Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administrativen sad - Blagoevgrad (il-Bulgarija) fit-23 ta’ Marzu 2021 – VS vs Inspektor v Inspektorata kam Visshia sadeben savet

(Kawża C-180/21)

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Qorti tar-rinviju

Administrativen sad - Blagoevgrad

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: VS

Konvenut: Inspektor v Inspektorata kam Visshia sadeben savet

Domandi preliminari

L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI 1 għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta jippreżenta l-għanijiet ta’ “prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali” bħala lista, qiegħed jirreferi għal aspetti tal-istess għan ġenerali?

Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE 2 huma applikabbli fil-konfront tal-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku tar-Repubblika tal-Bulgarija, minħabba l-ġbir ta’ informazzjoni dwar persuna, fil-kapaċità tiegħu ta’ “kontrollur” fis-sens tal-punt 8 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2016/680, marbuta mal-kompilazzjoni ta’ fajl quddiem il-prosekutur għall-verifika ta’ data dwar reat imwettaq u użata fid-difiża ta’ din il-persuna quddiem il-qorti bħala parti fi proċeduri ċivili, f’sitwazzjoni fejn jiġi kkomunikat il-fatt li tkun qiegħda tiġi kkompilata din l-informazzjoni jew f’sitwazzjoni fejn jiġu kkomunikati elementi minn din l-informazzjoni?

2.1)    Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għal din id-domanda:

L-espressjoni “interessi leġittimi” użata fl-Artikolu 6(1)(e) tar-Regolament 2016/679 għandha tiġi interpretata fis-sens li tkopri l-komunikazzjoni sħiħa jew parzjali ta’ informazzjoni dwar persuna, miġbura fil-kuntest tal-kompilazzjoni ta’ fajl quddiem il-prosekutur għall-finijiet ta’ prevenzjoni, investigazzjoni, sejbien jew prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, f’sitwazzjoni fejn tintuża fid-difiża tal-kontrollur bħala parti fi proċeduri ċivili u fejn ikun eskluż il-kunsens tas-suġġett tad-data?

____________

1     ĠU 2016, L 119, p. 89, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 6.

2     ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2.