Language of document : ECLI:EU:T:2009:385

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Awla tal-Appell)

5 ta’ Ottubru 2009 (*)

“Appell – Servizz pubbliku – Uffiċjali – Sigurtà soċjali – Skema konġunta tal-assigurazzjoni għall-mard – Kopertura tas-sieħeb mhux miżżewweġ”

Fil-Kawża T‑58/08 P,

li għandha bħala suġġett appell mis-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (L-Ewwel Awla) tas-27 ta’ Novembru 2007, Roodhuijzen vs Il-Kummissjoni (F‑122/06, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra), u intiż għall-annullament ta’ din is-sentenza,

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn J. Currall u D. Martin, bħala aġenti,

appellanti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija

Anton Pieter Roodhuijzen, uffiċjal tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, residenti fil-Lussemburgu (il-Lussemburgu), irrappreżentat minn É. Boigelot, avukat,

rikorrent fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Awla tal-Appell),

komposta minn M. Jaeger President, V. Tiili, J. Azizi, A. W. H. Meij (Relatur) u M. Vilaras, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tagħha ppreżentat skont l-Artikolu 9 tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej qed titlob l-annullament tas-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tas-27 ta’ Novembru 2007, Roodhuijzen vs Il-Kummissjoni (F-122/06, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha t-Tribunal annulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tirrikonoxxix il-ftehim ta’ ħajja flimkien konkluż bejn Anton Pieter Roodhuijzen u H. bħala sħubija mhux maritali fis-sens tal-Artikolu 72(1) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropej (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”) u, bħala konsegwenza, iċċaħħad lil H. mill-benefiċċju tal-Iskema Konġunta tal-Assigurazzjoni għall-mard tal-Komunitajiet Ewropej (iktar ’il quddiem l-“iSKAM”).

 Il-kuntest ġuridiku

2        It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku espona l-kuntest ġuridiku kif ġej fil-punti 2 sa 4 tas-sentenza appellata.

3        L-Artikolu 72(1) jistipula:

“Uffiċjal, il-konsorti [konjuġi] tiegħu, fejn it-tali konsorti [konjuġi] mhux eliġibbli għall-benefiċċji ta’ l-istess natura u fuq l-istess livell bis-saħħa ta’ xi disposizzjoni jew regolament ieħor, it-tfal tiegħu u dipendenti oħra fis-sens ta’ l-Artikolu 2 ta’ l-Anness VII huma assigurati kontra l-mard sa 80 % ta’ l-ispejjeż imħallsa, suġġetti għar-regoli mħejjija mill-ftehim bejn l-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet wara li jkun ikkonsultat il-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal.

Is-sieħeb mhux miżżewweġ ta’ uffiċjal għandu jitqies bħala miżżewweġ taħt l-iskema ta’ l-assigurazzjoni kontra l-mard, fejn l-ewwel tliet kondizzjonijiet ta’ l-Artikolu 1(2)(ċ) ta’ l-Anness VII jitħarsu.

[…]”

4        L-Artikolu 1(2) ta’ l-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi li:

“L-allowance tal-familja għand[ha] [t]ingħata lil:

a) […]

b) […]

ċ) uffiċjal li huwa rreġistrat bħala sieħeb stabbli, mhux miżżewweġ, sakemm:

i)       il-koppja tipproduċi dokument legali, rikonoxxut bħal tali minn Stat Membru, jew kull awtorità kompetenti ta’ Stat Membri, li tirrikonoxxi l-istat[us] tagħhom bħala sħab [imsieħba] mhux miżżewġa;

ii)       l-ebda sieħeb m’hu qiegħed f’relazzjoni maritali, jew f’xi relazzjoni oħra mhux maritali,

iii)  l-imsieħba ma jiġux min[n] xulxin b’xi mod li ġej: ġenitur, iben/bint, nannu/nanna, neputi tan-nanniet, ħu, oħt, ziju, zij[a], neputi, neputija, ħaten, ħtint;

iv) il-koppja m’għandhiex aċċess għal żwieġ legali fi Stat Membru, il-koppja għandha titqies li għandha aċċess għal żwieġ legali għall-iskopijiet ta’ dan il-punt biss fejn il-membri tal-koppja jħarsu l-kondizzjonijiet kollha mniżżla mil-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru li jippermetti ż-żwieġ tat-tali koppja; 

[…]”

5        L-Artikolu 12 tar-Regoli Komuni dwar l-assigurazzjoni għall-mard għall-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej (iktar ’il quddiem: ir-“Regoli Komuni”) jipprovdi li:

“Huma koperti taħt l-assigurazzjoni tal-membru, taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 13 u 14:

–       […]

–       is-sieħeb rikonoxxut tal-membru, anke jekk il-kundizzjoni prevista fl-aħħar inċiż ta’ l-Artikolu 1(2)(ċ) ta’ l-Anness VII tar-[R]egolamenti tal-Persunal ma tkunx sodisfatta,

il-konjuġi jew is-sieħeb rikonoxxut f’sitwazzjoni ta’ leave għal raġunijiet personali kif prevista fir-[R]egolamenti tal-Persunal”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

6        Fil-Pajjiżi l-Baxxi, kif jirriżulta mill-fuljett informattiv li l-Kummissjoni annettiet mal-appell tagħha u li, hekk kif inhuwa paċifiku bejn il-partijiet, inħareġ mill-amministrazzjoni Olandiża, id-dritt nazzjonali jipprevedi, flimkien maż-żwieġ tradizzjonali, żewġ tipi ta’ unjoni, jiġifieri l-“geregistreerd partnerschap” (sħubija rreġistrata) u s-“samenlevingsovereenkomst” (ftehim ta’ ħajja flimkien). Filwaqt li l-ewwel unjoni twassal għal konsegwenzi legali, patrimonjali u extra patrimonjali simili, fil-parti l-kbira tagħhom, għal dawk maħluqa mir-rabta taż-żwieġ, it-tieni tip ta’ unjoni, għall-kuntrarju, tirriżulta mill-awtonomija tar-rieda tal-partijiet u prinċipalment twassal biss, bejn dawn tal-aħħar, għall-konsegwenzi li jirriżultaw mid-drittijiet u obbligi previsti minnhom fil-ftehim. B’mod partikolari, ma jeżisti ebda obbligu legali li f’“samenlevingsovereenkomst” jiġu inklużi ċerti impenji jew dikjarazzjonijiet, b’mod partikolari għal dak li jikkonċerna l-obbligu li l-imsieħba jgħixu bħala familja waħda. Sakemm ma jinkisrux regoli ta’ ordni pubbliku u ta’ moralità pubblika, “samenlevingsovereenkomst” jista’ jsir ukoll minn żewġ persuni jew iktar, u l-konklużjoni ta’ tali ftehim mhijiex eskluża bejn żewġ persuni li jkollhom rabtiet ta’ parentela mill-viċin. Barra minn hekk, “samenlevingsovereenkomst” jista’ jiġi konkluż jew fil-forma ta’ kuntratt privat, jew fil-forma ta’ att notarili. Skont id-dritt Olandiż, hija biss il-konklużjoni ta’ “samenlevingsovereenkomst” uffiċjali mħejji minn nutar li tirrendi lis-sieħeb eliġibbli għall-iskemi ta’ pensjoni u għal diversi vantaġġi soċjali marbutin max-xogħol. Tali ftehim konkluż quddiem nutar jista’ jintalab ukoll minn terzi, bħal fondi ta’ pensjoni, bħala prova tal-ħajja flimkien ta’ koppja. Min-naħa l-oħra, anki fin-nuqqas ta’ kwalunkwe formalità, il-konklużjoni ta’ “samenlevingsovereenkomst” jew is-sempliċi koabitazzjoni jinvolvu ċerti konsegwenzi b’mod partikolari fil-qasam fiskali u tas-sigurtà soċjali. Bħala regola, “samenlevingsovereenkomst” m’għandu ebda konsegwenzi fil-konfront ta’ terzi, iżda l-qrati qed jibdew ipoġġu l-koppji marbutin b’tali ftehim fuq l-istess livell bħall-koppji miżżewġin jew li jkunu kkonkludew “geregistreerd partnerschap”.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

7        Il-fatti li wasslu għall-kawża huma esposti b’dan il-mod fis-sentenza appellata:

“6       Ir-rikorrent, li huwa ċittadin Olandiż, ilu uffiċjal ma’ l-Eurostat mill-15 ta’ Frar 2006. Fl-20 ta’ Frar ta’ l-istess sena, huwa talab sabiex is-sħubija tiegħu ma’ Maria Helena Astrid Hart, irregolata minn ftehim ta’ ħajja flimkien (“samenlevingsovereenkomst”) stabbilit fil-Olanda quddiem nutar, fid-29 ta’ Diċembru 2005, jiġi rikonoxxut mill-Kummissjoni sabiex din tkun tista’ tibbenifika mill-iSKAM.

7       Permezz ta’ nota tat-28 ta’ Frar 2006, l-Uffiċċju ta’ Ġestjoni u Ħlas ta’ l-intitolamenti individwali (PMO) ċaħad din it-talba minħabba li l-ftehim ta’ ħajja flimkien, konkluż bejn ir-rikorrent u s-sieħba tiegħu, ma jistax jiġi kkunsidrat bħala sħubija rikonoxxuta mil-leġiżlazzjoni Olandiża (liġi fuq il-“geregistreerd partnerschap”, li daħlet fis-seħħ fil-1 ta’ Jannar 1998), kif huwa meħtieġ mill-Artikolu 1(2)(ċ) ta’ l-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal.

8       Fit-13 ta’ Marzu 2006, ir-rikorrent ikkontesta ċ-ċaħda tat-talba tiegħu u pprovda ċertifikat mill-ambaxxata ta’ l-Olanda fil-Lussemburgu li kien juri li s-“samenlevingsovereenkomst” iffirmat quddiem nutar bejn[u] u s-sieħba tiegħu huwa rikonoxxut fl-Olanda u li għalhekk ikkonferma l-istatus tagħhom ta’ msieħba mhux miżżewġa.

9       Madankollu, permezz ta’ nota ta’ l-20 ta’ [Marzu] 2006, il-Kummissjoni kkonfermat id-deċiżjoni tagħha tat-28 ta’ Frar 2006. Hija kkunsidrat li għalkemm il-ftehim ta’ ħajja flimkien kien jikkostitwixxi konferma formali ta’ l-istatus ta’ msieħba mhux miżżewġa tar-rikorrent u tas-sieħba tiegħu, xorta jibqa’ l-fatt li dan il-ftehim ma joħloqx drittijiet u obbligi barra dawk li l-imsieħba kienu stabbilixxew bil-miktub. Il-fatt li l-ftehim ġie ffirmat quddiem nutar ma jbiddilx il-fatt li dan huwa sempliċi kuntratt privat, li m’għandux konsegwenzi legali għal terzi u li lanqas m’huwa suġġett għall-obbligu ta’ reġistrazzjoni. Issa, l-Artikolu 1(2)(ċ) ta’ l-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal jissuġġetta s-sħubija mhux maritali għal tali obbligu, fejn ir-reġistrazzjoni toħloq drittijiet u obbligi simili għall-konsegwenzi legali ta’ żwieġ.

10       Ir-rikorrent ressaq ilment, fil-31 ta’ Marzu 2006, fejn ikkontesta l-interpretazzjoni, fil-fehma tiegħu stretta wisq, adottata mill-Kummissjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 1(2) ta’ l-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal. F’dan l-ilment, huwa sostna li r-reġistrazzjoni tal-ftehim quddiem nutar kienet kundizzjoni suffiċjenti u semma ċerti ċirkustanzi ta’ natura li juru li ftit jeżistu differenzi bejn is-sħubija tiegħu u l-istituzzjoni taż-żwieġ. B’mod partikolari, huwa enfasizza li kien ilu aktar minn sentejn f’relazzjoni mas-sieħba tiegħu, li flimkien kellhom tarbija li huwa kien irrikonoxxa uffiċjalment u li kienu qed jistennew tarbija oħra. Ir-rikorrent żied li hu u s-sieħba tiegħu kienu t-tnejn għamlu testmenti reċiproċi u li huwa kien ħareġ assigurazzjoni tal-ħajja għall-benefiċċju tas-sieħba tiegħu.

11       Permezz ta’ opinjoni ta’ l-1 ta’ Ġunju 2006, il-Kumitat ta’ Ġestjoni ta’ l-iSKAM (iktar ’il quddiem il-“Kumitat ta’ Ġestjoni”) ikkunsidra, billi bbaża ruħu fuq id-dokumenti pprovduti mir-rikorrent, b’mod partikolari l-ftehim ta’ ħajja flimkien stabbilit quddiem nutar u kif ukoll iċ-ċertifikat maħruġ mill-ambaxxata ta’ l-Olanda fil-Lussemburgu, li s-sħubija in kwistjoni kellha tiġi rikonoxxuta bħala li tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 12 tar-Regoli Komuni, b’mod partikolari l-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 1(2)(ċ)(i) ta’ l-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal.

12       Minkejja din l-opinjoni pożittiva tal-Kumitat ta’ Ġestjoni, l-Awtorità tal-Ħatra, permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Lulju 2006, ċaħdet l-ilment tar-rikorrent. Hija kkunsidrat li l-għan tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal kien li jillimitaw il-benefiċċju ta’ l-iSKAM għall-imsieħba li jkunu ntrabtu f’relazzjoni simili għaż-żwieġ, li timplika drittijiet u obbligi reċiproċi, kif iddefiniti mil-liġi. Hija rrilevat li l-ftehim ta’ ħajja flimkien jikkostitwixxi biss kuntratt privat, li seta’ jiġi konkluż minn iktar minn żewġ persuni u li l-partijiet setgħu jagħżlu l-kontenut tiegħu, u li, minkejja li tkun irreġistrata quddiem nutar, din is-sħubija de facto ma kellha ebda konsegwenza legali u għaldaqstant ma setgħatx tiġi kkunsidrata bħala sħubija mhux maritali, kif previst mill-Artikolu 1(2)(ċ), ta’ l-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal.

13       Id-deċiżjoni ta’ l-Awtorità tal-Ħatra ġiet innotifikata lir-rikorrent fit-13 ta’ Lulju 2006.”

 Il-proċedura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u s-sentenza appellata

8        Permezz ta’ rikors ippreżentat fit-23 ta’ Ottubru 2006, A. P. Roodhuijzen talab lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirrifjuta li tirrikonoxxi l-ftehim ta’ ħajja flimkien li huwa kien ikkonkluda ma’ H. bħala “sħubija mhux maritali” fis-sens tar-Regolamenti tal-Persunal u, bħala konsegwenza, iċċaħħad lil H. mill-benefiċċju tal-iSKAM.

9        Fis-sentenza appellata, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku annulla din id-deċiżjoni minħabba ksur tal-Artikolu 72 tar-Regolamenti tal-Persunal, tal-Artikolu 1(2)(ċ) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-Artikolu 12 tar-Regoli Komuni.

10      B’mod partikolari, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku eżamina l-argument tal-Kummissjoni li l-intenzjoni tal-leġiżlatur ma kinitx li jestendi l-benefiċċju tal-iSKAM għall-imsieħba stabbli kollha tal-uffiċjali meta s-sħubija tagħhom tkun “rikonoxxuta” iżda li jestendih biss għal dawk li s-sħubija tagħhom tkun simili ħafna għal “żwieġ” fl-Istat Membru fejn din is-sħubija tkun ġiet stabbilita.

11      Fil-punt 29 tas-sentenza appellata, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kkonstata li mit-test stess tal-Artikolu 72 tar-Regolamenti tal-Persunal jirriżulta li, sabiex jiġi ddefinit il-kunċett ta’ “sieħeb mhux miżżewweġ ta’ uffiċjal”, dan l-artikolu jirreferi direttament għall-ewwel tliet kundizzjonijiet tal-Artikolu 1(2)(ċ) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, peress li l-kwistjoni tar-reġistrazzjoni tas-sħubija, imsemmija fis-sentenza introduttiva tal-Artikolu 1(2)(ċ) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, ma tistax tiġi kkunsidrata bħala kundizzjoni preliminari. Huwa rrileva wkoll li l-premessa 8 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 723/2004 tat-22 ta’ Marzu 2004 li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ ħaddiema oħra tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 124, p. 1), li tirrigwarda l-estensjoni tal-vantaġġi tal-koppji miżżewġin għal tipi ta’ unjonijiet oħra, tirreferi għal “uffiċjali f’relazzjoni mhux maritali rikonoxxuta minn Stat Membru bħala sħubija stabbli”, mingħajr ma tagħmel ebda riferiment għall-kundizzjonijiet dwar ir-reġistrazzjoni tar-relazzjoni kkonċernata.

12      Fir-rigward tal-ewwel waħda mit-tliet kundizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, stabbiliti fl-Artikolu 1(2)(ċ) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal (iktar ’il quddiem il-“kundizzjoni kkontestata”), it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kkunsidra fil-punt 32 tas-sentenza appellata li din il-kundizzjoni kien fiha tliet partijiet:

–        l-ewwel parti kienet tirrigwarda l-produzzjoni ta’ dokument “legali” dwar l-istatus tal-persuni;

–        it-tieni parti kienet timponi r-rekwiżit li l-imsemmi dokument legali jkun “rikonoxxut” bħala tali minn Stat Membru;

–        it-tielet parti, kienet teħtieġ li dan id-dokument legali jirrikonoxxi l-istatus ta’ “msieħba mhux miżżewġa” tal-persuni kkonċernati.

13      It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kkunsidra li fil-kawża preżenti, l-ewwel żewġ partijiet tal-kundizzjoni kkontestata kienu sodisfatti inkwantu A. P. Roodhuijzen ipproduċa ftehim ta’ ħajja flimkien konkluż mas-sieħba tiegħu, stabbilit quddiem nutar fl-Olanda, kif ukoll attestazzjoni mill-ambaxxata tal-Olanda fil-Lussemburgu fejn kien iċċertifikat li dan id-dokument kien rikonoxxut fl-Olanda (punt 33 tas-sentenza appellata).

14      Għal dak li jirrigwarda, min-naħa l-oħra, it-tielet parti, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddeċieda kif ġej:

“35      […]   Il-kwistjoni ta’ jekk żewġ persuni jkunux f’sitwazzjoni ta’ ‛msieħba mhux miżżewġa’, fis-sens tar-Regolamenti tal-Persunal, ma tistax tiġi evalwata biss mill-awtoritajiet nazzjonali ta’ Stat Membru. B’hekk, fir-rigward b’mod partikolari tas-‛samenlevingsovereenkomst’, ir-rekwiżit ta’ status ta’ ‛msieħba mhux miżżewġa’ ma jistax jiġi ssodisfat mis-sempliċi fatt li dokument legali, rikonoxxut bħala tali minn Stat Membru, jafferma l-eżistenza ta’ tali status. Fil-fatt, il-ftehim ta’ ħajja flimkien taħt id-dritt Olandiż huwa biss kuntratt konkluż b’mod ħieles bejn il-partijiet, bla ħsara għar-rispett tar-regoli marbuta ma’ l-ordni pubblika u l-moralità. Dan jista’ jiġi konkluż bejn żewġ persuni jew iktar u ma jeżisti ebda obbligu legali li fih jiġu inklużi ċerti impenji jew dikjarazzjonijiet, b’mod partikolari fir-rigward ta’ l-obbligu li jgħixu bħala familja waħda. Barra minn hekk, bħala prinċipju, dan il-ftehim ma jorbotx lill-partijiet ħlief fir-rigward tad-drittijiet u l-obbligi previsti minnhom u l-effetti legali tiegħu fil-konfront ta’ terzi, li f’kull każ huma limitati, jeħtieġu dikjarazzjonijiet u proċeduri partikolari.

36       Għall-kuntrarju, hemm lok li jiġi ammess, billi tiġi segwita sa ċertu punt il-pożizzjoni tal-Kummissjoni fejn din issostni li l-Artikolu 72 tar-Regolamenti tal-Persunal u l-Artikolu 12 tar-Regoli Komuni jikkonċernaw sħubija ‛simili’ għaż-żwieġ, li, sabiex taqa’ taħt l-imsemmija dispożizzjonijeit, sħubija għandu jkollha ċerti similaritajiet maż-żwieġ.

37       Huwa fid-dawl ta’ dawn il-parametri li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jikkunsidra li t-tielet parti tal-kundizzjoni kkontestata għandha tinftiehem bħala li tgħaqqad flimkien tliet kundizzjonijiet sekondarji kumulattivi.

38       L-ewwel nett, din it-tielet parti tal-kundizzjoni kkontestata tassumi, u t-terminu stess li jintuża fid-dispożizzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal applikabbli jikkonferma din l-interpretazzjoni, li l-imsieħba għandhom jiffurmaw “koppja”, jiġifieri unjoni bejn żewġ persuni, bl-eċċezzjoni ta’ unjonijiet ta’ persuni oħra li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ ftehim ta’ ħajja flimkien taħt id-dritt Olandiż. Għandu jiġi kkonstatat, u l-partijiet jaqblu fuq dan il-punt, li dan huwa l-każ fil-kawża preżenti.

39       It-tieni nett, l-użu tat-terminu ‛status’ juri li r-relazzjoni bejn l-imsieħba għandu jkollha elementi ta’ pubbliċità u ta’ formalità. Minkejja li hija marbuta parzjalment ma’ l-ewwel parti tal-kundizzjoni kkontestata […], din it-tieni kundizzjoni sekondarja tat-tielet parti tmur lil hinn mis-sempliċi rekwiżit ta’ dokument “legali”. Madankollu, xorta jibqa’ l-fatt li din it-tieni kundizzjoni sekondarja hija ssodisfata fil-kawża preżenti. Minn naħa, peress li ġie konkluż quddiem nutar mingħajr ma kien jeżisti obbligu f’dan is-sens, il-ftehim li jorganizza l-ħajja flimkien tar-rikorrent u tas-sieħba tiegħu jibbenefika mill-awtentiċità li tikkonferixxi fuqu l-konklużjoni tiegħu permezz ta’ att notarili; min-naħa l-oħra, dan il-ftehim jirregola l-ħajja flimkien ta’ l-imsieħba b’mod strutturat u dettaljat, billi jsegwi l-istil ta’ kitba użat f’testijiet legali.

40      Fl-aħħar nett, il-kunċett ta’ ‛msieħba mhux miżżewġa’ għandu jinftiehem bħala li jirrappreżenta sitwazzjoni fejn l-imsieħba jkollhom komunità ta’ ħajja komuni, ikkaratterizzata b’ċerta stabbiltà, u jkunu marbuta, fil-kuntest ta’ din il-komunità ta’ ħajja, bi drittijiet u obbligi reċiproċi li jikkonċernaw il-ħajja flimkien tagħhom.”

15      F’dan il-każ, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kkonstata li din it-tielet kundizzjoni sekondarja, dwar il-kunċett ta’ “msieħba mhux miżżewġa” kienet sodisfatta wkoll għar-raġunijiet li ġejjin:

“42       Qabel kollox, fil-preambolu tas-‛samenlevingsovereenkomst’ konkluż bejn ir-rikorrent u s-sieħba tiegħu, dawn ta’ l-aħħar jiddikjaraw b’mod espress li ilhom mill-1 ta’ Lulju 2004 jgħixu flimkien bħala familja waħda. Barra minn hekk, kif irrileva r-rikorrent waqt is-seduta, l-Artikolu 7 tal-ftehim ta’ ħajja flimkien jimponi fuq il-koppja l-obbligu li jkollhom residenza komuni.

43      Għandu jiġi kkonstatat ukoll li l-ftehim ta’ ħajja flimkien tar-rikorrent u tas-sieħba tiegħu jistabbilixxi regoli estensivi dwar id-drittijiet u l-obbligi li jirrigwardaw il-ħajja komuni tagħhom bħala koppja. B’mod partikolari, skond l-Artikolu 3 tal-ftehim, l-imsieħba jingħataw prokura reċiproka għall-atti ġuridiċi li jirrigwardaw il-ħajja ta’ kuljum tagħhom. Fir-rigward ta’ l-Artikolu 4 tal-ftehim, dan jiddikjara li l-oġġetti kollha meħtieġa għall-ħajja ta’ kuljum huma proprjetà komuni, bl-eċċezzjoni ta’ dawk imniżżla fl-anness tal-ftehim u meta l-partijiet jiftiehmu mod ieħor bil-miktub. Dawn l-oġġetti li huma proprjetà komuni tal-familja huma elenkati fl-Artikolu 4(2) tal-ftehim. L-imsieħba jobbligaw lil xulxin ukoll, fl-Artikolu 5 tal-ftehim, sabiex kull xahar u pro rata mad-dħul nett mix-xogħol, jagħmlu kontribuzzjoni f’kont komuni sabiex ikunu koperti l-ispejjeż tal-ħajja ta’ kuljum. Barra minn hekk, l-Artikolu 8 tal-ftehim jiddisponi li, f’kull każ fejn ikun hemm nuqqas ta’ qbil dwar il-proprjetà ta’ oġġett, l-oġġett għandu jiġi kkunsidrat bħala proprjetà tat-tnejn, fejn kull parti tgawdi nofs indiviż minnu. Fl-aħħar, huwa importanti li jingħad li l-Artikolu 9 tal-ftehim jipprovdi li kull sieħeb jidentifika lill-ieħor, b’mod reċiproku, bħala l-benefiċjarju tal-‛pensjoni tas-sieħeb’ fil-każ fejn ir-regoli tal-pensjonijiet rispettivi tagħhom jirrikonoxxu tali pensjoni.

44       Fir-rigward tat-tfal, għalkemm fil-ftehim ta’ ħajja flimkien m’hemm ebda indikazzjoni dwar dan il-punt, mill-fuljett informattiv, anness mar-risposta u msemmi fil-punt 5 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li taħt id-dritt Olandiż, fil-każ fejn il-ġenituri jkunu sempliċi msieħba, il-missier tat-tifel jew tifla jista’, permezz tar-rikonoxximent tiegħu jew tagħha, iżda wkoll permezz ta’ ċerti proċeduri, jakkwista l-istess drittijiet fuq it-tifel jew tifla li kien ikollu li kieku kien miżżewweġ ma’ l-omm. B’mod partikolari, huwa jakkwista r-responsabbiltà parentali flimkien ma’ l-omm; barra minn hekk, jekk ikun il-każ, it-tifel jew tifel [tifla] jistgħu jieħdu isem il-missier. Fil-kawża preżenti, ir-rikorrent, mingħajr ma saret kontradizzjoni min-naħa tal-Kummissjoni, iddikjara li kien irrikonoxxa l-ewwel tarbija tiegħu meta twieldet, u dan ikkonferixxielu drittijiet estiżi bħala missier.

45       Barra minn hekk, għalkemm bħala prinċipju l-konklużjoni ta’ ftehim ta’ ħajja flimkien torbot biss lill-imsieħba (ara l-punt 35 ta’ din is-sentenza), għandu jiġi rrilevat li l-fuljett imsemmi iktar ’il fuq, wara li jindika li l-qrati Olandiżi bdew jitrattaw lill-koppji li jkunu kkonkludew ftehim ta’ ħajja flimkien bl-istess mod bħal dawk li jkunu kkonkludew sħubija rreġistrata jew żwieġ (‛courts are starting to put couples with a cohabitation agreement on the same footing as married and registered couples’), jammetti b’mod espress li, fir-rigward tal-koppji li jkunu kkonkludew ftehim ta’ ħajja flimkien, jistgħu jiġu rikonoxxuti xi effetti fil-konfront ta’ terzi, fir-rigward, b’mod partikolari, tal-pensjoni ta’ l-irtirar; issa, preċiżament, kif ingħad fl-aħħar parti tal-punt 43 ta’ din is-sentenza, l-imsieħba fil-kawża preżenti identifikaw lil xulxin, b’mod reċiproku, bħala benefiċjarji tal-“pensjoni tas-sieħeb” fil-każ fejn ir-regoli tal-pensjonijiet rispettivi tagħhom jirrikonoxxu tali pensjoni.

46       Dawn l-elementi kollha juru li, anke jekk il-konsegwenzi li jirriżultaw mill-ftehim ta’ ħajja flimkien konkluż bejn ir-rikorrent u s-sieħba tiegħu mhumiex estiżi daqs dawk li jeżistu fi ħdan żwieġ jew ukoll fi ħdan ‛geregistreerd partnerschap’, dawn jistgħu jkunu simili fuq numru ta’ punti jekk, bħalma huwa l-każ fil-kawża preżenti, l-imsieħba jorganizzaw dan il-ftehim fil-forma ta’ kuntratt.”

16      It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kkonkluda minn dan, fil-punt 50 tas-sentenza appellata, li s-sieħba ta’ A. P. Roodhuijzen setgħet, b’applikazzjoni tal-Artikolu 72 tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-Artikolu 12 tar-Regoli Komuni, tibbenefika mill-iSKAM irriżervata għas-“sieħeb mhux miżżewweġ ta’ uffiċjal” u għas-“sieħeb rikonoxxut tal-membru”.

17      Wara li rrespinġa l-argumenti kuntrarji tal-Kummissjoni, huwa żied dan li ġej:

“56       Għal finijiet ta’ kompletezza, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku josserva li l-pożizzjoni tal-Kummissjoni fuq ir-rekwiżit ta’ ftehim tat-tip ta’ ‛geregistreerd partnerschap’ taħt id-dritt Olandiż tista’ twassal għal nuqqas ta’ ugwaljanza fit-trattament. Fil-fatt, peress li diversi pajjiżi m’għandhomx forom ta’ unjoni li jistgħu jitqabblu ma’ unjoni fil-forma ta’ ‛geregistreerd partnerschap’, ir-rekwiżit, kif titlob il-Kummissjoni, ta’ sħubija ‛rreġistrata’ ta’ dan it-tip, ikollu bħala konsegwenza, għall-koppji mhux miżżewġa li, minħabba, b’mod partikolari, kemm tal-lok ta’ residenza tagħhom u kemm tan-nazzjonalità ta’ l-imsieħba tagħhom, jkunu marbuta iktar strettament ma’ dawn il-pajjiżi, li jċaħħad b’mod definittiv lis-sieħeb ta’ uffiċjal mill-benefiċċju ta’ l-iSKAM barra ż-żwieġ. Għall-kuntrarju, jekk jitqies li l-Kummissjoni taċċetta sħubija konkluża fil-forma ta’ ftehim ta’ ħajja flimkien għal dawn il-koppji, ir-rifjut tagħha li tirrikonoxxi ‛sempliċi’ ftehim ta’ ħajja flimkien għall-koppji li huma marbuta iktar strettament, fis-sens spjegat iktar ’il fuq, mal-pajjiżi li jirrikonoxxu forom ta’ unjoni oħra barra ż-żwieġ jew l-isħubija ‛rreġistrata’, iwassal għal nuqqas ta’ ugwaljanza fit-trattament għal dawn il-koppji ta’ l-aħħar; fil-fatt, għal dawn l-istess koppji, l-estensjoni tal-benefiċċju ta’ l-iSKAM għas-sieħeb jiġi miċħud, filwaqt li din l-estensjoni tiġi awtorizzata għall-koppji li jkollhom ir-rabtiet imsemmija iktar ’il fuq mal-pajjiżi li ma jirrikonoxxux sħubija “rreġistrata”. Tali nuqqas ta’ ugwaljanza huwa iktar diffiċli li jiġi ġġustifikat fil-preżenza ta’ sħubija li ma tkunx ‛irreġistrata’ fis-sens mogħti mill-Kummissjoni iżda li madankollu jkollha similaritajiet iktar b’saħħithom maż-żwieġ milli għandha l-‛geregistreerd partnerschap’ taħt id-dritt Olandiż. Barra minn hekk, għalkemm huwa minnu li, skond il-ġurisprudenza, meta jipprojbixxu lil kull Stat Membru milli japplika d-dritt tiegħu b’mod differenti skond in-nazzjonalità, l-Artikoli 12 KE, 39 KE, 43 KE u 49 KE ma jkoprux l-eventwali differenzi fit-trattament, minn Stat Membru għall-ieħor, li jistgħu jirriżultaw mid-differenzi li jeżistu bejn il-leġiżlazzjonijiet ta’ l-Istati Membri differenti sakemm dawn jaffettwaw kull persuna li taqa’ taħt l-applikazzjoni tagħhom, skond kriterji oġġettivi u irrispettivament min-nazzjonalità tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Ġunju 1978, Kenny, 1/78, Ġabra p. 1489, punt 18; tas-7 ta’ Mejju 1992, Wood u Cowie, C‑251/90 u C‑252/90, Ġabra p. I‑2873, punt 19; tat-3 ta’ Lulju 1979, Van Dam en Zonen et , 185/78 sa 204/78, Ġabra p. 2345, punt 10, u ta’ l-1 ta’ Frar 1996, Perfili, C‑177/94, Ġabra p. 161, punt 17), bin-nuqqas ta’ ugwaljanza tat-tip ta’ dak imsemmi fil-punt preżenti ma jaqax taħt din il-ġurisprudenza; fil-fatt, minn naħa, u kuntrarjament għall-premessa li fuqha hija bbażata l-ġurisprudenza in kwistjoni, in-nuqqas ta’ ugwaljanza fit-trattament imsemmi f’dan il-punt għandu l-oriġini tiegħu fin-nazzjonalità tal-persuni kkonċernati, kif ukoll fil-lok ta’ residenza tagħhom, kriterju li ħafna drabi jikkoinċidi ma’ dak tan-nazzjonalità, min-naħa l-oħra, fil-kawżi li taw lok għall-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq, il-kwistjoni ta’ ugwaljanza fit-trattament tqajmet fir-rigward tar-regoli tal-moviment liberu filwaqt li, fil-kawża preżenti, hija involuta l-garanzija tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bħala prinċipju tad-dritt tas-servizz pubbliku Komunitarju.

57       Fid-dawl ta’ dak li ntqal qabel, hemm lok li jintlaqgħu l-motivi tar-rikorrent ibbażati fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 72 tar-Regolamenti tal-Persunal, ta’ l-Artikolu 1(2)(ċ)(i) ta’ l-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal u ta’ l-Artikolu 12 tar-Regoli Komuni u li tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata, mingħajr ma jkun hemm bżonn li tingħata deċiżjoni dwar il-motivi l-oħra tiegħu li, kif tirrileva ġustament il-Kummissjoni, ġew invokati b’mod diżorganizzat fir-rikors fejn uħud minnhom, barra minn hekk, ma ġewx żviluppati fid-dettall.

58       Huwa minnu li l-interpretazzjoni adottata mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-konfront ta’ l-Artikolu 72 tar-Regolamenti tal-Persunal, moqri flimkien ma’ l-Artikolu 1(2)(ċ)(i) ta’ l-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal u ta’ l-Artikolu 12 tar-Regoli Komuni, tista’, f’ċerti każijiet, twassal lis-servizzi li tkun saritilhom talba għall-estensjoni tal-benefiċċju ta’ l-iSKAM għas-sieħeb mhux miżżewweġ ta’ uffiċjal sabiex ikollhom iwettqu riċerki u verifiki, filwaqt li l-leġiżlatur Komunitarju, bir-Regolament Nru 723/2004, xtaq jissimplifika l-ġestjoni amministrattiva ta’ l-istituzzjonijiet. Madankollu, dan l-għan jintlaħaq, fil-parti l-kbira tiegħu, mir-regoli l-ġodda fir-rigward ta’ l-allowances u l-benefiċċji, l-uniċi suġġetti li fir-rigward tagħhom ir-Regolament Nru 723/2004, fil-premessa 26 tiegħu, jagħmel referenza għas-simplifikazzjoni, suġġetti li barra minn hekk mhux biss huma distinti minn dak ta’ l-estensjoni tal-benefiċċju ta’ l-iSKAM iżda huma wkoll, minn perspettiva soċjali, inqas sensittivi minn dan is-suġġett ta’ l-aħħar [...] Barra minn hekk, l-għan ta’ simplifikazzjoni għandu, f’kull każ, jiġi kkonċiljat mal-prinċipji superjuri tad-dritt u tar-regoli statutorji; issa, ir-restrizzjonijiet li jistgħu jirriżultaw għall-amministrazzjonijiet mill-interpretazzjoni adottata fil-kawża preżenti huma biss il-konsegwenza ta’ l-applikazzjoni mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ta’ dawn il-prinċipji u regoli sabiex jillimita s-sens eżatt tal-kunċett ta’ ‛sieħeb mhux miżżewweġ’ ta’ l-Artikolu 72 tar-Regolamenti tal-Persunal.”

 Fuq l-appell

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

18      Permezz ta’ nota ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-8 ta’ Frar 2008, il-Kummissjoni ppreżentat l-appell preżenti.

19      A. P. Roodhuijzen ippreżenta r-risposta tiegħu fit-28 ta’ April 2008.

20      Fuq talba tagħha, il-Kummissjoni ġiet awtorizzata tippreżenta replika, skont l-Artikolu 143(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza. Ir-replika ġiet ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-18 ta’ Lulju 2008 u l-kontroreplika fl-10 ta’ Ottubru 2008.

21      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata;

–        tiċħad it-talbiet imressqa minn A. P. Roodhuijzen fl-ewwel istanza;

–        tordna li kull waħda mill-partijiet għandha tbati l-ispejjeż tagħha marbutin ma’ din l-istanza u ma’ dik quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

22      A. P. Roodhuijzen jitlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiċħad l-appell;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kollha marbutin ma’ din l-istanza.

23      Fuq ir-rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (Awla tal-appell) ikkonstatat li ebda talba għal seduta ma kienet ġiet ippreżentata mill-partijiet fi żmien xahar mid-data li fiha ġew innotifikati bl-għeluq tal-proċedura bil-miktub u ddeċidiet, b’applikazzjoni tal-Artikolu 146 tar-Regoli tal-Proċedura, li tagħti deċiżjoni mingħajr ma tgħaddi għall-fażi orali tal-proċedura.

 Id-dritt

24      Insostenn tal-appell tagħha, il-Kummissjoni, fl-ewwel lok, issostni li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddeċieda mhux biss ultra petita, iżda wkoll ultra vires u li kiser id-drittijiet tad-difiża. Fit-tieni lok, hija tinvoka żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “sħubija mhux maritali”. Barra minn hekk, f’każ li l-Qorti tal-Prim’Istanza tilqa’ l-ewwel jew it-tieni aggravju, il-Kummissjoni tinvoka sussidjarjament interpretazzjoni żbaljata tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, li ġie eżaminat għal finijiet ta’ kompletezza mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-punt 56 tas-sentenza appellata.

 Fuq l-allegat ksur tar-regoli non ultra petita u non ultra vires kif ukoll tad-drittijiet tad-difiża

–       L-argumenti tal-partijiet

25      Il-Kummissjoni tqis li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddeċieda ultra vires, fl-ewwel lok, billi ssostitwixxa l-argumentazzjoni tiegħu għal dik tar-rikorrent fl-ewwel istanza u, fit-tieni lok, billi ta interpretazzjoni tad-dritt Olandiż.

26      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-motivazzjoni mogħtija mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku sabiex jikkonkludi li kien seħħ ksur tal-Artikolu 72 tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-Artikolu 1(2) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, il-Kummissjoni ssostni li din hija “differenti” mill-argumentazzjoni li għamel A. P. Roodhuijzen fir-rikors tiegħu u matul is-seduta fl-ewwel istanza. Fil-fatt, dan tal-aħħar isostni li “sħubija għandha tiġi aċċettata mill-Kummissjoni, meta l-persuna kkonċernata tipproduċi dokument legali, ‘rikonoxxut’ bħala tali mill-Istat Membru, li jirrikonoxxi ‘is-sħubija mhux maritali’ tiegħu”.

27      It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku rrespinġa din l-argumentazzjoni għar-raġuni li l-kwistjoni jekk żewġ persuni jkunux f’sitwazzjoni ta’ “msieħba mhux miżżewġa” ma tistax tiġi evalwata biss mill-awtoritajiet nazzjonali ta’ Stat Membru. B’hekk, huwa eċċeda l-limiti tal-ġurisdizzjoni tiegħu u kiser id-drittijiet tad-difiża.

28      Barra minn hekk, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ssostitwixxa l-argumentazzjoni tiegħu għal dik tar-rikorrent fl-ewwel istanza anki meta eżamina l-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni.

29      F’dan ir-rigward, il-proċedura segwita f’dan il-każ fl-ewwel istanza hija differenti minn dik eżaminata fid-digrieti tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Settemrbu 2004, UER vs M6 et (C‑470/02 P, mhux ippubblikat fil-Ġabra, punti 42 u 43), u tat-13 ta’ Ġunju 2006, Mancini vs Il-Kummissjoni (C‑172/05 P, mhux ippubblikat fil-Ġabra, punt 70), invokati mir-rikorrent fl-ewwel istanza, li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma kinitx eċċediet il-limiti tal-ġurisdizzjoni tagħha, b’mod partikolari fid-dawl tar-risposti bil-miktub tal-partijiet għad-domandi tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

30      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tikkritika lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku talli ddeċieda ultra vires, meta eżamina jekk is-“samenlevingsovereenkomst” konkluż bejn ir-rikorrent fl-ewwel istanza u H. kienx, fil-prattika, jipproduċi effetti paragunabbli għal dawk ta’ żwieġ jew ta’ “geresgistreerde partnerschap”. Fil-fatt, tali eżami kien jinvolvi interpretazzjoni tad-dritt Olandiż, u t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku mhuwiex kompetenti biex jagħti tali interpretazzjoni. Barra minn hekk, l-interpretazzjoni mogħtija mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tmur kontra dik mogħtija mill-awtoritajiet Olandiżi stess, li jagħmlu distinzjoni bejn iż-żwieġ u l-“geregistreerd partnerschap”, minn naħa, u s-“samenlevingsovereenkomst”, min-naħa l-oħra, b’mod li dan tal-aħħar ma jistax jiġi kkunsidrat bħala li huwa paragunabbli maż-żwieġ u l-“geregistreerd partnerschap”.

31      Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni ssostni li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku eċċeda l-limiti tal-ġurisdizzjoni tiegħu meta interpreta l-kunċett Komunitarju ta’ “sieħeb mhux miżżewweġ”, imsemmi fl-Artikolu 1(2)(ċ) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal b’mod awtonomu. Din id-dispożizzjoni tirreferi għal-leġiżlazzjoni nazzjonali sabiex jiġi ddeterminat, skont l-għażliet politiċi ta’ kull Stat Membru, jekk żewġ persuni jkunux daħlu fi “sħubija mhux maritali”, peress li l-koppja għandha tipprovdi dokument legali tal-Istat Membru kkonċernat li jirrikonoxxi dan.

32      A. P. Roodhuijzen jikkontesta dan l-argument.

–        Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

33      Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat b’mod preliminari li, meta l-Kummissjoni ssostni li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddeċieda ultra vires billi ssostitwixxa l-argumentazzjoni tiegħu għal dik tar-rikorrent fl-ewwel istanza, hija qed tikkritikah, iktar preċiżament, talli ma rrispettax il-qafas tal-kwistjoni kif dan ġie ddefinit mill-partijiet u, billi b’hekk ibbaża ruħu fuq argumentazzjoni li ma ġietx diskussa bejn il-partijiet, talli kiser id-drittijiet tad-difiża.

34      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, peress li l-qorti Komunitarja li tkun ġiet adita b’rikors għal annullament ma tistax tiddeċiedi ultra petita, hija la tista’ tiddefinixxi mill-ġdid is-suġġett prinċipali tar-rikors (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-18 ta’ Diċembru 2008, Il-Belġju vs Genette, T‑90/07 P u T‑99/07 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 72 sa 75), u lanqas ma tista’ tqajjem motiv ex officio ħlief f’każijiet partikolari fejn l-interess pubbliku jeħtieġ li hija tintervjeni.

35      Min-naħa l-oħra, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-kwistjoni kif definita mill-partijiet, il-qorti Komunitarja, filwaqt li għandha tiddeċiedi biss fuq it-talba tal-partijiet, ma tistax tkun marbuta biss bl-argumenti invokati minnhom insostenn tal-pretensjonijiet tagħhom, għax inkella tkun kostretta, f’ċerti każijiet, tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq kunsiderazzjonijiet legali żbaljati (sentenzi UER vs M6 et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 69; Mancini vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 41, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-20 ta’ Ġunju 2007, Tirrenia di Navigazione et vs Il-Kummissjoni, T‑246/99, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 102).

36      B’mod partikolari, f’kawża bejn, bħal f’dan il-każ, il-partijiet għal dak li jikkonċerna l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju, hija l-qorti Komunitarja li għandha tapplika d-dispożizzjonijiet legali rilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża għall-fatti ppreżentati lilha mill-partijiet (konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Léger fil-kawża Il-Parlament vs Gutiérrez de Quijano y Lloréns, C‑252/96 P, Ġabra p. I‑7421, I‑7422, punt 36). Skont il-prinċipju iura novit curia, id determinazzjoni tat-tifsira tal-liġi ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal- prinċipju ta’ dispożizzjioni libera tal-partijiet li jiddeterminaw il-portata tal-kwistjoni bejniethom filwaqt li l-qorti Komunitarja b’hekk ma hijiex obbligata tiżvela lill-partijiet l interpretazzjoni li għandha l-intenzjoni tagħti sabiex ikunu jistgħu jagħtu l fehma tagħhom f’dan ir-rigward (konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cosmas fil-kawża Il-Pajjiżi l-Baxxi u van der Wal vs Il-Kummissjoni, C‑174/98 P u C‑189/98 P, Ġabra p. I‑1, I‑3, punti 95 u 96).

37      F’dan il-każ, b’hekk ikun biżżejjed li jiġi vverifikat jekk il-motivi inkwistjoni tas-sentenza appellata, li wasslu għall-annullament tad-deċiżjoni inkwistjoni u għall-fatt li ġew respinti l-argumenti invokati mir-rikorrent fl-ewwel istanza, jikkostitwixxux estensjoni tar-raġunament tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku dwar il-motivi invokati fl-ewwel istanza jew jekk jirrigwardawx motivi differenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Novembru 1998, Il-Parlament vs Gutiérrez de Quijano y Lloréns, C‑252/96 P, Ġabra p. I‑7421, punti 32 sa 34).

38      Għal dak li jirrigwarda l-motivi tas-sentenza appellata relattivi għall-kunċett ta’ “sħubija mhux maritali” fis-sens tar-Regolamenti tal-Persunal u għall-klawżoli tas-“samenlevingsovereenkomst” konkluż bejn ir-rikorrent fl-ewwel istanza u H., għandu jiġi kkonstatat li dawn għandhom jiġu kkunsidrati fil-kuntest tal-eżami tal-motivi bbażati fuq il-ksur tal-Artikolu 72 tar-Regolamenti tal-Persunal, tal-Artikolu 1(2)(ċ)(i) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-Artikolu 12 tar-Regoli Komuni, invokati fir-rikors fl-ewwel istanza. Fil-fatt, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku llimita ruħu f’dan il-każ għal interpretazzjoni awtonoma tal-kunċett ta’ “sħubija mhux maritali” msemmi fl-Artikolu 72(1) tar-Regolamenti tal-Persunal u għal applikazzjoni ta’ dan il-kunċett għall-każ ineżami, meta eżamina l-motivi msemmija iktar ’il fuq.

39      Bl-istess mod, għal dak li jirrigwarda l-motiv relattiv għall-prinċipju ta’ trattament ugwali, żviluppat biss għal finijiet ta’ kompletezza fil-punt 56 tas-sentenza appellata, dan ukoll għandu jiġi kkunsidrat fil-kuntest tal-eżami tal-motivi msemmija fil-punt preċedenti. Fil-fatt, ir-referenza għall-prinċipju ta’ trattament ugwali tikkostitwixxi biss, f’dan il-każ, żvilupp tar-raġunament tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku relattiv għall-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “sħubija mhux maritali” fis-sens tal-Artikolu 72(1) tar-Regolamenti tal-Persunal.

40      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li A. P. Roodhuijzen jenfasizza ġustament li s-sentenza appellata hija bbażata unikament fuq fatti li ġew ippreżentati mill-partijiet sabiex jiġu evalwati mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u ġew diskussi bejniethom. Il-Kummissjoni ma tikkontestax l-eżistenza ta’ dawn il-fatti fil-proċess.

41      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt, invokat mill-Kummissjoni, li l-proċedura fl-ewwel istanza eżaminata f’dan il-każ hija differenti minn dawk eżaminati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi UER vs M6 et u Mancini vs Il-Kummissjoni, iċċitati iktar ’il fuq, minħabba l-fatt li, f’dan il-każ, il-partijiet ma ġewx mistiedna jirrispondu domandi bil-miktub tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, huwa irrilevanti, peress li, fis-sentenza appellata, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku bbaża ruħu esklużivament fuq fatti li ġew ippreżentati mill-partijiet sabiex jiġu evalwati minnu u setgħu jiġu diskussi bejniethom.

42      Minn dan isegwi li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku la ddeċieda ultra petita u lanqas ma kiser id-drittijiet tad-difiża tal-Kummissjoni.

43      Fit-tieni lok, insostenn tal-aggravju bbażat fuq ksur tar-regola non ultra vires, il-Kummissjoni tikkritika lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku essenzjalment talli ta interpretazzjoni awtonoma tal-kunċett ta’ “sħubija mhux maritali”, li fid-dawl tagħha eżamina s-“samenlevingsovereenkomst” konkluż bejn ir-rikorrent fl-ewwel istanza u H, u “interpreta” id-dritt Olandiż għal dan il-għan. Skont il-Kummissjoni, kien biss il-leġiżlatur Olandiż li kien kompetenti jikkwalifika dan it-tip ta’ ftehim bħala wieħed ta’ ħajja flimkien.

44      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, għall-kuntrarju tal-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma eċċediex il-limiti tal-ġurisdizzjoni tiegħu, billi interpreta b’mod awtonomu l-kunċett ta’ “sħubija mhux maritali”, imsemmi fl-Artikolu 72(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, fl-Artikolu 1(2)(ċ)(i) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal u fl-Artikolu 12 tar-Regoli Komuni, u mbagħad billi ħa inkunsiderazzjoni d-dritt nazzjonali applikabbli u l-kontenut tas-“samenlevingsovereenkomst” inkwistjoni, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-imsemmi kunċett għall-każ ineżami.

45      Fil-fatt, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kien kompetenti biex jinterpreta u japplika l-kunċett ta’ “sħubija mhux maritali” msemmi fid-dispożizzjonijiet inkwistjoni tar-Regolamenti tal-Persunal, inkwantu dawn tal-aħħar ma jirrikjedux deċiżjoni li taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Istat Membru kkonċernat u suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju taħt l-ordinament ġuridiku ta’ dan l-Istat (ara, bħala eżempju ta’ kompetenza nazzjonali, għal dak li jirrigwarda l-kalkolu tal-ammont tad-drittijiet għal pensjoni nazzjonali li għandhom jiġu ttrasferiti skont ir-Regolamenti tal-Persunal, is-sentenza Il-Belġju vs Genette, iċċitata iktar ’il fuq, punt 57, u l-ġurisprudenza ċċitata).

46      F’dan il-kuntest, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ġie mitlub jiddeċiedi l-kwistjoni jekk il-kunċett ta’ “sħubija mhux maritali” setax jiġi interpretat b’mod awtonomu jew jekk, għall-kuntrarju, dan il-kunċett kellux jinftiehem bħala li jirreferi għad-dritt nazzjonali. Fl-ewwel każ, l-applikazzjoni mill-istituzzjoni kkonċernata, suġġetta għall-istħarriġ tal-qorti Komunitarja, ta’ kunċett Komunitarju awtonomu tista’ tinvolvi, jekk ikun il-każ, it-teħid inkunsiderazzjoni tad-dritt nazzjonali bħala element fattwali. F’dan il-każ, il-partikolaritajiet tad-dritt nazzjonali għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni indipendentement mill-kwalifikazzjonijiet legali magħmula minn dan tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-20 ta’ Frar 2009, Il-Kummissjoni vs Bertolete et, T-359/07 P sa T-361/07 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 46). Min-naħa l-oħra, fit-tieni każ, l-istituzzjoni kkonċernata, li hija suġġetta għall-istħarriġ tal-qorti Komunitarja, għandha tapplika d-dispożizzjonijiet legali nazzjonali rilevanti, kif interpretati mill-qrati nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Mejju 1972, Meinhardt vs Il-Kummissjoni, 24/71, Ġabra p. 269, punti 6, 7 u 12; is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-18 ta’ Diċembru 1992, Díaz García vs Il-Parlament, T‑43/90, Ġabra p. II‑2619, punti 37 sa 41; tat-18 ta’ Diċembru 1992, Khouri vs Il-Kummissjoni, T‑85/91, Ġabra p. II‑2637, punti 33 sa 41, u tal-21 ta’ April 2004, M vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T‑172/01, Ġabra p. II‑1075, punti 72 sa 75 u 112).

47      F’dawn iċ-ċirkustanzi, anki jekk jitqies li l-interpretazzjoni awtonoma tal-kunċett ta’ “sieħeb mhux miżżewweġ” mogħtija fis-sentenza appellata hija żbaljata, hekk kif issostni l-Kummissjoni, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma jistax jiġi akkużat li eċċeda l-limiti tal-ġurisdizzjoni tiegħu, billi rrefera għall-partikolaritajiet tad-dritt nazzjonali applikabbli. Barra minn hekk, l-evalwazzjoni tal-legalità, minn naħa, ta’ tali interpretazzjoni u, min-naħa l-oħra, tal-applikazzjoni f’dan il-każ tal-kunċett ta’ “sieħeb mhux miżżewweġ” għandha tiġi eżaminata fil-kuntest tal-aggravju bbażat fuq l-iżball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “sħubija mhux maritali”.

48      Għal dawn il-motivi kollha, l-aggravji bbażati fuq il-ksur tar-regoli non ultra petita u non ultra vires, kif ukoll tad-drittijiet tad-difiża, għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

 Fuq l-iżball ta’ liġi allegat fl-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “sħubija mhux maritali”

–        L-argumenti tal-partijiet

49      Il-Kummissjoni ssostni prinċipalment li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku wettaq żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “sħubija mhux maritali” li tagħti dritt lis-sieħeb ta’ uffiċjal sabiex ikun kopert mill-iSKAM.

50      Hija tikkritikah f’dan ir-rigward talli kkunsidra, fil-punt 29 tas-sentenza appellata, li r-reġistrazzjoni tas-sħubija msemmija fis-sentenza introduttiva tal-Artikolu 1(2)(ċ) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal ma kinitx tikkostitwixxi kundizzjoni preliminari. Hija tispeċifika li, billi rrefera għall-Artikolu 1(2)(ċ) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, minflok ma pprovda definizzjoni tal-kunċett ta’ “sieħeb mhux miżżewweġ” fl-Artikolu 72 tar-Regolamenti tal-Persunal, il-leġiżlatur Komunitarju ma rreferiex għall-formalità tar-reġistrazzjoni nfisha tas-sħubija, iżda għall-influwenza ta’ din il-formalità fuq it-tip ta’ sħubija li tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni. Il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(2)(ċ) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal b’hekk ma jistgħux jinqraw indipendentement mis-sentenza introduttiva ta’ din id-dispożizzjoni.

51      Skont il-Kummissjoni, minn dan jirriżulta li l-unika “sħubija mhux maritali” koperta mill-Artikolu 1(2) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal hija dik li, skont il-liġi nazzjonali, hija intiża sabiex ikollha effetti simili għal dawk taż-żwieġ. It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku b’hekk wettaq żball ta’ liġi meta interpreta l-kunċett Komunitajru ta’ “sħubija mhux maritali” bħala li jista’ jinkludi tipi oħrajn ta’ sħubija li, skont il-liġi nazzjonali, mhumiex intiżi sabiex jipproduċu tali effetti, iżda li jistgħu, madankollu, jipproduċu konsegwenzi li “jistgħu jkunu simili fuq numru ta’ punti [għal dawk taż-żwieġ, jekk] l-imsieħba jorganizzaw dan il-ftehim fil-forma ta’ kuntratt” (punt 46 tas-sentenza appellata).

52      Sħubija bħas-“samenlevingsovereenkomst”, indipendentement minn kif id-dettalji tagħha jkunu ġew stabbiliti kuntrattwalment, qatt ma tista’ titqies li hija simili għal żwieġ u tagħti dritt skont l-Artikolu 1(2) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, peress li ma ġietx ikkonċepita mil-leġiżlatur Olandiż sabiex tipproduċi effetti simili għal dawk taż-żwieġ. Fil-fatt, legalment, hija ma tikkostitwixxix sħubija intiża esklużivament għal persuni li jixtiequ jifformaw “koppja”.

53      Il-Kummissjoni ssostni li l-leġiżlatur Komunitarju estenda l-benefiċċju ta’ ċerti vantaġġi stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal, li qabel kienu rriżervati għall-konjuġi, għal tip wieħed biss ta’ sħubija, is-“sħubija stabbli rreġistrata”. Dan huwa kkonfermat mill-premessa 8 tar-Regolament Nru 723/2004, li tistipula li “[l]-uffiċjali f’relazzjoni mhux maritali rikonoxxuta minn Stat Membru bħala sħubija stabbli, li m’għandhomx aċċess legali għaż-żwieġ għandhom jingħataw l-istess meddha ta’ benefiċċji bħall-koppji miżżewġa”. Ir-raġunament tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jwassal sabiex jiġi kkunsidrat li t-tip ta’ sħubija li jagħti dritt għal ċerti vantaġġi jvarja skont il-vantaġġ ikkunsidrat.

54      Skont il-Kummissjoni, ir-rekwiżit ta’ sħubija rreġistrata u stabbli, fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 1(2)(ċ) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, huwa l-unika kundizzjoni sostantiva reali prevista minn dan l-artikolu. Fl-ewwel lok, ir-rekwiżit, li jinsab fis-subparagrafu (i), li jiġi pprovdut dokument legali rikonoxxut bħala tali mill-Istat Membru kkonċernat ma jimponix li s-sħubija tkun “rikonoxxuta” minn dan l-Istat Membru, kif jista’ jagħti x’jifhem b’mod żbaljat l-Artikolu 12 tar-Regoli Komuni. Huwa biżżejjed li d-dokument ipprovdut li jiċċertifika r-reġistrazzjoni tas-sħubija mhux maritali jkun rikonoxxut bħala legali. Fit-tieni lok, il-kundizzjonijiet, stabbiliti fis-subparagrafi (ii) u (iii), li jeskludu, minn naħa, l-imsieħba miżżewġin u dawk li qegħdin f’relazzjoni oħra mhux maritali u, min-naħa l-oħra, l-imsieħba li jiġu mill-uffiċjal mill-viċin, huma simili għall-kundizzjonijiet taż-żwieġ u tal-“geregistreerd partnerschap”.

55      Min-naħa l-oħra, “samenlevingsovereenkomst” jista’ jiġi konkluż bejn diversi persuni u bejn persuni li jiġu minn xulxin mill-viċin. Il-Kummissjoni tfakkar f’dan ir-rigward li l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ċaħdet l-allegazzjoni ta’ diskriminazzjoni, għal dak li jirrigwarda d-drittijiet ta’ suċċessjoni, magħmula minn żewġ aħwa nisa li kienu f“relazzjoni stabbli, solida u ta’ sostenn reċiproku” (ara Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza Burden vs Ir-Renju Unit tad-29 ta’ April 2008, § 10), fir-rigward tal-imsieħba fi sħubija ċivili taħt il-liġi tar-Renju Unit, b’mod partikolari għar-raġuni li “waħda mill-karatteristiċi li tiddefinixxi ż-żwieġ jew l-unjoni bbażata fuq il-liġi dwar is-sħubija ċivili hija li l-forom ta’ unjoni huma pprojbiti fil-konfront ta’ persuni li jiġu minn xulxin mill-viċin” (§ 62 tas-sentenza).

56      F’dan il-każ, billi kkunsidra li reġistrazzjoni quddiem nutar kienet tikkorrispondi għar-rekwiżiti tal-kundizzjoni relattiva għar-“reġistrazzjoni”, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku żnatura l-kunċett ta’ “reġistrazzjoni”, imsemmi fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 1(2)(ċ) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal. Fil-fatt, dan il-kunċett ifisser li s-sħubija għandha tkun “irregolata mil-liġi”, bħaż-żwieġ. Kuntratt privat “ta’ koabitazzjoni/ħajja flimkien”, li jista’ jingħata “forma uffiċjali” quddiem nutar fid-diskrezzjoni tal-partijiet, ma jissodisfax din il-kundizzjoni.

57      Il-Kummissjoni żżid li l-premessa 5 u l-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU L 158, p. 77), jikkonfermaw li, fid-dritt Komunitarju, is-“sħubija rreġistrata” hija, esklużivament, is-sħubija li, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali li taħtha tkun ġiet konkluża, tipproduċi effetti ekwivalenti għaż-żwieġ. Mill-punt 33 tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-31 ta’ Mejju 2001, D u L-Isvezja vs Il-Kunsill (C‑122/99 P u C‑125/99 P, Ġabra p. I‑4319), jirriżulta li, “sħubija rreġistrata” għandha tfisser esklużivament is-sħubija li l-effetti tagħha huma ekwivalenti għaż-żwieġ.

58      Barra minn hekk, il-ġurisprudenza tikkonferma li kunċett bħal dak ta’ “msieħba mhux miżżewġa”, li għandu x’jaqsam mal-istat ċivili tal-persuni u b’hekk mal-kompetenza esklużiva tal-Istati Membri, ma jistax jingħata interpretazzjoni awtonoma (ara s-sentenza D u l-Isvezja vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punti 34 u 35, u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ April 2008, Maruko, C‑267/06, Ġabra p. I‑1757, punti 59, 67 sa 69 u 72).

59      Barra minn hekk, l-approċċ li ħa t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma jagħtix kas l-intenzjoni tal-leġiżlatur Komunitarju li tiġi ssimplifikata l-ġestjoni amministrattiva. Fil-fatt, hekk kif jirrikonoxxi t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-punt 58 tas-sentenza appellata, dan l-approċċ jimplika li, għal kull każ ta’ sħubija “kuntrattwali” li, skont il-liġi nazzjonali applikabbli, ma jistax jiġi ekwiparat ma’ żwieġ, il-Kummissjoni jkollha twettaq analiżi tad-dispożizzjonijiet tal-kuntratt inkwistjoni, sabiex tiddetermina jekk dan u ż-żwieġ jipproduċux effetti “simili”.

60      Sussidjarjament, f’każ li l-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonferma l-interpretazzjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li l-Artikolu 72 tar-Regolamenti tal-Perunal ma jirreferix għas-sentenza introduttiva tal-Artikolu 1(2)(ċ) tal-Anness VII, il-Kummissjoni ssostni li s-sentenza appellata għandha tiġi annullata minħabba l-interpretazzjoni żbaljata tal-kundizzjonijiet stabbiliti fis-subparagrafi (i) sa (iii) ta’ din id-dispożizzjoni.

61      Fil-fatt, f’dan il-każ, l-unika interpretazzjoni possibbli tal-Artikolu 72 tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-Artikolu 1(2)(ċ) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal hija dik proposta minn A. P. Roodhuijzen fl-ewwel istanza. Konsegwentement, ladarba tkun ġiet konkluża sħubija mhux maritali, anki privata, ma’ persuna waħda li ma jkollha ebda rabta ta’ parentela mill-viċin mal-uffiċjal, ebda wieħed mill-imsieħba ma jkun miżżewweġ jew ma jkun daħal fi sħubija oħra u sakemm jiġi pprovdut lill-Kummissjoni dokument li jirrikonoxxi s-sħubija, din l-isħubija għandha tiġi aċċettata mill-Kummissjoni għall-finijiet tal-kopertura tas-sieħeb mill-iSKAM. Għaldaqstant, ma jistax jintalab li tingħata prova, kif timponi s-sentenza appellata, li s-sħubija għandha ċerti similaritajiet għaż-żwieġ kif ukoll “ċerta stabbiltà”. Fil-fatt, il-kundizzjoni stabbilita fis-subparagrafu (i) ma tistax tiġi interpretata f’dan is-sens.

62      A. P. Roodhuijzen isostni, min-naħa tiegħu, li dan it-tieni aggravju huwa inammissibbli, inkwantu l-Kummissjoni mhijiex qed tikkontesta r-raġunament li abbażi tiegħu t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ċaħad l-argumenti tagħha, iżda sempliċiment qed tipprova tikseb eżami mill-ġdid tar-rikors fl-ewwel istanza.

63      Barra minn hekk, dan l-aggravju mhuwiex fondat. It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma wettaq ebda żball ta’ liġi meta interpreta l-kunċett ta’ “msieħba mhux miżżewġa” msemmi fl-Artikolu 1(2)(ċ)(i) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal b’mod awtonomu, fis-sens li tali sħubija għandu jkollha ċerti similaritajiet għaż-żwieġ (ara l-punt 52 tas-sentenza appellata).

64      F’dan il-każ, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-fatt ivverifika jekk il-ftehim ta’ ħajja flimkien inkwistjoni kienx “sħubija mhux maritali” fis-sens tar-Regolamenti tal-Persunal. F’dan ir-rigward, il-kwistjoni jekk id-dritt Olandiż jekwiparax is-“samenlevingsoveenkomst” maż-żwieġ jew ma’ “geregistreerd partnerschap” hija irrilevanti.

65      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma setgħux jitqajmu dubji dwar il-konstatazzjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li l-uniċi tipi ta’ sħubija li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-iSKAM huma l-“koppji”, ħaġa li kienet il-każ ta’ A. P. Roodhuijzen u s-sieħba tiegħu, minħabba l-fatt li “samenlevingsoveenkomst” jista’ jsir in abstracto bejn żewġ persuni jew iktar jew bejn persuni li jiġu minn xulxin. Interpretazzjoni differenti, li ma tiħux inkunsiderazzjoni s-sħubija konkreta li fiha jkunu jinsabu, tagħti lok għal diskriminazzjoni bejn uffiċjali minħabba l-forma astratta tas-sħubija tagħhom.

66      Sussidjarjament, A. P. Roodhuijzen isostni li l-kunċett ta’ “uffiċjal li huwa rreġistrat bħala sieħeb stabbli, mhux miżżewweġ”, imsemmi fis-sentenza introduttiva tal-Artikolu 1(2)(ċ) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, ma jirreferix għal “geregistreerd partnerschap”. Fil-fatt, mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ April 1986, Reed (59/85, Ġabra p. 1283, punti 12 u 13), jirriżulta li “interpretazzjoni ta’ kunċetti legali bbażati fuq l-iżvilupp tas-soċjetà għandha ssir permezz ta’ eżami tas-sitwazzjoni fil-Komunità kollha u mhux ta’ dik fi Stat Membru wieħed biss” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ara, ukoll, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mischo fil-kawża D u Suède vs Il-Kunsill, sentenza ċċitata iktar ’il fuq, Ġabra p. I-4322, punt 43).

67      Barra minn hekk, li kieku l-leġiżlatur Komunitarju ried ikopri biss is-sħubijiet “irreġistrati”, irregolati mil-liġi u li l-effetti tagħhom huma simili għal dawk taż-żwieġ, huwa kien jirreferi għall-“istatus legali” tal-imsieħba mhux miżżewġa.

–        Il-kunsiderazzjonijet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

68      Fil-kuntest tat-tieni aggravju, il-Kummissjoni tikkontesta l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “sħubija mhux maritali”, li jintuża fir-Regolamenti tal-Persunal, li ġiet adottata fis-sentenza appellata. Għaldaqstant, għall-kuntrarju tal-allegazzjonijiet ta’ A. P. Roodhuijzen, dan l-aggravju mhuwiex intiż sabiex jinkiseb eżami mill-ġdid tar-rikors fl-ewwel istanza u b’hekk ma jistax jiġi ddikjarat inammissibbli.

69      Konsegwentement, għandu jiġi vverifikat jekk, kif issostni l-Kummissjoni, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku wettaqx żball ta’ liġi meta ta interpretazzjoni awtonoma tal-kunċett ta’ “sħubija mhux maritali”, imsemmi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 72(1) tar-Regolamenti tal-Persunal.

70      Skont ġudisprudenza stabbilita, il-kliem ta’ dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju li ma jinkludi ebda referenza espressa għad-dritt tal-Istati Membri sabiex tiġi ddeterminata t-tifsira u l-portata tiegħu għandu normalment jiġi interpretat b’mod awtonomu u l-interpretazzjoni għandha tingħata billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kuntest tad-dispożizzjoni u l-għan tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Jannar 1984, Ekro, 327/82, Ġabra p. 107, punti 11). Madankollu, fin-nuqqas ta’ referenza espressa, l-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju tista’ tinvolvi, jekk ikun il-każ, referenza għad-dritt tal-Istati Membri meta l-qorti Komunitarja ma tkunx tista’ tidentifika, fid-dritt komunitarju jew fil-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju l-kriterji li jippermettulha tispeċifika l-kontenut u l-portata tiegħu, permezz ta’ interpretazzjoni awtonoma (sentenzi Díaz García vs Il-Parlament, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36, u Khouri vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32).

71      F’dan il-każ, għandu jiġi eżaminat jekk id-dritt Komunitarju u b’mod partikolari r-Regolamenti tal-Persunal jagħtux lill-qorti Komunitarja biżżejjed indikazzjonijiet li jippermettulha tispeċifika, permezz ta’ interpretazzjoni awtonoma, il-kontenut tal-kunċett ta’ “sħubija mhux maritali” msemmi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 72(1) tar-Regolamenti tal-Persunal jew jekk, għall-kuntrarju, id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolamenti tal-Persunal jirreferux impliċitament f’dan ir-rigward għad-dritt nazzjonali.

72      Għal dan il-għan, għandhom jiġu analizzati d-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolamenti tal-Persunal. Din l-analiżi twassal, fl-ewwel lok, sabiex jiġi respint l-argument prinċipali tal-Kummissjoni li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma ħax inkunsiderazzjoni l-ħtieġa ta’ “sħubija rreġistrata” allegatament stabbilita fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 1(2)(ċ) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal (ara, b’mod partikolari, il-punti 50 sa 52, 54 u 56 iktar ’il fuq). Fil-fatt, billi bbaża ruħu fuq il-kliem tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 72(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ġustament ikkunsidra li, sabiex jiġi ddefinit il-kunċett ta’ “sieħeb mhux miżżewweġ ta’ uffiċjal”, l-Artikolu 72 tar-Regolamenti tal-Persunal jirreferi biss għall-ewwel tliet kundizzjonijiet tal-Artikolu 1(2)(ċ) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal.

73      Barra minn hekk, iż-żewġ artikoli msemmija għandhom għan differenti. Filwaqt li l-Artikolu 1(2) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal jiddefinixxi l-kundizzjonijiet li jagħtu d-dritt għall-allowance tad-dar, l-Artikolu 72 tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi, taħt ċerti kundizzjonijiet inqas restrittivi li jikkonċidu parzjalment ma’ dawk relattivi għall-allowance tad-dar, għall-kopertura tas-sieħeb mhux miżżewweġ ta’ uffiċjal mill-iSKAM. B’hekk, mid-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal imsemmija iktar ’il fuq jirriżulta li dawn jirreferu għal kunċett uniku ta’ “sħubija mhux maritali”, filwaqt li jissuġġettaw l-għoti tal-allowance tad-dar lil uffiċjal li jinsab fi sħubija bħal din għal kundizzjoni addizzjonali.

74      F’dan il-kuntest, in-nuqqas ta’ referenza fl-Artikolu 72 tar-Regolamenti tal-Persunal għall-ewwel sentenza tal-Artikolu 1(2)(ċ) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal jista’ jiġi spjegat mill-fatt li, fi kwalunkwe każ, din is-sentenza ma tagħti ebda indikazzjoni preċiża dwar il-kunċett ta’ “sħubija mhux maritali”.

75      Fil-fatt, fid-dawl tad-differenzi kbar fil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali għal dak li jirrigwarda l-introduzzjoni ta’ sistemi legali li jagħtu rikonoxximent legali lil diversi tipi ta’ unjoni li ma jkunux iż-żwieġ, il-kunċett ta’ “uffiċjal li huwa rreġistrat bħala sieħeb stabbli, mhux miżżewweġ”, imsemmi fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 1(2)(ċ) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, ma jistax, bħala tali, jiġi interpretat bħala li jirreferi għal sistema ta’ “sħubija rreġistrata” identifikata b’mod ċar fl-Istati Membri kollha, li f’dan il-każ jikkorrispondi, fid-dritt Olandiż, għall-“geregistreerd partnerschap”. Taħt dan l-aspett, u f’dan l-istadju tal-iżvilupp tad-diversi sistemi legali nazzjonali, il-kunċett ta’ “sħubija rreġistrata” huwa b’hekk differenti minn dak ta’ “żwieġ”, li l-karatteristiċi prinċipali tiegħu huma ddeterminati b’mod ċar fl-Istati Membri kollha, ħaġa li ppermettiet lill-qorti Komunitarja tiddefinixxi l-kunċett ta’ żwieġ imsemmi fir-Regolamenti tal-Persunal bħala li jkopri esklużivament relazzjoni bbażata fuq iż-żwieġ ċivili skont it-tifsira tradizzjonali tal-kelma (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-28 ta’ Jannar 1999, D vs Il-Kunisll, T‑264/97, ĠabraSP p. I‑A‑1 u II‑1, punt 26).

76      Minn dan isegwi li l-kunċett ta’ “sħubija rreġistrata” msemmi fir-Regolamenti tal-Persunal jista’ jiġi ddefinit biss fid-dawl tad-dispożizzjonijiet rilevanti kollha tar-Regolamenti tal-Persunal, b’mod partikolari fid-dawl tal-indikazzjonijiet li jirriżultaw mill-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(2)(ċ) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal. Fil-fatt, fin-nuqqas ta’ kunċett aċċettat b’mod ġenerali ta’ “sħubija rreġistrata”, is-sempliċi referenza għal tali sħubija fl-ewwel sentenza ta’ dan l-artikolu ma tagħtix biżżejjed informazzjoni dwar id-definizzjoni ta’ dan il-kunċett.

77      Għall-kuntrarju tal-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni (ara l-punt 56 iktar ’il fuq), din ir-referenza b’hekk ma tistax tinftiehem bħala li timponi kundizzjoni ta’ “reġistrazzjoni” speċifika jew bħala li teżiġi li s-sħubija tkun “irregolata mil-liġi”, bħaż-żwieġ. Fil-fatt, it-terminu “irreġistrat” li jinsab fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 1(2)(ċ) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal jirreferi biss għal ċerti aspetti formali li huma speċifikati fl-ewwel kundizzjoni msemmija fl-istess artikolu.

78      F’dan il-kuntest, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma jistax jiġi kkritikat talli ma kkunsidrax li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 1(2)(ċ) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal kienet tinvolvi f’dan il-każ il-ħtieġa ta’ “geregistreerd partnerschap”.

79      Fit-tieni lok, għandu jiġi eżaminat jekk, filwaqt li l-kunċett ta’ “żwieġ” ġie interpretat bħala li huwa kunċett Komunitarju, bħala prinċipju (ara s-sentenzi Reed, iċċitata iktar ’il fuq, punt 15, u D u L-Isvezja vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26), id-dispożizzjonijiet rilevanti kollha tar-Regolamenti tal-Persunal jippermettux barra minn hekk li jinsilet kunċett Komunitarju ta’ “sħubija mhux maritali”, jew jekk, fin-nuqqas ta’ biżżejjed indikazzjonijiet, ir-Regolamenti tal-Persunal jirreferux impliċitament għal-liġiijiet nazzjonali.

80      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat b’mod preliminari li, għall-kuntrarju tal-approċċ issuġġerit mill-Kummissjoni bbażat fuq is-sentenza D u L-Isvezja vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq (ara l-punt 57 iktar ’il fuq), il-qorti Komunitarja mhijiex mitluba teżamina, fil-kuntest ta’ din il-kawża, jekk “sħubija rreġistrata” tistax titqabbel maż-żwieġ u tagħti dritt għall-vantaġġi mogħtija mir-Regolamenti tal-Persunal għall-koppji miżżewġin, peress li tipproduċi fir-rigward tal-partijiet ikkonċernati u ta’ terzi effetti legali simili għal dawk taż-żwieġ. F’dan il-każ, hija għandha tiddeċiedi biss il-kwistjoni għalkollox differenti tal-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “sħubija mhux maritali” li huwa stabbiliti espressament fir-Regolamenti tal-Persunal.

81      Hekk kif irrileva t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, mill-premessa 8 tar-Regolament Nru 723/2004 jirriżulta li l-leġiżlatur Komunitarju ried jestendi, taħt ċerti kundizzjonijiet, il-vantaġġi mogħtija lill-koppji miżżewġin lill-“uffiċjali f’relazzjoni mhux maritali rikonoxxuta minn Stat Membru bħala sħubija stabbli”. Il-kunċett ta’ “msieħba mhux miżżewġa” li, b’mod konformi mal-għan imsemmi iktar ’il fuq, ir-Regolamenti tal-Persunal jagħtuhom ċerti drittijiet, jista’ jiġi dedott mill-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1(2)(ċ) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, b’mod partikolari fid-dawl ta’ din il-premessa.

82      Fil-fatt, mill-kundizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq jirriżulta li l-eżistenza ta’ sħubija mhux maritali, fis-sens tar-Regolamenti tal-Persunal, tinvolvi, skont it-tifsira tar-Regolamenti tal-Persunal, minn naħa, unjoni bejn żewġ persuni u, min-naħa l-oħra, ċerti formalitajiet.

83      F’dan ir-rigward, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku l-ewwel nett ikkonstata ġustament, fil-punt 38 tas-sentenza appellata, li r-rekwiżit ta’ unjoni bejn żewġ persuni – f’kuntrast ma’ tipi oħrajn ta’ sħubija rikonoxxuti wkoll f’dan il-każ mid-dritt Olandiż taħt is-sistema tas-“samenlevingsovereenkomst” (ara l-punt 6 iktar ’il fuq) – jinsilet mit-terminu “koppja” użat b’mod partikolari fl-ewwel kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 1(2)(ċ) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal. Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mit-tieni u t-tielet kundizzjonijiet stabbiliti fl-imsemmi artikolu, li jeskludu, minn naħa, is-sitwazzjonijiet fejn sieħeb wieħed jew l-ieħor ikun miżżewweġ jew ikun jinsab f’relazzjoni oħra mhux maritali u, min-naħa l-oħra, dawk fejn l-imsieħba jkunu jiġu minn xulxin mill-viċin.

84      Dan ir-rekwiżit ta’ unjoni bejn żewġ persuni għandu bħala konsegwenza li, bħal fil-każ tal-konjuġi, is-“sieħeb mhux miżżewweġ” ta’ uffiċjal, skont il-kliem użat fl-Artikolu 72 tar-Regolamenti tal-Persunal, jew is-“sieħeb stabbli” tiegħu, biex jintuża l-kliem użat fil-premessa 8 tar-Regolament Nru 723/2004, kjarament huwa differenti mill-persuni dipendenti, jiġifieri t-tfal tal-uffiċjal ikkonċernat u l-persuni l-oħra dipendenti fuqu, skont l-Artikolu 2 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, li d-drittijiet tagħhom huma ggarantiti minn dispożizzjonijet oħra tar-Regolamenti tal-Persunal, b’mod partikolari l-ewwel sentenza tal-Artikolu 72(1) tar-Regolamenti tal-Persunal. Dan ir-rekwiżit iwassal b’mod iktar ġenerali sabiex jiġu esklużi mill-kunċett ta’ “sħubija mhux maritali” li jinsab fir-Regolamenti tal-Persunal is-sitwazzjonijiet kollha li, mingħajr ma huma kkaratterizzati mill-eżistenza ta’ unjoni bejn żewġ persuni, jistgħu, jekk ikun il-każ, ikunu koperti minn sħubija rikonoxxuta mid-dritt nazzjonali applikabbli, bħas-“samenlevingsovereenkomst”. Fuq dan il-punt, il-kunċett ta’ “sħubija mhux maritali” li jinsab fir-Regolamenti tal-Persunal b’hekk jirrifletti d-definizzjoni mogħtija mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fis-sentenza Burden vs Ir-Renju Unit, iċċitata iktar ’il fuq, invokata mill-Kummissjoni (ara l-punt 55 iktar ’il fuq).

85      It-tieni nett, fir-rigward tar-rekwiżiti proċedurali, dawn ukoll jinsiltu mill-ewwel kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 1(2)(ċ) tar-Regolamenti tal-Persunal li jimponi li “l-koppja tipproduċi dokument legali, rikonoxxut bħal tali minn Stat Membru, jew kull awtorità kompetenti ta’ Stat Membri, li tirrikonoxxi l-istat[us] tagħhom bħala sħab [imsieħba] mhux miżżewġa”. Mill-kliem stess ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li huwa meħtieġ, minn naħa, li jiġi pprovdut dokument legali li jirrikonoxxi l-istatus tal-partijiet ikkonċernati bħala msieħba mhux miżżewġa u, min-naħa l-oħra, li tiġi rrikonoxxuta n-natura legali ta’ dan id-dokument mill-Istat Membru kkonċernat. F’dan il-każ, fid-dawl tal-varjetà ta’ sitwazzjonijiet legali li jistgħu jkunu koperti minn “samenlevingsovereenkomst” skont id-dritt Olandiż (ara l-punt 6 iktar ’il fuq), it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ġustament iddeċieda, fil-punti 33, 39 u 54 tas-sentenza appellata, li l-produzzjoni ta’ tali att legali magħmul quddiem nutar tissodisfa r-rekwiżit ta’ dokument legali relattiv għall-istatus tal-persuni, minħabba l-awtentiċità mogħtija lil dan l-att mill-fatt li jiġi konkluż permezz ta’ att notarili. Fir-rigward tar-rikonoxximent tan-natura legali ta’ dan l-att ġuridiku minn Stat Membru, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma wettaq ebda żball ta’ liġi meta kkunsidra li dan kien jirriżulta f’dan il-każ miċ-ċertifikat tal-ambaxxata tal-Olanda fil-Lussemburgu, li fih ġie ċċertifikat li l-istatus tal-partijiet ikkonċernati bħala msieħba mhux miżżewġa kien rikonoxxut fil-Pajjiżi l-Baxxi.

86      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li d-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolamenti tal-Persunal jippermettu li l-kunċett ta’ “sħubija mhux maritali” jiġi ddefinit bħala li għandu ċerti similaritajiet maż-żwieġ, hekk kif ikkonstata t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-punt 36 tas-sentenza appellata. Dawn id-dispożizzjonijiet madankollu ma jirrikjedux li s-“sħubija mhux maritali” tkun ekwivalenti għaż-żwieġ. F’dan ir-rigward, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ġustament qies li tali rekwiżit ifisser li tkun qed tiġi imposta kundizzjoni addizzjonali li mhijiex prevista fir-Regolamenti tal-Persunal (punt 52 tas-sentenza appellata).

87      Għall-kuntrarju tal-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni (ara l-punt 58 iktar ’il fuq), l-interpretazzjoni awtonoma tal-kunċett ta’ “sħubija mhux maritali” ma taffettwax il-kompetenza esklużiva tal-Istati Membri fir-rigward tal-istat ċivili tal-persuni u tad-determinazzjoni tal-benefiċċji li jitnisslu minnu. Fil-fatt, sa fejn id-definizzjoni mogħtija għandha x’taqsam ma’ kunċett użat fir-Regolamenti tal-Persunal, il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha hija neċessarjament limitata mill-qafas tar-Regolamenti tal-Persunal. Hija tkopri biss l-għoti ta’ ċerti vantaġġi soċjali mogħtija mill-imsemmija Regolamenti lill-uffiċjali jew lill-membri tal-persunal tal-Komunitajiet Ewropej, u ma tipproduċi ebda effett fl-Istati Membri, li jiddeterminaw liberament l-applikazzjoni ta’ sistemi legali li jagħtu rikonoxximent legali lil tipi oħrajn ta’ unjoni differenti miż-żwieġ, skont ġurisprudenza stabbilita (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Reed, iċċitata iktar ’il fuq, punti 13 sa 15, u Maruko, iċċitata iktar ’il fuq, punti 59 u 73).

88      F’dan il-kuntest, għandu jiġi respint ukoll l-argument tal-Kummissjoni bbażat fuq ċerti dispożizzjonijiet tal-Direttiva 2004/38 (ara l-punt 60 iktar ’il fuq). Għad-differenza tal-kunċett ta’ “sħubija mhux maritali” li jinsab fir-Regolamenti tal-Persunal, dawn id-dispożizzjonijiet jipproduċu effetti fl-Istati Membri kollha u b’hekk huma intiżi biex ma jindaħlux fil-kompetenza ta’ dawn tal-aħħar għal dak li jikkonċerna l-istat ċivili u d-drittijiet li jitnisslu minnu.

89      Barra minn hekk, għall-kuntrarju tal-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni, il-kunċett ta’ “sħubija mhux maritali” li jinsab fir-Regolamenti tal-Persunal ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jkopri biss is-sħubijiet intiżi esklużivament, skont il-liġi nazzjonali, sabiex jipproduċu effetti simili għal dawk taż-żwieġ (ara l-punti 51 u 52 iktar ’il fuq). F’dan ir-rigward, il-pożizzjoni tal-Kummissjoni mhijiex sostnuta mid-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal jew mill-għanijiet tagħhom, u tfisser li tiġi imposta kundizzjoni addizzjonali, li mhijiex iġġustifikata mill-għanijiet tal-leġiżlatur Komunitarju.

90      Fil-fatt, mill-analiżi li għadha kif saret (ara l-punti 82 sa 86 iktar ’il fuq), jirriżulta li, skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolamenti tal-Persunal, l-eżistenza ta’ “sħubija mhux maritali” teħtieġ biss unjoni bejn żewġ persuni u ċerti formalitajiet. Konsegwentement, huwa biżżejjed li dawn il-kundizzjonijiet ikunu sodisfatti fil-każ inkwistjoni, indipendentement mill-kwistjoni jekk humiex previsti f’termini mandatorji mil-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli jew jekk din tal-aħħar tħallihomx fid-diskrezzjoni tal-partijiet ikkonċernati. F’dan ir-rigward, il-fatt li l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli tippermetti li jiġu inklużi taħt l-istess kunċett sitwazzjonijiet legali differenti, skont ir-rieda tal-partijiet, li huma liberi biex jiddeterminaw il-kontenut u l-forma tal-ftehim ta’ ħajja flimkien tagħhom, huwa kompletament irrilevanti, sakemm is-sħubija bejn il-partijiet tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa mir-Regolamenti tal-Persunal.

91      Barra minn hekk, hekk kif isostni A. P. Roodhuijzen (ara l-punt 65 iktar ’il fuq), l-introduzzjoni tal-kundizzjoni addizzjonali ssuġġerita mill-Kummissjoni tinvolvi diskriminazzjoni kontra ċerti uffiċjali minħabba l-forma astratta tas-sħubija tagħhom, għalkemm il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli tirrikonoxxi din is-sħubija u l-kundizzjonijiet meħtieġa mir-Regolamenti tal-Persunal ikunu sodisfatti. Tali soluzzjoni tikser mhux biss id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal rilevanti, iżda hija bbażata fuq żnaturament tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li d-dritt Olandiż jirrikonoxxi li “samenlevingsovereenkomst” jista’ jipproduċi ċerti effetti simili għal dawk taż-żwieġ.

92      Fit-tielet lok, għandu jiġi eżaminat l-argument sussidjarju tal-Kummissjoni relattiv għall-interpretazzjoni tal-ewwel kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 1(2)(ċ) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal (ara l-punti 60 u 61 iktar ’il fuq), fis-sens li meta s-sħubija inkwistjoni tkun ġiet konkluża ma’ persuna li ma jkollha ebda rabta ta’ parentela mill-viċin mal-uffiċjal, meta ebda wieħed mill-imsieħba ma jkun miżżewweġ jew jinsab f’relazzjoni oħra u meta l-kundizzjonijiet dwar il-formalitajiet ikunu sodisfatti, mhuwiex f’idejn l-istituzzjoni Komunitarja kkonċernata li tivverifika jekk din is-sħubija hijiex simili għaż-żwieġ u jekk għandhiex ċerta stabbiltà.

93      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-kunċett ta’ “sħubija mhux maritali” li jinsab fir-Regolamenti tal-Persunal jixbah xi ftit lill-kunċett ta’ żwieġ. Madankollu, apparti r-rekwiżiti formali, l-unika kundizzjoni sostantiva li tirriżulta mid-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal rilevanti tirrigwarda l-eżistenza ta’ unjoni bejn żewġ persuni, hekk kif ġie deċiż diġà (ara l-punti 82 sa 86 iktar ’il fuq).

94      Sa fejn ċerti tipi ta’ “sħubijiet mhux maritali” rikonoxxuti fl-Istati Membri, bħas-“samenlevingsovereenkomst” fil-Pajjiżi l-Baxxi, jistgħu, jekk ikun il-każ, ikopru sitwazzjonijiet legali li ma jissodisfawx il-kriterji msemmija iktar ’il fuq li jiddefinixxu l-kunċett ta’ “sħubija mhux maritali” li jinsab fir-Regolamenti tal-Persunal, hekk kif diġà ġie kkonstatat (ara l-punti 83 sa 85 u 90 iktar ’il fuq), f’tali sitwazzjoni hija l-istituzzjoni Komunitarja kkonċernata li għandha tivverifika, bla ħsara għal stħarriġ mill-qorti Komunitarja, jekk il-kundizzjonijet stabbiliti mir-Regolamenti tal-Persunal humiex sodisfatti.

95      It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku b’hekk qies ġustament, fil-punti 35 u 52 tas-sentenza appellata, li r-rikonoxximent ta’ “sħubija mhux maritali” fis-sens tar-Regolamenti tal-Persunal ma jistax jirriżulta mis-sempliċi evalwazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat, f’dan il-każ l-affermazzjoni li tinsab fiċ-ċertifikat tal-ambaxxata tal-Pajjiżi l-Baxxi fil-Lussemburgu.

96      Madankollu, għalkemm ir-Regolamenti tal-Persunal jeżiġu, sabiex tiġi rikonoxxuta l-eżistenza ta’ “sħubija mhux maritali”, il-prova ta’ ħajja flimkien ikkaratterizzata minn ċerta stabbiltà, dawn ma jirrikjedux li l-imsieħba jkunu marbutin bi drittijiet u obbligi reċiproċi speċifiċi. Ix-xebh maż-żwieġ meħtieġ mir-Regolamenti tal-Persunal jirriżulta preċiżament minn tali ħajja flimkien kif ukoll mir-rekwiżit ta’ xi formalitajiet (ara l-punti 82 sa 86 iktar ’il fuq). Għaldaqstant, jekk l-uffiċjal ikkonċernat juri li s-sħubija li kkonkluda tissodisfa dawn iż-żewġ kundizzjonijiet, l-istituzzjoni kkonċernata – għall-kuntrarju ta’ dak li ddeċieda t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-punt 39, in fine, tas-sentenza appellata – m’għandhiex teżamina wkoll jekk id-drittijiet u l-obbligi reċiproċi stipulati mill-imsieħba fil-ftehim tagħhom jirregolawx il-ħajja flimkien tagħhom b’mod strutturat u dettaljat. Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe indikazzjoni f’dan is-sens mir-Regolamenti tal-Persunal, l-eżerċizzju ta’ tali stħarriġ ikollu l-effett li jissuġġetta r-rikonoxximent ta’ “sħubija mhux maritali” għal kundizzjonijiet li mhumiex previsti fir-Regolamenti tal-Persunal.

97      F’dan il-każ, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku vverifika, ġustament, fid-dawl tad-dokumenti pprovduti minn A. P. Roodhuijzen lill-amministrazzjoni, li dan tal-aħħar u H. kellhom ħajja flimkien ikkaratterizzata minn ċerta stabbiltà (punt 42 tas-sentenza appellata). Dan il-punt, barra minn hekk, mhuwa kkontestat b’ebda mod mill-Kummissjoni.

98      Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku wettaq żball ta’ liġi meta vverifika b’mod preċiż, abbażi ta’ eżami kemm tas-“samenlevingsovereenkomst” konkluż bejn ir-rikorrent fl-ewwel istanza u H. kif ukoll tad-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni Olandiża, liema kienu d-drittijiet u l-obbligi reċiproċi relattivi għall-ħajja flimkien ta’ A. P. Roodhuijzen u tas-sieħba tiegħu. Fil-fatt, għall-kuntrarju tal-approċċ meħud fil-punti 43 sa 46 tas-sentenza appellata, ir-Regolamenti tal-Persunal ma jimponux li jiġi vverifikat jekk il-konsegwenzi li jirriżultaw mis-sħubija konkluża mill-uffiċjal ikkonċernat humiex “simili fuq numru ta’ punti” għal dawk li jirriżultaw minn żwieġ, jew minn “geregistreerd partnerschap”.

99      Minn dan jirriżulta li s-sentenza appellata hija vvizzjata bi żball ta’ liġi inkwantu t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku wettaq l-imsemmi eżami fil-punti 43 sa 46, bi ksur tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Artikolu 72 tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-Artikolu 1(2)(ċ) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal.

100    Madankollu, billi, apparti l-istħarriġ tal-kundizzjonijiet addizzjonali mhux previsti mir-Regolamenti tal-Persunal, imsemmi fil-punti 98 u 99 iktar ’il fuq, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kkonstata ġustament li l-kundizzjonijiet kollha li jinsabu fir-Regolamenti tal-Persunal, relattivi, minn naħa, għall-eżistenza ta’ ħajja flimkien u, min-naħa l-oħra, għall-formalitajiet kienu sodisfatti, l-imsemmi żball ta’ liġi mhuwiex ta’ tali natura li jinvalida s-sentenza appellata [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ April 2007, Holcim (Deutschland) vs Il-Kummissjoni, C‑282/05 P, Ġabra p. I‑2941, punt 33, u tas-26 ta’ Marzu 2009, Selex Sistemi Integrati vs Il-Kummissjoni u Eurocontrol, C‑113/07 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 81].

101    B’hekk, l-aggravju bbażat fuq żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “sħubija mhux maritali” għandu jiġi miċħud.

102    F’dawn iċ-ċirkustanzi, mhemmx lok li jiġi eżaminat l-aggravju sussidjarju bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, f’motiv mogħti fis-sentenza appellata għall-finijiet ta’ kompletezza (ara l-punt 24 iktar ’il fuq). Fil-fatt, dan l-aggravju huwa irrilevanti, billi jidher li d-dispożittiv tas-sentenza appellata huwa bbażat fuq l-iżball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “sħubija mhux maritali”.

103    Għaldaqstant, l-appell għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq l-ispejjeż

104    Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 148 tar-Regoli tal-Proċedura, meta appell huwa infondat, il-Qorti tal-Prim’Istanza għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

105    Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 87(2) tal-istess Regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 144 ta’ dawn ir-Regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hija għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk ta’ A. P. Roodhuijzen fil-kuntest ta’ din l-istanza, skont it-talbiet ta’ A. P. Roodhuijzen.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Awla tal-Appell)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-appell huwa miċħud.

2)      Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk ta’ Anton Pieter Roodhuijzen fil-kuntest ta’ din l-istanza.

Jaeger

Tiili      Azizi

Meij

 

       Vilaras

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-5 ta’ Ottubru 2009.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.