari, ċaħdet l-argumenti tar-rikorrenti dwar il-fatti allegati li skont dawn hija kellha rwol passiv fl-akkordju, li kienet ipparteċipat fih b’negliġenza u, fl-aħħar nett, li kienet ikkooperat mal-Kummissjoni lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar il-klemenza tal-2002, u dan minkejja li l-Kummissjoni ma kinitx għamlitilha talbiet għal informazzjoni daqstant preċiżi bħal dawk mibgħuta lil parteċipanti oħra fl-akkordju (premessi 426, 430, 433, 434, 438, 439 u 442 sa 444 tad-deċiżjoni kkontestata).

26      Is-sitt nett, skont il-Komunikazzjoni dwar il-klemenza tal-2002, il-Kummissjoni l-ewwel nett ikkonfermat l-immunità totali mogħtija lil Samsung. Sussegwentement, hija kkunsidrat li l-kooperazzjoni pprovduta mir-rikorrenti ma kienet tagħtiha ebda dritt għal tnaqqis tal-multa (premessi 455 sa 458 u 472 tad-deċiżjoni kkontestata).

27      Abbażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkundannat lir-rikorrenti għall-ħlas ta’ multa ta’ EUR 300 000 000.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

28      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-21 ta’ Frar 2011, ir-rikorrenti ppreżentat din il-kawża.

29      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, għamlet mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet, li wieġbu fit-terminu mogħti.

30      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-24 ta’ April 2013.

31      Ir-rikorrenti essenzjalment titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata, f’dak li jikkonċernaha;

–        tnaqqas l-ammont tal-multa imposta fuqha mid-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

32      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

33      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi:

–        l-ewwel motiv, ibbażat fuq li l-Kummissjoni kienet applikat kunċett legalment żbaljat, il-kunċett ta’ “bejgħ ŻEE dirett permezz tal-użu ta’ prodotti ttrasformati”, meta hija stabbilixxiet il-valur tal-bejgħ rilevanti għall-kalkolu tal-multa;

–        it-tieni motiv, ibbażat fuq li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE billi kkonkludiet li l-ksur kien jestendi għal-LCDs-TV;

–        it-tielet motiv, ibbażat fuq li l-valur tal-bejgħ rilevanti meqjus mill-Kummissjoni fir-rigward tagħha kien, b’mod żbaljat, inkluda bejgħ differenti minn dak relatat mal-LCDs suġġetti għal kartell.

1.     Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni kienet applikat kunċett legalment żbaljat, il-kunċett ta’ “bejgħ ŻEE dirett permezz tal-użu ta’ prodotti ttrasformati”, meta hija stabbilixxiet il-valur tal-bejgħ rilevanti għall-kalkolu tal-multa

34      L-ewwel motiv tar-rikorrenti huwa essenzjalment kompost minn żewġ partijiet, relatati, l-ewwel nett, mal-fatt li l-kunċett ta’ “bejgħ ŻEE dirett permezz tal-użu ta’ prodotti ttrasformati” imur kontra l-assenza ta’ konstatazzjoni ta’ ksur li jikkonċerna l-prodotti lesti li jintegraw l-LCDs suġġetti għal kartell u, it-tieni nett, għall-inkoerenzi allegatament inerenti għal dan il-kunċett.

 Fuq l-ewwel parti li tirrigwarda l-fatt li l-kunċett ta’ “bejgħ ŻEE dirett permezz tal-użu ta’ prodotti ttrasformati” huwa f’kontradizzjoni mal-assenza ta’ konstatazzjoni ta’ ksur li jikkonċerna l-prodotti lesti li jintegraw l-LCDs suġġetti għal kartell

35      Ir-rikorrenti ssostni, l-ewwel nett, li l-użu tal-kunċett ta’ “bejgħ ŻEE dirett permezz tal-użu ta’ prodotti ttrasformati” ma huwiex kompatibbli mal-paragrafu 13 tal-linji gwida tal-2006, peress li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni bejgħ ta’ prodotti lesti, li fir-rigward tagħhom ebda ksur ma ġie kkonstatat fid-deċiżjoni kkontestata u li għalhekk ma għandhom ebda relazzjoni, diretta jew anki indiretta, mal-ksur ikkonstatat f’din id-deċiżjoni. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ssostni li l-prezzijiet tal-LCDs suġġetti għal kartell ma humiex prezzijiet ta’ riferiment għall-prodotti lesti li jintegraw dawn l-LCDs.

36      Skont il-paragrafu 13 tal-linji gwida tal-2006, “sabiex jiġi stabbilit l-ammont bażiku tal-multa li għandha tiġi imposta, il-Kummissjoni tuża l-valur tal-bejgħ ta’ beni jew servizzi, imwettaq mill-impriża, f’relazzjoni diretta jew indiretta mal-ksur, fis-settur ġeografiku kkonċernat ġewwa t-territorju taż-ŻEE” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

37      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, l-ewwel nett, li ma jirriżultax minn din id-dispożizzjoni li l-valur tal-bejgħ biss li jirriżulta minn tranżazzjonijiet realment milquta mill-prattiki li jikkostitwixxu ksur jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-valur tal-bejgħ rilevanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Ġunju 2011, Putters International vs Il‑Kummissjoni, T‑211/08, Ġabra p. II‑3729, punt 58).

38      Il-formulazzjoni tal-paragrafu 13 tal-linji gwida tal-2006 hija effettivament intiża għall-bejgħ imwettaq fis-suq rilevanti, ikkonċernat mill-ksur. A fortiori, dan il-paragrafu jirreferi għall-każijiet biss fejn il-Kummissjoni għandha provi dokumentarji tal-ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Putters International vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 59).

39      Din l-interpretazzjoni hija msaħħa mill-għan tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. Fil-fatt, l-interpretazzjoni proposta mir-rikorrenti tfisser li, sabiex jiġi ddeterminat l-ammont bażiku tal-multi li għandhom jiġu imposti fil-kawżi li jirrigwardaw akkordji, il-Kummissjoni għandha l-obbligu f’kull każ li tistabbilixxi liema huwa l-bejgħ individwali li ġie milqut mill-akkordju. Tali obbligu qatt ma ġie impost mill-qrati tal-Unjoni u xejn ma jindika li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li timponi fuqha nnifisha tali obbligu fil-linji gwida tal-2006 (sentenza Putters International vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 60).

40      Minbarra dan, jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li l-parti mid-dħul mill-bejgħ li tkun ġejja minn merkanzija li hija s-suġġett tal-ksur hija ta’ natura li tagħti indikazzjoni ġusta tad-daqs ta’ ksur fis-suq ikkonċernat. B’mod partikolari, id-dħul mill-bejgħ imwettaq fuq il-prodotti li kienu suġġetti għal prattika restrittiva jikkostitwixxi element oġġettiv li jagħti daqs ġust tad-dannu ta’ din il-prattika fl-iżvolġiment normali tal-kompetizzjoni (sentenza Putters International vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 61; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ġunju 1983, Musique Diffusion française et vs Il‑Kummissjoni, 100/80 sa 103/80, Ġabra p. 1825, punt 121; u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Marzu 1999, British Steel vs Il‑Kummissjoni, T‑151/94, Ġabra p II‑629, punt 643).

41      F’dan il-każ, għandu jitfakkar li, fil-premessa 380 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddefinixxiet il-kategoriji ta’ bejgħ deskritti fil-punt 18 iktar ’il fuq.

42      F’dak li jikkonċerna l-“bejgħ ŻEE dirett”, ma huwiex ikkontestat li dan jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa mill-paragrafu 13 tal-linji gwida tal-2006, moqrija fid-dawl tal-ġurisprudenza rilevanti.

43      F’dak li jikkonċerna l-“bejgħ ŻEE dirett permezz tal-użu ta’ prodotti ttrasformati”, ir-rikorrenti, permezz tal-ewwel parti tal-ewwel motiv, issostni li dan ma għandux relazzjoni diretta jew indiretta mal-ksur, peress li dan jinvolvi l-bejgħ tal-prodotti lesti li jintegraw l-LCDs suġġetti għal kartell, u mhux il-bejgħ ta’ dawn l-LCDs suġġetti għal kartell.

44      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, l-ewwel nett, li, jekk in-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 1 imdaħħla taħt il-paragrafu 13 tal-linji gwida tal-2006 tindika li każ ta’ bejgħ b’relazzjoni indiretta ma’ ksur jista’ jiġi kkonstatat meta l-prezz tal-prodott li huwa s-suġġett ta’ ftehimiet ta’ prezz orizzontali jservi ta’ bażi għall-prezz ta’ prodotti ta’ kwalità superjuri jew inferjuri, din in-nota tippreċiża li dan il-każ huwa ppreżentat bħala eżempju. Għalhekk, il-fatt invokat mir-rikorrenti, li, f’dan il-każ, il-prodotti lesti li jintegraw l-LCDs suġġetti għal kartell ma humiex prodotti ta’ kwalità superjuri jew inferjuri minnhom huwa irrilevanti.

45      Fir-rigward taċ-ċirkustanza, ukoll invokata mir-rikorrenti, li d-deċiżjoni kkontestata ma kkonstatat ebda ksur fir-rigward tal-prodotti lesti li jintegraw l-LCDs suġġetti għal kartell, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-valur sħiħ tal-bejgħ ta’ dawn il-prodotti lesti, iżda unikament il-parti minn dan il-valur li setgħet tikkorrispondi mal-valur tal-LCDs suġġetti għal kartell, integrati fil-prodotti lesti, bil-kundizzjoni li dawn tal-aħħar ikunu nbiegħu mir-rikorrenti lil impriżi terzi stabbiliti fiż-ŻEE. Jekk huwa ċar li l-Kummissjoni ma setgħetx tieħu inkunsiderazzjoni dan il-valur sħiħ, mingħajr ma kkonstatat minn qabel il-ksur li jikkonċerna l-prodotti lesti, ma jistax jiġi kkunsidrat li tali konstatazzjoni kienet neċessarja sabiex tkun tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni l-parti minn dan il-valur ikkostitwita mill-valur tal-LCDs suġġetti għal kartell integrati fil-prodotti lesti.

46      Barra minn hekk, kieku l-Kummissjoni ma kellhiex rikors għall-kunċett ta’ “bejgħ ŻEE dirett permezz tal-użu ta’ prodotti ttrasformati” hija ma setgħetx tieħu inkunsiderazzjoni, fil-kalkolu tal-multa, ta’ parti kunsiderevoli tal-bejgħ ta’ LCDs suġġetti għal kartell magħmul mill-parteċipanti għall-akkordju li jagħmlu parti minn impriżi vertikalment integrati, minkejja li dan il-bejgħ ikun ħoloq distorsjoni tal-kompetizzjoni fiż-ŻEE.

47      Għalhekk, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 37 sa 40 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni d-daqs tal-ksur fis-suq ikkonċernat u, għal dan il-għan, setgħet tuża d-dħul mill-bejgħ imwettaq mir-rikorrenti fuq l-LCDs suġġetti għal kartell, inkwantu element oġġettiv li jagħti daqs ġust tal-ħsara tal-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju fuq l-iżvolġiment normali tal-kompetizzjoni, bil-kundizzjoni li dan id-dħul mill-bejgħ ikun ir-riżultat tal-bejgħ li jkollu rabta maż-ŻEE. Issa, tali rabta teżisti meta l-LCDs suġġetti għal kartell jiġu ttrasferiti mir-rikorrenti lis-sussidjarji tagħha, stabbiliti fi kwalunkwe lok, li jintegrawhom f’prodotti lesti li jinbiegħu lil terzi fiż-ŻEE.

48      L-għażla tal-Kummissjoni li tieħu inkunsiderazzjoni “bejgħ ŻEE dirett permezz tal-użu ta’ prodotti ttrasformati” hija għaldaqstant iktar iġġustifikata fil-każ fejn jirriżulta mill-provi li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata (ara, b’mod partikolari, l-premessa 394 tad-deċiżjoni kkontestata), mhux ikkontestati mir-rikorrenti, li l-bejgħ ta’ LCDs suġġetti għal kartell intern għall-impriżi li jipparteċipaw fl-akkordju kien sar bi prezzijiet influwenzati minnu.

49      Barra minn hekk, hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessi 92 u 93 tad-deċiżjoni kkontestata, il-parteċipanti fl-akkordju kienu jafu li l-prezzijiet tal-LCDs suġġetti għal kartell kienu affettwaw dawk tal-prodotti lesti li jintegrawhom.

50      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Settembru 2008, JSC Kirovo-Chepetsky Khimichesky Kombinat vs Il‑Kunsill (T‑348/05, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 62), tipprekludi kwalunkwe assimilazzjoni bejn il-bejgħ ta’ prodotti lesti li jinkorporaw komponent u l-bejgħ ta’ dawn il-komponenti inkwantu tali, għandu jiġi osservat li l-kuntest li fih u l-għan li permezz tiegħu l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni LCDs suġġetti għal kartell li ġew integrati f’prodotti lesti ma jistgħux jiġu pparagunati ma’ dawk li jikkaratterizzaw il-kawża li tat lok għal din is-sentenza.

51      Fil-fatt, fil-kawża li tat lok għas-sentenza JSC Kirovo-Chepetsky Khimichesky Kombinat vs Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq (punti 54, 55, 57 u 58), il-Kunsill tal-Unjoni Ewropa, wara li adotta, abbażi ta’ investigazzjoni antidumping dwar ċerti prodotti fosthom in-nitrat tal-ammonju, miżuri antidumping dwar dawn tal-aħħar, kien estenda l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn il-miżuri għal prodotti oħra, mingħajr ma fetaħ investigazzjoni ġdida, għar-raġuni li dawn il-prodotti l-oħra kienu jixbhu dawk imsemmija minn din l-investigazzjoni, f’termini b’mod partikolari ta’ kontenut ta’ nitrat ta’ ammonju.

52      F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali kkonstatat l-illegalità ta’ din l-estensjoni, billi rrilevat dan li ġej:

“62. […] Il-komponent ta’ prodott lest jista’, naturalment, ikun suġġett għal miżuri antidumping, iżda, f’dan il-każ, għandu jiġi kkunsidrat bħala prodott [li huwa] inkwantu tali [suġġett għal dumping]. Meta dan il-komponent ma jinħoloqx għalih innifsu, iżda bħala element ta’ prodott ieħor, huwa dan il-prodott l-ieħor, bil-komponenti kollha tiegħu, li jikkostitwixxi l-prodott ikkonċernat, u l-investigazzjoni antidumping għandha għalhekk tirrigwarda dan il-prodott indipendentement mill-komponenti tiegħu. Huma biss prodotti li huma suġġetti għal investigazzjoni antidumping li jistgħu jkunu suġġetti għal miżuri antidumping, peress li ġie kkonstatat li l-prodotti inkwistjoni huma esportati lejn il-Komunità bi prezz inqas mill-prezz tal-‘prodotti simili’ fis-sens tal-Artikolu 1 tar-[Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96, tat-22 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 10, p. 45)]. Bħala konsegwenza, peress li huwa paċifiku li t-tipi ta’ prodotti ġodda msemmija mir-Regolament ikkontestat ivarjaw mill-prodott ikkonċernat fis-sens tar-regolamenti inizjali, huwa impossibbli li jiġi impost dazju antidumping fuqhom mingħajr, l-ewwel nett, ma ssir investigazzjoni sabiex jiġi eżaminat jekk dawn il-prodotti humiex, huma wkoll, suġġetti għal dumping fis-suq Komunitarju.”

53      Xejn paragunabbli ma seħħ f’din il-kawża, peress illi, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma użatx l-investigazzjoni li hija wettqet fuq l-LCDs suġġetti għal kartell sabiex tikkonstata ksur relatat mal-prodotti lesti li fihom dawn l-LCDs huma integrati. Mhux talli ma assimilatx l-LCDs suġġetti għal kartell mal-prodotti lesti li tagħhom huma kienu komponent, iżda l-Kummissjoni limitat ruħha sabiex tikkunsidra, għall-finijiet biss tal-kalkolu tal-multa, li, fir-rigward tal-impriżi vertikalment integrati bħar-rikorrenti, il-post ta’ bejgħ tal-prodotti lesti li kien jikkoinċidi mal-post ta’ bejgħ tal-komponent li huwa s-suġġett tal-akkordju lil terz, ma jaqax għalhekk taħt l-istess impriża ħlief dik li kienet ipproduċiet dan il-komponent.

54      Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet kollha li saru, l-ewwel parti ta’ dan il-motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti, dwar l-inkoerenzi allegatament inerenti għall-kunċett ta’ “bejgħ ŻEE dirett permezz tal-użu ta’ prodotti ttrasformati”

55      It-tieni parti tal-ewwel motiv tinkludi żewġ ilmenti kontra l-kunċett ta’ “bejgħ ŻEE dirett permezz tal-użu ta’ prodotti ttrasformati”, li għandu bħala effett li l-Kummissjoni, minn naħa, taqbeż il-limiti tal-kompetenza territorjali tagħha u, min-naħa l-oħra, tissuġġetta lir-rikorrenti għal trattament mhux favorevoli u diskriminatorju meta pparagunata ma’ parteċipanti oħra fl-istess akkordju.

 Fuq il-kompetenza territorjali tal-Kummissjoni

56      Ir-rikorrenti ssostni li, permezz tal-kontabbiltà tal-“bejgħ ŻEE dirett peremzz tal-użu ta’ prodotti ttrasformati”, il-Kummissjoni b’mod artifiċjali biddlet il-post fejn dan il-bejgħ kien effettivament seħħ u għalhekk kisret il-limiti tal-kompetenza territorjali tagħha.

57      Għandhom l-ewwel nett jitfakkru l-prinċipji stabbiliti mill-ġurisprudenza f’dak li jikkonċerna l-kompetenza territorjali tal-Kummissjoni sabiex tikkonstata ksur għad-dritt tal-kompetizzjoni.

58      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li, meta impriżi, stabbiliti barra miż-ŻEE, iżda li jipproduċu beni li jinbiegħu fiż-ŻEE lil terzi, jiftiehmu fuq il-prezzijiet li huma jagħtu lill-klijenti tagħhom stabbiliti fiż-ŻEE u jimplementaw dan il-ftehim billi jbigħu bi prezzijiet effettivament ikkoordinati, huma jipparteċipaw fi ftehim li għandu bħala skop u bħala effett li jirrestrinġi l-kompetizzjoni fis-suq intern, fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE, u li l-Kummissjoni hija territorjalment kompetenti sabiex tipproċedi kontra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Settembru 1988, Ahlström Osakeyhtiö et vs Il‑Kummissjoni, 89/85, 104/85, 114/85, 116/85, 117/85 u 125/85 sa 129/85, Ġabra p. 5193, iktar ’il quddiem is-“sentenza wood pulp I”, punti 13 u 14).

59      Il-ġurisprudenza ppreċiżat ukoll li ksur tal-Artikolu 101 TFUE jimplika żewġ elementi ta’ aġir, jiġifieri l-formazzjoni tal-akkordju u l-implementazzjoni tiegħu. Li l-applikabbiltà tal-projbizzjonijiet stipulati mid-dritt tal-kompetizzjoni ssir dipendenti fuq il-post ta’ formazzjoni tal-akkordju jwassal ovvjament sabiex jiġi pprovdut lill-impriżi mezz faċli sabiex jevitaw l-imsemmija projbizzjonijiet. Dak li japplika huwa għalhekk il-post fejn l-akkordju huwa implementat. Barra minn hekk, sabiex jiġi ddeterminat jekk dan il-post jinsabx fiż-ŻEE, huwa ftit importanti li l-parteċipanti fl-akkordju jkunu rreferew jew le għal sussidjarji, aġenti, subaġenti jew fergħat stabbiliti fiż-ŻEE sabiex jistabbilixxu kuntatti bejniethom u x-xerrejja li huma stabbiliti hemmhekk (ara, f’dan is-sens, is-sentenza wood pulp I, punti 16 u 17).

60      Peress li l-kundizzjoni dwar l-implementazzjoni hija ssodisfatta, il-kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tapplika r-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni fir-rigward ta’ tali aġir hija koperta mill-prinċipju ta’ territorjalità li huwa universalment rikonoxxut fid-dritt internazzjonali pubbliku (sentenza wood pulp I, punt 18).

61      Il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza wood pulp I ġiet riprodotta mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ Marzu 1999, Gencor vs Il‑Kummissjoni (T‑102/96, Ġabra p. II‑753), li kienet tikkonċerna deċiżjoni li kienet tirrigwarda konċentrazzjoni fis-sens tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4064/89, tal-21 ta’ Diċembru 1989, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 31), issostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004, tal-20 ta’ Jannar 2004, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 40).

62      F’din l-okkażjoni, il-Qorti Ġenerali ċertament irrilevat li, meta huwa prevedibbli li konċentrazzjoni ppjanata tipproduċi effett immedjat u sostanzjali fl-Unjoni, l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar l-istħarriġ tal-konċentrazzjonijiet hija ġġustifikata fir-rigward tad-dritt internazzjonali pubbliku (sentenza Gencor vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 90).

63      Madankollu, fil-punt 87 tas-sentenza Gencor vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali essenzjalment issostni li l-kriterju tal-implementazzjoni ta’ akkordju inkwantu element li jorbtu mat-territorju tal-Unjoni huwa sodisfatt mis-sempliċi bejgħ fi ħdan dan it-territorju tal-Unjoni tal-prodott suġġett għal kartell, indipendentement mil-lokalizzazzjoni tas-sorsi ta’ provvista u tal-installazzjonijiet ta’ produzzjoni. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument li r-rikorrenti, fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, fittxet li tibbaża fuqu mill-fatt li l-konċentrazzjoni inkwistjoni f’dan il-każ ma kinitx inħolqot u lanqas ġiet eżegwita fit-territorju tal-Unjoni, iżda fl-Afrika t’Isfel, u għalhekk ma kinitx issodisfat il-kundizzjonijiet ta’ kompetenza territorjali ddefiniti fis-sentenza wood pulp I (sentenza Gencor vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq punti 56, 61 u 87).

64      Minn dan jirriżulta li r-raġunament segwit mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza Gencor vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, ma jqajjimx inkwistjoni l-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza wood pulp I.

65      Isegwi li, f’dan il-każ, huwa biżżejjed li ssir konċentrazzjoni fuq il-kwistjoni jekk il-Kummissjoni setgħetx tuża l-kategorija ta’ “bejgħ ŻEE dirett permezz tal-użu ta’ prodotti ttrasformati” mingħajr ma għaldaqstant tikser il-prinċipji stabbiliti fis-sentenza wood pulp I.

66      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, l-ewwel nett, li, meta akkordju ta’ livell dinji għandu għan antikompetittiv, dan huwa implementat fis-suq intern, fis-sens tas-sentenza wood pulp I, mis-sempliċi fatt li l-prodotti suġġetti għal kartell huma kkummerċjalizzati f’dan is-suq.

67      Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat li l-implementazzjoni ta’ akkordju ma timplikax neċessarjament li hija tipproduċi effetti reali (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Settembru 2007, Prym u Prym Consumer vs Il‑Kummissjoni, T‑30/05, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 110; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Settembru 2009, Erste Group Bank et vs Il‑Kummissjoni, C‑125/07 P, C‑133/07 P, C‑135/07 P u C‑137/07 P, Ġabra p. I‑8681, punti 116 u 117). Fir-realtà, il-kwistjoni jekk l-akkordju kellux effetti konkreti fuq il-prezzijiet ipprattikati mill-parteċipanti hija rilevanti biss fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-gravità tal-akkordju, għall-finijiet tal-kalkolu tal-multa, bil-kundizzjoni li l-Kummissjoni tiddeċiedi li tibbaża ruħha fuq dan il-kriterju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Ġunju 2009, T‑Mobile Netherlands et, C‑8/08, Ġabra p. I‑4529, punt 31), fost dawk li hija tista’ tieħu inkunsiderazzjoni f’dan il-kuntest. Issa, dan ma huwiex il-każ hawnhekk (ara l-premessa 416 tad-deċiżjoni kkontestata).

68      Bl-istess mod, ma huwiex importanti li l-parteċipanti fl-akkordju ma humiex dejjem informati bid-deċiżjonijiet meħuda fir-rigward tal-prezz. Fil-fatt, l-iffissar ta’ prezz, anki sempliċement indikattiv, jaffettwa l-kompetizzjoni minħabba l-fatt li jippermetti lill-parteċipanti kollha fl-akkordju li jipprevedu b’ċertu livell ta’ ċertezza liema ser tkun il-politika tal-prezz segwita mill-kompetituri tagħhom. Iktar ġeneralment, tali akkordji jinkludu intervent dirett fil-parametri essenzjali tal-kompetizzjoni fis-suq ikkonċernat. Fil-fatt, billi jesprimu volontà komuni li japplikaw ċertu livell ta’ prezz għall-prodotti tagħhom, il-produtturi kkonċernati ma jiddeterminawx iktar b’mod awtonomu l-politika fis-suq tagħhom, u għalhekk jippreġudikaw il-kunċett inerenti għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-kompetizzjoni (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Lulju 2003, Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il‑Kummissjoni, T‑224, Ġabra p. II‑2597, punt 120, u l-ġurisprudenza ċċitata).

69      It-tieni nett, għandu jiġi osservat li l-kunċett ta’ implementazzjoni fis-sens tas-sentenza wood pulp I huwa essenzjalment ibbażat fuq il-kunċett ta’ impriża fid-dritt tal-kompetizzjoni, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 6 iktar ’il fuq (ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Lulju 1984, Hydrotherm Gerätebau, 170/83, Ġabra p. 2999, punt 11, u tad-29 ta’ Marzu 2011, ArcelorMittal Luxembourg vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kummissjoni vs ArcelorMittal Luxembourg et, C‑201/09 P u C‑216/09 P, Ġabra p. I‑2239, punt 95), li lilu għandu jiġi rikonoxxut rwol determinanti fl-iffissar tal-limiti tal-kompetenza territorjali tal-Kummissjoni sabiex tapplika dan id-dritt.

70      B’mod partikolari, jekk l-impriża li tagħmel parti minnha r-rikorrenti tkun ipparteċipat f’akkordju kkonċepit barra miż-ŻEE, il-Kummissjoni għandha tkun tista’ tipproċedi kontra r-riperkussjonijiet li l-aġir ta’ din l-impriża kellu fuq il-kompetizzjoni fis-suq intern u timponi fuqha multa proporzjonali mal-ħsara ta’ dan l-akkordju fuq il-kompetizzjoni f’dan is-suq. Għal dan il-għan, meta l-LCDs suġġetti għal kartell magħmula mir-rikorrenti jkunu ġew integrati f’prodotti lesti minn kumpanniji li jagħmlu parti mill-istess impriża bħar-rikorrenti u li dawn il-prodotti lesti jkunu nbiegħu fiż-ŻEE minn din l-impriża, għandu jiġi kkunsidrat li dan l-akkordju affettwa t-tranżazzjonijiet li seħħew sal-mument ta’ dan il-bejgħ inkluż.

71      F’dan il-kuntest, ma hijiex determinanti il-kwistjoni jekk il-bejgħ intern ta’ din l-impriża seħħx bi prezzijiet miżjuda minħabba l-akkordju. Fil-fatt, jekk dan huwa l-każ, il-ħsara tal-akkordju huwa rifless f’dawn iż-żidiet. F’każ negattiv, din il-ħsara tinsab fil-vantaġġ kompetittiv fejn l-impriża li tipparteċipa fl-akkordju tibbenefika minnu meta pparagunata mal-impriżi l-oħra li jipproduċu prodotti lesti li fihom LCDs suġġetti għal kartell, iżda li jixtru dawn l-LCDs bi prezz li ma jirriżultax minn kundizzjonijiet normali tas-suq. F’dan ir-rigward, jirriżulta mill-ġurisprudenza li, li ma jitteħidx inkunsiderazzjoni tal-valur tal-kunsinni interni għal impriża neċessarjament joħloq vantaġġ, mingħajr ġustifikazzjoni, lill-impriżi vertikalment integrati, peress illi l-profitt magħmul mill-akkordju jista’ f’tali sitwazzjoni, ma jitteħidx inkunsiderazzjoni, minkejja li l-impriża inkwistjoni tevita sanzjoni li hija proporzjonali mal-importanza tagħha fis-suq tal-prodotti li huma s-suġġett tal-ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Mejju 1998, Europa Carton vs Il‑Kummissjoni, T‑304/94, Ġabra p. II‑869, punti 127 u 128).

72      Ir-rikorrenti ma tikkontestax din il-ġurisprudenza, iżda tosserva li s-sempliċi traspożizzjoni tagħha fil-każ hawnhekk kienet ippermettiet lill-Kummissjoni li tilħaq l-għan li ma tiffavorizzax l-impriżi vertikalment integrati. Għalhekk, bid-differenza ta’ dak li allegat il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, ma kienx neċessarju għal dawn l-għanijiet li jsir riferiment għall-kunċett ta’ “bejgħ ŻEE dirett permezz tal-użu ta’ prodotti ttrasformati”. Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ma tistax tibbaża ruħha fuq is-sentenza Europa Carton vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-valur tal-LCDs suġġetti għal kartell inkorporati, barra miż-ŻEE, f’prodotti lesti mibjugħa fiż-ŻEE. Kull assimilazzjoni bejn il-bejgħ ta’ prodott lest u dak ta’ LCD suġġett għal kartell għandha tiġi eskluża. Min-naħa l-oħra, il-bejgħ intern lil impriża vertikalment integrata għandu jiġi assimilat mal-bejgħ lil terzi u għandu għalhekk jiġi kontabbilizzat jekk dan isir fiż-ŻEE.

73      Għandu għalhekk jiġi kkonstatat li, hekk kif tosserva l-Kummissjoni, xejn mill-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Europa Carton vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, ma jista’ jiġi interpretat fis-sens li l-kompetenza territorjali tal-Kummissjoni hija eskluża meta l-prodotti li huma s-suġġett ta’ akkordju huma l-ewwel nett suġġetti għal tranżazzjoni bejn żewġ kumpanniji, stabbiliti barra miż-ŻEE u li jagħmlu parti mill-impriża li tkun ipparteċipat fl-akkordju, qabel ma jaslu fis-suq intern.

74      F’dan il-każ, il-parteċipanti fl-akkordju li, bħar-rikorrenti, kienu impriżi vertikalment integrati, kienu jinkorporaw, barra miż-ŻEE, LCDs suġġetti għal kartell f’prodotti lesti mibjugħa fiż-ŻEE. Għalhekk, il-każ li tressaq quddiem il-Kummissjoni ma kienx jirreferi għat-traspożizzjoni pura u sempliċi tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Europa Carton vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq. Bħala konsegwenza, il-Kummissjoni kellha d-dritt li tadatta t-tagħlim ta’ din is-sentenza għaċ-ċirkustanzi tal-każ, sabiex tilħaq l-għan, intiż minn din il-ġurisprudenza, li ma tipprivileġġax l-impriżi vertikalment integrati li pparteċipaw f’akkordju.

75      Abbażi ta’ dak li ntqal, hemm lok li jiġi konkluż li, permezz tal-kontabbiltà tal-“bejgħ ŻEE dirett permezz tal-użu ta’ prodotti ttrasformati”, il-Kummissjoni ma estendietx illegalment il-kompetenza territorjali tagħha sabiex tipproċedi kontra l-ksur għar-regoli tal-kompetizzjoni stabbiliti fit-Trattati.

 Fuq l-allegati diskriminazzjonijiet li jirriżultaw mill-kunċett ta’ “bejgħ ŻEE dirett permezz tal-użu ta’ prodotti ttrasformati”

76      Ir-rikorrenti ssostni li n-natura illegali tal-kunċett ta’ “bejgħ ŻEE dirett permezz tal-użu ta’ prodotti ttrasformati” tintwera mill-fatt li l-użu tiegħu esponiha għal trattament mhux favorevoli u diskriminatorju meta pparagunata ma’ parteċipanti oħra fl-istess akkordju.

–       Osservazzjonijiet preliminari

77      Għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, stabbilit fl-Artikoli 20 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

78      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-imsemmi prinċipju jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali, ħlief jekk tali trattament ikun oġġettivament iġġustifikat (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Settembru 2010, Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il‑Kummissjoni et, C‑550/07 P, Ġabra p. I‑8301, punt 55, u l-ġurisprudenza ċċitata).

79      Fir-rigward tal-iffissar tal-ammont tal-multa, il-prinċipju inkwistjoni ma jipprekludix li l-Kummissjoni tapplika, permezz ta’ metodi ta’ kalkolu differenti, diskriminazzjoni bejn l-impriżi li pparteċipaw fi ftehim jew fi prattika miftiehma li jiksru l-Artikolu 101(1) TFUE (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Lulju 2012, Alliance One International u Standard Commercial Tobacco vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kummissjoni vs Alliance One International et, C‑628/10 P u C‑14/11 P, punt 58, u l-ġurisprudenza ċċitata).

80      F’dan il-każ, hemm lok li jiġi osservat li l-Kummissjoni kkalkolat il-multa li għandha tiġi imposta fuq kull wieħed mill-parteċipanti fl-akkordju abbażi tal-istess tliet kategoriji ta’ bejgħ imfakkra fil-punt 18 iktar ’il fuq. Il-fatt li l-kategorija tal-“bejgħ ŻEE dirett permezz tal-użu ta’ prodotti ttrasformati” ma kinitx applikabbli ħlief għal uħud minn dawn il-parteċipanti ma jikkostitwixxix diskriminazzjoni, peress li l-Kummissjoni evalwat l-applikabbiltà ta’ din il-kategorija għal kull wieħed mill-parteċipanti abbażi tal-istess kriterji oġġettivi. B’mod analogu, il-fatt li l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-“bejgħ indirett” jista’ jkun ibbenefika lil ċerti parteċipanti b’mod iktar sinjifikattiv milli lir-rikorrenti wkoll ma jikkostitwixxix fih innifsu diskriminazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Alliance One International u Standard International Tobacco et vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kummissjoni vs Alliance One International et, iċċitata iktar ’il fuq, punti 135 u 138, u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fl-imsemmija sentenza, punt 87).

–       Fuq l-allegata diskriminazzjoni meta pparagunata ma’ Samsung

81      Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ttrattatha b’mod inqas favorevoli minn Samsung, u dan minkejja li dawn iż-żewġ impriżi sabu ruħhom f’sitwazzjonijiet allegatament paragunabbli. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li l-kunsinni ta’ LCDs suġġetti għal kartell magħmula minn Samsung lis-sussidjarji tagħha stabbiliti fiż-ŻEE, li integrawhom fi prodotti lesti, kienu ġew kontabbilizzati bħala “bejgħ ŻEE dirett permezz tal-użu ta’ prodotti ttrasformati” unikament meta l-prodotti lesti nbiegħu fiż-ŻEE. Min-naħa l-oħra, l-LCDs suġġetti għal kartell mibjugħa mir-rikorrenti lill-istess sussidjarji Ewropej ta’ Samsung ittieħdu inkunsiderazzjoni, ukoll meta l-prodotti lesti kienu nbiegħu minn dawn is-sussidjarji barra miż-ŻEE, inkwantu “bejgħ ŻEE dirett”. Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ssostni li, meta hija tbigħ LCDs suġġetti għal kartell lil Samsung, dawn ma jħallux iċ-ċirku ta’ membri tal-akkordju u għaldaqstant ma jikkostitwixxux implementazzjoni fis-suq.

82      Għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li l-Kummissjoni applikat l-istess kriterji fir-rigward ta’ Samsung u tar-rikorrenti. Fil-fatt, minn naħa, il-bejgħ ta’ LCDs suġġetti għal kartell magħmul mir-rikorrenti jew minn Samsung lil terzi indipendenti stabbiliti fiż-ŻEE kien ġie inkluż fost il-“bejgħ ŻEE dirett”. Min-naħa l-oħra, is-sitwazzjonijiet li fihom ir-rikorrenti jew Samsung ittrasferew l-ewwel l-LCDs suġġetti għal kartell lil kumpanniji oħra li huma parti mill-istess impriża, li integrawhom f’prodotti lesti mibjugħa lil terzi indipendenti kienu ttieħdu inkunsiderazzjoni, inkwantu “bejgħ ŻEE dirett permezz tal-użu ta’ prodotti ttrasformati”, jekk dan il-bejgħ lil terzi kien seħħ fiż-ŻEE.

83      Sussegwentement, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni kellha perfettament id-dritt li tinkludi l-bejgħ tar-rikorrenti lis-sussidjarji Ewropej ta’ Samsung fost il-“bejgħ ŻEE dirett”, peress illi l-LCDs suġġetti għal kartell inkwistjoni kienu mibjugħa lil klijenti stabbiliti fiż-ŻEE, li bilfors li ħoloq distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern. Il-miżura tal-ħsara għandha tiġi stmata abbażi ta’ dħul mill-bejgħ li r-rikorrenti wettqet b’mod partikolari permezz ta’ dan il-bejgħ, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 37 iktar ’il fuq.

84      L-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni ma jmisshiex ħadet inkunsiderazzjoni l-bejgħ li ma ħariġx miċ-ċirku tal-parteċipanti fl-akkordju ma jistax jiġi aċċettat. Fil-fatt, peress illi prodott li huwa s-suġġett ta’ akkordju jinbiegħ fis-suq intern, il-kompetizzjoni fi ħdanu hija distorta u l-Kummissjoni għandha tikkunsidra dan fil-kalkolu tal-multa li hija timponi fuq l-impriża li tkun ħadet benefiċċju minn dan il-bejgħ. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 101 TFUE huwa intiż, bħar-regoli l-oħra tal-kompetizzjoni stabbiliti tat-Trattati, li jipproteġi mhux biss l-interessi tal-kompetituri jew tal-konsumaturi, iżda l-istruttura tas-suq u, billi jagħmel dan, il-kompetizzjoni bħala tali (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja T‑Mobile Netherlands et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38, u tas-6 ta’ Ottubru 2009, GlaxoSmithKline Services et vs Il‑Kummissjoni et, C‑501/06 P, C‑513/06 P, C‑515/06 P, u C‑519/06 P, Ġabra p. I‑9291, punt 63). F’dan il-każ, l-oriġini tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern tinsab fil-bejgħ bejn ir-rikorrenti u Samsung.

85      Barra minn hekk, jekk huwa veru li wħud mil-LCDs suġġetti għal kartell li s-sussidjarji Ewropej ta’ Samsung xtraw mir-rikorrenti setgħu kienu integrati f’prodotti lesti mibjugħa barra miż-ŻEE, din iċ-ċirkustanza ma tipprekludix il-fatt li bejgħ bejn żewġ impriżi distinti tassew seħħ fiż-ŻEE meta l-LCDs tar-rikorrenti kienu nxtraw mis-sussidjarji Ewropej ta’ Samsung. Għalhekk, il-Kummissjoni setgħet tikkunsidra li dan kien bejgħ li jaffettwa l-kompetizzjoni fis-suq intern.

86      Fir-rigward tal-fatt li, fir-rigward ta’ Samsung, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni biss il-bejgħ ta’ LCDs suġġetti għal kartell li kienu ġew integrati, mis-sussidjarji Ewropej ta’ Samsung, f’prodotti lesti mibjugħa fiż-ŻEE, għandu jiġi rrilevat li, fir-rigward ta’ dawn l-LCDs suġġetti għal kartell, l-ewwel bejgħ tagħhom lil impriża terzi seħħ waqt il-bejgħ tal-prodott lest. Għalhekk, sabiex tieħu inkunsiderazzjoni biss bejgħ li għandu rabta maż-ŻEE, il-Kummissjoni kellha d-dritt, u anki l-obbligu, li tillimita ruħha li tieħu inkunsiderazzjoni l-bejgħ tal-LCDs suġġetti għal kartell li kienu ġew integrati f’prodotti lesti mibjugħa fiż-ŻEE.

87      Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-fatt li tiġi stabbilita distinzjoni fondata fuq id-destinazzjoni tal-prodott lest imur kontra l-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Marzu 1974, Istituto Chemioterapico Italiano u Commercial Solvents vs Il‑Kummissjoni (6/73 u 7/73, Ġabra p. 223, punt 33), għandu jiġi osservat li l-kwistjoni li tqajmet fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza kienet differenti minn dik tal-każ hawnhekk. Fil-fatt, din hija kwistjoni dwar jekk il-projbizzjoni ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti, prevista fl-Artikolu 102 TFUE, kinitx applikabbli meta min iżomm tali pożizzjoni stabbilit fis-suq intern kien intiż, permezz tal-użu abbużiv tagħha, li jelimina kompetitur ukoll stabbilit f’dan is-suq. Huwa biss f’dan ir-rigward li l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li ma kienx jagħmel differenza jekk l-aġir inkwistjoni kienx jikkonċerna l-attivitajiet esportatriċi ta’ dan il-kompetitur jew l-attivitajiet tiegħu fis-suq intern. Il-Qorti tal-Ġustizzja ma naqsitx milli ssostni li kienet l-eliminazzjoni stess ta’ dan il-kompetitur li kellha riperkussjonijiet fuq l-istruttura tal-kompetizzjoni fis-suq intern (sentenza Istituto Chemioterapico Italiano u Commercial Solvents vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33). F’dan il-każ, bil-kontra, il-Kummissjoni kellha d-dritt li tiddefinixxi l-kategorija tal-“bejgħ ŻEE dirett permezz tal-użu ta’ prodotti ttrasformati” billi limitat ruħha għall-bejgħ biss ta’ LCDs suġġetti għal kartell li kienu jinsabu f’prodotti lesti mibjugħa fiż-ŻEE. Fil-fatt, jekk dan l-ewwel bejgħ tal-prodotti suġġetti għal kartell lil terzi ma kienx seħħ fiż-ŻEE, ir-rabta bejn is-suq intern u l-ksur kien dgħajjef wisq.

88      Fl-aħħar nett, ma jistax jiġi eskluż li wkoll l-LCDs integrati fil-prodotti lesti l-oħra mibjugħa minn Samsung lil terzi stabbiliti barra miż-ŻEE jistgħu sussegwentement jidħlu mill-ġdid fiż-ŻEE u jkunu għalhekk ħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni fiha, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Kummissjoni tibbenefika minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tal-metodu ta’ kalkolu tal-multi. Dan il-metodu, imfassal mil-linji gwida tal-2006, jinkludi elementi differenti ta’ flessibbiltà li jippermettu lill-Kummissjoni li teżerċita s-setgħa diskrezzjonali tagħha f’konformità mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205) (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Settembru 2009, Papierfabrik August Koehler et vs Il‑Kummissjoni, C‑322/07 P, C‑327/07 P u C‑338/07 P, Ġabra p. I‑7191, punt 112, u tal-14 ta’ Ottubru 2010, Deutsche Telekom vs Il‑Kummissjoni, C‑280/08 P, Ġabra p. I‑9555, punt 271). Minbarra dan, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata li tikkonstata jew li tissanzjona kwalunkwe aġir antikompetittiv (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Ġunju 2005, Tokai Carbon et vs Il‑Kummissjoni, T‑71/03, T‑74/03, T‑87/03 uT‑91/03, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 369). Barra minn hekk, peress illi, fir-rigward tal-impriżi kollha vertikalment integrati, il-Kummissjoni applikat il-kunċett ta’ “bejgħ ŻEE dirett permezz tal-użu ta’ prodotti ttrasformati” li jeskludi l-bejgħ ta’ LCDs suġġetti għal kartell li ġew integrati f’prodotti lesti mibjugħa barra miż-ŻEE, indipendentement mill-post fejn il-prodotti lesti kienu ġew prodotti, ebda nuqqas ta’ ugwaljanza fit-trattament inġustifikat ma kien twettaq.

–       Fuq l-allegati diskriminazzjonijiet meta pparagunati ma’ żewġ destinatarji oħra tad-deċiżjoni kkontestata

89      Ir-rikorrenti ssostni li hija ġiet iddiskriminata meta pparagunata ma’ żewġ parteċipanti oħra fl-akkordju, jiġifieri LGD u l-kumpannija rregolata mid-dritt Tajwaniż AU Optronics Corp. (iktar ’il quddiem “AUO”), li jagħmlu parti minn gruppi li għandhom livell ta’ integrazzjoni vertikali paragunabbli ma’ dak tar-rikorrenti. Fil-fatt, skont ir-rikorrenti, peress li l-Kummissjoni tapplika għal dawn il-parteċipanti biss il-kunċett ta’ “bejgħ ŻEE dirett”, il-bejgħ ta’ LCDs suġġetti għal kartell tagħhom indirizzat lil kumpanniji marbuta kien ittieħed inkunsiderazzjoni biss meta x-xerrej kien jinsab fiż-ŻEE. Min-naħa l-oħra, permezz tal-użu tal-kunċett ta’ “bejgħ ŻEE dirett permezz tal-użu ta’ prodotti ttrasformati”, il-bejgħ intern tar-rikorrenti kien ġie kontabbilizzat anki meta kien indirizzat lil sussidjarji stabbiliti barra miż-ŻEE, bil-kundizzjoni li l-prodotti lesti, imwettqa minn dawn is-sussidjarji bl-użu tal-LCDs suġġetti għal kartell, jinbiegħu fiż-ŻEE. In-natura diskriminatorja tad-distinzjoni magħmula mill-Kummissjoni hija għaldaqstant iktar evidenti li, hekk kif jirriżulta mill-premessi 394 u 396 tad-deċiżjoni kkontestata, hija kienet essenzjalment użat l-istess provi sabiex tistabbilixxi l-influwenza tal-akkordju, minn naħa, fuq il-bejgħ tar-rikorrenti lis-sussidjarja tagħha u, min-naħa l-oħra, fuq il-bejgħ ta’ LGD u ta’ AUO lill-kumpanniji li magħhom kull waħda minnhom kienet marbuta.

90      Fl-ewwel lok, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, ma kkonkludietx li LGD kienet tifforma impriża unika, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 6 u 69 iktar ’il fuq, mal-kumpannija rregolata mid-dritt Korean LG Electronics, Inc. (iktar ’il quddiem “LGE”) u mal-kumpannija rregolata mid-dritt Olandiż Koninklijke Philips Electronics NV (iktar ’il quddiem “Philips”). Bl-istess mod, il-Kummissjoni ma applikatx dan il-kunċett lil AUO u lill-kumpannija rregolata mid-dritt Tajwaniż BenQ Corp. (iktar ’il quddiem “BenQ”). Għalhekk, il-bejgħ ta’ LGD lil LGE u lil Philips u dak ta’ AUO lil BenQ ġie kkunsidrat bħala “bejgħ ŻEE dirett” u mhux “bejgħ ŻEE dirett permezz tal-użu ta’ prodotti ttrasformati”. It-trattament differenti li għalih il-bejgħ tar-rikorrenti kien suġġett huwa ġġustifikat bil-fatt li hija ttrasferiet l-LCDs suġġetti għal kartell l-ewwel, fi ħdan l-istess impriża, lil kumpanniji stabbiliti barra miż-ŻEE, li kienu sussegwentement integraw dawn l-LCDs f’prodotti lesti li kienu nbiegħu, minn din l-istess impriża, lil terzi stabbiliti fiż-ŻEE. Din id-differenza oġġettiva tiġġustifika l-inklużjoni tal-bejgħ tar-rikorrenti f’kategorija differenti minn dik applikata għall-bejgħ ta’ LGD lil LGE u lil Philips.

91      Fit-tieni lok, sa fejn l-ilment tar-rikorrenti kif deskritt bħala sunt fil-punt 89 iktar ’il fuq jista’ jiġi interpretat fis-sens li hija takkuża lill-Kummissjoni li eskludiet l-eżistenza ta’ impriża unika bejn LGD, LGE u Philips u bejn AUO u BenQ, għandu jitfakkar, l-ewwel nett, li, skont il-ġurisprudenza, ilment li huwa relatat ma’ motiv ta’ annullament huwa inammissibbli, għar-raġuni li l-interess ġuridiku huwa nieqes meta, anki jekk jiġi preżuppost li huwa fondat, l-annullament tal-att ikkontestat abbażi ta’ dan il-motiv ma huwiex ta’ natura li jagħti sodisfazzjon lir-rikorrenti (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Ġunju 2011, Evropaïki Dynamiki vs Bank Ċentrali Ewropew, C‑401/09 P, Ġabra p. I‑4911, punt 49; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Marzu 1973, Marcato vs Il‑Kummissjoni, 37/72, Ġabra p. 361, punti 2 sa 8, u tal-21 ta’ Settembru 2000, EFMA vs Il‑Kunsill, C‑46/98 P, Ġabra p. I‑7079, punt 38).

92      F’dan il-każ, l-ilment tar-rikorrenti huwa inammissibbli, għar-raġuni li, anki jekk jiġi preżuppost li l-Kummissjoni żbaljat meta naqset milli tikkunsidra li LGD, LGE u Philips kienu jiffurmaw impriża waħda, bħal AUO u BenQ, din iċ-ċirkustanza bl-ebda mod ma kienet ser tagħti vantaġġ lir-rikorrenti. Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li hija ssostni, dawn l-allegati żbalji tal-Kummissjoni, anki jekk kienu rikonoxxuti, ma jurux li l-kunċett ta’ “bejgħ ŻEE dirett permezz tal-użu ta’ prodotti ttrasformati” huwa min-naħa tiegħu żbaljat, peress illi d-definizzjoni ta’ dan il-kunċett hija indipendenti mill-każijiet li fihom hija ġiet applikata jew le. Għalhekk, anki jekk il-Kummissjoni kienet ikkonstatat li l-gruppi ta’ kumpanniji msemmija iktar ’il fuq kienu fformaw impriżi uniċi, hija jmissha sempliċement eskludiet li t-trasferimenti ta’ LCDs suġġetti għal kartell fi ħdan l-istess impriża jiġu kontabbilizzati inkwantu “bejgħ ŻEE dirett”. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni jmissha vverifikat liema fost dan il-bejgħ kien jissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex jitqies li huwa “bejgħ ŻEE dirett permezz tal-użu ta’ prodotti ttrasformati”, kundizzjonijiet li kienu eżattament dawk applikati għall-bejgħ tar-rikorrenti li kien ġie inkluż f’din il-kategorija.

93      Fi kwalunkwe każ, anki jekk jiġi preżuppost li r-rikorrenti tista’ tinvoka l-ilment imniżżel fil-punt 89 iktar ’il fuq, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, minn naħa, l-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għandu jikkonċilja ruħu ma’ dak tal-prinċipju ta’ legalità, li jimplika li ebda persuna ma tista’ tinvoka favur tagħha illegalità mwettqa favur ħaddieħor; min-naħa l-oħra, meta impriża, bl-aġir tagħha stess, tkun kisret l-Artikolu 101 TFUE, hija ma tistax tevita kwalunkwe sanzjoni għar-raġuni li operaturi ekonomiċi oħra ma ġewx imposti multa fuqhom, meta, bħal f’dan il-każ, ma tressqitx is-sitwazzjoni ta’ dawn l-operaturi ekonomiċi quddiem il-qorti tal-Unjoni (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Novembru 2006, Peróxidos Orgánicos vs Il‑Kummissjoni, T‑120/04, Ġabra p. II‑4441, punt 77, u l-ġurisprudenza ċċitata).

94      Ukoll minħabba dawn ir-raġunijiet, ir-rikorrenti ma tista’ tieħu ebda benefiċċju minn eventwali żbalji mwettqa mill-Kummissjoni fir-rigward tal-eżistenza ta’ impriża unika bejn LGD, LGE u Philips u bejn AUO u BenQ.

95      Fir-rigward tal-fatt, invokat mir-rikorrenti, li l-Kummissjoni, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, kienet ikkunsidrat li LGD, LGE u Philips kienu jiffurmaw impriża unika, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, huwa inerenti għan-natura tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li din tkun provviżorja u li tkun tista’ tiġi emendata matul l-evalwazzjoni li l-Kummissjoni tagħmel sussegwentement abbażi tal-osservazzjonijiet li jkunu ġew ippreżentati lilha bħala risposta mill-partijiet kif ukoll abbażi ta’ konstatazzjonijiet fattwali oħra. Fil-fatt, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra elementi li jirriżultaw mill-proċedura amministrattiva kollha kemm biex tabbanduna ilmenti li jkunu infondati jew sabiex tiżviluppa u tikkompleta kemm fil-fatt kif ukoll fid-dritt l-argument tagħha insostenn tal-oġġezzjonijiet li hija tqis. Għaldaqstant, id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet bl-ebda mod ma timpedixxi lill-Kummissjoni milli tbiddel il-pożizzjoni tagħha favur l-impriżi kkonċernati (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corportaion of America vs Impala, C‑413/06 P, Ġabra p. I‑4951, punt 63, u l-ġurisprudenza ċċitata).

96      Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni ma hijiex obbligata żżomm l-evalwazzjonijiet ta’ fatt jew ta’ dritt magħmula f’dan id-dokument. Għall-kuntrarju, hija għandha timmotiva d-deċiżjoni finali tagħha b’evalwazzjonijiet definittivi bbażati fuq ir-riżultati tal-investigazzjoni kollha tagħha hekk kif ikunu ppreżentati fil-mument tal-għeluq tal-proċedura amministrattiva. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata tispjega d-differenzi eventwali eżistenti fir-rigward tal-evalwazzjonijiet definittivi tagħha u l-evalwazzjonijiet provviżorji tagħha li jinsabu fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (ara s-sentenza Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, iċċitata iktar ’il fuq, punti 64 u 65, u l-ġurisprudenza ċċitata).

97      Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata li tispjega, fid-deċiżjoni kkontestata, ir-raġunijiet li għalihom hija kienet finalment ikkunsidrat li LGD ma ffurmatx impriża unika ma’ LGE u Philips.

98      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li kkunsidra l-fatt li r-raġunament segwit u l-provi invokati mill-Kummissjoni fir-rigward kemm tal-bejgħ ta’ LCDs suġġetti għal kartell intern lil impriżi kif ukoll dak magħmul lil impriżi marbuta mal-parteċipanti permezz ta’ relazzjoni partikolari huwa essenzjalment l-istess, hemm lok li jiġi miċħud bħala mhux effettiv. Fil-fatt, din iċ-ċirkustanza ma taffettwax il-fatt li l-preżenza jew l-assenza ta’ impriża unika fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 6 u 69 iktar ’il fuq hija ċirkustanza suffiċjenti sabiex tiġġustifika li l-Kummissjoni tikklassifika b’mod differenti l-bejgħ li jsir f’każ jew f’ieħor għall-finijiet tal-multa.

99      Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet li jippreċedu, hemm lok li tiġi miċħuda wkoll it-tieni parti tal-ewwel motiv u, bħala konsegwenza, dan il-motiv kollu kemm hu.

2.     Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE billi kkonkludiet li l-ksur kien jestendi għal-LCDs-TV

100    Permezz ta’ dan il-motiv, minn naħa, ir-rikorrenti essenzjalment tikkontesta li l-aġir antikompetittiv tagħha rigward kemm l-LCDs-TV kif ukoll l-LCDs-TI jista’ jiġi kkunsidrat bħala li jagħti lok għall-istess ksur uniku u kontinwat. Min-naħa l-oħra, hija takkuża lill-Kummissjoni li ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li l-parteċipanti Koreani fl-akkordju kkonstatat fid-deċiżjoni kkontestata kienu ftiehmu mal-fornituri Ġappuniżi ta’ LCDs-TV rigward dawn il-prodotti tal-aħħar.

 Osservazzjonijiet preliminari

101    Qabel kollox, għandu jitfakkar li l-kunċett ta’ ksur uniku jirreferi għal sitwazzjoni fejn diversi impriżi jkunu pparteċipaw fi ksur li jikkonsisti f’aġir kontinwu li jsegwi għan ekonomiku waħdieni intiż sabiex joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni jew fi ksur individwali marbut flimkien minn l-istess għan (l-istess finalità tal‑elementi kollha) u l-istess suġġetti (l-istess impriżi kkonċernati, li jafu li qed jipparteċipaw fl-għan komuni) (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ April 2010, Amann & Söhne u Cousin Filterie vs Il‑Kummissjoni, T‑446/05, Ġabra p. II‑1255, punt 89, u l-ġurisprudenza ċċitata).

102    Sussegwentement, hemm lok li jiġi rrilevat li ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE jista’ jirriżulta mhux biss minn att iżolat, iżda wkoll minn sensiela ta’ atti jew ukoll minn aġir kontinwu. Din l-interpretazzjoni ma tistax tiġi kkontestata għar-raġuni li element jew iktar minn din is-serje ta’ atti jew ta’ dan l-aġir kontinwu jistgħu wkoll jikkostitwixxu fihom infushom u iżolament ksur ta’ din id-dispożizzjoni. Meta l-azzjonijiet differenti jagħmlu parti minn pjan globali, minħabba l-għan identiku tagħhom li tinħoloq distorsjoni tal-kompetizzjoni ġewwa s-suq uniku, il-Kummissjoni għandha d-dritt li timputa r-responsabbiltà ta’ dawn l-azzjonijiet skont il-parteċipazzjoni fil-ksur ikkunsidrat kollu kemm hu (ara s-sentenza Amann & Söhne u Cousin Filterie vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 90, u l-ġurisprudenza ċċitata).

103    Huwa importanti wkoll li jiġi ppreċiżat li l-għan uniku intiż mill-pjan globali li jikkaratterizza ksur uniku u kontinwat ma jistax jiġi ddeterminat b’riferiment ġenerali għad-distorsjoni tal‑kompetizzjoni fis-suq ikkonċernat mill-ksur, peress illi d-dannu magħmul fuq il‑kompetizzjoni jikkostitwixxi, bħala skop jew effett, element kostituttiv ta’ kull aġir li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal‑Artikolu 101(1) KE. Tali definizzjoni tal-kunċett ta’ għan uniku toħloq ir-riskju li l-kunċett ta’ ksur uniku u kontinwat jiġi mċaħħad minn parti mis-sens tiegħu, sa fejn dan għandu bħala konsegwenza li aġir differenti, li jirrigwarda settur ekonomiku, ipprojbit mill-Artikolu 101(1) KE jkollu b’mod sistematiku, jiġi kkwalifikat bħala elementi li jikkostitwixxu ksur uniku. Għaldaqstant, sabiex aġir differenti jiġi kkwalifikat bħala ksur uniku u kontinwat, hemm lok li jiġi vverifikat jekk dan għandux rabta ta’ komplementarjetà, fis-sens li kull wieħed minn dan l-aġir differenti huwa intiż sabiex jittratta konsegwenza waħda jew iktar tal-iżvolġiment normali tal-kompetizzjoni, u jikkontribwixxi, permezz ta’ interazzjoni, għat-twettiq tal-effetti antikompetittivi kollha mixtieqa mill-awturi tiegħu, fil-kuntest ta’ pjan globali li jipprevedi għan uniku. F’dan ir-rigward, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni kull ċirkustanza li tista’ tistabbilixxi jew tikkontesta r-rabta msemmija, bħall-perijodu ta’ applikazzjoni, il-kontenut (inklużi l-metodi użati) u, korrelattivament, l-għan ta’ aġir differenti inkwistjoni (ara s-sentenza Amann & Söhne u Cousin Filterie vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 92, u l-ġurisprudenza ċċitata).

104    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li hemm lok li jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti, wara li fakkret il-konstatazzjonijiet imwettqa mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata li huma rilevanti f’dan ir-rigward.

 Konstatazzjonijiet imwettqa fid-deċiżjoni kkontestata

105    Għandu jiġi osservat, l-ewwel nett, li l-ksur li l-Kummissjoni akkużat lid-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata jikkonsisti fil-fatt li huma pparteċipaw, minn naħa, għal-“laqgħat Cristal”, li matulhom huma ffissaw prezzijiet minimi għal-LCDs suġġetti għal kartell, iddiskutew l-ippjanar tal-prezzijiet tagħhom sabiex jevitaw it-tnaqqis u kkoordinaw iż-żidiet fil-prezzijiet tagħhom kif ukoll il-livelli ta’ produzzjoni tagħhom, u, min-naħa l-oħra, ipparteċipaw għal laqgħat bilaterali li ttrattaw is-suġġetti diskussi waqt “laqgħat Cristal” (ara l-punt 15 iktar ’il fuq).

106    B’mod iktar iddettaljat, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset, l-ewwel nett, li l-parteċipanti fl-akkordju kienu impenjaw ruħhom f’akkordju uniku, kumpless u kontinwat għal-LCDs-TI u l-LCDs-TV, ikkostitwit minn sensiela ta’ azzjonijiet konnessi u interdipendenti li damu matul il-perijodu ta’ ksur kollu, bl-għan li jiżdiedu u li jinżammu l-prezzijiet ta’ dawn l-LCDs fuq il-livell dinji u fil-livell taż-ŻEE (premessa 283).

107    It-tieni nett, skont id-deċiżjoni kkontestata, l-iffissar tal-prezzijiet, affettwat miż-żidiet fil-prezzijiet, mill-iffissar ta’ firxa ta’ prezzijiet u mill-iffissar ta’ prezz minimu jew ippjanat, u l-adozzjoni ta’ pożizzjoni komuni u ta’ strateġija futura fuq il-parametri li jiddeterminaw il-prezzijiet, bħall-produzzjoni, il-kapaċitajiet, l-ispedizzjonijiet kif ukoll it-talba, flimkien ma’ sistema ta’ sorveljanza sabiex tiġi ggarantita l-osservanza ta’ arranġamenti konklużi, huma għaldaqstant elementi li jagħmlu parti minn pjan globali, li kellu bħala għan komuni li jikkontrolla l-prezzijiet għall-bejgħ dinji, u inklużi dak effettwat fiż-ŻEE, kemm tal-LCDs-TI kif ukoll tal-LCDs-TV (premessa 284).

108    It-tielet nett, il-Kummissjoni osservat li l-karatteristiċi tal-ksur, il-linji ta’ azzjonijiet tiegħu u l-organizzazzjoni tiegħu segwew l-istess mudell matul il-perijodu ta’ ksur kollu. Jekk il-metodu operattiv tal-kollużjoni ċertament inbidel matul iż-żmien, skont id-deċiżjoni kkontestata, dan kellu jitqies li huwa normali fir-rigward ta’ akkordju ta’ tul twil, fejn il-parteċipanti tiegħu kienu adattaw ruħhom għal bdil fiċ-ċirkustanzi, b’mod partikolari sabiex ma jiġux skoperti. Għalhekk, fid-deċiżjoni kkontestata, ġie osservat li anki l-preżenza, fil-laqgħat tal-akkordju li seħħew mix-xahar ta’ Mejju 2005, ta’ persunal ta’ segretarjat u mhux tad-direttorat bħal qabel, ma kienx iddetermina bdil fin-natura tal-laqgħat, li komplew jirreferu għall-iffissar tal-prezzijiet u l-kontroll ta’ parametri bħall-produzzjoni tal-LCDs suġġetti għal kartell (premessa 287).

109    Fir-raba’ lok, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li d-diskussjonijiet li kienu seħħew matul l-ewwel sena tal-akkordju kienu kkonċentraw fuq l-LCDs-TI u rrilevat li l-LCDs-TV kienu ġew implikati f’dawn id-diskussjonijiet sa mix-xahar ta’ Settembru 2002. Hija madankollu osservat li filwaqt li l-parteċipanti l-oħra fl-akkordju kienu bdew l-attività ta’ produzzjoni ta’ LCDs-TV huma kienu bdew jaqsmu mal-oħrajn l-informazzjoni tagħhom dwar dawn. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni sostniet, min naħa, li l-LCDs-TV kienu, minn dak iż-żmien, sistematikament ġew diskussi waqt l-istess laqgħat bħal dawk fejn kienu ġew imsemmija l-LCDs-TI u, min-naħa l-oħra, li l-parteċipanti kienu fil-pożizzjoni li jallokaw mill-ġdid il-kapaċitajiet bejn l-applikazzjonijiet differenti ta’ LCDs suġġetti għal kartell sabiex jinfluwenzaw it-talba u, permezz ta’ dan, ukoll il-prezz ta’ dawn il-prodotti. Abbażi ta’ dan, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-istess impriżi kienu segwew, għal-LCDs-TV, l-istess għan u segwew l-istess metodu operattiv, fil-kuntest tal-istess pjan globali, bħal fil-każ tad-diskussjonijiet li jikkonċernaw l-LCDs-TI li kienu seħħew mill-2001 (premessi 288 u 289).

 Evalwazzjoni tal-argumenti li jikkontestaw il-konstatazzjonijiet imwettqa fid-deċiżjoni kkontestata

110    Minn diversi dokumenti riċevuti mill-Kummissjoni jirriżulta li l-parteċipanti fl-akkordju kienu fil-pożizzjoni li jallokaw mill-ġdid il-kapaċitajiet ta’ produzzjoni tagħhom bejn LCDs-TI u LCDs-TV sabiex jinfluwenzaw it-talba u, bl-istess mod, il-prezzijiet ta’ dawn il-prodotti.

111    F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, il-premessa 154 tad-deċiżjoni kkontestata tiċċita n-noti ta’ parteċipant fil-“laqgħa Cristal” tal-11 ta’ Ġunju 2003, li fiha r-rikorrenti pparteċipat, li fihom dikjarazzjoni ta’ [kunfidenzjali] ttieħdet fit-termini li ġejjin:

“[...J]ekk il-klijenti attwali fis-setturi tal-moniters u tan-notebooks inaqqsu l-ordnijiet tagħhom, il-kapaċità ta’ produzzjoni tinbidel sabiex bħala reazzjoni jiġu prodotti televixins [...]” [Anness B.21 għad-difiża]

112    Fit-tieni lok, jirriżulta minn messaġġ elettroniku dwar il-“laqgħa Cristal” tad-9 ta’ Lulju 2003, imsemmi fil-premessa 155 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-rikorrenti ddeċidiet mill-prijoritajiet tagħha fl-allokazzjoni tal-kapaċitajiet ta’ produzzjoni tagħha ta’ LCDs bejn l-LCDs-TV u l-LCDs-TI skont il-marġni ta’ profitt mistennija. Dan l-istess messaġġ elettroniku kien jirreferi għal allokazzjoni mill-ġdid tal-kapaċitajiet ta’ produzzjoni tal-LCDs-TI lejn l-LCDs-TV permezz [kunfidenzjali]. Barra minn hekk, ir-rapport magħmul minn wieħed mill-parteċipanti f’din il-laqgħa rrefera għaċ-ċirkustanza, ikkwotata fil-premessa 156 tad-deċiżjoni kkontestata, li, għar-rikorrenti, il-produzzjoni ta’ moniters kienet mod kif tassorbi l-kapaċitajiet ta’ produzzjoni kollha li baqgħu disponibbli.

113    Fit-tielet lok, f’messaġġ elettroniku intern ta’ [kunfidenzjali] dwar ir-rapport mogħti tal-“laqgħa Cristal” tal-5 ta’ Frar 2004, li kienet seħħet għand ir-rikorrenti, huwa indikat li [kunfidenzjali] kienet allokat mill-ġdid il-kapaċitajiet ta’ produzzjoni tagħha b’mod partikolari lejn l-LCDs-TV.

114    Fir-raba’ lok, fil-premessa 187 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rreferiet għan-noti ta’ parteċipant għal-“laqgħa Cristal” tal-4 ta’ Novembru 2004, li kienu semmew diskussjonijiet li kienu jirrigwardaw l-attribuzzjoni mill-ġdid tal-kapaċitajiet ta’ produzzjoni bejn l-applikazzjonijiet differenti tal-LCDs suġġetti għal kartell sabiex tiġi influwenzata t-talba. B’mod partikolari, [kunfidenzjali] ikkonfermat “l-intenzjoni tagħha li ma tibdiex il-produzzjoni tal-MEP 17” ħlief jekk it-talba tas-suq tat-televixins [kienet] limitata u jekk hija ma [kellhiex] alternattiva”. Skont dawn l-istess noti, l-offerta tar-rikorrenti ta’ ċerti LCDs-TV kienet saret insuffiċjenti peress li hija kienet idderiġiet mill-ġdid il-kapaċitajiet ta’ produzzjoni tagħha lejn LCDs oħra [kunfidenzjali] li kienu LCDs-TI, hekk kif ir-rikorrenti kkonfermat bħala tweġiba għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali.

115    Fil-ħames lok, fil-premessa 192 tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni tiċċita noti dwar il-“laqgħa Cristal” tas-7 ta’ Jannar 2005, li r-rikorrenti pparteċipat fiha, li minnhom jirriżulta li parteċipant ieħor fl-akkordju alloka mill-ġdid il-kapaċitajiet ta’ produzzjoni tiegħu minn moniters għal kompjuters portabbli u t-televixins.

116    Fis-sitt lok, fil-premessa 220 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ssemmi l-fatt li, skont rapport ta’ [kunfidenzjali] dwar il-“laqgħa Cristal” tal-4 ta’ Novembru 2005, f’din l-okkażjoni, ir-rikorrenti ppreżentat il-volumi ta’ bejgħ tagħha u l-kapaċitajiet ta’ produzzjoni tagħha. F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li r-rapport inkwistjoni jsemmi l-fatt li r-rikorrenti, matul ix-xahar ta’ Novembru 2005, użat kawżi 100 % tal-kapaċitajiet ta’ produzzjoni ta’ wħud mill-installazzjonijiet ta’ produzzjoni tagħha sabiex tipproduċi l-LCDs-TV.

117    Fis-seba’ lok, fil-premessa 232 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tirreferi għal dokumenti relatati mal-“laqgħa Cristal” tas-6 ta’ Diċembru 2005, li r-rikorrenti pparteċipat fiha, li fihom hemm osservazzjoni li waħda mill-parteċipanti fl-akkordju allokat mill-ġdid parti mill-kapaċitajiet ta’ produzzjoni tagħha lejn it-televixins u l-kompjuters portabbli.

118    Dawn l-elementi juru li l-parteċipanti fl-akkordju, inkluża r-rikorrenti, kienu fil-pożizzjoni li jallokaw mill-ġdid, u effettivament diversi drabi allokaw mill-ġdid, il-kapaċitajiet ta’ produzzjoni tagħhom tal-LCDs-TI lejn l-LCDs-TV u bil-kontra, sabiex ifittxu li jżommu l-prezzijiet ta’ wieħed u tal-prodotti l-oħrajn għal-livelli miftiehma jew, tal-inqas, sabiex jillimitaw it-tnaqqis tagħhom. Għalhekk, dawn l-elementi jippermettu li jiġi konkluż li kien jeżisti ness ta’ komplementarjetà, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 103 iktar ’il fuq, bejn id-deċiżjonijiet meħuda u l-informazzjoni skambjata fir-rigward taż-żewġ kategoriji ta’ LCDs suġġetti għal kartell.

119    Fir-rigward tal-invokazzjoni mir-rikorrenti tal-allegata natura superfiċjali u sporadika tal-iskambju ta’ informazzjoni bejn il-parteċipanti fl-akkordju fir-rigward tal-LCDs-TV, għandu jiġi osservat li l-provi li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata jiżvelaw, l-ewwel nett, li għal diversi drabi l-parteċipanti fil-laqgħat tal-akkordju ftiehmu li jżommu kostanti l-livell tal-prezzijiet tal-LCDs-TV. Hekk kif huwa indikat fil-premessa 154 tad-deċiżjoni kkontestata, fl-okkażjoni tal-“laqgħa Cristal” tal-11 ta’ Ġunju 2003, ġiet skambjata informazzjoni fuq is-suġġett b’mod partikolari tal-istrateġija tal-prezzijiet (price policies) li waħda mill-parteċipanti fl-akkordju kienet qed tippjana, b’mod partikolari, għal-LCDs-TV. Bl-istess mod, ġew eżaminati tabelli li kienu jikkonċernaw it-tendenzi tal-prezzijiet ta’ tipi differenti ta’ LCDs suġġetti għal kartell għax-xhur ta’ Mejju, Ġunju u Lulju ta’ din is-sena. F’waħda minn dawn it-tabelli tinsab informazzjoni dwar l-LCDs-TV. Sussegwentement, fil-premessa 165 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rreferiet għal dokumenti relatati mal-“laqgħa Cristal” tas-7 ta’ Novembru 2003, li minnhom jirriżulta li l-parteċipanti ffissaw bħala għanijiet li jżidu l-prezzijiet tal-LCDs għall-kompjuters portabbli u li jżommu l-livell tal-prezzijiet tal-LCDs suġġetti għal kartell oħra, b’riferiment espliċitu għal-LCDs-TV. F’anness għar-rapport ta’ din il-laqgħa jinsabu t-tabelli li jindikaw il-prezzijiet ta’ diversi kategoriji ta’ LCDs suġġetti għal kartell, fosthom LCD-TV, matul is-sena 2003. Eżempji oħra tal-fatt li d-diskussjonijiet waqt laqgħat tal-akkordju kienu jirrigwardaw informazzjoni, b’mod partikolari l-prezzijiet u l-kapaċitajiet ta’ produzzjoni, kienu jikkonċernaw mhux biss l-LCDs-TI, iżda wkoll l-LCDs-TV, li kienu jissemmew fil-premessi 167, 171, 173, 174, 202 u 214 tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll fid-dokumenti tal-fajl tal-Kummissjoni li jirreferu għalihom dawn il-premessi.

120    Anki jekk jiġi preżuppost li l-parteċipanti fl-akkordju kienu skambjaw bosta informazzjoni, jew informazzjoni iktar sensittiva, fir-rigward tal-LCDs-TI kif ukoll fir-rigward tal-LCDs-TV, xorta jibqa’ l-fatt li l-provi prodotti mill-Kummissjoni juru li din l-informazzjoni kollha kienet skambjata fl-istess mument, ta’ spiss permezz tal-istess dokumenti u, fuq kollox, billi jiġi segwit l-istess għan. Barra minn hekk, in-natura sensittiva u ddettaljata tal-informazzjoni pprovduta mir-rikorrenti tirriżulta mill-premessa 202 tad-deċiżjoni kkontestata, fejn il-Kummissjoni tirreferi għal dokument, dwar il-“laqgħa Cristal” tal-5 ta’ Mejju 2005, minn fejn jirriżulta li, f’dak li jikkonċerna r-rikorrenti, fid-dawl tal-kapaċitajiet differenti, il-prezz ta’ kategorija ta’ LCD-TV kien żdied minn 5 sa 10 dollari tal-Istati Uniti (USD) f’Mejju, u b’hekk il-prezz żdied għal USD 250.

121    Fir-rigward tal-fatt, invokat mir-rikorrenti, li d-diskussjonijiet fuq l-LCDs-TV kienu, fil-fehma tagħha, enfasizzati minn tendenza kontinwa għat-tnaqqis tal-prezzijiet ta’ dawn il-prodotti, għandu jiġi osservat li diversi dokumenti li l-Kummissjoni bbażat fuqhom fid-deċiżjoni kkontestata juru l-intenzjoni tal-parteċipanti fl-akkordju li jżommu kostanti l-livelli tal-prezzijiet ta’ dawn l-LCDs u tal-fatt li t-tnaqqis tal-prezzijiet ma kienx probabbli għal żmien qasir (ara l-premessi 165, 167, 173 u 207 tad-deċiżjoni kkontestata). Fi kwalunkwe każ, anki jekk jiġi preżuppost li, ta’ spiss, id-diskussjonijiet tal-akkordju kienu unikament wasslu għal deċiżjoni ta’ tnaqqis tal-prezzijiet, din il-koordinazzjoni tal-aġir kienet madankollu ħolqot distorsjoni tal-kompetizzjoni, peress illi t-tnaqqis tal-prezz kien seħħ b’mod ikkoordinat, u li seta’ kien iktar sinjifikattiv fl-assenza ta’ ftehim. Barra minn hekk, il-possibbiltà li l-kapaċitajiet ta’ produzzjoni jiġu allokati mill-ġdid, li huwa s-suġġett tad-diskussjonijiet tal-akkordju, kienet tippermetti lill-parteċipanti tiegħu li jirreaġixxu għal tnaqqis tal-prezzijiet tal-LCDs-TV, u b’dan il-mod ikkoordinat, fil-kuntest ta’ pjan globali.

122    Fir-rigward taċ-ċirkustanza, ukoll invokata mir-rikorrenti, li l-persunal mibgħut mill-parteċipanti fl-akkordju għal-laqgħat tiegħu kien speċjalizzat fl-LCDs-TI, u mhux fl-LCDs-TV, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm hija tista’ tiġi interpretata fis-sens li l-LCDs-TI kienu iktar importanti f’għajnejn impriżi kkonċernati, hija ma tfissirx għaldaqstant li l-LCDs-TV kienu s-suġġett biss ta’ diskussjonijiet superfiċjali u sporadiċi. Fil-fatt, hekk kif tosserva ġustament il-Kummissjoni, iċ-ċirkustanza inkwistjoni turi li l-iskambju ta’ informazzjoni li tikkonċerna l-LCDs-TV kienet saret b’mod premeditat, peress illi l-persunal preżenti fil-laqgħat kellu jipprepara ruħu fuq dan is-suġġett, li ma kienx għamel parti mill-qasam prinċipali ta’ attività tagħhom.

123    Jirriżulta minn dan kollu li l-iskambju ta’ informazzjoni li tikkonċerna l-LCDs-TV kien jaqa’ taħt l-istess pjan globali bħal dawk relatati mal-LCDs-TI u, b’konsegwenza, tal-istess ksur uniku u kontinwat.

124    L-argumenti l-oħra tar-rikorrenti ma jikkontestawx il-konstatazzjoni li dan kien tassew ksur uniku u kontinwat, relatat kemm mal-LCDs-TI kif ukoll mal-LCDs-TV, li l-Kummissjoni kellha d-dritt li tissanzjona permezz ta’ multa globali.

125    L-ewwel nett, hija għal kollox irrilevanti ċ-ċirkustanza li l-informazzjoni dwar l-LCDs-TV bdiet tiġi diskussa bejn il-parteċipanti fl-akkordju wara l-ewwel fażi li matulha l-akkordju kien ikkonċerna biss l-LCDs-TI. Fil-fatt, peress li ġie pprovat li l-iskambji ta’ informazzjoni u d-deċiżjonijiet meħuda waqt laqgħat tal-akkordju fir-rigward tal-LCDs-TV kienu jaqgħu taħt l-istess pjan globali bħal dak implementat għal-LCDs-TI, il-mument li fih din l-estensjoni tal-akkordju seħħet, għal kull waħda mill-parteċipanti, ma għandux influwenza. Minbarra dan, għandu jiġi enfasizzat li, għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tal-multa, il-Kummissjoni ħadet kunsiderazzjoni tal-medja tal-valur tal-bejgħ rilevanti ta’ kull destinatarju tad-deċiżjoni kkontestata matul il-perijodu ta’ ksur kollu. Din il-medja hija influwenzata, b’mod favorevoli għar-rikorrenti, mill-fatt li din ma pproduċietx LCDs-TV fil-bidu tal-perijodu ta’ ksur.

126    Barra minn hekk, il-fatt li r-rikorrenti ma pproduċietx LCDs-TV meta informazzjoni dwar dawn tal-aħħar kienet bdiet tiġi skambjata matul “laqgħat Cristal” ma huwiex relatat maċ-ċirkustanza li r-rikorrenti, meta hija estendiet l-attivitajiet tagħha għal-LCDs-TI, setgħet tibbenefika minn informazzjoni li hija kellha dwar il-prezzijiet u l-kapaċitajiet ta’ produzzjoni tal-parteċipanti l-oħra fl-akkordju li kienu ppreċeduha f’dan is-settur. F’dan ir-rigward, jirriżulta mill-ġurisprudenza li impriża tista’ tiġi meqjusa responsabbli minn prattika miftiehma anki jekk il-parteċipazzjoni tagħha hija limitata għas-sempliċi ġbir ta’ informazzjoni dwar l-aġir futur tal-kompetituri tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2008, Lafarge vs Il‑Kummissjoni, T‑54/03, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punti 459 u 460, u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, impriża tista’ tkun ipparteċipat direttament biss f’parti mill-aġir antikompetittiv li jikkomponi ksur uniku u kontinwat, iżda li kienet taf bl-aġir ieħor kollu li jikkostitwixxi ksur maħsub jew implementat mill-parteċipanti l-oħra fl-akkordju fit-tkomplija tal-istess għanijiet, jew setgħet raġonevolment tipprevedih u li kienet lesta li taċċetta r-riskju tiegħu. F’każ bħal dan, il-Kummissjoni għandha d-dritt li timputa fuq din l-impriża r-responsabbiltà tal-aġir antikompetittiv kollu li jikkomponi tali ksur u, sussegwentement, dan il-ksur kollu kemm hu (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Diċembru 2012, Il‑Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens, C‑441/11 P, punt 43).

127    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma huwiex neċessarju li jiġi eżaminat il-valur probatorju, ikkontestat mir-rikorrenti, tad-dokument li l-Kummissjoni bbażat fuqu sabiex tikkunsidra li l-estensjoni tal-akkordju għal-LCDs-TV bdiet f’Settembru 2002.

128    It-tieni nett, ftit jimporta li l-LCDs-TI u l-LCDs-TV jistgħu jaqgħu taħt swieq differenti, kif issostni r-rikorrenti. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, l-ewwel nett, li ksur uniku ma għandux neċessarjament jirrigwarda l-istess prodott jew prodotti sostitwibbli. Kriterji oħra huma wkoll rilevanti għal dan il-għan, bħall-identiċità jew id-diversità tal-għanijiet tal-prattiki inkwistjoni, l-identiċità tal-impriżi li ħadu parti fih, l-identiċità tal-modalitajiet ta’ implementazzjoni ta’ dawn il-prattiki, l-identiċità tal-persuni fiżiċi implikati għan-nom tal-impriżi u l-identiċità tal-kamp ta’ applikazzjoni ġeografiku tal-prattiki inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Diċembru 2012, Almamet vs Il‑Kummissjoni, T‑410/09, punti 172 u 174, u l-ġurisprudenza ċċitata). Dawn il-kriterji huma ssodisfatti f’dan il-każ, hekk kif jirriżulta mill-punti 110 sa 127 iktar ’il fuq.

129    Minbarra dan, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE, huwa biex jiġi stabbilit jekk ftehim jistax jaffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri u għandu bħala skop jew bħala effett il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni ġewwa s-suq komuni li għandu jiġi ddefinit is-suq inkwistjoni. Konsegwentement, l-obbligu li ssir delimitazzjoni tas-suq inkwistjoni f’deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 101(1) KE huwa impost fuq il-Kummissjoni biss meta, mingħajr tali delimitazzjoni, ma huwiex possibbli li jiġi ddeterminat jekk il-ftehim, id-deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni tal-impriżi jew il-prattika miftiehma fil-kawża jistgħux jaffettwaw l-kummerċ bejn Stati Membri u għandhoma bħala skop u bħala effett il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ Ottubru 2005, Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni, T‑38/02, Ġabra p. II‑4407, punt 99, u tas-6 ta’ Diċembru 2005, Brouwerij Haacht vs Il‑Kummissjoni, T‑48/02, Ġabra p. II‑5259, punt 58; ara wkoll, f’dan is-sens, id-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Frar 2006, Adriatica di Navigazione vs Il‑Kummissjoni, C‑111/04 P, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 31).

130    F’dan il-każ, ma huwiex ikkontestat mir-rikorrenti li l-akkordju seta’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u kellu bħala skop li jirrestrinġi jew li joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern.

131    Barra minn hekk, il-ġurisprudenza ppreċiżat ukoll li s-suq intiż minn deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE huwa ddeterminat mill-ftehimiet u mill-attivitajiet tal-akkordju (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ Marzu 2011, IBP u International Building Products France vs Il‑Kummissjoni, T‑384/06, Ġabra p. II‑1177, punt 118, u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan il-każ, hekk kif tosserva ġustament il-Kummissjoni, huma l-membri tal-akkordju li deliberatament iffokaw l-aġir antikompetittiv tagħhom kemm fuq l-LCDs-TI kif ukoll fuq l-LCDs-TV.

132    Sussegwentement, hemm lok li jiġi eżaminat l-argument li r-rikorrenti tfittex li tibbaża fuqu mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Diċembru 2003, Adriatica di Navigazione vs Il‑Kummissjoni (T‑61/99, Ġabra p. II‑5349, punt 36), sabiex jiġi sostnut li l-Kummissjoni ddefinixxiet b’mod insuffiċjenti s-swieq ikkonċernati u għalhekk fehmet ħażin in-natura u l-portata preċiżi tal-ksur ikkonstatat fid-deċiżjoni kkontestata.

133    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, ċertament, fil-punt 30 tas-sentenza Adriatica di Navigazione vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali osservat li l-ilmenti kontra d-definizzjoni tas-suq inkwistjoni, ikkunsidrata mill-Kummissjoni, jistgħu jirreferu għal elementi adegwati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE barra l-eżistenza ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern u l-effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri, bħall-portata tal-akkordju inkwistjoni, in-natura unika jew globali tiegħu kif ukoll il-portata tal-parteċipazzjoni individwali ta’ kull waħda mill-impriżi kkonċernati. Bl-istess mod, fil-punti 31 u 32 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali sostniet li deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata l-parteċipazzjoni f’akkordju jista’ jkollha konsegwenzi fuq ir-relazzjonijiet tad-destinatarji ta’ din id-deċiżjoni ma’ terzi. Huwa mixtieq ukoll li l-Kummissjoni, meta hija tadotta deċiżjoni li tikkonstata l-parteċipazzjoni ta’ impriża fi ksur kumpless, kollettiv u kontinwat, lil hinn mill-verifika tal-osservanza tal-kundizzjonijiet speċifiċi ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE, tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li, jekk tali deċiżjoni għandha twassal għar-responsabbiltà personali ta’ kull wieħed mid-destinatarji tagħha, dan huwa unikament għall-parteċipazzjoni stabbilita tagħhom fl-aġir kollettiv, issanzjonat u korrettament delimitat.

134    Madankollu, moqri wkoll fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, l-argument tar-rikorrenti f’dan il-każ ma jistax jiġi milqugħ. Fil-fatt, jirriżulta mill-punti 110 sa 127 iktar ’il fuq li l-Kummissjoni kkunsidrat lir-rikorrenti bħala responsabbli unikament tal-ksur li kkonkretizza ruħu bil-parteċipazzjoni fil-“laqgħat Cristal” u fil-laqgħat bilaterali marbuta magħhom, li kellhom bħala għan li jikkoordinaw il-prezzijiet u l-kapaċitajiet ta’ produzzjoni kemm tal-LCDs-TI kif ukoll tal-LCDs-TV. Għalhekk, l-assenza ta’ definizzjoni iktar preċiża tas-swieq ikkonċernati mill-akkordju ma esponietx lir-rikorrenti għar-riskji osservati mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza Adriatica di Navigazione vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, imsemmija fil-punt 133 iktar ’il fuq.

 Assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-kuntratti mal-fornituri Ġappuniżi

135    Ir-rikorrenti takkuża lill-Kummissjoni li ma ħaditx kunsiderazzjoni tal-fatt li l-parteċipanti Koreani fil-ksur ikkonstatat fid-deċiżjoni kkontestata kienu ftiehmu allegatament mal-fornituri Ġappuniżi ta’ LCDs-TV, li, ma’ dawn il-parteċipanti Koreani, huma l-atturi prinċipali f’dan is-suq, filwaqt li r-rikorrenti għandha biss rwol sekondarju. Skont ir-rikorrenti, il-veru ksur li l-Kummissjoni jmissha pproċediet kontra fir-rigward ta’ dawn l-LCDs kien jikkonsisti fil-ftehim bejn l-atturi prinċipali ta’ dan is-suq. Minħabba dan il-fatt, il-Kummissjoni kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament kif ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

 Osservazzjonijiet preliminari

136    Għandu jiġi rrilevat li, għalkemm il-ġurisprudenza dwar il-kunċett ta’ ksur uniku u kontinwat tippermetti lill-Kummissjoni li fl-istess ħin tipproċedi kontra, permezz ta’ proċedura waħda u deċiżjoni waħda, aġir differenti li setgħet tipproċedi kontrih individwalment, dan ma għandux bħala konsegwenza li l-Kummissjoni hija obbligata li tipproċedi b’dan il-mod. Għalhekk, jekk jiġi preżuppost li l-allegat ftehim bejn il-fornituri Ġappuniżi ta’ LCDs-TV u l-parteċipanti Koreani fl-akkordju msemmi mid-deċiżjoni kkontestata jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 101 TFUE, u li dan il-ksur jaqa’ taħt l-istess ksur uniku u kontinwat bħal dak ikkonstatat fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma kinitx għaldaqstant obbligata li tipproċedi kontra dan l-aġir kollu flimkien.

137    Fil-fatt, il-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali fir-rigward tal-portata tal-proċeduri li hija tapplika. Fuq dan is-suġġett, skont il-ġurisprudenza, hija ma tistax tiġi obbligata li tikkonstata u li tissanzjona kull aġir antikompetittiv u l-qrati tal-Unjoni ma jistgħux — anki jekk unikament sabiex titnaqqas il-multa — jiddeċiedu li l-Kummissjoni, fid-dawl tal-provi għad-dispożizzjoni tagħha, imissha stabbilixxiet l-eżistenza ta’ ksur matul perijodu partikolari u kontra impriża partikolari (ara, f’dan is-sens, Tokai Carbon et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 369 u 370).

138    L-eżerċizzju ta’ din is-setgħa huwa suġġett għall-istħarriġ ġudizzjarju. Madankollu, jirriżulta mill-ġurisprudenza li huwa biss jekk seta’ jintwera li l-Kummissjoni applikat, mingħajr raġuni oġġettiva, żewġ proċeduri distinti relatati ma’ sitwazzjoni ta’ fatt unika li l-għażla tagħha tista’ titqies li hija użu ħażin ta’ poter (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Ġunju 2010, Il‑Kummissjoni vs Alrosa, C‑441/07 P, Ġabra p. I‑5949, punt 89).

139    F’dan il-każ, il-Kummissjoni kkunsidrat li hija ma kellhiex, jew kien għad ma kellhiex, provi suffiċjenti kontra fornituri Ġappuniżi u għażlet għalhekk li ma tipproċedix kontra tagħhom fl-istess żmien bħar-rikorrenti u d-destinatarji l-oħra tad-deċiżjoni kkontestata, li fir-rigward tagħhom hija kellha, min-naħa l-oħra, diversi provi tal-eżistenza ta’ ksur, u dan kemm għal-LCDs-TI kif ukoll għal-LCDs-TV, hekk kif ġie kkonstatat iktar ’il fuq (punti 110 sa 134). Issa, din iċ-ċirkustanza tikkostitwixxi raġuni oġġettiva, li tiġġustifika l-għażla tal-Kummissjoni. Madankollu, għandu jiġi osservat li, fil-kuntest tal-proċedura miftuħa kontra fornituri Ġappuniżi, il-Kummissjoni għandha l-obbligu li tosserva l-prinċipju ne bis in idem fir-rigward tar-rikorrenti.

 Fuq l-allegat ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

140    Ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni jmissha, fid-deċiżjoni kkontestata, spjegat ir-raġunijiet li għalihom hija eskludiet mill-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata l-fornituri Ġappuniżi ta’ LCDs-TV.

141    F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li l-Kummissjoni ma kellha ebda obbligu li tesponi, fid-deċiżjoni kkontestata, ir-raġunijiet li għalihom fil-konfront tal-fornituri Ġappuniżi ma ttieħdux passi fil-kuntest ta’ din il-proċedura. Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza, l-obbligu ta’ motivazzjoni ta’ att ma jistax jinkludi obbligu għall-istituzzjoni li hija l-awtur li timmotiva l-fatt li ma adottatx atti simili oħra indirizzati lil terzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2004, JFE Engineering et vs Il‑Kummissjoni, T‑67/00, T‑68/00, T‑71/00 u T‑78/00, Ġabra p. II‑2501, punt 414, u tal-4 ta’ Lulju 2006, Hoek Loos vs Il‑Kummissjoni, T‑304/02, Ġabra p. II‑1887, punt 63).

 Fuq l-allegat ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament

142    Għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 93 iktar ’il fuq, meta impriża tkun, permezz tal-aġir tagħha, kisret l-Artikolu 101(1) TFUE, hija ma tistax tevita kwalunkwe sanzjoni minħabba li operaturi ekonomiċi oħra ma jkunux ġew imposti multi, anki fejn, f’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju ma kkunsidratx is-sitwazzjoni ta’ dawn tal-aħħar. F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi osservat li, jekk huwa minnu li l-Kummissjoni ma għandhiex id-dritt li tagħmel diskriminazzjoni bejn l-impriżi li jkunu pparteċipaw fl-istess akkordju, xorta jibqa’ l-fatt li l-ksur akkużat lir-rikorrenti jikkonsisti fil-ftehim li seħħ, matul “laqgħat Cristal” u laqgħat bilaterali marbuta ma’ dawn tal-aħħar, bejn il-fornituri Tajwaniżi u Koreani ta’ LCDs suġġetti għal kartell. Peress li l-fornituri Ġappuniżi ma pparteċipawx għal dan il-ftehim, id-deċiżjoni kkontestata ma hijiex ivvizzjata minn nuqqas ta’ ugwaljanza fit-trattament f’dan ir-rigward.

143    F’dak li jikkonċerna l-argument tar-rikorrenti li l-uniċi diskussjonijiet importanti li jikkonċernaw l-LCDs-TV kienu dawk li jimplikaw il-fornituri Ġappuniżi, li għalihom ir-rikorrenti ma pparteċipatx, huwa biżżejjed li jitfakkar li l-Kummissjoni pproduċiet provi suffiċjenti sabiex turi li d-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata kienu ftiehmu, fil-kuntest ta’ pjan globali, kemm fuq l-LCDs-TI kif ukoll fuq l-LCDs-TV (ara l-punti 106 sa 135 iktar ’il fuq). Dan il-ftehim jikkostitwixxi ksur li l-Kummissjoni kellha d-dritt li tipproċedi kontra, indipendentement mill-eżistenza eventwali ta’ ksur ieħor li jikkonċerna l-LCDs-TV li għalih ċerti destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata, minbarra r-rikorrenti, jkunu setgħu pparteċipaw fih.

144    Bħala tweġiba għall-argument li r-rikorrenti tfittex li tieħu mill-prassi amministrattiva tal-Kummissjoni, b’mod partikolari tad-Deċiżjoni C (2008) 5955 finali, tal-15 ta’ Ottubru 2008, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu [81] KE (Każ COMP/39.188 – Banana) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni Banana”), għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni ma tistax isservi bħala kuntest ġuridiku għal multi fil-qasam tal-kompetizzjoni u li d-deċiżjonijiet li jikkonċernaw il-kawżi l-oħra jagħtu biss indikazzjoni f’dak li jirrigwarda l-eżistenza eventwali ta’ diskriminazzjoni, peress li ma huwiex probabbli wisq li ċ-ċirkustanzi speċifiċi għalihom, bħas-swieq, il-prodotti, l-impriżi u l-perijodi kkonċernati jkunu identiċi (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Ottubru 2008, Carbone-Lorraine vs Il‑Kummissjoni, T‑73/04, Ġabra p. II‑2661, punt 92, u l-ġurisprudenza ċċitata).

145    Sabiex jiġu enfasizzati d-differenzi eżistenti bejn il-fatti msemmija mid-deċiżjoni Banana u dawk ta’ din il-kawża, għandu jiġi osservat li waħda mill-parteċipanti fil-ksur inkwistjoni f’din id-deċiżjoni ġiet rikonoxxuta tnaqqis tal-multa ta’ 10 %, minħabba ċirkustanza attenwanti, peress li ma kienx jirriżulta mill-proċess li hija kellha għarfien ta’ ċerti aspetti ta’ dan il-ksur, li ma pparteċipatx direttament fihom, jew li ma setgħetx raġonevolment tipprevedihom (ara l-premessi 465 u 466 tad-deċiżjoni Banana).

146    Min-naħa l-oħra, il-każ ineżami ma jippreżentax ċirkustanzi paragunabbli, peress illi r-rikorrenti, li tassew ipparteċipat fl-aspetti kollha tal-ksur ikkonstatat fid-deċiżjoni kkontestata, tfittex li tipprevali ruħha mill-fatt li hija ma pparteċipatx fi ksur li jimplika lil impriżi oħra.

147    Fi kwalunkwe każ, hekk kif tosserva ġustament il-Kummissjoni, anki jekk jiġi preżuppost li l-kuntatti bilaterali bejn il-fornituri Koreani u Ġappuniżi ta’ LCDs-TV kienu kkostitwixxew ksur uniku u kontinwat ma’ dak ikkonstatat fid-deċiżjoni kkontestata u li r-rikorrenti kienet injorat l-eżistenza ta’ dawn il-kuntatti bilaterali, dawn iċ-ċirkustanzi ma għandhomx bħala konsegwenza li l-ilmenti kkunsidrati fir-rigward tar-rikorrenti minħabba l-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur ikkonstatat fid-deċiżjoni kkontestata kienu mingħajr bażi, lanqas li l-multa imposta fuq ir-rikorrenti għandha titnaqqas. Fil-fatt, xejn ma jippermetti li jiġi affermat li l-multa imposta f’każ ta’ akkordju iktar wiesgħa, li jinkludi l-fornituri Ġappuniżi, kienet tkun, finalment, inferjuri għar-rikorrenti. F’dan ir-rigward, l-eventwali tnaqqis li l-Kummissjoni setgħet tagħti lir-rikorrenti, bħala ċirkustanza attenwanti, seta’ jiġi kkumpensat, jew saħansitra kien jiġi kkanċellat, permezz taż-żieda li tirriżulta mill-applikazzjoni ta’ perċentwali ogħla f’dak li jikkonċerna l-gravità tal-ksur u tad-“dritt ta’ dħul”.

 Fuq l-allegat ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

148    Ir-rikorrenti tinvoka l-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, tal-fatt li l-Kummissjoni ma ħaditx kunsiderazzjoni tan-natura inqas gravi tal-aġir antikompetittiv relatat mal-LCDs-TV, meta pparagunat ma’ dak dwar l-LCDs-TI.

149    Bħala tweġiba għal dan l-argument, hemm lok li jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li l-Kummissjoni ġustament ikkunsidrat li dan kien ksur uniku u kontinwat. F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-Kummissjoni ma hijiex obbligata li twettaq analiżi separata ta’ kull element ta’ ksur uniku, minħabba b’mod partikolari tal-eżistenza ta’ strateġija kollettiva maqsuma mill-membri kollha tal-akkordju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Carbone-Lorraine vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 49).

150    Fit-tieni lok, f’dak li jikkonċerna iktar partikolarment in-natura proporzjonata tal-koeffiċjenti meqjusa mill-Kummissjoni fir-rigward tal-gravità tal-ksur inkwantu “dritt ta’ dħul” (ara l-punt 24 iktar ’il fuq), għandu jitfakkar li l-linji gwida tal-2006, u ġurisprudenza li minnha huma ispirati, jipprevedu li l-gravità tal-ksur hija, fl-ewwel fażi, evalwata skont elementi propji għall-ksur, bħan-natura tiegħu, il-parti mis-suq akkumulata tal-partijiet ikkonċernati kollha, il-portata ġeografika tal-ksur u l-implementazzjoni jew le tiegħu. Fit-tieni fażi, din l-evalwazzjoni hija mmodulata skont ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti li jikkorrispondu ma’ kull waħda mill-impriżi li tkun ipparteċipat fil-ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ Ottubru 2011, Aragonesas Industrias y Energía vs Il‑Kummissjoni, T‑348/08, Ġabra p. II‑7583, punt 264, u l-ġurisprudenza ċċitata).

151    L-ewwel fażi għandha bħala għan li tiddetermina l-ammont bażiku tal-multa imposta fuq kull impriża kkonċernata, u dan billi jiġi applikat fuq il-valur tal-bejgħ ta’ prodott jew ta’ servizzi inkwistjoni fis-suq ġeografiku kkonċernat ta’ kull waħda minnhom l-ewwel koeffiċjent multiplikatur li jirrifletti l-gravità tal-ksur, kif ukoll it-tieni koeffiċjent multiplikatur intiż sabiex jiddisswadihom milli jipparteċipaw mill-ġdid f’tali aġir illegali. Kull wieħed minn dawn iż-żewġ koeffiċjenti multiplikaturi huwa ddeterminat fir-rigward ta’ fatturi li jirriflettu l-karatteristiċi tal-ksur meħud fil-globalità tiegħu, jiġifieri f’dak li jiġbor l-aġir antikompetittiv kollu tal-parteċipanti kollha tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Aragonesas Industrias y Energía vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 265).

152    Isegwi li, anki jekk jiġi preżuppost li l-aġir antikompetittiv relatat mal-LCDs-TV kien inqas gravi minn dak relatat mal-LCDs-TI, il-Kummissjoni kellha d-dritt li tiffissa l-koeffiċjent relatat mal-gravità u dak relatat mad-“drittijiet ta’ dħul” billi tieħu inkunsiderazzjoni l-pjan globali intiż mill-ksur uniku u kontinwat li dan l-aġir kollu jaqa’ taħtu.

153    Barra minn hekk, fir-rigward tal-fatt li, fid-deċiżjoni Banana, il-Kummissjoni applikat perċentwali inqas sinjifikattivi minn dawk tad-deċiżjoni kkontestata u kkonċediet tnaqqis għoli bħala ċirkustanza attenwanti, huwa biżżejjed li jsir riferiment għall-ġurisprudenza msemmija fil-punt 145 iktar ’il fuq u li jiġi rrilevat li, f’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni tat tnaqqis, fid-dawl tas-sitwazzjoni partikolari li żviluppat b’mod partikolari mill-kuntest leġiżlattiv fis-seħħ għall-kummerċ tal-banana (ara fil-premessa 460 tad-deċiżjoni Banana u r-riferiment fiha kif ukoll il-premessa 467 tagħha).

154    Abbażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

3.     Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-valur tal-bejgħ rilevanti kkunsidrat mill-Kummissjoni fir-rigward tar-rikorrenti kien inkluda b’mod żbaljat bejgħ differenti minn dak dwar l-LCDs suġġetti għal kartell

155    Insostenn tat-talba tagħha intiża li l-Qorti Ġenerali tirriforma l-ammont tal-multa li kienet ġiet imposta fuqha fid-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti tqajjem it-tielet motiv, essenzjalment ibbażat fuq li l-ammont tal-multa kien ġie kkalkolat abbażi ta’ valur tal-bejgħ mhux preċiż, ir-rikorrenti kienet inkludiet bi żball fih bejgħ dwar kategoriji ta’ LCDs differenti minn dawk imsemmija mid-deċiżjoni kkontestata.

156    Għandu jitfakkar li l-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjonijiet adottati mill-Kummissjoni huwa kkompletat mill-ġurisdizzjoni sħiħa, li hija rikonoxxuta lill-qorti tal-Unjoni mill-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, skont l-Artikolu 261 TFUE. Din il-ġurisdizzjoni tawtorizza lill-qorti, lil hinn mis-sempliċi stħarriġ ta’ legalità tas-sanzjoni, li tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha minflok dik tal-Kummissjoni u, bħala konsegwenza, li tneħħi, tnaqqas jew iżżid il-multa jew il-pagamenti ta’ penalità imposti.

157    Għalhekk hija l-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, li għandha tevalwa, fid-data meta tadotta d-deċiżjoni tagħha, jekk ġietx imposta fuq ir-rikorrenti multa li l-ammont tagħha jirrifletti korrettament il-gravità tal-ksur inkwistjoni (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Settembru 2012, Shell Petroleum et vs Il‑Kummissjoni, T‑343/06, punt 117, u l-ġurisprudenza ċċitata).

158    F’dan il-każ, huwa paċifiku bejn il-partijiet li, minħabba żbalji mwettqa mir-rikorrenti, l-ammont bażiku tal-multa li ġiet imposta fuqha kien jilħaq, qabel arrotondament, EUR 301 684 468 u li l-porzjon ta’ dan l-ammont li jirriżulta mill-iżbalji inkwistjoni kien ta’ EUR 13 246 618. Min-naħa l-oħra, il-partijiet ma jaqblux dwar il-mod kif dawn l-ammonti għandhom jiġu arrotondati.

159    Ir-rikorrenti, fir-rikors, talbet li ammont ta’ EUR 13 250 000 jitnaqqas mill-multa li ġiet imposta fuqha fid-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri EUR 300 000 000. L-ammont ġdid għandu għalhekk jilħaq EUR 286 750 000.

160    Fir-risposta, il-Kummissjoni spjegat li, fir-rigward tad-destinatarji kollha tad-deċiżjoni kkontestata, hija arrotondat l-ammont bażiku għal dak l-iktar baxx tal-ewwel żewġ ċifri, ħlief fil-każ fejn dan it-tnaqqis kien jirrappreżenta iktar minn 2 % tal-ammont qabel l-arrotondament, li f’dan il-każ il-Kummissjoni arrotondat dan l-ammont għall-ewwel tliet ċifri.

161    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti, fid-deċiżjoni kkontestata, ibbenefikat mill-arrotondament għall-ewwel żewġ ċifri. Fil-fatt, l-ammont bażiku mhux arrotondat laħaq EUR 301 684 468, filwaqt li dan l-ammont arrotondat, hekk kif huwa indikat fit-tabella Nru 6 tad-deċiżjoni kkontestata, kien ta’ EUR 300 000 000.

162    Skont il-Kummissjoni, il-kalkolu propost mir-rikorrenti huwa żbaljat, peress illi jinkludi żewġ arrotondamenti: dak li l-Kummissjoni diġà applikat għall-ammont bażiku li jidher fid-deċiżjoni kkontestata u dak li jwassal sabiex jiġi kkunsidrat li l-ammont li għandu jitneħħa minħabba l-esklużjoni tal-bejgħ tal-prodotti minbarra l-LCDs suġġetti għal kartell tela’ minn EUR 13 246 618 sa EUR 13 250 000.

163    Min-naħa l-oħra, hekk kif tosserva l-Kummissjoni, l-applikazzjoni tal-metodu segwit fid-deċiżjoni kkontestata għall-ammont bażiku li jirriżulta mill-valur tal-bejgħ ikkoreġut, jiġifieri EUR 288 437 850, twassal għal ammont arrotondat ta’ EUR 288 000 000. Fil-fatt, arrotondament għall-ewwel żewġ ċifri jagħti lok għal tnaqqis ta’ EUR 8 437 850, jiġifieri iktar minn 2 % (2.9 %) tal-ammont bażiku mhux arrotondat.

164    Fir-replika, ir-rikorrenti ssostni li l-fatt li jiġi arrotondat l-ammont il-ġdid tal-multa tagħha għall-ewwel tliet ċifri, minflok l-ewwel tnejn, għandu bħala riżultat li hija d-destinatarja tad-deċiżjoni kkontestata li tapprofitta l-inqas mill-arrotondament. Hija għalhekk titlob tnaqqis iktar sostanzjali.

165    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm hija l-Qorti Ġenerali li għandha tevalwa hija stess iċ-ċirkustanzi tal-każ sabiex jiġi stabbilit l-ammont tal-multa, l-eżerċizzju ta’ ġurisdizzjoni sħiħa ma jistax iwassal, fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multi imposti, għal diskriminazzjoni bejn l-impriżi li pparteċipaw f’akkordju li jikser l-Artikolu 101(1) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens, iċċitata iktar ’il fuq, punt 80).

166    F’dan il-każ, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni applikat il-metodu ta’ arrotondament deskritt fil-punt 160 iktar ’il fuq għall-parteċipanti kollha fl-akkordju. Dan il-metodu huwa oġġettiv u jippermetti lil dawn il-parteċipanti kollha li jibbenefikaw minn tnaqqis, fil-limitu ta’ 2 %. Jekk huwa veru li ċertu tnaqqis huwa iktar sinjifikattiv minn ieħor u li dak tar-rikorrenti huwa l-inqas għoli bħala perċentwali jekk il-Qorti Ġenerali kellha ssegwi l-istess metodu, xorta jibqa’ l-fatt li kull metodu ta’ arrotondament jinkludi aġġustamenti li jvarjaw għal kull impriża u li jagħtu lok għal tnaqqis bejn wieħed u ieħor sinjifikattiv. Għalhekk, peress illi l-metodu magħżul mill-Kummissjoni huwa ta’ benefiċċju, ċertament b’mod differenti, għad-destinatarji kollha tad-deċiżjoni kkontestata, u li din il-miżura għandha limitu ta’ 2 %, huwa opportun li dan jinżamm, sabiex jiġu evitati inugwaljanzi fit-trattament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Mejju 2011, Elf Aquitaine vs Il‑Kummissjoni, T‑299/08, Ġabra p. II‑2149, punt 307 u 308).

167    Madankollu għandu jitfakkar li, sabiex tiġi ppreżervata l-effettività tal-Artikolu 18(2) u (3) tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni għandha d-dritt li tobbliga lil impriża sabiex tipprovdi l-informazzjoni kollha neċessarja li tikkonċerna fatti li hija setgħet kellha għarfien dwarhom u sabiex tikkomunikalha, jekk ikun hemm bżonn, id-dokumenti relatati magħha li jkunu fil-pussess tagħha, bil-kundizzjoni biss li ma timponix fuq l-impriża l-obbligu li tipprovdi tweġibiet li permezz tagħhom hija tasal sabiex tammetti l-eżistenza tal-ksur li fir-rigward tiegħu għandha tkun il-Kummissjoni li tistabbilixxi l-prova (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Ottubru 1989, Orkem vs Il‑Kummissjoni, 374/87, Ġabra p. 3283, punti 34 u 35). Impriża li lilha l-Kummissjoni bagħtet talba għal informazzjoni skont dispożizzjonijiet tal-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1/2003 hija, barra minn hekk, marbuta b’obbligu ta’ kollaborazzjoni attiva u tista’ tiġi ssanzjonata permezz ta’ multa speċifika, prevista mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 23(1) ta’ dan ir-regolament, li tista’ tirrappreżenta sa 1 % tad-dħul mill-bejgħ totali tagħha jekk hija tipprovdi, deliberatament jew b’negliġenza, informazzjoni ineżatta jew żnaturata (sentenza Shell Petroleum et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 118).

168    Minn dan jirriżulta li, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, il-Qorti Ġenerali tista’ tieħu inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, nuqqas ta’ kollaborazzjoni ta’ impriża u b’konsegwenza ta’ dan iżżid l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha minħabba ksur tal-Artikoli 101 TFUE jew tal-102 TFUE, sakemm din l-impriża ma tkunx ġiet issanzjonata għal dan l-istess aġir permezz ta’ multa speċifika bbażata fuq id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1/2003 (sentenza Shell Petroleum et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 118).

169    Dan jista’ jkun il-każ, pereżempju, fl-ipoteżi fejn, bħala tweġiba għal talba f’dan is-sens min-naħa tal-Kummissjoni, impriża tkun naqset milli tippreżenta, deliberatament jew b’negliġenza, matul il-proċedura amministrattiva, elementi determinanti bil-għan li jiġi stabbilit l-ammont tal-multa u li hija kellha jew li setgħet kellha meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata. Għalkemm il-Qorti Ġenerali ma ssibx restrizzjoni sabiex tieħu dawn l-elementi inkunsiderazzjoni, xorta jibqa’ l-fatt li l-impriża li tistabbilixxi dan biss fl-istadju kontenzjuż, billi b’hekk tippreġudika l-għan u t-tmexxija tajba tal-proċedura amministrattiva, tesponi ruħha għat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ din iċ-ċirkustanza fid-determinazzjoni, mill-Qorti Ġenerali, tal-ammont xieraq tal-multa (sentenza Shell Petroleum et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 119).

170    F’dan il-każ, ir-rikorrenti tammetti li wettqet żbalji meta hija pprovdiet lill-Kummissjoni l-informazzjoni neċessarja għall-kalkolu tal-valur tal-bejgħ rilevanti, peress li hija inkludiet fiha bejgħ dwar prodotti li ma humiex l-LCDs suġġetti għal kartell. Il-Kummissjoni tikkonferma li dawn il-prodotti ma kellhomx jiġu inklużi fil-kalkolu.

171    Minbarra dan, jirriżulta mill-proċess li dawn l-iżbalji jirriżultaw mill-fatt li r-rikorrenti ma kinitx ippreċiżat il-karatteristiċi speċifiċi ta’ ċerti LCDs lill-impriża li hija kienet għażlet sabiex tikkalkola l-informazzjoni li għandha tiġi trażmessa lill-Kummissjoni.

172    Il-Qorti Ġenerali tqis li din iċ-ċirkustanza ma tippermettix li jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti naqset milli twettaq l-obbligu ta’ kollaborazzjoni tagħha li jirriżulta mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1/2003 sa punt tali li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fl-iffissar tal-ammont tal-multa. Fil-fatt, ir-rikorrenti ma fittxitx li twassal lill-Kummissjoni li twettaq żball, u lanqas ma ppreżentatilha informazzjoni mhux ipproċessata, li permezz tagħha l-Kummissjoni kellha tikkalkola l-valur tal-bejgħ rilevanti, mingħajr ma tipprovdilha fl-istess ħin il-preċiżazzjonijiet neċessarji sabiex tieħu minnhom l-informazzjoni essenzjali. Ir-rikorrenti rreferiet għal konsulenti esterni speċjalizzati sabiex tkun tista’ tipprovdi lill-Kummissjoni l-informazzjoni neċessarja, iżda wettqet in-negliġenza li ma tispjegax lil dawn il-konsulenti d-differenzi eżistenti bejn ċerti tipoloġiji ta’ LCD. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma kellha manifestament ebda interess li l-Kummissjoni tirċievi informazzjoni żbaljata, li kienet tinkludi l-bejgħ ta’ prodotti li ma kinux l-LCDs suġġetti għal kartell, peress illi dawn l-ineżattezzi setgħu jkunu biss ta’ dannu għaliha, billi l-ammont tal-multa li l-Kummissjoni timponi fuqha kien isir iktar għoli.

173    F’dawn iċ-ċirkustanzi, issir evalwazzjoni ġusta taċ-ċirkustanzi tal-każ billi jiġi kkalkolat l-ammont tal-multa li għandha tiġi imposta fuq ir-rikorrenti abbażi tal-valur tal-bejgħ ikkoreġut u billi jiġi applikat għaliha l-istess metodu bħal dak segwit mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, inkluż f’dak li jikkonċerna l-arrotondament. L-ammont stabbilit huwa ta’ EUR 288 000 000 (ara l-punt 163 iktar ’il fuq).

174    Fid-dawl ta’ dan kollu, hemm lok li l-ammont tal-multa jitnaqqas għas-somma ta’ EUR 288 000 000 u li l-kumplament tat-talbiet tar-rikors jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

175    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż.

176    F’dan il-każ, il-Kummissjoni ma tilfitx f’dak li jikkonċerna l-fatt li inkludiet il-bejgħ relatat ma’ prodotti li ma humiex l-LCDs suġġetti għal kartell fil-valur tal-bejgħ rilevanti għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa li għandha tiġi imposta fuq ir-rikorrenti. Issa, dan l-iżball huwa dovut biss għan-negliġenza tar-rikorrenti, li pprovdiet lill-Kummissjoni informazzjoni żbaljata. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti tilfet f’dak li jikkonċerna t-talbiet l-oħra li hija ppreżentat. F’tali sitwazzjoni, għandha ssir evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi tal-kawża billi r-rikorrenti tiġi kkundannata għall-ispejjeż skont it-talbiet tal-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Settembru 2006, Roquette Frères vs Il‑Kummissjoni, T‑322/01, Ġabra p. II‑3137, punti 338 u 339).

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-ammont tal-multa imposta fuq InnoLux Corp., li kienet Chimei InnoLux Corp., fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 8761 finali, tat-8 ta’ Diċembru 2010, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 [TFUE] u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/39.309 – LCD), huwa stabbilit għal EUR 288 000 000.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      InnoLux hija kkundannata għall-ispejjeż.

Kanninen

Berardis

Wetter

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-27 ta’ Frar 2014.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.