Language of document : ECLI:EU:C:2001:400

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

tat-12 ta' Lulju 2001 (*)

“Sigurtà soċjali ─ Assigurazzjoni kontra l-mard ─ Artikoli 22 u 36 tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71─ Libertà li jiġu pprovduti servizzi ─ Artikolu 59 tat-Trattat KE (li, wara l-emendi, sar l-Artikolu 49 KE) ─ Spejjeż għal kura mogħtija fi sptar sostnuti fi Stat Membru ieħor – Rifjut li tingħata awtorizzazzjoni suċċessivament iddikjarat infonadat)

Fil-Kawża C-368/98,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 177 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 234 KE), imressqa mill-Cour de travail de Mons (il-Belġju) u ntiża sabiex tikseb, fil-kawża pendenti quddiem dik il-qorti bejn

Abdon Vanbraekel et

u

Alliance nationale des mutualités chrétiennes (ANMC),

deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni ta’ l-Artikoli 22 u 36 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, ta' l-14 ta’ Ġunju 1971 dwar l-applikazzjoni ta’ l-iskemi tas-sigurta’ soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għall-membri tal-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunita’, fil-verżjoni emendata u aġġornata mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2001/83 tat-2 ta’ Ġunju 1983 (ĠU 1983 L 230, p.6), u ta’ l-Artikolu 59 tat-Trattat KE (li, wara l-emendi, sar l-Artikolu 49 KE),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

komposta minn G. C. Rodríguez Iglesias, President, C. Gulmann, A. La Pergola (Relatur), M. Wathelet u V. Skouris, Presidenti ta' Awla, D. A. O. Edward, J. P. Puissochet, P. Jann, L. Sevón, R. Schintgen u F. Macken, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. Saggio,

Reġistratur: H. A. Rühl, Amministratur Prinċipali,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati:

–        għall-Gvern Belġjan, minn J. Devadder, bħala aġent,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn W.-D. Plessing u C. D. Quassowski, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Spanjol, minn R. Silva de Lapuerta, bħala aġent,

–        għall-Gvern Franċiż, minn K. Rispal-Bellanger u A. de Bourgoing, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Irlandiż, minn M. A. Buckley, bħala aġent,

–        għall-Gvern Olandiż, minn M. A. Fierstra, bħala aġent,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer, bħala aġent,

–        għall-Gvern Finlandiż, minn T. Pynnä, bħala aġent,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn J. E. Collins, bħala aġent, assistit minn S. Moore, barrister,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn P. Hillenkamp u H. Michard, bħala aġenti,

wara li kkunsidrat ir-rapport għas-seduta,

wara li semgħet l-osservazzjonijiet orali tal-Gvern Belġjan, irrappreżentat minn A. Snoecx, bħala aġent, tal-Gvern Daniż, irrappreżentat minn J. Molde, bħala aġent, tal-Gvern Ġermaniż, irrappreżentat minn W.-D. Plessing, tal-Gvern Spanjol, irrappreżentat minn R. Silva de Lapuerta, tal-Gvern Franċiż, irrappreżentat minn C. Bergeot, bħala aġent, tal-Gvern Irlandiż, irrappreżentat minn B. Lenihan, SC, u N. Hyland, BL, tal-Gvern Olandiż, irrapreżentat minn M. A. Fierstra, tal-Gvern Awstrijak, irrappreżentat minn C. Pesendorfer, tal-Gvern Finlandiż, irrappreżentat minn T. Pynnä, tal-Gvern Svediż, irrappreżentat minn A. Kruse, bħala aġent, tal-Gvern tar-Renju Unit, irrappreżentat minn S. Moore, u tal-Kummissjoni, irrappreżentata minn H. Michard, fis-seduta tat-22 ta’ Frar 2000,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-18 ta' Mejju 2000,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz ta' sentenza tad-9 ta’ Ottubru 1998, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-16 ta’ Ottubru 1998, il-Cour de travail de Mons ressqet, skond l-Artikolu 177 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 234 KE) domanda għal deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni ta’ l-Artikoli 22 u 36 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71 ta’ l-14 ta’ Ġunju 1971 dwar l-applikazzjoni ta’ l-iskemi tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għall-membri tal-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, fil-verżjoni emendata u aġġornata mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2001/83 tat-2 ta’ Ġunju 1983 (ĠU 1983 L 230, p. 6, iktar 'il quddiem “ir-Regolament Nru 1408/71”) u ta’ l-Artikolu 59 tat-Trattat KE (li, wara l-emendi, sar l-Artikolu 49 KE).

2        Din id-domanda tqajmet fil-kuntest ta' kawża bejn, minn naħa waħda, is-Sur Vanbraekel u s-sitt itfal tiegħu, bħala werrieta tas-Sinjura Jeanne Descamps, u, min-naħa l-oħra, l-Alliance nationale des mutualités chrétiennes (iktar 'il quddiem l-“ANMC”) dwar ir-rifjut ta’ din ta’ l-aħħar li tħallas lura l-ispejjeż għall-kura mogħtija fl-isptar sostnuti mis-Sinjura Descamps in konnessjoni ma’ intervent kirurġiku ortopediku li hija subiet fi sptar fi Franża.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt Komunitarju

3        L-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 1408/71 jipprovdi:

“Ħaddiem impjegat jew li jaħdem għal rasu illi jissodisfa l-kondizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni ta' l-Istat kompetenti għalbiex ikun intitolat għall-benefiċċji, filwaqt li jingħata qies fejn xieraq tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 18, u:

(a) li l-kondizzjoni tiegħu teħtieġ benefiċċji immedjati matul il-għixien [iż-żjara] tiegħu fit-territorju ta' Stat Membru ieħor, jew

(b) (…) jew

(c) li jiġi awtorizzat mill-istituzzjoni kompetenti sabiex imur fit-territorju ta' Stat Membru ieħor għalbiex jirċievi hemm il-kura xierqa għall-kondizzjoni tiegħu,

għandu jkun intitolat:

(i) għall-benefiċċji f'oġġetti [in natura] provduti fl-interess ta' [f'isem] l-istituzzjoni kompetenti mill-istituzzjoni tal-post tal-għixien [taż-żjara] jew tar-residenza bi qbil mal-leġiżlazzjoni li tamministra [tapplika], daqs li kieku kien assigurat magħha; iżda, it-tul tal-perijodu taż-żmien li matulu jiġu provduti l-benefiċċji għandhom ikunu regolati mill-leġiżlazzjoni ta' l-Istat kompetenti;

(ii) għall-benefiċċji fi flus provduti mill-istituzzjoni kompetenti bi qbil mal-leġiżlazzjoni li (din l-istituzzjoni) tamministra. Madankollu, bi ftehim bejn l-istituzzjoni kompetenti u l-istituzzjoni tal-post tal-għixien [taż-żjara] jew tar-residenza, dawn il-benefiċċji jistgħu jiġu provduti mill-istituzzjoni ta' l-aħħar fl-interess ta' [f'isem] l-ewwel [waħda], bi qbil mal-leġiżlazzjoni ta' l-Istat kompetenti”.

4         It-tieni subpragrafu ta’ l-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 1408/71 jistipula:

“L-awtorizzazzjoni meħtieġa skond il-paragrafu 1(c) ma tistax tiġi rifjutata fejn il-kura in kwistjoni hija fost dawk il-benefiċċji provduti mil-leġiżlazzjoni ta’ l-Istat Membri li fih tirrisjedi l-persuna kkonċernata u meta din il-persuna ma tistax tingħata dan it-trattaemnt mediku fiż-żmien normalment neċċessarju sabiex jingħata dan it-trattamemt ġewwa l-Istat Membru tar-residenza, meta jitqiesu l-istat ta’ saħħa ta’ din il-persuna u l-iżvilupp probabbli tal-marda”.

5        It-Taqsima 7 tat-Titolu III Titolu, Kapitolu 1, tar-Regolament Nru 1408/71, intitolat “Ħlas lura (rimborż) bejn l-istituzzjonijiet”, tinkludi l-Artikolu 36 li jipprovdi kif ġej:

“1. Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 32, il-benefiċċji f'oġġetti [in natura] provduti b'mod konformi ma' dan il-Kapitolu mill-istituzzjoni ta' Stat Membru wieħed fl-interess ta' [f'isem] Stat Membru ieħor għandhom jiġu mħallsa lura għal kollox.

2. Il-ħlas lura msemmi fil-paragrafu 1 għandu jiġi stabbilit u magħmul bi qbil mal-proċedura provduta bl-implimentazzjoni tar-Regolament msemmi fl-Artikolu 98, jew mal-għotja tal-prova tan-nefqa attwali jew fuq il-bażi ta' ħlas f'somma waħda.

Fil-każ ta' l-aħħar, il-ħlas f'somma waħda għandu jkun tali illi jiżgura illi l-ħlas lura jeqreb daqs kemm possibbli lejn in-nefqa attwali.

3. Żewġ Stati Membri jew iktar, jew l-awtoritajiet kompetenti ta' dawn l-Istati, jistgħu jipprovdu metodi oħra ta' ħlas lura jew iwarrbu d-dritt għar-rifużjoni kollha bejn l-istituzzjonijiet taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom”.

 Il-kuntest ġuridiku nazzjonali

6        L-Artikolu 76 quater (1) tal-Liġi tad-9 ta’ Awwissu 1963, li tintroduċi u torganizza skema ta’ assigurazzjoni obbligatorja kontra l-mard u l-invalidità (iktar 'il quddimem il-“liġi tad-9 ta’ Awissu 1963”), kien jipprovdi, fiż-żmien tal-fatti fil-kawża prinċipali:

“Sakemm ir-Re ma jistipolax mod ieħor, il-benifiċċji provduti minn din il-liġi m’għandhomx jingħataw meta l-benifiċjarju ma jkunx effettivament preżenti fit-territorju Belġjan meta ssir it-talba għall-benifiċċji jew meta l-benifiċċji jkunu ġew provduti barra mit-territorju nazzjonali”.

7        L-Artikolu 221(1) tad-Digriet Irjali ta’ l-4 ta’ Novembru 1963 li jimplementa l-Liġi tad-9 ta’ Awissu 1963 jistipula:

“L-Awtorizzazzjoni sabiex benifiċċiji tas-saħħa jiġu pprovduti barra mit-territorju nazzjonali għandha tingħata:

(2) lill-benefiċjarju, meta l-fejqan tiegħu jeħtieġ rikoveru fi sptar li jista’ jkun effetwat f’kundizzjonijiet mediċi aħjar barra mill-pajjiż u jekk dan huwa kkunsidrat bħala indipensabbli mill-espert mediku”.

8        Madanakollu, il-Gvern Belġjan jindika fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu li t-talbiet għall-awtorizzazzjoni sabiex tingħata kura fi Stat Membru ieħor huma issa eżaminati fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1408/71 u mhux aktar fuq il-bażi tal-leġiżlazzjoni Belġjana hawn fuq ikkwotata.

9        Għaldaqstant, jirrużulta mid-Direttivi Ministerjali riprodotti fiċ-Ċirkulari Nru 83/54-80/54 ta’ l-Institut national d’assurance maladie-invaldité (INAMI) ta’ l-4 ta’ Frar 1989 illi l-leġiżlazzjoni Belġjana m’għadhiex tapplika meta s-sitwazzjoni hija r-regolata minn leġiżlazzjoni Komunitarja.

10      F’dak li jkkonċerna l-ħruġ tal-Formula E 112, msemmija fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 547/72 tal-21 ta’ Marzu 1972, li jistipula l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71 (ĠU L 74, p. 1) u, għaldaqstant, tal-ħlas lura ta’ benifiċċji mediċi provduti fi Stat Membru ieħor, iċ-Ċirkulari Ministerjali O.A. Nru 81/215 - 80/51 tat-18 ta’ Ġunju 1971 tipprovdi kif ġej:

“1. Fir-rigward ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1408/71, il-prinċipji segwenti għandhom japplikaw:

1. L-awtorizzazzjoni sabiex tingħata kura barra mill-pajjiż ma tistax tingħata meta fil-Belġju jkun hemm il-faċilitajiet mediċi u tekniċi sabiex din il-kura tkun ipprovduta hemmhekk:

2. Meta, f’każijiet eċċezzjonali, tingħata l-awtorizzazzjoni sabiex tingħata kura barra mill-pajjiż, jiġifieri meta l-kura ma tistax tingħata fil-Belġju, l-espert mediku għandu jindika b'mod ċar l-istabbiliment fejn għandha tingħata l-kura u / jew l-ispeċjalist mediku u anke l-perjodu ta’ żmien propost għall-kura.

3. Bla ħsara għall-paragrafu 2, benifiċċji li m’humiex koperti mill-assigurazzjoni Belġjana ma jistgħux ikunu pprovduti barra mill-pajjiż. Dan iffisser illi l-Formola E 112 ma tistax tinħareġ għal benifiċċji li ma jistgħux jitħallsu lura fil-Belġju taħt l-iskema ta’ assigurazzjoni obbligatorja kontra l-mard u l-invalidità (restrizzjoni assoluta).

[…]”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

11      Is-Sinjura Descamps, ċittadina Belġjana li toqgħod il-Belġju u li hija affiljata ma' l-ANMC, kienet tbati minn bilateral gonarthrosis. Fi Frar ta' l-1990, hija talbet l-awtorizzazzjoni mill-ANMC sabiex tagħmel intervent kirurġiku ortopediku fi Franza, li kellu jiġi mħallas mill-ANMC.

12      L-awtorizzazzjoni kienet ġiet irrifjutata għar-raġuni li t-talba ma kinitx motivata biżżejjed, peress illi s-Sinjura Descamps ma kinitx ipprovdiet l-opinjoni ta’ tabib li kien jipprattika f’istituzzjoni universitarja nazzjonali.

13      Minkejja dan ir-rifjut, is-Sinjura Descamps xorta waħda għamlet l-operazzjoni fi Franza f’April ta' l-1990. Hija mbagħad ressqet rikors kontra l-ANMC quddiem it-Tribunal du travail de Tournai (il-Belġju) għall-ħlas lura ta’l-ispejjeż ta’ din il-kura medika.

14      Permezz ta' sentenza ta’ l-10 ta’ Diċembru 1991, it-Tribunal du travail de Tournai ċaħad ir-rikors. Huwa kkunsidra li d-deċiżjoni ta’ l-ANMC li tirrifjuta l-awtorizzazzjoni kienet fondata, speċjalment minħabba l-fatt illi s-Sinjura Descamps “ma kinitx uriet, billi tipproduċi għall-inqas parir ta’ professur ta’ l-Università Belġjana, li l-operazzjoni fi Franza kienet saret f’kundizzjonijiet mediċi aħjar minn dawk li kienet issir fihom, li kieku saret fil-Belġju”.

15      Is-Sinjura Descamps appellat kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Cour du travail de Mons li, permezz ta’ sentenza interlokutorja tat-8 ta’ Ottubru 1993, iddikjarat illi r-rekwiżit, aċċettat mit-Tribunal du travail de Tournai, li l-opinjoni ta’ professur Universitarju Belġjan kien neċċessarju qabel ma tingħata l-awtorizzazzjoni kien eċċessiv. Fl-istess sentenza, il-Cour du Travail de Mons ħatret espert sabiex jevalwa jekk il-fejqan tas-Sinjura Descamps f’Marzu ta’ l-1990 kienx jeħtieġ kura fl-isptar li, f'pajjiż ieħor, setgħet tingħata f’kundizzjonijiet mediċi aħjar milli fil-Belġju.

16      Ir-rapport ta’ l-espert ippreżentat fid-29 ta’ Diċembru 1994, ikkonkluda li “f’Marzu ta' l-1990, il-fejqan tas-Sinjura Descamps kien jeħtieġ kura fl-isptar li setgħet tingħata f’kundizzjonijiet mediċi aħjar barra mill-pajjiż (operazzjoni magħmula minn Dr Cartier f’Pariġi, Artikolu 221(1) tad-Digriet Rjali ta’ l-4 ta’ Novembru 1963)”.

17      Jirriżulta mit-talbiet ippreżentati quddiem il-Cour du travail de Mons, wara li ġie ppreżentat ir-rapport ta’ l-espert, li, fiċ-ċirkustanza tal-kawża prinċipali, il-ħlas lura ta’ l-ispejjeż mediċi subiti mis-Sinjura Descamps kien ta' FRF 38 608.99, jekk tintuża l-formula għall-kalkolu tar-rifużjoni stipulata mil-leġiżlazzjoni Franċiża, u ta’ FRF 49 965.44 jekk tintuża l-formula stipulata mil-leġiżlazzjoni Belġjana.

18      Is-Sinjura Descamps mietet fl-10 ta’ Awissu 1996, waqt li kienu għadhom pendenti l-proċeduri. L-eredi tagħha, jiġifieri r-raġel tagħha, is-Sur Vanbraekel, u s–sitt itfal tagħha komplew il-kawża.

19      Fid-dawl tar-rapport ta’ l-espert, il-Cour du travail de Mons indikat illi l-ANMC kienet se tiġi ordnata tħallas l-ispejjeż marbuta mal-kura fl-isptar tas-Sinjura Descamps “skond l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1408/71 u l-Artikoli 59 u 60 tat-Trattat”. Hija speċifikat li l-unika kwistjoni li għad kellha tiġi deċiża kienet dik ta’ l-ammont ta’ l-ispejjeż sostnuti u għaldaqstant iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel is-segwenti domanda għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Fejn, fil-kuntest ta' kawża quddiemha, il-qorti nazzjonali tkun irrikonoxxiet il-ħtieġa illi tingħata kura fl-isptar fi Stat Membru differenti minn dak ta’ l-istituzzjoni kompetenti - għalkemm l-awtorizzazzjoni minn qabel stipulata fl-Artikolu 22 tar-Regolment Nru 1408/71 kienet ġiet irrifjutata:

(a) il-ħlas lura ta' l-ispejjeż relativi għall-kura fl-isptar għandu jsir skond l-iskema ta’ l-Istat ta’ l-istituzzjoni kompetenti jew skond dik ta’ l-Istat fejn il-kura fl-isptar tkun ingħatat?

(b) fid-dawl ta’ l-Artikolu 36 tar-Regolament Nru 1408/71, li jirreferri għall-ħlas lura ta' l-ammont sħiħ, il-limitazzjoni ta’ l-ammont imħallas lura prevista mil-leġiżlazzjoni ta’ l-Istat ta’ l-istituzzjoni kompetenti hija permessa?”

 Fuq l-ammissabilità

20      Skond il-Gvern Irlandiż, dak Olandiż u dak tar-Renju Unit mis-sentenza tar-rinviju ma jirriżultawx b’mod preċiż ir-raġunijiet għalfejn il-qorti nazzjonali għandha bżonn tikseb interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju sabiex tiddeċiedi l-kawża u hija ma fihiex biżżejjed indikazzjonijiet fir-rigward ta' l-elementi rilevanti ta’ dritt u ta’ fatt li jippermettu lill-Istati Membri jeżerċitaw effettivament id-dritt tagħhom li jippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

21      F'dan ir-rigward, għandu jkun mfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti jirriżulta li l-ħtieġa li tingħata interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju li tkun utli għall-qorti nazzjonali teżiġi illi din l-istess qorti tiddefinixxi l-kuntest fattwali u leġiżlattiv tad-domandi li hija tagħmel jew, għall-inqas li tispjega ċ-ċirkustanzi ta’ fatt li fuqhom huma bbażati dawn id-domandi (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-26 ta’ Jannar 1993, Telemarsicabruzzo et, C-320/99 sa C-322/90, Ġabra, p. I-393, punt 6; id-digrieti tad-19 ta’ Marzu 1993, Banchero, C-157/92, Ġabra, p. I-1085, punt 4, tat-30 ta’ April 1998, Testa u Modesti, C-128/97 u C-137/97, Ġabra, p. I-2181, punt 5, u tat-28 ta’ Ġunju 2000, Laguillaumie, C-116/00, Ġabra p. I-4979, punt 15). Il-Qorti enfasizzat ukoll ripetutament l-importanza li l-qorti tar-rinviju tindika r-raġunijiet preċiżi li wassluha biex ikollha dubji dwar l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju u biex tqis neċessarju li tagħmel domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b'mod partikolari, id-digrieti tal-25 ta’ Ġunju 1996, Italia Testa, C-101/96, Ġabra p. I-3081, punt 6; Testa u Modesti, iċċitata iktar 'il fuq, punt 15 u Laguillaumie, iċċitata iktar 'il fuq, punt 16).

22      Madankollu, f'din il-kawża għandu jiġi kkonstatat illi l-qorti tar-rinviju ma naqsitx milli tissodisfa dawn ir-rekwiżiti.

23      Fil-fatt għandu jiġi osservat illi s-sentenza tar-rinviju tindika d-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli u tinkludi deskrizzjoni tal-fatti li, għalkemm konċiża, hija suffiċjenti sabiex tippermetti lill-Qorti tagħti deċiżjoni.

24      Barra minn dan, kif ġie osservat preċedentement, il-qorti tar-rinviju diġà ddikjarat illi, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, il-kundizzjonijiet li għalihom id-dritt Komunitarju jissuġġetta l-eżistenza ta’ dritt għall-ħlas lura ta’ l-ispejjeż tal-kura mogħtija fi Stat Membru differenti minn dak fejn il-persuna kkonċernata kienet assigurata kienu sodisfatti. Kif ġie enfasizzat fis-sentenza tar-rinviju, it-talba għal interpretazzjoni indirizzata lill-Qorti hija intiża esklużivament sabiex jiġi aċċertat l-ammont li għandu jitħallas lura u, b’mod partikolari, jekk f’dan ir-rigward tapplikax l-iskema ta’ l-Istat Membru fejn il-persuna kkonċernata hija assigurata jew l-iskema applikata fl-Istat Membru fejn ingħatat il-kura.

25      F'dawn iċ-ċirkustanzi, id-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju għandha tiġi eżaminata.

 Fuq l-ewwel parti tad-domanda preliminari

26      Permezz ta’ l-ewwel parti tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk, meta persuna li tkun talbet awtorizzazzjoni fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 22(1)(c) tar-Regolament Nru 1408/71 ma tkunx ingħatat din l-awtorizzazzjoni mill-istituzzjoni kompetenti u sussegwentement jiġi stabbilit illi dak ir-rifjut kien infondat, il-ħlas lura mill-istituzzjoni kompetenti ta’ l-ispejjeż tal-kura għandux jiġi kkalkulat skond ir-regoli relevanti fis-seħħ fl-Istat Membru fejn il-persuna kkonċernata hija assigurata jew skond dawk stipulati fil-leġiżlazzjoni ta’ l-Istat Membru fejn tkun ingħatat il-kura.

27      Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu, qabel kollox, jiġi osservat illi għalkemm il-qorti tar-rinviju ma preċċizatx dan, id-dispożizzjonijiet Komunitarji li l-interpretazzjoni tagħhom tidher illi hija relevanti sabiex tingħata risposta għad-domanda magħmula huma, l-ewwel nett l-Artikolu 22(1)(c) u (i) tar-Regolament Nru 1408/71 u t-tieni nett, l-Artikolu 59 tat-Trattat.

28      Kif ġie osservat iktar 'il fuq, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li hija stess iddeċidiet li l-ispejjeż mediċi in kwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom jitħallsu mill-ANMC “skond l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1408/71 u l-Artikoli 59 u 60 tat-Trattat”.

 L-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1408/71

29      F’dak li jirrigwarda l-aplikabbilità ta’ l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1408/71 għall-kawża prinċipali, għandu jiġi mfakkar, fl-ewwel lok, illi, minn naħa, is-Sinjura Descamps talbet l-awtorizzazzjoni minn qabel fuq il-bażi ta’ din id-dispożizzjoni u li, min-naħa l-oħra, il-qorti nazzjonali ddeċidiet illi tiddikkjara dan ir-rifjut ta' awtorizzazzjoni bħala ineffettiv.

30      Fit-tieni lok, għandu jiġi ppreċiżat ukoll illi l-fatt li r-rifjut ta’ awtorizzazzjoni ġie ddikjarat infondat fil-kawża prinċipali, fuq il-bażi tal-kriterji għall-awtorizzazzjoni previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali u mhux skond kriterji previsti fit-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 1408/71, ma jfissirx illi jista' jiġi kkunsidrat li dan ir-Regolament ma jistax jiġi applikat, kif isostni l-Gvern Belġjan.

31      Fil-fatt mit-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 1408/71 jirriżulta illi l-uniku għan ta’ din id-dispożizzjoni huwa li tidentifika ċ-ċirkustanzi li fihom l-istituzzjoni nazzjonali kompetenti ma tista’ b'ebda mod tirrifjuta li tagħti l-awtorizzazzjoni mitluba fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 22(1)(c). Din id-dispożizzjoni m’hijiex intiża biex tillimita ċ-ċirkustanzi li fihom din l-awtorizzazzjoni tista’ tingħata skond l-Artikolu 22(1)(c). Minn dan jirriżulta illi fejn l-awtorizzazzjoni tingħata fuq il-bażi ta’ regola nazzjonali li, bħal-leġiżlazzjoni in kwistjoni fil-kawża prinċipali, tipprovdi li l-awtorizzazzjoni għandha tingħata meta jkun stabbilit illi l-kura fl-isptar tista’ tingħata f'kundizjonijiet mediċi aħjar barra mill-pajjiż, għandu jiġi kkunsidrat li din l-awtorizzazzjoni tikkostitwixxi awtorizzazzjoni fis-sens ta’ l-Artikolu 22 (1)(c) tar-Regolament Nru 1408/71.

32      F’dak li jirrigwarda l-portata tad-drittijiet mogħtija mill-Artikolu 22(1)(c) tar-Regolament Nru 1408/71 lill-persuna assigurata li tkun ingħatat din l-awtorizzazzjoni, jirriżulta mill-paragrafu 1(i) li bħala regola l-persuna assigurata għandha tkun intitolata għall-benifiċċji in natura pprovduti, għan-nom ta’ l-istituzzjoni kompetenti, mill-istituzzjoni tal-post fejn tkun tinsab il-persuna assigurata, skond id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni ta’ l-Istat fejn jingħata s-servizz daqslikieku l-persuna assigurata kienet assigurata f’dak l-Istat. Huwa biss il-perjodu ta’ żmien li matulu għandhom jingħataw il-benifiċċji li għandu jiġi rregolata mil-leġiżlazzjoni ta’ l-Istat kompetenti. Billi tiggarantixxi lill-persuni assigurati li jaqgħu taħt il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru u li jkunu ngħataw l-awtorizzazzjoni sabiex ikollhom aċċess għall-kura fl-Istati Membri l-oħra f'kundizzjonijiet daqstant favorevoli daqs dawk li jgawdu persuni assigurati li jaqgħu taħt il-leġiżlazzjoni ta’ dawk l-Istati Membri l-oħra, din id-dispożizzjoni tgħin sabiex tiffaċilita l-moviment liberu tal-persuni assigurati.

33      Minn dan jirriżulta li f’dak li jirrigwarda l-kwistjoni ta' kif għandhom jitħallsu lura l-ispejjeż, il-leġiżlazzjoni ta’ l-Istat Membru fejn tkun ingħatat il-kura għandha tiġi applikata, filwaqt li l-istituzzjoni kompetenti tkun obbligata li, sussegwentement, tħallas lura lill-istituzzjoni tal-post fejn tinsab il-persuna kkonċernata, kif previst mill-Artikolu 36 tar-Regolament Nru 1408/71.

34      Kemm l-effett prattiku kif ukoll l-ispirtu ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jeħtieġu li jiġi kkusidrat illi, meta persuna assigurata li tkun talbet awtorizzazzjoni fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 22(1)(c) tar-Regolament Nru 1408/71 ma tkunx ingħatat din l-awtorizzazzjoni mill-istituzzjoni kompetenti u sussegwentement jiġi stabbilit, jew mill-istituzzjoni kompetenti stess, jew minn deċiżjoni ġudizzjarja, li dak ir-rifjut kien infondat, dik il-persuna hija intitolata tikseb il-ħlas lura direttament mill-istituzzjoni kompetenti ta' ammont ekwivalenti għal dak li normalment kien ikun tħallas li kieku l-awtorizzazzjoni kienet ingħatat debitament mill-bidu nett.

35      Il-qorti tar-rinviju tindika li l-ammont li eventwalment ikollu jitħallas lura jekk tkun applikabbli s-sistema Belġjana huwa akbar mill-ammont imħallas lura jekk tkun applikabbli s-sistema Franċiża u m’hijiex ċerta dwar l-ammont tar-rifużjoni li għalih ir-rikorrenti, fil-kapaċità tagħhom ta' eredi tas-Sinjura Descamps, huma effettivament intitolati skond id-Dritt Komunitarju. Għaldaqstant, tqum il-kwistjoni jekk ir-rikorrenti jistgħux jitolbu wkoll il-ħlas lura ta' ammont supplementari sabiex ikopru d-differenza bejn iż-żewġ sistemi.

36      F’dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar illi l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1408/71 m’huwiex intiż biex jirregola, u għaldaqstant b’ebda mod ma jimpeddixxi l-ħlas lura minn Stati Membri, skond it-tariffi fis-seħħ fl-Istat Membru fejn il-persuna hija assigurata, ta’ l-ispejjeż sostnuti għall-kura pprovduta fi Stat Membru ieħor (ara s-sentenza tat-28 ta' April 1998, Kohll, C-158/96, Ġabra p. I-1931, punt 27), meta l-leġiżlazzjoni ta’ l-Istat Membru fejn il-persuna kkonċernata hija assigurata tipprovdi għal dan il-ħlas lura u t-tariffi applikati skond dik il-leġiżlazzjoni huma iktar vantaġġużi minn dawk applikati mill-Istat Membru li fih ingħatat il-kura.

37      Għalkemm l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1408/71 m’għandux l-effett li jostakola l-ħlas lura ta' ammont supplementari għal dak li jirriżulta mill-applikazzjoni tas-sistema ta’ l-Istat Membru fejn tkun ingħatat il-kura meta s-sistema applikata fl-Istat Membru fejn il-persuna kkonċernata hija assigurata hija iktar vantaġġuża, din id-dispożizzjoni lanqas m’għandha l-effett ulterjuri li timponi dan il-ħlas lura ta' ammont supplementari. Għaldaqstant, fid-dawl ta’ dak li ntqal, huwa neċċessarju li jiġi kkunsidrat jekk obbligu bħal dan jistax jirriżulta mill-Artikolu 59 tat-Trattat.

 Fuq ir-regoli relativi għall-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi

38      L-ewwelnett għandu jiġi ddeterminat jekk is-sitwazzjoni in kwistjoni fil-kawża prinċipali taqax taħt il-kamp ta' applikazzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi skond l-Artikolu 59 tat-Trattat.

39      Numru ta’ Gvernijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub lill-Qorti tal-Ġustizzja kkontestaw il-fatt illi s-servizzi ta’ sptar jistgħu jikkostitwixxu attività ekonomika fis-sens ta’ l-Artikolu 60 tat-Trattat KE (issa l-Artikolu 50 KE).

40      Qabel kollox, għandu jiġi mfakkar illi, skond l-Artikolu 60 tat-Trattat, is-servizzi li normalment jingħataw bi ħlas huma kkunsidrati bħala servizzi għall-finijiet ta-Trattat, sakemm dawn m’humiex regolati mid-dispożizzjonijiet relativi għall-moviment liberu tal-merkanzija, tal-kapital u tal-persuni.

41      Barra minn hekk, minn ġurisprudenza kostanti jirriżulta li attivitajiet mediċi jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni ta’ l-Artikolu 60 tat-Trattat, mingħajr ma hemm bżonn li ssir distinzjoni f’dan ir-rigward bejn kura mogħtija f’ambjent ta’ sptar u kura mogħtija barra minn dan l-ambjent (ara s-sentenzi tal-31 ta' Jannar 1984, Luisi u Carbone, 286/82 u 26/83, Ġabra 377, punt 16; ta' l-4 ta' Ottubru 1991, Society for the Protection of Unborn Children Ireland, C-159/90, Ġabra p. I-4685, punt18, u Kohll, iċċitata iktar 'il fuq, punti 29 u 51).

42      Minn ġurisprudenza kostanti jirriżulta wkoll illi n-natura partikolari ta’ ċerti servizzi ma tistax teskludi lil dawn l-attivitajiet mill-prinċipju fundamentali tal-moviment liberu (sentenzi tas-17 ta' Diċembru 1981, Webb, 279/80, Ġabra p. 3305, punt 10, u Kohll, iċċitata iktar 'il fuq, punt 20), u b'hekk il-fatt illi r-regoli nazzjonali in kwistjoni fil-kawża prinċipali jaqgħu taħt il-qasam tas-sigurtà soċjali ma jeskludix l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 59 u 60 tat-Trattat (sentenza Kohll, iċċitata iktar 'il fuq, punt 21).

43      Peress illi s-servizzi mogħtija fl-isptar in kwistjoni fil-kawża prinċipali jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi, huwa neċċessarju li jiġi kkunsidrat jekk il-fatt illi leġiżlazzjoni nazzjonali ma tiggarantixxix lil persuna assigurata f'dak l-Istat, li tkun ġiet awtorizzata tirċievi kura fl-isptar fi Stat Membru ieħor skond l-Artikolu 22(1)(c) tar-Regolament Nru 1408/71, livell ta’ ħlas lura ekwivalenti għal dak li hija kienet tkun intitolata li tirċievi kieku hija ngħatat l-kura fl-sptar fl-Istat Membru fejn hija kienet assigurata, jwassalx għar-restirzzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi fis-sens ta’ l-Artikolu 59 tat-Trattat.

44      F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta illi l-Artikolu 59 tat-Trattat jimpedixxi l-applikazzjoni ta’ kull liġi nazzjonali li jkollha l-effett li tagħmel il-provvista ta’ servizzi bejn Stati Membri aktar diffiċili mill-provista ta’ servizzi purament interni għal Stat Membru wieħed (sentenzi tal-5 ta’ Ottubru 1994, Il-Kumisjoni vs Franza, C-381/93, Ġabra, p. I-5145, punt 17 u Kohll, iċċitata iktar 'il fuq, punt 33).

45      F'dan il-każi, m’hemm l-ebda dubju li l-fatt li persuna assigurata jkollha livell ta’ assigurazzjoni anqas vantaġġuż meta hija tirċievi kura fi sptar fi Stat Membru ieħor milli meta hija tirċievi l-istess kura fl-Istat Membru fejn hija assigurata jista’ jiskuraġġixxi jew anke jwaqqaf lill-dik il-persuna milli tuża s-servizzi mediċi ta' dawk li jkunu stabbiliti fi Stati Membri oħra u jikostitwixxi, kemm għall-persuna assigurata kif ukoll għal dawk li jipprovdu s-servizzi, ostaklu għall-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi (ara, b’anoloġija, is-sentenzi Luisi u Carbone, iċċitata iktar 'il fuq, punt 16; tat-28 ta' Jannar 1992, Bachmann, C-204/90, Ġabra p. I-249, punt 31 u Kohll, iċċitata iktar 'il fuq, punt 35).

46      Għaldaqstant, huwa neċessarju li jkun eżaminat fl-aħħar nett jekk il-fatt illi l-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ Stat Membru ma tigarantixxix lill-persuna assigurata f’dak l-Istat livell ta’ kopertura għall-inqas daqstant vantaġġuż meta dawn is-servizzi jiġu pprovduti fi sptar fi Stat Membru ieħor jistax ikun iġġustifikat b’mod oġġettiv.

47      Għandu jiġi mfakkar, f’dan ir-rigward, illi l-Qorti preċedentemnt iddikjarat illi ma jistax jiġi eskluż illi r-riskju li l-bilanċ finanzjarju tas-sistema tas-sigurtà soċjali jkun serjament affettwat jista’ jiksostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess pubbliku li jista’ jiġġustifika ostaklu għall-prinċipju tal-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi (Kohll, punt 41).

48      Il-Qorti bl-istess mod irrikonoxxiet li anki jekk l-għan li jinżamm servizz mediku u servizz fl-isptarijiet bilanċjat u miftuħ għal kulħadd huwa intrinsikament marbut mal-metodu ta’ finanzjament tas-sistema ta’sigurtà soċjali, dan jista' jaqa’ wkoll taħt id-derogi ġustifikati minn raġunijiet ta’ saħħa pubblika previsti mill-Artikolu 56 tat-Trattat KE (li, wara l-emendi, sar l-Artikolu 46 KE), inkwantu jikkontribwixxi għall-kisba ta' livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa. (is-sentenza Kohll, iċċitata iktar 'il fuq, punt 50).

49      Il-Qorti ppreċiżat ukoll li l-Artikolu 56 tat-Trattat jippermetti lill-Istati Membri jirristrinġu l-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi mediċi u s-servizzi fl-isptarijiet inkwantu ż-żamma ta’ kapaċità ta’ kura jew ta’ kompetenza medika fit-territorju nazzjonali hija essenżjali għas-saħħa pubblika, u anke għas-sopravivenza tal-popolazzjoni tagħhom (is-sentenza Kohll, iċċitata iktar 'il fuq, punt 51).

50      Madanakollu, f’dak li jirrigwarda s-sitwazzjoni in kwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jingħad li ebda waħda mir-raġunijiet imperattivi msemmija fil-punti 47 sa 49 ta’din is-sentenza ma jistgħu jiġġustifikaw l-ostaklu in kwistjoni fil-kawża prinċipali.

51      Fil-fatt għandu jiġi mfakkar li, f'dan il-każ, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet illi s-Sinjura Descamps kienet intitolata tikseb l-awtorizzazzjoni prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għaliha u mill-Artikolu 22(1)(c) tar-Regolament Nru 1408/71. F'dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi sostnut illi l-ħlas lura ta’ ammont supplementari, li jikkorrispondi għad-differenza bejn is-sistema ta’ kopertura prevista mil-leġiżlazzjoni ta’ l-Istat Membru fejn il-persuna tkun assigurata u dik applikata mill-Istat Membru fejn tkun ingħatat il-kura, meta dik ta’ l-ewwel hija aktar vantaġġuża minn dik ta’ l-aħħar, huwa ta' tali natura li jipperikola ż-żamma, fl-Istat Membru fejn il-persuna hija assigurata, ta’ servizz mediku u ta’ servizz fl-isptarijiet ibbalanċjat u miftuħ għal kulħadd jew iż-żamma ta’ kapaċità ta’ kura jew ta’ kompetenza medika fit-territorju nazzjonali.

52      Barra minn hekk, minħabba li ħlas lura supplementari bħal dan, li huwa funzjoni tas-sistema ta’ intervent ta' l-Istat fejn il-persuna hija assigurata, fil-fatt ma timponix piż finanzjarju addizzjonali fuq l-iskema ta’ assigurazzjoni kontra l-mard ta’ dak l-Istat meta mqabbel mar-rifużjoni li kien ikollha ssir li kieku l-kura fl-isptar kienet ipprovduta f’dan l-aħħar Stat, u lanqas ma jista’ jiġi sostnut illi l-fatt li din l-assigurazzjoni kontra l-mard kellha tħallas dan l-ammont supplementari jwassal għal effett sinjifikattiv fuq il-finanzjament tas-sistema ta’ sigurtà soċjali (is-sentenza Kohll, iċċitat iktar 'il fuq, punt 42).

53      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel parti tad-domanda preliminari għandha tkun illi l-Artikolu 22(1)(c) u (i) tar-Regolament Nru 1408/71 għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta persuna assigurata tkun ġiet awtorizzata mill-istituzzjoni kompetenti sabiex tmur fi Stat Membru ieħor għall-kura, l-istituzzjoni tal-post fejn tingħata l-kura hija meħtieġa tipprovdiha b’benifiċċji in natura skond ir-regoli relativi għall-assunzjoni tar-responsabbiltà għall-kura tas-saħħa li din ta’ l-aħħar tapplika, daqslikieku l-persuna kkonċernata kienet assigurata magħha.

Meta persuna assigurata li tkun talbet awtorizzazzjoni fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 22(1))(c) ta’ dan ir-Regolament ma tkunx ingħatat din l-awtorizzazzjoni mill-istituzzjoni kompetenti u sussegwentement jiġi stabbilit illi dak ir-rifjut kien infondat, il-persuna kkonċernata hija intitolata tikseb il-ħlas lura direttament mill-istituzzjoni kompetenti ta’ ammont ekwivalenti għal dak li kien ikun sostnut mill-istituzzjoni tal-post tal-kura, skond ir-regoli previsti mil-leġiżlazzjoni applikata minn din l-aħħar istituzzjoni, li kieku l-awtorizzazzjoni kienet ingħatat debitament mill-bidu nett.

Peress illi l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1408/71 m’huwiex intiż biex jirregola l-ħlas lura skond it-tariffi fis-seħħ fl-Istat Membru fejn il-persuna hija assigurata, huwa m’għandux l-effett illi jostakola jew li jimponi l-ħlas, minn dan l-Istat Membru, ta’ ammont supplementari li jikkorrispondi għad-differenza bejn is-sistema ta’ kopertura prevista mil-leġiżlazzjoni ta’ dak l-Istat u s-sistema applikata mill-Istat Membru fejn ġiet ipprovduta l-kura, meta din ta’ l-ewwel hija aktar vantaġġuża minn dik ta’ l-aħħar u meta ħlas lura bħal dan huwa previst mil-leġiżlazzjoni ta’ l-Istat Membru fejn il-persuna hija assigurata.

L-Artikolu 59 tat-Trattat għandu jiġi interpretat fis-sens li jekk il-ħlas lura ta’ l-ispejjeż sostnuti għal servizzi mediċi pprovduti fi Stat Membru fejn tkun tinsab il-persuna kkonċernata, li jirriżulta mill-applikazzjoni tar-regoli fis-seħħ f'dan l-Istat, huwa anqas minn dak li kien jirriżulta mill-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ fl-Istat Membru fejn din il-persuna hija assigurata li kieku ngħatat kura fi sptar f’dak l-Istat, rifużjoni supplementari li tkopri dik id-differenza għandha tingħata mill-istituzzjoni kompetenti lill-persuna assigurata.

 It-tieni parti tad-domanda preliminari

54      Permezz tat-tieni parti tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 36 tar-Regolament Nru 1408/71 għandux jiġi interpretat fis-sens li persuna assigurata li tkun talbet awtorizzazzjoni fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 22(1)(c) tar-Regolament Nru 1408/71 u li ma tkunx ingħatat din l-awtorizzazzjoni mill-istituzzjoni kompetenti hijiex intitolata għall-ħlas lura ta’ l-ispejjeż mediċi kollha li hija tkun sostniet fl-Istat Membru fejn hija tkun ingħatat il-kura, ladarba jiġi stabbilit illi r-rifjut tat-talba tagħha għal awtorizzazzjoni kien infondat.

55      Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda hekk riformulata, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li mill-kliem stess ta’ l-Artikolu 36 tar-Regolament Nru 1408/71 jirriżulta illi r-rifużjoni sħiħa bejn l-istituzzjonijiet li għaliha tirreferi din id-dispożizzjoni tikkonċerna biss benefiċċji in natura pprovduti mill-istituzzjoni ta’ l-Istat Membru fejn tinsab il-persuna kkonċernata għan-nom ta’ l-istituzzjoni kompetenti, skond id-dispożizzjonijiet tat-Titolu III tal-Kapitlu 1 ta’ dan ir-Regolament. B’konsegwenza ta' dan, kif ġie osservat fil-paragrafi 32 u 33 ta’ din is-sentenza, dan il-ħlas lura japplika biss għall-beniffiċji in natura li l-assunzjoni tar-responsabbiltà għalihom mill-istituzzjoni tal-post fejn tkun tinsab il-persuna kkonċernata hija prevista mil-leġiżlazzjoni applikata minn dik l-istituzzjoni, u fil-proporzjon preċiż li fih hija prevista din l-assunzjoni.

56      Għaldaqstant, ir-risposta għat-tieni parti tad-domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 36 tar-Regolament Nru 1408/71 ma jistax jiġi interpretat fis-sens li minn dik id-dispożizzjoni jirriżulta li persuna assigurata li tkun talbet awtorizzazzjoni fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 22(1)(c) ta’ dan ir-Regolament u li ma tkunx ingħatat din l-awtorizzazzjoni mill-istituzzjoni kompetenti hija intitolata għall-ħlas lura ta’ l-ispejjeż mediċi kollha li hija tkun sostniet fl-Istat Membru fejn hija tkun ingħatat il-kura, ladarba jiġi stabbilit illi r-rifjut tat-talba tagħha għal awtorizzazzjoni kien infondat.

 Fuq l-ispejjeż

57      L-ispejjeż sosnuti mill-Gvern tal-Belġju, tad-Danimarka, tal-Ġermanja, ta' Spanja, ta' Franza, ta' l-Irlanda, ta' l-Olanda, ta' l-Awstrija, tal-Finlandja, ta' l-Iżvezja u tar-Renju Unit, kif ukoll mill-Kummissjoni, li ppreżentaw osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, ma jistgħux jitħallsu lura. Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti nazzjonali, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

bħala risposta għad-domanda magħmula lilha mill-Cour du travail de Mons bis-sentenza tad-9 ta’ Ottubru 1998, taqta’ u tiddeċiedi li:


1)      L-Artikolu 22(1)(c) u (i) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71 ta’ l-14 ta’ Ġunju 1971 dwar l-applikazzjoni ta’ l-iskemi tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għall-membri tal-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, fil-verżjoni emendata u aġġornata mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2001/83 tat-2 ta’ Ġunju 1983, għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta persuna assigurata tkun ġiet awtorizzata mill-istituzzjoni kompetenti sabiex tmur fi Stat Membru ieħor għall-kura, l-istituzzjoni tal-post fejn tingħata l-kura hija meħtieġa tipprovdiha b’benifiċċji in natura skond ir-regoli relativi għall-assunzjoni tar-responsabbiltà għall-kura tas-saħħa li din ta’ l-aħħar tapplika, daqslikieku l-persuna kkonċernata kienet assigurata magħha.


Meta persuna assigurata li tkun talbet awtorizzazzjoni fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 22(1))(c) ta’ dan ir-Regolament ma tkunx ingħatat din l-awtorizzazzjoni mill-istituzzjoni kompetenti u sussegwentement jiġi stabbilit illi dak ir-rifjut kien infondat, il-persuna kkonċernata hija intitolata tikseb il-ħlas lura direttament mill-istituzzjoni kompetenti ta’ ammont ekwivalenti għal dak li kien ikun sostnut mill-istituzzjoni tal-post tal-kura, skond ir-regoli previsti mil-leġiżlazzjoni applikata minn din l-aħħar istituzzjoni, li kieku l-awtorizzazzjoni kienet ingħatat debitament mill-bidu nett.


Peress illi l-Artikolu 22 ta' dan ir-Regolament m’huwiex intiż biex jirregola l-ħlas lura skond it-tariffi fis-seħħ fl-Istat Membru fejn il-persuna hija assigurata, huwa m’għandux l-effett illi jostakola jew li jimponi l-ħlas, minn dan l-Istat Membru, ta’ ammont supplementari li jikkorrispondi għad-differenza bejn is-sistema ta’ kopertura prevista mil-leġiżlazzjoni ta’ dak l-Istat u s-sistema applikata mill-Istat Membru fejn ġiet ipprovduta l-kura, meta din ta’ l-ewwel hija aktar vantaġġuża minn dik ta’ l-aħħar u meta ħlas lura bħal dan huwa previst mil-leġiżlazzjoni ta’ l-Istat Membru fejn il-persuna hija assigurata.


L-Artikolu 59 tat-Trattat KE (li, wara l-emendi, sar l-Artikolu 49 KE) għandu jiġi interpretat fis-sens li jekk il-ħlas lura ta’ l-ispejjeż sostnuti għal servizzi mediċi pprovduti fi Stat Membru fejn tkun tinsab il-persuna kkonċernata, li jirriżulta mill-applikazzjoni tar-regoli fis-seħħ f'dan l-Istat, huwa anqas minn dak li kien jirriżulta mill-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ fl-Istat Membru fejn din il-persuna hija assigurata li kieku ngħatat kura fi sptar f’dak l-Istat, rifużjoni supplementari li tkopri dik id-differenza għandha tingħata mill-istituzzjoni kompetenti lill-persuna assigurata.


2)      L-Artikolu 36 tar-Regolament Nru 1408/71, fil-verżjoni emendata u aġġornata mir-Regolament Nru 2001/83, ma jistax jiġi interpretat fis-sens li minn dik id-dispożizzjoni jirriżulta li persuna assigurata li tkun talbet awtorizzazzjoni fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 22(1)(c) ta’ dan ir-Regolament u li ma tkunx ingħatat din l-awtorizzazzjoni mill-istituzzjoni kompetenti hija intitolata għall-ħlas lura ta’ l-ispejjeż mediċi kollha li hija tkun sostniet fl-Istat Membru fejn hija tkun ingħatat il-kura, ladarba jiġi stabbilit illi r-rifjut tat-talba tagħha għal awtorizzazzjoni kien infondat.


Rodríguez Iglesias

Gulmann

La Pergola

Wathelet

Skouris

Edward

Puissochet

Jann

Sevón

Schintgen

 

      Macken

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-12 ta' Lulju 2001.

R. Grass

 

      G. C. Rodríguez Iglesias

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.