Language of document : ECLI:EU:T:2023:248

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla Estiża)

10 ta’ Mejju 2023 (*)

“Għajnuna mill-Istat – Suq Ġermaniż tat-trasport bl-ajru – Għajnuna mogħtija mill-Ġermanja favur kumpannija tal-ajru fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 – Rikapitalizzazzjoni ta’ Deutsche Lufthansa – Deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet – Qafas Temporanju tal-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat – Rikors għal annullament – Locus standi – Effett sostanzjali fuq il-pożizzjoni kompetittiva – Ammissibbiltà – Saħħa sinjifikattiva fis-suq – Miżuri addizzjonali sabiex jiġi ppreżervat l-eżerċizzju ta’ kompetizzjoni effettiva fis-suq – Obbligu ta’ motivazzjoni”

Fil-Kawżi magħquda T‑34/21 u T‑87/21,

Ryanair DAC, stabbilita fi Swords (L-Irlanda), irrappreżentata minn E. Vahida, F.-C. Laprévote, S. Rating, I.-G. Metaxas-Maranghidis u V. Blanc, avukati,

rikorrenti fil-Kawża T‑34/21,

Condor Flugdienst GmbH, stabbilita fi Neu-Isenburg (Il-Ġermanja), irrappreżentata minn A. Israel, J. Lang u E. Wright, avukati,

rikorrenti fil-Kawża T‑87/21,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn L. Flynn, S. Noë u F. Tomat, bħala aġenti,

Konvenuta,

sostnuta minn

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn J. Möller u P.-L. Krüger, bħala aġenti,

intervenjenti fil-Kawża T‑34/21,

minn

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn T. Stéhelin, J.-L. Carré u P. Dodeller, bħala aġenti,

intervenjenti fil-Kawża T‑34/21,

u minn

Deutsche Lufthansa AG, stabbilita fi Köln (Il-Ġermanja), irrappreżentata minn H.-J. Niemeyer u J. Burger, avukati,

intervenjenti fil-Kawżi T‑34/21 u T‑87/21,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla Estiża),

komposta, waqt id-deliberazzjonijiet minn A. Kornezov (Relatur), President, E. Buttigieg, K. Kowalik-Bańczyk, G. Hesse u D. Petrlík, Imħallfin,

Reġistratur: P. Cullen, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura, b’mod partikolari d-digriet tad‑9 ta’ Ġunju 2022 li jgħaqqad il-Kawżi T‑34/21 u T‑87/21 għall-finijiet tal-fażi orali tal-proċedura u tad-deċiżjoni li tagħlaq l-istanza,

wara s-seduta tal‑11 ta’ Lulju 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikorsi tagħhom ibbażati fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, Ryanair DAC u Condor Flugdienst GmbH (iktar ’il quddiem “Condor”), jitolbu l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2020) 4372 final, tal‑25 ta’ Ġunju 2020, dwar l-għajnuna mill-Istat SA 57153 (2020/N) – Il-Ġermanja – COVID-19 – Għajnuna favur Lufthansa (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

I.      Ilfatti li wasslu għallkawża u lfatti sussegwenti għallpreżentata tar‑rikorsi

2        Fit‑12 ta’ Ġunju 2020, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kkomunikat lill-Kummissjoni Ewropea, skont l-Artikolu 107(3)(b) TFUE u l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tad‑19 ta’ Marzu 2020 intitolata “Qafas Temporanju għal Miżuri ta’ Għajnuna mill-Istat biex Jingħata Sostenn lill-Ekonomija Matul it-Tifqigħa Preżenti tal-COVID-19” (ĠU 2020, C 91 I, p. 1) kif emendata fit‑3 ta’ April 2020 (ĠU 2020, C 112 I, p. 1) u fit‑8 ta’ Mejju 2020 (ĠU 2020, C 164, p. 3) (iktar ’il quddiem il-“Qafas Temporanju”), għajnuna individwali fil-forma ta’ rikapitalizzazzjoni fl-ammont ta’ EUR 6 biljun (iktar ’il quddiem il-“miżura inkwistjoni”) mogħtija lil Deutsche Lufthansa AG (iktar ’il quddiem “DLH”).

3        DLH hija l-kumpannija omm li tmexxi l-grupp Lufthansa, li jinkludi b’mod partikolari l-kumpanniji tal-ajru Lufthansa Passenger Airlines, Brussels Airlines SA/NV, Austrian Airlines AG, Swiss International Air Lines Ltd u Edelweiss Air AG.

4        Il-miżura inkwistjoni hija intiża li tisabbilixxi mill-ġdid il-pożizzjoni kontabbli u l-likwidità tal-impriżi tal-grupp Lufthansa fis-sitwazzjoni eċċezzjonali kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19. L-għajnuna hija ffinanzjata u amministrata għall-Gvern Ġermaniż mill-Wirtschaftsstabilisierungsfonds (il-Fond għall-Istabbilizzazzjoni Ekonomika, il-Ġermanja) (iktar ’il quddiem il-“FIE”), organu pubbliku li jagħti appoġġ finanzjarju fuq perijodu ta’ żmien qasir lill-impriżi Ġermaniża milquta mill-pandemija tal-COVID-19.

5        Il-miżura inkwistjoni tinkludi t-tliet elementi li ġejjin:

–        holding fil-kapital ta’ EUR 306 044 326.40;

–        “holding passiva” ta’ EUR 4 693 955 673.60, li tikkostitwixxi strument ibridu, ittrattata bħala ekwità skont l-istandards internazzjonali tal-kontabbiltà (iktar ’il quddiem il-“holding passiva I”);

–        “holding passiva” ta’ EUR 1 biljun bil-karatteristiċi ta’ bond konvertibbli (iktar ’il quddiem il-“holding passiva II”).

6        Il-miżura inkwistjoni taqa’ fil-kuntest ta’ sensiela ta’ miżuri ta’ appoġġ usa’ favur il-grupp Lufthansa, li jistgħu jinġabru fil-qosor, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, kif ġej:

–        garanzija mill-Istat ta’ 80 % fuq self ta’ EUR 3 biljun li r-Repubblika Federali tal-Ġermanju kellha l-intenzjoni li tagħti lil DLH taħt l-iskema ta’ għajnuna diġà approvata mill-Kummissjoni (id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2020) 1886 final tat‑22 ta’ Marzu 2020 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.56714 (2020/N) – Il-Ġermanja — miżuri COVID-19);

–        garanzija mill-Istat ta’ 90 % fuq self ta’ EUR 300 miljun li r-Repubblika tal-Awstrija kellha l-intenzjoni li tagħti lil Austrian Airlines taħt l-iskema ta’ għajnuna diġà approvata mill-Kummissjoni (id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2020) 2354 final tat‑8 ta’ April 2020 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.56840 (2020/N), L-Awstrija COVID-19: skema Awstrijaka ta’ għajnuna għal-likwidità);

–        self ta’ EUR 150 miljun, li r-Repubblika tal-Awstrija kellha l-intenzjoni li tagħti lil Austrian Airlines sabiex tikkumpensa lil din tal-aħħar għad-danni li jirriżultaw mill-kanċellazzjoni jew mill-programmazzjoni mill-ġdid tat-titjiriet tagħha fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19;

–        EUR 250 miljun ta’ likwidità u self ta’ EUR 40 miljun li r-Renju tal-Belġju kellu l-intenzjoni li jagħti lil Brussels Airlines;

–        garanzija mill-Istat ta’ 85 % fuq self ta’ EUR 1.4 biljun mogħtija mill-Konfederazzjoni Svizzera lil Swiss International Air Lines Ltd u lil Edelweiss Air.

7        Fil‑25 ta’ Ġunju 2020, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata, li permezz tagħha hija kkonkludiet li l-miżura inkwistjoni kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(b) TFUE u l-Qafas Temporanju. Fl‑20 ta’ Novembru 2020, il-Kummissjoni ppubblikat informazzjoni dwar l-imsemmija deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2020, C 397, p. 2).

8        Fl‑14 ta’ Diċembru 2021, jiġifieri wara l-preżentata ta’ dawn ir-rikorsi, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C(2021) 9606 final, li tikkoreġi d-deċiżjoni kkontestata (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ rettifika”).

II.    It-talbiet tal-partijiet

9        Fir-rikors ippreżentat fil-Kawża T‑34/21, Ryanair titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

10      B’risposta għall-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tal‑11 ta’ Mejju 2022, ippreżentata fis‑26 ta’ Mejju 2022, Ryanair titlob, essenzjalment, l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, kif irrettifikata bid-deċiżjoni ta’ rettifika, u li l-Kummissjoni tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

11      Fil-Kawża T‑87/21, Condor titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

12      Permezz ta’ nota ta’ adattament ippreżentata fit‑22 ta’ Marzu 2022, Condor titlob, barra minn hekk, li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tannulla d-deċiżjoni kkontestata, kif irrettifikata bid-deċiżjoni ta’ rettifika, u tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

13      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

14      DLH titlob li r-rikorsi jiġu miċħuda u li r-rikorrenti jiġu kkundannati għall-ispejjeż. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża, intervenjenti fil-Kawża T‑34/21 biss, jitolbu li r-rikors f’din l-aħħar kawża jiġi miċħud. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja titlob ukoll li Ryanair tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

III. Fiddritt

A.      Fuq lammissibbiltà tarrikorsi

1.      Fuq illocus standi ta’ Ryanair

15      L-ewwel, Ryanair issostni li hija parti interessata fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE u tal-Artikolu 1(h) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat‑13 ta’ Lulju 2015 lli jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2015, L 248, p. 9), u li, għaldaqstant, hija għandha locus standi sabiex tiddefendi d-drittijiet proċedurali tagħha. It-tieni, Ryanair issostni li l-pożizzjoni kompetittiva tagħha fis-suq ġiet sostanzjalment affettwata mill-miżura inkwistjoni u li hija intitolata tikkontesta wkoll il-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata.

16      Il-Kummissjoni ma tikkontestax l-ammissibbiltà tar-rikors.

17      Għall-kuntrarju, ir-Repubblika Franċiża ssostni li Ryanair ma wrietx li l-pożizzjoni kompetittiva tagħha kienet ġiet affettwata b’mod sostanzjali mill-miżura inkwistjoni.

18      Għandu jitfakkar li, meta l-Kummissjoni tadotta deċiżjoni li ma tqajjimx oġġezzjonijiet abbażi tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589, bħal f’dan il-każ, hija mhux biss tiddikjara l-miżuri inkwistjoni bħala kompatibbli mas-suq intern, iżda wkoll tirrifjuta, b’mod impliċitu, li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE u fl-Artikolu 6(1) tal-imsemmi regolament (ara, is-sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 2011, L-Awstrija vs Scheucher-Fleisch et, C‑47/10 P, EU:C:2011:698, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata). Jekk, wara l-eżami preliminari, il-Kummissjoni tikkonstata li l-miżura kkomunikata tqajjem dubji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern, hija marbuta tieħu, abbażi tal-Artikolu 4(4) tar-Regolament 2015/1589, deċiżjoni għall-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE u fl-Artikolu 6(1) tal-imsemmi regolament. Skont din l-aħħar dispożizzjoni, tali deċiżjoni tistieden lill-Istati Membri kkonċernati u lill-partijiet interessati l-oħra sabiex jissottomettu l-osservazzjonijiet tagħhom f’terminu ddeterminat, li normalment ma jaqbiżx xahar (ara, is-sentenza tal‑24 ta’ Mejju 2011, Il-Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex, C‑83/09 P, EU:C:2011:341, punt 46).

19      F’dan il-każ, il-Kummissjoni ddeċidiet, wara eżami preliminari, li ma tqajjimx oġġezzjonijiet kontra l-miżura inkwistjoni, minħabba li din kienet kompatibbli mas-suq intern, skont l-Artikolu 107(3)(b) TFUE. Sa fejn il-proċedura ta’ investigazzjoni formali ma nfetħitx, il-partijiet interessati, li setgħu jippreżentaw osservazzjonijiet matul din il-fażi, ma kellhomx din il-possibbiltà. Bħala rimedju għal dan, huma għandhom id-dritt li jikkontestaw, quddiem il-qorti tal-Unjoni, id-deċiżjoni meħuda mill-Kummissjoni li ma tinfetaħx il-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Għalhekk, rikors ippreżentat minn parti interessata fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE li huwa intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata huwa ammissibbli peress li l-awtur ta’ dan ir-rikors għandu l-għan li jissalvagwardja d-drittijiet proċedurali li huwa għandu taħt din l-aħħar dispożizzjoni (ara, is-sentenza tat‑18 ta’ Novembru 2010, NDSHT vs Il-Kummissjoni, C‑322/09 P, EU:C:2010:701, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

20      Fir-rigward tal-Artikolu 1(h) tar-Regolament 2015/1589, impriża kompetitriċi tal-benefiċjarju ta’ miżura ta’ għajnuna mingħajr dubju tinsab fost il-“partijiet interessati”, fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE (sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2020, Vereniging tot Behoud van Natuurmonumenten in Nederlan et vs Il-Kummissjoni, C‑817/18 P, EU:C:2020:637, punt 50; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Novembru 2010, NDSHT vs Il-Kummissjoni, C‑322/09 P, EU:C:2010:701, punt 59).

21      F’dan il-każ, ma huwiex ikkontestat li Ryanair hija kompetitriċi tal-grupp Lufthansa u li, għaldaqstant, hija parti interessata fis-sens tal-Artikolu 1(h) tar-Regolament 2015/1589, li għandha locus standi sabiex tissalvagwardja d-drittijiet proċedurali tagħha taħt l-Artikolu 108(2) TFUE.

22      Fir-rigward tal-kwalità ta’ Ryanair sabiex tikkontesta l-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jitfakkar li l-ammissibbiltà ta’ rikors ippreżentat minn persuna fiżika jew ġuridika kontra att li tiegħu hija ma hijiex destinatarja, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, hija suġġetta għall-kundizzjoni li tkun irrikonoxxuta l-locus standi tagħha, li tirriżulta f’żewġ każijiet. Minn naħa, tali rikors jista’ jiġi ppreżentat sakemm dan l-att ikun jikkonċernaha direttament u individwalment. Min-naħa l-oħra, tali persuna tista’ tippreżenta rikors kontra att regolatorju li ma jinvolvix miżuri ta’ eżekuzzjoni jekk dan jikkonċernaha direttament (sentenzi tas‑17 ta’ Settembru 2015, Mory et vs Il-Kummissjoni, C‑33/14 P, EU:C:2015:609, punti 59 u 91, u tat‑13 ta’ Marzu 2018, Industrias Químicas del Vallés vs Il-Kummissjoni, C‑244/16 P, EU:C:2018:177, punt 39).

23      Peress li d-deċiżjoni kkontestata, li kienet indirizzata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ma tikkostitwixxix att regolatorju skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, billi ma hijiex att ta’ portata ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punt 56), hija l-Qorti Ġenerali li għandha tivverifika jekk ir-rikorrenti hijiex direttament u individwalment ikkonċernata minn din id-deċiżjoni, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

24      F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-persuni li ma humiex id-destinatarji ta’ deċiżjoni ma jistgħux jippretendu li huma individwalment ikkonċernati ħlief jekk din id-deċiżjoni taffettwahom minħabba ċerti kwalitajiet li huma speċifiċi għalihom jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tikkaratterizzahom meta mqabbla ma’ kull persuna oħra u, minħabba dan il-fatt, tindividwalizzahom b’mod analogu għal dak tad-destinatarju (sentenzi tal‑15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il-Kummissjoni, 25/62, EU:C:1963:17, p. 223; tat‑28 ta’ Jannar 1986, Cofaz et vs Il-Kummissjoni, 169/84, EU:C:1986:42, punt 22; tat‑22 ta’ Novembru 2007, Sniace vs Il-Kummissjoni, C‑260/05 P, EU:C:2007:700, punt 53).

25      Għalhekk, meta rikorrent jikkontesta l-fondatezza ta’ deċiżjoni ta’ evalwazzjoni ta’ għajnuna meħuda fuq il-bażi tal-Artikolu 108(3) TFUE jew insegwitu għall-proċedura ta’ investigazzjoni formali, is-sempliċi fatt li hija tista’ titqies bħala “persuna interessata” fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE ma huwiex biżżejjed biex ir-rikors jiġi kkunsidrat ammissibbli. Hija jkollha tipprova li hija għandha status partikolari fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 24 ta’ din is-sentenza. B’mod partikolari, dan ikun il-każ meta l-pożizzjoni tar-rikorrent fis-suq ikkonċernat tkun effettwata sostanzjalment mill-għajnuna li hija s-suġġett tad-deċiżjoni inkwistjoni (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Deutsche Lufthansa vs Il-Kummissjoni, C‑453/19 P, EU:C:2021:608, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-prova, mir-rikorrent, ta’ ħsara sostanzjali għall-pożizzjoni tiegħu fis-suq ma timplikax li tingħata deċiżjoni definittiva dwar ir-relazzjonijiet ta’ kompetizzjoni bejn dan ir-rikorrent u l-impriżi benefiċjarji, iżda teħtieġ biss min-naħa tal-imsemmi rikorrent li jindika b’mod rilevanti r-raġunijiet għalfejn id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tista’ tippreġudika l-interessi leġittimi tiegħu billi taffettwa sostanzjalment il-pożizzjoni tiegħu fis-suq inkwistjoni (ara, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Deutsche Lufthansa vs Il-Kummissjoni, C‑453/19 P, EU:C:2021:608, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27      Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta għalhekk li l-ħsara sostanzjali għall-pożizzjoni kompetittiva tar-rikorrent fis-suq inkwistjoni ma tirriżultax minn analiżi fil-fond tal-varji relazzjonijiet ta’ kompetizzjoni f’dan is-suq, li tippermetti li tiġi stabbilita bi preċiżjoni l-portata tal-ħsara lill-pożizzjoni kompetittiva tiegħu, iżda, bħala prinċipju, minn konstatazzjoni prima facie li l-għoti tal-miżura msemmija fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni jwassal sabiex jippreġudika sostanzjalment din il-pożizzjoni (ara, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Deutsche Lufthansa vs Il-Kummissjoni, C‑453/19 P, EU:C:2021:608, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28      Minn dan jirriżulta li din il-kundizzjoni tista’ tiġi ssodisfatta meta r-rikorrent jipproduċi provi li jippermettu li jintwera li l-miżura inkwistjoni tista’ tippreġudika sostanzjalment il-pożizzjoni tiegħu fis-suq inkwistjoni (ara, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Deutsche Lufthansa vs Il-Kummissjoni, C‑453/19 P, EU:C:2021:608, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29      Għal dak li jirrigwarda l-provi ammessi mill-ġurisprudenza sabiex tiġi stabbilita tali ħsara sostanzjali, għandu jitfakkar li s-sempliċi fatt li att jista’ jeżerċita ċerta influwenza fuq ir-relazzjonijiet ta’ kompetizzjoni fis-suq rilevanti u li l-impriża kkonċernata tkun tinsab f’xi relazzjoni ta’ kompetizzjoni mal-benefiċjarju ta’ dan l-att ma huwiex suffiċjenti sabiex tali impriża tista’ titqies li hija individwalment ikkonċernata mill-imsemmi att. Għaldaqstant, impriża ma tistax tibbaża ruħha biss fuq il-kwalità tagħha ta’ kompetitriċi fir-rigward tal-impriża benefiċjarja (ara, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Deutsche Lufthansa vs Il-Kummissjoni, C‑453/19 P, EU:C:2021:608, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30      Il-prova ta’ ħsara sostanzjali kkawżata fir-rigward tal-pożizzjoni ta’ kompetitur fis-suq ma tistax tkun limitata għall-preżenza ta’ ċerti elementi li jindikaw degradazzjoni fil-prestazzjonijiet kummerċjali jew finanzjarji tar-rikorrent, bħal tnaqqis kunsiderevoli fid-dħul mill-bejgħ, telf finanzjarju mhux negliġibbli jew ukoll tnaqqis sinjifikattiv ta’ ishma mis-suq wara l-għoti tal-għajnuna inkwistjoni. L-għoti ta’ għajnuna mill-Istat jista’ jippreġudika s-sitwazzjoni kompetittiva ta’ operatur anki b’modi oħra, b’mod partikolari, billi jikkawża telf mid-dħul jew żvilupp inqas favorevoli minn dak li kien jirriżulta fl-assenza ta’ tali għajnuna (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Deutsche Lufthansa vs Il-Kummissjoni, C‑453/19 P, EU:C:2021:608, punt 61).

31      Barra minn hekk, il-ġurisprudenza ma teżiġix li r-rikorrent jipproduċi provi fir-rigward tad-daqs jew tal-portata ġeografika tas-swieq inkwistjoni, jew fir-rigward tal-ishma mis-suq tiegħu jew dawk tal-benefiċjarju tal-miżura inkwistjoni jew ta’ kompetituri oħra fihom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Deutsche Lufthansa vs Il-Kummissjoni, C‑453/19 P, EU:C:2021:608, punt 65).

32      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandu jiġi eżaminat jekk Ryanair pproduċietx provi li jippermettu li jintwera li l-miżura inkwistjoni tista’ tippreġudika sostanzjalment il-pożizzjoni tagħha fis-suq ikkonċernat.

33      F’dan ir-rigward, Ryanair issostni li hija l-eqreb kompetitriċi u dik l-iktar diretta tal-grupp Lufthansa. Għalhekk, fl‑2019, hija kienet it-tieni l-ikbar kumpannija tal-ajru fis-suq Ġermaniż u fis-suq Belġjan wara l-grupp Lufthansa u t-tielet l-ikbar fis-suq Awstrijak. Barra minn hekk, fl-istess sena, hija kienet f’kompetizzjoni diretta mal-grupp Lufthansa fuq 96 rotta tal-ajru minn jew lejn il-Ġermanja, li minnhom 27-il rotta jintużaw minnha u mill-grupp Lufthansa biss, filwaqt li r-rotot l-oħra huma operati minn ftit operaturi oħra. Fil-Belġju u fl-Awstrija, Ryanair tinsab f’kompetizzjoni diretta mal-imsemmi grupp, fuq 46 u 35-il rotta, rispettivament, li wħud minnhom huma operati minnha u mill-imsemmi grupp biss. Barra minn hekk, diversi mir-rotot ikkonċernati huma ta’ importanza ekonomika peress li jgħaqqdu bliet kbar fl-Ewropa u lil hinn minnha.

34      Ir-Repubblika Franċiża tirribatti, madankollu, li Ryanair ma tipproduċix provi ta’ natura li jiġġustifikaw li hija affettwata b’mod sostanzjali mill-miżura inkwistjoni fl-ajruporti rilevanti, kif identifikati fid-deċiżjoni kkontestata. B’mod partikolari, fl-ajruporti ta’ Vjenna (l-Awstrija), Brussell (il-Belġju), Hamburg (il-Ġermanja) u Palma de Mallorca (Spanja), li fihom il-grupp Lufthansa ma kellux saħħa fis-suq sinjifikattiva (iktar ’il quddiem il-“SSS”), skont id-deċiżjoni kkontestata, il-miżura inkwistjoni ma taffettwax b’mod sostanzjali l-pożizzjoni kompetittiva ta’ Ryanair. Barra minn hekk, fl-ajruport ta’ München (il-Ġermanja), din tal-aħħar ma tidhirx fost il-kompetituri prinċipali tal-imsemmi grupp, filwaqt li fl-ajruport ta’ Frankfurt (il-Ġermanja), l-attivitajiet tagħha huma dgħajfa, minkejja l-fatt li hija t-tieni l-ikbar kumpannija tal-ajru, wara l-grupp Lufthansa.

35      Fl-ewwel lok, l-oġġezzjoni magħmula mir-Repubblika Franċiża tqajjem, preliminarjament, il-kwistjoni dwar jekk il-provi prodotti minn Ryanair u miġbura fil-qosor fil-punt 33 iktar ’il fuq humiex irrilevanti għall-finijiet tal-eżami tal-locus standi tagħha, sa fejn dawn ma jirrigwardawx speċifikament il-pożizzjoni kompetittiva tagħha fl-ajruporti msemmija fil-punt 34 iktar ’il fuq. Din l-oġġezzjoni tirriżulta, essenzjalment, mill-fatt li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni identifikat is-swieq rilevanti tas-servizzi ta’ trasport bl-ajru ta’ passiġġieri abbażi ta’ “kull ajruport individwali”. Skont dan l-approċċ, kull ajruport huwa ddefinit bħala suq distint, mingħajr ma ssir distinzjoni bejn ir-rotot speċifiċi moqdija lejn jew minn dan l-ajruport.

36      Issa, fil-kuntest tal-ħames parti tal-ewwel motiv tagħha, Ryanair issostni, b’mod partikolari, li l-Kummissjoni kienet żbaljata meta segwiet dan l-approċċ u li hija kellha tiddefinixxi s-swieq inkwistjoni skont approċċ ibbażat fuq pari ta’ bliet iddefiniti bħala punt ta’ oriġini u punt ta’ destinazzjoni (iktar ’il quddiem l-“approċċ O & D”).

37      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li ma huwiex neċessarju, fl-istadju tal-eżami tal-ammissibbiltà tar-rikors, li tingħata deċiżjoni definittiva dwar id-definizzjoni tas-suq tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni jew dwar ir-relazzjonijiet ta’ kompetizzjoni bejn ir-rikorrenti u l-benefiċjarju. Bħala prinċipju, huwa biżżejjed li r-rikorrent juri li, prima facie, l-għoti tal-miżura inkwistjoni jwassal sabiex jippreġudika b’mod sostanzjali l-pożizzjoni kompetittiva tiegħu fis-suq (ara l-ġurisprudenza fil-punti 26 u 27 iktar ’il fuq).

38      Għaldaqstant, fl-istadju tal-eżami tal-ammissibbiltà tar-rikors, meta d-definizzjoni tas-suq inkwistjoni hija kkontestata fil-mertu mir-rikorrent, kif inhu l-każ hawnhekk, huwa biżżejjed li jiġi eżaminat jekk id-definizzjoni tas-suq inkwistjoni mogħtija mir-rikorrent hijiex plawżibbli, u dan bla ħsara għall-eżami fil-mertu ta’ din il-kwistjoni.

39      F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tqis li d-definizzjoni tas-swieq tas-servizzi ta’ trasport bl-ajru ta’ passiġġieri skont l-approċċ O & D, kif proposta minn Ryanair, hija prima facie plawżibbli. Fil-fatt, huwa biżżejjed li jitfakkar li, fis-settur tal-ajru, il-Qorti Ġenerali aċċettat li l-Kummissjoni setgħet tirrikorri għal dan l-approċċ sabiex tiddefinixxi s-swieq inkwistjoni, b’mod partikolari fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Mejju 2015, Niki Luftfahrt vs Il-Kummissjoni, T‑162/10, EU:T:2015:283, punti 139 u 140 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40      Id-data pprovduta minn Ryanair, miġbura fil-qosor fil-punt 33 iktar ’il fuq, hija għalhekk rilevanti għall-finijiet tal-eżami tal-locus standi tagħha.

41      Fit-tieni lok, minn din id-data, li l-eżattezza tagħha ma hijiex ikkontestata mill-partijiet, u barra minn hekk hija kkonfermata mill-provi prodotti minn Ryanair fil-kuntest ta’ din il-proċedura, jirriżulta li Ryanair u l-grupp Lufthansa kienu jikkompetu, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, fuq numru kbir ta’ rotot bejn il-pari ta’ bliet iddefiniti bħala punt ta’ oriġini u l-punt ta’ destinazzjoni (iktar ’il quddiem ir-“rotot O & D”) lejn u mill-Belġju, mill-Ġermanja u mill-Awstrija, u li Ryanair u l-grupp Lufthansa kienu l-uniċi kompetituri fuq numru kunsiderevoli ta’ rotot O & D. Il-partijiet lanqas ma jikkontestaw li Ryanair hija t-tieni l-ikbar kumpannija tal-ajru, wara l-grupp Lufthansa, fis-suq Belġjan u fis-suq Ġermaniż u t-tielet l-ikbar fis-suq Awstrijak.

42      Fit-tielet lok, u fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni identifikat lil Ryanair bħala waħda mill-ikbar kompetituri tal-grupp Lufthansa f’ċerti ajruporti rilevanti. Għalhekk, mill-punti 188 u 189 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, fl-ajruport ta’ Frankfurt, Ryanair kienet it-tieni u t-tielet kompetitur l-iktar importanti tal-grupp Lufthansa, f’termini ta’ numru ta’ slots miżmuma, matul l-istaġuni tax-xitwa 2019/2020 u tas-sajf 2019 tal-Assoċjazzjoni Internazzjonali tat-Trasport bl-Ajru (IATA), rispettivament. Hija kienet ukoll it-tieni kumpannija tal-ajru f’numru ta’ ajruplani bbażati f’dan l-ajruport matul l-imsemmija staġuni. Bl-istess mod, skont id-deċiżjoni kkontestata, Ryanair kienet l-eqreb kompetitriċi tal-grupp Lufthansa fl-ajruporti ta’ Düsseldorf (il-Ġermanja) u ta’ Vjenna (l-Awstrija).

43      Fir-raba’ lok, Ryanair issostni li hija kellha għanijiet ta’ espansjoni fis-swieq tal-Belġju, tal-Ġermanja u tal-Awstrija, billi nediet hemm 9, 75 u 28-il rotta ġodda rispettivament, fl‑2019, li lanqas ma huwa kkontestat. Barra minn hekk, skont Ryanair, il-grupp Lufthansa seta’ juża l-kapital miksub permezz tal-miżura inkwistjoni sabiex inaqqas il-prezzijiet tiegħu u jsaħħaħ il-pożizzjoni kompetittiva tiegħu fis-suq għad-detriment tagħha, b’mod partikolari fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19, li affettwat lill-kumpanniji tal-ajru kollha.

44      F’dan ir-rigward, mill-punt 16 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, fl-assenza tal-miżura inkwistjoni, DLH kienet tirriskja li ssir insolventi, li seta’ jikkawża l-kollass tal-grupp Lufthansa kollu kemm hu. Barra minn hekk, skont rapport tal-Fondazzjoni għall-Innovazzjoni Politika, prodott minn Ryanair, intitolat “Before COVID-19 air transportation in Europe: an already fragile sector” (it-trasport bl-ajru fl-Ewropa qabel il-pandemija tal-COVID-19: settur diġà fraġli), bid-data ta’ Mejju 2020, u li l-kontenut tiegħu ma huwiex ikkontestat mill-partijiet, kien “probabbli li Ryanair u Wizz Air joħorġu mill-kriżi tal-COVID-19 mingħajr wisq danni u [kellhom] riżorsi finanzjarji suffiċjenti, b’mod partikolari permezz tad-dejn u x-xiri ta’ kumpanniji falluti, sabiex jipparteċipaw fir-ristrutturazzjoni probabbli tat-trasport bl-ajru fl-Ewropa”. Minn dan jirriżulta li Ryanair kienet tinsab f’pożizzjoni relattivament qawwija meta mqabbla mal-kumpanniji tradizzjonali bħal dawk li jappartjenu għall-grupp Lufthansa, li kien qiegħed jaffaċċja riskju ta’ insolvenza, jew saħansitra ta’ ħruġ mis-suq.

45      L-elementi rrilevati fil-punti 33 sa 44 iktar ’il fuq, meħuda flimkien, jippermettu li jiġi kkonstatat li Ryanair uriet li l-għoti tal-miżura inkwistjoni kien iwassal prima facie sabiex jippreġudika sostanzjalment il-pożizzjoni kompetittiva tagħha fis-suq, billi b’mod partikolari tikkawża telf mid-dħul jew żvilupp inqas favorevoli minn dak li kien ikun irreġistrat fl-assenza ta’ tali miżura (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 30 iktar ’il fuq).

46      Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-oġġezzjoni tar-Repubblika Franċiża li d-deċiżjoni kkontestata kienet taffettwaha minħabba sitwazzjoni fattwali li kienet tiddistingwiha mill-kompetituri kollha l-oħra tal-grupp Lufthansa.

47      Fil-fatt, il-kundizzjoni tal-effett sostanzjali fuq il-pożizzjoni kompetittiva tar-rikorrent hija element speċifiku għaliha, li għandu jiġi evalwat fir-rigward tal-pożizzjoni tagħha fis-suq qabel l-għoti tal-miżura inkwistjoni jew fl-assenza tagħha. Għalhekk, ma hijiex kwistjoni ta’ tqabbil tas-sitwazzjoni tal-kompetituri kollha eżistenti fis-suq ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża Deutsche Lufthansa vs Il-Kummissjoni, C‑453/19 P, EU:C:2020:862, punt 58). Barra minn hekk, kif tfakkar fil-punt 31 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li ma kienx neċessarju li r-rikorrenti tipproduċi elementi li jikkonċernaw l-ishma tas-suq tagħha jew dawk tal-benefiċjarju jew ta’ kompetituri oħra possibbli f’dan is-suq. Minn dan jirriżulta li, sabiex jiġi pprovat l-effett sostanzjali fuq il-pożizzjoni kompetittiva tagħha, ir-rikorrenti ma tistax tintalab tistabbilixxi, provi insostenn ta’ dan, liema hija s-sitwazzjoni kompetittiva tal-kompetituri tagħha u li tiddistingwi ruħha minnha.

48      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-ġurisprudenza ċċitata fl-punt 24 iktar ’il fuq tipprevedi żewġ kriterji sabiex jintwera li l-persuni l-oħra minbarra d-destinatarji ta’ deċiżjoni huma individwalment ikkonċernati minnha, jiġifieri li d-deċiżjoni kkontestata tippreġudikahom “minħabba ċerti kwalitajiet li huma speċifiċi għalihom” jew minħabba “sitwazzjoni ta’ fatt li tikkaratterizzahom meta mqabbla ma’ kull persuna oħra”. Din il-ġurisprudenza għalhekk ma teħtieġx li rikorrent juri, fil-każijiet kollha, li s-sitwazzjoni fattwali tiegħu hija differenti minn dik ta’ kull persuna oħra. Fil-fatt, huwa biżżejjed li d-deċiżjoni kkontestata tolqot lir-rikorrent minħabba ċerti kwalitajiet li huma partikolari għalih.

49      Dan huwa l-każ hawnhekk. Fil-fatt, l-elementi kollha msemmija fil-punti 33 sa 44 iktar ’il fuq huma intiżi li jistabbilixxu, b’mod suffiċjentement plawżibbli, li l-pożizzjoni ta’ Ryanair fis-swieq ikkonċernati kienet ikkaratterizzata minn ċerti kwalitajiet li huma partikolari għaliha, bħall-importanza tagħha fl-imsemmija swieq, il-fatt li hija l-iktar kompetitriċi qrib tal-benefiċjarju f’uħud minnhom, il-pjanijiet tagħha ta’ espansjoni fis-suq Belġjan, Ġermaniż u Awstrijak jew inkella s-sitwazzjoni finanzjarja relattivament qawwija tagħha meta mqabbla ma’ dik, dgħajfa, tal-benefiċjarju, li tqiegħedha f’pożizzjoni li tippermettilha, fl-assenza ta’ għajnuna, tirbaħ ishma tas-suq għad-detriment tal-benefiċjarju.

50      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandu jiġi konkluż li Ryanair uriet b’mod suffiċjenti fid-dritt li l-miżura inkwistjoni setgħet taffettwa b’mod sostanzjali l-pożizzjoni kompetittiva tagħha fis-suq ikkonċernat.

51      Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk Ryanair hijiex direttament ikkonċernata mid-deċiżjoni kkontestata, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, kompetitur tal-benefiċjarju ta’ għajnuna huwa direttament ikkonċernat minn deċiżjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza lil Stat Membru jħallas din l-għajnuna meta ma jkun hemm l-ebda dubju dwar ir-rieda tal-imsemmi Stat li jipproċedi biha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Mejju 1998, Dreyfus vs Il-Kummissjoni, C‑386/96 P, EU:C:1998:193, punti 43 u 44 u tal‑15 ta’ Settembru 2016, Ferracci vs Il-Kummissjoni, T‑219/13, EU:T:2016:485, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata), bħalma huwa l-każ hawnhekk.

52      Għaldaqstant, Ryanair hija intitolata tikkontesta l-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata.

2.      Fuq illocus standi ta’ Condor

53      L-ewwel, Condor issostni li hija parti interessata fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE u tal-Artikolu 1(h) tar-Regolament 2015/1589 u li, għaldaqstant, hija għandha locus standi f’dan il-każ sabiex tissalvagwardja d-drittijiet proċedurali tagħha, minħabba li hija kompetitriċi tal-grupp Lufthansa. It-tieni, Condor tikkunsidra li l-pożizzjoni tagħha fis-suq hija sostanzjalment affettwata mill-miżura inkwistjoni u li hija intitolata wkoll tikkontesta l-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata.

54      Il-Kummissjoni ma tikkontestax li Condor hija parti interessata u li għalhekk hija għandha locus standi sabiex tissalvagwardja d-drittijiet proċedurali tagħha. Għall-kuntrarju, hija tgħid li “tiddubita” li Condor uriet b’mod suffiċjenti fid-dritt li hija kienet affettwata sostanzjalment mill-miżura inkwistjoni.

55      Fl-ewwel lok, ma huwiex ikkontestat li Condor hija kompetitriċi tal-grupp Lufthansa u li, għaldaqstant, hija parti interessata fis-sens tal-Artikolu 1(h) tar-Regolament 2015/1589 u tal-Artikolu 108(2) TFUE (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 20 iktar ’il fuq). Għaldaqstant, Condor għandha locus standi sabiex tissalvagwardja d-drittijiet proċedurali tagħha.

56      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk Condor għandhiex ukoll locus standi sabiex tikkontesta l-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi rrilevat li, sabiex turi li l-miżura inkwistjoni taffettwa sostanzjalment il-pożizzjoni kompetittiva tagħha fis-suq, l-ewwel, hija ssostni li hija l-unika kompetitriċi tal-grupp Lufthansa fuq 51 rotta O & D lejn u mill-Ġermanja u li hija tinsab f’kompetizzjoni diretta mal-imsemmi grupp fuq 79 rotta oħra. Barra minn hekk, min-numru totali ta’ 130-il rotta moqdija kemm minn Condor kif ukoll mill-grupp Lufthansa, dawn offrew numru totali ta’ 18.6 miljun siġġu, li 6.33 miljun minnhom kienu ġew offruti minn Condor.

57      Mingħajr ma tikkontesta l-eżattezza ta’ din id-data, il-Kummissjoni tilmenta li Condor ma ppreċiżatx is-sors tagħha u l-perijodu li għalih din id-data tirreferi.

58      Għalkemm huwa ċertament minnu, kif issostni l-Kummissjoni, li l-Anness C.1 tar-replika ta’ Condor, li fih tinsab il-lista tar-rotot O & D imsemmija fil-punt 56 iktar ’il fuq, la jindika s-sors tad-data li tinsab fih u lanqas il-perijodu li għalih tirreferi, xorta jibqa’ l-fatt li dan l-anness għandu jinqara flimkien man-noti bil-miktub ippreżentati minn Condor. F’dan ir-rigward, mir-rikors ta’ Condor jirriżulta li d-data inkwistjoni toriġina mill-analista “SRS”, soċju tal-IATA, database online li tiġbor fiha numru kbir ta’ data dwar ir-rotot, il-ħinijiet u n-numru ta’ siġġijiet offruti ta’ kumpanniji tal-ajru differenti, kif ikkonsultat online fl‑1 ta’ Diċembru 2020. Il-Kummissjoni ma tikkontestax l-affidabbiltà ta’ dan is-sors. Barra minn hekk, fir-rikors tagħha Condor tindika li din id-data tirrigwarda l-perijodu mix-xahar ta’ April 2019 sax-xahar ta’ Marzu 2020, peress li dan il-perijodu jikkorrispondi bejn wieħed u ieħor għall-istaġun tas-sajf 2019 u għall-istaġun tax-xitwa 2019/2020 tal-IATA, u għalhekk għall-perijodu eżaminat fid-deċiżjoni kkontestata.

59      Għaldaqstant l-oġġezzjoni tal-Kummissjoni għandha tiġi miċħuda.

60      Wara li ġie ppreċiżat dan, il-Qorti Ġenerali tqis, għall-motivi esposti fil-punti 34 sa 39 iktar ’il fuq, applikati mutatis mutandis, li l-elementi pprovduti minn Condor u miġbura fil-qosor fil-punt 56 iktar ’il fuq huma rilevanti għall-finijiet tal-eżami tal-kwistjoni dwar jekk il-miżura inkwistjoni tistax prima facie taffettwa sostanzjalment il-pożizzjoni kompetittiva tagħha fis-suq, u dan bla ħsara għall-eżami fil-mertu tad-definizzjoni tas-suq inkwistjoni.

61      Minn dawn l-elementi jirriżulta li Condor u l-grupp Lufthansa kienu jikkompetu fuq numru kbir ta’ rotot O & D lejn u mill-Ġermanja, li Condor kienet l-unika kompetitriċi tal-grupp fuq numru kunsiderevoli ta’ dawn ir-rotot u li n-numru ta’ siġġijiet disponibbli fuq it-titjiriet operati minn Condor fuq dawn ir-rotot kollha kien sinjifikattiv.

62      It-tieni, bħal Condor, għandu jiġi rrilevat li, fil-punti 188 u 189, 195, 196 u 202 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni stess identifikat lil din tal-aħħar bħala t-tieni u t-tielet l-ikbar kumpannija tal-ajru fl-ajruport ta’ Frankfurt matul l-istaġun tas-sajf 2019 u l-istaġun tax-xitwa 2019/2020 tal-IATA, rispettivament, f’termini ta’ slots. Barra minn hekk, hija kienet, dejjem skont il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni, it-tieni l-ikbar kumpannija tal-ajru fl-ajruporti ta’ München u ta’ Düsseldorf f’termini ta’ ajruplani bbażati fihom u t-tielet l-ikbar f’termini ta’ slots fl-ajruport ta’ München matul l-istaġun tas-sajf tal‑2019 tal-IATA. Minn dan jirriżulta, skont id-deċiżjoni kkontestata nnifisha, li Condor ġiet identifikata bħala waħda mill-kompetituri prinċipali tal-grupp Lufthansa f’ċerti ajruporti eżaminati fiha.

63      It-tielet, Condor issostni li hija kellha relazzjoni kummerċjali għal żmien twil mal-grupp Lufthansa, kif rifless mill-ftehim dwar traffiku feeder konkluż magħha. F’dan ir-rigward, ma huwiex ikkontestat li Condor, li topera b’mod partikolari titjiriet rikreattivi twal, tiddependi ħafna, sabiex timla’ t-titjiriet tagħha, fuq it-traffiku feeder ġej minn titjiriet fuq distanza qasira operati mill-grupp Lufthansa. Skont Condor, l-imsemmi grupp kien l-uniku operatur tan-networks fl-ajruporti Ġermaniżi kollha kapaċi li jiżgura traffiku feeder suffiċjenti. Fil-fatt, skont Condor, mhux ikkontestata fuq dan il-punt, madwar 25 % tal-passiġġieri kollha ta’ titjira fuq distanza twila operata minnha jużaw, qabel jew wara, titjira feeder operata mill-grupp Lufthansa. Barra minn hekk, dan tal-aħħar jiżgura 90 % tal-passiġġieri “indiretti” li jużaw it-titjiriet twal operati minn Condor. Minn dawn l-elementi jirriżulta li t-traffiku feeder iġġenerat b’dan il-mod mill-grupp Lufthansa għandu importanza partikolari għall-operat ta’ Condor.

64      Ir-raba’, kif tfakkar fil-punt 44 iktar ’il fuq, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, fl-assenza tal-miżura inkwistjoni, DLH kienet tirriskja li ssir insolventi, li seta’ jipprovoka l-kollass tal-grupp Lufthansa kollu.

65      Issa, skont Condor, il-miżura inkwistjoni ppermettiet lill-grupp Lufthansa jibqa’ fis-suq, u anki li jniedi rotot ġodda li ma kienx jopera qabel.

66      Fid-dawl tal-elementi preċedenti kollha, għandu jiġi konkluż li Condor uriet b’mod suffiċjenti fid-dritt li l-miżura inkwistjoni setgħet taffettwa b’mod sostanzjali l-pożizzjoni kompetittiva tagħha fis-swieq tat-trasport bl-ajru tal-passiġġieri.

67      Għall-istess raġunijiet bħal dawk esposti fil-punt 51 iktar ’il fuq, Condor hija wkoll direttament ikkonċernata mid-deċiżjoni kkontestata, b’tali mod li hija tista’ tikkontesta l-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata.

B.      Fuq ilmertu

68      Insostenn tar-rikors tagħha fil-Kawża T‑34/21, Ryanair tinvoka ħames motivi, ibbażati, rispettivament, l-ewwel wieħed, fuq applikazzjoni żbaljata tal-Qafas Temporanju u użu ħażin ta’ poter; it-tieni wieħed, fuq applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE; it-tielet wieħed, fuq ksur ta’ ċerti dispożizzjonijiet speċifiċi tat-Trattat FUE u ta’ ċerti prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri n-nondiskriminazzjoni, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u l-libertà ta’ stabbiliment; ir-raba’ wieħed, fuq ommissjoni tal-Kummissjoni li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE, u, il-ħames wieħed, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

69      B’mod partikolari, l-ewwel motiv jinkludi seba’ partijiet, li jikkonċernaw, rispettivament, l-ewwel, l-eliġibbiltà għall-għajnuna ta’ DLH skont il-Qafas Temporanju; it-tieni, l-eżistenza ta’ miżuri oħra iktar xierqa u li jwasslu għal inqas distorsjonijiet tal-kompetizzjoni; it-tielet, l-ammont tar-rikapitalizzazzjoni; ir-raba’, ir-remunerazzjoni u l-ħruġ tal-Istat; il-ħames, l-eżistenza ta’ SSS tal-benefiċjarju fis-swieq inkwistjoni u l-impenji strutturali imposti għall-preżervazzjoni tal-eżerċizzju ta’ kompetizzjoni effettiva fis-swieq imsemmija; is-sitt, il-projbizzjoni ta’ espansjoni kummerċjali aggressiva ffinanzjata mill-għajnuna, u, is-seba’, użu ħażin ta’ poter.

70      Insostenn tar-rikors tagħha fil-Kawża T‑87/21, Condor tqajjem tliet motivi, ibbażati, rispettivament, l-ewwel wieħed fuq nuqqas tal-Kummissjoni li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE; it-tieni wieħed, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni sa fejn il-Kummissjoni qieset li l-miżura inkwistjoni kienet kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(b) TFUE u, it-tielet, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni. Il-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-kontenut tal-ewwel żewġ motivi jikkoinċidi parzjalment. Mistoqsija f’dan ir-rigward waqt is-seduta, Condor ikkonfermat dawn is-sovrapożizzjonijiet billi ppreċiżat li dawn il-motivi tqajmu fid-dawl tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali dwar l-ammissibbiltà tar-rikors u li kienu jirrigwardaw, essenzjalment, l-istess kwistjonijiet. Peress li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet li Condor setgħet tikkontesta l-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata, dawn iż-żewġ motivi għandhom jiġu eżaminati flimkien. Essenzjalment, dawn iqajmu erba’ kwistjonijiet, jiġifieri l-eliġibbiltà għall-għajnuna tal-benefiċjarju abbażi tal-Qafas Temporanju, l-ammont tar-rikapitalizzazzjoni, il-projbizzjoni ta’ espansjoni kummerċjali aggressiva ffinanzjata mill-għajnuna u l-eżistenza ta’ SSS tal-benefiċjarju fis-swieq inkwistjoni u l-impenji strutturali.

71      Minn dan jirriżulta li l-ewwel motiv tar-rikors fil-Kawża T‑34/21 u l-ewwel żewġ motivi tar-rikors fil-Kawża T‑87/21 iqajmu, parzjalment, kwistjonijiet simili li għandhom jiġu eżaminati flimkien, u, parzjalment, kwistjonijiet differenti. Dawn il-kwistjonijiet kollha jistgħu jinġabru f’sitt kwistjonijiet, kif ġej:

–        l-eliġibbiltà ta’ DLH għall-għajnuna (l-ewwel parti tal-ewwel motiv fil-Kawża T‑34/21 u t-tieni parti tal-ewwel motiv fil-Kawża T‑87/21);

–        l-eżistenza ta’ miżuri oħra iktar xierqa u li joħolqu inqas distorsjonijiet tal-kompetizzjoni (it-tieni parti tal-ewwel motiv fil-Kawża T‑34/21);

–        l-ammont tal-għajnuna (it-tielet parti tal-ewwel motiv fil-Kawża T‑34/21 u t-tieni parti tal-ewwel motiv kif ukoll it-tieni parti tat-tieni motiv fil-Kawża T‑87/21);

–        ir-remunerazzjoni u l-ħruġ tal-Istat (ir-raba’ parti tal-ewwel motiv fil-Kawża T‑34/21);

–        il-projbizzjoni ta’ espansjoni kummerċjali aggressiva ffinanzjata mill-għajnuna (is-sitt parti tal-ewwel motiv fil-Kawża T‑34/21 u l-ewwel parti tal-ewwel motiv kif ukoll it-tieni parti tat-tieni motiv fil-Kawża T‑87/21);

–        l-eżistenza ta’ SSS tal-benefiċjarju fis-swieq inkwistjoni u l-impenji strutturali (il-ħames parti tal-ewwel motiv fil-Kawża T‑34/21 u l-ewwel parti tal-ewwel motiv kif ukoll l-ewwel parti tat-tieni motiv fil-Kawża T‑87/21).

72      Qabel kollox għandhom isiru xi osservazzjonijiet preliminari, qabel ma jiġu eżaminati, sussegwentement, dawn il-kwistjonijiet u, fl-aħħar, jekk ikun il-każ, il-motivi l-oħra mqajma mir-rikorrenti.

1.      Osservazzjonijiet preliminari

a)      Fuq lintensità talistħarriġ ġudizzjarju

73      Qabelxejn, għandu jitfakkar li l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ miżuri ta’ għajnuna mas-suq intern, skont l-Artikolu 107(3) TFUE taqa’ fil-kompetenza esklużiva tal-Kummissjoni, li taġixxi taħt l-awtorità tal-qrati tal-Unjoni (sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2016, Kotnik et, C‑526/14, EU:C:2016:570, punt 37).

74      F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-Kummissjoni tgawdi minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa li l-eżerċizzju tagħha jimplika evalwazzjonijiet kumplessi ta’ natura ekonomika u soċjali (ara s-sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2016, Kotnik et, C‑526/14, EU:C:2016:570, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-fatt, l-Artikolu 107(3) TFUE jagħti lill-Kummissjoni setgħa diskrezzjonali wiesgħa biex tippermetti għajnuna b’deroga mill-projbizzjoni ġenerali fl-Artikolu 107(1) TFUE, sa fejn l-evalwazzjoni, f’dawn il-każijiet, tal-kompatibbiltà jew tal-inkompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat mas-suq intern tqajjem problemi li jinvolvu t-teħid inkunsiderazzjoni u l-evalwazzjoni ta’ fatti u ċirkustanzi ekonomiċi kumplessi (sentenzi tat‑18 ta’ Jannar 2012, Djebel – SGPS vs Il-Kummissjoni, T‑422/07, mhux ippubblikata, EU:T:2012:11, punt 107, u tal‑1 ta’ Marzu 2016, Secop vs Il-Kummissjoni, T‑79/14, EU:T:2016:118, punt 29). F’dan il-kuntest, l-istħarriġ ġudizzjarju applikat għall-eżerċizzju ta’ din is-setgħa diskrezzjonali għandu jkun limitat għall-verifika tal-osservanza tar‑regoli ta’ proċedura u ta’ motivazzjoni, kif ukoll għall-verifika tal‑eżattezza materjali tal-fatti kkonstatati u tal-assenza ta’ żball ta’ liġi, żball manifest fl‑evalwazzjoni tal-fatti jew użu ħażin ta’ poter (ara s-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2008, Il-Ġermanja et vs Kronofrance, C‑75/05 P u C‑80/05 P, EU:C:2008:482, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

75      Madankollu, fl-eżerċizzju ta’ din is-setgħa diskrezzjonali, il-Kummissjoni tista’ tadotta linji gwida sabiex tevalwa l-kriterji li abbażi tagħhom hija għandha l-intenzjoni tevalwa l-kompatibbiltà, mas-suq intern, ta’ miżuri ta’ għajnuna previsti mill-Istati Membri. Bl-adozzjoni ta’ regoli ta’ kondotta bħal dawn u bit-tħabbir, permezz tal-pubblikazzjoni tagħhom, tal-applikazzjoni tagħhom minnha fil-futur għall-każijiet li jaqgħu taħthom, il-Kummissjoni tillimita ruħha fl-eżerċizzju tal-imsemmija setgħa diskrezzjonali u ma tistax, bħala prinċipju, titbiegħed minn dawn ir-regoli mingħajr ma tiġi ssanzjonata, skont il-każ, għal ksur ta’ prinċipji ġenerali tad-dritt, bħal dawk tal-ugwaljanza fit-trattament jew tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi (sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2016, Kotnik et, C‑526/14, EU:C:2016:570, punti 39 u 40). Madankollu, l-adozzjoni ta’ regoli ta’ kondotta li permezz tagħhom il-Kummissjoni tillimita s-setgħa diskrezzjonali tagħha ma teħlisx lill-Kummissjoni mill-obbligu tagħha li teżamina ċ-ċirkustanzi speċifiċi eċċezzjonali li Stat Membru jinvoka, f’każ partikolari, sabiex jitlob l-applikazzjoni diretta tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE. Minn dan isegwi li l-Kummissjoni tista’ tawtorizza proġett ta’ għajnuna mill-Istat li jidderoga mill-imsemmija regoli f’ċirkustanzi eċċezzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2016, Kotnik et, C‑526/14, EU:C:2016:570, punti 41 u 43).

76      Għalhekk, fil-qasam speċifiku tal-għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni hija marbuta bl-oqfsa u l-komunikazzjonijiet adottati minnha, sa fejn dawn ma jidderogawx mir-regoli tat-Trattat (ara s-sentenza tat‑2 ta’ Diċembru 2010, Holland Malt vs Il-Kummissjoni, C‑464/09 P, EU:C:2010:733, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, hija l-qorti tal-Unjoni li għandha tivverifika li l-Kummissjoni osservat ir-regoli li hija adottat (ara s-sentenza tat‑8 ta’ April 2014, ABN Amro Group vs Il-Kummissjoni, T‑319/11, EU:T:2014:186, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

77      Barra minn hekk, fil-kuntest tal-istħarriġ li l-qrati tal-Unjoni jeżerċitaw fuq l-evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi mwettqa mill-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, ċertament ma huwiex il-kompitu tal-qorti tal-Unjoni li tissostitwixxi l-evalwazzjoni ekonomika tagħha ma’ dik tal-Kummissjoni. Madankollu, hija ma għandhiex tivverifika biss l-eżattezza materjali tal-provi prodotti, l-affidabbiltà tagħhom u l-koerenza tagħhom, iżda għandha wkoll tistħarreġ jekk dawn l-elementi jikkostitwixxux id-data kollha rilevanti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk humiex ta’ natura li jsostnu l-konklużjonijiet misluta minnhom (sentenza tal‑24 ta’ Jannar 2013, Frucona Košice vs Il-Kummissjoni, C‑73/11 P, EU:C:2013:32, punti 75 u 76; ara, ukoll, is-sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 2013, Land Burgenland et vs Il-Kummissjoni, C‑214/12 P, C‑215/12 P u C‑223/12 P, EU:C:2013:682, punt 79 u l-ġurisprudenza ċċitata). Bl-istess mod, hija l-qorti tal-Unjoni li għandha tistħarreġ l-interpretazzjoni, mill-Kummissjoni, ta’ data ta’ natura ekonomika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2007, Spanja vs Lenzing, C‑525/04 P, EU:C:2007:698, punt 56).

78      Għaldaqstant, għalkemm l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni huwa limitat fir-rigward tal-evalwazzjonijiet kumplessi ta’ natura ekonomika u soċjali mwettqa mill-Kummissjoni, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 74 iktar ’il fuq, għall-kuntrarju hija għandha ġurisdizzjoni sħiħa fir-rigward tal-evalwazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni li ma jinvolvux tali evalwazzjonijiet jew ukoll fir-rigward tal-kwistjonijiet li huma ta’ natura strettament legali.

b)      Fuq ilvalur probatorju tarrapporti ta’ esperti

79      Fil-kuntest tal-Kawża T‑34/21, Ryanair tibbaża ruħha fuq diversi rapporti ta’ esperti, fosthom, b’mod partikolari:

–        rapport intitolat “Assessment of the Commission’ s analysis of the proportionality of the aid to DLH” (Evalwazzjoni tal-Analiżi Mwettqa mill-Kummissjoni dwar il-Proporzjonalità tal-Għajnuna mogħtija lil DLH), tal‑21 ta’ Jannar 2021, redatt minn Oxera (iktar ’il quddiem ir-“rapport Oxera I”);

–        rapport intitolat “Assessment of the Commission’s approach to determining SMP and competitive distortions” (Evalwazzjoni tal-Approċċ Segwit mill-Kummissjoni sabiex Tiddetermina SSS u Distorsjonijiet tal-Kompetizzjoni), tal‑21 ta’ Jannar 2021, redatt minn Oxera (iktar ’il quddiem ir-“rapport Oxera II”);

–        ir-rapport tal-Fondazzjoni għall-Innovazzjoni Politika, imsemmi fil-punt 44 iktar ’il fuq;

–        rapport intitolat “Rating Action: Moody’s downgrades Lufthansa to Ba1, rating placed on review for downgrade” (Evalwazzjoni: Tnaqqis minn Moody’s tal-klassifikazzjoni ta’ Lufthansa għal Ba1, nota mqiegħda taħt sorveljanza għal tnaqqis fil-klassifikazzjoni eventwali), tas‑17 ta’ Marzu 2020, redatt minn Moody’ s (iktar ’il quddiem ir-“rapport Moody’s”) u

–        rapport intitolat “European Airlines, All is not what it seems” (Linji tal-ajru Ewropej: Mhux Kollox Huwa Dak li Jidher), tas‑17 ta’ April 2020, redatt minn J. Hollins, R. Joynson u D. Maglione, ta’ Exane BNP Paribas (iktar ’il quddiem ir-“rapport Exane”).

80      Preliminarjament, għandu jiġi eżaminat il-valur probatorju ta’ dawn ir-rapporti.

81      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-kunċett ta’ prova, il-qorti tal-Unjoni stabbilixxiet prinċipju ta’ amministrazzjoni libera jew ta’ libertà tal-mezzi ta’ prova, li għandu jinftiehem bħala li huwa l-fakultà ta’ użu, sabiex jiġi pprovat fatt partikolari, ta’ mezzi ta’ prova ta’ kull natura, bħal xhieda, provi dokumentarji, ammissjonijiet, rapporti ta’ esperti, eċċ. Fl-istess ħin, skont ġurisprudenza stabbilita d-determinazzjoni tal-kredibbiltà jew, fi kliem ieħor, tal-valur probatorju ta’ prova jitħalla għall-ġudizzju uniku tal-qorti. Għalhekk, sabiex jiġi stabbilit il-valur probatorju ta’ dokument, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni diversi elementi, bħall-oriġini tad-dokument, iċ-ċirkustanzi għat-tfassil tiegħu, id-destinatarju jew il-kontenut tiegħu, u wieħed għandu jistaqsi jekk, skont dawn l-elementi, l-informazzjoni li dan jinkludi tidhirx raġonevoli u affidabbli (ara s-sentenza tat‑2 ta’ Lulju 2019, Mahmoudian vs Il-Kunsill, T‑406/15, EU:T:2019:468, punti 136 u 137 u l-ġurisprudenza ċċitata).

82      F’dan il-każ, fl-ewwel lok, fir-rigward tar-rapporti Moody’s u Exane, għandu jiġi rrilevat li dawn ma tfasslux fuq talba ta’ Ryanair, li dawn ma għandhomx rabta ma’ din il-proċedura ġudizzjarja u li l-awturi tagħhom huma terzi li l-għarfien, ir-reputazzjoni u l-indipendenza tagħhom fil-konfront ta’ Ryanair ma humiex ikkontestati.

83      Fit-tieni lok, fir-rigward tar-rapporti Oxera I u II, għandu jiġi rrilevat li dawn tfasslu fuq talba ta’ Ryanair għall-finijiet ta’ din il-kawża.

84      Madankollu, il-Kummissjoni, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Franċiża u DLH la jikkontestaw il-valur probatorju ta’ dawn ir-rapporti, u lanqas l-eżattezza jew il-veraċità tal-informazzjoni ta’ natura fattwali u ekonomika li tinsab f’dawn tal-aħħar.

85      Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li dawn ir-rapporti tfasslu abbażi ta’ informazzjoni aċċessibbli għall-pubbliku jew li ġejja minn sorsi meqjusa, affidabbli u indipendenti minn Ryanair. Fil-fatt, ir-rapporti Oxera I u II huma bbażati fuq informazzjoni li toriġina b’mod partikolari minn sorsi bħall-assoċjazzjoni Airports Council International (ACI) Europe, mill-IATA, diversi aġenziji ta’ klassifikazzjoni, bħal Moody’s, Kroll Bond Rating Agency u S & P, mill-Financial Times, DLH jew kumpanniji tal-ajru oħra, mill-awtoritajiet Ġermaniżi kif ukoll mid-deċiżjoni kkontestata nnifisha.

86      Fl-aħħar, għalkemm huwa ċertament minnu li dawn ir-rapporti huma sussegwenti għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, xorta jibqa’ l-fatt li dawn huma bbażati fuq data eżistenti fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. F’dan ir-rigward, skont il-ġurisprudenza, il-fatt li l-istħarriġ eżerċitat mill-qorti adita b’talba għal annullament isir biss b’riferiment għall-punti ta’ fatt u ta’ liġi eżistenti fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ma jippreġudikax il-possibbiltà offruta lill-partijiet, fl-eżerċizzju tad-dritt tad-difiża tagħhom, li jikkompletawhom permezz ta’ provi stabbiliti wara din id-data, iżda bil-għan speċifiku li jikkontestaw jew jiddefendu din id-deċiżjoni (ara s-sentenza tas‑27 ta’ Settembru 2006, GlaxoSmithKline Services vs Il-Kummissjoni, T‑168/01, EU:T:2006:265, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

87      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali tikkonkludi li r-rapporti msemmija fil-punt 79 iktar ’il fuq għandhom valur probatorju.

2.      Fuq leliġibbiltà ta’ DLH għallgħajnuna

88      Fil-kawża T‑34/21, Ryanair tinvoka tliet ilmenti dwar l-eliġibbiltà ta’ DLH għall-għajnuna, ibbażati, rispettivament, fuq ksur tal-kundizzjonijiet previsti fil-punt 49(a), fil-punt 49(b) u fil-punt 49(c) tal-Qafas Temporanju. Dan it-tielet ilment u l-argument imressaq minn Condor fil-Kawża T‑87/21 li l-Kummissjoni kisret il-kundizzjonijiet previsti fil-punt 49(c) tal-Qafas Temporanju jikkoinċidu. Dawn it-tliet ilmenti għandhom jiġu eżaminati suċċessivament.

a)      Fuq ilksur talpunt 49(a) tal-Qafas Temporanju

89      Ryanair issostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni ma wrietx li, fl-assenza ta’ għajnuna, il-benefiċjarju neċessarjament kien ikun falla jew kien ikollu diffikultajiet serji sabiex ikompli l-attivitajiet tiegħu fis-sens tal-punt 49(a) tal-Qafas Temporanju. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ħawdet il-kunċett ta’ nuqqas ta’ likwidità, li jseħħ meta impriża ma tkunx kapaċi tħallas id-djun tagħha fl-iskadenza tagħhom, u l-kunċett ta’ insolvenza, li sseħħ meta l-valur totali tal-passiv tal-impriża jaqbeż dak tal-assi tagħha.

90      Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u DLH, tikkontesta dan l-argument.

91      Il-punt 49 tal-Qafas Temporanju, li jinsab fil-punt 3.11.2, intitolat “Kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà u ta’ dħul”, jelenka l-kundizzjonijiet li miżura ta’ rikapitalizzazzjoni mogħtija fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 għandha tissodisfa sabiex il-benefiċjarju eventwali jitqies li huwa eliġibbli għaliha.

92      L-ewwel waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, prevista fil-punt 49(a) tal-Qafas Temporanju teżiġi li jiġi stabbilit li, fl-assenza ta’ intervent mill-Istat, il-benefiċjarju jkollu jwaqqaf l-attivitajiet tiegħu jew ikollu diffikultajiet serji sabiex ikompli bihom. Huwa fuq din it-tieni ipoteżi li l-Kummissjoni bbażat ruħha sabiex tikkonkludi li din il-kundizzjoni kienet issodisfatta. Skont l-istess punt tal-Qafas Temporanju, dawn id-diffikultajiet jistgħu jintwerew permezz tad-deterjorament, b’mod partikolari, tal-proporzjon tad-dejn mal-ekwità tal-benefiċjarju tal-għajnuna mill-Istat jew ta’ indikaturi simili.

93      Fil-punti 96 sa 98 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrilevat li d-deterjorament tal-ekwità ta’ DLH affettwa b’mod serju l-likwidità tagħha u kienet mhedda b’insolvenza fi żmien qasir. Din il-konstatazzjoni kienet ibbażata fuq dokumenti interni u projezzjonijiet finanzjarji bejn l‑2020 u l‑2026, ipprovduti mill-Gvern Ġermaniż, li minnhom kien jirriżulta li l-kapital ta’ DLH kien ser jitnaqqas b’mod sinjifikattiv fi tmiem is-sena 2020 meta mqabbel mal‑2019 u li kienet tinsab, minkejja miżuri meħuda matul is-sena 2020 sabiex tikseb likwidità, f’sitwazzjoni ta’ “nuqqas ta’ likwidità teknika”, li jfisser li l-likwidità li hija kellha ma kinitx suffiċjenti sabiex tirrimborsa d-djun tagħha li kienu wasslu biex jimmaturaw, fatt li Ryanair ma tikkontestax. Minn dan il-Kummissjoni kkonkludiet li l-miżura inkwistjoni tippermetti li tiġi evitata l-insolvenza ta’ DLH u li, għalhekk, fl-assenza ta’ żieda fil-kapital, din kienet taffaċċja diffikultajiet serji sabiex tkompli bl-attivitajiet tagħha.

94      Għandu jiġi nnotat, barra minn hekk, li l-Kummissjoni rrilevat, fid-deċiżjoni kkontestata, deterjorament tal-proporzjoni tad-dejn mal-ekwità ta’ DLH, kif previst mill-punt 49(a) tal-Qafas Temporanju (ara t-tabella Nru 1, fil-punr 117 tad-deċiżjoni kkontestata). Issa, Ryanair ma tikkontestax din id-data.

95      Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma kisritx il-punt 49(a) tal-Qafas Temporanju.

96      Fir-rigward tal-argument ta’ Ryanair ibbażat fuq id-distinzjoni bejn il-kunċett ta’ nuqqas ta’ likwidità u dak ta’ insolvenza, dan għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv. Fil-fatt, il-punt 49(a) tal-Qafas Temporanju ma jissuġġettax l-eliġibbiltà għall-għajnuna għal dawn il-kunċetti, iżda b’mod partikolari għall-eżistenza ta’ diffikultajiet serji għall-impriża inkwistjoni sabiex tkompli bl-attivitajiet tagħha.

97      Fir-rigward tal-argument li l-Kummissjoni ma wrietx li miżura oħra intiża sabiex tindirizza l-problemi ta’ likwidità tal-benefiċjarju u li toħloq inqas distorsjonijiet ma setgħetx tiġi prevista, dan l-argument jikkoinċidi mal-kwistjoni mqajma fil-kuntest tat-tieni parti tal-ewwel motiv, li ser tiġi eżaminata iktar ’il quddiem.

98      Għaldaqstant dan l-ilment għandu jiġi miċħud bħala infondat.

b)      Fuq ilksur talpunt 49(b) talQafas Temporanju

99      Ryanair tilmenta, essenzjalment, li l-Kummissjoni li kisret il-paragrafu 49(b) tal-Qafas Temporanju, sa fejn hija ma wrietx in-natura sistemika ta’ DLH għall-ekonomija Ġermaniża.

100    Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u DLH, tikkontesta dan l-argument.

101    Il-punt 49(b) tal-Qafas Temporanju jipprevedi li l-miżura ta’ rikapitalizzazzjoni prevista għandha tkun fl-interess komuni. L-eżistenza ta’ tali interess komuni tista’ tiġi pprovata jekk il-miżura inkwistjoni tkun intiża sabiex jiġu evitati diffikultajiet soċjali u falliment tas-suq riżultanti minn telf ta’ impjiegi sinjifikattivi, il-ħruġ mis-suq ta’ impriża innovattiva jew ta’ impriża li għandha importanza sistemika, ir-riskju ta’ tfixkil ta’ servizz sinjifikattiv jew sitwazzjonijiet simili debitament sostnuti mill-Istat Membru kkonċernat.

102    Fil-punt 99 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrilevat li DLH kellha importanza sistemika għall-ekonomija Ġermaniża f’diversi aspetti, jiġifieri, b’mod partikolari, għall-impjieg, il-konnettività u l-kummerċ internazzjonali, u li, għaldaqstant, kien fl-interess komuni li tintervjeni. B’mod partikolari, mill-punti 36 sa 38 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, l-ewwel, DLH hija persuna li timpjega importanti, b’iktar minn 135 000 impjegat, li minnhom 73 000 impjegati fil-pjattaformi tal-ajruporti li jinsabu fil-Ġermanja. It-tieni, fid-dawl tat-titjiriet li hija topera lejn 301 destinazzjoni f’100 pajjiż, DLH għandha rwol importanti għall-konnettività tal-Ġermanja, mhux biss għat-titjiriet qosra, iżda wkoll għat-titjiriet twal. It-tielet, DLH tikkontribwixxi għal parti kunsiderevoli tal-volum tal-kummerċ estern tal-merkanzija bl-ajru fil-Ġermanja, li huwa importanti ħafna għal ekonomija mmirata lejn l-esportazzjonijiet, bħal dik tal-Ġermanja. Barra minn hekk, mill-punt 14 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li s-servizzi tal-merkanzija bl-ajru kellhom ukoll rwol essenzjali fit-trasport ta’ maskri ta’ protezzjoni u ta’ materjal mediku miċ-Ċina lejn l-Ewropea matul il-pandemija tal-COVID-19. Fl-aħħar nett, il-punt 36 tad-deċiżjoni kkontestata jindika li l-attività ta’ DLH tikkontribwixxi b’mod sinjifikattiv għall-baġit tal-Istat, fil-forma ta’ kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, ta’ ħlasijiet tat-taxxi fuq id-dħul u ta’ taxxi fuq it-trasport bl-ajru.

103    Għandu jiġi kkonstatat li Ryanair ma tikkontestax din id-data, iżda tqis, essenzjalment, li din ma hijiex biżżejjed sabiex tintwera l-importanza sistemika ta’ DLH għall-ekonomija Ġermaniża. Skont Ryanair, il-kunċett ta’ impriża li għandha importanza sistemika fis-sens tal-punt 49(b) tal-Qafas Temporanju għandu jiġi interpretat bħala li jkopri l-impriżi li l-falliment tagħhom iwassal għall-kollass tas-settur sħiħ li fih joperaw.

104    Madankollu, l-interpretazzjoni proposta minn Ryanair ma tistax tintlaqa’. Fil-fatt, ma hemm xejn fil-formulazzjoni tal-punt 49(b) tal-Qafas Temporanju li jissuġġerixxi li huma biss l-impriżi li l-ħruġ tagħhom mis-suq iwassal għall-kollass ta’ settur sħiħ li huma eliġibbli għall-għajnuna. Barra minn hekk, qari flimkien tal-punt 49(b) tal-Qafas Temporanju, u b’mod partikolari l-eżempji tal-każijiet li fihom huwa fl-interess komuni li jintervjeni, bħar-riskju ta’ diffikultajiet soċjali jew ta’ telf ta’ impjiegi sinjifikattivi jew ukoll ta’ tfixkil ta’ servizz importanti, juri li l-interpretazzjoni mressqa minn Ryanair hija restrittiva wisq.

105    Insostenn ta’ din l-interpretazzjoni, Ryanair tagħmel, barra minn hekk, riferiment għall-prattika deċiżjonali tal-Kummissjoni fis-settur finanzjarju u għar-regoli fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat applikabbli f’dan is-settur (b’mod partikolari, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni, mill‑1 ta’ Awwissu 2013, tar-regoli dwar l-għajnuna mill-istat għal miżuri ta’ appoġġ favur il-banek fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja (ĠU 2013, C 216, p. 1) u d-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU 2013, L 176, p. 338, rettifiki fil-ĠU 2013, L 208, p. 73, fil-ĠU 2017, L 20, p. 1 u fil-ĠU 2020, L 203, p. 95). F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li huwa biss fid-dawl tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE u tal-Qafas Temporanju li għandha tiġi evalwata l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, u mhux fid-dawl ta’ allegata prattika preċedenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2013, Nitrogénművek Vegyipari vs Il-Kummissjoni, T‑387/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:98, punt 126 u l-ġurisprudenza ċċitata), jew fid-dawl tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni, mill‑1 ta’ Awwissu 2013, tar-regoli dwar l-għajnuna mill-istat għal miżuri ta’ appoġġ favur il-banek fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja jew tad-Direttiva 2013/36, iċċitati minn Ryanair, peress li dawn ma humiex applikabbli f’dan il-każ.

106    L-argumenti l-oħra ta’ Ryanair għandhom ukoll jiġu miċħuda.

107    L-ewwel, kuntrarjament għal dak li ssostni Ryanair, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni ma kellhiex l-obbligu li teżamina jekk DLH setgħetx faċilment tiġi ssostitwita minn kumpanniji tal-ajru oħra. Tali rekwiżit ma huwiex previst mill-punt 49(b) tal-Qafas Temporanju, li l-ksur tiegħu huwa allegat.

108    It-tieni, il-fatt li l-Kummissjoni ma indikatx, fid-deċiżjoni kkontestata, is-sehem mis-suq ta’ DLH sabiex turi l-importanza sistemika tagħha għall-ekonomija Ġermaniża ma jistax jinvalida l-analiżi tagħha fuq dan il-punt. Fil-fatt, l-importanza sistemika ta’ impriża tista’ tintwera abbażi ta’ numru kbir ta’ indizji oħra, bħal dawk miġbura fil-qosor fil-punt 101 iktar ’il fuq, li jistabbilixxu suffiċjentement skont il-liġi li l-kundizzjoni prevista fil-punt 49(b) kienet issodisfatta.

109    It-tielet, l-argument ta’ Ryanair li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq l-informazzjoni pprovduta mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja mingħajr ma wettqet l-analiżi “awtonoma” tagħha ma għandux bażi fattwali. Fil-fatt, min-noti ta’ qiegħ il-paġna Nri 25 u 26 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni vverifikat ukoll ċerta informazzjoni b’riferiment għal sorsi indipendenti, bħall-IATA. Barra minn hekk, mill-punt 99 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni evalwat il-provi prodotti mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u kkunsidrathom bħala affidabbli.

110    Ir-raba’, Ryanair tilmenta li l-Kummissjoni ma eżaminatx il-possibbiltà ta’ tnaqqis tad-daqs jew tal-attivitajiet ta’ DLH. Madankollu, għandu jiġi rrilevat li l-punt 49(b) tal-Qafas Temporanju ma jipprevedix tali kundizzjoni ta’ eliġibbiltà.

111    Konsegwentement, dan l-ilment għandu jiġi miċħud bħala infondat.

c)      Fuq ilksur talpunt 49(c) talQafas Temporanju

112    Ryanair, fil-kuntest tal-ewwel parti (it-tielet ilment) tal-ewwel motiv tagħha, issostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni kisret il-punt 49(c) tal-Qafas Temporanju, billi kkunsidrat li DLH ma kinitx kapaċi tiffinanzja ruħha fis-swieq taħt kundizzjonijiet raġonevoli u li, f’dan ir-rigward, il-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha. Condor, fil-kuntest tat-tieni parti (l-ewwel ilment) tal-ewwel motiv tagħha, issostni li l-analiżi tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward hija inkompleta u insuffiċjenti u, għaldaqstant, turi l-eżistenza ta’ dubji serji.

113    Il-Kummissjoni, sostnuta minn DLH, tikkontesta dan l-argument. Din l-istituzzjoni ssostni, essenzjalment, li r-rikorrenti ma jipproduċu l-ebda prova konkreta tal-fatt li finanzjament fis-swieq huwa aċċessibbli għall-benefiċjarju taħt kundizzjonijiet raġonevoli, b’teħid inkonsiderazzjoni tal-bżonnijiet ta’ finanzjament ta’ dan tal-aħħar u tal-limitazzjonijiet tal-ħin.

114    Skont il-punt 49(c) tal-Qafas Temporanju, sabiex ikun eliġibbli għal miżura ta’ rikapitalizzazzjoni, il-benefiċjarju għandu b’mod partikolari jkun inkapaċi li jiffinanzja lilu nnifsu fis-swieq taħt kundizzjonijiet raġonevoli.

115    Fil-punti 21 sa 24 u 100 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonkludiet li din il-kundizzjoni kienet issodisfatta minħabba, b’mod partikolari, li DLH ma kinitx kapaċi tiffinanzja ruħha fis-swieq permezz tas-self, peress li l-investituri ma kinux lesti jipprovdu fondi mingħajr garanziji suffiċjenti sabiex jipproteġu l-krediti tagħhom f’każ ta’ inadempjenza. Issa, skont il-Kummissjoni, DLH ma kellhiex garanziji suffiċjenti sabiex tikseb fis-swieq istrumenti ta’ dejn titolizzati għall-ammont kollu inkwistjoni. Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, l-ammont totali ta’ EUR 9 biljun li huwa neċessarju għat-tkomplija tal-attività ekonomika tal-grupp matul u wara t-tifqigħa tal-COVID-19 jaqbeż il-volum totali ta’ titoli ta’ kreditu maħruġa fl-Ewropa matul l-aħħar xhur.

116    Ryanair tirribatti, essenzjalment, li l-Kummissjoni naqset milli teżamina jekk DLH setgħetx, anki parzjalment, issib finanzjament fis-swieq billi toffri garanziji ta’ dejn titolizzat (collateral), bħall-flotta tagħha ta’ ajruplani, is-slots tagħha jew l-iskema ta’ lealtà tagħha.

117    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-kwistjoni dwar jekk DLH kinitx tinsab f’sitwazzjoni ta’ inkapaċità li tiffinanzja ruħha fis-swieq taħt kundizzjonijiet raġonevoli tinvolvi evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi dwar is-sitwazzjoni finanzjarja globali tal-benefiċjarju u l-funzjonament tas-swieq finanzjarji, b’tali mod li l-istħarriġ li teżerċita l-qorti tal-Unjoni fuq dan it-tip ta’ evalwazzjonijiet huwa ristrett. Madankollu, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 77 iktar ’il fuq, il-qorti tal-Unjoni għandha tivverifika mhux biss l-eżattezza materjali tal-provi prodotti, l-affidabbiltà tagħhom u l-koerenza tagħhom, iżda wkoll tistħarreġ jekk dawn il-provi jikkostitwixxux id-data rilevanti kollha li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk humiex ta’ natura li jsostnu l-konklużjonijiet misluta minnhom.

118    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat, bħalma għamlet Ryanair, li, matul il-perijodu qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-grupp Lufthansa kien il-proprjetarju ta’ 86 % tal-flotta ta’ ajruplani tiegħu, li kienet tinkludi 763 ajruplan, li 87 % tal-ajruplani tagħha kienu liberi minn kwalunkwe piż (“non-collateralised” jew “unencumbered”) u li l-valur kontabbli ta’ din il-flotta ta’ ajruplani kien ta’ madwar EUR 10 biljun. Dawn il-konstatazzjonijiet jirriżultaw b’mod ċar, inekwivoku u konkordanti minn diversi provi inklużi fl-atti tal-proċess fil-Kawża T‑34/21, jiġifieri minn dikjarazzjoni tad-direttur finanzjarju ta’ DLH stess, tad‑19 ta’ Marzu 2020, kif ukoll mir-rapporti Oxera I, Moody’s u Exane. Ir-rapporti Oxera I u Moody’s jistabbilixxu, barra minn hekk, li DLH setgħet tuża l-flotta tagħha bħala garanzija sabiex timmobilizza fondi fis-swieq finanzjarji.

119    Ir-rapport Oxera I jippreċiża, barra minn hekk, li l-valur kontabbli tal-partijiet ta’ rikambju (spare parts) miżmuma mill-grupp Lufthansa kien ta’ EUR 2.3 biljun fi tmiem l‑2019. Dan ir-rapport jindika, barra minn hekk, li, b’teħid inkunsiderazzjoni ta’ tnaqqis potenzjali fil-valur tal-assi minn 20 % sa 50 % minħabba l-pandemija tal-COVID-19 u fil-proporzjon bejn is-self u l-valur (loan to value ratio, LTV) minn 40 sa 60 %, DLH setgħet timmobilizza fis-swieq self ta’ bejn EUR 1 biljun u EUR 3.7 biljuni bl-użu tal-ajruplani tagħha u l-partijiet ta’ rikambju bħala garanziji.

120    Il-Kummissjoni u l-intervenjenti ma jikkontestawx l-eżattezza u l-affidabbiltà ta’ din id-data.

121    Barra minn hekk, mill-elementi fl-atti tal-proċess jirriżulta li Ryanair kienet ġibdet l-attenzjoni kemm tal-Gvern Ġermaniż kif ukoll tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ dawn l-elementi, u b’mod partikolari fuq id-dikjarazzjoni tad-direttur finanzjarju ta’ DLH imsemmija fil-punt 118 iktar ’il fuq, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, permezz ta’ ittri tal‑1 ta’ April 2020 u tat‑3 ta’ April 2020, rispettivament.

122    Issa, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni llimitat ruħha li tiddikjara li DLH ma kellhiex “garanziji suffiċjenti” sabiex tikseb strumenti ta’ finanzjament fis-swieq “għall-ammont totali” tal-għajnuna.

123    Madankollu, minn naħa, il-Kummissjoni bl-ebda mod ma ssostanzjat din id-dikjarazzjoni. Fil-fatt, xejn fid-deċiżjoni kkontestata ma jindika li l-Kummissjoni eżaminat l-eventwali disponibbiltà ta’ garanziji, bħall-ajruplani ta’ DLH li huma liberi minn kwalunkwe piż, il-valur tagħhom u l-kundizzjonijiet ta’ self eventwali li jista’ jiġi ġġenerat fis-swieq finanzjarji bl-għoti ta’ tali garanziji.

124    Madankollu, dan huwa aspett importanti tal-kundizzjoni prevista fil-punt 49(c) tal-Qafas Temporanju. Fil-fatt, l-eżami tal-inkapaċità ta’ impriża li tiffinanzja lilha nnifisha fis-swieq taħt kundizzjonijiet raġonevoli jimplika li jiġi vverifikat b’mod partikolari jekk din l-impriża setgħetx toffri garanziji li jippermettulha jkollha aċċess għal tali finanzjament. Barra minn hekk, il-kundizzjonijiet ta’ tali finanzjament jiddependu, fost affarijiet oħrajn, mit-tip u mill-valur ta’ tali garanziji. Issa, xejn fid-deċiżjoni kkontestata ma jindika li l-Kummissjoni eżaminat dawn il-kwistjonijiet.

125    Min-naħa l-oħra, id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni, fil-punt 22 tad-deċiżjoni kkontestata, li permezz tagħha hija ppreċiżat li l-“garanziji”, mhux identifikati fid-deċiżjoni kkontestata, ma humiex suffiċjenti sabiex ikopru l-“ammont totali” tal-fondi neċessarji, hija bbażata fuq premessa żbaljata, li l-finanzjament li jista’ jiġi ġġenerat fis-swieq għandu neċessarjament ikopri l-bżonnijiet kollha tal-benefiċjarju.

126    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, bħalma għamlet Condor, li r-riferiment magħmul mill-Kummissjoni, fil-punt 22 tad-deċiżjoni kkontestata, għal ammont totali ta’ “EUR 9 biljun”, li DLH ma tistax issib fis-swieq, ma jikkorrispondix mal-ammont tal-miżura inkwistjoni, iddeterminat għal EUR 6 biljun (punt 26 tad-deċiżjoni kkontestata). Konsegwentement, u fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni bbażat id-dikjarazzjoni tagħha fuq ammont ogħla minn dak li huwa s-suġġett tal-miżura inkwistjoni, li jikkontesta l-bażi stess tal-eżami tagħha.

127    Barra minn hekk, la l-formulazzjoni, la l-għan u lanqas il-kuntest li minnu jifforma parti l-punt 49 (c) tal-Qafas Temporanju ma jsostnu t-teżi tal-Kummissjoni espressa fil-punt 22 tad-deċiżjoni kkontestata.

128    Fil-fatt, ma hemm xejn fil-formulazzjoni tal-punt 49(c) tal-Qafas Temporanju li jindika li l-benefiċjarju għandu jkun f’inkapaċità li jiffinanzja ruħu fis-swieq għall-bżonnijiet kollha tiegħu.

129    Fir-rigward tal-għan tal-punt 49(c) tal-Qafas Temporanju u l-kuntest li fih jinsab, għandu jiġi rrilevat li din il-kundizzjoni hija intiża sabiex tillimita l-intervent statali u, għaldaqstant, l-użu ta’ riżorsi pubbliċi għall-każijiet biss fejn il-benefiċjarju ma jkunx jista’ jsib finanzjament fis-swieq finanzjarji taħt kundizzjonijiet raġonevoli. Issa, dan l-għan ikun kompromess jekk ir-riżorsi pubbliċi kellhom jintefqu sabiex ikopru l-bżonnijiet kollha tal-impriża kkonċernata, minkejja li hija kienet kapaċi tiffinanzja lilha nnifisha, anki jekk għal parti mhux negliġibbli tal-bżonnijiet tagħha, fis-swieq.

130    Din il-konklużjoni hija kkorroborata kemm mill-punt 44 tal-Qafas Temporanju, li abbażi tiegħu l-miżuri ta’ rikapitalizzazzjoni ma għandhomx jaqbżu l-minimu neċessarju sabiex tiġi żgurata l-vijabbiltà tal-benefiċjarju, kif ukoll, b’mod iktar ġenerali, mill-prinċipju ġenerali ta’ proporzjonalità, li jeżiġi li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jaqbżux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imfittex (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑17 ta’ Mejju 1984, Denkavit Nederland, 15/83, EU:C:1984:183, punt 25, u tad‑19 ta’ Settembru 2018, HH Ferries et vs Il-Kummissjoni, T‑68/15, EU:T:2018:563, punt 144 u l-ġurisprudenza ċċitata).

131    Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali kellha l-okkażjoni tiddeċiedi li, billi il-Kummissjoni ppreżumiet li l-ebda istituzzjoni finanzjarja ma kienet ser tidħol garanti għal impriża f’diffikultà u, għaldaqstant, li l-ebda primjum ta’ garanzija ta’ referenza korrispondenti ma kien offrut fis-suq, hija naqset milli twettaq, b’mod partikolari, l-obbligu tagħha li tagħmel evalwazzjoni globali b’teħid inkunsiderazzjoni ta’ kull element rilevanti f’dan il-każ li jippermettilha tistabbilixxi jekk il-benefiċjarju manifestament ma kienx ikun kiseb il-finanzjament neċessarju fis-swieq (ara, f’dan is-sens, u b’analoġija, is-sentenzi tat‑12 ta’ Marzu 2020, Elche Club de Fútbol vs Il-Kummissjoni, T‑901/16, EU:T:2020:97, punt 132, u Valencia Club de Fútbol vs Il-Kummissjoni, T‑732/16, EU:T:2020:98, punt 134). Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni ma tistax tippreżumi, mingħajr ma ssostni l-konstatazzjonijiet tagħha b’mod suffiċjenti fid-dritt, li impriża, bħall-benefiċjarju f’dan il-każ, ma għandhiex aċċess għas-swieq finanzjarji.

132    Issa, f’dan il-każ, il-Kummissjoni naqset milli teżamina jekk il-benefiċjarju setax jimmobilizza parti mhux negliġibbli tal-finanzjament neċessarju fis-swieq. Għaldaqstant, hija ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha għall-finijiet tal-eżami tal-kundizzjoni prevista fil-punt 49(c) tal-Qafas Temporanju.

133    L-ebda wieħed mill-argumenti mressqa mill-Kummissjoni ma jikkontesta din il-konklużjoni.

134    L-ewwel, l-argument tal-Kummissjoni li kien impossibbli għal DLH li ssib finanzjament eventwali fis-swieq, inkluż bl-għoti tal-garanziji msemmija fil-punti 118 u 119 iktar ’il fuq, f’qasir żmien u f’kuntest finanzjarju kkaratterizzat mill-pandemija tal-COVID-19, ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, minn naħa, mid-deċiżjoni kkontestata ma jirriżultax li l-Kummissjoni eżaminat il-perijodi ta’ żmien li fihom eventwali finanzjament fis-swieq seta’ jingħata fuq il-bażi tal-għoti tal-imsemmija garanziji. Min-naħa l-oħra, skont id-dikjarazzjoni tad-Direttur Finanzjarju ta’ DLH, tad‑19 ta’ Marzu 2020, il-grupp Lufthansa “kien ippreparat sew sabiex jaffaċċja sitwazzjoni ta’ kriżi straordinarja bħall- [kriżi tal-COVID-19]”, b’mod partikolari, peress li dan tal-aħħar kellu “86 % tal-flotta tal-Grupp, li [kienet] fil-parti l-kbira tagħha libera minn kwalunkwe piż u [kellha] valur kontabbli ta’ madwar EUR 10 biljun”. Barra minn hekk, ir-rapport Oxera I jieħu inkunsiderazzjoni tnaqqis sinjifikattiv fil-valur tal-garanziji tagħha preċiżament minħabba l-imsemmija pandemija.

135    It-tieni, il-Kummissjoni tilmenta li r-rikorrenti ma wrewx li DLH setgħet tikseb tali finanzjament fis-swieq “taħt kundizzjonijiet raġonevoli”. Madankollu, hija l-Kummissjoni li għandha turi, kif jeżiġi l-punt 49(c) tal-Qafas Temporanju, li l-benefiċjarju ma jistax jiffinanzja lilu nnifsu fis-swieq taħt kundizzjonijiet raġonevoli. Fil-fatt, rikorrent ma jistax jiġi mġiegħel iwettaq kompiti li, proprjament, jagħmlu parti mill-investigazzjoni u mill-istruttorja tal-kawża (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tad‑9 ta’ April 2019, Qualcomm u Qualcomm Europe vs Il-Kummissjoni, T‑371/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:232, punt 171). Issa, f’dan il-każ, id-deċiżjoni kkontestata bl-ebda mod ma eżaminat taħt liema kundizzjonijiet il-benefiċjarju seta’, skont il-każ, jikseb finanzjament fis-swieq abbażi tal-għoti tal-garanziji msemmija iktar ’il fuq.

136    Barra minn hekk, bħalma targumenta Ryanair, l-argument tal-Kummissjoni jimponi fuqha oneru ta’ prova mhux raġonevoli billi teżiġi minnha, fir-realtà, li tipproduċi offerta ta’ finanzjament privat indirizzata lil DLH għall-istabbiliment tal-kundizzjonijiet li abbażi tagħhom tali finanzjament kien jingħatalha. Issa, ir-rikorrent ma jistax jiġi impost fuqu oneru tal-prova mhux raġonevoli (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2008, Huvis vs Il-Kunsill, T‑221/05, mhux ippubblikata, EU:T:2008:258, punt 78).

137    Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-konformità tal-miżura inkwistjoni mal-punt 49(c) tal-Qafas Temporanju.

138    Konsegwentement, l-ilment ta’ Ryanair ibbażat fuq il-ksur tal-punt 49(c) tal-Qafas Temporanju għandu jintlaqa’ kif ukoll, konsegwentement, u iktar u iktar, dak ta’ Condor ibbażat fuq l-eżistenza ta’ dubji serji f’dan ir-rigward, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġu eżaminati l-argumenti l-oħra tagħhom imressqa fil-kuntest ta’ din l-istess kwistjoni.

3.      Fuq leżistenza ta’ miżuri oħra iktar xierqa u li joħolqu inqas distorsjonijiet talkompetizzjoni

139    Ryanair issostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni kisret il-punt 53 tal-Qafas Temporanju sa fejn hija naqset milli teżamina jekk il-miżura inkwistjoni kinitx l-iktar waħda xierqa u li toħloq l-inqas distorsjoni tal-kompetizzjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni ma pparagunatx l-istrumenti ta’ rikapitalizzazzjoni disponibbli u ma analizzatx id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni li nħolqu mill-miżura inkwistjoni jew minn “strumenti oħra ta’ għajnuna possibbli”.

140    Il-Kummissjoni, sostnuta minn DLH, tikkontesta l-argument ta’ Ryanair.

141    Il-punt 3.11.3 tal-Qafas Temporanju, intitolat “Tipi ta’ miżuri ta’ rikapitalizzazzjoni”, jinkludi l-punti 52 u 53. Il-punt 52 jelenka l-miżuri ta’ rikapitalizzazzjoni li l-Istati Membri jistgħu jieħdu fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19, jiġifieri l-istrumenti ta’ ekwità, b’mod partikolari l-ħruġ ta’ azzjonijiet ordinarji jew privileġġati ġodda, u l-istrumenti mogħnija b’komponent ta’ ekwità (imsejħa “strumenti kapitali ibridi”), b’mod partikolari l-klawżoli ta’ qsim tal-profitti, il-holdings passivi u l-bonds konvertibbli ggarantiti jew mhux iggarantiti.

142    Il-paragrafu 53 tal-Qafas Temporanju jippreċiża dan li ġej:

“L-intervent tal-Istat jista’ jieħu l-forma ta’ kwalunkwe varjazzjoni [ta’ dawn] l-istrumenti, jew taħlita ta’ strumenti ta’ ekwità u kapitali ibridi. […] L-Istat Membru jrid jiżgura li l-istrumenti ta’ rikapitalizzazzjoni magħżula u l-kundizzjonijiet mehmuża magħhom ikunu xierqa biex jindirizzaw il-ħtiġijiet ta’ rikapitalizzazzjoni tal-benefiċjarju, filwaqt li fl-istess ħin ikunu l-inqas ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni.”

143    Fil-punti 104 sa 108 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddeskriviet il-miżura ta’ rikapitalizzazzjoni inkwistjoni, filwaqt li spjegat li din kienet taħlita bejn ekwità u ta’ strumenti ibridi. Hija rrilevat, b’mod partikolari, li l-holding passiva kienet strument flessibbli fir-rigward tal-holding tas-sieħeb taċitu fil-profitti u fit-telf tal-benefiċjarju jew fit-teħid ta’ deċiżjoni minnu. Il-Kummissjoni spjegat ukoll li l-FIE u DLH ma kellhomx interess li l-parti tal-kapital miżmuma mill-FIE taqbeż l‑20 %, u għalhekk huma kienu għażlu l-istruttura speċifika tar-rikapitalizzazzjoni inkwistjoni. Skont il-Kummissjoni, it-taħlita tal-istrumenti magħżula tippermetti l-istabbiliment mill-ġdid tal-istruttura tal-kapital ta’ DLH u l-integrazzjoni mill-ġdid tagħha fis-swieq tal-kapital fl-iqsar żmien possibbli, filwaqt li tillimita l-parteċipazzjoni tal-Istat għall-minimu neċessarju sabiex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Ġermanja mingħajr ma jittieħed il-kontroll ta’ DLH.

144    F’dan il-każ, bħall-Kummissjoni, għandu jiġi enfasizzat li miżura ta’ rikapitalizzazzjoni u l-kundizzjonijiet marbuta magħha jistgħu jitqiesu xierqa sabiex jissodisfaw il-bżonnijiet ta’ rikapitalizzazzjoni tal-benefiċjarju kkonċernat, filwaqt li joħolqu l-inqas distorsjoni tal-kompetizzjoni, fis-sens tal-punt 53 tal-Qafas Temporanju, peress li jissodisfaw id-diversi rekwiżiti previsti għal dan il-għan f’dan il-qafas u relatati mal-ammont tar-rikapitalizzazzjoni, mar-remunerazzjoni u mal-ħruġ mill-Istat, mal-governanza u mal-prevenzjoni tad-distorsjonijiet indebiti tal-kompetizzjoni u mal-istrateġija ta’ ħruġ mill-Istat tal-holding li jirriżulta mir-rikapitalizzazzjoni. Fil-fatt, ir-riferiment, fil-punt 53 tal-Qafas Temporanju, għall-“kundizzjonijiet mehmuża [mal-miżura inkwistjoni]” jipprevedi rekwiżiti, bħal dawk imsemmija fis-sentenza preċedenti, li għandhom preċiżament l-għan li jiggarantixxu li l-miżura inkwistjoni u l-kundizzjonijiet marbuta magħha ma jaqbżux dak li huwa xieraq sabiex jiġu ssodisfatti l-bżonnijiet ta’ rikapitalizzazzjoni tal-benefiċjarju kkonċernat, filwaqt li joħolqu l-inqas distorsjoni tal-kompetizzjoni. Għalhekk, jekk ir-rekwiżiti msemmija iktar ’il fuq ikunu ssodisfatti, l-istrument ta’ rikapitalizzazzjoni magħżul għandu jitqies li huwa konformi mal-punt 53 tal-Qafas Temporanju.

145    Għaldaqstant, dan l-ilment ma għandux kontenut awtonomu meta mqabbel mal-argumenti li Ryanair tqajjem fil-kuntest tal-partijiet l-oħra tal-ewwel motiv tagħha, li jikkonċernaw uħud mir-rekwiżiti l-oħra msemmija fil-punt 144 iktar ’il fuq, jiġifieri, l-ammont tar-rikapitalizzazzjoni (it-tielet parti tal-ewwel motiv), ir-remunerazzjoni u l-ħruġ tal-Istat (ir-raba’ parti tal-ewwel motiv) kif ukoll il-governanza u l-prevenzjoni tad-distorsjonijiet indebiti tal-kompetizzjoni (il-ħames u s-sitt parti tal-ewwel motiv). Għaldaqstant, il-fondatezza ta’ dan l-ilment tiddependi fuq l-analiżi ta’ dawn il-partijiet l-oħra, eżaminati iktar ’il quddiem.

146    Sa fejn, fir-replika u waqt is-seduta, Ryanair tidher ukoll li tilmenta li l-Kummissjoni naqset milli teżamina jekk tip ieħor ta’ miżura ta’ għajnuna minbarra r-rikapitalizzazzjoni kienx ikun iktar xierqa u kienx joħloq inqas distorsjonijiet tal-kompetizzjoni, għandu jiġi kkonstatat, bla ħsara għall-ammissibbiltà ta’ dan l-argument, li dan huwa wisq ġenerali u astratt. Fil-fatt, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, Ryanair sempliċement irreferiet għal “strumenti oħra ta’ għajnuna possibbli”, mingħajr madankollu ma spjegat liema huma eżattament dawn l-istrumenti l-oħra u r-raġunijiet għalfejn dawn huma iktar xierqa u joħolqu inqas distorsjonijiet tal-kompetizzjoni mill-miżura kkomunikata. Waqt is-seduta, Ryanair indikat li, fil-fehma tagħha, il-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni “is-sensiela kollha tal-alternattivi possibbli” u tal-“għażliet kollha disponibbli”, filwaqt li ssemmi, mingħajr iktar spjegazzjonijiet, is-self intermedjarju jew is-self għal żmien qasir bħala alternattivi għall-miżura kkomunikata.

147    Madankollu, skont il-ġurisprudenza, il-Kummissjoni ma għandhiex għalfejn tiddeċiedi dwar kwalunkwe miżura oħra ta’ għajnuna possibbli. Fil-fatt, hija ma hijiex obbligata turi, b’mod pożittiv, li l-ebda miżura oħra ta’ għajnuna immaġinabbli, ipotetika mid-definizzjoni tagħha stess, ma hija iktar xierqa u toħloq inqas distorsjonijiet tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas‑6 ta’ Mejju 2019, Scor vs Il-Kummissjoni, T‑135/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:287, punt 94 u l-ġurisprudenza ċċitata).

148    Madankollu, kif tenfasizza Ryanair, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, meta jkun hemm għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tittieħed dik l-inqas oneruża u l-inkonvenjenti kkawżati minnha ma għandhomx ikunu sproporzjonati fid-dawl tal-għanijiet intiżi (ara s-sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2013, Sky Österreich, C‑283/11, EU:C:2013:28, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, f’dan il-każ, xejn ma jindika li l-Kummissjoni kienet affaċċjata b’għażla bejn diversi miżuri xierqa, fis-sens ta’ din il-ġurisprudenza.

149    Għaldaqstant, il-parti tal-argument eventwalment imressqa minn Ryanair u indikata fil-qosor fil-punt 146 iktar ’il fuq għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

4.      Fuq lammont talgħajnuna

150    Ryanair, fil-kuntest tat-tielet parti tal-ewwel motiv tagħha, tqajjem, essenzjalment, tliet ilmenti dwar l-ammont tal-għajnuna, relatati, l-ewwel wieħed, mal-interpretazzjoni tal-punt 54 tal-Qafas Temporanju; it-tieni wieħed, mal-applikazzjoni tal-imsemmi punt f’dan il-każ, u, it-tielet wieħed, ma’ ċerti dikjarazzjonijiet pubbliċi ta’ DLH. Dan l-aħħar ilment u lment analogu mqajjem minn Condor fil-kuntest tat-tieni parti tal-ewwel motiv tagħha jikkoinċidu.

a)      Fuq linterpretazzjoni talpunt 54 tal-Qafas Temporanju

151    Ryanair issostni li l-Kummissjoni assimilat b’mod żbaljat il-kunċett ta’ vijabbiltà tal-benefiċjarju, fis-sens tal-punt 54 tal-Qafas Temporanju, mal-aċċess tiegħu għas-swieq tal-kapital, b’tali mod li naqset milli tevalwa l-prospetti tagħha ta’ ritorn għall-profittabbiltà kif ukoll il-miżuri interni li DLH setgħet tadotta għal dan il-għan. B’riferiment għal-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturazzjoni ta’ impriżi mhux finanzjarji f’diffikultà (ĠU 2014, C 249, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturazzjoni), il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Linji Gwida fuq ir-ritorn għall-vijabbiltà u l-valutazzjoni ta’ miżuri ta’ ristrutturar fis-settur finanzjarju fil-kriżi attwali taħt ir-regoli tal-għajnuna mill-Istat (ĠU 2009, C 195, p. 9) u għall-komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata “L-applikazzjoni ta’ regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għal miżuri meħuda fejn jidħlu istituzzjonijiet finanzjarji fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja preżenti” (ĠU 2008, C 270, p. 8) (iktar ’il quddiem, flimkien, il-“komunikazzjonijiet applikabbli fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja”), Ryanair tqis li l-Kummissjoni ma evalwatx ir-ritorn għall-profitabbiltà ta’ DLH abbażi tal-pjan tan-negozju tagħha u abbażi ta’ xenarju bażi u xenarju negattiv.

152    Il-Kummissjoni, sostnuta minn DLH, tikkontesta l-argument ta’ Ryanair.

153    Skont il-punt 54 tal-Qafas Temporanju, sabiex tiġi ggarantita l-proporzjonalità tal-għajnuna, l-ammont tar-rikapitalizzazzjonijiet fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 ma għandux jaqbeż il-minimu neċessarju sabiex tiġi żgurata l-vijabbiltà tal-benefiċjarju kkonċernat u għandu jillimita ruħu li jistabbilixxi mill-ġdid l-istruttura tal-kapital li kienet dik tal-imsemmi benefiċjarju qabel it-tifqigħa tal-COVID-19, jiġifieri li tikkorrispondi għas-sitwazzjoni fil‑31 ta’ Diċembru 2019.

154    Ryanair u l-Kummissjoni ma jaqblux fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk, sabiex jiġi vverifikat jekk il-miżura inkwistjoni taqbiżx il-minimu neċessarju sabiex tiġi żgurata l-“vijabbiltà” tal-benefiċjarju kkonċernat, il-Kummissjoni għandhiex teżamina jekk din tippermettix ir-ritorn tal-imsemmi benefiċjarju għall-profitabbiltà.

155    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-punt 54 tal-Qafas Temporanju ma jagħmel ebda riferiment għall-profitabbiltà tal-benefiċjarju kkonċernat.

156    Barra minn hekk, diversi siltiet tal-Qafas Temporanju juru li l-għan prinċipali tal-miżuri ta’ għajnuna previsti huwa, essenzjalment, li jiġi ggarantit lill-benefiċjarji kkonċernati li l-bżonnijiet tagħhom f’termini ta’ likwidità jkunu koperti sabiex tiġi żgurata t-tkomplija tal-operazzjonijiet tagħhom matul u wara l-pandemija tal-COVID-19. Għalhekk, mill-punt 9 ta’ dan il-qafas jirriżulta li għajnuna pubblika mmirata sew hija neċessarja “biex jiġi żgurat li s-swieq ikollhom biżżejjed likwidità”, u “biex l-attività ekonomika tinżamm għaddejja matul u wara t-tifqigħa tal-COVID-19” Bl-istess mod, skont il-punt 11 tal-imsemmi qafas, dan “[j]istabbilixxi possibbiltajiet tal-Istati Membri taħt ir-regoli tal-UE biex jiżguraw il-likwidità u l-aċċess għall-finanzjament min-naħa tal-impriżi, […] li jħabbtu wiċċhom ma’ tnaqqis ħabta u sabta matul dan il-perjodu sabiex jitpoġġew f’pożizzjoni li jirkupraw mis-sitwazzjoni ta’ bħalissa”. Il-punt 18 tal-Qafas Temporanju jipprevedi, min-naħa tiegħu, “l-għajnuna mill-Istat tkun iġġustifikata […] għal perjodu limitat, fejn tintuża biex tirrimedja tnaqqis tal-likwidità għall-impriżi u biex jiġi żgurat li t-tħarbit ikkawżat mit-tifqigħa tal-COVID-19 ma jimminax il-vijabbiltà tagħhom, speċjalment tal-SMEs.”

157    L-għan tal-Qafas Temporanju ma huwiex għalhekk li jiġi stabbilit mill-ġdid ir-“redditu” jew il-profitabbiltà tal-benefiċjarju jew li jiġi żgurat li dan isir profittabbli permezz tal-għajnuna, iżda biss li tiġi ggarantita l-kontinwità operattiva tiegħu matul u wara l-pandemija tal-COVID-19 bl-istabbiliment mill-ġdid, b’mod partikolari, tal-istruttura tal-kapital kif kienet qabel il-bidu tal-pandemija.

158    Għaldaqstant, il-punt 54 tal-Qafas Temporanju għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ammont tar-rikapitalizzazzjoni għandu jkun limitat għall-minimu neċessarju sabiex jiġi ggarantit li l-benefiċjarju jibqa’ operattiv matul u wara l-pandemija tal-COVID-19, bl-istabbiliment mill-ġdid tal-ġdid l-istruttura tal-kapital tiegħu qabel l-imsemmija kriżi, jiġifieri dik korrispondenti għas-sitwazzjoni fil‑31 ta’ Diċembru 2019.

159    Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argumenti ta’ Ryanair ibbażati fuq analoġija mal-linji gwida li jikkonċernaw l-għajnuna għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni jew il-komunikazzjonijiet applikabbli fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja. Fil-fatt, tali analoġija ma hijiex iġġustifikata.

160    L-ewwel, l-analoġija mal-komunikazzjonijiet applikabbli fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja tal-2008 ma hijiex xierqa, għaliex, kif tfakkar il-Kummissjoni, din il-kriżi kienet ikkawżata, tal-inqas parzjalment, mir-riskji eċċessivi meħuda minn ċerti istituzzjonijiet finanzjarji, b’differenza mill-pandemija tal-COVID-19, li hija kriżi sanitarja.

161    It-tieni, l-analoġija mal-linji gwida li jikkonċernaw l-għajnuna għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni, li permezz tagħha Ryanair tfittex li timponi fuq il-Kummissjoni obbligu li tivverifika jekk il-benefiċjarju adottax miżuri interni intiżi sabiex inaqqsu l-assi u t-tranżazzjonijiet tiegħu, għandha wkoll tiġi miċħuda. Fil-fatt, fil-kuntest tal-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni, l-għan tal-appoġġ mill-Istat huwa li jirrimedja d-diffikultajiet interni preeżistenti tal-benefiċjarju kkonċernat, li jikkostitwixxi “impriża f’diffikultà”. Għalhekk, għajnuna għas-salvataġġ hija intiża sabiex tippermetti l-kontinwità operattiva tal-imsemmi benefiċjarju matul il-perijodu qasir neċessarju għat-tfassil ta’ pjan ta’ ristrutturazzjoni jew ta’ stralċ, li ġeneralment jippreżupponi tnaqqis tal-attività kkonċernata jew il-waqfien tagħha (punti 26 sa 30 tal-linji gwida dwar l-għajnuna għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni). Għall-kuntrarju, il-benefiċjarju ta’ għajnuna għar-rikapitalizzazzjoni fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 ma kellu l-ebda rwol fl-avvenimenti li ppreġudikaw il-vijabbiltà tiegħu u għalhekk mhux bilfors ikollu bżonn ta’ ristrutturazzjoni sabiex jegħleb id-diffikultajiet temporanji tiegħu kkawżati mill-pandemija tal-COVID-19.

162    Konsegwentement, dan l-ilment għandu jiġi miċħud bħala infondat.

b)      Fuq lapplikazzjoni talpunt 54 tal-Qafas Temporanju f’dan il-każ

163    Ryanair issostni li l-Kummissjoni wettqet diversi żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni relatati mal-kalkolu tal-ammont tal-għajnuna neċessarja sabiex tiġi żgurata l-vijabbiltà ta’ DLH.

164    Qabel ma jiġu eżaminati dawn l-argumenti, ikkontestati mill-Kummissjoni u DLH, għandhom jinġabru fil-qosor il-motivi tad-deċiżjoni kkontestata, li abbażi tagħhom il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li l-miżura inkwistjoni kienet konformi mal-punt 54 tal-Qafas Temporanju.

165    Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni kkonstatat, fil-punti 122 u 123 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-grupp Lufthansa kellu bilanċ finanzjarju pożittiv ta’ EUR 2 jew 3 biljun fil‑31 ta’ Diċembru 2019 (jiġifieri qabel il-pandemija tal-COVID-19). Fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-grupp Lufthansa kien jipprevedi bilanċ finanzjarju negattiv fil‑31 ta’ Diċembru 2020. Wara r-rikapitalizzazzjoni prevista, kien previst li l-bilanċ finanzjarju tal-imsemmi grupp jiżdied sabiex jilħaq EUR 1 jew 2 biljun fil‑31 ta’ Diċembru 2020.

166    Fit-tieni lok, il-Kummissjoni eżaminat, fil-punti 124 sa 126 tad-deċiżjoni kkontestata, l-effett tal-miżura inkwistjoni fuq il-proporzjon tad-dejn nett mal-ekwità tal-grupp Lufthansa u pparagunah mal-proporzjon tad-dejn mal-ekwità ta’ kampjun ta’ kumpanniji tal-ajru paragunabbli, fuq il-bażi tas-sitwazzjoni fil‑31 ta’ Diċembru 2019. Minn dan hija kkonkludiet li l-proporzjon tad-dejn mal-ekwità previst mill-grupp Lufthansa fil‑31 ta’ Diċembru 2020 wara r-rikapitalizzazzjoni kien ikun nettament ogħla fit-tielet kwartil mill-proporzjon tal-kumpanniji li kienu jiffurmaw parti mill-kampjun fil‑31 ta’ Diċembru 2019.

167    Fit-tielet lok, il-Kummissjoni rrilevat li l-analiżi tagħha kienet ikkorroborata mill-evoluzzjoni tal-proporzjon tad-dejn dinamiku (dyamic gearing ratio), jiġifieri r-relazzjoni bejn l-passiv finanzjarju nett u l-profitti qabel l-interessi, it-taxxi u d-deprezzament (Earnings Before Interest, Taxes, Depreciation and Amortization, EBITDA) tal-grupp Lufthansa.

1)      Fuq innatura xierqa talproporzjon taddejn malekwità

168    Ryanair issostni, essenzjalment, li huwa b’mod żbaljat li l-Kummissjoni evalwat l-effett tal-miżura inkwistjoni fuq il-pożizzjoni finanzjarja ta’ DLH unikament abbażi tal-iżvilupp prevedibbli tal-proporzjon tad-dejn nett mal-ekwità, minflok abbażi tal-evalwazzjoni ta’ sensiela ta’ parametri finanzjarji rilevanti oħra. Fil-fatt, l-imsemmi proporzjon ġeneralment ma jitteħidx inkunsiderazzjoni mill-aġenziji ta’ klassifikazzjoni sabiex jevalwaw is-solvenza tal-kumpanniji tal-ajru.

169    Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

170    Kif jirriżulta mill-punt 166 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni analizzat l-effett tal-miżura inkwistjoni fuq il-proporzjon ta’ dejn mal-ekwità tal-grupp Lufthansa sabiex tivverifika li din il-miżura ma taqbiżx il-minimu neċessarju sabiex tiġi żgurata l-vijabbiltà tal-benefiċjarju. B’mod partikolari, l-evalwazzjoni tal-effett tal-miżura inkwistjoni fuq l-imsemmi proporzjon għandu l-għan li jevalwa l-iżvilupp mistenni tal-klassifikazzjoni ta’ kreditu ta’ DLH wara r-rikapitalizzazzjoni prevista. Fil-fatt, l-aċċess għas-swieq ta’ finanzjament ta’ din tal-aħħar jiddependi, sa ċertu punt, minn din il-klassifikazzjoni. Għalhekk tqum il-kwistjoni dwar jekk il-proporzjon ta’ dejn mal-ekwità jikkostitwixxix parametru finanzjarju xieraq sabiex wieħed ibassar l-iżvilupp, wara l-miżura inkwistjoni, tal-klassifikazzjoni ta’ kreditu tal-benefiċjarju.

171    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li d-determinazzjoni u l-analiżi tal-indikaturi ekonomiċi rilevanti sabiex jiġi evalwat jekk l-għajnuna inkwistjoni taqbiżx il-minimu neċessarju sabiex tiġi żgurata l-vijabbiltà tal-benefiċjarju kkonċernat tinvolvi evalwazzjoni ekonomika kumplessa. Għalhekk, l-istħarriġ ġudizzjarju tagħhom huwa limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli ta’ proċedura u ta’ motivazzjoni, kif ukoll tal-eżattezza materjali tal-fatti u l-assenza ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti u ta’ użu ħażin ta’ poter.

172    Il-partijiet jaqblu li l-proporzjon ta’ dejn mal-ekwità jiddeskrivi l-istruttura tal-kapital ta’ impriża. Dan il-proporzjon jindika, b’mod partikolari, il-proporzjon relattiv tad-dejn u tal-ekwità użat għall-finanzjament tal-attivitajiet ta’ impriża u, għalhekk, il-livell ta’ dejn tagħha. Għalhekk, proporzjon għoli tad-dejn mal-ekwità jirrifletti dejn kbir tal-impriża, filwaqt li proporzjon baxx tad-dejn mal-ekwità jindika livell ta’ dejn limitat. Bħala regola ġenerali, impriża li l-proporzjon tad-dejn mal-ekwità tagħha huwa għoli titqies li tippreżenta riskju ogħla għal min jislef u għall-investituri.

173    Issa, l-argumenti ta’ Ryanair ma humiex ta’ natura li juru li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta bbażat l-analiżi tagħha b’mod partikolari fuq l-imsemmi proporzjon. Fil-fatt, għalkemm Ryanair issostni li l-aġenziji ta’ klassifikazzjoni kienu “normalment” jeżaminaw proporzjonijiet oħra, bħall-proporzjon bejn il-passiv finanzjarju u l-EBITDA, il-proporzjonijiet ta’ dħul, likwidità u solvenza, il-cash burn (ammont totali ta’ likwidata użata fuq numru ta’ xhur) kif ukoll indizji kwalitattivi bħall-profil tal-impriża, il-politika finanzjarja u s-saħħa kompetittiva, fit-tweġiba tagħha għall-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, hija speċifikat li, fis-settur tal-ajru, il-proporzjon tad-dejn mal-ekwità kien jindika “b’mod limitat” il-livell tad-dejn ta’ impriża. Barra minn hekk, hija spjegat li l-proporzjon tad-dejn nett mal-ekwità, minn naħa, u l-proporzjonijiet tad-dejn nett mal-EBITDA u tad-dejn mad-dħul, min-naħa l-oħra, setgħu jipprovdu indikazzjonijiet utli dwar is-saħħa finanzjarja ta’ impriża. Għalhekk, Ryanair stess tidher li tirrikonoxxi li l-proporzjon tad-dejn mal-ekwità ma huwiex kompletament irrilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-effett tal-miżura inkwistjoni fuq is-solvenza tal-benefiċjarju.

174    Barra minn hekk, mit-tweġiba tal-Kummissjoni għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jirriżulta li l-istruttura tal-kapital ta’ impriża tittieħed inkunsiderazzjoni mill-aġenziji ta’ klassifikazzjoni u li, għal dan il-għan, dawn jieħdu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari tal-proporzjon tad-dejn nett mal-ekwità. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tirreferi għal diversi sorsi online provenjenti mill-aġenziji ta’ klassifikazzjoni.

175    Abbażi tal-atti tal-proċess li għandha l-Qorti Ġenerali, jidher fil-fatt li, sabiex tiġi evalwata l-klassifikazzjoni ta’ kreditu ta’ impriża partikolari, l-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu jieħdu inkunsiderazzjoni numru kbir ta’ parametri finanzjarji u li kull aġenzija tista’ tirrikorri għal parametri differenti, b’tali mod li ma teżistix lista uniformi ta’ parametri universali segwita. Minn dan jirriżulta, barra minn hekk, li l-proporzjon tad-dejn nett mal-ekwità jista’ jikkostitwixxi wieħed mill-parametri meħuda inkunsiderazzjoni minn ċerti aġenziji ta’ klassifikazzjoni.

176    Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-proporzjon tad-dejn nett mal-ekwità kienx l-iktar xieraq sabiex jitkejjel l-impatt mistenni tar-rikapitalizzazzjoni fuq il-klassifikazzjoni ta’ kreditu tal-benefiċjarju u jekk il-Kummissjoni kellhiex, barra minn hekk, tieħu inkunsiderazzjoni parametri oħra, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat, bħalma għamlet il-Kummissjoni, li din tal-aħħar analizzat ukoll l-impatt tagħha fuq il-proporzjon tad-dejn dinamiku, li jirrappreżenta l-proporzjon bejn id-dejn nett u l-EBITDA, kif il-partijiet ikkonfermaw waqt is-seduta. Issa, il-proporzjon tad-dejn dinamiku huwa proporzjon ta’ kopertura (coverage ratio) u, skont Ryanair stess, il-proporzjonijiet ta’ kopertura jintużaw b’mod wiesa’ mill-aġenziji ta’ klassifikazzjoni.

177    Għaldaqstant, Ryanair ma wrietx li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta adottat il-proporzjon tad-dejn nett mal-ekwità u dak tad-dejn dinamiku bħala punti ta’ riferiment sabiex tevalwa jekk il-miżura inkwistjoni kinitx taqbeż il-minimu neċessarju sabiex tiġi żgurata l-vijabbiltà tal-benefiċjarju.

2)      Fuq ilkampjun ta’ kumpanniji talajru

178    Kif tfakkar fil-punt 166 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni, sussegwentement, ipparagunat il-proporzjon tad-dejn mal-ekwità ta’ DLH mistenni wara r-rikapitalizzazzjoni tagħha ma’ dak ta’ kampjun ta’ għaxar kumpanniji tal-ajru kif kien fil‑31 ta’ Diċembru 2019, li erba’ minnhom kellhom klassifikazzjoni ta’ kreditu bejn B+ u BBB. Minn dan il-Kummissjoni kkonkludiet li l-proporzjon mistenni ta’ DLH kien nettament ogħla minn dak li jirriżulta mit-tielet kwartil tad-distribuzzjoni tal-proporzjon tal-kumpanniji li jiffurmaw parti mill-kampjun, jiġifieri l-kumpanniji bl-agħar prestazzjoni.

179    Ryanair tikkontesta din id-dikjarazzjoni. Fir-replika, hija ssostni, billi tirreferi għal rapporti ta’ ċerti aġenziji ta’ klassifikazzjoni, li sitta, jew ħamsa, skont it-tweġiba tagħha għall-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, tal-kumpanniji tal-ajru inklużi fil-kampjun kellhom klassifikazzjoni ta’ kreditu ogħla jew ftit inqas mill-kategorija “investiment”. Għalhekk, skont Ryanair, l-approċċ segwit fid-deċiżjoni kkontestata ma jistax jiġi kkunsidrat li huwa prudenti u ma setax jiġi eskluż li ammont iżgħar ta’ għajnuna seta’ kien suffiċjenti sabiex jerġa’ jiġi stabbilit mill-ġdid l-aċċess ta’ DLH għas-swieq tal-kapital qabel tmiem is-sena 2020.

180    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li dan l-ilment huwa invokat tardivament u huwa, għaldaqstant, inammissibbli. Għalhekk, skont l-Artikolu 84(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, l-invokazzjoni ta’ motivi ġodda matul istanza hija pprojbita, sakemm dan dawn il-motivi ma jkunux ibbażata fuq punti ta’ liġi u ta’ fatt li joħorġu matul il-proċedura. Madankollu, motiv jew argument, li jikkostitwixxi estensjoni ta’ motiv invokat preċedentement, direttament jew impliċitament, fir-rikors promotur u li jkun marbut mill-qrib ma’ dan il-motiv għandu jiġi ddikjarat ammissibbli (ara s-sentenza tal‑11 ta’ Marzu 2020, Il-Kummissjoni vs Gmina Miasto Gdynia u Port Lotniczy Gdynia Kosakowo, C‑56/18 P, EU:C:2020:192, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).

181    F’dan il-każ, peress li Ryanair ma ressqet l-ebda argument fir-rikors f’dak li jirrigwarda l-karatteristiċi tal-kumpanniji li jiffurmaw parti mill-kampjun, dan l-argument, imressaq għall-ewwel darba fir-replika, ma jistax jiġi kkunsidrat li huwa amplifikazzjoni ta’ argument imressaq preċedentement, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq.

182    F’dawn iċ-ċirkustanzi, dan l-ilment għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

183    Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni kkonkludiet li l-proporzjoni tad-dejn nett mal-ekwità previst mill-grupp Lufthansa fil‑31 ta’ Diċembru 2020 wara r-rikapitalizzazzjoni ta’ DLH kien nettament ogħla mit-tielet kwartil tal-proporzjon tal-kumpanniji tal-ajru li kienu inklużi fil-kampjun fil‑31 ta’ Diċembru 2019. Minn dan jirriżulta li, wara l-miżura inkwistjoni, il-proporzjon tad-dejn nett mal-ekwità tal-benefiċjarju kkonċernat huwa dejjem kunsiderevolment agħar minn dak tal-kumpanniji bl-agħar prestazzjoni. Għalhekk, il-bażi tal-paragun adottata mill-Kummissjoni kienet prudenti, jew saħansitra konservattiva. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-punt dwar jekk erbgħa, kif ikkonstatat il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, jew inkella ħamsa jew sitta, kif tallega Ryanair, mill-kumpanniji tal-ajru li jagħmlu parti minn dan il-kampjun kellhomx klassifikazzjoni ta’ kreditu bejn B+ u BBB fil‑31 ta’ Diċembru 2019 ma jistax ikollu effett deċiżiv fuq il-konklużjoni li waslet għaliha l-Kummissjoni. Għaldaqstant, dan l-ilment huwa, fi kwalunkwe każ, infondat.

3)      Fuq ilklassifikazzjoni ta’ kreditu neċessarju għallaċċess għasswieq finanzjarji

184    Fil-punt 125 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li klassifikazzjoni ta’ kreditu BBB kienet “normalment ikkunsidrata bħala l-marka minima li tippermetti lil impriża taċċedi faċilment għall-finanzjamenti tas-suq”. Fil-punt 127 tal-imsemmija deċiżjoni, hija spjegat li DLH kienet qegħda tistenna li tidħol mill-ġdid fil-kategorija “investiment” f’data mhux magħrufa fil-futur. Minn dan il-Kummissjoni kkonkludiet li r-rikapitalizzazzjoni kienet tippermetti lil DLH taffaċċja l-effetti negattivi tal-pandemija tal-COVID-19 u li tagħtiha mill-ġdid aċċess għas-swieq finanzjarji.

185    Ryanair issostni li klassifikazzjoni ta’ kreditu BBB ma tikkostitwixxix il-limitu minimu għall-benefiċjarju sabiex jikseb aċċess għas-swieq finanzjarji. Fil-fatt, anki klassifikazzjoni inferjuri għaliha kienet tippermetti lill-benefiċjarju jaċċedi għall-imsemmija kuntratti. Għaldaqstant, billi adottat punt ta’ referenza mhux xieraq, il-Kummissjoni ssopravalutat l-ammont tal-għajnuna neċessarja.

186    F’dan ir-rigward, mir-rapport Oxera I jirriżulta li klassifikazzjoni ta’ kreditu BBB hija ogħla minn dik li l-investituri normalment jeżiġu sabiex il-kumpanniji tal-ajru jimmobilizzaw fondi fis-swieq finanzjarji. Dan ir-rapport jispjega li, qabel il-pandemija tal-COVID-19, studju mwettaq fuq kampjun ta’ kumpanniji tal-ajru Ewropej u tal-Amerika ta’ Fuq wera li l-klassifikazzjoni ta’ kreditu medja fis-settur korrispondenti li tippermetti aċċess għas-swieq tal-kapital kienet Ba2, jiġifieri żewġ punti taħt il-klassifikazzjoni BBB.

187    Il-Kummissjoni ma tikkontestax li l-klassifikazzjoni ta’ kreditu Ba2 hija biżżejjed sabiex il-kumpanniji tal-ajru jkunu jistgħu jiksbu kapital fis-swieq. Madankollu, hija tqis li ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qieset il-klassifikazzjoni ta’ kreditu BBB bħala punt ta’ riferiment, peress li tali klassifikazzjoni kienet tippermetti lill-benefiċjarju kkonċernat jiffinanzja lilu nnifsu fis-swieq taħt kundizzjonijiet raġonevoli.

188    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-punt 49(c) tal-Qafas Temporanju, impriża hija eliġibbli għal miżura ta’ rikapitalizzazzjoni biss jekk hija “ma [t]kunx [t]ista [s]sib finanzjament fis-swieq b’termini affordabbli”. Minn dan isegwi, b’mod impliċitu, iżda neċessarjament, li tali miżura għandha tkun limitata għall-minimu neċessarju sabiex tkun tista’ tiffinanzja ruħha fis-swieq taħt kundizzjonijiet raġonevoli. Issa, Ryanair ma tikkontestax li l-klassifikazzjoni ta’ kreditu BBB tippermetti finanzjament taħt kundizzjonijiet raġonevoli.

189    Barra minn hekk, u fi kwalunkwe każ, kif spjegat fil-punt 183 iktar ’il fuq, l-analiżi tal-Kummissjoni tal-impatt tal-miżura inkwistjoni fuq il-proporzjon tad-dejn mal-ekwità kienet ibbażata wkoll fuq paragun ma’ kampjun tal-kumpanniji tal-ajru, li minnu kien jirriżulta li l-proporzjon ta’ DLH wara l-għajnuna kien jibqa’ agħar minn dak tal-kompetituri tagħha bl-agħar prestazzjoni. Fil-fatt, l-imsemmi paragun kien ibbażat fuq it-tielet kwartil tal-proporzjon tal-kumpanniji li kienu jiffurmaw parti mill-kampjun fil‑31 ta’ Diċembru 2019, li juri li l-approċċ tal-Kummissjoni kien prudenti.

190    Għalhekk, hemm lok li dan l-ilment jiġi miċħud bħala infondat.

4)      Fuq lanaliżi insuffiċjenti talpjan ta’ żvilupp ta’ DLH

191    Ryanair issostni li l-Kummissjoni ma analizzatx b’mod suffiċjenti fid-dritt il-pjan ta’ żvilupp ta’ DLH. Minn naħa, il-Kummissjoni kellha teżamina jekk DLH tistax tnaqqas iktar l-ispejjeż tagħha fuq medda qasira ta’ żmien. Min-naħa l-oħra, hija kellha tevalwa jekk DLH setgħetx tnaqqas b’mod strutturali l-bażi tal-ispejjeż tagħha u żżid il-profittabbiltà tagħha sabiex tnaqqas l-ammont tal-għajnuna.

192    Issa, kif diġà ġie rrilevat fil-punt 161 iktar ’il fuq, il-Qafas Temporanju ma huwiex intiż sabiex jimponi fuq il-benefiċjarju, fil-mument tal-għoti tal-għajnuna, tnaqqis tal-ispejjeż tiegħu jew ristrutturazzjoni tiegħu.

193    Għalhekk, hemm lok li dan l-ilment jiġi miċħud bħala infondat.

5)      Fuq ittestijiet ta’ sensittività

194    Ryanair issostni li t-testijiet ta’ sensittività mwettqa mill-Kummissjoni fil-punti 129 u 130 tad-deċiżjoni kkontestata huma “insuffiċjenti” u li din tal-aħħar kellha twettaq “firxa wiesgħa ta’ testijiet ta’ reżistenza”.

195    Madankollu, l-argument ta’ Ryanair ma huwiex ċar u ma jippermettix lill-Qorti Ġenerali tiddeċiedi dwar il-fondatezza tiegħu. Fil-fatt, hija ma tikkritikax it-testijiet ta’ sensittività mwettqa mill-Kummissjoni bħala tali, iżda sempliċement tiddikjara li huma “insuffiċjenti”, mingħajr madankollu ma tippreċiża n-natura jew il-portata tat-testijiet addizzjonali li hija titlob.

196    Skont l-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura, kull rikors għandu jkun fih sunt tal-motivi invokati. Skont il-ġurisprudenza, dan ifisser li l-indikazzjonijiet tar-rikors għandhom ikunu ċari u preċiżi biżżejjed sabiex jippermettu lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u sabiex il-Qorti Ġenerali tkun tista’ tiddeċiedi fuq ir-rikors, skont il-każ, mingħajr ma tkun meħtieġa informazzjoni oħra insostenn. Għaldaqstant, sabiex rikors ikun ammissibbli, huwa meħtieġ li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom dan ikun ibbażat jirriżultaw, minn tal-inqas fil-qosor, iżda b’mod koerenti u li jinftiehem, mill-kliem stess użat fir-rikors, u dan sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali u amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Mejju 2015, Niki Luftfahrt vs Il-Kummissjoni, T‑162/10, EU:T:2015:283, punt 356 u l-ġurisprudenza ċċitata). Issa, dan ma huwiex il-każ hawnhekk.

197    Għaldaqstant, hemm lok li dan l-ilment jiġi miċħud bħala infondat.

6)      Fuq ilparagun ma’ kumpanniji talajru oħra

198    Ryanair issostni li “paragun rapidu” mal-kumpanniji tal-ajru bi prezzijiet baxxi u anki ma’ ċerti kumpanniji tal-ajru tradizzjonali bħal IAG jissuġġerixxi li l-għajnuna inkwistjoni qabżet l-għan tagħha li tiġi evitata l-insolvenza ta’ DLH, sa fejn hija kellha bħala riżultat li “tibdel il-klassifikazzjoni tal-kumpanniji tal-ajru f’dan ir-rigward”.

199    Dan l-argument ma huwiex ċar. Fil-fatt, it-tweġiba għall-mistoqsija dwar dak li jinvolvi dan il-“paragun rapidu” u jekk huwiex ibbażat fuq sitwazzjonijiet paragunabbli ma tirriżultax, biċ-ċarezza u bil-preċiżjoni meħtieġa, mill-osservazzjonijiet bil-miktub ta’ Ryanair. Is-sempliċi riferiment għall-fatt li l-għajnuna inkwistjoni kellha bħala riżultat li DLH titla’ “fil-klassifikazzjoni tal-kumpanniji tal-ajru li għandhom l-ikbar kapaċità li jsostnu waqfien sħiħ tat-traffiku”, lanqas ma joffri iktar preċiżjoni.

200    Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 196 iktar ’il fuq).

c)      Fuq iddikjarazzjonijiet pubbliċi ta’ DLH

201    Ir-rikorrenti jsostnu li l-kummenti tad-Direttur Ġenerali ta’ DLH fit‑3 ta’ Ġunju 2020, waqt konferenza ta’ analisti, fis-sens li “is-salvataġġ tal-grupp mill-Gvern Ġermaniż, bl-ammont ta’ EUR 9 biljun [kien] iktar minn neċessarju sabiex tiġi żgurata s-soppravivenza, u li dan [kien] ingħata sabiex il-kumpannija tal-ajru tibqa’ ‘minn ta’ quddiem fid-dinja’”, kien juri li l-għajnuna ma kinitx limitata għall-minimu neċessarju. Huma jilmentaw li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni din id-dikjarazzjoni. Barra minn hekk, it-tnejn li huma jinvokaw nuqqas ta’ motivazzjoni f’dan ir-rigward. Ryanair tiċċita wkoll ċerti dikjarazzjonijiet magħmula mill-azzjonist prinċipali ta’ DLH, riprodott mill-Financial Times fis‑17 ta’ Ġunju 2020, f’artikolu intitolat “Lufthansa bailout in jeopardy as top shareholder seeks other options” (is-Salvataġġ ta’ Lufthansa mhedded filwaqt li l-azzjonist prinċipali jfittex soluzzjonijiet oħra), li abbażi tagħhom ristrutturazzjoni iktar fil-fond ta’ DLH kienet soluzzjoni kredibbli minbarra l-għajnuna. Condor tirreferi għal dikjarazzjoni oħra tad-Direttur Ġenerali ta’ DLH, tal‑21 ta’ Jannar 2021, riprodotta f’artikolu ta’ Politico tal-istess data, intitolat “Lufthansa CEO: Airline unlikely to need full €9B German aid package” (id-Direttur Ġenerali ta’ Lufthansa: huwa improbabbli li l-kumpannija tal-ajru tkun teħtieġ il-pakkett sħiħ tal-għajnuna Ġermaniża ta’ EUR 9 biljun.”

202    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kummenti tad-Direttur Ġenerali ta’ DLH, fit‑3 ta’ Ġunju 2020, il-Kummissjoni ma tikkontestax il-kontenut tagħhom. Hija tispjega li hija kienet taf bihom u li kienet staqsiet lill-awtoritajiet Ġermaniżi f’dan ir-rigward matul il-proċedura amministrattiva. Madankollu, skont il-Kummissjoni, jekk, skont evalwazzjoni konkreta tal-proporzjonalità tal-għajnuna bbażata fuq id-data u l-projezzjonijiet finanzjarji tal-grupp Lufthansa, il-miżura inkwistjoni kienet konformi mal-kundizzjonijiet kollha previsti fil-Qafas Temporanju, l-imsemmija kummenti ma jkunux jistgħu jiġġustifikaw fihom infushom konklużjoni differenti.

203    L-ewwel għandu jitfakkar li, fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni mitluba mill-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’tali mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u lill-qorti kompetenti li teżerċita l-istħarriġ tagħha. Għalhekk, ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari skont il-kontenut tal-att, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li d-destinatarji jew persuni oħra li huma direttament u individwalment ikkonċernati mill-att jista’ jkollhom sabiex jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata mhux biss fir-rigward tal-formulazzjoni tiegħu, iżda wkoll fil-kuntest tiegħu kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (sentenzi tat‑22 ta’ Ġunju 2004, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, C‑42/01, EU:C:2004:379, punt 66; tal‑15 ta’ April 2008, Nuova Agricast, C‑390/06, EU:C:2008:224, punt 79, u tat‑8 ta’ Settembru 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, C‑279/08 P, EU:C:2011:551, punt 125).

204    F’dan il-każ, fir-rigward tan-natura tal-att inkwistjoni, id-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata fi tmiem il-fażi preliminari ta’ investigazzjoni tal-għajnuna stabbilita mill-Artikolu 108(3) TFUE. Tali deċiżjoni, li tittieħed fi żmien qasir, għandha tinkludi biss ir-raġunijiet għalfejn il-Kummissjoni tikkunsidra li ma jeżistux diffikultajiet serji ta’ evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna kkonċernata mas-suq intern (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2008, Régie Networks, C‑333/07, EU:C:2008:764, punt 65).

205    Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza, għalkemm il-Kummissjoni ma hijiex obbligata tieħu pożizzjoni fir-rigward tal-argumenti kollha mressqa quddiemha, xorta jibqa’ l-fatt li hija għandha tindika l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet legali li huma ta’ natura essenzjali fl-istruttura tad-deċiżjoni kkonċernata (ara s-sentenza tat‑8 ta’ April 2014, ABN Amro Group vs Il-Kummissjoni, T‑319/11, EU:T:2014:186, punt 132 u l-ġurisprudenza ċċitata).

206    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, ċertament, il-Kummissjoni la semmiet u lanqas ikkummentat dwar il-kummenti inkwistjoni fid-deċiżjoni kkontestata. Madankollu, peress li l-eżami mwettaq mill-Kummissjoni tal-kompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni mas-suq intern huwa bbażat fuq evalwazzjoni konkreta, biċ-ċifri u verifikabbli tal-konformità tal-imsemmija miżura mar-rekwiżiti previsti fil-Qafas Temporanju, għandu jiġi kkonstatat li l-kummenti magħmula minn direttur tal-benefiċjarju kkonċernat ma humiex ta’ importanza essenzjali fl-istruttura tad-deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant, l-obbligu ta’ motivazzjoni li għandha l-Kummissjoni ma jestendix sal-punt li huwa meħtieġ li hija tipprovdi motivazzjoni espliċita fir-rigward tal-kummenti magħmula minn kwalunkwe diriġent individwali tal-imsemmi benefiċjarju.

207    Għaldaqstant, l-ilment ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni għandu jiġi miċħud.

208    It-tieni, fir-rigward tal-mertu, għandu jiġi kkonstatat li l-imsemmija kummenti ma jistgħux, fihom infushom, jinvalidaw il-konklużjoni tal-Kummissjoni li l-ammont tal-għajnuna kien limitat għall-minimu neċessarju sabiex tiġi żgurata l-vijabbiltà tal-benefiċjarju. Fil-fatt, l-imsemmija konklużjoni hija bbażata fuq l-analiżi ekonomika ta’ ċerti parametri finanzjarji, filwaqt li l-imsemmija kummenti, li jistgħu barra minn hekk ikollhom diversi għanijiet, jinkludu biss dikjarazzjonijiet ta’ natura ġenerali.

209    Fit-tieni lok, l-istess japplika għal dak li jirrigwarda ċerti kummenti magħmula mill-azzjonist prinċipali ta’ DLH.

210    Fit-tielet lok, fir-rigward tad-dikjarazzjoni tad-Direttur Ġenerali ta’ DLH tal‑21 ta’ Jannar 2021, huwa biżżejjed li jitfakkar li, minbarra l-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata ma tistax, fi kwalunkwe każ, tiġi kkontestata fuq il-bażi ta’ ċirkustanzi li seħħew wara l-adozzjoni tagħha (ara s-sentenza tad‑9 ta’ Frar 2022, Sped-Pro vs Il-Kummissjoni, T‑791/19, EU:T:2022:67, punt 82 u l-ġurisprudenza ċċitata).

211    Għaldaqstant, l-ilmenti tar-rikorrenti dwar id-dikjarazzjonijiet ta’ DLH għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

d)      Fuq leżistenza ta’ vantaġġ indirett addizzjonali mogħti lillgrupp Lufthansa

212    Condor issostni li l-miżura inkwistjoni ppermettiet lil DLH jkollha aċċess preferenzjali għas-swieq finanzjarji u tnaqqas l-ispejjeż finanzjarji tagħha. Issa, il-Kummissjoni naqset milli tevalwa l-vantaġġi indiretti tal-miżura inkwistjoni, li l-eżistenza tagħhom tintwera mill-fatt li, wara l-awtorizzazzjoni tal-għajnuna, DLH ħarġet bonds ta’ valur totali ta’ EUR 3.2 biljun b’rati ta’ interessi baxxi ħafna, ta’ bejn 2 % u 3.75 %.

213    Il-Kummissjoni twieġeb li l-miżura inkwistjoni kienet intiża preċiżament sabiex tippermetti lil DLH tiffinanzja ruħha b’mod indipendenti fis-swieq tal-kapital sabiex tegħleb l-effetti tal-pandemija tal-COVID-19.

214    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-istħarriġ tal-legalità ta’ deċiżjoni għandu jiġi eżerċitat esklużivament fid-dawl tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi eżistenti fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 210 iktar ’il fuq). Issa, f’dan il-każ, Condor tibbaża ruħha fuq avvenimenti li seħħew wara d-deċiżjoni kkontestata, li għalhekk huma irrilevanti għall-eżami tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.

215    Għall-kumplament, il-Qorti Ġenerali tirrileva, bħall-Kummissjoni, li l-miżura inkwistjoni kienet intiża preċiżament sabiex tippermetti lil DLH tiffinanzja lilha nnifisha fis-swieq finanzjarji. Dan il-vantaġġ huwa għalhekk inerenti għall-miżura inkwistjoni. Kuntrarjament għal dak li ssostni Condor, dan ma huwiex vantaġġ indirett jew addizzjonali.

216    Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud bħala infondat.

217    Għaldaqstant, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-argumenti kollha mressqa mir-rikorrenti dwar l-ammont tal-għajnuna għandhom jiġu miċħuda.

5.      Fuq irremunerazzjoni u lħruġ talIstat

218    Fil-kuntest tar-raba’ parti tal-ewwel motiv tagħha, Ryanair issostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni kisret il-kundizzjonijiet previsti fil-Qafas Temporanju f’dak li jirrigwarda r-remunerazzjoni u l-ħruġ tal-Istat. Din il-parti hija komposta minn erba’ lmenti li ser jiġu eżaminati iktar ’il quddiem.

a)      Fuq irrata ta’ interessi tal-holdings passivi

219    Ryanair issostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni kisret il-Qafas Temporanju billi aċċettat rata ta’ interessi fissa għar-remunerazzjoni tal-holdings passivi, filwaqt li l-punt 66 tal-imsemmi qafas jeżiġi rati varjabbli bbażati fuq ir-rata interbankarja offruta (Interbank Offered Rate, IBOR) għal sena, flimkien ma’ primjum ta’ riskju fiss li jiżdied matul is-snin.

220    Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika Franċiża u minn DLH, tikkontesta l-argumenti ta’ Ryanair.

221    Il-Qafas Temporanju jipprevedu regoli speċifiċi dwar ir-remunerazzjoni ta’ strumenti ta’ ekwità (punti 60 sa 64) u ta’ strumenti ibridi (punti 65 sa 70). F’dan il-każ, kif tfakkar fil-punt 5 iktar ’il fuq, il-miżura inkwistjoni tikkonsisti, minn naħa, f’istrument ta’ ekwità (EUR 300 miljuni) u, min-naħa l-oħra, f’żewġ strumenti ibridi, jiġifieri holdings passivi I u II. Fil-kuntest ta’ dan l-ilment, Ryanair tikkontesta biss ir-remunerazzjoni tal-holdings passivi I u II.

222    Skont il-punt 66 tal-Qafas Temporanju, ir-remunerazzjoni minima tal-istrumenti ibridi, sal-konverżjoni tagħhom fi strumenti ta’ “ekwità”, hija tal-inqas ugwali għar-rata bażika (IBOR għal sena jew ekwivalenti ppubblikata mill-Kummissjoni), flimkien ma’ primjum, kif indikat f’tabella li tinsab fl-imsemmi paragrafu u li l-valur tagħha jiżdied matul is-snin.

223    Għalhekk, kif tirrikonoxxi wkoll il-Kummissjoni, il-punt 66 tal-Qafas Temporanju jipprevedi, fil-fatt, l-applikazzjoni ta’ rati varjabbli għar-remunerazzjoni tal-istrumenti ibridi.

224    F’dan il-każ, mill-punti 46 u 56 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li r-remunerazzjoni tal-holdings passivi I u II li hija l-istess fiż-żewġ każijiet, hija kif ġej: 4 % fl‑2020 u fl‑2021; 5 % fl‑2022; 6 % fl‑2023; 7 % fl‑2024; 8 % fl‑2025 u fl‑2026, u 9.5 % fl‑2027 u s-snin sussegwenti. Minn dan jirriżulta, kif jirrikonoxxu l-partijiet, li r-remunerazzjoni tal-holdings passivi I u II hija prevista abbażi ta’ rata fissa.

225    Fil-punt 147 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni spjegat li, sabiex tqabbel ir-remunerazzjoni tal-holding passiva I u II, espressa f’rati fissi, mar-remunerazzjoni minima prevista fil-Qafas Temporanju, espressa f’rati varjabbli, hija kkonvertiet ir-rati fissi f’żewġ rati varjabbli b’teħid inkunsiderazzjoni tar-rati tal-kambju (rata ta’ swap) impliċiti tas-suq fid-data tat-talba bil-miktub għal injezzjoni ta’ kapital, jiġifieri fis‑27 ta’ Marzu 2020. L-informazzjoni dwar din il-konverżjoni tinsab fit-tabella Nru 4 tad-deċiżjoni kkontestata, kif ġej:

Remunerazzjoni PS I

L-ewwel sena

It-tieni sena

It-tielet sena

Ir-raba’ sena

Il-ħames sena

Is-sitt sena

Is-seba’ sena

It-tmien sena

Rati varjabbli (IBOR+ ta’ sena)

[kunfidenzjali] (1)

[kunfidenzjali]

[kunfidenzjali]

[kunfidenzjali]

[kunfidenzjali]

[kunfidenzjali]

[kunfidenzjali]

[kunfidenzjali]

Differenza mill-marġni minimi tal-QT

[kunfidenzjali]

[kunfidenzjali]

[kunfidenzjali]

[kunfidenzjali]

[kunfidenzjali]

[kunfidenzjali]

[kunfidenzjali]

[kunfidenzjali]


226    Fil-punt 148 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonkludiet li r-remunerazzjoni tal-holding passiva I kienet “tal-inqas, bħala medja […] taħt il-minimu meħtieġ mill-Qafas Temporanju”. Il-Kummissjoni waslet għall-istess konklużjoni fir-rigward tal-holding passiva II (punt 154 tad-deċiżjoni kkontestata).

227    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont il-punt 59 tal-Qafas Temporanju, bħala soluzzjoni differenti mill-metodi ta’ remunerazzjoni esposti fl-imsemmi qafas, metodi oħra ta’ remunerazzjoni jistgħu jintużaw, bil-kundizzjoni li dawn jipproduċu globalment riżultat simili f’dak li jirrigwarda l-effetti ta’ inċentiv fuq il-ħruġ tal-Istat mill-kapital u li dawn ikollhom effett globalment simili fuq ir-remunerazzjoni tal-Istat.

228    Il-Kummissjoni setgħet għalhekk, skont il-punt 59 tal-Qafas Temporanju, taċċetta rati fissi għar-remunerazzjoni tal-istrumenti ibridi inkwistjoni, bħala soluzzjoni differenti mir-rati varjabbli previsti fil-Qafas Temporanju, sakemm il-kundizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq jiġu ssodisfatti.

229    Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk il-metodu ta’ remunerazzjoni tal-holdings I u II previst mid-deċiżjoni kkontestata jipproduċix globalment riżultat simili għal dak previst mill-Qafas Temporanju f’dak li jikkonċerna l-effetti ta’ inċentiv fuq il-ħruġ tal-Istat mill-kapital u jekk għandux effett globalment simili fuq ir-remunerazzjoni tal-Istat.

230    Din il-kwistjoni tinvolvi evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi, b’tali mod li l-istħarriġ eżerċitat mill-qorti tal-Unjoni huwa ristrett (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 74 iktar ’il fuq).

231    F’dan il-każ, l-ewwel, għandu jiġi miċħud l-argument ta’ Ryanair li, għall-finijiet tal-konverżjoni tar-rati fissi f’rati varjabbli, il-Kummissjoni bbażat ruħha b’mod żbaljat fuq il-kuntratti ta’ skambju ta’ rati ta’ interessi (swap ta’ rati). Fil-fatt, Ryanair ma tikkontestax li DLH setgħet tikkonverti rata fissa f’rata varjabbli billi tuża preċiżament tali kuntratti ta’ skambju ta’ rati ta’ interessi u li, b’mod iktar ġenerali, tali konverżazzjonijiet jintużaw ta’ spiss fis-swieq. Għaldaqstant, l-imsemmi metodu ta’ konverżjoni kien mezz plawżibbli sabiex jiġi vverifikat jekk ir-remunerazzjoni tal-holdings passivi I u II, skont ir-rati fissi, kellhiex effett globalment simili fuq ir-remunerazzjoni tal-Istat.

232    It-tieni, mit-tabella Nru 4 tad-deċiżjoni kkontestata, riprodotta fil-punt 225 iktar ’il fuq, jirriżulta li r-remunerazzjoni kkonvertita b’dan il-mod hija ogħla għall-ewwel seba’ snin minn dik prevista fil-Qafas Temporanju, bl-eċċezzjoni ta’ dik relatata mat-tmien sena. Huwa fuq din il-bażi li l-Kummissjoni kkonkludiet li “l-medja” tar-remunerazzjoni kkonvertita b’dan il-mod kienet ogħla minn dik prevista fil-Qafas Temporanju. Kuntrarjament għall-argument ta’ Ryanair, ir-riferiment għall-“medja” tal-imsemmija rati huwa ġġustifikat, għaliex juri li l-effett tar-rati varjabbli inkwistjoni huwa “globalment simili”, jew saħansitra iktar mir-remunerazzjoni prevista fl-imsemmi qafas, fis-sens tal-punt 59 tiegħu.

233    It-tielet, Ryanair issostni li r-rati fissi huma iktar favorevoli għall-benefiċjarju, sa fejn ir-riskju ta’ żieda sinjifikattiva tar-rati varjabbli, skont ir-rata IBOR għal sena, kif previst fil-Qafas Temporanju, huwa sostnut mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u mhux mill-benefiċjarju. Ċertament, il-varjazzjonijiet fir-rati tal-IBOR normalment jiġu sostnuti mill-benefiċjarju kkonċernat, jekk ir-rati varjabbli previsti fil-punt 66 tal-Qafas Temporanju kellhom jiġu applikati bħala tali. Madankollu, kif tosserva ġustament il-Kummissjoni, l-imsemmija rati jistgħu jvarjaw kemm ’il fuq kif ukoll ’l-isfel, b’tali mod li kien impossibbli li jiġi previst, waqt l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, jekk, wara din id-deċiżjoni, l-applikazzjoni ta’ rati fissi kinitx tkun iktar interessanti għall-benefiċjarju.

234    Ir-raba’, ma huwiex ikkontestat li r-rati fissi inkwistjoni jiżdiedu matul is-snin, b’tali mod li l-effetti ta’ inċentiv fuq il-ħruġ tal-Istat mill-kapital tal-benefiċjarju huma żgurati, kif jeżiġi l-punt 59 tal-Qafas Temporanju.

235    Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud bħala infondat.

b)      Fuq irremunerazzjoni talholding passiva I

236    Ryanair issostni, essenzjalment, li, fid-dawl tar-riskju għoli assoċjat mal-holding passiva I u minħabba l-iskadenza potenzjalment illimitata tagħha, il-Kummissjoni kellha teżiġi remunerazzjoni ogħla għal din il-holding milli għal dik tal-holding passiva II.

237    Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

238    Fil-punt 149 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrilevat li l-holding passiva I kienet ittrattata bħala ekwità skont l-istandards internazzjonali ta’ informazzjoni finanzjarja (International Financial Reporting Standards, IFRS) u li hija kellha ħafna karatteristiċi tal-istrumenti ta’ ekwità, li għamluha iktar riskjuża għall-investituri, minħabba l-fatt li dan l-istrument ibridu kien qrib ħafna ta’ ekwitài f’termini ta’ anzjanità, li ma kienx konvertibbli f’azzjonijiet, li ma kienx konvertibbli f’azzjonijiet, il-ħlas tal-kupuni tiegħu kien isir għad-diskrezzjoni ta’ DLH u li kellu skadenza potenzjalment illimitata. Il-Kummissjoni kkonkludiet minn dan li r-remunerazzjoni għolja ta’ din il-holding, li kienet teċċedi l-limiti massimi previsti fil-punt 66 tal-Qafas Temporanju, kienet tieħu inkunsiderazzjoni r-riskju sostnut mill-Istat.

239    Minn dan jirriżulta li, ċertament, kif issostni Ryanair, ir-riskji assoċjati mal-holding passiva I huma ikbar minn dawk assoċjati mal-holding passiva II.

240    Madankollu, xorta jibqa’ l-fatt li r-remunerazzjoni tal-holding passiva I, kif ikkonvertita f’rati varjabbli, hija globalment ogħla minn dik prevista fil-punt 66 tal-Qafas Temporanju (ara l-punti 224 sa 235 iktar ’il fuq) u hija għalhekk konformi mal-imsemmi paragrafu kif ukoll mal-paragrafu 59 tal-istess qafas. Is-sempliċi fatt li din ir-remunerazzjoni hija l-istess bħal dik prevista għall-holding passiva II ma jagħmilhiex kuntrarja għar-rekwiżiti tal-Qafas Temporanju.

241    Għalhekk, jeħtieġ li t-tieni lment jiġi miċħud bħala infondat.

c)      Fuq lassenza ta’ mekkaniżmu ta’ żieda firremunerazzjoni

242    Ryanair issostni li l-Kummissjoni kisret il-punti 61 u 68 tal-Qafas Temporanju, billi ma pprevedietx mekkaniżmu ta’ żieda fir-remunerazzjoni f’dak li jirrigwarda l-holding fil-kapital u l-holding passiva II wara l-konverżjoni eventwali tagħha f’ekwità. Il-motivi ppreżentati fid-deċiżjoni kkontestata ma jistgħux jiġġustifikaw din id-deroga mir-rekwiżiti tal-Qafas Temporanju. Għaldaqstant, ir-remunerazzjoni tal-Istat aċċettata mill-Kummissjoni, li ma tinkludi ebda mekkaniżmu ta’ żieda fir-remunerazzjoni jew mekkaniżmu simili, ma tagħtix lok għal “eżitu simili” f’dak li jikkonċerna l-effetti ta’ inċentiv fuq il-ħruġ tal-Istat, fis-sens tal-punt 62 tal-Qafas Temporanju.

243    Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika Franċiża, tikkontesta l-argumenti ta’ Ryanair billi essenzjalment tirrepeti l-motivi tad-deċiżjoni kkontestata.

244    Dan l-ilment jirrigwarda l-assenza ta’ mekkaniżmu ta’ żieda tar-remunerazzjoni, minn naħa, fil-holding fil-kapital u, min-naħa l-oħra, wara l-konverżjoni eventwali tal-holding passiva II f’ekwità.

245    Fl-ewwel lok, f’dak li jirrigwarda r-remunerazzjoni tal-istrumenti ta’ ekwità, bħall-holding fil-kapital, il-punt 61 tal-Qafas Temporanju jipprovdi li “[k]ull miżura ta’ rikapitalizzazzjoni għandha tinkludi mekkaniżmu step-up li jżid ir-remunerazzjoni tal-Istat, biex il-benefiċjarju jkun inċentivat jixtri lura l-injezzjonijiet ta’ kapital mill-Istat”. Din iż-żieda fir-remunerazzjoni tista’ tieħu l-forma ta’ azzjonijiet addizzjonali mogħtija lill-Istat jew mekkaniżmi oħra u għandha tikkorrispondi għal żieda minima ta’ 10 % fir-remunerazzjoni tal-Istat erba’ snin wara l-injezzjoni tal-kapital, jekk l-Istat ma jkunx biegħ tal-inqas 40 % tal-holding tiegħu li tirriżulta minn din l-injezzjoni. Jekk, sitt snin wara l-injezzjoni tal-kapital, l-Istat ma jkunx biegħ il-holding kollha tiegħu li tirriżulta mill-imsemmija injezzjoni, il-mekkaniżmu ta’ żieda fir-remunerazzjoni jerġa’ jiġi attivat.

246    Il-punt 62 tal-Qafas Temporanju jipprevedi li l-Kummissjoni tista’ taċċetta mekkaniżmi oħra, bil-kundizzjoni li jipproduċu globalment eżitu simili f’dak li jikkonċerna l-effetti ta’ inċentiv fuq il-ħruġ tal-Istat mill-kapital u li jkollhom effett globalment simili fuq ir-remunerazzjoni tal-Istat.

247    F’dan il-każ, huwa paċifiku li r-remunerazzjoni tal-holding fil-kapital ma tipprevedix mekkaniżmu ta’ żieda fir-remunerazzjoni fis-sens tal-punt 61 tal-Qafas Temporanju.

248    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni madankollu kkunsidrat, fil-punt 142, li l-“istruttura ġenerali” tal-miżura inkwistjoni kienet tikkostitwixxi mekkaniżmu “alternattiv” ta’ żieda fir-remunerazzjoni. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni enfasizzat, fil-punt 140 tad-deċiżjoni kkontestata, in-natura interkonnessa tat-tliet komponenti tal-miżura inkwistjoni, li kienet tiġġustifika, fil-fehma tagħha, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-effetti ta’ inċentiv magħquda tagħhom fuq il-ħruġ tal-Istat mill-kapital. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni għamlet riferiment, fil-punti 139 u 141 tad-deċiżjoni kkontestata, għal diversi fatturi, jiġifieri t-tnaqqis kbir fil-prezz li bih ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kienet akkwistat l-azzjonijiet ta’ DLH; il-fatt li l-preżenza tal-Istat fil-holding ta’ DLH ma kinitx mixtieqa mill-benefiċjarju; il-fatt li l-holdings passivi I u II kellhom rati ta’ interessi dejjem jogħlew u li l-probabbiltà ta’ konverżjoni f’ekwità ta’ parti mill-holding passiva II żdiedet maż-żmien, li kkawża d-dilwizzjoni tal-holdings eżistenti favur l-Istat, u l-impenji ta’ aġir, b’mod partikolari l-projbizzjoni li jitħallsu dividendi, li kellhom jibqgħu fis-seħħ sakemm l-għajnuna tiġi kompletament irrimborsata. Abbażi ta’ dawn l-elementi, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-“istruttura ġenerali” tal-miżura inkwistjoni kienet tinkludi effetti ta’ inċentiv suffiċjentement qawwija fuq il-ħruġ tal-Istat mill-kapital tal-benefiċjarju.

249    Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni setgħetx tikkonkludi, abbażi tal-elementi msemmija iktar ’il fuq, li l-holding fil-kapital kien jinkludi mekkaniżmu “alternattiv” għal dak taż-żieda fir-remunerazzjoni, fis-sens tal-punt 62 tal-Qafas Temporanju. Għal dan il-għan, għandu jiġi vverifikat jekk l-imsemmija elementi jipproduċux globalment eżitu simili f’dak li jirrigwarda l-effetti ta’ inċentiv fuq il-ħruġ tal-Istat mill-kapital u jekk għandhomx impatt globalment simili fuq ir-remunerazzjoni tal-Istat, kif jeżiġi l-punt 62 tal-Qafas Temporanju.

250    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-Qafas Temporanju, fil-verżjoni tiegħu applikabbli ratione temporis, ma jipprevedix deroga mill-obbligu li jiġi impost jew mekkaniżmu ta’ żieda fir-remunerazzjoni, jew mekkaniżmu ieħor li jissodisfa l-istess għan.

251    Issa, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, il-holding fil-kapital ma għandha l-ebda mekkaniżmu ta’ żieda fir-remunerazzjoni.

252    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat, bħalma għamlet Ryanair, li l-ebda wieħed mill-motivi indikati fid-deċiżjoni kkontestata ma juri li l-holding fil-kapital kellha mekkaniżmu “alternattiv” għal dak taż-żieda fir-remunerazzjoni.

253    Fil-fatt, l-ewwel, il-Kummissjoni tagħmel riferiment fid-deċiżjoni kkontestata għall-fatt li l-prezz tal-azzjonijiet sottoskritti mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, jiġifieri EUR 2.56 għal kull azzjoni, kien b’mod sinjifikattiv inqas mill-prezz medju tal-azzjonijiet ta’ DLH matul il-ħmistax-il jum qabel it-talba għal injezzjoni ta’ ekwità, jiġifieri EUR 9.12 għal kull azzjoni, jiġifieri tnaqqis ta’ 71.9 %, u li, għaldaqstant, dan it-tnaqqis kien joffri lill-Istat remunerazzjoni suffiċjenti “fil-mument tad-dħul” fil-kapital tal-benefiċjarju. Din ir-remunerazzjoni hija għalhekk ogħla minn dik li kienet tirriżulta mill-applikazzjoni ta’ mekkaniżmu ta’ żieda fir-remunerazzjoni, fil-każ li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma kinitx ibbenefikat mill-imsemmi tnaqqis fil-prezz.

254    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-prezz tal-azzjonijiet sottoskritti mill-Istat fil-mument tad-dħul tiegħu fil-kapital tal-benefiċjarju kkonċernat ma għandux rabta suffiċjentement stretta mas-suġġett u mal-għan tal-mekkaniżmu ta’ żieda fir-remunerazzjoni jew ta’ mekkaniżmu alternattiv fis-sens tal-punt 62 tal-Qafas Temporanju.

255    Fil-fatt, minn naħa, il-prezz tal-azzjonijiet sottoskritti mill-Istat fil-mument tad-dħul tiegħu fil-kapital tal-benefiċjarju kkonċernat huwa rregolat mill-punt 60 tal-Qafas Temporanju, li jipprovdi li injezzjoni ta’ fondi tal-Istat, jew intervent ekwivalenti, għandu jsir bi prezz li ma jeċċedix il-prezz medju tal-azzjonijiet tal-benefiċjarju kkonċernat matul il-ħmistax-il jum qabel it-talba għal injezzjoni ta’ ekwità. Il-prezz tax-xiri msemmi iktar ’il fuq juri għalhekk li dan huwa konformi mal-punt 60 tal-Qafas Temporanju. Għall-kuntrarju, il-fatt li l-holding fil-kapital ikun konformi mal-imsemmi punt ma jfissirx li hija setgħet tidderoga mill-obbligu li jiġi previst mekkaniżmu ta’ żieda fir-remunerazzjoni kif jeżiġi l-punt 61 tal-Qafas Temporanju jew mekkaniżmu alternattiv fis-sens tal-punt 62 tal-imsemmi qafas. Fir-realtà, dawn huma żewġ rekwiżiti distinti previsti fl-imsemmi qafas, li għandhom għanijiet differenti. Fil-fatt, il-ħtieġa li jiġi previst tali mekkaniżmu bl-ebda mod ma hija suġġetta għall-prezz inizjali ta’ xiri tal-azzjonijiet.

256    Min-naħa l-oħra, l-għan imfittex mill-mekkaniżmu ta’ żieda fir-remunerazzjoni huwa differenti minn dak li fuqu hija bbażata r-regola fil-qasam tal-prezz inizjali tax-xiri tal-azzjonijiet. Fil-fatt, l-għan ta’ dan il-mekkaniżmu huwa li jagħmel iktar oneruża l-holding tal-Istat matul iż-żmien, billi jżid holding tiegħu fil-kapital tal-impriża, u dan mingħajr injezzjoni addizzjonali ta’ kapital min-naħa tal-Istat. Għalhekk, dan il-mekkaniżmu huwa intiż bħala inċentiv ex post lill-benefiċjarju kkonċernat sabiex jixtri l-imsemmi holding malajr kemm jista’ jkun, peress li dan il-mekkaniżmu fil-fatt jiġi attivat biss, jekk ikun il-każ, wara r-raba’, imbagħad is-sitt sena, rispettivament, wara l-injezzjoni tal-kapital. Għall-kuntrarju, il-prezz tax-xiri tal-azzjonijiet għandu l-għan, essenzjalment, li jiggarantixxi li l-prezz li bih l-Istat jakkwista azzjonijiet ma jeċċedix il-prezz tas-suq tagħhom. Għaldaqstant, dan il-prezz għandu impatt fuq is-sitwazzjoni tal-benefiċjarju kkonċernat ex ante, jiġifieri fil-mument tad-dħul tal-Istat fil-kapital tal-imsemmi benefiċjarju, u ma huwiex neċessarjament intiż sabiex iżid, tul iż-żmien, l-inċentiv ta’ dan il-benefiċjarju li jixtri l-imsemmi holding, peress li l-prezz tal-azzjonijiet jista’ jvarja kemm ’il fuq kif ukoll ’l isfel.

257    Għaldaqstant, il-livell tal-prezz tal-azzjonijiet fil-mument tad-dħul tal-Istat fil-kapital tal-benefiċjarju kkonċernat ma jipproduċix ġeneralment eżitu simili f’dak li jirrigwarda l-effetti ta’ inċentiv fuq il-ħruġ tal-Istat mill-kapital, kif jipprevedi l-punt 62 tal-Qafas Temporanju.

258    It-tieni, il-fatt, enfasizzat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, li l-holding tal-Istat fil-kapital ta’ DLH ma “huwiex mixtieq”, huwa irrilevanti, peress li tali dikjarazzjoni hija suġġettiva u nieqsa minn valur legali.

259    Fir-rigward tad-dikjarazzjoni li tinsab fil-punt 141 tad-deċiżjoni kkontestata, li DLH tista’ titlob lill-Istat sabiex ibiegħ l-azzjonijiet kollha tiegħu bil-kundizzjoni, minn naħa, li hija tkun irrimborsat l-holdings passivi I u II, inklużi l-interessi, u, min-naħa l-oħra, li l-prezz tal-azzjonijiet waqt il-bejgħ tagħhom ikun ekwivalenti għall-ogħla valur bejn il-prezz tas-suq tagħhom u EUR 2.56 għal kull azzjoni, miżjud b’12 % fis-sena, ikkalkolat għall-perijodu bejn ix-xiri u l-bejgħ, għandu jiġi osservat dan li ġej. Minn naħa, fir-rigward tal-fatt li DLH tista’ titlob lill-Istat ibiegħ l-azzjonijiet kollha tiegħu biss wara li tkun irrimborsat b’mod partikolari l-holdings passivi I u II, inklużi l-interessi, għandu jiġi kkonstatat li din l-ipoteżi tikkonċerna neċessarjament l-eventwali rimbors tal-imsemmija holding qabel il-konverżjoni tagħha f’ekwità. Issa, in-neċessità li jiġi previst mekkaniżmu ta’ żieda fir-remunerazzjoni jew mekkaniżmu alternattiv, fir-rigward tal-istrumenti ibridi, tapplika wara l-konverżjoni tagħhom f’ekwità, kif jirriżulta mill-punt 68 tal-Qafas Temporanju. Għaldaqstant, l-ipoteżi msemmija iktar ’il fuq ma tikkonċernax is-sitwazzjoni li fiha tkun tinsab DLH wara l-konverżjoni eventwali f’ekwità tal-holding passiva II, meta l-inklużjoni ta’ tali mekkaniżmu għandha, bħala prinċipju, tkun prevista, kif jirriżulta mill-punti 264 sa 266 iktar ’il quddiem. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-prezz tal-azzjonijiet waqt il-bejgħ mill-ġdid tagħhom mill-Istat, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dan il-prezz huwa rregolat mill-punt 63 tal-Qafas Temporanju, li jistabbilixxi rekwiżit distint li jiżdied, iżda ma jissostitwixxix dak relatat mal-inklużjoni ta’ mekkaniżmu ta’ żieda fir-remunerazzjoni jew mekkaniżmu simili.

260    It-tielet, il-Kummissjoni ssostni wkoll il-fatt li r-rata ta’ interessi għall-holdings passivi I u II tiżdied maż-żmien. Madankollu, hawnhekk ukoll, dan huwa rekwiżit distint previst mill-Qafas Temporanju fir-rigward tal-istrumenti ibridi sal-konverżjoni tagħhom fi strument tat-tip “ekwità”, jiġifieri dak li jinsab fil-punt 66 ta’ dan il-qafas, li jipprevedi, fil-fatt, rati ta’ interessi li jiżdiedu maż-żmien. Dan ir-rekwiżit għandu għalhekk kamp ta’ applikazzjoni kompletament distint minn dak tar-rekwiżit, li jirriżulta mill-punti 61 u 62 tal-imsemmi qafas, li jiġi previst mekkaniżmu ta’ żieda fir-remunerazzjoni jew mekkaniżmu simili ieħor.

261    Bl-istess mod, il-fatt, imsemmi fid-deċiżjoni kkontestata, li l-probabbiltà ta’ konverżjoni ta’ parti mill-holding passiva II f’ekwità tiżdied maż-żmien lanqas ma jista’ jneħħi l-obbligu li jiġi inkluż mekkaniżmu ta’ żieda fir-remunerazzjoni jew mekkaniżmu alternattiv fis-sens tal-punt 62 tal-Qafas Temporanju. Għall-kuntrarju, b’mod konformi mal-punt 68 tal-Qafas Temporanju, huwa preċiżament wara tali konverżjoni li tali mekkaniżmu “irid jiġi inkluż” f’dak li jikkonċerna l-istrumenti ibridi, bħalma hija l-holding passiva II. Fi kliem ieħor, l-imsemmija konverżjoni tiskatta l-obbligu li jiġi previst tali mekkaniżmu. Għaldaqstant hija fl-ebda każ ma tista’ sservi sabiex tiġġustifika l-assenza ta’ dan tal-aħħar.

262    Ir-raba’, il-fatt li DLH ser tkun suġġetta għall-impenji ta’ aġir previsti fil-punt 3.11.6 tal-Qafas Temporanju, bħal b’mod partikolari l-projbizzjoni tad-dividendi, lanqas ma jissostitwixxi l-obbligu li jiġi previst mekkaniżmu ta’ żieda fir-remunerazzjoni jew mekkaniżmu alternattiv fis-sens tal-punt 62 tal-Qafas Temporanju, peress li dan jirrigwarda, hawnhekk ukoll, rekwiżiti distinti miżjuda ma’, iżda ma jissostitwixxux, dak previst fil-punti 61 u 62 ta’ dan il-Qafas Temporanju.

263    Għaldaqstant, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni ma wrietx suffiċjentement skont il-liġi li l-“istruttura ġenerali” tal-miżura inkwistjoni, u b’mod partikolari l-effetti magħquda tat-tliet komponenti interkonnessi tagħha, kienet tipproduċi b’mod ġenerali effetti ta’ inċentiv fuq il-ħruġ tal-Istat mill-kapital tal-benefiċjarju paragunabbli mal-effetti ta’ inċentiv iġġenerati minn mekkaniżmu ta’ żieda fir-remunerazzjoni jew mekkaniżmu simili, fis-sens tal-punt 62 tal-Qafas Temporanju.

264    Fit-tieni lok, f’dak li jirrigwarda l-holding passiva II, li tikkostitwixxi strument ibridu, huwa wkoll paċifiku li lanqas din ma tinkludi l-ebda mekkaniżmu ta’ żieda fir-remunerazzjoni. Issa, skont il-punt 68 tal-Qafas Temporanju, wara l-konverżjoni f’ekwità tal-istrument ibridu kkonċernat, “irid jiġi inkluż ” mekkaniżmu ta’ żieda fir-remunerazzjoni sabiex tiżdied ir-remunerazzjoni tal-Istat, sabiex jinkoraġġixxi lill-benefiċjarji kkonċernati jixtru lura l-holding sottoskritta mill-Istat. Jekk l-ekwità li tirriżulta mill-intervent tal-Istat fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 tkun għada f’idejn l-Istat sentejn wara l-konverżjoni f’ekwità, l-imsemmi Stat Membru jirċievi parti mill-benefiċċju kkonċernat, flimkien mal-holding li tkun tifdal li tirriżulta mill-konverżjoni mill-Istat tal-istrumenti ibridi ddefiniti fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19. Din il-parti tal-proprjetà addizzjonali hija stabbilita għal minimu ta’ 10 % tal-holding li tifdal li tirriżulta mill-konverżjoni mill-Istat tal-istess strumenti ibridi. Il-Kummissjoni tista’ taċċetta mekkaniżmi oħra ta’ żieda fir-remunerazzjoni, bil-kundizzjoni li jkollhom l-istess effett ta’ inċentiv u effett ġeneralment simili fuq ir-remunerazzjoni tal-Istat.

265    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat, essenzjalment, fil-punti 159 sa 161, li l-holding passiva II kienet tinkludi mekkaniżmu alternattiv ta’ żieda fir-remunerazzjoni, billi ppreżentat uħud mill-motivi li hija kienet użat fir-rigward tal-holding fil-kapital. Għaldaqstant, għar-raġunijiet esposti fil-punti 252 sa 257 iktar ’il fuq, dawn il-motivi ma humiex biżżejjed sabiex jiġġustifikaw l-assenza ta’ mekkaniżmu ta’ żieda fir-remunerazzjoni jew mekkaniżmu ieħor li jissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fil-punt 68 tal-Qafas Temporanju.

266    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-punt 70 tal-Qafas Temporanju, imsemmi fil-qosor mill-Kummissjoni fil-punt 160 tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi rrilevat li, skont dan il-paragrafu, “peress li n-natura tal-istrumenti ibridi tvarja b’mod sinifikanti, il-Kummissjoni ma tipprovdix gwida għat-tipi kollha ta’ strumenti”. Issa, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni bl-ebda mod ma spjegat liema huma l-karatteristiċi speċifiċi tan-natura tal-holding passiva II li jiddistingwuha mit-tipi l-oħra ta’ strumenti ibridi, b’tali mod li l-imsemmi paragrafu kellu rilevanza f’dan il-każ. Fi kwalunkwe każ, skont il-kliem tal-imsemmi paragrafu “[l]-istrumenti ibridi f’kull każ iridu jsegwu l-prinċipji [imsemmija fil-paragrafi preċedenti ta’ dan il-qafas]”. Għaldaqstant, dan il-paragrafu ma kienx jeżenta lill-Kummissjoni mill-obbligu li tivverifika li l-istrument ibridu inkwistjoni jsegwi l-prinċipji stabbiliti f’dan il-punt tal-Qafas Temporanju, fosthom dak relatat man-neċessità li jiġi ggarantit li l-istrument ibridu kkonċernat ikun akkumpanjat minn mekkaniżmu li jista’ jipproduċi effetti ta’ inċentiv fuq il-ħruġ tal-Istat mill-kapital tal-benefiċjarju kkonċernat simili għal dawk inerenti fil-mekkaniżmu ta’ żieda fir-remunerazzjoni.

267    Għalhekk, Ryanair għandha raġun issostni li l-ġustifikazzjonijiet kollha pprovduti mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata jirrigwardaw, fir-realtà, rekwiżiti distinti oħra previsti mill-Qafas Temporanju li ma jissostitwixxux, iżda jiżdiedu ma’ dak li jikkonsisti fil-previżjoni ta’ mekkaniżmu ta’ żieda fir-remunerazzjoni jew mekkaniżmu simili għal kull miżura ta’ rikapitalizzazzjoni permezz ta’ strumenti ta’ ekwità jew ta’ strumenti ibridi wara l-konverżjoni tagħhom f’ekwità.

268    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-holding fil-kapital u l-holding passiva II, fil-mument tal-konverżjoni tagħhom f’ekwità, ma għandhom minn l-ebda mekkaniżmu ta’ żieda fir-remunerazzjoni jew mekkaniżmu simili, kuntrarjament għar-rekwiżiti tal-Qafas Temporanju.

269    Ċertament, il-Qorti Ġenerali kellha l-okkażjoni tiddeċiedi li, minħabba karatteristiċi partikolari ħafna tal-miżura ta’ rikapitalizzazzjoni kkontestata, li kienet tikkonsisti f’holding pro rata tal-Istat u tal-azzjonisti privati, il-Kummissjoni setgħet tapprova l-imsemmija miżura, minkejja li hija tidderoga mill-punti 61 u 62 tal-Qafas Temporanju, sa fejn mekkaniżmu ta’ żieda fir-remunerazzjoni fir-realtà kien jobbliga lill-Istat inaqqas il-holding tiegħu fil-kapital tal-benefiċjarju għal livell inferjuri għal dak li kien jeżisti qabel l-implimentazzjoni tal-miżura kontenzjuża (sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2022, Ryanair vs Il-Kummissjoni (Finnair II; Covid-19), T‑657/20, taħt appell, EU:T:2022:390, punti 75 u 76). Issa, il-miżura inkwistjoni f’din il-kawża ma tikkonsistix f’holding pro rata tal-Istat u tal-azzjonisti privati. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma ssemmi l-ebda ċirkustanza eċċezzjonali jew partikolari oħra li tista’ tiġġustifika deroga mir-rekwiżit li jiġi previst mekkaniżmu ta’ żieda fir-remunerazzjoni jew mekkaniżmu simili, iżda tallega li approvat mekkaniżmu alternattiv li jinkludi l-miżura inkwistjoni, fatt li madankollu hija ma wrietx b’mod suffiċjenti fid-dritt, kif jirriżulta mill-punti 255 sa 266 iktar ’il fuq. Għalhekk, b’differenza mill-kawża li tat lok għas-sentenza ċċitata iktar ’il fuq, l-applikazzjoni ta’ tali mekkaniżmu f’dan il-każ ikollha bħala konsegwenza li tinkoraġġixxi lill-benefiċjarju sabiex jixtri l-holding tal-Istat, billi jnaqqas il-holding fil-kapital tiegħu għal-livell eżistenti qabel l-implimentazzjoni tal-miżura inkwistjoni.

270    Għaldaqstant, il-Kummissjoni kisret il-punti 61, 62, 68 u 70 tal-Qafas Temporanju sa fejn naqset milli teżiġi l-inklużjoni ta’ mekkaniżmu ta’ żieda fir-remunerazzjoni jew mekkaniżmu simili għar-remunerazzjoni tal-holding fil-kapital u tal-holding passiva II, fil-mument tal-konverżjoni ta’ din tal-aħħar f’ekwità.

271    Għalhekk, dan l-ilment huwa fondat u għandu jintlaqa’.

d)      Fuq ilprezz talazzjonijiet filmument talkonverżjoni talholding passiva II

272    Ryanair tilmenta li l-Kummissjoni aċċettat prezz tal-azzjonijiet, waqt il-konverżjoni tal-holding passiva II f’ekwità, li jikser il-punt 67 tal-Qafas Temporanju. Il-motivi invokati fid-deċiżjoni kkontestata sabiex jiġġustifikaw din id-deroga ma humiex suffiċjenti. B’mod partikolari, il-possibbiltà għall-Kummissjoni li “tipposponi” d-deċiżjoni tagħha f’dan ir-rigward ma hijiex prevista mill-Qafas Temporanju.

273    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argument ta’ Ryanair fuq il-bażi tal-motivi li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata.

274    Skont il-punt 67 tal-Qafas Temporanju, il-konverżjoni ta’ strumenti ibridi f’ekwità ssir f’livell ta’ mill-inqas 5 % taħt it-TERP (THEORETICAL Ex-Rights Price, TERP) fil-mument tal-konverżjoni.

275    Fil-punt 158 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrilevat li parti mill-holding passiva II, jiġifieri l-holding passiva II-A, setgħet tiġi kkonvertita f’azzjonijiet bi prezz fiss ta’ EUR 2.56 għal kull azzjoni, filwaqt li parti oħra minn din il-holding, jiġifieri holding passiva II-B, setgħet tiġi kkonvertita bil-prezz tas-suq tal-azzjonijiet fil-mument tal-konverżjoni, bit-tnaqqis ta’ 10 % jew 5.25 %, skont l-avveniment skattatur. Il-Kummissjoni spjegat f’dan ir-rigward li kien possibbli li “wieħed jistenna li dawn il-prezzijiet kollha jkunu konformi mar-rekwiżit stabbilit fil-punt 67 tal-Qafas Temporanju”, filwaqt li rrikonoxxiet li “jista’ jkun hemm prezz li taħtu r-rekwiżit tal-punt 67 tal-Qafas Temporanju ma jkunx issodisfatt”, iżda li, f’dan il-każ, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kienet intrabtet li titlob l-awtorizzazzjoni tagħha qabel ma teżerċita d-dritt tagħha għal konverżjoni.

276    F’dan ir-rigward, l-ewwel, għandu jiġi rrilevat li l-prezz tal-azzjonijiet waqt il-konverżjoni tal-holding passiva II f’ekwità, approvat fid-deċiżjoni kkontestata, ma huwiex iddeterminat abbażi tat-TERP, jiġifieri l-prezz tas-suq li l-azzjonijiet teoretikament ikollhom wara ħruġ ġdid ta’ drittijiet, kif jeħtieġ madankollu l-punt 67 tal-Qafas Temporanju.

277    Fil-fatt, minn naħa, fir-rigward tal-holding passiva II-A, dan il-prezz, iffissat għal EUR 2.56 għal kull azzjoni, ma għandu l-ebda rabta mal-metodu indikat fil-punt 67 tal-Qafas Temporanju.

278    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-holding passiva II-B, il-prezz huwa bbażat fuq il-prezz tas-suq fil-mument tal-konverżjoni, bit-tnaqqis ta’10 % jew 5.25 % skont l-avveniment skattatur. Issa, it-TERP ma jikkoinċidix mal-prezz reali tas-suq tal-azzjonijiet fil-mument tal-konverżjoni. Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni madankollu ma tispjegax ir-rabta, fil-fehma tagħha, bejn ir-rekwiżit ta’ prezz “ħamsa fil-mija jew iktar taħt it-TERP”, previst fil-punt 67 tal-Qafas Temporanju, u l-prezz tas-suq fil-mument tal-konverżjoni, bit-tnaqqis ta’ 10 % jew 5.25 % rispettivament, previst għall-holding passiva II-B.

279    Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni la spjegat ir-raġunijiet għalfejn kien iġġustifikat li jiġu ffissati jew ikkalkolati l-prezzijiet tal-azzjonijiet waqt il-konverżjoni tal-holding passiva II f’ekwità mingħajr ma ġie segwit il-metodu meħtieġ fil-punt 67 tal-Qafas Temporanju, u lanqas ma ressqet ebda ċirkustanza eċċezzjonali li tista’ tiġġustifika n-nuqqas ta’ osservanza tal-imsemmi metodu.

280    It-tieni, fil-punt 158 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li l-prezz li hija kienet aċċettat jista’ ma jkunx konformi mal-punt 67 tal-Qafas Temporanju. Madankollu, hija kkonkludiet li l-miżura inkwistjoni kienet konformi mal-imsemmi punt, minħabba li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kienet intrabtet li titlob l-awtorizzazzjoni tagħha fil-każ li l-prezz konformi mar-rekwiżiti tal-imsemmi punt kien inqas minn dak previst fil-miżura inkwistjoni.

281    Għalhekk tqum il-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni setgħetx tidderoga mir-regola prevista fil-punt 67 tal-Qafas Temporanju, taħt il-pretest li l-Istat Membru kkonċernat kien jitlob l-awtorizzazzjoni tagħha qabel ma jeżerċita d-dritt tiegħu għal konverżjoni.

282    Issa, la fid-deċiżjoni kkontestata u lanqas fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni ma ċċitat l-ebda bidla fil-Qafas Temporanju, dispożizzjoni legali oħra jew ċirkustanza eċċezzjonali li kienet tippermettilha tidderoga mill-punt 67 tal-Qafas Temporanju.

283    Is-sempliċi fatt li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja impenjat ruħha li titlob l-awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni fil-każ li l-prezz inkwistjoni ma jkunx konformi mar-rekwiżiti tal-punt 67 tal-Qafas Temporanju ma jistax jiġġustifika tali deroga. Fil-fatt, il-Kummissjoni ma tistax titħalla tidderoga mir-regoli previsti fil-Qafas Temporanju abbażi tal-pretest li l-Istat Membru kkonċernat jobbliga ruħu li jitlob ex post l-awtorizzazzjoni tagħha. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-għajnuna mogħtija mill-Istati Membri hija s-suġġett ta’ sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel skont l-Artikolu 108(3) TFUE. Għalhekk, miżura ta’ għajnuna għandha tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern ex ante, qabel ma tkun tista’ tiġi implimentata. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tistax tipposponi d-deċiżjoni tagħha dwar il-kompatibbiltà ta’ miżura ta’ għajnuna mas-suq intern, jekk hija tikkonstata, bħal f’dan il-każ, li aspett tagħha jista’ jikser ir-regoli applikabbli f’dan il-qasam.

284    Issa, f’dan il-każ, l-impenn meħud mill-Istat Membru kkonċernat ma kienx ta’ natura li jiggarantixxi li r-regola stabbilita fil-punt 67 tal-Qafas Temporanju tiġi osservata. Fil-fatt, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma ntrabtitx, fil-mertu, li tħallas, meta jasal iż-żmien, il-prezz tal-azzjonijiet tal-holding passiva II, fil-mument tal-konverżjoni tagħha f’ekwità, skont ir-rekwiżiti tal-imsemmi punt, pereżempju billi tobbliga ruħha li taġġusta dan il-prezz sal-livell previst fl-imsemmi paragrafu, iżda biss, fuq livell proċedurali, li titlob l-awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni qabel ma teżerċita d-dritt tagħha għal konverżjoni.

285    Għalhekk, fir-realtà, il-Kummissjoni sempliċement ipposponiet id-deċiżjoni tagħha f’dan ir-rigward, kif hija tammetti barra minn hekk fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, filwaqt li kienet taf li l-prezz tal-azzjonijiet waqt il-konverżjoni tal-holding passiva II f’ekwità jista’ fil-fatt jirriżulta inkompatibbli mal-punt 67 tal-Qafas Temporanju.

286    Issa, għandu jitfakkar f’dan ir-rigward li l-Kummissjoni ma tistax, bħala prinċipju, tiddevja mir-regoli tal-Qafas Temporanju li hija imponiet fuqha nnifisha, taħt piena li tiġi ssanzjonata, jekk ikun il-każ, minħabba ksur ta’ prinċipji ġenerali tad-dritt, bħalma huma l-ugwaljanza fit-trattament jew il-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 75 iktar ’il fuq).

287    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni kisret il-punt 67 tal-Qafas Temporanju.

288    Għaldaqstant, dan l-ilment huwa fondat u għandu jintlaqa’.

6.      Fuq ilgovernanza u lprevenzjoni ta’ distorsjonijiet indebiti tal-kompetizzjoni

a)      Fuq ilprojbizzjoni ta’ espansjoni kummerċjali aggressiva ffinanzjata millgħajnuna

289    Ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li d-deċiżjoni kkontestata ma tipprovdix salvagwardji kontra espansjoni kummerċjali aggressiva tal-benefiċjarju kkonċernat, bi ksur tal-punt 71 tal-Qafas Temporanju. Condor tirreferi, b’mod partikolari, għal pubblikazzjoni online tad‑19 ta’ Marzu 2019, intitolata “Lufthansa eyes Condor and its market niche” (Lufthansa tosserva lil Condor u n-niċċa tas-suq tagħha), li turi r-riskju ta’ tali espansjoni kummerċjali aggressiva. Barra minn hekk, skont Ryanair, id-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn nuqqas ta’ motivazzjoni f’dan ir-rigward.

290    Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument u tirreferi essenzjalment għall-motivi tad-deċiżjoni kkontestata.

291    Skont il-punt 71 tal-Qafas Temporanju, sabiex tiġi evitata kull distorsjoni indebita tal-kompetizzjoni, il-benefiċjarji kkonċernati ma għandhomx jidħlu għal espansjoni kummerċjali aggressiva ffinanzjata minn għajnuna mill-Istat jew li saret possibbli permezz ta’ teħid ta’ riskji eċċessivi. B’mod ġenerali, iktar ma jkun żgħir il-holding tal-Istat Membru u iktar ma tkun għolja r-remunerazzjoni, inqas ikun hemm bżonn ta’ salvagwardji.

292    Fil-punt 163 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li l-pjan ta’ negozju ta’ DLH kien jipprevedi ritorn prudenti u gradwali għall-volum ta’ attività standard tagħha u li l-grupp Lufthansa kien ser josserva l-kundizzjonijiet previsti fil-punt 3.11.6 tal-imsemmi qafas, u kkonkludiet, fuq din il-bażi, li r-rekwiżiti previsti fil-punt 71 tal-Qafas Temporanju kienu ssodisfatti.

293    Għalkemm fil-qosor, il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata f’dan ir-rigward tesponi b’mod suffiċjenti l-kunsiderazzjonijiet ta’ fatt u ta’ dritt li huma ta’ importanza essenzjali fl-istruttura tagħha, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 205 iktar ’il fuq, b’tali mod li l-ilment ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni għandu jiġi miċħud.

294    Fir-rigward tal-mertu, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni eżaminat il-pjan tan-negozju ta’ DLH, li kien jipprevedi ritorn prudenti u gradwali għall-volum ta’ attività tagħha “standard”. Sa fejn l-imsemmi pjan huwa bbażat fuq il-perspettivi tal-iżvilupp tal-attivitajiet ippjanati jew mistennija mill-benefiċjarju, il-Kummissjoni setgħet ġustament tibbaża l-analiżi tagħha tar-riskju ta’ espansjoni kummerċjali aggressiva ffinanzjata mill-għajnuna fuq l-eżami tal-imsemmi pjan. Il-fatt li din l-analiżi wriet li l-benefiċjarju kkonċernat kellu biss l-intenzjoni li jirritorna b’mod prudenti u gradwali għal-livell tal-attivitajiet tiegħu qabel it-tifqigħa tal-pandemija ta’ COVID-19 juri li huwa ma kienx ippjana li jidħol għal espansjoni kummerċjali aggressiva ffinanzjata mill-għajnuna inkwistjoni, kif ġustament qieset il-Kummissjoni.

295    Għandu jitfakkar li, skont il-punt 74 tal-Qafas Temporanju, “[s]akemm mill-inqas 75 % tal-miżuri ta’ rikapitalizzazzjoni tal-COVID-19 ma jkunux mifdija, il-benefiċjarji minbarra l-SMEs għandhom jiġu mwaqqfa milli jakkwistaw sehem ta’ aktar minn 10 % f’kompetituri jew operaturi oħra fl-istess linja tan-negozju, inklużi operazzjonijiet upstream u downstream”. Ma huwiex ikkontestat li dan ir-rekwiżit jaqa’ fuq il-benefiċjarju u li huwa għandu wkoll l-għan li jipprevjeni li dan jidħol għal espansjoni kummerċjali aggressiva ffinanzjata mill-għajnuna. Dan l-obbligu huwa għalhekk ta’ natura li jindirizza l-biża’ espressa minn Condor li l-benefiċjarju jkun jista’ jakkwistah permezz tal-għajnuna, kif indikat mill-pubblikazzjoni msemmija fil-punt 289 iktar ’il fuq.

296    Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li r-rikorrenti ma wrewx li l-Kummissjoni kisret il-punt 71 tal-Qafas Temporanju. Għaldaqstant, l-ilmenti tagħhom għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

b)      Fuq leżistenza ta’ SSS talbenefiċjarju fisswieq inkwistjoni u limpenji strutturali

297    Permezz tal-ħames parti tal-ewwel motiv tagħha, Ryanair targumenta, essenzjalment, li l-Kummissjoni kisret il-punt 72 tal-Qafas Temporanju. Ryanair tqajjem, essenzjalment, tliet gruppi ta’ lmenti relatati mad-definizzjoni tas-swieq rilevanti, mal-eżistenza ta’ SSS tal-benefiċjarju kkonċernat f’dawn is-swieq u man-natura effettiva u suffiċjenti tal-impenji strutturali imposti fuq dan tal-aħħar.

298    Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel motiv tagħha kif ukoll tal-ewwel parti tat-tieni motiv tagħha, Condor issostni wkoll li l-Kummissjoni kisret il-punt 72 tal-Qafas Temporanju, billi qajmet, essenzjalment, l-istess tliet gruppi ta’ lmenti msemmija fil-punt 297 iktar ’il fuq.

299    Dawn it-tliet gruppi ta’ ilmenti għandhom jiġu eżaminati suċċessivament.

1)      Fuq iddefinizzjoni tasswieq rilevanti

i)      Fuq ilmetodu ta’ definizzjoni tasswieq rilevanti

300    Ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li l-Kummissjoni naqset b’mod żbaljat milli teżamina l-effetti tal-miżura inkwistjoni fid-diversi swieq ta’ servizzi ta’ trasport bl-ajru ta’ passiġġieri ddefiniti fuq il-bażi ta’ pari ta’ bliet bejn punt ta’ oriġini u punt ta’ destinazzjoni (iktar ’il quddiem is-“swieq O & D”). B’dan il-mod, il-Kummissjoni ddevjat mill-prassi deċiżjonali kostanti tagħha fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet fis-settur tal-avjazzjoni li tikkonsisti fid-definizzjoni tas-swieq skont l-approċċ O & D.

301    Condor iżżid li l-Kummissjoni naqset ukoll milli tieħu inkunsiderazzjoni s-suq tal-provvista ta’ traffiku feeder.

302    Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika Franċiża u minn DLH, issostni li l-identifikazzjoni tas-swieq rilevanti skont l-approċċ ta’ “kull ajruport individwali” ma hijiex żbaljata, billi tirrepeti, essenzjalment, il-motivi mressqa f’dan ir-rigward fid-deċiżjoni kkontestata.

303    Skont il-punt 72 tal-Qafas Temporanju, għalkemm il-benefiċjarja ta’ miżura ta’ rikapitalizzazzjoni meħuda fil-kuntest tal-COVID-19 ta’ ammont ogħla minn EUR 250 000 000 hija impriża li għandha SSS f’mill-inqas wieħed mis-swieq inkwistjoni li fihom hija teżerċita l-attivitajiet tagħha, l-Istati Membri għandhom jipproponu miżuri addizzjonali sabiex jippreżervaw l-eżerċizzju ta’ kompetizzjoni effettiva fl-imsemmija swieq. Meta jipproponu tali miżuri, l-Istati Membri jistgħu b’mod partikolari joffru impenji strutturali jew komportamentali, kif previsti fl-Avviż tal-Kummissjoni dwar ir-rimedji aċċettabbli taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 u taħt ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 802/2004 (ĠU 2008, C 267, p. 1, iktar ’il quddiem l-“Avviż dwar ir-rimedji”).

304    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li s-swieq li fihom il-benefiċjarju kkonċernat kien jeżerċita l-attivitajiet tiegħu kienu s-swieq tal-provvista ta’ servizzi ta’ trasport bl-ajru tal-passiġġieri bi tluq u b’destinazzjoni tal-ajruporti moqdija mill-imsemmi benefiċjarju. B’hekk hija identifikat is-swieq inkwistjoni skont l-approċċ ta’ “kull ajruport individwali”. Skont dan l-approċċ, kull ajruport huwa ddefinit bħala suq distint, mingħajr ma ssir distinzjoni bejn id-diversi rotot O & D lejn jew minn dan l-ajruport. Skont il-Kummissjoni, dan l-approċċ kien iġġustifikat mill-fatt li l-miżura inkwistjoni kienet intiża sabiex tippreżerva l-kapaċità globali tal-benefiċjarju kkonċernat li jipprovdi servizzi ta’ trasport bl-ajru, b’mod partikolari billi jiżgura l-preżervazzjoni tal-attiv tiegħu u tad-drittijiet ta’ operat tiegħu għal żmien medju u fit-tul. Fil-fatt, dawn l-assi u drittijiet ma jintużawx, bħala prinċipju, fuq rotta partikolari. Dan huwa partikolarment minnu fir-rigward tas-slots f’ajruport ikkoordinat, li jista’ jkollhom valur kbir u jintużaw fi kwalunkwe rotta minn u lejn dan l-ajruport.

305    Minn dan il-Kummissjoni kkonkludiet li l-miżura inkwistjoni kienet ta’ sostenn għall-attivitajiet tal-grupp Lufthansa u għalhekk setgħet potenzjalment taffettwa l-kompetizzjoni fuq ir-rotot kollha minn jew lejn ajruport li fih dan il-grupp kellu slots, indipendentement mill-pożizzjoni kompetittiva speċifika tal-grupp fuq kull waħda minn dawn ir-rotot. Għaldaqstant, skont il-Kummissjoni, ma huwiex xieraq li jiġi analizzat l-impatt tal-miżura inkwistjoni fuq kull waħda minn dawn ir-rotot separatament. Minflok dan il-proċess, għandhom jiġu ddefiniti s-swieq rilevanti bħala l-ajruporti fejn il-benefiċjarju kkonċernat ipprovda servizzi ta’ trasport bl-ajru ta’ passiġġieri.

306    Għalhekk, il-partijiet ma jaqblux fuq il-kwistjoni dwar jekk, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-punt 72 tal-Qafas Temporanju, is-swieq għall-provvista ta’ servizzi ta’ trasport bl-ajru ta’ passiġġieri għandhomx jiġu identifikati skont l-approċċ ta’ “kull ajruport individwali”, kif indikat il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, jew skont l-approċċ O & D, kif isostnu r-rikorrenti.

307    Din il-kwistjoni tinvolvi evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi, b’tali mod li l-istħarriġ eżerċitat mill-qorti tal-Unjoni huwa ristrett (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 74 iktar ’il fuq).

308    F’dan ir-rigward, l-ewwel, għandu jiġi rrilevat li l-punt 72 tal-Qafas Temporanju ma jippreċiżax il-metodu li bih is-swieq rilevanti għandhom jiġu ddefiniti.

309    It-tieni, kif tindika n-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 1 tal-Att tal-Kummissjoni dwar id-definizzjoni tas-suq rilevanti għall-għanijiet tal-liġi dwar il-kompetizzjoni tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 155), il-fokus tal-evalwazzjoni fil-każijiet ta’ għajnuna mill-Istat huwa l-benefiċjarju tal-għajnuna inkwistjoni u l-industrija jew is-settur ikkonċernat, iktar milli l-identifikazzjoni tar-restrizzjonijiet kompetittivi li għandu l-imsemmi benefiċjarju.

310    It-tielet, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-eżami tal-miżuri ta’ għajnuna li jistgħu jiġu awtorizzati skont l-Artikolu 107(3)(b) TFUE, il-Kummissjoni għandha tiżgura li dawn ikunu intiżi b’mod partikolari sabiex jirrimedjaw għal disturb serju fl-ekonomija ta’ Stat Membru. B’mod partikolari, il-Qafas Temporanju jifforma parti mill-isforz globali magħmul mill-Istati Membri sabiex jindirizzaw l-effetti tat-tifqigħa tal-COVID-19 fuq l-ekonomija tagħhom u huwa intiż li jispeċifika l-possibbiltajiet offruti lill-Istati Membri mir-regoli tal-Unjoni sabiex jiġu ggarantiti l-likwidità u l-aċċess għall-finanzjament tal-impriżi (punt 11 tal-Qafas Temporanju). F’dak li jirrigwarda b’mod iktar partikolari, il-miżuri ta’ rikapitalizzazzjoni, il-Qafas Temporanju huwa intiż sabiex id-disturb serju tal-ekonomija kkawżat mill-pandemija ma jipprovokax ħruġ mis-suq evitabbli għall-impriżi li kienu vijabbli qabel it-tifqigħa tal-COVID-19. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni għandha tiżgura li r-rikapitalizzazzjonijiet ma jaqbżux il-minimu neċessarju sabiex tiġi żgurata l-vijabbiltà tal-benefiċjarju u li jillimitaw ruħhom li jistabbilixxu mill-ġdid l-istruttura tal-kapital tal-benefiċjarju eżistenti qabel it-tifqigħa tal-COVID-19.

311    Dan it-tip ta’ miżuri ta’ għajnuna huwa għalhekk intiż sabiex jirrimedja għal disturb serju fl-ekonomija ta’ Stat Membru, billi jsostni, b’mod partikolari, il-vijabbiltà tal-impriżi milquta mill-pandemija ta’ COVID-19 sabiex jistabbilixxu mill-ġdid l-istruttura tal-kapital tagħhom fil-livell eżistenti qabel il-pandemija. Dawn il-miżuri ta’ għajnuna jirrigwardaw għalhekk is-sitwazzjoni finanzjarja globali tal-benefiċjarju u, b’mod iktar ġenerali, dik tas-settur ekonomiku kkonċernat.

312    Ir-raba’, fir-rigward b’mod konkret tal-miżura inkwistjoni, għandu jiġi rrilevat li din hija intiża li tiggarantixxi, essenzjalment, li l-kumpanniji tal-grupp Lufthansa jkollhom biżżejjed likwidità u li d-disturb ikkawżat mill-pandemija ta’ COVID-19 ma jikkompromettix il-vijabbiltà tagħhom (punt 18 tad-deċiżjoni kkontestata). L-effetti ta’ din l-għajnuna għalhekk jestendu għas-sitwazzjoni finanzjarja globali tal-imsemmi grupp. Fil-fatt, il-miżura inkwistjoni hija intiża li tistabbilixxi mill-ġdid l-istruttura tal-kapital tal-benefiċjarju eżistenti qabel it-tifqigħa tal-COVID-19 u mhux li ssostni l-preżenza tal-benefiċjarju fuq linja tal-ajru partikolari jew oħra.

313    Għaldaqstant, il-Kummissjoni ġustament irrilevat fid-deċiżjoni kkontestata li l-miżura inkwistjoni kienet intiża sabiex tippreżerva l-assi tal-benefiċjarju u d-drittijiet ta’ operat tiegħu għal żmien medju u twil u, għaldaqstant, il-kapaċità globali tagħha li tipprovdi servizzi ta’ trasport bl-ajru u li, konsegwentement, ma kienx xieraq li jiġi eżaminat l-impatt tal-miżura inkwistjoni f’kull suq O & D meħud b’mod iżolat.

314    Il-ħames, l-argumenti tar-rikorrenti intiżi li jikkontestaw l-approċċ ta’ “kull ajruport individwali” segwit mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata huma bbażati, essenzjalment, fuq analoġija mal-metodu ta’ definizzjoni tas-swieq segwit fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet, li abbażi tiegħu s-swieq rilevanti huma ddefiniti skont l-approċċ O & D.

315    Madankollu, din l-analoġija ma tiħux biżżejjed inkunsiderazzjoni l-partikolaritajiet tal-Qafas Temporanju u tal-miżura inkwistjoni.

316    Fil-fatt, il-miżura inkwistjoni f’din il-kawża ma għandhiex l-effett li ssaħħaħ il-pożizzjoni tal-benefiċjarju kkonċernat f’ċerti swieq O & D u mhux f’oħrajn. B’mod iktar partikolari, miżura ta’ rikapitalizzazzjoni tipproduċi effetti fuq is-sitwazzjoni globali tal-benefiċjarju kkonċernat, sa fejn il-kapitali ttrasferiti lilu ma humiex allokati għal rotot partikolari u għalhekk ma għandhomx rabta diretta ma’ swieq O & D partikolari minflok ma’ oħrajn.

317    Għaldaqstant, ma teżisti l-ebda kontradizzjoni li tirriżulta mill-fatt li l-Kummissjoni segwiet approċċi differenti sabiex tiddefinixxi s-swieq, minn naħa, fid-deċiżjoni kkontestata u, min-naħa l-oħra, fil-prassi deċiżjonali tagħha fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑13 ta’ Mejju 2015, Niki Luftfahrt vs Il-Kummissjoni, T‑162/10, EU:T:2015:283, punt 148).

318    Għall-istess raġunijiet, l-argument tar-rikorrenti, ibbażat fuq l-istess analoġija mal-prassi deċiżjonali fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet, li abbażi tagħha s-swieq inkwistjoni għandhom jiġu ddefiniti kemm skont l-approċċ O & D, kif ukoll skont l-approċċ ta’ “kull ajruport individwali” ma jistax jintlaqa’.

319    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, anki fil-qasam tal-konċentrazzjonijiet, kien hemm każ fejn il-Kummissjoni ddefinixxiet is-swieq rilevanti unikament fuq il-bażi ta’ “kull ajruport individwali”, meta l-konċentrazzjoni kienet tikkonsisti fix-xiri ta’ assi, u b’mod partikolari slots, ta’ kumpannija tal-ajru li kienet waqqfet l-attivitajiet kollha u li rtirat għalhekk mis-swieq O & D kollha. Dan l-approċċ ġie aċċettat mill-Qorti Ġenerali peress li, b’mod partikolari, is-slots li kienu s-suġġett tal-konċentrazzjoni setgħu jintużaw fuq ir-rotot O & D kollha minn jew lejn l-ajruporti kkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑20 ta’ Ottubru 2021, Polskie Linie Lotnicze “LOT” vs Il-Kummissjoni, T‑240/18, EU:T:2021:723, punt 57, u tal‑20 ta’ Ottubru 2021, Polskie Linie Lotnicze “LOT” vs Il-Kummissjoni, T‑296/18, EU:T:2021:724, punt 80). Issa, miżura ta’ rikapitalizzazzjoni bħall-miżura inkwistjoni għandha effett simili għal konċentrazzjoni li tirrigwarda essenzjalment slots, fis-sens li, bħal fil-każ ta’ dawn is-slots, il-kapital ipprovdut lil DLH ma huwiex allokat għal rotot partikolari u jista’ jintuża sabiex tiġi żgurata kwalunkwe rotta O & D li titlaq minn ajruport.

320    Is-sitt, peress li l-identifikazzjoni ta’ suq distint ta’ traffiku feeder, li jitlob Condor, teżiġi l-applikazzjoni tal-approċċ O & D, kif irrikonoxxew il-partijiet waqt is-seduta, għandu jiġi miċħud, għall-istess raġunijiet, l-argument ta’ din tal-aħħar li permezz tiegħu hija tilmenta li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-imsemmi suq tat-traffiku feeder. Fil-fatt, il-miżura inkwistjoni ma għandhiex l-għan li ssostni l-attivitajiet tal-benefiċjarju kkonċernat fuq ċerti rotot O & D li fir-rigward tagħhom huwa jipprovdi traffiku feeder lil Condor, bl-esklużjoni ta’ oħrajn.

321    Fl-aħħar nett, l-argument li jisiltu r-rikorrenti mill-formulazzjoni tal-punt 72 tal-Qafas Temporanju, li jsemmi l-impriżi li għandhom SSS fuq “mill-inqas wieħed mis-swieq rilevanti”, huwa irrilevanti. Fil-fatt, din il-preċiżazzjoni ma hijiex intiża, evidentement, sabiex timponi fuq il-Kummissjoni metodu speċifiku ta’ definizzjoni tas-swieq, iżda hija intiża li tippreċiża li huwa biżżejjed li l-benefiċjarju jkollu SSS f’wieħed mis-swieq li fihom huwa jopera sabiex ir-rekwiżiti previsti fl-imsemmi paragrafu jkunu applikabbli. Għalhekk, kieku kellu jiġi konkluż li l-benefiċjarju kellu SSS f’ajruport wieħed, dan ikun biżżejjed sabiex jiġu applikati r-rekwiżiti previsti fil-punt 72 tal-Qafas Temporanju fir-rigward ta’ dan l-ajruport.

322    Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni setgħet, mingħajr ma twettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni, tiddefinixxi s-swieq inkwistjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-punt 72 tal-Qafas Temporanju skont l-approċċ ta’ “kull ajruport individwali”.

ii)    Fuq lapplikazzjoni talapproċċ ta’ “kull ajruport individwali”

323    Sussidjarjament, Ryanair issostni li, jekk wieħed jassumi li l-approċċ ta’ “kull ajruport individwali” huwa korrett, il-Kummissjoni applikat dan tal-aħħar b’mod żbaljat. Hija tressaq diversi lmenti f’dan ir-rigward, li l-Kummissjoni tikkontesta abbażi tal-motivi esposti fid-deċiżjoni kkontestata.

324    Qabel ma jiġu eżaminati dawn l-ilmenti, għandu jiġi rrilevat li, fil-punti 172 u 173 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-punt 72 tal-Qafas Temporanju, kienu “rilevanti” biss l-ajruporti koordinati li fihom il-grupp Lufthansa kellu bażi. Skont dawn il-kriterji, il-Kummissjoni identifikat ħmistax-il ajruport li fihom il-grupp Lufthansa kellu bażi matul l-istaġuni tas-sajf 2019 u tax-xitwa 2019/2020 tal-IATA, li minnhom disgħa kienu koordinati, jiġifieri l-ajruporti ta’ Berlin, Brussell, Düsseldorf, Frankfurt am Main, Hamburg, München, Palma de Mallorca, Stuttgart u Vjenna. Sussegwentement, fil-punt 3.3.6.3 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni eżaminat jekk l-imsemmi grupp kellux SSS f’dawn id-disa’ ajruporti biss.

–       Fuq lesklużjoni talajruporti li fihom ilgrupp Lufthansa ma kellux bażi

325    Ryanair tilmenta li l-Kummissjoni llimitat l-eżami tagħha biss għall-ajruporti fejn il-grupp Lufthansa kellu bażi. Issa, trasportatur bl-ajru jista’ jeżerċita l-attivitajiet tiegħu minn u lejn ajruporti li fihom huwa ma jkollux bażi. Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn nuqqas ta’ motivazzjoni f’dan ir-rigward.

326    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

327    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni, għandu jiġi kkonstatat li, fl-aħħar parti tal-punt 237 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddikjarat li r-rekwiżit li tiġi stabbilita bażi kien neċessarju sabiex ikun hemm kompetizzjoni effettiva, u b’dan il-mod tiġi ggarantita l-effettività tal-miżura inkwistjoni. Fil-punt 240 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ppreċiżat li dan ir-rekwiżit kien isostni d-dħul jew l-espansjoni ta’ kompetitur vijabbli u kien jhedded il-grupp Lufthansa b’kompetizzjoni fuq il-parti l-kbira tar-rotot lejn jew mill-ajruport ikkonċernat. Għalkemm dawn il-punti tad-deċiżjoni kkontestata ċertament ma jirrigwardawx l-identifikazzjoni tal-ajruporti rilevanti, iżda r-rekwiżit, għal xerrej, li jistabbilixxi bażi fl-ajruporti ta’ Frankfurt am Main u ta’ München bħala kundizzjoni għall-akkwist tas-slots li huma s-suġġett tal-impenji strutturali, huma madankollu jesponu b’mod ċar u inekwivoku l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li wasslu lill-Kummissjoni sabiex tikkunsidra r-rilevanza tal-kriterju dwar iż-żamma ta’ bażi f’ajruport partikolari sabiex jiġu identifikati l-ajruporti li fihom il-grupp Lufthansa seta’ jkollu SSS.

328    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-mertu, għandu jiġi rrilevat li l-fatt li trasportatur bl-ajru għandu bażi f’ajruport partikolari għandu t-tendenza li jindika li dan huwa stabbilit f’dan l-ajruport b’mod sostenibbli, li jippermettilu jeżerċita pressjoni kompetittiva iktar sostnuta fuq il-kompetituri tiegħu li joperaw fl-istess ajruport.

329    Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza, id-disponibbiltà ta’ bażi toffri ċerti vantaġġi, bħall-flessibbiltà li tippermetti li jinbidlu r-rotot, l-użu tal-ajruplani f’post ieħor, il-minimizzazzjoni tal-ispejjeż relatati ma’ titjiriet li ma jistgħux isiru, l-iskambju tal-ekwipaġġi, is-servizz lill-klijentela jew tar-reputazzjoni tad-ditta kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Lulju 2010, Ryanair vs Il-Kummissjoni, T‑342/07, EU:T:2010:280, punt 269).

330    Barra minn hekk, l-istabbiliment ta’ bażi f’ajruport partikolari jimplika ġeneralment li parti mill-persunal tat-trasportatur bl-ajru inkwistjoni huwa marbut ma’ din il-bażi. Barra minn hekk, kif issostni l-Kummissjoni, l-ajruplani bbażati f’din il-bażi jistgħu jintużaw fuq kull waħda mir-rotot O & D li jitilqu minn din il-bażi. Minn dan isegwi li trasportatur bl-ajru li għandu bażi f’ajruport partikolari jista’ jinvesti iktar f’preżenza kummerċjali stabbli u sostenibbli minn trasportatur li jopera f’dan l-ajruport mingħajr ma jkollu bażi fih.

331    Issa, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkunsidrat li Ryanair ma wrietx b’mod suffiċjenti fid-dritt li l-grupp Lufthansa seta’ jkollu SSS fl-ajruporti li fihom huwa ma kellux bażi. Il-Kummissjoni setgħet għalhekk ġustament teskludi dawn l-ajruporti mill-analiżi tagħha.

332    Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud bħala infondat.

–       Fuq lajruporti li jinsabu barra millUnjoni

333    Ryanair issostni li l-Kummissjoni eskludiet b’mod żbaljat mill-analiżi tagħha l-ajruporti Svizzeri ta’ Zurich u ta’ Genève jew “diversi ajruporti Torok, pereżempju Izmir jew Antalya”, li fihom il-grupp Lufthansa għandu bażijiet.

334    Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika Franċiża, twieġeb, essenzjalment, li r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat japplikaw biss fit-territorju tal-Unjoni.

335    L-Artikolu 13 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar it-Trasport bl-Ajru (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 41, p. 94) jistabbilixxi regoli dwar l-għajnuna mill-Istat li tfasslu fuq il-mudell tal-Artikoli 107 sa 109 TFUE. Skont l-Artikolu 14 ta’ dan il-ftehim, il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Svizzeri għandhom jeżaminaw b’mod permanenti l-iskemi kollha ta’ għajnuna eżistenti fl-Istati Membri u fl-Isvizzera rispettivament. Għaldaqstant, dan il-ftehim ma jagħtix lill-Kummissjoni l-kompetenza sabiex teżamina l-għajnuna mill-Istat li tikkonċerna l-Isvizzera u wisq inqas sabiex timponi miżuri strutturali li għandhom japplikaw fit-territorju ta’ dan il-pajjiż. Lanqas ma jeżisti ftehim f’dan is-sens għat-Turkija.

336    L-argumenti mressqa minn Ryanair fuq dan il-punt ma humiex konvinċenti. Fil-fatt, is-sempliċi fatt li l-ajruporti Svizzeri u Torok imsemmija iktar ’il fuq huma konnessi ma’ ajruporti li jinsabu ġewwa l-Unjoni huwa irrilevanti. Dan l-argument huwa bbażat fuq loġika marbuta mal-approċċ O & D u mhux mal-approċċ ta’ “kull ajruport individwali”. Għalhekk, għalkemm, ċertament, il-metodu inerenti għall-approċċ O & D jippermetti lill-Kummissjoni, fil-kuntest tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet, teżamina l-effetti ta’ konċentrazzjoni fis-swieq O & D li fihom wieħed miż-żewġt ibliet jinsab fl-Unjoni u l-ieħor barra, l-approċċ ta’ “kull ajruport individwali” ma jistax, għall-kuntrarju, ikollu l-konsegwenza li jestendi l-kompetenza territorjali tal-Kummissjoni sabiex teżamina jekk il-benefiċjarju għandux SSS f’ajruporti li jinsabu f’pajjiżi terzi u li jimponilu, jekk ikun il-każ, miżuri strutturali fl-imsemmija ajruporti.

337    Bl-istess mod, Ryanair lanqas ma tista’ tibbaża ruħha fuq il-ġurisprudenza li abbażi tagħha l-Kummissjoni għandha kompetenza territorjali sabiex tapplika l-Artikoli 101 u 102 TFUE għall-prattiki adottati barra mill-Unjoni jekk jiġi stabbilit li dawn ipproduċew effetti kkwalifikati jew ġew implimentati fl-Unjoni. Skont din il-ġurisprudenza, l-effetti sostanzjali, prevedibbli u immedjati li tali prattiki jistgħu jipproduċu fi ħdan iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) jippermettu li tiġi ġġustifikata l-kompetenza tal-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il-Kummissjoni, C‑413/14 P, EU:C:2017:632, punti 18 u 44 sa 49).

338    Din il-ġurisprudenza, li tirrigwarda l-prattiki pprojbiti mill-Artikoli 101 u 102 TFUE adottati barra mill-Unjoni, iżda li jipproduċu effetti kkwalifikati fit-territorju tagħha, ma tistax tiġi trasposta fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat. Fil-fatt, l-effetti li għajnuna mill-Istat mogħtija minn Stat Membru tista’, jekk ikun il-każ, tipproduċi fuq il-kompetizzjoni f’pajjiżi barra mit-territorju tal-Unjoni ma humiex is-suġġett tar-regoli tal-Unjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat. Għalhekk, il-Kummissjoni ma hijiex kompetenti sabiex teżamina jekk il-grupp Lufthansa għandux SSS f’ajruport li jinsab f’pajjiż terz u sabiex tobbliga, jekk ikun il-każ, lill-imsemmi grupp jittrasferixxi parti mis-slots li huwa għandu f’tali ajruport.

339    Għaldaqstant, l-imsemmi ilment għandu jiġi miċħud bħala infondat.

–       Fuq lesklużjoni talajruporti mhux ikkoordinati

340    Ryanair tilmenta li l-Kummissjoni, li din tal-aħħar tikkontesta, naqset milli tevalwa l-pożizzjoni tal-grupp Lufthansa f’ajruporti mhux ikkoordinati, li fihom jeżistu ostakoli għad-dħul minbarra l-indisponibbiltà tas-slots. Ryanair tirreferi għal ħames ajruporti li fihom il-grupp Lufthansa għandu bażi u li huma kkunsidrati bħala ta’ “livell 2” f’dak li jirrigwarda l-potenzjal tagħhom ta’ konġestjoni, skont l-IATA.

341    Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni spjegat, fil-punt 181 tad-deċiżjoni kkontestata, li hija kienet użat il-klassifikazzjoni ta’ “ajruport ikkoordinat” skont ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 95/93 tat‑18 ta’ Jannar 1993 dwar ir-regoli komuni għall-allokazzjoni ta’ slots f’ajruporti tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 2, p. 3), bħala l-ewwel approssimazzjoni sabiex jiġi ddeterminat livell għoli ta’ konġestjoni ta’ ajruport. Skont il-Kummissjoni, tali klassifikazzjoni tfisser li, f’dawn l-ajruporti, id-domanda għal infrastrutturi tal-ajruporti, b’mod partikolari għas-slots applikabbli, taqbeż b’mod sinjifikattiv il-kapaċità tal-ajruport u li l-estensjoni tal-infrastrutturi tal-ajruporti sabiex tiġi ssodisfatta d-domanda ma hijiex possibbli fuq medda ta’ żmien qasir.

342    Ryanair ma tikkontestax li, fl-ajruporti mhux ikkoordinati, teżisti disponibbiltà ta’ slots suffiċjenti sabiex jippermettu d-dħul jew l-espansjoni ta’ kompetitur. F’dawn l-ajruporti, il-provvista ta’ slots disponibbli teċċedi, bħala regola ġenerali, id-domanda.

343    F’dawn iċ-ċirkustanzi, Ryanair ma tipprovdix provi konkreti insostenn tal-fatt li l-grupp Lufthansa kellu SSS f’ajruport mhux ikkoordinat.

344    Fit-tieni lok, Ryanair sempliċement issostni li l-ajruporti tal-“livell 2”, skont il-klassifikazzjoni tal-IATA, li fihom il-grupp Lufthansa għandu bażi, kellhom ukoll jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni.

345    Mill-proċess jirriżulta li l-kategorija ta’ ajruporti ta’ “livell 2”, skont il-klassifikazzjoni tal-IATA, tikkorrispondi għal dik ta’ “ajruport faċilitat bl-iskedi” fis-sens tal-Artikolu 2(i) tar-Regolament Nru 95/93, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Skont din id-dispożizzjoni, “ajruport faċilitat bl-iskedi” ifisser “ajruport fejn ikun hemm potenzal għall-konġestjoni f’xi perjodi tal-jum, ġimgħa jew sena li tista’ tiġi solvuta b’koperazzjoni volontarja bejn ġarriera ta’ l-ajru u fejn faċilitatur ta’ l-iskedi ikun ġie maħtur biex jiffaċilita l-operazzjonijiet tal-ġarriera ta’ l-ajru li joperaw servizzi jew li jkollhom il-ħsieb li joperaw servizzi f’dak l-ajruport”.

346    Minn dan jirriżulta li, fl-ajruporti ta’ “livell 2”, hemm ġeneralment kapaċitajiet suffiċjenti ta’ slots disponibbli, ħlief matul “xi perjodi tal-jum, ġimgħa jew sena”. Madankollu, dawn il-problemi speċifiċi jistgħu, bħala regola ġenerali, jiġu solvuti permezz ta’ kooperazzjoni volontarja bejn trasportaturi bl-ajru, b’tali mod li l-ħolqien ta’ kwalunkwe ostakolu eventwali għad-dħul jew għall-espansjoni li tirriżulta min-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ slots matul ċerti perijodi ta’ żmien jista’, bħala prinċipju, jiġi evitat.

347    Fi kwalunkwe każ, l-argument ta’ Ryanair jibqa’ ġenerali, sa fejn hija ma tipproduċix provi insostenn tal-fatt li l-grupp Lufthansa kellu SSS f’ajruport faċilitat bl-iskedi.

348    Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud bħala infondat.

–       Fuq ilklassifikazzjoni talajruport ta’ Hannover bħala ajruport ikkoordinat

349    Ryanair issostni li l-Kummissjoni naqset milli tikklassifika l-ajruport ta’ Hannover (il-Ġermanja) bħala ajruport ikkoordinat u, konsegwentement, milli tevalwa jekk il-grupp Lufthansa kellux SSS f’dan l-ajruport matul l-istaġuni tas-sajf 2019 u tax-xitwa 2019/2020 tal-IATA.

350    Issa huwa paċifiku li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ fatt fid-deċiżjoni kkontestata meta qieset li l-ajruport ta’ Hannover ma kienx ikkoordinat u billi ma eżaminatx jekk il-grupp Lufthansa kellux SSS f’dan l-ajruport. Fil-fatt, wara miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tal‑15 ta’ Novembru 2021, li kienet tirrigwarda b’mod partikolari din il-kwistjoni, il-Kummissjoni, fl‑14 ta’ Diċembru 2021, adottat id-deċiżjoni ta’ rettifika (ara l-punt 8 iktar ’il fuq), li fiha hija rrikonoxxiet li wettqet żball, peress li, effettivament, l-ajruport ta’ Hannover huwa ajruport ikkoordinat. F’din id-deċiżjoni, hija eżaminat jekk il-grupp Lufthansa kellux SSS f’dan l-ajruport u kkonkludiet li dan ma kienx il-każ.

351    Fir-risposta tagħha għall-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, Ryanair issostni, essenzjalment, li d-deċiżjoni ta’ rettifika ma tistax tirrimedja ex post għall-iżball li jinsab fid-deċiżjoni kkontestata dwar il-klassifikazzjoni tal-ajruport ta’ Hannover bħala ajruport ikkoordinat u li, barra minn hekk, l-evalwazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni f’din id-deċiżjoni tal-eżistenza ta’ SSS tal-benefiċjarju kkonċernat f’dan l-ajruport hija żbaljata.

352    Condor, min-naħa tagħha, ma tikkontestax li l-Kummissjoni setgħet tikkoreġi d-deċiżjoni kkontestata fil-mori tal-kawża, iżda ssostni li hija ma waslitx, fuq il-mertu, sabiex tikkoreġi l-iżbalji li bihom hija vvizzjata d-deċiżjoni kkontestata, kif emendata bid-deċiżjoni ta’ rettifika.

353    Skont l-Artikolu 86(1) tal-istess Regoli tal-Proċedura, meta att li jkun qiegħed jintalab l-annullament tiegħu jiġi ssostitwit jew emendat b’att ieħor li jkollu l-istess suġġett, ir-rikorrent jista’, qabel l-għeluq tal-fażi orali tal-proċedura jew qabel id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li taqta’ l-kawża mingħajr il-fażi orali tal-proċedura, jadatta r-rikors sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni dan l-element ġdid. Għaldaqstant, ir-Regoli tal-Proċedura jirrikonoxxu l-possibbiltà għal istituzzjoni, korp jew organu tal-Unjoni li jemendaw l-att ikkontestat fil-mori tal-kawża.

354    Bl-istess mod, skont il-ġurisprudenza, għandu jitfakkar li, meta deċiżjoni hija, fil-mori tal-kawża, issostitwita b’deċiżjoni li għandha l-istess suġġett, din għandha titqies bħala element ġdid li jippermetti lir-rikorrent jadatta t-talbiet u l-motivi tiegħu. Fil-fatt, ikun kuntrarju għal amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u għar-rekwiżit tal-ekonomija tal-ġudizzju li r-rikorrent jiġi obbligat jippreżenta rikors ġdid (sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2011, Région Nord-Pas-de-Calais u Communauté d’agglomération du Douaisis vs Il-Kummissjoni, T‑267/08 u T‑279/08, EU:T:2011:209, punt 23).

355    Għaldaqstant, u bla ħsara għad-deċiżjoni dwar l-ispejjeż, għandu jiġi miċħud l-argument ta’ Ryanair li l-Kummissjoni ma hijiex awtorizzata temenda d-deċiżjoni kkontestata fil-mori tal-kawża u li tikkonstata, konsegwentement, li l-iżball inizjalment imwettaq fid-deċiżjoni kkontestata, sa fejn il-Kummissjoni ma kklassifikatx l-ajruport ta’ Hannover bħala ajruport ikkoordinat, ġie kkoreġut permezz tad-deċiżjoni ta’ rettifika.

356    Fir-rigward tal-argumenti ta’ Ryanair u ta’ Condor dwar l-evalwazzjoni, magħmula mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni ta’ rettifika, tal-eżistenza ta’ SSS tal-benefiċjarju f’dan l-ajruport, dawn ser jiġu eżaminati iktar ’il quddiem.

357    Għaldaqstant, l-ilment ta’ Ryanair għandu jiġi miċħud bħala infondat.

iii) Konklużjoni dwar lidentifikazzjoni tasswieq rilevanti

358    Mill-punti 300 sa 357 iktar ’il fuq jirriżulta li l-argumenti kollha tar-rikorrenti dwar id-definizzjoni tas-swieq rilevanti għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

2)      Fuq leżistenza ta’ SSS talbenefiċjarju kkonċernat flajruporti rilevanti

359    Fil-kuntest tal-ħames parti tal-ewwel motiv tagħha, Ryanair issostni, l-ewwel, essenzjalment, li l-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ SSS hija min-natura tagħha prospettiva u tilmenta li l-Kummissjoni bbażat l-evalwazzjoni tagħha tas-saħħa tal-grupp Lufthansa fuq fattur wieħed, jiġifieri id-disponibbiltà ta’ slots fl-iskeda, mingħajr ma indikat għalfejn fatturi oħra ma kinux rilevanti.

360    It-tieni, il-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li l-benefiċjarju kkonċernat ma kellux SSS fl-ajruporti ta’ Düsseldorf u ta’ Vjenna. Barra minn hekk, hija applikat l-approċċ ta’ “kull ajruport individwali” b’mod inkoerenti meta nislet konklużjonijiet opposti dwar l-eżistenza ta’ SSS tal-grupp Lufthansa fl-ajruporti fejn ir-riżultati tal-analiżi tal-Kummissjoni stess huma madankollu simili. B’mod partikolari, Ryanair tqis li, abbażi tal-istess kriterji li ppermettew lill-Kummissjoni tikkonkludi li l-grupp Lufthansa kellu SSS fl-ajruporti ta’ Frankfurt u ta’ München, din kellha tasal għall-istess konklużjoni fir-rigward tal-ajruporti ta’ Düsseldorf u ta’ Vjenna. Fil-fatt, id-data dwar is-sehem tas-slots miżmum mill-imsemmi grupp f’dawn l-ajruporti kollha, il-livelli ta’ konġestjoni u l-ikbar sehem tas-slots miżmum mill-imsemmi grupp fi tliet perijodi ma humiex materjalment differenti. Fir-risposta tagħha għall-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, Ryanair iżżid li l-evalwazzjoni magħmula mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni ta’ rettifika, li l-grupp Lufthansa ma għandux SSS fl-ajruport ta’ Hannover, hija wkoll żbaljata.

361    Condor, fil-kuntest tal-ewwel parti tal-ewwel motiv tagħha, issostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ evalwazzjoni tas-SSS tal-grupp Lufthansa fl-ajruporti kkonċernati u wettqet analiżi insuffiċjenti u inkompleta f’dan ir-rigward, sa fejn hija eżaminat biss kriterji relatati mal-kapaċità tal-ajruport, bħalma huma s-slots, li madankollu jikkostitwixxu biss parti mill-fatturi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni. Għalhekk hija ħadet inkunsiderazzjoni biss is-swieq orjentati lejn id-domanda għal kapaċità tal-ajruporti. Issa, il-Kummissjoni kellha wkoll tieħu inkunsiderazzjoni l-parametri li jikkonċernaw l-ishma tas-suq reali fuq it-titjiriet u għalhekk tas-swieq orjentati lejn id-domanda għal servizzi ta’ trasport bl-ajru ta’ passiġġieri. Għalhekk, kieku l-Kummissjoni kienet ħadet inkunsiderazzjoni tali parametri, pereżempju l-ishma tas-suq miżmuma mill-grupp Lufthansa f’termini ta’ frekwenza tat-titjiriet u ta’ siġġijiet offruti fl-ajruporti rispettivi, hija kien ikollha dubji serji dwar il-kwistjoni jekk il-grupp Lufthansa kellux SSS mhux biss fl-ajruporti ta’ München u ta’ Frankfurt, iżda wkoll fl-ajruporti ta’ Düsseldorf, ta’ Hamburg, ta’ Stuttgart, ta’ Vjenna, ta’ Brussell u ta’ Hannover. Fin-nota ta’ adattament, Condor issostni li l-istess żbalji u insuffiċjenzi jaffettwaw ukoll id-deċiżjoni ta’ rettifika.

362    Il-Kummissjoni, sostnuta minn DLH u mir-Repubblika Franċiża, tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti fuq il-bażi, essenzjalment, tal-motivi esposti fid-deċiżjoni kkontestata.

363    Qabel ma teżamina l-argumenti tar-rikorrenti, il-Qorti Ġenerali tqis li huwa neċessarju li jiġi ċċarat, preliminarjament, il-kunċett ta’ SSS.

i)      Fuq ilkunċett ta’ SSS

364    Il-kunċett ta’ SSS ma huwiex iddefinit fil-Qafas Temporanju, u lanqas b’mod iktar ġenerali fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat.

365    Dan il-kunċett joriġina mill-Artikolu 63(2) tad-Direttiva (UE) 2018/1972, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Diċembru 2018 li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (ĠU 2018, L 321, p. 36, rettifika fil-ĠU 2019, L 334, p. 164 u fil-ĠU 2020, L 419, p. 36). Skont din id-dispożizzjoni, impriża titqies li għandha SSS meta, individwalment jew konġuntement ma’ oħrajn tgawdi minn pożizzjoni ekwivalenti għal pożizzjoni dominanti, jiġifieri pożizzjoni ta’ saħħa ekonomika li tippermettilha taġixxi, b’mod sinjifikattiv, b’mod indipendenti mill-kompetituri tagħha, mill-klijenti tagħha u, fl-aħħar mill-aħħar, mill-konsumaturi.

366    Skont il-premessa 161 tad-Direttiva 2018/1972, id-definizzjoni tas-SSS adottata f’din id-direttiva hija “ekwivalenti għall-kunċett ta’ dominanza kif definit fil-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja [tal-Unjoni Ewropea]”.

367    Il-Qorti Ġenerali tqis li ma teżistix raġuni oġġettiva għall-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ SSS fis-sens tal-punt 72 tal-Qafas Temporanju b’mod differenti minn dak li jirriżulta mid-Direttiva 2018/1972. Barra minn hekk, il-partijiet jaqblu li dan il-kunċett għandu jiġi interpretat b’mod uniformi.

368    Għaldaqstant, il-kunċett ta’ SSS fis-sens tal-punt 72 tal-Qafas Temporanju għandu jitqies, essenzjalment, bħala ekwivalenti għal dak ta’ pożizzjoni dominanti fid-dritt tal-kompetizzjoni.

369    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-pożizzjoni dominanti hija ddefinita fid-dritt tal-Unjoni bħala sitwazzjoni ta’ saħħa ekonomika ta’ impriża, li tagħtiha s-saħħa li tostakola ż-żamma ta’ kompetizzjoni effettiva fis-suq rilevanti billi tagħtiha l-possibbiltà li taġixxi, b’mod sinjifikattiv, indipendenti mill-kompetituri tagħha, mill-klijenti tagħha u, fl-aħħar mill-aħħar, mill-konsumaturi (sentenzi tal‑14 ta’ Frar 1978, United Brands u United Brands Continentaal vs Il-Kummissjoni, 27/76, EU:C:1978:22, punt 65, u tat‑13 ta’ Frar 1979, Hoffmann-La Roche vs Il-Kummissjoni, 85/76, EU:C:1979:36, punt 38).

370    Barra minn hekk, ġie deċiż li sehem mis-suq ogħla jew ugwali għal 50 % kien jikkostitwixxi preżunzjoni ta’ eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Lulju 1991, AKZO vs Il-Kummissjoni, C‑62/86, EU:C:1991:286, punt 60). Barra minn hekk, fis-sentenza tagħha tal‑14 ta’ Frar 1978, United Brands u United Brands Continentaal vs Il-Kummissjoni (27/76, EU:C:1978:22, punti 107 sa 113), il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-fatt li impriża kellha sehem mis-suq ta’ bejn 40 % u 45 %, ma jippermettix, fih innifsu, li jiġi konkluż li hija kellha pożizzjoni dominanti, iżda li tali konklużjoni setgħet tinsilet minn dan il-fatt, meħud flimkien ma’ fatturi oħra, bħal b’mod partikolari s-saħħa u n-numru ta’ kompetituri. F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li kien hemm pożizzjoni dominanti minħabba sehem mis-suq ta’ bejn 40 u 45 %, flimkien mal-fatt li dan is-sehem mis-suq kien ħafna ikbar minn dak tal-ikbar kompetitur tiegħu, filwaqt li l-oħrajn kienu ferm wara.

371    Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li ssostni Ryanair, l-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ SSS ma hijiex, min-natura tagħha, prospettiva. Fil-fatt, din l-evalwazzjoni għandha ssir skont is-sitwazzjoni kif tkun teżisti meta tiġi kkomunikata l-miżura inkwistjoni. Jekk il-benefiċjarju ma jgawdix minn SSS fil-mument tal-imsemmija komunikazzjoni, il-punt 72 tal-Qafas Temporanju ma japplikax. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma eżaminatx jekk, wara l-għoti tal-għajnuna, il-benefiċjarju setax jikseb SSS.

372    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandhom jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti.

ii)    Fuq ilkriterji ta’ evalwazzjoni tasSSS

373    Fil-punt 179 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li hija kienet qegħda tevalwa jekk il-grupp Lufthansa kellux SSS fl-ajruporti rilevanti fuq il-bażi tal-eżami ta’ tliet kriterji, jiġifieri, l-ewwel, is-sehem tas-slots miżmuma minn dan il-grupp f’dawn l-ajruporti, it-tieni, il-livell ta’ konġestjoni f’dawn l-ajruporti, u, it-tielet, is-sehem tas-slots miżmuma mill-kompetituri. Jirriżulta minn punti oħra tad-deċiżjoni kkontestata li l-Kummissjoni qieset ukoll in-numru ta’ ajruplani bbażati f’uħud mill-ajruporti rilevanti operati mill-imsemmi grupp u mill-kompetituri tiegħu.

374    Fil-punt 3.3.6.4 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni eżaminat, abbażi tal-kriterji msemmija iktar ’il fuq, jekk il-grupp Lufthansa kellux SSS f’disa’ ajruporti kkoordinati, jiġifieri dawk ta’ Berlin Tegel, Brussell, Düsseldorf, Frankfurt, Hamburg, München, Palma de Mallorca, Stuttgart u Vjenna. Fid-deċiżjoni ta’ rettifika, il-Kummissjoni eżaminat, abbażi tal-istess kriterji, jekk dan il-grupp kellux SSS fl-ajruport ta’ Hannover.

375    Ryanair u Condor isostnu, essenzjalment, li l-Kummissjoni kienet iffokat b’mod żbaljat fuq kriterji relatati mal-kapaċità tal-ajruport, bl-esklużjoni ta’ fatturi oħra li huma wkoll rilevanti, bħalma huma l-ishma tas-suq reali tal-benefiċjarju u tal-kompetituri tiegħu (ara l-punti 359 sa 361 iktar ’il fuq).

376    L-ewwel, għandu jiġi kkonstatat, bħar-rikorrenti, li l-kriterji li abbażi tagħhom il-Kummissjoni evalwat l-eżistenza ta’ SSS tal-grupp Lufthansa fl-ajruporti rilevanti kienu jikkonċernaw prinċipalment il-kapaċità tal-ajruport. Fil-fatt, is-“sehem tas-slots” huwa ddefinit, fil-punt 180 tad-deċiżjoni kkontestata, bħala l-“proporzjon bejn in-numru ta’ slots miżmuma minn trasportatur bl-ajru (jew mit-trasportaturi bl-ajru li jagħmlu parti mill-istess grupp) f’ajruport u n-numru totali ta’ slots disponibbli f’dan l-ajruport (jiġifieri l-kapaċità ta’ dan l-ajruport)”. Il-“livell ta’ konġestjoni” jikkorrispondi, min-naħa tiegħu, għall-proporzjon tas-slots allokati lit-trasportaturi bl-ajru kollha fl-ajruport ikkonċernat meta mqabbel mal-kapaċità globali ta’ dan l-ajruport f’termini ta’ slots. Għaldaqstant, dawn il-kriterji jirrigwardaw, essenzjalment, il-kapaċità tal-ajruporti u jikkonċernaw l-aċċess tal-benefiċjarju u tal-kompetituri tiegħu għall-infrastruttura tal-ajruport fl-ajruporti kkonċernati.

377    Issa, fil-punt 170 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddefinixxiet is-swieq inkwistjoni bħala s-swieq tas-servizzi tat-trasport bl-ajru tal-passiġġieri. Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk il-kriterji msemmija fil-punt 373 iktar ’il fuq jikkostitwixxux il-fatturi rilevanti kollha li l-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-eżami tal-eżistenza ta’ SSS tal-benefiċjarju tal-għajnuna fis-swieq tas-servizzi ta’ trasport bl-ajru tal-passiġġieri.

378    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm, ċertament, il-kriterji msemmija fil-punt 373 iktar ’il fuq huma rilevanti sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ SSS, peress li l-aċċess għas-slots huwa ostakolu sinjifikattiv għad-dħul għall-provvista ta’ servizzi ta’ trasport bl-ajru tal-passiġġieri, fatt li barra minn hekk ma huwiex ikkontestat mir-rikorrenti, xorta jibqa’ l-fatt li l-fatturi li jikkonċernaw il-provvista ta’ servizzi ta’ trasport bl-ajru tal-passiġġieri għandhom, huma wkoll, importanza partikolari sa fejn jipprovdu informazzjoni dwar l-ishma mis-suq miżmuma mill-benefiċjarju u mill-kompetituri tiegħu fis-suq tas-servizzi ta’ trasport bl-ajru tal-passiġġieri.

379    Fil-fatt, l-ishma mis-slots miżmuma mill-benefiċjarju ikkonċernat u mill-kompetituri tiegħu ma jipprovdux informazzjoni diretta f’dak li jirrigwarda l-ishma tagħhom mis-suq tas-servizzi ta’ trasport bl-ajru ta’ passiġġieri. Minn naħa, ma huwiex ikkontestat li, minħabba d-daqs differenti tal-ajruplani użati mit-trasportaturi bl-ajru fl-islots assenjati lilhom, in-numru ta’ siġġijiet offruti minnhom jista’ jvarja b’mod kunsiderevoli fi ħdan slot partikolari. Min-naħa l-oħra, lanqas ma huwa kkontestat li t-trasportaturi bl-ajru jistgħu joperaw numru differenti ta’ titjiriet, skont l-ippjanar jew l-effiċjenza tagħhom, matul slot partikolari. Għalhekk, l-ishma tas-slots għalhekk ma jipprovdux informazzjoni diretta fuq il-provvista ta’ servizzi ta’ trasport bl-ajru ta’ passiġġieri, sa fejn dawn ma jinkludux il-parametri msemmija iktar ’il fuq, li jistgħu, skont il-każ, ikollhom effett sinjifikattiv fuq il-provvista ta’ titjiriet u ta’ siġġijiet fis-swieq tas-servizzi rilevanti.

380    Barra minn hekk, mill-atti tal-proċess quddiem il-Qorti Ġenerali u b’mod partikolari mid-data pprovduta minn Condor, li l-materjalità tagħha ma hijiex ikkontestata mill-Kummissjoni, mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, mir-Repubblika Franċiża u minn DLH, jirriżulta li l-ishma tas-suq tal-benefiċjarju kkonċernat, espressi f’termini ta’ frekwenzi (numru ta’ titjiriet) u ta’ siġġijiet offruti minn jew lejn ajruporti rilevanti jaqbżu, xi kultant b’mod kunsiderevoli, l-ishma tas-slots li huwa għandu, kif elenkati fid-deċiżjoni kkontestata.

381    Issa, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-ishma tas-suq tal-benefiċjarju kkonċernat u tal-kompetituri tiegħu fis-suq tal-provvista tas-servizzi ta’ trasport bl-ajru ta’ passiġġieri.

382    Madankollu, peress li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddefinixxiet is-swieq inkwistjoni bħala s-swieq tas-servizzi tat-trasport bl-ajru tal-passiġġieri, hija ma setgħetx tinjora l-fatturi li jikkonċernaw direttament il-provvista ta’ dawn is-servizzi.

383    It-tieni, għandu jitfakkar li, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ SSS, kunċett qrib, jew ekwivalenti għal dak ta’ pożizzjoni dominanti (ara l-punt 368 iktar ’il fuq), l-ishma tas-suq jagħtu l-ewwel indikazzjoni utli fuq l-istruttura tas-suq u l-importanza relattiva tal-impriżi attivi fih. Għalhekk, jekk is-sehem mis-suq ikun kbir u miżmum għal żmien twil, huwa probabbli ħafna li dan l-element jikkostitwixxi l-ewwel indizju serju tal-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Frar 1979, Hoffmann-La Roche vs Il-Kummissjoni, 85/76, EU:C:1979:36, punti 39 sa 41; tat‑3 ta’ Lulju 1991, AKZO vs Il-Kummissjoni, C‑62/86, EU:C:1991:286, punti 59 u 60, u tat‑12 ta’ Diċembru 1991, Hilti vs Il-Kummissjoni, T‑30/89, EU:T:1991:70, punti 90 sa 92).

384    Bl-istess mod, il-qorti tal-Unjoni enfasizzat diversi drabi li l-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti tista’ tirriżulta minn diversi fatturi li, meħuda waħedhom, ma humiex neċessarjament determinanti, iżda li fost dawn il-fatturi l-eżistenza ta’ ishma kbar mis-suq hija sinjifikattiva ħafna (sentenza tat‑13 ta’ Frar 1979, Hoffmann-La Roche vs Il-Kummissjoni, 85/76, EU:C:1979:36, punt 39). Għalhekk, ir-relazzjoni bejn l-ishma mis-suq miżmuma mill-impriża inkwistjoni u mill-kompetituri tagħha, b’mod partikolari dawk immedjatament warajha, tikkostitwixxi indizju validu tal-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti (sentenza tat‑23 ta’ Frar 2006, Cementbouw Handel & Industrie vs Il-Kummissjoni, T‑282/02, EU:T:2006:64, punt 201 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2003, British Airways vs Il-Kummissjoni, T‑219/99, EU:T:2003:343, punti 210 u 211). Barra minn hekk, f’ċerti każijiet, l-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti tista’ saħansitra tiġi preżunta abbażi tal-ishma tas-suq biss, jekk jaqbżu l-limitu ta’ 50 % (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 370 iktar ’il fuq).

385    Għalhekk, hija l-Kummissjoni li għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha għall-eżami tal-eżistenza ta’ SSS, relatati kemm mal-ostakoli għad-dħul u għall-espansjoni kif ukoll mal-ishma mis-suq miżmuma mill-benefiċjarju ikkonċernat u mill-kompetituri tiegħu fis-suq tas-servizzi ta’ trasport bl-ajru tal-passiġġieri.

386    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandu jiġi konkluż, bħalma għamlu r-rikorrenti, li, billi eżaminat biss il-fatturi relatati, essenzjalment, mal-ostakoli għad-dħul u għall-espansjoni min-naħa tal-kapaċità tal-ajruport, il-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha f’dan il-każ sabiex tevalwa s-saħħa fis-suq tal-benefiċjarju kkonċernat fl-ajruporti rilevanti, b’tali mod li wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni li jivvizzja d-deċiżjoni kkontestata, kif irrettifikata mid-deċiżjoni ta’ rettifika.

387    Għaldaqstant, dan l-ilment huwa fondat u għandu jintlaqa’.

iii) Fuq ilkwistjoni dwar jekk ilgrupp Lufthansa kellux SSS flajruporti rilevanti

388    Ryanair tqis li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkonkludiet, abbażi tal-kriterji li hija eżaminat, li l-grupp Lufthansa ma kellux SSS fl-ajruporti ta’ Düsseldorf u ta’ Vjenna. Barra minn hekk, skont Ryanair, anki jekk jitqies li l-pożizzjoni tal-grupp Lufthansa fl-ajruporti ta’ Frankfurt u ta’ München kienet iktar b’saħħitha mill-pożizzjoni tiegħu fl-ajruporti ta’ Düsseldorf u ta’ Vjenna, xorta jibqa’ l-fatt li l-imsemmi grupp kien igawdi wkoll minn SSS f’dawn tal-aħħar. Fir-risposta tagħha għall-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, Ryanair iżżid li l-Kummissjoni kkonkludiet b’mod żbaljat, fid-deċiżjoni ta’ rettifika, li l-grupp Lufthansa ma kellux SSS fl-ajruport ta’ Hannover. F’dan ir-rigward, hija tibbaża ruħha fuq data dwar is-sehem tat-titjiriet u tas-siġġijiet operati mill-grupp Lufthansa u mill-kompetituri tagħha minn dan l-ajruport.

389    Barra minn hekk, Ryanair issostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni applikat b’mod inkoerenti l-punt 72 tal-Qafas Temporanju sa fejn hija kkonkludiet, abbażi ta’ fatturi li ma humiex materjalment differenti, li l-grupp Lufthansa kellu SSS fl-ajruporti ta’ Frankfurt u ta’ München, iżda mhux f’dawk ta’ Düsseldorf u ta’ Vjenna.

390    Billi bbażat ruħha fuq data dwar is-sehem mis-suq tal-grupp Lufthansa f’termini ta’ frekwenzi (titjiriet operati) u ta’ siġġijiet fl-ajruporti ta’ Düsseldorf, ta’ Vjenna, ta’ Brussell, ta’ Stuttgart u ta’ Hamburg matul l-istaġuni tas-sajf 2019 u tax-xitwa 2019/2020 tal-IATA, li fuq il-bażi tagħha l-ishma tas-suq tagħha kienu ħafna drabi jaqbżu l-50 %, Condor issostni li, kieku l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni dawn il-parametri, hija kien ikollha dubji serji waqt l-evalwazzjoni tas-SSS tal-grupp Lufthansa f’dawn l-ajruporti. Fin-nota ta’ adattament, Condor iżżid li dan huwa l-każ ukoll fir-rigward tal-ajruport ta’ Hannover, billi tirreferi għall-istess tip ta’ data.

391    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonkludiet, abbażi biss tal-kriterji mfakkra fil-punt 373 iktar ’il fuq, jiġifieri l-parti tas-slots miżmuma minn dan il-grupp f’dawn l-ajruporti, il-livell ta’ konġestjoni f’dawn l-ajruporti u, għal ċerti ajruporti, il-parti tas-slots miżmuma mill-kompetituri u n-numru ta’ ajruplani operati mill-imsemmi grupp u mill-kompetituri tiegħu, li l-grupp Lufthansa kien igawdi minn SSS fl-ajruporti ta’ Frankfurt u ta’ München matul l-istaġuni tas-sajf 2019 u tax-xitwa 2019/2020, li ma kienx il-każ fir-rigward tal-ajruporti l-oħra.

392    Fl-ewwel lok, fir-rigward tad-data ppreżentata minn Condor, li l-eżattezza tagħha ma hija kkontestata la mill-Kummissjoni, la mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, la mir-Repubblika Franċiża, u lanqas minn DLH, għandu jiġi kkonstatat li minnha jirriżulta li l-ishma mis-suq tal-grupp Lufthansa f’termini ta’ frekwenzi jvarjaw bejn 50 % u 62 % fl-ajruporti ta’ Düsseldorf, ta’ Vjenna, ta’ Brussell, ta’ Stuttgart u ta’ Hamburg matul l-istaġun tas-sajf tal-2019 tal-IATA u bejn 47 % u 57 % fl-istess ajruporti matul l-istaġun tax-xitwa 2019/2020 tal-IATA. F’termini ta’ siġġijiet, is-sehem mis-suq tal-imsemmi grupp ivarja bejn 47 % u 57 % fl-imsemmija ajruporti matul l-istaġun tas-sajf 2019 tal-IATA u bejn 44 % u 56 % matul l-istaġun tax-xitwa 2019/2020 tal-IATA. Dawn iċ-ċifri huma, rispettivament, għall-istaġun tas-sajf u għall-istaġun tax-xitwa, ta’ 45 % u 46 % fir-rigward tal-parti tal-frekwenzi mwettqa mill-grupp Lufthansa fl-ajruport ta’ Hannover u ta’ 45 % u ta’ 48 % f’dak li jirrigwarda s-sehem tiegħu ta’ siġġijiet f’dan l-ajruport matul l-istess staġuni.

393    Barra minn hekk, fir-risposta tagħha għall-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, Ryanair tippreżenta wkoll data tal-istess tip li tikkonċerna l-ajruport ta’ Hannover, li tgħid li s-sehem tal-grupp Lufthansa f’termini ta’ frekwenzi u ta’ siġġijiet huwa bejn 42 % u 46 % skont l-istaġuni, filwaqt li dak tal-kompetituri tagħha hija bejn 3 % u 13 %.

394    Madankollu, ma huwiex l-obbligu tal-Qorti Ġenerali li tissostitwixxi l-evalwazzjoni ekonomika tagħha għal dik tal-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2021, Autostrada Wielkopolska vs Il-Kummissjoni u Il-Polonja, C‑933/19 P, EU:C:2021:905, punt 116 u l-ġurisprudenza ċċitata) bl-evalwazzjoni, għall-ewwel darba, tal-impatt tal-parametri ċċitati mir-rikorrenti u r-rabta tagħhom mal-kriterji diġà eżaminati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ SSS tal-benefiċjarju kkonċernat fl-ajruporti msemmija.

395    Fil-fatt, hija l-Kummissjoni, fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjoni kkontestata, li għandha twettaq evalwazzjoni globali kemm tal-kriterji li hija ħadet inkunsiderazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata, u mfakkra fil-punt 373 iktar ’il fuq, kif ukoll tal-kriterji rilevanti relatati mal-ishma tas-suq tal-benefiċjarju u tal-kompetituri tiegħu fis-suq tal-provvista tas-servizzi ta’ trasport bl-ajru ta’ passiġġieri.

396    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument ta’ Ryanair li, abbażi tal-kriterji eżaminati mill-Kummissjoni, din ma setgħetx tikkonkludi li l-grupp Lufthansa ma kellux SSS fl-ajruporti ta’ Düsseldorf u ta’ Vjenna, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, fir-rigward tal-ajruport ta’ Düsseldorf, li l-fatturi meħuda inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni, kif elenkati fid-deċiżjoni kkontestata, huma s-segwenti:


Ajruport/staġun

Grupp LH sehem mis-slots

Grupp LH l-ikbar sehem mis-slots

Livell ta’ konġestjoni

Livelli ta’ konġestjoni l-iktar għoljin

Numru ta’ ajruplani

Numru ta’ ajruplani kompetituri

DUSS sajf 2019

[40-50] %

[55-65] %

[50-60] %

[50-60] %

[80-90] %

[90-100] %

[90-100] %

[90-100] %

40-50

Ryanair: 7

TUIfly: 7

Condor: 5

easyJet: 2

DUSS xitwa 2019/2020

[30-40] %

[50-60] %

[45-55]%

[35-45] %

[60-70] %

[90-100] %

[80-90] %

[70-80] %

40-50

Ryanair: 7

TUIfly: 7

Condor: 5

easyJet: 2


397    Din id-data turi li l-sehem medju tas-slots miżmum mill-grupp Lufthansa fl-ajruport ta’ Düsseldorf matul l-istaġun tas-sajf 2019 tal-IATA, jiġifieri [40-50] %, jaqbeż il-limitu ta’ 40 %, li, skont il-ġurisprudenza dwar il-kunċett ta’ pożizzjoni dominanti, huwa l-ewwel indizju, fost oħrajn, li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni (ara, b’analoġija, il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 370 iktar ’il fuq). Dan is-sehem jiżdied għal bejn ([50-60] % sa [55-65] %) matul il-ħinijiet l-iktar intensivi.

398    Barra minn hekk, il-livell medju ta’ konġestjoni f’dan l-ajruport matul l-istaġun tas-sajf 2019 tal-IATA huwa għoli ħafna, jiġifieri bejn [80-90] % li jiżdied għal [90-100] %) matul il-ħinijiet l-iktar intensivi. Issa, skont id-deċiżjoni kkontestata, livell ta’ konġestjoni ta’ iktar minn 60 % ma huwiex prima facie problematiku (punt 182 tad-deċiżjoni kkontestata). Għall-kuntrarju, livell ta’ konġestjoni ta’ iktar minn 60 %, bħal f’dan il-każ, huwa problematiku.

399    Barra minn hekk, il-kompetizzjoni li jaffaċċja l-grupp Lufthansa f’dan l-ajruport hija dgħajfa ħafna u frammentata. Fil-fatt, skont l-unika data dwar il-kompetituri tal-grupp Lufthansa preżenti f’dan l-ajruport, dawn għandhom biss seba’ (Ryanair u TUIfly), ħames (Condor) u żewġ (easyJet) ajruplani li joperaw f’dan l-ajruport, filwaqt li l-grupp Lufthansa għandu bejn 40 u 50 ajruplan.

400    L-evalwazzjoni globali ta’ dawn il-kriterji turi l-eżistenza ta’ sehem mis-slots kbir ħafna, inkluż matul il-ħinijiet l-iktar intensivi, tal-grupp Lufthansa, livell għoli ħafna ta’ konġestjoni, ikkaratterizzat minn konġestjoni kważi sħiħa matul il-ħinijiet l-iktar intensivi u pożizzjoni dgħajfa tal-kompetituri tal-imsemmi grupp.

401    Għaldaqstant, abbażi ta’ dawn il-kriterji biss, il-Kummissjoni ma setgħetx tikkonkludi b’mod korrett li l-grupp Lufthansa ma kellux SSS fl-ajruport ta’ Düsseldorf tal-inqas matul l-istaġun tas-sajf 2019 tal-IATA.

402    It-tieni, kif issostni Ryanair, il-kriterji li wasslu lill-Kummissjoni sabiex tikkonkludi li l-grupp Lufthansa kellu SSS fl-ajruporti ta’ Frankfurt u ta’ München ma humiex materjalment differenti minn dawk li jikkonċernaw l-ajruport ta’ Düsseldorf, tal-inqas fir-rigward tal-istaġun tas-sajf 2019 tal-IATA. Fil-fatt, id-data dwar dan l-aħħar ajruport li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata u mfakkra fil-punt 403 iktar ’il fuq hija, essenzjalment, paragunabbli, jew tmur lil hinn minn dik li tikkaratterizza s-sitwazzjoni kompetittiva fl-ajruporti ta’ Frankfurt u ta’ München matul l-istaġun tax-xitwa 2019/2020 tal-IATA, li fir-rigward tiegħu l-Kummissjoni kkonkludiet li l-grupp Lufthansa kellu SSS.

403    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-ajruport ta’ Vjenna, il-fatturi meħuda inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni huma indikati fil-qosor kif ġej:

Ajruport/staġun

Grupp LH sehem mis-slots

Grupp LH l-ikbar sehem mis-slots

Livell ta’ konġestjoni

Livelli ta’ konġestjoni l-iktar għoljin

Numru ta’ ajruplani

Numru ta’ ajruplani kompetituri

VIE sajf 2019

[35-45] %

[50-60] %
[50-60]%
[50-60] %

[70-80] %

[80-90] %
[80-90] %
[80-90] %

80-90

Ryanair 8

Wizzair: 5

VIE xitwa 2019/2020

[25-35] %

[40-50] %
[40-50] %
[40-50] %

[50-60] %

[70-80] %
[60-70] %
[60-70] %

80-90

Ryanair 8

Wizzair: 5


404    Din id-data turi li s-sehem medju mis-slots miżmum mill-grupp Lufthansa fl-ajruport ta’ Vjenna matul l-istaġun tas-sajf 2019 tal-IATA, jiġifieri [35-45]% [kunfidenzjali]. Barra minn hekk, dan is-sehem huwa saħansitra ogħla ([50-60] %) matul il-ħinijiet l-iktar intensivi.

405    Barra minn hekk, il-livell medju ta’ konġestjoni f’dan l-ajruport matul l-istaġun tas-sajf 2019 tal-IATA huwa għoli ħafna, jiġifieri [70-80]% li jiżdied għal [80-90] % matul il-ħinijiet l-iktar intensivi. Issa, skont id-deċiżjoni kkontestata, livell ta’ konġestjoni ta’ iktar minn 60 % ma huwiex prima facie problematiku (punt 182 tad-deċiżjoni kkontestata). Għall-kuntrarju, livell ta’ konġestjoni ta’ iktar minn 60 %, bħal f’dan il-każ, huwa problematiku.

406    Barra minn hekk, il-kompetizzjoni li jaffaċċja l-grupp Lufthansa fl-ajruport ta’ Vjenna hija dgħajfa ħafna u frammentata. Fil-fatt, skont l-unika data dwar il-kompetituri tal-grupp Lufthansa preżenti f’dan l-ajruport, dawn għandhom biss tmien (Ryanair) u ħames (Wizzair) ajruplani li joperaw hawnhekk, filwaqt li l-grupp Lufthansa għandu bejn 80 u 90 ajruplan.

407    L-evalwazzjoni globali ta’ dawn il-kriterji turi l-eżistenza ta’ sehem mis-slots kbir ħafna, inkluż matul il-ħinijiet l-iktar intensivi, tal-grupp Lufthansa, livell għoli ħafna ta’ konġestjoni, ikkaratterizzat minn konġestjoni kważi sħiħa matul il-ħinijiet l-iktar intensivi u pożizzjoni dgħajfa tal-kompetituri tal-imsemmi grupp.

408    Għalhekk, abbażi ta’ dawn il-kriterji biss, il-Kummissjoni ma setgħetx tikkonkludi b’mod korrett li l-grupp Lufthansa ma kellux SSS fl-ajruport ta’ Vjenna, tal-inqas matul l-istaġun tas-sajf 2019 tal-IATA.

409    Fi kwalunkwe każ, kif issostni Ryanair, il-kriterji li wasslu lill-Kummissjoni tikkonkludi li l-grupp Lufthansa kellu SSS fl-ajruporti ta’ Frankfurt u ta’ München ma humiex materjalment differenti minn dawk li jikkonċernaw l-ajruport ta’ Vjenna, tal-inqas fir-rigward tal-istaġun tas-sajf 2019 tal-IATA. Fil-fatt, id-data dwar dan l-aħħar ajruport li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata u mfakkra fil-punt 403 iktar ’il fuq hija, essenzjalment, paragunabbli, jew tmur lil hinn minn dik li tikkaratterizza s-sitwazzjoni kompetittiva fl-ajruporti ta’ Frankfurt u ta’ München matul l-istaġun tax-xitwa 2019/2020 tal-IATA, li fir-rigward tiegħu l-Kummissjoni kkonkludiet li l-grupp Lufthansa kellu SSS.

iv)    Konklużjoni dwar leżistenza ta’ SSS talbenefiċjarju flajruporti rilevanti

410    Mill-punti 373 sa 386 iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha sabiex tevalwa jekk il-benefiċjarju kellux SSS fl-ajruporti rilevanti. Għalhekk, hija din tal-aħħar li għandha twettaq evalwazzjoni globali ġdida tal-kriterji rilevanti kollha (ara l-punt 395 iktar ’il fuq) sabiex tevalwa jekk il-grupp Lufthansa kellux SSS fl-ajruporti rilevanti minbarra dawk ta’ Frankfurt u ta’ München.

411    Barra minn hekk, u fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni ma setgħetx, abbażi biss tal-kriterji li hija użat, tikkonkludi b’mod korrett li l-grupp Lufthansa ma kellux SSS fl-ajruporti ta’ Düsseldorf u ta’ Vjenna, tal-inqas matul l-istaġun tas-sajf 2019 tal-IATA.

412    Għaldaqstant, l-ilmenti tar-rikorrenti huma fondati u għandhom jintlaqgħu.

3)      Fuq limpenji strutturali

413    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni imponiet fuq il-benefiċjarju kkonċernat, abbażi tal-punt 72 tal-Qafas Temporanju, impenji strutturali li jikkonsistu, essenzjalment, fit-trasferiment ta’ slots fl-ajruporti li fihom l-imsemmi benefiċjarju ġie kkunsidrat li jgawdi minn SSS, jiġifieri fl-ajruporti ta’ Frankfurt u ta’ München matul l-istaġuni tas-sajf 2019 u tax-xitwa 2019/2020 tal-IATA.

414    Ryanair, fil-kuntest tal-ħames parti tal-ewwel motiv tagħha, u Condor, fil-kuntest tal-ewwel parti tal-ewwel motiv tagħha kif ukoll tal-ewwel parti tat-tieni motiv tagħha, jikkontestaw diversi aspetti ta’ dawn l-impenji.

i)      Kunsiderazzjonijiet preliminari

415    Skont il-punt 72 tal-Qafas Temporanju, jekk il-benefiċjarju huwa impriża li għandha SSS f’mill-inqas wieħed mis-swieq inkwistjoni li fihom hija teżerċita l-attivitajiet tagħha, l-Istati Membri għandhom jipproponu miżuri addizzjonali sabiex jippreżervaw l-eżerċizzju ta’ kompetizzjoni effettiva fl-imsemmija swieq. Meta jipproponu tali miżuri, l-Istati Membri jistgħu b’mod partikolari joffru impenji strutturali jew komportamentali previsti fl-Avviż dwar ir-rimedji.

416    Sa fejn il-punt 72 tal-Qafas Temporanju jirreferi espressament, f’dak li jirrigwarda l-impenji strutturali jew komportamentali, għall-Avviż dwar ir-rimedji, għandu jiġi rrilevat li, skont dan, l-impenji proposti għandhom isolvu kompletament il-problemi ta’ kompetizzjoni, ikunu kompleti u effikaċi f’kull aspett u għandhom, barra minn hekk, ikunu jistgħu jiġu eżegwiti b’mod effettiv u fi żmien qasir (ara l-punt 9 tal-Avviż dwar ir-rimedji).

417    L-impenji strutturali, u b’mod partikolari t-trasferimenti, proposti mill-partijiet jissodisfaw dawn il-kriterji biss sa fejn il-Kummissjoni tista’ tikkonkludi, bil-grad ta’ ċertezza mixtieq, li dawn jistgħu jiġu implimentati u l-istrutturi kummerċjali l-ġodda li jirriżultaw minnhom ikunu suffiċjentement vijabbli u sostenibbli sabiex l-ostakolu sinjifikattiv għall-eżerċizzju ta’ kompetizzjoni effettiva ma jikkonkretizzax ruħu (ara l-punt 10 tal-Avviż dwar ir-rimedji).

418    Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha teżamina l-elementi kollha rilevanti relatati mal-miżura proposta stess, bħal, b’mod partikolari, it-tip, id-daqs u l-portata tal-miżura proposta, evalwati skont l-istruttura u l-karatteristiċi partikolari tas-suq li fih iqumu l-problemi ta’ kompetizzjoni, inkluża l-pożizzjoni tal-partijiet u ta’ operaturi oħra fis-suq (ara l-punt 12 tal-Avviż dwar ir-rimedji).

419    It-trasferiment ikollu l-effett imfittex biss ladarba l-attività tkun ġiet ittrasferita lil xerrej xieraq li permezz tiegħu din ikollha saħħa kompetittiva attiva fis-suq. Il-kapaċità ta’ attività li tattira xerrej xieraq tikkostitwixxi wieħed mill-elementi prinċipali li l-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni sabiex tevalwa l-adegwatezza tal-impenji proposti (punt 47 tal-Avviż dwar ir-rimedji).

420    Il-ġurisprudenza kkonfermat il-kriterji msemmija iktar ’il fuq, billi enfasizzat li, sabiex ikunu jistgħu jiġu aċċettati mill-Kummissjoni, l-impenji tal-partijiet kellhom ikunu proporzjonati mal-problema ta’ kompetizzjoni identifikata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha u ssolviha kompletament (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑23 ta’ Frar 2006, Cementbouw Handel & Industrie vs Il-Kummissjoni, T‑282/02, EU:T:2006:64, punt 307), u għandhom ikunu kompluti u effikaċi f’kull aspett (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2005, General Electric vs Il-Kummissjoni, T‑210/01, EU:T:2005:456, punt 52).

421    Madankollu, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-partikolaritajiet tad-dritt tal-għajnuna mill-Istat u, b’mod iktar partikolari, tal-Qafas Temporanju, li fih jinsab ir-rekwiżit inkwistjoni. Fil-fatt, fil-qasam tal-konċentrazzjonijiet, wara li tkun ikkonkludiet li konċentrazzjoni twassal għal tfixkil sinjifikattiv tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni tista’ taċċetta impenji ppreżentati mill-partijiet sabiex isolvu l-problemi ta’ kompetizzjoni identifikati minnha u sabiex il-konċentrazzjoni ssir kompatibbli mas-suq intern. L-impenji imposti skont il-punt 72 tal-Qafas Temporanju għandhom għan differenti. Fil-fatt, peress li l-għajnuna mogħtija taħt dan il-Qafas Temporanju għandha l-għan, essenzjalment, li tiżgura l-kontinwità operattiva tal-impriżi vijabbli matul il-pandemija tal-COVID-19, l-impenji skont l-imsemmi punt għandhom jitfasslu b’tali mod li jiggarantixxu li, wara l-għoti tal-għajnuna, il-benefiċjarju ma jsirx iktar b’saħħtu fis-suq milli kien qabel it-tifqigħa tal-COVID-19 u li l-eżerċizzju ta’ kompetizzjoni effettiva jinżamm fis-swieq ikkonċernati.

422    Fir-rigward tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-impenji meħuda, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex tevalwa n-natura suffiċjenti ta’ tali impenji (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑13 ta’ Mejju 2015, Niki Luftfahrt vs Il-Kummissjoni, T‑162/10, EU:T:2015:283, punt 295 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, fid-dawl tal-evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi li l-Kummissjoni għandha twettaq fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali li hija għandha sabiex tevalwa l-impenji proposti mill-partijiet f’konċentrazzjoni, hija r-rikorrenti li għandha, sabiex tikseb l-annullament ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tapprova konċentrazzjoni, minħabba li tali impenji huma insuffiċjenti, turi l-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni mwettaq mill-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2013, Spar Österreichische Warenhandels vs Il-Kummissjoni, T‑405/08, non publié, EU:T:2013:306, punt 187).

423    Madankollu, jekk il-qorti tal-Unjoni tirrikonoxxi fir-rigward tal-Kummissjoni, marġni ta’ diskrezzjoni fil-qasam ekonomiku, dan ma jfissirx li hija għandha tastjeni milli tistħarreġ l-interpretazzjoni, mill-Kummissjoni, tad-data ta’ natura ekonomika. Fil-fatt, il-qorti tal-Unjoni ma għandhiex tivverifika biss b’mod partikolari l-eżattezza materjali tal-provi prodotti, l-affidabbiltà tagħhom u l-koerenza tagħhom, iżda għandha wkoll tistħarreġ jekk dawn l-elementi jikkostitwixxux id-data rilevanti kollha li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk humiex ta’ natura li jsostnu l-konklużjonijiet li jinsiltu minnhom (ara s-sentenzi tal‑11 ta’ Novembru 2021, Autostrada Wielkopolska vs Il-Kummissjoni u Il-Polonja, C‑933/19 P, EU:C:2021:905, punti 116 u 117 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas‑6 ta’ Lulju 2010, Ryanair vs Il-Kummissjoni T‑342/07, EU:T:2010:280, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 77 iktar ’il fuq).

424    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi eżaminat l-argument tar-rikorrenti dwar diversi aspetti tal-impenji inkwistjoni. L-argumenti tagħhom jistgħu jinqasmu f’żewġ gruppi ta’ lmenti, l-ewwel wieħed relatat mal-portata tal-impenji u t-tieni wieħed mal-proċedura u l-modalitajiet ta’ trasferiment ta’ slots.

ii)    Fuq ilportata talimpenji

–       Fuq ilfatt li limpenji huma limitati għattrasferiment ta’ slots

425    Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma spjegatx b’mod suffiċjenti kif it-trasferiment ta’ wħud mis-slots kienet l-iktar miżura effettiva sabiex tipprevjeni d-distorsjonijiet indebiti tal-kompetizzjoni u għalfejn miżuri addizzjonali oħra ma kinux neċessarji.

426    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti billi rrepetiet il-motivi tad-deċiżjoni kkontestata.

427    Mill-punt 221 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-impenji inkwistjoni jinkludu, minn naħa, it-trasferiment ta’ 24 slot kuljum f’kull wieħed mill-ajruporti ta’ Frankfurt u ta’ München matul l-istaġuni tas-sajf 2019 u tax-xitwa 2019/2020 tal-IATA kif ukoll tal-“assi addizzjonali”, kif meħtieġ mir-regolatur tas-slots sabiex ikunu jistgħu jiġu ttrasferiti s-slots, u, min-naħa l-oħra, fuq talba tax-xerrej, li jingħata mill-grupp Lufthansa, l-ewwel, aċċess għall-infrastrutturi jew għall-istallazzjonijiet tal-ajruport fiż-żewġ ajruporti taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk mogħtija lil DLH, it-tieni, it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ postijiet ta’ parkeġġ matul il-lejl u, it-tielet, tal-persunal rilevanti.

428    L-argument ta’ Ryanair li l-impenji inkwistjoni huma limitati biss għat-trasferiment tas-slots għalhekk ma huwiex sostnut mill-fatti, kif tirrileva ġustament il-Kummissjoni.

429    Madankollu, huwa minnu li l-parti essenzjali ta’ dawn l-impenji tinsab fit-trasferiment ta’ slots, sa fejn l-impenji l-oħra jidhru li huma anċillari, billi huma intiżi, essenzjalment, li jiżguraw il-vijabbiltà tat-trasferiment tas-slots. Huwa f’dan il-kuntest li r-rikorrenti jilmentaw li l-Kummissjoni ma spjegatx b’mod suffiċjenti r-raġunijiet għalfejn miżuri supplimentari oħra ma kinux neċessarji sabiex jiġi ppreżervat l-eżerċizzju ta’ kompetizzjoni effettiva f’dawn l-ajruporti.

430    F’dan ir-rigward, mill-punti 224 sa 227 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-assenza ta’ aċċess għas-slots jikkostitwixxi ostakolu sinjifikattiv għad-dħul jew għall-espansjoni fl-ajruporti bl-iktar konġestjoni fl-Ewropa u li, għaldaqstant, l-impenji li jikkonsistu fit-trasferiment ta’ tali slots jeliminaw dan l-ostakolu prinċipali għad-dħul u għall-espansjoni. Għal din ir-raġuni, tali impenji huma, skont il-Kummissjoni, l-iktar miżura effettiva sabiex jiġu evitati distorsjonijiet indebiti tal-kompetizzjoni. Barra minn hekk, l-imsemmija impenji huma “attraenti” mill-perspettiva ta’ kompetitur, peress li jippermettu l-iżvilupp ta’ kompetizzjoni strutturali mal-grupp Lufthansa fis-swieq fejn huwa għandu SSS.

431    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-argument tar-rikorrenti li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni f’dan ir-rigward għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, il-Kummissjoni spjegat b’mod ċar ir-raġunijiet għalfejn hija kienet ikkunsidrat li t-trasferiment ta’ slots kien tali li jippreżerva kompetizzjoni effettiva fis-swieq inkwistjoni.

432    Fir-rigward tal-mertu, għandu jiġi rrilevat li, skont il-ġurisprudenza u kif tindika l-Kummissjoni, l-ostakolu prinċipali għad-dħul fis-settur tal-ajru jikkonsisti fl-insuffiċjenza ta’ slots disponibbli fl-ajruporti l-kbar. Konsegwentement, għandu jiġi determinat jekk il-Kummissjoni qisitx, b’mod żbaljat li, f’din il-kawża, it-trasferiment ta’ slots, kif previst fil-pakkett ta’ impenji, jista’ jikkostitwixxi miżura effikaċi li tista’ tippreżerva kompetizzjoni effettiva. F’dan il-kuntest, Ryanair għandha tipproduċi l-prova li t-trasferiment tas-slots, kif previst mill-impenji inkwistjoni, kien insuffiċjenti sabiex jirrimedja l-problemi ta’ kompetizzjoni mqajma (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2006, easyJet vs Il-Kummissjoni, T‑177/04, EU:T:2006:187, punt 166).

433    F’dan il-każ, ir-rikorrenti ma jikkontestawx li l-indisponibbiltà ta’ slots tikkostitwixxi ostakolu sinjifikattiv, jew saħansitra l-ostakolu prinċipali, għad-dħul jew għall-espansjoni fl-ajruporti b’konġestjoni. Huma lanqas ma jikkontestaw li l-ħolqien ta’ kompetitur solidu u vijabbli f’tali ajruport jimplika li huwa għandu portafoll ta’ slots li jippermettilu jeżerċita pressjoni kompetittiva effettiva fuq it-trasportatur dominanti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi miċħud li t-trasferiment tas-slots u tal-impenji anċillari huwa, bħala prinċipju, miżura effikaċi sabiex jiġi ppreżervat l-eżerċizzju ta’ kompetizzjoni effettiva fis-swieq inkwistjoni.

434    Għaldaqstant, dan l‑ilment għandu jiġi miċħud bħala infondat.

–       Fuq lassenza ta’ impenji dwar ittraffiku feeder

435    Condor issostni li l-Kummissjoni kellha timponi wkoll impenji f’dak li jirrigwarda t-traffiku feeder fil-forma ta’ ftehim tariffarju speċjali, kif għamlet il-Kummissjoni f’ċerti każijiet fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet. F’dan ir-rigward, Condor tispjega li l-grupp Lufthansa kien jiżgura parti importanti mit-traffiku feeder għat-titjiriet twal operati minnha; li l-imsemmi grupp ikollu l-possibbiltà li jeskludih mis-suq tat-titjiriet twal, kif juri x-xoljiment tal-ftehim dwar it-traffiku feeder konkluż ma’ Lufthansa; li dan il-grupp ikun inċentivat li jeskludih u jiddevja klijenti lejn it-titjiriet tiegħu stess, u li l-għeluq tas-suq mill-grupp Lufthansa jkollu effetti dannużi fuq il-kompetizzjoni, sa fejn l-esklużjoni tiegħu jkollha bħala riżultat il-ħolqien ta’ pożizzjoni monopolistika tal-benefiċjarju kkonċernat kemm fis-suq nazzjonali kif ukoll fis-suq tat-titjiriet twal lejn destinazzjonijiet ta’ turistiċi.

436    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li t-tip ta’ impenji proposti minn Condor jistrieħu neċessarjament fuq l-identifikazzjoni konkreta ta’ ċerti rotot O & D li huma affettwati mir-riskju ta’ esklużjoni mqajjem minnha. Issa, kif jirriżulta mill-punti 306 sa 313 iktar ’il fuq, is-swieq inkwistjoni ma kellhomx jiġu ddefiniti skont l-approċċ O & D. Għaldaqstant il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li ma imponietx impenji fir-rigward ta’ ċerti rotot O & D speċifiċi.

437    Għalhekk, dan l-ilment għandu jiġi miċħud bħala infondat.

–       Fuq lilment li jipprovdi li ttrasferimenti tasslots ta’ spiss ma humiex osservati u fuq lobbligu li jintużaw isslots ittrasferiti

438    L-ewwel, Condor issostni li l-impenji ta’ trasferiment tas-slots ta’ spiss ma humiex osservati. Hija tosserva li, mill-erbatax-il deċiżjoni meħuda fis-settur tat-trasport bl-ajru tal-passiġġieri li fihom il-Kummissjoni awtorizzat il-konċentrazzjoni suġġett għall-kundizzjoni ta’ impenn ta’ trasferiment ta’ slots, it-trasferiment twettaq tliet darbiet biss. It-tieni, hija tikkritika l-obbligu, għax-xerrej, li juża s-slots akkwistati, minħabba li dan jeskludi l-parti l-kbira tat-trasportaturi bl-ajru żgħar.

439    Dawn l-argumenti għandhom jiġu miċħuda. Fil-fatt, l-ewwel, kif tenfasizza ġustament il-Kummissjoni, l-eżempji ċċitati minn Condor jikkonċernaw it-trasferiment ta’ slots fis-swieq O & D speċifiċi, filwaqt li t-trasferiment inkwistjoni ma huwa marbut ma’ ebda rotta O & D u għalhekk jista’ jintuża liberament f’kull rotta, skont l-għażla tax-xerrej, li jżid l-attrazzjoni tiegħu. Għaldaqstant, Condor ma tista’ validament tislet l-ebda konklużjoni fuq il-bażi tal-imsemmija eżempji, fid-dawl tal-portata kompletament differenti tagħhom.

440    It-tieni, kuntrarjament għal dak li tallega Condor, l-obbligu, għax-xerrej, li juża s-slots akkwistati huwa kompletament iġġustifikat, sa fejn dan huwa intiż sabiex jiggarantixxi li l-volum totali tas-servizzi inkwistjoni ma jitnaqqasx wara t-trasferiment, kif irrilevat il-Kummissjoni fil-punt 234 tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, xerrej li ma jużax is-slots akkwistati ma jistax jeżerċita restrizzjoni kompetittiva effettiva fuq il-benefiċjarju kkonċernat, kuntrarjament għal dak li jipprevedi l-punt 72 tal-Qafas Temporanju.

441    Għaldaqstant, dan l‑ilment għandu jiġi miċħud bħala infondat.

–       Fuq innumru ta’ slots li għandhom jiġu ttrasferiti

442    L-ewwel, Ryanair issostni li t-trasferiment ta’ 24 slot kuljum fl-ajruporti ta’ Frankfurt u ta’ München huwa manifestament insuffiċjenti sabiex tiġi ppreżervata kompetizzjoni effettiva f’dawn l-ajruporti, peress li din iċ-ċifra hija insinjifikanti meta mqabbla man-numru ta’ vjaġġi bir-ritorn ġġenerati fl-imsemmija ajruporti u n-numru ta’ ajruplani tal-grupp Lufthansa bbażati fihom. It-tieni, hija tenfasizza li dawn is-slots jikkostitwixxu biss 5 % tas-slots miżmuma mill-grupp Lufthansa f’dawn l-ajruporti. It-tielet, hija tinvoka nuqqas ta’ motivazzjoni, peress li l-Kummissjoni ma speċifikatx ir-raġunijiet għalfejn hija kienet ikkunsidrat li trasferiment ta’ 24 slot hija suffiċjenti.

443    Bl-istess mod, Condor issostni li t-trasferiment ta’ 24 slot kuljum biss fl-ajruporti ta’ Frankfurt u ta’ München huwa insuffiċjenti u limitat ħafna, peress li dawn jirrappreżentaw biss bejn 2.4 % u 3.2 % tan-numru ta’ frekwenzi operati mill-grupp Lufthansa f’dawn l-ajruporti. Hija żżid, fil-kuntest tat-tielet motiv tagħha, li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’difetti ta’ motivazzjoni f’dak li jirrigwarda n-natura suffiċjenti tat-trasferiment tas-slots inkwistjoni.

444    Preliminarjament, għandhom jiġu miċħuda wħud mill-argumenti ta’ Ryanair, sa fejn dawn huma bbażati fuq qari żbaljat tad-deċiżjoni kkontestata.

445    L-ewwel, Ryanair b’mod żbaljat iddikjarat li l-Kummissjoni kienet awtorizzat lill-grupp Lufthansa jagħżel li jittrasferixxi inqas minn 24 slot. Huwa minnu li, fil-punti 71 u 221 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li l-imsemmi grupp kellu jittrasferixxi “sa” 24 slot kuljum. Madankollu, fil-punt 228 tagħha, il-Kummissjoni tirreferi għal “24 slot kuljum”, b’tali mod li tħalli barra l-kelma “sa”.

446    Fi kwalunkwe każ, u bħall-Kummissjoni, il-kelma “sa” użata fid-deċiżjoni kkontestata għandha tinftiehem bħala li tfisser li xerrej potenzjali jista’ jkun jixtieq jakkwista inqas minn 24 slot u mhux li l-grupp Lufthansa jista’ jagħżel li jittrasferixxi inqas minn 24 slot kuljum. Fil-każ kuntrarju, l-impenji inkwistjoni ma jkunu jfissru xejn, peress li jkunu jippermettu lill-grupp Lufthansa jagħżel liberament in-numru ta’ slots li huwa jixtieq jittrasferixxi.

447    It-tieni, l-argument ta’ Ryanair li l-impenji inkwistjoni jillimitaw l-attrattività tas-slots għall-operaturi l-ġodda, li ġeneralment ikollhom bżonn ċertu numru ta’ slots ta’ “tluq kmieni filgħodu u ta’ wasla filgħaxija”, huwa bbażat fuq qari manifestament żbaljat tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, mill-punti 71 u 221 tagħha jirriżulta li l-grupp Lufthansa għandu jittrasferixxi fuq talba tal-inqas sitt slots fi kwalunkwe ħin, inkluż għalhekk matul il-ħinijiet l-iktar intensivi, skont l-għażla tax-xerrej. L-unika limitazzjoni tikkonsisti fil-fatt li l-imsemmi grupp jista’ jirrifjuta li jittrasferixxi iktar minn sitt slots fi tliet perijodi ta’ siegħa tal-għażla tiegħu. Fi kliem ieħor, fir-rigward biss ta’ tliet perijodi tal-ħin kuljum, il-grupp Lufthansa jista’ jillimita t-trasferiment għal sitt slots f’perijodu ta’ siegħa.

448    Il-ġustifikazzjoni għal din il-limitazzjoni mressqa fid-deċiżjoni kkontestata hija, barra minn hekk, konvinċenti. Fil-fatt, fl-assenza ta’ tali limitazzjoni, il-grupp Lufthansa kien ikun obbligat, jekk ikun il-każ, li jittrasferixxi s-slots kollha tiegħu f’żewġ jew tliet perijodi tal-ħin konsekuttivi, li seta’ jkollu l-konsegwenza li jdgħajjef il-hub tiegħu. L-ispjegazzjoni li tinsab fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 113, li abbażi tagħha l-hub bħal dak tal-grupp Lufthansa jikkonsisti, għal trasportatur bl-ajru, fil-konċentrazzjoni tal-wasliet u tat-tluq tiegħu fuq perijodi tal-ħin b’intervall ta’ bejn sagħtejn u tliet sigħat, li jwassal għal numru kbir ta’ wasliet, segwiti minn numru kbir ta’ tluq, mhux ikkontestata minn Ryanair, tindika dan ir-riskju.

449    Għalhekk, l-imsemmija limitazzjoni hija bbażata fuq l-ibbilanċjar iġġustifikat bejn, minn naħa, l-interessi kummerċjali leġittimi tal-benefiċjarju kkonċernat li jikkonsistu fil-preżervazzjoni tal-hub tiegħu u, min-naħa l-oħra, l-attrattività tal-portafoll tas-slots li għandhom jiġu ttrasferiti. Fir-rigward ta’ dan tal-aħħar, din il-limitazzjoni, mhux talli ma tirriżervax ċerti perijodi tal-ħin esklużivament għall-imsemmi benefiċjarju, iżda tippermetti lix-xerrej jakkwista slots fi kwalunkwe perijodu tal-ħin, inkluż għalhekk dawk li huma ta’ importanza partikolari għall-grupp Lufthansa.

450    It-tielet, fir-rigward tal-ilmenti tar-rikorrenti bbażati fuq nuqqas jew insuffiċjenza ta’ motivazzjoni, sa fejn il-Kummissjoni ma ppreċiżatx ir-raġunijiet għalfejn hija kkunsidrat li trasferiment ta’ 24 slot huwa suffiċjenti, għandu jiġi rrilevat li, fil-punt 228 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li n-numru ta’ slots kien suffiċjenti sabiex kompetitur jistabbilixxi operazzjonijiet vijabbli f’dawn iż-żewġ ajruporti, pereżempju billi jibbaża fih erba’ ajruplani u billi jwettaq tliet titjiriet bir-ritorn kuljum b’kull wieħed minn dawn l-ajruplani fuq ir-rotot tal-għażla tiegħu, peress li s-slots li għandhom jiġu ttrasferiti ma huma marbutin ma’ ebda rotta O & D speċifika. Skont il-Kummissjoni, it-trasferiment ta’ 24 slots jippermetti lill-kompetituri tal-benefiċjarju jiksbu ekonomiji ta’ skala u ta’ firxa u għalhekk jikkompetu mal-grupp Lufthansa b’mod iktar effikaċi.

451    Għalkemm fil-qosor, il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fuq dan il-punt tesponi b’mod suffiċjenti fid-dritt il-kunsiderazzjonijiet li wasslu lill-Kummissjoni sabiex tikkunsidra li t-trasferiment ta’ 24 slots kien suffiċjenti sabiex jiġi ppreżervat l-eżerċizzju ta’ kompetizzjoni effettiva fis-swieq rilevanti fis-sens tal-punt 72 tal-Qafas Temporanju. Għaldaqstant, dawn l-ilmenti għandhom jiġu miċħuda.

452    Fir-rigward tal-mertu, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li t-trasferiment ta’ 24 slot jippermetti d-dħul ta’ kompetitur ġdid ta’ daqs paragunabbli ma’ dak tal-kompetituri diġà eżistenti fis-swieq inkwistjoni jew it-tisħiħ mhux negliġibbli tal-pożizzjoni tal-kompetituri diġà eżistenti. Fil-fatt, sa fejn l-imsemmi trasferiment jippermetti l-użu ta’ erba’ ajruplani, kif irrilevat mill-Kummissjoni fil-punt 228 tad-deċiżjoni kkontestata, dan ikollu l-effett li joħloq restrizzjoni kompetittiva paragunabbli ma’ dik eżerċitata mill-kompetituri eżistenti tal-benefiċjarju, li l-flotta tiegħu fl-ajruporti ta’ Frankfurt u ta’ München tvarja bejn tliet u għaxar ajruplani, kif jirriżulta mill-punti 189 u 196 tad-deċiżjoni kkontestata.

453    Bl-istess mod, il-fatt, imressaq minn Ryanair, jekk wieħed jassumi li huwa stabbilit, li n-numru ta’ slots li għandhom jiġu ttrasferiti jikkostitwixxi biss madwar 5 % tas-slots miżmuma mill-grupp Lufthansa f’dawn l-ajruporti, li jfisser, essenzjalment, li t-trasferiment tal-imsemmija slots jirriżulta f’sehem mis-slots ta’ bejn 2 % u 3 % fl-imsemmija ajruporti, juri li dan is-sehem huwa paragunabbli ma’ dak tal-kompetituri tal-benefiċjarju kkonċernati eżistenti f’dawn l-ajruporti, li tvarja, skont il-punti 188 u 195 tad-deċiżjoni kkontestata, bejn 1 % u 4 %.

454    Issa, ir-rikorrenti ma jispjegawx liema numru ta’ slots huwa, fil-fehma tagħhom, suffiċjenti sabiex jiġi ppreżervat l-eżerċizzju ta’ kompetizzjoni effettiva fis-swieq inkwistjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, isegwi li, sa fejn in-numru ta’ slots li għandhom jiġu ttrasferiti jikkorrispondi b’mod approssimattiv għas-sehem tas-slots paragunabbli ma’ dak ta’ ċerti kompetituri tal-benefiċjarju eżistenti f’dawn l-ajruporti, ma hemmx lok li tiġi kkontestata l-konklużjoni tal-Kummissjoni li t-trasferiment tal-imsemmija slots kien suffiċjenti sabiex jiġi ppreżervat l-eżerċizzju ta’ kompetizzjoni effettiva fis-swieq inkwistjoni.

455    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, dawn l-ilmenti għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

–       Fuq ilħtieġa, għalloperaturi ġodda, li jistabbilixxu bażi ta’ millinqas erba’ ajruplani flajruporti inkwistjoni

456    Skont il-punti 73 u 236 tad-deċiżjoni kkontestata, sabiex ikun jista’ jakkwista s-slots li huma s-suġġett tal-impenji inkwistjoni, xerrej potenzjali għandu b’mod partikolari jkollu l-intenzjoni li jistabbilixxi bażi ta’ mill-inqas erba’ ajruplani, fir-rigward ta’ operatur ġdid, jew li jestendi l-bażi tiegħu, fir-rigward ta’ trasportatur diġà bbażat fl-ajruport ta’ Frankfurt jew f’dak ta’ München.

457    Fir-rigward tal-proċedura ta’ trasferiment tas-slots, id-deċiżjoni kkontestata tipprevedi żewġ stadji. Fl-ewwel stadju, huma biss l-“operaturi ġodda”, jiġifieri t-trasportaturi bl-ajru li ma għandhomx bażi fl-ajruporti ta’ Frankfurt u ta’ München, li huma eliġibbli, bil-kundizzjoni, b’mod partikolari, li jintrabtu li jistabbilixxu hemmhekk bażi ta’ mill-inqas erba’ ajruplani (punti 71 u 72 tad-deċiżjoni kkontestata). Huwa biss jekk, wara tliet staġuni tal-IATA, l-ebda operatur ġdid ma jkun akkwista s-slots li għandhom jiġu ttrasferiti li t-trasportaturi bl-ajru li diġà għandhom bażi fl-imsemmija ajruporti jsiru eliġibbli.

458    Ryanair issostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni ma pprovdiet, fid-deċiżjoni kkontestata, l-ebda raġuni li tista’ tiġġustifika r-rekwiżit li operatur ġdid jistabbilixxi bażi fl-ajruporti inkwistjoni. Fir-rigward tal-mertu, dan ir-rekwiżit jikkostitwixxi ostakolu sproporzjonat għall-implimentazzjoni tal-impenji inkwistjoni, sa fejn dan iżid l-ispejjeż tad-dħul għall-kompetituri, filwaqt li huwa ppreċiżat li kumpannija tal-ajru tista’ topera b’mod effikaċi f’ajruport mingħajr ma jkollha bażi għalih. Flimkien mar-rekwiżit li operatur jibbaża tal-inqas erba’ ajruplani, din il-kundizzjoni jkollha l-konsegwenza li teskludi lil ċerti kumpanniji tal-ajru li jistgħu joperaw l-24 slot b’żewġ ajruplani biss.

459    L-ewwel, kif jirriżulta mill-punt 327 iktar ’il fuq, il-punti 237 u 240 tad-deċiżjoni kkontestata jispjegaw b’mod suffiċjenti fid-dritt ir-raġunijiet għalfejn il-Kummissjoni qieset li r-rekwiżit inkwistjoni kien xieraq, b’tali mod li hemm lok li jiġi miċħud l-argument ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni.

460    It-tieni, fir-rigward tal-mertu, għandu jiġi kkonstatat, kif jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata, li r-rekwiżit tal-istabbiliment ta’ bażi ta’ mill-inqas erba’ ajruplani f’ajruport huwa intiż sabiex jiggarantixxi li l-kompetitur futur ikun stabbilit f’dan l-ajruport b’mod sostenibbli, li jippermettilu jeżerċita pressjoni kompetittiva iktar sostnuta fuq il-kompetituri tiegħu li joperaw fl-istess ajruport (ara wkoll il-punt 328 iktar ’il fuq).

461    Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 240 tad-deċiżjoni kkontestata, il-fatt li operatur ikollu bażi tfisser li l-ajruplani bbażati f’dan l-ajruport jistgħu joperaw ta’ malajr fuq kwalunkwe rotta tal-ajru, b’tali mod li l-pressjoni kompetittiva eżerċitata fuq il-benefiċjarju kkonċernat tkun iktar sostnuta minn dik eżerċitata minn trasportatur mingħajr bażi, li ma għandux konnessjoni ma’ dan l-ajruport u għalhekk ma għandux għalhekk din il-flessibbiltà.

462    Barra minn hekk, Ryanair ma tikkontestax serjament id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li l-istudji tas-suq li hija wettqet fid-deċiżjonijiet preċedenti tagħha fil-qasam tal-konċentrazzjonijiet u tal-akkordji wrew li l-użu ta’ bażi ta’ daqs kunsiderevoli f’ajruport partikolari seta’ jeżerċita pressjoni kompetittiva sinjifikattiva fuq it-trasportatur inkwistjoni.

463    Ċertament, kif issostni Ryanair, ir-rekwiżit inkwistjoni jinvolvi spejjeż ta’ dħul addizzjonali, bħal spejjeż fissi (b’mod partikolari ta’ parkeġġ), kif ukoll spejjeż marbuta mal-persunal kif ukoll mal-manutenzjoni u mat-tiswija tal-ajruplani, li jistgħu jiġu evitati jew imnaqqsa jekk it-trasportatur bl-ajru jiddeċiedi li jopera fl-imsemmi ajruport mingħajr ma jkollu bażi fih. Madankollu, huwa preċiżament minħabba dan l-impenn li l-kompetitur futur huwa mistenni li jistabbilixxi ruħu fit-tul u bl-istabbiltà li tippermettilu jeżerċita pressjoni kompetittiva iktar soda fuq il-benefiċjarju.

464    Barra minn hekk, Ryanair tispjega li trasportatur bl-ajru jista’ jkun kapaċi, skont il-mudell ekonomiku tiegħu, li jopera l-24 slot ta’ kuljum għal destinazzjonijiet fuq distanza qasira b’żewġ ajruplani biss. Skont Ryanair, għat-trasportaturi li joperaw skont dan il-mudell, ir-rekwiżit li jibbażaw mill-inqas erba’ ajruplani fl-ajruporti kkonċernati jista’ għalhekk jimponi fuqhom użu subottimali tar-riżorsi tagħhom, iżid l-ispejjeż tagħhom u, b’hekk, irendi inqas attraenti l-portafoll tas-slots li huma s-suġġett tat-trasferiment.

465    Madankollu, għandu jiġi osservat li Ryanair ma wrietx li dan il-mudell ekonomiku bbażat fuq il-prattika tal-kumpanniji li joffru prezzijiet baxxi fl-ajruporti reġjonali ż-żgħar huwa fattibbli f’ajruporti kbar bħal dawk ta’ Frankfurt u ta’ München. Fi kwalunkwe każ, u kif tenfasizza l-Kummissjoni, ir-rekwiżit inkwistjoni japplika mingħajr distinzjoni għal kull xerrej potenzjali u għalhekk ma jistax ivarja skont il-mudell ekonomiku partikolari ta’ tali trasportatur jew ieħor. Issa, Ryanair ma wrietx b’mod suffiċjenti fid-dritt li l-imsemmi rekwiżit jimponi użu subottimali tar-riżorsi f’ajruporti kbar, bħal dawk ta’ Frankfurt u ta’ München, b’tali mod li jnaqqas l-attrattività tat-trasferiment tas-slottijiet.

466    Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud bħala infondat.

–       Fuq lesklużjoni talkompetituri diġà bbażati flajruporti ta’ Frankfurt u ta’ München

467    Kif diġà tfakkar fil-punt 457 iktar ’il fuq, il-proċedura ta’ trasferiment tas-slots hija intiża li tiżvolġi f’żewġ stadji (punt 231 tad-deċiżjoni kkontestata). Fl-ewwel stadju, is-slots huma offruti “lill-operaturi ġodda” biss. Jekk, wara tliet staġuni tal-IATA wara l-istabbiliment mill-ġdid sħiħ tar-“regola tas-slots użati jew mitlufa”, is-slots ma jiġux ittrasferiti lil “operatur ġdid”, fit-tieni stadju, dawn jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tat-trasportaturi li diġà jkollhom bażi f’dawn iż-żewġ ajruporti.

468    Minn dan isegwi li, matul l-ewwel stadju tal-proċedura, il-kompetituri tal-grupp Lufthansa li diġà għandhom bażi fl-ajruporti ta’ Frankfurt u ta’ München huma ineliġibbli sabiex jakkwistaw il-portafoll tas-slots li għandhom jiġu ttrasferiti.

469    Skont Ryanair, il-preferenza mogħtija lill-operaturi ġodda li ma għandhomx bażi fl-ajruporti ta’ Frankfurt u ta’ München ikollha l-konsegwenza li teskludi lit-tieni, lit-tielet u lir-raba’ grupp tal-ajru fil-Ġermanja, jiġifieri Ryanair, easyJet u Condor. Għalhekk, din il-preferenza tippreġudika r-rekwiżit, previst mill-Qafas Temporanju, li tiġi ppreżervata kompetizzjoni effettiva fis-suq. Fil-fatt, b’differenza mill-kompetituri diġà bbażati fl-imsemmija ajruporti, l-operaturi l-ġodda jkollhom jieħdu riskji u jsostnu spejjeż addizzjonali sabiex jistabbilixxu bażi f’dawn l-ajruporti. B’dan il-mod, dan ir-rekwiżit ikollu bħala konsegwenza li iktar tifframmenta l-istruttura kompetittiva f’dawn iż-żewġ ajruporti, billi jeskludi, matul l-ewwel fażi tal-impenji, il-kompetituri l-iktar importanti tal-grupp Lufthansa.

470    Condor iżżid li l-imsemmi rekwiżit għandu l-effett li jeskludi lil Ryanair u lil easyJet mill-ewwel stadju tal-proċedura, minħabba l-fatt li dawn il-kompetituri tal-benefiċjarju huma diġà bbażati fl-ajruporti ta’ Frankfurt u ta’ München, rispettivament. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kellha tanalizza jekk l-esklużjoni tat-trasportaturi bl-ajru diġà bbażati fl-ajruporti kkonċernati kinitx neċessarja. Skont Condor, din l-esklużjoni tnaqqas b’mod kunsiderevoli l-probabbiltà li t-trasferiment iseħħ. Tal-inqas, il-Kummissjoni kellha tikkonsulta l-atturi tas-suq sabiex tiżgura ruħha li xerrej potenzjali, mhux ibbażat f’dawn l-ajruporti, seta’ kien interessat fl-imsemmija slots.

471    Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni għandha teżamina l-elementi rilevanti kollha relatati mal-impenn propost, evalwati skont l-istruttura u l-karatteristiċi partikolari tas-suq inkwistjoni, inkluża l-pożizzjoni tal-partijiet u ta’ operaturi oħra fis-suq (ara l-punt 418 iktar ’il fuq).

472    Issa, għandu jiġi kkonstatat li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni naqset milli teżamina l-adegwatezza tal-esklużjoni tal-kompetituri diġà bbażati fl-ajruporti ta’ Frankfurt u ta’ München mill-ewwel stadju tal-proċedura, u dan skont l-istruttura u l-karatteristiċi partikolari tas-suq inkwistjoni, inkluża l-pożizzjoni tal-partijiet u ta’ operaturi oħra fis-suq. Fil-fatt, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma tressaq l-ebda raġuni li tista’ turi li din l-esklużjoni kienet tali li tippreżerva l-eżerċizzju ta’ kompetizzjoni effettiva fis-swieq inkwistjoni, fis-sens tal-punt 72 tal-Qafas Temporanju, u li kienet neċessarja sabiex tagħmel dan.

473    Issa, l-ewwel, f’dan il-każ, tali eżami kien iktar u iktar neċessarju peress li l-istruttura tas-suq fl-ajruporti ta’ Frankfurt u ta’ München hija kkaratterizzata, skont id-deċiżjoni kkontestata stess, mill-piż ħafna ikbar tal-grupp Lufthansa meta mqabbel ma’ dak tal-eqreb kompetituri tiegħu. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punti 188, 189, 195 u 196 tad-deċiżjoni kkontestata, is-sehem tas-slots miżmum minn dawn tal-aħħar huwa marġinali (bejn 1 % u 4 %) u n-numru ta’ ajruplani bbażati f’dawn l-ajruporti huwa wkoll minimu meta mqabbel ma’ dak tal-grupp Lufthansa.

474    It-tieni, f’dawn iċ-ċirkustanzi, u kif issostni Ryanair, il-preferenza mogħtija lill-operaturi ġodda jkollha bħala effett id-dħul ta’ kompetitur ġdid li l-pożizzjoni tiegħu hija paragunabbli ma’ dik tal-kompetituri diġà bbażati f’dawn l-ajruporti, minħabba d-daqs tal-portafoll tas-slots u n-numru ta’ ajruplani li huwa jibbaża f’dawn l-ajruporti, jiġifieri erba’ ajruplani, filwaqt li huwa ppreċiżat li n-numru ta’ ajruplani tal-kompetituri diġà bbażati f’dawn l-ajruporti jinsab bejn tnejn u għaxra. Issa, il-Kummissjoni ma analizzatx jekk l-esklużjoni tal-kompetituri diġà bbażati fl-ajruporti ta’ Frankfurt u ta’ München ikollha bħala konsegwenza li iktar tiġi fframmentata l-kompetizzjoni f’dawn l-ajruporti minflok ma tissaħħaħ.

475    It-tielet, kif isostnu Ryanair u Condor, il-fatt li jiġu esklużi mill-ewwel stadju tal-proċedura l-kompetituri li għandhom bażi f’dawn l-ajruporti jagħmel de facto ineliġibbli, matul dan l-ewwel stadju, l-eqreb kompetituri tal-grupp Lufthansa. Fil-fatt, skont id-deċiżjoni kkontestata, il-kompetituri li għandhom bażi kienu l-eqreb kompetituri tal-grupp Lufthansa fl-ajruporti ta’ Frankfurt u ta’ München.

476    Ir-raba’, u kif tispjega Ryanair, id-dħul ta’ trasportatur bl-ajru li ma għandux bażi f’dawn l-ajruporti jinvolvi ċertu investiment u għalhekk spiża għad-dħul li l-kompetituri li diġà għandhom bażi f’dawn l-ajruporti mhux neċessarjament isostnu jew inkella jsostnu f’ammont inqas. Minħabba f’dan il-fatt, dawn tal-aħħar jistgħu jkunu f’pożizzjoni aħjar sabiex jakkwistaw il-portafoll tas-slots inkwistjoni u sabiex iżidu l-pressjoni kompetittiva li huma diġà jeżerċitaw fuq il-grupp Lufthansa.

477    Il-ħames, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, il-fatt li t-trasportaturi bl-ajru li diġà għandhom bażi fl-ajruporti kkonċernati jistgħu jsiru eliġibbli matul it-tieni stadju tal-proċedura ma jikkontestax il-kunsiderazzjonijiet preċedenti. Fil-fatt, huma jsiru eliġibbli biss jekk l-ewwel stadju tagħha ma tkunx irnexxiet. L-eliġibbiltà tagħhom tiddependi għalhekk mill-falliment tal-ewwel stadju u għalhekk tibqa’ inċerta.

478    F’dawn iċ-ċirkustanzi, kienet il-Kummissjoni li kellha teżamina jekk il-preferenza mogħtija lill-operaturi ġodda u l-esklużjoni tal-kompetituri diġà eżistenti matul l-ewwel stadju tal-proċedura kinitx xierqa u neċessarja sabiex jiġi ppreżervat l-eżerċizzju ta’ kompetizzjoni effettiva, fid-dawl tal-istruttura u tal-karatteristiċi partikolari tas-swieq inkwistjoni. Issa, id-deċiżjoni kkontestata ma tinkludi l-ebda analiżi f’dan ir-rigward.

479    Minn dan isegwi li, billi eskludiet lill-kompetituri li diġà għandhom bażi fl-ajruporti ta’ Frankfurt u ta’ München mill-ewwel stadju tal-proċedura tat-trasferiment tas-slots inkwistjoni, il-Kummissjoni ma eżaminatx l-elementi rilevanti kollha relatati mal-impenn propost, evalwati skont l-istruttura u l-karatteristiċi partikolari tas-swieq inkwistjoni, inkluża l-pożizzjoni tal-benefiċjarju u tal-kompetituri tiegħu f’dawn is-swieq, u għalhekk wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni.

480    Għalhekk, dan l-ilment huwa fondat u għandu jintlaqa’.

iii) Fuq ilproċedura u lmodalitajiet ta’ trasferiment tasslots

–       Fuq ilmument tattrasferiment tasslots

481    Ryanair issostni li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żball ta’ evalwazzjoni “kontroproduttiva”, sa fejn din tipprevedi li s-slots jiġu offruti għat-trasferiment biss wara t-tmiem tat-tneħħija totali jew parzjali tar-regola tas-“slot użat jew mitluf”. Hija ssostni li l-imsemmi trasferiment kellu jiġi impost immedjatament.

482    Il-punt 232 tad-deċiżjoni kkontestata jippreċiża li l-impenn tat-trasferiment tas-slots inkwistjoni għandu japplika matul sitt staġuni konsekuttivi u kompluti tal-IATA wara l-aħħar staġun li għalih ir-regola ta’ “slot użat jew mitluf” ma tapplikax kompletament. Il-punt 234 tad-deċiżjoni kkontestata jindika, barra minn hekk, li l-perijodu li matulu slots ikunu disponibbli għat-trasferiment jestendi tal-inqas sal-irkupru previst tal-livell tat-traffiku tal-ajru tal‑2019 wara t-tmiem tal-pandemija tal-COVID‑19, li jippermetti lill-kompetituri jibbenefikaw b’mod sħiħ mit-trasferiment inkwistjoni.

483    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jidher, kif issostni l-Kummissjoni, li l-argument ta’ Ryanair huwa bbażat fuq qari żbaljat tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, huwa t-tmiem u mhux il-bidu tal-perijodu tat-trasferiment li huwa ddeterminat fir-rigward tal-aħħar staġun li għalih ir-regola ta’ “slot użat jew mitluf” ma tapplikax kompletament. Għalkemm huwa ċertament minnu li d-deċiżjoni kkontestata ma tippreċiżax espliċitament il-bidu ta’ dan it-trasferiment, xorta jibqa’ l-fatt li hija ma tipprevedi l-ebda posponiment fiż-żmien tal-imsemmi trasferiment. Huwa fuq din il-bażi li l-Kummissjoni ddikjarat quddiem il-Qorti Ġenerali, mingħajr ma ġiet ikkontestata, li s-slots inkwistjoni ġew proposti għat-trasferiment minn Settembru 2020, jiġifieri ftit xhur wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

484    Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud bħala infondat.

–       Fuq iddifett proċedurali

485    Fil-punt 239 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ppreċiżat li, f’każ ta’ offerti ugwali, hija kienet tiffavorixxi l-offerta li tkun kisbet l-iktar punti mingħand DLH. Din tal-aħħar tista’, għal dan il-għan, tuża kriterji tal-għażla tagħha, sakemm dawn ikunu trasparenti, bħall-eżistenza ta’ appoġġ mill-Istat favur xerrejja potenzjali, l-osservanza tar-regoli tax-xogħol jew il-prezz tal-offerta.

486    Ryanair issostni li r-regola li, f’każ ta’ offerti ugwali, il-Kummissjoni tagħti preferenza lill-offerta kklassifikata l-aħjar minn DLH tikkostitwixxi kunflitt ta’ interessi, peress li hija tippermetti lil DLH tagħżel lill-kompetitur tagħha stess.

487    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-dritt li dak kollu li jirrigwardaha jiġi ttrattat b’mod imparzjali mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, żgurat mill-Artikolu 41(1) tal-Karta, jirrifletti prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2019, ADDE vs Il-Parlament, T‑48/17, EU:T:2019:780, punt 41). Ir-rekwiżit ta’ imparzjalità jkopri, minn naħa, l-imparzjalità suġġettiva, fis-sens li l-arbitru tas-sistema inkwistjoni inkarigat mill-kawża ma għandux juri t-teħid ta’ pożizzjoni jew li għandu preġudizzju personali, u, min-naħa l-oħra, l-imparzjalità oġġettiva, fis-sens li l-arbitru għandu joffri garanziji suffiċjenti sabiex jiġi eskluż f’dan ir-rigward kull dubju leġittimu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2019, ADDE vs Il-Parlament, T‑48/17, EU:T:2019:780, punti 42 u 43). Id-difett ta’ parzjalità jikkostitwixxi għalhekk difett proċedurali, li tiegħu l-kunflitt ta’ interessi huwa biss varjant (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Frar 2021, Spadafora vs Il-Kummissjoni, T‑130/19, mhux ippubblikata, EU:T:2021:74, punti 82 u 99).

488    F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li, skont id-deċiżjoni kkontestata, għalkemm, ċertament, f’każ ta’ offerti ugwali, il-Kummissjoni ser tagħti preferenza lil dik li hija kklassifikata aħjar minn DLH, xorta jibqa’ l-fatt li dan huwa każ eċċezzjonali. Sussegwentement, l-għażla ta’ DLH hija rregolata minn kriterji li għandhom ikunu trasparenti, bħal dawk imsemmija fil-punt 485 iktar ’il fuq. Ir-rekwiżit ta’ trasparenza jiggarantixxi għalhekk li l-kriterji adottati minn DLH ma jkunux arbitrarji u jkunu mħabbra minn qabel. Barra minn hekk, għalkemm huwa minnu li l-kriterji msemmija iktar ’il fuq ġew iċċitati fid-deċiżjoni kkontestata bħala eżempji, xorta waħda jirriżulta li l-kriterji applikabbli għandhom ikunu ta’ natura oġġettiva. Fl-aħħar nett, u fuq kollox, mit-tieni inċiż tal-punt 236 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, sabiex ikun eliġibbli, ix-xerrej għandu jkun “indipendenti mill-” grupp Lufthansa u miegħu “ma għandu jkollu l-ebda rabta”. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-riskju ta’ kunflitt ta’ interessi lmentat minn Ryanair ma ġiex ipprovat.

489    Għaldaqstant, dan l‑ilment għandu jiġi miċħud bħala infondat.

–       Fuq lassenza ta’ proċedura ta’ bejgħ

490    Ryanair issostni li d-deċiżjoni kkontestata ma tiddeskrivix il-proċedura ta’ bejgħ tas-slots u li għalhekk ma hemm l-ebda garanzija li l-imsemmi bejgħ isir fil-ħin, bil-prezz tas-suq u b’osservanza tal-kundizzjonijiet l-oħra tad-deċiżjoni kkontestata.

491    Fil-punti 74 u 75 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni madankollu spjegat l-istadji tal-proċedura ta’ trasferiment, kif ukoll il-kriterji ta’ eliġibbiltà u ta’ evalwazzjoni li l-Kummissjoni kienet ser tapplika. Dawn il-punti jispeċifikaw ukoll li l-prezz propost għall-assi kollha ma jagħmilx parti mill-kriterji ta’ evalwazzjoni applikati mill-Kummissjoni.

492    Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-argument ta’ Ryanair huwa bbażat fuq qari parzjali tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, hija ma tilmenta dwar l-ebda element speċifiku tal-proċedura ta’ trasferiment.

493    F’dawn iċ-ċirkustanzi, dan l-ilment għandu jiġi miċħud bħala infondat.

–       Fuq ilħlas għattrasferiment tasslots

494    Minn naħa, Condor issostni li l-Kummissjoni kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha sa fejn ma ġġustifikatx kif ir-rekwiżit li t-trasferiment tas-slots inkwistjoni jsir bi ħlas minflok li jiġi impost it-trasferiment tagħhom mingħajr ħlas, kif jipprevedi l-Artikolu 8b tar-Regolament Nru 95/93, irendi l-impenji suffiċjentement attraenti għal xerrej eventwali. Min-naħa l-oħra, skont Condor, l-impenji inkwistjoni huma kuntrarji għall-prinċipju ta’ nuqqas ta’ kumpens li japplika għat-trasferiment tas-slots fil-qasam ta’ akkordji jew ta’ konċentrazzjonijiet, skont l-Artikolu 8b tar-Regolament Nru 95/93. Dan il-prinċipju japplika, b’analoġija, ukoll fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat.

495    Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument billi tirreferi għall-motivi tad-deċiżjoni kkontestata li jipprovdu li ma jeżistix prezz minimu għat-trasferiment inkwistjoni. Hija żżid li l-prezz ma huwiex kriterju meħud inkunsiderazzjoni minnha, iżda biss minn DLH fil-każ, ftit probabbli, ta’ offerti ugwali.

496    Fil-punt 74 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li x-xerrejja potenzjali kellhom jipproponu prezz għas-slots u għall-assi ttrasferiti, li l-prezz kellu jittieħed inkunsiderazzjoni f’każ ta’ offerti ugwali u li t-trasferiment ma kien ser ikun is-suġġett ta’ ebda prezz minimu.

497    Minn dan jirriżulta, kif tirrikonoxxi barra minn hekk il-Kummissjoni, li għalkemm, ċertament, ma jeżistix prezz minimu, xorta jibqa’ l-fatt li x-xerrejja għandhom iħallsu prezz sabiex jixtru s-slots u l-assi inkwistjoni. Mistoqsija f’dan ir-rigward fil-kuntest tal-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Kummissjoni ppreċiżat li l-prezz kellu jkopri kemm is-slots li għandhom jiġu ttrasferiti kif ukoll l-assi marbuta magħhom u li l-prezz kien dovut lil DLH. Għaldaqstant, huwa paċifiku li t-trasferiment tas-slots inkwistjoni għandu jsir bi ħlas.

498    Issa, xejn fid-deċiżjoni kkontestata ma jindika r-raġunijiet għalfejn, f’każ bħal dak inkwistjoni, il-Kummissjoni kkunsidrat li kien xieraq li jintalab it-trasferiment bi ħlas tas-slots inkwistjoni, minkejja li tali rekwiżit seta’ jnaqqas l-attrattività tal-imsemmija slots u, għaldaqstant, l-effikaċja tal-impenji relatati magħhom.

499    Bl-istess mod, xejn fid-deċiżjoni kkontestata ma jindika li l-Kummissjoni vverifikat jekk ir-rekwiżit ta’ ħlas inkwistjoni kienx kompatibbli mar-rekwiżiti previsti fir-Regolament Nru 95/93. Tali verifika kienet iktar u iktar neċessarja f’dan il-każ meta l-impenji inkwistjoni kienu jikkonsistu, essenzjalment, f’trasferiment ta’ slots, mitlub minn awtorità pubblika fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-prerogattivi tagħha, u meta l-imsemmi regolament jinkludi regoli speċifiċi f’dan ir-rigward.

500    Għandu jingħad ukoll li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rekwiżit li t-trasferiment tas-slots kellu jsir bi ħlas u mhux mingħajr ħlas, kellu importanza essenzjali fl-istruttura tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 205 iktar ’il fuq), b’tali mod li l-Kummissjoni kienet obbligata li tindika r-raġunijiet għalfejn hija qieset li dan ir-rekwiżit kien konformi mar-regoli applikabbli fil-qasam.

501    Issa, fl-assenza ta’ kwalunkwe indikazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata dwar ir-raġunijiet li wasslu lill-Kummissjoni sabiex tqis li t-trasferiment tas-slots inkwistjoni kellu jsir bi ħlas u mhux mingħajr ħlas u li dan ir-rekwiżit ma kellux il-konsegwenza li jnaqqas l-attrattività tal-imsemmija slots u, għaldaqstant, l-effikaċja tal-impenji relatati magħhom, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni naqset mill-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha.

502    Għaldaqstant, dan l-ilment huwa fondat sa fejn il-Kummissjoni naqset mill-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġu eżaminati l-argumenti l-oħra ta’ Condor dwar il-ħlas għat-trasferiment ta’ slots.

iv)    Konklużjoni dwar lilmenti li jikkonċernaw limpenji inkwistjoni

503    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni vvizzjat id-deċiżjoni kkontestata b’illegalità fir-rigward tal-aspetti li ġejjin tal-impenji inkwistjoni:

–        l-esklużjoni tal-kompetituri diġà bbażati fl-ajruporti ta’ Frankfurt u ta’ München mill-ewwel stadju tal-proċedura tat-trasferiment ta’ slots (punti 467 sa 480 iktar ’il fuq), u

–        ir-rekwiżit li t-trasferiment tas-slots isir bi ħlas (punti 494 sa 502 iktar’il fuq).

7.      Konklużjoni fuq ilmotivi bbażati fuq applikazzjoni żbaljata talQafas Temporanju

504    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’diversi żbalji jew irregolaritajiet relatati:

–        mal-eliġibbiltà tal-benefiċjarju kkonċernat għall-għajnuna inkwistjoni skont il-punt 49(c) tal-Qafas Temporanju (l-ewwel parti tal-ewwel motiv fil-Kawża T‑34/21 u t-tieni parti tal-ewwel motiv fil-Kawża T‑87/21) (punti 112 sa 138 iktar ’il fuq);

–        mal-assenza ta’ mekkaniżmu ta’ żieda tar-remunerazzjoni jew ta’ mekkaniżmu simili skont il-punti 61, 62, 68 u 70 tal-Qafas Temporanju (ir-raba’ parti tal-ewwel motiv fil-Kawża T‑34/21) (punti 242 sa 271 iktar ’il fuq);

–        mal-prezz tal-azzjonijiet waqt il-konverżjoni tal-holding passiva II, skont il-punt 67 tal-Qafas Temporanju (ir-raba’ parti tal-ewwel motiv fil-Kawża T‑34/21) (punti 272 sa 288 iktar ’il fuq);

–        mal-eżistenza ta’ SSS fl-ajruporti rilevanti minbarra Frankfurt u München u, fi kwalunkwe każ, fl-ajruporti ta’ Düsseldorf u ta’ Vjenna, matul l-istaġun tas-sajf 2019 tal-IATA (il-ħames parti tal-ewwel motiv fil-Kawża T‑34/21 u l-ewwel parti tal-ewwel motiv fil-Kawża T‑87/21); (punti 373 sa 412 iktar ’il fuq);

–        mal-aspetti tal-impenji msemmija fil-punt 503 iktar ’il fuq (il-ħames parti tal-ewwel motiv fil-Kawża T‑34/21 u l-ewwel parti tal-ewwel motiv fil-Kawża T‑87/21) (punt i467 sa 480 u 494 sa 502 iktar ’il fuq).

505    Kull wieħed minn dawn l-iżbalji huwa, fih innifsu, ta’ natura li jservi bħala bażi għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, kif irrettifikata mid-deċiżjoni ta’ rettifika.

506    Għaldaqstant, hemm lok li tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata, kif irrettifikata mid-deċiżjoni ta’ rettifika, mingħajr ma hemm bżonn li jiġu eżaminati l-motivi u l-ilmenti l-oħra invokati mir-rikorrenti.

IV.    Fuq lispejjeż

507    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti minn Ryanair fil-Kawża T‑34/21 u ta’Condor fil-Kawża T‑87/21, konformement mat-talbiet ta’ dawn tal-aħħar.

508    Skont l-Artikolu 138(1) u (3) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Franċiża u DLH għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom fil-Kawża T‑34/21. Bl-istess mod, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u DLH għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom fil-Kawża T‑87/21.

Għal dawn ir-raġunijiet,

IL-QORTI ĠENERALI

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2020) 4372 final tal25 ta’ Ġunju 2020, dwar l-għajnuna mill-Istat SA 57153 – Il-Ġermanja – COVID-19 – Għajnuna favur Lufthansa, kif irrettifikata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2021) 9606 final, tal14 ta’ Diċembru 2021, hija annullata.

2)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha, kif ukoll dawk ta’ Ryanair DAC fil-Kawża T34/21 u ta’ Condor Flugdienst GmbH fil-Kawża T87/21.

3)      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Franċiża u Deutsche Lufthansa AG għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom fil-Kawża T34/21.

4)      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u Deutsche Lufthansa għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom fil-Kawża T87/21.

Kornezov

Buttigieg

Kowalik-Bańczyk

Hesse

 

      Petrlík

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu,

Firem


Werrej




Werrej




*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.


1      Data kunfidenzjali moħbija