Appell ippreżentat fit-2 ta’ Frar 2021 minn SGL Carbon SE mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla Estiża) fis-16 ta’ Diċembru 2020 fil-Kawża T-639/18, SGL Carbon SE vs Il-Kummissjoni
(Kawża C-65/21 P)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Appellant: SGL Carbon SE (rappreżentanti: P. Sellar, advocaat, K. Van Maldegem, avocat, M. Grunchard, avocate)
Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, Ir-Renju ta’ Spanja u L-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi
Talbiet
L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
tannulla s-sentenza appellata;
tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali għall-eżami tagħha; u
tirriżerva l-ispejjeż.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-ewwel aggravju bbażat fuq il-fatt li l-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali li l-argument tal-appellanti li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ma jimplikax neċessarjament ukoll l-argument li l-Kummissjoni kisret l-obbligu li taġixxi b’mod diliġenti hija żbaljata bħala punt ta’ liġi.
It-tieni aggravju bbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali kienet żbaljata bħala punt ta’ liġi meta użat l-allegat nuqqas ta’ ċarezza legali tal-punt 4.1.3.5.5 tal-Anness I tar-Regolament Nru 1272/2008 1 bħala raġuni għaċ-ċaħda tal-argument legali li kien effettivament qiegħed jiġi magħmul mill-appellanti.
It-tielet aggravju bbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali ma setgħetx tibbaża ruħha fuq il-konstatazzjoni li l-kuntest legali kien kumpless sabiex tiskuża n-nuqqas tal-Kummissjoni li tieħu inkunsiderazzjoni n-nuqqas ta’ solubbiltà ta’ ŻQFTGĦ (żift tal-qatran tal-faħam b’temperatura għolja). Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali kienet iddeċidiet il-kontra fi proċeduri relatati preċedenti (Kawża T-689/13 DEP, Bilbaina de Alquitranes SA et vs Il-Kummissjoni Ewropea). Mingħajr ebda spjegazzjoni għal din id-deċiżjoni bil-kontra, ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali huwa insuffiċjenti u kontradittorju.
Ir-raba’ aggravju bbażat fuq l-applikazzjoni żbaljata tal-Qorti Ġenerali tat-test ordinarju ta’ diliġenza dovuta. Billi kkonstatat li l-Kummissjoni aġixxiet bħalma kienet taġixxi kwalunkwe awtorità amministrattiva ordinarja oħra b’diliġenza dovuta, il-Qorti Ġenerali użat punt ta’ paragun żbaljat u mhux xieraq sabiex tevalwa d-diliġenza dovuta u n-natura ordinarja tal-Kummissjoni.
Il-ħames aggravju bbażat fuq il-fatt li l-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali hija insuffiċjenti u kontradittorja sa fejn dik il-qorti kkonstatat, mingħajr ma indikat l-ebda prova u billi ddependiet biss fuq il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, li l-Kummissjoni setgħet kellha diffikultajiet sabiex tikkorreġi l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni tagħha, b’mod li jissuġġerixxi li l-approċċ tal-Kummissjoni seta’ jiġi skużat.
Is-sitt aggravju bbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali żbaljat fid-dritt billi kkonkludiet li l-iżball tal-Kummissjoni seta’ jiġi skużat b’riferiment għall-prinċipju ta’ prekawzjoni minħabba li hija ġurisprudenza stabbilita li dan il-prinċipju ma jistax jiġi invokat matul il-klassifikazzjoni ta’ sustanza.
____________
1 Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU 2008, L 353, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2011, L 16, p. 1, fil-ĠU 2016, L 349, p. 1, u fil-ĠU 2019, L 117, p. 8).